Eureka 02017R0352-20200528 Sign in

02017R0352 — MT — 28.05.2020 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2017/352 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Frar 2017

li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 057 3.3.2017, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2020/697 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-25 ta’ Mejju 2020

  L 165

7

27.5.2020




▼B

REGOLAMENT (UE) 2017/352 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Frar 2017

li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a) 

qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji;

(b) 

regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja u t-tariffi għas-servizzi portwarji u l-infrastruttura portwarja.

2.  Dan ir-Regolament japplika għall-forniment tal-kategoriji ta’ servizzi portwarji li ġejjin (“servizzi portwarji”), ġewwa ż-żona tal-port jew inkella fl-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma lejn il-port:

(a) 

bunkering;

(b) 

immaniġġar tal-merkanzija;

(c) 

irmiġġ;

(d) 

servizzi tal-passiġġieri;

(e) 

ġbir tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija;

(f) 

pilotaġġ; u

(g) 

irmonk.

3.  L-Artikolu 11(2) japplika wkoll għat-tħammil.

4.  Dan Regolament japplika għall-portijiet marittimi kollha tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, kif elenkati fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1315/2013.

5.  L-Istati Membru jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan ir-Regolament għal portijiet marittimi tan-netwerk komprensiv li jinsabu fir-reġjuni l-aktar ’il bogħod imsemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li ma japplikawx dan ir-Regolament għal dawn il-portijiet marittimi, huma għandhom jinnotifikaw tali deċiżjoni lill-Kummissjoni.

6.  L-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll dan ir-Regolament għal portijiet marittimi oħrajn. Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw dan ir-Regolament għal portijiet marittimi oħrajn, għandhom jinnotifikaw id-deċiżjoni tagħhom lill-Kummissjoni.

7.  Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2014/23/UE ( 1 ) u 2014/24/UE ( 2 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2014/25/UE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1) 

“bunkering” tfisser il-forniment ta’ fjuwil solidu, likwidu jew gassuż jew ta’ xi sors ta’ enerġija ieħor użat għall-propulsjoni tal-bastiment tat-trasport fuq l-ilma kif ukoll għal forniment ġenerali jew speċifiku ta’ enerġija abbord il-bastiment tat-trasport fuq l-ilma filwaqt li jkun irmiġġat;

(2) 

“immaniġġar tal-merkanzija” tfisser l-organizzazzjoni u l-immaniġġar tal-merkanzija bejn il-bastiment tat-trasport fuq l-ilma li jġorr u x-xatt, kemm jekk ikunu għall-importazzjoni, esportazzjoni jew tranżitu ta’ merkanzija, inklużi l-ipproċessar, l-irbit, il-ħall, l-istivar, it-trasport jew il-ħżin temporanju tal-merkanzija fit-terminal rilevanti ta’ mmaniġġar tal-merkanzija u direttament relatati mat-trasport tal-merkanzija, iżda esklużi, dment li l-Istati Membri ma jiddeterminawx mod ieħor, il-ħżin fl-imħażen, it-tneħħija tal-imballaġġ, l-imballaġġ mill-ġdid jew kwalunkwe servizz ieħor ta’ valur miżjud relatat mal-merkanzija;

(3) 

“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe korp pubbliku jew privat li, fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, għandu d-dritt li jwettaq, skont il-liġi jew l-istrumenti nazzjonali, attivitajiet marbuta mal-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ attivitajiet portwarji, flimkien ma’ jew minflok il-korp ta’ ġestjoni tal-port;

(4) 

“tħammil” tfisser it-tneħħija ta’ ramel, naqal jew sustanzi oħrajn mill-qiegħ tal-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma lejn il-port, jew fiż-żona tal-port li taqa’ taħt il-kompetenza tal-korp ta’ ġestjoni tal-port, inkluż ir-rimi tal-materjali li tneħħew, sabiex bastimenti tat-trasport fuq l-ilma jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-port; dan jinkludi kemm it-tneħħija inizjali (tħammil tal-bidu) kif ukoll it-tħammil ta’ manutenzjoni li jsir biex il-passaġġ fuq l-ilma jibqa’ aċċessibbli, filwaqt li ma jkunx servizz tal-port offrut lill-utent;

(5) 

“korp ta’ ġestjoni tal-port” tfisser kull korp pubbliku jew privat li, skont il-liġi jew l-istrumenti nazzjonali għandu l-objettiv li jwettaq, jew ikun mogħti s-setgħa, biex iwettaq, fil-livell lokali, kemm jekk flimkien ma’ attivitajiet oħrajn kemm jekk le, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-infrastruttura tal-port u wieħed jew aktar mill-kompiti li ġejjin fil-port ikkonċernat: il-koordinazzjoni tat-traffiku portwarju, l-immaniġġar tat-traffiku portwarju, il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-operaturi preżenti fil-port ikkonċernat, u/jew il-kontroll tal-attivitajiet tal-operaturi preżenti fil-port ikkonċernat;

(6) 

“irmiġġ” tfisser is-servizzi ta’ rbit u ħall mill-irbit fl-irmiġġ, inkluż ċaqliq tul il-moll, li huma meħtieġa għat-tħaddim sikur ta’ bastiment tat-trasport fuq l-ilma fil-port jew fl-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma lejn il-port;

(7) 

“servizzi tal-passiġġieri” tfisser l-organizzazzjoni u l-immaniġġar ta’ passiġġieri, il-bagalji tagħhom u l-vetturi tagħhom bejn il-bastiment tat-trasport fuq l-ilma li jġorr u x-xatt, u tinkludi wkoll l-ipproċessar ta’ data personali u t-trasport tal-passiġġieri fit-terminal rilevanti tal-passiġġieri;

(8) 

“pilotaġġ” tfisser is-servizz ta’ gwida ta’ bastiment tat-trasport fuq l-ilma minn bdot jew stazzjon ta’ pilotaġġ biex jippermetti d-dħul jew il-ħruġ sikur tal-bastiment tat-trasport fuq l-ilma fl-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma lejn il-port jew navigazzjoni sikura ġewwa l-port;

(9) 

“tariffa tal-infrastruttura portwarja” tfisser tariffa imposta, għall-benefiċċju dirett jew indirett tal-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew tal-awtorità kompetenti, għall-użu tal-infrastruttura, il-faċilitajiet u s-servizzi, inklużi l-passaġġi fuq l-ilma li jagħtu aċċess għall-portijiet ikkonċernati, kif ukoll aċċess għall-ipproċessar ta’ passiġġieri u merkanzija, iżda esklużi r-rati u t-tariffi tal-kiri tal-art li jkollhom effett ekwivalenti;

(10) 

“ġbir tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija” tfisser ir-riċeviment ta’ skart iġġenerat mill-bastimenti u mill-fdalijiet tal-merkanzija permezz ta’ kwalunkwe faċilità, li hija fissa, li tifflowtja jew li hija mobbli u li kapaċi tirċievi skart iġġenerat mill-bastimenti jew mill-fdalijiet mill-merkanzija kif definit fid-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );

(11) 

“tariffa tas-servizzi portwarji” tfisser tariffa imposta għall-benefiċċju tal-fornitur tas-servizzi portwarji u mħallas mill-utenti tas-servizz rilevanti;

(12) 

“kuntratt ta’ servizz portwarju” tfisser ftehim formali u legalment vinkolanti jew xi att ieħor b’effett legali ekwivalenti bejn fornitur ta’ servizzi portwarji u korp ta’ ġestjoni tal-port, jew awtorità kompetenti, li għandu bħala s-suġġett tiegħu l-forniment ta’ servizz portwarju wieħed jew aktar, mingħajr preġudizzju għall-forma ta’ għażla tal-fornituri tas-servizzi portwarji;

(13) 

“fornitur ta’ servizzi portwarji” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi, jew li tixtieq tipprovdi, bi ħlas waħda mill-kategoriji ta’ servizzi portwarji;

(14) 

“obbligu ta’ servizz pubbliku” tfisser rekwiżit definit jew determinat sabiex jiġi żgurat il-forniment ta’ dawk is-servizzi jew attivitajiet portwarji ta’ interess ġenerali li operatur, kieku kellu jikkunsidra l-interessi kummerċjali tiegħu stess, ma jipprovdix jew ma jipprovdihomx bl-istess mod jew bl-istess kondizzjonijiet;

(15) 

“trasport marittimu fuq distanzi qosra” tfisser iċ-ċaqliq ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar bejn portijiet li jinsabu fl-Ewropa ġeografika jew bejn dawk il-portijiet u l-portijiet li jinsabu f’pajjiżi mhux Ewropej bi xtut fl-ibħra magħluqin li jmissu mal-Ewropa;

(16) 

“port marittimu” tfisser żona ta’ art u ilma magħmula minn infrastruttura u tagħmir li jippermettu, prinċipalment, l-ilqugħ ta’ bastimenti tat-trasport fuq l-ilma, it-tagħbija u l-ħatt tagħhom, il-ħżin ta’ prodotti, ir-riċevuta u l-forniment ta’ dawk il-prodotti u l-imbark u l-iżbark tal-passiġġieri, l-ekwipaġġ u persuni oħrajn u kwalunkwe infrastruttura oħra meħtieġa għall-operaturi tat-trasport fi ħdan iż-żona tal-port;

(17) 

“irmonk” tfisser l-assistenza mogħtija lil bastiment tat-trasport fuq l-ilma permezz ta’ bastiment tal-irmonk biex ikunu jistgħu jsiru d-dħul jew il-ħruġ sikur mill-port jew in-navigazzjoni sikura fil-port billi tingħata assistenza fl-immanuvrar tal-bastiment tat-trasport fuq l-ilma;

(18) 

“aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma” tfisser aċċess fuq l-ilma lejn il-port mill-baħar miftuħ, bħal approċċi tal-portijiet, kanali navigabbli, xmajjar, kanali fl-ibħra u fjords, sakemm tali passaġġ fuq l-ilma jaqa’ taħt il-kompetenza tal-korp ta’ ġestjoni tal-port.



KAPITOLU II

FORNIMENT TA’ SERVIZZI PORTWARJI

Artikolu 3

Organizzazzjoni ta’ servizzi portwarji

1.  L-aċċess għas-suq għall-forniment ta’ servizzi portwarji f’portijiet marittimi jista’, skont dan ir-Regolament, ikun soġġett għal:

(a) 

rekwiżiti minimi għall-forniment ta’ servizzi portwarji;

(b) 

limitazzjonijiet dwar l-għadd ta’ fornituri;

(c) 

obbligi ta’ servizz pubbliku;

(d) 

restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-operaturi interni.

2.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu permezz ta’ liġi nazzjonali li ma jimponu l-ebda waħda mill-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 fuq kategorija waħda jew aktar ta’ servizzi portwarji.

3.  It-termini ta’ aċċess għall-faċilitajiet, installazzjonijiet u tagħmir tal-port għandhom ikunu ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji.

Artikolu 4

Rekwiżiti minimi għall-forniment ta’ servizzi portwarji

1.  Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, jistgħu jitolbu lill-fornituri tas-servizzi portwarji, inkluż sottokuntratturi, biex jikkonformaw ma’ rekwiżiti minimi għall-forniment tas-servizz tal-portijiet korrispondenti.

2.  Ir-rekwiżiti minimi stipulati fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu relatati biss ma’:

(a) 

il-kwalifiki professjonali tal-fornitur tas-servizzi portwarji, il-persunal tiegħu jew il-persuni fiżiċi li fil-fatt u kontinwament jimmaniġġjaw l-attivitajiet tal-fornitur tas-servizzi portwarji;

(b) 

il-kapaċità finanzjarja tal-fornitur tas-servizzi portwarji;

(c) 

it-tagħmir meħtieġ biex jiġi pprovdut is-servizz portwarju rilevanti f’kondizzjonijiet normali u sikuri u l-kapaċità li dan it-tagħmir jinżamm fil-livell meħtieġ;

(d) 

id-disponibbiltà tas-servizz portwarju rilevanti għall-utenti kollha, fl-irmiġġi kollha u mingħajr interruzzjonijiet, lejl u nhar, matul is-sena kollha;

(e) 

il-konformità mar-rekwiżiti dwar is-sikurezza marittima jew is-sikurezza u s-sigurtà tal-port jew l-aċċess għalih, l-installazzjonijiet, it-tagħmir u l-ħaddiema tiegħu u persuni oħrajn;

(f) 

il-konformità mar-rekwiżiti lokali, nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali dwar l-ambjent;

(g) 

il-konformità mal-obbligi fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol li japplikaw fl-Istat Membru tal-port ikkonċernat, inklużi t-termini ta’ ftehimiet kollettivi applikabbli, ir-rekwiżiti tal-ekwipaġġ u r-rekwiżiti li jirrigwardaw is-sigħat tax-xogħol u s-sigħat ta’ mistrieħ għall-baħħara, u ma’ regoli applikabbli dwar l-ispezzjonijiet tax-xogħol;

(h) 

ir-reputazzjoni tajba tal-fornitur tas-servizzi portwarji, kif stabbilit skont kwalunkwe liġi nazzjonali applikabbli dwar ir-reputazzjoni tajba, filwaqt li tqis kwalunkwe raġuni serja li tqanqal dubju dwar l-affidabbiltà tal-fornitur tas-servizzi portwarji.

3.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, meta Stat Membru jqis li jkun neċessarju li jimponi rekwiżit fir-rigward tal-bandiera sabiex jiżgura konformità sħiħa mal-punt (g) tal-paragrafu 2 għal bastimenti ta’ trasport fuq l-ilma li fil-parti l-kbira jintużaw għal operazzjonijiet ta’ rmonk jew ta’ rmiġġ fil-portijiet li jkunu jinsabu fit-territorju tiegħu, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tiegħu qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż dwar il-kuntratt jew, fin-nuqqas ta’ avviż dwar il-kuntratt, qabel l-impożizzjoni ta’ rekwiżit fir-rigward tal-bandiera.

4.  Ir-rekwiżiti minimi għandhom

(a) 

ikunu trasparenti, oġġettivi, nondiskriminatorji, proporzjonati, u rilevanti għall-kategorija u n-natura tas-servizz portwarju kkonċernat;

(b) 

jiġu rispettati sa meta jiskadi d-dritt ta’ forniment ta’ servizz portwarju.

5.  Meta r-rekwiżiti minimi jinkludu għarfien speċifiku tal-kondizzjonijiet lokali, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jiżguraw li jkun hemm aċċess adegwat għall-informazzjoni, taħt kondizzjonijiet trasparenti u nondiskriminatorji.

6.  Fil-każijiet previsti fil-paragrafu 1, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jippubblikaw ir-rekwiżiti minimi msemmija fil-paragrafu 2 u l-proċedura għall-għoti tad-dritt ta’ forniment ta’ servizzi portwarji skont dawk ir-rekwiżiti sal-24 ta’ Marzu 2019 jew, fil-każ ta’ rekwiżiti minimi li għandhom japplikaw wara dik id-data, tal-inqas tliet xhur qabel id-data minn meta dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw. Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jinformaw, bil-quddiem, lill-fornituri tas-servizzi portwarji dwar kull bidla fil-kriterji jew il-proċedura.

7.  Dan l-Artikolu japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7.

Artikolu 5

Proċedura biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti minimi

1.  Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jittrattaw lill-fornituri tas-servizzi portwarji b’mod trasparenti, oġġettiv, nondiskriminatorju u proporzjonat.

2.  Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jagħtu jew jirrifjutaw id-dritt ta’ forniment ta’ servizzi portwarji abbażi tar-rekwiżiti minimi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 4 f’perijodu raġonevoli, li f’kull każ ma għandux ikun aktar minn erba’ xhur, minn meta jirċievu talba għall-għoti ta’ dritt bħal dan u d-dokumenti meħtieġa.

3.  Kull tali rifjut, mill-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew mill-awtorità kompetenti, għandu jkun debitament ġustifikat abbażi tar-rekwiżiti minimi stipulati fl-Artikolu 4(2).

4.  Kwalunkwe limitazzjoni jew terminazzjoni mill-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew mill-awtorità kompetenti, tad-dritt ta’ forniment ta’ servizz portwarju għandha tiġi debitament ġustifikata u għandha tkun f’konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 6

Limitazzjonijiet dwar l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji

1.  Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, jistgħu jillimitaw l-għadd ta’ fornituri tas-servizzi portwarji għal servizz portwarju partikolari għal waħda jew aktar mir-raġunijiet li ġejjin:

(a) 

l-iskarsezza jew l-użu riżervat ta’ art jew l-ispazju maġenb l-ilma, dment li l-limitazzjoni tkun konformi mad-deċiżjonijiet jew il-pjani definiti mill-korp ta’ ġestjoni tal-port u, fejn xieraq, kwalunkwe awtorità pubblika oħra li tkun kompetenti skont il-liġijiet nazzjonali;

(b) 

in-nuqqas ta’ tali limitazzjoni jostakola t-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku kif previst fl-Artikolu 7, inkluż meta dan in-nuqqas iwassal għal spejjeż għoljin b’mod eċċessiv marbuta mat-twettiq ta’ dawn l-obbligi għall-korp ta’ ġestjoni tal-port, l-awtorità kompetenti, jew l-utenti tal-port;

(c) 

in-nuqqas ta’ tali limitazzjoni imur kontra l-ħtieġa li jiġu żgurati operazzjonijiet portwarji sikuri, siguri jew ambjentalment sostenibbli;

(d) 

il-karatteristiċi tal-infrastruttura tal-port jew in-natura tat-traffiku tal-port ikunu tali li l-operazzjonijiet ta’ għadd ta’ fornituri tas-servizzi portwarji fil-port ma jkunux possibbli;

(e) 

fejn ġie stabbilit skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE li settur jew sottosettur ta’ port, flimkien mas-servizzi portwarji tiegħu, fi Stat Membru jwettaq attività li hija direttament esposta għall-kompetizzjoni f’konformità mal-Artikolu 34 ta’ dik id-Direttiva. F’dawn il-każijiet, il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw.

2.  Sabiex il-partijiet interessati jingħataw l-opportunità li jippreżentaw kummenti f’perijodu raġonevoli, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jippubblikaw kwalunkwe proposta biex tillimita l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji skont il-paragrafu 1 flimkien mar-raġunijiet biex jiġġustifikawha tal-inqas tliet xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni biex tillimita l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji.

3.  Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jippubblikaw id-deċiżjoni adottata biex tillimita l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji.

4.  Fejn il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, jiddeċiedu li jillimitaw l-għadd ta’ fornituri ta’ servizz portwarju, huma għandhom isegwu proċedura ta’ għażla li għandha tkun miftuħa għall-partijiet interessati kollha, tkun nondiskriminatorja u trasparenti. Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar is-servizz portwarju li għandha tiġi fornita u dwar il-proċedura tal-għażla, u għandhom jiżguraw li l-informazzjoni essenzjali kollha neċessarja għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet tagħhom tkun effettivament aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha. Il-partijiet interessati għandhom jingħataw ħin biżżejjed biex ikunu jistgħu jwettqu valutazzjoni effikaċi u biex iħejju l-applikazzjonijiet tagħhom. F’ċirkustanzi normali, tali perijodu minimu għandu jkun ta’ 30 jum.

5.  Paragrafu 4 ma għandux japplika fil-każijiet imsemmijin fil-punt (e) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 8.

6.  Fejn il-korp ta’ ġestjoni ta’ port, jew l-awtorità kompetenti, tipprovdi servizzi portwarji jew hija stess jew inkella permezz ta’ entità legalment distinta li hija tikkontrolla direttament jew indirettament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu dawk il-miżuri li huma neċessarji biex jiġu evitati konflitti ta’ interessi. Fin-nuqqas ta’ miżuri bħal dawn, l-għadd ta’ fornituri ma għandux ikun inqas minn tnejn, sakemm xi waħda jew aktar mir-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 1 ma jiġġustifikawx limitazzjoni tal-għadd ta’ fornituri tas-servizzi portwarji għal fornitur wieħed.

7.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu s-setgħa lill-portijiet tagħhom tan-netwerk komprensiv li ma jissodisfawx il-kriterji tal-punt (b) tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 biex jillimitaw l-għadd ta’ fornituri tas-servizz għal servizz portwarju partikolari. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar tali deċiżjoni.

Artikolu 7

Obbligi ta’ servizz pubbliku

1.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimponu fuq il-fornituri tas-servizzi portwarji obbligi ta’ servizz pubbliku li jikkonċernaw is-servizzi portwarji u jistgħu jagħtu d-dritt lill-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew lill-awtorità kompetenti, li jimponu dawn l-obbligi, sabiex jiġi żgurat tal-anqas obbligu wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) 

id-disponibbiltà tas-servizz portwarju għall-utenti kollha tal-port, fl-irmiġġi kollha, mingħajr interruzzjoni, lejl u nhar, matul is-sena kollha;

(b) 

id-disponibbiltà tas-servizz għall-utenti kollha bl-istess kondizzjonijiet;

(c) 

l-affordabbiltà tas-servizz għal ċerti kategoriji ta’ utenti;

(d) 

is-sikurezza, is-sigurtà jew is-sostenibbiltà ambjentali tal-operazzjonijiet portwarji;

(e) 

il-forniment ta’ servizzi tat-trasport adegwati lill-pubbliku; u

(f) 

l-koeżjoni territorjali.

2.  L-obbligi ta’ servizz pubbliku msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli, u għandhom jiggarantixxu aċċess ugwali lill-fornituri kollha tas-servizzi portwarji stabbiliti fl-Unjoni.

3.  Fejn Stat Membru jiddeċiedi li jimponi obbligi ta’ servizz pubbliku għall-istess servizz fil-portijiet marittimi kollha tiegħu koperti minn dan ir-Regolament, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dawk l-obbligi.

4.  Fil-każ ta’ interruzzjoni tas-servizzi portwarji li għalihom huma imposti obbligi ta’ servizz pubbliku jew meta jkun hemm riskju immedjat ta’ sitwazzjoni bħal din, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, jistgħu jieħdu miżura ta’ emerġenza. Il-miżura ta’ emerġenza tista’ tieħu l-forma ta’ għotja diretta sabiex is-servizz jiġi attribwit lil fornitur differenti għal perijodu ta’ mhux aktar minn sentejn. Matul dak il-perijodu ta’ żmien, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jew iniedu proċedura ġdida biex jagħżlu fornitur tas-servizzi portwarji jew inkella għandhom japplikaw l-Artikolu 8. Azzjoni industrijali kollettiva li ssir f’konformità mal-liġi nazzjonali ma għandhiex titqies bħala interruzzjoni tas-servizzi portwarji li għalihom tista’ tittieħed miżura ta’ emerġenza.

Artikolu 8

Operatur intern

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(6), il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, jistgħu jiddeċiedu jew li jipprovdu servizz portwarju huma stess jew inkella li jagħmlu dan permezz ta’ entità legalment distinta li fuqha huma jeżerċitaw livell ta’ kontroll simili għal dak li huma għandhomfuq id-dipartimenti tagħhom stess, dment li l-Artikolu 4 japplika bl-istess mod għall-operaturi kollha li jagħtu s-servizz ikkonċernat. F’każ bħal dan, il-fornitur tas-servizzi portwarji għandu jitqies li huwa operatur intern għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

2.  Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jitqiesu li jkunu qegħdin jeżerċitaw livell ta’ kontroll fuq entità legalment distinta simili għal dak li jkollhom fuq id-dipartimenti tagħhom stess fil-każ biss li jkollhom influwenza deċiżiva kemm fuq l-objettivi strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti tal-entità legali kkonċernata.

3.  Fil-każijiet previsti fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 6(1), l-operatur intern għandu jkun limitat li jwettaq is-servizz portwarju assenjat biss fil-port jew portijiet attribwiti lilu fl-assenjazzjoni biex iforni is-servizz portwarju.

Artikolu 9

Ħarsien tad-drittijiet tal-impjegati

1.  Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli soċjali u tax-xogħol tal-Istati Membri.

2.  Mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, inkluż ftehimiet kollettivi applikabbli bejn sħab soċjali, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jitolbu lill-fornitur tas-servizzi portwarji maħtur biex jagħti kondizzjonijiet tax-xogħol lill-persunal skont l-obbligi applikabbli fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol u biex jikkonforma mal-istandards soċjali kif stipulati fil-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi.

3.  Fil-każ ta’ bidla tal-fornitur tas-servizzi portwarji li ssir minħabba l-għoti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni jew kuntratt pubbliku, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, jistgħu jitolbu li d-drittijiet u l-obbligi tal-fornitur tas-servizzi portwarji li jkun ser jispiċċa u li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg, jew relazzjoni industrijali kif definita fil-liġi nazzjonali, u li tkun teżisti fid-data ta’ dik il-bidla, jiġu ttrasferiti lill-fornitur tas-servizzi portwarji l-ġdid li jiġi magħżul. F’każ bħal dan, il-persunal li preċedentement kienu reklutati mill-fornitur tas-servizzi portwarji li jkun ser jispiċċa għandhom jingħataw l-istess drittijiet li kienu jkunu intitolati għalihom daqslikieku kien hemm trasferiment ta’ intrapriża fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE.

4.  Fejn, fil-kuntest tal-forniment ta’ servizzi portwarji, ikun hemm trasferiment tal-persunal, id-dokumenti tal-offerti u l-kuntratti ta’ servizzi portwarji għandhom jelenkaw il-persunal ikkonċernat u jagħtu dettalji trasparenti dwar id-drittijiet kuntrattwali tagħhom u l-kondizzjonijiet li bihom l-impjegati jitqiesu li huma marbutin mas-servizzi portwarji.

Artikolu 10

Eżenzjonijiet

1.  Dan il-Kapitolu u l-Artikolu 21 ma għandhomx japplikaw għal servizzi ta’ mmaniġġar tal-merkanzija, servizzi tal-passiġġieri jew pilotaġġ.

2.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dan il-Kapitolu u l-Artikolu 21 għall-pilotaġġ. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar tali deċiżjoni.



KAPITOLU III

TRASPARENZA FINANZJARJA U AWTONOMIJA

Artikolu 11

Trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji

1.  Ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-korp tal-ġestjoni ta’ port, jew entità oħra li tipprovdi servizzi portwarji f’isimha, li tirċievi fondi pubbliċi għandhom jiġu riflessi b’mod trasparenti fis-sistema tal-kontabbiltà biex jintwerew biċ-ċar dawn li ġejjin:

(a) 

fondi pubbliċi pprovduti direttament mill-awtoritajiet pubbliċi lill-korpi ta’ ġestjoni tal-port ikkonċernati;

(b) 

fondi pubbliċi pprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi permezz ta’ intermedjarji ta’ impriżi pubbliċi jew istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi; u

(c) 

l-użu li għalih ġew attribwiti dawk il-fondi pubbliċi.

2.  Meta l-korp tal-ġestjoni ta’ port li jirċievi fondi pubbliċi jipprovdi servizzi portwarji jew tħammil huwa stess, jew entità oħra li tagħti dawn is-servizzi f’isimha, għandhom iżommu l-kontijiet għal dak is-servizz portwarju jew tħammil iffinanzjat pubblikament b’mod separat minn dawk il-kontijiet għall-attivitajiet l-oħrajn tagħha, b’mod li:

(a) 

l-ispejjeż u d-dħul kollha jiġu assenjati jew allokati b’mod korrett abbażi ta’ prinċipji tal-kontabbiltà tal-ispejjeż applikati b’mod konsistenti u oġġettivament ġustifikabbli; u

(b) 

il-prinċipji tal-kontabbiltà tal-ispejjeż li skonthom jinżammu kontijiet separati jkunu stabbiliti b’mod ċar.

3.  Il-fondi pubbliċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-kapital azzjonarju u l-fondi kważi kapitali, l-għotjiet mhux rimborsabbli, l-għotjiet li jkunu rimborsabbli biss f’ċerti ċirkostanzi, self inklużi overdrafts u ħlas antiċipat fuq injezzjonijiet ta’ kapital, garanziji mogħtija lill-korp ta’ ġestjoni tal-port minn awtoritajiet pubbliċi u kull forma oħra ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku.

4.  Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew entità oħra li tipprovdi servizzi portwarji f’ismu, għandhom iżommu l-informazzjoni li tikkonċerna r-relazzjonijiet finanzjarji kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għal ħames snin minn tmiem is-sena fiskali li għaliha tirreferi l-informazzjoni.

5.  Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew entità oħra li tipprovdi servizzi portwarji f’ismu, għandhom, fil-każ ta’ lment formali u fuq talba, iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li huma iqisu meħtieġa sabiex titwettaq evalwazzjoni bir-reqqa tad-data ppreżentata u biex tiġi vvalutata l-konformità ma’ dan ir-Regolament skont ir-regoli dwar il-kompetizzjoni. Din l-informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mill-awtorità rilevanti fuq talba. L-informazzjoni għandha tintbagħat fi żmien tliet xhur mid-data li fiha ssir it-talba.

6.  Fejn il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew entità oħra li tipprovdi servizzi portwarji f’ismu, ma jkunux irċevew fondi pubbliċi fi snin fiskali preċedenti iżda jibdew jibbenefikaw minn fondi pubbliċi, huma għandhom japplikaw il-paragrafi 1 u 2 mis-sena fiskali wara dik tat-trasferiment tal-fondi pubbliċi.

7.  Meta l-fondi pubbliċi jitħallsu bħala kumpens għal obbligu ta’ servizz pubbliku, dawn għandhom jintwerew b’mod separat fil-kontijiet rilevanti u ma jistgħux jiġu ttrasferiti lil xi servizz ieħor jew attività kummerċjali oħra.

8.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għal dawk il-portijiet tagħhom tan-netwerk komprensiv li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 fejn dan jirriżulta f’piżijiet amministrattivi sproporzjonati, dment li l-fondi pubbliċi li jirċievu, u l-użu tagħhom sabiex jagħtu servizzi portwarji, jibqgħu trasparenti għalkollox fis-sistema tal-kontabbiltà. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minn qabel dwar tali deċiżjoni.

Artikolu 12

Tariffi tas-servizzi portwarji

1.  It-tariffi għas-servizzi mogħtija minn operatur intern taħt obbligu ta’ servizz pubbliku, it-tariffi għas-servizzi ta’ pilotaġġ li mhumiex esposti għal kompetizzjoni effettiva u t-tariffi imposti minn fornituri ta’ servizzi portwarji, imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 6(1), għandhom jiġu stabbiliti b’mod trasparenti, oġġettiv u nondiskriminatorju, u għandhom ikunu proporzjonati għall-ispiża tas-servizz mogħti.

2.  Il-ħlas tat-tariffi tas-servizzi portwarji jista’ jkun integrat fi ħlasijiet oħrajn, bħall-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja. F’tali każ, il-fornitur tas-servizzi portwarji u, fejn adatt, il-korp ta’ ġestjoni tal-port għandhom jaraw li l-ammont tat-tariffa tas-servizzi portwarji jibqa’ jingħaraf faċilment mill-utenti tas-servizz portwarju.

3.  Il-fornitur tas-servizzi portwarji għandu, fil-każ ta’ lment formali u fuq talba, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat, kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-elementi li jservu bħala l-bażi biex jiġu ddeterminati l-istruttura u l-livell tat-tariffi tas-servizzi portwarji li jaqgħu taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 13

Tariffi tal-infrastruttura portwarja

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi imposta tariffa tal-infrastruttura portwarja. Dan ma għandux iżomm lill-fornituri tas-servizzi portwarji li qegħdin jużaw l-infrastruttura portwarja milli jimponu tariffi tas-servizzi portwarji.

2.  Il-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja jista’ jkun integrat fi ħlasijiet oħrajn, bħall-ħlas tat-tariffi tas-servizzi portwarji. F’tali każ, il-korp ta’ ġestjoni tal-port għandu jara li l-ammont tat-tariffa tal-infrastruttura portwarja jibqa’ jingħaraf faċilment mill-utenti tal-infrastruttura portwarja.

3.  Bħala kontribut għal sistema effiċjenti ta’ tariffi tal-infrastruttura, l-istruttura u l-livell ta’ tariffi tal-infrastruttura portwarja għandhom jiġu ddeterminati skont l-istrateġija kummerċjali u l-pjanijiet ta’ investimenti tal-port stess, u għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar il-kompetizzjoni. Fejn rilevanti, dawn it-tariffi għandhom jirrispettaw ukoll ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fil-qafas tal-politika ġenerali dwar il-portijiet tal-Istat Membru kkonċernat.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, it-tariffi tal-infrastruttura portwarja jistgħu jvarjaw skont l-istrateġija ekonomika tal-port stess u l-politika dwar l-ippjanar spazjali tiegħu, li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, ċerti kategoriji ta’ utenti, jew biex jippromwovu użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura portwarja, trasport marittimu fuq distanzi qosra jew prestazzjoni ambjentali għolja, effiċjenza fl-enerġija jew effiċjenza fl-emissjonijiet tal-karbonju tal-operazzjonijiet ta’ trasport. Il-kriterji għal varjazzjoni bħal din għandhom ikunu trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji, u għandhom ikunu konsistenti mad-dritt tal-kompetizzjoni, inkluż ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. It-tariffi tal-infrastruttura portwarja jistgħu jieħdu inkonsiderazzjoni l-ispejjeż esterni u jistgħu jvarjaw skont il-prattiki kummerċjali.

5.  Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jiżguraw li l-utenti tal-portijiet u r-rappreżentanti jew l-assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-portijiet ikunu infurmati dwar in-natura u l-livell tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja. Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jiżguraw li l-utenti tal-infrastruttura portwarja jkunu infurmati bi kwalunkwe tibdil fin-natura jew fil-livell tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja tal-anqas xahrejn qabel id-data li fiha dak it-tibdil isir effettiv. Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, ma għandhomx jintalbu jiżvelaw id-divrenzjar fit-tariffi li huma riżultat ta’ negozjati individwali.

6.  Il-korp ta’ ġestjoni tal-port għandu, fil-każ ta’ lment formali u fuq talba, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 4 u 5, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-elementi li jservu bħala bażi biex jiġu ddeterminati l-istruttura u l-livell tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja. Dik l-awtorità għandha titqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fuq talba.



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 14

Taħriġ tal-persunal

Il-fornituri tas-servizzi portwarji għandhom jiżguraw li l-impjegati jirċievu t-taħriġ meħtieġ biex jiksbu l-għarfien li huwa essenzjali għal xogħolhom, b’enfasi partikolari fuq l-aspetti tas-saħħa u s-sikurezza, u li r-rekwiżiti tat-taħriġ jiġu aġġornati regolarment sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-innovazzjoni teknoloġika.

Artikolu 15

Konsultazzjoni mal-utenti tal-portijiet u partijiet ikkonċernati oħra

1.  Il-korp ta’ ġestjoni tal-port għandu, f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, jikkonsulta l-utenti tal-portijiet rigward il-politika dwar it-tariffi tiegħu, inkluż fil-każijiet koperti mill-Artikolu 8. Konsultazzjoni bħal din għandha tinkludi kull tibdil sostanzjali fit-tariffi tal-infrastruttura portwarja u t-tariffi tas-servizzi portwarji f’każijiet fejn operaturi interni jagħtu servizzi portwarji taħt obbligi ta’ servizz pubbliku.

2.  Il-korp ta’ ġestjoni tal-port għandu, f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, jikkonsulta lill-utenti tal-portijiet u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra dwar materji essenzjali fil-kompetenza tiegħu f’dak li jirrigwarda:

(a) 

il-koordinazzjoni tas-servizzi portwarji fiż-żona tal-port;

(b) 

miżuri biex jittejbu l-konnessjonijiet maż-żoni interni, inkluż miżuri biex tiġi żviluppata u tittejjeb l-effiċjenza tat-trasport ferrovjarju u fil-passaġġi fuq l-ilma interni;

(c) 

l-effiċjenza tal-proċeduri amministrattivi fil-port u miżuri li jissimplifikawhom;

(d) 

materji ambjentali;

(e) 

ippjanar spazjali; u

(f) 

miżuri li jiżguraw is-sikurezza fiż-żona tal-port, inkluż, fejn adatt, is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tal-portijiet.

3.  Il-fornituri tas-servizzi portwarji għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-portijiet informazzjoni adegwata dwar in-natura u l-livell tat-tariffi tas-servizzi portwarji.

4.  Il-korp ta’ ġestjoni tal-port u l-fornituri tas-servizzi portwarji għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva meta jwettqu l-obbligi tagħhom skont dan l-Artikolu.

Artikolu 16

Trattament tal-ilmenti

1.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li jkollu fis-seħħ proċedura effikaċi biex jiġu ttrattati l-ilmenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-portijiet marittimi tiegħu koperti minn dan ir-Regolament.

2.  It-trattament tal-ilmenti għandu jsir b’mod li jiġu evitati konflitti ta’ interess u li jkun funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe korp ta’ ġestjoni tal-port jew fornitur tas-servizzi portwarji. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm separazzjoni funzjonali effettiva bejn it-trattament tal-ilmenti, minn naħa waħda, u s-sjieda u l-ġestjoni tal-portijiet, il-forniment ta’ servizzi portwarji u l-użu tal-port, min-naħa l-oħra. It-trattament tal-ilmenti għandu jkun imparzjali u trasparenti, u għandu jirrispetta kif adatt id-dritt li n-negozju jitwettaq liberament.

3.  L-ilmenti għandhom jiġu ppreżentati fl-Istat Membru tal-port fejn ikun preżunt li oriġinat it-tilwima. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti tal-portijiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jkunu infurmati dwar fejn u kif jitressaq ilment u liema awtoritajiet huma responsabbli għat-trattament tal-ilmenti.

4.  L-awtoritajiet responsabbli għat-trattament tal-ilmenti għandhom, fejn adatt, jikkooperaw għall-finijiet ta’ assistenza reċiproka f’tilwim li jinvolvi partijiet stabbiliti fi Stati Membri differenti.

5.  L-awtoritajiet responsabbli għat-trattament tal-ilmenti għandu jkollhom, skont il-liġi nazzjonali, is-setgħa li jitolbu li l-korpi ta’ ġestjoni tal-portijiet, il-fornituri tas-servizzi portwarji u l-utenti tal-portijiet jagħtuhom informazzjoni rilevanti għal ilment.

6.  L-awtoritajiet responsabbli għat-trattament tal-ilmenti għandu jkollhom, skont il-liġi nazzjonali, is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet li jkollhom effett vinkolanti, soġġett għal stħarriġ ġudizzjarju, fejn applikabbli.

7.  L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-proċedura għat-trattament tal-ilmenti u dwar l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 sal-24 ta’ Marzu 2019 u, sussegwentement, dwar kwalunkwe bidla f’dik l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna regolarment tali informazzjoni fuq is-sit elettroniku tagħha.

8.  L-Istati Membri għandhom, fejn adatt, jiskambjaw informazzjoni ġenerali dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa din il-kooperazzjoni.

Artikolu 17

Awtoritajiet rilevanti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti tal-portijiet u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jkunu infurmati dwar l-awtoritajiet rilevanti msemmija fl-Artikoli 11(5), 12(3) u 13(6). L-Istati Membri għandhom ukoll jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dawn l-awtoritajiet sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Marzu 2019 u, sussegwentement, dwar kwalunkwe bidla f’dik l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna regolarment tali informazzjoni fuq is-sit elettroniku tagħha.

Artikolu 18

Appelli

1.  Kwalunkwe parti b’interess leġittimu għandu jkollha d-dritt li tappella deċiżjonijiet jew miżuri individwali meħuda skont dan ir-Regolament mill-korp ta’ ġestjoni tal-port, l-awtorità kompetenti, jew kwalunkwe awtorità nazzjonali rilevanti oħra. Il-korpi tal-appell għandhom ikunu indipendenti mill-partijiet involuti u jistgħu jkunu l-qrati.

2.  Meta l-korp tal-appell imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx ta’ natura ġudizzjarja, huwa għandu jagħti raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tiegħu. Id-deċiżjoni tiegħu għandhom ikunu soġġetti wkoll għal stħarriġ minn qorti nazzjonali.

Artikolu 19

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri sal-24 ta’ Marzu 2019 u għandhom mingħajr dewmien jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 20

Rapport

Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Marzu 2023, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament u l-effett ta’ dan ir-Regolament.

Ir-rapport għandu jieħu kont ta’ kwalunkwe progress li jkun sar fil-qafas tal-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali tal-UE fis-Settur tal-Portijiet.

Artikolu 21

Miżuri transizzjonali

1.  Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kuntratti ta’ servizzi portwarji li kienu ġew konklużi qabel il-15 ta’ Frar 2017 u li huma limitati fiż-żmien.

2.  Kuntratti ta’ servizzi portwarji konklużi qabel il-15 ta’ Frar 2017 li mhumiex limitati fiż-żmien, jew li għandhom effetti simili, għandhom jiġu emendati sabiex ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament sal-1 ta’ Lulju 2025.

▼M1

3.  Minkejja l-Artikolu 13(1), (3) u (4), il-korp ta’ ġestjoni tal-port jew l-awtorità kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jirrinunzjaw, li jissospendu, li jnaqqsu jew li jiddifferixxu l-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja dovuti għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Ottubru 2020. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tali deċiżjonijiet għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti stabbiliti għal dak il-għan fil-liġi nazzjonali. Ir-rinunzjar, is-sospensjoni, it-tnaqqis jew id-differiment tal-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja għandhom jingħataw b’mod trasparenti, oġġettiv u mhux diskriminatorju.

Il-korp ta’ ġestjoni tal-port jew l-awtorità kompetenti għandhom jiżguraw li l-utenti tal-portijiet u r-rappreżentanti jew l-assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-portijiet ikunu infurmati kif xieraq. Il-limitu ta’ żmien ta’ xahrejn imsemmi fl-Artikolu 13(5) ma għandux japplika.

▼B

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-24 ta’ Marzu 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

( 2 ) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

( 3 ) Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).