Eureka 02014R0910-20241018 Sign in

02014R0910 — MT — 18.10.2024 — 002.007


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 910/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE

(ĠU L 257 28.8.2014, p. 73)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2022/2555 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tal-14 ta’ Diċembru 2022

  L 333

80

27.12.2022

►M2

REGOLAMENT (UE) 2024/1183 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tal-11 ta’ April 2024

  L 1183

1

30.4.2024


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 90317, 9.4.2025, p.  1 ((UE) 2024/1183)

►C2

Rettifika, ĠU L 90058, 29.1.2026, p.  1 (Nru 910/2014)

►C3

Rettifika, ĠU L 90075, 3.2.2026, p.  1 ((UE) 2024/1183)




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 910/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

▼M2

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li jiġi pprovdut livell adegwat ta’ sigurtà tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u tas-servizzi fiduċjarji użati fl-Unjoni, sabiex jippermetti u jiffaċilita l-eżerċizzju minn persuni fiżiċi u ġuridiċi tad-dritt li jipparteċipaw fis-soċjetà diġitali b’mod sikur u li jaċċessaw servizzi pubbliċi u privati online fl-Unjoni kollha. Għal dawn il-finijiet, dan ir-Regolament:

(a) 

jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li jaqgħu fi skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata ta’ Stat Membru ieħor u jipprovdu u jirrikonoxxu Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali;

(b) 

jistabbilixxi r-regoli għas-servizzi fiduċjarji, b’mod partikolari għat-tranżazzjonijiet elettroniċi;

(c) 

jistabbilixxi qafas legali għall-firem elettroniċi, għas-siġilli elettroniċi, għat-timbri tal-ħin elettroniċi, għad-dokumenti elettroniċi, għas-servizzi elettroniċi ta’ konsenja reġistrata, għas-servizzi taċ-ċertifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi, għall-arkivjar elettroniku, għall-attestazzjoni elettronika tal-attributi, għall-apparati għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi, apparati għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi, u reġistri elettroniċi

▼B

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

▼M2

1.  
Dan ir-Regolament japplika għall-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika nnotifikati minn Stat Membru, għall-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali pprovduti minn Stat Membru u għall-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fl-Unjoni.

▼B

2.  
Dan ir-Regolament ma japplikax għall-forniment ta’ servizzi fiduċjarji li jintużaw esklussivament f’sistemi magħluqa li jirriżultaw mil-liġi nazzjonali jew minn ftehimiet bejn grupp definit ta’ parteċipanti.

▼M2

3.  
Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali dwar il-konklużjoni u l-validità ta’ kuntratti, obbligi legali jew proċedurali oħra relatati mal-forma jew ma’ rekwiżiti speċifiċi għas-settur fir-rigward tal-forma.
4.  
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. ( 1 ) .

▼B

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

▼M2

(1) 

‘identifikazzjoni elettronika’ tfisser il-proċess tal-użu ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna f’forma elettronika li tkun tirrapreżenta b’mod esklussiv persuna fiżika jew ġuridika, jew persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta persuna fiżika oħra jew persuna ġuridika;

(2) 

‘mezz ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser unità fiżika u/jew mhux fiżika li jkun fiha data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, u li tintuża għall-awtentikazzjoni għal servizz online jew, fejn adatt, għal servizz offline;

(3) 

‘data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna’ tfisser sett ta’ data li jinħareġ f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali li jippermetti li tkun tista’ tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna fiżika jew ġuridika, jew ta’ persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta persuna fiżika oħra jew persuna ġuridika.

(4) 

‘skema ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser sistema għall-identifikazzjoni elettronika li permezz tagħha jinħarġu mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew lil persuni fiżiċi li jkunu qed jirrappreżentaw persuni fiżiċi oħra jew persuni ġuridiċi;

(5) 

‘awtentikazzjoni’ tfisser proċess elettroniku li jippermetti l-konferma tal-identifikazzjoni elettronika ta’ persuna fiżika jew ġuridika, jew il-konferma tal-oriġini u l-integrità ta’ data f’forma elettronika;

▼M2

(5a) 

‘utent’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, jew persuna fiżika li tirrappreżenta persuna fiżika oħra jew persuna ġuridika, li tuża servizzi fiduċjarji jew mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika provduti f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

▼M2

(6) 

‘parti dipendenti’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tiddependi fuq l-identifikazzjoni elettronika, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jew mezzi oħra ta’ identifikazzjoni elettronika, jew fuq servizz fiduċjarju;

▼B

(7) 

‘korp tas-settur pubbliku’ tfisser Stat, awtorità reġjonali jew lokali, korp irregolat bid-dritt pubbliku jew assoċjazzjoni magħmula minn awtorità jew diversi tali awtoritajiet jew korp jew diversi tali korpi, jew entità privata mogħtija mandat minn tal-inqas waħda minn dawk l-awtoritajiet, il-korpi jew l-assoċjazzjonijiet biex tipprovdi servizzi pubbliċi meta taġixxi skont tali mandat;

(8) 

‘korp irregolat mid-dritt pubbliku’ tfisser korp iddefinit fil-punt (4) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(9) 

‘firmatarju’ tfisser persuna fiżika li toħloq firma elettronika;

(10) 

‘firma elettronika’ tfisser data f’forma elettronika li tinhemeż ma’ data elettronika oħra jew tiġi assoċjata b’mod loġiku magħha u li tintuża mill-firmatarju biex jiffirma;

(11) 

‘firma elettronika avvanzata’ tfisser firma elettronika li tissodisfa r-rekwiżitistabbiliti fl-Artikolu 26;

(12) 

‘firma elettronika kwalifikata’ tfisser firma elettronika avvanzata li tkun maħluqa minn apparat għall-ħolqien tal-firem elettroniċi kwalifikati, u li tkun ibbażata fuq ċertifikat kwalifikat għall-firem elettroniċi;

(13) 

‘data għall-ħolqien ta’ firma elettronika’ tfisser data unika li tintuża mill-firmatarju biex joħloq firma elettronika;

(14) 

‘ċertifikat għall-firma elettronika’ tfisser attestazzjoni elettronika li tikkollega data ta’ validazzjoni tal-firma elettronika ma’ persuna fiżika u tikkonferma mill-inqas l-isem jew il-psewdonimu ta’ dik il-persuna;

(15) 

‘ċertifikat kwalifikat għall-firma elettronika’ tfisser ċertifikat għall-firem elettroniċi, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness I;

▼M2

(16) 

‘servizz fiduċjarju’ tfisser servizz elettroniku normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti minn kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) 

il-ħruġ ta’ ċertifikati għal firem elettroniċi, ċertifikati għas-siġilli elettroniċi, ċertifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi jew ċertifikati għall-forniment ta’ servizzi fiduċjarji oħra;

(b) 

il-validazzjoni ta’ ċertifikati għal firem elettroniċi, ċertifikati għas-siġilli elettroniċi, ċertifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi jew ċertifikati għall-forniment ta’ servizzi fiduċjarji oħra;

(c) 

il-ħolqien ta’ firem elettroniċi jew siġilli elettroniċi;

(d) 

il-validazzjoni ta’ firem elettroniċi jew siġilli elettroniċi;

(e) 

il-preservazzjoni ta’ firem elettroniċi, siġilli elettroniċi, ċertifikati għall-firem elettroniċi jew ċertifikati għas-siġilli elettroniċi;

(f) 

il-ġestjoni ta’ apparati għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod jew apparati għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi mill-bogħod;

(g) 

il-ħruġ ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi;

(h) 

il-validazzjoni ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi;

(i) 

il-ħolqien ta’ timbri tal-ħin elettroniċi;

(j) 

il-validazzjoni ta’ timbri tal-ħin elettroniċi;

(k) 

il-forniment ta’ servizzi elettroniċi ta’ konsenja reġistrata;

(l) 

il-validazzjoni ta’ data trażmessa permezz ta’ servizzi elettroniċi ta’ konsenja reġistrata u evidenza relatata;

(m) 

l-arkivjar elettroniku ta’ data elettronika u ta’ dokumenti elettroniċi;

(n) 

ir-reġistrazzjoni ta’ data elettronika f’reġistru elettroniku;

▼B

(17) 

‘servizz fiduċjarju kwalifikat’ tfisser servizz fiduċjarju li jkun jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stipulati f’dan ir-Regolament;

▼M2

(18) 

‘korp ta’ valutazzjoni tal-konformità’ tfisser korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 13 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, li huwa akkreditat f’konformità ma’ dak ir-Regolament bħala kompetenti biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità ta’ fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji u tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li jipprovdi, jew bħala kompetenti biex iwettaq iċ-ċertifikazzjoni ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jew ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika;

▼B

(19) 

‘fornitur ta’ servizzi fiduċjarji’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz fiduċjarju wieħed jew aktar, jew bħala fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jew mhux kwalifikati;

(20) 

‘fornitur ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat’ tfisser fornitur ta’ servizz fiduċjarj li jipprovdi servizz fiduċjarju kwalifikat wieħed jew aktar u li jingħata lilu l-istatus kwalifikat mill-korp superviżorju;

▼M2

(21) 

‘prodott’ tfisser hardware jew software, jew komponenti rilevanti ta’ hardware jew software, li huma maħsuba biex jintużaw għall-forniment ta’ identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji;

▼B

(22) 

‘apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi’ tfisser software jew hardware konfigurat użat għall-ħolqien ta’ firma elettronika;

(23) 

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi’ tfisser apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness II;

▼M2

(23a) 

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod’ tfisser apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li jkun ġestit minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji f’konformità mal-Artikolu 29a f’isem firmatarju;

(23b) 

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi mill-bogħod’ tfisser apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi li jkun ġestit minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji f’konformità mal-Artikolu 39a f’isem kreatur tas-siġill;

▼B

(24) 

‘kreatur ta’ siġill’ tfisser persuna ġuridika li toħloq siġill elettroniku;

(25) 

‘siġill elettroniku’ tfisser id-data fil-forma elettronika li tiġi mehmuża jew assoċjata loġikament ma’ data oħra f’forma elettronika biex jiġu żgurati l-oriġini u l-integrità ta’ din tal-aħħar;

(26) 

‘siġill elettroniku avvanzat’ tfisser siġill elettroniku, li jkun jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 36;

(27) 

‘siġill elettroniku kwalifikat’ tfisser siġill elettroniku avvanzat, li jinħoloq minn apparat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi kwalifikat, u li jkun ibbażat fuq ċertifikat kwalifikat ta’ siġill elettroniku;

(28) 

‘data għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser data unika, li tintuża mill-kreatur tas-siġill elettroniku biex joħloq siġill elettroniku;

(29) 

‘ċertifikat għas-siġill elettroniku’ tfisser attestazzjoni elettronika li tikkollega data ta’ validazzjoni ta’ siġill elettroniku ma’ persuna fiżika u tikkonferma l-isem ta’ dik il-persuna;

(30) 

‘ċertifikat kwalifikat għas-siġill elettroniku’ tfisser ċertifikat għal siġill elettroniku, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness III;

(31) 

‘apparat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser software jew hardware konfigurat użat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku;

(32) 

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser apparat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku li jissodisfa mutatis mutandis ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II;

(33) 

‘timbru tal-ħin elettroniku’ tfisser data fil-forma elettronika li torbot data oħra f’forma elettronika ma’ ħin partikolari u b’hekk tiġi stabbilita evidenza li din tal-aħħar kienet teżisti f’dak il-ħin;

(34) 

‘timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat’ tfisser timbru tal-ħin elettroniku li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 42;

(35) 

‘dokument elettroniku’ tfisser kwalunkwe kontenut maħżun f’forma elettronika, b’mod partikolari bħala test jew reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(36) 

‘ ►C2  servizz elettroniku ta’ konsenja rreġistrata ◄ ’ tfisser servizz li permezz tiegħu tkun possibbli t-trasmissjoni ta’ data bejn partijiet terzi b’mezzi elettroniċi u jipprovdi evidenza relatata mal-ġestjoni tad-data trasmessa, inkluż prova li d-data ntbagħtet u ġiet riċevuta, u li jipproteġi d-data trasmessa kontra r-riskju ta’ telf, serq, ħsara jew kwalunkwe bidla mhux awtorizzata;

(37) 

‘ ►C2  servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja rreġistrata ◄ ’ tfisser servizz elettroniku ta’ konsenja elettronika rreġistrat li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 44;

▼M2

(38) 

‘ċertifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku’ tfisser attestazzjoni elettronika li permezz tagħha tkun possibbli l-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku u tikkollega s-sit elettroniku mal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat;

▼B

(39) 

‘ċertifikat kwalifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku’ tfisser ċertifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulat fl-Anness IV;

(40) 

‘data ta’ validazzjoni’ tfisser data li tintuża għall-validazzjoni ta’ firma elettronika jew ta’ siġill elettroniku;

▼M2

(41) 

‘validazzjoni’ tfisser il-proċess tal-verifika u l-konferma li d-data f’forma elettronika tkun valida f’konformità ma’ dan ir-Regolament

▼M2

(42) 

‘Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali’ tfisser mezz ta’ identifikazzjoni elettronika li jippermetti lill-utent jaħżen, jiġġestixxi u jivvalida b’mod sigur data tal-identifikazzjoni tal-persuna u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi għall-fini li jipprovdihom lil partijiet dipendenti u utenti oħra tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, u jiffirma permezz ta’ firem elettroniċi kwalifikati jew jissiġilla permezz ta’ siġilli elettroniċi kwalifikati;

(43) 

‘attribut’ tfisser karatteristika, kwalità, dritt jew permess ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew ta’ oġġett;

(44) 

‘attestazzjoni elettronika tal-attributi’ tfisser attestazzjoni f’forma elettronika li tippermetti li jiġi awtentikati l-attributi;

(45) 

‘attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi’ tfisser attestazzjoni elettronika tal-attributi li tinħareġ minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji u tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V;

(46) 

‘attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku’ tfisser attestazzjonielettronika tal-attributi maħruġa minn korp tas-settur pubbliku li huwa responsabbli għal sors awtentiku jew minn korp tas-settur pubbliku li huwa maħtur mill-Istat Membru biex joħroġ tali attestazzjonijiet tal-attributi f’isem il-korpi tas-settur pubbliku responsabbli għal sorsi awtentiċi f’konformità mal-Artikolu 45f u l-Anness VII;

(47) 

‘sors awtentiku’ tfisser repożitorju jew sistema, miżmuma taħt ir-responsabbiltà ta’ korp tas-settur pubbliku jew ta’ entità privata, li jkun fiha u tipprovdi attributi dwar persuna fiżika jew ġuridika jew oġġett u li titqies sors primarju ta’ dik l-informazzjoni jew hija rikonoxxuta bħala awtentika f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali, inkluż prattika amministrattiva;

(48) 

‘arkivjar elettroniku’ tfisser servizz li jiżgura l-wasla, il-ħżin, l-irkupru u t-tħassir ta’ data elettronika u dokumenti elettroniċi sabiex jiġu żgurati d-durabbiltà u l-leġibbiltà tagħhom kif ukoll biex jiġu ppreservati l-integrità, il-kunfidenzjalità u l-prova tal-oriġini tagħhom matul il-perjodu ta’ preservazzjoni;

(49) 

‘servizz ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat’ tfisser servizz ta’ arkivjar elettroniku li huwa pprovdut minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji u li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45j;

(50) 

‘Marka Fiduċjarja tal-UE għall-Kartieri tal-Identità Diġitali’ tfisser indikazzjoni verifikabbli, sempliċi u rikonoxxibblili hija kkomunikata b’mod ċar li turi li ġiet ipprovduta Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(51) 

‘awtentikazzjoni b’saħħitha tal-utent’ tfisser awtentikazzjoni bbażata fuq l-użu ta’ mill-inqas żewġ fatturi ta’ awtentikazzjoni minn kategoriji differenti jew tal-għarfien, xi ħaġa li jafha biss l-utent, jew tal-pussess, xi ħaġa li għandu biss l-utent jew tal-inerenza, xi ħaġa li hija parti mill-identità tal-utent, li jkunu indipendenti, b’tali mod li l-ksur ta’ wieħed ma jikkompromettix l-affidabbiltà tal-oħrajn, u hija mfassla b’tali mod li tipproteġi l-kunfidenzjalità tad-data ta’ awtentikazzjoni;

(52) 

‘reġistru elettroniku’ tfisser sekwenza ta’ rekords elettroniċi tad-data, li tiżgura l-integrità ta’ dawk ir-rekords u l-preċiżjoni tal-ordni kronoloġiku ta’ dawk ir-rekords;

(53) 

‘reġistru elettroniku kwalifikat’ tfisser reġistru elettroniku li huwa pprovdut minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45l;

(54) 

‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(55) 

‘korrispondenza tal-identità’ tfisser proċess fejn id-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, jew il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettroniċi jitqabblu jew jiġu kkollegati ma’ kont eżistenti li jappartjeni lill-istess persuna;

(56) 

‘rekord tad-data’ tfisser data elettronika reġistrata b’metadata relatata li tappoġġa l-ipproċessar tad-data;

(57) 

‘modalità offline’ tfisser, fir-rigward tal-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, interazzjoni bejn utent u parti terza f’post fiżiku li tuża teknoloġiji ta’ prossimità, fejn il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali ma tkunx meħtieġa għall-aċċess ta’ sistemi mill-bogħod permezz ta’ networks ta’ komunikazzjoni elettronika għall-fini tal-interazzjoni.

▼B

Artikolu 4

Prinċipju tas-suq intern

1.  
Ma għandux ikun hemm restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ servizzi fiduċjarji fit-territorju ta’ Stat Membru minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji stabbilit fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet li jaqgħu fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament.
2.  
Il-prodotti u s-servizzi fiduċjarji li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament għandhom ikunu jistgħu jiċċirkolaw liberament fis-suq intern.

▼M2

Artikolu 5

Psewdonimi fi tranżazzjoni elettronika

Mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali li jirrikjedu li l-utenti jidentifikaw lilhom infushom jew għall-effett legali mogħti lill-psewdonimi skont il-liġi nazzjonali, l-użu ta’ psewdonimi li jintgħażlu mill-utent ma għandux ikun ipprojbit.

▼B

KAPITOLU II

IDENTIFIKAZZJONI ELETTRONIKA

▼M2

TAQSIMA 1

kartiera ewropea tal-identità diġitali

Artikolu 5a

Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

1.  
Għall-fini li jiġi żgurat li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha fl-Unjoni jkollhom aċċess transfruntier sigur, affidabbli u mingħajr xkiel għas- servizzi pubbliċi u privati, filwaqt li jkollhom kontroll sħiħ fuq id-data tagħhom, kull Stat Membru għandu jipprovdi mill-inqas Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali waħda fi żmien 24 xahar mid-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 23 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 5c(6).
2.  

Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom jiġu pprovduti b’wieħed jew aktar mill-mod li ġejjin:

(a) 

direttament minn Stat Membru;

(b) 

skont mandat minn Stat Membru;

(c) 

b’mod indipendenti minn Stat Membru iżda rikonoxxut minn dak l-Istat Membru.

3.  
Il-kodiċi tas-sors tal-komponenti tas-software ta’ applikazzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandu jkollu liċenzja ta’ sors miftuħ. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, għal raġunijiet debitament ġustifikati, il-kodiċi tas-sors ta’ komponenti speċifiċi għajr dawk installati fuq l-apparat tal-utenti ma għandux jiġi żvelat.
4.  

Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom, b’mod li jkun faċli għall-utent, trasparenti u traċċabbli mill-utent, jippermettu lill-utent:

(a) 

jitlob, jikseb, jagħżel, jikkombina, jaħżen, iħassar, jikkondividi u jippreżenta b’mod sigur taħt il-kontroll uniku tal-utent, data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna u, fejn applikabbli, flimkien ma’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi, jawtentika lil partijiet dipendenti online u, fejn xieraq f’modalità offline, sabiex jaċċessaw servizzi pubbliċi u privati, filwaqt li jagħmel possibbli l-iżvelar selettiv tad-data;

(b) 

jiġġenera psewdonimi u jaħżinhom kriptati u lokalment fil-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(c) 

jawtentika b’mod sigur il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali ta’ persuna oħra, u jirċievi u jikkondividi data tal-identifikazzjoni tal-persuna u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi b’mod sigur bejn iż-żewġ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali;

(d) 

jaċċedi għal reġistru tat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa permezz tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali bis-saħħa ta’ dashboard komuni li jippermetti lill-utent:

(i) 

jara lista aġġornata tal-partijiet dipendenti li magħhom l-utent ikun stabbilixxa konnessjoni u, fejn applikabbli, id-data kollha skambjata;

(ii) 

jitlob faċilment it-tħassir minn parti dipendenti ta’ data personali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/679);

(iii) 

jirrapporta faċilment parti dipendenti lill-awtorità nazzjonali kompetenti għall-protezzjoni tad-data, fejn tasal talba allegatament illegali jew suspettuża ta’ data;

(e) 

jiffirma permezz ta’ firem elettroniċi kwalifikati jew jissiġilla permezz ta’ siġilli elettroniċi kwalifikati;

(f) 

iniżżel, sa fejn ikun teknikament fattibbli, id-data tal-utent, l-attestazzjoni elettronika tal-attributi u l-konfigurazzjonijiet;

(g) 

jeżerċita d-drittijiet tal-utent għall-portabbiltà tad-data.

5.  

Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom, b’mod partikolari:

(a) 

jappoġġaw protokolli u interfaċċi komuni:

(i) 

għall-ħruġ ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati u mhux kwalifikati tal-attributi jew ċertifikati kwalifikati u mhux kwalifikati għall-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(ii) 

għal partijiet dipendenti biex jitolbu u jivvalidaw data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi;

(iii) 

għall-kondiviżjoni u l-preżentazzjoni lill-partijiet dipendenti ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi jew ta’ data relatata żvelata b’mod selettiv online u, fejn xieraq, f’modalità offline;

(iv) 

għall-utent biex jippermetti interazzjoni mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali u juri Marka Fiduċjarja tal-UE għall-Kartieri tal-Identità Diġitali;

(v) 

biex isir onboarding b’mod sigur tal-utent bl-użu ta’ mezz ta’ identifikazzjoni elettronika f’konformità mal-Artikolu 5a(24);

(vi) 

għall-interazzjoni bejn il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali ta’ żewġ persuni għall-fini li jirċievi, jivvalida u jikkondividi data tal-identifikazzjoni tal-persuna u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi b’mod sigur;

(vii) 

għall-awtentikazzjoni u l-identifikazzjoni ‘partijiet dipendenti bl-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ awtentikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5b;

(viii) 

għall-partijiet dipendenti biex jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali;

(ix) 

biex parti dipendenti tintalab it-tħassir ta’ data personali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/679;

(x) 

għar-rapportar ta’ parti dipendenti lill-awtorità nazzjonali kompetenti għall-protezzjoni tad-data meta tiġi riċevuta talba għal data allegatament illegali jew suspettuża;

(xi) 

għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi jew siġilli elettroniċi kwalifikati permezz ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi jew siġilli elettroniċi;

(b) 

ma jfornu l-ebda informazzjoni lill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi dwar l-użu ta’ dawk l-attestazzjonijiet elettroniċi;

(c) 

jiżguraw li l-l-partijiet dipendenti jistgħu jiġu awtentikati u identifikati permezz ta’ mekkaniżmi ta’ awtentikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5b;

(d) 

jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 fir-rigward tal-livell ta’ assigurazzjoni għoli, b’mod partikolari kif applikat għar-rekwiżiti għall-prova u l-verifika tal-identità, u għall-ġestjoni u l-awtentikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika;

(e) 

fil-każ tal-attestazzjoni elettronika tal-attributi b’politiki ta’ żvelar inkorporati, jimplimentaw il-mekkaniżmu xieraq biex jinformaw lill-utent li l-parti dipendenti jew l-utent tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġiħrutali li jitlob dik l-attestazzjoni elettronika ta’ attributi jkollu l-permess biex jaċċessa tali attestazzjoni;

(f) 

jiżguraw li d-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, li tkun disponibbli mill-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika li skontha tiġi fornuta l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, tirrappreżenta unikament lill-persuna fiżika, lill-persuna ġuridika jew lill-persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta lill-persuna fiżika jew ġuridika, u tkun assoċjata ma’ dik il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(g) 

joffru lill-persuni fiżiċi kollha l-kapaċità li jiffirmaw permezz ta’ firem elettroniċi kwalifikati b’mod awtomatiku u mingħajr ħlas.

Minkejja l-punt (g) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu miżuri proporzjonati biex jiżguraw li l-użu ta’ firem elettroniċi kwalifikati mingħajr ħlas minn persuni fiżiċi jkun limitat għal finijiet mhux professjonali.

6.  
L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-utenti, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe ksur tas-sigurtà li seta’ kkomprometta b’mod sħiħ jew parzjali l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tagħhom jew il-kontenuti tagħha, b’mod partikolari jekk il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tagħhom tkun ġiet sospiża jew revokata skont l-Artikolu 5e.
7.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5f, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, funzjonalitajiet addizzjonali tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, inkluż l-interoperabbiltà ma’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika nazzjonali eżistenti. Dawk il-funzjonalitajiet addizzjonali għandhom jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu.
8.  

L-Istati Membri għandhom ifornu mekkaniżmi ta’ validazzjoni mingħajr ħlas sabiex:

(a) 

jiġi żgurat li l-awtentiċità u l-validità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jkunu jistgħu jiġu vverifikati;

(b) 

l-utenti jkunu jistgħu jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tal-identità tal-partijiet dipendenti reġistrati skont l-Artikolu 5b.

9.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-validità tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tkun tista’ tiġi revokata fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) 

fuq it-talba espliċita tal-utent;

(b) 

fejn is-sigurtà tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tkun ġiet kompromessa;

(c) 

fil-każ tal-mewt tal-utent jew tal-waqfien tal-attività tal-persuna ġuridika.

10.  
Il-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu faċilment jitolbu assistenza teknika u jirrapportaw problemi tekniċi jew kwalunkwe inċident ieħor li jkollu impatt negattiv fuq l-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.
11.  
Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom jiġu fornuti taħt skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata b’livell ta’ assigurazzjoni għoli.
12.  
Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom jiżguraw is-sigurtà fid-disinn.
13.  
Il-ħruġ, l-użu u r-revoka tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom ikunu mingħajr ħlas għall-persuni fiżiċi kollha.
14.  
L-utenti għandu jkollhom kontroll sħiħ tal-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tagħhom u tad-data fiha. Il-fornitur tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali la għandu jiġbor informazzjoni dwar l-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali li ma tkunx meħtieġa għall-forniment tas-servizzi tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, u lanqas jikkombina data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna jew kwalunkwe data personali oħra maħżuna jew relatata mal-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali ma’ data personali minn xi servizz ieħor offrut minn dak il-fornitur jew minn servizzi ta’ partijiet terzi li ma jkunux meħtieġa għall-forniment tas-servizzi tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, dment li l-utent ma jkunx talab mod ieħor b’mod espliċitu. Id-data personali relatata mal-forniment tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali għandha tinżamm loġikament separata minn kwalunkwe data oħra miżmuma mill-fornitur tal-Kartiera Ewropa tal-Identità Diġitali. Jekk il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tiġi fornuta minn partijiet privati f’konformità mal-paragrafu 2, il-punti (b) u (c), ta’ dan l-Artikolu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45h(3) għandhom japplikaw mutatis mutandis.
15.  
L-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandu jkun fuq bażi volontarja. L-aċċess għas-servizzi pubbliċi u privati, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-libertà ta’ intrapriża ma għandhom bl-ebda mod ikunu limitati jew ikunu żvantaġġużi għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jużawx il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali. Għandu jibqa’ possibbli l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u privati b’mezzi ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni eżistenti oħra.
16.  

Il-qafas tekniku tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali:

(a) 

ma għandux jippermetti lill-fornituri ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jew lil kwalunkwe parti oħra, wara l-ħruġ tal-attestazzjoni tal-attributi, jiksbu data li tippermetti li t-tranżazzjonijiet jew l-imġieba tal-utent jiġu traċċati, konnessi jew korrelatati jew l-għarfien tat-tranżazzjonijiet jew l-imġieba tal-utent jiġu miksuba b’mod ieħor, sakemm ma jkunx awtorizzat b’mod espliċitu mill-utent;

(b) 

għandu jippermetti tekniki ta’ preservazzjoni tal-privatezza li jiżguraw in-nuqqas ta’ konnessjoni, fejn l-attestazzjoni tal-attributi ma teħtieġx l-identifikazzjoni tal-utent.

17.  
Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Istati Membri jew f’isimhom minn korpi jew partijiet responsabbli għall-forniment tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali bħala mezz ta’ identifikazzjoni elettronika għandu jitwettaq f’konformità ma’ miżuri xierqa u effettivi tal-protezzjoni tad-data. Il-konformità ta’ tali proċessar mar-Regolament (UE) 2016/679 għandha tintwera. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali biex jispeċifikaw aktar l-applikazzjoni ta’ tali miżuri.
18.  

L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar:

(a) 

il-korp responsabbli għall-istabbiliment u ż-żamma tal-lista ta’ partijiet dipendenti reġistrati li jiddependu mill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali f’konformità mal-Artikolu 5b(5) u fejn tinsab dik il-lista;

(b) 

il-korpi responsabbli għall-forniment tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali f’konformità mal-Artikolu 5a(1);

(c) 

il-korpi responsabbli biex jiżguraw li d-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna tkun assoċjata mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali f’konformità mal-Artikolu 5a(5)(f);

(d) 

il-mekkaniżmu li jippermetti l-validazzjoni tad-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna msemmija fl-Artikolu 5a(5)(f), u tal-identità tal-partijiet dipendenti;

(e) 

il-mekkaniżmu li biħ tivvalida l-awtentiċità u l-validità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni notifikata permezz tal-ewwel subparagrafu disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ kanal sigur, f’forma ffirmata jew issiġillata elettronikament adatta għall-ipproċessar awtomatizzat.

19.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 22 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 11 għandu japplika mutatis mutandis għall-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.
20.  
L-Artikolu 24(2)(b), u (d) sa (h), għandu japplika mutatis mutandis għall-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.
21.  
Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom isiru aċċessibbli għall-użu, minn persuni b’diżabilità, fuq bażi ugwali ma’ utenti oħra, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ),.
22.  
Għall-finijiet tal-forniment ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li skonthom jiġu fornuti ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 7, 9, 10, 12 u 12a.
23.  
Sal-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 4, 5, 8 u 18 ta’ dan l-Artikolu dwar l-implimentazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).
24.  
Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn meħtieġ, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri sabiex tiffaċilita l-onboarding tal-utenti fil-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali b’mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li jikkonformaw ma’ livell ta’ assigurazzjoni għoli jew b’mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li jikkonformaw ma’ livell ta’ assigurazzjoni sostanzjali flimkien ma’ proċeduri addizzjonali ta’ onboarding mill-bogħod li flimkien jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-livell ta’ assigurazzjoni għoli. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 5b

Partijiet Dipendenti tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali

1.  
Meta parti dipendenti jkollha l-intenzjoni li tiddependi fuq il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għall-forniment ta’ servizzi pubbliċi jew privati permezz ta’ interazzjoni diġitali, il-parti dipendenti għandha tirreġistra fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita.
2.  

Il-proċess ta’ reġistrazzjoni għandu jkun kosteffettiv u proporzjonat għar-riskju. Il-parti dipendenti għandha tipprovdi mill-inqas:

(a) 

l-informazzjoni meħtieġa għall-awtentikazzjoni fil-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, li bħala minimu tinkludi:

(i) 

l-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-parti dipendenti; u

(ii) 

l-isem tal-parti dipendenti u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni tagħha kif iddikjarat f’rekord uffiċjali flimkien mad-data ta’ identifikazzjoni ta’ dak ir-rekord uffiċjali;

(b) 

id-dettalji ta’ kuntatt tal-parti dipendenti;

(c) 

l-użu maħsub tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, inkluż indikazzjoni tad-data li għandha tintalab mill-parti dipendenti mingħand l-utenti.

3.  
Il-partijiet dipendenti ma għandhomx jitolbu lill-utenti jfornu xi data għajr dik indikata skont il-paragrafu 2, il-punt (c).
4.  
Il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali li hija applikabbli għall-forniment ta’ servizzi speċifiċi.
5.  
L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 disponibbli online għall-pubbliku f’forma ffirmata jew issiġillata elettronikament adatta għall-ipproċessar awtomatizzat.
6.  
Il-partijiet dipendenti rreġistrati f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri mingħajr dewmien dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni fornuta fir-reġistrazzjoni skont il-paragrafu 2.
7.  
L-Istati Membri għandhom jipprovdu mekkaniżmu komuni li jippermetti l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni tal-partijiet dipendenti, kif imsemmi fl-Artikolu 6a(5)(c).
8.  
Meta l-partijiet dipendenti jkollhom l-intenzjoni li jiddependu minn Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, huma għandhom jidentifikaw lilhom infushom lill-utent.
9.  
Il-partijiet dipendenti għandhom ikunu responsabbli għat-twettiq tal-proċedura għall-awtentikazzjoni u għall-validazzjoni tad-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuni u ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi mitluba mill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali. Il-partijiet dipendenti ma għandhomx jirrifjutaw l-użu ta’ psewdonimi, sakemm l-identifikazzjoni tal-utent ma tkunx meħtieġa mill-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.
10.  
L-intermedjarji li jaġixxu f’isem il-partijiet dipendenti għandhom jitqiesu partijiet dipendenti u ma għandhomx jaħżnu data dwar il-kontenut tat-tranżazzjoni.
11.  
Sal-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri tekniċi għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2, 5 u 6 sa 9 ta’ dan l-Artikolu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali kif imsemmija fl-Artikolu 5a(23). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 5c

Ċertifikazzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

1.  
Il-konformità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika li skontha huma jiġu fornuti mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5a(4), (5), (8), mar-rekwiżit għal separazzjoni loġika stabbilit fl-Artikolu 5a(14) u, fejn applikabbli, mal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 5a(24), għandha tiġi ċċertifikata mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità maħtura mill-Istati Membri.
2.  
Iċ-ċertifikazzjoni tal-konformità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew partijiet minnhom, li huma rilevanti għaċ-ċibersigurtà għandha titwettaq f’konformità mal-iskemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottati skont ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) u msemmija fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.
3.  
Għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li mhux rilevanti għaċ-ċibersigurtà u, għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li huma rilevanti għaċ-ċibersigurtà sakemm l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà kif imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma jkoprux, jew ikopru biss parzjalment, dawk ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà, anke għal dawk ir-rekwiżiti, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skemi nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 64 ta’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-abbozzi tal-iskemi nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni tagħhom lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar l-Identità Diġitali Ewropea stabbilit skont l-Artikolu 46e(1) (il-‘Grupp ta’ Kooperazzjoni’). Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni jista’ joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet.
4.  
Iċ-ċertifikazzjoni skont il-paragrafu 1 għandha tkun valida sa ħames snin dment li titwettaq valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet kull sentejn. Meta tiġi identifikata vulnerabbiltà u din ma tiġix rimedjata fil-ħin, iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi kkanċellata.
5.  
Il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5a ta’ dan ir-Regolament relatati mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar ta’ data personali tista’ tiġi ċċertifikata skont ir-Regolament (UE) 2016/679.
6.  
Sal-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali msemmija fil-paragrafu 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).
7.  
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri kollha.
8.  
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 47 li jistabbilixxu kriterji speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 5d

Pubblikazzjoni ta’ lista ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali ċċertifikati

1.  
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 46e(1)mingħajr dewmien żejjed dwar il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li jkunu ġew fornuti skont l-Artikolu 5a u ġew iċċertifikati mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 5c(1). Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 46e(1), mingħajr dewmien żejjed jekk iċ-ċertifikazzjoni tiġi kkanċellata u għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet għall-kanċellazzjoni.
2.  

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5a(18), l-informazzjoni fornuta mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi mill-inqas:

(a) 

iċ-ċertifikat u r-rapport tal-valutazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali ċċertifikata;

(b) 

deskrizzjoni tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika li skontha tiġi fornuta l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(c) 

ir-reġim superviżorju applikabbli u l-informazzjoni dwar ir-reġim ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-parti li tforni l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(d) 

l-awtorità jew l-awtoritajiet responsabbli għall-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika;

(e) 

l-arranġamenti għas-sospensjoni jew ir-revoka tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika jew tal-awtentikazzjoni jew tal-partijiet kompromessi kkonċernati.

3.  
Abbażi tal-informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u żżomm f’forma li tinqara minn magna lista ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali ċċertifikati.
4.  
Stat Membru jista’ jippreżenta talba lill-Kummissjoni biex Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jew l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika li skontha tkun ġiet fornuta titneħħa mil-lista msemmija fil-paragrafu 3.
5.  
Fejn ikun hemm bidliet fl-informazzjoni fornuta skont il-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jforni lill-Kummissjoni b’informazzjoni aġġornata.
6.  
Il-Kummissjoni għandha żżomm il-lista msemmija fil-paragrafu 3 aġġornata billi tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi korrispondenti għal-lista fi żmien xahar minn meta tirċievi talba skont il-paragrafu 4 jew informazzjoni aġġornata skont il-paragrafu 5.
7.  
Sal-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-formati u proċeduri applikabbli għall-finijiet tal-paragrafu 1, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali kif imsemmi fl-Artikolu 5a(23). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 5e

Ksur ta’ sigurtà tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

1.  
Meta l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali fornuti skont l-Artikolu 5a, il-mekkaniżmi ta’ validazzjoni msemmija fl-Artikolu 5a(8), jew l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika li skontha jiġu fornuti l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jinkisru jew jiġu parzjalment kompromessi b’mod li jaffettwa l-affidabbiltà tagħhom jew l-affidabbiltà ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali oħra, l-Istat Membru li jkun forna l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandu, mingħajr dewmien żejjed, jissospendi l-forniment u l-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.

Meta jkun ġustifikat mill-gravità tal-ksur tas-sigurtà jew tal-kompromess imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru għandu jirtira l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali mingħajr dewmien żejjed.

L-Istat Membru għandu jinforma lill-utenti affettwati, lill-punti uniċi ta’ kuntatt maħtura skont l-Artikolu 46c(1), lill-partijiet dipendenti u lill-Kummissjoni kif meħtieġ.

2.  
Jekk il-ksur tas-sigurtà jew il-kompromess imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu ma jiġix rimedjat fi żmien tliet xhur mis-sospensjoni, l-Istat Membru li jkun forna l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandu jirtira l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u jirrevoka l-validità tagħhom. L-Istat Membru għandu jinforma lill-utenti affettwati, lill-punti uniċi ta’ kuntatt maħtura skont l-Artikolu 46c(1), lill-partijiet dipendenti u lill-Kummissjoni bl-irtirar kif meħtieġ.
3.  
Meta jinstab rimedju għall-ksur tas-sigurtà jew il-kompromess imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru tal-forniment għandu jerġa’ jistabbilixxi l-forniment u l-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u jinforma lill-utenti milquta u lill-partijiet dipendenti, lill-punti uniċi ta’ kuntatt maħtura skont l-Artikolu 46c(1) u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi korrispondenti fil-lista msemmija fl-Artikolu 5d mingħajr dewmien żejjed.
5.  
Sal-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista tal-standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 5f

Dipendenza transfruntiera fuq il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

1.  
Meta l-Istati Membri jirrikjedu mezz ta’ identifikazzjoni elettronika u awtentikazzjoni biex jaċċessaw servizz online pprovdut minn korp tas-settur pubbliku, dawn għandhom jaċċettaw ukoll il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma provduti skont dan ir-Regolament.
2.  
Meta partijiet dipendenti privati li jipprovdu s-servizzi, bl-eċċezzjoni ta’ intrapriżi mikro u żgħar kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE ( 5 ), ikunu meħtieġa bil-liġi nazzjonali jew bid-dritt tal-Unjoni li jużaw awtentikazzjoni b’saħħitha tal-utenti għal identifikazzjoni online, jew meta tkun meħtieġa awtentikazzjoni b’saħħitha tal-utenti permezz ta’ obbligu kuntrattwali, inkluż fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija, tas-servizzi bankarji, tas-servizzi finanzjarji, tas-sigurtà soċjali, tas-saħħa, tal-ilma tax-xorb, tas-servizzi postali, tal-infrastruttura diġitali, tal-edukazzjoni jew tat-telekomunikazzjoni, dawk il-partijiet dipendenti privati, sa mhux aktar tard minn 36 xahar wara d-data ta’ dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5a(23) u l-Artikolu 5c(6) u biss fuq talba volontarja tal-utent, għandhom jaċċettaw ukoll il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma pprovduti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
3.  
Meta fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna kif iddefiniti fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ) jirrikjedu l-awtentikazzjoni tal-utenti għall-aċċess tas-servizzi online, dawn għandhom jaċċettaw u jiffaċilitaw ukoll l-użu ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma pprovduti f’konformità ma’ dan ir-Regolament għall-awtentikazzjoni tal-utent biss fuq talba volontarja tal-utent u fir-rigward tad-data minima meħtieġa għas-servizz online speċifiku li għalih tintalab l-awtentikazzjoni.
4.  
F’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż is-soċjetà ċivili, sabiex tikkontribwixxi għad-disponibbiltà u l-użu wiesgħa tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u tħeġġeġ lill-fornituri tas-servizzi jlestu l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta.
5.  
Fi żmien 24 xahar wara l-introduzzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta d-domanda għal, u d-disponibbiltà u l-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, filwaqt li tqis kriterji bħall-użu mill-utenti, il-preżenza transfruntiera tal-fornituri tas-servizzi, l-iżviluppi teknoloġiċi, l-evoluzzjoni fix-xejriet tal-użu u d-domanda tal-konsumaturi.

TAQSIMA 2

skemi ta’ identifikazzjoni elettronika

▼B

Artikolu 6

Rikonoxximent reċiproku

1.  

Meta tinħtieġ identifikazzjoni elettronika bl-użu ta’ mezz ta’ identifikazzjoni elettronika u awtentikazzjoni skont il-liġi nazzjonali jew permezz tal-prassi amministrattiva nazzjonali għall-aċċess għal servizz ipprovdut minn korp tas-settur pubbliku online fi Stat Membru, il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġ fi Stat Membru ieħor għandu jiġi rikonoxxut fl-ewwel Stat Membru għall-finijiet tal-awtentikazzjoni transkonfinali għal dak is-servizz online dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jinħareġ taħt skema ta’ identifikazzjoni elettronika li hija inkluża fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9;

(b) 

il-livell ta’ assigurazzjoni tal-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jikkorrispondi għal livell ta’ assigurazzjoni daqs jew ogħla mil-livell ta’ assigurazzjoni mitlub mill-korp tas-settur pubbliku rilevanti għall-aċċess għal dak is-servizz online fl-ewwel Stat Membru, dment li l-livell ta’ assigurazzjoni ta’ dak il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jikkorrispondi għal livell ta’ assigurazzjoni sostanzjali jew għoli;

(c) 

il-korp rilevanti tas-settur pubbliku juża livell sostanzjali jew għoli ta’ assigurazzjoni fir-rigward tal-aċċess għal dak is-servizz online.

Tali rikonoxximent għandu jseħħ mhux aktar tard minn 12-il xahar wara li l-Kummissjoni tippubblika l-lista msemmija fil-punt (a) tal-ewwel s-subparagrafu.

2.  
Il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika li jinħareġ skont skema ta’ identifikazzjoni elettronika inkluż fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 u li jikkorrispondi għal-livell ta’ assigurazzjoni baxx jista’ jiġi rikonoxxut mill-korpi tas-settur pubbliku għall-finijiet tal-awtentikazzjoni transkonfinali għas-servizz pprovdut online minn dawk il-korpi.

Artikolu 7

Eliġibbilità għan-notifika tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika

Skema ta’ identifikazzjoni elettronika għandha tkun eliġibbli għal notifika skont l-Artikolu 9(1) dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika taħt l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika jinħarġu:

(i) 

mill-Istat Membru li jinnotifika;

(ii) 

skont mandat mill-Istat Membru li jinnotifika; jew

(iii) 

b’mod indipendenti mill-Istat Membru li jinnotifika u jiġu rikonoxxuti minn dak l-Istat Membru;

(b) 

il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika taħt l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika jistgħu jintużaw biex għall-inqas jinkiseb aċċess għal servizz wieħed ipprovdut minn korp tas-settur pubbliku u li jkun jeħtieġ identifikazzjoni elettronika fl-Istat Membru li jinnotifika;

(c) 

l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika u l-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa skontha jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ mill-inqas wieħed mil-livelli ta’ assigurazzjoni stabbiliti mill-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3);

(d) 

‘l-Istat Membru li jinnotifika jiżgura li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna li tirrappreżenta b’mod esklussiv il-persuna inkwistjoni tkun attribwita f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri għal-livell ta’ assigurazzjoni rilevanti stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3), lill-persuna fiżika jew ġuridika msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 3 fil-ħin tal-ħruġ tal-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika taħt dik l-iskema;

(e) 

il-parti li toħroġ il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika skont dik l-iskema tiżgura li l-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jiġi attribwit lill-persuna msemmija fil-punt (d) ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri għal-livell ta’ assigurazzjoni rilevanti stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3);

(f) 

l-Istat Membru li jinnotifika jiżgura d-disponibbiltà ta’ awtentikazzjoni online, sabiex kwalunkwe parti dipendenti stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tkun tista’ tikkonferma d-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna li kienet riċevuta f’forma elettronika.

Għal partijiet dipendenti li mhumiex korpi tas-settur pubbliku l-Istat Membru notifikanti jista’ jiddefinixxi t-termini ta’ aċċess għal dik l-awtentikazzjoni. L-awtentikazzjonijiet transkonfinali għandhom jingħataw mingħajr ħlas meta jitwettqu fir-rigward ta’ servizz online pprovdut minn korp tas-settur pubbliku.

L-Istati Membri ma għandhom jimponu ebda rekwiżit tekniku speċifiku sproporzjonat fuq partijiet dipendenti li bi ħsiebhom iwettqu tali awtentikazzjoni, fejn tali rekwiżiti jipprevjenu jew jimpedixxu b’mod sinifikanti l-interoperabilità tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettroniċi nnotifikati;

▼M2

(g) 

mill-inqas sitt xhur qabel in-notifika skont l-Artikolu 9(1), l-Istat Membru notifikanti jipprovdi lill-Istati Membri l-oħra għall-finijiet tal-Artikolu 12(5), b’deskrizzjoni ta’ dik l-iskema f’konformità mal-arranġamenti proċedurali stabbiliti bl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 12(6)

▼B

(h) 

l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika tissodisfa r-rekwiżiti tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 12(8).

Artikolu 8

Livelli ta’ assigurazzjoni tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika

1.  
Skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata skont l-Artikolu 9(1) għandha tispeċifika l-livelli ta’ assigurazzjoni baxx, sostanzjali u/jew għoli għall-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa skont dik l-iskema.
2.  

Il-livelli ta’ assigurazzjoni baxx, sostanzjali u għoli għandhom jissodisfaw rispettivament il-kriterji li ġejjin:

(a) 

livell ta’ assigurazzjoni baxx għandu jirreferi għal mezz ta’ identifikazzjoni elettronika fil-kuntest ta’ skema ta’ identifikazzjoni elettronika, li jipprovdi grad limitat ta’ fiduċja fl-identità ddikjarata jew asserita ta’ persuna, u li huwa kkaratterizzata b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri relatati magħhom, inklużi l-kontrolli tekniċi, li l-għan tagħhom huwa li jnaqqsu sostanzjalment ir-riskju ta’ użu ħażin jew tibdil fl-identità.

(b) 

livell ta’ assigurazzjoni sostanzjali għandu jirreferi għal mezz ta’ identifikazzjoni elettronika fil-kuntest ta’ skema ta’ identifikazzjoni elettronika, li jipprovdi grad sostanzjali ta’ fiduċja fl-identità ddikjarata jew asserita ta’ persuna, u li huwa kkaratterizzata b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri relatati magħhom, inklużi l-kontrolli tekniċi, li l-għan tagħhom huwa li jnaqqsu sostanzjalment ir-riskju ta’ użu ħażin jew tibdil fl-identità.

(c) 

livell ta’ assigurazzjoni għoli għandu jirreferi għal mezz ta’ identifikazzjoni elettronika fil-kuntest ta’ skema ta’ identifikazzjoni elettronika, li jipprovdi grad ogħla ta’ fiduċja fl-identità ddikjarata jew asserita ta’ persuna mill-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika b’livell ta’ assigurazzjoni sostanzjali, u li huwa kkaratterizzat b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri relatati magħhom, inklużi l-kontrolli tekniċi, li l-għan tagħhom hu li jipprevjenu l-użu ħażin jew tibdil fl-identità.

▼M2

3.  
Sat-18 ta’ Settembru 2015, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-istandards internazzjonali rilevanti, u soġġett għall-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet tekniċi minimi, standards u proċeduri li, b’referenza għalihom, il-livelli ta’ assigurazzjoni baxxa, sostanzjali u għolja huma speċifikati għall-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika.;

▼B

Dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi minimi, l-istandards u l-proċeduri għandhom jiġu stipulati b’referenza għall-affidabbiltà u l-kwalità tal-elementi li ġejjin:

(a) 

il-proċedura biex tiġi ppruvata u verifikata l-identità ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li japplikaw għall-ħruġ ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika;

(b) 

il-proċedura għall-ħruġ tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika rikjesti;

(c) 

il-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni, li permezz tiegħu l-persuna fiżika jew ġuridika tuża l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika biex tikkonferma l-identità tagħha lil parti dipendenti.

(d) 

l-entità li toħroġ il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika;

(e) 

kwalunkwe korp ieħor involut fl-applikazzjoni għall-ħruġ tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika; u

(f) 

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u tas-sigurtà tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 9

Notifika

1.  

L-Istati Membri notifikanti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja u mingħajr dewmien bla bżonn, kwalunkwe bidla sussegwenti li ssirilha:

(a) 

deskrizzjoni tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika, inklużi l-livelli ta’ assigurazzjoni tagħha u l-emittent jew emittenti tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika skont l-iskema;

(b) 

ir-reġim superviżorju applikabbli u l-informazzjoni dwar ir-reġim ta’ responsabbiltà fir-rigward ta’ dan li ġej:

(i) 

il-parti li toħroġ il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika, u

(ii) 

il-parti li topera l-proċedura ta’ awtentikazzjoni.

(c) 

l-awtorità jew l-awtoritajiet responsabbli għall-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika;

(d) 

informazzjoni dwar l-entità jew l-entitajiet li jamministraw ir-reġistrazzjoni tad-data unika ta’ identifikazzjoni ta’ persuna;

(e) 

deskrizzjoni dwar kif ir-rekwiżiti stipulati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(8) jiġu sodisfatti;

(f) 

deskrizzjoni tal-awtentikazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 7;

(g) 

l-arranġamenti għas-sospensjoni jew ir-revoka tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata jew tal-awtentikazzjoni jew tal-partijiet kompromessi kkonċernati.

▼M2

2.  
Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea lista tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati skont il-paragrafu 1 flimkien mal-informazzjoni bażika dwar dawn l-iskemi.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien xahar mid-data tal-wasla ta’ dik in-notifika.

▼B

4.  
Stat Membru jista’ jippreżenta lill-Kummissjoni talba li titneħħa l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata minn dak l-Istat Membru mil-lista msemmija fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi korrispondenti fil-lista fi żmien xahar mid-data tar-riċeviment tat-talba tal-Istat Membru.
5.  
Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi, il-formati u l-proċeduri tan-notifiki taħt il-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 10

▼M2

Ksur tas-sigurtà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika

▼B

1.  
Fejn ikun hemm ksur jew tiġi kompromessa parzjalment l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata skont l-Artikolu 9(1) jew l-awtentikazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 7 b’mod li jaffettwa l-affidabbiltà tal-awtentikazzjoni transkonfinali ta’ dik l-iskema, l-Istat Membru li jinnotifika għandu mingħajr dewmien, jissospendi jew jirrevoka dik l-awtentikazzjoni transkonfinali jew il-partijiet kompromessi konċernati, u għandu jinforma b’dan lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.
2.  
Meta jinstab rimedju għall-ksur jew il-kompromess imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru li jinnotifika għandu jerġa’ jistabbilixxi l-awtentikazzjoni transkonfinali u għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.
3.  
Jekk il-ksur jew il-kompromess imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx rimedjat fi żmien tliet xhur mis-sospensjoni jew mir-revoka, l-Istat Membru li jinnotifika għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-irtirar tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi korrispondenti għal-lista msemmija fl-Artikolu 9(2) mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 11

Responsabbiltà

1.  
L-Istat Membru notifikanti għandu jkun responsabbli għall-ħsara kkawżata apposta jew minħabba negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba n-nuqqas tiegħu li jikkonformi mal-obbligi tiegħu skont il-punti (d) u (f) tal-Artikolu 7 fi transazzjoni transkonfinali.
2.  
Il-parti li toħroġ il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika għandha tkun responsabbli għall-ħsara kkawżata apposta jew minħabba negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba n-nuqqas tagħha li tikkonforma mal-obbligu msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 7 fi transazzjoni transkonfinali.
3.  
Il-parti li tħaddem il-proċedura ta’ awtentikazzjoni għandha tkun responsabbli għall-ħsara kkawżata apposta jew minħabba negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba n-nuqqas tagħha li tħaddem tajjeb l-awtentikazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 7, fi transazzjoni transkonfinali.
4.  
Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jiġu applikati f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà.
5.  
Il-paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà, skont il-liġi nazzjonali, ta’ partijiet fi transazzjoni li fiha jintużaw il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li jaqgħu taħt l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata skont l-Artikolu 9(1).

▼M2

Artikolu 11a

Tqabbil transfruntier tal-identità

1.  
Meta jaġixxu bħala partijiet dipendenti għal servizzi transfruntiera, l-Istati Membri għandhom jiżguraw tqabbil inekwivoku tal-identità għal persuni fiżiċi bl-użu ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati jew Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.
2.  
L-Istati Membri għandhom jipprevedu miżuri tekniċi u organizzazzjonali biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali użata għat-tqabbil tal-identità u biex jipprevjenu t-tfassil ta’ profili tal-utenti.
3.  
Sal-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

Artikolu 12

▼M2

Interoperabbiltà

▼B

1.  
L-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 9(1) għandhom ikunu interoperabbli.
2.  
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, għandu jiġi stabbilit qafas ta’ interoperabbiltà.
3.  

Il-qafas ta’ interoperabbiltà għandu jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a) 

ikollu l-għan li jkun teknoloġikament newtrali u ma jiddiskriminax bejn kwalunkwe soluzzjoni teknika nazzjonali speċifika għall-identifikazzjoni elettronika fi Stat Membru;

(b) 

isegwi standards Ewropej u internazzjonali, fejn possibbli;

▼M2

(c) 

jiffaċilita, l-implimentazzjoni tal-privatezza u s-sigurtà bid-disinn

▼M2 —————

▼B

4.  

Il-qafas ta’ interoperabbiltà għandu jikkonsisti minn:

(a) 

referenza għal rekwiżiti tekniċi minimi marbuta mal-livelli ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 8;

(b) 

deskrizzjoni dettaljata tal-livelli ta’ assigurazzjoni nazzjonali ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati fil-livell ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 8;

(c) 

referenza għar-rekwiżiti tekniċi minimi għall-interoperabbiltà;

▼M2

(d) 

referenza għal sett minimu ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna meħtieġa biex b’mod unikutirrappreżenta persuna ġuridika jew fiżika, jew persuna fiżika li tirrappreżenta persuna fiżika oħra jew persuna ġuridika li hija disponibbli minn skemi ta’ identifikazzjoni elettronika;

▼B

(e) 

regoli ta’ proċedura;

(f) 

arranġamenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim; u

(g) 

standards tas-sigurtà operazzjonali komuni.

▼M2

5.  
L-Istati Membri għandhom iwettqu evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, li għandhom jiġu nnotifikati skont l-Artikolu 9(1), il-punt (a).
6.  
Sat-18 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-arranġamenti proċedurali meħtieġa għall-evalwazzjonijiet bejn il-pari msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu bil-ħsieb li jitrawwem livell għoli ta’ fiduċja u sigurtà xierqa għal-livell ta’ riskju. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼M2 —————

▼M2

8.  
Sat-18 ta’ Settembru 2025, għall-fini li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-rekwiżit skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, soġġett għall-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u filwaqt li jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-qafas ta’ interoperabbiltà kif stipulat fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

9.  
L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 7 u 8 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼M2

Artikolu 12a

Ċertifikazzjoni tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika

1.  
Il-konformità tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li għandhom jiġu nnotifikati mar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà stabbiliti f’dan ir-Regolament, inkluż il-konformità mar-rekwiżiti rilevanti għaċ-ċibersigurtà stabbiliti fl-Artikolu 8(2) rigward il-livelli ta’ assigurazzjoni tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika, għandha tiġi ċċertifikata mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità maħtura mill-Istati Membri.
2.  
Iċ-ċertifikazzjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha titwettaq skont skema rilevanti ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà skont ir-Regolament (UE) 2019/881 jew partijiet minnu, sa fejn iċ-ċertifikat taċ-ċibersigurtà jew partijiet minnu jkopru dawk ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà.
3.  
Iċ-ċertifikazzjoni skont il-paragrafu 1 għandha tkun valida sa ħames snin, dment li titwettaq valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet kull sentejn. Meta tiġi identifikata vulnerabbiltà u din ma tiġix rimedjata fi żmien tliet xhur mill-identifikazzjoni tagħha, iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi kkanċellata.
4.  
Minkejja l-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jitolbu, f’konformità ma’ dak il-paragrafu, informazzjoni addizzjonali mingħand Stat Membru notifikanti dwar skemi ta’ identifikazzjoni elettronika jew parti minnhom iċċertifikati.
5.  
Ir-rieżami bejn il-pari ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika msemmija fl-Artikolu 12(5) ma għandux japplika għall-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika jew għal partijiet minn tali skemi ċċertifikati f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri jistgħu jużaw ċertifikat jew dikjarazzjoni ta’ konformità maħruġa f’konformità ma’ skema ta’ ċertifikazzjoni rilevanti jew partijiet minn tali skemi, bir-rekwiżiti mhux relatati maċ-ċibersigurtà stabbiliti fl-Artikolu 8(2) rigward il-livelli ta’ assigurazzjoni tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika.
6.  
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri kollha.

Artikolu 12b

Aċċess għall-karatteristiċi tal-hardware u s-software

Meta l-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u l-emittenti ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati li jaġixxu f’kapaċità kummerċjali jew professjonali u jużaw servizzi ewlenin tal-pjattaforma kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ) għall-fini, jew waqt li jipprovdu servizzi tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali u mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika lill-utenti finali jkunu utenti kummerċjali kif definiti fl-Artikolu 2, punt (21), ta’ dak ir-Regolament, il-gwardjani għandhom, b’mod partikolari, jippermettulhom interoperabbiltà effettiva mal-finijiet ta’ interoperabbiltà għall-istess karatteristiċi tas-sistema operattiva, tal-hardware jew tas-software, u aċċess għalihom. Tali interoperabbiltà u aċċess effettivi għandhom ikunu permessi mingħajr ħlas u irrispettivament minn jekk il-karatteristiċi tal-hardware jew tas-software jkunux parti mis-sistema operattiva, huma disponibbli għal dak il-gwardjan, jew huma użati minnu, meta jipprovdi tali servizzi, skont it-tifsira tal-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) 2022/1925. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5a(14) ta’ dan ir-Regolament.

▼B

KAPITOLU III

SERVIZZI FIDUĊJARJI

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 13

Responsabbiltà u oneru tal-provi

▼M2

1.  
Minkejja l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji għandhom ikunu responsabbli għal dannu kkawżat intenzjonalment jew b’negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament. Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet dannu materjali jew mhux materjali bħala riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji għandu jkollha d-dritt li tfittex kumpens f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali.

L-oneru tal-provi tal-intenzjoni jew in-negliġenza ta’ fornitur mhux kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji għandu jkun fir-responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika li tafferma l-ħsara msemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-intenzjoni jew in-negliġenza ta’ fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji għandha tkun preżunta għajr jekk dak il-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji jagħti prova li l-ħsara msemmija fl-ewwel subparagrafu saret mingħajr l-intenzjoni jew in-negliġenza ta’ dak il-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji.

▼B

2.  
Fejn il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jinformaw kif dovut lill-klijenti tagħhom minn qabel dwar il-limitazzjonijiet tal-użu tas-servizzi li huma jipprovdu u fejn dawk il-limitazzjonijiet ikunu rikonoxxibbli għall-partijiet terzi, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji ma għandhomx ikunu responsabbli għall-ħsarat li jirriżultaw mill-użu ta’ servizzi li jaqbżu l-limitazzjonijiet indikati.
3.  
Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà.

▼M2

Artikolu 14

Aspetti internazzjonali

1.  
Servizzi fiduċjarji pprovduti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti f’pajjiż terz jew minn organizzazzjoni internazzjonali għandhom ikunu rikonoxxuti bħala legalment ekwivalenti għal servizzi fiduċjarji kwalifikati pprovduti minn fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fl-Unjoni, fejn is-servizzi fiduċjarji li joriġinaw mill-pajjiż terz jew mill-organizzazzjoni internazzjonali jkunu rikonoxxuti permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni jew ftehim konkluż bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 218 TFUE.

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

2.  
L-atti ta’ implimentazzjoni u l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti applikabbli għal fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fl-Unjoni u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jkunu sodisfatti mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji fil-pajjiż terz konċernat jew mill-organizzazzjoni internazzjonali u mis-servizzi fiduċjarji li huma jipprovdu. Pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom b’mod partikolari jistabbilixxu, iżommu u jippubblikaw lista affidabbli ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji rikonoxxuti.
3.  
Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li s-servizzi fiduċjarji kwalifikati pprovduti minn fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fl-Unjoni jiġu rikonoxxuti bħala legalment ekwivalenti għal servizzi fiduċjarji pprovduti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji fil-pajjiż terz jew mill-organizzazzjoni internazzjonali li magħha jiġi konkluż il-ftehim.

Artikolu 15

Aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità u bi bżonnijiet speċjali

Il-forniment ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika, servizzi fiduċjarji u prodotti ta’ utenti finali li huma użati fil-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun disponibbli b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/882, u b’hekk jibbenefikaw ukoll il-persuni li jesperjenzaw limitazzjonijiet funzjonali, bħall-anzjani, u l-persuni b’aċċess limitat għat-teknoloġiji diġitali.

Artikolu 16

Penali

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur ta’ dan ir-Regolament minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u mhux kwalifikati jkun soġġett għal multi amministrattivi ta’ massimu ta’ mill-inqas:

(a) 

EUR 5 000 000 meta l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji jkun persuna fiżika; jew

(b) 

fejn il-fornitur tas-servizz fiduċjarju jkun persuna legali, EUR 5 000 000 jew 1 % tal-fatturat annwali dinji totali tal-impriża li kien jappartjeni għaliha l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji fis-sena finanzjarja ta’ qabel is-sena li fiha seħħ il-ksur, skont liema jkun l-ogħla.

3.  
Skont is-sistema legali tal-Istati Membri, ir-regoli dwar il-multi amministrattivi jistgħu jiġu applikati b’tali mod li l-multa tinbeda mill-korp superviżorju kompetenti u tiġi imposta mill-qrati nazzjonali kompetenti. L-applikazzjoni ta’ tali regoli f’dawk l-Istati Membri għandha tiżgura li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għal multi amministrattivi imposti direttament mill-awtoritajiet superviżorji.

▼B

TAQSIMA 2

▼M2

Superviżjoni

▼M2 —————

▼M1 —————

▼M2

Artikolu 19a

Rekwiżiti għall-fornituri mhux kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji

1.  

Fornitur mhux kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li jipprovdi servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati għandu:

(a) 

ikollu politiki xierqa u jieħu miżuri korrispondenti biex jiġġestixxi riskji legali, kummerċjali, operazzjonali u riskji diretti jew indiretti oħrajn għall-forniment tas-servizz fiduċjarju mhux kwalifikat li minkejja l-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, għandhomjinkludu mill-inqas il-miżuri relatati ma’:

(i) 

proċeduri ta’ reġistrazzjoni u ta’ onboarding għal servizz fiduċjarju;

(ii) 

kontrolli proċedurali jew amministrattivi meħtieġa biex jiġu pprovduti servizzi fiduċjarji;

(iii) 

il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ servizzi fiduċjarji;

(b) 

jinnotifika lill-korp superviżorju, lill-individwi milquta identifikabbli, lill-pubbliku jekk ikun fl-interess pubbliku u, fejn applikabbli, lil awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra, bi kwalunkwe ksur tas-sigurtà jew tfixkil fil-forniment tas-servizz jew fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt (a), (i), (ii) jew (iii), li jkollhom impatt sinifikanti fuq is-servizz fiduċjarju pprovdut jew fuq id-data personali miżmuma fih, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 24 siegħa wara li jkunu saru jafu b’xi ksur tas-sigurtà jew tfixkil.

2.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu fejn dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri jkunu rispettati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

TAQSIMA 3

Fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

Artikolu 20

Superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

▼M2

1.  
Il-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji għandhom jiġu awditjati bi spejjeż għalihom stess mill-inqas kull 24 xahar minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità. L-awditu għandu jikkonferma li fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati pprovduti minnhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament u fl-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Il-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji għandhom jippreżentaw ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità li jirriżulta lill-korp superviżorju fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol minn meta jirċivuh.

▼M2

1a.  
Il-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji għandhom jinfurmaw lill-korp superviżorju mhux aktar tard minn xahar qabel kwalunkwe awditu ppjanat u għandhom jippermettu lill-korp superviżorju jipparteċipa bħala osservatur fuq talba.
1b.  
L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet, l-indirizzi u d-dettalji tal-akkreditazzjoni tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1 u bi kwalunkwe bidla sussegwenti fihom. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri kollha.

▼M2

2.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-korp superviżorju jista’ fi kwalunkwe ħin iwettaq awditu jew jitlob lil korp tal-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati, bi spejjeż għal dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji, biex jiġi kkonfermat li huma u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Fejn ikun jidher li kien hemm ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-korp superviżorju għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lill-awtoritajiet superviżorji kompetent stabbilit skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679.
3.  
Meta l-fornitur kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji jonqos milli jissodisfa kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti minn dan ir-Regolament, il-korp superviżorju għandu jitolbu jipprovdi rimedju f’limitu ta’ żmien stabbilit, jekk ikun applikabbli.

Meta dak il-fornitur ma jipprovdix rimedju u, meta jkun applikabbli fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-korp superviżorju, fejn ġustifikat b’mod partikolari skont il-livell, id-durata u l-konsegwenzi ta’ dak in-nuqqas, il-korp superviżorjugħandu jirtira l-istatus kwalifikat ta’ dak il-fornitur jew tas-servizz affettwat li dan jipprovdi.

3a.  
Meta l-awtoritajiet kompetenti maħtura jew stabbiliti skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 jinformaw lill-korp superviżorju li l-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji jonqos milli jissodisfa kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21 ta’ dik id-Direttiva, il-korp superviżorju, fejn ġustifikat b’mod partikolari mill-firxa, id-durata u l-konsegwenzi ta’ dak in-nuqqas, għandu jirtira l-istatus kwalifikat ta’ dak il-fornitur jew tas-servizz affettwat li jipprovdi.
3b.  
Meta l-awtoritajiet superviżorji stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jinformaw lill-korp superviżorju li l-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji jonqos milli jissodisfa kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament, il-korp superviżorju, fejn ġustifikat b’mod partikolari mill-firxa, id-durata u l-konsegwenzi ta’ dak in-nuqqas, għandu jirtira l-istatus kwalifikat ta’ dak il-fornitur jew tas-servizz affettwat li jipprovdi.
3c.  
Il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji bl-irtirar tal-istatus kwalifikat tiegħu jew tal-istatus kwalifikat tas-servizz ikkonċernat. Il-korp superviżorju għandu jinforma lill-korp notifikat skont l-Artikolu 22(3) ta’ dan ir-Regolament għall-finijiet tal-aġġornament tal-listi affidabbli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu u lill-awtorità kompetenti maħtura jew stabbilita skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555.
4.  

Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għal dawn li ġejjin:

(a) 

l-akkreditazzjoni tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u għar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1;

(b) 

ir-rekwiżiti tal-awditjar għall-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità biex iwettqu l-valutazzjoni tal-konformità tagħhom, inkluż valutazzjoni komposta, tal-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji kif imsemmi fil-paragrafu 1;

(c) 

l-iskemi ta’ valutazzjoni tal-konformità għat-twettiq tal-valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji mill-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u għall-forniment tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

Artikolu 21

introduzzjoni ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat

▼M2

1.  
Fejn il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jkollhom l-intenzjoni li jibdew jipprovdu servizz fiduċjarju kwalifikat, huma għandhom jinnotifikaw lill-korp superviżorju bl-intenzjoni tagħhom flimkien ma’ rapport ta’ valutazzjoni tal-konformità maħruġ minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li jikkonferma li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u fl-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 ġew issodisfati.
2.  
Il-korp superviżorju għandu jivverifika jekk il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji pprovduti minnu jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u, b’mod partikolari, mar-rekwiżiti għall-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji u għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li dawn jipprovdu.

Sabiex tiġi vverifikata l-konformità tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, il-korp superviżorju għandu jitlob lill-awtoritajiet kompetenti maħtura jew stabbiliti skont l-Artikolu 8(1) ta’ dik id-Direttiva biex iwettqu azzjonijiet superviżorji f’dak ir-rigward u biex jipprovdu informazzjoni dwar l-eżitu mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien xahrejn minn meta tasal dik it-talba. Jekk il-verifika ma tiġix konkluża fi żmien xahrejn min-notifika, dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-korp superviżorju fejn jispeċifikaw ir-raġunijiet tad-dewmien u l-perjodu li fih għandha tiġi konkluża l-verifika.

Meta l-korp superviżorju jikkonkludi li l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji pprovduti minnu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, il-korp superviżorju għandu jagħti status kwalifikat lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u lis-servizzi fiduċjarji li dan jipprovdi u jinforma lill-korp imsemmi fl-Artikolu 22(3) għall-finijiet ta’ aġġornament tal-listi affidabbli msemmija fl-Artikolu 22(1), sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara n-notifika f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Meta l-verifika ma tiġix konkluża fi żmien tliet xhur min-notifika, il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u jispeċifika r-raġunijiet għad-dewmien u l-perjodu li fih għandha tiġi konkluża l-verifika.

▼B

3.  
Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jistgħu jibdew jipprovdu servizzi fiduċjarji kwalifikati wara li l-istatus kwalifikat ikun ġie indikat fil-listi msemmija fl-Artikolu 22(1).

▼M2

4.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-formati u l-proċeduri tan-notifika u l-verifika għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

Artikolu 22

Listi Affidabbli

1.  
Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi, iżomm u jippubblika listi affidabbli inkluża informazzjoni relatata mal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li għalihom ikun responsabbli flimkien ma’ informazzjoni relatata mas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu.
2.  
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, iżommu u jippubblikaw, b’mod sigur, il-listi affidabbli ffirmati jew issiġillati b’mod elettroniku, imsemmija fil-paragrafu 1 f’forma adegwata għall-ipproċessar awtomatizzat.
3.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed, b’informazzjoni dwar il-korp responsabbli għall-istabbiliment, iż-żamma u l-pubblikazzjoni ta’ listi affidabbli nazzjonali, u dettalji ta’ fejn listi bħal dawn huma ppubblikati, dwar iċ-ċertifikati użati għall-firma jew is-siġill tal-listi affidabbli u kwalunkwe bidla li ssir f’din l-informazzjoni.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku, b’mezz sigur, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ffirmata jew issiġillata b’mod elettroniku adegwat għall-ipproċessar awtomatizzat.
5.  
Sat-18 ta’ Settembru 2015 il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tispeċifika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-formati għal-listi affidabbli, applikabbli għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 4. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 23

Marka ta’ fiduċja tal-UE għal servizzi fiduċjarji kwalifikati

1.  
Wara li l-istatus kwalifikat imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(2) ikun ġie indikat fil-lista affidabbli msemmija fl-Artikolu 22(1), il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jistgħu jużaw il-marka ta’ fiduċja tal-UE biex jindikaw b’mod sempliċi, rikonoxxibbli u ċar is-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu.
2.  
Meta jużaw il-marka ta’ fiduċja tal-UE għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati msemmija fil-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandhom jiżguraw li fis-sit elettroniku tagħhom ikun hemm link għal-lista affidabbli rilevanti.
3.  
Sal-1 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tipprovdi għal speċifikazzjonijiet fir-rigward tal-forma, u b’mod partikolari dwar il-preżentazzjoni, il-kompożizzjoni, id-daqs u d-disinn tal-marka ta’ fiduċja tal-UE għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 24

Rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

▼M2

1.  
Meta joħroġ ċertifikat kwalifikat jew attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi, fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji għandu jivverifika l-identità u, jekk ikun applikabbli, kwalunkwe attribut speċifiku tal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ser jinħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat jew l-attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi.
1a.  

Il-verifika tal-identità msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq, b’mezzi xierqa, mill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji, jew direttament jew permezz ta’ parti terza, abbażi ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin jew ta’ taħlita tagħhom meta jkun meħtieġ,f’konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1c:

(a) 

permezz tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jew mezz ta’ identifikazzjoni elettronika notifikat li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8 fir-rigward tal-livell ta’ assigurazzjoni għoli;

(b) 

permezz ta’ ċertifikat ta’ firma elettronika kwalifikata jew ta’ siġill elettroniku kwalifikat maħruġ f’konformità mal-punt (a), (c) jew (d);

(c) 

bl-użu ta’ metodi ta’ identifikazzjoni oħra li jiżguraw l-identifikazzjoni tal-persuna b’livell għoli ta’ fiduċja, li l-konformità tagħhom għandha tiġi kkonfermata minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità;

(d) 

permezz tal-preżenza fiżika tal-persuna fiżika jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika, permezz ta’ evidenza xierqa, proċeduri, f’konformità mad-dritt nazzjonali;

1b.  

Il-verifika tal-attributi msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq, b’mezzi xierqa, mill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji, jew direttament jew permezz ta’ parti terza, abbażi ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin jew, fejn meħtieġ, ta’ taħlita tagħhom,f’konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1c:

(a) 

permezz tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jew mezz ta’ identifikazzjoni elettronika notifikat li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8 fir-rigward tal-livell ta’ assigurazzjoni għoli;

(b) 

permezz ta’ ċertifikat ta’ firma elettronika kwalifikata jew ta’ siġill elettroniku kwalifikat maħruġ f’konformità mal-paragrafu 1a, il-punt (a), (c) jew (d);

(c) 

permezz ta’ attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi;

(d) 

bl-użu ta’ metodi oħra li jiżguraw il-verifika tal-attributi b’livell għoli ta’ fiduċja, li l-konformità tagħhom għandha tiġi kkonfermata minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità;

(e) 

permezz tal-preżenza fiżika tal-persuna fiżika jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika, permezz ta’ evidenza u proċeduri xierqa, f’konformità mad-dritt nazzjonali.

‘1c.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-verifika tal-identità u l-attributi f’konformità mal-paragrafi 1, 1a u 1b ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).’;

▼B

2.  

Fornitur ta’ servizzi fiduċjarju kwalifikat li jipprovdi servizzi fiduċjarji kwalifikati għandu:

▼M2

(a) 

jinforma lill-korp superviżorju mill-inqas xahar qabel ma jimplimenta kwalunkwe bidla fil-forniment tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati tiegħu jew mill-inqas tliet xhur f’każ ta’ intenzjoni li jwaqqaf dawk l-attivitajiet;

▼B

(b) 

jimpjega persunal u, jekk applikabbli, subkuntratturi li jkollhom il-kompetenza esperta, l-affidabbiltà, l-esperjenza, u l-kwalifiki meħtieġa u li jkunu rċevew taħriġ adatt rigward ir-regoli dwar is-sigurtà u l-protezzjoni ta’ data personali u għandu japplika proċeduri amministrattivi u ta’ ġestjoni, li jikkorrispondu ma’ standards Ewropej jew internazzjonali;

(c) 

fir-rigward tar-riskju ta’ responsabbiltà għal ħsara f’konformità mal-Artikolu 13, iżomm riżorsi finanzjarji suffiċjenti u/jew jikseb assigurazzjoni adatta fuq ir-responsabbiltà, f’konformità mal-liġi nazzjonali;

▼M2

(d) 

qabel jidħol f’relazzjoni kuntrattwali, jinforma, b’mod ċar, komprensiv u aċċessibbli faċilment, fi spazju aċċessibbli għall-pubbliku u individwalment, lil kwalunkwe persuna li tkun qed tfittex li tuża servizz fiduċjarju kwalifikat dwar it-termini u l-kundizzjonijiet preċiżi rigward l-użu ta’ dak is-servizz, inkluż kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu tiegħu;

(e) 

juża sistemi u prodotti affidabbli li jkunu protetti kontra modifiki u jiżgura s-sigurtà teknika u l-affidabbiltà tal-proċessi appoġġati minnhom, inkluż l-użu ta’ tekniki kriptografiċi xierqa;

▼B

(f) 

juża sistemi affidabbli biex jaħżen d-data mogħtija lilu, f’forma verifikabbli sabiex:

(i) 

din tkun disponibbli pubblikament għal irkupru biss fejn ikun inkiseb il-kunsens tal-persuna li dik id-data tkun relatata magħha,

(ii) 

il-persuni awtorizzati biss ikunu jistgħu jdaħħlu entrati u bidliet fid-data maħżuna,

(iii) 

id-data tkun tista’ tiġi vverifikata għall-awtentiċità;

▼M2

(fa) 

minkejja l-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, ikollu politiki xierqa u jieħu miżuri korrispondenti biex jiġġestixxi riskji legali, kummerċjali, operazzjonali u riskji diretti jew indiretti oħra għall-forniment tas-servizz fiduċjarju kwalifikat, inkluż mill-inqas miżuri relatati ma’ dawn li ġejjin:

(i) 

proċeduri ta’ reġistrazzjoni u ta’ onboarding għal servizz;

(ii) 

kontrolli proċedurali jew amministrattivi;

(iii) 

il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tas-servizzi;

(fb) 

jinnotifika lill-korp superviżorju, lill-individwi milquta identifikabbli, lill-korpi kompetenti rilevanti oħra fejn applikabbli u, fuq talba tal-korp superviżorju, lill-pubbliku jekk dan ikun fl-interess pubbliku, bi kwalunkwe ksur tas-sigurtà jew tfixkil fil-forniment tas-servizz jew fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt (fa)(i), (ii) or (iii), li jkollhom impatt sinifikanti fuq is-servizz fiduċjarju pprovdut jew fuq id-data personali miżmuma fih, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa mill-inċident;

▼M2

(g) 

jieħu miżuri xierqa kontra l-falsifikazzjoni, is-serq jew il-miżapproprjazzjoni tad-data jew kontra min, mingħajr dritt, iħassar id-data, jibdilha jew jagħmilha inaċċessibbli;

(h) 

jirreġistra u jżomm aċċessibbli sakemm ikun meħtieġ wara li l-attivitajiet tal-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji jkunu waqfu, kull informazzjoni rilevanti dwar data maħruġa u riċevuta mill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji, b’mod partikolari għall-fini li tiġi pprovduta evidenza fi proċedimenti legali u għall-fini li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz. Din ir-reġistrazzjoni tista’ ssir b’mod elettroniku;

(i) 

ikollu pjan ta’ terminazzjoni aġġornat sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz f’konformità mad-dispożizzjonijiet li huma vverifikati mill-korp superviżorju skont l-Artikolu 46b(4), il-punt (i);

▼M2 —————

▼B

(k) 

fil-każ ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu ċertifikati kwalifikati, jistabbilixxu u jżommu aġġornata bażi ta’ data taċ-ċertifikati.

▼M2

Il-korp superviżorju jista’ jitlob informazzjoni minbarra l-informazzjoni notifikata skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu jew ir-riżultat ta’ valutazzjoni tal-konformità u jista’ jikkondizzjona l-għoti tal-permess biex jimplimenta l-bidliet maħsuba għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati. Jekk il-verifika ma tiġix konkluża fi żmien tliet xhur min-notifika, il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u jispeċifika r-raġunijiet għad-dewmien u l-perjodu li fih għandha tiġi konkluża l-verifika.

▼B

3.  
Jekk fornitur ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat li joħroġ ċertifikati kwalifikati jiddeċiedi li jirrevoka ċertifikat, huwa għandu jirreġistra tali revoka fil-bażi ta’ data taċ-ċertifikati tiegħu u jippubblikaw l-istatus ta’ revoka taċ-ċertifikat mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa wara l-wasla tat-talba. Ir-revoka għandha ssir effettiva immedjatament mal-pubblikazzjoni tagħha.
4.  
Fir-rigward tal-paragrafu 3, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu ċertifikati kwalifikati għandhom jipprovdu lil kwalunkwe parti dipendenti informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità jew ta’ revoka ta’ ċertifikati kwalifikati maħruġa minnhom. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli tal-anqas fuq bażi ta’ ċertifikat fi kwalunkwe ħin u wara l-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat b’mod awtomatizzat li jkun affidabbli, mingħajr ħlas u effiċjenti.

▼M2

4a.  
Il-paragrafi 3 u 4 għandhom japplikaw kif xieraq għar-revoka tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi.
4b.  
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 47, li jistabbilixxu miżuri addizzjonali msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (fa), ta’ dan l-Artikolu.
5.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu meta dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri jiġu ssodisfati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼M2

Artikolu 24a

Rikonoxximent ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

1.  
Firem elettroniċi kwalifikati bbażati fuq ċertifikat kwalifikat maħruġ fi Stat Membru wieħed, u siġilli elettroniċi kwalifikati bbażati fuq ċertifikat kwalifikat maħruġ fi Stat Membru wieħed, għandhom jiġu rikonoxxuti, rispettivament, bħala firem elettroniċi kwalifikati u siġilli elettroniċi kwalifikati fl-Istati Membri l-oħra kollha.
2.  
Apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċiwieħed, u apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi ċċertifikati fi Stat Membru wieħed, għandhom jiġu rikonoxxuti, rispettivament, bħala apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi u apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi fl-Istati Membri l-oħra kollha.
3.  
Ċertifikat kwalifikat għall-firem elettroniċi, ċertifikat kwalifikat għas-siġilli elettroniċi, servizz fiduċjarju kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod u, servizz fiduċjarju kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi mill-bogħod ipprovduti fi Stat Membru wieħed għandhom jiġu rikonoxxuti, rispettivament, bħala ċertifikat kwalifikat għall-firem elettroniċi, ċertifikat kwalifikat għas-siġilli elettroniċi, servizz fiduċjarju kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi kwalifikati mill-bogħod u servizz fiduċjarju kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi kwalifikati mill-bogħod fl-Istati Membri l-oħra kollha.
4.  
Servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għal firem elettroniċi kwalifikati u servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għal siġilli elettroniċi kwalifikati pprovduti fi Stat Membru wieħed għandhom jiġu rikonoxxuti, rispettivament, bħala servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għal firem elettroniċi kwalifikati u servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għal siġilli elettroniċi kwalifikati fl-Istati Membri l-oħra kollha.
5.  
Servizz ta’ preservazzjoni kwalifikat għal firem elettroniċi kwalifikati u servizz ta’ preservazzjoni kwalifikat għal siġilli elettroniċi kwalifikati pprovduti fi Stat Membru wieħed għandhom jiġu rikonoxxuti, rispettivament, bħala servizz ta’ preservazzjoni kwalifikat għal firem elettroniċi kwalifikati u servizz ta’ preservazzjoni kwalifikat għal siġilli elettroniċi kwalifikati fl-Istati Membri l-oħra kollha.
6.  
Timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat ipprovdut f’wieħed mill-Istati Membri għandu jiġi rikonoxxut bħala timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat fl-Istati Membri l-oħra kollha.
7.  
Ċertifikat kwalifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku maħruġ fi Stat Membru wieħed għandu jiġi rikonoxxut bħala ċertifikat kwalifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku fl-Istati Membri l-oħra kollha.
8.  
Servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja reġistrata pprovdut fi Stat Membru wieħed għandu jiġi rikonoxxut bħala servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja reġistrata fl-Istati Membri l-oħra kollha.
9.  
Attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi maħruġa fi Stat Membru wieħed għandha tiġi rikonoxxuta bħala attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi fl-Istati Membri l-oħra kollha.
10.  
Servizz kwalifikat ta’ arkivjar elettroniku pprovdut fi Stat Membru wieħed għandu jiġi rikonoxxut bħala servizz kwalifikat ta’ arkivjar elettroniku fl-Istati Membri l-oħra kollha.
11.  
Reġistru elettroniku kwalifikat ipprovdut fi Stat Membru wieħed għandu jiġi rikonoxxut bħala reġistru elettroniku kwalifikat fl-Istati Membri l-oħra kollha.

▼B

TAQSIMA 4

Firem elettroniċi

Artikolu 25

Effetti legali ta’ firem elettroniċi

1.  
Firma elettronika ma għandhiex tiġi miċħuda effett legali u ammissibbilità bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li tkun f’forma elettronika jew li ma tissodisfax ir-rekwiżiti għall-firem elettroniċi kwalifikati.
2.  
Firma elettronika kwalifikata għandu jkollha l-effett legali ekwivalenti għal firma bil-miktub.

▼M2 —————

▼B

Artikolu 26

Rekwiżiti għal firem elettroniċi avvanzati

►M2   ◄

Firma elettronika avvanzata għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

tkun marbuta b’mod esklussiv mal-firmatarju;

(b) 

tista’ tidentifika l-firmatarju;

(c) 

tkun maħluqa bl-użu ta’ data għall-ħolqien ta’ firma elettronika li l-firmatarju jkun jista’ juża b’livell għoli ta’ fiduċja, taħt il-kontroll esklussiv tiegħu; u

(d) 

tkun marbuta mad-data ffirmata biha b’tali mod li kwalunkwe bidla sussegwenti fid-data tkun tista’ tiġi skoperta.

▼M2

2.  
Sal-21 ta’ Mejju 2026, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk hux meħtieġ li jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, jistabbilixxu speċifikazzjonijiet u proċeduri għal firem elettroniċi avvanzati. Abbażi tal-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni. Il-konformità mar-rekwiżiti għal firem elettroniċi avvanzati għandha tiġi preżunta meta servizz ta’ firem elettroniċi avvanzati jikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

Artikolu 27

Firem elettroniċi f’servizzi pubbliċi

1.  
Jekk Stat Membru ikun jeħtieġ firma elettronika avvanzata sabiex jintuża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi l-firem elettroniċi avvanzati, il-firem elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat għal firem elettroniċi u firem elettroniċi kwalifikati tal-inqas fil-formati jew bl-użu tal-metodi definiti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.
2.  
Jekk Stat Membru jesiġi firma elettronika avvanzata abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat sabiex juża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi l-firem elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat u firem elettroniċi kwalifikati tal-inqas fil-formati jew billi juża l-metodi definiti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.
3.  
L-Istati Membri ma għandhomx jesiġu l-użu transkonfinali, f’servizz online offrut minn korp tas-settur pubbliku, ta’ firma elettronika f’livell ogħla ta’ sigurtà mill-firma elettronika kwalifikata.

▼M2 —————

▼B

5.  
Sat-18 ta’ Settembru 2015, u filwaqt li tikkunsidra l-prattiki, l-istandards u atti legali tal-Unjoni eżistenti, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi formati ta’ referenza ta’ firem elettroniċi avvanzati jew metodi ta’ referenza fejn jintużaw formati alternattivi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 28

Ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi

1.  
Iċ-ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.
2.  
Iċ-ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda rekwiżit obbligatorju li jeċċedi r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.
3.  
Ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi jistgħu jinkludu attributi speċifiċi addizzjonali mhux obbligatorji. Dawk l-attributi ma għandhomx jaffettwaw l-interoperabbiltà u r-rikonoxximent tal-firem elettroniċi kwalifikati.
4.  
Jekk ċertifikat kwalifikat għal firem elettroniċi jkun ġie revokat wara l-attivazzjoni inizjali, huwa għandu jitlef il-validità tiegħu mill-mument tar-revoka tiegħu, u l-istatus tiegħu ma għandu jitreġġa’ lura fl-ebda ċirkostanza.
5.  

Soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli nazzjonali dwar is-sospensjoni temporanja ta’ ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika:

(a) 

jekk ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika jkun ġie sospiż temporanjament, dak iċ-ċertifikat għandu jitlef il-validità tiegħu għall-perijodu ta’ sospensjoni.

(b) 

il-perijodu ta’ sospensjoni għandu jiġi indikat b’mod ċar fil-bażi tad-data taċ-ċertifikati u l-istatus ta’ sospensjoni għandu jkun viżibbli, matul il-perijodu ta’ sospensjoni, mis-servizz li jipprovdi l-informazzjoni dwar l-istatus taċ-ċertifikat.

▼M2

6.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għal ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I meta ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika jkun jikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

Artikolu 29

Rekwiżiti għal apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi

1.  
L-apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.

▼M2

1a.  
Il-ġenerazzjoni jew il-ġestjoni ta’ data dwar il-ħolqien ta’ firem elettroniċi, jew id-duplikazzjoni ta’ tali data dwar il-ħolqien ta’ firem elettroniċi għal skopijiet ta’ backup għandhom jitwettqu biss f’isem il-firmatarju, fuq talba tal-firmatarju, u minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li jipprovdi servizz fiduċjarju kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod.

▼B

2.  
Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II fejn apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi jkun jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼M2

Artikolu 29a

Rekwiżiti għal servizz kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod

1.  

Il-ġestjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod bħala servizz kwalifikat għandu jitwettaq biss minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li:

(a) 

jiġġenera jew jiġġestixxi data dwar il-ħolqien ta’ firem elettroniċi f’isem il-firmatarju;

(b) 

minkejja l-punt (1)(d) tal-Anness II, jidduplika d-data dwar il-ħolqien ta’ firem elettroniċi għal finijiet ta’ riżerva biss, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin:

(i) 

is-sigurtà tas-settijiet tad-data duplikati trid tkun tal-istess livell bħal dik għas-settijiet tad-data oriġinali;

(ii) 

l-għadd ta’ settijiet tad-data duplikati ma għandux jaqbeż il-minimu meħtieġ biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz;

(c) 

jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit identifikat fir-rapport ta’ ċertifikazzjoni tal-apparat kwalifikat speċifiku għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod maħruġ skont l-Artikolu 30.

2.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

Artikolu 30

Ċertifikazzjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi

1.  
Il-konformità ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mar-rekwiżiti mniżżla fl-Anness II għandha tkun ċertifikata minn korpi pubbliċi jew privati adatti magħżula mill-Istati Membri.
2.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-korp pubbliku jew privat imsemmi fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.
3.  

Iċ-ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

proċess ta’ evalwazzjoni tas-sigurtà mwettaq f’konformità ma’ wieħed mill-istandards għall-valutazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti tat-teknoloġija tal-informazzjoni inklużi fil-lista stabbilita skont it-tieni subparagrafu, jew

(b)- 

proċess ieħor li mhuwiex il-proċess imsemmi fil-punt (a), dment li dan juża livelli komparabbli ta’ sigurtà u dment li l-korp pubbliku jew privat imsemmi fil-paragrafu 1 jinnotifika lill-Kummissjoni b’dak il-proċess. Dak il-proċess jista’ jintuża biss fin-nuqqas ta’ standards imsemmija fil-punt (a) jew meta jkun qed isir il-proċess ta’ evalwazzjoni tas-sigurtà msemmi fil-punt (a).

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ standards għall-valutazzjoni tas-sigurtà ta’ prodotti tat-teknoloġija tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼M2

3a.  
Il-validità ta’ ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex taqbeż ħames snin, dment li valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltajiet jitwettqu kull sentejn. Meta l-vulnerabbiltajiet jiġu identifikati u ma jiġux rimedjati, iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi kkanċellata.

▼B

4.  
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 47 dwar l-istabbiliment ta’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu sodisfatti mill-korpi magħżula msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 31

Pubblikazzjoni ta’ lista ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li huwa ċċertifikat

1.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bla bżonn u mhux aktar tard minn xahar wara l-konklużjoni taċ-ċertifikazzjoni, bl-informazzjoni dwar apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li ġie ċċertifikat mill-korpi msemmija fl-Artikolu 30(1). Għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien bla bżonn u mhux aktar tard minn xahar wara l-kanċellazzjoni taċ-ċertifikazzjoni, bl-informazzjoni dwar apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li m’għadhomx iċċertifikati.
2.  
Il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni mogħtija lilha, għandha tistabbilixxi, tippubblika u żżomm lista ta’ apparat ċertifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi kwalifikati.

▼M2

3.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-formati u l-proċeduri applikabbli għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

Artikolu 32

Rekwiżiti għall-validazzjoni ta’ firem elettroniċi kwalifikati

1.  

Il-proċess għall-validazzjoni ta’ firma elettronika kwalifikata għandu jikkonferma l-validità ta’ firma elettronika kwalifikata dment li:

(a) 

iċ-ċertifikat, li jappoġġa l-firma kien, fil-mument tal-firma ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika li jikkonforma mal-Anness I;

(b) 

iċ-ċertifikat kwalifikat inħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u kien validu fil-mument tal-firma;

(c) 

id-data ta’ validazzjoni tal-firma tikkorrispondi għad-data pprovduta lill-parti dipendenti;

(d) 

is-sett uniku ta’ data li jirrappreżenta l-firmatarju fiċ-ċertifikat tingħata b’mod korrett lill-parti dipendenti;

(e) 

l-użu ta’ kwalunkwe psewdonimu jkun indikat b’mod ċar lill-parti dipendenti jekk psewdonimu kien intuża fil-mument tal-firma;

(f) 

il-firma elettronika nħolqot minn apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi kwalifikati;

(g) 

l-integrità tad-data ffirmata ma tkunx ġiet kompromessa;

(h) 

ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 26 kienu ġew sodisfatti fil-mument tal-firma;

▼M2

Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu meta l-validazzjoni tal-firem elettroniċi kwalifikati tkun tikkonforma mal- istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3.

▼B

2.  
Is-sistema użata għall-validazzjoni tal-firma elettronika kwalifikata għandha tipprovdi lill-parti dipendenti r-riżultat korrett tal-proċess ta’ validazzjoni u għandha tippermetti lill-parti dipendenti li tiskopri kwalunkwe kwistjoni rilevanti għas-sigurtà.

▼M2

3.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-validazzjoni tal-firem elettroniċi kwalifikati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼M2

Artikolu 32a

Ir-rekwiżiti għall-validazzjoni ta’ firem elettroniċi avvanzati bbażati fuq ċertifikati kwalifikati

1.  

Il-proċess għall-validazzjoni ta’ firma elettronika avvanzata abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat għandu jikkonferma l-validità ta’ firma elettronika avvanzata dment li:

(a) 

iċ-ċertifikat, li jappoġġa l-firma kien, fil-mument tal-firma, ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika li jikkonforma mal-Anness I;

(b) 

iċ-ċertifikat kwalifikat inħareġ minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji u kien validu fil-mument tal-firma;

(c) 

id-data ta’ validazzjoni tal-firma tikkorrispondi għad-data pprovduta lill-parti dipendenti;

(d) 

is-sett uniku ta’ data li jirrappreżenta l-firmatarju fiċ-ċertifikat tingħata b’mod korrett lill-parti dipendenti;

(e) 

l-użu ta’ kwalunkwe psewdonimu jkun indikat b’mod ċar lill-parti dipendenti jekk psewdonimu kien intuża fil-mument tal-firma;

(f) 

l-integrità tad-data ffirmata ma tkunx ġiet kompromessa;

(g) 

ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 26 kienu ġew sodisfatti fil-mument tal-firma.

2.  
Is-sistema użata għall-validazzjoni tal-firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikat kwalifikat għandha tipprovdi lill-parti dipendenti r-riżultat korrett tal-proċess ta’ validazzjoni u għandha tippermetti li l-parti dipendenti tinduna bi kwalunkwe kwistjoni rilevanti għas-sigurtà.
3.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-validazzjoni tal-firem elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikati kwalifikati. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta l-validazzjoni tal-firma elettronika avvanzata abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat tikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

Artikolu 33

Servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għall-firem elettroniċi kwalifikati

1.  

Servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għall-firem elettroniċi kwalifikati jista’ jingħata biss minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li:

(a) 

jipprovdi validazzjoni f’konformità mal-Artikolu 32(1), u

(b) 

jippermetti li l-partijiet dipendenti jirċievu r-riżultat tal-proċess ta’ validazzjoni b’mod awtomatizzat li jkun affidabbli, effiċjenti u li jkun fih il-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat tal-fornitur ta’ servizz ta’ validazzjoni kwalifikat.

▼M2

2.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għas-servizz ta’ validazzjoni kwalifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta s-servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għal firem elettroniċi kwalifikati jikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

Artikolu 34

Servizz ta’ preservazzjoni kwalifikat għall-firem elettroniċi kwalifikati

1.  
Jista’ jiġi pprovdut servizz ta’ preservazzjoni għall-firem elettroniċi kwalifikati biss minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li juża proċeduri u teknoloġiji kapaċi li jestendu l-affidabilità tal-firem elettroniċi kwalifikati lil hinn mill-perijodu ta’ validità teknoloġika.

▼M2

1a.  
Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta l-arranġamenti għas-servizz kwalifikat ta’ preservazzjoni għal firem elettroniċi kwalifikati jkunu jikkonformaw mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2.

▼M2

2.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għas-servizz kwalifikat ta’ preservazzjoni għal firem elettroniċi kwalifikati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

TAQSIMA 5

Siġilli elettroniċi

Artikolu 35

Effetti legali ta’ siġilli elettroniċi

1.  
Siġill elettroniku ma għandux jiġi miċħud effett legali u ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li jkun f’forma elettronika jew li ma jissodisfax ir-rekwiżiti għas-siġilli elettroniċi kwalifikati.
2.  
Siġill elettroniku kwalifikat għandu jgawdi l-preżunzjoni tal- integrità tad-data u l-korrettezza tal-oriġini ta’ dik id-data li magħha huwa marbut is-siġill elettroniku kwalifikat.

▼M2 —————

▼B

Artikolu 36

Rekwiżiti għal firem elettroniċi avvanzati

►M2   ◄

Firma elettronika avvanzata għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

hija marbuta b’mod esklussiv mal-firmatarju;

(b) 

tista’ tidentifika l-firmatarju;

(c) 

tkun maħluqa bl-użu ta’ data għall-ħolqien ta’ firma elettronika li l-firmatarju jkun jista’ juża b’livell għoli ta’ fiduċja, taħt il-kontroll esklussiv tiegħu; u

(d) 

tkun marbuta mad-data ffirmata biha b’tali mod li kwalunkwe bidla sussegwenti fid-data tkun tista’ tiġi skoperta.

▼M2

2.  
Sal-21 ta’ Mejju 2026, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk hux meħtieġ li jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni biex tiġi stabbilita lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet u proċeduri għas-siġilli elettroniċi avvanzati. Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti għal siġilli elettroniċi avvanzati meta siġill elettroniku avvanzat jikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

Artikolu 37

Siġilli elettroniċi f’servizzi pubbliċi

1.  
Jekk Stat Membru jesiġi siġill elettroniku avvanzat sabiex juża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi s-siġilli elettroniċi avvanzati, is-siġilli elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat għal siġilli elettroniċi u siġilli elettroniċi kwalifikati tal-inqas fil-formati jew billi juża l-metodi definiti fl-atti ta’ implementazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.
2.  
Jekk Stat Membru jesiġi siġill elettroniku avvanzat abbażi ta’ ċertifikati kwalifikat sabiex juża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi s-siġilli elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat u siġill elettroniku kwalifikat tal-inqas fil-formati jew billi juża l-metodi definiti fl-atti ta’ implementazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.
3.  
L-Istati Membri ma għandhomx jesiġu l-użu transkonfinali, f’servizz online offrut minn korp tas-settur pubbliku, ta’ siġill elettroniku f’livell ogħla ta’ sigurtà mis-siġill elettroniku kwalifikat.

▼M2 —————

▼B

5.  
Sat-18 ta’ Settembru 2015, u filwaqt li tikkunsidra l-prattiki, l-istandards u atti legali tal-Unjoni eżistenti, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi l-formati ta’ referenza ta’ siġilli elettroniċi avvanzati jew metodi ta’ referenza fejn jintużaw formati alternattivi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 38

Ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi

1.  
Iċ-ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.
2.  
Iċ-ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda rekwiżit obbligatorju li jeċċedi r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.
3.  
Iċ-ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi jistgħu jinkludu attributi speċifiċi addizzjonali mhux obbligatorji. Dawk l-attributi ma għandhomx jaffettwaw l-interoperabbiltà u r-rikonoxximent tas-siġilli elettroniċi kwalifikati.
4.  
Jekk ċertifikat kwalifikat għal siġill elettroniku jkun ġie revokat wara l-attivazzjoni inizjali, dan għandu jitlef il-validità tiegħu mill-mument tar-revoka tiegħu, u l-istatus tiegħu fl-ebda ċirkostanza ma għandu jitreġġa’ lura.
5.  

Soġġetti għall-kondizzjonijiet li ġejjin l-Istati Membri jistgħu jistipulaw regoli nazzjonali dwar is-sospensjoni temporanja ta’ ċertifikat kwalifikat għas-siġilli elettroniċi:

(a) 

jekk ċertifikat kwalifikat għas-siġill elettroniku jkun ġie sospiż temporanjament, dak iċ-ċertifikat għandu jitlef il-validità tiegħu għall-perijodu ta’ sospensjoni;

(b) 

il-perijodu ta’ sospensjoni għandu jiġi indikat b’mod ċar fil-bażi tad-data taċ-ċertifikati u l-istatus ta’ sospensjoni għandu jkun viżibbli, matul il-perijodu ta’ sospensjoni, mis-servizz li jipprovdi l-informazzjoni dwar l-istatus taċ-ċertifikat.

▼M2

6.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għal ċertifikati kwalifikati għal siġilli elettroniċi. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III meta ċertifikat kwalifikat għal siġill elettroniku jikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

Artikolu 39

Apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi

1.  
L-Artikolu 29 għandu japplika mutatis mutandis għar-rekwiżiti għal apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi.
2.  
L-Artikolu 30 għandu japplika mutatis mutandis għaċ-ċertifikazzjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi.
3.  
L-Artikolu 31 għandu japplika mutatis mutandis għall-pubblikazzjoni ta’ lista ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi.

▼M2

Artikolu 39 a

Rekwiżiti għal servizz kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi mill-bogħod

L-Artikolu 29a għandu japplika mutatis mutandis għal servizz kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi mill-bogħod.

▼B

Artikolu 40

Validazzjoni u preservazzjoni tas-siġilli elettroniċi kwalifikati

L-Artikoli 32, 33 u 34 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-validazzjoni u l-preservazzjoni tas-siġilli elettroniċi kwalifikati.

▼M2

Artikolu 40a

Rekwiżiti għall-validazzjoni ta’ siġilli elettroniċi avvanzati bbażati fuq ċertifikati kwalifikati

L-Artikolu 32a għandu japplika mutatis mutandis għall-validazzjoni ta’ siġilli elettroniċi avvanzati bbażati fuq ċertifikati kwalifikati.

▼B

TAQSIMA 6

Timbri tal-ħin elettroniċi

Artikolu 41

Effett legali tat-timbri tal-ħin elettroniċi

1.  
Timbru tal-ħin elettroniku ma għandux jiġi miċħud effett legali u ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li jkun f’forma elettronika jew li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat.
2.  
Timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat għandu jgawdi l-preżunzjoni tal-eżattezza tad-data u l-ħin li jindika u l-integrità tad-data li magħha huma marbuta d-data u l-ħin

▼M2 —————

▼B

Artikolu 42

Rekwiżiti għal timbri tal-ħin elettroniċi kwalifikati

1.  

Timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

ikun jorbot id-data u l-ħin mad-data b’tali mod li jipprekludi b’mod raġonevoli l-possibbiltà li d-data tinbidel mingħajr ma dan jiġi skopert;

(b) 

ikun ibbażat fuq sors ta’ ħin preċiż marbut mal-Ħin Universali Kkoordinat; u

(c) 

ikun iffirmat bl-użu ta’ firma elettronika avvanzata jew issiġillati b’siġill elettroniku avvanzat tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat, jew minn metodu ekwivalenti.

▼M2

1a.  
Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta l-konnessjoni tad-data u l-ħin mad-data u l-preċiżjoni tas-sors ta’ ħin ikunu jikkonformaw mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2.

▼M2

2.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-konnessjoni tad-data u l-ħin mad-data u għall-istabbiliment tal-preċiżjoni tas-sorsi ta’ ħin. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

TAQSIMA 7

▼C2

Servizzi elettroniċi ta’ konsenja rreġistrata

▼B

Artikolu 43

Effett legali ta’ servizz elettroniku ta’ konsenja li huwa reġistrat

1.  
Data li tiġi trasmessa u riċevuta bl-użu ta’ ►C2  servizz elettroniku ta’ konsenja rreġistrata ◄ ma għandhiex tiġi miċħuda l-effett legali u ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li tkun f’forma elettronika jew li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tas- ►C2  servizz elettroniku ta’ konsenja rreġistrata ◄ .
2.  
Data trasmessa u riċevuta bl-użu ta’ ►C2  servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja rreġistrata ◄ għandha tgawdi l-preżunzjoni tal-integrità tad-data, tat-trażmissjoni ta’ dik id-data mill-emittent identifikat, tar-riċeviment tagħha mid-destinatarju identifikat u tal-eżattezza tad-data u tal-ħin tat-trasmissjoni u tar-riċeviment indikati mis- ►C2  servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja rreġistrata ◄ .

Artikolu 44

Rekwiżiti għal ►C2  servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja rreġistrata ◄

1.  

Is- ►C2  servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja rreġistrata ◄ għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

jingħataw minn wieħed mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jew aktar;

(b) 

jiżguraw livell għoli ta’ fiduċja l-identifikazzjoni tal-emittent;

(c) 

jiżguraw l-identifikazzjoni tad-destinatarju qabel ma jikkonsenjaw id-data;

(d) 

it-trasmissjoni u r-riċevuta tad-data isiru b’mod sikur b’firma elettronika avvanzata jew b’siġill elettroniku avvanzat ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat b’tali mod li jipprekludi l-possibbiltà li d-data tinbidel mingħajr ma dan jiġi skopert;

(e) 

kwalunkwe bidla fid-data meħtieġa għall-fini tat-trasmissjoni jew ir-riċevuta tad-data hija indikata b’mod ċar lill-emittent u lid-destinatarju tad-data;

(f) 

id-data u l-ħin tat-trasmissjoni, ir-riċevuta u kwalunkwe bidla tad-data huma indikati b’timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat.

Fil-każ li d-data tiġi trasferita bejn żewġ fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji jew aktar, ir-rekwiżiti fil-punti (a) sa (f) għandhom japplikaw għall-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati kollha.

▼M2

1a.  
Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta l-proċess għat-trażmissjoni u r-riċevuta tad-data jkun jikkonforma mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2.

▼M2

2.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-proċessi tat-trażmissjoni u r-riċevuta tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼C3

2a.  
Il-fornituri ta’ servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja rreġistrata jistgħu jaqblu dwar l-interoperabbiltà bejn is-servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja rreġistrata li jipprovdu. Dan il-qafas tal-interoperabbiltà għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 u tali konformità għandha tiġi kkonfermata minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità.

▼M2

2b.  
Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-qafas tal-interoperabbiltà msemmi fil-paragrafu 2a ta’ dan l-Artikolu. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kontenut tal-istandards għandhom ikunu kosteffettivi u proporzjonati. L-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

TAQSIMA 8

Awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku

▼M2

Artikolu 45

Rekwiżiti għal ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi

1.  
Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IV. L-evalwazzjoni tal-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti għandha titwettaq f’konformità mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
1a.  
Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi maħruġa f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu rikonoxxuti mill-fornituri tal-browsers tal-web. Il-fornituri tal-browsers tal-web għandhom jiżguraw li d-data dwar l-identità attestata fiċ-ċertifikat u l-attributi attestati addizzjonali jintwerew b’mod faċli għall-utent. Il-fornituri tal-browsers tal-web għandhom jiżguraw l-appoġġ u l-interoperabbiltà b’ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE matul l-ewwel ħames snin ta’ tħaddim bħala fornituri ta’ servizzi tal-browsing tal-web.
1b.  
Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi ma għandhom ikunu soġġetti għal ebda rekwiżit obbligatorju għajr ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1.
2.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għaċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼M2

Artikolu 45a

Miżuri ta’ prekawzjoni taċ-ċibersigurtà

1.  
Il-fornituri tal-browsers tal-web ma għandhom jieħdu l-ebda miżura li tmur kontra l-obbligi tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 45, b’mod partikolari r-rekwiżiti biex jirrikonoxxu ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi u biex juru d-data dwar l-identità pprovduta b’mod faċli għall-utent.
2.  
B’deroga mill-paragrafu 1 u f’każ biss ta’ tħassib sostanzjat relatat ma’ ksur tas-sigurtà jew it-telf ta’ integrità ta’ ċertifikat jew sett ta’ ċertifikati identifikati, il-fornituri tal-browsers tal-web jistgħu jieħdu miżuri ta’ prekawzjoni fir-rigward ta’ dak iċ-ċertifikat jew is-sett ta’ ċertifikati.
3.  
Meta fornitur ta’ browser tal-web jieħu miżuri ta’ prekawzjoni skont il-paragrafu 2, il-forniturtal-browser tal-web għandu jinnotifika t-tħassibtiegħu bil-miktub, mingħajr dewmien żejjed, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-miżuri meħuda biex itaffi dak it-tħassib, lill-Kummissjoni, lill-korp superviżorju kompetenti, lill-entità li lilha kien inħareġ iċ-ċertifikat u lill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li jkun ħareġ dak iċ-ċertifikat jew is-sett ta’ ċertifikati. Malli jirċievi notifika bħal din, il-korp superviżorju kompetenti għandu jibgħat konferma tar-riċevuta lill-fornitur tal-browser tal-web inkwistjoni.
4.  
Il-korp superviżorju kompetenti għandu jinvestiga l-kwistjonijiet imqajma fin-notifika f’konformità mal-Artikolu 46b(4), il-punt (k). Fejn l-eżitu ta’ dik l-investigazzjoni ma jirriżultax fl-irtirar tal-istatus kwalifikat taċ-ċertifikat, il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur tal-browser tal-web b’dan u għandu jitlob lil dak il-fornitur itemm il-miżuri ta’ prekawzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

TAQSIMA 9

attestazzjoni elettronika tal-attributi

Artikolu 45b

Effetti legali ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi

1.  
Attestazzjoni elettronika tal-attributi ma għandhiex tiġi miċħuda effett legali jew ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li tkun f’forma elettronika jew li ma tissodisfax ir-rekwiżiti għall-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi.
2.  
Attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi u l-attestazzjonijiet tal-attributi maħruġa minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandu jkollhom l-istess effett legali bħall-attestazzjonijiet maħruġa legalment f’forma stampata.
3.  
Attestazzjoni tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku fi Stat Membru wieħed għandha tiġi rikonoxxuta bħala attestazzjoni tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 45c

Attestazzjoni elettronika tal-attributi f’servizzi pubbliċi

Fejn identifikazzjoni elettronika li tuża mezz ta’ identifikazzjoni elettronika u l-awtentikazzjoni tkun meħtieġa skont il-liġi nazzjonali biex jiġi aċċessat servizz online pprovdut minn korp tas-settur pubbliku, id-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna fl-attestazzjoni elettronika tal-attributi ma għandhiex tissostitwixxi l-identifikazzjoni elettronika bl-użu ta’ mezz ta’ identifikazzjoni elettronika u awtentikazzjoni għall-identifikazzjoni elettronika sakemm dan ma jkunx speċifikament permess mill-Istat Membru. F’dan il-każ, għandha tiġi aċċettata wkoll attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi minn Stati Membri oħra.

Artikolu 45d

Rekwiżiti għal attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi

1.  
L-attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V.
2.  
L-evalwazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V għandha titwettaq f’konformità mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
3.  
L-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda rekwiżit obbligatorju minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V.
4.  
Meta attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi tkun ġiet revokata wara ħruġ inizjali, din għandha titlef il-validità tagħha mill-mument tar-revoka tagħha u l-istatus tagħha ma għandu jitreġġa’ lura fl-ebda ċirkostanza.
5.  
Sal-21 ta’ Novembru 2024, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5a(23) dwar l-implimentazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 45e

Verifika ta’ attributi ma’ sorsi awtentiċi

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fi żmien 24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 5a(23) u 5c(6) li, tal-anqas għall-attributi elenkati fl-Anness VI, kull fejn dawk l-attributi jiddependu fuq sorsi awtentiċi fis-settur pubbliku, jittieħdu miżuri li jippermettu lill-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jivverifikaw dawk l-attributi b’mezzi elettroniċi fuq talba tal-utent, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.
2.  
Sal-21 ta’ Novembru 2024, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni, filwaqt li tikkunsidra l-istandards internazzjonali rilevanti, għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-katalgu ta’ attributi, kif ukollskemi għall-attestazzjoni tal-attributi u proċeduri ta’ verifika għall-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi għall-finijiet tal-paragrafu 1ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5a(23) dwar l-implimentazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Dawk l-atti għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 45f

Rekwiżiti għall-attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku.

1.  

Attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

dawk stabbiliti fl-Anness VII;

(b) 

iċ-ċertifikat kwalifikat li jappoġġa l-firma elettronika kwalifikata jew is-siġill elettroniku kwalifikat tal-korp tas-settur pubbliku msemmi fl-Artikolu 3, il-punt (46), identifikat bħala l-emittent imsemmi fil-punt (b), tal-Anness VII, ikun fih sett speċifiku ta’ attributi ċċertifikati f’forma xierqa għall-ipproċessar awtomatizzat u:

(i) 

li jindika li l-korp emittenti huwa stabbilit f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala r-responsabbli għas-sors awtentiku li abbażi tiegħu tinħareġ l-attestazzjoni elettronika tal-attributi jew bħala l-korp maħtur biex jaġixxi f’ismu;

(ii) 

li jipprovdi sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità s-sors awtentiku msemmi fil-punt (i); u

(iii) 

li jidentifika d-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali msemmija fil-punt (i).

2.  
L-Istat Membru fejn huma stabbiliti l-korpi tas-settur pubbliku msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (46), għandu jiżgura li l-korpi tas-settur pubbliku li joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jissodisfaw il-livell ekwivalenti ta’ dipendibbiltà u affidabbiltà ekwivalenti għal fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji f’konformità mal-Artikolu 24.
3.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-korpi tas-settur pubbliku msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (46), lill-Kummissjoni. Dik in-notifika għandha tinkludi rapport ta’ valutazzjoni tal-konformità maħruġ minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li jikkonferma li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 6 ta’ dan l-Artikolu huma ssodisfati. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku, b’mezz sigur, il-lista ta’ korpi tas-settur pubbliku msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (46), f’forma ffirmata jew issiġillata b’mod elettroniku xierqa għall-ipproċessar awtomatizzat.
4.  
Meta attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku tkun ġiet revokata wara l-ħruġ inizjali, din għandha titlef il-validità tagħha mill-mument tar-revoka tagħha u l-istatus tagħha ma għandux jitreġġa’ lura.
5.  
Attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandha titqies li tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, meta tikkonforma mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 6.
6.  
Sal-21 ta’ Novembru 2024, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5a(23) dwar l-implimentazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).
7.  
Sal-21 ta’ Novembru 2024, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-finijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5a(23) dwar l-implimentazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).
8.  
Il-korpi tas-settur pubbliku msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (46), li joħorġu attestazzjoni elettronika tal-attributi għandhom jipprovdu interfaċċa mal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma previsti f’konformità mal-Artikolu 5a.

Artikolu 45g

Ħruġ ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi lill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

1.  
Il-fornituri ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi għandhom jagħtu lill-utenti tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali l-possibbiltà li jitolbu, jiksbu, jaħżnu u jimmaniġġaw l-attestazzjoni elettronika tal-attributi irrispettivament mill-Istati Membri fejn tiġi pprovduta l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.
2.  
Il-fornituri ta’ attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi għandhom jipprovdu interfaċċa mal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma previsti f’konformità mal-Artikolu 5a.

Artikolu 45h

Regoli addizzjonali għall-forniment ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi

1.  
Il-fornituri ta’ servizzi ta’ attestazzjoni elettronika kwalifikata u mhux kwalifikata tal-attributi ma għandhomx jikkombinaw data personali relatata mal-forniment ta’ dawk is-servizzi ma’ data personali minn kwalunkwe servizz ieħor offrut minnhom jew mis-sħab kummerċjali tagħhom.
2.  
Id-data personali relatata mal-forniment ta’ servizzi ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi għandha tinżamm loġikament separata minn data oħra miżmuma mill-fornitur tal-attestazzjoni elettronika tal-attributi.
3.  
Il-fornituri ta’ servizzi ta’ attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi għandhom jimplimentaw il-forniment ta’ dawn is- servizzi fiduċjarji kwalifikati b’mod li jkun funzjonalment separat minn servizzi oħra pprovduti minnhom.

TAQSIMA 10

servizzi ta’ arkivjar elettroniku

Artikolu 45i

Effett legali tas-servizzi ta’ arkivjar elettroniku

1.  
Data elettronika u dokumenti elettroniċi ppreservati bl-użu ta’ servizz ta’ arkivjar elettroniku ma għandhomx jiġu miċħuda effett legali jew ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li jkunu f’forma elettronika jew li mhumiex ippreservati bl-użu ta’ servizz ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat.
2.  
Data elettronika u dokumenti elettroniċi ppreservati bl-użu ta’ servizz ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat għandhom igawdu l-preżunzjoni tal-integrità tagħhom u tal-oriġini tagħhom għat-tul tal-perjodu ta’ preservazzjoni mill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji.

Artikolu 45j

Rekwiżiti għal servizzi ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat

1.  

Is-servizzi ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

jiġu pprovduti minn fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji;

(b) 

jużaw proċeduri u teknoloġiji li kapaċi jiżguraw id-durabbiltà u l-leġibbiltà ta’ data elettronika u dokumenti elettroniċi lil hinn mill-perjodu ta’ validità teknoloġika u mill-inqas matul il-perjodu ta’ preservazzjoni legali jew kuntrattwali, filwaqt li jżommu l-integrità u l-preċiżjoni tal-oriġini tagħhom;

(c) 

jiżguraw li dik id-data elettronika u dawk id-dokumenti elettroniċi jiġu ppreservati b’tali mod li tiġi salvagwardata mit-telf u l-alterazzjoni, ħlief għal bidliet li jikkonċernaw il-mezz jew il-format elettroniku tagħha;

(d) 

għandhom jippermettu lill-partijiet dipendenti awtorizzati jirċievu rapport b’mod awtomatizzat li jikkonferma li data elettronika u dokumenti elettroniċi miksuba minn arkivju elettroniku kwalifikat tgawdi l-preżunzjoni tal-integrità tad-data mill-bidu tal-perjodu ta’ preservazzjoni sal-mument tal-irkupru.

Dak ir-rapport imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu għandu jiġi pprovdut b’mod affidabbli u effiċjenti u għandu jkollu l-firma elettronika kwalifikata jew is-siġill elettroniku kwalifikat tal-fornitur tas-servizz ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat.

2.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għas-servizzi ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti għal servizzi ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat meta servizz ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat jikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

TAQSIMA 11

reġistri elettroniċi

Artikolu 45k

Effetti legali tar-reġistri elettroniċi

1.  
Reġistru elettroniku ma għandux jiġi miċħud effett legali jew ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li jkun f’forma elettronika jew li ma jissodisfax ir-rekwiżiti għar-reġistri elettroniċi kwalifikati.
2.  
Ir-rekords tad-data li jinsabu f’reġistru elettroniku kwalifikat għandhom igawdu l-preżunzjoni tal-ordni kronoloġiku sekwenzjali uniku u preċiż tagħhom u tal-integrità tagħhom.

Artikolu 45l

Rekwiżiti għal reġistri elettroniċi kwalifikati

1.  

Ir-reġistri elettroniċi kwalifikati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

jinħolqu u jkunu mmaniġġati minn fornitur kwalifikat wieħed jew aktar ta’ servizzi fiduċjarji;

(b) 

jistabbilixxu l-oriġini tar-rekords tad-data fir-reġistru;

(c) 

jiżguraw l-ordni kronoloġiku sekwenzjali uniku tar-rekords tad-data fir-reġistru;

(d) 

jirreġistraw id-data b’tali mod li kwalunkwe bidla sussegwenti fid-data tkun tista’ tiġi identifikata minnufih, li tiżgura l-integrità tagħhom tul iż-żmien.

2.  
Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta reġistru elettroniku jkun jikkonforma mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3.
3.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn ikun meħtieġ, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

KAPITOLU IV

DOKUMENTI ELETTRONIĊI

Artikolu 46

Effetti legali ta’ dokumenti elettroniċi

Dokument elettroniku ma għandux jiġi miċħud effett legali u ammissibilità bħala evidenza fi proċeduri legali għas-sempliċi raġuni li jkun f’forma elettronika.

▼M2

KAPITOLU IVa

QAFAS TA’ GOVERNANZA

Artikolu 46a

Superviżjoni tal-Qafas tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali

1.  
L-Istati Membri għandhom jaħtru korp superviżorju wieħed jew aktar fit-territorju tagħhom.

Il-korpi superviżorji maħtura skont l-ewwel subparagrafu għandhom jingħataw is-setgħat meħtieġa u r-riżorsi adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv, effiċjenti u indipendenti.

2.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi superviżorji tagħhom maħtura skont il-paragrafu 1 u kwalunkwe bidla sussegwenti fihom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-korpi superviżorji notifikati.
3.  

Ir-rwol tal-korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 għandu jkun:

(a) 

li jwettaq superviżjoni tal-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali stabbiliti fl-Istat Membru li jinnomina u, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex ante u ex post, jiżgura li dawk il-fornituri u l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma jipprovdu, jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b) 

li jieħu azzjoni, jekk ikun meħtieġ, fir-rigward tal-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jinnomina, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex post, meta jiġi infurmat li l-fornituri jew il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma jipprovdu jkunu qed jiksru dan ir-Regolament.

4.  

Il-kompiti tal-korpi superviżorji maħtura skont il-paragrafu għandhom jinkludu b’mod partikolari dan li ġej:

(a) 

li jikkooperaw ma’ korpi superviżorji oħra u jipprovdulhom assistenza f’konformità mal-Artikoli 46c u 46e;

(b) 

li jitolbu l-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c) 

li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti maħtura jew stabbiliti skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Istati Membri kkonċernati dwar kwalunkwe ksur sinifikanti tas-sigurtà jew telf ta’ integrità li jsiru jafu bih fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u, fil-każ ta’ ksur sinifikanti ta’ sigurtà jew telf ta’ integrità li jikkonċerna Stati Membri oħra, jinfurmaw lill-punt uniku ta’ kuntatt maħtur jew stabbilit skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Istat Membru kkonċernat u l-punti uniċi ta’ kuntatt maħtura skont l-Artikolu 46c(1) ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri l-oħra kkonċernati, u jinfurmaw lill-pubbliku jew jeħtieġu lill-fornituri tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jagħmlu dan meta l-korp superviżorju jiddetermina li l-iżvelar tal-ksur tas-sigurtà jew tat-telf ta’ integrità jkun fl-interess pubbliku;

(d) 

li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post u superviżjoni mhux fuq il-post;

(e) 

li jirrikjedu li l-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jirrimedjaw kwalunkwe nuqqas milli jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(f) 

li jissospendu jew jikkanċellaw ir-reġistrazzjoni u l-inklużjoni ta’ partijiet dipendenti fil-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 5b(7) fil-każ ta’ użu illegali jew frodulenti tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(g) 

li jikkooperaw mal-awtoritajiet superviżorji kompetenti stabbiliti skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari, billi jinfurmawhom mingħajr dewmien żejjed, fejn ikun jidher li jkunu nkisru r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali u dwar ksur ta’ sigurtà li jidher li jikkostitwixxi ksur ta’ data personali.

5.  
Meta l-korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 jirrikjedi li l-fornitur ta’ Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jirrimedja kwalunkwe nuqqas ta’ ssodisfar tar-rekwiżiti taħt dan ir-Regolament skont il-paragrafu 4, il-punt (e), u dak il-fornitur ma jaġixxix kif xieraq u, jekk applikabbli, f’limitu ta’ żmien stabbilit minn dak il-korp superviżorju, il-korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 jista’, filwaqt li jqis, b’mod partikolari, il-firxa, id-durata u l-konsegwenzi ta’ dak in-nuqqas, jordna lill-fornitur jissospendi jew iwaqqaf il-forniment tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Il-korp superviżorju għandhom jinfurmaw lill-korpi superviżorji ta’ Stati Membri oħra, lill-Kummissjoni, lill-partijiet dipendenti u lill-utenti tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali mingħajr dewmien żejjed bid-deċiżjoni li tirrikjedi s-sospensjoni jew il-waqfien tal-forniment ta’ Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.
6.  
Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar l-attivitajiet ewlenin tiegħu matul is-sena kalendarja preċedenti. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawk ir-rapporti annwali disponibbli għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
7.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-formati u l-proċeduri għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 46b

Superviżjoni tas-servizzi fiduċjarji

1.  
L-Istati Membri għandhom jaħtru korp superviżorju stabbilit fit-territorju tagħhom jew jaħtru, bi ftehim reċiproku ma’ Stat Membru ieħor, korp superviżorju stabbilit f’dak l-Istat Membru l-ieħor. Dak il-korp superviżorju għandu jkun responsabbli għall-kompiti superviżorji fl-Istat Membru li jinnomina fir-rigward ta’ servizzi fiduċjarji.

Il-korpi superviżorji maħtura skont l-ewwel subparagrafu għandhom jingħataw is-setgħat neċessarji u riżorsi adegwati għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi superviżorji tagħhom maħtura skont il-paragrafu 1 u kwalunkwe bidla sussegwenti fihom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-korpi superviżorji notifikati.
3.  

Ir-rwol tal-korpi superviżorji maħtura skont il-paragrafu 1 għandu jkun:

(a) 

li jwettqu superviżjoni tal-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru u jiżguraw, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex ante u ex post, li dawk il-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b) 

li jieħdu azzjoni, jekk ikun meħtieġ, fir-rigward ta’ fornituri mhux kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jinnomina, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex post, meta jiġu infurmati li dawk il-fornituri mhux kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji jew is-servizzi fiduċjarji li huma jipprovdu allegatament ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

4.  

Il-kompiti tal-korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 għandhom jinkludu b’mod partikolari dan li ġej:

(a) 

li jinforma lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti maħtura jew stabbiliti skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Istati Membri kkonċernati dwar kwalunkwe ksur sinifikanti tas-sigurtà jew telf ta’ integrità li jsir jaf bih fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u, fil-każ ta’ ksur sinifikanti tas-sigurtà jew telf ta’ integrità li jikkonċerna Stati Membri oħra, jinforma lill-punt uniku ta’ kuntatt maħtur jew stabbilit skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Istat Membru kkonċernat u l-punti uniċi ta’ kuntatt maħtura skont l-Artikolu 46c(1) ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri l-oħra kkonċernati, u jinforma lill-pubbliku jew jitlob lill-fornitur tas-servizzi fiduċjarji jagħmel dan meta l-korp superviżorju jiddetermina li l-iżvelar tal-ksur tas-sigurtà jew telf ta’ integrità jkun fl-interess pubbliku;

(b) 

li jikkooperaw ma’ korpi superviżorji oħra u jipprovdulhom assistenza f’konformità mal-Artikoli 46c u 46e;

(c) 

li janalizza r-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 21(1);

(d) 

li jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet prinċipali tiegħu f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu;

(e) 

li jwettaq awditi jew jitlob lil korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji f’konformità mal-Artikolu 20(2);

(f) 

li jikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji kompetenti stabbiliti skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari, billi jinfurmahom, mingħajr dewmien żejjed, fejn ikun jidher li jkunu nkisru r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali u dwar ksur ta’ sigurtà li jidher li jikkostitwixxi ksur ta’ data personali;

(g) 

li jagħti l-istatus kwalifikat lill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji u lis-servizzi li huma jipprovdu u jirtira dak l-istatus f’konformità mal-Artikoli 20 u 21;

(h) 

li jinforma lill-korp responsabbli għal-lista affidabbli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 22(3) dwar id-deċiżjonijiet tiegħu li jagħti jew jirtira l-istatus kwalifikat, għajr jekk dak il-korp ikun ukoll il-korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(i) 

li jivverifika l-eżistenza u l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar pjanijiet ta’ terminazzjoni fejn il-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu, inkluż kif l-informazzjoni tinżamm aċċessibbli f’konformità mal-Artikolu 24(2), il-punt (h);

(j) 

li jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jirrimedjaw kwalunkwe nuqqas milli jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(k) 

li jinvestiga dikjarazzjonijiet magħmula minn fornituri tal-browsers tal-web skont l-Artikolu 45a u li jieħu azzjoni jekk ikun meħtieġ.

5.  
L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistabbilixxi, iżomm u jaġġorna infrastruttura fiduċjarja f’konformità mal-liġi nazzjonali.
6.  
Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar l-attivitajiet ewlenin tiegħu matul is-sena kalendarja preċedenti. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawk ir-rapporti annwali disponibbli għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
7.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta linji gwida dwar l-eżerċizzju mill-korpi superviżorji maħtura skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, u, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-formati u l-proċeduri għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 46c

Punti uniċi ta’ kuntatt

1.  
Kull Stat Membru għandu jaħtar punt uniku ta’ kuntatt għas-servizzi fiduċjarji, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati.
2.  
Kull punt uniku ta’ kuntatt għandu jeżerċita funzjoni ta’ kollegament biex jiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera fost il-korpi superviżorji għall-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji u fost il-korpi superviżorji għall-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u, fejn xieraq, mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u ma’ awtoritajiet kompetenti oħra fl-Istat Membru tiegħu.
3.  
Kull Stat Membru għandu jippubblika u, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifika lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-punt uniku ta’ kuntatt maħtur skont il-paragrafu 1 u kwalunkwe bidla sussegwenti fihom.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk il-punti uniċi ta' kuntatt notifikati skont il-paragrafu 3.

Artikolu 46d

Assistenza reċiproka

1.  
Sabiex jiġu ffaċilitati s-superviżjoni u l-infurzar tal-obbligi skont dan ir-Regolament, il-korpi superviżorji maħtura skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 46a(1) u l-Artikolu 46b(1) jistgħu jitolbu, inkluż permezz tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 46e(1), assistenza reċiproka mill-korpi superviżorji ta’ Stat Membru ieħor fejn ikun stabbilit il-fornitur ta’ Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jew il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji, jew fejn ikunu jinsabu n-network u s-sistemi ta’ informazzjoni tiegħu jew fejn ikunu pprovduti s-servizzi tiegħu.
2.  

L-assistenza reċiproka għandha mill-inqas tinvolvi li:

(a) 

il-korp superviżorju li japplika miżuri superviżorji u ta’ infurzar fi Stat Membru wieħed għandu jinforma u jikkonsulta lill-korp superviżorju tal-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat;

(b) 

korp superviżorju jista’ jitlob lill-korp superviżorju tal-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat jieħu miżuri superviżorji jew ta’ infurzar, inkluż, pereżempju, talbiet biex jitwettqu spezzjonijiet relatati mar-rapporti ta’ valutazzjoni tal-konformità kif imsemmi fl-Artikoli 20 u 21 rigward il-forniment ta’ servizzi fiduċjarji;

(c) 

fejn xieraq, il-korpi superviżorji jistgħu jwettqu investigazzjonijiet konġunti mal-korpi superviżorji ta’ Stati Membri oħra.

L-arranġamenti u l-proċeduri għal investigazzjonijiet konġunti skont l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu maqbula u stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom.

3.  

Korp superviżorju li jirċievi talba għal assistenza jista’ jirrifjuta dik it-talba għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a) 

l-assistenza mitluba ma tkunx proporzjonata mal-attivitajiet superviżorji tal-korp superviżorju mwettqa f’konformità mal-Artikoli 46a u 46b;

(b) 

il-korp superviżorju ma jkunx kompetenti biex jipprovdi l-assistenza mitluba;

(c) 

l-għoti tal-assistenza mitluba ma jkunx kompatibbli ma’ dan ir-Regolament.

4.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025 u kull sentejn wara dan, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 46e(1) għandu joħroġ gwida dwar l-aspetti u l-proċeduri organizzattivi għall-assistenza reċiproka msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 46e

Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar l-Identità Diġitali Ewropea

1.  
Sabiex tappoġġa u tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni transfruntieri tal-Istati Membri dwar is-servizzi fiduċjarji, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar l-Identità Diġitali Ewropea (il-‘Grupp ta’ Kooperazzjoni’).
2.  
Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti maħtura mill-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-Segretarjat tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni.
3.  
Ir-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati rilevanti jistgħu, fuq bażi ad hoc, jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni u jieħdu sehem fil-ħidma tiegħu bħala osservaturi.
4.  
L-ENISA għandha tiġi mistiedna tieħu sehem bħala osservatur fil-ħidma tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni meta tiskambja fehmiet, l-aħjar prattiki u informazzjoni dwar aspetti rilevanti taċ-ċibersigurtà bħan-notifika ta’ ksur tas-sigurtà, u fejn l-użu ta’ ċertifikati jew standards taċ-ċibersigurtà jiġu indirizzati.
5.  

Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a) 

jiskambja pariri u jikkoopera mal-Kummissjoni dwar inizjattivi ta’ politika emerġenti fil-qasam tal-kartieri tal-identità diġitali, il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji;

(b) 

jagħti pariri lill-Kummissjoni, kif xieraq, fit-tħejjija bikrija ta’ abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati li għandhom jiġu adottati skont dan ir-Regolament;

(c) 

sabiex jagħti appoġġ lill-korpi superviżorji fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament:

(i) 

jiskambja l-aħjar prattiki u informazzjoni rigward l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(ii) 

jivvaluta l-iżviluppi rilevanti fis-setturi tal-kartieri tal-identità diġitali, l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji;

(iii) 

jorganizza laqgħat konġunti ma' partijiet interessati rilevanti minn madwar l-Unjoni biex jiddiskuti l-attivitajiet imwettqa mill-grupp ta’ kooperazzjoni u jiġbor kontributi dwar sfidi emerġenti ta' politika;

(iv) 

bl-appoġġ tal-ENISA, jiskambja fehmiet, l-aħjar prattiki u informazzjoni dwar aspetti rilevanti taċ-ċibersigurtà li jikkonċernaw il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji;

(v) 

jiskambja l-aħjar prattiki fir-rigward tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki dwar in-notifika ta' ksur tas-sigurtà, u miżuri komuni kif imsemmi fl-Artikoli 5e u 10;

(vi) 

jorganizza laqgħat konġunti mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS stabbilit skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 biex jiskambja informazzjoni rilevanti relatata mas-servizzi fiduċjarji u l-identifikazzjoni elettronika b’rabta mat-theddid ċibernetiku, l-inċidenti, il-vulnerabbiltajiet, l-inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni, it-taħriġ, l-eżerċizzji u l-ħiliet, il-bini tal-kapaċità, il-kapaċità fil-qasam tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif ukoll l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;

(vii) 

jiddiskuti, fuq talba ta’ korp superviżorju, talbiet speċifiċi għal assistenza reċiproka kif imsemmi fl-Artikolu 46d;

(viii) 

jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-korpi superviżorji billi jipprovdi gwida dwar l-aspetti u l-proċeduri organizzattivi għall-assistenza reċiproka msemmija fl-Artikolu 46d;

(d) 

jorganizza rieżamijiet bejn il-pari tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li għandhom jiġu nnotifikati taħt dan ir-Regolament.

6.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw kooperazzjoni effettiva u effiċjenti tar-rappreżentanti maħtura tagħhom fil-Grupp ta’ Kooperazzjoni.
7.  
Sal-21 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-arranġamenti proċedurali meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 5, il-punt (d), ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

▼B

KAPITOLU V

DELEGA TA’ SETGĦA U DISPOŻIZZJONIJIET TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 47

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

▼C1

2.  
Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 5c(8), l-Artikolu 24(4b) u l-Artikolu 30(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat li jibda mis-17 ta’ Settembru 2014.
3.  
Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5c(8), l-Artikolu 24(4b) u l-Artikolu 30(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

▼B

4.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

▼M2

5.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 5c(8), l-Artikolu 24(4b) jew l-Artikolu 30(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼B

Artikolu 48

Proċedura ta’ kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

▼M2

Artikolu 48a

Rekwiżiti ta’ rappurtar

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġbir ta’ statistika fir-rigward tal-funzjonament tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati provduti fit-territorju tagħhom.
2.  

L-istatistika miġbura f’konformità mal-paragrafu 1 għandha tinkludi dan li ġej:

(a) 

l-għadd ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkollhom Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali valida;

(b) 

it-tip u l-għadd ta’ servizzi li jaċċettaw l-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(c) 

l-għadd ta' ilmenti tal-utenti u inċidenti marbuta ma’ protezzjoni tal-konsumatur jew ma' protezzjoni tad-data relatati ma' partijiet dipendenti u servizzi fiduċjarji kwalifikati;

(d) 

rapport ta’ sinteżi li jinkludi data dwar inċidenti fejn ġie pprevenut l-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(e) 

sommarju tal-inċidenti sinifikanti ta’ sigurtà, ta' ksur tad-data u ta' utenti milquta ta' Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jew ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati.

3.  
L-istatistika msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir disponibbli għall-pubbliku f’format miftuħ u użat b’mod komuni u li jinqara mill-magni.
4.  
Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-istatistika miġbura f’konformità mal-paragrafu 2.

▼M2

Artikolu 49

Reviżjoni

1.  
Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha, sal-21 ta’ Mejju 2026, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tevalwa jekk huwiex opportun li timmodifika l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew id-dispożizzjonijiet speċifiċi tiegħu, inkluż, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 5c(3), filwaqt li tikkunsidra l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll l-iżviluppi teknoloġiċi, tas-suq u dawk legali. Meta jkun meħtieġ, ma’ dak ir-rapport għandu jkun hemm proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament.
2.  
Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi valutazzjoni tad-disponibbiltà, is-sigurtà u l-użabbiltà tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati u tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jivvaluta jekk il-fornituri ta’ servizzi privati online kollha li jiddependu fuq servizzi ta’ identifikazzjoni elettronika ta’ partijiet terzi għall-awtentikazzjoni tal-utenti, għandhomx jiġu mitluba jaċċettaw l-użu ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati u tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.
3.  
Sal-21 ta’ Mejju 2030 u kull erba’ snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

▼B

Artikolu 50

Tħassir

1.  
Id-Direttiva 1999/93/KE hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Lulju 2016.
2.  
Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

▼M2

Artikolu 51

Miżuri tranżizzjonali

1.  
L-apparati għall-ħolqien ta’ firem siguri li l-konformità tagħhom tkun ġiet iddeterminata f’konformità mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/93/KE għandhom ikomplu jitqiesu bħala apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi skont dan ir-Regolament sal-21 ta’ Mejju 2027.
2.  
Iċ-ċertifikati kwalifikati maħruġa lil persuni fiżiċi skont id-Direttiva 1999/93/KE għandhom ikomplu jitqiesu bħala ċertifikati kwalifikati għall-firem elettroniċi skont dan ir-Regolament sal-21 ta’ Mejju 2026.
3.  
Il-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ firem u siġilli elettroniċi mill-bogħod minn fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji għajr fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji li jipprovdu servizzi fiduċjarji kwalifikati għall-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ firem u siġilli elettroniċi mill-bogħod f’konformità mal-Artikoli 29a u 39a tista’ titwettaq mingħajr il-ħtieġa li jinkiseb l-istatus kwalifikat għall-forniment ta’ dawn is-servizzi ta’ ġestjoni sal-21 ta’ Mejju 2026.
4.  
Il-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji li jkunu ngħataw l-istatus kwalifikat tagħhom skont dan ir-Regolament qabel l-20 ta’ Mejju 2024 għandhom jippreżentaw rapport ta’ valutazzjoni tal-konformità lill-korp superviżorju li jagħti prova tal-konformità mal-Artikolu 24(1), (1a) u 1(b) malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ sal-21 ta’ Mejju 2026.

▼B

Artikolu 52

Dħul fis-seħħ

1.  
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.  

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2016, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli li ġejjin:

(a) 

l-Artikoli 8(3), 9(5), 12(2) sa (9), 17(8), 19(4), 20(4), 21(4), 22(5), 23(3), 24(5), 27(4) u (5), 28(6), 29(2), 30(3) u (4), 31(3), 32(3), 33(2), 34(2), 37(4) u (5), 38(6), 42(2), 44(2), 45(2) u l-Artikoli 47 u 48 għandhom japplikaw mis-17 ta’ Settembru 2014;

(b) 

l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1) u (2), l-Artikoli 9, 10, 11 u l-Artikolu 12(1), għandhom japplikaw mid-data tal-applikazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 8(3) u 12(8);

(c) 

l-Artikolu 6 għandu japplika wara tliet snin mid-data tal-applikazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 8(3) u 12(8).

3.  
Meta l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata tkun inkluża fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 9 qabel id-data msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, ir-rikonoxximent tal-identifikazzjoni elettronika taħt dik l-iskema f’konformità mal-Artikolu 6 għandu jsir mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-pubblikazzjoni ta’ dik l-iskema iżda mhux qabel id-data msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
4.  
Minkejja l-punt (c) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika taħt skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata f’konformità mal-Artikolu 9(1) minn Stat Membru ieħor jiġu rikonoxxuti fl-ewwel Stat Membru mid-data ta’ applikazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 8(3) u 12(8). L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni pubblika.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

REKWIŻITI GĦAĊ-ĊERTIFIKATI KWALIFIKATI GĦALL-FIREM ELETTRONIĊI

Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-firem elettroniċi għandu jkun fihom:

(a) 

indikazzjoni, tal-anqas f’forma adegwata għall-ipproċessar awtomatizzat, li ċ-ċertifikat ikun inħareġ bħala ċertifikat kwalifikat għall-firma elettronika;

(b) 

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li joħroġ ċertifikati kwalifikati inkluż tal-anqas, l-Istat Membru li fih il-fornitur ikun stabbilit u

— 
għal persuna ġuridika: l-isem u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif jidhru fir-rekords uffiċjali,
— 
għal persuna fiżika: l-isem tal-persuna;
(c) 

tal-anqas l-isem tal-firmatarju, jew psewdonimu; Jekk jintuża psewdonimu, dan għandu jiġi indikat b’mod ċar;

(d) 

data ta’ validazzjoni tal-firma elettronika li tikkorrispondi mad-data tal-ħolqien ta’ firma elettronika;

(e) 

dettalji tal-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat;

(f) 

il-kodiċi tal-identità taċ-ċertifikat, li għandu jkun uniku għall-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat;

(g) 

il-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li qed joħorġu;

(h) 

il-post fejn iċ-ċertifikat li jappoġġa l-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat imsemmi fil-punt (g) ikun disponibbli mingħajr ħlas;

▼M2

(i) 

l-informazzjoni jew il-post tas-servizzi li jistgħu jintużaw biex tinkiseb informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità taċ-ċertifikat kwalifikat;

▼B

(j) 

meta d-data tal-ħolqien ta’ firem elettroniċi relatata mad-data ta’ validazzjoni tal-firem elettroniċi tkun tinsab f’apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi, indikazzjoni adatta ta’ dan, tal-inqas f’forma adegwata għall-ipproċessar awtomatizzat.




ANNESS II

REKWIŻITI GĦAL APPARAT KWALIFIKAT GĦALL-ĦOLQIEN TA’ FIREM ELETTRONIĊI

1. Apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi għandu jiżgura, b’mezzi tekniċi u proċedurali adatti, li tal-anqas:

(a) 

tkun żgurata raġonevolment il-kunfidenzjalità tad-data tal-ħolqien ta’ firem elettroniċi użata għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi;

(b) 

id-data tal-ħolqien ta’ firem użata għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi tkun tista’ sseħħ prattikament darba biss;

(c) 

id-data tal-ħolqien ta’ firem elettroniċi użata għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi ma tistax, bi żgurar raġonevoli, tinkiseb u l-firma elettronika tkun protetta b’mod affidabbli kontra l-falsifikazzjoni bl-użu ta’ teknoloġija disponibbli attwalment;

(d) 

id-data tal-ħolqien ta’ firem elettroniċi użata għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi tista’ tkun protetta b’mod affidabbli mill-firmatarju leġittimu kontra l-użu minn persuni oħrajn.

2. Apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi ma għandux ibiddel id-data li għandha tiġi ffirmata jew jipprevjeni data bħal din milli tiġi ppreżentata lill-firmatarju qabel il-proċess tal-firma.

▼M2 —————

▼B




ANNESS III

REKWIŻITI GĦAĊ-ĊERTIFIKATI KWALIFIKATI GĦAS-SIĠILLI ELETTRONIĊI

Iċ-ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi għandu jkun fihom:

(a) 

indikazzjoni, tal-anqas f’forma adegwata għall-ipproċessar awtomatizzat, li ċ-ċertifikat ikun inħareġ bħala ċertifikat kwalifikat għas-siġill elettroniku;

(b) 

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li joħroġ ċertifikati kwalifikati inkluż tal-anqas, l-Istat Membru li fih il-fornitur ikun stabbilit u

— 
għal persuna ġuridika: l-isem u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif jidhru fir-rekords uffiċjali,
— 
għal persuna fiżika: l-isem tal-persuna;
(c) 

tal-anqas l-isem tal-kreatur tas-siġill u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif jidhru fir-rekords uffiċjali;

(d) 

data ta’ validazzjoni tas-siġill elettroniku, li tkun tikkorrispondi mad-data tal-ħolqien ta’ siġill elettroniku;

(e) 

dettalji tal-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat;

(f) 

il-kodiċi tal-identità taċ-ċertifika,t li għandu jkun uniku għall-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat;

(g) 

il-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li qed joħorġu;

(h) 

il-post fejn iċ-ċertifikat li jappoġġa l-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat imsemmi fil-punt (g) ikun disponibbli mingħajr ħlas;

▼M2

(i) 

l-informazzjoni jew il-post tas-servizzi li jistgħu jintużaw biex tinkiseb informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità taċ-ċertifikat kwalifikat;

▼B

(j) 

meta d-data tal-ħolqien ta’ siġill elettroniku relatata mad-data ta’ validazzjoni tas-siġill elettroniku tkun tinsab f’apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi, indikazzjoni adatta ta’ dan, tal-anqas f’forma adegwata għall-ipproċessar awtomatizzat.




ANNESS IV

REKWIŻITI GĦAĊ-ĊERTIFIKATI KWALIFIKATI GĦALL-AWTENTIKAZZJONI TA’ SITI ELETTRONIĊI

Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi għandu jkun fihom:

(a) 

indikazzjoni, tal-anqas f’forma adegwata għall-ipproċessar awtomatizzat, li ċ-ċertifikat ikun inħareġ bħala ċertifikat kwalifikat għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi;

(b) 

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li joħroġ ċertifikati kwalifikati inkluż tal-anqas, l-Istat Membru li fih il-fornitur ikun stabbilit u

— 
għal persuna ġuridika: l-isem u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif jidhru fir-rekords uffiċjali,
— 
għal persuna fiżika: l-isem tal-persuna;

▼M2

(c) 

għall-persuni fiżiċi: tal-inqas l-isem tal-persuna li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat, jew psewdonimu. Jekk jintuża psewdonimu, dan għandu jiġi indikat b’mod ċar;

(ca) 

għall-persuni ġuridiċi: sett uniku ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità lill-persuna ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat, b’mill-inqas l-isem tal-persuna ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif iddikjarat fir-rekords uffiċjali;

▼B

(d) 

elementi tal-indirizz, inkluż tal-inqas il-belt u l-Istat, tal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat u, fejn applikabbli, kif jidhru fir-rekords uffiċjali;

(e) 

l-isem/ismijiet tad-dominju mħaddma mill-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat;

(f) 

dettalji tal-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat;

(g) 

il-kodiċi tal-identità taċ-ċertifikat, li għandu jkun uniku għall-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat;

(h) 

il-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li qed joħorġu;

(i) 

il-post fejn iċ-ċertifikat li jappoġġa l-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat imsemmi fil-punt (h) ikun disponibbli mingħajr ħlas;

▼M2

(j) 

l-informazzjoni jew il-post tas-servizzi tal-istatus ta’ validità taċ-ċertifikat li jistgħu jintużaw biex tinkiseb informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità taċ-ċertifikat kwalifikat.

▼M2




ANNESS V

REKWIŻITI GĦAL ATTESTAZZJONI ELETTRONIKA KWALIFIKATA TAL-ATTRIBUTI

Attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi għandu jkun fiha:

(a) 

indikazzjoni, tal-inqas f’forma adatta għall-ipproċessar awtomatizzat, li l-attestazzjoni nħarġet bħala attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi;

(b) 

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità lill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li joħroġ attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi inkluż tal-inqas, l-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-fornitur u:

(i) 

għal persuna ġuridika: l-isem u, meta applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif jidhru fir-rekords uffiċjali,

(ii) 

għal persuna fiżika: l-isem tal-persuna;

(c) 

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità l-entità li għaliha jirreferu l-attributi attestati; jekk jintuża psewdonimu, dan għandu jiġi indikat b’mod ċar;

(d) 

l-attribut jew l-attributi attestati, inkluż, fejn applikabbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi identifikat l-ambitu ta’ dawk l-attributi;

(e) 

dettalji tal-bidu u t-tmiem tal-perjodu ta’ validità tal-attestazzjoni;

(f) 

il-kodiċi tal-identità tal-attestazzjoni, li jrid ikun uniku għall-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji u, jekk applikabbli, l-indikazzjoni tal-iskema ta’ attestazzjonijiet li l-attestazzjoni tal-attributi tkun parti minnha;

(g) 

il-firma elettronika kwalifikata jew is-siġill elettroniku kwalifikat tal-fornitur kwalifikat emittenti ta’ servizzi fiduċjarji;

(h) 

il-post fejn iċ-ċertifikat li jappoġġa l-firma elettronika kwalifikata jew is-siġill elettroniku kwalifikat imsemmija fil-punt (g) ikun disponibbli mingħajr ħlas;

(i) 

l-informazzjoni jew il-post tas-servizzi li jistgħu jintużaw biex tinkiseb informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità tal-attestazzjoni kwalifikata.




ANNESS VI

LISTA MINIMA TA’ ATTRIBUTI

Skont l-Artikolu 45e, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri biex il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jkunu jistgħu jivverifikaw b’mezzi elettroniċi meta jintalbu mill-utent, l-awtentiċità tal-attributi li ġejjin kontra s-sors awtentiku rilevanti fil-livell nazzjonali jew permezz ta’ intermedjarji deżinjati rikonoxxuti fil-livell nazzjonali, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali u meta dawn l-attributi jkunu jiddependu fuq sorsi awtentiċi fis-settur pubbliku:

1. 

Indirizz;

2. 

Età;

3. 

Ġeneru;

4. 

Status ċivili;

5. 

Kompożizzjoni tal-familja;

6. 

Nazzjonalità jew ċittadinanza;

7. 

Kwalifiki, titli u liċenzji tal-edukazzjoni;

8. 

Kwalifiki, titli u liċenzji professjonali;

9. 

Setgħat u mandati għar-rappreżentanza ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi

10. 

Permessi u liċenzji pubbliċi;

11. 

Għall-persuni ġuridiċi, data finanzjarja u dwar il-kumpanija.




ANNESS VII

REKWIŻITI GĦALL-ATTESTAZZJONI ELETTRONIKA TA’ ATTRIBUTI MAĦRUĠA MINN JEW F’ISEM KORP TAS-SETTUR PUBBLIKU RESPONSABBLI GĦAL SORS AWTENTIKU

Attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandu jkun fiha:

(a) 

indikazzjoni, tal-inqas f’forma adatta għall-ipproċessar awtomatizzat, li l-attestazzjoni nħarġet bħala attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp pubbliku responsabbli għal sors awtentiku;

(b) 

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità lill-korp pubbliku li joħroġ l-attestazzjoni elettronika tal-attributi, inkluż mill-inqas, l-Istat Membru li fih ikun stabbilit dak il-korp pubbliku u ismu u, fejn applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu kif iddikjarat fir-rekords uffiċjali;

(c) 

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità lill-entità li għaliha jirreferu l-attributi attestati; jekk jintuża psewdonimu, dan għandu jiġi indikat b’mod ċar;

(d) 

l-attribut jew l-attributi attestati, inkluż, fejn applikabbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi identifikat l-ambitu ta’ dawk l-attributi;

(e) 

dettalji tal-bidu u t-tmiem tal-perjodu ta’ validità tal-attestazzjoni;

(f) 

il-kodiċi tal-identità tal-attestazzjoni, li jrid ikun uniku għall-korp pubbliku emittenti u, jekk applikabbli, indikazzjoni tal-iskema ta’ attestazzjonijiet li l-attestazzjoni tal-attributi tkun parti minnha;

(g) 

il-firma elettronika kwalifikata jew is-siġill elettroniku kwalifikat tal-korp emittenti;

(h) 

il-post fejn iċ-ċertifikat li jappoġġa l-firma elettronika kwalifikata jew is-siġill elettroniku kwalifikat imsemmija fil-punt (g) ikun disponibbli mingħajr ħlas;

(i) 

l-informazzjoni jew il-post tas-servizzi li jistgħu jintużaw biex tinkiseb informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità tal-attestazzjoni.



( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

( 2 ) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u-tal Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist u pubbliku tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (GU L 94, 28.3.2014, p. 65).

( 3 ) Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

( 4 ) Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).

( 5 ) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

( 6 ) Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

( 7 ) Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).

( 8 ) Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).