|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2853 |
18.11.2024 |
DIRETTIVA (UE) 2024/2853 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ Ottubru 2024
dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Sabiex jittejjeb il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kompetizzjoni ma tiġix imfixkla u li l-moviment tal-merkanzija ma jiġix ostakolat. Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE (3) tistabbilixxi regoli komuni dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi bil-għan li jitneħħew id-diverġenzi bejn is-sistemi legali tal-Istati Membri li jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-moviment tal-merkanzija fis-suq intern. Armonizzazzjoni akbar tar-regoli komuni dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi stabbiliti f’dik id-Direttiva tkompli tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawk l-objettivi, filwaqt li tinvolvi grad akbar ta’ protezzjoni tas-saħħa jew tal-proprjetà tal-konsumaturi u ta’ persuni fiżiċi oħra. |
|
(2) |
Ir-responsabbiltà stretta min-naħa tal-operaturi ekonomiċi tibqa’ l-uniku mezz biex tiġi indirizzata b’mod adegwat il-problema ta’ tqassim ġust tar-riskju inerenti fil-produzzjoni teknoloġika moderna. |
|
(3) |
Id-Direttiva 85/374/KEE hija strument effettiv u importanti, iżda jeħtieġ li tiġi riveduta fid-dawl tal-iżviluppi relatati ma’ teknoloġiji ġodda, inkluża l-intelliġenza artifiċjali (IA), il-mudelli kummerċjali ġodda tal-ekonomija ċirkolari u l-ktajjen ġodda tal-provvista globali, li wasslu għal inkonsistenzi u inċertezza legali, b’mod partikolari fir-rigward tat-tifsira tat-terminu “prodott”. L-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva wriet ukoll li l-persuni li jbatu l-ħsara jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu kumpens minħabba restrizzjonijiet fuq it-talbiet għal kumpens u minħabba sfidi fil-ġbir ta’ evidenza biex jagħtu prova tar-responsabbiltà, speċjalment fid-dawl taż-żieda fil-kumplessità teknika u xjentifika. Dak jinkludi talbiet għal kumpens fir-rigward ta’ dannu relatatma’ teknoloġiji ġodda. Għalhekk, ir-reviżjoni ta’ dik id-Direttiva tinkoraġġixxi l-introduzzjoni u l-adozzjoni ta’ tali teknoloġiji ġodda, inkluża l-IA, filwaqt li tiżgura li l-atturi jgawdu l-istess livell ta’ protezzjoni, irrispettivament mit-teknoloġija involuta u li n-negozji kollha jibbenefikaw minn aktar ċertezza legali u minn kundizzjonijiet ekwi. |
|
(4) |
Hija meħtieġa reviżjoni tad-Direttiva 85/374/KEE sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu ċċarati ideat u kunċetti bażiċi biex jiġu żgurati l-koerenza u ċ-ċertezza legali ukundizzjonijiet ekwi fis-suq intern, u biex tiġi riflessa l-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
(5) |
Meta titqies in-natura estensiva tal-emendi li jkunu meħtieġa biex id-Direttiva 85/374/KEE tibqa’ effettiva u biex jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dik id-Direttiva titħassar u tiġi sostitwita b’din id-Direttiva. |
|
(6) |
Sabiex jiġi żgurat li r-reġim tar-responsabbiltà għall-prodotti tal-Unjoni jkun komprensiv, jenħtieġ li tapplika responsabbiltà stretta għall-prodotti difettużi għall-beni mobbli kollha, fosthom is-software, inkluż meta dawn jiġu integrati f’beni mobbli oħrajn jew installati f’beni immobbli. |
|
(7) |
Jenħtieġ li r-responsabbiltà għall-prodotti difettużi ma tapplikax għal dannu li jinħoloq minn inċidenti nukleari, sa fejn ir-responsabbiltà għal tali dannu tkun koperta minn konvenzjonijiet internazzjonali rratifikati mill-Istati Membri. |
|
(8) |
Sabiex jinħoloq suq intern ġenwin b’livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ persuni fiżiċi oħra, u sabiex tiġi riflessa l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jenħtieġ li l-Istati Membri, fir-rigward ta’ kwistjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, la jżommu u lanqas jintroduċu dispożizzjonijiet li jkunu aktar stretti jew anqas stretti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. |
|
(9) |
Skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, persuna li tbati l-ħsara jista’ jkollha dritt li titlob kumpens għad-danni abbażi ta’ responsabbiltà kuntrattwali jew għal raġunijiet ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali li ma tinvolvix ir-responsabbiltà tal-manifattur għad-difett ta’ prodott kif stabbilit f’din id-Direttiva. Dan jikkonċerna, pereżempju, responsabbiltà bbażata fuq garanzija jew fuq ħtija jew ir-responsabbiltà stretta tal-operaturi għad-dannu kkawżat mill-proprjetajiet ta’ organiżmu li jirriżultaw mill-inġinerija ġenetika. Tali dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonli, li jservu wkoll biex jintlaħaq, fost l-oħrajn, l-objettiv ta’ protezzjoni effettiva tal-konsumaturi u ta’ persuni fiżiċi oħra, jenħtieġ li jibqgħu mhux affettwati minn din id-Direttiva. |
|
(10) |
F’ċerti Stati Membri, il-persuni li jbatu l-ħsara jistgħu jkunu intitolati li jagħmlu talbiet għal dannu kkawżat minn prodotti farmaċewtiċi taħt sistema ta’ responsabbiltà nazzjonali speċjali, bir-riżultat li diġà tkun miksuba protezzjoni effettiva tal-persuni fiżiċi fis-settur farmaċewtiku. Id-dritt li jsiru tali talbiet jenħtieġ li jibqa’ mhux affettwat minn din id-Direttiva. Barra minn hekk, jenħtieġ li ma jiġux preklużi l-emendi għal tali sistemi ta’ responsabbiltà speċjali sakemm dawn ma jdgħajfux l-effettività tas-sistema ta’ responsabbiltà prevista f’din id-Direttiva jew l-objettivi tagħha. |
|
(11) |
Skemi ta’ kumpens barra mill-kuntest tar-reġimi ta’ responsabbiltà, bħas-sistemi tas-saħħa nazzjonali, l-iskemi tas-sigurtà soċjali jew l-iskemi tal-assigurazzjoni, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u jenħtieġ għalhekk li ma jiġux preklużi. Pereżempju, xi Stati Membri għandhom skemi fis-seħħ biex jipprovdu kumpens fir-rigward ta’ prodotti farmaċewtiċi li jikkawżaw ħsara mingħajr ma jkunu difettużi. |
|
(12) |
Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi l-prinċipji komuni u d-dispożizzjonijiet ta’ referenza maħsuba biex japplikaw fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-prodotti kollha. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ dik id-Deċiżjoni, jenħtieġ li ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari d-definizzjonijiet, jiġu allinjati magħha. |
|
(13) |
Il-prodotti fl-era diġitali jistgħu jkunu tanġibbli jew intanġibbli. Is-software, bħalma huma s-sistemi operattivi, il-firmware, il-programmi tal-kompjuter, l-applikazzjonijiet jew is-sistemi tal-IA, qed isir dejjem aktar komuni fis-suq u għandu rwol dejjem aktar importanti għas-sikurezza tal-prodotti. Is-software jista’ jiġi introdott fis-suq bħala prodott awtonomu u jista’ sussegwentement jiġi integrat fi prodotti oħrajn bħala komponent, u jkun kapaċi jikkawża dannu permezz tal-eżekuzzjoni tiegħu. Fl-interess taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li jiġi ċċarat f’din id-Direttiva li s-software huwa prodott għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta’ responsabbiltà stretta, irrispettivament mill-mod tal-provvista jew l-użu tiegħu u, għalhekk, irrispettivament minn jekk is-software jiġix maħżun fuq apparat, aċċessat permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni jew ta’ teknoloġiji cloud, jew fornut permezz ta’ mudell ta’ software bħala servizz. Madankollu, l-informazzjoni ma għandhiex titqies bħala prodott, u għalhekk jenħtieġ li r-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti ma japplikawx għall-kontenut ta’ fajls diġitali, bħal fajls tal-midja jew kotba elettroniċi jew sempliċememt il-kodiċi sors tas-software. L-iżviluppatur jew il-produttur tas-software, inklużi l-fornituri tas-sistemi tal-IA skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala manifattur. |
|
(14) |
Software liberu u b’sors miftuħ, fejn il-kodiċi tas-sors jiġi kondiviż fil-miftuħ u l-utenti jistgħu b’mod liberu jaċċessaw, jużaw, jimmodifikaw u jiddistribwixxu mill-ġdid is-software jew verżjonijiet modifikati tiegħu, jista’ jikkontribwixxi għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-suq. Tali software jiddependi minn liċenzji pubbliċi li jiggarantixxu l-libertà li s-software jiġi mħaddem, ikkupjat, imqassam, studjat, mibdul u mtejjeb. Sabiex ma tfixkilx l-innovazzjoni jew ir-riċerka, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal software liberu u b’sors miftuħ żviluppat jew fornut barra mill-kors ta’ attività kummerċjali, peress li, mid-definizzjoni tagħhom, il-prodotti żviluppati jew fornuti b’tali mod ma jiġux introdotti fis-suq. Li tali software jiġi żviluppat jew li jsir kontribut għal tali software jenħtieġ li ma jinftehmux bħala li tali software ikun tqiegħed fis-suq. Il-forniment ta’ tali software f’repożitorji miftuħa jenħtieġ li ma jitqiesx bħala li tali software ikun tqiegħed fis-suq, sakemm dan ma jseħħx matul attività kummerċjali. Fil-prinċipju, il-provvista ta’ software liberu u b’sors miftuħ minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jenħtieġ li ma titqiesx bħala li tkun qed isseħħ f’kuntest relatat man-negozju, sakemm tali provvista ma sseħħx matul attività kummerċjali. Madankollu, meta s-software jiġi fornut bi skambju għal prezz, jew għal data personali użata għajr esklużivament għat-titjib tas-sigurtà, tal-kompatibbiltà jew tal-interoperabbiltà tas-software, u għalhekk jiġi fornut matul attività kummerċjali, jenħtieġ li tapplika din id-Direttiva. |
|
(15) |
Meta software liberu u b’sors miftuħ fornut barra mill-kors ta’ attività kummerċjali jiġi sussegwentement integrat minn manifattur bħala komponent fi prodott matul attività kummerċjali u b’hekk jiġi introdott fis-suq, jenħtieġ li jkun possibbli li dak il-manifattur jinżamm responsabbli għad-dannu kkawżat mid-difett ta’ tali software iżda mhux il-manifattur tas-software minħabba li l-manifattur tas-software ma jkunx issodisfa l-kundizzjonijiet tal-introduzzjoni ta’ prodott jew ta’ komponent fis-suq. |
|
(16) |
Filwaqt li l-fajls diġitali bħala tali ma humiex prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-fajls tal-manifattura diġitali, li jkun fihom l-informazzjoni funzjonali meħtieġa għall-produzzjoni ta’ oġġett tanġibbli billi jippermettu l-kontroll awtomatizzat ta’ makkinarju jew għodod, bħal trapani, tornijiet, imtieħen u stampaturi 3D, jenħtieġ li jitqiesu bħala prodotti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-persuni fiżiċi f’każijiet fejn tali fajls ikunu difettużi. Pereżempju, fajl ta’ disinjar permezz tal-kompjuter difettuż li jintuża biex jinħoloq oġġett stampat 3D li jikkawża ħsara jenħtieġ li jwassal għal responsabbiltà skont din id-Direttiva, meta tali fajl jiġi żviluppat jew fornut matul attività kummerċjali. Sabiex jiġi evitat id-dubju, jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li l-materja prima, bħall-gass u l-ilma, u l-elettriku huma prodotti. |
|
(17) |
Qed isir dejjem aktar komuni li s-servizzi diġitali jiġu integrati fi prodott jew interkonnessi miegħu b’tali mod li n-nuqqas tas-servizz jimpedixxi lill-prodott milli jwettaq waħda mill-funzjonijiet tiegħu. Filwaqt li jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għas-servizzi bħala tali, huwa meħtieġ li r-responsabbiltà stretta tiġi estiża għal tali servizzi diġitali integrati jew interkonnessi minħabba li dawn jiddeterminaw is-sikurezza tal-prodott daqskemm jiddeterminawha l-komponenti fiżiċi jew diġitali. Jenħtieġ li dawk is-servizzi relatati jitqiesu bħala komponenti tal-prodott li fih jiġu integrati jew li miegħu jiġu interkonnessi, meta jkunu fil-kontroll tal-manifattur ta’ dak il-prodott. Eżempji ta’ servizzi relatati jinkludu l-provvista kontinwa ta’ data dwar it-traffiku f’sistema ta’ navigazzjoni, servizz ta’ monitoraġġ tas-saħħa li jserraħ fuq sensuri ta’ prodott fiżiku biex jintraċċa l-attività fiżika jew l-indikaturi tas-saħħa tal-utent, servizz ta’ kontroll tat-temperatura li jimmonitorja u jirregola t-temperatura ta’ friġġ intelliġenti, jew servizz ta’ assistent bil-vuċi li jippermetti li prodott wieħed jew aktar jiġu kkontrollati bl-użu ta’ ordnijiet bil-vuċi. Is-servizzi tal-aċċess għall-Internet jenħtieġ li ma jiġux ittrattati bħala servizzi relatati, peress li ma jistgħux jitqiesu bħala parti minn prodott fil-kontroll ta’ manifattur u ma jkunx raġonevoli li l-manifatturi jkunu responsabbli għad-dannu kkawżat minn nuqqasijiet fis-servizzi tal-aċċess għall-Internet. Madankollu, prodott li jserraħ fuq servizzi tal-aċċess għall-Internet u li jonqos milli jżomm is-sikurezza f’każ ta’ telf ta’ konnettività jista’ jinstab li huwa difettuż skont din id-Direttiva. |
|
(18) |
Is-servizzi relatati u komponenti oħra, inklużi aġġornamenti u ammeljoramenti tas-software, jenħtieġ li jitqiesu bħala li jkunu fil-kontroll tal-manifattur meta jiġu integrati fi prodott jew interkonnessi ma’ prodott, jew fornuti, mill-manifattur jew meta l-manifattur jagħti l-awtorizzazzjoni jew il-kunsens tiegħu għall-integrazzjoni, l-interkonnessjoni jew il-provvista tagħhom minn parti terza, pereżempju meta l-manifattur ta’ apparat domestiku intelliġenti jagħti l-kunsens tiegħu għall-forniment minn parti terza ta’ aġġornamenti tas-software għall-apparat tal-manifattur jew meta manifattur jippreżenta servizz jew komponent relatat bħala parti mill-prodott anki jekk ikun fornut minn parti terza. Manifattur jenħtieġ li ma jitqiesx li jkun ta l-kunsens tiegħu għall-integrazzjoni jew l-interkonnessjoni sempliċement billi jipprovdi għall-possibbiltà teknika ta’ integrazzjoni jew ta’ interkonnessjoni jew billi jirrakkomanda ċerti marki jew billi ma jipprojbix servizzi jew komponenti potenzjali relatati. |
|
(19) |
Ladarba prodott ikun ġie introdott fis-suq, jenħtieġ li jitqies li jibqa’ fil-kontroll tal-manifattur meta l-manifattur iżomm il-kapaċità li jforni l-aġġornamenti jew l-ammeljoramenti tas-software huwa stess jew permezz ta’ parti terza. |
|
(20) |
B’rikonoxximent tar-rilevanza u l-valur dejjem akbar tal-assi intanġibbli, il-qerda jew il-korruzzjoni tad-data, bħall-fajls diġitali mħassrin minn hard drive, jenħtieġ li jiġu kkumpensati wkoll, inkluża l-ispiża tal-irkupru jew tar-restawr ta’ dik id-data. Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi teħtieġ li jkun disponibbli kumpens għal telf materjali li jirriżulta mhux biss minn mewt jew dannu personali, bħal spejjeż tal-funeral jew mediċi jew introjtu mitluf, u minn dannu lill-proprjetà, iżda wkoll għall-qerda jew il-korruzzjoni tad-data. Il-qerda jew il-korruzzjoni tad-data ma jirriżultawx awtomatikament f’telf materjali jekk il-vittma tkun kapaċi tirkupra d-data mingħajr spejjeż, bħal meta jkun jeżisti back-up tad-data jew id-data tkun tista’ titniżżel mill-ġdid, jew operatur ekonomiku jirrestawra jew jerġa’ joħloq data temporanjament mhux disponibbli, pereżempju f’ambjent virtwali. Il-qerda jew il-korruzzjoni tad-data huma distinti mill-iżvelar tad-data jew mill-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u, għaldaqstant, il-kumpens għall-ksur tar-Regolament (UE) 2016/679 (6) jew (UE) 2018/1725 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew tad-Direttiva 2002/58/KE (8) jew (UE) 2016/680 (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mhuwiex affettwat minn din id-Direttiva. |
|
(21) |
Fl-interess taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li din id-Direttiva tiċċara li d-dannu personali jinkludi dannu medikament rikonoxxut u medikament iċċertifikat lis-saħħa psikoloġika li jaffettwa l-istat ġenerali tas-saħħa tal-vittma u li jista’ jirrikjedi terapija jew trattament mediku, filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. |
|
(22) |
F’konformità mal-objettiv ta’ din id-Direttiva li tagħmel kumpens disponibbli biss għall-persuni fiżiċi, jenħtieġ li d-dannu lil proprjetà użata esklużivament għal skopijiet professjonali ma jiġix ikkumpensat skont din id-Direttiva. Sabiex jiġi indirizzat riskju potenzjali ta’ litigazzjoni f’għadd eċċessiv ta’ każijiet, il-qerda jew il-korruzzjoni ta’ data li tintuża għal skopijiet professjonali, anke jekk ma tintużax għalhekk esklużivament, jenħtieġ li ma jiġux ikkumpensati skont din id-Direttiva. |
|
(23) |
Filwaqt li jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu kumpens sħiħ u xieraq għat-telf materjali kollu li jirriżulta minn mewt jew minn dannu personali, jew minn dannu lill-proprjetà jew mill-qerda tagħha, u l-qerda jew il-korruzzjoni tad-data, jenħtieġ li r-regoli dwar il-kalkolu tal-kumpens jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-kumpens għal telf mhux materjali li jirriżulta minn dannu kopert minn din id-Direttiva, bħall-uġigħ u t-tbatija, jenħtieġ li jiġi pprovdut sa fejn tali telf jista’ jiġi kkumpensat skont il-liġi nazzjonali. |
|
(24) |
Tipi ta’ dannu għajr dawk previsti f’din id-Direttiva, bħal telf purament ekonomiku, ksur tal-privatezza jew diskriminazzjoni, jenħtieġ li waħidhom ma jiskattawx ir-responsabbiltà skont din id-Direttiva. Madankollu, jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax id-dritt għal kumpens għal kwalunkwe dannu, inkluż dannu mhux materjali, skont reġimi oħra ta’ responsabbiltà. |
|
(25) |
Sabiex jiġu protetti l-persuni fiżiċi, id-dannu lil kwalunkwe proprjetà li tappartjeni għal persuna fiżika jenħtieġ li jiġi kkumpensat. Billi l-proprjetà qed tintuża dejjem aktar għal skopijiet kemm privati kif ukoll professjonali, huwa xieraq li jiġi previst kumpens għad-dannu lil tali proprjetà b’użu mħallat. Fid-dawl tal-objettiv ta’ din id-Direttiva li tipproteġi lill-persuni fiżiċi, jenħtieġ li l-proprjetà użata esklużivament għal skopijiet professjonali tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
|
(26) |
Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal prodotti introdotti fis-suq jew, fejn rilevanti, imqiegħda fis-servizz matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas, pereżempju l-prodotti fornuti fil-kuntest ta’ kampanja ta’ sponsorizzar jew prodotti manifatturati għall-forniment ta’ servizz iffinanzjat minn fondi pubbliċi, billi dak il-mod ta’ provvista xorta għandu karattru ekonomiku jew kummerċjali. Il-kunċett ta’ “tqegħid fis-servizz” huwa rilevanti għal prodotti li ma jiġux introdotti fis-suq qabel l-ewwel użu tagħhom, kif jista’ jkun il-każ għal-liftijiet, għall-makkinarju jew għall-apparat mediku. |
|
(27) |
Sa fejn il-liġi nazzjonali hekk tipprevedi, id-dritt għal kumpens għall-persuni li jbatu l-ħsara jenħtieġ li japplika kemm għall-vittmi diretti, li jġarrbu dannu kkawżat direttament minn prodott difettuż, kif ukoll għall-vittmi indiretti, li jġarrbu dannu bħala riżultat tad-dannu tal-vittma diretta. |
|
(28) |
Filwaqt li titqies iż-żieda fil-kumplessità tal-prodotti, tal-mudelli kummerċjali u tal-ktajjen tal-provvista, u meta jitqies li l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura li l-konsumaturi u persuni fiżiċi oħra jkunu jistgħu jeżerċitaw faċilment id-dritt tagħhom li jiksbu kumpens f’każ ta’ dannu kkawżat minn prodotti difettużi, huwa importanti li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti għall-protezzjoni tal-konsumaturi jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha lill-konsumaturi affettwati biex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom għal kumpens, f’konformità ma’ din id-Direttiva. Meta jagħmlu dan, huwa xieraq li l-Istati Membri jqisu l-obbligi eżistenti dwar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari l-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Huwa importanti li l-awtoritajiet jew il-korpi nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumaturi jaqsmu b’mod regolari kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jsiru jafu biha u jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. L-Istati Membri jistgħu wkoll jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet jew lill-korpi kompetenti għall-protezzjoni tal-konsumaturi jipprovdu informazzjoni lill-konsumaturi biex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal kumpens f’konformità ma’ din id-Direttiva, b’mod effettiv. |
|
(29) |
Din id-Direttiva ma taffettwax il-mezzi varji kif jinkiseb rimedju fil-livell nazzjonali, kemm jekk permezz ta’ proċedimenti tal-qorti, soluzzjonijiet barra l-qorti, soluzzjoni alternattiva għat-tilwim jew azzjonijiet rappreżentattivi skont id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) jew skont skemi nazzjonali ta’ rimedju kollettiv. |
|
(30) |
Sabiex jiġu protetti s-saħħa u l-proprjetà tal-persuni fiżiċi, jenħtieġ li d-difett ta’ prodott jiġi ddeterminat b’referenza mhux għall-adegwatezza tiegħu għall-użu, iżda għan-nuqqas tas-sikurezza li persuna hija intitolata li tistenna jew li tkun meħtieġa skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-valutazzjoni ta’ difett tinvolvi analiżi oġġettiva tas-sikurezza li l-pubbliku ġenerali huwa intitolat li jistenna u ma tirreferix għas-sikurezza li kwalunkwe persuna partikolari hija intitolata li tistenna. Jenħtieġ li s-sikurezza li l-pubbliku ġenerali huwa intitolat li jistenna tiġi vvalutata billi jitqiesu, fost l-oħrajn, l-iskop maħsub, l-użu raġonevolment prevedibbli, il-preżentazzjoni, il-karatteristiċi oġġettivi u l-proprjetajiet tal-prodott inkwistjoni, inkluż it-tul tal-ħajja mistenni tiegħu, kif ukoll ir-rekwiżiti speċifiċi tal-grupp ta’ utenti li għalihom huwa maħsub il-prodott. Xi prodotti, bħal apparat mediku ta’ sostenn għall-ħajja, jinvolvu riskju partikolarment għoli ta’ dannu lin-nies u, għalhekk, iwasslu għal aspettattivi partikolarment għoljin ta’ sikurezza. Sabiex jitqiesu tali aspettattivi, jenħtieġ li jkun possibbli li qorti ssib prodott difettuż mingħajr ma tistabbilixxi d-difett proprju tiegħu, meta jkun jappartjeni għall-istess serje ta’ produzzjoni bħal prodott li diġà ngħatat prova li huwa difettuż. |
|
(31) |
Il-valutazzjoni tad-difett jenħtieġ li tqis il-preżentazzjoni tal-prodott. Madankollu, twissijiet jew informazzjoni oħra pprovduti ma’ prodott ma jistgħux jitqiesu bħala suffiċjenti biex prodott li altrimenti huwa difettuż isir sikur, peress li d-difett jenħtieġ li jiġi ddeterminat b’referenza għas-sikurezza li l-pubbliku inġenerali huwa intitolat li jistenna. Għalhekk, ir-responsabbiltà skont din id-Direttiva ma tistax tiġi evitata sempliċement billi jiġu elenkati l-effetti sekondarji konċepibbli kollha ta’ prodott. Meta jiġi ddeterminat id-difett ta’ prodott, l-użu raġonevolment prevedibbli jinkludi wkoll użu ħażin però raġonevoli fiċ-ċirkostanzi, bħall-imġiba prevedibbli ta’ utent ta’ makkinarju li tirriżulta minn nuqqas ta’ konċentrazzjoni jew l-imġiba prevedibbli ta’ ċerti gruppi ta’ utenti bħat-tfal. |
|
(32) |
Sabiex tiġi riflessa l-prevalenza dejjem akbar ta’ prodotti interkonnessi, jenħtieġ li l-valutazzjoni tas-sikurezza ta’ prodott tqis ukoll l-effetti raġonevolment prevedibbli ta’ prodotti oħrajn fuq il-prodott inkwistjoni, pereżempju f’sistema ta’ dar intelliġenti. Jenħtieġ li jitqies ukoll l-effett li jkollha fuq is-sikurezza ta’ prodott kwalunkwe kapaċità li jitgħallem jew jikseb karatteristiċi ġodda wara li jiġi introdott fis-suq jew li jitqiegħed fis-servizz, sabiex tiġi riflessa l-aspettattiva leġittima li s-software ta’ prodott u l-algoritmi sottostanti jkunu ddisinjati b’tali mod li jipprevjenu mġiba perikoluża tal-prodott. Konsegwentement, manifattur li jiddisinja prodott bil-kapaċità li jiżviluppa mġiba mhux mistennija jenħtieġ li jibqa’ responsabbli għal imġiba li tikkawża ħsara. Sabiex jiġi rifless il-fatt li fl-era diġitali ħafna prodotti jibqgħu fil-kontroll tal-manifattur wara li jiġu introdotti fis-suq, il-mument li fih prodott ma jibqax fil-kontroll tal-manifattur jenħtieġ li jitqies ukoll fil-valutazzjoni tas-sikurezza ta’ prodott. Prodott jista’ jinstab ukoll li huwa difettuż minħabba l-vulnerabbiltà taċ-ċibersigurtà tiegħu, pereżempju meta l-prodott ma jissodisfax ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà rilevanti għas-sikurezza. |
|
(33) |
Sabiex tiġi riflessa n-natura tal-prodotti li l-iskop proprju tagħhom huwa li jimpedixxu d-dannu, pereżempju mekkaniżmu ta’ twissija bħal allarm tad-duħħan, il-valutazzjoni tad-difett ta’ tali prodott jenħtieġ li tqis in-nuqqas tiegħu li jilħaq dak l-iskop. |
|
(34) |
Sabiex tiġi riflessa r-rilevanza tal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq għad-determinazzjoni tal-livell ta’ sikurezza li persuna hija intitolata li tistenna, jenħtieġ li jiġi ċċarat li r-rekwiżiti tas-sikurezza tal-prodotti rilevanti, inklużi r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà rilevanti għas-sikurezza, u l-interventi mill-awtoritajiet kompetenti, bħall-ħruġ ta’ sejħiet lura tal-prodotti, jew mill-operaturi ekonomiċi nfushom, jenħtieġ li jitqiesu fil-valutazzjoni ta’ difett. Madankollu, jenħtieġ li, minnhom infushom, tali interventi ma joħolqux preżunzjoni ta’ difett. |
|
(35) |
Fl-interessi tal-għażla tal-konsumaturi u sabiex jiġu mħeġġa l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-aċċess faċli għal teknoloġiji ġodda, l-eżistenza, jew l-introduzzjoni sussegwenti fis-suq, ta’ prodott aħjar fiha nnifisha jenħtieġ li ma twassalx għall-konklużjoni li prodott huwa difettuż. B’mod simili, il-provvista ta’ aġġornamenti jew ammeljoramenti għal prodott fiha nnifisha jenħtieġ li ma twassalx għall-konklużjoni li verżjoni preċedenti tal-prodott hija difettuża. |
|
(36) |
Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi tirrikjedi li kwalunkwe manifattur involut fil-proċess tal-produzzjoni jkun jista’ jinżamm responsabbli, sa fejn prodott jew komponent fornut minn dak il-manifattur ikun difettuż. Dan jinkludi kwalunkwe persuna li tippreżenta ruħha bħala l-manifattur billi tqiegħed, jew tawtorizza li parti terza tqiegħed, isimha, il-marka kummerċjali tagħha jew karatteristika distintiva oħra tagħha fuq prodott, peress li b’hekk dik il-persuna tagħti l-impressjoni li hija involuta fil-proċess tal-produzzjoni jew li tassumi r-responsabbiltà għalih. Meta manifattur jintegra komponent difettuż minn manifattur ieħor fi prodott, jenħtieġ li persuna li tbati l-ħsara tkun tista’ tfittex kumpens għall-istess dannu kemm mingħand il-manifattur tal-prodott kif ukoll mingħand il-manifattur tal-komponent. Meta komponent jiġi integrat fi prodott barra mill-kontroll tal-manifattur ta’ dak il-prodott, jenħtieġ li persuna li tbati l-ħsara tkun tista’ tfittex kumpens mingħand il-manifattur tal-komponent meta l-komponent innifsu jkun prodott skont din id-Direttiva. |
|
(37) |
Sabiex jiġi żgurat li l-persuni li jbatu l-ħsara jkollhom talba infurzabbli għal kumpens meta manifattur ta’ prodott ikun stabbilit barra mill-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li l-importatur ta’ dak il-prodott u r-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur, maħtur fir-rigward ta’ kompiti speċifikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, pereżempju skont il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq, jinżammu responsabbli. Is-sorveljanza tas-suq uriet li l-ktajjen tal-provvista kultant jinvolvu operaturi ekonomiċi li l-forma ġdida tagħhom tfisser li ma jidħlux faċilment fil-ktajjen tal-provvista tradizzjonali taħt il-qafas legali eżistenti. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-fornituri ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni, li jwettqu ħafna mill-istess funzjonijiet bħall-importaturi, iżda li jista’ jkun li mhux dejjem ikunu jikkorrispondu għad-definizzjoni tradizzjonali ta’ importatur fil-liġi tal-Unjoni. Il-fornituri ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni għandhom rwol dejjem aktar sinifikanti bħala operaturi ekonomiċi, billi jippermettu u jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tal-Unjoni għal prodotti minn pajjiżi terzi. Dik il-bidla fir-rilevanza diġà hija riflessa fil-qafas tas-sikurezza tal-prodotti u tas-sorveljanza tas-suq, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2019/1020 (12) u (UE) 2023/988 (13) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li l-fornituri ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni jinżammu responsabbli iżda, minħabba n-natura sussidjarja tar-rwol tagħhom, jenħtieġ li jkunu responsabbli biss meta l-ebda importatur jew rappreżentant awtorizzat ma jkun stabbilit fl-Unjoni. Fl-interess li r-responsabbiltà tiġi indirizzata b’mod effettiv lejn il-manifatturi, l-importaturi, ir-rappreżentanti awtorizzati u l-fornituri ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li d-distributuri jinżammu responsabbli biss meta jonqsu milli jidentifikaw minnufih operatur ekonomiku rilevanti stabbilit fl-Unjoni. |
|
(38) |
Il-bejgħ online kiber b’mod konsistenti u kostanti, tant li ħoloq mudelli kummerċjali ġodda u atturi ġodda fis-suq, bħall-pjattaformi online. Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u r-Regolament (UE) 2023/988 jirregolaw, fost l-oħrajn, ir-responsabbiltà u l-obbligu ta’ rendikont tal-pjattaformi online fir-rigward tal-kontenut illegali, inkluż fir-rigward tal-bejgħ ta’ prodotti. Meta l-pjattaformi online jwettqu r-rwol ta’ manifattur, importatur, rappreżentant awtorizzat, fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni jew distributur fir-rigward ta’ prodott difettuż, jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess responsabbiltà bħal tali operaturi ekonomiċi. Meta l-pjattaformi online jkollhom sempliċi rwol intermedjarju fil-bejgħ ta’ prodotti bejn il-kummerċjanti u l-konsumaturi, ikunu koperti minn eżenzjoni mir-responsabbiltà kondizzjonali skont ir-Regolament (UE) 2022/2065. Madankollu, ir-Regolament (UE) 2022/2065 jipprevedi li l-pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti ma humiex eżenti mir-responsabbiltà skont il-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi meta jippreżentaw il-prodott jew inkella jippermettu t-tranżazzjoni speċifika inkwistjoni b’mod li jwassal biex konsumatur medju jemmen li l-prodott ikun qed jiġi pprovdut jew mill-pjattaforma online nnifisha jew inkella minn kummerċjant li jaġixxi taħt l-awtorità jew il-kontroll tagħha. F’konformità ma’ dak il-prinċipju, fejn il-pjattaformi online jippreżentaw il-prodott jew inkella jippermettu t-tranżazzjoni speċifika, jenħtieġ li jkun possibbli li jinżammu responsabbli bl-istess mod bħad-distributuri skont din id-Direttiva. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva relatati mad-distributuri jenħtieġ li japplikaw b’mod analogu għal tali pjattaformi online. Dak ifisser li tali pjattaformi online jenħtieġ li jkunu responsabbli biss fejn jippreżentaw il-prodott jew inkella jippermettu t-tranżazzjoni speċifika b’mod li jwassal lil konsumatur medju biex jemmen li l-prodott ikun qed jiġi pprovdut jew mill-pjattaforma online nnifisha jew minn kummerċjant li jaġixxi bl-awtorità jew bil-kontroll tagħha, u biss meta l-pjattaforma online tonqos milli tidentifika minnufih operatur ekonomiku rilevanti stabbilit fl-Unjoni. |
|
(39) |
Fit-tranżizzjoni minn ekonomija lineari għal waħda ċirkolari, il-prodotti jiġu ddisinjati biex ikunu jistgħu jservu aktar fit-tul, jerġgħu jintużaw, jissewwew u jiġu ammeljorati. L-Unjoni qed tippromwovi wkoll forom innovattivi u sostenibbli ta’ produzzjoni u konsum li jestendu l-funzjonalità tal-prodotti u tal-komponenti, bħall-manifattura mill-ġdid, ir-rinnovazzjoni u t-tiswija, kif stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2020 intitolata “Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari – Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva”. Meta prodott jiġi modifikat sostanzjalment u sussegwentement jitqiegħed fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz, jitqies bħala prodott ġdid. Meta l-modifika ssir barra mill-kontroll tal-manifattur oriġinali, jenħtieġ li jkun possibbli li l-persuna li tkun għamlet il-modifika sostanzjali tinżamm responsabbli bħala manifattur tal-prodott immodifikat, billi skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni dik il-persuna hija responsabbli għall-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti tas-sikurezza. Jekk modifika tkunx sostanzjali jenħtieġ li jiġi ddeterminat abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali dwar is-sikurezza tal-prodotti, inkluż ir-Regolament (UE) 2023/988. Meta ma jiġi stabbilit l-ebda kriterju bħal dawn fir-rigward tal-prodott inkwistjoni, il-modifiki li jbiddlu l-funzjonijiet maħsuba oriġinali tal-prodott jew jaffettwaw il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli jew ibiddlu l-profil tar-riskju tiegħu jenħtieġ li jitqiesu bħala modifiki sostanzjali. Meta modifika sostanzjali ssir mill-manifattur oriġinali, jew fil-kontroll tiegħu, u meta tali modifika sostanzjali tagħmel il-prodott difettuż, jenħtieġ li dak il-manifattur ma jkunx jista’ jevita r-responsabbiltà billi jargumenta li d-difett ikun seħħ wara li jkun introduċa l-prodott fis-suq jew qiegħdu fis-servizz. Fl-interessi ta’ tqassim ġust tar-riskju fl-ekonomija ċirkolari, operatur ekonomiku li jagħmel modifika sostanzjali, għajr il-manifattur oriġinali, jenħtieġ li jkun eżentat mir-responsabbiltà jekk dak l-operatur ekonomiku jkun jista’ jagħti prova li d-dannu jkun relatat ma’ parti mill-prodott li ma tkunx affettwata mill-modifika. L-operaturi ekonomiċi li jwettqu tiswijiet jew operazzjonijiet oħrajn li ma jinvolvux modifiki sostanzjali jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għar-responsabbiltà skont din id-Direttiva. |
|
(40) |
Peress li l-prodotti jistgħu jiġu ddisinjati b’mod li jippermetti li jsiru modifiki permezz ta’ bidliet fis-software, inklużi l-ammeljoramenti, l-istess prinċipji jenħtieġ li japplikaw għall-modifiki li jsiru permezz ta’ aġġornament jew ammeljorament tas-software kif applikabbli għall-modifiki li jsiru b’modi oħra. Meta modifika sostanzjali ssir permezz ta’ aġġornament jew ammeljorament tas-software, jew minħabba t-tagħlim kontinwu ta’ sistema tal-IA, il-prodott sostanzjalment modifikat jenħtieġ li jitqies li jkun tqiegħed fis-suq jew tqiegħed fis-servizz fiż-żmien meta dik il-modifika ssir realment. |
|
(41) |
Meta l-vittmi ma jirnexxilhomx jiksbu kumpens minħabba li l-ebda persuna ma tinżamm responsabbli skont din id-Direttiva jew minħabba li l-persuni responsabbli jkunu insolventi jew ma jkunux jeżistu aktar, l-Istati Membri jistgħu jużaw skemi ta’ kumpens settorjali nazzjonali eżistenti jew jistabbilixxu oħrajn ġodda skont il-liġi nazzjonali biex jikkumpensaw b’mod xieraq lill-persuni li jbatu l-ħsara li ġarrbu dannu kkawżat minn prodotti difettużi. Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk tali skemi ta’ kumpens ikunux iffinanzjati kompletament jew parzjalment minn dħul pubbliku jew privat. |
|
(42) |
Peress li l-operaturi ekonomiċi huma sottoposti għar-responsabbiltà irrispettivament mill-ħtija, u bil-ħsieb li jinkiseb tqassim ġust tar-riskju, jenħtieġ li persuna li titlob kumpens għal dannu kkawżat minn prodott difettuż iġġorr l-oneru li tagħti prova tad-dannu, tad-difett ta’ prodott u tar-rabta kawżali bejn it-tnejn, f’konformità mal-istandard ta’ evidenza applikabbli skont il-liġi nazzjonali. Madankollu, persuni li jitolbu kumpens għal dannu spiss ikunu fi żvantaġġ sinifikanti meta mqabbla mal-manifatturi f’termini ta’ aċċess għal informazzjoni dwar kif prodott ikun ġie mmanifatturat u dwar kif jopera u f’termini ta’ fehim ta’ tali informazzjoni. Din l-assimetrija ta’ informazzjoni tista’ ddgħajjef it-tqassim ġust tar-riskju, b’mod partikolari f’każijiet li jinvolvu kumplessità teknika jew xjentifika. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-atturi għall-evidenza li trid tintuża fi proċedimenti legali. Tali evidenza tinkludi dokumenti li jridu jinħolqu ex novo mill-konvenut billi tiġi kkompilata jew ikklassifikata l-evidenza disponibbli. Fil-valutazzjoni tat-talba għad-divulgazzjoni tal-evidenza, jenħtieġ li l-qrati nazzjonali jiżguraw li tali aċċess ikun limitat għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat, fost l-oħrajn biex jiġi evitat tiftix mhux speċifiku għal informazzjoni li ma tkunx rilevanti għall-proċedimenti u biex jiġu protetti l-informazzjoni kunfidenzjali, bħall-informazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sigriet professjonali u s-sigrieti kummerċjali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (15) Filwaqt li titqies il-kumplessità ta’ ċerti tipi ta’ evidenza, pereżempju evidenza relatata ma’ prodotti diġitali, jenħtieġ li jkun possibbli li l-qrati nazzjonali jirrikjedu li tali evidenza tiġi ppreżentata b’mod faċilment aċċessibbli u li jinftiehem faċilment, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. |
|
(43) |
Din id-Direttiva tarmonizza r-regoli dwar id-divulgazzjoni tal-evidenza biss sa fejn tali kwistjonijiet ikunu rregolati minnha. Kwistjonijiet mhux irregolati minn din id-Direttiva jinkludu regoli dwar id-divulgazzjoni tal-evidenza fir-rigward ta’: proċeduri ta’ qabel il-proċess; kemm trid tkun speċifika talba għall-evidenza; partijiet terzi; każijiet ta’ azzjonijiet dikjaratorji; u sanzjonijiet għan-nonkonformità mal-obbligu li tiġi divulgata l-evidenza. |
|
(44) |
Fid-dawl tal-fatt li l-konvenuti jista’ jkollhom bżonn aċċess għal evidenza li tkun tinsab għad-dispożizzjoni tal-attur sabiex jikkumbattu talba għal kumpens skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-konvenuti jkollhom ukoll il-possibbiltà li jkollhom aċċess għall-evidenza. B’mod simili għal talba ta’ divulgazzjoni magħmula mill-attur, meta jivvalutaw it-talba tal-konvenut għad-divulgazzjoni tal-evidenza, il-qrati nazzjonali jenħtieġ li jiżguraw li tali aċċess ikun limitat għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat, fost l-oħrajn biex jiġi evitat tiftix mhux speċifiku għal informazzjoni li ma tkunx rilevanti għall-proċedimenti u biex tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali. |
|
(45) |
Fir-rigward tas-sigrieti kummerċjali kif definiti fid-Direttiva (UE) 2016/943, jenħtieġ li l-qrati nazzjonali jingħataw is-setgħa li jieħdu miżuri speċifiċi biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali matul u wara l-proċedimenti, filwaqt li jiksbu bilanċ ġust u proporzjonat bejn l-interessi tad-detentur ta’ sigriet kummerċjali fir-rigward tas-segretezza u l-interessi tal-persuna li tbati l-ħsara. Jenħtieġ li tali miżuri jinkludu tal-anqas miżuri maħsuba biex jirrestrinġu l-aċċess għal dokumenti li jkun fihom sigrieti kummerċjali jew allegati sigrieti kummerċjali u biex jirrestrinġu l-aċċess għal seduti ta’ smigħ għal għadd limitat ta’ persuni, jew biex jippermettu l-aċċess biss għal dokumenti redatti jew traskrizzjonijiet ta’ seduti ta’ smigħ. Meta jiddeċiedu dwar tali miżuri, il-qrati nazzjonali jkun xieraq li jqisu l-ħtieġa li jiżguraw id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, l-interessi leġittimi tal-partijiet u, fejn xieraq, ta’ partijiet terzi, u l-ħsara potenzjali għal kwalunkwe waħda mill-partijiet għal tilwima, u, fejn xieraq, għal partijiet terzi, li tirriżulta mill-approvazzjoni jew miċ-ċaħda ta’ tali miżuri. |
|
(46) |
Huwa meħtieġ li jittaffa l-oneru tal-prova tal-attur, diment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Il-preżunzjonijiet konfutabbli ta’ fatt huma mekkaniżmu komuni maħsub biex itaffi d-diffikultajiet evidenzjali ta’ attur u biex jippermetti li qorti tkun tista’ tibbaża l-eżistenza ta’ difett jew ta’ rabta kawżali fuq il-preżenza ta’ fatt ieħor li tkun ingħatat prova tiegħu filwaqt li tippreserva d-drittijiet tal-konvenut. Sabiex jipprovdu inċentiv għall-konformità mal-obbligu li tiġi divulgata l-informazzjoni, il-qrati nazzjonali jenħtieġ li jippreżumu d-difett ta’ prodott meta konvenut jonqos milli jikkonforma ma’ tali obbligu. Ġew adottati ħafna rekwiżiti obbligatorji tas-sikurezza sabiex il-konsumaturi u persuni fiżiċi oħra jiġu protetti mir-riskju ta’ ħsara, inkluż skont ir-Regolament (UE) 2023/988. Sabiex tissaħħaħ ir-relazzjoni mill-qrib bejn ir-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti u r-regoli dwar ir-responsabbiltà, jenħtieġ li n-nonkonformità ma’ tali rekwiżiti tirriżulta wkoll fi preżunzjoni ta’ difett. Dak jinkludi każijiet li fihom prodott ma jkunx mgħammar bil-mezzi biex tiġi rreġistrata l-informazzjoni dwar it-tħaddim tal-prodott kif meħtieġ skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-istess japplika fil-każ ta’ ħsara ovvja, bħal flixkun tal-ħġieġ li jisplodi matul l-użu raġonevolment prevedibbli, peress li huwa oneruż bla bżonn li attur jintalab jagħti prova ta’ difett meta ċ-ċirkostanzi jkunu tali li l-eżistenza tiegħu ma tkunx ikkontestata. L-użu raġonevolment prevedibbli jkopri l-użu li għalih ikun maħsub prodott f’konformità mal-informazzjoni pprovduta mill-manifattur jew mill-operatur ekonomiku li jintroduċih fis-suq, l-użu ordinarju kif determinat mid-disinn u mill-kostruzzjoni tal-prodott, u l-użu li jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli meta tali użu jista’ jirriżulta minn imġiba umana legali u faċilment prevedibbli. |
|
(47) |
Meta jkun ġie stabbilit li prodott huwa difettuż u t-tip ta’ dannu li jkun seħħ ikun, primarjament abbażi ta’ każijiet simili, tipikament ikkawżat mid-difett inkwistjoni, jenħtieġ li l-attur ma jkunx meħtieġ jagħti prova tar-rabta kawżali u jenħtieġ li tiġi preżunta l-eżistenza tagħha. |
|
(48) |
Jenħtieġ li l-qrati nazzjonali jippreżumu d-difett ta’ prodott jew ir-rabta kawżali bejn id-dannu u d-difett, jew it-tnejn li huma, meta, minkejja d-divulgazzjoni tal-informazzjoni mill-konvenut, ikun eċċessivament diffiċli għall-attur, b’mod partikolari minħabba l-kumplessità teknika jew xjentifika tal-każ, li jagħti prova tad-difett jew tar-rabta kawżali, jew tat-tnejn li huna. Jenħtieġ li jagħmlu dan filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ. F’tali każijiet, l-impożizzjoni tal-istandard ta’ evidenza abitwali kif meħtieġ skont il-liġi nazzjonali, li ħafna drabi jitlob grad għoli ta’ probabbiltà, iddgħajjef l-effettività tad-dritt għal kumpens. Għalhekk, minħabba li l-manifatturi għandhom għarfien espert u huma infurmati aħjar mill-persuna li tbati l-ħsara, u sabiex jinżamm tqassim ġust tar-riskju filwaqt li tiġi evitata l-inverżjoni tal-oneru tal-prova, jenħtieġ li dak l-attur ikun meħtieġ li, meta d-diffikultajiet tal-attur ikunu relatati mal-prova tad-difett, juri biss li x’aktarx li l-prodott kien difettuż, jew, meta d-diffikultajiet tal-attur ikunu relatati mal-prova tar-rabta kawżali, juri biss li d-difett tiegħu x’aktarx huwa kawża tad-dannu. Jenħtieġ li l-kumplessità teknika jew xjentifika tiġi ddeterminata mill-qrati nazzjonali fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jitqiesu fatturi varji. Jenħtieġ li dawk il-fatturi jinkludu n-natura kumplessa tal-prodott, bħal apparat mediku innovattiv; in-natura kumplessa tat-teknoloġija użata, bħat-tagħlim awtomatiku; in-natura kumplessa tal-informazzjoni u tad-data li trid tiġi analizzata mill-attur; u n-natura kumplessa tar-rabta kawżali, bħal rabta bejn prodott farmaċewtiku jew tal-ikel u l-bidu ta’ kundizzjoni tas-saħħa jew rabta li, sabiex tingħata prova tagħha, tkun tirrikjedi li l-attur jispjega l-ħidma interna ta’ sistema tal-IA. Il-valutazzjoni ta’ diffikultajiet eċċessivi jenħtieġ li ssir ukoll mill-qrati nazzjonali fuq bażi ta’ każ b’każ. Filwaqt li jenħtieġ li attur jipprovdi argumenti biex juri diffikultajiet eċċessivi, jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa prova ta’ tali diffikultajiet. Pereżempju, f’talba li tikkonċerna sistema tal-IA, jenħtieġ li l-attur, sabiex il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi li jeżistu diffikultajiet eċċessivi, la jkun meħtieġ li jispjega l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema tal-IA u lanqas kif dawn il-karatteristiċi jagħmluha aktar diffiċli li tiġi stabbilita r-rabta kawżali. Jenħtieġ li l-konvenut ikollu l-possibbiltà li jikkontesta l-elementi kollha tat-talba, inkluża l-eżistenza ta’ diffikultajiet eċċessivi. |
|
(49) |
Fl-interess ta’ tqassim ġust tar-riskju, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jiġu eżentati mir-responsabbiltà jekk ikunu jistgħu jagħtu prova tal-eżistenza ta’ ċirkostanzi eżoneranti speċifiċi. Jenħtieġ li ma jkunux responsabbli meta jkunu jistgħu jagħtu prova li persuna għajrhom stess tkun wasslet biex il-prodott jitlaq mill-proċess tal-manifattura kontra r-rieda tagħha jew li l-konformità mar-rekwiżiti legali kienet ir-raġuni proprja għad-difett tal-prodott. |
|
(50) |
Il-mument tal-introduzzjoni fis-suq jew tat-tqegħid fis-servizz normalment huwa l-mument meta prodott jitlaq mill-kontroll tal-manifattur, filwaqt li, għad-distributuri, huwa l-mument meta jqiegħdu l-prodott fis-suq. Għalhekk, jenħtieġ li l-manifatturi jkunu eżentati mir-responsabbiltà meta jagħtu prova li x’aktarx li d-difett li kkawża d-dannu ma kienx jeżisti meta introduċew il-prodott fis-suq jew qegħduh fis-servizz jew li d-difett seħħ wara dak il-mument. Madankollu, peress li t-teknoloġiji diġitali jippermettu lill-manifatturi jeżerċitaw kontroll lil hinn mill-mument tal-introduzzjoni tal-prodott fis-suq jew tat-tqegħid fis-servizz, jenħtieġ li l-manifatturi jibqgħu responsabbli għad-difetti li jseħħu wara dak il-mument bħala riżultat ta’ software jew ta’ servizzi relatati fil-kontroll tagħhom, kemm jekk fil-forma ta’ aġġornamenti jew ammeljoramenti jew algoritmi ta’ tagħlim awtomatiku. Jenħtieġ li tali software jew servizzi relatati jitqiesu bħala li huma fil-kontroll tal-manifattur meta jiġu fornuti minn dak il-manifattur jew meta dak il-manifattur jawtorizzahom jew inkella jagħti l-kunsens biex jiġu fornuti minn parti terza. Pereżempju, jekk televixin intelliġenti jiġi ppreżentat bħala li jinkludi applikazzjoni tal-vidjo, iżda l-utent ikun meħtieġ iniżżel l-applikazzjoni mis-sit web ta’ parti terza wara x-xiri tat-televixin, il-manifattur tat-televixin jenħtieġ li jibqa’ responsabbli, flimkien mal-manifattur tal-applikazzjoni tal-vidjo, għad-dannu kkawżat minn kwalunkwe difett tal-applikazzjoni tal-vidjo, anki jekk id-difett ikun seħħ biss wara li t-televixin ikun ġie introdott fis-suq. |
|
(51) |
Il-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jevitaw ir-responsabbiltà billi jagħtu prova li d-difett seħħ wara li jkunu introduċew il-prodott fis-suq jew qegħduh fis-servizz jenħtieġ li tiġi ristretta meta d-difett ta’ prodott ikun jikkonsisti min-nuqqas ta’ aġġornamenti jew ammeljoramenti tas-software meħtieġa biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet taċ-ċibersigurtà u jżommu s-sikurezza tal-prodott. Tali vulnerabbiltajiet jistgħu jaffettwaw il-prodott b’tali mod li jikkawża dannu skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva. B’rikonoxximent tar-responsabbiltajiet tal-manifatturi skont il-liġi tal-Unjoni għas-sikurezza tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, bħal skont ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), jenħtieġ ukoll li l-manifatturi ma jkunux eżentati mir-responsabbiltà għad-dannu kkawżat mill-prodotti difettużi tagħhom meta d-difett jirriżulta min-nuqqas tagħhom li jfornu l-aġġornamenti jew l-ammeljoramenti tas-sigurtà tas-software li jkunu meħtieġa biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet ta’ dawk il-prodotti b’reazzjoni għar-riskji taċ-ċibersigurtà li qed jevolvu. Jenħtieġ li tali responsabbiltà ma tapplikax meta l-provvista jew l-installazzjoni ta’ tali software ma tkunx fil-kontroll tal-manifattur, pereżempju meta s-sid tal-prodott ma jinstallax aġġornament jew ammeljorament fornut bl-iskop li jiġi żgurat jew li jinżamm il-livell ta’ sikurezza tal-prodott. Din id-Direttiva ma timponi l-ebda obbligu li jiġu pprovduti aġġornamenti jew ammeljoramenti għal prodott. |
|
(52) |
Fl-interessi ta’ tqassim ġust tar-riskju, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jiġu eżentati mir-responsabbiltà jekk jagħtu prova li l-istat tal-għarfien xjentifiku u tekniku, iddeterminat b’referenza għall-aktar livell avvanzat ta’ għarfien oġġettiv aċċessibbli u mhux għall-għarfien proprju tal-operatur ekonomiku inkwistjoni, waqt il-perjodu li fih il-prodott kien fil-kontroll tal-manifattur, kien tali li l-eżistenza tad-difett ma setgħetx tiġi skoperta. |
|
(53) |
Jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet li fihom żewġ partijiet jew aktar ikunu responsabbli għall-istess dannu, b’mod partikolari meta komponent difettuż jiġi integrat fi prodott li jikkawża dannu. F’tali każ, jenħtieġ li l-persuna li tbati l-ħsara tkun tista’ tfittex kumpens kemm mill-manifattur li jkun integra l-komponent difettuż fil-prodott tiegħu kif ukoll mill-manifattur tal-komponent difettuż innifsu. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-persuni fiżiċi, jenħtieġ li l-partijiet kollha jinżammu responsabbli in solidum f’tali sitwazzjonijiet. |
|
(54) |
Livell għoli ta’ innovazzjoni huwa partikolarment meħtieġ fis-settur tas-software. Bil-ħsieb li tiġi appoġġjata l-kapaċità innovattiva tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi ż-żgħar li jimmanifatturaw is-software, jenħtieġ li jkun possibbli li tali intrapriżi jaqblu kuntrattwalment mal-manifatturi li jintegraw is-software tagħhom fi prodott li dawn tal-aħħar mhux se jfittxu rikors mill-manifattur tas-software f’każ li komponent tas-software difettuż jikkawża ħsara. Tali ftehimiet kuntrattwali, diġà użati f’xi Stati Membri, jenħtieġ li jiġu permessi, peress li l-manifattur tal-prodott kollu kemm hu huwa fi kwalunkwe każ responsabbli għal kwalunkwe difett fil-prodott, inkluż fil-komponenti. Madankollu, jenħtieġ li r-responsabbiltà lejn persuna li tbati l-ħsara qatt ma tkun limitata jew eskluża minn tali ftehim kuntrattwali. |
|
(55) |
Jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet li fihom l-atti u l-ommissjonijiet ta’ persuna għajr operatur ekonomiku potenzjalment responsabbli jikkontribwixxu, minbarra għad-difett tal-prodott, għall-kawża tad-dannu mġarrab, bħal parti terza li tisfrutta vulnerabbiltà taċ-ċibersigurtà ta’ prodott. Fl-interessi tal-protezzjoni tal-konsumaturi, meta prodott ikun difettuż, pereżempju minħabba vulnerabbiltà li tagħmel il-prodott anqas sikur milli l-pubbliku ġenerali jkun intitolat li jistenna, jenħtieġ li r-responsabbiltà tal-operatur ekonomiku ma tiġix imnaqqsa jew soppressa bħala riżultat ta’ tali atti jew ommissjonijiet minn parti terza. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li r-responsabbiltà tal-operatur ekonomiku tiġi mnaqqsa jew soppressa meta l-persuni li jbatu l-ħsara nfushom ikunu kkontribwew b’mod negliġenti għall-kawża tad-dannu, pereżempju meta l-persuna li tbati l-ħsara b’mod negliġenti tkun naqset milli tinstalla aġġornamenti jew ammeljoramenti pprovduti mill-operatur ekonomiku li kieku kienu jtaffu jew jevitaw id-dannu. |
|
(56) |
L-objettiv tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi jiddgħajjef li kieku kellu jkun possibbli li r-responsabbiltà ta’ operatur ekonomiku tiġi limitata jew eskluża permezz ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali. Għalhekk, jenħtieġ li ma tkun permessa l-ebda deroga kuntrattwali. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li ma jkunx possibbli li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali jillimitaw jew jeskludu r-responsabbiltà, pereżempju billi jiffissaw limiti massimi finanzjarji fuq ir-responsabbiltà ta’ operatur ekonomiku. |
|
(57) |
Minħabba li l-prodotti jiddeterjoraw maż-żmien u minħabba li jiġu żviluppati standards ogħla tas-sikurezza hekk kif l-istat tax-xjenza u tat-teknoloġija jimxi ’l quddiem, ma jkunx raġonevoli li l-manifatturi jsiru responsabbli għal perjodu ta’ żmien mhux limitat għad-difett tal-prodotti tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li r-responsabbiltà tkun soġġetta għal tul ta’ żmien raġonevoli, jiġifieri 10 snin mill-introduzzjoni fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz ta’ prodott (il-“perjodu ta’ skadenza”), mingħajr preġudizzju għal talbiet pendenti fi proċedimenti legali. Sabiex jiġi evitat li l-possibbiltà ta’ kumpens għal dannu kkawżat minn prodott difettuż tiġi limitata b’mod mhux raġonevoli, jenħtieġ li l-perjodu ta’ skadenza jkun estiż għal 25 sena f’każijiet fejn, skont evidenza medika, is-sintomi ta’ dannu personali jdumu biex jitfaċċaw. |
|
(58) |
Peress li prodotti sostanzjalment modifikati huma essenzjalment prodotti ġodda, jenħtieġ li perjodu ta’ skadenza ġdid jibda jiddekorri wara li prodott ikun ġie mmodifikat sostanzjalment u sussegwentement ikun tqiegħed fis-suq jew tqiegħed fis-servizz, pereżempju bħala riżultat tal-manifattura mill-ġdid. Jenħtieġ li l-aġġornamenti jew l-ammeljoramenti li ma jammontawx għal modifika sostanzjali tal-prodott ma jaffettwawx il-perjodu ta’ skadenza li japplika għall-prodott oriġinali. |
|
(59) |
Il-possibbiltà prevista f’din id-Direttiva li permezz tagħha operatur ekonomiku li jagħti prova li l-istat tal-għarfien xjentifiku u tekniku fiż-żmien meta prodott ġie introdott fis-suq jew tqiegħed fis-servizz jew matul il-perjodu li fih il-prodott kien fil-kontroll tal-manifattur ma kienx tali li jippermetti li tiġi skoperta l-eżistenza ta’ difett jista’ jevita r-responsabbiltà, l-hekk imsejħa “difiża bbażata fuq ir-riskji tal-iżvilupp” tista’ titqies f’ċerti Stati Membri bħala li tillimita indebitament il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li Stat Membru jidderoga minn dik il-possibbiltà billi jintroduċi miżuri ġodda, jew jemenda l-miżuri eżistenti, biex jestendi r-responsabbiltà f’tali sitwazzjonijiet għal tipi speċifiċi ta’ prodotti jekk dan ikun meqjus meħtieġ, proporzjonat u ġġustifikat mill-objettivi ta’ interess pubbliku, bħal dawk stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u ċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi li joperaw madwar l-Unjoni, l-użu ta’ tali deroga mid-difiża bbażata fuq ir-riskji tal-iżvilupp jenħtieġ li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni, li mbagħad jenħtieġ li tinforma lill-Istati Membri l-oħra. Sabiex tiffaċilita approċċ koerenti madwar l-Istati Membri u l-konsistenza mal-objettivi ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ toħroġ opinjonijiet mhux vinkolanti dwar il-miżuri jew l-emendi proposti. Sabiex iħalli żmien għall-ħruġ ta’ opinjoni, Stat Membru li jipproponi tali miżuri jew emendi jenħtieġ li jżomm il-miżuri jew l-emendi proposti sospiżi għal sitt xhur wara n-notifika tagħhom lill-Kummissjoni, sakemm il-Kummissjoni ma toħroġx opinjoni qabel. Tali opinjoni jenħtieġ li tinħareġ wara kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu l-fehmiet ta’ Stati Membri oħra, jekk ikun hemm. Fl-interess taċ-ċertezza legali u biex tiġi ffaċilitata l-kontinwità tal-arranġamenti stabbiliti skont id-Direttiva 85/374/KEE, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li Stat Membru jżomm derogi eżistenti mid-difiża bbażata fuq ir-riskji tal-iżvilupp fis-sistema legali tiegħu. |
|
(60) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni armonizzata ta’ din id-Direttiva mill-qrati nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jippubblikaw is-sentenzi finali tal-qorti dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti skont din id-Direttiva, jiġifieri dawk is-sentenzi li ma jistgħux jiġu appellati jew li ma jistgħux jiġu appellati aktar. Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa biss jippubblikaw is-sentenzi tal-qrati nazzjonali tal-appell jew tal-ogħla istanza. |
|
(61) |
Sabiex jiżdied il-fehim ta’ kif din id-Direttiva tiġi applikata fil-livell nazzjonali, għall-benefiċċju ta’, fost l-oħrajn, il-pubbliku, il-prattikanti legali, l-akkademiċi u l-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data faċilment aċċessibbli u disponibbli għall-pubbliku li jkun fiha s-sentenzi rilevanti kif ukoll referenzi għal sentenzi rilevanti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
(62) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva. Skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (17), jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji tal-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud u jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għal valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri ulterjuri possibbli. Fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi l-metodoloġija għall-kalkoli użata fl-evalwazzjoni tagħha. Huwa importanti li l-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni rilevanti kollha b’mod li jevita r-regolamentazzjoni żejda u piż amministrattiv għall-Istati Membri u għall-operaturi ekonomiċi, bl-użu ta’ informazzjoni mis-sorsi rilevanti u affidabbli kollha, inklużi l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-korpi u l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti internazzjonalment. |
|
(63) |
Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal prodotti introdotti fis-suq jew imqiegħda fis-servizz qabel id-9 ta’ Diċembru 2026. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu previsti arranġamenti tranżizzjonali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà kontinwa skont id-Direttiva 85/374/KEE għal dannu kkawżat minn prodotti difettużi li ġew introdotti fis-suq jew tqiegħdu fis-servizz qabel dik id-data. |
|
(64) |
Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu żgurati l-funzjonament tas-suq intern, il-kompetizzjoni mingħajr tfixkil u livell għoli ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li s-suq tal-oġġetti jikkonċerna l-Unjoni kollha, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-effett ta’ armonizzazzjoni tar-regoli komuni dwar ir-responsabbiltà, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u objettiv
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar ir-responsabbiltà tal-operaturi ekonomiċi għad-dannu li jġarrbu persuni fiżiċi u li jkun ikkawżat minn prodotti difettużi, u dwar il-kumpens għal tali dannu.
L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ persuni fiżiċi oħra.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti introdotti fis-suq jew imqiegħda fis-servizz wara d-9 ta’ Diċembru 2026.
2. Din id-Direttiva ma tapplikax għal software liberu u b’sors miftuħ żviluppat jew fornut barra mill-kors ta’ attività kummerċjali.
3. Din id-Direttiva ma tapplikax għal dannu li jinħoloq minn inċidenti nukleari sa fejn ir-responsabbiltà għal tali dannu tkun koperta minn konvenzjonijiet internazzjonali rratifikati mill-Istati Membri.
4. Din id-Direttiva ma taffettwax:
|
(a) |
l-applikabbiltà tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttivi 2002/58/KE u (UE) 2016/680; |
|
(b) |
kwalunkwe dritt li persuna li tbati l-ħsara jkollha skont ir-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali jew dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali għal raġunijiet oħrajn minbarra d-difett ta’ prodott kif previst f’din id-Direttiva, inklużi regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni; |
|
(c) |
kwalunkwe dritt li persuna li tbati l-ħsara jkollha taħt kwalunkwe sistema ta’ responsabbiltà speċjali li kienet teżisti fil-liġi nazzjonali fit-30 ta’ Lulju 1985. |
Artikolu 3
Livell ta’ armonizzazzjoni
L-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva, inklużi dispożizzjonijiet aktar stretti jew anqas stretti, biex jinkiseb livell differenti ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u għal persuni fiżiċi oħra, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva.
Artikolu 4
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“prodott” tfisser il-beni mobbli kollha, anki jekk integrati f’ben mobbli ieħor jew f’ben immobbli jew jekk interkonnessi magħhom; tinkludi l-elettriku, il-fajls tal-manifattura diġitali, il-materja prima u s-software; |
|
(2) |
“fajl tal-manifattura diġitali” tfisser verżjoni diġitali jew mudell diġitali ta’ ben mobbli li jkun fiha l-informazzjoni funzjonali meħtieġa għall-produzzjoni ta’ oġġett tanġibbli billi tippermetti l-kontroll awtomatizzat ta’ makkinarju jew għodod; |
|
(3) |
“servizz relatat” tfisser servizz diġitali li huwa integrat fi prodott jew interkonness miegħu b’tali mod li n-nuqqas tiegħu jimpedixxi lill-prodott milli jwettaq waħda jew aktar mill-funzjonijiet tiegħu; |
|
(4) |
“komponent” tfisser kwalunkwe oġġett, kemm jekk tanġibbli jew intanġibbli, materja prima jew servizz relatat, li huma integrati fi prodott jew interkonnessi miegħu; |
|
(5) |
“kontroll tal-manifattur” tfisser li:
|
|
(6) |
“data” tfisser data kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18); |
|
(7) |
“tqegħid fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ prodott għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll mingħajru; |
|
(8) |
“introduzzjoni fis-suq” tfisser li prodott jitqiegħed għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni; |
|
(9) |
“tqegħid fis-servizz” tfisser l-ewwel użu ta’ prodott fl-Unjoni matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll mingħajru, f’ċirkostanzi li fihom dak il-prodott ma jkunx ġie introdott fis-suq qabel l-ewwel użu tiegħu; |
|
(10) |
“manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li:
|
|
(11) |
“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand manifattur biex taġixxi f’isem dak il-manifattur b’rabta ma’ kompiti speċifikati; |
|
(12) |
“importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tintroduċi prodott minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni; |
|
(13) |
“fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li toffri, matul attività kummerċjali, mill-anqas tnejn mis-servizzi li ġejjin: il-magazzinaġġ, l-imballaġġ, l-indirizzar u d-dispaċċ ta’ prodott, mingħajr ma jkun hemm sjieda ta’ dak il-prodott, bl-esklużjoni tas-servizzi postali kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2018/644 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), u ta’ kwalunkwe servizz postali ieħor jew servizz ta’ trasport tal-merkanzija; |
|
(14) |
“distributur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista li tqiegħed prodott fis-suq, għajr il-manifattur jew l-importatur ta’ dak il-prodott; |
|
(15) |
“operatur ekonomiku” tfisser manifattur ta’ prodott jew ta’ komponent, fornitur ta’ servizz relatat, rappreżentant awtorizzat, importatur, fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni jew distributur; |
|
(16) |
“pjattaforma online” tfisser pjattaforma online kif definita fl-Artikolu 3, il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2022/2065; |
|
(17) |
“sigriet kummerċjali” tfisser sigriet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/943; |
|
(18) |
“modifika sostanzjali” tfisser modifika ta’ prodott wara li jkun ġie introdott fis-suq jew tqiegħed fis-servizz:
|
KAPITOLU II
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IR-RESPONSABBILTÀ GĦALL-PRODOTTI DIFETTUŻI
Artikolu 5
Dritt għal kumpens
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika li ġġarrab dannu kkawżat minn prodott difettuż (il-“persuna li tbati l-ħsara”) tkun intitolata għal kumpens f’konformità ma’ din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet għal kumpens skont il-paragrafu 1 jkunu jistgħu jitressqu wkoll minn:
|
(a) |
persuna li tkun issuċċediet, jew ġiet surrogata, għad-dritt tal-persuna li tbati l-ħsara bis-saħħa tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali jew bis-saħħa tal-kuntratt; jew |
|
(b) |
persuna li taġixxi f’isem persuna li tbati l-ħsara waħda jew aktar bis-saħħa tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali. |
Artikolu 6
Dannu
1. Id-dritt għal kumpens skont l-Artikolu 5 għandu japplika fir-rigward tat-tipi ta’ dannu li ġejjin biss:
|
(a) |
mewt jew dannu personali, inkluża ħsara medikament rikonoxxuta lis-saħħa psikoloġika; |
|
(b) |
dannu lil kwalunkwe proprjetà jew il-qerda tagħha, ħlief:
|
|
(c) |
il-qerda jew il-korruzzjoni ta’ data li ma tintużax għal skopijiet professjonali. |
2. Id-dritt għal kumpens skont l-Artikolu 5 għandu jkopri t-telf materjali kollu li jirriżulta mid-dannu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Id-dritt għal kumpens għandu jkopri wkoll telf mhux materjali li jirriżulta mid-dannu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sa fejn dak it-telf ikun jista’ jiġi kkumpensat skont il-liġi nazzjonali.
3. Dan l-Artikolu ma jaffettwax il-liġi nazzjonali relatata mal-kumpens għal dannu skont reġimi oħra ta’ responsaabbiltà.
Artikolu 7
Difett
1. Prodott għandu jitqies difettuż meta ma jipprovdix is-sikurezza li persuna hija intitolata li tistenna jew li hija meħtieġa skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.
2. Fil-valutazzjoni tad-difett ta’ prodott, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, inklużi:
|
(a) |
il-preżentazzjoni u l-karatteristiċi tal-prodott, inklużi t-tikkettar, id-disinn, il-karatteristiċi tekniċi, il-kompożizzjoni u l-imballaġġ u l-istruzzjonijiet għall-assemblaġġ, għall-installazzjoni, għall-użu u għall-manutenzjoni tiegħu; |
|
(b) |
l-użu raġonevolment prevedibbli tal-prodott; |
|
(c) |
l-effett li jkollha fuq il-prodott kwalunkwe kapaċità li jitgħallem jew jikseb karatteristiċi ġodda wara li jiġi introdott fis-suq jew li jitqiegħed fis-servizz; |
|
(d) |
l-effett raġonevolment prevedibbli li jkollhom fuq il-prodott prodotti oħrajn li jistgħu jkunu mistennija li jintużaw flimkien mal-prodott, inkluż permezz ta’ interkonnessjoni; |
|
(e) |
il-mument meta l-prodott ikun ġie introdott fis-suq jew tqiegħed fis-servizz jew, meta l-manifattur iżomm kontroll fuq il-prodott wara dak il-mument, il-mument meta l-prodott ma jkunx baqa’ fil-kontroll tal-manifattur; |
|
(f) |
ir-rekwiżiti tas-sikurezza tal-prodotti rilevanti, inklużi r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà rilevanti għas-sikurezza; |
|
(g) |
kwalunkwe sejħa lura tal-prodott jew kwalunkwe intervent rilevanti ieħor relatat mas-sikurezza ta’ prodott minn awtorità kompetenti jew minn operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 8; |
|
(h) |
il-ħtiġijiet speċifiċi tal-grupp ta’ utenti li għalih huwa maħsub il-prodott; |
|
(i) |
fil-każ ta’ prodott li l-iskop proprju tiegħu huwa li jipprevjeni d-dannu, kwalunkwe nuqqas tal-prodott li jissodisfa dak l-iskop. |
3. Prodott ma għandux jitqies difettuż għall-unika raġuni li prodott aħjar, inklużi aġġornamenti jew ammeljoramenti għal prodott, ikun diġà ġie introdott fis-suq jew tqiegħed fis-servizz jew sussegwentement jiġi introdott fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz.
Artikolu 8
Operaturi ekonomiċi responsabbli għall-prodotti difettużi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi li ġejjin ikunu responsabbli għad-dannu f’konformità ma’ din id-Direttiva:
|
(a) |
il-manifattur ta’ prodott difettuż; |
|
(b) |
il-manifattur ta’ komponent difettuż, meta dak il-komponent ikun ġie integrat fi prodott jew interkonness ma’ prodott fil-kontroll tal-manifattur u b’kawża tiegħu dak il-prodott isir difettuż, u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-manifattur imsemmija fil-punt (a); u |
|
(c) |
fil-każ ta’ manifattur ta’ prodott jew komponent stabbilit barra mill-Unjoni, u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta’ dak il-manifattur:
|
Ir-responsabbiltà tal-manifattur imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għandha tkopri wkoll kwalunkwe dannu kkawżat minn komponent difettuż meta jkun ġie integrat fi prodott jew interkonness ma’ prodott fil-kontroll ta’ dak il-manifattur.
2. Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmodifika sostanzjalment prodott li ma jkunx fil-kontroll tal-manifattur u li wara tqiegħdu fis-suq jew tqiegħdu fis-servizz għandha titqies bħala manifattur tal-prodott għall-iskopijiet tal-paragrafu 1.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta ma jkunx jista’ jiġi identifikat operatur ekonomiku minn fost dawk imsemmija fil-paragrafu 1 u stabbilit fl-Unjoni, kull distributur tal-prodott difettuż ikun responsabbli meta:
|
(a) |
il-persuna li tbati l-ħsara titlob lil dak id-distributur jidentifika operatur ekonomiku minn fost dawk imsemmija fil-paragrafu 1 u stabbilit fl-Unjoni, jew id-distributur tiegħu stess li jkun fornielu dak il-prodott; u |
|
(b) |
dak id-distributur jonqos milli jidentifika operatur ekonomiku jew id-distributur tiegħu stess, kif imsemmi fil-punt (a), fi żmien xahar wieħed minn meta jirċievi t-talba msemmija fil-punt (a). |
4. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu wkoll japplika għal kwalunkwe fornitur ta’ pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti u li ma jkunx operatur ekonomiku, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065.
5. Meta l-vittmi ma jirnexxilhomx jiksbu kumpens minħabba li l-ebda waħda mill-persuni msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ma tkun tista’ tinżamm responsabbli skont din id-Direttiva, jew minħabba li l-persuni responsabbli jkunu insolventi jew ma jkunux jeżistu aktar, l-Istati Membri jistgħu jużaw skemi ta’ kumpens settorjali nazzjonali eżistenti jew jistabbilixxu oħrajn ġodda skont il-liġi nazzjonali, li preferibbilment ma jkunux iffinanzjati mid-dħul pubbliku, biex jikkumpensaw b’mod xieraq lill-persuni li jbatu l-ħsara li jkunu ġarrbu dannu kkawżat minn prodotti difettużi.
Artikolu 9
Divulgazzjoni tal-evidenza
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba ta’ persuna li titlob kumpens fi proċedimeni quddiem qorti nazzjonali għal dannu kkawżat minn prodott difettuż (l-“attur”) u li tkun ippreżentat fatti u evidenza suffiċjenti biex tappoġġja l-plawżibbiltà tat-talba għal kumpens, il-konvenut ikun meħtieġ jiddivulga evidenza rilevanti li tkun għad-dispożizzjoni tiegħu, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba ta’ konvenut li jkun ippreżenta fatti u evidenza suffiċjenti biex juri li l-konvenut ikun jeħtieġ evidenza sabiex jikkumbatti talba għal kumpens, l-attur ikun meħtieġ, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jiddivulga l-evidenza rilevanti li tkun għad-dispożizzjoni tal-attur.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-divulgazzjoni tal-evidenza skont il-paragrafi 1 u 2, u f’konformità mal-liġi nazzjonali, tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeterminaw jekk id-divulgazzjoni tal-evidenza mitluba minn parti hijiex meħtieġa u proporzjonata, il-qrati nazzjonali jqisu l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inklużi partijiet terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali u s-sigrieti kummerċjali.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta konvenut ikun meħtieġ jiddivulga informazzjoni li tkun sigriet kummerċjali jew allegat sigriet kummerċjali, il-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa, fuq talba debitament motivata ta’ parti jew fuq inizjattiva tagħhom stess, li jieħdu l-miżuri speċifiċi meħtieġa biex jippreservaw il-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni meta tintuża jew tissemma matul jew wara l-proċedimenti legali.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta parti tkun meħtieġa tiddivulga evidenza, il-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa, fuq talba debitament motivata tal-parti opposta jew meta l-qorti nazzjonali kkonċernata tqis li jkun xieraq u f’konformità mal-liġi nazzjonali, li jirrikjedu li tali evidenza tiġi ppreżentata b’mod faċilment aċċessibbli u li jinftiehem faċilment, jekk tali preżentazzjoni titqies proporzjonata mill-qorti nazzjonali f’termini ta’ spejjeż u sforz għall-parti meħtieġa.
7. Dan l-Artikolu ma jaffettwax ir-regoli nazzjonali relatati mad-divulgazzjoni ta’ evidenza qabel il-proċess, meta jkunu jeżistu tali regoli.
Artikolu 10
Oneru tal-prova
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li attur ikun meħtieġ jagħti prova tad-difett tal-prodott, tad-dannu mġarrab u tar-rabta kawżali bejn dak id-difett u dak id-dannu.
2. Għandu jiġi preżunt li l-prodott huwa difettuż meta tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-konvenut jonqos milli jiddivulga l-evidenza rilevanti skont l-Artikolu 9(1); |
|
(b) |
l-attur juri li l-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti obbligatorji ta’ sikurezza tal-prodotti stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali li huma maħsuba biex jipproteġu mir-riskju tad-dannu li tkun ġarrbet il-persuna li tbati l-ħsara; jew |
|
(c) |
l-attur juri li d-dannu kien ikkawżat minn ħsara ovvja tal-prodott waqt l-użu raġonevolment prevedibbli jew f’ċirkostanzi ordinarji. |
3. Ir-rabta kawżali bejn id-difett tal-prodott u d-dannu għandha tiġi preżunta meta jkun ġie stabbilit li l-prodott huwa difettuż u li d-dannu kkawżat ikun ta’ tip li tipikament ikun konsistenti mad-difett inkwistjoni.
4. Qorti nazzjonali għandha tippreżumi d-difett tal-prodott jew ir-rabta kawżali bejn id-difett tiegħu u d-dannu, jew it-tnejn li huma, meta, minkejja d-divulgazzjoni tal-evidenza f’konformità mal-Artikolu 9 u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ:
|
(a) |
l-attur jiffaċċja diffikultajiet eċċessivi, b’mod partikolari minħabba l-kumplessità teknika jew xjentifika, biex jagħti prova tad-difett tal-prodott jew ir-rabta kawżali bejn id-difett tiegħu u d-dannu, jew it-tnejn li huma; u |
|
(b) |
l-attur juri li x’aktarx li l-prodott huwa difettuż jew li hemm rabta kawżali bejn id-difett tal-prodott u d-dannu, jew it-tnejn li huma. |
5. Il-konvenut għandu jkollu d-dritt li jirribatti kwalunkwe waħda mill-preżunzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4.
Artikolu 11
Eżenzjoni mir-responsabbiltà
1. Operatur ekonomiku kif imsemmi fl-Artikolu 8 ma għandux ikun responsabbli għad-dannu kkawżat minn prodott difettuż jekk dak l-operatur ekonomiku jagħti prova ta’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
fil-każ ta’ manifattur jew importatur, li ma jkunx introduċa l-prodott fis-suq jew qiegħdu fis-servizz; |
|
(b) |
fil-każ ta’ distributur, li ma jkunx qiegħed il-prodott fis-suq; |
|
(c) |
li x’aktarx li d-difett li kkawża d-dannu ma kienx jeżisti fiż-żmien meta l-prodott ġie introdott fis-suq, tqiegħed fis-servizz jew, fil-każ ta’ distributur, tqiegħed fis-suq, jew li dak id-difett seħħ wara dak il-mument; |
|
(d) |
li d-difett li kkawża d-dannu huwa dovut għall-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti legali; |
|
(e) |
li l-istat oġġettiv tal-għarfien xjentifiku u tekniku fiż-żmien meta l-prodott ġie introdott fis-suq jew tqiegħed fis-servizz jew matul il-perjodu li fih il-prodott kien fil-kontroll tal-manifattur ma kienx tali li d-difett seta’ jiġi skopert; |
|
(f) |
fil-każ ta’ manifattur ta’ komponent difettuż, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), li d-difett tal-prodott li fih ikun ġie integrat dak il-komponent huwa attribwibbli għad-disinn ta’ dak il-prodott jew għall-istruzzjonijiet mogħtija mill-manifattur ta’ dak il-prodott lill-manifattur ta’ dak il-komponent; |
|
(g) |
fil-każ ta’ persuna li timmodifika prodott kif imsemmi fl-Artikolu 8(2), li d-difett li kkawża d-dannu huwa relatat ma’ parti tal-prodott li ma tkunx affettwata mill-modifika. |
2. B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (c), operatur ekonomiku ma għandux ikun eżentat mir-responsabbiltà meta d-difett ta’ prodott ikun dovut għal xi wieħed minn dawn li ġejjin, diment li jkun fil-kontroll tal-manifattur:
|
(a) |
servizz relatat; |
|
(b) |
software, inklużi aġġornamenti jew ammeljoramenti tas-software; |
|
(c) |
nuqqas ta’ aġġornamenti jew ammeljoramenti tas-software meħtieġa biex tinżamm is-sikurezza; |
|
(d) |
modifika sostanzjali tal-prodott. |
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IR-RESPONSABBILTÀ
Artikolu 12
Responsabbiltà ta’ diversi operaturi ekonomiċi
1. Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tirrigwarda d-drittijiet ta’ kontribut jew rikors, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta żewġ operaturi ekonomiċi jew aktar ikunu responsabbli għall-istess dannu skont din id-Direttiva, jistgħu jinżammu responsabbli in solidum.
2. Manifattur li jintegra s-software bħala komponent fi prodott ma għandux ikollu dritt ta’ rikors kontra l-manifattur ta’ komponent tas-software difettuż li jikkawża dannu meta:
|
(a) |
il-manifattur tal-komponent tas-software difettuż kien, fiż-żmien meta dak il-komponent tas-software ġie introdott fis-suq, mikrointrapriża jew intrapriża żgħira, jiġifieri intrapriża li, meta vvalutata flimkien mal-intrapriżi sħab kollha tagħha kif definiti fl-Artikolu 3(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (21) u l-intrapriżi relatati kollha tagħha kif definiti fl-Artikolu 3(3) ta’ dak l-Anness, jekk ikun hemm, tkun mikrointrapriża kif definita fl-Artikolu 2(3) ta’ dak l-Anness jew intrapriża żgħira kif definita fl-Artikolu 2(2) ta’ dak l-Anness; u |
|
(b) |
il-manifattur li jkun integra l-komponent tas-software difettuż fil-prodott ikun qabel kuntrattwalment mal-manifattur tal-komponent tas-software difettuż li jirrinunzja għal dak id-dritt. |
Artikolu 13
Tnaqqis tar-responsabbiltà
1. Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tirrigwarda d-drittijiet ta’ kontribut jew rikors, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbiltà ta’ operatur ekonomiku ma tiġix imnaqqsa jew soppressa meta d-dannu jkun ikkawżat kemm mid-difett ta’ prodott kif ukoll minn att jew ommissjoni ta’ parti terza.
2. Ir-responsabbiltà ta’ operatur ekonomiku tista’ tiġi mnaqqsa jew soppressa meta d-dannu jkun ikkawżat kemm mid-difett tal-prodott kif ukoll mill-ħtija tal-persuna li tbati l-ħsara jew ta’ kwalunkwe persuna li għaliha tkun responsabbli l-persuna li tbati l-ħsara.
Artikolu 14
Dritt għal rikors
Meta aktar minn operatur ekonomiku wieħed ikun responsabbli għall-istess dannu, operatur ekonomiku li jkun ikkumpensa lill-persuna li tbati l-ħsara għandu jkun intitolat li jfittex rimedji kontra operaturi ekonomiċi oħra responsabbli skont l-Artikolu 8 f’konformità mal-liġi nazzjonali.
Artikolu 15
Esklużjoni jew limitazzjoni tar-responsabbiltà
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbiltà ta’ operatur ekonomiku skont din id-Direttiva ma tkunx, b’rabta mal-persuna li tbati l-ħsara, limitata jew eskluża minn dispożizzjoni kuntrattwali jew mil-liġi nazzjonali.
Artikolu 16
Perjodu ta’ preskrizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li japplika perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għall-bidu tal-proċedimenti biex jintalab kumpens għad-dannu li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih il-persuna li tbati l-ħsara tkun saret taf, jew raġonevolment kellha ssir taf, b’dawn kollha li ġejjin:
|
(a) |
id-dannu; |
|
(b) |
id-difett; |
|
(c) |
l-identità tal-operatur ekonomiku rilevanti li jista’ jinżamm responsabbli għad-dannu skont l-Artikolu 8. |
2. Il-liġi nazzjonali li tirregola s-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perjodu ta’ preskrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ma għandhiex tiġi affettwata minn din id-Direttiva.
Artikolu 17
Perjodu ta’ skadenza
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li tbati l-ħsara ma tibqax intitolata għal kumpens skont din id-Direttiva malli jiskadi perjodu ta’ għaxar snin, sakemm dik il-persuna li tbati l-ħsara ma tkunx, sadanittant, bdiet proċedimenti kontra operatur ekonomiku li jista’ jinżamm responsabbli skont l-Artikolu 8. Dak il-perjodu għandu jiddekorri:
|
(a) |
mid-data li fiha l-prodott difettuż li kkawża d-dannu jkun ġie introdott fis-suq jew tqiegħed fis-servizz; jew |
|
(b) |
fil-każ ta’ prodott sostanzjalment modifikat, id-data li fiha dak il-prodott tqiegħed fis-suq jew tqiegħed fis-servizz wara l-modifika sostanzjali tiegħu. |
2. B’eċċezzjoni mill-paragrafu 1, meta persuna li tbati l-ħsara ma setgħetx tibda proċedimenti fi żmien għaxar snin mid-dati msemmija fil-paragrafu 1 minħabba l-latenza ta’ dannu personali, il-persuna li tbati l-ħsara ma għandhiex tibqa’ intitolata għal kumpens skont din id-Direttiva malli jiskadi perjodu ta’ 25 sena, sakemm dik il-persuna li tbati l-ħsara ma tkunx, sadanittant, bdiet proċedimenti kontra operatur ekonomiku li jista’ jinżamm responsabbli skont l-Artikolu 8.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 18
Deroga mid-difiża bbażata fuq ir-riskji tal-iżvilupp
1. L-Istati Membri jistgħu, b’deroga mill-Artikolu 11(1), il-punt (e), iżommu fis-sistemi legali tagħhom il-miżuri eżistenti fejn l-operaturi ekonomiċi jkunu responsabbli anki jekk jagħtu prova li l-istat oġġettiv tal-għarfien xjentifiku u tekniku fiż-żmien meta l-prodott ġie introdott fis-suq jew tqiegħed fis-servizz jew matul il-perjodu li fih il-prodott kien fil-kontroll tal-manifattur ma kienx tali li d-difett seta’ jiġi skopert.
Kwalunkwe Stat Membru li jixtieq iżomm miżuri f’konformità ma’ dan il-paragrafu għandu jinnotifika t-test tal-miżuri lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid-9 ta’ Diċembru 2026. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra b’dan.
2. L-Istati Membri jistgħu, b’deroga mill-Artikolu 11(1), il-punt (e), jintroduċu jew jemendaw fis-sistemi legali tagħhom miżuri fejn l-operaturi ekonomiċi jkunu responsabbli anki jekk jagħtu prova li l-istat oġġettiv tal-għarfien xjentifiku u tekniku fiż-żmien meta l-prodott ġie introdott fis-suq jew tqiegħed fis-servizz jew matul il-perjodu li fih il-prodott kien fil-kontroll tal-manifattur ma kienx tali li d-difett seta’ jiġi skopert.
3. Il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 2 għandhon ikunu:
|
(a) |
limitati għal kategoriji speċifiċi ta’ prodotti; |
|
(b) |
iġġustifikati minn objettivi ta’ interess pubbliku; u |
|
(c) |
proporzonjati fis-sens li jkunu adatti biex jiżguraw il-kisba tal-objettivi fil-mira u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
4. Kwalunkwe Stat Membru li jixtieq jintroduċi jew jemenda miżura msemmija fil-paragrafu 2 għandu jinnotifika t-test tal-miżura proposta lill-Kummissjoni u għandu jipprovdi ġustifikazzjoni ta’ kif dik il-miżura tikkonforma mal-paragrafu 3. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra b’dan.
5. Il-Kummissjoni tista’, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi notifika skont il-paragrafu 4, toħroġ opinjoni dwar it-test tal-miżura proposta u l-ġustifikazzjoni għal dik il-miżura, filwaqt li tqis kwalunkwe osservazzjoni li tirċievi minn Stati Membri oħra. L-Istat Membru li jixtieq jintroduċi jew jemenda dik il-miżura għandu jżomm dik il-miżura sospiża għal sitt xhur wara n-notifika tagħha lill-Kummissjoni, sakemm il-Kummissjoni ma toħroġx l-opinjoni tagħha qabel.
Artikolu 19
Trasparenza
1. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw, f’format faċilment aċċessibbli u elettroniku, kwalunkwe sentenza finali mogħtija mill-qrati nazzjonali tal-appell jew tal-ogħla istanza tagħhom fil-proċedimenti mibdija skont din id-Direttiva. Il-pubblikazzjoni ta’ tali sentenza għandha ssir f’konformità mal-liġi nazzjonali.
2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data faċilment aċċessibbli u disponibbli għall-pubbliku li jkun fiha s-sentenzi msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 20
Evalwazzjoni
Il-Kummissjoni għandha, sad-9 ta’ Diċembru 2030, u kull ħames snin wara, tevalwa l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, tqabbil mal-pajjiżi tal-OECD u d-disponibbiltà tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà għall-prodotti.
Artikolu 21
Tħassir u dispożizzjoni tranżizzjonali
Id-Direttiva 85/374/KEE hija mħassra b’effett mid-9 ta’ Diċembru 2026. Madankollu, hija għandha tkompli tapplika fir-rigward tal-prodotti introdotti fis-suq jew imqiegħda fis-servizz qabel dik id-data.
Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.
Artikolu 22
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sad-9 ta’ Diċembru 2026. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 23
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 24
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
ZSIGMOND B. P.
(1) ĠU C 140, 21.4.2023, p. 34.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Ottubru 2024.
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29).
(4) Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).
(5) Ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) (ĠU L, 2024/1689, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1689/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(7) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(8) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
(9) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(10) Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).
(11) Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).
(12) Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).
(13) Ir-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE (ĠU L 135, 23.5.2023, p. 1).
(14) Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).
(15) Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).
(16) Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1).
(17) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(18) Ir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Att dwar il-Governanza tad-Data) (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 1).
(19) Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14).
(20) Ir-Regolament (UE) 2018/644 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018 dwar servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini (ĠU L 112, 2.5.2018, p. 19).
(21) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
ANNESS
Tabella ta’ korrelazzjoni
|
Id-Direttiva 85/374/KEE |
Din id-Direttiva |
|
L-Artikolu 1 |
L-Artikolu 1 |
|
— |
L-Artikolu 2(2) |
|
— |
L-Artikolu 3 |
|
L-Artikolu 2 |
L-Artikolu 4, point (1) |
|
— |
L-Artikolu 4, il-punti (2) sa (9), (11) u (13) sa (18) |
|
L-Artikolu 3(1) |
L-Artikolu 4, il-punt (10), u l-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b) |
|
L-Artikolu 3(2) |
L-Artikolu 4, il-punt (12), u l-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c)(i) |
|
— |
L-Artikolu 5 |
|
L-Artikolu 3(3) |
L-Artikolu 8(3) |
|
— |
L-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c)(ii) u (iii), u t-tieni subparagrafu, u (2), (4) u (5) |
|
— |
L-Artikolu 9 |
|
L-Artikolu 4 |
L-Artikolu 10(1) |
|
— |
L-Artikolu 10(2) u (5) |
|
L-Artikolu 5 |
L-Artikolu 12(1) |
|
— |
L-Artikolu 12(2) |
|
L-Artikolu 6 |
L-Artikolu 7 |
|
L-Artikolu 7 |
L-Artikolu 11 |
|
L-Artikolu |
L-Artikolu 13 |
|
— |
L-Artikolu 14 |
|
L-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) |
L-Artikolu 6(1), il-punt (a) |
|
L-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, il-punt (b) |
L-Artikolu 6(1), il-punt (b) |
|
— |
L-Artikolu 6(1), il-punt (c) |
|
— |
L-Artikolu 6(2) |
|
L-Artikolu 9, it-tieni paragrafu |
L-Artikolu 6(3) |
|
L-Artikolu 10 |
L-Artikolu 16 |
|
L-Artikolu 11 |
L-Artikolu 17(1) |
|
— |
L-Artikolu 17(2) |
|
L-Artikolu 12 |
L-Artikolu 15 |
|
— |
L-Artikolu 19 |
|
L-Artikolu 13 |
L-Artikolu 2(5), il-punti (b) u (c) |
|
— |
L-Artikolu 2(5), il-punt (a) |
|
L-Artikolu 14 |
L-Artikolu 2(3) |
|
— |
L-Artikolu 18(1) |
|
L-Artikolu 15(1), il-punt (b) |
L-Artikolu 18(2) |
|
L-Artikolu 15(2) u (3) |
L-Artikolu 18(3), (4) u (5) |
|
L-Artikolu 16 |
— |
|
L-Artikolu 17 |
L-Artikolu 2(1) |
|
— |
L-Artikolu 20 |
|
— |
L-Artikolu 21 |
|
L-Artikolu 18 |
— |
|
L-Artikolu 19 |
L-Artikolu 22(1) |
|
L-Artikolu 20 |
L-Artikolu 22(2) |
|
L-Artikolu 21 |
L-Artikolu 20 |
|
— |
L-Artikolu 23 |
|
L-Artikolu 22 |
L-Artikolu 24 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2853/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)