Eureka 32024L1640 Sign in
European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1640

19.6.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/1640 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-31 ta’ Mejju 2024

dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937, u li temenda u tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tikkostitwixxi l-istrument ġuridiku ewlieni għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dik id-Direttiva tistabbilixxi qafas ġuridiku komprensiv, li d-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) kompliet issaħħaħ bl-indirizzar tar-riskji emerġenti u ż-żieda tat-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja. Minkejja l-kisbiet taħt dak il-qafas ġuridiku, l-esperjenza wriet li d-Direttiva (UE) 2015/849 jenħtieġ li tkompli titjieb biex jiġu mmitigati adegwatament ir-riskji u biex jiġu individwati effettivament it-tentattivi kriminali biex is-sistema finanzjarja tal-Unjoni tiġi użata ħażin għall-finijiet kriminali u biex titkompla l-integrità tas-suq intern.

(2)

Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2015/849, ġew identifikati għadd ta' oqsma fejn ser ikunu meħtieġa emendi biex tiġi żgurata r-reżiljenza meħtieġa u l-kapaċità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni li tipprevjeni l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(3)

Fl-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849, ġew identifikati varjazzjonijiet sinifikanti fil-prattiki u fl-approċċi tal-awtoritajiet kompetenti madwar l-Unjoni kollha, kif ukoll in-nuqqas ta' arranġamenti effettivi biżżejjed għall-kooperazzjoni transfruntiera. Għalhekk huwa xieraq li jiġu definiti rekwiżiti aktar ċari, li jenħtieġ li jikkontribwixxu għal kooperazzjoni bla xkiel madwar l-Unjoni kollha filwaqt li jippermettu lill-Istati Membri jqisu l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi nazzjonali tagħhom.

(4)

Din id-Direttiva hija parti minn pakkett komprensiv bil-għan li jsaħħaħ il-qafas tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tal-Unjoni (“AML/CFT”). Flimkien, din id-Direttiva u r-Regolamenti (UE) 2023/1113 (6), (UE) 2024/1624 (7) u (UE) 2024/1620 (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ser jifformaw il-qafas ġuridiku li jirregola r-rekwiżiti tal-AML/CFT li għandhom jintlaħqu minn entitajiet marbutin b'obbligu u li jirfdu l-qafas istituzzjonali tal-AML/CFT tal-Unjoni, inkluż l-istabbiliment ta' Awtorità għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-Flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AMLA”).

(5)

Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ta' spiss isiru f'kuntest internazzjonali. L-effett ta' miżuri adottati fil-livell tal-Unjoni li ma jqisux il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali jkun wieħed ferm limitat. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri adottati mill-Unjoni f'dak il-qasam ikunu kompatibbli ma' azzjonijiet oħra meħuda fil-livell internazzjonali u jkunu tal-anqas rigorużi daqshom. L-azzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tkompli tieħu kont partikolari tar-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF), u ta' strumenti ta' korpi internazzjonali oħra attivi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Bil-għan li tissaħħaħ l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li, fejn xieraq, l-atti legali rilevanti tal-Unjoni jkunu allinjati mal-Istandards Internazzjonali dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni adottati mill-FATF fi Frar 2012 (ir-“Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF”) u l-emendi sussegwenti għal dawk l-istandards.

(6)

It-theddid, ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi għall-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw ċerti setturi ekonomiċi fil-livell nazzjonali jnaqqsu l-kapaċità tal-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-integrità u għas-solidità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. B'hekk, huwa xieraq li, mal-identifikazzjoni ta' tali setturi u ta' riskji speċifiċi, l-Istati Membri jitħallew jiddeċiedu li japplikaw ir-rekwiżiti dwar l-AML/CFT għal setturi addizzjonali minbarra dawk koperti mir-Regolament (UE) 2024/1624. Bil-għan li tiġi ppreservata l-effettività tas-suq intern u tas-sistema tal-Unjoni fil-qasam tal-AML/CFT, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista', bl-appoġġ tal-AMLA, tivvaluta jekk l-applikazzjoni prevista mill-Istati Membri tar-rekwiżiti tal-AML/CFT għal setturi addizzjonali hijiex ġustifikata. F'każijiet fejn l-aħjar interessi tal-Unjoni jinkisbu billi tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni fir-rigward ta' setturi speċifiċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Istat Membru li biħsiebu japplika r-rekwiżiti tal-AML/CFT għal dawk is-setturi, li minflok biħsiebha tieħu azzjoni fil-livell tal-Unjoni u l-Istat Membru jenħtieġ li ma jiħux il-miżuri nazzjonali li kien biħsiebu jieħu, dment li dawk il-miżuri ma jkunux maħsuba li jindirizzaw riskju urġenti.

(7)

Ċerti kategoriji ta' entitajiet marbutin b'obbligu huma soġġetti għal rekwiżiti ta' liċenzjar jew regolatorji għall-forniment tas-servizzi tagħhom, filwaqt li għal kategoriji oħra ta' operaturi l-aċċess għall-professjoni mhuwiex regolat. Irrispettivament mill-qafas li japplika għall-eżerċizzju tal-professjoni jew tal-attività, l-entitajiet marbutin b'obbligu kollha jaġixxu bħala gwardjani tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u jridu jiżviluppaw ħiliet speċifiċi fil-qasam tal-AML/CFT biex iwettqu dak il-kompitu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jipprovdu taħriġ lill-persuni li jixtiequ jidħlu fil-professjoni ta’ dawk l-entitajiet biex ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw, pereżempju, l-inklużjoni ta’ korsijiet fil-qasam tal-AML/CFT fl-offerta akkademika marbuta ma’ dawk il-professjonijiet jew il-kooperazzjoni ma’ assoċjazzjonijiet professjonali biex iħarrġu parteċipanti ġodda f’dawk il-professjonijiet.

(8)

Meta l-entitajiet marbutin b'obbligu ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi ta' liċenzjar jew ta' reġistrazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ sistemi li jippermettu lis-superviżuri jkunu jafu b'ċertezza l-ambitu tal-popolazzjoni superviżorja tagħhom sabiex jiżguraw is-superviżjoni adegwata ta' tali entitajiet marbutin b’obbligu. Dan ma jfissirx li l-Istati Membri jeħtieġ li jimponu rekwiżiti ta' reġistrazzjoni speċifiċi tal-AML/CFT meta dan ma jkunx meħtieġ għall-identifikazzjoni tal-entitajiet marbutin b'obbligu, kif inhu l-każ pereżempju meta r-reġistrazzjoni tal-VAT tippermetti l-identifikazzjoni tal-operaturi li jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-AML/CFT.

(9)

Jenħtieġ li s-superviżuri jiżguraw li, fir-rigward tal-uffiċċji tal-kambju ta' muniti, l-uffiċċju għat-tisrif taċ-ċekkijiet, il-fornituri ta' servizzi ta' trusts, u ta' kumpaniji jew fornituri ta' servizzi tal-logħob tal-azzard, kif ukoll kumpaniji finanzjarji azzjonarji ta’ attività mħallta, il-persuni li effettivament imexxu n-negozju ta' tali entitajiet u s-sidien benefiċjarji ta' tali entitajiet għandhom reputazzjoni tajba u jaġixxu b'onestà u b'integrità u jkollhom l-għarfien u l-kompetenza meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom. Bħala minimu, jenħtieġ li l-kriterji għad-determinazzjoni dwar jekk persuna hijiex konformi ma' dawk ir-rekwiżiti, jirriflettu l-ħtieġa li tali entitajiet jiġu protetti mill-abbuż mill-maniġers jew mis-sidien benefiċjarji tagħhom għal skopijiet kriminali. Sabiex jitrawwem approċċ komuni għall-verifika mis-superviżuri li l-maniġment u s-sidien benefiċjarji tal-entitajiet marbutin b'obbligu jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti, jenħtieġ li l-AMLA toħroġ linji gwida dwar il-kriterji biex jiġu vvalutati r-reputazzjoni tajba, l-onestà u l-integrità u l-kriterji biex jiġu vvalutati l-għarfien u l-għarfien espert.

(10)

Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-adegwatezza ta' persuni li jaqdu funzjoni maniġerjali f'entitajiet marbutin b'obbligu, jew b'xi mod jikkontrollawhom, jenħtieġ li kwalunkwe skambju ta' informazzjoni dwar kundanni kriminali jsir f'konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI (9) u mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI (10). Barra minn hekk, jenħtieġ li s-superviżuri jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jivverifikaw l-għarfien u l-għarfien espert tal-maniġment superjuri, kif ukoll l-onestà u l-integrità tagħhom u dik tas-sidien benefiċjarji tal-entità marbuta b'obbligu, inkluż l-informazzjoni disponibbli permezz ta' sorsi affidabbli u indipendenti.

(11)

L-iskemi tar-residenza b'investiment jippreżentaw riskji u vulnerabbiltajiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħasil tal-flus, l-evażjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, il-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jwasslu għal ċerti riskji għas-sigurtà tal-Unjoni. Pereżempju, dgħufijiet fl-operazzjoni ta’ ċerti skemi, inkluż in-nuqqas ta' proċessi ta' ġestjoni tar-riskju jew implimentazzjoni dgħajfa ta' dawk il-proċessi jistgħu joħolqu opportunitajiet għall-korruzzjoni, filwaqt li kontrolli dgħajfa jew applikati b'mod inkonsistenti fuq is-sors tal-fondi u s-sors tal-ġid tal-applikanti jistgħu jwasslu għal riskji ogħla li tali skemi jiġu sfruttati mill-applikanti għal skopijiet kriminali, bil-għan li jiġu leġittimizzati l-fondi miksuba permezz ta' mezzi illeċiti. Sabiex jiġi evitat li r-riskji li jirriżultaw mill-operat ta' tali skemi jaffettwaw is-sistema finanzjarja tal-Unjoni, l-Istati Membri li d-dritt nazzjonali tagħhom jippermetti l-għoti ta' drittijiet ta' residenza bi skambju għal kwalunkwe tip ta' investiment jenħtieġ li għalhekk jistabbilixxu miżuri biex itaffu r-riskji assoċjati tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li tali miżuri jinkludu proċess ta' ġestjoni tar-riskju adegwat, inkluż il-monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni tiegħu, kontrolli fuq il-profil tal-applikanti, inkluż il-ksib ta' informazzjoni dwar is-sors tal-fondi u s-sors tal-ġid tagħhom u l-verifika ta' informazzjoni dwar l-applikanti kontra informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti.

(12)

Il-Kummissjoni qiegħda f'pożizzjoni tajba biex tirrieżamina theddid transfruntier speċifiku li jista' jaffettwa s-suq intern u li ma jistax jiġi identifikat u miġġieled b'mod effettiv minn Stati Membri individwali. Għalhekk jenħtieġ li tiġi fdata bir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskji relatati mal-attivitajiet transfruntiera. L-involviment tal-esperti rilevanti, bħall-Grupp ta' Esperti dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u r-rappreżentanti mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIUs), kif ukoll, fejn xieraq, minn korpi oħra fil-livell tal-Unjoni, inkluż l-AMLA, huwa essenzjali għall-effettività tal-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji. Il-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali u l-esperjenzi huma wkoll sors ta' informazzjoni importanti għal dak il-proċess. Jenħtieġ li tali valutazzjonijiet tar-riskji transfruntiera mill-Kummissjoni ma jinvolvux l-ipproċessar ta' data personali. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li d-data tkun kompletament anonimizzata. L-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data kemm tal-Unjoni kif ukoll dawk nazzjonali jenħtieġ li jkunu involuti biss jekk il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jkollha impatt fuq il-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-individwi. Sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn il-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex japplikaw metodoloġiji konsistenti.

(13)

Is-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-entitajiet marbutin b'obbligu fl-identifikazzjoni, fil-fehim, fil-ġestjoni u fil-mitigazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll fir-riskji ta' nonimplimentazzjoni u ta' evażjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati. Għalhekk huwa importanti li s-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju jiġu ppubblikati.

(14)

L-Istati Membri jibqgħu fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw, jivvalutaw, jifhmu u jiddeċiedu l-mod kif jimmitigaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwawhom direttament. Għalhekk, kull Stat Membru jenħtieġ li jieħu l-passi xierqa biex jidentifika, jivvaluta u jifhem sew ir-riskji proprji ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll ir-riskji tan-nonimplimentazzjoni u l-evażjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati u li jiddefinixxi strateġija nazzjonali koerenti biex jimplimenta azzjonijiet għall-mitigazzjoni ta' dawk ir-riskji. Tali valutazzjoni tar-riskju nazzjonali jenħtieġ li tinkludi deskrizzjoni tal-istruttura istituzzjonali u tal-proċeduri tar-reġim tal-AML/CFT tal-Istat Membru, kif ukoll tar-riżorsi umani u finanzjarji allokati sakemm din l-informazzjoni tkun disponibbli. Sabiex jinżamm fehim kontinwu tar-riskji, jenħtieġ li l-Istati Membri jaġġornaw regolarment il-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali tagħhom, u jenħtieġ li jkunu jistgħu jissupplimentawha wkoll b'aġġornamenti u valutazzjonijiet immirati tar-riskji assoċjati ma' setturi, prodotti jew servizzi speċifiċi.

(15)

L-entitajiet ġuridiċi u l-arranġamenti ġuridiċi jistgħu jipprovdu mezz għall-kriminali biex jinħbew wara velu ta' leġittimità u għalhekk jistgħu jintużaw ħażin għall-ħasil tar-rikavati illeċi, kemm jekk domestikament jew bejn il-fruntieri. Sabiex dawk ir-riskji jiġu mmitigati, huwa importanti li l-Istati Membri jifhmu r-riskji assoċjati mal-entitajiet ġuridiċi u l-arranġamenti ġuridiċi li jkunu fit-territorju tagħhom, kemm minħabba li l-entitajiet ikunu stabbiliti hemmhekk, jew minħabba li trustees ta' trusts espressi jew persuni li jkollhom pożizzjonijiet ekwivalenti f'arranġamenti ġuridiċi simili jkunu stabbiliti jew residenti hemmhekk, jew jamministraw l-arranġament ġuridiċi minn hemm. Fil-każ ta' arranġamenti ġuridiċi, minħabba d-dritt tas-settlor dwar l-għażla tal-liġi li tirregola l-arranġament, huwa wkoll importanti li l-Istati Membri jifhmu r-riskji assoċjati mal-arranġamenti ġuridiċi li jistgħu jiġu stabbiliti taħt il-liġi tagħhom, irrispettivament minn jekk il-liġijiet tagħhom jirregolawhomx b'mod espliċitu, jew il-ħolqien tagħhom isibx is-sors tiegħu fil-libertà kuntrattwali tal-partijiet u huwiex rikonoxxut mill-qrati nazzjonali.

(16)

Minħabba n-natura integrata tas-sistema finanzjarja internazzjonali u l-ftuħ tal-ekonomija tal-Unjoni, ir-riskji assoċjati mal-entitajiet ġuridiċi u l-arranġamenti ġuridiċi jmorru lil hinn minn dawk fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk huwa importanti li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jifhmu l-esponiment għar-riskji li jirriżultaw minn entitajiet ġuridiċi barranin u arranġamenti ġuridiċi barranin. Tali valutazzjoni tar-riskji ma għandhiex għalfejn tindirizza kull entità ġuridika barranija individwali jew kull arranġament ġuridiku barrani li għandu rabta suffiċjenti mal-Unjoni, kemm jekk permezz tagħha jkun akkwista proprjetà immobbli jew ikun ingħata kuntratti wara proċedura ta’ akkwist pubbliku, jew minħabba tranżazzjonijiet ma' entitajiet marbutin b'obbligu li jippermettulhom jaċċessaw is-sistema finanzjarja u l-ekonomija tal-Unjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-valutazzjoni tar-riskju tippermetti lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jifhmu liema tip ta' entitajiet ġuridiċi barranin u arranġamenti ġuridiċi barranin igawdu minn tali aċċess għas-sistema finanzjarja u l-ekonomija tal-Unjoni, u liema tipi ta' riskji huma assoċjati ma' dak l-aċċess.

(17)

Jenħtieġ li r-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-entitajiet marbutin b'obbligu f'waqtu sabiex jippermettulhom jidentifikaw, jifhmu, jimmaniġġjaw u jimmitigaw ir-riskji propji. Dawk ir-riżultati jistgħu jiġu kondiviżi f'forma mqassra u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, u jenħtieġ li ma jinkludux informazzjoni klassifikata jew data personali.

(18)

Barra minn hekk, sabiex jidentifikaw, jifhmu, jimmaniġġjaw u jimmitigaw dejjem aktar ir-riskji fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni reċiproka, tal-Kummissjoni u tal-AMLA, ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskji tagħhom. Jenħtieġ li l-informazzjoni klassifikata jew id-data personali ma tiġix inkluża f'dawk it-trażmissjonijiet dment li ma titqiesx strettament meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-AML/CFT.

(19)

Sabiex jiġu mmitigati b'mod effettiv ir-riskji identifikati fil-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw azzjoni konsistenti fil-livell nazzjonali kemm billi jaħtru awtorità biex tikkoordina r-rispons nazzjonali jew billi jistabbilixxu mekkaniżmu għal dak l-għan. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtorità maħtura jew il-mekkaniżmu stabbilit ikollhom biżżejjed setgħat u riżorsi biex iwettqu dak il-kompitu b'mod effettiv u jiżguraw rispons adegwat għar-riskji identifikati.

(20)

Sabiex ikunu jistgħu jirrieżaminaw l-effettività tas-sistemi proprji fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu, u jtejbu l-kwalità tal-istatistika rilevanti. Bil-għan li tittejjeb aktar il-kwalità u l-konsistenza tad-data statistika miġbura fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni u AMLA jżommu lilhom infushom aġġornati fuq is-sitwazzjoni madwar l-Unjoni kollha fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u jenħtieġ li jippubblikaw analiżi regolari.

(21)

L-FATF żviluppat standards biex il-ġuriżdizzjonijiet jidentifikaw, u jivvalutaw ir-riskji ta' nonimplimentazzjoni jew ta' evażjoni potenzjali tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni, u biex jieħdu azzjoni biex jimmitigaw dawk ir-riskji. Dawk l-istandards il-ġodda introdotti mill-FATF la jieħdu post u lanqas idgħajfu r-rekwiżiti stretti eżistenti biex il-pajjiżi jimplimentaw sanzjonijiet finanzjarji mmirati biex jikkonformaw mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti relatati mal-prevenzjoni, is-soppressjoni u t-tfixkil tal-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda tal-massa u l-finanzjament tagħhom. Dawk l-obbligi eżistenti, kif implimentati fil-livell tal-Unjoni permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK (11) u (PESK) 2016/849 (12) kif ukoll permezz tar-Regolamenti tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 (13) u (UE) 2017/1509 (14), jibqgħu vinkolanti fuq il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha fl-Unjoni. Minħabba r-riskji speċifiċi ta' nonimplimentazzjoni u evażjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati li għalihom hija esposta l-Unjoni, huwa xieraq li l-valutazzjoni tar-riskji tiġi estiża biex tinkludi s-sanzjonijiet finanzjarji mmirati kollha adottati fil-livell tal-Unjoni. In-natura sensittiva tal-miżuri AML/CFT relatati ma’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati ma tneħħix l-obbligu bbażat fiq ir-regoli li jaqa’ fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha fl-Unjoni li jiffriżaw u ma jqegħdux fondi jew assi oħra għad-dispożizzjoni ta’ persuni jew entitajiet deżinjati.

(22)

Sabiex jiġu riflessi żviluppi fil-livell internazzjonali, b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF, u biex jiġi żgurat qafas komprensiv għall-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati, jenħtieġ li din id-Direttiva tintroduċi rekwiżiti biex jiġu identifikati, mifhuma, immaniġġjati u mitigati r-riskji ta' nonimplimentazzjoni jew ta' evażjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati fil-livell tal-Unjoni u fil-livell tal-Istati Membri.

(23)

Ir-reġistri ċentrali ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja (“reġistri ċentrali”) huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-użu ħażin ta’ entitajiet ġuridiċi u ta' arranġamenti ġuridiċi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta' entitajiet ġuridiċi u arranġamenti ġuridiċi, informazzjoni dwar l-arranġamenti tal-mandatarji u informazzjoni dwar entitajiet ġuridiċi barranin u arranġamenti ġuridiċi barranin jinżammu f'reġistru ċentrali. Sabiex jiġi żgurat li dawk ir-reġistri ċentrali jkunu faċilment aċċessibbli u jkun fihom data ta' kwalità għolja, jenħtieġ li jiġu introdotti regoli konsistenti dwar il-ġbir u l-ħżin ta' dik l-informazzjoni permezz tar-reġistri. L-informazzjoni li tinżamm fir-reġistri ċentrali jenħtieġ li tkun aċċessibbli f'format li jista' jintuża immedjatament u li jinqara mill-magni.

(24)

Bil-għan li tittejjeb it-trasparenza sabiex jiġi miġġieled l-użu ħażin ta' entitajiet ġuridiċi, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tiġi rreġistrata f'reġistru ċentrali li jkun jinsab barra mill-entitá ġuridika, f'konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri, għal dak il-għan, jużaw bażi tad-data ċentrali li jiġbor l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, jew ir-reġistru kummerċjali jew reġistru ċentrali ieħor. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu jkunu responsabbli biex jipprovdu ċerta informazzjoni għar-reġistru ċentrali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li f'kull każ dik l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u tiġi provduta lill-entitajiet marbutin b'obbligu meta japplikaw miżuri ta' diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent.

(25)

L-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta' trusts espressi u ta' arranġamenti ġuridiċi simili jenħtieġ li tiġi rreġistrata fil-post fejn ikunu stabbiliti t-trustees tat-trusts u l-persuni li jokkupaw karigi ekwivalenti f'arranġamenti ġuridiċi simili jew fejn ikunu jirrisjedu, jew fejn ikun amministrat l-arranġament ġuridiku. Sabiex jiġu żgurati l-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni effettivi tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta' trusts espressi u ta' arranġamenti ġuridiċi simili, hija neċessarja wkoll il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. L-interkonnessjoni tar-reġistri tal-Istati Membri tas-sidien benefiċjarji ta' trusts espressi u ta' arranġamenti ġuridiċi simili jenħtieġ li trendi dik l-informazzjoni aċċessibbli, u jenħtieġ li tiżgura wkoll li r-reġistrazzjoni multipla tal-istess trusts espressi u ta' arranġamenti ġuridiċi simili tiġi evitata fl-Unjoni.

(26)

Jenħtieġ li jiġi żgurat l-aċċess f'waqtu għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja b'tali modi li jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' preavviż lill-entità ġuridika jew it-trustee jew il-persuna f’pożizzjoni ekwivalenti kkonċernata.

(27)

L-akkuratezza tad-data inkluża fir-reġistri ċentrali hija fundamentali għall-awtoritajiet rilevanti kollha u għall-persuni l-oħra awtorizzati biex jaċċessaw dik id-data, u li jieħdu deċiżjonijiet legali validi abbażi ta' dik id-data. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-entitajiet responsabbli mir-reġistri ċentrali jivverifikaw, f'ħin raġonevoli mis-sottomissjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u fuq bażi regolari wara dan, li l-informazzjoni preżentata tkun adegwata, akkurata u aġġornata. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-entitajiet responsabbli mir-reġistri ċentrali jkunu jistgħu jitolbu kwalunkwe informazzjoni li jeħtieġu biex jivverifikaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u l-informazzjoni dwar il-persuna nominata, kif ukoll sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm sid benefiċjarju jew is-sidien benefiċjarji ma jkunux jistgħu jiġu ddeterminati. F’dawk is-sitwazzjonijiet, l-informazzjoni pprovduta lir-reġistru ċentrali jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni li tinkludi d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti kollha biex ir-reġistru jkun jista’ jaċċerta jekk dan huwiex il-każ. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jkollhom għodod adegwati għad-dispożizzjoni tagħhom biex iwettqu l-verifiki, inkluż verifiki awtomatizzati b'mod li jissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u jevita eżiti diskriminatorji.

(28)

Huwa importanti li l-Istati Membri jafdaw lill-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali b'setgħat u riżorsi suffiċjenti biex jivverifikaw is-sjieda benefiċjarja u l-veraċità tal-informazzjoni pprovduta lilhom, u biex jirrapportaw kwalunkwe suspett lill-FIU tagħhom. Tali setgħat jenħtieġ li jinkludu s-setgħa li jwettqu spezzjonijiet fil-bini tan-negozju ta’ entitajiet ġuridiċi u ta’ entitajiet marbutin b'obbligu li jaġixxu bħala trustees ta' trusts espressi jew persuni li jkollhom pożizzjonijiet ekwivalenti f'arranġamenti ġuridiċi simili, kemm jekk jitwettqu mill-entitajiet responsabbli mir-reġistri ċentrali kif ukoll minn awtoritajiet oħra f'isimhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jiġu applikati salvagwardji adegwati fejn dawk it-trustees jew persuni li jkollhom pożizzjoni ekwivalenti f'arranġament ġuridiku simili jkunu professjonisti legali, jew fejn il-bini tan-negozju jew l-uffiċċju rreġistrat tagħhom jkunu l-istess bħar-residenza privata tagħhom. Tali setgħat jenħtieġ li jestendu għar-rappreżentanti ta' entitajiet ġuridiċi barranin u arranġamenti ġuridiċi barranin fl-Unjoni, fejn dawk l-entitajiet u l-arranġamenti ġuridiċi jkollhom uffiċċji rreġistrati jew rappreżentanti fl-Unjoni.

(29)

Meta verifika tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja twassal lil entità inkarigata minn reġistru ċentrali biex tikkonkludi li hemm inkonsistenzi jew żbalji f'dik l-informazzjoni, jew meta dik l-informazzjoni tonqos b'xi mod ieħor milli tissodisfa r-rekwiżiti, jenħtieġ li jkun possibbli għall-entità li żżomm jew tissospendi l-prova tar-reġistrazzjoni fir-reġistru ċentrali, sakemm in-nuqqasijiet ikunu ġew ikkoreġuti.

(30)

L-entitajiet responsabbli mir-reġistri ċentrali jenħtieġ li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom mingħajr influwenza indebita, inkluż kwalunkwe influwenza politika jew industrijali indebita fir-rigward tal-verifika tal-informazzjoni, l-impożizzjoni ta' miżuri jew sanzjonijiet u l-għoti ta' aċċess lil persuni b'interess leġittimu. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-entitajiet responsabbli mir-reġistri ċentrali jkollhom fis-seħħ politiki għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess.

(31)

L-entitajiet responsabbli mir-reġistri ċentrali huma f'pożizzjoni tajba biex jidentifikaw, b'mod rapidu u effiċjenti, dawk l-individwi li finalment għandhom is-sjieda jew jikkontrollaw entitajiet u arranġamenti ġuridiċi, inkluż individwi deżinjati b'rabta ma' sanzjonijiet finanzjarji mmirati. Id-detezzjoni f'waqtha ta' strutturi ta' sjieda u ta' kontroll tikkontribwixxi għat-titjib tal-fehim tal-esponiment għal riskji ta' nonimplimentazzjoni u evażjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati, u għall-adozzjoni ta' miżuri ta' mitigazzjoni biex jitnaqqsu tali riskji. Huwa għalhekk importanti li l-entitajiet responsabbli mir-reġistri ċentrali jkunu meħtieġa jeżaminaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja li jżommu meta mqabbla mad-deżinjazzjonijiet fir-rigward ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati, kemm immedjatament permezz ta' tali deżinjazzjoni kif ukoll regolarment wara dan, sabiex jiġi individwat jekk bidliet fis-sjieda jew fl-istruttura ta' kontroll tal-entità ġuridika jew l-arranġament ġuridiku jwasslux għal riskji ta' evażjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati. Indikazzjoni fir-reġistri ċentrali li l-entitajiet ġuridiċi jew l-arranġamenti ġuridiċi huma assoċjati ma' persuni jew entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji mmirati jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti u tal-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

(32)

Ir-rappurtar tad-diskrepanzi bejn l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma fir-reġistri ċentrali u l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja disponibbli għall-entitajiet marbutin b'obbligu u, fejn applikabbli, għall-awtoritajiet kompetenti, huwa mekkaniżmu effettiv biex tiġi vverifikata l-akkuratezza tal-informazzjoni. Kwalunkwe diskrepanza identifikata jenħtieġ li tiġi rrappurtata u solvutamalajr, f'konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.

(33)

Meta r-rappurtar ta' diskrepanzi mill-FIUs u minn awtoritajiet kompetenti oħra jippreġudika analiżi ta' tranżazzjoni suspettuża jew investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja, jenħtieġ li l-FIUs jew awtoritajiet kompetenti oħra jipposponu r-rappurtar tad-diskrepanza sa meta ma jkunx għad fadal raġunijiet kontra tali rappurtar. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-FIUs u l-awtoritajiet kompetenti ma jirrapportaw l-ebda diskrepanza meta dan jikser xi dispożizzjoni ta' kunfidenzjalità tad-dritt nazzjonali jew jikkostitwixxi reat ta' preavviż.

(34)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta' sjieda benefiċjarja, huwa essenzjali li, madwar l-Unjoni, kanali u mezzi tar-rappurtar uniformi jeżistu għall-entitajiet ġuridiċi u trustees ta’ trusts espressi jew persuni li għandhom kariga ekwivalenti f’arranġamenti ġuridiċi simili. Għal dak il-għan, il-format għal-preżentazzjoni ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fir-reġistri ċentrali rilevanti jenħtieġ li jkun uniformi u joffri garanziji ta' trasparenza u ta' ċertezza tad-dritt.

(35)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fost id-diversi tipi ta' forom ġuridiċi, jenħtieġ li t-trustees jkunu rikjesti wkoll jiksbu u jżommu informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u li jikkomunikaw dik l-informazzjoni lil reġistru ċentrali jew lil bażi tad-data ċentrali.

(36)

Huwa essenzjali li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tibqa' disponibbli permezz tar-reġistri ċentrali u permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali għal minimu ta' ħames snin wara li l-entità ġuridika tkun ġiet xolta jew l-arranġament ġuridiku jkun waqaf jeżisti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu bil-liġi raġunijiet addizzjonali għall-ipproċessar tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja għall-finijiet għajr l-AML/CFT, jekk tali pproċessar jissodisfa objettiv ta' interess pubbliku u jikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f'soċjetà demokratikagħall-iskop leġittimu segwit.

(37)

L-FIUs, l-awtoritajiet kompetenti l-oħra u l-korpi awtoregolatorji jenħtieġ li jkollhom aċċess immedjat, mhux iffiltrat, dirett u liberu għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja għall-finijiet tal-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b'obbligu jkollhom ukoll aċċess għar-reġistri ċentrali meta jwettqu d-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħmlu l-aċċess mill-entitajiet marbutin b'obbligu soġġett għall-ħlas ta' tariffa. Madankollu, dawk it-tariffi jenħtieġ li jkunu strettament limitati għal dak li huwa meħtieġ biex jiġu koperti l-kostijiet tal-iżgurar tal-kwalità tal-informazzjoni miżmuma f’dawk ir-reġistri u biex l-informazzjoni ssir disponibbli, u jenħtieġ li ma jdgħajfux l-aċċess effettiv għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja.

(38)

L-aċċess dirett, f'waqtu u mhux iffiltrat għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali huwa kruċjali wkoll biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, biex jiġi evitat ir-riskju ta' nonimplimentazzjoni u ta' evażjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, kif ukoll biex jiġi investigat ksur ta’ dawk il-miżuri. Għal dawk ir-raġunijiet, l-awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni ta’ tali miżuri restrittivi, identifikati taħt ir-Regolamenti rilevanti tal-Kunsill adottati abbażi tal-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jenħtieġ li jkollhom aċċess dirett u immedjat għall-informazzjoni li tkun miżmuma fir-reġistri ċentrali interkonnessi.

(39)

Jenħtieġ li jkun possibbli għall-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li għandhom rwol fil-qafas tal-AML/CFT tal-Unjoni li jaċċessaw informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Dan huwa l-każ għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), iżda wkoll għall-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fit-twettiq tal-investigazzjonijiet tagħhom, kif ukoll għall-Europol u l-Eurojust meta jappoġġaw investigazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali. Bħala awtorità superviżorja, l-AMLA għandha tingħata aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja meta twettaq attivitajiet superviżorji. Sabiex jiġi żgurat li l-AMLA tkun tista' tappoġġa b'mod effettiv l-attivitajiet tal-FIUs, jenħtieġ li tkun tista' taċċessa wkoll informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fil-kuntest ta' analiżijiet konġunti.

(40)

Sabiex jiġu limitati l-interferenzi mad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, l-aċċess għall-informazzjoni dwar iż-żjieda benefiċċjarja miżmuma f'reġistri ċentrali mill-pubbliku jenħtieġ li jkun kundizzjonali fuq id-dimostrazzjoni ta' interess leġittimu. Approċċi diverġenti mill-Istati Membri rigward il-verifika li jeżisti tali interess leġittimu jistgħu jfixklu l-implimentazzjoni armonizzata tal-qafas tal-AML/CFT u l-iskop preventiv li għalih huwa permess tali aċċess mill-membri tal-pubbliku. Għalhekk huwa meħtieġ li jitfassal qafas għar-rikonoxximent u l-verifika tal-interess leġittimu fil-livell tal-Unjoni, b'rispett sħiħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). Fejn jeżisti interess leġittimu, jenħtieġ li l-pubbliku jkun jista' jaċċessa informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta' entitajiet ġuridiċi u arranġamenti ġuridiċi. L-interess leġittimu jenħtieġ li jiġi preżunt għal ċerti kategoriji tal-pubbliku. L-aċċess abbażi ta' interess leġittimu jenħtieġ li ma jkunx kundizzjonali fuq l-istatus jew il-forma ġuridika tal-persuna li titlob l-aċċess.

(41)

L-organizzazzjonijiet nongovernattivi, l-akkademiċi u l-ġurnalisti investigattivi kkontribwixxew għall-objettivi tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, jenħtieġ li dawk li jiġu meqjusa li għandhom interess leġittimu li jaċċessaw informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, li huwa ta' importanza vitali għalihom biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom u jeżerċitaw skrutinju pubbliku, kif xieraq. Il-kapaċità ta' aċċess għar-reġistri ċentrali jenħtieġ li ma tkunx kundizzjonali fuq il-mezz jew il-pjattaforma li permezz tagħhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom, jew fuq esperjenza preċedenti fil-qasam. Sabiex tali kategoriji jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b'mod effettiv u jevitaw riskji ta' ritaljazzjoni, jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw informazzjoni dwar entitajiet ġuridiċi u arranġamenti ġuridiċi mingħajr ma juru rabta ma' dawk l-entitajiet jew arranġamenti. Kif previst fir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, kwalunkwe aċċess mis-sidien benefiċjarji għal informazzjoni dwar l-ipproċessar magħmul mid-data personali tagħhom jenħtieġ li ma jaffettwax b'mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn, inkluż id-dritt għas-sigurtà tal-persuna. Id-divulgazzjoni lis-sid benefiċjarju li persuni li jaġixxu għall-finijiet ta' ġurnaliżmu jew ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu kkonsultaw id-data personali tagħhom tirriskja li timmina s-sikurezza tal-ġurnalisti u tal-membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jwettqu investigazzjonijiet dwar attivitajiet kriminali potenzjali. Għalhekk, sabiex jiġi rikonċiljat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mad-dritt għall-informazzjoni u l-espressjoni għall-ġurnalisti f'konformità mal-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u sabiex jiġi żgurat ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni u d-detezzjoni tal-ħasil ta' flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu f'konformità mal-Artikolu 23(1), il-punt (d), ta' dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-entitajiet responsabbli mir-reġistri ċentrali ma jikkondividux informazzjoni mas-sidien benefiċjarji dwar il-proċessar tad-data tagħhom minn dawk il-kategoriji tal-pubbliku, iżda l-fatt biss li l-persuni li jaġixxu għall-finijiet ta' ġurnaliżmu jew tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkonsultaw id-data tagħhom.

(42)

L-integrità tat-tranżazzjonijiet tan-negozju hija kritika għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Għal dak l-għan, huwa importanti li l-persuni li jixtiequ jagħmlu negozju ma' entitajiet ġuridiċi jew arranġamenti ġuridiċi fl-Unjoni jkunu jistgħu jaċċessaw informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tagħhom biex jivverifikaw li l-kontropartijiet tan-negozju potenzjali tagħhom ma jkunux involuti fil-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu. Hemm evidenza mifruxa li l- kriminali jaħbu l-identità tagħhom wara strutturi korporattivi, u li dan jippermetti lil dawk li jistgħu jidħlu fi tranżazzjonijiet ma' entità ġuridika jew arranġament ġuridiku jsiru konxji tal-identità tas-sidien benefiċjarji, li jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-użu ħażin ta’ entitajiet ġuridiċi jew arranġamenti ġuridiċi għal finijiet kriminali. Tranżazzjoni ma tkunx limitata għal attivitajiet ta' negozjar jew il-forniment jew ix-xiri ta' prodotti jew servizzi, iżda tista' tinkludi wkoll, sitwazzjonijiet fejn persuna x'aktarx tinvesti fondi kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (25) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) jew kriptoassi fl-entità ġuridika jew l-arranġament ġuridiku, jew li takkwista l-entità ġuridika. Għalhekk, ir-rekwiżit ta' interess leġittimu għall-aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja jenħtieġ li ma jitqiesx li jkun issodisfat biss minn persuni li jwettqu attivitajiet ekonomiċi jew kummerċjali.

(43)

Minħabba n-natura transfruntiera tal-ħasil tal-flus, ir-reat predikat tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li jiġi rikonoxxut li l-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi għandhom interess leġittimu li jaċċessaw informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja dwar l-entitajiet ġuridiċi u l-arranġamenti ġuridiċi tal-Unjoni, meta tali aċċess ikun meħtieġ minn dawk l-awtoritajiet fil-kuntest ta' investigazzjonijiet jew analiżi speċifiċi biex iwettqu l-kompiti tagħhom fir-rigward tal-AML/CFT. Bl-istess mod, l-entitajiet li huma soġġetti għar-rekwiżiti tal-AML/CFT f'pajjiżi terzi jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fir-reġistri ċentrali tal-Unjoni meta jkunu meħtieġa jieħdu miżuri ta' diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti f'konformità mar-rekwiżiti tal-AML/CFT f'dawk il-pajjiżi fir-rigward tal-entitajiet ġuridiċi u l-arranġamenti ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni. Kwalunkwe aċċess għall-informazzjoni li tinsab fir-reġistri ċentrali jenħtieġ li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, u b'mod partikolari mal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679. Għal dak l-għan, ir-reġistri ċentrali jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll jekk it-talbiet minn persuni stabbiliti barra mill-Unjoni jistgħux jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet li fihom tista' tintuża deroga skont l-Artikolu 49 ta' dak ir-Regolament. Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Il-“Qorti tal-Ġustizzja”) li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu huma objettiv ta' interess pubbliku ġenerali, u li l-objettivi tas-sigurtà pubblika huma marbuta magħhom. Sabiex tiġi ppreservata l-integrità tal-investigazzjonijiet u l-analiżijiet minn FIUs ta' pajjiżi terzi u mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji, jenħtieġ li r-reġistri ċentrali jżommu lura milli jiżvelaw lis-sidien benefiċjarji kwalunkwe pproċessar tad-data personali tagħhom minn dawk l-awtoritajiet sa fejn tali żvelar jaffettwa b'mod negattiv l-investigazzjonijiet u l-analiżi ta’ dawk l-awtoritajiet. Madankollu, sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet tas-suġġett tad-data, jenħtieġ li r-reġistri ċentrali jżommu lura biss milli jiżvelaw dik l-informazzjoni sakemm tali żvelar ma jkunx għadu jipperikola investigazzjoni jew analiżi. Jenħtieġ li dik l-iskadenza tiġi stabbilita għal perjodu massimu ta' ħames snin, u jenħtieġ li jiġi estiż biss fuq talba ġġustifikata mill-awtorità fil-pajjiż terz.

(44)

Sabiex jiġi żgurat reġim ta' aċċess li huwa flessibbli biżżejjed u li kapaċi jadatta għal ċirkostanzi emerġenti ġodda, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, fuq bażi ta' każ b'każ, lil kwalunkwe persuna li tista' turi interess leġittimu marbut mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġbru l-informazzjoni dwar każijiet ta' interess leġittimu li jmur lil hinn mill-kategoriji identifikati f'din id-Direttiva, u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni.

(45)

Il-kriminali jistgħu jużaw ħażin l-entitajiet ġuridiċi fi kwalunkwe punt. Madankollu, ċerti fażijiet fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-entitajiet ġuridiċi huma assoċjati ma' riskji ogħla, bħal fl-istadju tal-formazzjoni tal-kumpanija, jew meta jkun hemm bidliet fl-istruttura tal-kumpanija, bħall-konverżjoni, il-fużjoni jew id-diviżjoni, li jippermettu lill-kriminali jiksbu l-kontroll tal-entità ġuridika. Il-qafas tal-Unjoni jipprovdi sorveljanza mill-awtoritajiet pubbliċi matul dawk il-fażijiet tal-eżistenza ta' entità ġuridika skont id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). Sabiex jiġi żgurat li dawk l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b'mod effettiv u jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-użu ħażin ta' entitajiet ġuridiċi għal finijiet kriminali, jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinsab fir-reġistri ċentrali interkonnessi.

(46)

Bil-ħsieb li jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tan-nefqa li tinsab fil-kontijiet ippreżentati lill-Kummissjoni taħt il-programmi ta' finanzjament tal-Unjoni, l-awtoritajiet tal-programm iridu jiġbru u jaħżnu fis-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll tagħhom informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tar-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-programm fl-Istati Membri jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma fir-reġistri ċentrali interkonnessi biex jaqdu dmirijiethom biex jipprevjenu, jindividwaw, jikkoreġu u jirrapportaw dwar irregolaritajiet, inkluż frodi, skont ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

(47)

Sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jimplimentaw il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza skont ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) ikollhom aċċess għar-reġistri ċentrali interkonnessi biex jiġbru l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja dwar ir-riċevitur tal-fondi jew il-kuntrattur tal-Unjoni meħtieġa skont dak ir-Regolament.

(48)

Il-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku tagħmel ħsara lill-interess pubbliku, iddgħajjef il-fiduċja pubblika u għandha impatt negattiv fuq il-ħajja taċ-ċittadini. Minħabba l-vulnerabbiltà tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku għall-korruzzjoni, il-frodi u reati predikati oħra, jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali b'kompetenzi fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku li jikkonsultaw ir-reġistri ċentrali biex jaċċertaw l-identità tal-persuni fiżiċi li fl-aħħar mill-aħħar jippossjedu jew jikkontrollaw l-offerenti, u jidentifikaw każijiet fejn ikun hemm riskju li l-kriminali jistgħu jkunu involuti fil-proċedura ta' akkwist. L-aċċess f'waqtu għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistru ċentrali huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet pubbliċili jwettqu proċeduri ta’ akkwist pubbliku jkunu jistgħu jissodisfaw il-funzjonijiet tagħhom b'mod effettiv, inkluż billi jindividwaw każijiet ta' korruzzjoni f’dawk il-proċeduri. Il-kunċett ta' awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tal-proċeduri ta' akkwist jenħtieġ li jinkludi l-kunċett ta' awtoritajiet kontraenti fl-atti legali tal-Unjoni relatata mal-proċeduri tal-akkwist pubbliku għal oġġetti u s-servizzi, jew konċessjonijiet kif ukoll ma' kwalunkwe awtorità pubblika deżinjata mill-Istati Membri biex tivverifika l-legalità tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku, li mhijiex awtorità kompetenti għall-finijiet tal-AML/CFT.

(49)

Prodotti bħall-iskrinjar tal-klijenti offruti minn fornituri terzi jappoġġaw lill-entitajiet marbutin b'obbligu fit-twettiq tad-diliġenza dovuta tal-klijent. Tali prodotti jipprovdulhom perspettiva olistika fuq il-klijent, li tippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-klassifikazzjoni tar-riskju tagħhom, miżuri ta' mitigazzjoni li għandhom jiġu applikati u suspetti possibbli fir-rigward tal-attivitajiet tal-klijenti. Dawk il-prodotti jikkontribwixxu wkoll għall-ħidma tal-awtoritajiet kompetenti fl-analiżi ta' tranżazzjonijiet u investigazzjonijiet suspettużi f'każijiet potenzjali ta' ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu billi jikkomplementaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja b'soluzzjonijiet tekniċi oħra li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jkollhom perspettiva usa' ta' skemi kriminali kumplessi, inkluż permezz tal-lokalizzazzjoni tal-awturi. Għalhekk, dawngħandhom rwol kritiku fit-traċċar tal-movimenti dejjem aktar kumplessi u rapidi li jikkaratterizzaw l-iskemi tal-ħasil tal-flus. Minħabba l-funzjoni stabbilita sew tagħhom fl-infrastruttura ta' konformità, huwa ġġustifikat li jitqies li fornituri li joffru dawk il-prodotti għandhom interess leġittimu fl-aċċess għall-informazzjoni miżmuma mir-reġistri ċentrali, dment li d-data miksuba mir-reġistru tiġi offruta biss lill-entitajiet marbutin b'obbligu u lill-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni għat-twettiq ta' kompiti relatati mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(50)

Sabiex jiġu evitati approċċi diverġenti lejn l-implimentazzjoni tal-kunċett ta' interess leġittimu għall-fini ta' aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, jenħtieġ li l-proċeduri għar-rikonoxximent ta' tali interess leġittimu jiġu armonizzati. Dan jenħtieġ li jinkludi mudelli komuni għall-applikazzjoni u r-rikonoxximent ta' interess leġittimu, li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku mir-reġistri ċentrali madwar l-Unjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudelli u proċeduri armonizzati.

(51)

Sabiex jiġi żgurat li l-proċessi għall-għoti ta' aċċess għal dawk b'interess leġittimu vverifikat preċedentement ma jkunux ta' piż bla bżonn, l-aċċess jista' jiġġedded abbażi ta' proċeduri simplifikati li permezz tagħhom l-entità responsabbli mir-reġistru ċentrali tiżgur li l-informazzjoni miksuba preċedentement għall-finijiet ta' verifika tkun korretta u rilevanti, u aġġornata fejn meħtieġ.

(52)

Barra minn hekk, bil-għan li jiġi żgurat approċċ proporzjonat u bbilanċjat u biex jiġu ggarantiti d-drittijiet għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu eżenzjonijiet għall-iżvelar ta' informazzjoni personali dwar is-sid benefiċjarju mir-reġistri ċentrali u għall-aċċess għal tali informazzjoni, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn dik l-informazzjoni tesponi lis-sid benefiċjarju għal riskju sproporzjonat ta' frodi, ħtif, rikatt, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-Istati Membri jirrikjedu li r-reġistrazzjoni ssir online biex b'hekk tiġi identifikata kull persuna li titlob informazzjoni mir-reġistru ċentrali, kif ukoll jirrikjedu l-ħlas ta' tariffa biex tiġi aċċessata l-informazzjoni fir-reġistru minn persuni b’interess leġittimu. Madankollu, dawk it-tariffi jenħtieġ li jkunu strettament limitati għal dak li huwa meħtieġ biex jiġu koperti l-kostijiet tal-iżgurar tal-kwalità tal-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali u biex l-informazzjoni ssir disponibbli, u jenħtieġ li ma jdgħajfux l-aċċess effettiv għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja.

(53)

L-identifikazzjoni tal-applikanti hija meħtieġa biex jiġi żgurat li persuni b'interess leġittimu biss ikunu jistgħu jaċċessaw informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja. Madankollu, il-proċess ta' identifikazzjoni jenħtieġ li jitwettaq b'tali mod li ma jwassalx għal diskriminazzjoni, inkluż abbażi tal-pajjiż ta' residenza jew tan-nazzjonalità tal-applikanti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu mekkaniżmi ta' identifikazzjoni suffiċjenti, inkluż iżda mhux limitat għal skemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), u servizzi fiduċjarji kwalifikati rilevanti, biex il-persuni b'interess leġittimu jkunu jistgħu jaċċessaw b'mod effettiv l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja.

(54)

Id-Direttiva (UE) 2018/843 kisbet l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali tal-Istati Membri li fihom informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja permezz tal-Pjattaforma Ċentrali Ewropea stabbilita permezz tad-Direttiva (UE) 2017/1132. L-interkonnessjoni wriet li hija essenzjali għal aċċess transfruntier effettiv għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja mill-awtoritajiet kompetenti, l-entitajiet marbutin b'obbligu u l-persuni b'interess leġittimu. Dan ser jirrikjedi żvilupp kontinwu biex jiġu implimentati r-rekwiżiti regolatorji evoluti qabel it-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva. Għalhekk, jenħtieġ li l-ħidma dwar l-interkonnessjoni tkompli bl-involviment tal-Istati Membri fil-funzjonament tas-sistema sħiħa, li jenħtieġ li jkun żgurat permezz ta' djalogu regolari bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet relatati mal-operat tas-sistema u dwar l-iżvilupp tagħha fil-futur.

(55)

Permezz tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali tal-Istati Membri, kemm l-aċċess nazzjonali kif ukoll dak transfruntier għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tal-arranġamenti ġuridiċi li jinsabu fir-reġistru ċentrali ta' kull Stat Membru jenħtieġ li jingħata abbażi tad-definizzjoni ta' interess leġittimu, bis-saħħa ta' deċiżjoni meħuda mill-entità responsabbli mir-reġistru ċentrali rilevanti. Sabiex jiġi aċċertat li d-deċiżjonijiet dwar il-limitazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja jistgħu jiġu rieżaminati, jenħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' appell kontra tali deċiżjonijiet. Bil-għan li tiġi żgurata reġistrazzjoni u skambju ta' informazzjoni koerenti u effiċjenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-entità tagħhom responsabbli mir-reġistru ċentrali fl-Istat Membru tagħhom tikkoopera mal-kontropartijiet tagħha fi Stati Membri oħrajn, inkluż billi tikkondividi l-informazzjoni li tikkonċerna t-trusts u arranġamenti ġuridiċi simili li jkunu regolati bil-liġi ta' Stat Membru wieħed u amministrati fi Stat Membru ieħor jew li t-trustee tiegħu jkun stabbilit jew jirresjedi fi Stat Membru ieħor.

(56)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 japplika għall-ipproċessar ta' data personali għall-finijiet ta' din id-Direttiva. Il-persuni fiżiċi li d-data personali tagħhom tkun miżmuma fir-reġistri ċentrali bħala s-sidien benefiċjarji jenħtieġ li jkunu mgħarrfa dwar ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, jenħtieġ li tkun disponibbli biss data personali li hija aġġornata u li tikkorrispondi għas-sidien benefiċjarji reali, u jenħtieġ li s-sidien benefiċjarji jkunu mgħarrfa dwar id-drittijiet tagħhom taħt il-qafas ġuridiku tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-proċeduri applikabbli għall-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet.

(57)

Dewmien fl-aċċess għall-informazzjoni mill-FIUs u minn awtoritajiet kompetenti oħrajn dwar l-identità tad-detenturi ta' kontijiet bankarji u kontijiet ta' pagament, kontijiet ta' titoli, kontijiet tal-kriptoassi u kaxxi ta' depożitu sikur ifixkel id-detezzjoni tat-trasferimenti ta' fondi relatati mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu stabbiliti mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati, bħal reġistru jew sistema għall-irkupru tad-data, fl-Istati Membri kollha bħala mezz effiċjenti għall-aċċess f'waqtu ta' informazzjoni dwar l-identità ta' detenturi ta' kontijiet bankarji u ta' kontijiet ta’ pagament, ta' kontijiet ta' titoli, kontijiet tal-kriptoassi u kaxxi ta' depożitu sikur, id-detenturi ta' prokura tagħhom u s-sjieda benefiċjarji tagħhom. Tali informazzjoni jenħtieġ li tinkludi l-informazzjoni storika dwar detenturi ta' kontijiet tal-klijenti magħluqa, kontijiet bankarji u kontijiet ta' pagament, inkluż IBANs virtwali, kontijiet tat-titoli, kontijiet tal-kriptoassi, u kaxxi ta' depożitu sikur. Meta jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess, huwa xieraq li jintużaw mekkaniżmi diġà eżistenti sakemm l-FIUs nazzjonali jkunu jistgħu jaċċessaw id-data rikjesta b'mod immedjat u eżatt kif inhi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw il-possibilità li jfornu lil dawn il-mekkaniżmi b'informazzjoni addizzjonali li tkun meqjusa neċessarja u proporzjonata sabiex tinkiseb mitigazzjoni aktar effettiva tar-riskji relatati mal-ħasil tal-flus, mar-reati predikati tiegħu u mal-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità sħiħa fir-rigward ta' tali investigazzjonijiet u għal talbiet għal informazzjoni relatata mill-FIUs, AMLA fil-kuntest ta’ analiżijiet konġunti u minn awtoritajiet superviżorji.

(58)

L-IBANs virtwali huma numri virtwali maħruġa minn istituzzjonijiet ta' kreditu u instituzzjonijiet finanzjarji li jippermettu li l-pagamenti jiġu diretti mill-ġdid lejn kontijiet bankarji fiżiċi jew lejn kontijiet ta' pagamenti fiżiċi. Filwaqt li l-IBANs virtwali jistgħu jintużaw min-negozji għal skopijiet leġittimi, pereżempju, biex jiġi ssimplifikat il-proċess tal-ġbir u tat-trażmissjoni ta' pagamenti bejn il-fruntieri, dawn huma assoċjati wkoll ma' riskji akbar ta' ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu peress li jistgħu jintużaw biex jaħbu l-identità tad-detentur tal-kont, u dan jagħmilha diffiċli għall-FIUs biex jittraċċaw il-fluss tal-fondi, jidentifikaw il-post tal-kont u jimponu l-miżuri meħtieġa, inkluż is-sospensjoni jew il-monitoraġġ tal-kont. Sabiex jiġu mitigati dawk ir-riskji u jiġu ffaċilitati t-traċċar u d-detezzjoni ta' flussi illeċiti mill-FIUs, il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati jenħtieġ li jinkludu informazzjoni dwar IBANs virtwali assoċjati ma' kont bankarju jew kont ta' pagament.

(59)

Sabiex tiġi rrispettata l-privatezza u tiġi protetta d-data personali, jenħtieġ li d-data minima neċessarja għat-twettiq tal-investigazzjonijiet dwar l-AML/CFT tinżamm f'mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati għall-kontijiet bankarji jew kontijiet ta' pagament, kontijiet ta' titoli u kontijiet tal-krtiptoassiJenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jiddeterminaw liema data addizzjonali hija utli u proporzjonata li tinġabar. Waqt it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati ma' dawk il-mekkaniżmi, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu perjodi ta' żamma li huma ekwivalenti għall-perjodu ta' żamma tad-dokumentazzjoni u tal-informazzjoni li tinkiseb fl-applikazzjoni tal-miżuri ta' diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jestendu l-perjodu ta' żamma b'mod eċċezzjonali, dment li jingħataw raġunijiet tajbin. Jenħtieġ li l-perjodu ta' żamma addizzjonali ma jaqbiżx il-ħames snin addizzjonali. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali li jistabbilixxi rekwiżiti oħra għaż-żamma tad-data li jippermettu deċiżjonijiet fuq bażi ta' każ b'każ biex jiġu ffaċilitati proċedimenti kriminali jew amministrattivi. L-aċċess għal dawk il-mekkaniżmi jenħtieġ li jkun fuq il-bażi ta' ħtieġa ta' tagħrif.

(60)

Permezz tal-interkonnessjoni tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati tal-Istati Membri, FIUs nazzjonali jkunu jistgħu jiksbu b'mod rapidu informazzjoni transfruntiera dwar l-identità tad-detenturi ta' kontijiet bankarji u kontijiet ta' pagament, kontijiet tat-titoli, kontijiet tal-kriptoassi u ta' kaxxi ta' depożitu sikur fi Stati Membri oħra, li jsaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jwettqu b'mod effettiv analiżi finanzjarji u jikkooperaw mal-kontropartijiet tagħhom minn Stati Membri oħra. Aċċess transfruntier dirett għall-informazzjoni dwar kontijiet bankarji u kontijiet ta' pagament, kontijiet tat-titoli, kontijiet tal-kriptoassi u kaxxi ta' depożitu sikur jippermetti lill-FIUs jipproduċu analiżi finanzjarja f'perjodu ta' żmien qasir biżżejjed biex jiġu traċċati l-fondi li jgħaddu minn diversi kontijiet, inkluż bl-użu ta' IBANs virtwali, jiġu individwati każijiet potenzjali ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu u tiġi garantita azzjoni ta' infurzar tal-liġi rapida. Jenħtieġ li l-AMLA tiġi pprovduta wkoll b'aċċess dirett għall-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati interkonnessi sabiex tipprovdi appoġġ operazzjonali lill-FIUs fil-qafas ta' eżerċizzji ta' analiżi konġunti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-aċċess dirett għall-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati interkonnessi jkun estiż għall-awtoritajiet superviżorji biex ikunu jistgħu iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv.

(61)

Sabiex jiġi rrispettat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-privatezza, u biex jiġi limitat l-impatt tal-aċċess transfruntier għall-informazzjoni fil-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali, il-kamp ta' applikazzjoni tal-informazzjoni aċċessibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni għar-reġistri tal-kontijiet bankarji (BARIS) ser ikun ristrett għall-minimu neċessarju f'konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data biex jippermetti l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li għandha jew li tikkontrolla kontijiet bankarji jew kontijiet ta' pagament, kontijiet tat-titoli, kontijiet tal-kriptoassi u kaxxi ta' depożitu sikur. Jenħtieġ li l-FIUs u l-AMLA, kif ukoll l-awtoritajiet superviżorji, jingħataw aċċess immedjat u sħiħ għal BARIS. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-persunal tal-FIUs iżommu standards professjonali għoljin ta' kunfidenzjalità u ta' protezzjoni tad-data, li huma ta' integrità kbira u li għandhom ħiliet xierqa. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu miżuri tekniċi u organizzazzjonali li jiggarantixxu s-sigurtà tad-data skont standards teknoloġiċi għoljin.

(62)

L-interkonnessjoni tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati tal-Istati Membri (reġistri ċentrali jew sistemi ċentrali għall-irkupru tad-data elettronika) li fihom informazzjoni dwar kontijiet bankarji u kontijiet ta' pagament, dwar kontijiet ta’ titoli, kontijiet tal-kriptoassi u dwar kaxxi ta' depożitu sikur permezz ta’ BARIS teħtieġ il-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali b'karatteristiċi tekniċi diversi. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu żviluppati miżuri u speċifikazzjonijiet tekniċi li jqisu d-differenzi bejn il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali.

(63)

Il-proprjetà immobbli hija komodità attraenti għall-kriminali biex jaħslu r-rikavati mill-attivitajiet illeċiti tagħhom, peress li tippermetti li s-sors veru tal-fondi u l-identità tas-sid benefiċjarju jiġu moħbija. L-identifikazzjoni proprja u f'waqtha tal-proprjetà immobbli, kif ukoll ta' persuni fiżiċi, entitajiet ġuridiċi u arranġamenti ġuridiċi li għandhom proprjetà immobbli mill-FIUs u minn awtoritajiet kompetenti oħrajn hija importanti kemm biex jiġu individwati skemi tal-ħasil tal-flus kif ukoll biex jiġu ffriżati u kkonfiskati l-assi, kif ukoll għall-miżuri ta' ffriżar amministrattivi li jimplimentaw sanzjonijiet finanzjarji mmirati. Għaldaqstant, huwa importanti li l-Istati Membri jipprovdu lill-FIUs u lill-awtoritajiet kompetenti oħra b'aċċess immedjat u dirett għall-informazzjoni li tippermetti t-twettiq tajjeb ta' analiżi u ta' investigazzjonijiet f'każijiet kriminali potenzjali li jinvolvu proprjetà immobbli. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess effettiv, dik l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta mingħajr ħlas permezz ta' punt ta' aċċess uniku, b'mezzi diġitali u fejn possibbli f'format li jinqara mill-magni. Jenħtieġ li l-informazzjoni tinkludi informazzjoni storika, fosthom l-istorja tas-sjieda tal-proprjetà immobbli, il-prezzijiet li bihom il-proprjetà immobbli tkun ġiet akkwistata fil-passat u l-aggravar relatat fuq perjodu definit fil-passat sabiex l-FIUs u awtoritajiet kompetenti oħra f'dak l-Istat Membru jkunu jistgħu janalizzaw u jidentifikaw kwalunkwe attività suspettuża li tappartjeni għat-tranżazzjonijiet tal-proprjetà immobbli, inkluż l-art, li jistgħu jkunu indikattivi ta' ħasil tal-flus jew ta' tipi oħra ta' kriminalità. Tali informazzjoni storika tikkonċerna tipi ta' informazzjoni diġà miġbura meta jitwettqu tranżazzjonijiet ta' proprjetà immobbli. Għalhekk, ma hemm l-ebda obbligu ġdid impost fuq il-persuni affettwati, li jiżgura li l-aspettattivi leġittimi ta' dawk ikkonċernati jiġu rrispettati kif xieraq. Minħabba li spiss in-natura transfruntiera tal-iskemi kriminali li jinvolvu l-proprjetà immobbli, huwa xieraq li jiġi identifikat sett minimu ta' informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw u jikkondividu mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra.

(64)

L-Istati Membri għandhom fis-seħħ, jew jenħtieġ li jwaqqfu FIUs operazzjonalment indipendenti u awtonomi biex jiġbru u janalizzaw l-informazzjoni, bil-għan li jiġu stabbiliti rabtiet bejn tranżazzjonijiet jew attivitajiet suspettużi u l-attività kriminali sottostanti sabiex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li l-FIU tkun l-unità nazzjonali ċentrali unika responsabbli biex tirċievi u tanalizza rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi, rapporti dwar movimenti fiżiċi transfruntiera ta' flus kontanti permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tad-Dwana, dwar tranżazzjonijiet li jkunu ġew irraportati meta jinqabżu ċerti livelli limiti (żvelar ibbażat fuq il-livelli limitu) kif ukoll informazzjoni rilevanti oħra għall-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu sottomessi mill-entitajiet marbutin b'obbligu. Jenħtieġ li tiġi żgurata l-indipendenza operazzjonali u l-awtonomija tal-FIU billi din tingħata l-l-awtorità u l-kapaċità li twettaq il-funzjonijiet tagħha liberament, inkluża l-kapaċità li tieħu deċiżjonijiet awtonomi fir-rigward tal-analiżi, it-talbiet u d-disseminazzjoni ta' informazzjoni speċifika. F'kull każ, jenħtieġ li l-FIU ikollha d-dritt indipendenti li tibgħat jew li taqsam l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti relevanti. Jenħtieġ li l-FIU tiġi pprovduta b'riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati, b'mod li jiżgura l-awtonomija u l-indipendenza tagħha u li jippermettilha teżerċita l-mandat tagħha b'mod effettiv. Jenħtieġ li l-FIU tkun tista' tikseb u tuża r-riżorsi meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet tagħha, fuq bażi individwali jew ta' rutina, ħielsa minn ebda influwenza jew indħil indebitu mill-gvern, mill-industrija jew politiku, li jista' jikkomprometti l-indipendenza operazzjonali tagħha. Sabiex jiġi vvalutat it-twettiq ta' dawk ir-rekwiżiti u jiġu identifikati d-dgħufijiet u l-aħjar prattiki, l-AMLA jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tikkoordina l-organizzazzjoni ta' rieżamijiet bejn il-pari tal-FIUs.

(65)

Jenħtieġ li l-persunal tal-FIUs ikun ta' integrità kbira u b'ħiliet xierqa, u jżomm standards professjonali għoljin. L-FIUs jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ proċeduri biex jipprevjenu u jimmaniġġjaw b'mod effettiv il-kunflitti ta' interess. Minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom, l-FIUs jirċievu ammonti kbar ta' informazzjoni personali u finanzjarja sensittiva u għandhom aċċess għaliha. Għalhekk, jenħtieġ li l-persunal tal-FIUs jkollu ħiliet xierqa fir-rigward tal-użu etiku tal-għodod analitiċi tal-big data. Barra minn hekk, l-attivitajiet tal-FIUs jista' jkollhom implikazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali tal-individwi, bħad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għall-ħajja privata u d-dritt għall-proprjetà. Għalhekk, jenħtieġ li l-FIUs jiddeżinjaw Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali li jista' jkun membru tal-persunal eżistenti tal-FIU. Il-kompiti tal-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali jenħtieġ li jinkludu, mingħajr ma jimpedixxu jew idewmu l-attivitajiet tal-FIU, il-monitoraġġ u l-promozzjoni tal-konformità tal-FIU mad-drittijiet fundamentali, l-għoti ta' pariri u gwida lill-FIU dwar l-implikazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tal-politiki u l-prattiki tagħha, l-iskrutinju tal-legalità u l-etika tal-attivitajiet tal-FIU u l-ħruġ ta' opinjonijiet mhux vinkolanti. Il-ħatra ta' Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali tgħin biex jiġi żgurat li fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, l-FIUs jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-individwi affettwati.

(66)

Jenħtieġ li l-FIUs ikunu jistgħu jaqsmu informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti inkarigati mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu, u l-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li tali awtoritajiet jinftiehmu li jinkludu awtoritajiet bi rwol investigattiv, ta' prosekuzzjoni jew ġudizzjarju. Madwar l-Istati Membri, awtoritajiet oħra għandhom rwoli ddedikati marbuta mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu, u l-FIUs jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdulhom ukoll ir-riżultati tal-analiżi operazzjonali jew strateġiċi tagħhom, meta jqisu li dan ikun rilevanti għall-funzjonijiet tagħhom. Ir-riżultati ta' dawk l-analiżijiet jipprovdu intelligence sinifikanti biex tintuża għall-iżvilupp ta' mexxejja matul il-ħidma investigattiva u ta' prosekuzzjoni. Jenħtieġ li s-sors tar-rapport dwar it-tranżazzjoni jew l-attività suspettuża ma jiġix żvelat fid-disseminazzjoni. Dan, madankollu, jenħtieġ li ma jipprekludix lill-FIUs milli jaqsmu informazzjoni rilevanti inkluż, pereżempju, informazzjoni dwar numri IBAN, kodiċijiet BIC jew SWIFT. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-FIUs ikunu jistgħu jikkondividu informazzjoni oħra fil-pussess tagħhom inkluż fuq talba minn awtoritajiet kompetenti oħra. Meta jkunu qed jeżerċitaw l-awtonomija u l-indipendenza tagħhom, jenħtieġ li l-FIUs jikkunsidraw kif rifjut li tiġi pprovduta informazzjoni jista' jkollu impatt fuq il-kooperazzjoni u l-għan usa' tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li rifjuti jkunu limitati għal ċirkostanzi eċċezzjonali, pereżempju meta l-informazzjoni toriġina minn FIU oħra li ma tkunx tat il-kunsens għad-disseminazzjoni ulterjuri tagħha, jew meta l-FIU ikollha raġunijiet biex temmen li l-informazzjoni mhux ser tintuża għall-finijiet li għalihom tkun intalbet. F'każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-FIU tipprovdi raġunijiet għar-rifjut. Tali raġunijiet jistgħu jinkludu l-kjarifika, pereżempju, li l-informazzjoni ma tkunx fil-pussess tal-FIU, jew li l-kunsens għal aktar disseminazzjoni ma jkunx ingħata.

(67)

Il-kooperazzjoni effettiva u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-FIUs u s-superviżuri huma ta' importanza kruċjali għall-integrità u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Dan jiżgura approċċ komprensiv u konsistenti għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu, isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tal-Unjoni u jissalvagwardja l-ekonomija mit-theddid maħluq minn attivitajiet finanzjarji illeċiti. Informazzjoni fil-pussess tal-FIUs li tappartjeni għal, pereżempju, il-kwalità u l-kwantità ta' rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi sottomessi mill-entitajiet marbutin b'obbligu, il-kwalità u t-tempestività tat-tweġibiet tal-entitajiet marbutin b'obbligu għal talbiet għal informazzjoni mill-FIUs, u informazzjoni dwar it-tipoloġiji, ix-xejriet u l-metodi ta’ tħasil tal-flus, tar-reati predikati tiegħu, u tal-finanzjament tat-terroriżmujistgħu jgħinu lis-superviżuri jidentifikaw oqsma fejn ir-riskji huma ogħla jew fejn il-konformità hija dgħajfa u b’hekk tipprovdilhom għarfien dwar jekk is-superviżjoni għandhiex bżonn tissaħħaħ fir-rigward ta' entitajiet jew setturi marbuta b'obbligu speċifiċi. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-FIUs jipprovdu ċerti tipi ta' informazzjoni lis-superviżuri, jew b'mod spontanju jew fuq talba, li tista' tkun rilevanti għall-finijiet tas-superviżjoni.

(68)

L-FIUs għandhom rwol importanti fl-identifikazzjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tan-networks terroristiċi, speċjalment dawk transfruntiera, u fid-detezzjoni tal-finanzjaturi tagħhom. L-intelligence finanzjarja tista' tkun ta' importanza fundamentali fil-kxif tal-faċilitazzjoni tar-reati terroristiċi kif ukoll tan-networks u tal-iskemi tal-organizzazzjonijiet terroristiċi. Hemm differenzi sinifikanti bejn l-FIUs f'dak li għandu x'jaqsam mal-funzjonijiet, mal-kompetenzi u mas-setgħat tagħhom. Madankollu jenħtieġ li d-differenzi attwali ma jaffettwawx l-attività ta' FIU, b'mod partikolari l-kapaċità tagħha li tiżviluppa analiżijiet preventivi b'appoġġ għall-awtoritajiet kollha responsabbli għall-intelligence, għall-attivitajiet investigattivi u ġudizzjarji, u għall-kooperazzjoni internazzjonali. Fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom, sar essenzjali li jiġi identifikat is-sett minimu ta' data li għalih l-FIUs jenħtieġ li jkollhom aċċess rapidu u li jkunu jistgħu jiskambjaw mingħajr impedimenti mal-kontropartijiet tagħhom minn Stati Membri oħra. F'kull każ ta' suspett ta' ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li l-informazzjoni tgħaddi direttament u malajr bejn FIUs mingħajr dewmien bla bżonn. Għaldaqstant huwa essenzjali li tkompli tissaħħaħ l-effettività u l-effiċjenza tal-FIUs, billi jiġu ċċarati s-setgħat tal-FIUs u l-kooperazzjoni ta' bejniethom.

(69)

Is-setgħat tal-FIUs jinkludu d-dritt ta' aċċess dirett jew indirett għall-informazzjoni “finanzjarja”, “amministrattiva” u “relatata mal-infurzar tal-liġi” li huma jeħtieġu għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu. In-nuqqas ta' definizzjoni ta' x'tipi ta' informazzjoni jinkludu dawk il-kategoriji ġenerali wassal biex l-FIUs ingħataw aċċess għal settijiet konsiderevolment diversifikati ta' informazzjoni li jaffettwa l-funzjonijiet analitiċi tal-FIUs kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jikkooperaw b'mod effettiv mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra, inkluż fil-qafas ta' eżerċizzji ta' analiżi konġunta. Għalhekk hemm bżonn li jiġu definiti s-settijiet minimi ta' informazzjoni “finanzjarja”, “amministrattiva” u “relatata mal-infurzar tal-liġi” li jenħtieġ li jsiru direttament jew indirettament disponibbli għal kull FIU madwar l-Unjoni. L-FIUs jirċievu u jaħżnu wkoll fil-bażijiet tad-data tagħhom, jew ikollhom aċċess għal, informazzjoni relatata ma' tranżazzjonijiet li jiġu rrapportati meta jinqabżu l-livelli limiti speċifikati (rapporti bbażati fuq il-livelli limitu). Dawk ir-rapporti huma sors importanti ta' informazzjoni u jintużaw b'mod wiesa' mill-FIUs fil-kuntest ta' analiżijiet domestiċi u konġunti. Għalhekk, ir-rapporti bbażati fuq il-livelli limitu huma fost it-tipi ta' informazzjoni skambjata permezz tal-FIU.net. L-aċċess dirett huwa prerekwiżit importanti għall-effettività operazzjonali u r-rispons tal-FIUs. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jipprovdu lill-FIUs b'aċċess dirett għal sett usa' ta' informazzjoni minn dawk meħtieġa minn din id-Direttiva. Fl-istess ħin, din id-Direttiva ma teħtieġx li l-Istati Membri jistabbilixxu bażijiet tad-data jew reġistri ġodda fil-każijiet fejn ċerti tipi ta' informazzjoni, pereżempju, informazzjoni dwar l-akkwist, tkun mifruxa fuq diversi repożitorji jew arkivji. Meta ma jkunux ġew stabbiliti bażi tad-data jew reġistru, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri oħra meħtieġa biex jiżguraw li l-FIUs ikunu jistgħu jiksbu dik l-informazzjoni b'mod rapidu. Barra minn hekk, l-FIUs jenħtieġ li jkunu jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni neċessarja kollha relatata mal-funzjonijiet tagħhom malajr minn kwalunkwe entità marbuta b'obbligu. Jenħtieġ li l-FIU tkun anke tista' tikseb tali informazzjoni fuq talba minn FIU oħra u li tiskambja dik l-informazzjoni mal-FIU rikjedenti.

(70)

Jenħtieġ li l-aċċess jitqies dirett u immedjat meta l-informazzjoni tkun tinsab f'bażi tad-data, reġistru jew sistema elettronika għall-irkupru tad-data li tippermetti lill-FIU tiksibha direttament, permezz ta' mekkaniżmu awtomatizzat, mingħajr l-involviment ta' intermedjarju. Meta l-informazzjoni tkun miżmuma minn entità jew awtorità oħra, l-aċċess dirett jinvolvi li dawk l-awtoritajiet jew l-entitajiet jittrażmettuha lill-FIU b'mod rapidu mingħajr ma jinterferixxu mal-kontenut tad-data mitluba jew mal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta. Jenħtieġ li l-informazzjoni ma tgħaddi mill-ebda filtrazzjoni. F'xi sitwazzjonijiet, madankollu, ir-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità mehmuża mal-informazzjoni jistgħu ma jippermettux l-għoti tal-informazzjoni b'mod mhux iffiltrat. Dan huwa l-każ, pereżempju, fejn l-informazzjoni dwar it-taxxa tista' tiġi pprovduta biss lill-FIUs bi qbil ma' awtorità tat-taxxa f'pajjiż terz, fejn l-aċċess dirett għall-informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi jista' jipperikola investigazzjoni li tkun għaddejja, kif ukoll fir-rigward tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri miġbura skont id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). F'tali każijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu kull sforz biex jiżguraw aċċess effettiv għall-informazzjoni mill-FIUs, inkluż billi jippermettu lill-FIUs ikollhom aċċess taħt kundizzjonijiet simili għal dawk offruti lil awtoritajiet oħra fil-livell nazzjonali biex jiffaċilitaw l-attivitajiet analitiċi tagħhom.

(71)

Il-maġġoranza l-kbira tal-FIUs ingħataw is-setgħa li jieħdu azzjoni urġenti u li jissospendu jew jirrifjutaw il-kunsens għal tranżazzjoni sabiex iwettqu l-analiżijiet, jikkonfermaw is-suspett u jaqsmu r-riżultati tal-attivitajiet analitiċi fost l-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, fost Stati Membri hemm ċerti varjazzjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam mas-setgħa relatata mat-tul tal-posponiment, b'impatt mhux biss fuq il-posponiment ta' attivitajiet ta' natura transfruntiera permezz tal-kooperazzjoni bejn FIU u FIU, iżda anke fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-FIUs ikollhom il-kapaċità li jissekwestraw fil-pront il-fondi jew l-assi kriminali u jipprevjenu d-dissipazzjoni tagħhom, anke għall-finijiet ta' sekwestru, jenħtieġ li l-FIUs jingħataw is-setgħa li jissospendu l-użu ta' kontijiet bankarji jew kont ta' pagament, kont tal-kriptoassi jew relazzjoni tan-negozju sabiex janalizzaw it-tranżazzjonijiet imwettqa permezz tal-kont jew ir-relazzjoni kummerċjali, jikkonfermaw is-suspett u jaqsmu r-riżultati tal-analiżi bejn l-awtoritajiet kompetenti relevanti. Minħabba li tali sospensjoni jkollha impatt fuq id-dritt għall-proprjetà, jenħtieġ li l-FIUs ikunu jistgħu jissospendu tranżazzjonijiet, kontijiet jew relazzjonijiet tan-negozju għal perjodu limitat sabiex jippreservaw il-fondi, iwettqu l-analiżijiet meħtieġa u jaqsmu r-riżultati tal-analiżijiet mal-awtoritajiet kompetenti għall-adozzjoni possibbli ta' miżuri xierqa. Minħabba l-impatt aktar sinifikanti fuq id-drittijiet fundamentali ta' persuna affettwata, is-sospensjoni ta' kont jew ta' relazzjoni tan-negozju jenħtieġ li tiġi imposta perjodu aktar limitat, li jenħtieġ li jiġi stabbilit għal ħamest ijiem tax-xogħol. L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu perjodu itwal ta' sospensjoni fejn, skont id-dritt nazzjonali, l-FIU teżerċita kompetenzi fil-qasam tal-irkupru tal-assi u twettaq funzjonijiet ta' traċċar, qbid, iffriżar jew konfiska ta' assi kriminali. F'każijiet bħal dawn, il-preservazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni affettwati jenħtieġ li tiġi ggarantita u jenħtieġ li l-FIUs jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom f'konformità mas-salvagwardji nazzjonali xierqa. Jenħtieġ li l-FIUs ineħħu s-sospensjoni tat-tranżazzjoni, kont jew relazzjoni tan-negozju hekk kif tali sospensjoni ma tibqax meħtieġa. Meta jiġi definit perjodu ta' sospensjoni itwal, jenħtieġ li l-persuni affettwati li t-tranżazzjonijiet, il-kontijiet jew ir-relazzjonijiet tan-negozju tagħhom ikunu ġew sospiżi jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw l-ordni ta' sospensjoni quddiem qorti.

(72)

F'ċirkostanzi speċifiċi, jenħtieġ li l-FIUs ikunu jistgħu jitolbu, f’isimhom jew f'isem FIU oħra, lil entità marbuta b'obbligu biex timmonitorja, għal perjodu definit, tranżazzjonijiet jew attivitajiet imwettqa permezz ta' kont bankarju jew kont ta' pagament jew kont tal-kriptoassi jew tip ieħor ta' relazzjoni tan-negozju fir-rigward ta' persuni li jippreżentaw riskju sinifikanti ta' ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu. Monitoraġġ aktar mill-qrib ta' kont jew relazzjoni tan-negozju jista' jipprovdi lill-FIU b'għarfien addizzjonali dwar ix-xejriet tat-tranżazzjonijiet tad-detentur tal-kont u jwassal għad-detezzjoni f'waqtha ta' tranżazzjonijiet jew attivitajiet mhux tas-soltu jew suspettużi li jistgħu jiġġustifikaw azzjoni ulterjuri mill-FIU, inkluż is-sospensjoni tal-kont jew ir-relazzjoni tan-negozju, l-analiżi tal-intelligence miġbura u d-disseminazzjoni tagħha lill-awtoritajiet investigattivi u ta' prosekuzzjoni. Jenħtieġ li l-FIUs ikunu jistgħu wkoll iwissu lill-entitajiet marbutin b'obbligu dwar informazzjoni rilevanti għat-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti. Tali twissijiet jistgħu jgħinu lill-entitajiet marbutin b'obbligu jinfurmaw il-proċeduri ta' diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti tagħhom u jiżguraw il-konsistenza tagħhom mar-riskji, jaġġornaw is-sistemi ta' valutazzjoni tar-riskju u ta' ġestjoni tar-riskju tagħhom kif xieraq u jipprovdulhom informazzjoni addizzjonali li tista' tiskatta l-ħtieġa għal diliġenza dovuta msaħħa dwar ċerti klijenti jew tranżazzjonijiet li jippreżentaw riskji ogħla.

(73)

Għall-finijiet ta' aktar trasparenza u responsabbiltà u sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom, jenħtieġ li l-FIUs joħorġu rapporti ta' attività fuq bażi annwali. Dawk ir-rapporti jenħtieġ li tal-anqas jipprovdu data statistika fir-rigward tar-rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi riċevuti u s-segwitu li jingħata, l-għadd ta' disseminazzjonijiet li saru mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u s-segwitu li jiġi pprovdut lil dawk id-disseminazzjonijiet, l-għadd ta' talbiet ippreżentati u li waslu mingħand FIUs oħra kif ukoll informazzjoni dwar ix-xejriet u t-tipoloġiji identifikati. Dawk ir-rapporti jenħtieġ li jiġu ppubblikati ħlief għall-partijiet minnhom li fihom informazzjoni sensittiva u klassifikata.

(74)

Jenħtieġ li tal-anqas darba fis-sena l-FIU tipprovdi feedback lill-entitajiet marbutin b'obbligu dwar il-kwalità tar-rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi, it-tempestività tagħhom, id-deskrizzjoni tas-suspett u kwalunkwe dokument addizzjonali pprovdut. Tali feedback jista' jiġi pprovdut lil entitajiet individwali marbutin b'obbligu jew lil gruppi ta' entitajiet marbutin b'obbligu u jenħtieġ li jkollu l-għan li jkompli jtejjeb il-kapaċità tal-entitajiet marbutin b'obbligu għad-detezzjoni u l-identifikazzjoni ta' tranżazzjonijiet u attivitajiet suspettużi, itejbu l-kwalità tar-rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi, itejbu l-mekkaniżmi ta' rappurtar ġenerali u jipprovdu lill-entitajiet marbutin b'obbligu b'għarfien importanti dwar ix-xejriet, it-tipoloġiji u r-riskji assoċjati mal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu. Meta jiddeterminaw it-tip u l-frekwenza tal-feedback, jenħtieġ li l-FIUs, sakemm ikun possibbli, iqisu oqsma fejn jista' jkun meħtieġ titjib fl-attivitajiet ta' rappurtar. Sabiex tappoġġa approċċ konsistenti fost l-FIUs u feedback adegwat lill-entitajiet marbutin b'obbligu, jenħtieġ li l-AMLA toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-FIUs dwar l-aħjar prattiki u approċċi lejn l-għoti ta' feedback. Meta dan ma jipperikolax il-ħidma analitika jew investigattiva, l-FIUs jistgħu jikkunsidraw li jipprovdu feedback dwar l-użu li jkun sar jew dwar l-eżitu ta' rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi, kemm jekk dwar rapporti individwali kif ukoll jekk b'mod aggregat. Jenħtieġ li l-FIUs jipprovdu wkoll lill-awtoritajiet doganali b'feedback, mill-inqas darba fis-sena, dwar l-effettività u s-segwitu għar-rapporti dwar il-movimenti fiżiċi transfruntiera tal-flus kontanti.

(75)

L-iskop tal-FIU huwa li tiġbor u tanalizza l-informazzjoni bil-għan li tistabbilixxi rabtiet bejn it-tranżazzjonijiet jew attivitajiet suspettużi u l-attività kriminali sottostanti sabiex tipprevjeni u tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u li taqsam ir-riżultati tal-analiżi tagħha kif ukoll informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet kompetenti meta jkun hemm raġunijiet ta' suspett ta' ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li FIU ma toqgħodx lura jew tirrifjuta l-iskambju ta' informazzjoni ma' FIU oħra, b'mod spontanju jew fuq talba, għal raġunijiet bħan-nuqqas ta' identifikazzjoni ta' reat predikat, il-karatteristiċi tal-liġijiet kriminali nazzjonali u differenzi bejn id-definizzjonijiet ta' reati predikati jew in-nuqqas ta' referenza għal reati predikati partikolari. L-FIUs irrapportaw diffikultajiet fl-iskambju ta' informazzjoni minħabba differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali ta' ċerti reati predikati assoċjati, bħal reati fiskali, li ma humiex armonizzati fid-dritt tal-Unjoni. Jenħtieġ li tali differenzi ma jxekklux l-iskambju reċiproku, id-disseminazzjoni lil awtoritajiet kompetenti oħra u l-użu ta' dik l-informazzjoni. Jenħtieġ li l-FIUs jiżguraw b'mod rapidu, kostruttiv u effettiv l-aktar firxa wiesgħa ta' kooperazzjoni internazzjonali ma' FIUs ta' pajjiżi terzi fir-rigward tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tagħha u l-finanzjament tat-terroriżmu f'konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data fil-każ ta' trasferimenti tad-data, ir-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF u l-Prinċipji Egmont għall-Iskambju ta' Informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-FIUs jiġu mħeġġa jikkonkludu ftehimiet bilaterali u memoranda ta' qbil ma' kontropartijiet minn pajjiżi terzi, filwaqt li jqisu kwalunkwe obbligu tad-drittijiet fundamentali u l-ħtieġa li jiġi protett l-istat tad-dritt.

(76)

FIU tista' timponi ċerti restrizzjonijiet u limitazzjonijiet fir-rigward tal-użu ulterjuri ta' informazzjoni li tipprovdi lil FIU oħra. Jenħtieġ li l-FIU riċevitur juża l-informazzjoni biss għall-finijiet li għalihom tkun intalbet jew ġiet ipprovduta. Jenħtieġ li l-FIU tagħti l-kunsens minn qabel tagħha lil FIU oħra biex tibgħat l-informazzjoni lil awtoritajiet kompetenti oħra irrispettivament mit-tip ta' reat predikat possibbli u irrispettivament mill-fatt jekk ir-reat predikat ikunx ġie identifikat fil-ħin tal-iskambju, sabiex tippermetti l-eżekuzzjoni effettiva tal-funzjoni ta' disseminazzjoni. Tali kunsens minn qabel għal aktar disseminazzjoni jenħtieġ li jingħata minnufih u jenħtieġ li ma jiġix irrifjutat sakemm ma jkunx jaqa' lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-AML/CFT jew ma jkunx f'konformità mal-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali. Jenħtieġ li l-FIUs jipprovdu spjegazzjoni fir-rigward ta' kwalunkwe rifjut li jingħata l-kunsens.

(77)

Jenħtieġ li l-FIUs jużaw faċilitajiet sikuri, inkluż kanali ta' komunikazzjoni protetti, biex jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni ma' xulxin. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-FIUs tal-Istati Membri (“FIU.net”). Jenħtieġ li s-sistema tiġi ġestita u ospitata mill-AMLA u jenħtieġ li tipprevedi l-ogħla livell ta' sigurtà u l-kriptaġġ sħiħ tal-informazzjoni skambjata. Jenħtieġ li l-FIUs jużaw l-FIU.net biex jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni bejniethom u tista' tintuża wkoll, fejn xieraq, u soġġett għal deċiżjoni mill-AMLA, għall-iskambju ta' informazzjoni ma' FIUs ta' pajjiżi terzi u ma' awtoritajiet u korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-FIUs jużaw il-potenzjal massimu tal-funzjonalitajiet tal-FIU.net. Jenħtieġ li dawk il-funzjonalitajiet jippermettu lill-FIUs iqabblu d-data tagħhom ma' dik ta' FIUs oħrajn b'mod psewdoanonimu, bil-għan li jiġu individwati s-suġġetti ta' interess għall-FIUs fi Stati Membri oħrajn u li jiġu identifikati r-rikavati u l-fondi tagħhom filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni sħiħa tad-data personali. Sabiex jidentifikaw ir-rabtiet bejn l-informazzjoni finanzjarja u l-intelligence kriminali, jenħtieġ li l-FIUs ikunu jistgħu jużaw ukoll il-funzjonalitajiet tal-FIU.net biex iqabblu trasversalment b'mod psewdonimu d-data tagħhom mal-informazzjoni miżmuma mill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni sa fejn tali tlaqqigħ trasversali jaqa' taħt il-mandati legali rispettivi ta' dawn tal-aħħar u b'rispett sħiħ tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(78)

Huwa importanti li l-FIUs jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni b'mod effettiv ma' xulxin. F'dak ir-rigward, jenħtieġ li l-AMLA tipprovdi l-assistenza meħtieġa, mhux biss billi tikkoordina analiżijiet konġunti ta' rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi transfruntiera, iżda wkoll billi tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-format li jrid jintuża għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-FIUs, il-mudell għall-preżentazzjoni ta' rapporti ta' tranżazzjonijiet suspettużi u r-rilevanza u l-kriterji ta' għażla li jridu jitqiesu meta jkun qed jiġi determinat jekk rapport dwar tranżizzjoni suspettuża jikkonċerna Stat Membru ieħor, kif ukoll linji gwida dwar in-natura, il-karatteristiċi u l-objettivi ta' analiżi operazzjonali u strateġika u dwar il-proċeduri li jridu jiġu stabbiliti meta jiġi sottomess u riċevut rapport dwar tranżizzjoni suspettuża li jikkonċerna Stat Membru ieħor u s-segwitu li jrid jingħata. Jenħtieġ li l-AMLA tistabbilixxi wkoll proċess ta' rieżami bejn il-pari sabiex issaħħaħ il-konsistenza u l-effettività tal-attivitajiet tal-FIUs u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-FIUs.

(79)

L-FIUs huma responsabbli biex jirċievu rapporti dwar tranżazzjonijiet jew attivitajiet suspettużi minn entitajiet marbutin b'obbligu stabbiliti fit-territorju tal-Istati Membri tagħhom. Madankollu, ċerti transazzjonijiet jew attivitajiet suspettużi rrapportati lill-FIUs jistgħu jappartjenu għal attivitajiet imwettqa minn entitajiet marbutin b'obbligu fi Stati Membri oħra, fejn joperaw mingħajr stabbiliment. F'dawk il-każijiet, huwa importanti li l-FIUs jaqsmu dawk ir-rapporti mal-kontroparti tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat mit-tranżazzjoni jew l-attività, mingħajr ma jehmżu kundizzjonijiet mal-użu ta' dawk ir-rapporti. Is-sistema FIU.net tippermetti d-disseminazzjoni ta' tali rapporti transfruntiera. Sabiex tissaħħaħ dik il-funzjonalità, is-sistema għaddejja minn titjib biex tippermetti d-disseminazzjoni rapida ta' tali rapporti u biex tappoġġa skambji sinifikanti ta' informazzjoni bejn l-FIUs, u b’hekk l-implimentazzjoni effettiva ta' din id-Direttiva.

(80)

Il-limiti ta' żmien għall-iskambji ta' informazzjoni bejn l-FIUs huma neċessarji sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni rapida, effettiva u konsistenti. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti termini ta' żmien sabiex tiġi żgurata l-kondiviżjoni effettiva tal-informazzjoni fi żmien raġonevoli jew sabiex jiġu jintlaħqu restrizzjonijiet proċedurali. F'każijiet eċċezzjonali, ġustifikati u urġenti jenħtieġ li jiġu previsti termini iqsar biex l-FIU rikjesta tkun tista' taċċessa direttament il-bażijiet tad-data fejn tkun miżmuma l-informazzjoni mitluba. Fil-każijiet fejn l-FIU rikjesta ma tkunx tista' tipprovdi l-informazzjoni fil-limitu ta' żmien, jenħtieġ li tinforma lill-FIU rikjedenti b'dan.

(81)

Il-moviment ta' flus illeċiti jaqsam il-fruntieri u jista' jaffettwa Stati Membri b'modi differenti. Il-każijiet transfruntiera, li jinvolvu diversi ġuriżdizzjonijiet, qed isiru dejjem aktar frekwenti u sinifikanti, anki minħabba l-attivitajiet imwettqa mill-entitajiet marbutin b'obbligu fuq bażi transfruntiera. Sabiex jittrattaw b'mod effettiv każijiet li jikkonċernaw Stati Membri differenti, jenħtieġ li l-FIUs jkunu jistgħu jmorru lil hinn mis-sempliċi skambju ta' informazzjoni għad-detezzjoni u l-analiżi ta' tranżazzjonijiet u ta' attivitajiet suspettużi u jwettqu b’mod konġunt l-attività analitika nnifisha. L-FIUs irrapportaw ċerti kwistjonijiet importanti li jillimitaw jew li jikkundizzjonaw il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw f'analiżi konġunta. It-twettiq ta' analiżi konġunta ta' tranżazzjonijiet u ta' attivitajiet suspettużi jippermetti lill-FIUs jisfruttaw sinerġiji potenzjali, li jużaw informazzjoni minn sorsi differenti, li jiksbu stampa sħiħa tal-attivitajiet anomali u li jarrikkixxu l-analiżi. Jenħtieġ li l-FIUs ikunu jistgħu jwettqu analiżijiet konġunti ta' tranżazzjonijiet u ta' attivitajiet suspettużi kif ukoll jistabbilixxu u jipparteċipaw f'timijiet konġunti tal-analiżi għal skopijiet speċifiċi u għal perjodu limitat bl-assistenza tal-AMLA. Jenħtieġ li l-AMLA tuża s-sistema FIU.net sabiex tkun tista' tibgħat, tirċievi u tqabbel trasversalment informazzjoni u tipprovdi appoġġ operazzjonali lill-FIUs fil-kuntest tal-analiżi konġunta ta' każijiet transfruntiera.

(82)

Il-parteċipazzjoni ta' partijiet terzi, inkluż korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, tista' tkun strumentali għall-eżitu b'suċċess tal-analiżijiet tal-FIUs, inkluż analiżijiet konġunti. Għalhekk, l-FIUs jistgħu jistiednu partijiet terzi biex jipparteċipaw fl-analiżi konġunta meta tali parteċipazzjoni taqa' fil-mandati rispettivi ta' dawk il-partijiet terzi. Il-parteċipazzjoni minn partijiet terzi fil-proċess analitiku tista' tgħin biex jiġu identifikati rabtiet bejn intelligence finanzjarja u informazzjoni u intelligence kriminali, tarrikkixxi l-analiżi u tiddetermina jekk hemmx indikazzjonijiet li jkun twettaq reat kriminali.

(83)

Is-superviżjoni effettiva tal-entitajiet kollha marbuta b'obbligu hija essenzjali biex tiġi mħarsa l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u tas-suq intern. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw superviżjoni effettiva u imparzjali fil-qasam tal-AML/CFT u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni effettiva, f'waqtha u sostnuta bejn is-superviżuri.

(84)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw superviżjoni effettiva, imparzjali u bbażata fuq ir-riskju tal-entitajiet marbutin b'obbligu kollha, preferibbilment min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, permezz ta' superviżur nazzjonali mhux relatat u indipendenti. Is-superviżuri nazzjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu firxa komprensiva ta' kompiti sabiex jeżerċitaw superviżjoni effettiva tal-entitajiet marbutin b'obbligu kollha.

(85)

F'ċerti okkażjonijiet l-Unjoni osservat approċċ laxk għas-superviżjoni tad-dmirijiet tal-entitajiet marbutin b'obbligu f'termini ta' dmirijiet kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, huwa meħtieġ li s-superviżuri nazzjonali, bħala parti mill-mekkaniżmu superviżorju integrat stabbilit minn din id-Direttiva u mir-Regolament (UE) 2024/1620, jiksbu ċarezza dwar id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom.

(86)

Sabiex jivvalutaw u jimmonitorjaw b'mod aktar effettiv u regolari r-riskji li għalihom entitajiet marbutin b'obbligu huma esposti u l-politiki interni, il-proċeduri u l-kontrolli li jistabbilixxu biex jimmaniġġjaw u jimmitigaw dawk ir-riskji u biex jimplimentaw sanzjonijiet finanzjarji mmirati, hemm bżonn li jiġi ċċarat li s-superviżuri nazzjonali għandhom id-dritt u l-obbligu li jwettqu l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa fuq il-post kif ukoll mhux fuq il-post u kontrolli tematiċi kif ukoll investigazzjonijiet u valutazzjonijiet oħra skont kif iqisu meħtieġ. Jenħtieġ li jkunu jistgħu wkoll jirreaġixxu mingħajr dewmien bla bżonn għal kwalunkwe suspett ta' nonkonformità mar-rekwiżiti applikabbli u li jieħdu miżuri superviżorji xierqa biex jindirizzaw allegazzjonijiet ta' nonkonformità. Dan mhux ser jgħin biss lis-superviżuri jiddeċiedu dwar dawk il-każijiet fejn ir-riskji speċifiċi inerenti f'settur ikunu ċari u mifhuma, iżda jagħtihom ukoll l-għodod meħtieġa biex ikomplu jaqsmu l-informazzjoni rilevanti lill-entitajiet marbutin b'obbligu u jinforma l-fehim tagħhom dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(87)

L-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, inkluż id-disseminazzjoni ta' informazzjoni mis-superviżuri lill-entitajiet marbutin b'obbligu taħt is-superviżjoni tagħhom, huma essenzjali biex jiġi ggarantit li s-settur privat jifhem sew in-natura u l-livell tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li jiffaċċaw. Dan jinkludi t-tixrid ta' nominazzjonijiet taħt sanzjonijiet finanzjarji mmirati u sanzjonijiet finanzjarji tan-NU, li neħtieġ li jseħħu immedjatament ladarba tali nominazzjonijiet isiru sabiex is-settur ikun jista' jikkonforma mal-obbligi tagħhom. Peress li l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-AML/CFT mill-entitajiet marbutin b'obbligu tinvolvi l-ipproċessar ta' data personali, huwa importanti li s-superviżuri jkunu konxji tal-gwida u ma' pubblikazzjonijiet oħra maħruġa mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-Unjoni permezz tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u li jinkludu dik l-informazzjoni, kif xieraq, fid-disseminazzjonijiet tagħhom lill-entitajiet taħt is-superviżjoni tagħhom.

(88)

Jenħtieġ li s-superviżuri jadottaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju lejn il-ħidma tagħhom, li jippermettilhom jikkonċentraw ir-riżorsi tagħhom fejn ir-riskji jkunu l-ogħla, filwaqt li jiġi żgurat li l-ebda settur jew entità ma titħalla esposta għal tentattivi kriminali ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu. Għal dak il-għan, jenħtieġ li s-superviżuri jippjanaw l-attivitajiet tagħhom fuq bażi annwali. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li mhux biss jiżguraw kopertura bbażata fuq ir-riskju tas-setturi taħt is-superviżjoni tagħhom, iżda wkoll li jkunu jistgħu jirreaġixxu fil-pront fil-każ ta' indikazzjonijiet oġġettivi u sinifikanti ta' ksur fl-entità marbuta b'obbligu, inkluż b'mod partikolari wara rivelazzjonijiet pubbliċi jew informazzjoni ppreżentata mill-informaturi. Jenħtieġ li s-superviżuri jiżguraw ukoll it-trasparenza fir-rigward tal-attivitajiet superviżorji li wettqu, bħall-kulleġġi superviżorji li organizzaw u attendew, l-azzjonijiet superviżorji fuq il-post u mhux fuq il-post meħuda, s-sanzjonijiet pekunarji imposti jew il-miżuri amministrattivi applikati. Jenħtieġ li l-AMLA jkollha rwol ewlieni fit-trawwim ta' fehim komuni dwar ir-riskji, u għalhekk jenħtieġ li tiġi fdata bl-iżvilupp tal-parametri referenzjarji u metodoloġija għall-valutazzjoni u għall-klassifikazzjoni tal-profil tar-riskju inerenti u residwu tal-entitajiet marbutin b'obbligu, kif ukoll il-frekwenza li biha tali profil tar-riskju jenħtieġ li jiġi rivedut.

(89)

Id-divulgazzjoni ta' fatti lill-FIUs li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu mis-superviżuri hija waħda mill-pedamenti ta' superviżjoni effiċjenti u effettiva tar-riskji ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu, u tippermetti lis-superviżuri jindirizzaw nuqqasijiet fil-proċess ta' rappurtar ta' entitajiet marbutin b'obbligu. Għal dak il-għan, jenħtieġ li s-superviżuri jkunu jistgħu jirrapportaw lill-FIU każijiet ta' suspetti li l-entità marbuta b'obbligu tkun naqset milli tirrapporta jew tikkomplementa r-rapporti ppreżentati mill-entità marbuta b'obbligu b'informazzjoni addizzjonali, li huma jindividwaw matul l-attivitajiet superviżorji tagħhom. Jenħtieġ li s-superviżuri jkunu jistgħu wkoll jirrapportaw ukoll suspetti ta' ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu mill-impjegati ta' entitajiet marbutin b'obbligu, jew persuni f'pożizzjoni ekwivalenti, mill-maniġment tagħha jew mis-sidien benefiċjarji tagħha. Għalhekk, jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema li tiżgura li l-FIUs ikunu adegwatament u tempestivament infurmati. Ir-rappurtar ta' suspetti lill-FIU jenħtieġ li ma jinftiehemx bħala dak li jissostitwixxi l-obbligu għall-awtoritajiet pubbliċi li jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti kwalunkwe attività kriminali li jikxfu jew li jsiru konxji tagħha matul it-twettiq tal-kompiti tagħhom. L-informazzjoni koperta mill-privileġġ legali jenħtieġ li la tinġabar u lanqas tiġi kkonsultata fil-kuntest tal-kompiti superviżorji, sakemm ma japplikawx l-eżenzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1624 Jekk is-superviżuri jiltaqgħu jew ikollhom fil-pussess tagħhom tali informazzjoni, jenħtieġ li ma jqisux din l-informazzjoni għall-finijiet tal-attivitajiet superviżorji tagħhom u lanqas ma jirrapportawha lill-FIU.

(90)

Il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri nazzjonali hija essenzjali biex jiġi żgurat approċċ superviżorju komuni madwar l-Unjoni kollha. Sabiex tkun effettiva, dik il-kooperazzjoni trid tiġi użata sal-massimu possibbli u irrispettivament min-natura jew mill-istatus rispettiv tas-superviżuri. Minbarra l-kooperazzjoni tradizzjonali – bħall-kapaċità li jwettqu investigazzjonijiet f'isem awtorità superviżorja rikjedenti – huwa xieraq li jingħata mandat biex jitwaqqfu kulleġġi superviżuri għall-AML/CFT fis-settur finanzjarju fir-rigward tal-entitajiet marbutin b'obbligu li joperaw f'diversi Stati Membri permezz ta' stabbilimenti u fir-rigward ta' entitajiet marbutin b'obbligu li huma parti minn grupp transfruntier. Is-superviżuri finanzjarji ta' pajjiż terz jistgħu jiġu mistiedna għal dawk il-kulleġġi taħt ċerti kundizzjonijiet, inkluż rekwiżiti ta' kunfidenzjalità ekwivalenti għal dawk imposti fuq is-superviżuri finanzjarji tal-Unjoni u l-konformità mad-dritt tal-Unjoni rigward l-ipproċessar u t-trażmissjoni ta' data personali. L-attivitajiet tal-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT jenħtieġ li jkunu proporzjonati mal-livell li għalih tkun esposta l-istituzzjoni ta' kreditu jew l-istituzzjoni finanzjarja, u l-iskala tal-attività transfruntiera.

(91)

Id-Direttiva (UE) 2015/849 kienet tinkludi rekwiżit ġenerali biex is-superviżuri tal-Istati Membri domiċiljari u ta' dak ospitanti jikkooperaw ma' xulxin. Dak ir-rekwiżit ġie sussegwentement imsaħħah biex tiġi evitata l-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni irraġonevoli fuq l-iskambju ta' informazzjoni u fuq il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri. Madankollu, fin-nuqqas ta' qafas ġuridiku ċar, it-twaqqif ta' kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT kien ibbażat fuq linji gwida mhux vinkolanti. Għalhekk hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli ċari għall-organizzazzjoni tal-kulleġġi għall-AML/CFT u li jiġi previst approċċ ikkoordinat u legalment b'saħħtu, li jirrikonoxxi l-ħtieġa għal interazzjoni strutturata bejn is-superviżuri madwar l-Unjoni kollha. F'konformità mar-rwol ta' koordinazzjoni u ta' sorveljanza tagħha, jenħtieġ li l-AMLA tiġi fdata bl-iżvilupp tal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ġenerali li jippermettu l-funzjonament xieraq tal-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT.

(92)

L-entitajiet marbutin b'obbligu li joperaw fis-settur mhux finanzjarju jistgħu jwettqu wkoll attivitajiet transfruntiera jew ikunu parti minn gruppi li jwettqu attivitajiet transfruntiera. Huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti regoli li jiddefinixxu l-funzjonament tal-kulleġġi superviżorji tal-AML/CFT għal gruppi li jwettqu kemm attivitajiet finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji, u li jippermettu l-istabbiliment ta' kulleġġi superviżorji fis-settur mhux finanzjarju, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu applikati salvagwardji addizzjonali fir-rigward ta' gruppi jew entitajiet transfruntiera li jipprovdu servizzi legali. Sabiex tiġi żgurata superviżjoni transfruntiera effettiva fis-settur mhux finanzjarju, jenħtieġ li l-AMLA tipprovdi appoġġ għall-funzjonament ta' tali kulleġġi u tipprovdi regolarment l-opinjoni tagħha dwar il-funzjonament ta' dawk il-kulleġġi hekk kif l-implimentazzjoni tal-qafas ta' abilitazzjoni previst minn din id-Direttiva tavvanza.

(93)

Meta entità marbuta b'obbligu topera stabbilimenti fi Stat Membru ieħor, inkluż permezz ta' network ta' aġenti, is-superviżur tal-Istat Membru domiċiljari jenħtieġ li jkun responsabbli biex iwettaq superviżjoni ta' kif l-entità marbuta b'obbligu tapplika l-politiki u l-proċeduri tal-AML/CFT fil-grupp kollu. Dan jista' jinvolvi żjarat fuq il-post fi stabbilimenti bbażati fi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li s-superviżur tal-Istat Membru domiċiljari jikkoopera mill-qrib mas-superviżur tal-Istat Membru ospitanti u jenħtieġ li jinformahdwar kwalunkwe kwistjoni li tista' taffettwa l-valutazzjoni tagħhom tal-konformità tal-istabbiliment mar-regoli tal-AML/CFT tal-Istat Membru ospitanti.

(94)

Meta entità marbuta b'obbligu topera stabbilimenti fi Stat Membru ieħor, inkluż permezz ta' network ta' aġenti, is-superviżur tal-Istat Membru ospitanti jenħtieġ li jibqa' responsabbli għall-infurzar tal-konformità tal-istabbiliment mar-regoli fil-qasam tal-AML/CFT, inkluż fejn xieraq, billi jwettaq spezzjonijiet fuq il-post u monitoraġġ mhux fuq il-post u billi jieħu miżuri adatti u proporzjonati biex jindirizza ksur ta' dawk ir-rekwiżiti. L-istess jenħtieġ li japplika għal tipi oħra ta' infrastruttura ta' entitajiet marbutin b'obbligu li joperaw bil-libertà li jipprovdu servizzi, fejn dik l-infrastruttura tkun biżżejjed biex tirrikjedi superviżjoni mis-superviżur tal-Istat Membru ospitanti. Jenħtieġ li s-superviżur tal-Istat Membru ospitanti jikkoopera mill-qrib mas-superviżur tal-Istat Membru domiċiljari u jenħtieġ li jinformahdwar kwalunkwe kwistjoni li tista' taffettwa l-valutazzjoni tiegħu tal-applikazzjoni tal-politiki u tal-proċeduri fil-qasam tal-AML/CFT mill-entità marbuta b'obbligu, u jippermetti lis-superviżur tal-Istat Membru domiċiljari jieħu miżuri biex jindirizza kwalunkwe ksur identifikat. Madankollu, fejn jiġi individwat ksur serju ripetut jew sistematiku tar-regoli tal-AML/CFT li jeħtieġu rimedji immedjati, jenħtieġ li s-superviżur tal-Istat Membru ospitanti jkun jista' japplika miżuri temporanji ta' rimedju adatti u proporzjonati, applikabbli f'ċirkostanzi simili għall-entitajiet marbutin b'obbligu taħt il-kompetenza tagħhom, sabiex jiġi indirizzat dan il-ksur serju ripetut jew sistematiku, fejn ikun il-każ, bl-assistenza, jew f'kooperazzjoni mas-superviżur tal-Istat Membru domiċiljari.

(95)

F'oqsma li mhumiex armonizzati fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali, anke meta dawk il-miżuri jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertajiet tas-suq intern. Dan huwa l-każ, pereżempju, għal miżuri li jittieħdu biex jirregolaw il-forniment ta' servizzi tal-logħob tal-azzard, b'mod partikolari meta dawk l-attivitajiet jitwettqu online, mingħajr ebda infrastruttura fl-Istat Membru. Madankollu, sabiex ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li tali miżuri jiksbu interess ġenerali, ikunu nondiskriminatorji u adatti biex jintlaħaq dak l-objettiv, u ma jridux imorru lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv. Meta l-Istati Membri jissoġġettaw il-forniment ta' servizzi li huma regolati skont il-qafas tal-AML/CFT tal-Unjoni għal rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni speċifiċi, bħall-kisba ta' liċenzja, jenħtieġ li jkunu responsabbli wkoll għas-superviżjoni ta' dawk is-servizzi. Ir-rekwiżit ta' superviżjoni ta' dawk is-servizzi ma jippreġudikax il-konklużjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tista' tfassal fuq il-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

(96)

Fid-dawl tal-vulnerabbiltajiet speċifiċi kontra l-ħasil tal-flus relatati mal-emittenti ta' flus elettroniċi, il-fornituri ta’ servizzi ta' pagament u l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jeżiġu li l-fornituri stabbiliti fit-territorju tagħhom f'forom oħra għajr fergħa jew permezz ta' tipi oħra ta' infrastruttura u li s-sede tal-uffiċċju ewlieni tagħhom tkun tinsab fi Stat Membru ieħor jaħtru punt ta' kuntatt ċentrali. Tali punt ta' kuntatt ċentrali, li jaġixxi f'isem l-istituzzjoni tal-ħatra, jenħtieġ li jiżgura l-konformità tal-istabbilimenti mar-regoli dwar l-AML/CFT.

(97)

Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar tal-isforzi u jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-ħtiġijiet tal-mekkaniżmu superviżorju integrat, jenħtieġ li jiġu ċċarati d-dmirijiet rispettivi tas-superviżuri fir-rigward ta' entitajiet marbutin b'obbligu li joperaw fi Stati Membri oħra permezz ta’ stabbilimenti jew forom ta’ infrastruttura li tiġġustifika superviżjoni mill-Istat Membru ospitanti, u jenħtieġ li jiġu previsti mekkaniżmi speċifiċi u proporzjonati ta' kooperazzjoni.

(98)

Jeħtieġ li l-gruppi transfruntiera jkollhom fis-seħħ politiki u proċeduri ta' portata wiesgħa fil-livell ta' grupp. Sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet transfruntiera jkunu akkumpanjati minn superviżjoni adegwata, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli superviżorji dettaljati, li jippermettu lis-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari u lil dawk tal-Istat Membru ospitanti jikkooperaw kemm jista' jkun ma' xulxin, irrispettivament min-natura jew mill-istatus rispettiv tagħhom, u mal-AMLA biex jivvalutaw ir-riskji u jimmonitorjaw l-iżviluppi li jistgħu jaffettwaw id-diversi entitajiet li jagħmlu parti mill-grupp u jikkoordinaw azzjoni superviżorja u jsolvu t-tilwimiet. Minħabba r-rwol ta' koordinazzjoni tagħha, jenħtieġ li l-AMLA tiġi fdata bid-dmir li tiżviluppa l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li jiddefinixxi d-dmirijiet rispettivi dettaljati tas-superviżuri domiċiljari u dawk ospitanti tal-gruppi, kif ukoll l-arranġamenti għall-kooperazzjoni bejniethom. Is-sorveljanza tal-implimentazzjoni effettiva tal-politika fil-qasam tal-AML/CFT fil-grupp jenħtieġ li ssir f'konformità mal-prinċipji u l-metodi ta' superviżjoni kkonsolidata kif stabbilit fl-atti legali settorjali tal-Unjoni rilevanti.

(99)

L-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn is-superviżuri huma essenzjali fil-kuntest ta' sistemi finanzjarji globali dejjem aktar integrati. Min-naħa waħda, is-superviżuri tal-Unjoni, inkluż l-AMLA, jenħtieġ li jinfurmaw lil xulxin dwar każijiet li fihom il-liġi ta' pajjiż terz ma tippermettix l-implimentazzjoni tal-politiki u tal-proċeduri meħtieġa skont ir-Regolament (UE) 2024/1624. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jagħtu l-awtorizzazzjoni tagħhom lis-superviżuri biex jikkonkludu ftehimiet ta' kooperazzjoni li jipprevedu l-kooperazzjoni u l-iskambji ta' informazzjoni kunfidenzjali mal-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi, f'konformità mar-regoli applikabbli għat-trasferimenti ta' data personali. Minħabba r-rwol ta' sorveljanza tagħha, jenħtieġ li l-AMLA tipprovdi l-assistenza tagħha, skont kif meħtieġ, biex tiġi vvalutata l-ekwivalenza tar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali applikabbli għall-pajjiż terz kontroparti.

(100)

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tippermetti lill-Istati Membri jafdaw is-superviżjoni ta' ċerti entitajiet marbutin b'obbligu lil korpi ta' awtoregolamentazzjoni. Madankollu, il-kwalità u l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata minn tali korpi ta' awtoregolamentazzjoni ma kinux biżżejjed, u ma kienu taħt l-ebda jew kważi l-ebda skrutinju pubbliku. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jafda s-superviżjoni lil korp ta' awtoregolamentazzjoni, jenħtieġ li jaħtar ukoll awtorità pubblika biex tissorvelja l-attivitajiet tal-korp ta' awtoregolamentazzjoni biex tiżgura li l-eżekuzzjoni ta' dawk l-attivitajiet hija konformi ma’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li dik l-awtorità pubblika tkun entità tal-amministrazzjoni pubblika u jenħtieġ li twettaq il-funzjonijiet tagħha ħielsa minn influwenza indebita. Il-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati mill-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta' awtoregolamentazzjoni ma jimplikawx li l-awtorità jenħtieġ li teżerċita funzjonijiet superviżorji fir-rigward ta' entitajiet marbutin b'obbligu, u lanqas tieħu deċiżjonijiet f'każijiet individwali ttrattati mill-korp awtoregolatorju. Madankollu, dan ma jżommx lill-Istati Membri milli jallokaw kompiti addizzjonali lil dik l-awtorità jekk iqisu li dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta' din id-Direttiva. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kompiti addizzjonali jkunu konformi mad-drittijiet fundamentali, u b'mod partikolari li dawk il-kompiti ma jfixklux l-eżerċizzju tad-dritt tad-difiża u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn l-avukat u l-klijent.

(101)

L-importanza tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jenħtieġ li twassal biex l-Istati Membri jistabbilixxu sanzjonijiet pekunarji u miżuri amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi fid-dritt nazzjonali fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mar-Regolament (UE) 2024/1624 Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu s-setgħa lis-superviżuri nazzjonali biex japplikaw tali miżuri amministrattivi fuq entitajiet marbutin b'obbligu biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni f'każ ta' ksur u, fejn il-ksur jiġġustifika dan, jimponu sanzjonijiet pekunarji. Skont is-sistemi organizzattivi fis-seħħ fl-Istati Membri, tali miżuri u sanzjonijiet jistgħu jiġu applikati wkoll f'kooperazzjoni bejn is-superviżuri u awtoritajiet oħra, b'delega mis-superviżuri lil awtoritajiet oħra jew b'applikazzjoni mis-superviżuri lill-awtoritajiet ġudizzjarji. Jenħtieġ li l-firxa ta' sanzjonijiet pekunarji u ta' miżuri amministrattivi tkun wiesgħa biżżejjed biex tippermetti lill-Istati Membri u lis-superviżuri jifhmu d-differenzi bejn l-entitajiet marbutin b'obbligu, b'mod partikolari bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu u entitajiet oħra marbutin b'obbligu, f'dak li għandu x'jaqsam mad-daqs, il-karatteristiċi u n-natura tan-negozju tagħhom.

(102)

Attwalment l-Istati Membri għandhom fis-seħħ firxa varja ta' sanzjonijiet pekunarji u ta' miżuri amministrattivi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet preventivi ewlenin u approċċ inkonsistenti lejn l-investigazzjoni u s-sanzjonar tal-ksur tar-rekwiżiti kontra l-ħasil tal-flus. Barra minn hekk, m’hemmx fehim komuni bejn is-superviżuri dwar x'jenħtieġ li jikkostitwixxi ksur “serju” u b'hekk ma jistgħux jevalwaw malajr meta jenħtieġ li tiġi imposta sanzjoni pekunarja. Dik id-diversità hija ta' detriment għall-isforzi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u r-rispons tal-Unjoni huwa wieħed frammentat. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji komuni biex jiġi ddeterminat l-aktar rispons superviżorju xieraq fil-każ ta' ksur u jenħtieġ li tiġi prevista firxa ta' miżuri amministrattivi li s-superviżuri jistgħu japplikaw biex jirrimedjaw ksur, kemm jekk f'kombinazzjoni ma' sanzjonijiet pekunarji jew meta l-ksur ma jkunx serju biżżejjed biex jiġi ppenalizzat b'sanzjoni pekunarja waħedha. Sabiex l-entitajiet marbutin b'obbligu jiġu inċentivati jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2024/1624, hemm bżonn li tissaħħaħ in-natura dissważiva tas-sanzjonijiet pekunarji. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiżdied l-ammont minimu tal-penali massima li tista' tiġi imposta f'każ ta' ksur serju tar-Regolament (UE) 2024/1624. Fit-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet pekunarji u l-applikazzjoni ta' miżuri amministrattivi, u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet kriminali f'konformità mad-dritt nazzjonali, ma tmurx kontra l-prinċipju ta' ne bis in idem.

(103)

Fil-każ ta' entitajiet marbutin b'obbligu li huma persuni ġuridiċi, il-ksur tar-rekwiżiti tal-AML/CFT iseħħ wara azzjoni minn persuni fiżiċi, jew taħt ir-responsabbiltà tagħhom li għandhom is-setgħa li jidderieġu l-attivitajiet tagħhom, inkluż permezz ta' aġenti, distributuri jew persuni oħra li jaġixxu f'isem l-entità marbuta b'obbligu. Sabiex jiġi żgurat li l-azzjoni superviżorja b'reazzjoni għal tali ksur tkun effettiva, jenħtieġ li l-entità marbuta b'obbligu tinżamm responsabbli wkoll għal azzjonijiet meħuda minn dawk il-persuni fiżiċi, kemm jekk imwettqa intenzjonalment jew b'negliġenza. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi fi proċedimenti kriminali, kwalunkwe intenzjoni li jinkiseb benefiċċju għall-entità marbuta b'obbligu minn ksur tindika nuqqasijiet usa' fil-politiki, fil-proċeduri u fil-kontrolli interni tal-entità marbuta b'obbligu li tipprevjeni l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu. Tali nuqqasijiet idgħajfu r-rwol tal-entità marbuta b'obbligu bħala gwardjan tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Għalhekk, kwalunkwe intenzjoni li jinkiseb benefiċċju minn ksur tar-rekwiżit tal-AML/CFT jenħtieġ li tittieħed bħala fattur aggravanti.

(104)

L-Istati Membri għandhom sistemi differenti fis-seħħ għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet pekunarji, l-applikazzjoni ta’ miżuri amministrattivi u l-impożizzjoni ta’ pagamenti perjodiċi ta' penali. Barra minn hekk, ċerti miżuri amministrattivi li s-superviżuri għandhom is-setgħa li japplikaw, bħall-irtirar jew is-sospensjoni tal-liċenzja, jiddependu fuq l-eżekuzzjoni ta' dawk il-miżuri minn awtoritajiet oħra. Sabiex tiġi prevista firxa tant diversa ta' sitwazzjonijiet, huwa xieraq li tiġi permessa flessibbiltà fir-rigward tal-mezzi li s-superviżuri jridu jimponu sanzjonijiet pekunarji, japplikaw miżuri amministrattivi u jimponu pagamenti perjodiċi ta' penali. Irrispettivament mill-mezzi magħżula, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet involuti li jiżguraw li l-mekkaniżmi implimentati jiksbu r-riżultat maħsub tar-restawr tal-konformità u jimponu sanzjonijiet pekunarji effettivi, dissważivi u proporzjonati.

(105)

Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-entitajiet marbutin b'obbligu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-AML/CFT u jimmitigaw b'mod effettiv ir-riskji tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu li huma esposti għalihom, jenħtieġ li s-superviżuri jkunu jistgħu japplikaw miżuri amministrattivi mhux biss biex jirrimedjaw il-ksur identifikat, iżda wkoll meta jidentifikaw li d-dgħufijiet fil-politiki, fil-proċeduri u fil-kontrolli interni x'aktarx jirriżultaw fi ksur tar-rekwiżiti tal-AML/CFT, jew meta dawk il-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli ma jkunux adegwati biex jimmitigaw ir-riskji. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri amministrattivi applikati, u ż-żmien mogħti lill-entitajiet marbutin b'obbligu biex jimplimentaw l-azzjonijiet mitluba, jiddependu fuq il-ksur jew id-dgħufijiet speċifiċi identifikati. Meta jiġu identifikati ksur jew dgħufijiet diversi, jistgħu japplikaw skadenzi differenti għall-implimentazzjoni ta' kull miżura amministrattiva individwali. B'mod konsistenti mal-għan punittiv u edukattiv tal-pubblikazzjonijiet, jenħtieġ li jiġu ppubblikati biss id-deċiżjonijiet li jiġu applikati miżuri amministrattivi fir-rigward tal-ksur tar-rekwiżiti tal-AML/CFT, iżda mhux miżuri amministrattivi applikati għall-prevenzjoni ta' tali ksur.

(106)

Il-konformità f'waqtha mill-entitajiet marbutin b'obbligu mal-miżuri amministrattivi applikati għalihom hija essenzjali biex jiġi żgurat livell adegwat u konsistenti ta' protezzjoni kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu fis-suq intern kollu. Meta l-entitajiet marbutin b'obbligu jonqsu milli jikkonformaw mal-miżuri amministrattivi sal-iskadenza stabbilita, huwa meħtieġ li s-superviżuri jkunu jistgħu japplikaw pressjoni msaħħa fuq l-entità marbuta b'obbligu biex tirrestawra l-konformità mingħajr dewmien. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jkun possibbli għas-superviżuri li jimponu pagamenti perjodiċi ta' penali mill-iskadenza stabbilita biex terġa' tinkiseb il-konformità, inkluż b'effett retroattiv meta d-deċiżjoni li timponi l-pagament perjodiku ta' penali tittieħed fi stadju aktar tard. Fil-kalkolu tal-ammonti ta' pagamenti perjodiċi ta' penali, is-superviżuri jenħtieġ li jqisu l-fatturat ġenerali tal-entità marbuta b'obbligu u t-tip u l-gravità tal-ksur jew tad-dgħufija fil-mira tal-miżura superviżorja biex jiżguraw l-effettività u l-proporzjonalità tagħha. Minħabba l-għan tagħhom li jagħmlu pressjoni fuq entità marbuta b'obbligu biex tikkonforma ma' miżura amministrattiva, il-pagamenti perjodiċi ta' penali jenħtieġ li jkunu limitati fiż-żmien u ma japplikawx għal aktar minn sitt xhur. Filwaqt li jenħtieġ li jkun possibbli għas-superviżuri li jġeddu l-impożizzjoni ta' pagamenti perjodiċi ta' penali għal massimu ta' sitt xhur oħra, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri alternattivi biex tiġi indirizzata sitwazzjoni estiża ta' nuqqas ta' konformità, konsistenti mal-firxa wiesgħa ta' miżuri amministrattivi li s-superviżuri jistgħu japplikaw.

(107)

Fejn is-sistema legali tal-Istat Membru ma tippermettix l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet pekunarji previsti f'din id-Direttiva b'mezzi amministrattivi, ir-regoli dwar sanzjonijiet pekunarji jistgħu jiġu applikati b'tali mod li l-penali tinbeda mis-superviżur u tiġi imposta mill-awtoritajiet ġudizzjarji. Għalhekk, huwa neċessarju li dawk l-Istati Membri jiżguraw li l-applikazzjoni tar-regoli u tas-sanzjonijiet pekunarji jkollha effett ekwivalenti għas-sanzjonijiet pekunarji imposti mis-superviżuri. Meta jimponu tali sanzjonijiet pekunarji, jenħtieġ li l-awtoritajiet ġudizzjarji jqisu r-rakkomandazzjoni mis-superviżur li jagħti bidu għall-penali. Jenħtieġ li s-sanzjonijiet pekunarji imposti jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(108)

L-entitajiet marbutin b'obbligu jistgħu jibbenefikaw mil-libertà li jipprovdu servizzi u ta' stabbiliment fis-suq intern kollu biex joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom madwar l-Unjoni kollha. Sistema superviżorja effettiva tirrikjedi li s-superviżuri jkunu konxji min-nuqqasijiet tal-entitajiet marbutin b'obbligu f'konformità mar-regoli fil-qasam tal-AML/CFT. Għalhekk huwa importanti li s-superviżuri jkunu jistgħu jinfurmaw lil xulxin dwar sanzjonijiet pekunarji imposti fuq entitajiet marbutin b'obbligu u miżuri amministrattivi applikati għalihom-, meta tali informazzjoni tkun rilevanti għal superviżuri oħra.

(109)

Il-pubblikazzjoni ta' sanzjoni pekunarja jew miżura amministrattiva għall-ksur tar-Regolament (UE) 2024/1624 jista' jkollha effett disważiv b'saħħtu kontra r-repetizzjoni ta' tali ksur. Barra minn hekk tinforma lill-entitajiet oħra dwar ir-riskji ta' ħasil tal-flus u r-riskji tal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjati mal-entità marbuta b'obbligu sanzjonata qabel ma jidħlu f'relazzjoni tan-negozju u tgħin lis-superviżuri fi Stati Membri oħra fir-rigward tar-riskji assoċjati ma' entità marbuta b'obbligu meta topera fl-Istat Membru tagħhom fuq bażi transfruntiera. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li jiġi kkonfermat ir-rekwiżit li jiġu ppubblikati deċiżjonijiet dwar sanzjonijiet pekunarji li kontrihom ma hemm l-ebda appell u jenħtieġ li jiġi estiż għall-pubblikazzjoni ta' ċerti miżuri amministrattivi li huma applikati biex jirrimedjaw ksur tar-rekwiżiti tal-AML/CFT u għal pagamenti perjodiċi ta' penali. Madankollu, kull pubblikazzjoni ta' dan it-tip jenħtieġ li tkun proporzjonata u, fit-teħid ta' deċiżjoni dwar jekk sanzjoni pekunarja jew miżura amministrattiva tiġix ippubblikata jew le, is-superviżuri jenħtieġ li jqisu l-gravità tal-ksur u l-effett dissważiv li l-pubblikazzjoni x'aktarx ikollha. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jdewmu l-pubblikazzjoni ta' miżuri amministrattivi li jkun hemm appell kontrihom meta dawk il-miżuri jiġu applikati biex jirrimedjaw ksur li ma jkunx serju, ripetut jew sistematiku.

(110)

Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) tapplika għar-rappurtar tal-ksur tad-Direttiva (UE) 2015/849 fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u għall-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw tali ksur, li hija msemmija fil-Parti II tal-Anness tad-Direttiva (UE) 2019/1937. Peress li din id-Direttiva tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849, ir-referenza għad-Direttiva (UE) 2015/849 fl-Anness II tad-Direttiva (UE) 2019/1937 jenħtieġ li tinftiehem bħala referenza għal din id-Direttiva. Fl-istess ħin, huwa meħtieġ li jinżammu regoli mfassla apposta dwar ir-rappurtar ta' ksur tar-rekwiżiti tal-AML/CFT li jikkomplementaw id-Direttiva (UE) 2019/1937, b'mod partikolari, fir-rigward tar-rekwiżiti għall-entitajiet marbutin b'obbligu biex jistabbilixxu kanali ta' rappurtar interni u l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti biex jirċievu u jsegwu rapporti relatati ma' ksur tar-regoli fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(111)

Huwa essenzjali li jkun hemm politika ta’ AML/CFT ġdida kompletament integrata u koerenti fil-livell tal-Unjoni, bi rwoli speċifikati kemm għall-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni kif ukoll għal dawk nazzjonali u bil-għan li tiġi żgurata l-kooperazzjoni bla xkiel u kostanti tagħhom. F'dak ir-rigward, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni kollha fil-qasam tal-AML/CFT hija ta' importanza kbira u jenħtieġ li din tiġi ċċarata u msaħħa. Jibqa' d-dmir tal-Istati Membri li jipprevedu r-regoli meħtieġa biex jiżguraw li fuq livell nazzjonali, dawk li jfasslu l-politika, l-FIUs, is-superviżuri, inkluż l-AMLA, u awtoritajiet kompetenti oħra involuti fl-AML/CFT, kif ukoll l-awtoritajiet tat-taxxa u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jaġixxu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, ikollhom mekkaniżmi effettivi li jippermettulhom jikkooperaw u jikkoordinaw bejniethom, inkluż permezz ta' approċċ restrittiv għar-rifjut tal-awtoritajiet kompetenti li jikkooperaw u li jiskambjaw l-informazzjoni fuq talba ta' awtorità kompetenti oħra. Irrispettivament mill-mekkaniżmi stabbiliti, tali kooperazzjoni nazzjonali jenħtieġ li tirriżulta f'sistema effettiva għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu, u għall-prevenzjoni tan-nonimplimentazzjoni u l-evażjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

(112)

Sabiex tiġi ffaċilitata u promossa l-kooperazzjoni effettiva, u b'mod partikolari l-iskambju ta' informazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-AMLA l-lista tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom u d-dettalji ta' kuntatt rilevanti.

(113)

Ir-riskju ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu jista' jiġi identifikat mis-superviżuri kollha responsabbli għall-istituzzjonijiet ta' kreditu. L-informazzjoni ta' natura prudenzjali relatata mal-istituzzjonijiet ta' kreditu l-istituzzjonijiet finanzjarji, bħalma hija l-informazzjoni relatata mal-kompetenza u mal-idoneità tad-diretturi u tal-azzjonisti, mal-mekkaniżmi ta' kontroll intern, mal-governanza jew mal-ġestjoni tal-konformità u tar-riskju, spiss hija indispensabbli għas-superviżjoni adegwata ta' tali istituzzjonijiet fil-qasam tal-AML/CFT. B'mod simili, l-informazzjoni fil-qasam tal-AML/CFT hija importanti wkoll għas-superviżjoni prudenzjali ta' tali istituzzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni mas-superviżuri fil-qasam tal-AML/CFT u mal-FIU jiġu estiżi għall-awtoritajiet kompetenti kollha responsabbli għas-superviżjoni ta' dawk l-entitajiet marbutin b'obbligu f'konformità ma' strumenti ġuridiċi oħra tal-Unjoni, bħad-Direttivi 2013/36/UE (23), 2014/49/UE (24), 2014/59/UE (25) u 2014/92/UE (26) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2015/2366. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' dik il-kooperazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lil AMLA dwar l-iskambji mwettqa fuq bażi annwali.

(114)

Il-kooperazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħra għas-superviżjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu skont id-Direttivi 2014/92/UE u (UE) 2015/2366 għandha l-potenzjal li tnaqqas il-konsegwenzi mhux intenzjonati tar-rekwiżiti fil-qasam tal-AML/CFT. L-istituzzjonijiet ta' kreditu jistgħu jagħżlu li jwaqqfu jew li jillimitaw ir-relazzjonijiet tan-negozju ma' klijenti jew ma' kategoriji ta' klijenti sabiex jevitaw, aktar milli jimmaniġġjaw, ir-riskju. Tali prattiki ta' tneħħija tar-riskji jistgħu jdgħajfu l-qafas tal-AML/CFT u d-detezzjoni ta' tranżazzjonijiet suspettużi, peress li jġiegħlu lill-klijenti affettwati jirrikorru għal mezzi ta' pagament inqas sikuri jew mhux irregolati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom. Fl-istess ħin, il-prattiki mifruxa tat-tneħħija tar-riskji fis-settur bankarju jistgħu jwasslu għall-esklużjoni finanzjarja ta' ċerti kategoriji ta' entitajiet ta' pagament jew konsumaturi. Is-superviżuri finanzjarji huma fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw sitwazzjonijiet fejn istituzzjoni ta' kreditu tkun irrifjutat li tidħol f'relazzjoni tan-negozju minkejja li possibbilment tkun obbligata tagħmel dan abbażi tad-dritt nazzjonali li jimplimenta d-Direttiva 2014/92/UE jew id-Direttiva (UE) 2015/2366, u mingħajr ġustifikazzjoni abbażi tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent dokumentata. Jenħtieġ li s-superviżuri finanzjarji jallertaw lill-awtoritajiet responsabbli biex jiżguraw il-konformità tal-istituzzjoni finanzjarja mad-Direttiva 2014/92/UE jew mad-Direttiva (UE) 2015/2366 meta jirriżultaw każijiet bħal dawn jew fejn relazzjonijiet tan-negozju jieqfu bħala riżultat ta' prattiki ta' tneħħija tar-riskju.

(115)

Il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri finanzjarji u l-awtoritajiet responsabbli għall-maniġġar ta' kriżijiet ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment, bħal b'mod partikolari l-awtoritajiet deżinjati u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-Iskemi ta' Garanzija tad-Depożiti, hija neċessarja biex l-objettivi jiġu rikonċiljati għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus skont din id-Direttiva u biex jiġu protetti l-istabbiltà finanzjarja u d-depożitanti skont id-Direttivi 2014/49/UE u 2014/59/UE. Jenħtieġ li s-superviżuri finanzjarji jinfurmaw lill-awtoritajiet deżinjati u lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni skont dawk id-Direttivi b’kull każ fejn jidentifikaw possibbiltà akbar ta' falliment jew in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' depożiti minħabba AML/CFT. Jenħtieġ li s-superviżuri finanzjarji jinfurmaw ukoll lil dawk l-awtoritajiet dwar kwalunkwe tranżazzjoni, kont jew relazzjoni ta' negozju li tkun ġiet sospiża mill-FIU sabiex tippermetti t-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet deżinjati u tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni f'każijiet ta' riskju akbar ta' falliment jew ta' nuqqas ta' disponibbiltà ta' depożiti, irrispettivament mir-raġuni għal dak ir-riskju akbar.

(116)

Sabiex tiġi ffaċilitata tali kooperazzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, l-AMLA, f'konsultazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea, jenħtieġ li toħroġ linji gwida li jispeċifikaw l-elementi ewlenin ta' tali kooperazzjoni inkluż kif jenħtieġ li tiġi skambjata l-informazzjoni.

(117)

Jenħtieġ li l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni jestendu wkoll għall-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni u għas-sorveljanza tal-awdituri, peress li tali kooperazzjoni tista' ssaħħaħ l-effettività tal-qafas tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus.

(118)

L-iskambju ta' informazzjoni u l-għoti ta' assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma essenzjali għall-finijiet ta' din id-Direttiva. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jipprojbixxux jew jimponu kundizzjonijiet restrittivi irraġonevoli jew bla bżonn fuq tali skambju ta' informazzjoni jew għoti ta' assistenza.

(119)

Is-superviżuri jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali, irrispettivament min-natura jew mill-istatus rispettiv tagħhom. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jkollhom bażi ġuridika adegwata għall-iskambju ta' informazzjoni kunfidenzjali u għall-kooperazzjoni. Jenħtieġ li l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni ma' awtoritajiet oħra kompetenti għas-superviżjoni jew għas-sorveljanza ta' entitajiet marbutin b'obbligu skont atti legali oħra tal-Unjoni ma jiġux imfixkla involontarjament minn inċertezza tad-dritt li tista' tkun ġejja minn nuqqas ta' dispożizzjonijiet espliċiti f'dan il-qasam. Kjarifika tal-qafas ġuridiku hija saħansitra aktar importanti peress li f'għadd ta' każijiet, is-superviżjoni prudenzjali ġiet fdata lil superviżuri mhux fil-qasam tal-AML/CFT, bħal pereżempju l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

(120)

L-informazzjoni fil-pussess tas-superviżuri tista' tkun kruċjali għat-twettiq tal-attivitajiet ta' awtoritajiet kompetenti oħra. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-qafas tal-AML/CFT tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jawtorizzaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn is-superviżuri u awtoritajiet kompetenti oħra. Jenħtieġ li japplikaw regoli stretti fir-rigward tal-użu ta' informazzjoni kunfidenzjali skambjata.

(121)

L-effettività tal-qafas tal-Unjoni fil-qasam tal-AML/CFT tiddependi fuq kooperazzjoni bejn firxa wiesgħa ta' awtoritajiet kompetenti. Sabiex tiġi ffaċilitata din il-kooperazzjoni, jenħtieġ li l-AMLA tiġi fdata bl-iżvilupp ta' linji gwida f'koordinazzjoni mal-BĊE, mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, mal-Europol, mal-Eurojust, u mal-UPPE dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti kollha. Tali linji gwida jenħtieġ li jiddeskrivu wkoll il-mod kif l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni jew għas-sorveljanza tal-entitajiet marbutin b'obbligu skont atti legali oħra tal-Unjoni jenħtieġ li jqisu t-tħassib dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom.

(122)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 japplika għall-ipproċessar ta' data personali għall-finijiet ta' din id-Direttiva. Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) japplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni għall-finijiet ta' din id-Direttiva. Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija rikonoxxuta bħala raġuni importanti ta' interess pubbliku mill-Istati Membri. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu, jew dawk li għandhom il-funzjoni li jintraċċaw, jissekwestraw jew jiffriżaw u jikkonfiskaw l-assi kriminali jenħtieġ li jirrispettaw ir-regoli relatati mal-protezzjoni tad-data personali li tiġi pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, fosthom id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28).

(123)

Huwa essenzjali li l-allinjament ta' din id-Direttiva mar-Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF isir f'konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni, partikolarment fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż ir-regoli dwar it-trasferimenti tad-data, kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kif minquxa fil-Karta. Ċerti aspetti tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva jinvolvu l-ġbir, l-analiżi, il-ħżin u l-kondiviżjoni ta' data ġewwa l-Unjoni u ma' pajjiżi terzi. Jenħtieġ li tali pproċessar ta' data personali jkun permess, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, unikament għall-finijiet previsti f'din id-Direttiva, u għall-attivitajiet meħtieġa skont din id-Direttiva, bħall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.

(124)

Id-drittijiet ta' aċċess għad-data mis-suġġett tad-data huma applikabbli għad-data personali pproċessata għall-fini ta' din id-Direttiva. Madankollu, l-aċċess mis-suġġett tad-data għal kwalunkwe informazzjoni relatata ma' rapport ta' tranżazzjoni suspettuża jdgħajjef serjament l-effettività tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk l-eċċezzjonijiet u r-restrizzjonijiet għal dak id-dritt f'konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jistgħu jkunu ġġustifikati. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt jitlob li awtorità superviżorja kif imsemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew, fejn applikabbli, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tivverifika l-legalità tal-ipproċessar, u għandu d-dritt li jfittex rimedju ġudizzjarju msemmi fl-Artikolu 79 ta' dak ir-Regolament. L-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 tista' taġixxi wkoll fuq bażi ex-officio. Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet dwar id-dritt tal-aċċess, jenħtieġ li l-awtorità superviżorja tkun tista' tinforma lis-suġġett tad-data li wettqet il-verifiki meħtieġa kollha, u dwar ir-riżultat fir-rigward tal-legalità tal-ipproċessar inkwistjoni.

(125)

Sabiex jiġi żgurat skambju kontinwu ta' informazzjoni bejn l-FIUs matul il-perjodu ta' twaqqif tal-AMLA, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tospita temporanjament l-FIU.net. Sabiex jiġi żgurat l-involviment sħiħ tal-FIUs fl-operat tas-sistema, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel skambji regolari mal-Pjattaforma tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE (il-Pjattaforma tal-“FIUs tal-UE”), grupp informali magħmul minn rappreżentanti mill-FIUs li ilu attiv mill-2006, li jintuża biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-FIUs u għall-iskambju ta' opinjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni.

(126)

Jenħtieġ li l-istandards tekniċi regolatorji jiżguraw armonizzazzjoni konsistenti madwar l-Unjoni kollha. Bħala l-korpi b'għarfien ferm speċjalizzat fil-qasam tal-AML/CFT, huwa xieraq li l-AMLA tiġi fdata bl-elaborazzjoni, għall-preżentazzjoni lill-Kummissjoni, ta' abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li ma jinvolvux għażliet ta' politika.

(127)

Sabiex jiġu żgurati approċċi konsistenti fost l-FIUs u fost is-superviżuri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tad-definizzjoni ta' indikaturi sabiex tiġi kklassifikata l-livell tal-gravità tal-fallimenti fir-rappurtar ta' informazzjoni adegwata, akkurata u aġġornata fir-reġistri ċentrali. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, anke fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016 (29). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(128)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji żviluppati minn AMLA li jispeċifikaw ir-rilevanza u l-kriterji tal-għażla meta jiġi ddeterminat jekk rapport ta’ tranżizzjoni suspettuża jikkonċernax Stat Membru ieħor; li jistabbilixxuparametri referenzjarji u metodoloġija għall-valutazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-profil tar-riskju inerenti u residwu tal-entitajiet marbutin b’obbligu u l-frekwenza tar-rieżamijiet tal-profil ta’ riskju; li jistabbilixxu l-kriterji biex jiġu ddeterminati ċ-ċirkostanzi tal-ħatra ta’ punt ta’ kuntatt ċentrali ta’ ċerti fornituri ta’ servizzi u l-funzjonijiet tal-punti ta’ kuntatt ċentrali; li jispeċifikaw id-dmirijiet tas-superviżuri domiċiljari u ospitanti, u l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejniethom; li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament tal-kulleġi superviżorji għall-AML/CFT fis-settur finanzjarju, il-mudell għall-ftehim bil-miktub li jrid jiġi ffirmat mis-superviżuri finanzjarji, kwalunkwe miżura addizzjonali li għandha tiġi implimentata mill-kulleġġi meta l-gruppi jinkludu entitajiet marbutin b'obbligu fis-settur mhux finanzjarju u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta' superviżuri finanzjarji f'pajjiżi terzi; li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament tal-kulleġġi superviżorji AML/CFT fis-settur mhux finanzjarju, il-mudell għall-ftehim bil-miktub li jrid jiġi ffirmat mis-superviżuri mhux finanzjarji, il-kundizzjonijiet għall-parteċipaazzjoni tal-ispetturi mhux finanzjarji f’pajjiżi terzi u kwalunkwe miżura addizzjonali li għandha tiġi implimentata mill-kulleġġi meta l-gruppi jinkludu istitizzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji; lijistabbilixxu indikaturi għall-klassifikazzjoni tal-livell tal-gravità ta' ksur ta' din id-Direttiva, kriterji li jridu jitqiesu meta jkun qed jiġi stabbilit il-livell tas-sanzjonijiet pekunarji jew meta jkunu qed japplikaw miżuri amministrattivi u metodoloġija għall-impożizzjoni ta' pagamenti perjodiċi ta' penali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istatndards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE u f’konformità mal-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

(129)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni sabiex tistipula metodoloġija għall-ġbir ta' statistika; tistabbilixxi l-format għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja lir-reġistru ċentrali; tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja abbażi ta' interess leġittimu mir-reġistri ċentali; tistabbilixxi l-format għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni għall-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati; tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri għall-konnessjoni tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati tal-Istati Membri ma’ BARIS; tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri meħtieġa biex tipprevedi l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali tal-Istati Membri; u tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri meħtieġa biex tipprevedi l-interkonnessjoni tal-Istati Membri mal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30).

(130)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni żviluppati minn AMLA li jispeċifikaw il-format li jrid jintuża għall-iskambju tal-informazzjoni fost il-FIUs tal-Istati Membri kif ukoll li jispeċifikaw il-mudell li jrid jintuża għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn is-superviżuri tal-Unjoni u l-kontropartijiet ta' pajjiżi terzi. Jenġtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE u f’konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

(131)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta, b'mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u l-libertà ta' intrapriża.

(132)

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u d-diversità huma valuri fundamentali tal-Unjoni, li hija tistabbilixxi biex tippromwovi fil-firxa kollha ta' azzjonijiet tal-Unjoni. Filwaqt li sar progress f'dawk l-oqsma, huwa meħtieġ aktar biex tinkiseb rappreżentanza bbilanċjata fit-teħid tad-deċiżjonijiet, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni primarja tal-kriterji bbażati fuq il-mertu, meta jaħtru l-kapijiet tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u tal-FIU tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jfittxu li jiżguraw il-bilanċ bejn il-ġeneri, id-diversità u l-inklużjoni, u jqisu, sa fejn ikun possibbli, l-interTaqsimajiet bejniethom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jiżguraw rappreżentanza bbilanċjata u inklużiva anke meta jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom fil-Bordijiet Ġenerali tal-AMLA.

(133)

Meta tfassal rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti l-kunsiderazzjoni dovuta għar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta.

(134)

Is-senteza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każijiet konġunti C-37/20 u C-601/20, WM and Sovim SA v Luxembourg Business Registers (31) ħassru l-emenda li kienet saret, bid-Direttiva (UE) 2018/843, għall-Artikolu 30(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 safejn din kienet tirrikjedi li l-Istati Membri jiżġuraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ kumpaniji u ta’ entitajiet ġuridiċi oħrajn inkorporati fit-territorju tagħhom tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha għal kull membru tal-pubbliki inġenerali. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza legali, huwa importanti li dik id-dispożizzjoni tiġi adattata billi jiġi ċċarat li l-persuni jew l-organizzazzjonjiet li jkollhom interess leġittimu biss għandu jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni. L-istess kundizzjoni jenħtieġ li tapplika għall-aċċess tal-informazzjoni dwat is-sjieda benefiċċjarja ta’ trusts jew arranġamenti ġuridiċi simili. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2015/849 tiġi emendata.L-implikazzjonijiet ta’ dik is-sentenza jestendu lil hinn mill-Artikolu 30(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 u huma simili għad-disposizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tal-arranġamenti ġuridiċi. Sabiex jiġi żgurat li l-qafas tal-Unjoni jsib bilanċ tajjeb bejn il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-ħarsien ta’ oġġettiv leġġittimu ta’ interess ġenerali bħall-protezzjoni tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, huwa għalhekk xieraq li jiġu introdotti emendi għall-Artiklu 31(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849. L-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva biex idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri amministrattivi neċessarji biex jittrasponu dawk l-emendi. Minħabba l-importanza li jiġi żgurat qafas AML/CFT tal-Unjoni proporzjonat, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu kull sforz biex jittrasponu dawk l-emendi malajr kemm jistà jkun qabel dik l-iskadenza.

(135)

Minħabba l-ħtieġa li jiġi implimentat b'mod urġenti approċċ armonizzat għall-aċċess għar-reġistri ċentrali abbażi tad-dimostrazzjoni ta' interess leġittimu, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rilevanti jiġu trasposti mill-Istati Membri sal-10 ta’ Lulju 2026. Madankollu, peress li l-perjodu inizjali tar-reġim il-ġdid għall-aċċess fuq il-bażi tad-dimostrazzjoni ta' interess leġittimu x'aktarx li ser jilħaq il-quċċata fit-talbiet li għandhom jiġu pproċessati mill-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali, l-iskadenzi għall-għoti tal-aċċess jenħtieġ li ma japplikawx għall-ewwel erba' xhur tal-applikazzjoni tar-reġim il-ġdid. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu punti uniċi ta' aċċess għall-informazzjoni dwar il-proprjetà immobbli sal-10 tal-Lulju 2029. Il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati li jippermettu l-identifikazzjoni tad-detenturi ta' kontijiet bankarji jew ta' kontijiet ta’ pagament, kontijiet ta' titoli, kontijiet ta' kriptoassi u kaxxi ta' depożitu sikur jenħtieġ li jkunu interkonnessi wkoll sa dik id-data.

(136)

Minħabba li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-twaqqif ta' mekkaniżmu koordinat u koerenti għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(137)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (32), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawk id-dokumenti hija ġustifikata.

(138)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fit-22 ta’ Settembru 2021 (33).

(139)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2015/849 titħassar,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

TAQSIMA 1

Suġġett, kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar:

(a)

il-miżuri applikabbli għas-setturi esposti għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell nazzjonali;

(b)

ir-rekwiżiti marbuta mar-reġistrazzjoni u tal-identifikazzjoni tal-maniġment superjuri u s-sidien benefiċjarji tal-entitajiet marbutin b'obbligu, u l-kontrolli fuqhom;

(c)

l-identifikazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell tal-Unjoni u tal-Istat Membru;

(d)

l-istabbiliment tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja u tal-kontijiet bankarji u l-aċċess għalihom, u l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-proprjetà immobbli;

(e)

ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIUs);

(f)

ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-korpi involuti fis-superviżjoni tal-entitajiet marbutin b'obbligu;

(g)

il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet koperti minn atti legali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2024/1624.

Japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“superviżur finanzjarju” tfisser superviżur responsabbli għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji;

(2)

“superviżur mhux finanzjarju” tfisser superviżur responsabbli għas-settur mhux finanzjarju;

(3)

“settur mhux finanzjarju” tfisser l-entitajiet marbutin b'obbligu elenkati fl-Artikolu 3, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2024/1624.

(4)

“entità marbuta b'obbligu” tfisser persuna fiżika jew ġuridika elenkata fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2024/1624 li mhijiex eżentati f'konformità mal-Artikoli 4, 5, 6 jew 7 ta' dak ir-Regolament;

(5)

“Stat Membru domiċiljari” tfisser l-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat tal-entità marbuta b'obbligu jew, jekk l-entità marbuta b'obbligu ma jkollhiex uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħha;

(6)

“Stat Membru ospitanti” tfisser Stat Membru, li ma jkunx l-Istat Membru domiċiljari, li fih l-entità marbuta b'obbligu topera stabbiliment, bħal sussidjarja jew fergħa, jew fejn l-entità marbuta b’obbligu topera bil-libertà li tipprovdi servizzi permezz ta’ infrastruttura.

(7)

“awtoritajiet doganali” tfisser l-awtoritajiet doganali kif definiti fl-Artikolu 5, il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34) u l-awtoritajiet kompetenti kif definiti fl-Artikolu 2(1), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35);

(8)

“kulleġġ superviżorju għall-AML/CFT” tfisser struttura permanenti għall-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni għall-finijiet ta' superviżjoni ta' grupp jew entità li topera fi Stat Membru ospitanti jew f'pajjiż terz;

(9)

“abbozz ta' miżura nazzjonali” tfisser it-test ta' att, irrispettivament mill-forma tiegħu li, ladarba jiġi promulgat, ikollu effett legali, bit-test ikun fi stadju ta' tħejjija li fih ikunu għadhom jistgħu jsiru emendi sostanzjali;

(10)

“kont ta' titoli” tfisser kont ta' titoli kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (28), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36);

(11)

“titoli” tfisser strumenti finanzjarji kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (15), tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37).

TAQSIMA 2

Miżuri nazzjonali f'setturi esposti għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

Artikolu 3

Identifikazzjoni tas-setturi esposti fil-livell nazzjonali

1.   Meta Stat Membru jidentifika li, minbarra l-entitajiet marbutin b'obbligu, entitajiet f'setturi oħra huma esposti għar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, dan jista' jiddeċiedi li għal dawk l-entitajiet addizzjonali japplika għalkollox jew parzjalment ir -Regolament (UE) 2024/1624.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li japplikaw għalkollox jew parzjalment ir-Regolament (UE) 2024/1624 għall-entitajiet f'setturi oħra. Tali notifika għandha tkun akkumpanjata bi:

(a)

ġustifikazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li fuqhom tkun ibbażata din l-intenzjoni;

(b)

valutazzjoni tal-impatt li tali applikazzjoni ser ikollha fuq il-provvista ta' servizzi fis-suq intern;

(c)

ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1624 li l-Istat Membru jkollu l-intenzjoni li japplika għal dawk l-entitajiet;

(d)

it-test tal-abbozzta' miżuri nazzjonali, kif ukoll kwalunkwe aġġornament tiegħu fejn l-Istat Membru jkun bidel b'mod sinifikanti l-kamp ta' applikazzjoni, il-kontenut jew l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri notifikati.

3.   L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali għal sitt xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

Il-posponiment imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu m'għandux japplika f'każijiet fejn il-miżura nazzjonali jkollha l-għan li tindirizza theddida serja u preżenti ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu. F'dak il-każ, in-notifika msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun akkompanjata b’ġustifikazzjoni għaliex l-Istat Membru mhux ser jipposponi l-adozzjoni tagħha.

4.   Qabel ma jintemm il-perjodu msemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/1620 (AMLA), għandha toħroġ opinjoni dettaljata dwar jekk il-miżura prevista:

(a)

hijiex adegwata biex tindirizza r-riskji identifikati, b'mod partikolari dwar jekk ir-riskji identifikati mill-Istat Membru jikkonċernawx is-suq intern;

(b)

tistax toħloq ostakli għall-moviment liberu tas-servizzi jew tal-kapital jew għal-libertà tal-istabbiliment ta' fornituri tas-servizzi fis-suq intern li mhumiex proporzjonati għar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li l-miżura għandha l-għan li ttaffi.

L-opinjoni dettaljata msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tindika wkoll jekk il-Kummissjoni għandhiex l-intenzjoni li tipproponi azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

5.   Meta l-Kummissjoni ma tqisx li jkun xieraq li tipproponi azzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu, fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-opinjoni dettaljata msemmija fil-paragrafu 4, jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jkun qed jipproponi f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni għandha tikkummenta dwar l-azzjoni proposta mill-Istat Membru.

6.   Meta l-Kummissjoni tindika l-intenzjoni tagħha li tipproponi azzjoni fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jastjeni milli jadotta l-miżuri nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (d), dment li dawk il-miżuri nazzjonali ma jkollhomx l-għan li jindirizzaw theddida serja u preżenti ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu.

7.   Meta, fid-9 ta’ Lulju 2024, l-Istati Membri jkunu diġà applikaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2015/849 għal setturi oħra li mhumiex entitajiet marbutin b'obbligu, dawn jistgħu japplikaw għalkollox jew parzjalment ir-Regolament (UE) 2024/1624 għal dawk is-setturi.

Sal-10 ta’ Jannar 2028, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bis-setturi identifikati fil-livell nazzjonali skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu li għalihom japplikaw ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1624, flimkien ma' ġustifikazzjoni tal-iskopertura ta' dawk is-setturi għar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Fi żmien 6 xhur minn tali notifika, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat l-AMLA, għandha toħroġ opinjoni dettaljata skont l-paragrafu 4. Meta l-Kummissjoni ma tqisx li jkun xieraq li tipproponi azzjoni fil-livell tal-Unjoni, għandu japplika l-paragrafu 5.

8.   Sal-10 ta’ Lulju 2028 u kull sena wara dan, il-Kummissjoni għandha tippubblika lista konsolidata tas-setturi li għalihom l-Istati Membri jkunu ddeċidew li japplikaw għalkollox jew parzjalment ir- -Regolament (UE) 2024/1624 f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Rekwiżiti relatati ma' ċerti fornituri ta' servizzi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji tal-kambju u dawk għat-tisrif taċ-ċekkijiet, u l-fornituri ta' servizzi ta' trusts jew kumpaniji jkunu liċenzjati jew inkella reġistrati.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri kollha ta' servizzi tal-logħob tal-azzard ikunu rregolati.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li entitajiet marbutin b'obbligu għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikunu soġġetti għar-rekwiżiti minimi ta' reġistrazzjoni li jippermettu s-superviżuri jidentifikawhom.

L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika meta l-entitajiet marbutin b'obbligu għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta' liċenzjar jew reġistrazzjoni skont atti legali oħra tal-Unjoni, jew għal regoli nazzjonali li jirregolaw l-aċċess għall-professjoni jew li jagħmluha soġġetta għal rekwiżiti ta' liċenzjar jew reġistrazzjoni li jippermettu s-superviżuri jidentifikawhom.

Artikolu 5

Rekwiżiti relatati mal-għoti tad-drittijiet ta' residenza bi skambju għal investiment

1.   Stati Membri li d-dritt nazzjonali tagħhom jippermetti l-għoti tad-drittijiet ta' residenza bi skambju għal kwalunkwe tip ta' investiment, bħal trasferimenti kapitali, xiri jew kiri ta' proprjetà, investiment f'bonds tal-gvern, investiment f'entitajiet korporattivi, donazzjoni jew dotazzjoni ta' attività li tikkontribwixxi għall-ben pubbliku u kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-Istat, għandu jkollhom fis-seħħ mill-inqas il-miżuri li ġejjin biex itaffu r-riskji assoċjati tal-ħasil tal-flus, tar-reati predikati tiegħu jew tal-finanzjament tat-terroriżmu:

(a)

proċess ta' ġestjoni tar-riskju, inkluż l-identifikazzjoni, il-klassifikazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji taħt il-koordinazzjoni ta' awtorità deżinjata;

(b)

miżuri li jipprevedu l-mitigazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus, tar-reati predikati tiegħu jew tal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjati mal-applikanti għall-għoti tad-drittijiet ta' residenza bi skambju għal investiment, inkluż:

(i)

kontrolli fuq il-profil tal-applikant mill-awtorità deżinjata, inkluż il-ksib ta' informazzjoni dwar is-sors tal-fondi u s-sors tal-ġid tal-applikant;

(ii)

verifika tal-informazzjoni dwar l-applikanti bi tqabbil mal-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (44)(a) u (c), tar-Regolament (UE) 2024/1624 soġġett għar-rispett tal-liġi proċedurali kriminali nazzjonali applikabbli u bi tqabbil ma' listi ta' individwi u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni;

(iii)

rieżamijiet perjodiċi ta' applikanti ta' riskju medju u għoli.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proċess ta' ġestjoni tar-riskju kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), inkluż billi jivvalutawh fuq bażi annwali

3.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jimplimentaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu b'mod konsistenti mar-riskji identifikati skont il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont l-Artikolu 8.

4.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw rapport annwali dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus, tar-reati predikati tiegħu jew tal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjati mal-għoti tad-drittijiet ta' residenza bi skambju għal investiment. Dawk ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi u għandhom jinkludu l-informazzjoni dwar:

(a)

l-għadd ta' applikazzjonijiet riċevuti u ta' pajjiżi ta' oriġini tal-applikanti;

(b)

l-għadd ta' permessi ta' residenza mogħtija jew miċħuda, u r-raġunijiet għal tali ċaħdiet;

(c)

kwalunkwe evoluzzjoni individwata fir-riskji tal-ħasil tal-flus, tar-reati predikati tiegħu jew tal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjati mal-għoti tad-drittijiet ta' residenza bi skambju għal investiment.

5.   Sal-10 ta’ Lulju 2028, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ill-Kummissjoni l-miżuri adottati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dik in-notifika għandha tinkludi spjegazzjoni ta’ dawk il-miżuri abbażi tal-l-valutazzjoni tar-riskju rilevanti mwettqa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 8.

6.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-miżuri notifikati mill-Istati Membri skont il-paragrafu 5.

7.   Sal-10 ta’ Lulju 2030, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jivvaluta l-miżuri notifikati skont il-paragrafu 5 fil-mitigazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus, tar-reati predikati tiegħu u tal-finanzjament tat-terroriżmu u, fejn meħtieġ, toħroġ rakkomandazzjonijiet.

Artikolu 6

Kontrolli fuq il-maniġment superjuri u fuq is-sidien benefiċjarji ta' ċerti entitajiet marbutin b'obbligu

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lis-superviżuri jivverifikaw li l-membri tal-maniġment superjuri fl-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) kif ukoll kumpaniji azzjonarji ta’ attività finanzjarja mħallta, u s-sidien benefiċjarji ta' tali entitajiet ikunu ta' reputazzjoni tajba, u jaġixxu b’onestà u b’integrità. Il-maniġment superjuri ta’ tali entitajiet għandu jkollu wkoll l-għarfien u l-kompetenza esperta meħtieġa biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu.

2.   Fir-rigward tal-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl-Artikolu 3, il-punti (3)(a), (b), (d), (e), (f) u (h) sa (o), tar-Regolament (UE) 2024/1624, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu li persuni li jkunu nstabu ħatja ta’ ħasil tal-flus, tar-reati predikati rilevanti tiegħu jew ta' finanzjament tat-terroriżmu, jew il-kumpaniji assoċjati tagħhom, jiġu professjonalment akkreditati, milli jokkupaw pożizzjoni maniġerjali superjuri f'dawn l-entitajiet marbutin b'obbligu, jew millijikunu s-sidien benefiċjarji tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jivverifikaw abbażi tas-sensittiva għar-riskju jekk ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 jkunux għadhom qed jiġu ssodisfati. B'mod partikolari, għandhom jivverifikaw jekk il-maniġment superjuri tal-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fil-paragrafu 1 ikunx ta' reputazzjoni tajba, jaġixxix b'onestà u b'integrità u jekk ikollux l-għarfien u l-kompetenza esperta meħtieġa biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu f'każijiet fejn ikun hemm raġunijiet validi biex wieħed jissuspetta li sar, qed isir jew hemm tentattivi biex isir ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, jew ikun riskju akbar li dan isir f'entità marbuta b'obbligu.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jkollhom is-setgħa li jitolbu t-tneħħija ta' kwalunkwe persuna li tkun instabet ħatja ta' ħasil tal-flus, tar-reati predikati rilevanti tiegħu jew ta' finanzjament tat-terroriżmu mill maniġment superjuri tal-entitajiet marbutin b'obbligu kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jkollhom is-setgħa li jneħħu jew jimponu projbizzjoni temporanja fuq membri tal-maniġment superjuri tal-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fil-paragrafu 1 li ma jkunux meqjusa bħala li jkunu ta' reputazzjoni tajba, li qed jaġixxu b'onestà u integrità jew li jkollhom l-għarfien u l-kompetenza esperta meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jkollhom is-setgħa li jiddiżassoċjaw persuni li jkunu nstabu ħatja ta' ħasil tal-flus, tar-reati predikati rilevanti tiegħu jew ta' finanzjament tat-terroriżmu, li jkunu s-sidien benefiċjarji ta' entitajiet marbuta b'obbligu kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, minn entitajiet marbuta b’obbligu, inkluż billi s-superviżuri jingħataw is-setgħa jitolbu l-iżvestiment tal-parteċipazzjoni minn dawk is-sidien benefiċjarji f'entitajiet marbuta b'obbligu.

6.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f'konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom, is-superviżuri jew kwalunkwe awtorità oħra fil-livell nazzjonali li tkun kompetenti biex tivvaluta r-rekwiżiti applikabbli għall-persuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, jiċċekkjaw il-bażi tad-data ċentrali tal-AML/CFT skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2024/1620 u jekk teżistix kundanna rilevanti fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata. Kwalunkwe skambju ta' informazzjoni għal dawk il-finijiet għandu jsir f'konformità mad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI u d-Deċiżjoni 2009/316/ĠAI kif implimentati fid-dritt nazzjonali.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mis-superviżuri skont dan l-Artikolu jkunu soġġetti għal proċeduri effettivi ta' rimedju, inkluż rimedju ġudizzjarju.

8.   Sal-10 ta’ Lulju 2029, l-AMLA għandha toħroġ linji gwida dwar:

(a)

il-kriterji biex tivvaluta reputazzjoni tajba, onestà u integrità kif imsemmija fil-paragrafu 1;

(b)

il-kriterji biex tivvaluta għarfien u kompetenza esperta kif imsemmija fil-paragrafu 1;

(c)

l-applikazzjoni konsistenti mis-superviżuri tas-setgħa fdata lilhom skont dan l-Artikolu.

Meta tfassal il-linji gwida msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-AMLA għandha tqis l-ispeċifiċitajiet ta' kull settur li fih joperaw l-entitajiet marbutin b'obbligu.

9.   Jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw dan l-Artikolu fir-rigward tal-entitajiet matbutin b’obbligu msemmija fl-Artikolu 3, il-punti 3(n) u (o) tar-Regolament (UE) 2024/1624 mill-10 ta’ Lulju 2029.

TAQSIMA 3

Valutazzjonijiet tar-riskju

Artikolu 7

Valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll tan-nonimplimentazzjoni u l-evażjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati li jaffettwaw is-suq intern u huma relatati ma' attivitajiet transfruntiera.

2.   Sal-10 ta’ Lulju 2028, il-Kummissjoni għandha, tfassal rapport li jidentifika, janalizza u jevalwa dawk ir-riskji fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha taġġorna dak ir-rapport kull erba' snin wara dan. Il-Kummissjoni tista’ taġġorna partijiet mir-rapport aktar ta’ spiss, jekk ikun xieraq.

Meta, waqt li tkun qed taġġorna r-rapport tagħha, il-Kummissjoni tidentifika riskji ġodda, hija tista' tirrakkomanda lill-Istati Membri jqisu li jaġġornaw il-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tagħhom, jew li jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju settorjali, skont l-Artikolu 8, sabiex jivvalutaw dawk ir-riskji.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi ppubblikat, ħlief dawk il-partijiet li jinkludu informazzjoni klassifikata.

3.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkopri mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-oqsma u s-setturi tas-suq intern li huma esposti għar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)

in-natura u l-livell tar-riskji assoċjati ma' kull qasam u settur;

(c)

l-aktar mezzi mifruxa użati għall-ħasil ta' rikavati illeċiti, inkluż, fejn disponibbli, dawk partikolarment użati fi tranżazzjonijiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, indipendentement mill-identifikazzjoni ta' pajjiż terz skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/1624;

(d)

valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjati ma' persuni ġuridiċi u arranġamenti ġuridiċi, inkluż l-iskopertura għar-riskji li jirriżultaw minn persuni ġuridiċi barranin u arranġamenti ġuridiċi barranin;

(e)

ir-riskji tan-nonimplimentazzjoni u tal-evażjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar il-miżuri xierqa biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati. Fl-eventwalità li l-Istati Membri jiddeċiedu li ma japplikaw l-ebda rakkomandazzjoni fir-reġimi nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-AML/CFT, huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan u jipprovdu ġustifikazzjoni dettaljata fejn jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom għal tali deċiżjoni.

5.   Sal-10 ta’ Lulju 2030 u kull sentejn wara dan, l-AMLA, f'konformità mal-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2024/1620, għandha toħroġ opinjoni indirizzata lill-Kummissjoni dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw lill-Unjoni. L-AMLA tista' toħroġ opinjonijiet jew aġġornamenti tal-opinjonijiet preċedenti tagħha aktar ta' spiss, meta tqis li jkun xieraq li tagħmel dan. L-opinjonijiet maħruġa mill-AMLA għandhom jiġu ppublikati, ħlief dawk il-partijiet li jinkludu informazzjoni klassifikata.

6.   Meta twettaq il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha torganizza l-ħidma fil-livell tal-Unjoni, għandha tqis l-opinjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 u għandha tinvolvi lill-esperti tal-Istati Membri fil-qasam tal-AML/CFT, lir-rappreżentanti mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u mill-FIUs, mill-AMLA u minn korpi oħra fil-livell tal-Unjoni, u, fejn ikun xieraq, partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

7.   Fi żmien sentejn mill-adozzjoni tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2, u kull erba' snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet meħuda abbażi tas-sejbiet ta' dak ir-rapport.

Artikolu 8

Valutazzjoni tar-riskju nazzjonali

1.   Kull Stat Membru għandu jwettaq valutazzjoni tar-riskju nazzjonali biex jidentifika, jivvaluta, jifhem u jimmitiga r-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll ir-riskji tan-nonimplimentazzjoni u tal-evażjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati, li jaffettwawh. Għandu jżomm dik il-valutazzjoni tar-riskju aġġornata u jirrieżaminaha mill-inqas kull 4 snin.

Meta l-Istati Membri jqisu li s-sitwazzjoni tar-riskju tkun teħtieġ dan, huma jistgħu jirrieżaminaw il-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali aktar ta’ spiss jew iwettqu valutazzjonijiet ad hoc tar-riskju settorjali.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità jew jistabbilixxi mekkaniżmu għall-koordinazzjoni tar-rispons nazzjonali għar-riskji msemmija fil-paragrafu 1. L-identità ta’ dik l-awtorità jew id-deskrizzjoni tal-mekkaniżmu għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-awtoritajiet deżinjati jew il-mekkaniżmi stabbiliti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Meta jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom iqisu r-rapport imsemmi fl-Artikolu 7(2), inkluż is-setturi u l-prodotti koperti u s-sejbiet ta' dak ir-rapport.

4.   L-Istati Membri għandhom jużaw il-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali biex:

(a)

ittejbu r-reġimi tagħhom fil-qasam tal-AML/CFT, b'mod partikolari billi jidentifika kwalunkwe qasam li fih l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom japplikaw miżuri msaħħa f'konformità ma' approċċ ibbażat fuq ir-riskju u, fejn xieraq, jispeċifika l-miżuri li għandhom jittieħdu;

(b)

jidentifikaw, fejn xieraq, is-setturi jew l-oqsma b'riskju aktar baxx jew b'riskju ogħla tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu;

(c)

jivvalutaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjati ma' kull tip ta' persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tagħhom u ma' kull tip ta' arranġament ġuridiku li huwa rregolat skont id-dritt nazzjonali, jew li jiġi amministrat fit-territorju tagħhom jew li t-trustees jew persuni li jkollhom pożizzjonijiet ekwivalenti f'arranġamenti ġuridiċi simili jgħixu fit-territorju tagħhom, u jifhmu l-iskopertura għar-riskji li jirriżultaw minn persuni ġuridiċi barranin u arranġamenti ġuridiċi barranin;

(d)

jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni u l-prijoritizzazzjoni tar-riżorsi biex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll in-nonimplimentazzjoni u l-evażjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati;

(e)

jiżguraw li jitfasslu regoli xierqa għal kull settur jew qasam, f'konformità mar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu;

(f)

jagħmlu informazzjoni pertinenti disponibbli fil-pront għall-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet marbutin b'obbligu biex tiffaċilita t-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom stess tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll il-valutazzjoni tar-riskji ta' nuqqas ta’ implementazzjoni u evażjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2024/1624.

Fil-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-istruttura istituzzjonali u l-proċeduri wiesgħa tar-reġim tagħhom fil-qasam tal-AML/CFT, inkluż l-FIU, l-awtoritajiet tat-taxxa u l-prosekuturi, il-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni mal-kontropartijiet fl-Unjoni jew f'pajjiżi terzi, kif ukoll ir-riżorsi umani u finanzjarji allokati sa fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni xierqa tal-awtoritajiet kompetenti u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti meta jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali tagħhom.

6.   L-Istati Membri għandhom iqiegħdu r-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tagħhom, inkluż l-aġġornamenti u r-rieżamijiet tagħhom, għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-AMLA u tal-Istati Membri l-oħra. Kull Stat Membru jista' jipprovdi informazzjoni addizzjonali rilevanti, fejn xieraq, lill-Istat Membru li jkun qed iwettaq il-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali. Għandu jkun disponibbli għall-pubbliku sommarju tas-sejbiet tal-valutazzjoni. Dak is-sommarju m'għandux jinkludi informazzjoni klassifikata. Kwalunkwe dokument maqsum jew li jkun sar pubbliku skont dan il-paragrafu m’għandu jinkludi l-ebda informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta' xi persuna fiżika jew jisemmi xi persuna ġuridika.

Artikolu 9

Statistika

1.   L-Istati Membri għandhom iżommu statistika komprensiva dwar kwistjonijiet li jkunu rilevanti għall-effettività tal-oqfsa tagħhom fil-qasam tal-AML/CFT sabiex jirrieżaminaw l-effettività ta' dawk l-oqfsa.

2.   L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi:

(a)

data li tkejjel id-daqs u l-importanza tas-setturi differenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluż l-għadd ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-importanza ekonomika ta' kull settur;

(b)

data li tkejjel il-fażijiet ta' rapportar, ta' investigazzjoni u ġudizzjarji tar-reġim nazzjonali fil-qasam tal-AML/CFT, inkluż l-għadd ta' rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi li jkunu saru lill-FIU, il-mod kif ġew segwiti dawk ir-rapporti, l-informazzjoni dwar it-trasferimenti fiżiċi transfruntiera ta' flus kontanti trażmessa lill-FIU f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/1672 flimkien mal-mod kif ġiet segwita l-informazzjoni ppreżentata u, fuq bażi annwali, l-għadd ta' każijiet investigati, l-għadd ta' persuni mħarrka, l-għadd ta' persuni li jkunu nstabu ħatja għal reati ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu, it-tipi ta' reati predikati identifikati f'konformità mal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38) fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli, u l-valur f'euro tal-proprjetà li tkun ġiet iffriżata, sekwestrata jew konfiskata;

(c)

l-għadd u l-perċentwal ta' rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi li jirriżultaw fi tqassim lil awtoritajiet kompetenti oħra u, jekk disponibbli, l-għadd u l-perċentwal ta' rapporti li jirriżultaw f'investigazzjoni ulterjuri, flimkien mar-rapport annwali mfassal mill-FIUs skont l-Artikolu 27;

(d)

data dwar l-għadd ta’ talbiet transfruntiera għal informazzjoni li jkunu saru, ġew riċevuti, irrifjutati u mwieġba parzjalment jew kompletament mill-FIU, imqassma skont il-pajjiż kontroparti;

(e)

l-għadd ta’ talbiet għal assistenza legali reċiproka jew talbiet internazzjonali oħra għal informazzjoni relatata mas-sjieda benefiċjarja u għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji kif imsemmi fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2024/1624 u fit-Taqsimiet 1 u 2 tal-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva li jkunu waslu mingħand jew saru lil kontropartijiet barra mill-Unjoni, imqassma skont l-awtorità kompetenti u l-pajjiż kontroparti;

(f)

ir-riżorsi umani allokati għas-superviżuri kif ukoll ir-riżorsi umani allokati għall-FIU għat-twettiq tal-kompiti speċifikati fl-Artikolu 19;

(g)

l-għadd ta’ azzjonijiet superviżorji fuq il-post u mhux fuq il-post, l-għadd ta’ każijiet ta’ ksur identifikati abbażi ta’ azzjonijiet superviżorji u sanzjonijiet pekunarji u pagamenti perjodiċi ta' penali imposti jew miżuri amministrattivi applikati mill-awtoritajiet superviżorji u mill-korpi ta' awtoregolamentazzjoni skont it-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV;

(h)

l-għadd u t-tip ta' każijiet ta' ksur identifikati b'rabta mal-obbligi tal-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2024/1624 u s-sanzjonijiet pekunarji imposti jew il-miżuri amministrattivi applikati b'rabta ma' dawk il-każijiet ta' ksur, l-għadd ta' diskrepanzi rrapportati lir-reġistru ċentrali msemmi fl-Artikolu 10 ta' din id-Direttiva, kif ukoll l-għadd ta' kontrolli li jkunu saru mill-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali jew f'isimha skont l-Artikolu 10(11) ta' din id-Direttiva;

(i)

l-informazzjoni li ġejja dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 12:

(i)

l-għadd ta' talbiet biex tiġi aċċessata l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fir-reġistri ċentrali abbażi tal-kategoriji stabbiliti fl-Artikolu 12(2);

(ii)

il-perċentwal ta' talbiet għall-aċċess għal informazzjoni li jiġi rifjutat skont kull kategorija stabbilita fl-Artikolu 12(2);

(iii)

sommarju tal-kategoriji ta' persuni mogħtija aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont l-Artikolu 12(2), it-tieni subparagrafu;

(j)

l-għadd ta' tfittxijiet fir-reġistri tal-kontijiet bankarji jew fil-mekkaniżmi għall-irkupru tad-data li jkunu saru mill-awtoritajiet kompetenti, imqassma skont il-kategorija ta' awtorità kompetenti, u l-għadd ta' tfittxijiet fl-interkonnessjoni tar-reġistri tal-kontijiet bankarji li jkunu saru mill-FIUs u l-awtoritajiet superviżorji;

(k)

id-data li ġejja dwar l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati:

(i)

il-valur tal-fondi jew ta' assi ffriżati oħra, imqassam skont it-tip;

(ii)

ir-riżorsi umani allokati lill-awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istatistika msemmija fil-paragrafu 2 tinġabar u tiġi trażmessa lill-Kummissjoni fuq bażi annwali. L-istatistika msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a), (c), (d) u (f) għandha tiġi trażmessa wkoll lill-AMLA.

L-AMLA għandha taħżen dik l-istatistika fil-bażi ta' data tagħha f'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

4.   Sal-10 ta’ Lulju 2029, l-AMLA għandha tadotta opinjoni indirizzata lill-Kummissjoni dwar il-metodoloġija għall-ġbir tal-istatistika msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a), (c), (d), (f) u (g).

5.   Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni, il-metodoloġija biex tinġabar l-istatistika msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu kif ukoll l-arranġamenti għat-trażmissjoni tagħha lill-Kummissjoni u lill-AMLA. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 72(2).

6.   Sal-10 ta’ Lulju 2030, u kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jiġbor fil-qosor u jispjega l-istatistika msemmija fil-paragrafu 2 u tagħmlu disponibbli fuq is-sit web tagħha.

KAPITOLU II

REĠISTRI

TAQSIMA 1

Reġistri ċentrali tas-sjieda benefiċjarja

Artikolu 10

Reġistri ċentrali tas-sjieda benefiċjarja

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja kif imsemmija fl-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2024/1624, id-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 63(4) ta' dak ir-Regolament u l-informazzjoni dwar l-arranġamenti tal-mandatarji kif imsemmija fl-Artikolu 66 ta' dak ir-Regolament jinżammu f'reġistru ċentrali fl-Istat Membru fejn l-entità ġuridika tkun inħalqet jew fejn ikun stabbilit jew residenti l-fiduċjarju ta' trust espress jew persuna f'pożizzjoni ekwivalenti f'arranġament ġuridiku simili, jew minn fejn jiġi amministrat l-arranġament ġuridiku. Dan ir-rekwiżit m'għandux japplika għall-entitajiet ġuridiċi jew l-arranġamenti ġuridiċi kif imsemmija fl-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2024/1624.

L-informazzjoni fir-reġistru ċentrali tas-sjieda benefiċjarja msemmi fl-ewwel subparagrafu (“ir-reġistru ċentrali”) għandha tkun disponibbli f'format li jinqara mill-magni u tinġabar f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6.

2.   B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja msemmija fl-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2024/1624 tal-entitajiet ġuridiċi barranin u arranġamenti ġuridiċi barranin, kif imsemmija fl-Artikolu 67 ta' dak ir-Regolament, tinżamm f'reġistru ċentrali fl-Istat Membru f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 67 ta’ dak ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li r-reġistru ċentrali jkun fih indikazzjoni ta' liema sitwazzjoni elenkata fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) 2024/1624 tiskatta r-reġistrazzjoni tal-entità ġuridika barranija jew tal-arranġament ġuridiku barrani.

3.   Meta t-trustees ta' trust espress jew persuni f'pożizzjonijiet ekwivalenti f'arranġament ġuridiku simili jkunu stabbiliti jew residenti fi Stati Membri differenti, ċertifikat ta' prova tar-reġistrazzjoni jew silta mill-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma f'reġistru ċentrali minn Stat Membru wieħed, għandhom ikunu suffiċjenti biex l-obbligu ta' reġistrazzjoni jitqies bħala ssodisfat.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jkollhom is-setgħa li jitolbu mingħand entitajiet ġuridiċi, it-trustees ta' kwalunkwe trust espress u persuni f'pożizzjoni ekwivalenti f'arranġament ġuridiku simili, u s-sidien ġuridiċi u benefiċjarji tagħhom, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati u vverifikati s-sidien benefiċjarji tagħhom, inkluż riżoluzzjonijiet tal-bord tad-diretturi u minuti tal-laqgħat tagħhom, ftehimiet ta' sħubija, atti fiduċjarji, prokuri jew ftehimiet u dokumentazzjoni kuntrattwali oħra.

5.   Meta ma jkunx hemm persuna identifikata bħala s-sid benefiċjarju skont l-Artikolu 63(3) u l-Artikolu 64(6) tar-Regolament (UE) 2024/1624, ir-reġistru ċentrali għandu jinkludi:

(a)

dikjarazzjoni li m'hemmx sid benefiċjarju jew li s-sidien benefiċjarji ma setgħux jiġu determinati, akkumpanjata b’ġustifikazzjoni korrispondenti skont l-Artikolu 63(4), il-punt (a) u l-Artikolu 64(7), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1624;

(b)

id-dettalji tal-persuni fiżiċi kollha li jkollhom il-pożizzjoni ta' uffiċjali maniġerjali superjuri fl-entità ġuridika ekwivalenti għall-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 62(1), it-tieni subparagarfu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1624.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll għall-AMLA għall-fini ta’ analiżi konġunta skont l-Artikolu 32 ta' din id-Direttiva u l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2024/1620, għal korpi ta' awtoregolamentazzjoni u għal entitajiet marbutin b'obbligu. Madankollu, l-entitajiet marbutin b'obbligu għandu jkollhom aċċess biss għad-dikjarazzjoni ppreżentata mill-entità ġuridika jew l-arranġament ġuridiku, jekk ma jirrapportawx diskrepanza skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1624 jew jagħtu prova tal-passi li jkunu ħadu biex jiddeterminaw is-sidien benefiċjarju/i tal-entità ġuridika jew l-arranġament ġuridiku, f'liema każ għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw il-ġustifikazzjoni wkoll.

6.   Sal-10 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-format għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja kif imsemmi fl-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2024/1624 lir-reġistru ċentrali, inkluż lista ta' kontroll tar-rekwiżiti minimi biex l-informazzjoni tiġi eżaminata mill-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 72(2) ta' din id-Direttiva.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma fir-reġistri ċentrali tkun adegwata, akkurata u aġġornata, u għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi biex dan jinkiseb. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom japplikaw mill-inqas ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali għandhom jivverifikaw, fi żmien raġonevoli mill-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u fuq bażi regolari wara dan, li din l-informazzjoni tkun adegwata, akkurata u aġġornata;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti, jekk ikun xieraq u sa fejn tali rekwiżit ma jfixkilx bla bżonn il-funzjonijiet tagħhom, għandhom jirrapportaw lill-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali kwalunkwe diskrepanza li jsibu bejn l-informazzjoni disponibbli fir-reġistri ċentrali u l-informazzjoni disponibbli għalihom.

Il-punt sa fejn tasal il-verifika msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u l-frekwenza tagħha għandhom ikunu proporzjonati għar-riskji assoċjati mal-kategoriji ta' entitajiet ġuridiċi u arranġamenti ġuridiċi identifikati skont l-Artikolu 7(3), il-punt (d), u l-Artikolu 8(4), il-punt (c).

Sal-10 ta’ Lulju 2028, il-Kummissjoni għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar il-metodi u l-proċeduri li għandhom jintużaw mill-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali biex jivverifikaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u mill-entitajiet marbutin b'obbligu u l-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw u jirrapportaw diskrepanzi rigward l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li tinsab fir-reġistri ċentrali tinkludi kwalunkwe bidla fis-sjieda benefiċjarja tal-entitajiet ġuridiċi u l-arranġamenti ġuridiċi u fl-arranġamenti ta' persuna nominata wara l-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru ċentrali.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jivverifikaw jekk l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma f'dawk ir-reġistri tikkonċernax persuni jew entitajiet deżinjati marbuta ma' sanzjonijiet finanzjarji mmirati. Din il-verifika għandha ssir immedjatament mad-deżinjazzjoni b'rabta ma' sanzjonijiet finanzjarji mmirati u f'intervalli regolari.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni fir-reġistri ċentrali tinkludi indikazzjoni li l-entità ġuridika tkun assoċjata ma' persuni jew entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji mmirati fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

entità ġuridika jew arranġament ġuridiku jkunu soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji mmirati;

(b)

entità ġuridika jew arranġament ġuridiku jkunu kkontrollati minn persuna jew entità soġġetta għal sanzjonijiet finanzjarji mmirati;

(c)

sid benefiċjarju ta' entità ġuridika jew arranġament ġuridiku jkun soġġett għal sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

L-indikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tkun viżibbli għal kwalunkwe persuna jew entità li tingħata aċċess għall-informazzjoni fir-reġistri ċentrali skont l-Artikoli 11 u 12, u għandha tibqa' fis-seħħ sakemm jitneħħew is-sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi żmien 30 jum tax-xogħol mir-rapportar ta’ diskrepanza minn awtorità kompetenti jew awtorità marbuta b’obbligu, l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jieħdu azzjonijiet xierqa biex isolvu d-diskrepanza rrapurtata skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1624, inkluż billi jemendaw l-informazzjoni li tkun tinsab fir-reġistri ċentrali meta l-entità tkun tista' tivverifika l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja. Fir-reġistri ċentrali għandu jkun hemm referenza speċifika għall-fatt li hemm diskrepanzi rrapportati sakemm id-diskrepanza tiġi solvuta u din ir-referenza għandha tkun viżibbli għal kwalunkwe persuna jew entità li tingħata aċċess skont l-Artikoli 11 u 12 ta' din id-Direttiva.

Meta d-diskrepanza tkun ta' natura kumplessa u l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali ma jkunux jistgħu jsolvuha fi żmien 30 jum tax-xogħol, dawn għandhom jirreġistraw l-istanza kif ukoll il-passi meħuda, u jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex isolvu d-diskrepanza malajr kemm jista' jkun.

11.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali jkollha s-setgħa li twettaq, direttament jew billi tirrikorri għal awtorità oħra, inkluż awtoritajiet ġudizzjarji, kontrolli, inkluż spezzjonijiet fuq il-post fil-bini tan-negozju jew fl-uffiċċju rreġistrat ta' entitajiet ġuridiċi, sabiex tiġi stabbilita s-sjieda benefiċjarja attwali tal-entità u biex jiġi vverifikat li l-informazzjoni ppreżentata lir-reġistru ċentrali tkun akkurata, adegwata u aġġornata. Id-dritt tal-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali li tivverifika l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja m'għandux ikun limitat, ostakolat jew prekluż.

Meta l-fiduċjarju jew il-persuna li jkollha pożizzjoni ekwivalenti tkun entità marbuta b'obbligu kif imsemmija fl-Artikolu 3, il-punt (3)(a), (b) jew (c), tar-Regolament (UE) 2024/1624, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali jkollha wkoll is-setgħa li twettaq kontrolli, inkluż spezzjonijiet fuq il-post fil-bini tan-negozju jew fl-uffiċċju rreġistrat tal-fiduċjarju jew tal-persuna f'pożizzjoni ekwivalenti. Dawk il-kontrolli għandhom jaderixxu tal-anqas mas-salvagwardji li ġejjin:

(a)

fir-rigward ta' persuni fiżiċi, meta l-bini tan-negozju jew l-uffiċju reġistrat ikun l-istess bħar-residenza privata tal-persuna fiżika, l-ispezzjoni fuq il-post għandha tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel;

(b)

kwalunkwe salvagwardja proċedurali fis-seħħ fl-Istat Membru biex jiġi protett il-privileġġ legali għandha tiġi rispettata u m'għandha tiġi aċċessata l-ebda informazzjoni protetta mill-privileġġ legali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jkollhom is-setgħa li jitolbu informazzjoni minn reġistri oħra, inkluż f'pajjiżi terzi, sal-punt li tali informazzjoni tkun meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet ta’ tali entitajiet.

12.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-mekkaniżmi awtomatizzati meħtieġa biex iwettqu verifiki kif imsemmi fil-paragrafu 7, il-punt (a), u l-paragrafu 8, inkluż bi tqabbil tal-informazzjoni li tkun tinsab f’dawk ir-reġistri mal-informazzjoni miżmuma minn sorsi oħra.

13.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta titwettaq verifika kif imsemmi fil-paragrafu 7, il-punt (a), fi żmien il-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, u tali verifika twassal biex entità responsabbli għal reġistru ċentrali tikkonkludi li hemm inkonsistenzi jew żbalji fl-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, l-entità responsabbli għal reġistru ċentrali tkun tista' żżomm jew tirrifjuta li toħroġ ċertifikat validu ta' prova tar-reġistrazzjoni.

14.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta titwettaq verifika kif imsemmi fil-paragrafu 7, il-punt (a), wara l-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, u tali verifika twassal biex entità responsabbli għal reġistru ċentrali tikkonkludi li l-informazzjoni ma tkunx għadha adegwata, akkurata u aġġornata, l-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali tkun tista' tissospendi l-validità taċ-ċertifikat ta' prova tar-reġistrazzjoni sakemm tqis li l-informazzjoni pprovduta dwar is-sjieda benefiċjarja tkun kif suppost, ħlief meta l-inkonsistenzi jkunu limitati għal żbalji tipografiċi, modi differenti ta' trażlitterazzjoni, jew ineżattezzi minuri li ma jaffettwawx l-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji jew tal-interess benefiċjarju tagħhom.

15.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali tingħata s-setgħa li tapplika, kemm direttament jew billi tirrikorri għal awtorità oħra, inkluż awtoritajiet ġudizzjarji, miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi jew timponi tali sanzjonijiet pekunjarji meta entità tonqos, anke ripetutament, milli tipprovdi informazzjoni akkurata, adegwata u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja tagħha lir-reġistru ċentrali.

16.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 71 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tiddefinixxi indikaturi għall-klassifikazzjoni tal-livell ta' gravità tan-nuqqasijiet ta' rappurtar ta' informazzjoni adegwata, akkurata u aġġornata lir-reġistri ċentrali, inkluż f'każijiet ta' nuqqas ripetut.

17.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk waqt il-kontrolli mwettqa skont dan l-Artikolu, jew b'xi mod ieħor, l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jiskopru fatti li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, dawn għandhom jgħarrfu minnufih lill-FIU ta’ dawn.

18.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jwettqu l-kompiti tagħhom, l-entitajiet responsabbli mir-reġistri ċentrali jwettqu l-funzjonijiet tagħhom mingħajr influwenza mhux dovuta u li dawk l-entitajiet jimplimentaw standards għall-impjegati tagħhom fir-rigward tal-kunflitti ta' interess u kunfidenzjalità stretta.

19.   Ir-reġistri ċentrali għandhom ikunu interkonnessi permezz tal-Pjattaforma Ċentrali Ewropea stabbilita bl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva (UE) 2017/1132.

20.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli permezz tar-reġistri ċentrali u permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali għal ħames snin wara li l-entità ġuridika tkun ġiet xolta jew l-arranġament ġuridiku jkun waqaf jeżisti..

Mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-evidenza applikabbli għal investigazzjonijiet kriminali u proċedimenti legali li jkunu għaddejjin, l-Istati Membri jistgħu, f’każijiet speċifiċi, jippermettu li ’tali informazzjoni tinżamm, jew jeħtieġu li tali informazzjoni tinżamm, għal perjodu massimu addizzjonali ta' ħames snin fejn l-Istati Membri jkunu stabbilixxew li tali żamma tkun neċessarja u proporzjonata għall-għan tal-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu suspettati.

Malli jiskadi l-perjodu ta' żamma msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw lid-data personali titħassar mir-reġistri ċentrali.

21.   Sa tal-10 ta’ Lulju 2031 [seba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jinkludi dan li ġej:

(a)

valutazzjoni tal-effettività tal-miżuri meħuda mill-entitajiet responsabbli responsabbli għar-reġistri ċentrali biex jiġi żgurat li jkollhom informazzjoni adegwata, aġġornata u akkurata;

(b)

deskrizzjoni tat-tipi ewlenin ta' diskrepanzi identifikati mill-entitajiet marbutin b'obbligu u mill-awtoritajiet kompetenti b'rabta mal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma fir-reġistri ċentrali;

(c)

l-aħjar prattiki u, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-miżuri meħuda mill-entitajiet responsabbli għar-reġistri biex jiġi żgurat li dawk ir-reġistri ċentrali jkollhom informazzjoni adegwata, akkurata u aġġornata;

(d)

stampa ġenerali tal-karatteristiċi ta' kull reġistru ċentrali stabbilit mill-Istati Membri, inkluż informazzjoni dwar mekkaniżmi biex jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma f’dawk ir-reġistri tinżamm akkurata, adegwata u aġġornata;

(e)

valutazzjoni tal-proporzjonalità tat-tariffi imposti għall-aċċess għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali.

Artikolu 11

Regoli ġenerali dwar l-aċċess għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja minn awtoritajiet kompetenti, korpi ta' awtoregolamentazzjoni u entitajiet marbutin b'obbligu

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess immedjat, mhux iffiltrat, dirett u liberu għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali interkonnessi msemmija fl-Artikolu 10, mingħajr ma jingħata ħjiel lill-entità ġuridika jew lill-arranġament ġuridiku kkonċernat.

2.   L-aċċess kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jingħata lil:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti;

(b)

il-korpi ta' awtoregolamentazzjoni fit-twettiq ta' funzjonijiet superviżorji skont l-Artikolu 37;

(c)

l-awtoritajiet tat-taxxa;

(d)

l-awtoritajiet nazzjonali b'responsabbiltajiet deżinjati għall-implimentazzjoni ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni identifikati skont ir-Regolamenti rilevanti tal-Kunsill adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE;

(e)

l-AMLA għall-finijiet ta' analiżijiet konġunti skont l-Artikolu 32 ta' din id-Direttiva u l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2024/1620;

(f)

l-UPPE;

(g)

l-OLAF;

(h)

l-Europol u l-Eurojust meta jipprovdu appoġġ operazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jieħdu miżuri ta' diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti f'konformità mal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/1624, l-entitajiet marbutin b'obbligu jkollhom aċċess f'waqtu għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali interkonnessi msemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva.

4.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħmlu l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma fir-reġistri ċentrali tagħhom disponibbli għall-entitajiet marbutin b'obbligu mal-pagament ta’ tariffa, li għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-iżgurar tal-kwalità tal-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali u tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni. Dawk it-tariffi għandhom jiġu stabbiliti b'tali mod li ma jdgħajfux l-aċċess effettiv għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali.

5.   Sal-10 ta’ Ottubru 2026, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-lista tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi ta' awtoregolamentazzjoni u l-kategoriji ta' entitajiet marbutin b'obbligu li ngħataw aċċess għar-reġistri ċentrali u t-tip ta' informazzjoni disponibbli għall-entitajiet marbutin b'obbligu. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw tali notifika meta jkun hemm kwalunkwe bidlafil-lista tal-awtoritajiet kompetenti jew fil-kategoriji ta' entitajiet marbutin b'obbligu jew bidliet fil-punt sa fejn jingħata aċċess lill-entitajiet marbutin b'obbligu. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-Istati Membri l-oħra l-informazzjoni dwar l-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti u mill-entitajiet marbutin b'obbligu, inkluż kwalunkwe bidla fih.

Artikolu 12

Regoli speċifiċi dwar l-aċċess għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja għall-persuni b'interess leġittimu

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tista' turi interess leġittimu fil-prevenzjoni ta' ħasil tal-flus, tar-reati predikati tiegħu u tal-finanzjament tat-terroriżmu, u mal-ġlieda kontrihom, ikollha aċċess għall-informazzjoni li ġejja dwar is-sidien benefiċjarji ta' entitajiet ġuridiċi u arranġamenti ġuridiċi miżmuma fir-reġistri ċentrali interkonnessi msemmija fl-Artikolu 10, mingħajr ma jingħata ħjiel lill-entità ġuridika jew lill-arranġament ġuridiku kkonċernat:

(a)

isem is-sid benefiċjarju;

(b)

ix-xahar u s-sena tat-twelid tas-sid benefiċjarju;

(c)

il-pajjiż ta' residenza u n-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet tas-sid benefiċjarju;

(d)

għas-sidien benefiċjarji ta' entitajiet ġuridiċi, in-natura u l-firxa tal-interess benefiċjarju miżmum;

(e)

għas-sidien benefiċjarji ta' trusts espress jew arranġamenti legali simili, in-natura tal-interess benefiċjarju.

Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a), (b) u (e), jkollhawkoll aċċess għal informazzjoni storika dwar is-sjieda benefiċjarja tal-entità ġuridika jew tal-arranġament ġuridiku, inkluż ta' entitajiet ġuridiċi jew arranġamenti ġuridiċi li ġew xolti jew li ma baqgħux jeżistu fil-ħames snin preċedenti, kif ukoll deskrizzjoni tal-istruttura ta' kontroll jew sjieda.

L-aċċess skont dan il-paragrafu għandu jingħata permezz ta' mezzi elettroniċi. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jistgħu juru interess leġittimu jkunu jistgħu jaċċessaw ukoll l-informazzjoni f'formati oħra jekk ma jkunux jistgħu jużaw mezzi elettroniċi.

2.   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ġejjin għandhom jitqiesu li għandhom interess leġittimu biex jaċċessaw l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1:

(a)

persuni li jaġixxu għall-fini ta' ġurnaliżmu, rappurtar jew kwalunkwe forma oħra ta' espressjoni fil-media, li jkunu marbuta mal-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)

organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż organizzazzjonijiet mhux governattivi u akkademiċi, li jkunu marbuta mal-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu;

(c)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi li x'aktarx jidħlu fi tranżazzjoni ma' entità ġuridika jew arranġament ġuridiku u li jixtiequ jipprevjenu kwalunkwe rabta bejn tali tranżazzjoni u l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew l-finanzjament tat-terroriżmu;

(d)

entitajiet soġġetti għar-rekwiżiti tal-AML/CFT f'pajjiżi terzi, dment li jkunu jistgħu juru l-ħtieġa li jaċċessaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 b'rabta ma' entità ġuridika jew arranġament ġuridiku biex iwettqu d-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti fejn jikkonċerna klijent jew klijent prospettiv skont ir-rekwiżiti tal-AML/CFT f'dawk il-pajjiżi terzi;

(e)

kontropartijiet ta' pajjiżi terzi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni fil-qasam tal-AML/CFT, dment li jkunu jistgħu juru l-ħtieġa li jaċċessaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 b'rabta ma' entità ġuridika jew arranġament ġuridiku biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont l-oqfsa fil-qasam tal-AML/CFT ta' dawk il-pajjiżi terzi fil-kuntest ta' każ speċifiku;

(f)

awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli għall-implimentazzjoni tat-Titolu I, il-Kapitoli II u III tad-Direttiva (UE) 2017/1132, b'mod partikolari l-awtoritajiet responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 16 ta' dik id-Direttiva, u l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-iskrutinju tal-legalità tal-konverżjonijiet, il-fużjonijiet u d-diviżjonijiet ta' kumpaniji b'responsabbiltà limitata skont it-Titolu II ta' dik id-Direttiva;

(g)

awtoritajiet ta' programmi identifikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2021/1060, fir-rigward tal-benefiċjarji tal-fondi tal-Unjoni;

(h)

awtoritajiet pubbliċi li jimplimentaw il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza skont ir-Regolament (UE) 2021/241, fir-rigward tal-benefiċjarji taħt il-Faċilità;

(i)

awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri fil-kuntest ta' proċeduri ta' akkwist pubbliku, fir-rigward tal-offerenti u l-operaturi li jingħataw il-kuntratt skont il-proċedura ta' akkwist pubbliku;

(j)

fornituri ta' prodotti tal-AML/CFT, sal-punt strett fejn il-prodotti żviluppati abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew li jkun fihom dik l-informazzjoni jiġu pprovduti biss lil klijenti li jkunu entitajiet marbutin b'obbligu jew awtoritajiet kompetenti, dment li dawk il-fornituri jkunu jistgħu juru l-ħtieġa li jaċċessaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fil-kuntest ta' kuntratt ma' entità marbuta b'obbligu jew awtorità kompetenti.

Minbarra l-kategoriji identifikati skont l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuni oħra li jkunu jistgħu juru interess leġittimu fir-rigward tal-iskop li jipprevjenu u jiġġieldu l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu, jingħataw aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont il-każ.

3.   Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a)

il-lista ta' awtoritajiet pubbliċi li huma intitolati jikkonsultaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont il-paragrafu 2, il-punti (f), (g) u (h), u l-awtoritajiet pubbliċi jew il-kategoriji ta' awtoritajiet pubbliċi li huma intitolati jikkonsultaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont il-paragrafu 2, il-punt (i);

(b)

kwalunkwe kategorija addizzjonali ta' persuni li jkun instab li għandhom interess leġittimu biex jaċċessaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja identifikata f'konformità mal-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla jew żieda għall-kategoriji msemmija fl-ewwel subparagrafu mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta din isseħħ.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-Istati Membri l-oħra l-informazzjoni riċevuta skont dan il-paragrafu.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri ċentrali jżommu rekords tal-persuni li jaċċessaw l-informazzjoni skont dan l-Artikolu u jkunu jistgħu jiddivulgawhom lis-sidien benefiċjarji meta jippreżentaw talba skont l-Artikolu 15(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/679.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta mir-reġistri ċentrali ma twassalx għall-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe persuna li tikkonsulta r-reġistru fejn tali persuni jkunu:

(a)

persuni li jaġixxu għall-fini ta' ġurnaliżmu, rappurtar jew kwalunkwe forma oħra ta' espressjoni fil-media li jkunu marbuta mal-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)

organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jkunu marbuta mal-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jżommu lura milli jiddivulgaw l-identità ta’ kwalunkwe kontroparti ta' pajjiż terz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni fil-qasam tal-AML/CFT imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt 44(a) u (c), tar-Regolament (UE) 2024/1624, sakemm ikun meħtieġ biex jiġu protetti l-analiżijiet jew l-investigazzjonijiet ta' dik l-awtorità.

B'rabta mal-persuni msemmija fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta s-sidien benefiċjarji jippreżentaw talba skont l-Artikolu 15(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/679, dawn jingħataw informazzjoni dwar il-funzjoni jew l-okkupazzjoni tal-persuni li jkunu kkonsultaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tagħhom.

Għall-finijiet tat-tielet subparagrafu, meta jitolbu aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont dan l-Artikolu, l-awtoritajiet għandhom jindikaw il-perjodu li għalih jitolbu lir-reġistri ċentrali biex iżommu lura mid-divulgazzjoni, li m'għandux jaqbeż il-5 snin, u r-raġunijiet għal dik ir-restrizzjoni, inkluż kif l-għoti tal-informazzjoni jipperikola l-iskop tal-analiżi u l-investigazzjonijiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta r-reġistri ċentrali ma jiddivulgawx l-identità tal-entità li tkun ikkonsultat l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, kwalunkwe estensjoni ta' dak il-perjodu għandha tingħata biss abbażi ta' talba ġustifikata mill-awtorità fil-pajjiż terz, għal perjodu massimu ta' sena, li warajh għandha tiġi ppreżentata talba ġustifikata ġdida għal estensjoni minn dik l-awtorità.

Artikolu 13

Proċedura għall-verifika u r-rikonoxximent reċiproku ta' interess leġittimu biex tiġi aċċessata l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali kif imsemmija fl-Artikolu 10 jieħdu miżuri biex jivverifikaw l-eżistenza tal-interess leġittimu msemmi fl-Artikolu 12 abbażi ta' dokumenti, informazzjoni u data miksuba mill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed tfittex aċċess għar-reġistru ċentrali (“applikant”) u, fejn meħtieġ, informazzjoni disponibbli għalihom skont l-Artikolu 12(3).

2.   L-eżistenza ta' interess leġittimu għall-aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja għandha tiġi ddeterminata billi jitqiesu:

(a)

il-funzjoni jew l-okkupazzjoni tal-applikant; u

(b)

bl-eċċezzjoni tal-persuni msemmija fl-Artikolu 12(2), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), il-konnessjoni mal-entitajiet ġuridiċi jew l-arranġamenti ġuridiċi speċifiċi li tkun qed tintalab l-informazzjoni tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jintalab aċċess għall-informazzjoni minn persuna li l-interess leġittimu tagħha li taċċessa l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja f'waħda mill-kategoriji stipulati fl-Artikolu 12(2), l-ewwel subparagrafu, ikun diġà ġie vverifikat mir-reġistru ċentrali ta' Stat Membru ieħor, il-verifika tal-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu tkun issodisfata billi tinġabar prova tal-interess leġittimu maħruġ mir-reġistru ċentrali ta' dak l-Istat Membru l-ieħor.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw il-proċedura stipulata fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għall-kategoriji addizzjonali identifikati minn Stati Membri oħra skont l-Artikolu 12(2), it-tieni subparagrafu.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għal reġistri ċentrali jivverifikaw l-identità ta’ applikanti kull meta jaċċessaw ir-reġistri. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm biżżejjed proċessi disponibbli biex tiġi vverifikata l-identità tal-applikant, inkluż billi jippermettu l-użu ta' mezzi ta' identifikazzjoni elettronika u tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati rilevanti kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39).

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-punt (a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri ċentrali jkollhom mekkaniżmi fis-seħħ li jippermettu aċċess ripetut lil persuni b'interess leġittimu li jaċċessaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja mingħajr il-ħtieġa li jiġu vvalutati l-funzjoni jew l-okkupazzjoni tagħhom kull meta jaċċessaw l-informazzjoni.

6.   Mill-10 ta’ Novembru 2026, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għarreġistri ċentrali jwettqu l-verifika msemmija fil-paragrafu 1 u jipprovdu tweġiba lill-applikant fi żmien 12-il jum tax-xogħol.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, f'każ ta' għadd kbir f'daqqa ta' talbiet għall-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont dan l-Artikolu, l-iskadenza biex tingħata tweġiba lill-applikant tista' tiġi estiża bi 12-il jum tax-xogħol. Jekk, wara li tkun skadiet l-estensjoni, l-għadd ta' talbiet li jidħlu jibqa' għoli, dik l-iskadenza tista' tiġi estiża bi 12-il jum tax-xogħol oħra.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni fil-ħin dwar kwalunkwe estensjoni kif msemmija fit-tieni subparagrafu.

Meta l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jiddeċiedu li jagħtu aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, huma għandhom joħorġu ċertifikat li jagħti aċċess għal tliet snin. L-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali għandhom jirrispondu kwalunkwe talba sussegwenti għall-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja mill-istess persuna fi żmien sebat ijiem tax-xogħol.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għar-reġistri għandhom jirrifjutaw biss talba għall-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

l-applikant ma jkunx ipprovda l-informazzjoni jew id-dokumenti meħtieġa skont il-paragrafu 1;

(b)

ma jkunx intwera interess leġittimu biex tiġi aċċessata l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja;

(c)

meta, abbażi tal-informazzjoni li jkollu, l-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali jkollha raġuni valida biex taħseb li l-informazzjoni ma tkunx ser tintuża għall-finijiet li għalihom tkun intalbet jew li l-informazzjoni tkun ser tintuża għal finijiet li mhumiex marbuta mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tigħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu;

(d)

tapplika waħda jew aktar mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15;

(e)

fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-interess leġittimu biex tiġi aċċessata l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja aċċettat mir-reġistru ċentrali ta' Stat Membru ieħor ma jestendix għall-finijiet li għalihom tintalab l-informazzjoni;

(f)

meta l-applikant ikun f'pajjiż terz u t-tweġiba għat-talba għall-aċċess għall-informazzjoni ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jqisu li jitolbu informazzjoni jew dokumenti addizzjonali mill-applikant qabel ma jirrifjutaw talba għall-aċċess għar-raġunijiet elenkati fil-punti (a), (b), (c) u (e) tal-ewwel subparagrafu. Meta l-entitajiet responsabbli għarreġistri ċentrali jitolbu informazzjoni addizzjonali, l-iskadenza ta' żmien biex tingħata tweġiba għandu jiġi estiż b'sebat ijiem tax-xogħol.

8.   Meta l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jirrifjutaw li jipprovdu aċċess għall-informazzjoni skont il-paragrafu 7, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li dawn jinfurmaw lill-applikant bir-raġunijiet għar-rifjut u bid-dritt tiegħu għal rimedju. L-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali għandha tiddokumenta l-passi meħuda biex tiġi vvalutata t-talba u biex tinkiseb informazzjoni addizzjonali skont il-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jkunu jistgħu jirrevokaw l-aċċess fejn kwalunkwe waħda mir-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 7 tapplika jew issir magħrufa mill-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali wara li jkun ingħata tali aċċess, inkluż, fejn rilevanti, abbażi ta' revoka minn reġistru ċentrali fi Stat Membru ieħor.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma jkollhom fis-seħħ rimedji ġudizzjarji jew amministrattivi biex jiġu kkontestati r-rifjut jew ir-revoka tal-aċċess skont il-paragrafu 7.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jkunu jistgħu jirrepetu l-verifika tal-funzjoni jew tal-okkupazzjoni identifikata skont il-paragrafu 2, il-punt (a) kull tant żmien u fi kwalunkwe każ mhux qabel 12-il xahar wara li jingħata l-aċċess, dment li l-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali ma jkollhiex raġuni valida biex temmen li l-interess leġittimu ma jkunx għadu jeżisti.

11.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-persuni li jkunu ngħataw aċċess skont dan l-Artikolu jinnotifikaw lill-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali bil-bidliet li jistgħu jwasslu għall-waqfien ta' interess leġittimu validu, inkluż bidliet li jikkonċernaw il-funzjoni jew l-okkupazzjoni tagħhom.

12.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħmlu l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma fir-reġistri ċentrali tagħhom disponibbli għall-applikanti mal-ħlas ta’ tariffa, li għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġu koperti l-ispejjeż għall-iżgurar tal-kwalità tal-informazzjoni miżmuma f’dawk ir-reġistri u għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni. Dawk it-tariffi għandhom jiġu stabbiliti b'tali mod li ma jdgħajfux l-aċċess effettiv għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali.

Artikolu 14

Mudelli u proċeduri

1.   Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet tekniċi u proċeduri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-aċċess abbażi ta' interess leġittimu mir-reġistri ċentrali msemmija fl-Artikolu 10, inkluż:

(a)

mudelli standardizzati biex jintalab aċċess għar-reġistru ċentrali u biex jintalab aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja dwar entitajiet ġuridiċi u arranġamenti ġuridiċi;

(b)

mudelli standardizzati li għandhom jintużaw mir-reġistri ċentrali biex jikkonfermaw jew jirrifjutaw talba għall-aċċess għar-reġistru jew għall-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja;

(c)

proċeduri li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tal-interess leġittimu għall-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja mir-reġistri ċentrali fi Stati Membri li ma jkunux dak fejn it-talba għall-aċċess tkun saret u ġiet aċċettata għall-ewwel darba, inkluż proċeduri biex jiġi żgurat it-trasferiment sigur ta' informazzjoni dwar applikant;

(d)

proċeduri biex ir-reġistri ċentrali jinnotifikaw lil xulxin b'revoki tal-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont l-Artikolu 13(8).

2.   L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġi adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 72(2).

Artikolu 15

Eċċezzjonijiet għar-regoli dwar l-aċċess għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja

F'ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu stabbiliti fid-dritt nazzjonali, meta l-aċċess imsemmi fl-Artikoli 11(3) u 12(1) jesponi lis-sid benefiċjarju għal riskju sproporzjonat ta' frodi, ħtif, rikatt, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni, jew meta s-sid benefiċjarju jkun minorenni jew legalment inkapaċi b'xi mod ieħor, l-Istati Membri għandhom jipprevedu eżenzjoni minn tali aċċess għall-informazzjoni personali kollha jew parzjali dwar is-sid benefiċjarju. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk tali eżenzjonijiet jingħataw skont il-każ wara evalwazzjoni dettaljata, tan-natura eċċezzjonali taċ-ċirkostanzi u konferma li jeżistu dawk ir-riskji sproporzjonati. Id-dritt għal rieżami amministrattiv tad-deċiżjoni dwar l-għoti ta' eżenzjoni u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv għandhom ikunu garantiti. Stat Membru li jkun ta eżenzjonijiet għandu jippubblika data statistika annwali dwar l-għadd ta' eżenzjonijiet mogħtija u r-raġunijiet mogħtija u jirrapporta d-data lill-Kummissjoni.

L-eżenzjonijiet mogħtija skont dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw għall-entitajiet marbutin b'obbligu kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (3)(b), tar-Regolament (UE) 2024/1624 li huma uffiċjali pubbliċi.

TAQSIMA 2

Informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji

Artikolu 16

Reġistri tal-kontijiet bankarji u sistemi elettroniċi għall-irkupru tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati, bħal reġistri ċentrali jew sistemi elettroniċi ċentrali għall-irkupru tad-data, li jippermettu l-identifikazzjoni f'waqtha ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha jew li tikkontrolla kontijiet ta' pagament, jew kontijiet bankarji identifikati mill-IBAN, inkluż IBANs virtwali, kontijiet ta' titoli, kontijiet tal-kriptoassi u kaxxi ta' depożitu sikur miżmuma minn istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja fit-territorju tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-karatteristiċi ta' dawk il-mekkaniżmi nazzjonali kif ukoll bil-kriterji li skonthom l-informazzjoni ġiet inkluża f'dawk il-mekkaniżmi nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni miżmuma fil-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati tkun direttament aċċessibbli b'mod immedjat u mhux iffiltrat għall-FIUs, kif ukoll għall-AMLA għall-finijiet ta' analiżijiet konġunti skont l-Artikolu 32 ta' din id-Direttiva u l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2024/1620. L-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli wkoll f'waqtha għall-awtoritajiet superviżorji biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva.

3.   L-informazzjoni li ġejja għandha tkun aċċessibbli u jista' jsir tiftix fiha permezz tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati:

(a)

għad-detenturi tal-kont tal-klijent u kwalunkwe persuna li tidher li qed taġixxi f'isem kont tal-klijent: l-isem, ikkomplementat mid-data l-oħra ta' identifikazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2024/1624 jew numru uniku ta' identifikazzjoni kif ukoll, fejn applikabbli, id-dati li fihom il-persuna li tidher li qed taġixxi f'isem il-klijent ikunu akkwistaw is-setgħa li taġixxi f'isem il-klijent u d-data li fiha ma kienx għad kellha din is-setgħa;

(b)

għas-sidien benefiċjarji tad-detenturi tal-kont tal-klijent: l-isem, ikkomplementat mid-data l-oħra ta' identifikazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2024/1624 jew numru uniku ta' identifikazzjoni kif ukoll id-dati li fiha il-persuna fiżika tkun saret u, fejn applikabbli, ma kinitx għadha s-sid benefiċjarju tad-detentur tal-kont tal-klijent;

(c)

għall-kontijiet bankarji jew kontijiet ta' pagament: in-numru tal-IBAN, jew fejn il-kont ta' pagament ma jkunx identifikat minn numru tal-IBAN, l-identifikatur uniku tal-kont, u d-data meta jinfetaħ u, fejn applikabbli, id-data li fiha ngħalaq il-kont;

(d)

għal IBAN virtwali maħruġin minn istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja: in-numru tal-IBAN virtwali, l-identifikatur uniku tal-kont li fih il-pagamenti indirizzati lill-IBAN virtwali jiġu awtomatikament ridirezzjonati, u d-dati meta jinfetaħ u jingħalaq il-kont;

(e)

għal kontijiet ta' titoli: l-identifikatur uniku tal-kont, u d-dati meta jinfetaħ u jingħalaq il-kont;

(f)

għal kontijiet tal-kriptoassi: l-identifikatur uniku tal-kont, u d-dati meta jinfetaħ u jingħalaq il-kont;

(g)

għal kaxxi ta' depożitu sikur: l-isem tal-lokatarju kkomplementat jew mid-data l-oħra ta' identifikazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2024/1624, jew numru uniku ta' identifikazzjoni u d-data li fiha bdiet il-lokazzjoni u, fejn applikabbli, id-data li fiha ntemmet.

Fil-każ ta’ IBAN virtwali, id-detentur ta’ kont tal-klijent kif imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandu jkun id-detentur tal-kont li fih il-pagamenti indirizzati lill-IBAN virtwali jiġu ridirezzjonati awtomatikament.

Għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, l-isem għandu jinkludi għall-persuni fiżiċi, l-isem ġuridiku sħiħ, u għal persuni ġuridiċi, arranġamenti ġuridiċi jew organizzazzjonijiet oħra b'kapaċità ġuridika, l-isem li bih jiġu rreġistrati.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-format għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni lill-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 72(2).

5.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li informazzjoni oħra li titqies bħala essenzjali għall-FIUs, għall-AMLA għall-finijiet ta' analiżijiet konġunti skont l-Artikolu 32 ta' din id-Direttiva u l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2024/1620 u għall-awtoritajiet superviżorji biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva, tkun aċċessibbli u jista' jsir tiftix fiha permezz tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentrali.

6.   Il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati għandhom ikunu interkonnessi permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tal-kontjiet bankarji (“BARIS”) li għandha tiġi żviluppata u mħaddma mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura tali interkonnessjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri sal-10 ta’ Lulju 2029.

Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri għall-konnessjoni tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati tal-Istati Membri ma’ BARIS. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 72(2).

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tkun disponibbli permezz ta’ BARIS. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li tkun biss l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 li tkun aġġornata u tikkorrispondi għall-kont bankarju u l-kont ta' pagament reali, inkluż IBAN virtwali, kont ta' titoli, kont tal-kriptoassi u kaxxa ta' depożitu sikur, li tkun disponibbli permezz tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali tagħhom u permezz ta’ BARIS. L-aċċess għal dik l-informazzjoni għandu jingħata f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

L-informazzjoni l-oħra li l-Istati Membri jqisu bħala essenzjali għall-FIUs u għall-awtoritajiet kompetenti l-oħra skont il-paragrafu 4 m'għandhiex tkun aċċessibbli permezz ta’ BARIS, u m'għandux ikun possibbli li jsir tiftix fiha.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar id-detenturi ta' kontijiet bankarji jew kontijiet ta' pagament, inkluż IBANs virtwali, kontijiet ta' titoli, kontijiet tal-kriptoassi u kaxxi ta' depożitu sikur, tkun disponibbli permezz tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali tagħhom u permezz ta’ BARIS matul perjodu ta' ħames snin wara li jingħalaq il-kont.

Mingħajr preġudizzju għad-dritt kriminali nazzjonali dwar l-evidenza applikabbli għall-investigazzjonijiet kriminali u l-proċedimenti legali li jkunu għaddejjin, l-Istati Membri jistgħu, f’każijiet ġustifikati, jippermettu li tali informazzjoni tinżamm, jew jeħtieġu li tali informazzjoni tinżamm għal perjodu addizzjonali ta’ massimu 5 snin, meta l-Istat Membri jkunu stabbilixxew li tali żamma tkun neċessarja u proporzjonata għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu suspettati.

9.   L-FIUs u, għall-finijiet tal-analiżijiet konġunti skont l-Artikolu 32 ta' din id-Direttiva u l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2024/1620, l-AMLA għandhom jingħataw aċċess immedjat u mhux iffiltrat għall-informazzjoni dwar il-kontijiet ta' pagament u l-kontijiet bankarji identifikati b’IBAN, inkluż IBAN virtwali,, kontijiet ta' titoli, kontijiet tal-kriptoassi u kaxxi ta' depożitu sikur fi Stati Membri oħra disponibbli permezz ta’ BARIS. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jingħataw aċċess f'waqtu għall-informazzjoni disponibbli permezz ta’ BARIS. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw bejniethom u mal-Kummissjoni sabiex jimplimentaw dan il-paragrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-FIUs u tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali li jkollhom aċċess għal BARIS iżommu standards professjonali għoljin ta' kunfidenzjalità u ta' protezzjoni tad-data, li jkunu ta' integrità kbira u li jkollhom il-ħiliet xierqa.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu għandhom japplikaw ukoll għall- AMLA fil-kuntest ta' analiżijiet konġunti u meta taġixxi bħala superviżur.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti miżuri tekniċi u organizzazzjonali biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-data skont standards teknoloġiċi għoljin għall-finijiet tal-eżerċizzju min-naħa tal-FIUs u tal-awtoritajiet superviżorji tas-setgħa li jaċċessaw u jfittxu fl-informazzjoni disponibbli permezz ta’ BARIS f'konformità mal-paragrafi 5 u 6.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw ukoll għall-AMLA fil-kuntest ta' analiżijiet konġunti u meta taġixxi bħala superviżur.

Artikolu 17

Atti ta' implimentazzjoni għall-interkonnessjoni tar-reġistri

1.   Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri meħtieġa biex tipprevedi l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 10(19) fir-rigward ta':

(a)

l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi s-sett ta' data teknika meħtieġ biex il-pjattaforma tkun tista' taqdi l-funzjonijiet tagħha kif ukoll il-metodu ta' ħżin, ta' użu u ta' protezzjoni ta' dik id-data;

(b)

il-kriterji komuni li jirregolaw liema informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tkun disponibbli permezz tas-sistema ta' interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, skont il-livell ta' aċċess mogħti mill-Istati Membri;

(c)

id-dettalji tekniċi dwar kif l-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji għandha ssir disponibbli;

(d)

il-kundizzjonijiet tekniċi tad-disponibbiltà tas-servizzi pprovduti bis-sistema ta' interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali;

(e)

l-arranġamenti tekniċi għall-implimentazzjoni tat-tipi differenti ta' aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja f'konformità mal-Artikoli 11 u 12 ta' din id-Direttiva, inkluża l-awtentikazzjoni tal-utenti permezz ta' mezzi ta' identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji rilevanti kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(f)

l-arranġamenti ta' ħlas meta l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja jkun soġġett għall-ħlas ta' tariffa skont l-Artikoli 11(4) u 13(12) b'kont meħud tal-faċilitajiet ta' ħlas disponibbli bħal tranżazzjonijiet ta' pagamenti remoti.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 72(2).

2.   Il-Kummissjoni tista tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri meħtieġa biex tipprevedi l-interkonnessjoni tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati tal-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 16(6) fir-rigward ta':

(a)

l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi l-metodi ta' komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi għall-finijiet ta’ BARIS;

(b)

l-ispeċifikazzjoni teknika tal-protokolli ta' komunikazzjoni;

(c)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jiddefinixxu s-sigurtà tad-data, is-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data, l-użu u l-protezzjoni tal-informazzjoni li fiha jista' jsir tiftix u li hija aċċessibbli permezz ta’ BARIS;

(d)

il-kriterji komuni li abbażi tagħhom l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji jista' jsir tiftix fiha permezz ta’ BARIS;

(e)

id-dettalji tekniċi dwar kif l-informazzjoni ssir disponibbli permezz ta’ BARIS, fosthom l-awtentikazzjoni tal-utenti permezz ta' mezzi ta' identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji rilevanti kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(f)

il-kundizzjonijiet tekniċi tad-disponibbiltà tas-servizzi pprovduti minn BARIS.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 72(2).

3.   Meta tadotta l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tqis it-teknoloġija ppruvata u l-prattiki eżistenti. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li BARIS li ser tiġi żviluppata u mħaddma ma ġġarrabx spejjeż lil hinn minn dak li huwa assolutament meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva.

TAQSIMA 3

Punt uniku ta' aċċess għal informazzjoni dwar il-proprjetà immobbli

Artikolu 18

Punt uniku ta' aċċess għal informazzjoni dwar il-proprjetà immobbli

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess immedjat u dirett mingħajr ħlas għall-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni f'waqtha ta' kwalunkwe proprjetà immobbli u tal-persuni fiżiċi jew l-entitajiet ġuridiċi jew l-arranġamenti ġuridiċi li jippossjedu dik il-proprjetà, kif ukoll għal informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni u l-analiżi ta' tranżazzjonijiet li jinvolvu proprjetà immobbli. Dak l-aċċess għandu jiġi pprovdut permezz ta' punt uniku ta' aċċess li għandu jiġi stabbilit f'kull Stat Membru li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jaċċessaw, permezz ta' mezzi elettroniċi, informazzjoni f'format diġitali, li, fejn possibbli, għandha tkun tista' tinqara mill-magni.

L-aċċess għall-punti uniċi ta' aċċess imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jingħata wkoll lill-AMLA għall-finijiet ta’ analiżi konġunta skont l-Artikolu 32 ta' din id-Direttiva u l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas l-informazzjoni li ġejja jsiru disponibbli permezz tal-punt uniku ta' aċċess imsemmi fil-paragrafu 1:

(a)

informazzjoni dwar il-proprjetajiet:

(i)

roqgħa katastali u referenza katastali;

(ii)

post ġeografiku, inkluż l-indirizz tal-proprjetà;

(iii)

erja/daqs tal-proprjetà;

(iv)

tip ta' proprjetà, inkluż il-proprjetà mibnija jew mhux mibnija u d-destinazzjoni tal-użu;

(b)

informazzjoni dwar is-sjieda:

(i)

isem is-sid u kwalunkwe persuna li għandha l-intenzjoni li taġixxi f'isem is-sid;

(ii)

meta s-sid jkun entità ġuridika, l-isem u l-forma ġuridika tal-entità ġuridika, kif ukoll in-numru uniku ta' identifikazzjoni tal-kumpanija u n-numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa;

(iii)

meta s-sid ikun arranġament ġuridiku, l-isem tal-arranġament ġuridiku u n-numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa;

(iv)

il-prezz li bih tkun ġiet akkwistata l-proprjetà;

(v)

fejn applikabbli, kwalunkwe dritt jew restrizzjoni;

(c)

informazzjoni dwar l-aggravar rigward:

(i)

ipoteki;

(ii)

restrizzjonijiet ġudizzjarji;

(iii)

drittijiet ta' proprjetà;

(iv)

garanziji oħra, jekk ikun hemm;

(d)

storja tas-sjieda tal-proprjetà, il-prezz u l-aggravar relatat.

(e)

dokumenti rilevanti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta roqgħa katastali tinkludi diversi proprjetajiet, l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tiġi pprovduta fir-rigward ta' kull proprjetà f'dik ir-roqgħa katastali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni storika skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), tkopri mill-inqas il-perjodu mit-8 ta’ Lulju 2019.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta permezz tal-punt uniku ta' aċċess imsemmi fil-paragrafu 1 tkun aġġornata u akkurata.

4.   L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ miżuri li jiżguraw li l-informazzjoni miżmuma elettronikament tiġi pprovduta immedjatament lill-awtorità kompetenti rikjedenti. Meta dik l-informazzjoni ma ssirx b'mod elettroniku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din tiġi pprovduta f'waqtha u b'tali mod li ma timminax l-attivitajiet tal-awtorità kompetenti rikjedenti.

5.   Sal-10 ta’ Ottubru 2029, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a)

il-karatteristiċi tal-punt uniku ta' aċċess imsemmi fil-paragrafu 1 stabbilit fil-livell nazzjonali, inkluż is-sit web li fih jista' jiġi aċċessat;

(b)

il-lista tal-awtoritajiet kompetenti mogħtija aċċess għall-punt uniku ta' aċċess imsemmi fil-paragrafu 1;

(c)

kwalunkwe data magħmula disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti minbarra dik elenkata fil-paragrafu 2.

L-Istati Membri għandhom jaġġornaw din in-notifika meta jsir tibdil fil-lista tal-awtoritajiet kompetenti jew tibdil fil-limitu tal-aċċess mogħti għall-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni, inkluż kwalunkwe bidla fiha, disponibbli għall-Istati Membri l-oħra.

6.   Sal-10 ta’ Lulju 2032, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fejn tivvaluta l-kundizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi għall-iżgurar tal-interkonnessjoni sigura u effiċjenti tal-punti uniċi ta'aċċess imsemmija fil-paragrafu 1. Meta xieraq, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.

KAPITOLU III

FIUS

Artikolu 19

Stabbiliment tal-FIU

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi FIU biex tipprevjeni, tikxef u tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu b'mod effettiv.

2.   L-FIU għandha tkun l-unità nazzjonali ċentrali unika responsabbli biex tirċievi u tanalizza rapporti ppreżentati mill-entitajiet marbutin b'obbligu f'konformità mal-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2024/1624, rapporti ppreżentati mill-entitajiet marbutin b'obbligu f'konformità mal-Artikolu 74, u l-Artikolu 80(4), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/1672, kif ukoll informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet superviżorji jew minn awtoritajiet oħra.

3.   L-FIU għandha tkun responsabbli għat-tqassim tar-riżultati tal-analiżi tagħha u kull informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti fejn ikun hemm raġunijiet għal suspett ta' ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew finanzjament tat-terroriżmu. Għandha tkun tista' tikseb informazzjoni addizzjonali mill-entitajiet marbutin b'obbligu.

Il-funzjoni ta' analiżi finanzjarja tal-FIU għandha tikkonsisti f'dan li ġej:

(a)

analiżi operazzjonali li tiffoka fuq każijiet individwali u miri speċifiċi jew fuq informazzjoni magħżula adatta, ipprijoritizzata abbażi tar-riskju, it-tip u l-volum tal-informazzjoni divulgata li tkun irċeviet u l-użu mistenni tal-informazzjoni wara d-disseminazzjoni;

(b)

analiżi strateġika li tindirizza t-tendenzi u x-xejriet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-evoluzzjonijiet tagħhom.

4.   Kull FIU għandha topera b'mod indipendenti u awtonomu li jfisser li għandu jkollha l-awtorità u l-kapaċità li twettaq il-funzjonijiet tagħha liberament, inkluż il-kapaċità li tieħu deċiżjonijiet awtonomi li tanalizza, titlob u, f'konformità mal-paragrafu 3, taqsam informazzjoni speċifika. Għandha tkun ħielsa minn kull influwenza jew indħil indebitu mill-gvern, mill-industrija jew politiku.

Meta FIU tkun stabbilita fi ħdan l-istruttura eżistenti ta' awtorità oħra, il-funzjonijiet ewlenin tal-FIU għandhom ikunu indipendenti u operazzjonalment separati mill-funzjonijiet l-oħra tal-awtorità ospitanti.

5.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati lill-FIUs tagħhom biex iwettqu l-kompiti tagħhom. L-FIUs għandhom ikunu jistgħu jiksbu u jużaw ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-FIUs tagħhom ikun marbut b'rekwiżiti ta' segretezza professjonali ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 67, u li jżomm standards professjonali għoljin, inkluż standards għoljin ta' protezzjoni tad-data, u jkun ta' integrità għolja u b'ħiliet xierqa fir-rigward tat-trattament etiku ta' settijiet ta' big data. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikollhom fis-seħħ proċeduri għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikollhom regoli fis-seħħ li jirregolaw is-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikollhom fis-seħħ kanali siguri u protetti għall-komunikazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi mal-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet marbutin b'obbligu.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikunu jistgħu jagħmlu arranġamenti ma' awtoritajiet kompetenti nazzjonali oħra skont l-Artikolu 46 dwar l-iskambju ta' informazzjoni.

10.   Sal-10 ta’ Lulju 2028, l-AMLA għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-FIUs dwar:

(a)

il-miżuri li għandhom jiġu stabbiliti biex jippreservaw l-awtonomija u l-indipendenza operazzjonali tal-FIU, inkluż miżuri għall-prevenzjoni li l-kunflitti ta' interess jaffettwaw l-awtonomija u l-indipendenza operazzjonali tagħha;

(b)

in-natura, il-karatteristiċi u l-objettivi tal-analiżi operazzjonali u strateġika;

(c)

l-għodod u l-metodi għall-użu u l-kontroverifika tal-informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u tal-infurzar tal-liġi li l-FIUs għandhom aċċess għaliha; u

(d)

il-prattiki u l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-sospensjoni jew tar-rifjut tal-kunsens għal tranżazzjoni u sospensjoni jew il-monitoraġġ ta' kont jew relazzjoni ta' negozju skont l-Artikoli 24 u 25.

Artikolu 20

Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs jaħtru Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali. L-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali jista' jkun membru tal-persunal eżistenti tal-FIU.

2.   L-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

jagħti pariri lill-persunal tal-FIU dwar kwalunkwe attività mwettqa mill-FIU meta l-Uffiċjal tad-Drittijiet bFundamentali jqis li dan ikun meħtieġ, jew meta mitlub mill-persunal mingħajr ma jimpedixxi jew idewwem dawk l-attivitajiet;

(b)

jippromwovi u jimmonitorja l-konformità tal-FIU mad-drittijiet fundamentali;

(c)

jipprovdi opinjonijiet mhux vinkolanti dwar il-konformità tal-attivitajiet tal-FIU mad-drittijiet fundamentali;

(d)

jinforma lill-kap tal-FIU dwar ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali matul l-attivitajiet tal-FIU.

3.   L-FIU għandha tiżgura li l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali ma jirċievi l-ebda struzzjoni dwar l-eżerċizzju tal-kompiti tal-Uffiċjal tad-Drittjiet Fundamentali.

Artikolu 21

Aċċess għall-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs, irrispettivament mill-istatus organizzattiv tagħhom, ikollhom aċċess għall-informazzjoni li jirrikjedu biex iwettqu l-kompiti tagħhom, inkluż informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u dwar l-infurzar tal-liġi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs għandhom mill-inqas:

(a)

aċċess fil-pront u dirett għall-informazzjoni finanzjarja li ġejja:

(i)

informazzjoni li tinsab fil-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 16;

(ii)

informazzjoni mill-entitajiet marbutin b'obbligu, inkluż informazzjoni dwar trasferimenti ta' fondi kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (9), tar-Regolament (UE) 2023/1113 u trasferimenti tal-kriptoassi kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (10), ta' dak ir-Regolament;

(iii)

informazzjoni dwar ipoteki u self;

(iv)

informazzjoni li tinsab fil-bażijiet tad-data dwar il-muniti nazzjonali u dawk dwar il-kambju ta' muniti;

(v)

informazzjoni dwar titoli;

(b)

aċċess fil-pront u dirett għall-informazzjoni amministrattiva li ġejja:

(i)

data fiskali, inkluż data miżmuma mill-awtoritajiet tat-taxxa u tad-dħul kif ukoll data miksuba skont l-Artikolu 8(3a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (40);

(ii)

informazzjoni dwar proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal oġġetti jew servizzi, jew konċessjonijiet;

(iii)

informazzjoni minn BARIS kif imsemmi fl-Artikolu 16, kif ukoll mir-reġistri nazzjonali tal-proprjetà immobbli jew f'sistemi elettroniċi għall-irkupru tad-data u r-reġistri tal-art u dawk katastali;

(iv)

informazzjoni li tinstab fir-reġistri taċ-ċittadinanza nazzjonali u tal-popolazzjoni ta' persuni fiżiċi;

(v)

informazzjoni li tinstab fir-reġistri nazzjonali tal-passaporti u tal-viżi;

(vi)

informazzjoni li tinstab fil-bażijiet tad-data dwar l-ivvjaġġar transfruntier;

(vii)

informazzjoni li tinstab fil-bażijiet tad-data kummerċjali, inkluż reġistri kummerċjali u tal-kumpaniji u bażijiet tad-data dwar persuni politikament esposti;

(viii)

informazzjoni li tinstab fir-reġistri nazzjonali tal-vetturi bil-mutur, tal-inġenji tal-ajru u tal-opri tal-baħar;

(ix)

informazzjoni li tinstab fir-reġistri nazzjonali tas-sigurtà soċjali;

(x)

data doganali, inkluż trasferimenti fiżiċi transfruntiera ta' flus kontanti;

(xi)

informazzjoni li tinstab fir-reġistri nazzjonali tal-armi;

(xii)

informazzjoni li tinstab fir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja nazzjonali;

(xiii)

data disponibbli permezz tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali f'konformità mal-Artikolu 10(19);

(xiv)

informazzjoni li tinstab fir-reġistri ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ;

(xv)

informazzjoni miżmuma mir-regolaturi u mis-superviżuri finanzjarji nazzjonali, f'konformità mal-Artikolu 61 u mal-Artikolu 67(2);

(xvi)

bażijiet tad-data li jaħżnu data dwar l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tas-CO2 stabbiliti skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 (41);

(xvii)

informazzjoni dwar rapporti finanzjarji annwali tal-kumpaniji;

(xviii)

reġistri nazzjonali tal-migrazzjoni u tal-immigrazzjoni;

(xix)

informazzjoni miżmuma mill-qrati kummerċjali;

(xx)

informazzjoni miżmuma f'bażijiet tad-data dwar l-insolvenza u minn prattikanti fl-insolvenza;

(xxi)

informazzjoni dwar fondi u assi oħra ffriżati jew immobilizzati skont sanzjonijiet finanzjarji mmirati;

(c)

aċċess dirett jew indirett għall-informazzjoni li ġejja dwar l-infurzar tal-liġi:

(i)

kwalunkwe tip ta' informazzjoni jew data diġà miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-prevenzjoni, tal-kxif, tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta' reati kriminali;

(ii)

kwalunkwe tip ta' informazzjoni jew data miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew minn entitajiet privati fil-kuntest tal-prevenzjoni, tal-kxif, tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta' reati kriminali u li hija disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti mingħajr ma jittieħdu miżuri koerċittivi skont id-dritt nazzjonali.

L-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu għandha tinkludi rekords kriminali, informazzjoni dwar investigazzjonijiet, informazzjoni dwar l-iffriżar jew is-sekwestru ta' assi, jew dwar miżuri investigattivi jew proviżorji oħrajn u informazzjoni dwar kundanni u konfiski.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu r-restrizzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu fuq bażi ta' każ b'każ, fejn l-għoti ta' tali informazzjoni x'aktarx jipperikola investigazzjoni li tkun għaddejja.

2.   L-aċċess għall-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1 għandu jitqies dirett u immedjat meta l-informazzjoni tkun tinsab f'bażi tad-data tal-IT, reġistru jew sistema għall-irkupru tad-data li minnha l-FIU tista' tirkupra l-informazzjoni mingħajr ebda pass intermedju, jew meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-entitajiet jew l-awtoritajiet li jkollhom l-informazzjoni jipprovduha malajr lill-FIUs; u

(b)

l-ebda entità, awtorità jew parti terza ma tista' tinterferixxi mad-data mitluba jew mal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, kull meta jkun possibbli, l-FIU tingħata aċċess dirett għall-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c). F’każijiet fejn l-FIU jingħataw aċċess indirett għall-informazzjoni, l-entità jew l-awtorità li għandha l-informazzjoni mitluba għandha tipprovdiha f'waqtha.

4.   Fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha, kull FIU għandha tkun tista' titlob, tikseb u tuża l-informazzjoni minn kwalunkwe entità marbuta b'obbligu biex taqdi l-funzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 19(3) ta' din id-Direttiva, anki jekk ma jiġi ppreżentat l-ebda rapport minn qabel skont l-Artikolu 69(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), jew l-Artikolu 70(1), tar-Regolament (UE) 2024/1624. L-entitajiet marbutin b'obbligu ma għandhomx ikunu obbligati jissodisfaw it-talbiet għall-informazzjoni magħmula skont dan il-paragrafu meta dawn jikkonċernaw informazzjoni miksuba fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 70(2) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 22

Tweġibiet għal talbiet għall-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikunu jistgħu jwieġbu f'waqthom għal talbiet motivati għal informazzjoni ġġustifikati minn tħassib relatat mal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (44)(c) u (d), tar-Regolament (UE) 2024/1624 fl-Istat Membru rispettiv tagħhom fejn dik l-informazzjoni tkun diġà miżmuma mill-FIU u tkun meħtieġa fuq bażi ta' każ b'każ. Id-deċiżjoni biex wieħed jipproċedi għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni għandha tibqa' f'idejn l-FIU.

Meta jkun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jassumi li l-għoti ta' tali informazzjoni ser ikollu impatt negattiv fuq investigazzjonijiet jew fuq analiżijiet li jkunu għaddejjin, jew, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta d-divulgazzjoni tal-informazzjoni jkun kjarament sproporzjonat għall-interessi leġittimi ta' persuna fiżika jew ġuridika jew irrelevanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-għanijiet li għalihom tkun intalbet, l-FIU ma għandhiex tkun obbligata li tosserva t-talba għall-informazzjoni.

F'każijiet bħal dawn, l-FIU għandha tipprovdi r-raġunijiet bil-miktub lill-awtorità rikjedenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu feedback lill-FIU dwar l-użu li jkun sar mill-informazzjoni pprovduta f'konformità ma' dan l-Artikolu u l-Artikolu 3, u l-utilità tagħha, u l-Artikolu 19(3), u dwar l-eżitu tal-azzjonijiet u l-investigazzjonijiet imwettqa abbażi ta' dik l-informazzjoni. Tali feedback għandu jiġi pprovdut malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ, f'forma aggregata, mill-inqas fuq bażi annwali, b'tali mod li l-FIU tkun tista' ttejjeb il-funzjoni ta' analiżi operazzjonali tagħha.

Artikolu 23

L-għoti ta' informazzjoni lis-superviżuri

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs jipprovdu lis-superviżuri, b'mod spontanju jew fuq talba, informazzjoni li tista' tkun rilevanti għall-finijiet tas-superviżjoni skont il-Kapitolu IV, inkluż mill-inqas informazzjoni dwar:

(a)

il-kwalità u l-kwantità ta' rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi ppreżentati mill-entitajiet marbutin b'obbligu;

(b)

il-kwalità u l-puntwalità tat-tweġibiet ipprovduti mill-entitajiet marbutin b'obbligu għat-talbiet tal-FIU skont l-Artikolu 69(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1624;

(c)

ir-riżultati rilevanti tal-analiżijiet strateġiċi mwettqa skont l-Artikolu 19(3), il-punt (b), ta' din id-Direttiva, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar ix-xejriet u l-metodi tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż ir-riskji ġeografiċi, transfruntiera u emerġenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs jinnotifikaw lis-superviżuri kull meta l-informazzjoni fil-pussess tagħhom tindika ksur potenzjali mill-entitajiet marbutin b'obbligu tar-Regolament (UE) 2024/1624 u (UE) 2023/1113.

3.   Ħlief fejn ikun strettament meħtieġ għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta mill-FIUs skont dan l-Artikolu ma jkun fiha l-ebda informazzjoni dwar persuni fiżiċi jew ġuridiċi speċifiċi u lanqas każijiet inkluż persuni fiżiċi jew ġuridiċi soġġetti għal analiżi jew investigazzjoni li tkun għaddejja jew li tista' twassal għall-identifikazzjoni ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

Artikolu 24

Sospensjoni jew rifjut tal-kunsens

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs jingħataw is-setgħa li jieħdu, direttament jew indirettament, azzjoni urġenti meta jkun hemm suspett li tranżazzjoni tkun relatata mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, li jissospendu jew jirrifjutaw il-kunsens għal dik it-tranżazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-ħtieġa li jiġi sospiż jew irrifjutat il-kunsens għal tranżazzjoni tiġi stabbilita abbażi ta' suspett irrapportat skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2024/1624, is-sospensjoni jew ir-rifjut tal-kunsens jiġi impost fuq l-entità marbuta b'obbligu fil-perjodu msemmi fl-Artikolu 71 ta' dak ir-Regolament. Meta l-ħtieġa li tiġi sospiża tranżazzjoni tkun ibbażata fuq il-ħidma analitika tal-FIU, irrispettivament minn jekk ikunx ġie ppreżentat rapport minn qabel mill-entità marbuta b'obbligu, is-sospensjoni għandha tiġi imposta mill-aktar fis possibbli mill-FIU.

Is-sospensjoni jew ir-rifjut tal-kunsens għat-tranżazzjoni għandha tiġi imposta mill-FIU sabiex tippreserva l-fondi, twettaq l-analiżijiet tagħha, inkluż l-analiżi tat-tranżazzjoni, tivvaluta jekk is-suspett huwiex ikkonfermat u jekk iva, taqsam ir-riżultati tal-analiżijiet lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti biex tippermetti l-adozzjoni ta' miżuri xierqa.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-perjodu ta' sospensjoni jew rifjut tal-kunsens applikabbli għall-ħidma analitika tal-FIUs li ma għandux jaqbeż l-għaxart ijiem tax-xogħol. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu itwal fejn, skont id-dritt nazzjonali, l-FIUs iwettqu l-funzjoni ta' traċċar, sekwestrar, iffriżar jew konfiska ta' assi kriminali. Meta jiġi stabbilit perjodu itwal ta' sospensjoni jew rifjut tal-kunsens, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom soġġett għal salvagwardji nazzjonali xierqa bħall-possibbiltà li l-persuna li t-tranżazzjoni tagħha tkun ġiet sospiża tikkontesta dik is-sospensjoni quddiem qorti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikollhom is-setgħa li jneħħu s-sospensjoni jew li jirrifjutaw il-kunsens fi kwalunkwe ħin meta humajikkonkludu li s-sospensjoni jew ir-rifjut tal-kunsens ma jkunx għadu neċessarju biex jiġu ssodifati l-objettiviv stabbiliti fit-tielet subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li FIUs ikollhom is-setgħa li jissospendu FIUjew jirrifjutaw il-kunsens kif imsemmi f’dan il-paragrafu fuq talba ta' FIU minn Stat Membru ieħor.

2.   Meta jkun hemm suspett li kont bankarju jew kont ta' pagament, kont tal-kriptoassi jew relazzjoni tan-negozju jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIU tingħata s-setgħa li tieħu azzjoni urġenti, direttament jew indirettament, li tissospendi l-użu ta' dak il-kont jew li tissospendi r-relazzjoni tan-negozju sabiex tippreserva l-fondi, twettaq l-analiżijiet tagħha, tivvaluta jekk is-suspett huwiex ikkonfermat u jekk iva, taqsam ir-riżultati tal-analiżijiet mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti biex tippermetti l-adozzjoni ta' miżuri xierqa.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-perjodu ta' sospensjoni applikabbli għall-ħidma analitika tal-FIUs li ma għandux jaqbeż il-ħamest ijiem tax-xogħol. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu itwal fejn, skont id-dritt nazzjonali, l-FIUs iwettqu l-funzjoni ta' traċċar, sekwestrar, iffriżar jew konfiska ta' assi kriminali. Meta jiġi definit perjodu itwal ta' sospensjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIU jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom soġġett għal salvagwardji nazzjonali xierqa bħall-possibbiltà li l-persuna li l-kont bankarju jew kont ta' pagament tagħha, il-kont tal-kriptoassi jew ir-relazzjoni tan-negozju tagħha tkun sospiża tikkontesta dik is-sospensjoni quddiem qorti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikollhom is-setgħa li jneħħu s-sospensjoni fi kwalunkwe ħin meta huma jikkonkluduFIU li s-sospensjoni ma għadhiex meħtieġa għas-soddisfar tal-objettivi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikollhom is-setgħa li FIUjissospendu l-użu ta' kont jew jissospendu relazzjoni tan-negozju kif imsemmi f’dan il-paragrafu fuq talba ta' FIU minn Stat Membru ieħor.

3.   L-impożizzjoni ta’ sospensjoni jew ir-rifjut tal-kunsens f'konformità ma' dan l-Artikolu ma għandhomx jinvolvu lill-FIU jew lid-diretturi jew lill-impjegati tagħha f'responsabbiltà ta' xi tip.

Artikolu 25

Struzzjonijiet għall-monitoraġġ ta’ tranżazzjonijiet jew attivitajiet

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li FIUs jingħataw is-setgħa li jagħtu struzzjonijiet lill-entitajiet marbutin b'obbligu biex jimmonitorjaw għal perjodu li għandu jiġi speċifikat mill-FIU, it-tranżazzjonijiet jew l-attivitajiet li jkunu qed jitwettqu permezz ta' kont bankarju jew kont ta' pagament jew kont tal-kriptoassi wieħed jew aktar jew relazzjonijiet tan-negozju oħra ġestiti mill-entità marbuta b'obbligu għal persuni li jippreżentaw riskju sinifikanti ta' ħasil tal-flus, ir-reati predikati tegħu jew finanzjament tat-terroriżmu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li FIUs jingħataw is-setgħa li jagħtu struzzjonijiet lill-entità marbuta b'obbligu biex tirrapporta dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li FIUs ikollhom is-setgħa li jimponu miżuri ta' monitoraġġ kif imsemmi fl-Artikolu 4 fuq it-talba ta' FIU minn Stat Membru ieħor.

Artikolu 26

Allerti lill-entitajiet marbutin b'obbligu

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikunu jistgħu jwissu lill-entitajiet marbutin b'obbligu dwar informazzjoni rilevanti għat-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/1624. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi:

(a)

tipi ta' tranżazzjonijiet jew attivitajiet li jippreżentaw riskju sinifikanti ta' ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)

persuni speċifiċi li jippreżentaw riskju sinifikanti ta' ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(c)

żoni ġeografiċi speċifiċi li jippreżentaw riskju sinifikanti ta' ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu.

2.   Ir-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika għal perjodu stabbilit fid-dritt nazzjonali, li ma għandux jaqbeż is-sitt xhur.

3.   L-FIUs għandhom jipprovdu lill-entitajiet marbutin b'obbligu informazzjoni strateġika dwar tipoloġiji, indikaturi tar-riskju u xejriet fil-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fuq bażi annwali.

Artikolu 27

Rapport annwali ta' FIU

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-FIU tiegħu tippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha. Ir-rapport għandu jkun fih statistika dwar:

(a)

is-segwitu mogħti mill-FIU għal rapporti ta' tranżazzjonijiet u attivitajiet suspettużi li tkun irċeviet;

(b)

rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi ppreżentati minn entitajiet marbutin b'obbligu;

(c)

divulgazzjoni mis-superviżuri u mir-reġistri ċentrali;

(d)

disseminazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti u segwitu mogħti lil dawk id-disseminazzjonijiet;

(e)

talbiet ippreżentati u riċevuti mingħand FIUs oħra;

(f)

talbiet ippreżentati lil u riċevuti mingħand l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (44)(c), tar-Regolament (UE) 2024/1624;

(g)

riżorsi umani allokati;

(h)

data dwar trasferimenti fiżiċi transfruntiera ta' flus kontanti trażmessa mill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/1672.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel paragrafu għandu jkun fih ukoll informazzjoni dwar ix-xejriet u t-tipoloġiji identifikati fil-fajls maqsuma ma' awtoritajiet kompetenti oħra. L-informazzjoni fir-rapport ma għandha tippermetti l-identifikazzjoni ta' ebda persuna fiżika jew ġuridika.

Artikolu 28

Feedback mill-FIU

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs jipprovdu feedback lill-entitajiet marbutin b'obbligu dwar ir-rappurtar ta' suspettiskont l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2024/1624. Tali feedback għandu jkopri tal-anqas il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta, it-tempestività tar-rapportar, id-deskrizzjoni tas-suspett u d-dokumentazzjoni pprovduta fl-istadju tas-sottomissjoni.

Il-feedback skont dan l-Artikolu ma għandux jinftiehem li jinkludi kull rapport ippreżentat mill-entitajiet marbutin b'obbligu.

L-FIU għandha tipprovdi feedback tal-anqas darba fis-sena, kemm jekk tagħtih lill-entità marbuta b'obbligu individwali jew lil gruppi jew kategoriji ta' entitajiet marbutin b'obbligu, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għadd kumplessiv ta' tranżazzjonijiet suspettużi rrapportati mill-entitajiet marbutin b'obbligu.

Il-feedback għandu jkun disponibbli wkoll għas-superviżuri biex ikunu jistgħu jwettqu superviżjoni bbażata fuq ir-riskju f'konformità mal-Artikolu 40.

L-FIUs għandhom jirrapportaw fuq bażi annwali lill-AMLA dwar l-għoti ta' feedback lill-entitajiet marbutin b'obbligu skont dan l-Artikolu, u għandhom jipprovdu statistika dwar l-għadd ta' rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi ppreżentati mill-kategoriji ta' entitajiet marbutin b'obbligu.

Sal-10 ta’ Lulju 2028, l-AMLA għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-FIUs dwar l-aħjar prattiki u approċċi għall-għoti ta' feedback, inkluż dwar it-tip u l-frekwenza tal-feedback.

L-obbligu tal-għoti ta' feedback ma għandux jikkomprometti xi ħidma analitika li tkun għaddejja mill-FIU jew xi investigazzjoni jew azzjoni amministrattiva wara d-disseminazzjoni mill-FIU, u ma għandux jaffettwa l-applikabbiltà tar-rekwiżiti tal-protezzjoni u tal-kunfidenzjalità tad-data.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs jipprovdu lill-awtoritajiet doganali b'feedback, tal-anqas fuq bażi annwali, dwar l-effettività tal-informazzjoni trażmessa skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/1672 u s-segwitu għaliha.

Artikolu 29

Kooperazzjoni bejn l-FIUs

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs jikkooperaw kemm jista' jkun ma' xulxin, irrispettivament mill-istatus organizzattiv tagħhom.

Artikolu 30

Mezzi ta' komunikazzjoni protetti

1.   Għandha tiġi stabbilita sistema għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-FIUs ta’ Stati Membri (FIU.net). FIU.net għandha tiżgura l-komunikazzjoni sikura u l-iskambju ta' informazzjoni u għandha tkun kapaċi tipproduċi rekord bil-miktub tal-attivitajiet ta’ proċessar kollha. FIU.net tista' tintuża wkoll għall-komunikazzjonijiet mal-kontropartijiet tal-FIUs f'pajjiżi terzi u ma' awtoritajiet u korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni. L-FIU.net għandha tiġi ġestita mill-AMLA.

FIU.net għandha tintuża għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-FIUs u l-AMLA għallfini ta’ analiżi konġunta skont l-Artikolu 32 ta' din id-Direttiva u l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs jiskambjaw informazzjoni skont l-Artikolu 31 u 32 bl-użu ta’ FIU.net. Fil-każ ta' ħsara teknika fi FIU.net, l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa b'xi mezz xieraq ieħor li jiżgura livell għoli ta' sigurtà tad-data u ta' protezzjoni tad-data.

L-iskambji ta' informazzjoni bejn l-FIUs u l-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi li mhumiex konnessi ma’ FIU.net għandhom isiru permezz ta' kanali ta' komunikazzjoni protetti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom kif stabbiliti f'din id-Direttiva, l-FIUs jikkooperaw kemm jista' jkun fl-applikazzjoni ta' teknoloġiji tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku f'konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-FIUs jikkooperaw kemm jista' jkun fl-applikazzjoni ta' soluzzjonijiet żviluppati u ġestiti mill-AMLA f'konformità mal-Artikolu 5(5), il-punt (i), l-Artikolu 45(1), il-punt (d) u l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikunu jistgħu jużaw il-funzjonalitajiet tal-FIU.net biex iqabblu trasversalment, fuq bażi ta' hit/no-hit, id-data li jagħmlu disponibbli fuq FIU.net, mad-data magħmula disponibbli fuq dik is-sistema minn FIUs oħra u korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni sa fejn tali tqabbil trasversali jaqa' fil-mandati rispettivi ta' dawk il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.

5.   L-AMLA tista' tissospendi l-aċċess ta' FIU jew kontroparti f'pajjiż terz jew korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni għal FIU.net meta jkollha raġunijiet biex temmen li tali aċċess jipperikola l-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu u s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mill-FIUs u skambjata permezz ta’ FIU.net, inkluż meta jkun hemm tħassib fir-rigward tal-indipendenza u tal-awtonomija tal-FIU.

Artikolu 31

Skambju ta' informazzjoni bejn l-FIUs

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs jiskambjaw, b’mod spontanju jew fuq talba, kwalunkwe informazzjoni li tista' tkun rilevanti għall-ipproċessar jew għall-analiżi ta' informazzjoni mill-FIU, relatata mal-ħasil tal-flus, mar-reati predikati tiegħu, jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, u l-persuna fiżika jew ġuridika involuta, irrispettivament mit-tip ta' reati predikati li jistgħu jkunu involuti, u anki jekk it-tip ta' reati predikati li jistgħu jkunu involuti ma jkunx identifikat waqt l-iskambju.

Talba għandu jkun fiha l-fatti rilevanti, l-informazzjoni ta' sfond, ir-raġunijiet għat-talba, ir-rabtiet mal-pajjiż tal-FIU li ssirilha t-talba u kif ser tintuża l-informazzjoni mitluba.

Meta FIU tirċievi rapport skont l-Artikolu 69(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1624 li jikkonċerna Stat Membru ieħor, hija għandha tgħaddi minnufih dak ir-rapport, jew l-informazzjoni rilevanti kollha miksuba minnu, lill-FIU ta' dak l-Istat Membru ieħor.

2.   Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni għandu jispeċifika l-format li għandu jintuża għall-iskambju tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Il-Kummissjonitingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

3.   Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji għandhom jispeċifikaw ir-rilevanza u l-kriterji tal-għażla meta jiġi ddeterminat jekk rapport ippreżentat skont l-Artikolu 69(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1624 jikkonċernax Stat Membru ieħor kif imsemmi fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu, ta' din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafuf'konformità mal-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

4.   Sal-10 ta’ Lulju 2028, l-AMLA għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-FIU dwar il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti meta jintbagħat u jiġi riċevut rapport skont l-Artikolu 69(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1624 li jikkonċerna Stat Membru ieħor, u s-segwitu li għandu jingħata lil dak ir-rapport.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIU li ssirilha it-talba tuża l-firxa sħiħa tas-setgħat disponibbli għaliha li normalment tuża fil-livell nazzjonali biex tirċievi u tanalizza l-informazzjoni meta twieġeb għal talba għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 minn FIU oħra.

Meta FIU tfittex li tikseb informazzjoni addizzjonali minn entità marbuta b'obbligu stabbilita fi Stat Membru ieħor li topera fit-territorju tal-Istat Membru tagħha, it-talba għandha tiġi indirizzata lill-FIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun stabbilita l-entità marbuta b'obbligu. Dik l-FIU għandha tikseb informazzjoni f'konformità mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) 2024/1624 u tibgħat it-tweġibiet minnufih.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta FIU issirilha talba biex tipprovdi informazzjoni skont il-paragrafu 1, hija għandha twieġeb għat-talba malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara l-wasla tat-talba jekk l-FIU tkun fil-pussess tal-informazzjoni mitluba jew l-informazzjoni mitluba tinżamm f'bażi tad-data jew reġistru li jkun direttament aċċessibbli mill-FIU li ssirilha t-talba. F'każijiet eċċezzjonali, debitament ġustifikati, din is-skadenza tista' tiġi estiża għal massimu ta' għaxart ijiem tax-xogħol. Meta l-FIU li ssirilha t-talba ma tkunx tista' tikseb l-informazzjoni mitluba, hija għandha tinforma lill-FIU rikjedenti b'dan.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f'każijiet eċċezzjonali, ġustifikati u urġenti u, b'deroga mill-paragrafu 6, meta skont il-paragrafu 1 FIU issirilha talba biex tipprovdi informazzjoni li jew tkun miżmuma f'bażi tad-data jew f'reġistru direttament aċċessibbli mill-FIU li ssirilha t-talba jew li diġà tkun fil-pussess tagħha, l-FIU li ssirilha t-talba għandha tipprovdi dik l-informazzjoni mhux aktar tard minn ġurnata waħda tax-xogħol minn meta tirċievi t-talba.

Jekk l-FIU li ssirilha t-talba ma tkunx tista' twieġeb fi żmien ġurnata waħda tax-xogħol jew ma tkunx tista' taċċessa l-informazzjoni direttament, hija għandha tipprovdi ġustifikazzjoni. Meta l-għoti tal-informazzjoni mitluba f’ġurnata waħda tax-xogħol ipoġġi piż sproporzjonat fuq l-FIU li ssirilha t-talba, hija tista' tipposponi l-għoti tal-informazzjoni. F'dak il-każ, l-FIU li ssirilha t-talba għandha tinforma minnufih lill-FIU rikjedenti b’tali posponiment. L-FIU li ssirilha t-talba tista' testendi sa massimu ta' 3 ijiem tax-xogħol l-iskadenza biex twieġeb għal talba għal informazzjoni.

8.   FIU tista' tirrifjuta li tiskambja informazzjoni biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali meta l-iskambju jista' jmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali tagħha. Dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom ikunu speċifikati b'mod li jimpedixxi l-abbuż tal-iskambju liberu ta' informazzjoni għall-finijiet analitiċi u limitazzjonijiet indebiti fuqu.

Sal-10 ta’ Lulju 2028, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw dawn in-notifiki meta jsir tibdil liċ-ċirkostanzi eċċezzjonali identifikati fil-livell nazzjonali.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista konsolidata tan-notifiki msemmija fit-tieni subparagrafu.

9.   Sal-10 ta’ Lulju 2029, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta jekk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali notifikati skont il-paragrafu 8 humiex ġustifikati.

Artikolu 32

Analiżijiet konġunti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs tagħhom ikunu jistgħu jwettqu analiżijiet konġunti ta' tranżazzjonijiet u ta' attivitajiet suspettużi.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-FIUs rilevanti, megħjuna mill-AMLA f'konformità mal-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2024/1620, għandhom iwaqqfu tim konġunt tal-analiżi għal fini speċifika u għal perjodu limitat, li jista' jiġi estiż b'kunsens reċiproku, biex iwettaq analiżijiet operazzjonali ta' tranżazzjonijiet jew ta' attivitajiet suspettużi li jinvolvu FIU waħda jew aktar li jikkostitwixxu t-tim.

3.   Tim konġunt tal-analiżi jista' jiġi stabbilit meta:

(a)

l-analiżijiet operazzjonali tal-FIU jirrikjedu analiżijiet diffiċli u impenjattivi b'rabtiet ma' Stati Membri oħra;

(b)

għadd ta' FIUs qed iwettqu analiżijiet operazzjonali li fihom iċ-ċirkostanzi tal-każ jiġġustifikaw azzjoni koordinata u miftiehma fl-Istati Membri involuti.

Talba għat-twaqqif ta' tim konġunt tal-analiżi tista' ssir minn kwalunkwe waħda mill-FIUs ikkonċernati jew AMLA skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membru tal-persunal tal-FIU tagħhom allokat lit-tim konġunt tal-analiżi jkun jista', f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u fil-limiti tal-kompetenza tal-membru tal-persunal, jipprovdi lit-tim b'informazzjoni disponibbli għall-FIU tiegħu għall-fini tal-analiżi mwettqa mit-tim.

5.   Meta t-tim konġunt tal-analiżi jkun jeħtieġ assistenza minn FIU oħra li ma hijiex parti mit-tim, jista' jitlob lill-FIU l-oħra biex:

(a)

tingħaqad mat-tim konġunt tal-analiżi;

(b)

tissottometti l-intelligence finanzjarja u l-informazzjoni finanzjarja lit-tim konġunt tal-analiżi.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikunu jistgħu jistiednu lil partijiet terzi, inkluż korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, biex jieħdu sehem fl-analiżijiet konġunti fejn rilevanti għall-finijiet tal-analiżijiet konġunti u fejn tali parteċipazzjoni taqa' fil-mandati rispettivi ta' dawk il-partijiet terzi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs li jipparteċipaw fl-analiżijiet konġunti jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li japplikaw fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta' partijiet terzi u jistabbilixxu miżuri li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-informazzjoni skambjata. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni skambjata tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet stabbilita dik l-analiżi konġunta.

Artikolu 33

Użu li l-FIUs jagħmlu mill-informazzjoni skambjata bejniethom

L-informazzjoni u d-dokumenti riċevuti skont l-Artikoli 29, 31 u 32 għandhom jintużaw għat-twettiq tal-kompiti tal-FIU kif stabbiliti f'din id-Direttiva. Meta tiskambja informazzjoni u dokumenti skont l-Artikoli 29 u 31, l-FIU trażmittenti tista' timponi restrizzjonijiet u kundizzjonijiet għall-użu ta' dik l-informazzjoni, ħlief meta t-trażmissjoni tikkonsisti f'rapport ippreżentat minn entità marbuta b'obbligu skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) 2024/1624, jew informazzjoni derivata minnu, li tikkonċerna Stat Membru ieħor fejn l-entità marbuta b'obbligu topera permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li ma tinkludi l-ebda rabta mal-Istat Membru tal-FIU trażmittenti. L-FIU riċeventi għandha tirrispetta dawk ir-restrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs jaħtru tal-anqas persuna jew punt uniku ta' kuntatt li jkun responsabbli biex jirċievi talbiet għall-informazzjoni minn FIUs fi Stati Membri oħra.

Artikolu 34

Kunsens għad-disseminazzjoni ulterjuri tal-informazzjoni skambjata bejn l-FIUs

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni skambjata skont l-Artikoli 29, 31 u 32 tintuża biss għall-fini li għaliha tkun intalbet jew ingħatat u li kwalunkwe disseminazzjoni ta' dik l-informazzjoni mill-FIU riċeventi lil xi awtorità, aġenzija jew dipartiment ieħor, jew kwalunkwe użu ta' din l-informazzjoni għal finijiet għajr dawk oriġinarjament approvati, għandha tkun soġġetta għall-kunsens minn qabel tal-FIU li tkun ipprovdiet l-informazzjoni.

Ir-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw meta l-informazzjoni pprovduta mill-FIU tikkonsisti f'rapport ippreżentat minn entità marbuta b'obbligu skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) 2024/1624 li jikkonċerna Stat Membru ieħor fejn l-entità marbuta b'obbligu topera permezz tal-libertà li tipprovdi servizzi u li ma għandha l-ebda rabta mal-Istat Membru tal-FIU li tipprovdi l-informazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kunsens minn qabel tal-FIU li ssirilha t-talba għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti jingħata minnufih u bl-aktar mod wiesgħa possibbli, irrispettivament mit-tip ta' reati predikati u jekk ir-reat predikat ġiex identifikat jew le. L-FIU li ssirilha t-talba ma għandhiex tirrifjuta li tagħti l-kunsens tagħha għal tali disseminazzjoni sakemm dan ma jmurx lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-AML/CFT tagħha jew jista' jxekkel investigazzjoni, jew inkella ma jkunx f'konformità mal-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali ta' dak l-Istat Membru. Kwalunkwe tali rifjut għall-għoti tal-kunsens għandu jkun spjegat sew. Il-każijiet fejn l-FIUs jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-kunsens tagħhom għandhom jiġu speċifikati b'mod li jevita l-abbuż tad-disseminazzjoni tal-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti jew limitazzjonijiet indebiti għaliha.

3.   Sal-10 ta’ Lulju 2028, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li fihom id-disseminazzjoni ma tkunx f'konformità mal-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali msemmi fil-paragrafu 2. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw dawn in-notifiki meta jsir tibdil liċ-ċirkostanzi eċċezzjonali identifikati fil-livell nazzjonali.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista konsolidata tan-notifiki msemmija fl-ewwel subparagrafu.

4.   Sal-10 ta’ Lulju 2029, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta jekk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali notifikati skont il-paragrafu 3 humiex ġustifikati.

Artikolu 35

Effett tad-dispożizzjonijiet tad-dritt penali

Id-differenzi bejn id-definizzjonijiet ta' reati predikati fid-dritt nazzjonali ma għandhomx ixekklu l-kapaċità tal-FIUs li jipprovdu assistenza lil FIU oħra u ma għandhomx jillimitaw l-iskambju, id-disseminazzjoni u l-użu ta' informazzjoni skont l-Artikoli 31, 32, 33 u 34.

Artikolu 36

Kunfidenzjalità tar-rapportar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikollhom fis-seħħ mekkaniżmi biex jipproteġu l-identità tal-entitajiet marbutin b'obbligu u tal-impjegati tagħhom, jew tal-persuni f'pożizzjoni ekwivalenti, inklużi aġenti u distributuri, li jirrapportaw suspetti skont l-Artikolu 69(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1624.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ma jiddivulgawx is-sors tar-rapport imsemmi fil paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta jwieġbu għal talbiet għal informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 22 jew meta jaqsmu r-riżultati tal-analiżijiet tagħhom skont l-Artikolu 19. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt proċedurali kriminali nazzjonali applikabbli.

KAPITOLU IV

SUPERVIŻJONI KONTRA L-ĦASIL TAL-FLUS

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 37

Setgħat u riżorsi tas-superviżuri nazzjonali

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-entitajiet kollha marbutin b'obbligu stabbiliti fit-territorju tiegħu, ħlief għaċ-ċirkostanzi koperti fl-Artikolu 38, ikunu soġġetti għal superviżjoni adegwata u effettiva. Għal dak l-għan, kull Stat Membru għandu jaħtar superviżur wieħed jew aktar biex jimmonitorja b'mod effettiv, u biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura il-konformità tal-entitajiet marbutin b'obbligu mar- Regolamenti (UE) 2024/1624 u (UE) 2023/1113.

Meta, għal raġunijiet ta' interess ġenerali prevalenti, l-Istati Membri jkunu introduċew rekwiżiti speċifiċi ta' awtorizzazzjonijiet għall-entitajiet marbutin b'obbligu biex joperaw fit-territorju tagħhom bil-libertà li jipprovdu servizzi, huma għandhom jiżguraw li l-attivitajiet li jitwettqu mill-entitajiet marbutin b’obbligu skont dawk l-awtorizzajonijiet speċifiċi jkunu soġġetti għal superviżjoni mis-superviżuri nazzjonali tagħhom, irrispettivament minn jekk l-attivitajiet awtorizzati jitwettqux permezz ta' infrastruttura fit-territorju tagħhom jew mill-bogħod. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li s-superviżjoni skont dan is-subparagrafu tiġi nnotifikata lis-superviżuri tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tal-entità marbuta b'obbligu.

Dan il-paragrafu ma għandhomx japplika meta l-AMLA taġixxi bħala superviżur + .

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri għandhom riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom kif elenkati fil-paragrafu 5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal ta' dawk l-awtoritajiet huma ta' integrità għolja u li għandhom ħiliet xierqa, u jżommu standards professjonali għoljin, inkluż standards ta' kunfidenzjalità, ta' protezzjoni tad-data u standards li jindirizzaw il-kunflitti ta' interess.

3.   Fil-każ tal-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fl-Artikolu 3, il-punti (3)(a) u (b), tar-Regolament (UE) 2024/1624, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-funzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu titwettaq minn korpi ta' awtoregolamentazzjoni, dment li dawk il-korpi ta' awtoregolamentazzjoni jkollhom is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu u jkollhom ir-riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal ta' dawk il-korpi huma ta' integrità għolja u li għandhom ħiliet adegwati, u jżommu standards professjonali għoljin, inkluż standards ta' kunfidenzjalità, ta' protezzjoni tad-data u standards li jindirizzaw il-kunflitti ta' interess.

4.   Meta Stat Membru jkun inkariga s-superviżjoni ta' kategorija ta' entitajiet marbutin b'obbligu lil aktar minn superviżur wieħed, huwa għandu jiżgura li dawk is-superviżuri jissorveljaw l-entitajiet marbuta b’obbligu b'mod konsistenti u effiċjenti fis-settur kollu. Għal dak l-għan, l-Istat Membru għandu jaħtar superviżur ewlieni jew jistabbilixxi mekkaniżmu ta' koordinazzjoni fost dawk is-superviżuri.

Meta lStat Membru jkun inkariga s-superviżjoni tal-entitajiet kollha marbutin b'obbligu lil aktar minn superviżur wieħed, hu għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta' koordinazzjoni bejn dawk is-superviżuri biex tiġi żgurata li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu sorveljati b’mod effettiv bl-ogħla standards. Tali mekkaniżmu ta' koordinazzjoni għandu jinkludi s-superviżuri kollha, ħlief fejn:

(a)

is-superviżjoni tiġi fdata lil korp ta' awtoregolamentazzjoni, f'liema każ l-awtorità pubblika msemmija fl-Artikolu 52 għandha tipparteċipa fil-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni;

(b)

is-superviżjoni ta' kategorija ta' entitajiet marbutin b'obbligu tiġi fdata lil diversi superviżuri, f'liema każ is-superviżur ewlieni għandu jipparteċipa fil-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni; fejn ma jkun inħatar l-ebda superviżur ewlieni, is-superviżuri għandhom jaħtru rappreżentant fosthom.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri nazzjonali jwettqu l-kompiti li ġejjin:

(a)

jaqsmu l-informazzjoni rilevanti mal-entitajiet marbutin b'obbligu skont l-Artikolu 39;

(b)

jiddeċiedu fuq dawk il-każijiet fejn ir-riskji speċifiċi inerenti f'settur huma ċari u jinftiehmu u l-valutazzjonijiet tar-riskju individwali ddokumentati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2024/1624 ma humiex meħtieġa;

(c)

jivverifikaw l-adegwatezza u l-implimentazzjoni tal-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli interni tal-entitajiet marbutin b'obbligu skont il-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2024/1624 u tar-riżorsi umani allokati għat-twettiq tal-kompiti meħtieġa skont dak ir-Regolament, kif ukoll, għas-superviżuri ta' intrapriżi ta' investiment kollettiv, jiddeċiedu dwar dawk il-każijiet fejn l-intrapriża ta' investiment kollettiv tista' testernalizza r-rappurtar ta' attivitajiet suspettużi skont l-Artikolu 18(7), tar-Regolament (UE) 2024/1624 lil fornitur ta' servizz;

(d)

jivvalutaw u jimmonitorjaw b'mod regolari r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll ir-riskji ta’ nonimplimentazzjoni u ta' evażjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati li l-entitajiet marbutin b'obbligu huma esposti għalihom;

(e)

jimmonitorjaw il-konformità tal-entitajiet marbutin b'obbligu mal-obbligi tagħhom fir-rigward ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati;

(f)

iwettqu l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa mhux fuq il-post, spezzjonijiet fuq il-post kif ukoll tematiċi u kwalunkwe investigazzjoni, valutazzjoni u analiżi oħra meħtieġa biex jivverifikaw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jirrispettaw ir-Regolament (UE) 2024/1624, u kwalunkwe miżura amministrattiva li tittieħed skont l-Artikolu 56;

(g)

jieħdu miżuri superviżorji xierqa biex jindirizzaw kwalunkwe ksur tar-rekwiżiti applikabbli mill-entitajiet marbutin b'obbligu identifikati fil-proċess tal-valutazzjonijiet superviżorji u jsegwu l-implimentazzjoni ta' tali miżuri.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri għandhom setgħat adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom kif previst fil-paragrafu 5, fosthom is-setgħa li:

(a)

jobbligaw il-produzzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni mill-entitajiet marbutin b'obbligu li tkun rilevanti għall-monitoraġġ u l-verifika tal-konformità mar- Regolament (UE) 2024/1624 jew ir-Regolament (UE) 2023/1113 u jwettqu kontrolli, inkluż mill-fornituri tas-servizzi li lilhom l-entità marbuta b'obbligu tkun esternalizzat parti mill-kompiti tagħha biex tissodisfa r-rekwiżiti ta' dawk ir-Regolamenti;

(b)

japplikaw miżuri amministrattivi xierqa u proporzjonati biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni f'każ ta' ksur, inkluż permezz tal-impożizzjoni ta' sanzjonijiet pekunarji f'konformità mat-Taqsima 4 ta' dan il-Kapitolu.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji u s-superviżuri responsabbli għall-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard għandhom setgħat addizzjonali għal dawk imsemmija fil-paragrafu 6, inkluż is-setgħa li jispezjonaw il-bini tan-negozju tal-entità marbuta b'obbligu mingħajr preavviż meta t-twettiq korrett u l-effiċjenza ta’ ispezzjoni jeżiġu dan, u li għandhom il-mezzi kollha meħtieġa biex iwettqu tali spezzjoni.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, is-superviżuri għandhom tal-anqas ikunu jistgħu:

(a)

jeżaminaw il-kotba u r-reġistri tal-entità marbuta b'obbligu u jagħmlu kopji jew jieħdu estrazzjonijiet minn dawn il-kotba u r-reġistri;

(b)

jiksbu aċċess għal kwalunkwe software, bażi tad-data, strument tal-IT jew mezz elettroniku ieħor għar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni użata mill-entità marbuta b'obbligu;

(c)

jiksbu informazzjoni bil-miktub jew orali minn kwalunkwe persuna responsabbli għall-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli interni fil-qasam tal-AML/CFT jew mir-rappreżentanti jew mill-persunal tagħhom, kif ukoll minn kwalunkwe rappreżentant jew persunal ta' entitajiet li lilhom l-entità marbuta b'obbligu tkun esternalizzat il-kompiti skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2024/1624, u jintervistaw lil kwalunkwe persuna oħra li taċċetta li tiġi intervistata għall-fini tal-ġbir ta' informazzjoni relatata mal-kwistjoni ta' investigazzjoni.

Artikolu 38

Superviżjoni ta' forom ta' infrastruttura ta' ċerti intermedjarji li joperaw bil-libertà li jipprovdu servizzi

1.   Meta l-attivitajiet tal-entitajiet marbutin b'obbligu li ġejjin jitwettqu fit-territorju tagħhom bil-libertà li jipprovdu servizzi permezz ta' aġenti jew distributuri, jew permezz ta' tipi oħra ta' infrastruttura, inkluż meta dawk l-attivitajiet jitwettqu taħt awtorizzazzjoni miksuba skont id-Direttiva 2013/36/UE, l-Istati Membri għandhom jaċċertaw li tali attivitajiet jkunu soġġetti għal superviżjoni mis-superviżuri nazzjonali tagħhom:

(a)

emittenti tal-flus elettroniċi kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42);

(b)

fornituri ta' servizzi ta' pagament kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (11), tad-Direttiva (UE) 2015/2366; u

(c)

fornituri ta' servizzi tal-kriptoassi.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, is-superviżuri tal-Istat Membru fejn jitwettqu l-attivitajiet għandhom jimmonitorjaw b'mod effettiv u jiżguraw il-konformità mar- Regolamenti (UE) 2024/1624 u (UE) 2023/1113.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, is-superviżjoni tal-aġenti, id-distributuri jew tipi oħra ta' infrastruttura, imsemmija f’dak il-paragrafu għandha titwettaq mis-superviżur tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tal-entità marbuta b'obbligu meta:

(a)

il-kriterji stabbiliti fl-istandard tekniku regolatorju msemmi fl-Artikolu 41(2) ma jkunux issodisfati; u

(b)

is-superviżur tal-Istat Membru fejn jinsabu dawk l-aġenti, id-distributuri jew tipi oħra ta' infrastruttura jinnotifika lis-superviżur tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tal-entità marbuta b'obbligu li meta titqies l-infrastruttura limitata tal-entità fit-territorju tiegħu, is-superviżjoni tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq mis-superviżur tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċju prinċipali tal-entità marbuta b'obbligu.

3.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, is-superviżur tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tal-entità marbuta b'obbligu u s-superviżur tal-Istat Membru fejn topera l-entità marbuta b'obbligu bil-libertà li tipprovdi servizzi permezz ta' aġenti jew distributuri, jew permezz ta’ tipi oħra ta' infrastruttura għandhom jipprovdu lil xulxin kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jiġi vvalutat jekk il-kriterji msemmijin fil-paragrafu 2, il-punt (a), humiex issodisfati, inkluż dwar kwalunkwe bidla fiċ-ċirkostanzi tal-entità marbuta b'obbligu li jista' jkollha impatt fuq l-issodisfar ta' dawk il-kriterji.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżur tal-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali tal-entità marbuta b'obbligu jinforma lill-entità marbuta b'obbligu fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi n-notifika skont il-paragrafu 2, il-punt (b), li ser jissorvelja l-attivitajiet tal-aġenti, id-distributuri jew tipi oħra ta' infrastruttura li permezz tagħhom l-entitajiet marbutin b'obbligu joperaw bil-libertà li jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor, u dwar kwalunkwe bidla sussegwenti fis-superviżjoni tagħhom.

5.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika meta l-AMLA taġixxi bħala superviżur.

Artikolu 39

Għoti ta' informazzjoni lill-entitajiet marbutin b'obbligu

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jagħmlu l-informazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu disponibbli għall-entitajiet marbutin b'obbligu taħt is-superviżjoni tagħhom.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

il-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni li titwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 u kwalunkwe rakkomandazzjoni rilevanti mill-Kummissjoni abbażi ta' dak l-Artikolu;

(b)

valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali jew settorjali li jitwettqu skont l-Artikolu 8;

(c)

linji gwida, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet rilevanti maħruġa mill-AMLA f'konformità mal-Artikoli 54 u 55 tar-Regolament (UE) 2024/1620;

(d)

informazzjoni dwar pajjiżi terzi identifikati skont il-Kapitolu III, it-Taqsima 2, tar-Regolament (UE) 2024/1624;

(e)

kwalunkwe gwida u rapport prodott mill-AMLA, superviżuri oħra u, fejn rilevanti, mill-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta' awtoregolamentazzjoni, l-FIU jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra jew organizzazzjoni internazzjonali u korpi li jistabbilixxu l-istandards b'kompetenzi fil-qasam tal-metodi tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jistgħu japplikaw għal settur u indikazzjonijiet li jistgħu jiffaċilitaw l-identifikazzjoni ta' tranżazzjonijiet jew ta' attivitajiet li huma f'riskju li jkunu marbuta mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu f'dak is-settur, kif ukoll gwida dwar l-obbligi tal-entitajiet marbutin b'obbligu fir-rigward ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jwettqu attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, kif xieraq, biex jinfurmaw lill-entitajiet marbutin b'obbligu taħt is-superviżjoni tagħhom dwar l-obbligi tagħhom.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jagħmlu l-informazzjoni dwar il-persuni jew l-entitajiet deżinjati fir-rigward ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati u sanzjonijiet finanzjarji tal-NU disponibbli minnufih għall-entitajiet marbutin b'obbligu taħt is-superviżjoni tagħhom.

Artikolu 40

Superviżjoni bbażata fuq ir-riskju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri japplikaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju għas-superviżjoni. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

jifhmu biċ-ċar ir-riskji ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu preżenti fl-Istati Membri tagħhom;

(b)

jivvalutaw l-informazzjoni rilevanti kollha dwar ir-riskji nazzjonali u internazzjonali speċifiċi assoċjati mal-klijenti, mal-prodotti u mas-servizzi tal-entitajiet marbutin b'obbligu;

(c)

jibbażaw il-frekwenza u l-intensità tas-superviżjoni fuq il-post, mhux fuq il-post u tematika fuq il-profil tar-riskju tal-entitajiet marbutin b'obbligu, u fuq ir-riskji ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu f'dak l-Istat Membru.

Għall-għanijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, is-superviżuri għandhom ifasslu programmi ta' superviżjoni annwali, li għandhom iqisu ż-żmien u r-riżorsi meħtieġa biex jirreaġixxu fil-pront fil-każ ta' indikazzjonijiet oġġettivi u sinifikanti ta' ksur tar- Regolamenti (UE) 2024/1624 u (UE) 2023/1113.

2.   Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji għandu jistabbilixxi l-parametri referenzjarji u l-metodoloġija għall-valutazzjoni u għall-klassifikazzjoni tal-profil tar-riskju inerenti u residwu tal-entitajiet marbutin b'obbligu, kif ukoll il-frekwenza li biha tali profil tar-riskju għandu jiġi rivedut. Tali frekwenza għandha tqis kwalunkwe avveniment jew żvilupp maġġuri fil-ġestjoni u fl-operazzjonijiet tal-entità marbuta b'obbligu, kif ukoll in-natura u d-daqs tan-negozju.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

3.   Sal-10 ta’ Lulju 2028, l-AMLA għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-FIU dwar:

(a)

il-karatteristiċi ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju għas-superviżjoni;

(b)

il-miżuri li għandhom jiġu stabbiliti fi ħdan is-superviżuri biex tiġi żgurata superviżjoni adegwata u effettiva, inkluż biex iħarrġu l-persunal tagħhom;

(c)

il-passi li għandhom jittieħdu meta titwettaq superviżjoni fuq bażi ta' sensittività għar-riskju.

Fejn rilevanti, il-linji gwida msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom iqisu l-eżiti tal-valutazzjonijiet imwettqa skont l-Artikoli 30 u 35 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jqisu l-livell ta' diskrezzjoni permess lill-entità marbuta b'obbligu, u jirrieżaminaw adegwatament il-valutazzjonijiet tar-riskju abbażi ta' din id-diskrezzjoni, u l-adegwatezza tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri interni tagħha.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jħejju rapport ta' attività annwali dettaljat u li jsir pubbliku sommarju ta' dak ir-rapport. Dak is-sommarju ma għandux ikun fih informazzjoni kunfidenzjali u għandu jinkludi:

(a)

il-kategoriji ta' entitajiet marbutin b'obbligu taħt is-superviżjoni u l-għadd ta' entitajiet marbutin b'obbligu għal kull kategorija;

(b)

deskrizzjoni tas-setgħat li bihom is-superviżuri huma fdati u l-kompiti assenjati lilhom u, fejn rilevanti, tal- mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 37(4) li jipparteċipaw fihom u, għas-superviżur ewlieni, sommarju tal-attivitajiet ta' koordinazzjoni mwettqa;

(c)

ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet superviżorji mwettqa.

Artikolu 41

Punti ta' kuntatt ċentrali

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 37(1) u tal-Artikolu 38(1), l-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-emittenti tal-flus elettroniċi, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament u l-fornituri ta' servizzi ta’ kriptoassi li joperaw stabbilimenti fit-territorju tagħhom għajr sussidjarja jew fergħa, jew li joperaw fit-territorju tagħhom permezz ta' aġenti jew distributuri jew permezz ta’ tipi oħra ta' infrastruttura, bil-libertà li jipprovdu servizzi, jaħtru punt ta' kuntatt ċentrali fit-territorju tagħhom. Dak il-punt ta' kuntatt ċentrali għandu jiżgura, f'isem l-entità marbuta b'obbligu, il-konformità mar-regoli tal-AML/CFT u għandu jiffaċilita s-superviżjoni mis-superviżuri, inkluż billi jipprovdi dokumenti u informazzjoni lis-superviżuri fuq talba.

2.   Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji għandu jistabbilixxi l-kriterji għad-determinazzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom il-ħatra ta' punt ta' kuntatt ċentrali skont il-paragrafu 1 hija adattata, u l-funzjonijiet tal-punti ta' kuntatt ċentrali.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

Artikolu 42

Divulgazzjoni lill-FIUs

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk, waqt il-kontrolli mwettqa fuq l-entitajiet marbutin b'obbligu, jew b'xi mod ieħor, is-superviżuri jiskopru fatti li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu, huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-FIU.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri li għandhom is-setgħa li jimmonitorjaw il-Borża, is-swieq tal-muniti barranin u s-swieq tad-derivattivi finanzjarji, jinfurmaw lill-FIU jekk jiskopru informazzjoni li tista’ tkun relatata mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità mar-rekwiżiti ta' dan l-Artikolu ma tissostitwixxi l-ebda obbligu għall-awtoritajiet superviżorji li jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti kwalunkwe attività kriminali li jikxfu jew isiru konxji tagħha fil-kuntest tal-attivitajiet superviżorji tagħhom.

Artikolu 43

Għoti ta' informazzjoni lill-FIUs

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jikkomunikaw lill-FIU mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-lista ta' stabbilimenti li joperaw fl-Istat Membru rispettiv u l-lista tal-infrastruttura taħt is-superviżjoni tagħhom skont l-Artikolu 38(1), u ta' kwalunkwe bidla f'dawk il-listi;

(b)

kwalunkwe sejba rilevanti li tindika dgħufijiet serji fis-sistemi ta' rappurtar tal-entitajiet marbutin b'obbligu;

(c)

ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa skont l-Artikolu 40, f'forma aggregata.

Artikolu 44

Prinċipji ġenerali rigward il-kooperazzjoni superviżorja

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jikkooperaw kemm jista' jkun ma' xulxin, irrispettivament min-natura jew mill-istatus rispettiv tagħhom. Tali kooperazzjoni tista' tinkludi t-twettiq, fil-limiti tas-setgħat tas-superviżur li lilu ssir it-talba, ta' investigazzjonijiet f'isem superviżur rikjedenti, u l-iskambju sussegwenti tal-informazzjoni li tinkiseb minn tali investigazzjoni, jew l-iffaċilitar tat-twettiq ta' tali investigazzjoni mis-superviżur rikjedenti.

Artikolu 45

Għoti ta' informazzjoni dwar attivitajiet transfruntieri

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari jinfurmaw lis-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti malajr kemm jista' jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu notifika skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2024/1624 dwar l-attivitajiet li l-entità marbuta b'obbligu jkun beħsiebha twettaq fl-Istat Membru ospitanti.

Kwalunkwe bidla sussegwenti nnotifikata lis-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2024/1624 għandha tiġi nnotifikata lis-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta jirċevuha.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljaru jikkondividu l mas-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti informazzjoni dwar l-attivitajiet effettivament imwettqa mill-entità marbuta b'obbligu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li huma jirċievu fil-kuntest tal-attivitajiet superviżorji tagħhom, inkluż informazzjoni sottomessa mill-entitajiet marbutin b'obbligu bi tweġiba għall-kwestjonarji superviżorji, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti marbuta mal-attivitajiet li jitwettqu fl-Istat Membru ospitanti.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi skambjata mill-inqas darba fis-sena. Meta dik l-informazzjoni tiġi pprovduta f'forma aggregata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari jwieġbu minnufih għal kwalunkwe talba għal informazzjoni addizzjonali mis-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti.

B'deroga mit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari jinfurmaw lis-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti immedjatament malli jirċievu notifika mill-entitajiet marbutin b'obbligu skont l-Artikolu 8(1), tar-Regolament (UE) 2024/1624 li l-attivitajiet fl-Istat Membru ospitanti jkunu bdew.

Artikolu 46

Dispożizzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni fil-kuntest tas-superviżjoni ta' grupp

1.   Fil-każ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji li huma parti minn grupp, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 37(1), is-superviżuri finanzjarji tal-Istat Membru domiċiljari u dawk tal-Istat Membru ospitanti jikkooperaw ma' xulxin bl-akbar mod possibbli, irrispettivament min-natura jew mill-istatus rispettiv tagħhom. Huma għandhom jikkooperaw ukoll mal-AMLA meta taġixxi bħala superviżur.

2.   Ħlief meta l-AMLAtaġixxi bħala superviżur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji tal-Istat Membru domiċiljari jissorveljaw l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki, tal-proċeduri u tal-kontrolli tal-grupp kollu msemmija fil-Kapitolu II, it-Taqsima 2, tar-Regolament (UE) 2024/1624. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li s-superviżuri finanzjarji tal-Istat Membru ospitanti jissorveljaw il-konformità tal-istabbilimenti li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom mar-Regolamenti (UE) 2024/1624 u (UE) 2023/1113.

3.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, u ħlief fil-każijiet fejn il-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT ikunu stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 49, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji jipprovdu lil xulxin kwalunkwe informazzjoni li jeħtieġu għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom, kemm jekk fuq talba kif ukoll fuq inizjattiva proprja. B'mod partikolari, is-superviżuri finanzjarji għandhom jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni li tista' tinfluwenza b'mod sinifikanti l-valutazzjoni tal-iskopertura għar-riskju inerenti jew residwu ta' istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja fi Stat Membru ieħor, fosthom:

(a)

l-identifikazzjoni tal-istruttura ġuridika, ta' governanza u organizzazzjonali tal-grupp, li tkopri s-sussidjarji u l-fergħat kollha;

(b)

l-informazzjoni rilevanti dwar is-sidien benefiċjarji u l-maniġment superjuri, inkluż l-eżiti ta' kontrolli xierqa u tajba, kemm jekk imwettqa skont din id-Direttiva kif ukoll skont atti legali oħra tal-Unjoni;

(c)

il-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli fis-seħħ fi ħdan il-grupp;

(d)

l-informazzjoni dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti, inkluż fajls tal-klijenti u rekords ta' tranżazzjonijiet;

(e)

l-iżviluppi negattivi fir-rigward tal-impriża omm, tas-sussidjarji jew tal-fergħat, li jistgħu jaffettwaw serjament partijiet oħra tal-grupp;

(f)

sanzjonijiet pekunarji li s-superviżuri finanzjarji beħsiebhom jimponu u miżuri amministrattivi li s-superviżuri finanzjarji beħsiebhom japplikaw f'konformità mat-Taqsima 4 ta' dan il-Kapitolu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li s-superviżuri finanzjarji jkunu jistgħu jwettqu, fil-limiti tas-setgħat tagħhom, investigazzjonijiet f'isem superviżur rikjedenti, u jikkondividu l-informazzjoni miksuba permezz ta' tali investigazzjonijiet, jew jiffaċilitaw it-twettiq ta' tali investigazzjonijiet mis-superviżur rikjedenti.

4.   Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji għandu jispjega fid-dettall id-dmirijiet rispettivi tas-superviżuri domiċiljari u ospitanti, u l-modalitajiet ta' kooperazzjoni bejniethom.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

5.   Is-superviżuri finanzjarji jistgħu jirreferu lill-AMLA s-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta superviżur finanzjarju ma jkunx ikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3;

(b)

meta talba għall-kooperazzjoni tkun ġiet rifjutata jew ma tkunx ittieħdet azzjoni dwarha fi żmien raġonevoli;

(c)

meta jkun hemm nuqqas ta' qbil abbażi ta' raġunijiet oġġettivi dwar ksur identifikat u dwar is-sanzjonijiet pekunarji li għandhom jiġu imposti jew il-miżuri amministrattivi li għandhom jiġu applikati fuq l-entità jew il-grupp biex jiġi rrimedjat dak il-ksur.

L-AMLA tista' taġixxi f'konformità mas-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2024/1620. Meta tagħmel dan, l-AMLA għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-kwistjoni tat-talba fi żmien xahar.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikolu japplika ukoll għas-superviżjoni ta':

(a)

gruppi ta' entitajiet marbutin b'obbligu fis-settur mhux finanzjarju;

(b)

entitajiet marbutin b'obbligu li joperaw bil-libertà li jipprovdu servizzi mingħajr ebda infrastruttura fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti, fejn is-superviżjoni tal-attivitajiet f'dak l-Istat Membru l-ieħor titwettaq mis-superviżuri ta' dak l-Istat Membru l-ieħor skont l-Artikolu 37(1), it-tieni subparagrafu.

Meta s-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 jinqalgħu fir-rigward tas-superviżuri mhux finanzjarji, l-AMLA tista' taġixxi f'konformità mas-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li f'każijiet fejn l-entitajiet marbutin b'obbligu fis-settur mhux finanzjarju jkunu parti minn strutturi li jikkondividu sjieda, ġestjoni jew kontroll tal-konformità komuni, inkluż networks jew sħubijiet, is-superviżuri mhux finanzjarji jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni.

Artikolu 47

Kooperazzjoni superviżorja fir-rigward tal-entitajiet marbutin b'obbligu li jwettqu attivitajiet transfruntiera

1.   Meta l-entitajiet marbutin b'obbligu li ma jkunux parti minn grupp iwettqu attivitajiet transfruntiera kif imsemmi fl-Artikolu 54(1) u s-superviżjoni tiġi kondiviża bejn is-superviżuri tal-Istati Membri domiċiljari u ospitanti skont l-Artikoli 37(1) u 38(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk is-superviżuri jikkooperaw ma' xulxin kemm jista' jkun u jassistu lil xulxin fit-twettiq tas-superviżjoni skont l-Artikoli 37(1) u 38(1).

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, u ħlief f'każijiet fejn il-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT ikunu stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 49, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri:

(a)

jipprovdu lil xulxin kwalunkwe informazzjoni li jeħtieġu għall-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tagħhom, kemm jekk fuq talba kif ukoll fuq inizjattiva tagħhom stess, inkluż l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 46(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b) u (d), meta dik l-informazzjoni tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti superviżorji;

(b)

jinfurmaw lil xulxin dwar kwalunkwe żvilupp negattiv fir-rigward tal-entità marbuta b'obbligu, l-istabbilimenti jew it-tipi ta' infrastruttura tagħha, li jistgħu jaffettwaw serjament il-konformità tal-entità mar-rekwiżiti applikabbli, u sanzjonijiet pekunarji li beħsiebhom jimponu, jew miżuri amministrattivi li beħsiebhom japplikaw f'konformità mat-Taqsima 4 ta' dan il-Kapitolu;

(c)

jkunu jistgħu jwettqu, fil-limiti tas-setgħat tagħhom, investigazzjonijiet f'isem superviżur rikjedenti, u jikkondividu l-informazzjoni miksuba permezz ta' tali investigazzjonijiet, jew jiffaċilitaw it-twettiq ta' tali investigazzjonijiet mis-superviżur rikjedenti.

Dan il-paragrafu għandhom japplikaw ukoll fil-każ ta' entitajiet marbutin b'obbligu li huma stabbiliti fi Stat Membru wieħed u li joperaw bil-libertà li jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor mingħajr ebda infrastruttura, fejn is-superviżjoni tal-attivitajiet f'dak l-Istat Membru l-ieħor titwettaq mis-superviżuri ta' dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 37(1), it-tieni subparagrafu.

2.   Meta s-superviżjoni tal-entità marbuta b'obbligu u kwalunkwe wieħed mit-tipi ta' infrastruttura tagħha fi Stati Membri oħra jiġu fdati lis-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari skont l-Artikolu 38(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari jinfurmaw regolarment lis-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti dwar il-miżuri fis-seħħ fl-entità marbuta b'obbligu, u l-konformità ta' dik l-entità mar-rekwiżiti applikabbli, inkluż dawk fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti. Meta jiġi identifikat ksur serju, ripetut jew sistematiku, is-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari għandhom jinfurmaw minnufih lis-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti dwar dak il-ksur u dwar kwalunkwe sanzjoni pekunarja li jkun beħsiebhom jimponu u miżuri amministrattivi li jkun beħsiebhom japplikaw biex jirrimedjawh.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti jagħtu assistenza lis-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari biex jiżguraw il-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti legali mill-entità marbuta b'obbligu. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti jinfurmaw lis-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari bi kwalunkwe dubju serju li jkollhom rigward il-konformità tal-entità marbuta b'obbligu mar-rekwiżiti applikabbli, u li jikkondividu kwalunkwe informazzjoni li jkollhom f'dan ir-rigward mas-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari.

Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll fil-każ ta' entitajiet marbutin b'obbligu li huma stabbiliti fi Stat Membru wieħed u li joperaw bil-libertà li jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor mingħajr ebda infrastruttura, ħlief għal każijiet fejn is-superviżjoni tal-attivitajiet f'dak l-Istat Membru l-ieħor titwettaq mis-superviżuri ta' dak l-Istat Membru l-ieħor skont l-Artikolu 37(1), it-tieni subparagrafu.

3.   Is-superviżuri għandhom ikunu jistgħu jirreferu lill-AMLA kwalunkwe sitwazzjoni minn dawn li ġejjin:

(a)

fejn superviżur ma jkunx ikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punti (a) u (b) jew il-paragrafu 2, l-ewwel u t-tieni subparagrafu;

(b)

meta talba għall-kooperazzjoni tkun ġiet rifjutata jew ma tkunx ittieħdet azzjoni dwarha fi żmien raġonevoli;

(c)

fejn ikun hemm nuqqas ta' qbil abbażi ta' raġunijiet oġġettivi dwar ksur identifikat u dwar is-sanzjonijiet pekunarji li għandhom jiġu imposti fuq, jew il-miżuri amministrattivi li għandhom jiġu applikati fuq, l-entità biex tirrimedja dak il-ksur.

L-AMLA għandha taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha f'konformità mal-Artikoli 33 u 38 tar-Regolament (UE) Nru 2024/1620. L-AMLA għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-kwistjoni tat-talba fi żmien xahar.

Artikolu 48

Skambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politiki fil-livell ta' grupp f'pajjiżi terzi

Is-superviżuri, inkluż l-AMLA, għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar każijiet li fihom il-liġi ta' pajjiż terz ma tippermettix l-implimentazzjoni tal-politiki, tal-proċeduri u tal-kontrolli meħtieġa skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1624. F'tali każijiet, is-superviżuri jistgħu jieħdu azzjonijiet koordinati biex tinstab soluzzjoni. Fil-valutazzjoni ta' liema pajjiżi terzi ma jippermettux l-implimentazzjoni tal-politiki, tal-proċeduri u tal-kontrolli meħtieġa skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1624, is-superviżuri għandhom iqisu kwalunkwe restrizzjoni ġuridika li tista' xxekkel l-implimentazzjoni korretta ta' dawk il-politiki, il-proċeduri u il-kontrolli, inkluż is-segretezza professjonali, livell insuffiċjenti ta' protezzjoni tad-data u restrizzjonijiet oħra li jillimitaw l-iskambju ta' informazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għal dak il-għan.

TAQSIMA 2

Kooperazzjoni fil-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT u mal-kontropartijiet f'pajjiżi terzi

Artikolu 49

Kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT fis-settur finanzjarju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT dedikati mis-superviżur finanzjarju responsabbli għall-impriża omm fi grupp ta' istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji jew tal-uffiċċju prinċipali ta' istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja fi kwalunkwe istituzzjoni minn dawn li ġejjin:

(a)

meta istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, inkluż gruppi tagħha, tkun stabbiliet stabbilimenti f'mill-inqas żewġ Stati Membri differenti mill-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħha;

(b)

meta istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja ta' pajjiż terz tkun stabbiliet stabbilimenti f'mill-inqas tliet Stati Membri.

2.   Il-membri permanenti tal-kulleġġ għandhom ikunu s-superviżur finanzjarju inkarigat mill-impriża omm jew mill-uffiċċju prinċipali, is-superviżuri finanzjarji inkarigati mill-istabbilimenti fl-Istati Membri ospitanti u s-superviżuri finanzjarji inkarigati mill-infrastruttura fl-Istati Membri ospitanti skont l-Artikolu 38.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika fejn l-AMLA taġixxi bħala superviżur.

4.   L-attivitajiet tal-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT għandhom ikunu proporzjonati mal-livell tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li għalihom ikunu esposti l-istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja jew il-grupp, u għall-iskala tal-attivitajiet transfruntiera tagħha.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji jidentifikaw:

(a)

l-istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji kollha li jkunu ġew awtorizzati fl-Istat Membru u li għandhom stabbilimenti fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi;

(b)

l-istabbilimenti kollha stabbiliti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji fi Stati Membri jew f'pajjiż terzi;

(c)

l-stabbilimenti stabbiliti fit-territorju tagħhom minn istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi.

6.   F'sitwazzjonijiet għajr dawk koperti mill-Artikolu 38, fejn istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji jwettqu attivitajiet fi Stati Membri oħra bil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-superviżur finanzjarju tal-Istat Membru domiċiljari jista' jistieden lis-superviżuri finanzjarji ta' dawk l-Istati Membri biex jipparteċipaw fil-kulleġġ bħala osservaturi.

7.   Fejn grupp ta' istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji jkun jinkludi kwalunkwe entità marbuta b'obbligu fis-settur mhux finanzjarju, is-superviżur finanzjarju li jistabbilixxi l-kulleġġ għandu jistieden lis-superviżuri ta' dawk l-entitajiet marbutin b'obbligu biex jipparteċipaw fil-kulleġġ.

8.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-istabbiliment ta' kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT meta istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja stabbilita fl-Unjoni tkun stabbiliet stabbilimenti f'mill-inqas żewġ pajjiżi terzi. Is-superviżuri finanzjarji jistgħu jistiednu lill-kontropartijiet tagħhom f'dawk il-pajjiżi terzi biex jistabbilixxu tali kulleġġ. Is-superviżuri finanzjarji li jipparteċipaw fil-kulleġġ għandhom jistabbilixxu ftehim bil-miktub li jiddeskrivi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri tal-kooperazzjoni u tal-iskambju ta' informazzjoni.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kulleġġi jintużaw, fost l-oħrajn, biex jiskambjaw informazzjoni, jagħtu għajnuna reċiproka jew jikkoordinaw l-approċċ superviżorju għall-grupp jew l-istituzzjoni, inkluż, fejn rilevanti, it-teħid ta' miżuri xierqa u proporzjonali biex jindirizzaw ksur serju tar-Regolamenti (UE) 2024/1624 u (UE) 2023/1113 li jinkixef fil-livell tal-grupp jew tal-istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja jew fl-istabbilimenti stabbiliti mill-grupp jew l-istituzzjoni fil-ġuriżdizzjoni tas-superviżur li jkun jipparteċipa fil-kulleġġ.

10.   L-AMLA tista' tattendi l-laqgħat tal-kulleġġi superviżorji tal-AML/CFT u għandha tiffaċilita l-ħidma tagħhom f'konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2024/1620. Meta l-AMLA tiddeċiedi li tipparteċipa fil-laqgħat ta' kulleġġ superviżorju għall-AML/CFT, hija għandu jkollha l-istatus ta' osservatur.

11.   Is-superviżuri finanzjarji jistgħu jippermettu lill-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi jipparteċipaw bħala osservaturi fil-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b) jew meta gruppi jew istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni joperaw fergħat u sussidjarji f'dawk il-pajjiżi terzi, dment li:

(a)

il-kontropartijiet ta' pajjiżi terzi jippreżentaw talba għall-parteċipazzjoni u l-membri tal-kulleġġ jaqblu mal-parteċipazzjoni tagħhom, jew il-membri tal-kulleġġ jaqblu li jistiednu lil dawk il-kontropartijiet ta' pajjiżi terzi;

(b)

ikun hemm konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data dwar it-trasferimenti tad-data;

(c)

il-kontropartijiet ta' pajjiż terz jiffirmaw il-ftehim bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 8, it-tielet sentenza, u jikkondividu fil-kulleġġ l-informazzjoni rilevanti li jkollhom għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji jew tal-grupp;

(d)

l-informazzjoni żvelata hija soġġetta għal garanzija ta' rekwiżiti ta' segretezza professjonali mill-inqas ekwivalenti għal dik imsemmija fl-Artikolu 67(1) u tintuża biss għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti superviżorji tas-superviżuri finanzjarji parteċipanti jew tal-kontropartijiet f'pajjiżi terzi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji li jistabbilixxu l-kulleġġi jwettqu valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu humiex issodisfati u jippreżentawha lill-membri permanenti tal-kulleġġ. Dik il-valutazzjoni għandha titwettaq qabel ma l-kontroparti ta' pajjiż terz titħalla tissieħeb mal-kulleġġ u tista' tiġi ripetuta kif meħtieġ minn hemm 'il quddiem. Is-superviżuri finanzjarji tal-Istat Membru domiċiljaru jistgħu jfittxu l-appoġġ tal-AMLA għat-twettiq ta' dik il-valutazzjoni.

12.   Fejn jitqies meħtieġ mill-membri permanenti tal-kulleġġ, jistgħu jiġu mistiedna osservaturi addizzjonali, dment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità. L-osservaturi jistgħu jinkludu superviżuri prudenzjali, inkluż il-BĊE li jaġixxi skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (43), kif ukoll l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-FIUs.

13.   Fejn il-membri ta' kulleġġ ma jaqblux dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta' entità marbuta b'obbligu, jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-AMLA u jitolbu l-għajnuna tagħha f'konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

14.   Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji għandhom jispeċifikaw:

(a)

il-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament, fuq bażi ta' sensittività għar-riskju, tal-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT fis-settur finanzjarju, inkluż it-termini tal-kooperazzjoni bejn il-membri permanenti u mal-osservaturi, u l-funzjonament operazzjonali ta' tali kulleġġi;

(b)

il-mudell għall-ftehim bil-miktub li għandu jiġi ffirmat mis-superviżuri finanzjarji skont il-paragrafu 8;

(c)

kwalunkwe miżura addizzjonali li għandha tiġi implimentata mill-kulleġġi meta l-gruppi jinkludu entitajiet marbutin b'obbligu fis-settur mhux finanzjarju;

(d)

il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta' superviżuri finanzjarji f'pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

Artikolu 50

Kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT fis-settur mhux finanzjarju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri mhux finanzjarji inkarigati mill-impriża omm ta' grupp ta' entitajiet marbutin b'obbligu fis-settur mhux finanzjarju jew inkarigati mill-uffiċċju prinċipali ta' entità marbuta b'obbligu fis-settur mhux finanzjarju jkunu jistgħu jistabbilixxu kulleġġi superviżorji ddedikati għall-AML/CFT fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta entità marbuta b'obbligu fis-settur mhux finanzjarju, jew grupp tagħha, tkun stabbiliet stabbilimenti f'mill-inqas żewġ Stati Membri differenti mill-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħha;

(b)

meta entità ta' pajjiż terz soġġetta għar-rekwiżiti tal-AML/CFT, għajr istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, tkun stabbiliet stabbilimenti f'mill-inqas tliet Stati Membri.

Dan il-paragrafu għandhom japplikaw ukoll għal strutturi li għandhom l-istess sjieda, ġestjoni jew kontroll tal-konformità, inkluż networks jew sħubijiet li għalihom japplikaw rekwiżiti għall-grupp kollu skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1624.

Il-membri permanenti tal-kulleġġ għandhom ikunus-superviżur mhux finanzjarju inkarigat mill-impriża omm jew mill-uffiċċju prinċipali u s-superviżuri mhux finanzjarji responsabbli mill-istabbilimenti fl-Istati Membri ospitanti jew tas-superviżjoni ta' dik l-entità marbuta b'obbligu fi Stati Membri oħra fil-każijiet koperti mill-Artikolu 37(1), it-tieni subparagrafu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta s-superviżur mhux finanzjarju inkarigat mill-impriża omm ta' grupp jew mill-uffiċċju prinċipali ta' entità marbuta b'obbligu ma jistabbilix kulleġġ, is-superviżuri mhux finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (b) jistgħu, wara li jkunu qiesu r-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li l-entità jew il-grupp marbut b'obbligu jkun espost għalihom u l-iskala tal-attivitajiet transfruntiera tiegħu, jippreżentaw opinjoni li għandu jiġi stabbilit kulleġġ. Dik l-opinjoni għandha tiġi ppreżentata minn tal-anqas żewġ superviżuri mhux finanzjarji u indirizzata lil:

(a)

is-superviżur mhux finanzjarju inkarigat mill-impriża omm ta' grupp jew mill-uffiċċju prinċipali ta' entità marbuta b'obbligu;

(b)

l-AMLA;

(c)

is-superviżuri mhux finanzjarji l-oħra kollha.

Meta s-superviżur mhux finanzjarju msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jkun korp ta' awtoregolamentazzjoni, dik l-opinjoni għandha tkun preżentata wkoll lill-awtorità pubblika inkarigata mis-sorveljanza ta' dak il-korp ta' awtoregolamentazzjoni skont l-Artikolu 52.

3.   Meta, wara li tiġi ppreżentata opinjoni skont il-paragrafu 2, is-superviżur mhux finanzjarju inkarigat mill-impriża omm ta' grupp jew mill-uffiċċju prinċipali ta' entità marbuta b'obbligu xorta jqis li mhuwiex meħtieġ li jiġi stabbilit kulleġġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri mhux finanzjarji l-oħra jkunu jistgħu jistabbilixxu l-kulleġġ, dment li dan ikun magħmul minn mill-inqas żewġ membri. F'dawk il-każijiet, dawk is-superviżuri mhux finanzjarji għandhom jiddeċiedu bejniethom min huwa s-superviżur inkarigat mill-kulleġġ. Is-superviżur mhux finanzjarju inkarigat mill-impriża omm ta' grupp jew mill-uffiċċju prinċipali ta' entità marbuta b'obbligu għandu jiġi infurmat dwar l-attivitajiet tal-kulleġġ u jkun jista' jissieħeb mal-kulleġġ fi kwalunkwe ħin.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri mhux finanzjarji jidentifikaw:

(a)

l-entitajiet marbutin b'obbligu kollha fis-settur mhux finanzjarju li għandhom l-uffiċċju prinċipali fl-Istat Membru tagħhom u li għandhom stabbilimenti fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi;

(b)

l-istabbilimenti kollha stabbiliti minn dawk l-entitajiet marbutin b'obbligu fi Stati Membri oħra jew f'pajjiż terzi;

(c)

l-istabbilimenti stabbiliti fit-territorju tagħhom minn entitajiet marbutin b'obbligu fis-settur mhux finanzjarju minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi.

5.   Fejn l-entitajiet marbutin b'obbligu fis-settur mhux finanzjarju jwettqu attivitajiet fi Stati Membri oħra bil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-superviżur mhux finanzjarju tal-Istat Membru domiċiljari jista' jistieden lis-superviżuri mhux finanzjarji ta' dawk l-Istati Membri biex jipparteċipaw fil-kulleġġ bħala osservaturi.

6.   Meta grupp fis-settur mhux finanzjarju jinkludi kwalunkwe istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, iżda l-preżenza tagħha fil-grupp ma tissodisfax il-livell limitu għall-istabbiliment ta' kulleġġ skont l-Artikolu 49, is-superviżur li jistabbilixxi l-kulleġġ għandu jistieden lis-superviżuri finanzjarji ta' dawk l-istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji biex jipparteċipaw fil-kulleġġ.

7.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-istabbiliment ta' kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT meta entità marbuta b'obbligu fis-settur mhux finanzjarju stabbilita fl-Unjoni tkun stabbiliet stabbilimenti f'mill-inqas żewġ pajjiżi terzi. Is-superviżuri finanzjarji jistgħu jistiednu lill-kontropartijiet tagħhom f'dawk il-pajjiżi terzi biex jistabbilixxu tali kulleġġ. Is-superviżuri mhux finanzjarji li jipparteċipaw fil-kulleġġ għandhom jistabbilixxu ftehim bil-miktub li jiddeskrivi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni.

Fejn il-kulleġġ jiġi stabbilit b'rabta mal-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fl-Artikolu 3, il-punti (3)(a) u (b), tar-Regolament (UE) 2024/1624 jew gruppi tagħhom, il-ftehim bil-miktub imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jinkludi wkoll il-proċeduri biex jiżgura li l-ebda informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2024/1624 ma tiġi kondiviża, sakemm ma japplikax it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(2).

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kulleġġi jintużaw, fost l-oħrajn, biex jiskambjaw informazzjoni, jagħtu għajnuna reċiproka jew jikkoordinaw l-approċċ superviżorju għall-grupp jew l-entità marbuta b'obbligu, inkluż, fejn rilevanti, it-teħid ta' miżuri xierqa u proporzjonali biex jindirizzaw ksur serju tar-Regolamenti (UE) 2024/1624 u (UE) 2023/1113 li jinkixef fil-livell tal-grupp jew tal-entità marbuta b'obbligu, jew fl-istabbilimenti stabbiliti mill-grupp jew l-entità marbuta b'obbligu fil-ġuriżdizzjoni tas-superviżur li jkun jipparteċipa fil-kulleġġ.

9.   L-AMLA tista' tattendi l-laqgħat tal-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT u għandha tiffaċilita l-ħidma tagħhom f'konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1620. Meta l-AMLA tiddeċiedi li tipparteċipa fil-laqgħat ta' kulleġġ superviżorju għall-AML/CFT, hija għandu jkollha l-istatus ta' osservatur.

10.   Is-superviżuri mhux finanzjarji jistgħu jippermettu lill-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi jipparteċipaw bħala osservaturi fil-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), jew meta entitajiet tal-Unjoni marbuta b'obbligu fis-settur mhux finanzjarju jew gruppi tagħhom joperaw fergħat u sussidjarji f'dawk il-pajjiżi terzi, dment li:

(a)

il-kontropartijiet ta' pajjiżi terzi jippreżentaw talba għall-parteċipazzjoni u l-membri tal-kulleġġ jaqblu mal-parteċipazzjoni tagħhom, jew il-membri tal-kulleġġ jaqblu li jistiednu lil dawk il-kontropartijiet ta' pajjiżi terzi;

(b)

ikunu rispettati r-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data dwar it-trasferimenti tad-data;

(c)

il-kontropartijiet ta' pajjiż terz jiffirmaw il-ftehim bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 7 u jikkondividu fil-kulleġġ l-informazzjoni rilevanti li jkollhom għas-superviżjoni tal-entità marbuta b'obbligu jew tal-grupp;

(d)

l-informazzjoni żvelata hija soġġetta għal garanzija ta' rekwiżiti ta' segretezza professjonali mill-inqas ekwivalenti għal dik imsemmija fl-Artikolu 67(1) u tintuża biss għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti superviżorji tas-superviżuri mhux finanzjarji parteċipanti jew tal-kontropartijiet f'pajjiżi terzi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri mhux finanzjarji responsabbli mill-impriża omm ta' grupp jew mill-uffiċċju prinċipali ta' entità marbuta b'obbligu jew, fil-każijiet koperti mill-paragrafu 3, mill-kulleġġ, iwettqu valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu humiex issodisfati u jippreżentawha lill-membri permanenti tal-kulleġġ. Dik il-valutazzjoni għandha titwettaq qabel ma l-kontroparti ta' pajjiż terz titħalla tissieħeb mal-kulleġġ u tista' tiġi ripetuta kif meħtieġ minn hemm 'il quddiem. Is-superviżuri mhux finanzjarji inkarigati mill-valutazzjoni jistgħu jfittxu l-appoġġ tal-AMLAgħat-twettiq ta’ dik il-valutazzjoni.

11.   Fejn jitqies meħtieġ mill-Membri permanenti tal-kulleġġ, jistgħu jiġu mistiedna osservaturi addizzjonali, dment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità. L-osservaturi jistgħu jinkludu FIUs.

12.   Fejn il-membri ta' kulleġġ ma jaqblux dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta' entità marbuta b'obbligu, jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-AMLA u jitolbu l-għajnuna tagħha f'konformità mal-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) 2024/1620. L-AMLA għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-kwistjoni ta' nuqqas ta' qbil fi żmien xahrejn.

13.   Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji għandhom jispeċifikaw:

(a)

il-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament tal-kulleġġi superviżorji tal-AML/CFT fis-settur mhux finanzjarju, inkluż it-termini tal-kooperazzjoni bejn il-membri permanenti u mal-osservaturi, u l-funzjonament operazzjonali ta' tali kulleġġi;

(b)

il-mudell għall-ftehim bil-miktub li għandu jiġi ffirmat mis-superviżuri mhux finanzjarji skont il-paragrafu 7;

(c)

il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta' superviżuri mhux finanzjarji f'pajjiżi terzi;

(d)

kwalunkwe miżura addizzjonali li għandha tiġi implimentata mill-kulleġġi meta l-gruppi jinkludu istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

14.   Sal-10 ta’ Lulju 2029 u kull sentejn wara dan, l-AMLA għandha toħroġ opinjoni dwar il-funzjonament tal-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT fis-settur mhux finanzjarju. Dik l-opinjoni għandha tinkludi:

(a)

ħarsa ġenerali lejn il-kulleġġi stabbiliti minn superviżuri mhux finanzjarji;

(b)

valutazzjoni tal-azzjonijiet meħuda minn dawk il-kulleġġi u l-livell ta' kooperazzjoni miksub, inkluż id-diffikultajiet iffaċċjati għall-funzjonament tal-kulleġġi.

Artikolu 51

Kooperazzjoni ma' superviżuri f'pajjiżi terzi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jistgħu jikkonkludu ftehimiet ta' kooperazzjoni li jipprevedu l-kooperazzjoni u l-iskambji ta' informazzjoni kunfidenzjali mal-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi. Tali ftehimiet ta' kooperazzjoni għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u jiġu konklużi fuq il-bażi ta' reċiproċità u jkunu soġġetti għal garanzija ta' obbligi ta' segretezza professjonali li tkun tal-anqas ekwivalenti għal dik imsemmija fl-Artikolu 67(1). L-informazzjoni kunfidenzjali skambjata f'konformità ma' dawk il-ftehimiet ta' kooperazzjoni għandha tintuża esklużivament għall-fini tat-twettiq tal-kompiti superviżorji ta' dawk l-awtoritajiet.

Meta l-informazzjoni skambjata toriġina fi Stat Membru ieħor, din għandha tiġi żvelata biss bil-kunsens espliċitu tas-superviżur li jkun ikkondiviha u, fejn xieraq, dan isir biss għall-finijiet li għalihom dak is-superviżur ikun ta l-kunsens tiegħu.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-AMLA għandha tagħti tali l-assistenza neċessarja kif meħtieġ biex tiġi vvalutata l-ekwivalenza tar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali applikabbli għall-kontroparti tal-pajjiż terz.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jinnotifikaw kull ftehim iffirmat skont dan l-Artikolu lill-AMLA fi żmien xahar mill-iffirmar tiegħu.

4.   Sal-10 ta’ Lulju 2029, l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni għandu jispeċifika l-mudell li għandu jintuża għall-konklużjoni tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

TAQSIMA 3

Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw il-korpi ta' awtoregolamentazzjoni

Artikolu 52

Sorveljanza tal-korpi ta' awtoregolamentazzjoni

1.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu, skont l-Artikolu 37(3) ta’ din id-Direttiva, li jippermettu li l-korpi ta' awtoregolamentazzjoni jwettqu superviżjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl-Artikolu 3, il-punti (3)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2024/1624, għandhom jiżguraw li l-attivitajiet ta' tali korpi ta' awtoregolamentazzjoni fl-eżekuzzjoni ta' tali funzjonijiet ikunu soġġetti għal sorveljanza minn awtorità pubblika.

2.   L-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta' awtoregolamentazzjoni għandha tkun responsabbli li tiżgura sistema superviżorja adegwata u effettiva għall-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fl-fl-Artikolu 3, il-punti (3)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2024/1624, inkluż billi:

(a)

tivverifika li kull korp ta' awtoregolamentazzjoni li jwettaq il-funzjonijiet jew li jaspira li jwettaq il-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 37(1) jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 3 ta' dak l-Artikolu;

(b)

toħroġ gwida dwar l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 37(1);

(c)

tiżgura li l-korpi ta' awtoregolamentazzjoni jwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont it-Taqsima 1 ta' dan il-Kapitolu b'mod adegwat u effettiv;

(d)

tirrevedi l-eżenzjonijiet mogħtija mill-korpi ta' awtoregolamentazzjoni mill-obbligu għat-tfassil ta' valutazzjoni tar-riskju individwali ddokumentata skont il-punt (b) tal-Artikolu 37(5);

(e)

tinforma regolarment lill-korpi ta' awtoregolamentazzjoni bi kwalunkwe attività ppjanata jew kompitu mwettaq mill-AMLA li jkun rilevanti għat-twettiq tal-funzjoni superviżorja tagħhom, u b'mod partikolari l-ippjanar ta' valutazzjonijiet bejn il-pari f'konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta' awtoregolamentazzjoni tingħata setgħat adegwati biex taqdi r-responsabbiltajiet tagħha skont il-paragrafu 2. Bħala minimu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità pubblika għandha s-setgħa li:

(a)

tobbliga l-produzzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni li hija rilevanti għall-monitoraġġ tal-konformità u għat-twettiq tal-kontrolli, għajr kwalunkwe informazzjoni miġbura mill-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fl-Artikolu 3, il-punti (3)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2024/1624 waqt li jkunu qed jaċċertaw il-pożizzjoni ġuridika tal-klijent tagħhom, soġġetta għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 21(2) ta' dak ir-Regolament, jew għat-twettiq tal-kompitu ta' difiża jew ta' rappreżentanza ta' dak il-klijent fi proċedimenti ġudizzjarji jew fir-rigward ta' tali proċedimenti, inkluż l-għoti ta' pariri dwar il-ftuħ jew l-evitar ta' tali proċedimenti; jekk tali informazzjoni tkunx inġabret qabel, waqt jew wara tali proċedimenti;

(b)

toħroġ struzzjonijiet lil korp ta' awtoregolamentazzjoni bil-għan li jirrimedja n-nuqqas tiegħu li jwettaq il-funzjonijiet skont l-Artikolu 37(1) jew biex jikkonforma mar-rekwiżiti tal-paragrafu 6 ta' dak l-Artikolu, jew biex jipprevjeni kwalunkwe tali nuqqas.

Meta toħroġ struzzjonijiet lil korp ta' awtoregolamentazzjoni f’konformità mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-awtorità pubblika għandha tqis kwalunkwe gwida rilevanti li tkun ipprovdiet jew li tkun ingħatat mill-AMLA.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta' awtoregolamentazzjoni twettaq il-funzjonijiet tagħha mingħajr influwenza indebita.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-persunal tal-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi awtoregolatorji jkun marbut b'rekwiżiti ta' segretezza professjonali ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 67, u li jżomm standards professjonali għolja, inkluż standards professjonali għolja ta' kunfidenzjalità u protezzjoni tad-data, u li jkollu integrità għolja. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi awtoregolatorji jkollha fis-seħħ proċeduri għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu miżuri jew sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għal nuqqasijiet minn korpi ta' awtoregolamentazzjoni milli jikkonformaw ma' kwalunkwe talba jew struzzjoni jew miżura oħra meħuda mill-awtorità skont il-paragrafi 2 jew 3.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta' awtoregolamentazzjoni tinforma tempestivament lill-awtoritajiet kompetenti għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni tal-attivitajiet kriminali, direttament jew permezz tal-FIU, dwar kwalunkwe ksur li huwa soġġett għal pieni kriminali li hija tiskopri waqt l-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħha.

7.   L-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta' awtoregolamentazzjoni għandha tippubblika rapport annwali li jkun fih informazzjoni dwar:

(a)

l-għadd u n-natura tal-ksur identifikat minn kull korp ta' awtoregolamentazzjoni u s-sanzjonijiet pekunarji imposti fuq, jew il-miżuri amministrativi applikati għal, l-entitajiet marbutin b'obbligu;

(b)

l-għadd ta' tranżazzjonijiet suspettużi rrapportati mill-entitajiet marbutin b’obbligu soġġetti għas-superviżjoni minn kull korp ta' awtoregolamentazzjoni lill-FIU, kemm jekk sottomessi direttament skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) 2024/1624, jew jekk mibgħuta minn kull korp ta' awtoregolamentazzjoni lill-FIU skont l-Artikolu 70(1) ta' dak ir-Regolament;

(c)

l-għadd u d-deskrizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunarji u pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti jew miżuri amministrattivi applikati skont it-Taqsima 4 ta' dan il-Kapitolu minn kull korp ta' awtoregolamentazzjoni biex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-konformità mill-entitajiet marbutin b'obbligu mar- Regolament (UE) 2024/1624 imsemmija fl-Artikolu 55(1) ta' din id-Direttiva;

(d)

l-għadd u d-deskrizzjoni tal-miżuri meħuda mill-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta' awtoregolamentazzjoni skont dan l-Artikolu u l-għadd ta' struzzjonijiet maħruġa lill-korpi ta' awtoregolamentazzjoni.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun disponibbli fuq is-sit web tal-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta' awtoregolamentazzjoni u għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-AMLA.

TAQSIMA 4

Sanzjonijiet pekunarji u miżuri amministrattivi

Artikolu 53

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jinżammu responsabbli għal ksur tar-Regolamenti (UE) 2024/1624 u (UE) 2023/1113 f'konformità ma din it-Taqsima.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet pekunarji u miżuri amministrattivi u jiżguraw li s-superviżuri jistgħu jimponu tali sanzjonijiet pekunarji u japplikaw miżuri amministrattivi fir-rigward ta' ksur tar-Regolament (UE) 2024/1624 jew tar-Regolament (UE) 2023/1113 u għandhom jiżguraw li jiġu infurzati. Kwalunkwe sanzjoni imposta jew miżura applikata skont din it-Taqsima għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva.

3.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2, meta l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru ma jipprevedix sanzjonijiet amministrattivi, dan l-Artikolu jista' jiġi applikat b'tali mod li sanzjoni pekunarja tinbeda mis-superviżur u tiġi imposta minn awtorità ġudizzjarja, filwaqt li jiġi żgurat li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għas-sanzjonijiet pekunarji imposti mis-superviżuri. Fi kwalunkwe każ, is-sanzjonijiet pekunarji imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Istati Membri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni il-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw skont dan il-paragrafu sal-10 ta’ Lulju 2027 u, mingħajr dewmien, kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

4.   Fil-każ ta' ksur tar-Regolament (UE) 2024/1624 u (UE) 2023/1113, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-obbligi japplikaw għall-persuni ġuridiċi, jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet pekunarji u jistgħu jiġu applikati miżuri amministrattivi mhux biss għall-persuna ġuridika iżda wkoll għall-maniġment superjuri u persuni fiżiċi oħra li skont id-dritt nazzjonali huma responsabbli għall-ksur.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta s-superviżuri jidentifikaw ksur li jkun soġġett għal pieni kriminali, jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni ta' attivitajiet kriminali tempestivament.

5.   F'konformità ma’ din id-Direttiva u d-dritt nazzjonali, sanzjonijiet pekunjarji għandhom jiġu imposti u miżuri amministrattivi għandhom jiġu applikati fi kwalunkwe mod minn dawn li ġejjin:

(a)

direttament mis-superviżuri;

(b)

f'kooperazzjoni bejn is-superviżuri u awtoritajiet oħra;

(c)

taħt ir-responsabbiltà tas-superviżuri b'delega għal awtoritajiet oħra;

(d)

b'applikazzjoni mis-superviżuri lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

Sal-10 ta’ Ottubru 2027, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AMLA l-informazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti relatati mal-impożizzjoni ta' sanzjonijiet pekunarji jew mal-applikazzjoni ta’ miżuri amministrattivi skont dan il-paragrafu, inkluż, fejn rilevanti, informazzjoni dwar jekk ċerti sanzjonijiet jew miżuri jeħtiġux ir-rikors għal proċedura speċifika.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkunu qed jiddeterminaw it-tip u l-livell tas-sanzjonijiet pekunarji jew tal-miżuri amministrattivi, is-superviżuri jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż fejn applikabbli:

(a)

il-gravità u d-durata tal-ksur;

(b)

l-għadd ta' każijiet fejn l- ksur ikun ġie ripetut;

(c)

il-livell ta' responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli;

(d)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli, inkluż fid-dawl tal-fatturat totali jew tal-introjtu annwali tagħha;

(e)

il-benefiċċju li jirrizulta mill-ksur mill-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli, sa fejn dan ikun jista' jiġi ddeterminat;

(f)

it-telf għal partijiet terzi kkawżat mill-ksur, sa fejn dan ikun jista' jiġi ddeterminat;

(g)

il-livell ta' kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli mal-awtorità kompetenti;

(h)

ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għall-ksur tar-Regolament (UE) 2024/1624 jew ir-Regolament (UE) 2023/1113 imwettaq f'isimhom jew għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, kemm jekk taġixxi waħedha jew bħala parti minn organu ta' dik il-persuna ġuridika, u li għandha pożizzjoni ta' tmexxija f’dik il-persuna ġuridika, abbażi ta' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

is-setgħa li tirrappreżenta l-persuna ġuridika;

(b)

l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika;

(c)

l-awtorità li teżerċita kontroll fil-persuna ġuridika.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli fejn in-nuqqas ta' superviżjoni jew ta' kontroll minn persuna kif imsemmija fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu jkun għamel possibbli il-ksur tar-Regolament (UE) 2024/1624 jew ir-Regolament (UE) 2023/1113 minn persuna taħt l-awtorità tagħhom f'isem, jew għall-benefiċċju ta’, il-persuna ġuridika.

9.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet pekunarji u li japplikaw miżuri amministrattivi, is-superviżuri għandhom jikkooperaw mill-qrib, u, fejn rilevanti, jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma' awtoritajiet oħra kif xieraq, biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet pekunarji jew il-miżuri amministrattivi jagħtu r-riżultati mixtieqa u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom meta jittrattaw ma' każijiet transfruntiera.

10.   Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji għandu jistabbilixxi:

(a)

l-indikaturi għall-klassifikazzjoni tal-livell ta' gravità tal-ksur;

(b)

il-kriterji li għandhom jitqiesu meta jiġi stabbilit il-livell ta' sanzjonijiet pekunarji jew meta jiġu applikati miżuri amministrattivi skont din it-Taqsima;

(c)

metodoloġija għall-impożizzjoni ta' pagamenti perjodiċi ta' penali skont l-Artikolu 57, inkluż il-frekwenza tagħhom.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

11.   Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha toħroġ linji gwida dwar l-ammonti bażi għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet pekunarji relattivi għall-fatturat, diżaggregati skont it-tip ta' ksur u l-kategorija tal-entitajiet marbutin b'obbligu.

Artikolu 54

Miżuri superviżorji għall-istabbilimenti ta' entitajiet marbutin b'obbligu u ċerti attivitajiet imwettqa bil-libertà li jiġu pprovduti servizzi

1.   Fil-każ tal-istabbilimenti ta' entitajiet marbutin b'obbligu li ma jikkwalifikawx bħala istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji jew tipi ta' infrastruttura ta' entitajiet marbutin b'obbligu li fuqhom is-superviżur tal-Istat Membru ospitanti jeżerċita setgħa skont l-Artikolu 38(1), għandhom japplikaw il-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu.

2.   Meta s-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti jidentifikaw ksur tar-rekwiżiti applikabbli, huma għandhom jitolbu lill-entitajiet marbutin b'obbligu li joperaw permezz tal-istabbilimenti jew it-tipi ta' infrastruttura kif imsemmi fil-paragrafu 1 biex jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli u jinformaw lis-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari dwar il-ksur identifikat f'dawk l-entitajiet marbuta b'obbligu u dwar it-talba għall-konformità.

3.   Meta l-entitajiet marbutin b'obbligu jonqsu milli jieħdu l-azzjoni meħtieġa, is-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti għandhom jinfurmaw lis-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari kif xieraq.

Is-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari għandhom jaġixxu minnufih u jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-entità marbuta b'obbligu kkonċernata tirrimedja l-ksur identifikat fl-istabbilimenti jew fit-tipi ta' infrastruttura tagħha fl-Istat Membru ospitanti. Is-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari għandhom jinfurmaw lis-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti bi kwalunkwe azzjoni meħuda skont dan il-paragrafu.

4.   B'deroga mill-paragrafu 3, f'sitwazzjonijiet ta' ksur serju, ripetut jew sistematiku mill-entitajiet marbutin b'obbligu li joperaw permezz ta' stabbilimenti jew tipi oħra ta' infrastruttura fit-territorju tagħhom kif imsemmi fil-paragrafu 1 li jirrikjedu rimedji immedjati, is-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti għandhom jitħallew jieħdu miżuri xierqa u proporzjonati, fuq inizjattiva tagħhom stess, biex jindirizzaw dak il-ksur. Dawk il-miżuri għandhom ikunu temporanji u jiġu tterminati meta jiġi indirizzat il-ksur identifikat, inkluż bl-assistenza jew f'kooperazzjoni mas-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari tal-entità marbuta b'obbligu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti jinformaw lis-superviżur tal-Istat Membru domiċiljari tal-entità marbuta b'obbligu immedjatament mal-identifikazzjoni tal-ksur serju, ripetut jew sistematiku u mat-teħid ta’ kwalunkwe miżura skont l-ewwel subparagrafu, sakemm ma jiġux meħuda miżuri f'kooperazzjoni mas-superviżuri tal-Istat Membru domiċiljari.

5.   Fejn is-superviżuri tal-Istati Membri domiċiljari u ospitanti ma jaqblux dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta' entità marbuta b'obbligu, jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-AMLA u jitolbu l-għajnuna tagħha f'konformità mal-Artikoli 33 u 38 tar-Regolament (UE) 2024/1620. L-AMLA għandha tagħti l-opinjoni tagħha [dwar il-kwistjoni ta' nuqqas ta' qbil] fi żmien xahar.

Artikolu 55

Sanzjonijiet pekunarji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet pekunarji jiġu imposti fuq l-entitajiet marbutin b'obbligu għal ksur serju, ripetut u sistematiku, kemm jekk imwettaq b'intenzjoni jew b'negliġenza, tar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (UE) 2024/1624:

(a)

il-Kapitolu II (Politiki, proċeduri u kontrolli interni tal-entitajiet marbutin b'obbligu);

(b)

il-Kapitolu III (Diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent);

(c)

il-Kapitolu V (Obbligi ta' rappurtar);

(d)

l-Artikolu 77 (Żamma ta' rekords).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet pekunarji meta l-entitajiet marbutin b'obbligu ma jkunux ikkonformaw mal-miżuri amministrattivi applikati lilhom skont l-Artikolu 56 ta' din id-Direttiva jew għal ksur li ma jkunx serju, ripetut jew sistematiku.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, is-sanzjonijiet pekunarji massimi li jistgħu jiġu imposti jammontaw għal mill-inqas id-doppju tal-ammont tal-benefiċċju derivat mill-ksur meta dak il-benefiċċju jkun jista' jiġi ddeterminat, jew mill-inqas EUR 1 000 000, skont liema tkun l-ogħla.

Għall-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-9 ta’ Lulju 2024.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, b'deroga minn paragrafu 2, meta l-entità marbuta b'obbligu kkonċernata tkun istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, jistgħu jiġu imposti wkoll is-sanzjonijiet pekunarji li ġejjin:

(a)

fil-każ ta' persuna ġuridika, sanzjonijiet pekunarji massimi ta' mill-inqas EUR 10 000 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-9 ta’ Lulju 2024, jew 10 % tal-fatturat annwali totali skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali, skont liema tkun l-ogħla; meta l-entità marbuta b'obbligu tkun impriża omm jew sussidjarja ta' impriża omm li hija meħtieġa tħejji r-rapporti finanzjarji konsolidati f'konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (44), il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta' introjtu f'konformità mal-liġi rilevanti fil-qasam tal-kontabbiltà skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża omm apikali;

(b)

fil-każ ta' persuna fiżika, sanzjonijiet pekunarji massimi ta' mill-inqas EUR 5 000 000, jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-9 ta’ Lulju 2024.

4.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex jimponu sanzjonijiet pekunarji li jaqbżu l-ammonti msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeterminaw l-ammont tas-sanzjoni pekunarja, titqies il-kapaċità tal-entità marbuta b’obbligu li tħallas is-sanzjoni u li, meta s-sanzjoni pekunarja tista' taffettwa l-konformità mar-regolamentazzjoni prudenzjali, is-superviżuri jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti biex jissorveljaw il-konformità mill-entitajiet marbutin b'obbligu mal-atti legali rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 56

Miżuri amministrattivi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jkunu jistgħu japplikaw miżuri amministrattivi għal entità marbuta b'obbligu meta jidentifikaw:

(a)

ksur tar-Regolament (UE) 2024/1624 jew tar-Regolament (UE) 2023/1113, jew flimkien ma' sanzjonijiet pekunarji għal ksur serju, ripetut u sistemiku, inkella waħdu;

(b)

dgħufijiet fil-politiki, fil-proċeduri u fil-kontrolli interni tal-entità marbuta b'obbligu li x'aktarx jirriżultaw fi ksur tar-rekwiżiti msemmija fil-punt (a) u l-miżuri amministrattivi jistgħu jipprevjenu l-okkorrenza ta' dak il-ksur jew inaqqsu r-riskju tiegħu;

(c)

li l-entità marbuta b’obbligu għandha politiki, proċeduri u kontrolli interni li ma jkunux proporzjonati mar-riskji tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tagħha jew il-finanzjament tat-terroriżmu li għalihom tkun esposta l-entità.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri tal-anqas jistgħu:

(a)

joħorġu rakkomandazzjonijiet;

(b)

jordnaw lill-entitajiet marbutin b'obbligu jikkonformaw, inkluż li jimplimentaw miżuri korrettivi speċifiċi;

(c)

joħorġu dikjarazzjoni pubblika li tidentifika l-persuna fiżika jew ġuridika u n-natura tal-ksur;

(d)

joħorġu ordni li tordna lill-persuna fiżika jew ġuridika twaqqaf l-imġiba u ma tirrepetihiex;

(e)

jirrestrinġu jew jillimitaw in-negozju, l-operazzjonijiet jew in-network ta' istituzzjonijiet li jinkludu l-entità marbuta b'obbligu, jew li jirrikjedu ċ-ċessjoni tal-attivitajiet;

(f)

meta entità marbuta b'obbligu tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni, jirtiraw jew jissospendu l-awtorizzazzjoni;

(g)

jirrikjedu bidliet fl-istruttura ta' governanza.

3.   Stati Membri għandhom jaċċertaw illi s-superviżuri jkunu jistgħu, permezz tal-miżuri amministrattivi msemmija fil-paragrafu 2, b’mod partikolari li:

(a)

jirrikjedu s-sottomissjoni ta' kwalunkwe data jew informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan il-Kapitolu mingħajr dewmien żejjed, li jirrikjedu l-preżentazzjoni ta' kwalunkwe dokument, jew jimponu rekwiżiti addizzjonali jew aktar frekwenti ta' rappurtar;

(b)

jirrikjedu t-tisħiħ tal-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli interni;

(c)

jirrikjedu l-entità marbuta b'obbligu tapplika politika speċifika jew rekwiżiti relatati ma' klijenti, tranżazzjonijiet, attivitajiet jew kanali ta' distribuzzjoni individwali jew kategoriji tagħhom li jippreżentaw riskji għoljin;

(d)

jirrikjedu l-implimentazzjoni ta' miżuri biex jitnaqqsu r-riskji ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu inerenti fl-attivitajiet u fil-prodotti tal-entità marbuta b'obbligu.

(e)

jimponu projbizzjoni temporanja fuq kwalunkwe persuna b'responsabbiltajiet maniġerjali f'entità marbuta b'obbligu, jew fuq kwalunkwe persuna fiżika oħra li tkun inżammet responsabbli għall-ksur, milli teżerċita funzjonijiet maniġerjali f'entitajiet marbutin b'obbligu.

4.   Fejn rilevanti, mal-miżuri amministrattivi msemmija fil-paragrafu 2 għandu jkun hemm skadenzi vinkolanti għall-implimentazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jsegwu u jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet rikjesti mill-entità marbuta b'obbligu.

5.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu s-setgħa lis-superviżuri japplikaw tipi ta' miżuri amministrattivi addizzjonali għal dawk imsemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 57

Pagamenti perjodiċi ta' penali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-entitajiet marbutin b'obbligu jonqsu milli jikkonformaw mal-miżuri amministrattivi applikati mis-superviżur skont l-Artikolu 56(2), il-punti (b), (d), (e) u (g), sal-iskadenzi applikabbli, s-superviżuri jkunu jistgħu jimponu pagamenti perjodiċi ta' penali sabiex iġiegħlu l-konformità ma' dawk il-miżuri amministrattivi.

2.   Il-pagamenti perjodiċi ta' penali għandhom ikunu effettivi u proporzjonati. Il-pagamenti perjodiċi ta' penali għandhom jiġu imposti sakemm l-entità marbuta b'obbligu jew il-persuna kkonċernata tikkonforma mal-miżuri amministrattivi rilevanti.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, l-ammont tal-pagament perjodiku ta' penali ma għandux jaqbeż it-3 % tal-fatturat medju ta' kuljum tagħhom fis-sena kontabilistika preċedenti jew, fil-każ ta' persuni fiżiċi, dak l-ammont ma għandux jaqbeż it-2 % tal-introjtu medju ta' kuljum tagħhom fis-sena kalendarja preċedenti.

4.   Il-ħlasijiet perjodiċi ta' penali għandhom jiġu imposti biss għal perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur mid-deċiżjoni tas-superviżur. Meta, mal-iskadenza ta' dak il-perjodu, l-entità marbuta b'obbligu tkun għadha ma kkonformatx mal-miżura amministrattiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jkunu jistgħu jimponu pagamenti perjodiċi ta' penali għal perjodu addizzjonali ta' mhux aktar minn sitt xhur.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni li timponi pagament perjodiku ta' penali tkun tista' tittieħed mid-data tal-applikazzjoni tal-miżura amministrattiva.

Il-pagament perjodiku ta' penali għandu japplika mid-data meta tittieħed dik id-deċiżjoni.

Artikolu 58

Pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet pekunarji, tal-miżuri amministrattivi u tal-pagamenti perjodiċi ta' penali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jippubblikaw, f'format aċċessibbli fuq is-sit web tagħhom, id-deċiżjonijiet li jimponu s-sanzjonijiet pekunarji, li japplikaw il-miżuri amministrattivi msemmija fl-Artikolu 56(2), il-punti (c) sa (g), skont l-Artikolu 56(1), il-punt (a), jew li jimponu pagamenti perjodiċi ta' penali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 jiġu ppubblikati mis-superviżur immedjatament wara li l-persuni responsabbli għall-ksur jiġu infurmati b'dawk id-deċiżjonijiet.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, meta l-pubblikazzjoni tikkonċerna miżuri amministrattivi li kontrihom ikun infetaħ appell u li ma jkollhomx l-għan li jirrimedjaw ksur serju, ripetut u sistematiku, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-pubblikazzjoni ta' dawk il-miżuri amministrattivi tiġi differita sakemm jiskadi ż-żmien li fih ikun jista jinfetaħ appell.

Meta l-pubblikazzjoni tirreferi għal deċiżjonijiet li jkun infetaħ appell kontrihom, is-superviżuri għandhom ukoll jippubblikaw, immedjatament, din l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar l-eżitu ta' dan l-appell fuq is-sit web tagħhom. Għandha tiġi ppubblika wkoll kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti li timponi sanzjoni pekunarja, li tapplika miżura amministrattiva, jew li timponi pagament perjodiku ta' penali.

3.   Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi tal-inqas informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli, kif ukoll l-ammonti għas-sanzjonijiet pekunarji u l-pagamenti perjodiċi ta' penali. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati japplikaw dan is-subparagrafu għal deċiżjonijiet li japplikaw miżuri amministrattivi li huma ta' natura investigattiva, jew li ttieħdu f'konformità mal-Artikolu 56(2), il-punti (a) u (c).

Meta s-superviżuri jqisu li l-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuni responsabbli kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jew tad-data personali ta' tali persuni hija sproporzjonata wara valutazzjoni skont il-każ, jew meta l-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew xi investigazzjoni li tkun għaddejja, is-superviżuri għandhom:

(a)

jipposponu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni sal-mument li fih ir-raġunijiet biex ma tiġix ippubblikata ma jibqgħux jeżistu;

(b)

jippubblikaw id-deċiżjoni fuq bażi anonima u skont id-dritt nazzjonali, jekk tali pubblikazzjoni anonima tiżgura l-protezzjoni effettiva tad-data personali kkonċernata; f'dak il-każ, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista' tiġi posposta għal perjodu raġonevoli jekk ikun previst li f'dak il-perjodu r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima ma jibqgħux jeżistu;

(c)

ma jippubblikawx id-deċiżjoni fil-każ li l-opzjonijiet stipulati fil-punti (a) u (b) jitqiesu li ma humiex biżżejjed biex tiġi żgurata waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji ma tkunx ser tiġi pperikolata;

(ii)

il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fir-rigward ta' sanzjonijiet pekunarji u miżuri amministrattivi għal ksur meqjus ta' natura minuri.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu tibqa' fuq is-sit web tas-superviżuri għal perjodu ta' ħames snin mill-pubblikazzjoni tagħha. Madankollu, id-data personali li tkun tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm fuq is-sit web tas-superviżuri biss għall-perjodu li jkun meħtieġ f'konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u fi kwalunkwe każ għal mhux aktar minn ħames snin.

Artikolu 59

Skambju ta' informazzjoni dwar is-sanzjonijiet pekunarji u l-miżuri amministrattivi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri tagħhom u, fejn rilevanti, l-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta' awtoregolamentazzjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom, jinformaw lill-AMLA bis-sanzjonijiet pekunarji imposti u bil-miżuri amministrattivi kollha applikati f'konformità ma' din it-Taqsima, inkluż bi kwalunkwe appell fir-rigward tagħhom u l-eżitu tagħhom. Tali informazzjoni għandha tiġi kondiviża wkoll ma' superviżuri oħra meta s-sanzjoni pekunjarja jew il-miżura amministrattiva tikkonċerna entità li topera f'żewġ Stati Membri jew aktar.

2.   Fuq is-sit web tagħha l-AMLA għandha żżomm links għall-pubblikazzjonijiet tas-sanzjonijiet pekunarji imposti u tal-miżuri amministrattivi applikati minn kull superviżur f'konformità mal-Artikolu 58 u għandha tindika l-perjodu li matulu kull Stat Membru jippubblika s-sanzjonijiet pekunjarji u l-miżuri amministrattivi.

TAQSIMA 5

Rappurtar ta' ksur

Artikolu 60

Rappurtar ta' ksur u protezzjoni tal-persuni li jirrappurtaw

1.   Id-Direttiva (UE) 2019/1937 għandha tapplika għar-rappurtar ta' ksur tar-Regolamenti (UE) 2024/1624 u (UE) 2023/1113 u ta' din id-Direttiva, u għall-protezzjoni tal-persuni li jirrappurtaw tali ksur u tal-persuni kkonċernati minn dawk ir-rapporti.

2.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu l-awtoritajiet bil-kompetenza li jistabbilixxu kanali ta' rapportar esterni u li jsegwu r-rapporti sa fejn huma kkonċernati r-rekwiżiti applikabbli għall-entitajiet marbutin b'obbligu, f'konformità mad-Direttiva (UE) 2019/1937.

3.   L-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw il-korpi ta’ awtorgolamentazzjoni msemmija fl-Artikolu 52 għandhom ikunu l-awtoritajiet kompetenti li jistabbilixxu kanali ta' rapportar esterni u li jsegwu rapporti minn korpi ta' awtoregolamentazzjoni u l-persunal tagħhom sa fejn huma kkonċernati r-rekwiżiti applikabbli għall-korpi ta' awtoregolamentazzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet superviżorji.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq bażi annwali, l-awtoritajiet superviżorji fis-settur mhux finanzjarju jagħmlu rapport lill-AMLA dwar li ġej:

(a)

l-għadd ta' rapporti li jkunu waslu skont il-paragrafu 1 u informazzjoni dwar is-sehem ta' rapporti li kienu jew li huma fil-proċess li jiġu segwiti, inkluż jekk ingħalqux jew għadhomx miftuħa, u tar-rapporti li ġew rifjutati;

(b)

it-tipi ta' irregolaritajiet irrappurtati;

(c)

meta r-rapporti jkunu ġew segwiti, deskrizzjoni tal-azzjonijiet meħuda mis-superviżur u, għal rapporti li jkunu għadhom miftuħa, l-azzjonijiet li s-superviżur beħsiebu li jieħu;

(d)

meta r-rapporti jkunu rifjutati, ir-raġunijiet għar-rifjut tagħhom.

Ir-rapporti annwali kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandu jkun fih l-ebda informazzjoni dwar l-identità jew l-okkupazzjoni tal-persuni li jirrapportaw, jew kwalunkwe informazzjoni oħra li tista' twassal għall-identifikazzjoni tagħhom.

KAPITOLU V

KOOPERAZZJONI

TAQSIMA 1

Kooperazzjoni fil-qasam tal-AML/CFT

Artikolu 61

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk li jfasslu l-politika, l-FIUs, is-superviżuri, inkluż l-AMLA, u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra, kif ukoll l-awtoritajiet tat-taxxa, għandhom mekkaniżmi effettivi biex ikunu jistgħu jikkooperaw u jikkoordinaw fil-livell nazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp u mal-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u biex jipprevjenu n-nonimplimentazzjoni u l-evażjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati, inkluż bil-għan li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8.

2.   Fir-rigward tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miksuba mill-awtoritajiet kompetenti skont il-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2024/1624 u t-Taqsima 1 tal-Kapitolu II ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipprovdu tali informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kontroparti ta' Stati Membri oħra jew ta' pajjiżi terzi b'mod tempestiv u mingħajr ħlas.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu jew jimponu kundizzjonijiet irraġonevoli jew indebitament restrittivi fuq l-iskambju ta' informazzjoni jew fuq l-assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-kontropartijiet tagħhom għall-finijiet ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ma jirrifjutawx talba għall-assistenza fuq il-bażi li:

(a)

it-talba titqies li tinvolvi wkoll kwistjonijiet fiskali;

(b)

id-dritt nazzjonali jirrikjedi li l-entitajiet marbutin b'obbligu jżommu s-segretezza jew il-kunfidenzjalità, ħlief f'dawk il-każijiet fejn l-informazzjoni rilevanti mitluba tkun protetta mis-sigriet professjonali jew fejn tapplika s-segretezza professjonali legali, kif previst fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) 2024/1624;

(c)

tkun għaddejja inkjesta, investigazzjoni, proċedimenti jew analiżi tal-FIU fl-Istat Membru rikjest, sakemm l-assistenza ma timpedix dik l-inkjesta, investigazzjoni, proċedimenti jew analiżi tal-FIU;

(d)

in-natura jew l-istatus tal-awtorità kompetenti kontroparti rikjedenti huwa differenti minn tal-awtorità kompetenti rikjesta.

Artikolu 62

Komunikazzjoni tal-lista tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Sabiex jiffaċilitaw u jippromwovu l-kooperazzjoni effettiva, u b'mod partikolari l-iskambju ta' informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-AMLA:

(a)

il-lista ta' superviżuri responsabbli għas-sorveljanza tal-konformità tal-entitajiet marbutin b'obbligu mar-Regolament (UE) 2024/1624, kif ukoll, fejn rilevanti, l-isem tal-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta' awtoregolamentazzjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom skont din id-Direttiva, u d-dettalji ta' kuntatt tagħhom;

(b)

id-dettalji ta' kuntatt tal-FIU tagħhom;

(c)

il-lista ta' awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, għandhom jiġu pprovduti d-dettalji ta' kuntatt li ġejjin:

(a)

punt ta' kuntatt jew, fin-nuqqas ta' dan, l-isem u r-rwol ta’ persuna ta' kuntatt;

(b)

l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefon tal-punt ta' kuntatt jew, fin-nuqqas ta' dawn, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefon professjonali tal-persuna ta' kuntatt.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni u lill-AMLA skont il-paragrafu 1 tiġi aġġornata malli jsir xi tibdil.

4.   L-AMLA għandha tippubblika reġistru tal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 fuq is-sit web tagħha u tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 bejn l-awtoritajiet kompetenti. L-awtoritajiet fir-reġistru għandhom, fil-kamp ta' applikazzjoni tas-setgħat tagħhom, iservu bħala punt ta' kuntatt għall-awtoritajiet kompetenti kontroparti. L-FIUs u l-awtoritajiet superviżorji għandhom iservu wkoll bħala punt ta' kuntatt għall-AMLA.

Artiklu 63

Kooperazzjoni mal-AMLA

Il-FIU u l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw mal-AMLA u għandhom jagħtuha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' twettaq dmirijietha skont din id-Direttiva u skont ir-Regolamenti (UE) 2024/1624 u (UE) 2024/1620.

TAQSIMA 2

Kooperazzjoni ma' awtoritajiet oħra u l-iskambju ta' informazzjoni kunfidenzjali

Artikolu 64

Kooperazzjoni fir-rigward ta' istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji, l-FIUs, u l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji skont atti legali oħra tal-Unjoni, jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom u jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom. Tali kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni ma għandhomx jaffettwaw inkjesta, analiżi FIU, investigazzjoni jew proċedimenti li jkunu għaddejjin f'konformità mad-dritt kriminali jew amministrattiv tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit is-superviżur finanzjarju jew l-awtorità fdati b'kompetenzi għas-superviżjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji skont atti legali oħra u ma għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali kif previst fl-Artikolu 67(1).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta s-superviżuri finanzjarji jidentifikaw dgħufijiet fis-sistema ta' kontroll intern tal-AML/CFT u fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1624 ta' istituzzjoni ta' kreditu li jżidu materjalment ir-riskji li għalihom l-istituzzjoni hija esposta jew li tista' tkun esposta, is-superviżur finanzjarju jinnotifika minnufih lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u lill-awtorità jew lill-korp li jissorvelja lill-istituzzjoni ta' kreditu f'konformità mad-Direttiva 2013/36/UE, inkluż lill-BĊE li jaġixxi f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Fil-każ ta' żieda potenzjali fir-riskju, is-superviżuri finanzjarji għandhom ikunu jistgħu jikkooperaw u jikkondividu informazzjoni mal-awtoritajiet li jkunu qed jissorveljaw l-istituzzjoni f'konformità mad-Direttiva 2013/36/UE u jfasslu valutazzjoni komuni li għandha tiġi nnotifikata lill-EBA mis-superviżur li jkun bagħat in-notifika l-ewwel. L-AMLA għandha tinżamm infurmata b'tali notifiki.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta s-superviżuri finanzjarji jsibu li istituzzjoni ta' kreditu tkun irrifjutat li tistabilixxi relazzjoni ta' negozju, jew iddeċidiet li titterminaha, iżda d-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent dokumentata skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) 2024/1624 ma tiġġustifikax tali rifjut, huma għandhom jinformaw lill-awtorità responsabbli biex tiġi żgurata l-konformità ta' dik l-istituzzjoni ta’ kreditu mad-Direttivi 2014/92/UE jew (UE) 2015/2366.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji jikkooperaw mal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (18), tad-Direttiva 2014/59/UE jew mal-awtoritajiet deżinjati kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (18) tad-Direttiva 2014/49/UE.

Is-superviżuri finanzjarji għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu fejn, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet superviżorji tagħhom, jidentifikaw, għal raġunijiet ta' AML/CFT, kwalunkwe sitwazzjoni minn dawn li ġejjin:

(a)

probabbiltà akbar, li d-depożiti ma jibqgħux disponibbli;

(b)

riskju li istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja titqies li qed tfalli jew li x'aktarx tfalli f'konformità mal-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Fuq talba tal-awtoritajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fejn ikun hemm probabbiltà akbar li d-depożiti ma jibqgħux disponibbli jew ikun hemm riskju li istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja titqies li qed tfalli jew li x'aktarx tfalli f'konformità mal-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2014/59/UE, is-superviżuri finanzjarji għandhom jinfurmaw lil dawk l-awtoritajiet bi kwalunkwe tranżazzjoni, kont jew relazzjoni ta' negozju taħt il-ġestjoni ta' dik l-istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja li tkun ġiet sospiża mill-FIU skont l-Artikolu 24.

5.   Is-superviżuri finanzjarji għandhom jirrapportaw fuq bażi annwali lill-AMLA dwar il-kooperazzjoni tagħhom ma' awtoritajiet oħra skont dan l-Artikolu inkluż l-involviment tal-FIUs f'dik il-kooperazzjoni.

6.   Sal-10 ta’ Lulju 2029, l-AMLA għandha, f'konsultazzjoni mal-EBA, toħroġ linji gwida dwar il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri finanzjarji u l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4, inkluż dwar il-livell ta' involviment tal-FIUs f'tali kooperazzjoni.

Artikolu 65

Kooperazzjoni fir-rigward tal-awdituri

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri responsabbli għall-awdituri u, fejn rilevanti, għall-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw il-korpi ta' awtoregolamentazzjoni skont il-Kapitolu IV ta' din id-Direttiva, l-FIU tagħhom u l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti għas-sorveljanza tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (45) u l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (46) jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin skont il-kompetenzi rispettivi u jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.

L-informazzjoni kunfidenzjali skambjata skont dan l-Artikolu għandha tintuża mill-awtoritajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu unikament għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jew tal-atti legali l-oħra tal-Unjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu u fil-kuntest ta' proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi relatati speċifikament mal-eżerċizzju ta' dawk il-funzjonijiet.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu lill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 milli jikkooperaw meta tali kooperazzjoni, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni, tista' tippreġudika inkjesta, analiżi tal-FIU, investigazzjoni jew proċedimenti li jkunu għaddejjin f'konformità mal-liġi penali jew amministrattiva tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti l-awtoritajiet.

Artikolu 66

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji, l-FIU tagħhom u l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom u jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.

L-informazzjoni kunfidenzjali skambjata skont dan l-Artikolu għandha tintuża mill-awtoritajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu unikament għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jew tal-atti legali l-oħra tal-Unjoni u fil-kuntest ta' proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi relatati speċifikament mal-eżerċizzju ta' dawk il-funzjonijiet.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu lill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 milli jikkooperaw meta tali kooperazzjoni, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni, tista' tippreġudika inkjesta, investigazzjoni jew proċedimenti li jkunu għaddejjin f'konformità mal-liġi penali jew amministrattiva tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti l-awtoritajiet.

Artikolu 67

Rekwiżiti tas-segretezza professjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għas-superviżuri u għall-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 52, kif ukoll l-awdituri jew l-esperti li jaġixxu f'isem dawk is-superviżuri jew l-awtoritajiet ikunu marbuta bl-obbligi tas-segretezza professjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti minn investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali skont id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali u l-informazzjoni pprovduta lil FIUs skont l-Artikoli 42 u 43, l-informazzjoni kunfidenzjali li l-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu jirċievu waqt il-qadi ta' dmirijiethom skont din id-Direttiva tista' tiġi żvelata biss f'forma sommarja jew aggregata, b'mod l-entitajiet marbutin b'obbligu individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.

2.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi l-iskambju ta' informazzjoni bejn:

(a)

is-superviżuri, kemm jekk fi Stat Membru jew fi Stati Membri differenti, inkluż l-AMLA meta taġixxi bħala superviżur jew l-awtoritajiet pubbliċi kif imsemmija fl-Artikolu 52 ta’ din id-Direttiva;

(b)

is-superviżuri kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 52 ta’ din id-Direttiva u l-FIUs;

(c)

is-superviżuri kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 52 ta’ din id-Direttiva u l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (44)(c) u (d) tar-Regolament (UE) 2024/1624;

(d)

is-superviżuri finanzjarji u l-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji f'konformità ma' atti legali oħra tal-Unjoni relatati mas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż il-BĊE li jaġixxi f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, kemm jekk fi Stat Membru kif ukoll fi Stati Membri differenti.

Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-iskambju ta' informazzjoni għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti ta' segretezza professjonali previsti fil-paragrafu 1.

3.   Kwalunkwe awtorità jew korp ta' awtoregolamentazzjoni li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont il-paragrafu 2 għandhom jużaw din l-informazzjoni unikament:

(a)

fil-qadi ta' dmirijiethom skont din id-Direttiva jew skont atti legalioħra tal-Unjoni fil-qasam tal-AML/CFT, tar-regolamentazzjoni prudenzjali u tas-superviżjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż is-sanzjonar;

(b)

f'appell kontra deċiżjoni tal-awtorità jew tal-korp ta' awtoregolamentazzjoni, inkluż fi proċedimenti ġudizzjarji;

(c)

fi proċedimenti ġudizzjarji li jkunu nbdew skont dispożizzjonijiet speċjali previsti fid-dritt tal-Unjoni, adottati fil-qasam ta' din id-Direttiva jew fil-qasam tar-regolamentazzjoni prudenzjali u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji.

Artikolu 68

Skambju ta' informazzjoni bejn is-superviżuri u ma' awtoritajiet oħra

1.   Bl-eċċezzjoni tal-każijiet koperti mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) 2024/1624, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn:

(a)

is-superviżuri u l-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw il-korpi ta' awtoregolamentazzjoni skont il-Kapitolu IV ta' din id-Direttiva, kemm jekk fl-istess Stat Membru kif ukoll fi Stati Membri differenti;

(b)

is-superviżuri u l-awtoritajiet responsabbli bil-liġi għas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji rispettivi tagħhom;

(c)

is-superviżuri responsabbli għall-awdituri u, fejn rilevanti, l-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw il-korpi ta' awtoregolamentazzjoni skont il-Kapitolu IV ta' din id-Direttiva, u l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti għas-sorveljanza tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/43/KE u l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014, inkluż l-awtoritajiet fi Stati Membri differenti.

Ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali kif stabbilit fl-Artikolu 67(1) u (3) ma għandhomx jimpedixxu l-iskambju ta' informazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

L-informazzjoni kunfidenzjali li tiġi skambjata skont dan il-paragrafu għandha tintuża biss fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tal-awtoritajiet ikkonċernati, u fil-kuntest ta' proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji speċifikament relatati mal-eżerċizzju ta' dawk il-funzjonijiet. Fi kwalunkwe każ l-informazzjoni riċevuta għandha tkun soġġetta għal rekwiżiti ta' segretezza professjonali tal-anqas ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 67(1).

2.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw id-divulgazzjoni ta' ċerta informazzjoni lil awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli bil-liġi għas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji, jew b'responsabbiltajiet speċifiċi fil-qasam tal-ġlieda jew l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu. Ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 67(1) u (3) ma għandhomx jimpedixxu tali divulgazzjoni.

Madankollu, informazzjoni kunfidenzjali skambjata skont dan il-paragrafu għandha tintuża biss għall-fini tat-twettiq tal-kompiti ġuridiċi tal-awtoritajiet ikkonċernati. Il-persuni li għandhom aċċess għal tali informazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta' segretezza professjonali tal-anqas ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 67(1).

3.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw id-divulgazzjoni ta' ċerta informazzjoni relatata mas-superviżjoni tal-entitajiet marbutin b'obbligu għall-konformità mar- Regolament (UE) 2024/1624 lill-kumitati ta' inkjesta parlamentari, lill-qrati tal-awdituri u lil entitajiet oħra responsabbli għall-inkjesti fl-Istat Membru tagħhom, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-entitajiet għandhom mandat preċiż skont id-dritt nazzjonali biex jinvestigaw jew jiskrutinizzaw l-azzjonijiet tas-superviżuri jew tal-awtoritajiet responsabbli għal-liġijiet dwar tali superviżjoni;

(b)

l-informazzjoni hija strettament meħtieġa biex jitwettaq il-mandat imsemmi fil-punt (a);

(c)

il-persuni b'aċċess għall-informazzjoni huma soġġetti għar-rekwiżiti ta' segretezza professjonali skont id-dritt nazzjonali tal-anqas ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1;

(d)

meta l-informazzjoni toriġina minn Stat Membru ieħor, din ma għandhiex tiġi żvelata mingħajr il-kunsens espliċitu tas-superviżur li jkun żvelaha, u unikament għall-finijiet li għalihom dak is-superviżur ikun ta l-kunsens tiegħu.

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ukoll l-iżvelar ta' informazzjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu lill-kumitati temporanji ta' inkjesta stabbiliti mill-Parlament Ewropew f'konformità mal-Artikolu 226 TFUE u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (47), meta dak l-iżvelar ikun meħtieġ għat-twettiq tal-attivitajiet ta' dawk il-kumitati.

TAQSIMA 3

Linji gwida dwar il-kooperazzjoni

Artikolu 69

Linji gwida għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-AML/CFT

Sal-10 ta’ Lulju 2029, l-AMLA għandha, f'kooperazzjoni mal-BĊE, mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, mal-Europol, mal-Eurojust, u mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, toħroġ linji gwida dwar:

(a)

il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti skont it-Taqsima 1 ta' dan il-Kapitolu, kif ukoll mal-awtoritajiet imsemmija fit-Taqsima 2 ta' dan il-Kapitolu u mal-awtoritajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali, għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)

il-proċeduri li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni jew għas-sorveljanza tal-entitajiet marbutin b'obbligu skont atti legali oħra tal-Unjoni biex jittieħed kont tat-tħassib dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fit-twettiq ta' dmirijiethom skont dawk l-atti legali tal-Unjoni.

KAPITOLU VI

PROTEZZJONI TAD-DATA

Artikolu 70

Ipproċessar ta' ċerti kategoriji ta' data personali

1.   Sa fejn ikun meħtieġ għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipproċessaw kategoriji speċjali ta' data personali msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u data personali relatata ma' kundanni u ma' reati kriminali msemmija fl-Artikolu 10 ta' dak ir-Regolament soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġett tad-data, kif ukoll is-salvagwardji li ġejjin:

(a)

l-ipproċessar ta' tali data għandu jsir biss fuq bażi ta' każ b'każ mill-persunal ta' kull awtorità kompetenti li tkun ġiet speċifikament deżinjata u awtorizzata biex twettaq dawk il-kompiti;

(b)

il-persunal tal-awtoritajiet kompetenti għandu jżomm standards professjonali għolja ta' kunfidenzjalità u ta' protezzjoni tad-data, ikun ta' integrità għolja u jkollu ħiliet xierqa, inkluż fir-rigward tal-immaniġġar etiku ta' settijiet ta' big data;

(c)

għandu jkun hemm miżuri tekniċi u organizzattivi fis-seħħ biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-data skont standards teknoloġiċi għoljin.

2.   Is-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll għall-ipproċessar għall-finijiet ta' din id-Direttiva ta' kategoriji speċjali ta' data msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u data personali relatata ma' kundanni u reati kriminali msemmija fl-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 71

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 10 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat mid-9 ta’ Lulju 2024.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 10 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-Deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti deżinjati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 10 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien 3 xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi 3 xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 72

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu stabbilit bl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2023/1113 –. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 73

Ġestjoni tranżizzjonali tal-FIU.net

Sal-10 ta’ Lulju 2027, il-Kummissjoni għandha tittrasferixxi lill-AMLA l-ġestjoni tal-FIU.net.

Sakemm jitlesta tali trasferiment, il-Kummissjoni għandha tagħti l-assistenza meħtieġa għat-tħaddim tal-FIU.net u għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-FIUs fl-Unjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat regolari tal-Pjattaforma tal-FIU tal-UE magħmula minn rappreżentanti mill-FIUs tal-Istati Membri sabiex tissorvelja l-funzjonament tal-FIU.net.

Artikolu 74

Emendi għad-Direttiva (UE) 2015/849

Id-Direttiva (UE) 2015/849 hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 30(5), l-ewwel u t-tieni subparagrafu huma sostitwiti b’dan li ġwj:

“5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha għal:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti u l-FIUs, mingħajr ebda restrizzjoni;

(b)

l- entitajiet marbutin b'obbligu, fil-qafas tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti f’konformità mal-Kapitolu II;

(c)

kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li tista’ turi interess leġittimu.

Il-persuni jew l-organizzazzjonijiet msemmija fil -punt (c) tal-ewwel subparagrafu għandu jkollhom aċċess tal-inqas għall-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid u l-pajjiż ta’ residenza u n-nazzjonalità tas-sid benefiċjarju kif ukoll in-natura u l-limitu tal-interess benefiċjarju miżmum.”

;

(2)

Fl-Artikolu 31(4), l-ewwel u t-tieni subparagrafu huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ trust jew ta’ arranġament ġuridiku ieħor tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha għal:

(a)

awtoritajiet kompetenti u l-FIUs, mingħajr ebda restrizzjoni;

(b)

entitajiet marbutin b’obbligu, fil-qafas tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti f’konformità mal-Kapitolu II;

(c)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tista’ turi interess leġittimu biex taċċessa informazzjoni ta’ sjieda benefiċjarja.

L-informazzjoni aċċessibbli għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu għandha tikkonsisti fl-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid u l-pajjiż ta’ residenza u n-nazzjonalità tas-sid benefiċjarju, kif ukoll in-natura u l-limitu tal-interess benefiċjarju miżmum.”.

Artikolu 75

Emendi għad-Direttiva (UE) 2019/1937

Fid-Direttiva (UE) 2019/1937, l-Anness, il-Parti II, it-Taqsima A, il-Punt 2 jiżdied il-punt li ġej:

“(iii)

Ir-Regolament (UE) 2024/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2024 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L, 2024/1624, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1624/oj).”.

Artikolu 76

Rieżami

Sal-10 ta’ Lulju 2032, u kull 3 snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 77

Tħassir

Id-Direttiva (UE) 2015/849 hija mħassra b'effett mill-10 ta’ Lulju 2027.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għar-Regolament (UE) 2024/1624 u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 78

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-10 ta’ Lulju 2027. Huma għandhon jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih dwar dan.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 74 sal-10 ta’ Lulju 2025, bl-Artikoli 11, 12, 13 u 15 sal-10 ta’ Lulju 2026 u mal-Artikolu 18 sal-10 ta’ Lulju 2029. Huma għandhon jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija f’dan il-paragrafu, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 79

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 80

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 210, 25.5.2022, p. 15.

(2)   ĠU C 152, 6.4.2022, p. 89.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2024.

(4)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2023/1113 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2023 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u ta' ċerti kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2024/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2024 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L, 2024/1624, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1624/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2024/1620 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2024 li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L, 2024/1620, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1620/oj).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta' April 2009 dwar l-istabbiliment ta' Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 33).

(10)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta' Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta' Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta' Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta' Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 (ĠU L 224, 31.8.2017, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(16)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(17)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(20)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(21)  Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar l-użu ta' data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132).

(22)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni. (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(23)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(24)  Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).

(25)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(26)  Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214).

(27)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(28)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(29)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(30)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13)

(31)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2022, WM and Sovim SA v Luxembourg Business Registers, Kawżi Magħquda C-37/20 u C-601/20, ECLI EU:C:2022:912.

(32)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(33)   ĠU C 524, 29.12.2021, p. 10.

(34)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(35)  Ir-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar kontrolli fir-rigward ta' flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 6).

(36)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012, (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(37)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(38)  Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22).

(39)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(40)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 064, 11.3.2011, p. 1).

(41)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011 (ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1).

(42)  Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(43)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(44)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(45)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

(46)  Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).

(47)  Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċitar tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew (ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1).


ANNESS

Tabella ta' korrelazzjoni

Id-Direttiva (UE) 2015/849

Din id-Direttiva

Ir-Regolament (UE) 2024/1624

L-Artikolu 1(1)

—

—

L-Artikolu 1(2)

—

—

L-Artikolu 1(3)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (1)

L-Artikolu 1(4)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (1)

L-Artikolu 1(5)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (2)

L-Artikolu 1(6)

—

L-Artikolu 2(1), il-punti (1) u (2)

L-Artikolu 2(1)

—

L-Artikolu 3

L-Artikolu 2(2)

—

L-Artikolu 4

L-Artikolu 2(3)

—

L-Artikolu 6(1)

L-Artikolu 2(4)

—

L-Artikolu 6(2)

L-Artikolu 2(5)

—

L-Artikolu 6(3)

L-Artikolu 2(6)

—

L-Artikolu 6(4)

L-Artikolu 2(7)

—

L-Artikolu 6(5)

L-Artikolu 2(8)

—

L-Artikolu 7

L-Artikolu 2(9)

—

L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(6)

L-Artikolu 3, il-punt (1)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (5)

L-Artikolu 3, il-punt (2)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (6)

L-Artikolu 3, il-punt (3)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (4)

L-Artikolu 3, il-punt (4)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (3)

L-Artikolu 3, il-punt (5)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (47)

L-Artikolu 3, il-punt (6)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (28)

L-Artikolu 3, il-punt (6) (a)

—

L-Artikolus 51 to 55

L-Artikolu 3, il-punt (6) (b)

—

L-Artikolu 58

L-Artikolu 3, il-punt (6) (c)

—

L-Artikolu 57

L-Artikolu 3, il-punt (7)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (11)

L-Artikolu 3, il-punt (8)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (22)

L-Artikolu 3, il-punt (9)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (34) u l-Artikolu 2(2)

L-Artikolu 3, il-punt (10)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (35) u l-Artikolu 2(5)

L-Artikolu 3, il-punt (11)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (36)

L-Artikolu 3, il-punt (12)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (40)

L-Artikolu 3, il-punt (13)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (19)

L-Artikolu 3, il-punt (14)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (12)

L-Artikolu 3, il-punt (15)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (41)

L-Artikolu 3, il-punt (16)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (17)

L-Artikolu 3, il-punt (17)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (23)

L-Artikolu 3, il-punt (18)

—

L-Artikolu 2(1), il-punt (7)

L-Artikolu 3, il-punt (19)

—

—

L-Artikolu 4

L-Artikolu 3

—

L-Artikolu 5

—

—

L-Artikolu 6

L-Artikolu 7

—

L-Artikolu 7

L-Artikolu 8

—

L-Artikolu 8(1)

—

L-Artikolu 10(1)

L-Artikolu 8(2)

—

L-Artikolu 10(2) u (3)

L-Artikolu 8(3)

—

L-Artikolu 9(1)

L-Artikolu 8(4)

—

L-Artikolu 9(2)

L-Artikolu 8(5)

—

L-Artikolu 9(2) u (3)

L-Artikolu 9

—

L-Artikolu 29

L-Artikolu 10(1)

—

L-Artikolu 79(1)

L-Artikolu 10(2)

—

L-Artikolu 79(3)

L-Artikolu 11

—

L-Artikolu 19(1), (2) u (5)

L-Artikolu 12

—

L-Artikolu 19(7) u l-Artikolu 79(2)

L-Artikolu 13(1)

—

L-Artikolu 20(1)

L-Artikolu 13(2)

—

L-Artikolu 20(2)

L-Artikolu 13(3)

—

L-Artikolu 20(2)

L-Artikolu 13(4)

—

L-Artikolu 20(4)

L-Artikolu 13(5)

—

L-Artikolu 47

L-Artikolu 13(6)

—

L-Artikolu 22(4)

L-Artikolu 14(1)

—

L-Artikolu 23(1) u (4)

L-Artikolu 14(2)

—

L-Artikolu 23(2)

L-Artikolu 14(3)

—

L-Artikolu 23(3)

L-Artikolu 14(4)

—

L-Artikolu 21(1) u (2)

L-Artikolu 14(5)

—

L-Artikolu 26(2) u (3)

L-Artikolu 15

—

L-Artikolu 20(2), it-tieni subparagrafu u l-Artikolu 33

L-Artikolu 16

—

L-Artikolu 33(1) u (8)

L-Artikolu 17

—

—

L-Artikolu 18(1)

—

L-Artikolu 34(1)

L-Artikolu 18(2)

—

L-Artikolu 34(2)

L-Artikolu 18(3)

—

L-Artikolu 34(3)

L-Artikolu 18(4)

—

—

L-Artikolu 18a(1)

—

L-Artikolu 29(4)

L-Artikolu 18a(2)

—

L-Artikolu 29(5) u (6) u l-Artikolu 35, il-punt (a)

L-Artikolu 18a(3)

—

L-Artikolu 29(5) u (6) u l-Artikolu 35, il-punt (b)

L-Artikolu 18a(4)

—

—

L-Artikolu 18a(5)

—

L-Artikolu 29(6)

L-Artikolu 19

—

L-Artikolu 36

L-Artikolu 20

—

L-Artikolu 9(2), l-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 42(1)

L-Artikolu 20, il-punt (a)

—

L-Artikolu 9(2), il-punt (a)(iii) u l-Artikolu 20(1), il-punt (g)

L-Artikolu 20, il-punt (b)

—

L-Artikolu 42(1)

L-Artikolu 20a

—

L-Artikolu 43

L-Artikolu 21

—

L-Artikolu 44

L-Artikolu 22

—

L-Artikolu 45

L-Artikolu 23

—

L-Artikolu 46

L-Artikolu 24

—

L-Artikolu 39

L-Artikolu 25

—

L-Artikolu 48(1)

L-Artikolu 26

—

L-Artikolu 48

L-Artikolu 27

—

L-Artikolu 49

L-Artikolu 28

—

L-Artikolu 48(3)

L-Artikolu 29

—

—

L-Artikolu 30(1)

—

L-Artikolu 63(1), (2), it-tieni subparagrafu u (4) u l-Artikolu 68

L-Artikolu 30(2)

—

L-Artikolu 63(5)

L-Artikolu 30(3)

L-Artikolu 10(1)

—

L-Artikolu 30(4)

L-Artikolu 10(7) u (10)

L-Artikolu 24

L-Artikolu 30(5), l-ewwel subparagrafu

L-Artikolu 11 u l-Artikolu 12(2)

—

L-Artikolu 30(5), it-tieni subparagrafu

L-Artikolu 12(1)

—

L-Artikolu 30(5), it-tielet subparagrafu

—

—

L-Artikolu 30(5a)

L-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 13(12)

—

L-Artikolu 30(6)

L-Artikolu 11(1), (2) u (3)

—

L-Artikolu 30(7)

L-Artikolu 61(2)

—

L-Artikolu 30(8)

—

L-Artikolu 22(7)

L-Artikolu 30(9)

L-Artikolu 15

—

L-Artikolu 30(10)

L-Artikolu 10(19) u (20)

—

L-Artikolu 31(1)

—

L-Artikolus 58, L-Artikolu 64(1) u l-Artikolu 68

L-Artikolu 31(2)

—

L-Artikolu 64(3)

L-Artikolu 31(3)

—

L-Artikolu 64(5)

L-Artikolu 31(3a)

L-Artikolu 10(1), (2) u (3)

L-Artikolu 67

L-Artikolu 31(4), l-ewwel subparagrafu

L-Artikolu 11 u l-Artikolu 12(2)

—

L-Artikolu 31(4), it-tieni subparagrafu

L-Artikolu 12(1)

—

L-Artikolu 31(4), it-tielet subparagrafu

—

—

L-Artikolu 31(4), ir-raba’ subparagrafu

L-Artikolu 11(2)

—

L-Artikolu 31(4a)

L-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 13(12)

—

L-Artikolu 31(5)

L-Artikolu 10(7) u (10)

L-Artikolu 24

L-Artikolu 31(6)

—

L-Artikolu 22(7)

L-Artikolu 31(7)

L-Artikolu 61(2)

—

L-Artikolu 31(7a)

L-Artikolu 15

—

L-Artikolu 31(9)

L-Artikolu 10(19) u (20)

—

L-Artikolu 31(10)

—

L-Artikolu 58(4)

L-Artikolu 31a

L-Artikolu 17(1)

—

L-Artikolu 32(1)

L-Artikolu 19(1)

—

L-Artikolu 32(2)

L-Artikolu 62(1)

—

L-Artikolu 32(3)

L-Artikolu 19(2), (3), l-ewwel subparagrafu, (4) u (5)

—

L-Artikolu 32(4)

L-Artikolus 21(1) u l-Artikolu 22(1), l-ewwel subparagrafu

—

L-Artikolu 32(5)

L-Artikolu 22(1), it-tieni subparagrafu

—

L-Artikolu 32(6)

L-Artikolu 22(2)

—

L-Artikolu 32(7)

L-Artikolu 24(1)

—

L-Artikolu 32(8)

L-Artikolu 19(3), it-tieni subparagrafu

—

L-Artikolu 32(9)

L-Artikolu 21(4)

—

L-Artikolu 32a(1)

L-Artikolu 16(1)

—

L-Artikolu 32a(2)

L-Artikolu 16(2)

—

L-Artikolu 32a(3)

L-Artikolu 16(3)

—

L-Artikolu 32a(4)

L-Artikolu 16(5)

—

L-Artikolu 32b

L-Artikolu 18

—

L-Artikolu 33(1)

—

L-Artikolu 69(1)

L-Artikolu 33(2)

—

L-Artikolu 69(6)

L-Artikolu 34(1)

—

L-Artikolu 70(1)

L-Artikolu 34(2)

—

L-Artikolu 70(2)

L-Artikolu 34(3)

L-Artikolu 40(5)

—

L-Artikolu 35

—

L-Artikolu 71

L-Artikolu 36

L-Artikolu 42

—

L-Artikolu 37

—

L-Artikolu 72

L-Artikolu 38

L-Artikolu 60

L-Artikolu 11(2), ir-raba’ subparagrafu, u (4), l-Artikolu 14 u l-Artikolu 69(7)

L-Artikolu 39

—

L-Artikolu 73

L-Artikolu 40

—

L-Artikolu 77

L-Artikolu 41

L-Artikolu 70

L-Artikolu 76

L-Artikolu 42

—

L-Artikolu 78

L-Artikolu 43

—

—

L-Artikolu 44(1)

L-Artikolu 9(1)

—

L-Artikolu 44(2)

L-Artikolu 9(2)

—

L-Artikolu 44(3)

—

—

L-Artikolu 44(4)

L-Artikolu 9(3) u (6)

—

L-Artikolu 45(1)

—

L-Artikolu 16(1)

L-Artikolu 45(2)

—

L-Artikolu 8(3), (4) u (5)

L-Artikolu 45(3)

—

L-Artikolu 17(1)

L-Artikolu 45(4)

L-Artikolu 48

—

L-Artikolu 45(5)

—

L-Artikolu 17(2)

L-Artikolu 45(6)

—

L-Artikolu 17(3)

L-Artikolu 45(7)

—

L-Artikolu 17(4)

L-Artikolu 45(8)

—

L-Artikolu 16(3)

L-Artikolu 45(9)

L-Artikolu 41(1)

—

L-Artikolu 45(10)

L-Artikolu 41(2)

—

L-Artikolu 45(11)

L-Artikolu 41(3)

—

L-Artikolu 46(1)

—

L-Artikoli 12 u 15

L-Artikolu 46(2)

L-Artikolu 39(2)

—

L-Artikolu 46(3)

L-Artikolu 28(1)

—

L-Artikolu 46(4)

—

L-Artikolu 11(1)

L-Artikolu 47(1)

L-Artikolu 4(1) u (2)

—

L-Artikolu 47(2)

L-Artikolu 6(1)

—

L-Artikolu 47(3)

L-Artikolu 6(2)

—

L-Artikolu 48(1)

L-Artikolu 37(1)

—

L-Artikolu 48(1a)

L-Artikolu 37(5) u l-Artikolu 62(1)

—

L-Artikolu 48(2)

L-Artikolu 37(2) u (6)

—

L-Artikolu 48(3)

L-Artikolu 37(7)

—

L-Artikolu 48(4)

L-Artikolu 37(1), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 46 u l-Artikolu 54(4)

—

L-Artikolu 48(5)

L-Artikolu 46(2) u (3) u l-Artikolu 47

—

L-Artikolu 48(6)

L-Artikolu 40(1)

—

L-Artikolu 48(7)

L-Artikolu 40(2)

—

L-Artikolu 48(8)

L-Artikolu 40(4)

—

L-Artikolu 48(9)

L-Artikolu 37(3)

—

L-Artikolu 48(10)

L-Artikolu 40(3)

—

L-Artikolu 49

L-Artikolu 61(1)

—

L-Artikolu 50

L-Artikolu 63

—

L-Artikolu 50a

L-Artikolu 61(3)

—

L-Artikolu 51

—

—

L-Artikolu 52

L-Artikolu 29

—

L-Artikolu 53

L-Artikolu 31

—

L-Artikolu 54

L-Artikolu 33

—

L-Artikolu 55

L-Artikolu 34

—

L-Artikolu 56

L-Artikolu 30(2) u (3)

—

L-Artikolu 57

L-Artikolu 35

—

L-Artikolu 57a(1)

L-Artikolu 67(1)

—

L-Artikolu 57a(2)

L-Artikolu 67(2)

—

L-Artikolu 57a(3)

L-Artikolu 67(3)

—

L-Artikolu 57a(4)

L-Artikolu 44, l-Artikolu 46(1) u l-Artikolu 47(1)

—

L-Artikolu 57a(5)

L-Artikolu 51

—

L-Artikolu 57b

L-Artikolu 68

—

L-Artikolu 58(1)

L-Artikolu 53(1)

—

L-Artikolu 58(2)

L-Artikolu 53(2) u (3)

—

L-Artikolu 58(3)

L-Artikolu 53(4)

—

L-Artikolu 58(4)

—

—

L-Artikolu 58(5)

L-Artikolu 53(5)

—

L-Artikolu 59(1)

L-Artikolu 55(1)

—

L-Artikolu 59(2)

L-Artikolu 55(2) u l-Artikolu 56(2) u (3)

—

L-Artikolu 59(3)

L-Artikolu 55(3)

—

L-Artikolu 59(4)

L-Artikolu 55(4)

—

L-Artikolu 60(1)

L-Artikolu 58(1), (2), l-ewwel subparagrafu u (3)

—

L-Artikolu 60(2)

L-Artikolu 58(2), it-tielet subparagrafu

—

L-Artikolu 60(3)

L-Artikolu 58(4)

—

L-Artikolu 60(4)

L-Artikolu 53(6)

—

L-Artikolu 60(5)

L-Artikolu 53(7)

—

L-Artikolu 60(6)

L-Artikolu 53(8)

—

L-Artikolu 61

L-Artikolu 60

—

L-Artikolu 62(1)

L-Artikolu 59(1)

—

L-Artikolu 62(2)

L-Artikolu 6(6)

—

L-Artikolu 62(3)

L-Artikolu 59(2)

—

L-Artikolu 63

—

—

L-Artikolu 64

—

L-Artikolu 85

L-Artikolu 64a

L-Artikolu 72

L-Artikolu 86

L-Artikolu 65

—

—

L-Artikolu 66

—

—

L-Artikolu 67

—

—

L-Artikolu 68

—

—

L-Artikolu 69

—

—

Anness I

—

Anness I

Anness II

—

Anness II

Anness III

—

Anness III

Annex IV

—

—


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1640/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)