Eureka 02014R0909-20250117 Sign in

02014R0909 — MT — 17.01.2025 — 005.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 909/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 257 28.8.2014, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2016/1033 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tat-23 ta' Ġunju 2016

  L 175

1

30.6.2016

►M2

REGOLAMENT (UE) 2022/858 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tat-30 ta’ Mejju 2022

  L 151

1

2.6.2022

►M3

REGOLAMENT (UE) 2022/2554 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tal-14 ta’ Diċembru 2022

  L 333

1

27.12.2022

►M4

REGOLAMENT (UE) 2023/2845 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tat-13 ta’ Diċembru 2023

  L 2845

1

27.12.2023


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 349, 21.12.2016, p.  8 (909/2014)




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 909/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



TITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI, U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  
Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għas-saldu ta’ strumenti finanzjarji fl-Unjoni u regoli dwar l-organizzazzjoni u l-kondotta tad-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) għall-promozzjoni ta’ saldu sikur, effiċjenti u mingħajr xkiel.
2.  
Dan ir-Regolament japplika għas-saldu tal-istrumenti u l-attivitajiet finanzjarji kollha tas-CSDs sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor f’dan ir-Regolament.
3.  
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw strumenti finanzjarji speċifiċi, partikolarment id-Direttiva 2003/87/KE.
4.  
L-Artikoli 10 sa 20, 22 sa 24 u 27, l-Artikolu 28(6), l-Artikolu 30(4) u l-Artikoli 46 u 47, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV u r-rekwiżiti għar-rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti jew l-awtoritajiet rilevanti jew li wieħed jikkonforma mal-ordnijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, ma japplikawx għall-membri tas-SEBĊ, għall-korpi nazzjonali ta’ Stati Membri oħrajn li jwettqu funzjonijiet simili, jew għall-korpi pubbliċi oħrajn ta’ Stati Membri li huma nkarigati bil-ġestjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fih fl-Unjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe CSD direttament ġestita mill-korpi msemmija preċedentement taħt ir-responsabbiltà tal-istess korp maniġerjali, li għandu aċċess għall-fondi ta’ dawk il-korpi u li mhuwiex entità separata.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

‘depożitorju ċentrali tat-titoli’ jew ‘CSD’ tfisser persuna ġuridika li tħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli msemmija fil-punt (3) tat-Taqsima A tal-Anness u tipprovdi tal-anqas servizz ewlieni ieħor elenkat fit-Taqsima A tal-Anness;

(2) 

‘CSD ta’ pajjiż terz’ tfisser kwalunkwe entità ġuridika stabbilita f’pajjiż terz li jipprovdi servizz simili għas-servizz ewlieni msemmi fil-punt (3) tat-Taqsima A tal-Anness u li twettaq tal-anqas servizz ewlieni ieħor elenkat fit-Taqsima A tal-Anness;

(3) 

‘immobilizzazzjoni’ tfisser l-att li jikkonċentra l-post tat-titoli fiżiċi f’CSD b’mod li jippermetti trasferimenti sussegwenti permezz ta’ entrati fil-kotba;

(4) 

‘forma dematerjalizzata’ tfisser il-fatt li strumenti finanzjarji jeżistu biss bħala rekords ta’ entrati fil-kotba;

(5) 

‘is-CSD li jirċievi t-talba’ tfisser is-CSD li jirċievi t-talba ta’ CSD ieħor, sabiex ikollu aċċess għas-servizzi tiegħu permezz ta’ konnessjoni ta’ CSD;

(6) 

‘CSD li jagħmel it-talba’ tfisser is-CSD li jitlob aċċess għas-servizzi ta’ CSD ieħor permezz ta’ konnessjoni ta’ CSD;

(7) 

‘saldu’ tfisser it-tlestija ta’ transazzjoni ta’ titoli fejn tiġi konkluża bil-għan li jitwettqu l-obbligi tal-partijiet għal dik it-transazzjoni permezz tat-trasferiment ta’ flus kontanti jew titoli, jew it-tnejn;

(8) 

‘strumenti finanzjarji’ jew ‘titoli’ tfisser strumenti finanzjarji kif definit fil-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

(9) 

‘ordni ta’ trasferiment’ tfisser ordni ta’ trasferiment kif definit fit-tieni inċiż tal-punt (i) jew l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE;

(10) 

‘sistema ta’ saldu tat-titoli’ tfisser sistema skont l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE li mhijiex imħaddma minn kontroparti ċentrali li l-attività tagħha tikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment;

(11) 

‘internalizzatur tas-saldu’ tfisser kwalunkwe istituzzjoni, inkluża waħda awtorizzata f’konformità mad-Direttiva 2013/36/UE jew mad-Direttiva 2014/65/UE li teżegwixxi ordnijiet tat-trasferimenti f’isem il-klijenti jew f’isimha minbarra permezz ta’ sistema tas-saldu tat-titoli;

(12) 

‘data prevista tas-saldu’ tfisser id-data li tiġi entrata fis-sistema ta’ saldu tat-titoli bħala d-data tas-saldu u li fiha l-partijiet għal transazzjoni ta’ titoli jaqblu li ser isir is-saldu;

(13) 

‘perijodu ta’ saldu’ tfisser il-perijodu ta’ żmien bejn id-data tan-negozjar u d-data prevista tas-saldu;

(14) 

‘jum ta’ xogħol’ tfisser jum ta’ xogħol kif definit fil-punt (n) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE;

(15) 

’ nuqqas ta’ saldu’ tfisser li s-saldu jew s-saldu parzjali ta’ transazzjoni ta’ titoli ma jseħħx fid-data prevista tas-saldu minħabba nuqqas ta’ titoli jew flus kontanti u irrilevanti mill-kawża sottostanti;

(16) 

‘kontroparti ċentrali’ jew’ CCP ’ tfisser CCP kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(17) 

‘awtorità kompetenti’ tfisser l-awtorità nominata minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 11, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan ir-Regolament;

(18) 

‘awtorità rilevanti’ tfisser kwalunkwe awtorità msemmija fl-Artikolu 12;

(19) 

‘parteċipant’ tfisser kwalunkwe parteċipant, kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE f’sistema ta’ saldu tat-titoli;

(20) 

‘parteċipazzjoni’ tfisser parteċipazzjoni skont it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE, jew is-sjieda, diretta jew indiretta, ta’ 20 % jew aktar tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital ta’ impriża;

(21) 

‘kontroll’ tfisser ir-relazzjoni bejn żewġ impriżi kif deskritt fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE;

(22) 

‘sussidjarja’ tfisser impriża sussidjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 2(10) u tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE;

(23) 

‘Stat Membru tad-domiċilju’ tfisser l-Istat Membru li fih ikun stabbilit CSD;

(24) 

‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru, li mhuwiex l-Istat Membru tad-domiċilju, li fih CSD ikollu fergħa jew jipprovdi servizzi ta’ CSD;

(25) 

‘fergħa’ tfisser post tan-negozju li mhijiex l-uffiċċju prinċipali li huwa parti minn CSD, li ma għandux personalità ġuridika u li jipprovdi servizzi ta’ CSD li għalihom ġie awtorizzat is-CSD;

▼M4

(26) 

"inadempjenza" jew tfisser, fir-rigward ta' parteċipant, sitwazzjoni fejn jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza, kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (j), tad-Direttiva 98/26/KE, kontra parteċipant, jew tfisser avveniment definit fir-regoli interni tas-CSD bħala wieħed li jikkostitwixxi inadempjenza;

▼B

(27) 

‘kunsenja kontra ħlas’ (jew ‘DVP - Delivery Versus Payment’) tfisser mekkaniżmu ta’ saldu tat-titoli li jorbot trasferiment ta’ titoli ma’ trasferiment ta’ flus kontanti b’mod li l-kunsenja ta’ titoli sseħħ jekk u biss jekk iseħħ it-trasferiment ta’ flus kontanti korrispondenti u viċeversa;

(28) 

‘kont ta’ titoli’ tfisser kont li fih it-titoli jistgħu jiġu kkreditati jew iddebitati;

(29) 

‘konnessjoni ma’ CSD’ tfisser arranġament bejn CSDs fejn CSD isir parteċipant fis-sistema ta’ saldu tat-titoli ta’ CSD ieħor sabiex jiffaċilita t-trasferiment ta’ titoli mingħand il-parteċipanti tas-CSD tal-aħħar għal għand il-parteċipanti tas-CSD ta’ qabel jew arranġament li permezz tiegħu CSD jaċċessa CSD ieħor indirettament permezz ta’ intermedjarju. Il-konnessjonijiet tas-CSDs jinkludu konnessjonijiet standard, konnessjonijiet personalizzati, konnessjonijiet indiretti, u konnessjonijiet interoperabbli;

(30) 

‘konnessjoni standard’ tfisser konnessjoni ta’ CSD fejn CSD isir parteċipant fis-sistema ta’ saldu tat-titoli ta’ CSD ieħor taħt l-istess termini u kondizzjonijiet applikabbli lil kwalunkwe parteċipant ieħor fis-sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma minn dan tal-aħħar;

(31) 

‘konnessjoni personalizzata’ tfisser konnessjoni fejn CSD li isir parteċipant fis-sistema ta’ saldu tat-titoli ta’ CSD ieħor jiġi mogħti servizzi speċifiċi addizzjonali lis-servizzi mogħtija normalment minn dak is-CSD lil parteċipanti fis-sistema ta’ saldu tat-titoli;

(32) 

‘konnessjoni indiretta’ tfisser arranġament bejn CSD u parti terza li ma tkunx CSD, li hija parteċipant fis-sistema ta’ saldu tat-titoli ta’ CSD ieħor. Tali konnessjoni hija stabbilita minn CSD sabiex tiffaċilita t-trasferiment ta’ titoli lill-parteċipanti tiegħu mingħand il-parteċipanti ta’ CSD ieħor;

(33) 

‘konnessjoni interoperabbli’ tfisser konnessjoni ta’ CSD fejn is-CSDs jaqblu li jistabbilixxu soluzzjonijiet tekniċi reċiproċi għas-saldu fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli li huma jħaddmu;

(34) 

‘proċeduri u standards miftuħa ta’ komunikazzjoni internazzjonali’ tfisser standards aċċettati internazzjonalment għal proċeduri ta’ komunikazzjoni, bħal formats standardizzati biex jintbagħtu l-messaġġi u rappreżentazzjoni tad-data, li huma disponibbli fuq bażi ġusta, miftuħa u nondiskriminatorja lil kwalunkwe parti interessata;

(35) 

‘titoli trasferibbli’ tfisser titoli trasferibbli kif definit fil-punt (44) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(36) 

‘ishma’ tfisser titoli speċifikati fil-punt (44)(a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(37) 

‘strumenti tas-suq monetarju’ tfisser strumenti tas-suq monetarju kif definiti fil-punt (17) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(38) 

‘l-unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv’ tfisser l-unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv kif imsemmija fil-punt (3) tat-Taqsima C tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE;

(39) 

‘kwota tal-emissjonijiet’ tfisser kwalunkwe kwota tal-emissjonijiet kif deskritt fil-punt (11) tat-Taqsima C tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE, minbarra d-derivattivi fil-kwoti tal-emissjonijiet;

(40) 

‘suq regolat’ tfisser ‘suq regolat’ kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(41) 

‘faċilità multilaterali tan-negozjar’ jew ‘MTF’ tfisser faċilità multilaterali tan-negozjar kif definita fil-punt (22) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(42) 

‘ċentru ta’ negozjar’ tfisser ċentru tan-negozjar kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(43) 

‘aġent tas-saldu’ tfisser aġent tas-saldu kif definit fil-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE;

(44) 

‘suq tal-SMEs li qed jespandi’ tfisser suq tal-SMEs li qed jespandi’ kif definit fil-punt (12) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(45) 

‘korp maniġerjali’ tfisser il-korp jew korpi ta’ CSD, maħtur skont il-liġi nazzjonali, li jingħata s-setgħa li jistabbilixxi l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tas-CSD, u li jissorvelja u jimmonitorja t-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali. Dan għandu jinkludi persuni li effettivament jidderieġu n-negozju tas-CSD.

Fejn, skont il-liġi nazzjonali, korp maniġerjali ikun magħmul minn korpi differenti b’funzjonijiet speċifiċi, ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għal membri tal-korp maniġerjali li l-liġi nazzjonali applikabbli tassenjalhom ir-responsabbiltà rispettiva;

(46) 

‘maniġment superjuri’ tfisser dawk il-persuni fiżiċi li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi fi ħdan CSD u li jkunu responsabbli u jwieġbu lill-korp maniġerjali għall-ġestjoni ta’ kuljum ta’ dak is-CSD;

▼M4

(47) 

"grupp" tfisser grupp skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (11), tad-Direttiva 2013/34/UE;

(48) 

"rabtiet mill-qrib" tfisser rabtiet mill-qrib kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (35), tad-Direttiva 2014/65/UE;

(49) 

"parteċipazzjoni kwalifikanti" tfisser parteċipazzjoni diretta jew indiretta f'CSD li tirrappreżenta mill-inqas 10 % tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot, kif stipulat fl-Artikoli 9, 10 u 11 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), jew li tagħmilha possibbli li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq il-ġestjoni tas-CSD;

(50) 

"saldu nett differit" tfisser mekkaniżmu ta' saldu fejn ordnijiet ta' trasferiment ta' flus kontanti jew titoli fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' titoli tal-parteċipanti fis-sistema ta' saldu tat-titoli jkunu soġġetti għal netting, u fejn iseħħ saldu tal-pretensjonijiet u l-obbligi netti tal-parteċipanti fi tmiem ċikli ta' saldu predefiniti matul jew fi tmiem il-jum ta' xogħol.

▼B

2.  
Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 67 fir-rigward ta’ miżuri li jispeċifikaw aktar is-servizzi anċillari mhux ta’ tip bankarju stabbiliti fil-punti (1) sa (4) tat-Taqsima B tal-Anness u s-servizzi anċillari ta’ tip bankarju stabbiliti fit-Taqsima C tal-Anness.

TITOLU II

SALDU TAT-TITOLI

KAPITOLU I

Format ta’ entrata fil-kotba

Artikolu 3

Format ta’ entrata fil-kotba

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, kwalunkwe emittent stabbilit fl-Unjoni li joħroġ jew li ħareġ titoli trasferibbli li huma ammessi għan-negozjar jew innegozjati f’ċentri ta’ negozjar, għandhom jirranġaw biex tali titoli jiġu rrappreżentati f’format ta’ entrata fil-kotba bħala immobilizzazzjoni jew sussegwenti għal ħruġ dirett f’forma dematerjalizzata.
2.  
Meta sseħħ transazzjoni f’titoli trasferibbli f’ċentru ta’ negozjar, it-titoli rilevanti għandhom jiġu rreġistrati f’format ta’ entrata fil-kotba f’CSD fid-data jew qabel id-data prevista tas-saldu, dment li ma jkunux diġà ġew irreġistrati b’dan il-mod.

Meta t-titoli trasferibbli jkunu trasferiti wara arranġament ta’ kollateral finanzjarju kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/47/KE, dawk it-titoli għandhom jiġu rreġistrati f’format ta’ entrata fil-kotba f’CSD fi jew qabel id-data maħsuba tas-saldu, sakemm ma jkunux diġà ġew irreġistrati b’dan il-mod.

Artikolu 4

Infurzar

1.  
L-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-emittent li joħroġ it-titoli għandhom jiżguraw li jiġi applikat l-Artikolu 3(1).
2.  
L-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni taċ-ċentri ta’ negozjar, inklużi l-awtoritajiet kompetenti nominati f’konformità mal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), għandhom jiżguraw li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament huwa applikat fejn it-titoli msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament huma negozjati fiċ-ċentri ta’ negozjar.
3.  
L-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE għandhom jiżguraw li jiġi applikat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament fejn it-titoli msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament jiġu trasferiti wara arranġament ta’ kollateral finanzjarju kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/47/KE.

KAPITOLU II

Perijodi ta’ Saldu

Artikolu 5

Data prevista tas-saldu

1.  
Kwalunkwe parteċipant f’sistema ta’ saldu tat-titoli li jsalda f’dik is-sistema f’ismu jew f’isem parti terza transazzjonijiet f’titoli trasferibbli, strumenti tas-suq monetarju, unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv u kwoti tal-emissjonijiet għandu jsalda t-tali transazzjonijiet fid-data prevista tas-saldu maħsuba.
2.  
Fir-rigward ta’ transazzjonijiet f’titoli trasferibbli msemmija fil-paragrafu 1, li huma eżegwiti f’ċentri tan-negozjar, id-data prevista tas-saldu ma għandhiex tkun aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara li jkun seħħ in-negozju. Dak ir-rekwiżit ma għandux japplika għal transazzjonijiet li huma negozjati privatament iżda jiġu eżegwiti f’ċentri ta’ negozjar, għal transazzjonijiet li jiġu eżegwiti bilateralment iżda jiġu rrappurtati lil ċentru ta’ negozjar jew għall-ewwel transazzjoni fejn it-titoli trasferibbli kkonċernati huma soġġetti għar-reġistrazzjoni inizjali f’format ta’ entrata fil-kotba skont l-Artikolu 3(2).
3.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw l-applikazzjoni tal-paragrafu 1.

L-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni taċ-ċentri tan-negozjar għandhom jiżguraw l-applikazzjoni tal-paragrafu 2.

KAPITOLU III

Dixxiplina fir-rigward tas-saldu

Artikolu 6

Miżuri għall-prevenzjoni ta’ nuqqas ta’ saldu

1.  
Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jistabbilixxu proċeduri li jippermettu l-konferma ta’ dettalji rilevanti ta’ transazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) fid-data meta t-transazzjoni tkun ġiet esegwita.
2.  
Minkejja r-rekwiżit stipulati fil-paragrafu 1, id-ditti ta’ investiment awtorizzati skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom, fejn applikabbli, jieħdu miżuri biex jillimitaw l-għadd ta’ nuqqas ta’ saldu.

Miżuri bħal dawn għandhom tal-inqas jikkonsistu minn arranġamenti bejn id-ditta ta’ investiment u l-klijenti professjonali tagħha kif imsemmi fl-Anness II għad-Direttiva 2014/65/UE sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni f’waqtha tal-allokazzjoni ta’ titoli, konferma ta’ dik l-allokazzjoni u konferma tal-aċċettazzjoni jew ir-rifjut tat-termini fi żmien tajjeb qabel id-data prevista tas-saldu.

L-ESMA għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 dwar il-proċeduri standardizzati u l-protokolli għat-trasmissjoni ta’ messaġġi li għandhom jintużaw għall-konformità mat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

3.  
Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jistabbilixxi proċeduri li jiffaċilitaw is-saldu ta’ transazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) fid-data prevista tas-saldubi skopertura minima tal-parteċipanti tagħhom għar-riskji tal-kontroparti u tal-likwidità u rata baxxa ta’ nuqqas ta’ saldu. Huwa għandu jippromwovi s-saldu bikri fid-data prevista tas-saldu permezz ta’ mekkaniżmi adatti.
4.  
Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jistabbilixxi miżuri biex iħeġġeġ u joħloq inċentiv għal saldu f’waqtu tat-transazzjonijiet mill-parteċipanti tiegħu. Is-CSDs għandhom jesiġu lill-parteċipanti jsaldu t-transazzjonijiet tagħhom fid-data prevista tas-saldu.

▼M4

5.  

L-ESMA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-miżuri għall-prevenzjoni ta' nuqqas ta' saldu sabiex tiżdied l-effiċjenza tas-saldu u b'mod partikolari:

(a) 

il-miżuri li għandhom jittieħdu mid-ditti ta' investiment f'konformità mal-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu;

(b) 

id-dettalji tal-proċeduri li jiffaċilitaw is-saldu msemmi fil-paragrafu 3, li jistgħu jinkludu t-tfassil tad-daqsijiet tat-tranżazzjonijiet, is-saldu parzjali ta' negozji li qed ifallu u l-użu ta' programmi ta' awto-għoti/teħid ta' self ipprovduti minn ċerti CSDs; u

(c) 

id-dettalji tal-miżuri biex jinkoraġġixxu u jinċentivaw is-saldu f'waqtu tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Lulju 2025.

▼B

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼M4

Artikolu 7

Miżuri għall-indirizzar ta' nuqqas ta' saldu

1.  
Għal kull sistema ta' saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jistabbilixxi sistema li timmonitorja nuqqas ta' saldu ta' tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1). Is-CSD għandu jipprovdi rapporti regolari lill-awtorità kompetenti u lill-awtoritajiet rilevanti fir-rigward tal-għadd u d-dettalji tan-nuqqasijiet ta' saldu u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, inkluż il-miżuri previsti mis-CSD u l-parteċipanti tiegħu sabiex itejbu l-effiċjenza tas-saldu. Dawk ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi mis-CSD f'forma aggregata u anonimizzata fuq bażi annwali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkondividu mal-ESMA kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar nuqqas ta' saldu.
2.  
Għal kull sistema ta' saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jistabbilixxi proċeduri li jiffaċilitaw is-saldu ta' tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) li mhumiex saldati fid-data prevista tas-saldu. Dawn il-proċeduri għandhom jipprevedu mekkaniżmu ta' penali li għandu jservi bħala deterrent effettiv għall-parteċipanti li jikkawżaw nuqqas ta' saldu.

Qabel ma jistabbilixxi l-proċeduri msemmija fl-ewwel subparagrafu, CSD għandu jikkonsulta liċ-ċentri ta' negozjar u lis-CCPs rilevanti li jipprovdilhom servizzi ta' saldu.

Il-mekkaniżmu ta' penali msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jinkludi penali fi flus kontanti għall-parteċipanti li jikkawżaw nuqqas ta' saldu ('parteċipanti inadempjenti'). Il-penali fi flus kontanti għandhom jiġu kkalkolati fuq bażi ta' kuljum għal kull jum ta' xogħol li tranżazzjoni tonqos milli tiġi saldata mid-data prevista tas-saldu sakemm it-tranżazzjoni jew tiġi saldata jew ikkanċellata b'mod bilaterali. Il-penali fi flus kontanti ma għandhomx jiġu kkonfigurati bħala sors ta' dħul għas-CSD.

3.  

Il-penali fi flus kontanti msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tapplika għal:

(c) 

tranżazzjonijiet fejn il-parteċipant inadempjenti huwa CCP, ħlief għal tranżazzjonijiet konklużi minn CCP meta din ma tindaħalx bejn il-kontropartijiet; jew

(d) 

tranżazzjonijiet fejn jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza kontra l-parteċipant inadempjenti.

4.  
CCP tista' tistabbilixxi fir-regoli tagħha mekkaniżmu biex tkopri t-telf li tista' ġġarrab minħabba l-applikazzjoni tal-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu.
5.  

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 67 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi jispeċifikaw il-parametri għall-kalkolu ta' deterrent u livell proporzjonat tal-penali fi flus kontanti msemmija fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu ta' dan l-Artikolu abbażi ta' dawn kollha li ġejjin:

(a) 

tip ta' assi;

(b) 

likwidità tal-istrument finanzjarju;

(c) 

tip ta' tranżazzjoni;

(d) 

it-tul ta' żmien tan-nuqqas ta' saldu.

Meta tispeċifika l-parametri msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tqis il-livell ta' nuqqas ta' saldu għal kull klassi ta' strumenti finanzjarji u l-effett li rati tal-imgħax baxxi jew negattivi jista' jkollhom fuq l-inċentivi tal-kontropartijiet u fuq in-nuqqasijiet ta’ saldu. Il-parametri użati għall-kalkolu tal-penali fi flus kontanti għandhom jiżguraw grad għoli ta' dixxiplina fir-rigward tas-saldu u l-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji kkonċernati.

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-parametri għall-kalkolu tal-livell tal-penali fi flus kontanti fuq bażi regolari u mill-inqas kull erba' snin sabiex tivvaluta mill-ġdid l-adegwatezza u l-effettività tal-penali fi flus kontanti fil-kisba ta' livell ta' nuqqas ta' saldu fl-Unjoni meqjus aċċettabbli filwaqt li jitqies l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

6.  
Sas-17 ta’ Jannar 2026, l-ESMA għandha tippubblika u żżomm aġġornata fuq is-sit web tagħha lista tal-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) li huma ammessi għan-negozjar jew innegozjati f'ċentru ta' negozjar jew ikklerjati minn CCP.
7.  
Is-CSDs, is-CCPs u ċ-ċentri ta' negozjar għandhom jistabbilixxu proċeduri li jippermettulhom jissospendu, f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom, kwalunkwe parteċipant li jonqos b'mod konsistenti u sistematiku milli jikkonsenja l-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) fid-data prevista tas-saldu u jiddivulgaw lill-pubbliku l-identità tiegħu biss wara li l-parteċipant jingħata l-opportunità jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u dment li l-awtoritajiet kompetenti tas-CSDs, is-CCPs u ċ-ċentri ta' negozjar, u dawk ta' dak il-parteċipant kienu debitament informati. Minbarra li jikkonsultaw qabel kwalunkwe sospensjoni, is-CSDs, is-CCPs u ċ-ċentri ta' negozjar għandhom jinnotifikaw, mingħajr ebda dewmien, is-sospensjoni ta' parteċipant lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi. L-awtorità kompetenti għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet rilevanti dwar is-sospensjoni ta' parteċipant.

Id-divulgazzjoni pubblika ta' sospensjonijiet ma għandhiex tinkludi data personali kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 )..

Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal parteċipanti inadempjenti li huma CCPs jew f'każijiet fejn jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza kontra l-parteċipant inadempjenti.

8.  
Dan l-Artikolu ma għandux japplika fejn iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar tal-ishma jkun jinsab f'pajjiż terz. Il-post fejn ikun jinsab iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar tal-ishma għandu jiġi ddeterminat f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012.
9.  

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 67 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika:

(a) 

il-kawżi sottostanti ta' nuqqas ta' saldu li jitqiesu bħala mhux attribwibbli għall-parteċipanti fit-tranżazzjoni skont il-paragrafu 3, il-punt (a), ta' dan l-Artikolu; u

(b) 

iċ-ċirkostanzi li fihom l-operazzjonijiet ma jitqisux bħala negozjar skont il-paragrafu 3, il-punt (b), ta' dan l-Artikolu.

10.  

L-ESMA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika:

(a) 

id-dettalji tas-sistema li timmonitorja nuqqas ta' saldu u r-rapporti dwar nuqqas ta' saldu msemmija fil-paragrafu 1;

(b) 

il-proċessi għall-ġbir u d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-penali fi flus kontanti u kwalunkwe rikavat ieħor possibbli minn tali penali f'konformità mal-paragrafu 2;

(c) 

il-kundizzjonijiet li skonthom parteċipant jitqies li jonqos b'mod konsistenti u sistematiku, milli jikkonsenja l-istrumenti finanzjarji kif imsemmi fil-paragrafu 7.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 7a

Proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmu ta' penali msemmi fl-Artikolu 7(2) u d-dritt li t-tranżazzjoni tiġi kkanċellata bilateralment, wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u abbażi tal-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji pprovduta mill-ESMA skont l-Artikolu 74(4), il-Kummissjoni tista', permezz ta' att ta' implimentazzjoni, tiddeċiedi għal liema strument finanzjarju msemmi fl-Artikolu 5(1) jew kategoriji ta' tranżazzjonijiet f'dawk l-istrumenti finanzjarji għandu jiġi applikat ilproċess ta' xiri sfurzat obbligatorju msemmi fil-paragrafi 4 sa 10 ta' dan l-Artikolu fejn il-Kummissjoni tqis li x- xiri sfurzat obbligatorju jikkostitwixxi mezz meħtieġ, xieraq u proporzjonat biex jiġi indirizzat il-livell ta' nuqqas ta' saldu fl-Unjoni.

Il-Kummissjoni tista' tadotta l-att ta' implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu f'każ biss li jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' penali msemmi fl-Artikolu 7(2) ma tkunx irriżultat fi tnaqqis fit-tul u sostenibbli tan-nuqqas ta' saldu jew fiż-żamma ta' livell imnaqqas ta' nuqqas ta' saldu fl-Unjoni, anke wara rieżami tal-livell ta' penali fi flus kontanti f'konformità mal-Artikolu 7(5), it-tieni subparagrafu;

(b) 

il-livell ta' nuqqas ta' saldu fl-Unjoni għandu jew x'aktarx ikollu effett negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

Għall-finijiet li tintlaħaq id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tqis dawn kollha li ġejjin:

(a) 

l-impatt potenzjali tal-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju fuq is-swieq finanzjarji fl-Unjoni;

(b) 

l-għadd, il-volum u t-tul ta' żmien ta' nuqqasijiet ta' saldu, inkluż l-għadd u l-volum ta' nuqqasijiet ta' saldu li jkunu pendenti fi tmiem il-perjodu ta' estensjoni msemmi fil-paragrafu 4;

(c) 

jekk strument finanzjarju partikolari jew kategorija ta' tranżazzjonijiet f'dak l-istrument finanzjarju humiex diġà soġġetti għal dispożizzjonijiet kuntrattwali xierqa li jipprevedu dritt għall-parteċipanti li jirċievu li jiskattaw xiri sfurzat.

L-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 68(2). Għandu jispeċifika data ta' applikazzjoni li ma tkunx aktar kmieni minn sena wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

2.  
L-ESMA għandha tippubblika u żżomm aġġornata fuq is-sit web tagħha lista tal-istrumenti finanzjarji determinati mill-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.
3.  

Qabel ma tadotta l-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha:

(a) 

tivvaluta l-effettività u l-proporzjonalità tal-mekkaniżmu ta' penali msemmi fl-Artikolu 7(2) u, fejn xieraq, tbiddel l-istruttura jew is-severità tal-mekkaniżmu ta' penali sabiex tiżdied l-effiċjenza tas-saldu fl-Unjoni;

(b) 

tikkunsidra jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 humiex issodisfati, minkejja l-applikazzjoni minn qabel tal-mekkaniżmu ta’ penali msemmi fl-Artikolu 7(2) u r-raġunament biex l-istrumenti finanzjarji u l-kategoriji ta' tranżazzjonijiet speċifiċi jkunu soġġetti għal xiri sfurzat obbligatorju, u l-implikazzjonijiet potenzjali fir-rigward tal-kostijiet ta' dan.

4.  
Mingħajr preġudizzju għad-dritt li tiġi kkanċellata tranżazzjoni b'mod bilaterali, meta l-Kummissjoni tkun adottat att ta' implimentazzjoni skont il-paragrafu 1 u meta parteċipant inadempjenti ma jkunx wassal l-istrumenti finanzjarji koperti minn dak l-att ta' implimentazzjoni lill-parteċipant riċeventi f'perjodu mid-data prevista tas-saldu maħsuba ("perjodu ta' estensjoni") ta' ħamest ijiem ta' xogħol, għandu jinbeda proċess ta' xiri sfurzat obligatorju.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, abbażi tat-tip ta' assi u l-likwidità tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati, il-perjodu ta' estensjoni jista' jiżdied sa mhux aktar minn sebat ijiem ta' xogħol meta perjodu ta' estensjoni iqsar ikun jaffettwa l-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji kkonċernati.

B'deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi, fejn it-tranżazzjoni tirrigwarda strument finanzjarju nnegozjat f'suq tat-tkabbir tal-SMEs, il-perjodu tal-estensjoni għandu jkun 15-il jum ta' xogħol dment li s-suq tat-tkabbir tal-SMEs ma jiddeċidix li japplika perjodu iqsar.

5.  
L-istrumenti soġġetti għall-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju għandhom ikunu disponibbli għas-saldu u kkonsenjati lill-parteċipant li jirċievi fi żmien xieraq.
6.  
Meta jkun hemm nuqqas ta' saldu f'katina ta' tranżazzjonijiet li jirriżultaw f'nuqqas ta' saldu fi tranżazzjonijiet sussegwenti fil-katina, kull parteċipant għandu jkollu d-dritt li jgħaddi l-obbligu tiegħu li jibda x-xiri sfurzat obbligatorju lill-parteċipant li jmiss fil-katina.

Il-parteċipant intermedju li jirċievi għandu jitqies li jikkonforma mal-obbligu li jeżegwixxi xiri sfurzat obbligatorju kontra l-parteċipant inadempjenti meta jittrasferixxi l-obbligu tiegħu f'konformità mal-ewwel subparagrafu. Il-parteċipant intermedju li jirċievi jista' jgħaddi wkoll lill-parteċipant inadempjenti l-obbligi tiegħu lejn il-parteċipant finali li jirċievi skont il-paragrafi 8, 9 u 10.

Is-CSD rilevanti għandu jiġi infurmat dwar kif it-tranżazzjoni li falliet ġiet riżolta tul il-katina ta' tranżazzjonijiet.

7.  

Il-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju msemmi fil-paragrafu 4 ma għandux japplika għal:

(a) 

in-nuqqas ta’ saldu, l-operazzjonijiet u t-tranżazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 7(3);

(b) 

tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli;

(c) 

tipi oħra ta' tranżazzjonijiet li jeliminaw il-ħtieġa tal-proċess tax-xiri sfurzat;

(d) 

tranżazzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012.

8.  
Mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmu ta' penali msemmi fl-Artikolu 7(2), meta l-prezz tal-istrumenti finanzjarji maqbul fil-mument tan-negozju jkun differenti mill-prezz imħallas għall-eżekuzzjoni tax-xiri sfurzat, id-differenza għandha titħallas mill-parteċipant li jibbenefika mid-differenza fil-prezz lill-parteċipant l-ieħor sa mhux aktar tard mit-tieni jum ta' xogħol wara l-konsenja tal-istrumenti finanzjarji wara x-xiri sfurzat.
9.  
Jekk ix-xiri sfurzat ma jsirx jew ma jkunx possibbli, il-parteċipant li jirċievi jista' jagħżel jew li jitħallas kumpens fi flus kontanti inkella li jiddiferixxi l-eżekuzzjoni tax-xiri sfurzat għal data xierqa aktar tard ("perjodu ta' differiment"). Jekk l-istrumenti finanzjarji rilevanti ma jiġux ikkonsenjati lill-parteċipant li jirċievi sa tmiem il-perjodu ta' differiment, għandu jitħallas kumpens fi flus kontanti lill-parteċipant li jirċievi.

Il-kumpens fi flus kontanti għandu jitħallas sa mhux aktar tard mit-tieni jum ta' xogħol wara tmiem il-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju msemmi fil-paragrafu 4 jew, fil-każijiet fejn il-parteċipant li jirċievi jagħżel li jiddiferixxi l-eżekuzzjoni tax-xiri, il-perjodu ta' differiment.

10.  
Il-parteċipant inadempjenti għandu jirrimborża l-entità li teżegwixxi x-xiri sfurzat għall-ammonti kollha mħallsa b'rabta mal-proċedura ta' xiri sfurzat obbligatorju mibdija skont il-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, inkluż kwalunkwe tariffa ta' eżekuzzjoni li tirriżulta mix-xiri sfurzat. Tali tariffi għandhom ikunu ddivulgati b'mod ċar lill-parteċipanti.
11.  

Il-paragrafi 4 sa 10 għandhom japplikaw għat-tranżazzjonijiet kollha tal-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) li huma ammessi għan-negozjar jew huma nnegozjati f'ċentru ta' negozjar jew ikklerjati minn CCP kif ġej:

(a) 

għal tranżazzjonijiet ikklerjati minn CCP, is-CCP għandu jkun l-entità li teżegwixxi x-xiri sfurzat skont il-paragrafi 4 sa 10;

(b) 

għal tranżazzjonijiet mhux ikklerjati minn CCP iżda eżegwiti f'ċentru ta' negozjar, iċ-ċentru ta' negozjar għandu jinkludi fir-regoli interni tiegħu obbligu għall-membri tiegħu u l-parteċipanti tiegħu li japplikaw il-miżuri msemmija fil-paragrafi 4 sa 10;

(c) 

għat-tranżazzjonijiet l-oħra kollha għajr dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) ta' dan is-subparagrafu, is-CSDs għandhom jinkludu fir-regoli interni tagħhom obbligu għall-parteċipanti tagħhom sabiex dawn ikunu soġġetti għall-miżuri msemmija fil-paragrafi 4 sa 10.

CSD għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għas-saldu lis-CCPs u liċ-ċentri ta' negozjar sabiex dawn jkunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom skont dan il-paragrafu.

Mingħajr preġudizzju għall-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu, is-CSDs jistgħu jimmonitorjaw l-eżekuzzjoni tax-xirjiet sfurzati msemmija f'dawk il-punti fir-rigward ta' struzzjonijiet ta' saldu multipli, fuq l-istess strumenti finanzjarji u bl-istess data ta' skadenza tal-perjodu ta' eżekuzzjoni, bil-għan li jnaqqsu l-għadd ta' xirjiet sfurzati li għandhom jiġu eżegwiti u b'hekk l-impatt fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji rilevanti.

12.  
Dan l-Artikolu ma għandux japplika fejn iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar tal-ishma jkun jinsab f'pajjiż terz. Il-post fejn ikun jinsab iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar tal-ishma għandu jiġi ddeterminat f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012.
13.  
L-ESMA tista' tirrakkomanda li l-Kummissjoni tissospendi b'mod proporzjonat il-mekkaniżmu tax-xiri sfurzat imsemmi fil-paragrafi 4 sa 10 għal kategoriji speċifiċi ta' strumenti finanzjarji fejn meħtieġ biex tiġi evitata jew indirizzata theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-funzjonament ordnat tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni. Tali rakkomandazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni motivata bis-sħiħ tan-neċessità tagħha u ma għandhiex issir pubblika.

Qabel ma tagħmel ir-rakkomandazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-membri tas-SEBĊ u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tirċievi r-rakkomandazzjoni, abbażi tar-raġunijiet u l-evidenza pprovduti mill-ESMA, jew tissospendi l-mekkaniżmu tax-xiri sfurzat obbligatorju msemmi fil-paragrafi 4 sa 10 għall-kategoriji speċifiċi ta' strumenti finanzjarji permezz ta' att ta' implimentazzjoni, jew tirrifjuta s-sospensjoni rakkomandata. Fejn il-Kummissjoni tirrifjuta s-sospensjoni rakkomandata, għandha tipprovdi r-raġunijiet għal dan bil-miktub lill-ESMA. Dik l-informazzjoni ma għandhiex issir pubblika.

L-att ta' implimentazzjoni msemmi fit-tielet subparagrafu għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 68(3).

Is-sospensjoni tal-mekkaniżmu tax-xiri sfurzat obbligatorju għandha tiġi kkomunikata lill-ESMA u għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Is-sospensjoni tal-mekkaniżmu tax-xiri sfurzat obbligatorju għandha tkun valida għal perjodu inizjali ta' mhux aktar minn sitt xhur mid-data tal-applikazzjoni ta' dik is-sospensjoni.

Fejn ir-raġunijiet għas-sospensjoni jkunu għadhom japplikaw, il-Kummissjoni tista', permezz ta' att ta' implimentazzjoni, testendi s-sospensjoni għal perjodi addizzjonali ta' mhux aktar minn tliet xhur kull wieħed, bil-perjodu totali tas-sospensjoni ma jaqbiżx it-12-il xahar. Kull estensjoni tas-sospensjoni għandha tiġi ppubblikata f'konformità mal-ħames subparagrafu.

L-att ta' implimentazzjoni msemmi fis-seba' subparagrafu għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 68(3). L-ESMA, fi żmien biżżejjed qabel tmiem is-sospensjoni msemmija fis-sitt subparagrafu jew l-estensjoni msemmija fis-seba' subparagrafu, għandha toħroġ opinjoni lill-Kummissjoni dwar jekk għadhomx japplikaw ir-raġunijiet għas-sospensjoni.

14.  
Fejn il-Kummissjoni tkun adottat att ta' implimentazzjoni f'konformità mal-paragrafu 1, hija għandha tirrieżamina dik id-deċiżjoni fuq bażi regolari u mill-inqas kull erba' snin sabiex tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet stipulati f'dak il-paragrafu għadhomx issodisfati.

Meta l-Kummissjoni tqis li x-xiri sfurzat obbligatorju ma jkunx għadu ġustifikat jew ma jindirizzax in-nuqqas ta' saldu fl-Unjoni u ma jibqax aktar meħtieġ, xieraq jew proporzjonat, hija għandha, mingħajr dewmien, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jemendaw jew iħassru l-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.

L-att ta' implimentazzjoni msemmi fit-tieni subparagrafu għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

Fejn l-ESMAtqis li x-xiri sfurzat obbligatorju ma jkunx għadu ġustifikat jew ma jindirizzax in-nuqqas ta' saldu fl-Unjoni u ma jibqax aktar meħtieġ, xieraq jew proporzjonat, hija tista' tirrakkomanda li l-Kummissjoni temenda jew tħassar l-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1. Il-paragrafu 13, l-ewwel subparagrafu sar-raba' subparagrafu, għandhom japplikaw mutatis mutandis.

15.  

L-ESMA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika aktar:

(a) 

id-dettalji tal-operazzjoni tal-proċess tax-xiri sfurzat xieraq imsemmi fil-paragrafi 4 sa 10, inkluż il-perjodi ta' żmien xierqa, kalibrati b’kont meħud tat-tip ta’ assi u l-likwidità tal-istrumenti finanzjarji, għall-konsenja tal-istrument finanzjarju wara l-proċess tax-xiri sfurzat;

(b) 

iċ-ċirkostanzi li skonthom il-perjodu ta' estensjoni jista' jittawwal skont it-tip ta' assi u l-likwidità tal-istrumenti finanzjarji, f'konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu, b'kont meħud tal-kriterji għall-valutazzjoni tal-likwidità skont l-Artikolu 2(1), il-punt (17), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(c) 

id-dettalji tal-mekkaniżmu ta' trasferiment skont il-paragrafu 6;

(d) 

tipi oħra ta' tranżazzjonijiet li jeliminaw il-ħtieġa tal-proċess ta' xiri sfurzat kif imsemmi fil-paragrafu 7, il-punt (c), bħal arranġamenti kollaterali finanzjarji jew tranżazzjonijiet li jinkludu dispożizzjonijiet ta' netting b'saldu antiċipat;

(e) 

metodoloġija għall-kalkolu tal-kumpens fi flus kontanti msemmi fil-paragrafu 9;

(f) 

l-informazzjoni meħtieġa għas-saldu msemmija fil-paragrafu 11, it-tieni subparagrafu; u.

(g) 

id-dettalji ta' kif il-parteċipanti tas-CSDs, is-CCPs u l-membri taċ-ċentru ta' negozjargħandhom iqisu l-ispeċifiċitajiet tal-investituri fil-livell tal-konsumatur meta jeżegwixxu x-xiri sfurzat obbligatorju f'konformità mal-paragrafu 11.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards regolatorji tekniċi msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼B

Artikolu 8

Infurzar

1.  
L-awtorità kompetenti tas-CSD li jopera s-sistema ta’ saldu tat-titoli, l-awtorità rilevanti responsabbli għas-sorveljanza tas-sistema ta’ saldu tat-titoli kkonċernata kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni taċ-ċentri tan-negozjar, tad-ditti tal-investiment u s-CCPs għandhom ikunu kompetenti biex jiżguraw li l-Artikoli 6 u 7 huma applikati mill-istituzzjonijiet soġġetti għas-superviżjoni tagħhom u għall-monitoraġġ tal-penali imposti. Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet kompetenti rispettivi għandhom jikkooperaw mill-qrib. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-ESMA dwar l-awtoritajiet kompetenti nominati li huma parti mill-istruttura ta’ superviżjoni fil-livell nazzjonali.
2.  
Sabiex jiġu żgurati prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi ġewwa l-Unjoni fir-rigward tal-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, tista’ toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
3.  
Ksur tar-regoli taħt dan it-Titolu ma għandux jaffettwa l-validità ta’ kuntratt privat dwar strumenti finanzjarji jew il-possibbiltà li l-partijiet jinfurzaw id-dispożizzjoniijet ta’ kuntratt privat dwar strumenti finanzjarji.

KAPITOLU IV

Saldu internalizzat

Artikolu 9

Internalizzaturi tas-saldu

1.  
L-internalizzaturi tas-saldu għandhom jirrappurtaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ stabbiliment tagħhom fuq bażi trimestrali l-volum u l-valur aggregat tat-transazzjonijiet tat-titoli kollha li huma jissaldaw barra minn sistemi ta’ saldu tat-titoli.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jittrasmettu mingħajr dewmien l-informazzjoni li jirċievu skont l-ewwel subparagrafu lill-ESMA u għandhom jinformaw lill-ESMA dwar kwalunkwe riskju potenzjali li jirriżulta minn dik l-attività tas-saldu.

2.  
B’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika aktar il-kontenut ta’ dan ir-rappurtar.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.  
L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi formoli, mudelli u proċeduri standard għar-rappurtar u t-trasmissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġynju 2015.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

TITOLU III

DEPOŻITORJI ĊENTRALI TAT-TITOLI

KAPITOLU I

Awtorizzazzjoni u superviżjoni tas-CSDs

Taqsima 1

Awtoritajiet responsabbli għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CSDs

Artikolu 10

Awtorità kompetenti

Mingħajr preġudizzju għas-sorveljanza mwettqa mill-membri tas-SEBĊ imsemmija fl-Artikolu 12(1), is-CSD għandu jiġi awtorizzat u ssorveljat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

Artikolu 11

Nomina tal-awtorità kompetenti

1.  
Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtorità kompetenti responsabbli mit-twettiq tad-dmirijiet skont dan ir-Regolament għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CSDs stabbiliti fit-territorju tiegħu u għandi jgħarraf lill-ESMA dwar dan.

Meta Stat Membru jinnomina aktar minn awtorità kompetenti waħda, dan għandu jiddetermina r-rwoli rispettivi tagħhom u għandu jinnomina awtorità waħda li għandha tkun responsabbli għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra, l-awtoritajiet rilevanti, l-ESMA, u l-EBA fejn dan ikun imsemmi b’mod speċifiku f’dan ir-Regolament.

2.  
L-ESMA għandha tippubblika lista tal-awtoritajiet kompetenti nominati skont il-paragrafu 1 fuq is-sit elettroniku tagħha.
3.  
L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 12

Awtoritajiet rilevanti

1.  

L-awtoritajiet li ġejjin għandhom ikunu involuti fl-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CSDs fejn dan ikun speċifikament imsemmi f’dan ir-Regolament:

(a) 

l-awtorità responsabbli mis-sorveljanza tas-sistema ta’ saldu tat-titoli oeprati mis-CSD fl-Istat Membru li l-liġi tiegħu tapplika għal dik is-sistema ta’ saldu tat-titoli;

▼M4

(b) 

il-banek ċentrali fl-Unjoni li joħorġu l-muniti l-aktar rilevanti li fihom jitwettaq jew ser jitwettaq is-saldu;

(c) 

fejn rilevanti, il-bank ċentrali fl-Unjoni li fil-kotba tiegħu jiġu ssaldata jew ser jiġu ssaldata l-pagamenti ta' sistema ta' saldu tat-titoli operata mis-CSD.

▼B

2.  
L-ESMA għandha tippubblika l-lista tal-awtoritajiet rilevanti msemmija fil-paragrafu 1 fuq is-sit elettroniku tagħha.
3.  
L-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-kondizzjonijiet li taħthom il-muniti tal-Unjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 huma meqjusa bħala l-aktar rilevanti u arranġamenti prattiċi effiċjenti għall-konsultazzjoni tal-awtoritajiet rilevanti msemmija fil-punti (b) u (c) ta’ dak il-paragrafu.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 13

Skambju ta’ informazzjoni

1.  
L-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet rilevanti u l-ESMA għandhom, meta jintalbu u mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet li jwettqu dmirijiethom skont dan ir-Regolament.
2.  
L-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet rilevanti, l-ESMA u korpi oħra jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali fit-twettiq ta’ dmirijiethom skont dan ir-Regolament għandhom jużawh biss waqt dmirijiethom.

Artikolu 14

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet

1.  
L-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet rilevanti u l-ESMA għandhom jikkooperaw mill-qrib, inkluż bl-iskambju tal-informazzjoni rilevanti kollha għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fejn dan ikun adatt u rilevanti, tali kooperazzjoni għandha tinkludi awtoritajiet jew korpi pubbliċi oħrajn, b’mod partikolari dawk stabbiliti jew maħtura skont id-Direttiva 2003/87/KE.

Sabiex jiġu żgurati prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi ġewwa l-Unjoni, inkluża l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti fil-valutazzjonijiet differenti meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA tista’, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, toħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2.  
Fl-eżerċizzju tad-dmirijiet ġenerali tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu kif adatt l-impatt potenzjali tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri l-oħra kollha kkonċernati, b’mod partikolari fis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 15, abbażi tal-informazzjoni disponibbli.

Artikolu 15

Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza

Mingħajr preġudizzju għall-proċedura ta’ notifika prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 98/26/KE, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti għandhom jgħarrfu minnufih lill-ESMA, lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) u lil xulxin dwar kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata ma’ CSD, inkluż kwalunkwe żvilupp fis-swieq finanzjarji, li jista’ jkollu effett negattiv fuq il-likwidità tas-suq, l-istabbiltà tal-munita li fiha jseħħ is-saldu, l-integrità tal-politika monetarja jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri fejn ikun stabbilit is-CSD jew wieħed mill-parteċipanti tiegħu.

Taqsima 2

Kondizzjonijiet u proċeduri għall-awtorizzazzjoni tas-CSDs

Artikolu 16

Awtorizzazzjoni ta’ CSD

1.  
Kwalunkwe persuna ġuridika li taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ CSD għandha tikseb awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn hija stabbilita qabel ma tibda l-attivitajiet tagħha.
2.  
L-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika s-servizzi ewlenin elenkati fit-Taqsima A tal-Anness u s-servizzi anċillari mhux ta’ tip bankarju ammessi skont it-Taqsima B tal-Anness, li s-CSD huwa awtorizzat li jipprovdi.
3.  
CSD għandu jikkonforma f’kull ħin mal-kondizzjonijiet meħtieġa għall-awtorizzazzjoni.
4.  
CSD kif ukoll l-awdituri indipendenti tiegħu, għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jgħarrfu lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidla sostantiva li taffettwa l-konformità mal-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.

Artikolu 17

Proċedura għall-għoti tal-awtorizzazzjoni

1.  
Is-CSD li japplika għandu jippreżenta applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti tiegħu.
2.  
L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti taċċerta ruħha li s-CSD li japplika jkun stabbilixxa, fi żmien l-awtorizzazzjoni, l-arranġamenti meħtieġa kollha sabiex jilħaq l-obbligi tiegħu stipulati f’dan ir-Regolament. L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandha tinkludi programm tal-operazzjonijiet li jistabbilixxi t-tipi ta’ negozju previst u l-organizzazzjoni strutturali tas-CSD.

▼M4

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, fejn CSD li japplika ma jikkonformax mar-rekwiżiti kollha ta' dan ir-Regolament, iżda fejn jista' jiġi preżunt b'mod raġonevoli li ser jagħmel dan meta jibda l-attivitajiet tiegħu, l-awtorità kompetenti tista' tagħti l-awtorizzazzjoni soġġetta bil-kundizzjoni li s-CSD li japplika jkollu l-arranġamenti meħtieġa kollha fis-seħħ biex jikkonforma mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament meta jibda l-attivitajiet tiegħu.

▼B

3.  
Fi żmien 30 jum ta’ xogħol mir-riċevuta tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih is-CSD li japplika jrid jipprovdi informazzjoni addizzjonali. Meta l-applikazzjoni titqies bħala kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lis-CSD li japplika.

▼M4

4.  
Mill-mument meta l-applikazzjoni titqies kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat l-informazzjoni kollha inkluża fl-applikazzjoni lill-awtoritajiet rilevanti u għandha tikkonsulta lil dawk l-awtoritajiet rigward il-karatteristiċi tas-sistema ta' saldu tat-titoli operata mis-CSD li japplika.

Kull awtorità rilevanti tista' toħroġ opinjoni motivata fl-oqsma ta' kompetenza tagħha lill-awtorità kompetenti fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni mill-awtorità rilevanti. Meta awtorità rilevanti ma tagħtix opinjoni sa dik l-iskadenza, hija għandha titqies li għandha opinjoni pożittiva.

Meta mill-inqas waħda mill-awtoritajiet rilevanti toħroġ opinjoni motivata negattiva, u l-awtorità kompetenti xorta waħda tkun biħsiebha tagħti l-awtorizzazzjoni, dik l-awtorità kompetenti, fi żmien xahar minn meta tirċievi l-opinjoni negattiva, għandha tipprovdi lill-awtoritajiet rilevanti bir-raġunijiet għaliex biħsiebha tagħti l-awtorizzazzjoni minkejja l-opinjoni negattiva.

Kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet rilevanti li tkun ħarġet opinjoni negattiva msemmija fit-tielet subparagrafu tista' tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA għall-assistenza skont l-Artikolu 31(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Meta l-kwistjoni ma tiġix solvuta fi żmien xahar mir-riferiment lill-ESMA, l-awtorità kompetenti li tkun biħsiebha tagħti l-awtorizzazzjoni għandha tieħu deċiżjoni finali u tipprovdi lill-awtoritajiet rilevanti bi spjegazzjoni dettaljata tad-deċiżjoni tagħha bil-miktub.

Meta l-awtorità kompetenti tkun biħsiebha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni, il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferuta lill-ESMA.

Opinjoni negattiva msemmija fit-tielet subparagrafu għandha tiddikjara bil-miktub ir-raġunijiet sħaħ u dettaljati għaliex ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament jew rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni ma ġewx issodisfati.

▼B

5.  
Fejn is-CSD li japplika jkun biħsiebu jipprovdi s-servizzi msemmija fil-punt (2) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE minbarra l-forniment tas-servizzi anċillari mhux ta’ tip bankarju elenkati b’mod espliċitu fit-Taqsima B tal-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat l-informazzjoni kollha inkluża fl-applikazzjoni lill-awtorità msemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE u tikkonsulta lil dik l-awtorità dwar l-abbiltà tas-CSD li japplika li jaderixxi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/65/UE u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.
6.  

Qabel ma tagħti l-awtorizzazzjoni lis-CSD li japplika, l-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor involut fil-każijiet li ġejjin:

(a) 

is-CSD huwa sussidjarju ta’ CSD awtorizzat fi Stat Membru ieħor;

(b) 

is-CSD huwa sussidjarju tal-impriża prinċipali ta’ CSD awtorizzat fi Stat Membru ieħor;

(c) 

is-CSD huwa kkontrollat mill-istess persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkontrollaw CSD differenti awtorizzat fi Stat Membru ieħor.

7.  

Il-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 għandha tkopri dan li ġej:

(a) 

kemm huma adatti l-azzjonisti u l-persuni msemmija fl-Artikolu 27(6) u r-reputazzjoni u l-esperjenza tal-persuni li effettivament jidderieġu n-negozju tas-CSD imsemmi fl-Artikolu 27(1) u (4), fejn dawk l-azzjonisti u persuni jkunu komuni għas-CSD u għal CSD awtorizzat fi Stat Membru ieħor;

(b) 

jekk ir-relazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 6 bejn is-CSD awtorizzat fi Stat Membru ieħor u s-CSD li japplika jaffetwawx l-abbiltà ta’ dan tal-aħħar sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

▼M4

7a.  
Minbarra li tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 6, l-awtorità kompetenti tista', qabel ma tagħti awtorizzazzjoni lis-CSD li japplika, tikkonsulta awtoritajiet oħra li jissorveljaw entità li għandha parteċipazzjoni kwalifikanti fis-CSD li japplika dwar il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7.

▼B

8.  
Fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf bil-miktub lis-CSD li japplika b’deċiżjoni bir-raġunament sħiħ tagħha dwar jekk l-awtorizzazzjoni ngħatatx jew ġietx miċħuda.

▼M4

8a.  
L-awtorità kompetenti għandha tinforma, mingħajr dewmien żejjed, lill-awtoritajiet ikkonsultati skont il-paragrafi 4 sa 7a bir-riżultat tal-proċess tal-awtorizzazzjoni, inkluż kwalunkwe azzjoni ta' rimedju.

▼B

9.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-informazzjoni li s-CSD li japplika għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

10.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli, mudelli u proċeduri standard għall-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 18

Effetti tal-awtorizzazzjoni

1.  
L-attivitajiet tas-CSD awtorizzat għandhom ikunu limitati għall-forniment ta’ servizzi koperti mill-awtorizzazzjoni jew in-notifika tiegħu f’konformità mal-Artikolu 19(8).
2.  
Sistemi ta’ saldu tat-titoli jistgħu jiġu operati biss minn CSDs awtorizzati inklużi banek ċentrali li jaġixxu bħala CSDs.
3.  
CSD awtorizzat jista’ jkollu parteċipazzjoni biss f’persuna ġuridika li l-attivitajiet tagħha jkunu limitati għall-forniment tas-servizzi elenkati fit-Taqsimiet A u B tal-Anness, sakemm it-tali parteċipazzjoni ma tkunx approvata mill-awtorità kompetenti tagħha fuq il-bażi li ma żżidx b’mod sinifikanti l-profil ta’ riskju tas-CSD.
4.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-kriterji li għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet kompetenti biex japprovaw il-parteċipazzjoni ta’ CSDs f’persuni ġuridiċi minbarra dawk li jipprovdu s-servizzi elenkati fit-Taqsimiet A u B tal-Anness. Tali kriterji jistgħu jinkludu jekk is-servizzi provduti minn dik il-persuna ġuridika humiex komplementari mas-servizzi provduti minn CSD, u l-firxa tal-esponiment tas-CSD għar-responsabbiltajiet li jirriżultaw minn tali parteċipazzjoni.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 19

Estensjoni u esternalizzazzjoni tal-attivitajiet u s-servizzi

1.  

CSD awtorizzat għandu jippreżenta applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħufejn ikun jixtieq jesternalizza servizz ewlieni lil parti terza skont l-Artikolu 30 jew jestendi l-attivitajiet tiegħu lil wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a) 

servizzi ewlenin addizzjonali elenkati fit-Taqsima A tal-Anness, li mhumiex koperti mill-awtorizzazzjoni inizjali;

(b) 

servizzi anċillari permissibbli, iżda mhux elenkati b’mod espliċitu fit-Taqsima B tal-Anness, li mhumiex koperti mill-awtorizzazzjoni inizjali;

(c) 

l-operazzjoni ta’ sistema oħra ta’ saldu tat-titoli;

(d) 

is-saldu tal-parti ta’ flus kontanti kollha, jew parti minnha, tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tiegħu fil-kotba ta’ aġent ta’ saldu ieħor;

(e) 

l-istabbiliment ta’ konnessjoni interoperabbli, inkluż dawk mas-CSDs ta’ pajiiżi terzi.

▼M4

2.  
L-għoti ta' awtorizzazzjoni biex jiġi esternalizzat servizz ewlieni lil parti terza skont il-paragrafu 1 jew biex jiġu estiżi l-attivitajiet skont il-paragrafu 1, il-punti (a), (c) u (d), għandu jsegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

L-għoti ta' awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, il-punt (b), għandu jsegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(1), (2), (3), (5) u (8a).

L-għoti ta' awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, il-punt (e), għandu jsegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(1), (2) u (3).

L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lis-CSD li japplika dwar jekk l-awtorizzazzjoni ngħatatx jew ġietx miċħuda fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni ta' applikazzjoni kompluta.

▼B

3.  
CSDs stabbiliti fl-Unjoni li biħsiebhom jistabbilixxu konnessjoni interoperabbli għandhom jippreżentaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom kif meħtieġ skont il-punt (e) tal-paragrafu 1. Dawk l-awtoritajiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar l-approvazzjoni tal-konnessjoni tas-CSD. F’każ ta’ deċiżjonijiet diverġenti u jekk jaqblu ż-żewġ awtoritajiet kompetenti, il-kwistjoni tista’ tiġi riferuta lill-ESMA, li tista’ taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
4.  
L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jirrifjutaw li jawtorizzaw konnessjoni biss fejn tali konnessjoni ta’ CSD tkun thedded il-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji jew tikkawża riskju sistemiku
5.  
Konnessjonijiet interoperabbli ta’ CSDs li jesternalizzaw uħud mis-servizzi tagħhom, relatati ma’ dawn il-konnessjonijiet interoperabbli, lil entità pubblika skont l-Artikolu 30(5) u konnessjonijiet ta’ CSDs li mhumiex imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni skont dak il-punt, iżda għandhom jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti u rilevanti tas-CSDs qabel l-implimentazzjoni tagħhom billi tiġi provduta l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti lit-tali awtoritajiet jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 48.
6.  
CSD stabbilit u awtorizzat mill-Unjoni jista’ jżomm jew jistabbilixxi konnessjoni ma’ CSDs ta’ pajjiż terz f’konformità mal-kondizzjonijiet u l-proċeduri previsti f’dan l-Artikolu. Fejn ikunu stabbiliti konnessjonijiet ma’ CSDs ta’ pajjiż terz, l-informazzjoni provduta mis-CSD li jagħmel it-talba għandha tippermetti lill-awtorità kompetenti li tevalwa jekk tali konnessjonijiet jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 48 jew ir-rekwiżiti li huma ekwivalenti għal dawk previsti fl-Artikolu 48.
7.  
L-awtorità kompetenti tas-CSD li jagħmel it-talba għandha tesiġi li dak is-CSD itemm konnessjoni ta’ CSD li tkun ġiet innotifikata jekk tali konnessjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 48 u b’hekk tkun ta’ theddida għall-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji jew tikkawża riskju sistemiku. Fejn awtorità kompetenti tesiġi li s-CSD itemm konnessjoni ta’ CSD, hija għandha ssegwi l-proċedura stipulata fl-Artikolu 20(2) u (3).
8.  
Is-servizzi anċillari addizzjonali elenkati b’mod espliċitu fit-Taqsima B tal-Anness ma għandhomx ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni, iżda għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti qabel ma jiġu pprovduti.

Artikolu 20

Irtirar ta’ awtorizzazzjoni

1.  

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni jew miżura ta’ rimedju taħt it-titolu V, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tirtira l-awtorizzazzjoni f’kwalunkwe miċ-ċirkostanzi li ġejjin, fejn is-CSD:

(a) 

ma jkunx għamel użu mill-awtorizzazzjoni għal 12-il xahar, espressament jirrinunzja l-awtorizzazzjoni jew ma jkun ipprovda l-ebda servizz jew wettaq l-ebda attività matul is-sitt xhur ta’ qabel;

(b) 

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew b’mezzi illegali oħrajn;

(c) 

ma jibqax jikkonforma mal-kondizzjonijiet li skonthom ingħatat l-awtorizzazzjoni u ma jkunx ħa l-azzjonijiet ta’ rimedju mitluba mill-awtorità kompetenti fil-limiti ta’ żmien stabbilit;

(d) 

ikun kiser b’mod serju jew sistematiku r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament jew, fejn applikabbli, fid-Direttiva 2014/65/UE jew ir-Regolament (UE) Nru 600/2014.

2.  
Mill-mument li ssir taf b’waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta minnufih lill-awtoritajiet rilevanti u, fejn applikabbli, l-awtorità msemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE dwar il-ħtieġa li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni.
3.  
L-ESMA u kwalunkwe awtorità rilevanti u, fejn applikabbli, l-awtorità msemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE jistgħu, fi kwalunkwe mument, jitolbu li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju teżamina jekk is-CSD għadux jikkonforma mal-kondizzjonijiet li skonthom ingħatat l-awtorizzazzjoni.
4.  
L-awtorità kompetenti tista’ tillimita l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għal servizz, attività, jew strument finanzjarju partikolari.

▼M4

5.  
CSD għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm proċedura adegwata biex jiżgura s-saldu u t-trasferiment f'waqthom u ordnati tat-trasferiment tal-assi tal-klijenti u l-parteċipanti lil CSD ieħor fil-każ tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Tali proċeduri għandhom jinkludu t-trasferiment ta' kontijiet tal-ħruġ jew rekords simili li jixhdu l-ħruġ ta' titoli, u rekords marbuta mal-forniment tas-servizzi ewlenin imsemmija fil-punti 1 u 2 tat-Taqsima A tal-Anness.

▼B

Artikolu 21

Reġistru tas-CSD

1.  
Id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikoli 16, 19 u 20 għandhom jiġu kkomunikati minnufih lill-ESMA.
2.  
Mingħajr dewmien żejjed il-banek ċentrali għandhom jgħarrfu lill-ESMA bi kwalunkwe sistema ta’ saldu tat-titoli li huma joperaw.
3.  
Isem kull CSD li jopera f’konformità ma’ dan ir-Regolament u li ngħatatlu awtorizzazzjoni jew rikonoxximent skont l-Artikolu 16, 19 jew 25 għandu jiddaħħal f’reġistru li jispeċifika s-servizzi u, fejn applikabbli, il-klassijiet tal-istrumenti finanzjarji li għalihom ikun ġie awtorizzat is-CSD. Ir-reġistru għandu jinkludi l-fergħat operati mis-CSD fi Stati Membri oħra, il-konnessjonijiet tas-CSD u l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 31 fejn l-Istati Membri jkunu għamlu użu mill-possibbiltà prevista f’dak l-Artikolu. L-ESMA għandha tagħmel ir-reġistru disponibbli fuq is-sit elettroniku ddedikat tagħha u żżommu aġġornat.

Taqsima 3

Superviżjoni tas-CSDs

Artikolu 22

Rieżami u evalwazzjoni

▼M4

1.  
L-awtorità kompetenti għandha tirrieżamina l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati minn CSD, inkluż il-pjanijiet imsemmija fl-Artikolu 22a, fir-rigward tal-konformità ma' dan ir-Regolament u għandha tevalwa r-riskji li s-CSD huwa espost għalihom, jew li jista' jkun espost għalihom, jew li joħloq, għall-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli jew l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-frekwenza u l-profondità tar-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu billi tqis id-daqs, l-importanza sistemika, il-profil tar-riskju, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tas-CSD ikkonċernat.

Ir-rieżami u l-evalwazzjoni għandhom iseħħu mill-inqas kull tliet snin.

▼M4 —————

▼B

5.  
L-awtorità kompetenti għandha tissoġġetta lis-CSD għal spezzjonijiet fuq il-post.

▼M4

6.  
Meta twettaq ir-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha, fi stadju bikri, tibgħat l-informazzjoni meħtieġa lill-awtoritajiet rilevanti u, fejn applikabbli, lill-awtorità msemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE, u għandha tikkonsultahom dwar jekk ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jew rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni huma ssodisfati mis-CSD fir-rigward tal-funzjonament tas-sistemi ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD.

L-awtoritajiet ikkonsultati jistgħu joħorġu opinjoni motivata fl-oqsma ta' kompetenza tagħhom fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu l-informazzjoni mill-awtorità kompetenti.

Meta awtorità kkonsultata ma tagħtix opinjoni sa dik l-iskadenza, hija għandha titqies li għandha opinjoni pożittiva.

Meta awtorità kkonsultata toħroġ opinjoni negattiva motivata u l-awtorità kompetenti ma taqbilx magħha, dik l-awtorità kompetenti għandha, fi żmien xahar minn meta tirċievi l-opinjoni negattiva, tipprovdi lill-awtorità kkonsultata raġunament li jindirizza l-opinjoni negattiva.

Kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet ikkonsultati li tkun ħarġet opinjoni negattiva tista' tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA għall-assistenza skont l-Artikolu 31(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Meta l-kwistjoni ma tiġix solvuta fi żmien xahar mir-riferiment tagħha lill-ESMA, l-awtorità kompetenti għandha tieħu d-deċiżjoni finali dwar ir-rieżami u l-evalwazzjoni u tipprovdi spjegazzjoni dettaljata tad-deċiżjoni tagħha bil-miktub lill-awtoritajiet rilevanti.

Opinjonijiet negattivi msemmija fir-raba' subparagrafu għandhom jiddikjaraw bil-miktub ir-raġunijiet sħaħ u dettaljati għaliex ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament jew f'rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni ma ġewx issodisfati.

7.  
L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-awtoritajiet rilevanti, l-ESMA u, fejn applikabbli, lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a ta' dan ir-Regolament u lill-awtorità msemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE bir-riżultati tar-rieżami u tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż kwalunkwe azzjoni ta' rimedju jew penali.

▼B

8.  
Meta jwettqu r-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni tas-CSDs li jkollhom it-tipi ta’ relazzjonijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 17(6) għandhom jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni rilevanti kollha li aktarx tiffaċilita l-kompiti tagħhom.
9.  
L-awtorità kompetenti għandha tesiġi lil CSD li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament sabiex fi stadju bikri jieħu l-azzjonijiet jew il-passi meħtieġa biex jindirizza s-sitwazzjoni.
10.  

F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika dan li ġej:

(a) 

l-informazzjoni li s-CSD għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti għall-finijiet tar-rieżami u evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1;

▼M4

(b) 

l-informazzjoni li l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi f'konformità mal-paragrafu 7;

▼B

(c) 

l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 8 għandhom jipprovdu lil xulxin.

▼M4

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

▼B

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

11.  
L-ESMA għandha tiżviluppa, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina formoli, mudelli u proċeduri standard għall-forniment tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 10.

▼M4

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025

▼B

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼M4

Artikolu 22a

Pjanijiet għall-irkupru u stralċ ordnat

1.  
Is-CSD għandu jidentifika xenarji li potenzjalment jistgħu jżommuh milli jkun jista' jipprovdi l-operazzjonijiet u s-servizzi kritiċi tiegħu bħala negozju attiv u jivvaluta l-effettività ta' firxa sħiħa ta' għażliet għall-irkupru jew għal stralċ ordnat. Dawk ix-xenarji għandhom iqisu d-diversi riskji indipendenti u relatati li għalihom ikun espost is-CSD. Bl-użu ta' dik l-analiżi, is-CSD għandu jħejji pjanijiet xierqa għall-irkupru jew għall-istralċ ordnat tiegħu u jippreżentahom lill-awtorità kompetenti.
2.  

Il-pjanijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom iqisu d-daqs, l-importanza sistemika, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tas-CSD ikkonċerna u jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a) 

sommarju sostantiv tal-istrateġiji ewlenin ta' rkupru jew ta' stralċ ordnat;

(b) 

identifikazzjoni tal-operazzjonijiet u tas-servizzi kritiċi tas-CSD;

(c) 

proċeduri adegwati li jiżguraw il-ġbir ta' kapital addizzjonali f’każijiet fejn il-kapital ta' ekwità ta' CSD joqrob jew jaqa' taħt ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 47(1);

(d) 

proċeduri adegwati li jippermettu l-istralċ jew ir-ristrutturazzjoni ordnati tal-operazzjonijiet u s-servizzi tas-CSD fejn is-CSD ma jkunx jista' jiġbor kapital ġdid;

(e) 

proċeduri adegwati li jiżguraw is-saldu u t-trasferiment f'waqthom u b'mod ordnat tal-assi tal-klijenti u tal-parteċipanti għal CSD ieħor f'każ li jsir dejjem impossibbli għas-CSD li jirkupra l-operazzjonijiet u s-servizzi kritiċi tiegħu;

(f) 

deskrizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji ewlenin.

3.  
Is-CSD għandu jkollu l-kapaċità li jidentifika u jipprovdi lill-entitajiet relatati l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet fil-ħin matul ix-xenarji ta' stress.
4.  
Il-pjanijiet għandhom jiġu approvati mill-korp maniġerjali jew minn kumitat xieraq tal-korp maniġerjali.
5.  
Is-CSD, regolarment u tal-anqas kull sentejn, għandu jirrieżamina u jaġġorna l-pjanijiet Kull aġġornament tal-pjanijiet għandu jiġi pprovdut lill-awtorità kompetenti.
6.  
Fejn l-awtorità kompetenti tqis li l-pjanijiet tas-CSD huma insuffiċjenti, l-awtorità kompetenti tista' titlob lis-CSD jieħu miżuri addizzjonali jew jiżviluppa miżuri alternattivi.
7.  
Fejn CSD ikun soġġett għad-Direttiva 2014/59/UE u jkun tfassal pjan ta' rkupru skont dik id-Direttiva, is-CSD għandu jipprovdi dak il-pjan ta' rkupru lill-awtorità kompetenti.

Fejn pjan ta' riżoluzzjoni skont id-Direttiva 2014/59/UE, jew pjan simili skont il-liġi nazzjonali bl-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi ewlenin ta’ CSD, ikun stabbilit u miżmum għal CSD, l-awtorità ta' riżoluzzjoni jew, fejn ma teżisti l-ebda awtorità bħal din, l-awtorità kompetenti, għandha tinforma lill-ESMA bl-eżistenza ta’ tali pjan.

Fejn il-pjan ta' rkupru u l-pjan ta' riżoluzzjoni mfassla skont id-Direttiva 2014/59/UE, jew kwalunkwe pjan simili skont il-liġi nazzjonali, ikun fihom l-elementi kollha elenkati fil-paragrafu 2, is-CSD ma għandux ikun meħtieġ iħejji l-pjanijiet skont il-paragrafu 1.

▼B

Taqsima 4

Forniment ta’ servizzi fi Stat Membru ieħor

Artikolu 23

Libertà li jiġu provduti servizzi fi Stat Membru ieħor

1.  
CSD awtorizzat jista’ jipprovdi s-servizzi msemmija fl-Anness fit-territorju tal-Unjoni, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa, dment li dawk is-servizzi jkunu koperti mill-awtorizzazzjoni.

▼M4

2.  
CSD awtorizzat jew CSD li jkun applika għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 17 li jkun biħsiebu jipprovdi s-servizzi ewlenin imsemmija fil-punti 1 u 2 tat-Taqsima A tal-Anness fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru ieħor imsemmi fl-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), jew jistabbilixxi fergħa fi Stat Membru ieħor għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafi 3 sa 9 ta' dan l-Artikolu. Is-CSD jista' jipprovdi t-tali servizzi biss wara li jkun ġie awtorizzat skont l-Artikolu 17 u mhux qabel id-data applikabbli f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu.
3.  

Kwalunkwe CSD li biħsiebu jipprovdi s-servizzi msemmija fil-paragrafu 2 fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru ieħor imsemmija fl-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), għall-ewwel darba, jew biex tinbidel il-firxa ta' dawk is-servizzi pprovduti, għandu jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju:

(a) 

l-Istat Membru ospitanti;

(b) 

programm ta' operazzjonijiet li jiddikjara b'mod partikolari s-servizzi li s-CSD biħsiebu jipprovdi, inkluż it-tip ta' strumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi tal-Istat Membru ospitanti li fir-rigward tagħhom is-CSD biħsiebu jipprovdi t-tali servizzi;

(c) 

il-munita jew muniti li s-CSD ikun biħsiebu jipproċessa;

(d) 

valutazzjoni tal-miżuri li s-CSD ikun biħsiebu jieħu biex jippermetti li l-utenti tiegħu jikkonformaw mal-liġi tal-Istat Membru ospitanti msemmija fl-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), fir-rigward ta' ishma.

4.  

CSD li jkun biħsiebu jistabbilixxi fergħa fi Stat Membru ieħor għall-ewwel darba jew li jibdel il-firxa tas-servizz ewlieni msemmi fit-Taqsima A, il-punti 1, tal-Anness, jew tas-servizz ewlieni msemmi fit-Taqsima A, il-punt 2, tal-Anness, mogħtija permezz ta' fergħa, għandu jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju:

(a) 

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a), (b) u (c);

(b) 

l-istruttura organizzattiva tal-fergħa u l-ismijiet tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni tal-fergħa;

(c) 

valutazzjoni tal-miżuri li s-CSD ikun biħsiebu jieħu biex jippermetti li l-utenti tiegħu jikkonformaw mal-liġi tal-Istat Membru ospitanti msemmija fl-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), fir-rigward ta' ishma.

5.  
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (d), jew fil-paragrafu 4, il-punt (c), kif applikabbli, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti mingħajr dewmien żejjed. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista' tagħti opinjoni mhux vinkolanti dwar dik il-valutazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju fi żmien xahar minn meta tirċievi dik il-valutazzjoni.
6.  
Fi żmien xahrejn mill-wasla tal-informazzjoni kompluta msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a), (b) u (c), jew il-paragrafu 4, il-punti (a) u (b), kif applikabbli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti sakemm, meta tqis il-forniment tas-servizzi previsti, ma jkollhiex raġunijiet biex tiddubita l-adegwatezza tal-istruttura amministrattiva jew is-sitwazzjoni finanzjarja tas-CSD li biħsiebu jipprovdi servizzi fl-Istat Membru ospitanti jew l-adegwatezza tal-miżuri li s-CSD biħsiebu jieħu f'konformità mal-paragrafu 3, il-punt (d), jew fil-paragrafu 4, il-punt (c), kif applikabbli. F'dak il-perjodu, meta s-CSD diġà jkun jipprovdi servizzi lil Stati Membri ospitanti oħra, inkluż permezz ta' fergħa, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tinforma lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tgħarraf mingħajr dewmien lill-awtoritajiet rilevanti ta' dak l-Istat Membru bi kwalunkwe komunikazzjoni li tkun irċeviet skont l-ewwel subparagrafu.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tinforma minnufih lis-CSD bid-data li fiha tkun bagħtet il-komunikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

7.  
Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiddeċiedi f'konformità mal-paragrafu 6 li ma tikkomunikax l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 jew fil-paragrafu 4, kif applikabbli, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, hija għandha tipprovdi r-raġunijiet għar-rifjut tagħha lis-CSD ikkonċernat fi żmien xahrejn mill-wasla ta' dik l-informazzjoni u għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membri ospitanti u lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a bid-deċiżjoni tagħha.
8.  
Is-CSD jista' jibda jipprovdi servizzi jew jistabbilixxi fergħa kif imsemmi fil-paragrafu 2 mhux qabel 15-il jum kalendarju wara d-data li fiha tkun intbagħtet il-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.
9.  
F'każ ta' bidla fl-informazzjoni stabbilita fid-dokumenti ppreżentati f'konformità mal-paragrafu 3 jew il-paragrafu 4, kif applikabbli, is-CSD għandu javża bil-miktub dwar il-bidla lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-anqas xahar qabel ma jimplimenta l-bidla. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u l-kulleġġ imsemmija fl-Artikolu 24a għandhom jiġu infurmati wkoll b'dik il-bidla mingħajr dewmien mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju.
10.  
L-ESMA tista' toħroġ linji gwida f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 biex tispeċifika l-ambitu tal-valutazzjoni li s-CSD għandu jipprovdi skont il-paragrafu 3, il-punt (d), u l-paragrafu 4, il-punt (c), ta' dan l-Artikolu.

▼B

Artikolu 24

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri tad-domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti u evalwazzjoni bejn il-pari

1.  
Meta CSD awtorizzat fi Stat Membru jkun stabbilixxa fergħa fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom jikkooperaw mill-qrib fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom previsti f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari meta jwettqu spezzjonijiet fuq il-post f’dik il-fergħa. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti tista’, fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħha, twettaq spezzjonijiet fuq il-post f’dik il-fergħa wara li tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jew tal-Istati Membru tad-domiċilju, rispettivament.

▼M4

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tista' tistieden persunal mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti u mill-ESMA biex jipparteċipaw fi spezzjonijiet fuq il-post.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tibgħat lill-ESMA u lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a s-sejbiet tal-ispezzjonijiet fuq il-post u l-informazzjoni dwar kwalunkwe azzjoni ta' rimedju jew penali deċiżi minn dik l-awtorità kompetenti.

▼B

2.  
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jew tal-Istat Membru ospitanti tista’ tesiġi li s-CSDs jipprovdu servizzi skont l-Artikolu 23 sabiex jirraportaw lilhom perjodikament dwar l-attivitajiet tagħhom f’dak l-Istat Membru ospitanti, inkluż għall-fini tal-ġbir ta’ statistika. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha, fuq talba mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, jipprovdu dawk ir-rapporti perjodiċi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

▼M4

3.  
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tas-CSD għandha, fuq it-talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u mingħajr dewmien, tikkomunika l-identità tal-emittenti stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u tal-parteċipanti li huma detenturi ta' strumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi tal-Istat Membru ospitanti fis-sistemi ta' saldu tat-titoli operati mis-CSD li jipprovdi servizzi ewlenin imsemmija fit-Taqsima A, il-punti 1 u 2, tal-Anness fir-rigward ta' strumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi tal-Istat Membru ospitanti, u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti rigward l-attivitajiet ta' CSD li jipprovdi servizzi ewlenin fl-Istat Membru ospitanti permezz ta' fergħa.

▼M4 —————

▼M4

5.  
Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha raġunijiet ċari u dimostrabbli biex temmen li CSD li jipprovdi servizzi fit-territorju tagħha f'konformità mal-Artikolu 23 ikun qed jikser l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, lill-ESMA u lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a b'dawk is-sejbiet.

Meta, minkejja miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, is-CSD jippersisti fil-ksur tal-obbligi li ġejjin mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha, wara li tkun informat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, tieħu l-miżuri xierqa kollha meħtieġa sabiex tiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ġewwa t-territorju tal-Istat Membru ospitanti. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tinforma lill-ESMA u lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a b'tali miżuri mingħajr dewmien żejjed.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jistgħu jirreferu din il-kwistjoni lill-ESMA, li tista' taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼B

6.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ESMA għandha, wara li tikkonsulta lill-membri tal-SEBĊ, torganizza u twettaq tal-inqas kull tliet snin evalwazzjoni bejn il-pari tas-superviżjoni ta’ CSDs li jagħmlu użu mil-libertà li jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor f’konformità mal-Artikolu 23 jew li jipparteċipaw f’konnessjoni interoperabbli.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni bejn il-pari msemmijafl-ewwel subparagrafu l-ESMA, għandha, fejn adatt, titlob ukoll opinjonijiet jew parir mill-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq imsemmi fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼M4 —————

▼B

8.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli, mudelli u proċeduri standard għall-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 5.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼M4

Artikolu 24a

Kulleġġ ta' superviżuri

1.  
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tistabbilixxi kulleġġ ta' superviżuri biex iwettaq il-kompiti msemmija fil-paragrafu 8 fir-rigward ta' CSD li l-attivitajiet tiegħu jitqiesu ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u l-protezzjoni tal-investituri f'mill-inqas żewġ Stati Membri ospitanti.
2.  

Il-kulleġġ għandu jiġi stabbilit fi żmien xahar mid-data meta:

(a) 

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiddetermina li l-attivitajiet imwettqa mis-CSD f'mill-inqas żewġ Stati Membri ospitanti huma ta' importanza sostanzjali; jew

(b) 

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiġi nnotifikata minn waħda mill-entitajiet elenkati fil-paragrafu 4 li l-attivitajiet imwettqa mis-CSD f'mill-inqas żewġ Stati Membri ospitanti huma ta' importanza sostanzjali.

3.  
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tmexxi u tippresiedi l-kulleġġ.
4.  

Il-kulleġġ għandu jkun magħmul:

(a) 

mill-ESMA;

(b) 

mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju;

(c) 

mill-awtoritajiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 12;

(d) 

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti fejn l-attivitajiet tas-CSD huma ta' importanza sostanzjali;

(e) 

mill-EBA, fejn is-CSD ikun ġie awtorizzat skont l-Artikolu 54(3).

5.  
Meta l-attivitajiet ta' CSD li għalih ikun stabbilit kulleġġ ma jkunux ta' importanza sostanzjali fi Stat Membru fejn sussidjarja li tappartjeni għall-istess grupp ta' kumpaniji bħas-CSD, jew l-impriża prinċipali tiegħu, tkun stabbilita jew meta s-CSD li għalih ikun stabbilit kulleġġ ikun intitolat li jipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor f'konformità mal-Artikolu 23(2), l-awtorità kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti ta' dak l-Istat Membru għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-kulleġġ fuq talba tagħhom.
6.  
Il-presidenza għandha tinnotifika l-kompożizzjoni tal-kulleġġ lill-ESMA fi żmien xahar mill-istabbiliment tal-kulleġġ u kwalunkwe bidla fil-kompożizzjoni tiegħu fi żmien xahar minn dik il-bidla. L-ESMA u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom mingħajr dewmien żejjed jippubblikaw il-lista tal-membri ta' dak il-kulleġġ u jżommu dik il-lista aġġornata fuq is-siti web tagħhom.
7.  
Awtorità kompetenti li mhijiex membru tal-kulleġġ tista' titlob mill-kulleġġ kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-qadi tad-dmirijiet superviżorji tagħha.
8.  

Il-kulleġġ għandu, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament, jiżgura:

(a) 

l-iskambju ta' informazzjoni, inkluż talbiet għal informazzjoni skont l-Artikoli 13, 14 u 15 u informazzjoni dwar il-proċess ta' rieżami u evalwazzjoni skont l-Artikolu 22;

(b) 

superviżjoni effiċjenti billi jiġu evitati azzjonijiet superviżorji duplikati bla bżonn, bħal talbiet għal informazzjoni;

(c) 

ftehim dwar kif jiġu fdati b'mod volontarju l-kompiti fost il-membri tiegħu;

(d) 

l-iskambju ta' informazzjoni dwar esternalizzazzjoni jew estensjoni awtorizzata ta' attivitajiet u servizzi skont l-Artikolu 19;

(e) 

il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru tad-domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 24 fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 23(3), il-punt (d), u kwalunkwe kwistjoni li tfiġġ marbuta mal-forniment ta' servizzi fi Stati Membri oħra;

(f) 

l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-istruttura tal-grupp, il-maniġment superjuri, il-korp maniġerjali u l-azzjonisti skont l-Artikolu 27;

(g) 

l-iskambju ta' informazzjoni dwar proċessi jew arranġamenti li għandhom impatt sinifikanti fuq il-governanza jew il-ġestjoni tar-riskju għas-CSDs li jappartjenu għall-grupp.

9.  
Il-presidenza għandha ssejjaħ laqgħa tal-kulleġġ mill-inqas darba fis-sena jew fuq it-talba ta' membru tal-kulleġġ.

Sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompiti assenjati lill-kulleġġ skont il-paragrafu 8, il-membri tal-kulleġġ jistgħu jżidu punti mal-aġenda ta' laqgħa.

Il-presidenza tista' tistieden parteċipanti addizzjonali għad-diskussjonijiet tal-kulleġġ fuq bażi ad hoc dwar suġġetti speċifiċi.

Il-membri ta’ kulleġġ, għajr għall-presidenza tiegħu, jistgħu jiddeċiedu li ma jipparteċipawx f’laqgħa tal-kulleġġ.

10.  

Fuq it-talba ta' kwalunkwe wieħed mill-membri tiegħu, il-kulleġġ għandu jadotta, f'konformità mal-paragrafu 11, opinjonijiet mhux vinkolanti fir-rigward ta':

(a) 

kwistjonijiet identifikati matul il-proċessi ta' rieżami u evalwazzjoni skont l-Artikolu 22 jew 60;

(b) 

kwistjonijiet relatati ma' kwalunkwe esternalizzazzjoni jew estensjoni ta' attivitajiet u servizzi skont l-Artikolu 19; jew

(c) 

kwistjonijiet relatati ma' kwalunkwe ksur potenzjali ta' dan ir-Regolament li jirriżultaw mill-forniment ta' servizzi fi Stat Membru ospitanti kif imsemmi fl-Artikolu 24(5).

11.  
Il-kulleġġ għandu jadotta l-opinjonijiet mhux vinkolanti tiegħu abbażi ta' vot b'maġġoranza sempliċi. Il-membri msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (b), (c) u (d), għandu jkollhom id-dritt tal-vot. Kull membru bi dritt tal-vot għandu jkollu vot wieħed. Il-membri bi dritt tal-vot li jaġixxu f'aktar minn kapaċità waħda, inkluż bħala awtorità kompetenti u bħala awtorità rilevanti, għandu jkollhom vot wieħed għal kull kapaċità li jaġixxu fiha. L-EBA u l-ESMA ma għandux ikollhom id-dritt tal-vot.
12.  
Il-funzjonament tal-kulleġġ għandu jkun ibbażat fuq ftehim bil-miktub bejn il-membri kollha tiegħu.

Dak il-ftehim għandu jiddetermina l-arranġamenti prattiċi għall-funzjonament tal-kulleġġ, inkluż il-modalitajiet tal-komunikazzjoni fost il-membri tal-kulleġġ, u jista' jiddetermina l-kompiti fdati lilhom.

13.  
L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw kriterji li skonthom l-attivitajiet ta' CSD fi Stat Membru ospitanti jistgħu jitqiesu li huma ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri f'dak l-Istat Membru ospitanti.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼B

Taqsima 5

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

Artikolu 25

Pajjiżi terzi

1.  
CSDs ta’ pajjiżi terzi jistgħu jipprovdu s-servizzi msemmija fl-Anness fit-territorju tal-Unjoni inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa.
2.  
Minkejja l-paragrafu 1, CSD ta’ pajjiż terz li biħsiebu jipprovdi s-servizzi ewlenin imsemmija fil-punti (1) u (2) tat-Taqsima A tal-Anness fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) jew jistabbilixxi fergħa fi Stat Membru għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafi 4 sa 11 ta’ dan l-Artikolu.
3.  
CSD stabbilit u awtorizzat fl-Unjoni jista’ jżomm jew jistabbilixxi konnessjoni ma’ CSD ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 48.
4.  

Wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 5, l-ESMA tista’ tirrikonoxxi CSD ta’pajjiż terz li jkun applika għal rikonoxximent sabiex jipprovdi s-servizzi msemmija fil-paragrafu 2, fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skont il-paragrafu 9;

(b) 

is-CSD ta’ pajjiż terz ikun soġġett għal awtorizzazzjoni effettiva, superviżjoni u sorveljanza jew, jekk is-sistema ta’ saldu tat-titoli tkun operata minn bank ċentrali, sorveljanza, li jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżiti prudenzjali applikabbli f’dak il-pajjiż terz;

(c) 

ikunu ġew stabbiliti arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet responsabbli f’dak il-pajjiż terz (l-“awtoritajiet responsabbli ta’ pajjiż terz”) skont il-paragrafu 10;

(d) 

fejn rilevanti, is-CSD ta’ pajjiż terz jieħu l-miżuri neċessarji biex jippermetti li l-utenti tiegħu jikkonformaw mal-liġi nazzjonali rilevanti tal-Istat Membru li fih is-CSD ta’ pajjiż terz ikun biħsiebu jipprovdi servizzi ta’ CSD, inkluża l-liġi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), u l-adegwatezza ta’ dawk il-miżuri tkun ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih is-CSD ta’ pajjiż terz ikun biħsiebu jipprovdi servizzi ta’ CSD;

▼M4

(e) 

is-CSD ta' pajjiż terz ikun stabbilit jew awtorizzat f'pajjiż terz li ma jkunx identifikat bħala pajjiż terz b'riskju għoli fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ).

▼B

5.  

Meta jiġi vvalutat jekk intlaħqux il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4, l-ESMA għandha tikkonsulta:

(a) 

lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom is-CSD ta’ pajjiż terz ikun biħsiebu jipprovdi servizzi ta’ CSD, b’mod partikolari, dwar kif is-CSD ta’ pajjiż terz ikun biħsiebu jikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 4;

(b) 

lill-awtoritajiet rilevanti;

(c) 

lill-awtoritajiet responsabbli ta’ pajjiż terz fdati bl-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni u s-sorveljanza tas-CSDs.

6.  
Is-CSD ta’ pajjiż terz imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għar-rikonoxximent lill-ESMA.

Is-CSD li japplika għandu jipprovdi lill-ESMA l-informazzjoni kollha meqjusa li hija meħtieġa għar-rikonoxximent tiegħu. L-ESMA għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta fi żmien 30 jum ta’ xogħol mir-riċevuta tal-applikazzjoni. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-ESMA għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih is-CSD li japplika għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom is-CSD ta’ pajjiż terz biħsiebu jipprovdi servizzi ta’ CSD għandhom jivvalutaw il-konformità tas-CSD ta’ pajjiż terz mal-liġijiet imsemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 4 u jgħarrfu lill-ESMA b’deċiżjoni bir-raġunament sħiħ tagħha dwar jekk il-konformità hijiex sodisfatta jew le fi żmien tliet xhur mir-riċevuta tal-informazzjoni kollha meħtieġa mill-ESMA.

Id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stipulati fil-paragrafu 4.

▼M4

Fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni ta' applikazzjoni kompluta jew mill-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' ekwivalenza mill-Kummissjoni f'konformità mal-paragrafu 9, skont liema minnhom tiġi l-aħħar, l-ESMA għandha tinforma bil-miktub lis-CSD li japplika b'deċiżjoni motivata bis-sħiħ jekk ir-rikonoxximent ikunx ingħata jew ġiex miċħud.

▼B

7.  

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom is-CSD ta’ pajjiż terz, debitament rikonoxxut skont il-paragrafu 4, jipprovdi servizzi ta’ CSD, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA, jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terzi responsabbli sabiex:

(a) 

jirrapportaw perjodikament dwar l-attivitajiet tas-CSD ta’ pajjiż terz f’dawk l-Istati Membri ospitanti, inkluż għall-fini tal-ġbir ta’ statistika;

(b) 

jikkomunikaw, f’limitu ta’ żmien adatt, l-identità tal-emittenti u l-parteċipanti fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli operati mis-CSD ta’ pajjiż terz li jipprovdi servizzi f’dak l-Istat Membru ospitanti u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti dwar l-attivitajiet ta’ dak is-CSD ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru ospitanti.

8.  
L-ESMA għandha, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 5, tirrieżamina r-rikonoxximent tas-CSD ta’ pajjiż terz f’każ ta’ estensjonijiet minn dak is-CSD tas-servizzi tiegħu fl-Unjoni skont il-proċedura stipulata fil-paragrafi 4, 5 u 6.

L-ESMA għandha tirtira r-rikonoxximent ta’ dak is-CSD meta l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4 ma jibqgħux issodisfati jew fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20.

9.  
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz jiżguraw li s-CSDs awtorizzati f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma effettivament ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, li dawk is-CSDs huma soġġetti għal superviżjoni, sorveljanza u infurzar effettiv f’dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa, u li l-qafas legali ta’ dak il-pajjiż terz jipprovdi għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta’ CSDs awtorizzati skont ir-reġimi legali ta’ pajjiż terzi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

Meta tagħmel id-determinazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll jekk l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz jirreflettux l-istandards CPSS-IOSCO maqbulin internazzjonalment, sa fejn dawn tal-aħħar ma jkunux f’konflitt mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

10.  

F’konformità mal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ESMA għandha tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi responsabbli li l-oqsfa legali u superviżorji tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dan ir-Regolament skont il-paragrafu 9. Tali arranġamenti għandhom jispeċifikaw tal-anqas:

(a) 

il-mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-ESMA, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u l-awtoritajiet responsabbli ta’ pajjiż terz, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni kollha rigward is-CSDs awtorizzati f’pajjiżi terzi li hija rikjesta mill-ESMA u b’mod partikolari l-aċċess għal informazzjoni fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 7;

(b) 

il-mekkaniżmu għal notifika f’waqtha tal-ESMA fejn awtorità responsabbli ta’ pajjiż terz tqis li CSD li tkun qed tissorvelja jkun qed jikser il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tiegħu jew liġi applikabbli oħra;

(c) 

il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji inklużi, fejn adatt, spezzjonijiet fuq il-post.

Meta ftehim ta’ kooperazzjoni jipprovdi għal trasferimenti ta’ data personali minn Stat Membru, tali trasferimenti għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE u meta ftehim ta’ kooperazzjoni jipprovdi għal trasferimenti ta’ data personali mill-ESMA, tali trasferimenti għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

11.  
Fejn CSD ta’ pajjiż terz ikun ġie rikonoxxut, f’konformità mal-paragrafi 4 sa 8, huwa jista’ jipprovdi s-servizzi msemmija fl-Anness fit-territorju tal-Unjoni inkluż bl-istabbiliment ta’ fergħa.
12.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-informazzjoni li s-CSD li japplika għandu jipprovdi lill-ESMA fl-applikazzjoni tiegħu għar-rikonoxximent skont il-paragrafu 6.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼M4

13.  

L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-informazzjoni li s-CSD ta' pajjiż terz għandu jipprovdi lill-ESMA fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2a. Tali informazzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ, inkluż, fejn applikabbli u disponibbli:

(a) 

l-għadd ta' parteċipanti li jinsabu fl-Unjoni li lilhom is-CSD ta' pajjiż terz jipprovdi jew ikun biħsiebu jipprovdi s-servizzi msemmija fil-paragrafu 2a;

(b) 

l-għadd u l-volum ta' tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru saldati matul is-sena preċedenti;

(c) 

l-għadd u l-volum ta' tranżazzjonijiet saldati mill-parteċipanti tal-Unjoni matul is-sena preċedenti.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼B

KAPITOLU II

Rekwiżiti għas-CSDs

Taqsima 1

Rekwiżiti organizzattivi

Artikolu 26

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  
CSD għandu jkollu arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludu struttura organizzattivi ċara b’linji ta’ responsabbiltà definiti sew, trasparenti u konsistenti, proċessi effettivi sabiex jidentifika, jamministra, jimmonitorja u jirrapporta r-riskji li huwa, jew li jista’ jkun, espost għalihom, u politiki ta’ remunerazzjoni u mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, inklużi proċeduri amministrattivi u tal-kontabbiltà sodi.
2.  
CSD għandu jadotta politiki u proċeduri li huma effettivi biżżejjed sabiex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluża konformità tal-maniġers u l-impjegati tiegħu mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament.

▼M4

Meta CSD ikun biħsiebu jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju lil CSDs oħra skont l-Artiklu54 (2a), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), dak is-CSD għandu jkollu fis-seħħ regoli u proċeduri ċari li jindirizzaw kunflitti ta' interess potenzjali u li jimmitigaw ir-riskju ta' trattament diskriminatorju fil-konfront ta' dawk l-CSDs l-oħrajn u tal-parteċipanti tagħhom.

▼M4

3.  

CSD għandu jżomm u jħaddem arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effettivi miktuba sabiex jidentifika u jimmaniġġa kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali bejn il-parteċipanti tiegħu jew il-klijenti tagħhom u s-CSD stess, inkluż:

(a) 

il-maniġers tas-CSD;

(b) 

l-impjegati tas-CSD;

(c) 

il-membri tal-korp maniġerjali tas-CSD;

(d) 

kwalunkwe persuna b'kontroll dirett jew indirett fuq is-CSD;

(e) 

kwalunkwe persuna b'rabtiet mill-qrib ma' kwalunkwe waħda mill-persuni elenkati fil-punti (a), (b) u (c); u

(f) 

kwalunkwe persuna b'rabtiet mill-qrib mas-CSD stess.

CSD għandu jżomm u jimplimenta proċeduri ta' riżoluzzjoni adegwati fejn ikun hemm il-possibbiltà ta' kunflitti ta' interess.

▼B

4.  
CSD għandu jqiegħed l-arranġamenti ta’ governanza tiegħu u r-regoli li jirregolaw l-attività tiegħu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.
5.  
CSD għandu jkollu proċeduri adatti sabiex l-impjegati tiegħu jirrapportaw internament ksur potenzjali ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ mezz speċifiku.
6.  
CSD għandu jkun soġġett għal awditi regolari u indipendenti. Ir-riżultati ta’ dawn l-awditi għandhom jiġu kkomunikati lill-korp maniġerjali u jkunu disponibbli għall-awtorità kompetenti u, fejn adatt b’kont meħud ta’ konflitti ta’ interess potenzjali bejn il-membri tal-kumitat tal-utenti u s-CSD, għall-kumitat tal-utenti.
7.  
Fejn CSD ikun parti minn grupp ta’ impriżi inklużi CSDs oħra jew istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fit-Titolu IV, huwa għandu jadotta politiki u proċeduri dettaljati li jispeċifikaw kif ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu japplikaw għall-grupp u għall-entitajiet differenti fil-grupp.
8.  

F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika fil-livell tas-CSD u l-livell tal-grupp kif imsemmi fil-paragrafu 7:

(a) 

l-għodod ta’ monitoraġġ għar-riskji tas-CSDs imsemmija fil-paragrafu 1;

(b) 

ir-responsabbiltajiet tal-persunal ewlieni fir-rigward tar-riskji tas-CSDs imsemmija fil-paragrafu 1;

(c) 

il-konflitti ta’ interess potenzjali msemmija fil-paragrafu 3;

(d) 

il-metodi tal-awditjar imsemmija fil-paragrafu 6; u

(e) 

iċ-ċirkostanzi li fihom ikun adatt, b’kont meħud ta’ konflitti ta’ interess potenzjali bejn il-membri tal-kumitat tal-utenti u s-CSD, biex ir-riżultati tal-awditjar jiġu kondiviżi mal-kumitat tal-utenti f’konformità mal-paragrafu 6.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼M4

9.  
L-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u mal-membri tas-SEBĊ, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina aktar id-dettalji tar-regoli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu.

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

▼B

Artikolu 27

Il-maniġment superjuri, il-korp maniġerjali u l-azzjonisti

1.  
Il-maniġment superjuri ta’ CSD għandu jkollha reputazzjoni u esperjenza tajbin biżżejjed sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni soda u prudenti tas-CSD.
2.  
CSD għandu jkollu korp maniġerjali li tal-anqas terz minnu, iżda mhux anqas minn żewġ membri tiegħu, ikunu indipendenti.

▼M4

Għall-finijiet ta' dan l-Artiklu, membru indipendenti tal-korp maniġerjali tfisser membru tal-korp maniġerjali li ma għandu l-ebda negozju, familja jew relazzjoni oħra li tqajjem kunflitt ta' interess fir-rigward tas-CSD ikkonċernat jew l-azzjonisti li għandhom kontroll tiegħu jew il-maniġment jew il-parteċipanti tiegħu, u li ma kellu ebda relazzjoni bħal din matul il-ħames snin qabel is-sħubija tiegħu fil-korp maniġerjali.

▼B

3.  
Ir-rimunerazzjoni tal-membri indipendenti u ta’ membri oħrajn mhux eżekuttivi tal-korp maniġerjali ma għandux ikun marbut mal-prestazzjoni tan-negozju tas-CSD.
4.  
Il-korp maniġerjali għandu jkun magħmul minn membri adatti ta’ reputazzjoni suffiċjentement tajba b’taħlita adatta ta’ ħiliet, esperjenza u għarfien dwar l-entità u s-suq. Il-membri mhux eżekuttivi tal-korp maniġerjali għandhom jiddeċiedu dwar mira għar-rappreżentanza tal-ġeneru mhux rappreżentat biżżejjed fil-korp maniġerjali u jħejji politika dwar kif jiżdied l-għadd tal-ġeneru mhux rappreżentat biżżejjed sabiex tintlaħaq dik il-mira. Il-mira, il-politika u l-implimentazzjoni tagħha għandhom jiġu ppubblikati.
5.  
CSD għandu jiddetermina b’mod ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-korp maniġerjali f’konformità mal-liġi nazzjonali rilevanti. Meta mitlub, CSD għandu jqiegħed il-minuti tal-laqgħat tal-korp maniġerjali għad-disponibbiltà tal-awtorità kompetenti u tal-awditur.

▼M4

6.  
L-awtorità kompetenti ma għandhiex tawtorizza CSD sakemm ma tkunx ġiet infurmata bl-identitajiet tal-azzjonisti jew membri, kemm jekk diretti jew indiretti, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li għandhom parteċipazzjoni kwalifikanti fis-CSD u bl-ammonti ta' dawn il-parteċipazzjonijiet.
7.  
L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li tawtorizza CSD meta ma tkunx sodisfatta dwar l-idoneità tal-azzjonisti jew il-membri li għandhom parteċipazzjonijiet kwalifikanti fis-CSD, meta tqis il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġestjoni soda u prudenti tas-CSD.
8.  
Meta jeżistu rabtiet mill-qrib bejn is-CSD u persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra, l-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni biss meta dawk ir-rabtiet ma jipprevjenux l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti.
9.  
Meta l-persuni msemmija fil-paragrafu 6 jeżerċitaw influwenza li x'aktarx tippreġudika l-ġestjoni soda u prudenti tas-CSD, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri xierqa biex ittemm dik is-sitwazzjoni, li jistgħu jinkludu l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tas-CSD.
10.  
L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni meta l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' pajjiż terz li jirregolaw persuna fiżika jew ġuridika, waħda jew aktar, li magħhom is-CSD ikollu rabtiet mill-qrib, jew fejn diffikultajiet involuti fl-infurzar ta’ dawk il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi, jipprevjenu l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti.
11.  

CSD għandu, mingħajr dewmien:

(a) 

jipprovdi lill-awtorità kompetenti b'informazzjoni rigward is-sjieda tas-CSD, u, b'mod partikolari, l-identità u l-iskala tal-interessi ta' kwalunkwe persuna li jkollha parteċipazzjoni kwalifikanti fis-CSD;

(b) 

jippubblika:

(i) 

l-informazzjoni pprovduta lill-awtorità kompetenti skont il-punt (a); u

(ii) 

it-trasferiment tad-drittijiet ta' sjieda li jirriżulta f'bidla fil-kontroll tas-CSD.

▼M4

Artikolu 27a

Informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti

1.  
CSD għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tiegħu bi kwalunkwe bidla fil-maniġment tiegħu u jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta l-konformità tiegħu mal-Artikolu 27(1) sa (5).

Meta l-imġiba ta membru tal-korp maniġerjali x'aktarx jippreġudika' l-ġestjoni soda u prudenti tas-CSD, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri xierqa, li jistgħu jinkludu it-tneħħija ta' dak il-membru mill-bord.

2.  
Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew dawk il-persuni li jaġixxu flimkien (l-"akkwirent propost"), li jkunu ħadu deċiżjoni biex jiksbu, direttament jew indirettament, parteċipazzjoni kwalifikanti f'CSD jew li jkomplu jżidu, direttament jew indirettament, tali parteċipazzjoni kwalifikanti f'CSD li b'konsegwenza ta' dan il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jilħaq jew jeċċedi 10 %, 20 %, 30 % jew 50 % jew iwassal biex is-CSD jsir is-sussidjarja tagħhom (l-"akkwiżizzjoni proposta"), għandhom l-ewwel jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti ta’ dak is-CSD bil-miktub, filwaqt li jindikaw id-daqs tal-parteċipazzjoni intiża u l-informazzjoni rilevanti, kif imsemmi fl-Artikolu 27b(4).

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħadet deċiżjoni li tiddisponi, direttament jew indirettament, minn parteċipazzjoni kwalifikanti f'CSD (il-"bejjiegħ propost") għandha l-ewwel tinnotifika lill-awtorità kompetenti bil-miktub dwarha, u tindika d-daqs ta' din il-parteċipazzjoni. Tali persuna għandha bl-istess mod tinnotifika lill-awtorità kompetenti meta tkun ħadet deċiżjoni għat-tnaqqis ta' parteċipazzjoni kwalifikanti sabiex il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital jaqa' taħt 10 %, 20 %, 30 % jew 50 % jew b'tali mod li s-CSD ma jibqax ikun sussidjarja ta' dik il-persuna.

3.  
L-awtorità kompetenti għandha, minnufih u fi kwalunkwe każ fi żmien jumejn tax-xogħol wara li tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 2, u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, tirrikonoxxi l-irċevuta tan-notifika bil-miktub lill-akkwirent propost jew lill-bejjiegħ propost.

L-awtorità kompetenti għandu jkollha massimu ta' 60 jum tax-xogħol wara d-data tar-rikonoxximent bil-miktub tal-irċevuta tan-notifika u d-dokumenti kollha meħtieġa li jridu jinhemżu man-notifika fuq il-bażi tal-lista msemmija fl-Artikolu 27b(4) (il-"perjodu ta' valutazzjoni"), għat-twettiq tal-valutazzjoni pprovduta fl-Artikolu 27b(1) (il-"valutazzjoni").

L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-akkwirent propost jew lill-bejjiegħ propost bid-data tal-iskadenza tal-perjodu ta' valutazzjoni meta tirrikonoxxi l-irċevuta tan-notifika.

4.  
L-awtorità kompetenti tista', waqt il-perjodu ta' valutazzjoni, iżda mhux aktar tard mill-50 jum tax-xogħol tal-perjodu ta' valutazzjoni, titlob kwalunkwe informazzjoni oħra li tkun meħtieġa biex il-valutazzjoni tkun kompluta. Tali talba għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

Il-perjodu ta' valutazzjoni għandu jkun sospiż għall-perjodu bejn id-data tat-talba għall-informazzjoni mill-awtorità kompetenti u l-irċevuta ta' risposta għaliha mill-akkwirent propost. Is-sospensjoni ma għandhiex taqbeż 20 jum tax-xogħol. Kwalunkwe talba ulterjuri mill-awtorità kompetenti biex l-informazzjoni tkun kompluta jew iċċarata għandha tkun fid-diskrezzjoni tagħha iżda ma għandhiex tirriżulta f'sospensjoni tal-perjodu ta' valutazzjoni.

5.  
L-awtorità kompetenti tista' testendi s-sospensjoni msemmija fi -paragrafu 4, it-tieni subparagrafu, sa massimu ta' 30 jum ta' xogħol meta l-akkwirent propost ikun jinsab jew irregolat barra mill-Unjoni jew ikun persuna fiżika jew ġuridika mhux soġġetta għal superviżjoni skont dan ir-Regolament jew skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew skont id-Direttiva 2009/65/KE ( 6 ), 2009/138/KE ( 7 ) jew 2011/61/UE ( 8 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew id-Direttiva 2013/36/UE jew 2014/65/UE.
6.  
Meta l-awtorità kompetenti, hekk kif il-valutazzjoni tkun kompluta, tiddeċiedi li topponi l-akkwiżizzjoni proposta, għandha fi żmien jumejn tax-xogħol, u mingħajr ma taqbeż il-perjodu ta' valutazzjoni, tinforma lill-akkwirent propost bil-miktub u tipprovdi r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni. Soġġetta għal-liġi nazzjonali, dikjarazzjoni xierqa tar-raġunijiet għad-deċiżjoni tista' ssir disponibbli għall-pubbliku fuq talba tal-akkwirent propost. Madankollu, id-divulgazzjoni mill-awtorità kompetenti tista' ssir anki fin-nuqqas ta' talba mill-akkwirent propost jekk dan ikun previst mil-liġi nazzjonali.
7.  
Meta l-awtorità kompetenti ma topponix l-akkwiżizzjoni proposta fiż-żmien tal-perjodu tal-valutazzjoni, din għandha titqies bħala approvata.
8.  
L-awtorità kompetenti tista' tistabbilixxi perjodu massimu għall-konklużjoni tal-akkwist propost u tista' testendi dak il-perjodu fejn xieraq.
9.  
L-Istati Membri ma għandhomx jimponu rekwiżiti għal notifika lill-awtorità kompetenti, jew għall-approvazzjoni tagħhom ta' akkwisti diretti jew indiretti ta' drittijiet ta' votazzjoni jew kapital li huma iżjed stretti minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 27b

Valutazzjoni

1.  

Fil-valutazzjoni tan-notifika prevista fl-Artikolu 27a(2) u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 27a(4), l-awtorità kompetenti għandha, sabiex tiżgura l-ġestjoni soda u prudenti tas-CSD fejn ikun propost l-akkwist, u wara li tikkunsidra l-influwenza probabbli tal-akkwirent propost fuq is-CSD, tivvaluta l-adegwatezza tal-akkwirent propost u s-sodezza finanzjarja tal-akkwiżizzjoni proposta skont dawn kollha li ġejjin:

(a) 

ir-reputazzjoni u s-sodezza finanzjarja tal-akkwirent propost;

(b) 

ir-reputazzjoni, l-għarfien u l-ħiliet u l-esperjenza ta' kwalunkwe persuna li ser tmexxi n-negozju tas-CSD konsegwenza tal-akkwiżizzjoni proposta;

(c) 

jekk is-CSD hux ser ikun jista' jikkonforma u jkompli jikkonforma ma' dan ir-Regolament;

(d) 

jekk ikunx hemm motivi raġonevoli għal suspett li, b'rabta mal-akkwist propost, twettaqx jew sarx tentattiv sabiex jitwettaq ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2015/849, jew jekk l-akkwiżizzjoni proposta tistax iżżid ir-riskju ta' dan.

Fil-valutazzjoni tas-sodezza finanzjarja tal-akkwirent propost, l-awtorità kompetenti għandha tagħti attenzjoni partikolari lit-tip ta' negozju segwit u previst fis-CSD li fih ikun propost l-akkwiżizzjoni.

Fil-valutazzjoni tal-abbiltà tas-CSD li jikkonforma ma' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tagħti attenzjoni partikolari dwar jekk il-grupp li minnha ser isir parti għandux struttura li tagħmilha possibbli li tiġi eżerċitata superviżjoni effettiva, li effettivament tiġi skambjata informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u li tiġi ddeterminata l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet fost l-awtoritajiet kompetenti.

2.  
L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jopponu l-akkwiżizzjoni proposta biss meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex jagħmlu dan fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 jew meta l-informazzjoni pprovduta mill-akkwirent propost ma tkunx kompluta.
3.  
L-Istati Membri la għandhom jimponu kundizzjonijiet minn qabel fir-rigward tal-livell ta' parteċipazzjoni li għandha tiġi akkwiżita u lanqas ma għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jeżaminaw l-akkwiżizzjoni proposta f'termini tal-ħtiġijiet ekonomiċi tas-suq.
4.  
L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku lista li tispeċifika l-informazzjoni li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-valutazzjoni u li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fil-mument tan-notifika msemmija fl-Artikolu 27a(2). L-informazzjoni meħtieġa għandha tkun proporzjonali u għandha tkun adattata għan-natura tal-akkwirent propost u l-akkwiżizzjoni proposta. L-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu informazzjoni li ma tkunx rilevanti għal valutazzjoni prudenzjali.
5.  
Minkejja l-Artikolu 27a(2) sa (5), fejn żewġ proposti jew aktar għall-kisba jew iż-żieda ta' parteċipazzjonijiet kwalifikanti fl-istess CSD ikunu ġew notifikati lill-awtorità kompetenti, din tal-aħħar għandha titratta l-akkwirenti proposti b'mod nondiskriminatorju.
6.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni li tkun essenzjali jew rilevanti għall-valutazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fuq talba, jikkomunikaw l-informazzjoni rilevanti kollha lil xulxin u għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha essenzjali b'inizjattiva proprja. Deċiżjoni mill-awtorità kompetenti li tkun awtorizzat is-CSD li fih ikun propost l-akkwiżizzjoni għandha tindika kwalunkwe fehma jew riżerva espressa mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-akkwirent propost.
7.  
L-ESMA għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 dwar il-valutazzjoni tal-idoneità ta' kwalunkwe persuna li ser tmexxi n-negozju tas-CSD, kif ukoll dwar ir-regoli proċedurali u l-kriterji ta' evalwazzjoni għall-valutazzjoni prudenzjali ta' akkwiżizzjonijiet diretti jew indiretti u żidiet ta' parteċipazzjonijiet fis-CSDs.

Artikolu 27c

Deroga għas-CSDs li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju

L-Artikoli 27a u 27b ma għandhomx japplikaw għal CSD li jkun ġie awtorizzat skont l-Artikolu 54(3) u li jkun soġġett għa d-Direttiva 2013/36/UE.

▼B

Artikolu 28

Kumitat tal-utenti

1.  
CSD għandu jistabbilixxi kumitati tal-utenti għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera, li għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-emittenti u tal-parteċipanti f’dawn is-sistemi ta’ saldu tat-titoli. Il-parir tal-kumitat tal-utenti għandu jkun indipendenti minn kwalunkwe influwenza diretta mill-maniġment tas-CSD.
2.  
CSD għandu jiddefinixxi b’mod mhux diskriminatorju l-mandat għal kull kumitat tal-utenti stabbilit, l-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom u l-proċeduri operazzjonali tagħhom, kif ukoll il-kriterji ta’ ammissjoni u l-mekkaniżmu ta’ elezzjoni għall-membri tal-kumitat tal-utenti. L-arranġamenti ta’ governanza għandhom ikunu pubblikament disponibbli u għandhom jiżguraw li l-kumitat tal-utenti jirrapporta direttament lill-korp maniġerjali u li jiltaqa’ regolarment.

▼M4

3.  
Il-kumitati tal-utenti għandhom jagħtu pariri lill-korp maniġerjali fuq arranġamenti ewlenin li jħallu impatt fuq il-membri tagħhom, inkluż il-kriterji għall-aċċettazzjoni tal-emittenti jew tal-parteċipanti fis-sistemi ta' saldu tat-titoli rispettivi tagħhom u fuq il-livell tas-servizz. Il-livell ta’ servizz jinkludi l-għażla ta' arranġament ta' kklerjar u saldu, l-istruttura operattiva tas-CSD, l-ambitu tal-prodotti saldati jew irreġistrati, l-użu ta' teknoloġija għall-operazzjonijiet tas-CSD u l-proċeduri rilevanti.

▼B

4.  
Il-kumitati tal-utenti jistgħu jippreżentaw opinjoni mhux vinkolanti lill-korp maniġerjali bir-raġunijiet dettaljati fir-rigward tal-istrutturi tal-prezzijiet tas-CSD.
5.  
Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti li jiġu debitament mgħarrfa, il-membri tal-kumitati tal-utenti għandhom ikunu marbuta bil-kunfidenzjalità. Meta president ta’ kumitat tal-utenti jiddetermina li membru jkollu kunflitt ta’ interess potenzjali jew reali fir-rigward ta’ kwistjoni partikolari, dak il-membru ma għandux jitħalla jivvota dwar dik il-kwistjoni.
6.  
CSD għandu jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti u lill-kumitat tal-utenti dwar kwalunkwe deċiżjoni li fiha l-korp maniġerjali jiddeċiedi li ma jsegwix il-parir tal-kumitat tal-utenti. Il-kumitat tal-utenti jista’ jinforma lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe qasam li fih iqis li l-parir tal-kumitat tal-utenti ma ġiex segwit.

Artikolu 29

Żamma ta’ rekords

1.  
CSD għandu jżomm, għal perijodu ta’ mill-inqas għaxar snin, ir-rekords kollha tiegħu dwar is-servizzi u l-attivitajiet, inkluż dwar is-servizzi anċillari msemmija fit-Taqsimiet B u C tal-Anness, sabiex jippermetti lill-awtorità kompetenti timmonitorja l-konformità mar-rekwiżiti taħt dan ir-Regolament.

▼M4

1a.  
CSD għandu jeżiġi li l-emittenti jiksbu identifikatur ta' entità ġuridika (LEI) validu u jibagħtuh lis-CSD.

▼B

2.  
Meta mitlub, CSD għandu jagħmel ir-rekords imsemmija fil-paragrafu 1 disponibbli għall-awtorità kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti u għal kwalunkwe awtorità pubblika oħra li skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha s-setgħa li titlob aċċess għal tali rekords għall-fini tat-twettiq tal-mandat tagħha.
3.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika d-dettalji tar-rekords msemmija fil-paragrafu 1 li għandhom jinżammu għall-fini tal-monitoraġġ tal-konformità tas-CSDs mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-format tar-rekords msemmija fil-paragrafu 1 li għandhom jinżammu għall-iskop ta’ monitoraġġ tal-konformità tas-CSDs mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 30

Esternalizzazzjoni

1.  

Fejn CSD testernalizza servizzi jew attivitajiet lil parti terza, din għandha tibqa’ kompletament responsabbli mir-rilaxx tal-obbligi kollha tagħha skont dan ir-Regolament u għandha tikkonforma fil-ħin kollu mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-esternalizzazzjoni ma tirriżultax fid-delega tar-responsabbiltà;

(b) 

ir-relazzjoni u l-obbligi tas-CSD lejn il-parteċipanti jew l-emittenti tagħha ma jinbidlux;

(c) 

effettivament, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-CSD ma jinbidlux;

(d) 

esternalizzazzjoni ma tipprevjenix l-eżerċizzju tal-funzjonijiet superviżorji u ta’ sorveljanza, inkluż l-aċċess fuq il-post għall-kisba ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa sabiex jitwettqu dawn il-funzjonijiet;

(e) 

esternalizzazzjoni ma twassalx biex is-CSD jitlef mis-sistemi u l-kontrolli meħtieġa sabiex jimmaniġja r-riskji li jħabbat wiċċu magħhom;

(f) 

is-CSD iżomm il-kompetenza u r-riżorsi meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-kwalità tas-servizzi pprovduti, l-adegwatezza organizzazzjonali u kapitali tal-fornitur tas-servizz, għas-superviżjoni tas-servizzi esternalizzati b’mod effettiv u għall-ġestjoni tar-riskji assoċjati mal-esternalizzazzjoni fuq bażi kontinwa;

(g) 

is-CSD għandu aċċess dirett għall-informazzjoni rilevanti tas-servizzi esternalizzati;

(h) 

il-fornitur tas-servizz jikkoopera mal-awtorità kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti b’rabta mal-attivitajiet esternalizzati;

(i) 

is-CSD jiżgura li l-fornitur tas-servizz jilħaq l-istandards stabbiliti mil-liġi rilevanti ta’ protezzjoni tad-data li jkunu japplikaw li kieku l-fornituri tas-servizz kienu stabbiliti fl-Unjoni. Is-CSD huwa responsabbli mill-iżgurar li dawk l-istandards ikunu stabbiliti f’kuntratt bejn il-partijiet u li dawk l-istandards jinżammu.

2.  
Is-CSD għandu jiddefinixxi fi ftehim bil-miktub id-drittijiet u l-obbligi tiegħu u dawk tal-fornitur tas-servizz. Il-ftehim ta’ esternalizzazzjoni għandu jippermetti lis-CSD li jtemm il-ftehim.
3.  
Fuq talba, CSD u fornitur tas-servizzi għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti u lill-awtoritajiet rilevanti l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jippermettilhom jivvalutaw il-konformità tal-attivitajiet esternalizzati mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
4.  
L-esternalizzazzjoni ta’ servizz ewlieni għandha tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 19 mill-awtorità kompetenti.
5.  
Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw fejn CSD jesternalizza wħud mis-servizzi jew l-attivitajiet tiegħu lil entità pubblika u fejn dik l-esternalizzazzjoni tkun irregolata minn qafas legali, regolatorju u operazzjonali ddedikat li sar qbil dwaru u ġie formalizzat b’mod konġunt mill-entità pubblika u s-CSD rilevanti u li l-awtoritajiet kompetenti qablu dwaru fuq il-bażi tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 31

Servizzi pprovduti minn partijiet oħra li mhumiex CSDs

1.  
Minkejja l-Artikolu 30 u, fejn ikun rikjest mil-liġi nazzjonali, persuna li mhijiex CSD tista’ tkun responsabbli biex tirreġistra l-entrati tal-kotba fil-kontijiet tat-titoli miżmuma mis-CSDs.
2.  
L-Istati Membri li jippermettu li partijiet oħra li mhumiex CSDs jipprovdu ċerti servizzi ewlenin imsemmija fit-Taqsima A tal-Anness f’konformità mal-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw fil-liġi nazzjonali tagħhom ir-rekwiżiti li japplikaw f’tali każ. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li għandhom japplikaw kemm għas-CSD kif ukoll, fejn rilevanti, għall-parti l-oħra kkonċernata.
3.  
L-Istati Membri li jippermettu li partijiet oħra li mhumiex CSDs jipprovdu ċerti servizzi ewlenin imsemmija fit-Taqsima A tal-Anness f’konformità mal-paragrafu 1, għandhom jikkomunikaw lill-ESMA l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-forniment ta’ tali servizzi, inklużi l-liġijiet nazzjonali rilevanti tagħhom.

L-ESMA għandha tinkludi informazzjoni bħal din fir-reġistru tas-CSD imsemmi fl-Artikolu 21.

Taqsima 2

Regoli dwar l-eżerċizzju tan-negozju

Artikolu 32

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  
CSD għandu jkollu għanijiet u objettivi definiti b’mod ċar li jistgħu jintlaħqu, bħal fl-oqsma ta’ livelli minimi ta’ servizz, l-aspettattivi ta’ ġestjoni tar-riskji u l-prijoritajiet tan-negozju.
2.  
CSD għandu jkollu regoli trasparenti għall-ġestjoni tal-ilmenti.

Artikolu 33

Rekwiżiti għall-parteċipazzjoni

1.  
Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jkollu kriterji ta’ parteċipazzjoni divulgati pubblikament li jippermettu aċċess ġust u miftuħ għall-persuni ġuridiċi kollha li għandhom il-ħsieb li jsiru parteċipanti. Dawn il-kriterji għandhom ikunu trasparenti, oġġettivi, u mhux diskriminatorji sabiex jiġi żgurat aċċess ġust u miftuħ għas-CSD bl-attenzjoni dovuta għar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u r-regolarità tas-swieq. Kriterji li jillimitaw l-aċċess għandhom jitħallew biss dment li l-għan tagħhom ikun il-kontroll ġustifikabbli ta’ riskju speċifikat għas-CSD.
2.  
CSD għandu jittratta t-talbiet għal aċċess minnufih billi jipprovdi risposta għal dawn it-talbiet fi żmien xahar l-aktar tard u għandu jqiegħed l-proċeduri dwar it-trattament tat-talbiet għall-aċċess għad-dispożizzjoni pubblika.
3.  
CSD għandu jiċħad aċċess lil parteċipant li jilħaq il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 biss fejn dan ikun ġustifikat sew bil-miktub u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni komprensiva tar-riskji.

F’każ ta’ rifjut, il-parteċipant li jitlob aċċess ikollu d-dritt jilmenta mal-awtorità kompetenti tas-CSD li ċaħad l-aċċess.

Dik l-awtorità kompetenti responsabbli għandha teżamina l-ilment bir-reqqa billi tivvaluta r-raġunijiet għar-rifjut u għandha tipprovdi lill-parteċipant li jitlob l-aċċess bi tweġiba rraġunata.

Dik l-awtorità kompetenti responsabbli għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti tal-post tal-istabbiliment tal-parteċipant li jitlob l-aċċess dwar il-valutazzjoni tagħha tal-ilment. Fejn l-awtorità tas-CSD li jagħmel it-talba ma taqbilx mal-valutazzjoni pprovduta, kull waħda miż-żewġ awtoritajiet tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA, li tista’ taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Fejn ir-rifjut mis-CSD sabiex jagħti aċċess lil parteċipant li jkun qed jitolbu jitqies li ma jkunx ġustifikat, l-awtorità kompetenti tas-CSD li tkun irrifjutat l-aċċess għandha toħroġ ordni li teħtieġ li s-CSD jagħti aċċess lill-parteċipant li jkun qed jitlob dan.

4.  
CSD għandu jkollu proċeduri oġġettivi u trasparenti għas-sospensjoni u l-ħruġ ordnat tal-parteċipanti li ma jibqgħux jilħqu l-kriterji ta’ parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
5.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-riskji li għandhom jitqiesu mis-CSDs meta jwettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskji, u mill-awtoritajiet kompetenti meta jivvalutaw ir-raġunijiet għar-rifjut skont il-paragrafu 3 u l-elementi tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 3.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli u mudelli standard għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 3.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 34

Trasparenza

1.  
Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera kif ukoll għal kull wieħed mis-servizzi ewlenin l-oħra li jwettaq, CSD għandu jiddivulga pubblikament il-prezzijiet u t-tariffi assoċjati mas-servizzi ewlenin li huwa jipprovdi elenkati fit-Taqsima A tal-Anness. Għandu jiddivulga l-prezzijiet u t-tariffi ta’ kull servizz u funzjoni pprovduti b’mod separat, inklużi l-iskontijiet u r-roħs u l-kundizzjonijiet sabiex wieħed jibbenefika minn dak it-tnaqqis. Għandu jagħti aċċess separat lill-klijenti tiegħu għas-servizzi speċifiċi pprovduti.
2.  
CSD għandu jippubblika lista tal-prezzijiet sabiex jiffaċilita t-tqabbil tal-offerti u sabiex il-klijenti ikunu jistgħu jantiċipaw il-prezz li jkunu jridu jħallsu jekk jużaw is-servizzi.
3.  
CSD għandu jkun marbut mill-politika tal-ipprezzar ippubblikata tiegħu għas-servizzi ewlenin tiegħu.
4.  
CSD għandu jipprovdi lill-klijenti tiegħu l-informazzjoni li tippermetti rikonċiljament tal-fatturi mal-lista tal-prezzijiet ippubblikata.
5.  
CSD għandu jiddivulga lill-klijenti kollha l-informazzjoni li tippermettilhom jivvalutaw ir-riskji assoċjati mas-servizzi pprovduti.
6.  
CSD għandu jagħti rendikont separat għall-ispejjeż u d-dħul tas-servizzi ewlenin ipprovduti u għandu jiddivulga dak l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti.
7.  
CSD għandu jagħti rendikont tal-ispejjeż u d-dħul tas-servizzi anċillari provduti b’mod sħiħ u għandu jiddivulga dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti.
8.  
Sabiex jiżgura applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u jippermetti l-identifikazzjoni, fost oħrajn, ta’ sussidji inkroċjati ta’ servizzi anċillari mis-servizzi ewlenin, is-CSD għandu jżomm kontabbiltà analitika għall-attivitajiet tiegħu. Kontabbiltà analitika bħal din għandha tal-inqas tissepara l-ispejjeż u d-dħul assoċjati ma’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin tiegħu minn dawk assoċjati mas-servizzi anċillari.

Artikolu 35

Proċeduri ta’ komunikazzjoni ma’ parteċipanti u infrastrutturi oħra tas-suq

Fil-proċeduri ta’ komunikazzjoni tas-CSD mal-parteċipanti tas-sistemi ta’ saldu tat-titoli li joperaw, u mal-infrastrutturi tas-suq li huma jikkollegaw magħhom, is-CSDs għandhom jużaw proċeduri u standards ta’ komunikazzjoni miftuħa u internazzjonali sabiex jintbagħtu l-messaġġi u d-data ta’ referenza sabiex jiġu faċilitati r-reġistrar, il-ħlas u s-saldu effiċjenti.

Taqsima 3

Rekwiżiti għas-servizzi tas-CSD

▼M4

Artikolu 36

Dispożizzjonijiet ġenerali

Għal kull sistema ta' saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jkollu r-regoli u l-proċeduri xierqa, inkluż prattiki u kontrolli robusti ta' kontabbiltà sabiex jgħin jiżgura l-integrità tal-ħruġ ta' titoli, u jimminimizza u jimmaniġġa r-riskji assoċjati mal-kustodja u s-saldu ta' tranżazzjonijiet fit-titoli.

▼B

Artikolu 37

Integrità tal-kwistjoni

1.  
CSD għandu jieħu l-miżuri ta’ rikonċiljazzjoni xierqa sabiex jivverifika li l-għadd ta’ titoli li jifforma ħruġ ta’ titoli jew parti minn ħruġ ta’ titoli sottomessi lis-CSD jkun daqs is-somma tat-titoli rreġistrati fil-kontijiet ta’ titoli tal-parteċipanti fis-sistema ta’ saldu tat-titoli operati mis-CSD u, fejn rilevanti, fuq il-kontijiet titulari miżmuma mis-CSD. Miżuri ta’ rikonċiljazzjoni bħal dawn għandhom jitwettqu tal-inqas kuljum.
2.  
Fejn dan ikun xieraq u jekk entitajiet oħrajn ikunu involuti fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni għal ċertu ħruġ ta’ titoli, bħall-emittent, ir-reġistraturi, l-aġenti tal-ħruġ, l-aġenti tat-trasferimenti, id-depożitorji komuni, CSDs oħrajn jew entitajiet oħrajn, is-CSD u kwalunkwe entità bħal din għandhom jorganizzaw miżuri adegwati ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni ma’ xulxin sabiex tinżamm l-integrità tal-ħruġ.
3.  
F’sistema ta’ saldu tat-titoli operati minn CSD ma għandhomx ikunu permessi self kurrenti ta’ titoli, bilanċi tad-dejn jew ħolqien ta’ titoli.
4.  
F’konsultazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-miżuri ta’ rikonċiljazzjoni li CSD għandu jieħu skont il-paragrafi 1, 2 u 3.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 38

Protezzjoni tat-titoli tal-parteċipanti u dawk tal-klijenti tagħhom

1.  
Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jżomm ir-rekords u l-kontijiet li għandhom jippermettulu li fi kwalunkwe mument u mingħajr dewmien jissegrega fil-kontijiet mas-CSD, it-titoli ta’ parteċipant minn dawk ta’ kwalunkwe parteċipant ieħor u, jekk applikabbli, mill-assi proprji tas-CSD.
2.  
CSD għandu jżomm rekords u kontijiet li jippermettu lil kwalunkwe parteċipant li jissegrega t-titoli tal-parteċipant minn dawk tal-klijenti tal-parteċipant.
3.  
CSD għandu jżomm rekords u kontijiet li jippermettu lil kwalunkwe parteċipant li jżomm f’kont tat-titoli wieħed it-titoli li jappartjenu għal klijenti differenti ta’ dak il-parteċipant (‘segregazzjoni kollettiva tal-klijenti’)
4.  
CSD għandu jżomm rekords u kontijiet li jippermettu lil parteċipant li jissegrega t-titoli ta’ kwalunkwe wieħed mill-klijenti tal-parteċipant, jekk u kif ikun mitlub mill-parteċipant (‘segregazzjoni individwali tal-klijenti’).
5.  
Parteċipant għandu joffri lill-klijenti tiegħu tal-anqas l-għażla bejn is-segregazzjoni kollettiva tal-klijenti u s-segregazzjoni tal-klijenti individwali u jgħarrafhom bl-ispejjeż u r-riskji assoċjati ma’ kull għażla.

Madankollu, CSD u l-parteċipanti tiegħu għandhom jipprovdu segregazzjoni individwali tal-klijenti għaċ-ċittadini u r-residenti u l-persuni ġuridiċi stabbiliti fi Stat Membru fejn ikun meħtieġ skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li taħtu jkunu kostitwiti t-titoli kif tkun tinsab fis-17 ta’ Settembru 2014. Dak l-obbligu għandu japplika sakemm il-liġi nazzjonali tiġi emendata jew titħassar u sakemm l-objettivi tiegħu jkunu għadhom validi.

6.  
Is-CSDs u l-parteċipanti tagħhom għandhom jiddivulgaw pubblikament il-livelli tal-protezzjoni u l-ispejjeż assoċjati mal-livelli differenti ta’ segregazzjoni li huma jipprovdu u għandhom joffru dawk is-servizzi b’termini kummerċjali raġonevoli. Id-dettalji tal-livelli differenti ta’ segregazzjoni għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-implikazzjonijiet legali ewlenin tal-livelli rispettivi ta’ segregazzjoni offruti, inkluża l-informazzjoni dwar il-liġi tal-insolvenza applikabbli fil-ġurisdizzjonijiet rilevanti.
7.  
Għall-ebda raġuni, CSD ma għandu juża titoli li mhumiex tiegħu. Madankollu, CSD jista’ juża titoli ta’ parteċipant fejn huwa jkun kiseb minn qabel kunsens espliċitu mill-parteċipant. Barra minn hekk is-CSD għandu jeħtieġ li l-parteċipanti tiegħu jiksbu minn qabel kwalunkwe kunsens meħtieġ mill-klijenti tagħhom.

Artikolu 39

Finalità tas-saldu

1.  
CSD għandu jiżgura li s-sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera toffri protezzjoni adegwata għall-parteċipanti. L-Istati Membri għandhom jinnominaw u jinnotifikaw is-sistemi ta’ saldu tat-titoli operati mis-CSDs skont il-proċeduri msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE.
2.  
CSD għandu jiżgura li kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera tiddefinixxi l-mumenti tal-introduzzjoni u tal-irrevokabbiltà tal-ordnijiet ta’ trasferiment f’dik is-sistema ta’ saldu tat-titoli f’konformità mal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 98/26/KE.
3.  
CSD għandu jiddivulga r-regoli li jirregolaw il-finalità tat-trasferimenti ta’ titoli u flus kontanti f’sistema ta’ saldu tat-titoli.
4.  
Il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-konnessjonijiet ta’ CSD u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 8 tal-Artikolu 48.
5.  
CSD għandu jieħu l-passi kollha raġonevoli biex jiżgura li, f’konformità mar-regoli msemmija fil-paragrafu 3, il-finalità tat-trasferimenti ta’ titoli u flus kontanti msemmija fil-paragrafu 3 tintlaħaq jew fil-ħin reali jew fl-istess jum u fi kwalunke każ mhux aktar tard mit-tmiem tal-jum ta’ xogħol tad-data attwali tas-saldu.
6.  
Fejn is-CSD joffri s-servizzi msemmija fl-Artikolu 40(2), huwa għandu jiżgura li r-rikavati fi flus kontanti ta’ saldu ta’ titoli għandu jkun disponibbli għar-riċevituri biex jużawhom mhux aktar tard minn tmiem il-jum ta’ xogħol tad-data prevista tas-saldu.
7.  
It-transazzjonijiet kollha ta’ titoli għal flus kontanti bejn parteċipanti diretti f’sistema ta’ saldu ta’ titoli operata minn CSD u saldati f’dik is-sistema ta’ saldu ta’ titoli għandhom jiġu saldati fuq il-bażi ta’ DVP.

Artikolu 40

Saldu fi flus

1.  
Għal transazzjonijiet denominati fil-munita tal-pajjiż fejn isir is-saldu, CSD għandu jissalda l-pagamenti fi flus tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tiegħu permezz ta’ kontijiet miftuħa ma’ bank ċentrali tal-ħruġ tal-munita rilevanti fejn dan ikun prattiku u disponibbli.

▼M4

2.  
Meta ma jkunx prattiku u disponibbli li jsir saldu f'kontijiet tal-bank ċentrali kif previst fil-paragrafu 1, CSD jista' joffri li jħallas il-pagamenti fi flus kontanti għas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha tiegħu jew għal parti minnhom permezz ta' kontijiet miftuħa ma' istituzzjoni ta' kreditu, permezz ta' CSD li huwa awtorizzat jipprovdi s-servizzi elenkati fit-Taqsima C tal-Anness, kemm jekk fl-istess grupp ta' impriżi li fl-aħħar mill-aħħar huma kkontrollati mill-istess impriża prinċipali kif ukoll jekk le, jew permezz tal-kontijiet proprji tiegħu. Jekk CSD joffri li jsalda tali pagamenti bi flus kontanti permezz ta’ kontijiet miftuħa ma' istituzzjoni ta' kreditu, permezz tal-kontijiet proprji jew tal-kontijiet ta' CSD ieħor, għandu jagħmel dan f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV.

▼B

3.  
CSD għandu jiżgura li kull informazzjoni mogħtija lill-parteċipanti fis-suq, dwar ir-riskji u l-ispejjeż marbuta ma’ saldu fil-kontijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew permezz ta’ kontijiet proprji, tkun ċara, ekwa u mhux qarrieqa. CSD għandu jagħmel disponibbli għall-klijenti jew klijenti potenzjali biżżejjed informazzjoni biex ikunu jistgħu jidentifikaw u jevalwaw ir-riskji u l-ispejjeż marbuta ma’ saldu fil-kontijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew permezz ta’ kontijiet proprji u għandu jipprovdi dik l-informazzjoni fuq talba.

Artikolu 41

Proċeduri u regoli dwar l-inadempjenza tal-parteċipanti

1.  
Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jħaddem, CSD għandu jkollu regoli u proċeduri effettivi u definiti b’mod ċar sabiex jimmaniġġja l-inadempjenza ta’ parteċipant wieħed jew iktar tiegħu sabiex jiġi żgurat li s-CSD jista’ jieħu azzjoni f’waqtha sabiex jillimita t-telf u l-pressjonijiet fuq il-likwidità u jkompli jilħaq l-obbligi tiegħu.
2.  
CSD għandu jqiegħed ir-regoli u l-proċeduri rilevanti tiegħu dwar l-inadempjenza għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.
3.  
Flimkien mal-parteċipanti tiegħu u partijiet interessati rilevanti oħrajn, CSD għandu jwettaq ittestjar u reviżjoni perjodiċi tal-proċeduri tiegħu dwar l-inadempjenza sabiex jiżgura li jkunu prattiċi u effettivi.
4.  
Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA tista’, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Taqsima 4

Rekwiżiti prudenzjali

Artikolu 42

Rekwiżiti ġenerali

CSD għandu jadotta qafas ta’ ġestjoni tar-riskji solidu sabiex jimmaniġġja b’mod komprensiv ir-riskji legali, tan-negozju, operazzjonali u riskji diretti jew indiretti oħrajn, inkluż miżuri għat-taffija tal-frodi u n-negliġenza.

Artikolu 43

Riskji legali

1.  
Għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tiegħu, kif ukoll għat-tagħrif tal-klijenti tiegħu, CSD għandu jkollu regoli, proċeduri, u kuntratti li huma ċari u li jistgħu jinftiehmu għas-sistemi tas-saldu tat-titoli kollha li jħaddem u s-servizzi l-oħra kollha li jipprovdi.
2.  
CSD għandu jfassal ir-regoli, il-proċeduri u l-kuntratti tiegħu sabiex dawn ikunu infurzabbli fil-ġurisdizzjonijiet rilevanti kollha, anki f’każ ta’ inadempjenza ta’ parteċipant.
3.  
CSD li jwettaq negozju f’ġurisdizzjonijiet differenti għandu jieħu l-passi kollha raġonevoli biex jidentifika u jimmitiga r-riskji li jirriżultaw minn konflitti potenzjali fil-liġi bejn il-ġurisdizzjonijiet.

Artikolu 44

Riskju ġenerali tan-negozju

CSD għandu jkollu sistemi robusti ta’ ġestjoni u kontroll kif ukoll għodod tal-IT sabiex jidentifika, iwettaq monitoraġġ u jimmaniġġja r-riskji ġenerali tan-negozju, inklużi t-telf mill-eżekuzzjoni batuta tal-istrateġija tan-negozju, il-flussi tal-flus kontanti u l-ispejjeż tal-operat.

Artikolu 45

Riskji operazzjonali

▼M3

1.  
CSD għandu jidentifika s-sorsi ta’ riskju operazzjonali, kemm interni kif ukoll esterni, u jimminimizza l-impatt tagħhom ukoll permezz tal-iskjerament ta’ għodod, proċessi u politiki tal-ICT xierqa stabbiliti u ġestiti f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ), kif ukoll permezz ta’ kwalunkwe għodod, kontrolli u proċeduri rilevanti oħrajn xierqa għal tipi oħrajn ta’ riskju operazzjonali, inkluż għas-sistemi kollha ta’ saldu tat-titoli li huwa jopera.

▼M3 —————

▼M3

3.  
Għas-servizzi li jipprovdi kif ukoll għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jħaddem, CSD għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm pjan adegwat ta’ kontinwità tal-operat u ta’ rkupru minn diżastri, inkluż politika ta’ kontinwità tal-operat tal-ICT u pjanijiet ta’ rispons u rkupru tal-ICTstabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2554, biex jiġu żgurati l-preservazzjoni tas-servizzi tiegħu, l-irkupru bla dewmien tal-operazzjonijiet u t-twettiq tal-obbligi tas-CSD fil-każ ta’ avvenimenti li jippreżentaw riskju sinifikanti ta’ tfixkil tal-operazzjonijiet.
4.  
Il-pjan imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jipprevedi l-irkupru tat-tranżazzjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-parteċipanti kollha fil-ħin tat-tfixkil biex il-parteċipanti ta’ CSD ikunu jistgħu jkomplu joperaw b’ċertezza u jlestu s-saldu fid-data skedata, inkluż billi jiġi żgurat li s-sistemi kritiċi tal-IT ikunu jistgħu jerġgħu jibdew l-operazzjonijiet mill-ħin tat-tfixkil kif previst fl-Artikolu 12(5) u (7) tar-Regolament (UE) 2022/2554

▼B

5.  
Is-CSD għandu jippjana u jwettaq programm ta’ testijiet tal-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 1 sa 4.

▼M3

6.  
CSD għandu jidentifika, jimmonitorja u jiġġestixxi r-riskji li l-parteċipanti ewlenin fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli li jopera, kif ukoll fornituri ta’ servizzi u utilitajiet, u CSDs jew infrastrutturi tas-suq oħra, jistgħu jippreżentaw għall-operazzjonijiet tiegħu. Huwa għandu, fuq talba, jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti u rilevanti b’informazzjoni dwar kwalunkwe tali riskju identifikat. Għandu jinforma wkoll mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti u lill-awtoritajiet rilevanti bi kwalunkwe inċident operazzjonali, għajr b’rabta mar-riskju tal-ICT, li jirriżulta minn tali riskji.
7.  
L-ESMA għandha, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika r-riskji operazzjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 6, għajr ir-riskju tal-ICT, u l-metodi biex tittestja, tindirizza jew timminimizza dawk ir-riskji, inkluż il-politiki ta’ kontinwità tal-operat u l-pjanijiet ta’ rkupru minn diżastri msemmija fil-paragrafi 3 u 4 u l-metodi ta’ valutazzjoni tagħhom.

▼B

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 46

Politika tal-investiment

1.  
CSD għandu jżomm l-assi finanzjarji tiegħu f’banek ċentrali, istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati jew CSDs awtorizzati.
2.  
CSD għandu jkollu aċċess fil-pront għall-assi tiegħu, fejn ikun meħtieġ.
3.  
CSD għandu jinvesti r-riżorsi finanzjarji tiegħu unikament fi flus kontanti jew fi strumenti finanzjarji likwidi ħafna b’riskju tas-suq u tal-kreditu minimi. Dawk l-investimenti għandhom ikunu kapaċi jiġu likwidati malajr b’effett negattiv minimu fuq il-prezz.
4.  
L-ammont ta’ kapital, inkluż il-qligħ miżmum u r-riżervi ta’ CSD li ma jkunux investiti skont il-paragrafu 3, ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet tal-Artikolu 47(1).
5.  
CSD għandu jiżgura li l-iskoperturi għar-riskju ġenerali tiegħu għal kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu individwali awtorizzata jew CSD individwali awtorizzat li magħhom huwa jżomm l-assi finanzjarji proprji tiegħu jibqgħu f’limiti ta’ konċentrazzjoni aċċettabbli.
6.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-istrumenti finanzjarji li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma likwidi ħafna b’riskju tas-suq u tal-kreditu minimi kif imsemmi fil-paragrafu 3, il-perijodu ta’ żmien adatt għall-aċċess tal-assi msemmi fil-paragrafu 2 u l-limiti ta’ konċentrazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 5. Tali abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom, fejn ikun adatt, ikunu allinjati mal-istandards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 47(8) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 47

Rekwiżiti ta’ kapital

1.  

Il-kapital, flimkien mal-qligħ imfaddal u r-riżervi ta’ CSD, għandu jkun proporzjonali għar-riskji mill-attivitajiet tas-CSD. Għandu jkun il-ħin kollu biżżejjed sabiex:

(a) 

jiżgura li s-CSD jkun adegwatament protett kontra riskji operazzjonali, legali, tal-kustodja, tal-investiment u tan-negozju sabiex is-CSD jkun jista’ jibqa’ jipprovdi servizzi bħala negozju attiv;

(b) 

jiżgura stralċ jew ristrutturar ordinat tal-attivitajiet tas-CSD fuq perijodu ta’ żmien adatt għal minimu ta’ sitt xhur f’medda ta’ xenarji ta’ stress.

▼M4 —————

▼B

3.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-membri tas-SEBĊ, l-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti rigward il-kapital, il-qligħ miżmum u r-riżervi ta’ CSD msemmija fil-paragrafu 1.

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

▼M4

Artikolu 47a

Saldu nett differit

3.  
F'kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika d-dettalji tal-kejl, il-monitoraġġ, il-ġestjoni u r-rappurtar tar-riskji tal-kreditu u tal-likwidità mis-CSDs fir-rigward tas-saldu nett differit.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼B

Taqsima 5

Rekwiżiti għall-konnessjonijiet tas-CSD

Artikolu 48

Konnessjonijiet tas-CSDs

1.  
Qabel ma jistabbilixxu konnessjoni ta’ CSD u fuq bażi kontinwa ladarba tkun stabbilita l-konnessjoni ta’ CSD, is-CSDs kollha kkonċernati għandhom jidentifikaw, jivvalutaw, iwettqu monitoraġġ u jimmaniġġjaw is-sorsi potenzjali kollha ta’ riskju għalihom stess u għall-parteċipanti tagħhom li jinħolqu mill-konnessjoni ta’ CSD u jieħdu l-miżuri adatti biex jimmitigawhom.
2.  
CSDs li jkunu beħsiebhom jistabbilixxu konnessjonijiet għandhom iressqu applikazzjoni għal awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti tas-CSD li jagħmel it-talba kif mitlub skont il-punt (e) tal-Artikolu 19(1) jew jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti u rilevanti tas-CSD li jagħmel it-talba kif mitlub skont l-Artikolu 19(5).
3.  
Konnessjoni għandha tipprovdi protezzjoni adegwata lis-CSDs konnessi u lill-parteċipanti tagħhom, partikolarment fir-rigward ta’ krediti possibbli meħuda mis-CSDs u tar-riskji ta’ konċentrazzjoni u likwidità b’riżultat tal-arranġament ta’ konnessjoni.

Konnessjoni għandha tkun sostnuta b’arranġament kuntrattwali xieraq li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tas-CSDs konnessi u, fejn ikun meħtieġ, tal-parteċipanti tas-CSDs. Arranġament kuntrattwali b’implikazzjonijiet transġurisdizzjonali għandu jipprevedi għażla bla ambigwità tal-liġi li tirregola kull aspett tal-operazzjonijiet tal-konnessjoni.

4.  
Fil-każ ta’ trasferiment proviżorju ta’ titoli bejn CSDs konnessi, għandu jkun projbit trasferiment mill-ġdid tat-titoli qabel ma l-ewwel trasferiment isir finali.
5.  
CSD li juża konnessjoni indiretta jew intermedjarja sabiex iħaddem konnessjoni ta’ CSD ma’ CSD ieħor għandu jkejjel, iwettaq monitoraġġ u jimmaniġġja r-riskji addizzjonali li jinħolqu mill-użu ta’ dik il-konnessjoni indiretta jew l-intermedjarja u jieħu l-miżuri adatti biex jimmitigahom.
6.  
CSDs konnessi għandu jkollhom proċeduri ta’ rikonċiljazzjoni robusti sabiex jiżguraw li r-reġistri rispettivi tagħhom ikunu preċiżi.
7.  
Il-konnessjonijiet bejn CSDs għandhom jippermettu s-saldu DVP ta’ tranżazzjonijiet bejn parteċipanti f’CSDs konnessi, fejn dan ikun prattikabbli u fattibbli. Ir-raġunijiet dettaljati għal kwalunkwe konnessjoni CSD li ma tippermettix saldu DVP għandhom jiġu notifikati lill-awtoritajiet rilevanti u kompetenti.
8.  

Sistemi ta’ saldu tat-titoli interoperabbli u CSDs, li jużaw infrastruttura tas-saldu komuni għandhom jistabbilixxu mumenti identiċi ta’:

(a) 

l-entrata ta’ ordnijiet ta’ trasferiment fis-sistema;

(b) 

l-irrevokabbiltà tal-ordnijiet tat-trasferiment.

Is-sistemi ta’ saldu tat-titoli u s-CSDs imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jużaw regoli ekwivalenti rigward il-mument tal-finalità tat-trasferimenti tat-titoli u l-flus kontanti.

9.  
Sat-18 ta’ Settembru 2019 il-konnessjonijiet kollha interoperabbli bejn CSDs li joperaw fi Stati Membri għandhom ikunu, fejn dan japplika, konnessjonijiet li jsostnu s-saldu DVP.
10.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 li skont huma kull tip ta’ arranġament ta’ konnessjoni jipprevedi protezzjoni adegwata tas-CSDs konnessi u tal-parteċipanti tagħhom, partikolarment fejn CSD jkollu ħsieb jipparteċipa fis-sistema tas-saldu tat-titoli mħaddma minn CSD oħra, il-monitoraġġ u l-immaniġġjar tar-riskji addizzjonali msemmija fil-paragrafu 5 li ġejjin mill-użu tal-intermedjarji, il-metodi ta’ rikonċiljazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, il-każijiet fejn is-saldu DVP permezz tal-konnessjonijiet ta’ CSDs ikun prattiku u fattibbli kif previst fil-paragrafu 7 u l-metodi ta’ valutazzjoni tagħhom.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Hija delegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU III

Aċċess għas-CSDs

Taqsima 1

Aċċess ta’ emittenti għal CSDs

Artikolu 49

Libertà ta’ emissjoni f’CSD awtorizzat fl-Unjoni

1.  
Emittent għandu jkollu d-dritt li jagħmel arranġamenti sabiex it-titoli tiegħu li jkunu ġew aċċettati biex jiġu negozjati fi swieq regolati jew MTFs jew negozjati f’ċentri ta’ negozjar jiġu rreġistrati fi kwalunkwe CSD stabbilit fi kwalunkwe Stat Membru, soġġett għall-konformità minn dak is-CSD mal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23.

▼M4

Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-emittent imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-liġi korporattiva jew liġi simili tal-Istat Membru li skontha huma kostitwiti t-titoli għandha tibqa' tapplika. Il-liġi korporattiva jew liġi simili tal-Istat Membru li skontha huma kkostitwiti t-titoli tfisser:

(a) 

il-liġi korporattiva jew liġi simili tal-Istat Membru fejn l-emittent ikun inkorporat; u

(b) 

il-liġi korporattiva regolatorja jew liġi simili tal-Istat Membru li skontha huma maħruġa t-titoli.

L-Istati Membri għandhom jiġbru lista ta' dispożizzjonijiet rilevanti ewlenin tal-liġi korporattiva jew liġi simili tagħhom, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw dik il-lista lill-ESMA sas-17 ta’ Jannar 2025. L-ESMA għandha tippubblika dik il-lista sas-17 ta’ Frar 2025. L-Istati Membri għandhom, regolarment u tal-anqas kull sentejn, jaġġornaw dik il-lista. Huma għandhom jikkomunikaw il-lista aġġornata f'dawk l-intervalli regolari lill-ESMA. L-ESMA għandha tippubblika tali lista aġġornata.

▼B

Is-CSD jista’ jitlob il-ħlas ta’ tariffa kummerċjali raġonevoli għall-għoti tas-servizzi tiegħu lill-emittenti fuq il-bażi ta’ kost b’addenda, sakemm ma jsirx qbil ieħor bejn iż-żewġ partijiet.

2.  
Fejn emittent jippreżenta talba biex jirreġistra t-titoli tiegħu f’CSD, dan tal-aħħar għandu jittratta din it-talba minnufih u b’mod mhux diskriminatorju u jipprovdi tweġiba lill-emittent li jagħmel it-talba fi żmien tliet xhur.
3.  
CSD jista’ jirrifjuta milli jipprovdi servizzi lil emittent. Rifjut bħal dan jista’ jkun ibbażat biss fuq valutazzjoni tar-riskji komprensiva jew jekk dak is-CSD ma jipprovdix is-servizzi msemmija fil-punt (1) tat-Taqsima A tal-Anness fir-rigward tat-titoli kostitwiti taħt il-liġi korporattiva jew liġi simili tal-Istat Membru rilevanti.
4.  
Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ) u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE ( 11 ), fejn CSD jirrifjuta li jipprovdi servizzi lil emittent, dan għandu jipprovdi lill-emittent li qed jagħmel it-talba r-raġunijiet sħaħ bil-miktub għar-rifjut tiegħu.

F’każ ta’ rifjut, l-emittent li jagħmel it-talba għandu jkollu d-dritt li jilmenta mal-awtorità kompetenti tas-CSD li jirrifjuta li jipprovdi s-servizzi tiegħu.

L-awtorità kompetenti ta’ dak is-CSD għandha teżamina l-ilment kif dovut billi tivvaluta r-raġunijiet għar-rifjut ipprovduti mis-CSD u għandha tipprovdi lill-emittent bi tweġiba motivata.

L-awtorità kompetenti tas-CSD għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti tal-post tal-istabbiliment tal-emittent li jagħmel it-talba dwar il-valutazzjoni tagħha tal-ilment. Fejn l-awtorità kompetenti tal-post tal-istabbiliment tal-emittent li jagħmel it-talba ma taqbilx ma’ dik il-valutazzjoni, kwalunkwe waħda miż-żewġ awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-ESMA, li tista’ taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Fejn ir-rifjut mis-CSD li jipprovdi s-servizzi tiegħu lil emittent titqies li hija inġustifikata, l-awtorità kompetenti responsabbli għandha toħroġ ordni fejn tesiġi li s-CSD jipprovdi s-servizzi tiegħu lill-emittent li għamel it-talba.

5.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-riskji li għandhom jitqiesu mis-CSDs meta jwettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskji, u l-awtoritajiet kompetenti li jivvalutaw ir-raġunijiet għar-rifjut skont il-paragrafi 3 u 4, u l-elementi tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 4.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli u mudelli standard għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 4.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Taqsima 2

Aċċess bejn CSDs

Artikolu 50

Aċċess permezz ta’ konnessjoni standard

CSD għandu jkollu d-dritt li jsir parteċipant f’CSD ieħor u jistabbilixxi konnessjoni standard ma’ dak is-CSD skont l-Artikolu 33 u soġġett għal notifika minn qabel tal-konnessjoni ta’ CSD stipulata fl-Artikolu 19(5).

Artikolu 51

Aċċess permezz ta’ konnessjoni personalizzata

1.  
Fejn CSD jitlob lil CSD ieħor sabiex jiżviluppa konnessjoni personalizzatabiex ikollu aċċess għal dan tal-aħħar, is-CSD li jirċievi t-talba għandu jiċħad din it-talba biss fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet tar-riskji. Ma għandux jiċħad talba għal raġunijiet ta’ telf ta’ sehem mis-suq.
2.  
Is-CSD li jirċievi t-talba jista’ jitlob ħlas ta’ tariffa kummerċjali raġonevoli fuq il-bażi ta’ kost b’addenda lis-CSD li jagħmel it-talba talli jagħmel disponibbli l-aċċess permezz ta’ konnessjoni personalizzata, dment li ma jsirx qbil mod ieħor miż-żewġ partijiet.

Artikolu 52

Proċedura għall-konnessjonijiet tas-CSD

▼M4

1.  
Meta CSD jippreżenta talba għal aċċess lil CSD ieħor skont l-Artikoli 50 u 51, is-CSD li jirċievi t-talba għandu jittratta din it-talba minnufih u għandu jipprovdi tweġiba lis-CSD li jagħmel it-talba fi żmien tliet xhur. Jekk is-CSD li jirċievi t-talba jaqbel mat-talba, ir-rabta mas-SCD għandha tiġi implimentata fi żmien raġonevoli, li m'għandux jaqbeż 12-il xahar.

▼B

2.  
CSD għandu jiċħad l-aċċess lil CSD li jitolbu fil-każ biss fejn dan l-aċċess ikun jhedded il-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji jew jikkawża riskju sistemiku. Dan ir-rifjut għandu jkun ibbażat biss fuq valutazzjoni komprensiva tar-riskju.

Fejn CSD jiċħad l-aċċess, għandu jipprovdi lis-CSD li jagħmel it-talba r-raġunijiet sħaħ għar-rifjut tiegħu.

F’każ ta’ rifjut, is-CSD li jagħmel it-talba għandu d-dritt li jilmenta mal-awtorità kompetenti tas-CSD li ċaħad milli jagħti aċċess.

L-awtorità kompetenti tas-CSD li jirċievi t-talba għandha teżamina l-ilment kif dovut billi tivvaluta r-raġunijiet għar-rifjut u għandha tipprovdi lis-CSD li jagħmel it-talba bi tweġiba motivata.

L-awtorità kompetenti tas-CSD li jirċievi t-talba għandha tikkonsulta l-awtorità kompetenti tas-CSD li jagħmel it-talba u l-awtorità rilevanti tas-CSD li jagħmel it-talba msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 12(1) dwar il-valutazzjoni tagħha tal-ilment. Fejn kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet tas-CSD li jagħmel it-talba ma taqbilx mal-valutazzjoni pprovduta, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA, li tista’ taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Fejn ir-rifjut mis-CSD milli jagħti aċċess lis-CSD li jagħmel it-talba titqies li hija inġustifikata, l-awtorità kompetenti tas-CSD li jirċievi t-talba għandha toħroġ ordni sabiex dak is-CSD jagħti aċċess lis-CSD li jagħmel it-talba.

3.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-riskji li għandhom jitqiesu mis-CSDs meta jwettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskji, u mill-awtoritajiet kompetenti meta jivvalutaw ir-raġunijiet għar-rifjut skont il-paragrafu 2 u l-elementi tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 2.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli u mudelli standard għall-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Taqsima 3

Aċċess bejn CSD u infrastruttura oħra tas-suq

Artikolu 53

Aċċess bejn CSD u infrastruttura oħra tas-suq

1.  
CCP u ċentru tan-negozjar għandhom jipprovdu aġġornamenti dwar it-tranżazzjonijiet fuq bażi nondiskriminatorja u trasparenti lil CSD fuq talba mis-CSD u jistgħu jitolbu ħlas ta’ tariffa kummerċjali raġonevoli għal dawn l-aġġornamenti dwar it-tranżazzjonijiet lis-CSD li jagħmel it-talba fuq il-bażi ta’ kost b’addenda, sakemm ma jsirx ftehim ieħor bejn iż-żewġ partijiet.

CSD għandu jipprovdi aċċess għas-sistemi ta’ saldu tat-titoli tiegħu fuq bażi nondiskriminatorja u trasparenti lil CCP jew ċentru tan-negozjar u jista’ jitlob il-ħlas ta’ tariffa kummerċjali raġonevoli għal dan l-aċċess fuq il-bażi ta’ kost b’addenda, sakemm ma jsirx ftehim ieħor bejn iż-żewġ partijiet.

2.  
Meta parti tippreżenta talba għal aċċess lil parti oħra skont il-paragrafu 1, din it-talba għandha tiġi indirizzata minnufih u fi żmien tliet xhur għandha tiġi pprovduta tweġiba lill-parti li tagħmel it-talba.
3.  
Il-parti riċeventi għandha tiċħad aċċess biss fejn dan l-aċċess ikun jaffettwa l-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji jew jikkawża riskju sistemiku. Ma għandhiex tiċħad talba għal raġunijiet ta’ telf ta’ sehem mis-suq.

Parti li tirrifjuta aċċess għandha tipprovdi lill-parti li tagħmel it-talba r-raġunijiet sħaħ bil-miktub għal rifjut bħal dan ibbażati fuq valutazzjoni komprensiva tar-riskji. F’każ ta’ rifjut, il-parti li tagħmel it-talba għandha d-dritt li tilmenta mal-awtorità kompetenti tal-parti li ċaħdet l-aċċess.

L-awtorità kompetenti tal-parti riċeventi u l-awtorità rilevanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 12(1) għandhom jeżaminaw l-ilment kif dovut billi jivvalutaw ir-raġunijiet għaċ-ċaħda u għandhom jipprovdu lill-parti li tagħmel it-talba bi tweġiba motivata.

L-awtorità kompetenti tal-parti riċeventi għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti tal-parti li tagħmel it-talba u l-awtorità rilevanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 12(1) dwar il-valutazzjoni tagħha tal-ilment. Fejn kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet tal-parti li tagħmel it-talba ma taqbilx mal-valutazzjoni pprovduta, kull waħda minnhom tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA, li tista’ taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Fejn ir-rifjut minn parti milli tagħti aċċess titqies li hija inġustifikata, l-awtorità kompetenti responsabbli għandha toħroġ ordni lil dik il-parti tagħti biex tagħti aċċess għas-servizzi tagħha fi żmien tliet xhur.

4.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-riskji li għandhom jitqiesu mis-CSDs meta jwettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskji, u mill-awtoritajiet kompetenti meta jivvalutaw ir-raġunijiet għar-rifjut skont il-paragrafu 3 u l-elementi tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 3.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

5.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli u mudelli standard għall-proċedura msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi konferita setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

TITOLU IV

FORNIMENT TA’ SERVIZZI ANĊILLARI TA’ TIP BANKARJU GĦAL PARTEĊIPANTI TA’ CSD

Artikolu 54

Awtorizzazzjoni u nomina għall-forniment ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju

1.  
CSD ma għandux huwa stess jipprovdi xi servizzi anċillari ta’ tip bankarju stabbiliti fit-Taqsima C tal-Anness dment li ma jkunx kiseb awtorizzazzjoni addizzjonali biex jipprovdi servizzi bħal dawn skont dan l-Artikolu.

▼M4

2.  
CSD li jkun biħsiebu jsalda l-pagamenti ta' flus kontanti tgħas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha tiegħu jew ta' parti minnhom permezz tal-kontijiet tiegħu stess f'konformità mal-Artikolu 40(2) jew li b'xi mod ieħor biħsiebu jipprovdi kwalunkwe servizz anċillari ta' tip bankarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi awtorizzat skont il-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 3, 6, 7, 8 u 9a ta' dan l-Artikolu.

▼M4

2a.  

CSD li jkun biħsiebu jsalda l-pagamenti bi flus kontanti għas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha tiegħu jew ta' parti minnhom permezz ta' kontijiet miftuħa ma' istituzzjoni ta' kreditu jew ma' CSD f'konformità mal-Artikolu 40(2) għandu jkun awtorizzat, skont il-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 3 sa 9a ta' dan l-Artikolu, li jinnomina għal dak l-għan wieħed jew aktar minn dawn:

(a) 

istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE; jew

(b) 

CSDs awtorizzati li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Awtorizzazzjoni biex jiġu nnominati istituzzjonijiet ta' kreditu jew CSDs f'konformità mal-ewwel subparagrafu għandha tintuża biss fir-rigward tas-servizzi anċillari ta' tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness għas-saldu tal-pagamenti bi flus kontanti għas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha tas-CSD jew ta' parti minnhom li tkun qed tfittex li tuża s-servizzi anċillari ta' tip bankarju, u li ma twettaq l-ebda attività oħra.

L-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-CSDs awtorizzati li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju nominati f'konformità mal-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu bħala aġenti tas-saldu.

▼B

3.  

Meta CSD jfittex li jipprovdi kwalunkwe servizz anċillari ta’ tip bankarju mill-istess entità legali bħal dik li topera s-sistema ta’ saldu tat-titoli, l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tingħata biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

is-CSD huwa awtorizzat bħala istituzzjoni ta’ kreditu kif previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(b) 

is-CSD jissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali kif stabbiliti fl-Artikolu 59(1), (3) u (4) u r-rekwiżiti superviżorji stabbiliti fl-Artikolu 60;

(c) 

l-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (a) ta’ dan is-subparagrafu tintuża biss biex jingħataw is-servizzi anċillari ta’ tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness, u mhux jitwettqu xi attivitajiet oħra;

(d) 

is-CSD hu soġġett għal surcharge addizzjonali fuq il-kapital li jirrifletti r-riskji, inklużi r-riskji għall-kreditu u l-likwidità, li jirriżultaw mill-għoti ta’ kreditu ta’ matul l-istess jum, fost oħrajn, lill-parteċipanti f’sistema ta’ saldu ta’ titoli jew utenti oħra tas-servizzi tas-CSD;

(e) 

is-CSD jirrapporta mill-inqas ta’ kull xahar lill-awtorità kompetenti u kull sena bħala parti mill-iżvelar pubbliku tiegħu kif meħtieġ skont il-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-portata u l-ġestjoni tar-riskju ta’ likwidità matul l-istess jum skont il-punt (j) tal-Artikolu 59(4) ta’ dan ir-Regolament;

(f) 

is-CSD jkun ippreżenta lill-awtorità kompetenti pjan adegwat ta’ rkupru biex jiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet kritiċi tiegħu, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn ir-riskju tal-likwidità jew tal-kreditu jikkristallizza bħala riżultat tal-provvista ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju.

Fil-każ ta’ dispożizzjonijiet konfliġġenti stipulati f’dan ir-Regolament, fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fid-Direttiva 2013/36/UE, is-CSD msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandu jikkonforma mar-rekwiżiti aktar stretti dwar superviżjoni prudenzjali. L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-Artikoli 47 u 59 ta’ dan ir-Regolament għandhom jiċċaraw il-każijiet ta’ dispożizzjonijiet konfliġġenti.

▼M4

4.  

Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin, CSD jista' jiġi awtorizzat jinnomina istituzzjoni ta' kreditu biex tipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju għas-saldu tal-pagamenti bi flus kontanti għas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha ta' dak is-CSD jew ta' parti minnhom skont il-paragrafu 2a, il-punt (a):

(a) 

l-istituzzjoni ta' kreditu tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali kif stabbiliti fl-Artikolu 59(1), (3) u (4) u r-rekwiżiti superviżorji stabbiliti fl-Artikolu 60;

(b) 

l-istituzzjoni ta' kreditu ma twettaqx hija stess xi wieħed mis-servizzi ewlenin imsemmija fit-Taqsima A tal-Anness;

(c) 

l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE tintuża biss biex jiġu pprovduti s-servizzi anċillari ta' tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness għas-saldu tal-pagamenti bi flus kontanti għas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha tas-CSD jew ta' parti minnha li tkun qed tfittex li tuża s-servizzi anċillari ta' tip bankarju, u li ma twettaq l-ebda attività oħra;

(d) 

l-istituzzjoni ta' kreditu hija soġġetta għal surcharge addizzjonali fuq il-kapital li jirrifletti r-riskji, inkluż ir-riskji għall-kreditu u l-likwidità, li jirriżultaw mill-għoti ta' kreditu ta' matul l-istess jum, fost oħrajn, lill-parteċipanti f'sistema ta' saldu tat-titoli jew utenti oħra tas-servizzi tas-CSD;

(e) 

l-istituzzjoni ta' kreditu tirrapporta mill-inqas kull xahar lill-awtorità kompetenti u tiddivulga lill-pubbliku kull sena bħala parti mid-divulgazzjoni pubblika tagħha kif meħtieġ skont il-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-portata u l-ġestjoni tar-riskju ta' likwidità matul l-istess jum skont l-Artikolu 59(4), il-punt (j) ta' dan ir-Regolament; u

(f) 

l-istituzzjoni ta' kreditu tkun ippreżentat lill-awtorità kompetenti pjan adegwat ta' rkupru biex tiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet kritiċi tagħha, inkluż f'sitwazzjonijiet fejn ir-riskju tal-likwidità jew tal-kreditu jimmaterjalizza bħala riżultat tal-provvista ta' servizzi anċillari ta' tip bankarju mill-istess entità legali separata.

▼M4

4a.  
Meta CSD ifittex li jinnomina istituzzjoni ta' kreditu jew CSD f'konformità mal-paragrafu 2a biex isalda l-pagamenti bi flus kontanti tas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha tiegħu jew ta' parti minnhom, tali pagamenti bi flus kontanti ma għandhomx ikunu f'munita tal-pajjiż fejn ikun stabbilit is-CSD nominat.

▼B

5.  
Il-paragrafu 4 ma għandux japplika għal istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 li joffru li jsaldu l-pagamenti fi flus kontanti għal parti tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tas-CSD, jekk il-valur totali ta’ saldu bħal dan fi flus kontanti permezz ta’ kontijiet li nfetħu ma’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ikkalkulat fuq perijodu ta’ sena, ikun anqas minn wieħed fil-mija tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet kollha tat-titoli mqabbel ma’ flus kontanti saldati fil-kotba tas-CSD u ma jeċċedix massimu ta’ EUR 2,5 biljun kull sena.

L-awtorità kompetenti għandha tagħmel monitoraġġ tal-anqas darba fis-sena li l-limitu definit fl-ewwel subparagrafu jiġi rispettat u tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-ESMA. Meta l-awtorità kompetenti tiddetermina li jkun inqabeż il-limitu, għandha titlob lis-CSD sabiex ifittex awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 4. Is-CSD kkonċernat għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni fi żmien sitt xhur.

6.  
L-awtorità kompetenti tista’ tesiġi li CSD jinnomina iktar minn istituzzjoni ta’ kreditu waħda, jew jinnomina istituzzjoni ta’ kreditu minbarra li jipprovdi s-servizzi huwa stess, skont il-punt (a) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, meta tqis li l-espożizzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu waħda għall-konċentrazzjoni ta’ riskji skont l-Artikolu 59(3) u (4) mhix imtaffija biżżejjed. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati għandhom jitqiesu li huma aġenti tas-saldu.
7.  
CSD awtorizzat li jipprovdi kwalunkwe servizz anċillari ta’ tip bankarju u istituzzjoni ta’ kreditu nominata skont il-punt (b) tal-paragrafu 2 għandhom jikkonformaw f’kull ħin mal-kondizzjonijiet meħtieġa għall-awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament u għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe tibdil sostantiv li jaffettwa l-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.

▼M4

8.  
L-EBA għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-membri tas-SEBĊ, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina s-surcharge addizzjonali fuq il-kapital ibbażat fuq ir-riskji msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 3 u l-punt (d) tal-paragrafu 4.

▼B

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta' Ġunju 2015.

▼C1

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

▼M4

9.  

L-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ u l-ESMA, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina l-livell limitu msemmi fil-paragrafu 5 u r-rekwiżiti prudenzjali u ta' ġestjoni tar-riskju li jakkumpanjawhom u li jkunu xierqa għall-mitigazzjoni tar-riskju fir-rigward tan-nomina ta' istituzzjonijiet ta' kreditu f'konformità mal-paragrafu 2a. Meta tiżviluppa dawk l-istandards, l-EBA għandha tqis dan li ġej:

(a) 

l-implikazzjonijiet għall-istabbiltà tas-suq li jistgħu jirriżultaw minn bidla fil-profil tar-riskju tas-CSDs u l-parteċipanti tagħhom, inkluż l-importanza sistemika tas-CSDs għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli;

(b) 

l-implikazzjonijiet għar-riskji ta' kreditu u ta' likwidità għas-CSDs, għall-istituzzjonijiet ta' kreditu nominati involuti u għas-CSDs parteċipanti li jirriżultaw mis-saldu ta' pagamenti fi flus kontanti permezz ta' kontijiet miftuħa ma' istituzzjonijiet ta' kreditu li mhumiex soġġetti għall-paragrafu 4;

(c) 

il-possibbiltà għas-CSDs li jsaldaw pagamenti fi flus kontanti f'diversi muniti;

(d) 

il-ħtieġa li jiġu evitati kemm bidla mhux intenzjonata mis-saldu fi flus tal-bank ċentrali għal saldu fi flus tal-bank kummerċjali kif ukoll diżinċentivi għall-isforzi tas-CSDs biex isaldu fi flus tal-bank ċentrali; u

(e) 

il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti fost is-CSDs fl-Unjoni.

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

▼B

Artikolu 55

Proċedura għall-għoti u ċ-ċaħda ta’ awtorizzazzjoni sabiex jingħataw servizzi anċillari ta’ tip bankarju

▼M4

1.  
Is-CSD għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-awtorizzazzjoni biex jinnomina istituzzjoni ta' kreditu jew CSD awtorizzat biex jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju jew biex huwa stess jipprovdi kwalunkwe servizz anċillari ta' tip bankarju, kif meħtieġ skont l-Artikolu 54, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu.
2.  
L-applikazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li s-CSD u, meta jkun applikabbli, l-istituzzjoni ta' kreditu nominata jew is-CSD awtorizzat li jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju jkunu stabbilew, fi żmien l-awtorizzazzjoni, l-arranġamenti meħtieġa kollha sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom kif stipulati f'dan ir-Regolament. Għandu jkun fiha programm tal-operazzjonijiet li jistabbilixxi s-servizzi anċillari ta' tip bankarju previsti, l-organizzazzjoni strutturali tar-relazzjonijiet bejn is-CSD u, fejn ikun applikabbli, l-istituzzjoni ta' kreditu nominata jew is-CSD awtorizzat biex jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju, u kif dak is-CSD u, meta jkun applikabbli, l-istituzzjoni ta' kreditu nominata jew is-CSD awtorizzat jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju biħsiebhom jilħqu r-rekwiżiti prudenzjali kif stipulati fl-Artikoli 59(1), (3), (4) u (4a) u l-kundizzjonijiet l-oħra stipulati fl-Artikolu 54.

▼B

3.  
L-awtorità kompetenti għandha tapplika l-proċedura skont l-Artikolu 17(3) u (8).
4.  

Mill-mument meta l-applikazzjoni titqies kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tittrasmetti t-tagħrif kollu inkluż fl-applikazzjoni lill-awtoritajiet li ġejjin:

(a) 

l-awtoritajiet rilevanti;

(b) 

l-awtorità kompetenti rilevanti msemmija fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c) 

l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri fejn is-CSD jkun stabbilixxa konnessjonijiet interoperabbli ma’ CSD ieħor minbarra fejn is-CSD jkun stabbilixxa konnessjonijiet interoperabbli msemmija fl-Artikolu 19(5);

(d) 

l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ospitanti fejn l-attivitajiet tas-CSD huma ta’ importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri skont it-tifsira tal-Artikolu 24(4);

(e) 

l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-parteċipanti tas-CSD li huma stabbiliti fit-tliet Stati Membri bl-akbar valuri ta’ saldu fis-sistema ta’ saldu tat-titoli tas-CSD, fuq bażi aggregata matul perijodu ta’ sena;

(f) 

l-ESMA; u

(g) 

l-EBA.

▼M4

5.  
L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a) sa (e), għandhom joħorġu opinjoni motivata dwar l-awtorizzazzjoni fi żmien xahrejn minn meta jirċievu l-informazzjoni msemmija f'dak il-paragrafu. Meta awtorità ma tagħtix opinjoni sa dik l-iskadenza, hija għandha titqies li ħarġet opinjoni pożittiva.

Meta awtorità msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a) sa (e), toħroġ opinjoni motivata negattiva, l-awtorità kompetenti li biħsiebha tagħti l-awtorizzazzjoni għandha, fi żmien xahar minn meta tirċievi dik l-opinjoni negattiva, tipprovdi lill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a) sa (e), bir-raġunijiet li jindirizzaw l-opinjoni negattiva.

Meta wara xahar minn meta jkunu ġew ippreżentati dawk ir-raġunijiet, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a) sa (e), toħroġ opinjoni negattiva u l-awtorità kompetenti madanakollu tkun biħsiebha tagħti l-awtorizzazzjoni, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet li ħarġet opinjoni negattiva tista' tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA għall-assistenza skont l-Artikolu 31(2), il-punt (c) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼B

Meta l-kwistjoni ma tkunx ġiet solvuta 30 jum wara li ġiet riferuta lill-ESMA, l-awtorità kompetenti li tkun tixtieq tagħti l-awtorizzazzjoni għandha tieħu d-deċiżjoni finali u tipprovdi spjegazzjoni dettaljata bil-miktub tad-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 4.

Meta l-awtorità kompetenti tkun tixtieq tirrifjuta l-awtorizzazzjoni, il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferuta lill-ESMA.

Opinjonijiet negattivi għandhom jiddikjaraw bil-miktub ir-raġunijiet sħaħ u dettaljati għalfejn ir-rekwiżiti previsti f’dan ir-Regolament jew f’partijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni ma ġewx issodisfati.

▼M4

L-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a) sa (e), bir-riżultati tal-proċess ta' awtorizzazzjoni, inkluż kwalunkwe azzjoni ta' rimedju.

▼B

6.  
Meta l-ESMA tqis li l-awtorità kompetenti tkun tat awtorizzazzjoni li tista’ ma tkunx konformi mal-liġi tal-Unjoni, hija għandha taġixxi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
7.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ u l-EBA, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika t-tagħrif li s-CSD għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti għall-fini li jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet rilevanti sabiex jingħataw is-servizzi anċillari ta’ tip bankarju għas-saldu.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

8.  
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ u l-EBA, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-konsultazzjoni mal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 4 qabel ma tagħti l-awtorizzazzjoni.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 56

Estensjoni tas-servizzi anċillari ta’ tip bankarju

1.  
CSD li jkun beħsiebu jestendi s-servizzi anċillari ta’ tip bankarju li għalihom huwa jinnomina istituzzjoni ta’ kreditu jew li jipprovdi hu stess skont l-Artikolu 54 għandu jippreżenta talba għal estensjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu.
2.  
It-talba għal estensjoni għandha tkun soġġetta għall-proċedura fl-Artikolu 55.

Artikolu 57

Irtirar ta’ awtorizzazzjoni

1.  

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni jew miżura ta’ rimedju taħt it-Titolu V, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tas-CSD għandha tirtira l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 54 fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) 

fejn is-CSD ma jkunx għamel użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, espressament jirrinunzja l-awtorizzazzjoni jew fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu nominata ma tat l-ebda servizz u lanqas ma tkun wettqet xi attività fis-sitt xhur ta’ qabel;

(b) 

fejn is-CSD jkun kiseb l-awtorizzazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew b’mezzi illegali oħrajn;

(c) 

fejn is-CSD jew l-istituzzjoni ta’ kreditu nominata ma jibqgħux jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati għall-għoti tal-awtorizzazzjoni u ma jkunux ħadu l-azzjonijiet ta’ rimedju mitluba mill-awtorità kompetenti fi żmien stabbilit;

(d) 

fejn is-CSD jew l-istituzzjoni ta’ kreditu nominata jkunu kisru r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament b’mod serju u sistematiku.

2.  
Mill-mument li ssir konxja minn waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta immedjatament lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 55(4) dwar in-neċessità li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni.
3.  
L-ESMA, kwalunkwe awtorità rilevanti skont il-punt (a) tal-Artikolu 12(1) u kwalunkwe awtorità msemmija fl-Artikolu 60(1) jew, rispettivament l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 55(4) tista’, fi kwalunkwe mument, titlob li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tas-CSD tivverifika jekk is-CSD u fejn ikun japplika l-istituzzjoni ta’ kreditu nominata għadhomx jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stipulati għall-għoti tal-awtorizzazzjoni.
4.  
L-awtorità kompetenti tista’ tillimita l-irtirar għal servizz, attività, jew strument finanzjarju partikolari.
5.  
CSD u l-istituzzjoni ta’ kreditu nominata għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu proċedura adegwata biex jiżguraw is-saldu f’waqtu u ordnat u t-trasferiment tal-assi tal-klijenti u l-parteċipanti lil aġent ieħor tas-saldu fil-każ tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 58

Reġistru tas-CSD

1.  
Id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikoli 54, 56 u 57 għandhom jiġu nnotifikati lill-ESMA.
2.  

L-ESMA għandha tintroduċi t-tagħrif li ġej fir-reġistru li hija meħtieġa tagħmel disponibbli fuq is-sit elettroniku ddedikat tagħha skont l-Artikolu 21(3):

(a) 

isem kull CSD li kien soġġett għal deċiżjoni skont l-Artikoli 54, 56 u 57;

(b) 

isem kull istituzzjoni ta’ kreditu nominata;

(c) 

il-lista tas-servizzi anċillari ta’ tip bankarju li istituzzjoni ta’ kreditu nominata jew CSD awtorizzat skont l-Artikolu 54 hija awtorizzata tipprovdi għall-parteċipanti tas-CSD.

3.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA dawk l-entitajiet li jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju skont ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali sas-16 ta’ Diċembru 2014.

Artikolu 59

Rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew CSDs awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju

1.  
Istituzzjoni ta’ kreditu nominata skont il-punt (b) tal-Artikolu 54(2) jew CSD awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju għandhom jipprovdu biss is-servizzi msemmija fit-Taqsima C tal-Anness li huma koperti mill-awtorizzazzjoni.
2.  
Istituzzjoni ta’ kreditu nominata skont il-punt (b) tal-Artikolu 54(2) jew CSD awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju għandhom jikkonformaw ma’ kull leġislazzjoni preżenti jew futura applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu.
3.  

Istituzzjoni ta’ kreditu nominata skont il-punt (b) tal-Artikolu 54(2) jew CSD awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2), sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali speċifiċi li ġejjin għar-riskji tal-kreditu relatati ma’ dawk is-servizzi fir-rigward ta’ kull sistema ta’ saldu tat-titoli:

(a) 

għandha tistabbilixxi qafas robust sabiex tammaniġġja r-riskji ta’ kreditu korrispondenti;

(b) 

għandha tidentifika s-sorsi ta’ dawn ir-riskji tal-kreditu, spiss u b’mod regolari, tkejjel u twettaq monitoraġġ tal-iskoperturi korrispondenti tal-kreditu u tuża għodod xierqa għall-ġestjoni tar-riskji sabiex tikkontrolla dawk ir-riskji;

(c) 

għandha tkopri bis-sħiħ l-iskoperturi tal-kreditu korrispondenti għall-parteċipanti mutwatarji individwali billi tuża kollateral u riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn;

(d) 

jekk jintuża kollateral biex jimmaniġġja r-riskju korrispondenti tagħha ta’ kreditu, għandha taċċetta kollateral likwidu ħafna b’riskju minimu ta’ kreditu u tas-suq; tista’ tuża tipi oħra ta’ kollateral f’sitwazzjonijiet speċifiċi jekk jiġi applikat telf impost adatt;

(e) 

għandha tistabbilixxi u tapplika limiti konservattivi xierqa ta’ telf impost u konċentrazzjoni fuq valuri tal-kollaterali kostitwiti biex ikopru l-iskoperturi tal-kreditu msemmija fil-punt (c), b’kont meħud tal-objettiv li jiġi żgurat li l-kollateral jista’ jiġi likwidat fil-pront mingħajr effetti negattivi sinifikanti fuq il-prezz;

(f) 

għandha tistipula limiti fuq l-iskoperturi tal-kreditu korrispondenti tagħha;

(g) 

għandha tanalizza u tippjana kif tindirizza kwalunkwe skopertura tal-kreditu residwa potenzjali, u tadotta regoli u proċeduri biex timplimenta dawn il-pjanijiet;

(h) 

għandha tipprovdi kreditu biss lil dawk il-parteċipanti li għandhom kontijiet tal-flus kontanti magħha;

(i) 

għandha tipprevedi proċeduri ta’ rimborż effettiv ta’ kreditu ta’ dakinhar u tiskoraġġixxi l-kreditu ta’ matul l-istess jum permezz tal-applikazzjoni ta’ rati ta’ penali li jservu ta’ deterrent adegwat.

4.  

Istituzzjoni ta’ kreditu nominata skont il-punt (b) tal-Artikolu 54(2) jew CSD awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2), sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali speċifiċi li ġejjin għar-riskji tal-likwidità relatati ma’ dawk is-servizzi fir-rigward ta’ kull sistema ta’ saldu tat-titoli:

(a) 

għandu jkollha qafas u għodod robusti sabiex tkejjel, timmonitorja u tammaniġġja r-riskji tal-likwidità tagħha, inklużi r-riskji tal-likwidità matul l-istess jum, għal kull munita tas-sistema ta’ saldu ta’ titoli li għaliha hija taġixxi bħala aġent tas-saldu;

(b) 

għandha tkejjel u twettaq monitoraġġ kontinwament u f’waqtu, mill-inqas kuljum, tal-ħtiġijiet tagħha ta’ likwidità u l-livell tal-assi likwidi li tippossjedi; u meta tagħmel hekk għandha tiddetermina l-valur tal-assi likwidi disponibbli tagħha b’kont meħud tat-telf impost xieraq fuq dawk l-assi;

(c) 

għandu jkollha riżorsi ta’ likwidità biżżejjed fil-muniti rilevanti kollha għall-forniment ta’ servizzi ta’ saldu f’waqthom taħt firxa wiesgħa ta’ possibbiltajiet potenzjali ta’ stress inkluż, iżda mhux limitat għar-riskju tal-likwidità ġġenerat mill-inadempjenza ta’ mill-anqas wieħed mill-parteċipanti, inklużi l-impriżi prinċipali u s-sussidjarji tagħha, li hija tkun esposta l-aktar għalih;

(d) 

għandha timmitiga r-riskji ta’ likwidità korrispondenti b’riżorsi ta’ likwidità kwalifikanti f’kull munita bħal flus kontanti fil-bank ċentrali tal-ħruġ u f’istituzzjonijiet finanzjarji kreditizji oħra, linji ta’ kreditu marbutin jew arranġamenti simili u kollateral jew investimenti likwidi ħafna li jkunu disponibbli minnufih u li jistgħu jiġu konvertiti fi flus kontanti permezz ta’ arranġamenti minn qabel u arranġamenti għal finanzjament affidabbli ħafna, anke f’kondizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli u għandha tidentifika, tkejjel u twettaq monitoraġġ tar-riskju tal-likwidità tagħha li jiġi mid-diversi istituzzjonijiet finanzjarji użati għall-ġestjoni tar-riskji ta’ likwidità tagħha;

(e) 

fejn jintużaw arranġamenti ta’ finanzjament prestabbiliti, għandha tagħżel biss istituzzjonijiet finanzjarji kreditizji bħala fornituri ta’ likwidità; għandha tistabbilixxi u tapplika limiti ta’ konċentrazzjoni xierqa għal kull wieħed mill-fornituri ta’ likwidità korrispondenti inklużi l-impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha;

(f) 

għandha tiddetermina u tivverifika jekk ir-riżorsi korrispondenti humiex biżżejjed permezz ta’ ttestjar tal-istress regolari u rigoruż;

(g) 

għandha tanalizza u tippjana kif tindirizza kwalunkwe nuqqas mhux previst u potenzjalment mhux kopert fil-likwidità, u tadotta regoli u proċeduri sabiex timplimenta dawn il-pjanijiet;

(h) 

fejn ikun prattiku u disponibbli, mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ eliġibbiltà tal-bank ċentrali, għandu jkollha aċċess għall-kontijiet tal-bank ċentrali u servizzi oħra tal-bank ċentrali biex issaħħaħ il-ġestjoni tagħha tar-riskji ta’ likwidità u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Unjoni għandhom jiddepożitaw il-bilanċi tal-flus kontanti korrispondenti f’kontijiet dedikati f’banek ċentrali emittenti tal-Unjoni;

(i) 

għandu jkollha arranġamenti prestabbiliti u affidabbli ħafna biex tiżgura li tkun tista’ tillikwida f’waqtu l-kollateral ipprovdut lilha minn klijent inadempjenti;

(j) 

għandha tirrapporta regolarment lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 60(1), u turi lill-pubblikut kif tkejjel, twettaq monitoraġġ u timmaniġġja r-riskji tal-likwidità tagħha, inklużi r-riskji tal-likwidità matul l-istess jum.

▼M4

4a.  
Meta CSD ikun biħsiebu jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju lil CSDs oħra skont l-Artikolu 54(2a), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), is-CSD għandu jkollu fis-seħħ regoli u proċeduri ċari li jindirizzaw kwalunkwe riskju potenzjali ta' kreditu, likwidità u konċentrazzjoni li jirriżulta mill-forniment ta' dawk is-servizzi.

▼M4

5.  
F'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-membri tas-SEBĊ, l-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar id-dettalji tal-oqfsa u l-għodod għall-monitoraġġ, il-kejl, il-ġestjoni, ir-rapportar u d-divulgazzjoni pubblika tar-riskji tal-kreditu u l-likwidità, inkluż dawk li jseħħu matul l-istess jum, imsemmija fil-paragrafi 3 u 4, kif ukoll ir-regoli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 4a. Dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, meta jkun xieraq, għandu jiġi allinjat mal-istandards tekniċi regolatorji adottati f'konformità mal-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

▼B

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 60

Superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati u CSDs awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 17 u 22 ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 huma responsabbli għall-awtorizzazzjoni bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu u għas-superviżjoni bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt il-kondizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fid-Direttiva 2013/36/UE tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati u s-CSDs awtorizzati taħt dan ir-Regolament biex jipprovdu servizzi anċillari tat-tip bankarju.

L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu responsabbli wkoll għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati u s-CSDs imsemmija f’dak is-subparagrafu fir-rigward tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti prudenzjali msemmija fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-Regolament.

▼M4

L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jivvalutaw regolarment, u tal-inqas kull sentejn, jekk l-istituzzjoni ta' kreditu nominata jew is-CSD awtorizzat biex jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju jikkonformawx mal-Artikolu 59 u għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti tas-CSD li għandha mbagħad tgħarraf lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 55(4) u, fejn applikabbli, il-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a, bir-riżultati, inkluż bi kwalunkwe azzjoni ta' rimedju jew penali, tas-superviżjoni tagħha skont dan il-paragrafu.

▼B

2.  

►M4  L-awtorità kompetenti tas-CSD għandha, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 u lill-awtoritajiet rilevanti, tirrieżamina u tevalwa mill-inqas kull sentejn dan li ġej: ◄

(a) 

fil-każ imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 54(2), jekk l-arranġamenti kollha meħtieġa bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati u s-CSD jippermettulhomx jissodisfaw l-obbligi tagħhom kif stipulati f’dan ir-Regolament;

(b) 

fil-każ imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 54(2), jekk l-arranġamenti dwar l-awtorizzazzjoni biex jingħataw servizzi anċillari tat-tip bankarju jippermettux lis-CSD jissodisfa l-obbligi tiegħu kif stipulati f’dan ir-Regolament.

▼M4

B'mod regolari u tal-anqas kull sentejn, l-awtorità kompetenti tas-CSD għandha tgħarraf lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 55(4) u, fejn applikabbli, il-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a, bir-riżultati, inkluż kwalunkwe azzjoni ta' rimedju jew penali, bir-rieżami u l-evalwazzjoni tagħha skont dan il-paragrafu.

▼B

Meta CSD jinnomina istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata skont l-Artikolu 54, bil-ħsieb tal-protezzjoni tal-parteċipanti fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli li jħaddem, CSD għandu jiżgura li jkollu aċċess mill-istituzzjoni ta’ kreditu li jinnomina għat-tagħrif meħtieġ kollu għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandu jirrapporta kwalunkwe ksur lill-awtorità kompetenti tas-CSD u lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1.

3.  
Sabiex tiżgura superviżjoni konsistenti, effiċjenti u effettiva ġewwa l-Unjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-CSDs awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju, l-EBA tista’, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-membri tas-SEBĊ, toħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

TITOLU V

PENALI

Artikolu 61

Penali amministrattivi u miżuri oħra

1.  
Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu pieni kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar u jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jimponu l-penali amministrattivi u miżuri oħra applikabbli fiċ-ċirkostanzi definiti fl-Artikolu 63 għall-persuni responsabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn ikunu implimentati. Tali penali u miżuri oħra għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal penali amministrattivi kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu fejn il-ksur imsemmi f’dak is-subparagrafu huwa diġà soġġett għal pieni kriminali fil-liġi nazzjonali tagħhom sat-18 ta’ Settembru 2016. Fejn jiddeċiedu hekk, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, fid-dettall, lill-Kummissjoni u lill-ESMA, il-partijiet rilevanti tal-liġi kriminali tagħhom.

Sat-18 ta’ Settembru 2016 l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni u lill-ESMA. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA mingħajr dewmien bla bżonn bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

2.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu japplikaw penali amministrattivi u miżuri oħra lis-CSDs, lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati, u, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali f’oqsma mhux armonizzati b’dan ir-Regolament, lill-membri tal-korpi maniġerjali tagħhom u lil kwalunkwe persuna oħra li effettivament tikkontrolla n-negozju tagħhom kif ukoll għal kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika oħra li tinżamm responsabbli għal ksur skont il-liġi nazzjonali.
3.  
Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu penali fiċ-ċirkostanzi definiti fl-Artikolu 63, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiżguraw li l-penali amministrattivi u miżuri oħra jipproduċu r-riżultati immirati minn dan ir-Regolament u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom sabiex jevitaw kwalunkwe xogħol doppju jew sovrappożizzjoni meta japplikaw penali amministrattivi u miżuri oħra għal każijiet transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 14.
4.  
Meta l-Istati Membri jkunu għażlu, bi qbil mal-paragrafu 1, li jistabbilixxu pieni kriminali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 63, għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ il-miżuri adatti sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat kollha meħtieġa biex iżommu kuntatt mal-awtoritajiet ġudizzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom biex jirċievu informazzjoni speċifika b’rabta ma’ investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali mibdija għal ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament u jipprovdu l-istess lil awtoritajiet kompetenti oħra u l-ESMA biex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jikkooperaw ma’ xulxin u mal-ESMA għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
5.  
L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-irkupru ta’ penali pekunjarji.
6.  
L-Istati Membri għandhom darba fis-sena jipprovdu lill-ESMA b’informazzjoni aggregata dwar il-penali u miżuri oħra kollha imposti skont il-paragrafu 1. L-ESMA għandha tippubblika dik l-informazzjoni f’rapport annwali.

Meta l-Istati Membri jkunu għażlu, bi qbil mal-paragrafu 1, li jistabbilixxu pieni kriminali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 63, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom darba fis-sena jipprovdu lill-ESMA data anonimizzata u aggregata dwar l-investigazzjonijiet kriminali kollha magħmula u l-pieni kriminali imposti. L-ESMA għandha tippubblika f’rapport annwali data dwar il-pieni kriminali imposti.

7.  
Meta l-awtorità kompetenti tkun ħabbret lill-pubbliku penali amministrattiva jew miżura amministrattiva jew piena kriminali, hija għandha, fl-istess ħin, tirrapporta dak il-fatt lill-ESMA.
8.  

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet u s-setgħat tagħhom skont l-oqfsa nazzjonali tagħhom:

(a) 

direttament;

(b) 

f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra;

(c) 

taħt ir-responsabbiltà tagħhom b’delega lill-entitajiet li lilhom ikunu ġew iddelegati kompiti skont dan ir-Regolament; jew

(d) 

b’rikors lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

Artikolu 62

Pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw fis-sit web uffiċjali tagħhom kwalunkwe deċiżjoni li timponi penali amministrattiva jew miżura oħra għal ksur ta’ dan ir-Regolament mingħajr dewmien żejjed wara li l-persuna ppenalizzata tkun mgħarrfa b’dik id-deċiżjoni. Il-pubblikazzjoni għandha mill-inqas tinkludi tagħrif dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità ta’ persuna fiżika jew ġuridika li l-penali tkun ġiet imposta fuqha.

Meta d-deċiżjoni li tiġi imposta penali jew miżura oħra tkun soġġetta għal appell quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji jew oħra rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien bla bżonn, jippubblikaw ukoll fuq is-siti web uffiċjali tagħhom tagħrif dwar l-istatus tal-appell u l-eżitu tiegħu. Barra minn dan, għandha tiġi ppubblikata wkoll kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti li tiġi imposta penali jew miżura.

Fejn il-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuni ġuridiċi jew tad-data personali tal-persuni fiżiċi titqies bħala sproporzjonata mill-awtorità kompetenti b’segwitu għall-valutazzjoni ta’ kull każ individwali mwettqa fir-rigward tal-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ dik id-data, jew fejn il-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni li tkun għaddejja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

jipposponu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi imposta l-penali jew miżura oħra sal-mument meta r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ma jibqgħux jeżistu; jew

(b) 

jippubblikaw id-deċiżjoni li tiġi imposta l-penali jew miżura oħra fuq bażi anonima b’mod li jkun konformi mal-liġi nazzjonali, jekk tali pubblikazzjoni anonima tkun tiżgura protezzjoni effettiva tad-data personali kkonċernata; jew

(c) 

ma jippubblikawx id-deċiżjoni li tiġi imposta penali jew miżura oħra f’każ li l-għażliet mogħtija fil-punti (a) u (b) hawn fuq jitqiesu li huma insuffiċjenti biex jiżguraw:

(i) 

li ma tiġix mhedda l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji;

(ii) 

il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ miżuri meqjusa bħala ta’ natura minuri.

Fil-każ ta’ deċiżjoni li tiġi ppubblikata penali jew miżura oħra fuq bażi anonima, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista’ tiġi posposta għal perijodu raġonevoli jekk jiġi previst li f’dak il-perijodu r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima ma jkunux ser jibqgħu jeżistu.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-ESMA b’kull penali amministrattiva imposta iżda mhux ippubblikata f’konformità mal-punt (c) tat-tielet subparagrafu inkluż kwalunkwe appell b’rabta magħha u l-eżitu ta’ dan. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu informazzjoni u s-sentenza finali b’rabta ma’ kwalunkwe piena kriminali imposta u jippreżentawha lill-ESMA. L-ESMA għandha żżomm bażi ta’ data ċentrali ta’ penali ikkomunikati lilha għall-finijiet biss tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Dik il-bażi ta’ data għandha tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti biss u għandha tiġi aġġornata abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti.

2.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tibqa’ fuq is-sit web uffiċjali tagħhom għal tal-anqas ħames snin wara li tiġi ppubblikata. Id-data personali li tkun tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm biss fuq is-sit web uffiċjali tal-awtorità kompetenti għall-perijodu li jkun meħtieġ skont ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 63

Penali għal ksur

1.  

Dan l-Artikolu għandu japplika għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan ir-Regolament:

(a) 

il-forniment ta’ servizzi msemmija fit-Taqsimiet A, B u C tal-Anness bi ksur tal-Artikoli 16, 25 u 54;

(b) 

il-kisba tal-awtorizzazzjonijiet meħtieġa skont l-Artikoli 16 u 54 billi jsiru dikjarazzjonijiet foloz jew b’mezzi illegali oħrajn kif previst fil-punt (b) tal-Artikolu 20(1) u fil-punt (b) tal-Artikolu 57(1);

(c) 

nuqqas tas-CSDs milli jżommu l-kapital meħtieġ, bi ksur tal-Artikolu 47(1);

(d) 

nuqqas tas-CSDs milli jikkonformaw mar-rekwiżiti organizzattivi, bi ksur tal-Artikoli 26 sa 30;

(e) 

nuqqas tas-CSDs milli jikkonformaw mar-regoli tal-kondotta tan-negozju, bi ksur tal-Artikoli 32 sa 35;

(f) 

nuqqas tas-CSDs milli jikkonformaw mar-rekwiżiti għas-servizzi tas-CSD, bi ksur tal-Artikoli 37 sa 41;

(g) 

nuqqas tas-CSDs milli jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali, bi ksur tal-Artikoli 43 sa 47;

(h) 

nuqqas tas-CSDs milli jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-konnessjonijiet tas-CSDs, bi ksur tal-Artikolu 48;

(i) 

ċaħdiet abbużivi mis-CSDs milli jagħtu tipi differenti ta’ aċċess, bi ksur tal-Artikoli 49 sa 53;

(j) 

nuqqas tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati milli jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali speċifiċi relatati mar-riskji fuq il-kreditu, bi ksur tal-Artikolu 59(3);

(k) 

nuqqas tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati milli jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali speċifiċi relatati mar-riskji tal-likwidità, bi ksur tal-Artikolu 59(4).

2.  

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti, tal-inqas f’każ ta’ ksur imsemmi f’dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa, f’konformità mal-liġi nazzjonali, li tal-inqas jimponu l-penali amministrattivi u-miżuri oħra li ġejjin:

(a) 

dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna responsabbli mill-ksur u n-natura tal-ksur f’konformità mal-Artikolu 62;

(b) 

ordni li tesiġi li l-persuna responsabbli mill-ksur ma tissoktax bil-kondotta u sabiex ma tirrepetix dik il-kondotta;

(c) 

irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 16 jew 54, f’konformità mal-Artikolu 20 jew 57;

(d) 

projbizzjoni temporanja jew, għal ksur serju ripetut, permanenti kontra kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew kwalunkwe persuna fiżika oħra, li tkun miżmuma responsabbli, milli teżerċita funzjonijiet maniġerjali fl-istituzzjoni;

(e) 

penali pekunjarji amministrattivi massimi ta’ mill-anqas id-doppju tal-ammonti tal-profitti miksuba b’riżultat ta’ ksur, fejn dawk l-ammonti jistgħu jiġu determinati;

(f) 

fir-rigward ta’ persuna fiżika, penali pekunjarji amministrattivi massimi ta’ mill-anqas EUR 5 miljun jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(g) 

f’każ ta’ persuna ġuridika, penali pekunjarji amministrattivi massimi ta’ mill-anqas EUR 20 miljun jew sa 10 % tal-fatturat totali annwali tal-persuna ġuridika skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali; meta l-persuna ġuridika tkun impriża prinċipali jew sussidjarju tal-impriża prinċipali li jkollha tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE, il-fatturat totali annwali rilevanti għandu jkun il-fatturat totali annwali jew it-tip korrispondenti ta’ dħul skont id-Direttivi rilevanti tal-Kontabbiltà skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali aħħarija;

3.  
L-awtoritajiet kompetenti jista’ jkollhom setgħat oħrajn li jimponu penali b’żieda ma’ dawk imsemmija fil-paragrafu 2 u jistgħu jipprevedu livelli ogħla ta’ penali pekunjarji amministrattivi minn dawk stabbiliti f’dak il-paragrafu.

Artikolu 64

Applikazzjoni effettiva tal-penali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ penali amministrattivi jew miżuri oħra, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż, fejn ikun adatt:

(a) 

il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur;

(b) 

il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(c) 

is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, pereżempju kif indikata mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew id-dħul annwali tal-persuna fiżika responsabbli;

(d) 

l-importanza tal-profitti miksuba, it-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur jew it-telf għall-partijiet terzi minħabba l-ksur, sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti;

(e) 

il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-awtorità kompetenti, mingħajr ħsara għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(f) 

ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur.

Artikolu 65

Rapportar ta’ ksur

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jinkoraġġixxu r-rapportar ta’ ksur potenzjali jew reali ta’ dan ir-Regolament lill-awtoritajiet kompetenti.
2.  

Bħala minimu, il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a) 

proċeduri speċifiċi biex jiġu rċevuti u għall-investigazzjoni ta’ rapporti dwar ksur potenzjali jew reali u s-segwitu tagħhom, inkluż l-istabbiliment ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni siguri għal dawk ir-rapporti;

(b) 

protezzjoni adatta għall-impjegati tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw ksur potenzjali jew reali mwettaq fl-istituzzjoni kontra ritaljazzjoni, diskriminazzjoni jew tipi oħrajn ta’ trattament inġust bħala minimu;

(c) 

protezzjoni tad-data personali li tikkonċerna kemm lill-persuna li tirrapporta l-ksur potenzjali jew reali kif ukoll lill-persuna fiżika li hija allegatament responsabbli għal ksur skont il-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE;

(d) 

protezzjoni tal-identità kemm tal-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll tal-persuna fiżika li hija allegatament responsabbli għal ksur, fl-istadji kollha tal-proċeduri dment li tali żvelar ma jkunx mitlub mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjoni ulterjuri jew proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji sussegwenti.

3.  
L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-istituzzjonijiet ikollhom fis-seħħ proċeduri adatti għall-impjegati tagħhom sabiex jirrapportaw ksur reali jew potenzjali internament b’mezz speċifiku, indipendenti u awtonomu.

Tali mezz jista’ wkoll jiġi pprovdut permezz ta’ arranġamenti previsti mill-imsieħba soċjali. Għandha tapplika l-istess protezzjoni kif msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2.

Artikolu 66

Id-dritt tal-appell

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet u l-miżuri meħudin f’konformità ma’ dan ir-Regolament ikunu motivati tajjeb u soġġetti għal ta’ appell quddiem tribunal. Id-dritt ta’ appell quddiem tribunal għandu japplika meta ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fir-rigward ta’ applikazzjoni, fi żmien sitt xhur minn meta tiġi ppreżentata, għal awtorizzazzjoni li jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

TITOLU VI

DELEGA TA’ SETGĦAT, SETGĦAT TA’ IMPLIMENTAZZJONI, DISPOŻIZZJONIJIET TRANSIZZJONALI, TA’ EMENDA U FINALI

Artikolu 67

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Qed tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet mogħtija f’dan l-Artikolu.

▼M4

2.  
Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat mis-17 ta' Settembru 2014.

▼M4

2a.  
Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 7(5) u (9) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat mis-16 ta’ Jannar 2024.

▼M4

3.  
Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 2(2) u fl-Artikolu 7(5) u (9) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

▼B

4.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

▼M4

5.  
Att delegat adottat skont l-Artikoli 2(2) u l-Artikolu 7(5) u (9) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼B

Artikolu 68

Proċedura ta’ Kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat Ewropew tat-Titoli stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE ( 12 ). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼M4

3.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

▼B

Artikolu 69

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw lill-ESMA dawk l-istituzzjonijiet li joperaw bħala CSDs sas-16 ta’ Diċembru 2014.
2.  
Is-CSDs għandhom japplikaw għall-awtorizzazzjonijiet kollha li huma meħtieġa għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikaw il-konnessjonijiet rilevanti tas-CSD fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards tekniċi regolatorji kollha adottati skont l-Artikoli 17, 26, 45, 47, 48, u fejn ikun rilevanti, l-Artikoli 55 u 59.
3.  
Fi żmien sitt xhur minn dak li jkun l-aktar reċenti bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards regolatorji tekniċi adottati skont l-Artikoli 12, 17, 25, 26, 45, 47, 48, u fejn ikun rilevanti, l-Artikoli 55 u 59 jew id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(9), CSD ta’ pajjiż terz għandu japplika għal rikonoxximent mill-ESMA fejn ikun beħsiebu jipprovdi s-servizzi tiegħu abbażi tal-Artikolu 25.

▼M4

4.  
Ir-regoli nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni tas-CSDs għandhom jibqgħu japplikaw sad-data meta tittieħed deċiżjoni skont dan ir-Regolament dwar l-awtorizzazzjoni tas-CSDs u tal-attivitajiet tagħhom, inkluż il-konnessjonijiet tas-CSD; jew sas-17 ta’ Jannar 2025, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.

▼M4

4a.  
Ir-regoli nazzjonali dwar ir-rikonoxximent tas-CSDs ta' pajjiżi terzi għandhom jibqgħu japplikaw sa d-data meta tittieħed deċiżjoni skont dan ir-Regolament dwar ir-rikonoxximent tas-CSDs ta' pajjiżi terzi u tal-attivitajiet tagħhom jew sas-17 ta’ Jannar 2027, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.

CSD ta' pajjiż terz li jipprovdi s-servizzi ewlenin imsemmija fit-Taqsima A, il-punti 1 u 2, tal-Anness fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru msemmi fl-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli dwar ir-rikonoxximent ta' CSDs ta' pajjiż terz għandu jinnotifika b'dan lill-ESMA fi żmien sentejn mis-16 ta’ Jannar 2024.

L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-informazzjoni li s-CSD ta' pajjiż terz huwa meħtieġ li jipprovdi lill-ESMA fin-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu. Tali informazzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ, inkluż, fejn applikabbli u disponibbli:

(a) 

l-għadd ta' parteċipanti li lilhom is-CSD ta' pajjiż terz jipprovdi jew biħsiebu jipprovdi s-servizzi msemmija fit-tieni subparagrafu;

(b) 

il-kategoriji ta' strumenti finanzjarji li fir-rigward tagħhom is-CSD ta' pajjiż terz jipprovdi tali servizzi; u

(c) 

il-volum u l-valur totali ta' tali strumenti finanzjarji.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4b.  
CSD ta' pajjiż terz li pprovda s-servizz ewlieni msemmi fit-Taqsima A, il-punt 3, tal-Anness fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru msemmi fl-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, qabel is-17 ta’ Jannar 2026 għandu jippreżenta n-notifika msemmija fl-Artikolu 25(2a) sas-17 ta’ Jannar 2026.
4c.  
Meta CSD ikun ippreżenta applikazzjoni kompluta għar-rikonoxximent f'konformità mal-Artikolu 25(4), (5) u (6) qabel is-16 ta’ Jannar 2024 iżda l-ESMA ma tkunx ħarġet deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 25(6) sa dik id-data, ir-regoli nazzjonali dwar ir-rikonoxximent tas-CSD għandhom ikomplu japplikaw sakemm tinħareġ id-deċiżjoni tal-ESMA.

▼B

5.  
Is-CSDs imħaddma mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard minn sena mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards regolatorji tekniċi msemmija fil-paragrafu 2.

▼M4

6.  
L-att delegat adottat skont l-Artikolu 7(14) kif applikabbli qabel is-16 ta’ Jannar 2024 għandu jkompli japplika sad-data tal-applikazzjoni tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 7(5).

L-att delegat adottat skont l-Artikolu 7(15), il-punti (a), (b) u (g), kif applikabbli qabel is-16 ta’ Jannar 2024 għandu jkompli japplika sad-data tal-applikazzjoni tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 7(10).

7.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu kulleġġi skont l-Artikolu 24a fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 24a(13).
8.  

CSD li, fi Stat Membru ieħor, ipprovda s-servizzi ewlenin imsemmija fit-Taqsima A, il-punti 1 u 2, tal-Anness jew stabbilixxa fergħa, f'konformità mal-Artikolu 23 kif applikabbli qabel is-16 ta’ Jannar 2024 għandu jkun soġġett għall-proċedura li tinsab fl-Artikolu 23(3) sa (6) fir-rigward biss ta':

(a) 

l-istabbiliment ta' fergħa ġdida;

(b) 

bidla fil-firxa ta' dawk is-servizzi.

▼B

Artikolu 70

Emendi għad-Direttiva 98/26/KE

Id-Direttiva 98/26/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1) 

it-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt (a) tal-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

— 
“— 

nominati, mingħajr preġudizzju għal kondizzjonijiet oħrajn aktar rigorużi ta’ applikazzjoni ġenerali stabbiliti mil-liġi nazzjonali, bħala sistema u notifikati lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq mill-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun applikabbli, wara li dak l-Istat Membru jkun issodisfat rigward l-adegwatezza tar-regoli tas-sistema.”.

(2) 

fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.  
Sat-18 ta’ Marzu 2015, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw u jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mat-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt (a) tal-Artikolu 2.”

Artikolu 71

Emendi għad-Direttiva 2014/65/UE

Id-Direttiva 2014/65/UE hija emendata kif ġej:

(1) 

fl-Artikolu 2(1), il-punt (o) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(o) 

CSDs ħlief kif previst fl-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 13 ).

(2) 

fl-Artikolu 4(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(64) 

‘depożitorju ċentrali tat-titoli’ jew ‘CSD’ tfisser depożitorju ċentrali tat-titoli kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.”;

(3) 

fit-Taqsima B tal-Anness I il-punt (1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(1) Il-ħarsien u l-amministrazzjoni ta’ strumenti finanzjarji għall-kont tal-klijenti, inklużi l-kustodja u servizzi relatati bħall-ġestjoni ta’ flus fil-pront/kollaterali u esklużi l-forniment u ż-żamma tal-kontijiet ta’ titoli fl-ogħla livell (‘servizz ta’ manutenzjoni ċentrali’) imsemmija fil-punt (2) tat-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014. ( 14 )”.

▼M4 —————

▼B

Artikolu 73

L-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014

Is-CSDs awtorizzati skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni taħt id-Direttiva 2014/65/UE biex jipprovdu s-servizzi elenkati espliċitament fit-Taqsimiet A u B tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Meta CSD awtorizzat skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi servizz ta’ investiment wieħed jew aktar jew iwettaq attività ta’ investiment waħda jew aktar b’żieda mal-għoti tas-servizzi elenkati espliċitament fit-Taqsimiet A u B tal-Anness ta’ dan ir-Regolament, id-Direttiva 2014/65/UE bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 5 sa 8, l-Artikolu 9(1), (2), (4) u (6) u l-Artikoli 10 sa 13 u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 għandhom japplikaw.

Artikolu 74

Rapporti

1.  

►M4  L-ESMA, f'kooperazzjoni mal-EBA u mal-awtoritajiet kompetenti u mal-awtoritajiet rilevanti, għandha tippreżenta rapporti lill-Kummissjoni li jipprovdu valutazzjonijiet tax-xejriet, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet, u fejn meħtieġ, rakkomandazzjonijiet għal azzjoni preventiva u ta' rimedju fis-swieq tas-servizzi koperti minn dan ir-Regolament. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu valutazzjoni ta' li ġej: ◄

▼M4

(a) 

l-effiċjenza tas-saldu għal operazzjonijiet domestiċi u transkonfinali għal kull Stat Membru, b'kont meħud ta' mill-inqas dan li ġej:

(i) 

l-għadd u l-volum tan-nuqqas ta' saldu u l-evoluzzjoni tagħhom;

(ii) 

l-impatt tal-penali fi flus kontanti fuq nuqqas ta' saldu fl-istrumenti kollha;

(iii) 

it-tul ta' żmien u l-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta' saldu;

(iv) 

il-kategoriji ta' strumenti finanzjarji u swieq fejn jiġu osservati l-ogħla rati ta' nuqqas ta' saldu;

(v) 

tqabbil internazzjonali tar-rati tan-nuqqas ta' saldu;

(vi) 

l-ammont ta' penali fi flus kontanti msemmija fl-Artikolu 7;

(vii) 

fejn applikabbli, l-għadd u l-volumi tax-xiri sfurzat obbligatorju msemmi fl-Artikolu 7a;

(viii) 

kwalunkwe miżura meħuda mill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw sitwazzjonijiet fejn l-effiċjenza tas-saldu ta' CSD fuq perjodu ta' sitt xhur tkun ferm aktar baxxa mil-livelli medji ta' effiċjenza tas-saldu rreġistrati fis-suq tal-Unjoni;

(aa) 

il-livelli ta' effiċjenza tas-saldu meta mqabbla mas-sitwazzjoni fi swieq kapitali ewlenin ta' pajjiżi terzi kif ukoll f'termini ta' strumenti nnegozjati u tipi ta' tranżazzjonijiet eżegwiti f'tali swieq;

(b) 

l-adegwatezza tal-penali fi flus kontanti għal nuqqas ta' saldu, b'mod partikolari l-ħtieġa għal aktar flessibbiltà b’rabta ma dawk il-penali għal nuqqas ta' saldu b'rabta mal-istrumenti finanzjarji illikwidi;

(c) 

l-għadd u l-volum ta' tranżazzjonijiet li jiġu saldati barra mis-sistemi ta' saldu tat-titoli operati mis-CSDs u l-evoluzzjoni tagħhom maż-żmien, inkluż tqabbil mal-għadd u l-volum tat-tranżazzjonijiet li jiġu saldati fis-sistemi ta' saldu tat-titoli operati mis-CSDs, abbażi tal-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 9 u skont kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, kif ukoll l-impatt ta' dik l-evoluzzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq tas-saldu u kwalunkwe riskju potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja minn saldu internalizzat;

▼B

(d) 

il-forniment ta’ servizzi transkonfinali koperti minn dan ir-Regolament abbażi tal-għadd u t-tip ta’ konnessjonijiet tas-CSDs, l-għadd ta’ parteċipanti barranin fis-sistemi tas-saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs, l-għadd u l-volum tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu tali parteċipanti, l-għadd ta’ emittenti barranin li jirreġistraw it-titoli tagħhom f’CSD skont l-Artikolu 49 u kwalunkwe kriterju rilevanti ieħor;

(e) 

it-trattament tat-talbiet għal aċċess fl-Artikoli 49, 52 u 53 biex tidentifika r-raġunijiet għaċ-ċaħda tat-talbiet għal aċċess minn CSDs, CCPs u ċentri ta’ negozjar, ix-xejriet jekk ikun hemm ta’ dawk iċ-ċaħdiet u l-modi kif ir-riskji identifikati jistgħu jittaffew fil-ġejjieni sabiex l-aċċess ikun jista’ jingħata, u kwalunkwe ostaklu materjali ieħor għall-kompetizzjoni f’servizzi finanzjarji ta’ wara n-negozjar;

(f) 

it-trattament tal-applikazzjonijiet ippreżentati skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 23(3) sa (7) u l-Artikolu 25(4) sa (10);

(g) 

fejn japplika, is-sejbiet tal-proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għas-superviżjoni transkonfinali fl-Artikolu 24(6) u jekk il-frekwenza ta’ dawk l-evalwazzjonijiet tistax titnaqqas fil-ġejjieni, inkluż indikazzjoni ta’ jekk dawk is-sejbiet jindikawx il-ħtieġa għal kulleġġi ta’ superviżuri aktar formali;

(h) 

l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri b’rabta mat-telf attribwibbli lis-CSDs;

(i) 

il-proċeduri u l-kondizzjonijiet marbuta mal-awtorizzazzjoni sabiex is-CSDs jinnominaw istituzzjonijiet ta’ kreditu jew jipprovdu lilhom infushom servizzi anċillari ta’ tip bankarju skont l-Artikoli 54 u 55, inkluż valutazzjoni tal-effetti li dak il-provvediment jista’ jkollu fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-kompetizzjoni għas-saldu u s-servizzi anċillari ta’ tip bankarju fl-Unjoni;

(j) 

l-applikazzjoni tar-regoli msemmija fl-Artikolu 38 dwar il-protezzjoni tat-titoli tal-parteċipanti u dawk tal-klijenti tagħhom, b’mod partikolari dawk fl-Artikolu 38(5);

(k) 

l-applikazzjoni tal-penali u b’mod partikolari l-ħtieġa għal aktar armonizzazzjoni tal-penali amministrattivi stabbiliti għall-ksur tar-rekwiżiti stipulati f’ dan ir-Regolament;

▼M4

(l) 

it-trattament tan-notifiki ppreżentati f'konformità mal-Artikolu 25(2a);

▼M4

2.  

Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintbgħatu lill-Kummissjoni kif ġej:

(a) 

kull sentejn għar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (aa), (b), (c), (i) u (l);

(b) 

kull tliet snin għar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (d) u (f);

(c) 

tal-inqas kull tliet snin, u fi kwalunkwe każ fi żmien sitt xhur minn eżerċizzju ta’ rieżami bejn il-pari li jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 24, għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (g);

(d) 

fuq talba mingħand il-Kummissjoni, għar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (e), (h), (j) u (k).

Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġu kkomunikat lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April tas-sena rilevanti kif determinat skont il-perjodiċità stabbilita fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

▼M4

3.  

Sas-17 ta’ Jannar 2025 u kull sentejn wara dan, l-ESMA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni fir-rigward tat-tqassir potenzjali tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 5(2), l-ewwel sentenza ("ċiklu tas-saldu"). Dak ir-rapport għandu jinkludi dan kollu li ġej:

(a) 

valutazzjoni tal-adegwatezza tat-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu u l-impatt potenzjali ta' tali tqassir fuq is-CSDs, iċ-ċentri tan-negozjar u parteċipanti oħra fis-suq;

(b) 

valutazzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji tat-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu fl-Unjoni, filwaqt li ssir differenzjazzjoni, meta jkun xieraq, bejn strumenti finanzjarji differenti u kategoriji ta' tranżazzjonijiet;

(c) 

qafas dettaljat dwar kif issir il-bidla lejn ċiklu tas-saldu iqsar, filwaqt li ssir differenzjazzjoni, meta jkun xieraq, bejn strumenti finanzjarji differenti u kategoriji ta' tranżazzjonijiet;

(d) 

ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi internazzjonali dwar iċ-ċikli tas-saldu u l-impatt tagħhom fuq is-swieq kapitali tal-Unjoni.

4.  

Fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-ESMA għandha tipprovdi analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-introduzzjoni tal-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju. Analiżi bħal din tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji għandha tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

(a) 

it-tul ta' żmien medju tan-nuqqas ta' saldu fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji jew il-kategoriji ta' tranżazzjonijiet f'dawk l-istrumenti finanzjarji li għalihom jista' japplika x-xiri sfurzat obbligatorju;

(b) 

l-impatt tal-introduzzjoni tal-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju fis-suq tal-Unjoni, inkluż valutazzjoni tal-kawżi sottostanti tan-nuqqas ta' saldu li għalihom jista' japplika x-xiri sfurzat obbligatorju u analiżi tal-implikazzjonijiet biex l-istrumenti finanzjarji speċifiċi u l-kategoriji ta' tranżazzjonijiet ikunu soġġetti għax-xiri sfurzat obbligatorju;

(c) 

l-applikazzjoni ta' proċess simili ta' xiri sfurzat fi swieq komparabbli ta' pajjiżi terzi u l-impatt fuq il-kompetittività tas-suq tal-Unjoni;

(d) 

kwalunkwe impatt ċar fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni li jirriżulta minn nuqqas ta' saldu;

(e) 

kwalunkwe impatt ċar fuq il-frammentazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni li jirriżulta minn rati diverġenti tal-effiċjenza tas-saldu, inkluż ir-raġunijiet għal tali diverġenza u miżuri xierqa biex tiġi limitata.

5.  
L—EBA għandha, f'kooperazzjoni mal-membri tas-SEBĊ u l-ESMA, tippubblika rapport annwali dwar dawk is-CSDs li jinnominaw CSDs oħra jew istituzzjonijiet ta' kreditu għall-forniment ta' servizzi anċillari ta' tip bankarju. Dak ir-rapport għandu jqis is-sejbiet relatati mal-monitoraġġ tal-livell limitu mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 54(5) u l-implikazzjonijiet tal-kreditu u tal-likwidità għal CSDs li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju taħt tali livell limitu.
6.  
L-ESMA għandha, wara li tikkonsulta lis-SEBĊ, tippreżenta rapport sas-17 ta’ Jannar 2025 lill-Kummissjoni rigward l-adegwatezza li jiġu applikati għodod regolatorji addizzjonali biex tittejjeb l-effiċjenza tas-saldu fl-Unjoni.

Dak ir-rapport għandu jkopri tal-anqas it-tiswir tad-daqsijiet tat-tranżazzjonijiet, is-saldu parzjali ta' negozji li qed ifallu, u l-użu ta' programmi ta' għoti b'self/teħid b'self awtomatizzat.

Minn hemm 'il quddiem, l-ESMA, wara li tikkonsulta lill-membri tas-SEBĊ, għandha tirrapporta kull tliet snin dwar kwalunkwe għodda addizzjonali potenzjali biex tittejjeb l-effiċjenza tas-saldu fl-Unjoni. F'każijiet fejn ma tkun ġiet identifikata ebda għodda ġdida, l-ESMA għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dan u ma għandhiex tkun meħtieġa tipprovdi rapport.

7.  
Sas-17 ta’ Jannar 2026, l-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ u tal-ESMA, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tat-telf tal-kreditu residwu marbut mal-iskopertura tal-kreditu residwu kif imsemmi fl-Artikolu 59(3), il-punt (g) u l-modi ta' kif dan jista' jiġi indirizzat. Dak ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

▼M4

Artikolu 75

Rieżami

Sas-17 ta’ Jannar 2029, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina u tħejji rapport ġenerali dwar dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari, tivvaluta:

(a) 

il-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 74(1), il-punti (a) sa (l), jistabbilixxu jekk hemmx ostakli sostantivi għall-kompetizzjoni fir-rigward tas-servizzi soġġetti għal dan ir-Regolament li ma humiex indirizzati biżżejjed u jqisu l-ħtieġa potenzjali li jiġu applikati miżuri ulterjuri biex:

(i) 

itejbu l-effiċjenza tas-saldu;

(ii) 

jillimitaw l-impatt fuq il-kontribwenti tal-falliment tas-CSDs;

(iii) 

jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni ta' kompetizzjoni jew ta' stabbiltà finanzjarja identifikata relatata mas-saldu internalizzat;

(iv) 

jimminimizzaw l-ostakli għas-saldu transkonfinali;

(v) 

jiżguraw setgħat u informazzjoni adegwati għall-awtoritajiet biex jimmonitorjaw ir-riskji;

(b) 

il-funzjonament tal-qafas regolatorju u superviżorju għas-CSDs tal-Unjoni, speċjalment dawk is-CSDs li l-attivitajiet tagħhom huma ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u tal-protezzjoni tal-investituri fl-Unjoni f'mill-inqas żewġ Stati Membri ospitanti, b'enfasi partikolari fuq il-forniment transkonfinali ta' servizzi, ir-riskji potenzjali għall-klijenti u l-parteċipanti ta’ CSDs, il-protezzjoni tal-investituri u l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni;

(c) 

il-funzjonament u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas regolatorju u superviżorju tal-Unjoni għal CSDs ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari s-superviżjoni ta’ tali CSDs meta jipprovdu servizzi fl-Unjoni, inkluż ir-rwol tal-ESMA.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' kwalunkwe proposta xierqa.

▼B

Artikolu 76

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.  
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.  
L-Artikoli 3(1) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 għal titoli trasferibbli maħruġa wara dik id-data u mill-1 ta’ Jannar 2025 għat-titoli trasferibbli kollha.
3.  
L-Artikolu 5(2) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fil-każ ta’ ċentru tan-negozjar li għandu aċċess għal CSD msemmi fl-Artikolu 30(5), l-Artikolu 5(2) għandu japplika tal-anqas sitt xhur qabel tali CSD jesternalizza l-attivitajiet tiegħu lill-entità pubblika rilevanti, u fi kwalunkwe każ mill-1 ta’ Jannar 2016.

4.  
Il-miżuri dixxiplinari tas-saldu msemmija fl-Artikolu 6(1) sa (4) għandhom japplikaw mid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat mill-Kummissjon skont l-Artikolu 6(5).
5.  
►M2  Kull waħda mill-miżuri dixxiplinari tas-saldu msemmija fl-Artikolu 7(1) sa (13) għandha tapplika mid-data ta’ applikazzjoni speċifikata għal kull miżura dixxiplinari tas-saldu fl-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(15). ◄

MTF li tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2014/65/UE għandha tkun soġġetta għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-Regolament:

(a) 

sad-determinazzjoni finali tal-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2014/65/UE; jew

(b) 

fejn MTF ma applikatx għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2014/65/UE, sat- ►M1  13 ta' Ġunju 2018 ◄ .

6.  
Il-mizuri ta’ rapportar msemmija fl-Artikolu 9(1) għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(3).
7.  
Referenzi f’dan ir-Regolament għad-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014, għandhom, qabel it- ►M1  3 ta' Jannar 2018 ◄ , jinqraw bħala referenzi għad-Direttiva 2004/39/KE skont it-tabella ta’ korrelazzjoni stipulata fl-Anness IV għad-Direttiva 2014/65/UE sakemm dik it-tabella ta’ korrelazzjoni fiha dispożizzjonijiet li jirreferu għad-Direttiva 2004/39/KE.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

LISTA TA’ SERVIZZI

TAQSIMA A

Servizzi ewlenin tad-depożitorji ċentrali tat-titoli

1. Ir-reġistrar inizjali tat-titoli f’sistema ta’ entrata fil-kotba (‘servizz notarili’);

2. Il-forniment u ż-żamma ta’ kontijiet ta’ titoli fl-ogħla grad (‘servizz ta’ manutenzjoni ċentrali’);

3. It-tħaddim ta’ sistema ta’ saldu tat-titoli (‘servizz ta’ saldu’).

TAQSIMA B

Servizzi anċillari mhux ta’ tip bankarju tas-CSDs li ma jinvolvux riskju ta’ kreditu jew ta’ likwidità

Servizzi pprovduti minn CSDs li jikkontribwixxu għat-titjib tas-sikurezza, l-effiċjenza u t-trasparenza tas-swieq tat-titoli, li jistgħu jinkludu iżda li mhumiex ristretti għal:

1. 

Servizzi relatati mas-servizz ta’ saldu, bħal:

(a) 

L-organizzazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ self ta’ titoli, bħala aġent fost il-parteċipanti f’sistema ta’ saldu tat-titoli;

(b) 

Il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni tal-kollateral, bħala aġent għall-parteċipanti f’sistema ta’ saldu tat-titoli;

(c) 

Tqabbil tas-saldu, twassil tal-istruzzjonijiet, konferma tan-negozju, verifika tan-negozju.

2. 

Servizzi relatati mas-servizzi notarili u ta’ manutenzjoni ċentrali, bħal:

(a) 

Servizzi relatati mar-reġistri tal-azzjonisti;

(b) 

L-appoġġ għall-ipproċessar ta’ azzjonijiet korporattivi, inklużi servizzi ta’ taxxa, laqgħat ġenerali u tagħrif;

(c) 

Servizzi ta’ ħarġiet ġodda, inklużi l-allokazzjoni u l-ġestjoni tal-kodiċijiet ISIN (International Securities Identification Number) u kodiċijiet simili;

(d) 

Twassil tal-istruzzjonijiet u pproċessar, ġbir ta’ tariffi u pproċessar u rapportar relatat.

3. 

L-istabbiliment ta’ konnessjonijiet ta’ CSD, il-forniment, iż-żamma jew it-tħaddim ta’ kontijiet ta’ titoli relatati mas-servizz ta’ saldu, il-ġestjoni tal-kollateral, servizzi anċillari oħrajn.

4. 

Servizzi oħrajn, bħal:

(a) 

Il-forniment ta’ servizzi ġenerali ta’ ġestjoni ta’ kollateral bħala agent;

(b) 

Il-forniment ta’ rapportar regolari;

(c) 

Il-forniment ta’ informazzjoni, data u statistika għall-uffiċċji tas-suq/taċ-ċensiment jew għal entitajiet governattivi jew intergovernattivi oħra;

(d) 

Il-forniment ta’ servizzi tal-IT.

TAQSIMA C

Servizzi anċillari ta’ tip bankarju

Is-servizzi ta’ tip bankarju direttament relatati ma’ servizzi ewlenin jew anċillari elenkati fit-Taqsimiet A u B, bħal:

(a) 

Il-forniment ta’ kontijiet ta’ flus kontanti lil, u l-aċċettazzjoni ta’ depożiti minn, parteċipanti f’sistema ta’ saldu tat-titoli u detenturi ta’ kontijiet ta’ titoli, skont it-tifsira tal-punt 1 tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE;

(b) 

Il-forniment ta’ kreditu ta’ flus kontanti għar-rimborż mhux iktar tard mill-jum ta’ xogħol segwenti, it-tislif ta’ flus kontanti għal prefinanzjament ta’ azzjonijiet korporattivi u t-tislif ta’ titoli lil detenturi ta’ kontijiet ta’ titoli, skont it-tifsira tal-punt 2 tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE;

(c) 

Servizzi ta’ pagament li jinvolvu l-ipproċessar ta’ flus kontanti u tranżazzjonijiet ta’ kambju f’munita barranija, skont it-tifsira tal-punt 4 tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE;

(d) 

Garanziji u impenji b’rabta ma’ tislif u self ta’ titoli, skont it-tifsira tal-punt 6 tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE;

(e) 

Attivitajiet tat-teżor li jinvolvu l-kambju f’munita barranija u titoli trasferibbli b’rabta mal-ġestjoni ta’ bilanċi twal tal-parteċipanti, skont it-tifsira tal-punti 7(b) u (e) tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE.



( 1 ) Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

( 2 ) Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).

( 3 ) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

( 4 ) Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

( 5 ) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

( 6 ) Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

( 7 ) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

( 8 ) Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

( 9 ) Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, p1).

( 10 ) Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).

( 11 ) Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE tal-1 ta’ Awwissu 2006 li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ “persuni esposti politikament” u l-kriterji tekniċi għal proċeduri ssimplifikati tad-diliġenza dovuta mal-klijent u għal eżenzjoni għal raġunijiet ta’ attività finanzjarja mwettqa fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna (ĠU L 214, 4.8.2006, p. 29).

( 12 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE tas-6 ta’ Ġunju 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat tat-Titoli Ewropej (ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45).

( 13 ) Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar it-titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).”;

( 14 ) Jekk jogħġbok daħħal in-numru ta’ dan ir-Regolament.