Eureka 32019L0520 Sign in

29.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/45


DIRETTIVA (UE) 2019/520 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffi tat-triq fl-Unjoni

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ġiet emendata b'mod sostanzjali. Billi jenħtieġ li jsiru iżjed emendi, dik id-Direttiva għandha tiġi mfassla mill-ġdid fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Hu mixtieq li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ikun mifrux ma' kullimkien l-użu ta' sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fl-Istati Membri u fil-pajjiżi ġirien, u li jkun hemm, safejn ikun possibbli, sistemi affidabbli, faċli għall-utent u kosteffikaċi adattati għall-iżvilupp fil-ġejjieni ta' politika dwar il-pedaġġi f'livell tal-Unjoni u għal żviluppi fit-teknoloġija tal-ġejjieni. Għalhekk, huwa neċessarju li s-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ jsiru interoperabbli biex jitnaqqas il-kost u l-piż marbut mal-ħlas tal-pedaġġi fl-Unjoni kollha.

(3)

Is-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ interoperabbli jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni dwar il-pedaġġi.

(4)

In-nuqqas ta' interoperabilità huwa problema sinifikanti fis-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fejn it-tariffa tat-triq dovuta hija marbuta mad-distanza koperta mill-vettura (pedaġġi bbażati fuq id-distanza) jew ma' vettura li tgħaddi minn punt speċifiku (pereżempju l-ipprezzar tal-kurdun). Għalhekk jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rigward l-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi ta' pedaġġ japplikaw biss għal dawk is-sistemi u jenħtieġ li ma japplikawx għal sistemi fejn it-tariffa tat-triq dovuta hija marbuta mal-ħin li l-vettura tqatta' fuq l-infrastruttura tal-pedaġġ (pereżempju, sistemi bbażati fuq il-ħin bħal vignettes).

(5)

L-infurzar transfruntier tal-obbligu li jitħallsu tariffi tat-triq fl-Unjoni huwa problema sinifikanti f'kull tip ta' sistema, sew jekk ibbażati fuq id-distanza, ibbażati fuq il-kurdun jew ibbażati fuq il-ħin, elettroniċi jew manwali. Biex tiġi indirizzata l-problema tal-infurzar transfruntier wara nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, id-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni għandhom għalhekk japplikaw għal dawk is-sistemi kollha.

(6)

Fil-liġi nazzjonali, ir-reat ta' nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq jista' jiġi kklassifikat bħala reat amministrattiv jew bħala reat kriminali. Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika irrispettivament mill-klassifikazzjoni tar-reat.

(7)

Minħabba n-nuqqas tal-klassifikazzjoni konsistenti fl-Unjoni kollha, u r-rabta indiretta tagħhom mal-użu tal-infrastruttura, jenħtieġ li t-tariffi ta' parkeġġ jitħallew barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(8)

L-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi ta' pedaġġ teħtieġ armonizzazzjoni tat-teknoloġija użata u tal-interfaċċi bejn il-kostitwenti tal-interoperabilità.

(9)

Jenħtieġ li l-armonizzazzjoni tat-teknoloġiji u l-interfaċċi tkun appoġġata mill-iżvilupp u ż-żamma ta' standards pubbliċi u miftuħa xierqa, disponibbli fuq bażi nondiskriminatorja lill-fornituri tas-sistema kollha.

(10)

Għall-fini tal-kopertura, bit-tagħmir abbord tagħhom (OBE), it-teknoloġiji ta' komunikazzjoni meħtieġa, jenħtieġ li fornituri tas-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS) jitħallew jużaw u jikkollegaw ma' sistemi ta' software u hardware oħra li diġà jinsabu fil-vettura bħal sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita jew apparati miżmuma bl-idejn.

(11)

Jenħtieġ li jittieħed kont tal-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ li qed jiġu applikati attwalment għal vetturi light duty. Peress li attwalment l-ebda tali sistema elettronika ta' pedaġġ ma tuża pożizzjonament bis-satellita jew komunikazzjoni mobbli, jenħtieġ li l-fornituri tal-EETS jitħallew, għal perijodu ta' żmien limitat, jipprovdu lill-utenti ta' vetturi light duty b'OBE adatt għall-użu mat-teknoloġija tal-microwave b'5,8 GHz biss. Din id-deroga jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jimplimentaw pedaġġ ibbażat fuq is-satellita għal vetturi light duty.

(12)

Is-sistemi ta' pedaġġ ibbażati fuq it-teknoloġija tar-rikonoxximent awtomatiku tal-pjanċi (ANPR) jeħtieġu kontrolli aktar manwali għal transazzjonijiet ta' pedaġġ fl-uffiċċju milli sistemi li jużaw OBE. Sistemi li jużaw OBE huma aktar effiċjenti għad-dominji ta' pedaġġ elettroniku kbar, u sistemi li jużaw l-it-teknoloġija tal-ANPR huma aktar adatti għad-dominji żgħar, bħall-pedaġġi fl-ibliet, fejn l-użu ta' OBE jiġġenera kostijiet sproporzjonati jew piżijiet amministrattivi. It-teknoloġija tal-ANPR jista' jkun utli b'mod partikolari meta jiġi kkombinat ma' teknoloġiji oħra.

(13)

Fid-dawl tal-iżviluppi tekniċi konnessi ma' soluzzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija tal-ANPR, il-korpi ta' standardizzazzjoni jenħtieġ li jitħeġġu jiddefinixxu l-istandards tekniċi meħtieġa.

(14)

Jenħtieġ li d-drittijiet u l-obbligi speċifiċi tal-fornituri tal-EETS japplikaw għal entitajiet li jagħtu prova li ssodisfaw ċerti rekwiżiti u li kisbu reġistrazzjoni bħala fornituri tal-EETS fl-Istat Membru ta' stabbiliment tagħhom.

(15)

Jenħtieġ li d-drittijiet u l-obbligi tal-atturi tal-EETS ewlenin, jiġifieri l-fornituri tal-EETS, il-kolletturi tal-pedaġġi u l-utenti tal-EETS, jiġu definiti b'mod ċar biex jiġu żgurati b'mod ġust u effiċjenti l-funzjonijiet tas-suq.

(16)

Huwa ta' importanza partikolari li jiġu salvagwardati ċerti drittijiet tal-fornituri tal-EETS, bħad-dritt għall-protezzjoni ta' data kummerċjali sensittiva, u li dan isir mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq il-kwalità tas-servizzi pprovduti lill-kolletturi tal-pedaġġi u l-utenti tal-EETS. B'mod partikolari, il-kollettur tal-pedaġġi jenħtieġ li jkun obbligat li ma jiżvelax data kummerċjalment sensittiva lil xi wieħed mill-kompetituri tal-fornitur tal-EETS. L-ammont u t-tip ta' data li l-fornituri tal-EETS jikkomunikaw lill-kolletturi tal-pedaġġi, għall-fini tal-kalkolu u l-applikazzjoni ta' pedaġġi jew tal-verifika tal-kalkolu tal-pedaġġ applikat fuq il-vetturi tal-utenti tal-EETS mill-fornituri tal-EETS, jenħtieġ li jinżammu għal minimu strett.

(17)

Jenħtieġ li l-fornituri tal-EETS ikunu meħtieġa jikkooperaw bis-sħiħ mal-kolletturi tal-pedaġġi fl-isforzi ta' infurzar tagħhom, sabiex tiżdied l-effiċjenza ġenerali tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ. Għalhekk, il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li jitħallew jitolbu mingħand il-fornitur tal-EETS, fejn hemm suspett ta' nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, id-data relatata mal-vettura u mas-sid jew mad-detentur tal-vettura li hu l-klijent tal-fornitur tal-EETS, sakemm dik id-data ma tintuża għall-ebda skop ieħor għajr għall-infurzar.

(18)

Sabiex il-fornituri tal-EETS ikunu jistgħu jikkompetu, b'mod nondiskriminatorju, għall-klijenti kollha f'dominju partikolari tal-EETS, huwa importanti li tingħatalhom kmieni biżżejjed il-possibilità li jsiru akkreditati ma' dak id-dominju sabiex ikunu jistgħu joffru servizzi lill-utenti mill-ewwel jum tat-tħaddim tas-sistema ta' pedaġġ.

(19)

Il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li jagħtu aċċess għad-dominju tal-EETS tagħhom lill-fornituri tal-EETS fuq bażi nondiskriminatorja.

(20)

Biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-aċċess nondiskriminatorju għad-dominji tal-EETS għall-fornituri kollha tal-EETS, il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li jippubblikaw l-informazzjoni kollha meħtieġa marbuta mad-drittijiet tal-aċċess f'dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS.

(21)

Ir-ribassi jew l-iskontijiet fuq il-pedaġġi tal-utenti kollha tal-OBE offruti minn Stat Membru jew minn kollettur tal-pedaġġi jenħtieġ li jkunu trasparenti, imħabbra pubblikament u disponibbli taħt l-istess kondizzjonijiet lill-klijenti tal-fornituri tal-EETS.

(22)

Jenħtieġ li l-fornituri tal-EETS ikunu intitolati għal remunerazzjoni ġusta, ikkalkulata abbażi ta' metodoloġija trasparenti, nondikriminatorja u identika.

(23)

Il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li jitħallew inaqqsu mir-remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS il-kostijiet xierqa mġarrba biex jipprovdu, joperaw u jżommu l-elementi speċifiċi għall-EETS tas-sistema elettronika ta' pedaġġ.

(24)

Jenħtieġ li l-fornituri tal-EETS iħallsu lill-kollettur tal-pedaġġi l-pedaġġi kollha dovuti mill-klijenti tagħhom. Madankollu jenħtieġ li l-fornituri tal-EETS ma jkunux responsabbli għall-pedaġġi li l-klijenti tagħhom ma jkunux ħallsu, meta dawn tal-aħħar ikunu mgħammra b'OBE li kien ġie ddikjarat lill-kolletturi tal-pedaġġi bħala invalidat.

(25)

Fejn entità legali li tkun fornitur ta' servizz ta' pedaġġ ikollha wkoll rwoli oħra f'sistema elettronika ta' pedaġġ, jew għandha attivitajiet oħra mhux direttament relatati mal-ġbir elettroniku ta' pedaġġ, jenħtieġ li tkun obbligata żżomm rekords ta' kontabilità li jagħmlu distinzjoni ċara possibbli bejn il-kostijiet u d-dħul relatati mal-forniment ta' servizz ta' pedaġġ u l-kostijiet u d-dħul relatati ma' attivitajiet oħra, u li tipprovdi, fuq talba, informazzjoni dwar dawk il-kostijiet u d-dħul relatati mal-forniment ta' servizzi ta' pedaġġ lill-Korp ta' Konċiljazzjoni jew lill-korp ġudizzjarju rilevanti. Jenħtieġ li ma jkunux permessi sussidji inkroċjati bejn l-attivitajiet imwettqa fir-rwol ta' fornitur tas-servizz ta' pedaġġ u attivitajiet oħra.

(26)

Jenħtieġ li l-utenti jkollhom il-possibilità li jabbonaw għal EETS permezz ta' kwalunkwe fornitur tal-EETS, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, l-Istat Membru ta' residenza jew l-Istat Membru ta' reġistrazzjoni tal-vettura.

(27)

Sabiex jiġu evitati pagament doppju u tingħata ċertezza legali lill-utenti, il-pagament ta' pedaġġ lil fornitur tal-EETS jenħtieġ li jitqies bħala li jissodisfa l-obbligi tal-utent lejn il-kollettur tal-pedaġġ rilevanti.

(28)

Ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-kolletturi tal-pedaġġi u l-fornituri tal-EETS jenħtieġ li jiżguraw, inter alia, li l-pedaġġi jitħallsu b'mod korrett.

(29)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ta' medjazzjoni bil-ħsieb li jiġi riżolt it-tilwim bejn il-kolletturi tal-pedaġġi u l-fornituri tal-EETS waqt in-negozjati kuntrattwali u fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom. Il-Korpi ta' Konċiljazzjoni Nazzjonali jenħtieġ li jiġu kkonsultati mill-kolletturi tal-pedaġġi u mill-fornituri tal-EETS li qed ifittxu riżoluzzjoni għat-tilwim relatat mad-dritt għal aċċess nondiskriminatorju għad-dominji tal-EETS.

(30)

Korpi ta' Konċiljazzjoni jenħtieġ ikollhom is-setgħa li jivverifikaw li l-kondizzjonijiet kuntrattwali imposti fuq kwalunkwe fornitur tal-EETS huma nondiskriminatorji. B'mod partikolari, jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jivverifikaw li r-remunerazzjoni offruta mill-kolletturi tal-pedaġġi lill-fornituri tal-EETS tirrispetta l-prinċipji stipulati f'din id-Direttiva.

(31)

Id-data dwar it-traffiku tal-utenti tal-EETS tikkostitwixxi kontribut li huwa essenzjali għat-titjib tal-politiki dwar it-trasport tal-Istati Membri. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibilità li jitolbu tali data mill-fornituri tas-servizz tal-pedaġġ, inkluż fornituri tal-EETS għall-fini ta' tfassil ta' politiki dwar it-traffiku u t-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku jew għal użu mhux kummerċjali ieħor mill-Istat, f'konformità ma' regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(32)

Huwa meħtieġ qafas li jistabbilixxi l-proċeduri għall-akkreditazzjoni tal-fornituri tal-EETS għal dominju tal-EETS u li jiżgura aċċess ġust għas-suq filwaqt li jiġi salvagwardjat il-livell adegwat ta' servizz. Id-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS jenħtieġ li tispjega fid-dettall il-proċedura sabiex jiġi akkreditat fornitur tal-EETS għad-dominju tal-EETS u b'mod partikolari l-proċedura għall-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u l-adegwatezza għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità. Il-proċedura jenħtieġ li tkun l-istess għall-fornituri kollha tal-EETS.

(33)

Sabiex jiġi żgurat aċċess faċli għall-informazzjoni mill-atturi tas-suq tal-EETS, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jikkompilaw u jippubblikaw id-data importanti kollha rigward l-EETS f'reġistri nazzjonali disponibbli pubblikament.

(34)

Għal raġunijiet ta' progress teknoloġiku, huwa importanti li kolletturi tal-pedaġġi jkollhom il-possibilità li jittestjaw teknoloġiji jew kunċetti ġodda ta' pedaġġ. Tali testijiet madankollu jenħtieġ li jkunu limitati, u jenħtieġ li l-fornituri tal-EETS ma jkunux obbligati li jieħdu sehem fihom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-possibilità li ma tawtorizzax tali testijiet jekk dawn jistgħu jippreġudikaw il-funzjonament korrett tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ regolari jew tal-EETS.

(35)

Id-differenzi kbar fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ jistgħu jxekklu l-kisba ta' interoperabilità madwar l-UE kollha tal-pedaġġi elettroniċi, u b'hekk jikkontribwixxu għall-persistenza tas-sitwazzjoni kurrenti fejn l-utenti jeħtieġu diversi biċċiet ta' OBE biex iħallsu l-pedaġġi fl-Unjoni. Din is-sitwazzjoni hija ta' detriment għall-effiċjenza tal-operazzjonijiet tat-trasport, għall-kosteffiċjenza tas-sistemi ta' pedaġġi u għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika tat-trasport. Il-kwistjonijiet sottostanti għal din is-sitwazzjoni jenħtieġ għalhekk li jiġu indirizzati.

(36)

Filwaqt li l-interoperabilità transfruntiera qed tittejjeb fl-Unjoni kollha, l-objettiv fuq perjodu ta' żmien medju sa twil huwa li jkun possibbli li wieħed jivvjaġġa fl-Unjoni kollha b'biċċa waħda ta' OBE biss. Għalhekk, sabiex jiġu evitati l-piż amministrattiv u l-kostijiet għall-utenti tat-toroq, huwa importanti li l-Kummissjoni tistabbilixxi pjan direzzjonali biex dan l-objettiv jintlaħaq u biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija fl-Unjoni, mingħajr ma tiġi affettwata b'mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq.

(37)

L-EETS huwa servizz ibbażat fuq is-suq u għalhekk il-fornituri tal-EETS jenħtieġ li ma jkunux obbligati jipprovdu s-servizzi tagħhom madwar l-Unjoni kollha. Madankollu, fl-interess tal-utenti, il-fornituri tal-EETS jenħtieġ li jkopru d-dominji kollha tal-EETS fi kwalunkwe Stat Membru li fih huma jiddeċiedu li jfornu s-servizzi tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta jekk il-flessibilità mogħtija lill-fornituri tal-EETS twassalx għall-esklużjoni tad-dominji tal-EETS żgħar u periferiċi mill-EETS, u, jekk issib li hija tagħmel dan, tieħu azzjoni fejn ikun meħtieġ.

(38)

Id-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS jenħtieġ li tiddeskrivi fid-dettall il-qafas tal-kundizzjonijiet kummerċjali għall-operazzjonijiet tal-fornituri tal-EETS fid-dominju tal-EETS inkwistjoni. B'mod partikolari, hija jenħtieġ li tiddeskrivi l-metodoloġija użata għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS.

(39)

Fejn sistema elettronika ta' pedaġġ ġdida tkun qed tiġi varata jew sistema eżistenti tkun qed tiġi mmodifikata b'mod sostanzjali, il-kollettur tal-pedaġġi jenħtieġ li jippubblika d-dikjarazzjonijiet tad-dominji tal-EETS il-ġodda jew aġġornati b'avviż li jingħata kmieni biżżejjed sabiex jippermetti li l-fornituri tal-EETS jiġu akkreditati jew akkreditati mill-ġdid fis-sistema sa mhux iktar tard minn xahar qabel il-jum tal-varar operattiv tagħha. Il-kollettur tal-pedaġġi jenħtieġ li jfassal u jsegwi l-proċedura għall-akkreditazzjoni jew, rispettivament, l-akkreditazzjoni mill-ġdid tal-fornituri tal-EETS b'tali mod li l-proċedura tkun tista' tiġi konkluża sa mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operattiv tas-sistema l-ġdida jew tas-sistema sostanzjalment modifikata. Il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li jirrispettaw il-parti tagħhom tal-proċedura ppjanata kif definit fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS.

(40)

Il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li la jitolbu u l-anqas ma jirrikjedu mill-fornituri tal-EETS xi soluzzjoni teknika speċifika li tista' tipperikola l-interoperabilità ma' dominji oħra tal-EETS u mal-kostitwenti eżistenti tal-interoperabilità tal-fornitur tal-EETS.

(41)

L-EETS għandu l-potenzjal li jnaqqas b'mod konsiderevoli l-ispejjeż amministrattivi u l-piżijiet tal-operaturi u s-sewwieqa tat-trasport bit-triq internazzjonali.

(42)

Il-fornituri tal-EETS jenħtieġ li jitħallew joħorġu fatturi lill-utenti tal-EETS. Madankollu, il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li jkunu permessi li jitolbu li l-fatturi jintbagħtu għan-nom tagħhom u f'isimhom, peress li l-iffatturar direttament f'isem il-fornitur tal-EETS jista', f'ċerti dominji tal-EETS, ikollu implikazzjonijiet amministrattivi u fiskali negattivi.

(43)

Kull Stat Membru li jkollu mill-inqas żewġ dominji tal-EETS jenħtieġ li jwaqqaf uffiċċju ta' kuntatt għall-fornituri tal-EETS li jkunu jixtiequ jipprovdu l-EETS fit-territorju tiegħu sabiex jiffaċilita l-kuntatti tagħhom mal-kolletturi tal-pedaġġi.

(44)

Il-pedaġġ elettroniku u servizzi oħra, bħalma huma l-ITS kooperattiv (C-ITS) jużaw teknoloġiji simili kif ukoll bandi ta' frekwenzi viċin xulxin għall-komunikazzjoni mill-qrib bejn il-vetturi u bejn il-vetturi u l-infrastruttura. Fil-futur, il-potenzjal għall-applikazzjoni ta' teknoloġiji emerġenti oħra għall-pedaġġ elettroniku jistħoqqlu li jiġi esplorat, wara valutazzjoni bir-reqqa tal-kostijiet, tal-benefiċċji, tal-ostakli tekniċi u tas-soluzzjonijiet possibbli għalihom. Huwa importanti li jiġu implimentati miżuri biex l-investimenti eżistenti fit-teknoloġija tal-microwave b'5,8 GHz jiġu protetti mill-interferenza ta' teknoloġiji oħra.

(45)

Mingħajr preġudizzju għall-għajnuna mill-Istat u l-liġi tal-kompetizzjoni, l-Istati Membri għandhom jitħallew jiżviluppaw miżuri biex jippromwovu l-ġbir u l-iffatturar elettroniku tal-pedaġġi.

(46)

Meta l-istandards rilevanti tal-EETS jiġu eżaminati mill-korpi ta' standardizzazzjoni, jenħtieġ li jkun hemm arranġamenti tranżizzjonali xierqa biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-EETS u l-kompatibilità, mas-sistemi ta' pedaġġ, tal-kostitwenti tal-interoperabilità li jkunu diġà qegħdin jintużaw fil-mument tal-eżami tal-istandards.

(47)

L-EETS jenħtieġ li tippermetti li tiġi żviluppata l-intermodalità, filwaqt li tiġi segwita l-konformità mal-prinċipji ta' “min juża jħallas” u “min iniġġes iħallas”.

(48)

Il-problemi fl-identifikazzjoni ta' trasgressuri mhux residenti tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ ifixklu l-introduzzjoni ulterjuri ta' sistemi bħal dawn u applikazzjoni aktar estiża tal-prinċipji ta' “min juża jħallas” u “min iniġġes iħallas” fit-toroq tal-Unjoni, u għalhekk jeħtieġ li jinstab mod kif jiġu identifikati persuni simili u tiġi pproċessata d-data personali tagħhom.

(49)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u l-użu effiċjenti tar-riżorsi, is-sistema għall-iskambju tal-informazzjoni dwar dawk li ma jħallsux tariffa tat-triq, u dwar il-vetturi tagħhom, jenħtieġ li tuża l-istess għodod bħas-sistema li tintuża għall-iskambju ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(50)

F'ċerti Stati Membri, nuqqas li titħallas tariffa tat-triq hija stabbilita biss ladarba l-obbligu tal-ħlas ta' tariffa tat-triq ikun ġie notifikat lill-utent. Peress li din id-Direttiva ma tarmonizzax il-liġijiet nazzjonali f'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibilità li japplikaw din id-Direttiva biex jiġu identifikati utenti u vetturi għall-finijiet tan-notifika. Madankollu, tali applikazzjoni estiża jenħtieġ li tiġi permessa biss jekk jiġu sodisfatti ċerti kondizzjonijiet.

(51)

Proċedimenti ta' segwitu mibdija wara nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq mhumiex armonizzati fl-Unjoni kollha. Ħafna drabi, l-utent tat-triq identifikat jingħata l-possibilità li jħallas it-tariffa tat-triq dovuta, jew ammont fiss ta' sostituzzjoni, direttament lill-entità responsabbli mill-ġbir tat-tariffa tat-triq, qabel ma jinbdew xi proċedimenti amministrattivi jew kriminali ulterjuri mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Huwa importanti li tali proċedura effiċjenti biex jintemm in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq tkun disponibbli fuq termini simili għall-utenti kollha tat-triq. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jipprovdu lill-entità responsabbli għall-ġbir tat-tariffa tat-triq id-data neċessarja biex tidentifika l-vettura li fir-rigward tagħha kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq u biex tidentifika s-sid jew id-detentur tagħha, sakemm tiġi żgurata l-protezzjoni xierqa tad-data personali. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità mal-ordni ta' ħlas maħruġa mill-entità kkonċernata ttemm in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.

(52)

F'ċerti Stati Membri, in-nuqqas tal-OBE, jew il-ħsara tiegħu, huma meqjusa bħala nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq fejn tali tariffi jistgħu jitħallsu biss bl-użu tal-OBE.

(53)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni u d-data meħtieġa sabiex jiġu evalwati l-effikaċja u l-effiċjenza tas-sistema għall-iskambju ta' informazzjoni dwar dawk li jonqsu milli jħallsu tariffa tat-triq. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta d-data u l-informazzjoni miksuba, u tipproponi, jekk meħtieġ, emendi għal din id-Direttiva.

(54)

Filwaqt li tanalizza miżuri possibbli biex tkompli tiffaċilita l-infurzar transfruntier tal-obbligu tal-ħlas tat-tariffi tat-triq fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll fir-rapport tagħha l-ħtieġa ta' assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri.

(55)

L-infurzar tal-obbligu tal-ħlas ta' tariffi tat-triq, l-identifikazzjoni tal-vettura u tas-sid jew id-detentur tal-vettura li għaliha ġie stabbilit nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq u l-ġbir tal-informazzjoni dwar l-utent għall-fini tal-iżgurar tal-konformità tal-kollettur tal-pedaġġi mal-obbligi tiegħu lejn l-awtoritajiet tat-taxxa jinvolvu l-ipproċessar ta' informazzjoni personali. Proċessar bħal dan għandu jitwettaq skont regoli tal-Unjoni, kif preskritti, inter alia, fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), fid-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u fid-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Id-dritt għall-ħarsien ta' data personali hu rikonoxxut espliċitament bl-Artikolu 8 tal-Karta dwar Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(56)

Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jippreskrivu regoli dwar ħlasijiet għall-infrastruttura tat-toroq u kwistjonijiet ta' tassazzjoni.

(57)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar il-vetturi u s-sidien jew id-detenturi tal-vetturi li fir-rigward tagħhom kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffi tat-triq, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-emendar tal-Anness I sabiex jirrifletti l-bidliet fil-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE wkoll fir-rigward tal-istabbiliment tad-dettalji għall-klassifikazzjoni tal-vetturi bl-iskop li jiġu stabbiliti l-iskemi tat-tariffi applikabbli, li jkomplu jiddefinixxu l-obbligi tal-utenti tal-EETS rigward il-forniment tad-data lill-fornitur tal-EETS u l-użu u l-immaniġġjar tal-OBE, l-istabbiliment tar-rekwiżiti għall-kostitwenti tal-interoperabilità rigward is-sikurezza u s-saħħa, l-affidabilità u d-disponibilità, il-protezzjoni tal-ambjent, il-kompatibilità teknika, is-sigurtà u l-privatezza u l-operat u l-ġestjoni, l-istabbiliment tar-rekwiżiti ġenerali tal-infrastruttura għall-kostitwenti tal-interoperabilità u l-istabbiliment tal-kriterji minimi tal-eliġibbiltà għall-korpi notifikati. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (9). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(58)

L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva teħtieġ kondizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi u amministrattivi għall-iżvilupp, fl-Istati Membri, ta' proċeduri li jinvolvu atturi tal-EETS u l-interfaċċi bejniethom, sabiex tiġi ffaċilitata l-interoperabilità u jiġi żgurat li s-swieq nazzjonali tal-ġbir tat-tariffi jkunu rregolati minn regoli ekwivalenti. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u biex jiġu definiti dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u amministrattivi, jenħtieġ li jiġu konferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jkunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(59)

Din id-Direttiva jeħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi msemmija fl-Anness III, Parti B.

(60)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali.

(61)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistipula l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet li ġejjin:

(a)

li tiġi żgurata l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ, fin-network kollu tat-toroq fl-Unjoni, fl-ibliet u bejn l-ibliet, l-awtostradi, toroq prinċipali u żgħar, u strutturi diversi, bħal mini jew pontijiet, u bastimenti tat-traġitt; u

(b)

li jiġi faċilitat l-iskambju transfruntier tad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi rigward il-vetturi u s-sidien jew id-detenturi tal-vetturi li għalihom kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffi tat-triq ta' kwalunkwe tip fl-Unjoni.

Sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda minn Stati Membri li jimponu tariffi tat-triq fuq tipi ta' vetturi partikolari, u sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta' dawk it-tariffi u l-għan li għalih jiġu imposti dawn it-tariffi.

2.   L-Artikoli 3 sa 22 ma japplikawx għal:

(a)

sistemi ta' pedaġġ li mhumiex elettroniċi fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2; u

(b)

sistemi ta' pedaġġ żgħar, strettament lokali li għalihom l-ispejjeż biex ikunu konformi mal-ħtiġijiet tal-Artikoli 3 sa 22 ma jkunux fi proporzjon mal-benefiċċji;

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għat-tariffi għall-parking.

4.   L-għan tal-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fl-Unjoni, għandu jinkiseb permezz tas-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS) li għandu jikkumplimenta s-servizzi elettroniċi nazzjonali ta' pedaġġ tal-Istati Membri

5.   Fejn il-liġi nazzjonali titlob notifika lill-utent tal-obbligu tiegħu li jħallas qabel ma jkun jista' jiġi stabbilit nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll din id-Direttiva biex jidentifikaw is-sid jew id-detentur tal-vettura u l-vettura nnifisha għall-finijiet tan-notifika, biss jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ma jkun hemm l-ebda mezz ieħor kif jiġi identifikat is-sid jew id-detentur tal-vettura; u

(b)

in-notifika lill-utent jew id-detentur tal-vettura dwar l-obbligu ta' ħlas hi stadju obbligatorju tal-proċedura ta' ħlas tat-tariffa tat-triq skont il-liġi nazzjonali.

6.   Fejn Stat Membru japplika l-paragrafu 5, huwa għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li kwalunkwe proċediment ta' segwitu b'rabta mal-obbligu ta' ħlas tat-tariffa tat-triq jitwettaq mill-awtoritajiet pubbliċi. Referenzi għan-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq f'din id-Direttiva għandhom jinkludu fihom il-każijiet koperti mill-paragrafu 5 jekk l-Istat Membru fejn iseħħ in-nuqqas ta' ħlas, japplika dak il-paragrafu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“servizz ta' pedaġġ” tfisser is-servizz li jippermetti li utenti jużaw vettura f'dominju wieħed jew aktar tal-EETS taħt kuntratt uniku u, fejn meħtieġ, b'biċċa waħda ta' tagħmir ta' abbord (OBE), u li jinkludi:

(a)

fejn meħtieġ, l-għoti ta' OBE apposta lill-utenti u ż-żamma tal-funzjonalità tiegħu;

(b)

garanzija li l-kollettur tal-pedaġġ jitħallas il-pedaġġ dovut mill-utent;

(c)

il-forniment lill-utent tal-mezz li bih għandu jsir il-ħlas jew l-aċċettazzjoni ta' dak attwali;

(d)

il-ġbir tal-pedaġġ mingħand l-utent;

(e)

il-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-klijent mal-utent; u

(f)

l-implimentazzjoni u l-konformità mal-politiki ta' sigurtà u privatezza għas-sistemi ta' pedaġġ tat-triq;

(2)

“fornitur tas-servizz ta' pedaġġ” tfisser entità legali li tipprovdi servizzi ta' pedaġġ f'dominju tal-EETS jew aktar għal klassi waħda jew aktar ta' vetturi;

(3)

“kollettur tal-pedaġġi” tfisser entità pubblika jew privata li tiġbor il-pedaġġi għaċ-ċirkolazzjoni ta' vetturi f'dominju tal-EETS;

(4)

“kollettur tal-pedaġġi nominat” tfisser entità pubblika jew privata li nħatret biex tkun il-kollettur tal-pedaġġi f'dominju futur tal-EETS;

(5)

“Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS)” tfisser is-servizz ta' pedaġġ mogħti b'kuntratt f'dominju wieħed jew aktar tal-EETS minn fornitur tal-EETS lil utent tal-EETS;

(6)

“fornitur tal-EETS” tfisser entità li, taħt kuntratt separat, tagħti aċċess għall-EETS lil utent tal-EETS, tittrasferixxi l-pedaġġi lill-kollettur tal-pedaġġi rilevanti, u li hija rreġistrata mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita;

(7)

“utent tal-EETS” tfisser persuna (naturali jew ġuridika) li għandha kuntratt ma' fornitur tal-EETS sabiex ikollha aċċess għall-EETS;

(8)

“dominju tal-EETS” tfisser triq, netwerk ta' toroq, struttura, bħal pont jew mina, jew bastiment tat-traġitt, fejn il-pedaġġi jinġabru bl-użu ta' sistema elettronika ta' pedaġġ;

(9)

“Sistema konformi mal-EETS” tfisser is-sett ta' elementi ta' sistema elettronika ta' pedaġġ li huma meħtieġa b'mod speċifiku għall-integrazzjoni tal-fornituri tal-EETS fis-sistema u għat-tħaddim tal-EETS;

(10)

“sistema elettronika ta' pedaġġ” tfisser sistema ta' ġbir ta' pedaġġ li fiha l-obbligu, għall-utent, li jħallas il-pedaġġ jiġi attivat mis-sejbien awtomatiku ta' jew marbut mal-preżenza tal-vettura f'ċertu post permezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod ma' OBE fil-vettura jew rikonoxximent awtomatiku tal-pjanċi;

(11)

“tagħmir ta' abbord” (OBE), tfisser is-sett sħiħ ta' komponenti tal-hardware u tas-software li għandhom jintużaw bħala parti mis-servizz ta' pedaġġ li huwa installat, jew jinġarr, abbord vettura sabiex jiġbor, jaħżen, jipproċessa u jirċievi/jittrażmetti mill-bogħod id-data, jew bħala apparat separat jew inkorporat fil-vettura;

(12)

“fornitur ewlieni tas-servizz” tfisser fornitur tas-servizz ta' pedaġġ b'obbligi speċifiċi, bħall-obbligu li jiffirma kuntratti mal-utenti interessati kollha, jew drittijiet speċifiċi, bħal remunerazzjoni speċifika jew kuntratt garantit fit-tul, differenti mid-drittijiet u l-obbligi ta' fornituri oħra tas-servizz;

(13)

“kostitwent tal-interoperabilità” tfisser kwalunkwe komponent elementari, grupp ta' komponenti, binja parzjali jew sħiħa ta' tagħmir inkorporat jew maħsub biex jiġi inkorporat fl-EETS li fuqu tiddependi direttament jew indirettament l-interoperabilità tas-servizz, inkluż kemm oġġetti tanġibbli jew oġġetti intanġibbli bħal software;

(14)

“idoneità għall-użu” tfisser l-abbiltà ta' kostitwent li jikseb u jżomm prestazzjoni speċifikata meta jkun qed jintuża, integrata b'mod rappreżentattiv fl-EETS b'rabta ma' sistema ta' kollettur tal-pedaġġ;

(15)

“data dwar il-kuntest tal-pedaġġ” tfisser l-informazzjoni definita mill-kollettur tal-pedaġġ bħala meħtieġa biex jiġi stabbilit il-pedaġġ dovut għaċ-ċirkolazzjoni ta' vettura f'dominju partikolari ta' pedaġġ u konkluża t-tranżazzjoni tal-pedaġġ;

(16)

“dikjarazzjoni tal-pedaġġ” tfisser stqarrija lil kollettur tal-pedaġġ li tikkonferma l-preżenza ta' vettura f'dominju tal-EETS f'format maqbul bejn il-fornitur tas-servizz ta' pedaġġ u l-kollettur tal-pedaġġ;

(17)

“parametri ta' klassifikazzjoni tal-vettura” tfisser l-informazzjoni marbuta mal-vettura li skontha jiġu kkalkulati l-pedaġġi abbażi tad-data dwar il-kuntest tal-pedaġġ;

(18)

“back office” tfisser is-sistema elettronika ċentrali użata mill-kollettur tal-pedaġġ, grupp ta' kolletturi tal-pedaġġ li ħolqu ċentru ta' interoperabilità, jew mill-fornitur tal-EETS biex tinġabar, tiġi proċessata u tintbagħat informazzjoni fil-qafas ta' sistema elettronika ta' pedaġġ;

(19)

“sistema modifikata sostanzjalment” tfisser sistema elettronika ta' pedaġġ eżistenti li għaddiet jew tgħaddi minn bidla li tirrikjedi li l-fornituri tal-EETS jagħmlu modifiki lill-kostitwenti tal-interoperabilità li qed jitħaddmu, bħar-riprogrammazzjoni jew l-adattament tal-interfaċċi tal-back office tagħhom, b'tali mod li tkun meħtieġa akkreditazzjoni mill-ġdid;

(20)

“akkreditazzjoni” tfisser il-proċess definit u amministrat mill-kollettur tal-pedaġġi, li minnu jrid jgħaddi fornitur tal-EETS qabel ma jiġi awtorizzat li jipprovdi l-EETS f'dominju tal-EETS.

(21)

“pedaġġ” jew “tariffa tat-triq” ifissru t-tariffa li trid titħallas minn utent tat-triq biex ikun jista' jiċċirkola fuq triq partikolari, netwerk ta' toroq, struttura, bħal pont jew mina jew bastiment tat-traġitt;

(22)

“nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq” tfisser ir-reat li jikkonsisti min-nuqqas minn utent tat-triq milli jħallas tariffa tat-triq fi Stat Membru, definita mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ta' dak l-Istat Membru;

(23)

“Stat Membru tar-reġistrazzjoni” tfisser l-Istat Membri fejn hi rreġistrata l-vettura li hi soġġetta għall- ħlas tat-tariffa tat-triq;

(24)

“punt ta' kuntatt nazzjonali” tfisser awtorità kompetenti ddeżinjata ta' Stat Membru għall-iskambju transfruntier ta' data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi;

(25)

“tiftix awtomatizzat” tfisser proċedura ta' aċċess online għall-konsultazzjoni tal-bażijiet tad-data ta' Stat Membru wieħed, ta' diversi Stati Membri jew tal-Istati Membri kollha kemm huma;

(26)

“vettura” tfisser vettura bil-mutur, jew kombinazzjoni artikolata ta' vetturi maħsuba jew użati biex iġorru fit-triq passiġġieri jew prodotti;

(27)

“detentur tal-vettura” tfisser il-persuna li f'isimha tkun irreġistrata l-vettura, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

(28)

“vettura heavy duty” tfisser vettura li għandha massa massima permissibbli ta' aktar minn 3,5 tunnellati;

(29)

“vettura light duty” tfisser vettura li għandha massa massima permissibbli li ma jaqbiżx it-3,5 tunnellati.

Artikolu 3

Soluzzjonijiet teknoloġiċi

1.   Is-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ ġodda kollha li jesiġu l-installazzjoni jew l-użu tal-OBE għandhom, biex jagħmlu tranżazzjonijiet elettroniċi ta' pedaġġ, jużaw waħda jew iżjed mit-teknoloġiji li ġejjin:

(a)

pożizzjonament bis-satellita;

(b)

komunikazzjoni mobbli;

(c)

teknoloġija tal-microwave b'5,8 GHz.

Is-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ eżistenti li jirrikjedu l-installazzjoni jew l-użu ta' OBE u li jużaw teknoloġiji oħra għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti spjegati fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu jekk jitwettqu progressi teknoloġiċi sostanzjali.

2.   Il-Kummissjoni għandha titlob lill-korpi rilevanti tal-istandardizzazzjoni, skont il-proċedura stipulata mid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), biex jadottaw malajr l-istandards applikabbli għas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fir-rigward tat-teknoloġiji elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u t-teknoloġija tal-ANPR, u biex jaġġornawhom fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha titlob li l-korpi ta' standardizzazzjoni jiżguraw il-kompatibilità kontinwa tal-kostitwenti tal-interoperabilità.

3.   OBE li juża t-teknoloġija tal-pożizzjonament bis-satellita u li jiġi introdott fis-suq wara d-19 ta' Ottubru 2021 għandu jkun kompatibbli mas-servizzi ta' pożizzjonament provduti minn Galileo u s-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (“EGNOS”).

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, il-fornituri tal-EETS għandhom jagħmlu OBE disponibbli lill-utenti tal-EETS li jkun xieraq għall-użu, interoperabbli u kapaċi jikkomunika mas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ rilevanti operattivi fl-Istati Membri li jużaw it-teknoloġiji elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

5.   L-OBE jista' juża l-hardware u s-software tiegħu stess, juża elementi ta' hardware u software oħra preżenti fil-vettura, jew it-tnejn li huma. Għall-fini ta' komunikazzjoni ma' sistemi oħra ta' hardware preżenti fil-vettura, l-OBE jista' juża teknoloġiji oħrajn għajr dawk elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, dejjem sakemm ikunu żgurati s-sigurtà, il-kwalità tas-servizz u l-privatezza.

L-OBE tal-EETS titħalla tiffaċilita servizzi oħrajn barra l-pedaġġ, dejjem jekk it-tħaddim ta' tali servizzi ma jxekkilx is-servizzi ta' pedaġġ fi kwalunkwe dominju tal-EETS.

6.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jintroduċu sistemi elettroniċi ta' pedaġġ għal vetturi light duty abbażi tal-pożizzjonament bis-satellita jew abbażi ta' komunikazzjonijiet mobbli, il-fornituri tal-EETS jistgħu, sal-31 ta' Diċembru 2027, jipprovdu lill-utenti ta' vetturi light duty OBE li jkun tajjeb għall-użu bit-teknoloġija tal-microwave b'5,8 GHz biss, li għandu jintuża fid-dominji tal-EETS li ma jirrikjedux teknoloġiji ta' pożizzjonament bis-satellita jew ta' komunikazzjonijiet mobbli.

KAPITOLU II

PRINĊIPJI ĠENERALI TAL-EETS

Artikolu 4

Reġistrazzjoni tal-fornituri tal-EETS

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi proċedura għar-reġistrazzjoni ta' fornituri tal-EETS. Għandu jagħti reġistrazzjoni lil entitajiet li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu, li jitolbu reġistrazzjoni u li jistgħu juru li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollhom ċertifikazzjoni EN ISO 9001 jew ekwivalenti;

(b)

ikollhom it-tagħmir tekniku u d-dikjarazzjoni tal-KE jew iċ-ċertifikat li jiddikjara l-konformità tal-kostitwenti tal-interoperabilità mal-ispeċifikazzjonijiet;

(c)

ikollhom kompetenza fl-għoti ta' servizzi elettroniċi ta' pedaġġ jew f'dominji rilevanti oħra;

(d)

ikollhom riżorsi finanzjarji xierqa;

(e)

iżommu ma' pjan globali ta' ġestjoni tar-riskju, li jiġi awditjat kull sentejn mill-inqas; u

(f)

għandhom reputazzjoni tajba.

Artikolu 5

Drittijiet u obbligi tal-fornituri tal-EETS

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tal-EETS li huma jkunu rreġistraw jikkonkludu kuntratti tal-EETS li jkopru d-dominji tal-EETS kollha fit-territorji ta' mill-inqas erba' Stati Membri fi żmien it-36 xahar wara r-reġistrazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 4. Huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk il-fornituri tal-EETS jikkonkludu kuntratti li jkopru d-dominji kollha tal-EETS fi Stat Membru partikolari fi żmien l-24 xahar wara l-konklużjoni tal-ewwel kuntratt f'dak l-Istat Membru, ħlief għal dawk id-dominji tal-EETS li fihom il-kolletturi tal-pedaġġ responsabbli ma jikkonformawx mal-Artikolu 6(3).

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fornituri tal-EETS li huma jkunu rreġistraw jibqgħu f'kull ħin ikopru d-dominji kollha tal-EETS ladarba jkunu kkonkludew kuntratti għalihom. Huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn fornitur tal-EETS ma jkunx jista' jkompli jkopri dominju tal-EETS għax il-kollettur tal-pedaġġi ma jikkonformax ma' din id-Direttiva, jerġa' jibda jkopri d-dominju kkonċernat mill-aktar fis possibbli.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tal-EETS li huma jkunu rreġistraw jippubblikaw informazzjoni dwar il-kopertura tad-dominji tal-EETS tagħhom u kwalunkwe bidla fiha kif ukoll, fi żmien xahar mir-reġistrazzjoni, pjanijiet dettaljati rigward kwalunkwe estensjoni tas-servizz tagħhom għal aktar dominji tal-EETS, b'aġġornamenti annwali.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn meħtieġ, il-fornituri tal-EETS li huma jkunu rreġistraw, jew li jfornu l-EETS fit-territorju tagħhom, jipprovdu lill-utenti tal-EETS OBE li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva, kif ukoll fid-Direttivi 2014/53/UE (13) u 2014/30/UE (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Huma jistgħu jitolbu mill-fornituri tal-EETS ikkonċernati li dawk ir-rekwiżiti jiġu sodisfatti.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tal-EETS li jipprovdu l-EETS fit-territorju tagħhom iżommu listi ta' OBE invalidat marbuta mal-kuntratti tal-EETS tagħhom mal-utenti tal-EETS. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dawn il-listi jinżammu f'konformità stretta mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali kif stipulat, fost l-oħrajn, fir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fornituri tal-EETS li huma rreġistraw jagħmlu pubblika l-politika tagħhom ta' kkuntrattar mal-utenti tal-EETS.

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fornituri tal-EETS li jfornu l-EETS fit-territorju tagħhom jagħtu lill-kolletturi tal-pedaġġi l-informazzjoni li huma jeħtieġu biex jikkalkulaw u japplikaw il-pedaġġ fuq il-vetturi tal-utenti tal-EETS jew jagħtu lill-kolletturi tal-pedaġġi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex dawn ikunu jistgħu jivverifikaw il-kalkolu tal-pedaġġ applikat fuq il-vetturi tal-utenti tal-EETS mill-fornituri tal-EETS.

8.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fornituri tal-EETS li jipprovdu l-EETS fit-territorju tagħhom jikkooperaw mal-kolletturi tal-pedaġġ fl-isforzi tagħhom biex jidentifikaw awturi suspettati ta' reati. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn ikun suspettat nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq, il-kollettur tal-pedaġġ ikun jista' jikseb mill-fornitur tal-EETS id-data marbuta mal-vettura involuta fin-nuqqas suspettat ta' ħlas ta' tariffa tat-triq u lis-sid jew lid-detentur ta' dik il-vettura li hu klijent tal-fornitur tal-EETS. Din id-data għandha tingħata minnufih mill-fornitur tal-EETS.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kollettur tal-pedaġġ ma jiżvelax din id-data lil ebda fornitur ieħor tas-servizz ta' pedaġġ. Huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn il-kollettur tal-pedaġġ ikun integrat ma' fornitur tas-servizz ta' pedaġġ f'entità waħda, id-data tintuża biss biex tidentifika awturi suspettati ta' reati, jew skont l-Artikolu 27(3).

9.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kollettur tal-pedaġġ responsabbli minn dominju tal-EETS fit-territorju tagħhom ikun jista' jikseb minn fornitur tal-EETS data marbuta mal-vetturi kollha li s-sid jew id-detenturi tagħhom ikunu klijenti tal-fornitur tal-EETS, li, f'perijodu partikolari ta' żmien, ikunu saqu fid-dominju tal-EETS li għalih ikun responsabbli l-kollettur tal-pedaġġ, kif ukoll id-data marbuta mas-sidien jew id-detenturi ta' dawn il-vetturi, dment li l-kollettur tad-data jkun jeħtieġ din id-data biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu lejn l-awtoritajiet tat-taxxa. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornitur tal-EETS jipprovdi d-data mitluba mhux aktar tard minn jumejn wara li jirċievi t-talba. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kollettur tal-pedaġġ ma jiżvelax din id-data lil ebda fornitur ieħor tas-servizz ta' pedaġġ. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn il-kollettur tad-data hu integrat ma' fornitur tas-servizz ta' pedaġġ f'entità waħda, id-data tintuża biss għall-konformità mill-kollettur tal-pedaġġ mal-obbligi tiegħu lejn l-awtoritajiet tat-taxxa.

10.   Id-data mogħtija mill-fornituri tal-EETS lill-kolletturi tal-pedaġġi għandha tiġi pproċessata f'konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali kif jinsabu spjegati fir-Regolament (UE) 2016/679, kif ukoll mal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jittrasponu d-Direttivi 2002/58/KE u (UE) 2016/680.

11.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex ikomplu jiddefinixxu l-obbligi tal-fornituri tal-EETS dwar:

(a)

il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-livell tas-servizz tagħhom, u kooperazzjoni mal-kolletturi tal-pedaġġ fil-verifika tal-awditi;

(b)

kooperazzjoni mal-Kolletturi tal-Pedaġġ fil-prestazzjoni tat-testijiet tas-sistemi tal-kolletturi tal-pedaġġ;

(c)

appoġġ tekniku u tas-servizz lil utenti tal-EETS u personalizzazzjoni ta' OBE;

(d)

kontijiet mibgħuta lil utenti tal-EETS;

(e)

l-informazzjoni li fornituri tal-EETS iridu jipprovdu lill-kolletturi tal-pedaġġi u li tissemma fil-paragrafu 7; u

(f)

li utent tal-EETS jiġi mgħarraf b'sitwazzjoni identifikata ta' pedaġġ mhux iddikjarat;

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Artikolu 6

Drittijiet u obbligi tal-kolletturi tal-pedaġġ

1.   Fejn dominju tal-EETS ma jikkonformax mal-kondizzjonijiet ta' interoperabilità teknika u proċedurali tal-EETS ipprovduti f'din id-Direttiva, l-Istat Membru li t-territorju tiegħu jinsab fid-dominju tal-EETS jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġ responsabbli jivvaluta l-problema mal-partijiet interessati kkonċernati u, jekk ikun jaqa' taħt ir-responsabbiltajiet tiegħu, jieħu azzjonijiet ta' rimedju bil-ħsieb li jiżgura l-interoperabilità tas-sistema ta' pedaġġ. Fejn meħtieġ, l-Istat Membru jeħtieġ li jaġġorna r-reġistru msemmi fil-punt (a) l-Artikolu 21(1) fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tiegħu.

2.   Kull Stat Membru jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li kwalunkwe kollettur tal-pedaġġi responsabbli minn dominju tal-EETS fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jiżviluppa u jżomm dikjarazzjoni dwar id-dominju tal-EETS li tistipula l-kondizzjonijiet ġenerali biex il-fornituri tal-EETS jaċċessaw id-dominji tal-EETS tagħhom, skont l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 9.

Fejn tinħoloq sistema elettronika ta' pedaġġ fit-territorju ta' Stat Membru dak l-Istat Membru jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġ nominat responsabbli mis-sistema jippubblika d-dikjarazzjoni dwar id-dominju tal-EETS billi javża biżżejjed minn qabel biex tkun tista' ssir akkreditazzjoni tal-fornituri tal-EETS interessati mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operazzjonali tas-sistema l-ġdida, filwaqt li jitqies kif dovut it-tul tal-proċess tal-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità msemmi fl-Artikolu 15(1).

Fejn sistema elettronika ta' pedaġġ fit-territorju ta' Stat Membru tiġi modifikata sostanzjalment, dak l-Istat Membru jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġ responsabbli mis-sistema jippubblika d-dikjarazzjoni aġġornata dwar id-dominju tal-EETS biżżejjed minn qabel biex fornituri tal-EETS diġà akkreditati jkunu jistgħu jadattaw il-kostitwenti tal-interoperabilità tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda u jiksbu akkreditazzjoni mill-ġdid mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operazzjonali tas-sistema modifikata, b'kunsiderazzjoni dovuta għat-tul tal-proċess tal-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità msemmija fl-Artikolu 15(1).

3.   L-Istati Membri jeħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kolletturi tal-pedaġġ responsabbli minn dominji tal-EETS fit-territorju tagħhom jaċċettaw fuq bażi nondiskriminatorja kwalunkwe fornitur tal-EETS li jitlob li jipprovdi l-EETS fid-dominji tal-EETS imsemmija.

Aċċettazzjoni ta' fornitur tal-EETS f'dominju tal-EETS għandha tkun soġġetta għall-konformità tal-fornitur mal-obbligi u l-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kolletturi tal-pedaġġi ma jirrikjedux li l-fornituri tal-EETS jużaw soluzzjonijiet jew proċessi tekniċi speċifiċi li jxekklu l-interoperabilità tal-kostitwenti tal-interoperabilità ta' fornitur tal-EETS b'sistemi elettroniċi ta' pedaġġ f'dominji oħra tal-EETS.

Jekk kollettur tal-pedaġġ u fornitur tal-EETS ma jkunux jistgħu jilħqu qbil, il-kwistjoni tista' tiġi referuta lill-Korp Konċiljatorju responsabbli mid-dominju rilevanti tal-pedaġġ.

4.   Kull Stat Membru jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kuntratti bejn il-kollettur tal-pedaġġi u l-fornitur tal-EETS dwar il-forniment tal-EETS fit-territorju ta' dak l-Istat Membru, jippermettu li l-kontijiet għall-pedaġġ jinħarġu lill-utent tal-EETS direttament mill-fornitur tal-EETS.

Il-kollettur tal-pedaġġi jista' jirrikjedi li l-fornitur tal-EETS joħroġ fatturi għall-utent f'isem u għan-nom tal-kollettur tal-pedaġġi, u l-fornitur tal-EETS għandu jikkonforma ma' dik it-talba.

5.   Il-pedaġġ mitlub mill-kolletturi tal-pedaġġi lill-utenti tal-EETS ma għandux jaqbeż il-pedaġġ nazzjonali jew lokali korrispondenti. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jintroduċu ribassi jew skontijiet biex jippromwovu l-użu ta' pagamenti elettroniċi tal-pedaġġ. Ir-ribassi jew skontijiet kollha tal-utenti tal-OBE fuq il-pedaġġi offruti minn Stat Membru jew minn kollettur tal-pedaġġ għandhom ikunu trasparenti, imħabbra pubblikament u disponibbli bl-istess kondizzjonijiet lill-klijenti tal-fornituri tal-EETS.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kolletturi tal-pedaġġ jaċċettaw fuq id-dominji tal-EETS tagħhom kwalunkwe OBE operazzjonali minn fornituri tal-EETS li magħhom għandhom relazzjonijiet kuntrattwali li ġew iċċertifikati skont il-proċedura definita fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(7) u li ma jidhrux fuq lista ta' OBE invalidat imsemmi fl-Artikolu 5(5).

7.   Fil-każ ta' ħsara fl-EETS attribwibbli għall-kollettur tal-pedaġġi, il-kollettur tal-pedaġġi għandu jforni mod ta' servizz imnaqqas li jippermetti lill-vetturi bit-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 6 jiċċirkolaw fis-sikurezza b'dewmien minimu u mingħajr ma jiġu suspettati b'nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.

8.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kolletturi tal-pedaġġ jikkollaboraw b'mod nondiskriminatorju mal-fornituri tal-EETS jew il-manifatturi jew l-entitajiet notifikati bil-ħsieb li tiġi vvalutata l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità fid-dominji tal-EETS tagħhom.

9.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, li jistabbilixxu l-kontenut minimu tad-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS, inkluż:

(a)

ir-rekwiżiti għall-fornituri tal-EETS;

(b)

il-kondizzjonijiet proċedurali inklużi l-kondizzjonijiet kummerċjali;

(c)

il-proċedura tal-akkreditazzjoni tal-fornituri tal-EETS; u

(d)

id-data dwar il-kuntest tal-pedaġġ.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Artikolu 7

Remunerazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tal-EETS ikunu intitolati li jiġu remunerati mill-kollettur tal-pedaġġ.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-metodoloġija għad-definizzjoni tar-remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS tkun trasparenti, nondiskriminatorja u identika għall-fornituri kollha tal-EETS akkreditati għal dominju tal-EETS partikolari. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-metodoloġija tiġi ppubblikata bħala parti mill-kondizzjonijiet kummerċjali fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fid-dominji tal-EETS b'fornitur ewlieni tas-servizz, il-metodoloġija għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS issegwi l-istess struttura tar-remunerazzjoni ta' servizzi komparabbli pprovduti mill-fornitur ewlieni tas-servizz. L-ammont ta' remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS jista' jkun differenti mir-remunerazzjoni tal-fornitur ewlieni tas-servizz sakemm ikun ġustifikat minn:

(a)

l-ispiża tar-rekwiżiti u l-obbligi speċifiċi tal-fornitur ewlieni tas-servizz u mhux tal-fornituri tal-EETS; u

(b)

il-ħtieġa li jitnaqqsu, mir-remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS, il-ħlasijiet fissi imposti mill-kollettur tal-pedaġġ abbażi tal-ispejjeż, għall-kollettur tal-pedaġġ, li jipprovdi, jopera u jżomm sistema konformi mal-EETS fid-dominju tal-pedaġġ tiegħu, inklużi l-kostijiet tal-akkreditazzjoni, fejn dawn il-kostijiet mhumiex inklużi fil-pedaġġ.

Artikolu 8

Pedaġġi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fejn, bil-għan li tiġi stabbilita t-tariffa tal-pedaġġ applikabbli għal vettura partikolari, ikun hemm diskrepanza bejn il-klassifikazzjoni tal-vettura użata mill-fornitur tal-EETS u l-kollettur tal-pedaġġ, il-klassifikazzjoni tal-kollettur tal-pedaġġ tipprevali, sakemm ma tingħatax prova ta' żball.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kollettur tal-pedaġġ ikun intitolat li jirrikjedi ħlas mingħand fornitur tal-EETS għal kwalunkwe dikjarazzjoni tal-pedaġġ sostanzjata u kwalunkwe nondikjarazzjoni tal-pedaġġ sostanzjata relatata ma' kwalunkwe kont ta' utent tal-EETS ġestit minn dak il-fornitur tal-EETS.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fejn fornitur tal-EETS ikun bagħat lil kollettur tal-pedaġġi lista ta' OBE invalidat imsemmi fl-Artikolu 5(5), il-fornitur tal-EETS ma għandux jinżamm responsabbli għal kwalunkwe pedaġġ ieħor imġarrab permezz tal-użu ta' tali OBE invalidat. L-għadd ta' entrati fil-lista tal-OBE invalidat, il-format tal-lista u l-frekwenza tal-aġġornament tagħha għandhom jiġu maqbula bejn il-kolletturi tal-pedaġġi u l-fornituri tal-EETS.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, f'sistemi tal-pedaġġ li jużaw il-microwave, il-kolletturi tal-pedaġġ jikkomunikaw lill-fornituri tal-EETS dikjarazzjonijiet tal-pedaġġ sostanzjati għal pedaġġi mġarrba mill-utenti tal-EETS rispettivi tagħhom.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi d-dettalji għall-klassifikazzjoni tal-vetturi bil-għan li jiġu stabbiliti l-iskemi tariffarji applikabbli, inkluża kwalunkwe proċedura meħtieġa biex jiġu stabbiliti tali skemi. Is-sett tal-parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi li għandu jiġi aċċettat mill-EETS ma għandux jirrestrinġi l-għażla tal-iskemi tariffarji mill-kolletturi tal-pedaġġ. Il-Kummissjoni għandha tiżgura biżżejjed flessibilità biex tippermetti li s-sett tal-parametri ta' klassifikazzjoni jkun aċċettat mill-EETS biex jevolvi skont il-ħtiġijiet futuri prevedibbli. Dawk l-atti għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni, fid-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), tal-parametri li skonthom għandhom ivarjaw il-pedaġġi.

Artikolu 9

Kontabilità

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-entitajiet legali li jipprovdu servizzi ta' pedaġġ iżommu rekords tal-kontabilità li jagħmlu distinzjoni ċara possibbli bejn l-ispejjeż u d-dħul relatati mal-forniment tas-servizz ta' pedaġġ u l-ispejjeż u d-dħul relatati ma' attivitajiet oħra. L-informazzjoni dwar l-ispejjeż u d-dħul relatati mal-forniment tas-servizz ta' pedaġġ għandha tiġi pprovduta, fuq talba, lill-Korp ta' Konċiljazzjoni jew il-korp ġudizzjarju rilevanti. L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-sussidji inkroċjati bejn l-attivitajiet imwettqa fir-rwol ta' fornitur tas-servizz ta' pedaġġ u attivitajiet oħra ma jkunux permessi.

Artikolu 10

Drittijiet u obbligi tal-utenti tal-EETS

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-utenti tal-EETS jabbonaw mal-EETS permezz ta' kwalunkwe fornitur tal-EETS, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, l-Istat Membru ta' residenza jew l-Istat Membru li fih tkun irreġistrata l-vettura. Meta jkunu deħlin f'kuntratt, l-utenti tal-EETS għandhom jiġu infurmati kif xieraq dwar il-mezzi validi ta' ħlas, skont ir-Regolament (UE) 2016/679, dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u d-drittijiet li jirriżultaw mil-leġislazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

2.   Il-ħlas ta' pedaġġ minn utent tal-EETS lill-fornitur tal-EETS tiegħu għandu jitqies li jissodisfa l-obbligi tal-ħlas li l-utent tal-EETS ikollu lejn il-kollettur tal-pedaġġ rilevanti.

Jekk jiġu installati jew jinġarru abbord vettura żewġ OBA jew aktar, hija r-responsabilità tal-utent tal-EETS li juża jew jattiva l-OBE rilevanti għad-dominju speċifiku tal-EETS.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tkompli tiddefinixxi aktar l-obbligi tal-utenti tal-EETS rigward:

(a)

il-forniment tad-data lill-fornitur tal-EETS; u

(b)

l-użu u l-immaniġġjar tal-OBE.

KAPITOLU III

KORP TA' KONĊILJAZZJONI

Artikolu 11

Stabbiliment u funzjonijiet

1.   Kull Stat Membru li jkollu minn tal-anqas dominju tal-EETS wieħed għandu jaħtar jew jistabbilixxi Korp ta' Konċiljazzjoni sabiex jiffaċilita l-medjazzjoni bejn il-kolletturi tal-pedaġġi b'dominju tal-EETS li jkun jinsab fit-territorju tiegħu u l-fornituri tal-EETS li jkollhom kuntratti jew ikunu jinsabu f'negozjati kuntrattwali ma' dawk il-kolletturi tal-pedaġġi.

2.   Il-Korp ta' Konċiljazzjoni għandu jkollu s-setgħa li, b'mod partikolari, jivverifika li l-kondizzjonijiet kuntrattwali imposti minn kollettur tal-pedaġġ fuq il-fornituri tal-EETS ikunu nondiskriminatorji. Huwa għandu jkollu s-setgħa li jivverifika li l-fornituri tal-EETS jiġu remunerati f'konformità mal-prinċipji previsti fl-Artikolu 7.

3.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-Korp ta' Konċiljazzjoni tagħhom fl-istruttura organizzattiva u legali jkun indipendenti mill-interessi kummerċjali tal-kolletturi tal-pedaġġi u tal-fornituri tas-servizz tal-pedaġġ.

Artikolu 12

Proċedura ta' medjazzjoni

1.   Kull Stat Membru b'minn tal-inqas dominju EETS wieħed għandu jistabbilixxi proċedura ta' medjazzjoni sabiex jippermetti lil kollettur tal-pedaġġ jew fornitur tal-EETS li jitlob lill-Korp ta' Konċiljazzjoni rilevanti biex jintervjeni fi kwalunkwe tilwim relatat mar-relazzjonijiet jew in-negozjati kuntrattwali tagħhom.

2.   Il-proċedura ta' medjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tirrikjedi li l-Korp ta' Konċiljazzjoni jiddikjara, fi żmien xahar wara li jkun irċieva talba biex jintervjeni, jekk id-dokumenti kollha neċessarji għall-medjazzjoni humiex fil-pussess tiegħu.

3.   Il-proċedura ta' medjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tirrikjedi li l-Korp ta' Konċiljazzjoni joħroġ l-opinjoni tiegħu dwar tilwim mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jkun irċieva t-talba biex jintervjeni.

4.   Sabiex jiffaċilitaw il-kompiti tiegħu, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Korp ta' Konċiljazzjoni s-setgħa biex jitlob informazzjoni rilevanti mingħand il-kolletturi tal-pedaġġ, il-fornituri tal-EETS u kwalunkwe parti terza attiva fil-forniment tal-EETS fl-Istat Membru kkonċernat.

5.   L-Istati Membri b'minn tal-inqas dominju EETS wieħed u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Korpi ta' Konċiljazzjoni rigward ix-xogħol, il-prinċipji ta' gwida u l-prattiki tagħhom.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TEKNIĊI

Artikolu 13

Servizz uniku kontinwu

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-EETS jiġi fornut lill-utenti tal-EETS bħala servizz uniku kontinwu.

Dan ifisser li:

(a)

ladarba l-parametri tal-klassifikazzjoni tal-vettura, inklużi dawk varjabbli, ikunu nħażnu jew ġew iddikjarati, jew it-tnejn, ma jkunx hemm bżonn ta' aktar intervent uman fil-vettura waqt vjaġġ sakemm ma jkunx hemm modifika fil-karatteristiċi tal-vettura; u

(b)

l-interazzjoni umana ma' biċċa tagħmir partikolari ta' OBE tibqa' l-istess ikun xi jkun id-dominju tal-EETS.

Artikolu 14

Elementi addizzjonali rigward l-EETS

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-interazzjoni tal-utenti tal-EETS mal-kolletturi tal-pedaġġ bħala parti mill-EETS tkun limitata, fejn applikabbli, għall-proċess ta' fatturazzjoni skont l-Artikolu 6(4) u għall-proċessi ta' infurzar. L-interazzjonijiet bejn l-utenti tal-EETS u l-fornituri tal-EETS, jew l-OBE tagħhom, jistgħu jkunu speċifiċi għal kull fornitur tal-EETS, mingħajr ma jikkompromettu l-interoperabilità tal-EETS.

2.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-fornituri tas-servizz tal-pedaġġ, inkluż il-fornituri tal-EETS, fuq it-talba tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, jipprovdu data tat-traffiku fir-rigward tal-klijenti tagħhom, soġġett għal konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Tali data għandha tintuża biss mill-Istati Membri għall-fini ta' politiki tat-traffiku u t-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku u d-data ma tistax tintuża biex jiġu identifikati l-klijenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċi elettroniċi bejn il-kostitwenti tal-interoperabilità tal-kolletturi tal-pedaġġi, il-fornituri tal-EETS u l-utenti tal-EETS, inkluż, fejn applikabbli, il-kontenut tal-messaġġi skambjati bejn l-atturi permezz ta' dawk l-interfaċċi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Artikolu 15

Kostitwenti tal-interoperabilità

1.   Fejn tinħoloq sistema elettronika ta' pedaġġ ġdida fit-territorju ta' Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġ nominat responsabbli għas-sistema jistabbilixxi u jippubblika fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS l-ippjanar dettaljat tal-proċess ta' valutazzjoni ta' konformità ma' speċifikazzjonijiet u tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità, li jippermetti l-akkreditazzjoni tal-fornituri tal-EETS interessati mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operazzjonali tas-sistema l-ġdida.

Fejn sistema elettronika ta' pedaġġ ġdida fit-territorju ta' Stat Membru tkun modifikata sostanzjalment, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġi responsabbli għas-sistema jistabbilixxi u jippubblika fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS, flimkien mal-elementi msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ippjanar dettaljat tal-valutazzjoni mill-ġdid tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità tal-fornituri tal-EETS diġà akkreditati fis-sistema qabel il-modifika sostanzjali tagħha. L-ippjanar għandu jippermetti akkreditazzjoni mill-ġdid tal-fornituri tal-EETS ikkonċernati mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operazzjonali tas-sistema modifikata.

Il-kollettur tal-pedaġġi għandu jirrispetta dak l-ippjanar.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull kollettur tal-pedaġġi responsabbli għal dominju tal-EETS fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jistabbilixxi ambjent ta' test li fih il-fornitur tal-EETS jew ir-rappreżentanti awtorizzati tiegħu jistgħu jivverifikaw li l-OBE tiegħu huwa adattat għall-użu fid-dominju tal-EETS tal-kollettur tal-pedaġġi u jikseb ċertifikazzjoni tat-tlestija b'suċċess tat-testijiet rispettivi. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-kolletturi tal-pedaġġi jistabbilixxu ambjent ta' test uniku għal aktar minn dominju tal-EETS wieħed, u biex jippermettu lil rappreżentant awtorizzat wieħed jivverifika jekk huwiex adattat l-użu ta' tip wieħed ta' OBE f'isem aktar minn fornitur tal-EETS wieħed.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-kolletturi tal-pedaġġi jitolbu lill-fornituri tal-EETS jew lir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom biex ikopru l-ispiża tat-testijiet rispettivi.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jostakolaw it-tqegħid fis-suq ta' kostitwenti tal-interoperabilità għall-użu fl-EETS meta dawn ikollhom il-marka KE jew inkella dikjarazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew dikjarazzjoni tal-idoneità għall-użu, jew it-tnejn. Partikolarment, l-Istati Membri ma għandhomx jitolbu verifiki li diġà jkunu twettqu bħala parti mill-proċedura għall-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-idoneità għall-użu, jew it-tnejn.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kostitwenti tal-interoperabilità rigward is-sikurezza u s-saħħa, l-affidabilità u d-disponibilità, il-protezzjoni ambjentali, il-kompatibilità teknika, is-sigurtà u l-privatezza u l-operat u l-ġestjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għall-infrastruttura rigward:

(a)

l-eżattezza tad-data tad-dikjarazzjoni tal-pedaġġ bil-ħsieb li tiggarantixxi trattament ugwali bejn l-utenti tal-EETS fir-rigward tal-pedaġġi u l-ħlasijiet;

(b)

l-identifikazzjoni, permezz tal-OBE tal-fornitur tal-EETS responsabbli;

(c)

l-użu ta' standards miftuħa għall-kostitwenti tal-interoperabilità tat-tagħmir tal-EETS;

(d)

l-integrazzjoni tal-OBE fil-vettura; u

(e)

is-sinjalazzjoni lis-sewwieq tar-rekwiżit li titħallas tariffa tat-triq.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi għall-infrastruttura li ġejjin:

(a)

rekwiżiti dwar protokolli komuni ta' komunikazzjoni bejn it-tagħmir tal-Kolletturi tal-Pedaġġi u t-tagħmir tal-fornituri tal-EETS;

(b)

rekwiżiti dwar mekkaniżmi biex il-kolletturi tal-pedaġġi jidentifikaw jekk vettura li qed tiċċirkola fid-dominju tal-EETS tagħhom tkunx mgħammra b'OBE validu u li jiffunzjona;

(c)

rekwiżiti dwar l-interfaċċa bejn il-bniedem u l-magna fl-OBE;

(d)

rekwiżiti li japplikaw speċifikament għall-kostitwenti tal-interoperabilità fis-sistemi ta' pedaġġ ibbażati fuq teknoloġiji tal-microwave; u

(e)

rekwiżiti li japplikaw b'mod speċifiku f'sistemi ta' pedaġġ ibbażati fuq Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, sabiex tistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi applikata mill-Istati Membri għall-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità, inklużi l-kontenut u l-format tad-dikjarazzjonijiet tal-KE. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

KAPITOLU V

KLAWSOLI TA' SALVAGWARDJA

Artikolu 16

Proċedura ta' salvagwardja

1.   Meta Stat Membru jkollu raġuni biex jemmen li kostitwenti tal-interoperabilità li jkollhom il-marka KE u li tqiegħdu fis-suq x'aktarx li meta jintużaw kif suppost ma jissodisfawx ir-rekwiżiti rilevanti, huwa għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jirrestrinġi l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, jipprojbixxi l-użu tagħhom jew jirtirahom mis-suq. L-Istat Membru għandu immedjatament jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu, u jiddikjara partikolarment jekk in-nuqqas fil-konformità huwiex dovut għal:

(a)

applikazzjoni mhux korretta tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi; jew

(b)

inadegwatezza tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istat Membru kkonċernat, il-manifattur, il-fornitur tal-EETS jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom stabbiliti fl-Unjoni kemm jista' jkun malajr. Fejn, wara dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi li il-miżura hija ġustifikata, hija għandha immedjatament tinforma lill-Istat Membru kkonċernat kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra. Madankollu, fejn, wara dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi li l-miżura mhix ġustifikata, hija għandha immedjatament tinforma lill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll lill-manifattur jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Unjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

3.   Fejn kostitwenti tal-interoperabilità li jkollhom il-marka KE ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-interoperabilità, l-Istat Membru kompetenti għandu jitlob lill-manifattur jew lir-rappreżentat awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Unjoni sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-kostitwenti tal-interoperabilità għal stat ta' konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-idoneità għall-użu, jew it-tnejn, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dak l-Istat Membru u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istat Membri l-oħra dwar dan.

Artikolu 17

Trasparenza tal-valutazzjonijiet

Kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn Stat Membru jew kollettur tal-pedaġġi dwar il-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità u kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 16 għandha tistabbilixxi fid-dettall ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. Din għandha tkun innotifikata kemm jista' jkun malajr lill-manifattur, il-fornitur tal-EETS jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom li jkunu kkonċernati, flimkien ma' indikazzjoni tar-rimedji disponibbli skont il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat u tal-limiti ta' żmien permessi għall-eżerċizzju ta' tali rimedji.

KAPITOLU VI

ARRANĠAMENTI AMMINISTRATTIVI

Artikolu 18

Uffiċċju ta' kuntatt uniku

Kull Stat Membru b'mill-inqas żewġ dominji tal-EETS fit-territorju tiegħu għandu jinnomina uffiċċju ta' kuntatt uniku għall-fornituri tal-EETS. L-Istat Membru għandu jagħmel pubbliċi d-dettalji ta' kuntatt ta' dak l-uffiċċju, u jipprovdihom, fuq talba, lill-fornituri interessati tal-EETS. L-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li, fuq talba tal-fornitur tal-EETS, l-uffiċċju ta' kuntatt jiffaċilita u jikkoordina kuntatti amministrattivi bikrija bejn il-fornitur tal-EETS u l-kolletturi tal-pedaġġ responsabbli għad-dominji tal-EETS fit-territorju tal-Istat Membru. L-uffiċċju ta' kuntatt jista' jkun persuna fiżika jew korp pubbliku jew privat.

Artikolu 19

Korpi nnotifikati

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kull korp intitolat biex iwettaq jew jissorvelja l-proċedura għall-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-idoneità għall-użu msemmija fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(7), filwaqt li jindikaw il-qasam tal-kompetenza ta' kull entità, u n-numri tal-identifikazzjoni miksuba minn qabel mingħand il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-lista tal-korpi, in-numru tal-identifikazzjoni u l-oqsma tal-kompetenza tagħhom, u għandha żżomm il-lista aġġornata

2.   L-Istati Membri għandhom japplikaw il-kriterji previsti fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għall-valutazzjoni tal-korpi li għandhom jiġu notifikati. Il-korpi li jissodisfaw il-kriterji tal-valutazzjoni previsti fl-istandards rilevanti Ewropej għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kriterji msemmija.

3.   Stat Membru għandu jirtira l-approvazzjoni minn korp li ma jibqax jissodisfa l-kriterji previsti fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Huwa għandu jinforma immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

4.   Jekk Stat Membru jew il-Kummissjoni jidhrilhom li korp notifikat minn Stat Membru ieħor ma jissodisfax il-kriterji previsti fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Kumitat tal-Pedaġġ Elettroniku msemmi fl-Artikolu 31(1), li għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien tliet xhur. Fid-dawl tal-opinjoni ta' dak il-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru li nnotifika lill-korp inkwistjoni bi kwalunkwe tibdila meħtieġa biex il-korp notifikat ikun jista' jżomm l-istatus li jkun ingħatalu.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi l-kriterji minimi ta' eliġibbiltà għall-korpi notifikati.

Artikolu 20

Grupp ta' Koordinazzjoni

Grupp ta' Koordinazzjoni tal-korpi notifikati skont l-Artikolu 19(1) (il-“Grupp ta' Koordinazzjoni”) għandu jiġi stabbilit bħala grupp ta' ħidma tal-Kumitat tal-Pedaġġ Elettroniku msemmi fl-Artikolu 31(1), skont ir-Regoli ta' Proċedura ta' dak il-Kumitat.

Artikolu 21

Reġistri

1.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' din d-Direttiva, kull Stat Membru għandu jżomm reġistru elettroniku nazzjonali ta' dan li ġej:

(a)

id-dominji tal-EETS fit-territorju tiegħu, inkluż informazzjoni li tirrigwarda:

(i)

il-kolletturi tal-pedaġġ korrispondenti;

(ii)

it-teknoloġiji tal-pedaġġ użati;

(iii)

id-data dwar il-kuntest tal-pedaġġ;

(iv)

id-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS; u

(v)

il-fornituri tal-EETS li għandhom kuntratti tal-EETS mal-kolletturi tal-pedaġġ attivi fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

(b)

il-fornituri tal-EETS li lilhom ikun ippermetta r-reġistrazzjoni f'konformità mal-Artikolu 4; u

(c)

id-dettalji ta' uffiċċju ta' kuntatt uniku msemmi fl-Artikolu 18 għall-EETS, inkluż l-indirizz tal-posta elettronika ta' kuntatt u n-numru tat-telefon.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw tal-inqas darba fis-sena li r-rekwiżiti stabbiliti f'punti (a), (d), (e) u (f) tal-Artikolu 4 jkunu għadhom sodisfatti, u għandhom jaġġornaw ir-reġistri kif xieraq. Ir-reġistru għandu jkun fih ukoll il-konklużjonijiet tal-awditu previst fil-punt (e) tal-Artikolu 4. Stat Membru ma għandux jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tal-Fornituri tal-EETS msemmija fir-reġistru tiegħu.

2.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-data kollha li tinsab fir-reġistru elettroniku nazzjonali tinżamm aġġornata u hija preċiża.

3.   Ir-reġistri għandhom ikunu elettronikament aċċessibbli għall-pubbliku.

4.   Dawn ir-reġistri għandhom ikunu disponibbli mid-19 ta' Ottubru 2021.

5.   Fit-tmiem kull sena kalendarja, l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mir-reġistri għandhom jikkomunikaw, lill-Kummissjoni, b'mezzi elettroniċi, ir-reġistri tad-dominji tal-EETS u tal-fornituri tal-EETS. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri oħra. Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni u tal-Kummissjoni dwar kwalunkwe inkonsistenza fis-sitwazzjoni fi Stat Membru.

KAPITOLU VII

SISTEMI PILOTA

Artikolu 22

Sistemi pilota tal-pedaġġ

1.   Sabiex jippermettu l-iżvilupp tekniku tal-EETS, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw b'mod temporanju, f'partijiet limitati tad-dominju tal-pedaġġ tagħhom u b'mod parallel mas-sistema tal-ilmenti tal-EETS, sistemi tal-pedaġġ pilota li jinkorporaw teknoloġiji jew kunċetti ġodda li ma jikkonformawx ma' dispożizzjoni waħda jew aktar ta' din id-Direttiva.

2.   Il-fornituri tal-EETS ma għandhomx ikunu obbligati jipparteċipaw f'sistemi tal-pedaġġ pilota.

3.   Qabel ma tibda sistema pilota ta' pedaġġ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jitlob l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha toħroġ l-awtorizzazzjoni jew tirrifjutaha, f'forma ta' Deċiżjoni, fi żmien sitt xhur mill-mument li tkun irċeviet it-talba. Il-Kummissjoni tista' tirrifjuta l-awtorizzazzjoni jekk is-sistema pilota ta' pedaġġ tista' tippreġudika l-funzjonament korrett tas-sistema elettronika ta' pedaġġ regolari jew tal-EETS. Il-perijodu inizjali ta' dawn l-awtorizzazzjonijiet ma għandux jaqbeż it-tliet snin.

KAPITOLU VIII

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI DWAR IN-NUQQAS TA' ĦLAS TA' TARIFFI TAT-TRIQ

Artikolu 23

Proċedura għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri

1.   Sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-vettura u s-sid jew id-detentur ta' dik il-vettura, li għaliha ġie stabbilit li ma sarx il-ħlas ta' tariffa tat-triq, kull Stat Membru għandu jagħti aċċess biss lill-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' Stati Membri oħra għad-data nazzjonali li ġejja dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, bis-setgħa li jwettqu tiftix awtomatizzat dwarhom:

(a)

data relatata mal-vetturi; u

(b)

data relatata mas-sidien jew mad-detenturi tal-vettura.

L-elementi tad-data msemmija fil-punti (a) u (b) u li huma meħtieġa biex isir tiftix awtomattizat għandhom jikkonformaw mal-Anness I.

2.   Għall-finijiet tal-iskambju ta' data msemmi fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri jsir biss bejn il-punti ta' kuntatt nazzjonali. Is-setgħat tal-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom ikunu rregolati bil-liġi applikabbli tal-Istat Membru kkonċernat. F'dak il-proċess ta' skambju ta' data, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni xierqa tad-data personali.

3.   Meta jsir tiftix awtomatizzat fil-forma ta' talba maħruġa, il-punt ta' kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq għandu juża n-numru ta' reġistrazzjoni kollu kemm hu.

Dan it-tiftix awtomatizzat għandu jsir f'konformità mal-proċeduri msemmija fil-punti 2 u 3 tal-Kapitolu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI (16) u mar-rekwiżiti tal-Anness I ta' din id-Direttiva.

L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas tal-ħlas ta' tariffa tat-triq għandu juża d-data miksuba sabiex jiġi stabbilit min hu responsabbli għan-nuqqas ta' ħlas ta' din it-tariffa.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikun żgurat li l-iskambju ta' informazzjoni jsir bl-użu tal-applikazzjoni tas-software tas-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (Eucaris) u l-verżjonijiet emendati ta' dan is-software, f'konformità mal-Anness I ta' din id-Direttiva u mal-punti 2 u 3 tal-Kapitolu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI.

5.   Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu stess li jirriżultaw mill-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tal-applikazzjonijiet tas-software imsemmija fil-paragrafu 4.

Artikolu 24

Ittra ta' informazzjoni dwar nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq

1.   L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq għandu jiddeċiedi jekk għandux jibda proċedimenti ta' segwitu f'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq.

F'każ li l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq jiddeċiedi li jibda tali proċedimenti, f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jinforma lis-sid, lid-detentur tal-vettura jew alternattivament lill-persuna identifikata ssuspettata li naqset milli tħallas it-tariffa tat-triq.

Din l-informazzjoni għandha, skont kif ikun applikabbli taħt il-liġi nazzjonali, tinkludi l-konsegwenzi legali tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru fejn kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru.

2.   Meta jkun qed jibgħat l-ittra ta' informazzjoni lis-sid, lid-detentur tal-vettura jew alternattivament lill-persuna identifikata ssuspettata li naqset milli tħallas it-tariffa tat-triq, l-Istat Membru fejn seħħ in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq għandu, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, jinkludi kwalunkwe informazzjoni rilevanti, partikolarment dwar in-natura ta' dan in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, il-post, id-data u l-ħin tan-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, it-titolu tat-testi tal-liġi nazzjonali miksura, id-dritt għall-appell u ta' aċċess għall-informazzjoni, u s-sanzjoni u, fejn xieraq, id-data li tikkonċerna t-tagħmir li ntuża biex jiġi identifikat in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq. Għal dak l-għan, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq għandu jibbaża l-ittra ta' informazzjoni fuq il-mudell stabbilit fl-Anness II.

3.   F'każ li l-Istat Membru fejn li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq jiddeċiedi li jibda proċedimenti ta' segwitu fir-rigward tan-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq, dan għandu, bil-għan li jiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati, jibgħat l-ittra ta' informazzjoni bil-lingwa tad-dokument ta' reġistrazzjoni tal-vettura, fejn disponibbli, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

Artikolu 25

Il-proċedimenti ta' segwitu mill-entitajiet tal-ġbir

1.   L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq jista' jipprovdi lill-entità responsabbli mill-ġbir tat-tariffa tat-triq id-data miksuba permezz tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(1) biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-data trasferita tkun limitata għal dak li jkun meħtieġ minn dik l-entità biex tikseb it-tariffa tat-triq dovuta;

(b)

il-proċedura biex tinkiseb it-tariffa tat-triq dovuta tkun konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 24;

(c)

l-entità kkonċernata tkun responsabbli għat-twettiq ta' din il-proċedura; u

(d)

il-konformità mal-ordni ta' ħlas maħruġa mill-entità li tirċievi d-data ġġib fi tmiemu n-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data pprovduta lill-entità responsabbli tintuża biss għall-għan li tinkiseb it-tariffa tat-triq dovuta u titħassar immedjatament ladarba t-tariffa tat-triq titħallas jew, jekk in-nuqqas ta' ħlas jippersisti, fi żmien raġonevoli wara t-trasferiment tad-data, li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru.

Artikolu 26

Rappurtar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni

Kull Stat Membru għandu jibgħat rapport komprensiv lill-Kummissjoni sad-19 ta' April 2023 u sussegwentement kull tliet snin.

Ir-rapport komprensiv għandu jindika n-numru ta' każijiet ta' tiftix awtomatizzat li jkunu saru mill-Istat Membru li fih seħħ nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq indirizzat lill-punt ta' kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, wara l-każijiet ta' nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq li jkunu seħħew fit-territorju tiegħu, flimkien ma' n-numru ta' talbiet li ma rnexxewx.

Ir-rapport komprensiv għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tas-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali b'rabta mas-segwitu li jikkonċerna nuqqasijiet ta' ħlas tat-tariffi tat-triq, abbażi tal-proporzjon ta' tali nuqqasijiet ta' ħlas tat-tariffi tat-triq li ngħataw segwitu b'ittri ta' informazzjoni.

Artikolu 27

Protezzjoni tad-data

1.   Ir-Regolament (UE) 2016/679 u l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jittrasponu d-Direttivi 2002/58/KE u (UE) 2016/680 għandhom japplikaw għad-data personali pproċessata skont din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, jieħdu l-miżuri meħtieġa, sabiex jiżguraw li:

(a)

l-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-Artikoli 23, 24 u 25 ikun limitat għat-tipi ta' data elenkati fl-Anness I għal din id-Direttiva;

(b)

id-data personali tkun preċiża, tinżamm aġġornata u li t-talbiet għar-rettifika jew għat-tħassir jiġu ttrattati mingħajr dewmien żejjed; u

(c)

jiġi stabbilit limitu ta' żmien għall-ħżin tad-data personali.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li d-data personali proċessata taħt din id-Direttiva tintuża biss għall-finijiet ta':

(a)

identifikazzjoni ta' awturi suspettati ta' reati fid-dawl tal-obbligu li jitħallsu t-tariffi tat-triq fl-ambitu tal-Artikolu 5(8);

(b)

żgurar tal-konformità tal-kollettur tal-pedaġġi fir-rigward tal-obbligi tiegħu lejn l-awtoritajiet tat-taxxa fl-ambitu tal-Artikolu 5(9); u

(c)

identifikazzjoni tal-vettura u s-sid jew id-detentur tal-vettura li għaliha ġie stabbilit nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq fl-ambitu tal-Artikoli 23 u 24.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-suġġetti tad-data jkollhom l-istess drittijiet ta' informazzjoni, aċċess, rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar u li jressqu lment quddiem awtorità superviżorja tal-protezzjoni tad-data, kumpens u rimedju ġudizzjarju effettiv kif previst fir-Regolament (UE) 2016/679 jew, fejn applikabbli, id-Direttiva (UE) 2016/680.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibilità li l-Istati Membri jirrestrinġu l-ambitu tal-obbligi u d-drittijiet previsti f'ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 skont l-Artikolu 23 ta' dak ir-Regolament għall-finijiet elenkati fl-ewwel paragrafu ta' dak l-Artikolu.

4.   Kwalunkwe persuna kkonċernata għandu jkollha d-dritt li tikseb, mingħajr dewmien mhux dovut, informazzjoni dwar liema data personali rreġistrata fl-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tkun ġiet trażmessa lill-Istat Membru fejn kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, inkluża d-data tat-talba u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih sar nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 28

Rapport

1.   Sad-19 ta' April 2023, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-avvanzi u l-użu tal-EETS u l-effikaċja u l-effiċjenza tal-mekkaniżmu għall-iskambju tad-data fil-qafas tal-investigazzjoni ta' każijiet ta' nuqqas ta' ħlas tat-tariffi tat-triq.

Ir-rapport għandu janalizza b'mod partikolari dan li ġej:

(a)

l-effett tal-Artikolu 5(1) u (2) fuq l-użu tal-EETS, b'attenzjoni partikolari għad-disponibilità tas-servizz f'dominji żgħar jew periferiċi tal-EETS;

(b)

l-effettività tal-Artikoli 23, 24 u 25 dwar it-tnaqqis fin-numru ta' nuqqasijiet ta' ħlas ta' tariffi tat-triq fl-Unjoni; u

(c)

il-progress li jkun sar fir-rigward tal-aspetti tal-interoperabilità bejn is-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ li jużaw il-pożizzjonament bis-satellita u t-teknoloġija tal-microwave b'5,8 GHz.

2.   Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex din id-Direttiva tkompli tiġi riveduta, partikolarment b'rabta mal-elementi li ġejjin:

(a)

miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat li l-EETS ikun disponibbli fid-dominji kollha tal-EETS, inkluż dawk żgħar u periferiċi.

(b)

miżuri biex ikompli jiġi ffaċilitat l-infurzar transfruntier tal-obbligu tal-ħlas tat-tariffi tat-triq fl-Unjoni, inklużi l-arranġamenti ta' assistenza reċiproka; u

(c)

l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-infurzar transfruntier għal żoni b'emissjonijiet baxxi, għal żoni ta' aċċess ristrett jew għal skemi ta' regolamentazzjoni tal-aċċess urban għall-vetturi.

Artikolu 29

Atti delegati

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 30, li jaġġornaw l-Anness I biex titqies kwalunkwe emenda rilevanti li għandhom isiru lid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI (17) u 2008/616/ĠAI jew fejn dan ikun rikjest minn xi att legali rilevanti ieħor tal-Unjoni.

Artikolu 30

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 15(4) u (5), l-Artikolu 19(5) u l-Artikolu 29 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mit-18 ta' April 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 15(4) u (5), l-Artikolu 19(5) u l-Artikolu 29 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 15(4) u (5), l-Artikolu 19(5) u l-Artikolu 29 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 31

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni ser tiġi assistita mill-Kumitat tal-Pedaġġ Elettroniku.

Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 32

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sad-19 ta' Ottubru 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 27 u l-Annessi I u II. Għandhom mill-ewwel jikkomunikaw it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mid-19 ta' Ottubru 2021.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva mħassra b'din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif din ir-referenza għandha ssir u kif it-tali dikjarazzjoni għandha tiġi mfassla.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 33

Tħassir

Id-Direttiva 2004/52/KE hija mħassra bis-seħħ mill-20 ta' Ottubru 2021, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limitu -ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva mniżżla fl-Anness III, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni li tinsab fl-Anness IV.

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 35

Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)   ĠU C 81, 2.3.2018, p. 181.

(2)   ĠU C 176, 23.5.2018, p. 66.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2019.

(4)  Id-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq fil-Komunità (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq (ĠU L 68, 13.3.2015, p. 9).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(8)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(9)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(12)  Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(13)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(14)  Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibilità elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).

(15)  Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42).

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).


ANNESS I

Elementi tad-data meħtieġa biex iseħħ it-tiftix awtomatizzat imsemmi fl-Artikolu 23(1)

Entrata

M/F (1)

Rimarki

Data relatata mal-vettura

M

 

Stat Membru tar-reġistrazzjoni

M

 

Numru tar-reġistrazzjoni

M

(A (2))

Data relatata man-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq

M

 

Stat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq

M

 

Data ta' referenza tal-każ

M

 

Ħin ta' referenza tal-każ

M

 

Elementi tad-data pprovduti bħala riżultat tat-tiftix awtomatizzat magħmul skont l-artikolu 23(1)

Parti I.   Data relatata mal-vetturi

Entrata

M/F (3)

Rimarki

Numru tar-reġistrazzjoni

M

 

Numru tax-chassis/VIN

M

 

Stat Membru tar-reġistrazzjoni

M

 

Il-Marka

M

(D.1 (4)) eż. Ford, Opel, Renault

Deskrizzjoni kummerċjali tal-vettura

M

(D.3) eż. Focus, Astra, Megane

Kodiċi tal-Kategorija tal-UE

M

(J) eż. motorini, muturi, karozzi

Klassi ta' emissjonijiet EURO

M

eż. Euro 4, EURO 6

Parti II.   Data relatata mas-sidien jew detenturi tal-vetturi

Entrata

M/F (5)

Rimarki

Data relatata mad-detenturi tal-vettura

 

(C.1 2 (6))

Id-data tirreferi għad-detentur taċ-ċertifikat speċifiku tar-reġistrazzjoni.

Isem id-detenturi (il-kumpanija) tar-reġistrazzjoni

M

(C.1.1)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għall-kunjom, l-infissi, it-titli, eċċ., u għandu jiġi komunikat l-isem f'format li jista' jiġi stampat.

Isem

M

(C.1.2)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għall-ewwel isem (ismijiet) u l-inizjali, u għandu jiġi komunikat l-isem f'format li jista' jiġi stampat.

Indirizz

M

(C.1.3)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għat-Triq, in-Numru tad-dar u l-Anness, il-Kodiċi postali, il-Post ta' residenza, il-Pajjiż ta' residenza, eċċ., u għandu jiġi komunikat l-indirizz f'format li jista' jiġi stampat.

Sess

F

Raġel, mara

Data tat-twelid

M

 

Entità legali

M

Individwu, assoċjazzjoni, kumpanija, ditta, eċċ.

Post tat-twelid

F

 

Numru tal-karta tal-identità

F

Identifikatur li jidentifika b'mod uniku lill-persuna jew lill-kumpanija.

Data relatata mas-sidien tal-vettura

 

(C.2) Id-data tirreferi għas-sid tal-vettura.

L-isem tas-sid (tal-kumpanija)

M

(C.2.1)

Isem

M

(C.2.2)

Indirizz

M

(C.2.3)

Sess

F

Raġel, mara

Data tat-twelid

M

 

Entità legali

M

Individwu, assoċjazzjoni, kumpanija, ditta, eċċ.

Post tat-twelid

F

 

Numru tal-karta tal-identità

F

Identifikatur li jidentifika b'mod uniku lill-persuna jew lill-kumpanija.

 

 

Fil-każ ta' vetturi għall-iskrapp, vetturi jew pjanċi tar-reġistrazzjoni misruqin, jew numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza skadut, ma għandu jiġi pprovdut l-ebda tagħrif dwar is-sid jew id-detentur. Minflok, għandu jintbagħat lura l-messaġġ “Tagħrif mhux żvelat”.


(1)  M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(2)  Kodiċi armonizzat tal-Unjoni, ara d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta' April 1999 dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU L 138, 1.6.1999, p. 57).

(3)  M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(4)  Kodiċi armonizzat tal-Unjoni, ara d-Direttiva 1999/37/KE.

(5)  M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(6)  Kodiċi armonizzat tal-Unjoni, ara d-Direttiva 1999/37/KE.


ANNESS II

MUDELL GĦALL-ITTRA TA' INFORMAZZJONI

imsemmija fl-Artikolu 24

[Paġna ta' quddiem]

…

…

[Isem, indirizz u numru tat-telefon ta' min qed jibgħat l-ittra]

…

…

[Isem u indirizz tad-destinatarju]

ITTRA TA' INFORMAZZJONI

rigward in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq li seħħ fi …

[isem l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq]

Paġna 2

Fil-… nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq bil-vettura bin-numru tar-reġistrazzjoni

[data]

numru …marka …mudell …

ġie osservat minn …

[isem l-entità responsabbli]

[Għażla 1] (1)

Inti rreġistrat/a bħala d-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura msemmija hawn fuq.

[Għażla 2] (1)

Id-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura msemmija hawn fuq indika li int kont qed issuq dik il-vettura meta seħħ in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.

Id-dettalji rilevanti tan-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq huma deskritti fil-paġna 3 hawn taħt.

L-ammont tal-penali finanzjarja dovut għan-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq huwa ta'… EUR/munita nazzjonali. (1)

L-ammont tat-tariffa tat-triq li jrid jitħallas hu ta' …EUR/munita nazzjonali. (1)

L-iskadenza għall-ħlas hi …

Jekk ma tħallasx din il-penali finanzjarja (1)/tariffa tat-triq, int imħeġġeġ timla' l-formola tat-tweġiba mehmuża (paġna 4) u tibgħatha fl-indirizz indikat. (1).

Din l-ittra għandha tiġi pproċessata skont il-liġi nazzjonali ta' …

[isem l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq].

Paġna 3:

Dettalji rilevanti dwar in-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq

(a)

Data dwar il-vettura li ntużat meta seħħ in-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq:

 

Numru tar-reġistrazzjoni: …

 

Stat Membru tar-reġistrazzjoni: ….

 

Marka u mudell: …

(b)

Data dwar in-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq:

 

Il-post, id-data u l-ħin fejn seħħ in-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq:

…

…

…

…

 

In-natura u l-klassifikazzjoni ġuridika tan-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq:

…

…

…

…

 

Deskrizzjoni dettaljata tan-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq

…

…

 

Referenza għad-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet legali rilevanti:

…

…

 

Deskrizzjoni ta' jew referenza għall-evidenza dwar in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq:

…

…

(c)

Data dwar l-apparat li ntuża għall-identifikazzjoni tan-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq (2):

 

Speċifikazzjoni tat-tagħmir:

…

…

 

Numru tal-identifikazzjoni tat-tagħmir:

…

…

 

Skadenza tal-aħħar kalibrazzjoni tat-tagħmir:

…

…

(1)

Ħassar jekk mhux applikabbli.

(2)

Mhux applikabbli jekk ma jkun intuża l-ebda tagħmir.

Paġna 4

Formola tar-risposta

(jekk jogħġbok imla l-formola b'ittri kapitali)

A.

Identità tas-sewwieq:

—

Isem sħiħ:

…

…

—

Post u data tat-twelid:

…

—

Numru tal-liċenzja tas-sewqan: … mogħtija (data): …u fi (post): …

—

Indirizz …

…

…

…

B.

Lista ta' mistoqsijiet:

1.

Il-vettura, tal-marka …, numru ta' reġistrazzjoni …, hija rreġistrata f'ismek? … iva/le (1)

Jekk le, id-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni huwa/hija: …

…

(kunjom, isem, indirizz)

2.

Tammetti li ma ħallastx tariffa tat-triq? iva/le (1)

3.

Jekk dan ma tammettihx, jekk jogħġbok agħti r-raġunijiet tiegħek:

…

…

Jekk jogħġbok, il-formola li mlejt ibagħtha fi żmien 60 jum mid-data ta' din l-ittra ta' informazzjoni lill-awtorità jew entità li ġejja: …

fl-indirizz li ġej: …

INFORMAZZJONI

(Fejn l-ittra ta' informazzjoni tintbagħat mill-entità responsabbli li tiġbor it-tariffi tat-triq skont l-Artikolu 25):

 

Jekk it-tariffa tat-triq dovuta ma titħallasx sad-data ta' skadenza stipulata f'din l-ittra ta' informazzjoni, dan il-każ jiġi mgħoddi lill-awtorità kompetenti ta' …

[isem tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq] u eżaminat minn din l-istess awtorità kompetenti.

 

Jekk ma jingħatax segwitu għal dan il-każ, int tiġi infurmat/a fi żmien 60 jum mid-data tar-riċezzjoni tal-formola tat-tweġiba jew tal-prova tal-ħlas. (1)

/

(Fejn l-ittra ta' informazzjoni tintbagħat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru):

 

Dan il-każ ser jiġi eżaminat mill-awtorità kompetenti ta'…

[isem l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq].

 

Jekk ma jingħatax segwitu għal dan il-każ, int tiġi infurmat/a fi żmien 60 jum mid-data tar-riċezzjoni tal-formola ta' tweġiba jew tal-prova tal-ħlas. (1)

(1)

Ħassar jekk mhux applikabbli.

Jekk jingħata segwitu għal dan il-każ, tapplika l-proċedura li ġejja:

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

…

[għandha timtela mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq — x'se tkun il-proċedura ulterjuri, inklużi d-dettalji dwar il-possibilità u l-proċedura ta' appell kontra d-deċiżjoni li jiġi segwit il-każ. F'kull każ, dawn id-dettalji għandhom jinkludu: l-isem u l-indirizz tal-awtorità jew tal-entità inkarigata li ssegwi l-każ; l-iskadenza għall-ħlas; l-isem u l-indirizz tal-organu ta' appell ikkonċernat; l-iskadenza għall-appell].

Din l-ittra bħala tali ma twassalx għal konsegwenzi legali.

Ċaħda ta' responsabilità dwar il-protezzjoni tad-data:

 

[Fejn huwa applikabbli r-Regolament (UE) 2016/679:

Skont ir-Regolament (UE) 2016/679, inti għandek id-dritt li titlob aċċess għad-data personali, u r-rettifika jew it-tħassir tagħha jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek jew li toġġezzjona għall-ipproċessar, kif ukoll id-dritt għall-portabilità tad-data; Inti għandek ukoll id-dritt li tressaq ilment quddiem [isem u indirizz tal-awtorità superviżorja rilevanti].

 

[Fejn hija applikabbli d-Direttiva (UE) 2016/680:

Skont [isem il-liġi nazzjonali li tapplika d-Direttiva (UE) 2016/680], inti għandek id-dritt li titlob mingħand il-kontrollur l-aċċess għad-data personali u r-rettifika jew it-tħassir tagħha u r-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Inti għandek ukoll id-dritt li tressaq ilment quddiem [isem u indirizz tal-awtorità superviżorja rilevanti].]


ANNESS III

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien mal-emenda tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 33)

Id-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124

Regolament (KE) Nru 219/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ĠU L 87, 31.3.2009, p. 109

PARTI B

Skadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 33)

Direttiva

Il-limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni

Direttiva 2004/52/KE:

fl-20 ta' Novembru 2005.


ANNESS IV

Tabella ta' Korrelazzjoni

Direttiva 2004/52/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

L-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1)

—

L-ewwel subparagrafu (b) tal-Artikolu 1(1)

Artikolu 3(2), l-ewwel sentenza

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2), il-kliem introduttorju

Artikolu 1(2), il-kliem introduttorju

Artikolu 1(2)(a)

Artikolu 1(2)(a)

Artikolu 1(2)(b)

—

Artikolu 1(2)(c)

Artikolu 1(2)(b)

—

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(4)

—

Artikolu 1(5)

—

Artikolu 1(6)

—

Artikolu 2

Artikolu 2(1)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1)

—

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1)

Artiklu 2(2), l-ewwel sentenza

—

–Artikolu 4(7)

Artikolu 3(2)

—

Artikolu 3(3)

Artikolu 2(2), it-tieni u t-tielet sentenzi

Artikolu 3(4)

Artikolu 2(2), ir-raba' sentenza

—

—

Artikolu 3(5)

—

Artikolu 3(6)

Artikolu 2(3)

—

Artikolu 2(4)

—

Artikolu 2(5)

—

Artikolu 2(6)

—

Artikolu 2(7)

Artikolu 27

Artikolu 3(1)

—

Artiklu 3(2), l-ewwel sentenza

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1)

Artikolu 3(2), it-tieni sentenza

—

Artikolu 3(2), it-tielet sentenza

 

Artikolu 3(3)

 

Artikolu 3(4)

—

Artikolu 4(1)

 

Artikolu 4(2)

—

Artikolu 4(3)

 

Artikolu 4(4)

—

Artikolu 4(5)

—

Artikolu 4(7)

Artikolu 3(2)

Artikolu 4(8)

Artikolu 5(4)

—

Artikolu 23

—

Artikolu 24

—

Artikolu 26

Artikolu 2(7)

Artikolu 27

—

Artikolu 28

—

Artikolu 29

—

Artikolu 30

Artikolu 5

Artikolu 31

Artikolu 6

Artikolu 32(1)

—

Artikolu 32(2)

—

Artikolu 33

Artikolu 7

Artikolu 34

Artikolu 8

Artikolu 35

Anness

—

—

Anness I

—

Anness II

—

Anness III

—

Anness IV