Eureka 32024R1183 Sign in
European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1183

30.4.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1183 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ April 2024

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2020“Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa” tħabbar reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) biex ittejjeb l-effettività tiegħu, jiġu estiżi l-benefiċċji tiegħu għas-settur privat u jiġu promossi identitajiet diġitali affidabbli għall-Ewropej kollha.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-1 u t-2 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tipproponi l-iżvilupp ta’ qafas għall-UE kollha għal identifikazzjoni elettronika pubblika sigura, inkluż firem diġitali interoperabbli, biex in-nies jingħataw kontroll fuq l-identità u d-data online tagħhom kif ukoll biex servizzi diġitali pubbliċi, privati u transfruntieri jkunu jistgħu jiġu aċċessati.

(3)

Il-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali, stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jistipula l-objettivi u l-miri diġitali ta’ qafas tal-Unjoni li, sal-2030, huma maħsuba li jwasslu għal diffużjoni wiesgħa ta’ identità diġitali affidabbli, volontarja u kkontrollata mill-utenti rikonoxxuta fl-Unjoni kollha u li tippermetti lil kull utent jikkontrolla d-data tiegħu f’interazzjonijiet online.

(4)

Id-“Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali” proklamata mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni (6) (id- “Dikjarazzjoni”), tissottolinja d-dritt ta’ kulħadd li jaċċessa teknoloġiji, prodotti u servizzi diġitali mfassla biex ikunu sikuri, siguri u protettivi għall-privatezza. Dan jinkludi l-iżgurar li l-persuni kollha li jgħixu fl-Unjoni jiġu offruti identità diġitali aċċessibbli, sigura u affidabbli li tippermetti l-aċċess għal firxa wiesgħa ta’ servizzi online u offline, protetta minn riskji għaċ-ċibersigurtà u miċ-ċiberkriminalità fosthom ksur ta’ data u s-serq jew il-manipulazzjoni tal-identità. Id-Dikjarazzjoni tgħid ukoll li kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tiegħu. Dak id-dritt jinkludi l-kontroll fuq kif tintuża d-data u ma’ min tiġi kondiviża.

(5)

Iċ-ċittadini tal-Unjoni u r-residenti fl-Unjoni jenħtieġ li jkollhom id-dritt għal identità diġitali li tkun taħt il-kontroll uniku tagħhom u li tippermettilhom jeżerċitaw drittijiethom fl-ambjent diġitali u jipparteċipaw fl-ekonomija diġitali. Biex jintlaħaq dak l-għan, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas Ewropew tal-identità diġitali li jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni u lir-residenti fl-Unjoni jaċċessaw servizzi pubbliċi u privati online u offline madwar l-Unjoni.

(6)

Qafas armonizzat tal-identità diġitali jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Unjoni aktar integrata f’livell diġitali billi jnaqqas l-ostakli diġitali bejn l-Istati Membri u jsaħħaħ il-pożizzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u r-residenti fl-Unjoni biex igawdu l-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni filwaqt li jżid it-trasparenza u l-protezzjoni ta’ drittijiethom.

(7)

Approċċ aktar armonizzat għall-identifikazzjoni elettronika jenħtieġ li jnaqqas ir-riskji u l-kostijiet tal-frammentazzjoni attwali minħabba l-użu ta’ soluzzjonijiet nazzjonali diverġenti jew, f’xi Stati Membri, in-nuqqas ta’ tali soluzzjonijiet ta’ identifikazzjoni elettronika. Tali approċċ jenħtieġ li jsaħħaħ is-suq intern billi jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni, lir-residenti fl-Unjoni, kif definiti mil-liġi nazzjonali, u lin-negozji jidentifikaw lilhom infushom u jipprovdu awtentikazzjoni tal-identità tagħhom online u offline b’mod sikur, affidabbli, faċli għall-utent, konvenjenti, aċċessibbli u armonizzat, madwar l-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tagħti lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi madwar l-Unjoni mezz armonizzat ta’ identifikazzjoni elettronika li jippermettilhom jawtentikaw u jikkondividu d-data marbuta mal-identità tagħhom. Jenħtieġ li kulħadd ikun jista’ jaċċessa b’mod sigur is-servizzi pubbliċi u privati, waqt li jiddependi fuq ekosistema mtejba għas-servizzi fiduċjarji u fuq provi vverifikati tal-identità u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi, bħall-kwalifiki akkademiċi, fosthom lawrji tal-Università, jew titoli oħra edukattivi jew professjonali. Il-Qafas Ewropew tal-Identità Diġitali huwa maħsub biex jwassal għal bidla mid-dipendenza fuq soluzzjonijiet nazzjonali biss tal-identità diġitali, għall-forniment ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi li jkunu validi u rikonoxxuti legalment fl-Unjoni kollha. Il-fornituri ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jenħtieġ li jibbenefikaw minn sett ċar u uniformi ta’ regoli, waqt li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq dokumenti elettroniċi f’format partikolari.

(8)

Diversi Stati Membri implimentaw u jużaw mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika aċċettati mill-fornituri tas-servizzi fl-Unjoni. Barra minn hekk, saru investimenti kemm f’soluzzjonijiet nazzjonali kif ukoll f’soluzzjonijiet transfruntiera abbażi tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, inkluż l-interoperabbiltà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati skont dak ir-Regolament. Sabiex jiġu żgurati l-komplementarjetà u l-adozzjoni rapida tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali mill-utenti attwali ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati u sabiex jiġi minimizzat l-impatt fuq il-fornituri tas-servizzi eżistenti, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali mistennija li jibbenefikaw billi jkomplu fuq l-esperjenza meħuda b’mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika eżistenti u mill-infrastruttura ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati implimentati fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u, fejn rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) japplikaw għall-attivitajiet kollha tal-ipproċessar ta’ data personali skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014. Is-soluzzjonijiet skont il-qafas tal-interoperabbiltà previsti f’dan ir-Regolament jikkonformaw ukoll ma’ dawk ir-regoli. Il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data tipprevedi prinċipji tal-protezzjoni tad-data, bħall-minimizzazzjoni tad-data u l-prinċipju u l-obbligi tal-limitazzjoni tal-iskop, bħall-protezzjoni tad-data intenzjonata u prestabbilita.

(10)

Sabiex tiġi appoġġata l-kompetittività tan-negozji tal-Unjoni, il-fornituri ta’ servizzi kemm online kif ukoll offline jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq soluzzjonijiet tal-identità diġitali rikonoxxuti madwar l-Unjoni kollha, irrispettivament mill-Istat Membru li fih dawn is-soluzzjonijiet ikunu previsti, u b’hekk jibbenefikaw minn approċċ Ewropew armonizzat għall-fiduċja, is-sigurtà u l-interoperabbiltà. Kemm l-utenti kif ukoll il-fornituri tas-servizzi jenħtieġ li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess valur legali previst għall-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi madwar l-Unjoni kollha. Qafas armonizzat tal-identità diġitali huwa maħsub li joħloq valur ekonomiku billi jipprovdi aċċess aktar faċli għall-oġġetti u għas-servizzi u billi jnaqqas b’mod sinifikanti l-kostijiet operazzjonali marbuta mal-proċeduri ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettroniċi, pereżempju waqt l-onboarding ta’ klijenti ġodda, billi jnaqqas il-potenzjal taċ-ċiberkriminalità, bħas-serq tal-identità, is-serq ta’ data u l-frodi online, u b’hekk jippromwovi t-titjib fl-effiċjenza u t-trasformazzjoni diġitali sigura tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) tal-Unjoni.

(11)

Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jenħtieġ li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss”, u b’hekk inaqqsu l-piż amministrattiv fuq il-mobbiltà transfruntiera taċ-ċittadini tal-Unjoni u r-residenti fl-Unjoni u tan-negozji madwar l-Unjoni, u jappoġġaw tali mobbiltà, u jrawmu l-iżvilupp ta’ servizzi tal-gvern elettroniku interoperabbli madwar l-Unjoni.

(12)

Ir-Regolament (UE) 2016/679, ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u d-Direttiva 2002/58/KE japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi salvagwardji speċifiċi biex jipprevjenu lill-fornituri ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u dawk ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi milli jikkombinaw data personali miksuba meta jipprovdu servizzi oħra mad-data personali pproċessata biex jingħataw is-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li d-data personali relatata mal-forniment tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali tinżamm loġikament separata minn kwalunkwe data oħra miżmuma mill-fornitur tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jipprevjenix lill-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali milli japplikaw miżuri tekniċi addizzjonali li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tad-data personali, bħas-separazzjoni fiżika tad-data personali relatata mal-forniment ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali minn kwalunkwe data oħra miżmuma mill-fornitur. Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, dan ir-Regolament jispeċifika ulterjorment l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, u l-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku.

(13)

Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jenħtieġ li jkollhom il-funzjoni ta’ dashboard komuni inkorporata fid-disinn, sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ trasparenza, privatezza u kontroll min-naħa tal-utenti fuq id-data personali tagħhom. Jenħtieġ li dik il-funzjoni tipprovdi interfaċċa faċli li tintuża mill-utent b’ħarsa ġenerali lejn il-partijiet dipendenti kollha li magħhom l-utent jikkondividi d-data, inkluż l-attributi, u t-tip ta’ data kondiviża minn kull parti dipendenti. Jenħtieġ li tippermetti lill-utenti jintraċċaw it-tranżazzjonijiet kollha eżegwiti permezz tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali b’mill-anqas id-data li ġejja: il-ħin u d-data tat-tranżazzjoni, l-identifikazzjoni tal-kontroparti, id-data personali mitluba u d-data kondiviża. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tinħażen anke jekk it-tranżazzjoni ma tkunx ġiet konkluża. Jenħtieġ li ma jkunx possibbli li tiġi miċħuda l-awtentiċità tal-informazzjoni li tinsab fil-kronoloġija tat-tranżazzjonijiet. Tali funzjoni jenħtieġ li tkun attiva awtomatikament. Jenħtieġ li tippermetti li l-utenti faċilment jitolbu t-tħassir minnufih minn parti dipendenti ta’ data personali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/679 u faċilment jirrappurtaw il-parti dipendenti lill-awtorità nazzjonali kompetenti għall-protezzjoni tad-data meta tasal talba għal data personali li tkun allegatament illegali jew suspettuża, direttament permezz tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.

(14)

L-Istati Membri jenħtieġ li jintegraw teknoloġiji differenti li jippreservaw il-privatezza, bħal prova ta’ żero għarfien, fil-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Dawk il-metodi kriptografiċi jenħtieġ li jippermettu lil parti dipendenti tivvalida jekk dikjarazzjoni partikolari bbażata fuq id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna u l-attestazzjoni tal-attributi tkunx vera, mingħajr ma tiżvela l-ebda data li fuqha tkun ibbażata dik id-dikjarazzjoni, u b’hekk tiġi ppreservata l-privatezza tal-utent.

(15)

Dan ir-Regolament jistipula l-kundizzjonijiet armonizzati għall-istabbiliment ta’ qafas għall-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li għandhom jiġu previsti mill-Istati Membri. Iċ-ċittadini tal-Unjoni u r-residenti fl-Unjoni kollha kif definiti mid-dritt nazzjonali jenħtieġ li jingħataw is-setgħa li b’mod sigur jitolbu, jagħżlu, iħalltu, jaħżnu, iħassru, jaqsmu u jippreżentaw data marbuta mal-identità tagħhom u jitolbu t-tħassir tad-data personali tagħhom b’mod konvenjenti u faċli għall-utent, taħt il-kontroll uniku tal-utent, filwaqt li jkun jista’ jsir l-iżvelar selettiv tad-data personali. Dan ir-Regolament jirrifletti l-valuri komuni Ewropej u jirrispetta d-drittijiet fundamentali, is-salvagwardji u r-responsabbiltà legali, u b’hekk jipproteġi s-soċjetajiet demokratiċi, iċ-ċittadini tal-Unjoni u r-residenti fl-Unjoni. Jenħtieġ li jiġu żviluppati teknoloġiji użati biex jintlaħqu dawk l-objettivi mmirati lejn l-ogħla livell ta’ sigurtà, privatezza, konvenjenza għall-utenti, aċċessibbiltà, użabbiltà wiesgħa u interoperabbiltà mingħajr xkiel. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali għall-identifikazzjoni elettronika għaċ-ċittadini u għar-residenti kollha tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li ma jillimitawx l-aċċess, direttament jew indirettament, għal servizzi pubbliċi jew privati għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jkunux għażlu li jużaw il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u jenħtieġ li jagħmlu disponibbli soluzzjonijiet alternattivi xierqa.

(16)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddependu fuq il-possibbiltajiet offruti minn dan ir-Regolament biex jipprevedu, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għall-użu mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi residenti fit-territorju tagħhom. Sabiex joffri lill-Istati Membri l-flessibbiltà u jisfrutta l-ogħla livell teknoloġiku, jenħtieġ li dan ir-Regolament jippermetti l-provvediment ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali direttament minn Stat Membru, b’mandat minn Stat Membru, jew indipendentement minn Stat Membru, iżda rikonoxxut minn dak l-Istat Membru.

(17)

Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni, il-partijiet dipendenti jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi tagħhom għall-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali. Meta jiddikjaraw l-użu maħsub tagħhom tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, il-partijiet dipendenti jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni dwar id-data li ser jitolbu, jekk ikun hemm, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom u r-raġuni għat-talba. Ir-reġistrazzjoni tal-partijiet dipendenti tiffaċilita l-verifika mill-Istati Membri fir-rigward tal-legalità tal-attivitajiet tal-partijiet dipendenti f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. L-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti f’liġi oħra tal-Unjoni jew nazzjonali, bħall-informazzjoni li għandha tingħata lis-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679. Il-partijiet dipendenti jenħtieġ li jikkonformaw mas-salvagwardji offruti mill-Artikoli 35 u 36 ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari billi jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data u billi jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-protezzjoni tad-data qabel l-ipproċessar tad-data fejn il-valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data jindikaw li l-ipproċessar jirriżulta f’riskju għoli. Tali salvagwardji jenħtieġ li jappoġġaw l-ipproċessar skont il-liġi ta’ data personali minn partijiet dipendenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kategoriji speċjali ta’ data, bħad-data dwar is-saħħa. Ir-reġistrazzjoni tal-partijiet dipendenti hija maħsuba biex issaħħaħ it-trasparenza u l-fiduċja fl-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali. Jenħtieġ li r-reġistrazzjoni tkun kosteffettiva u proporzjonata għar-riskji relatati sabiex tiġi żgurata l-adozzjoni mill-fornituri tas-servizz. F’dak il-kuntest, ir-reġistrazzjoni jenħtieġ li tipprevedi l-użu ta’ proċeduri awtomatizzati, inkluż id-dipendenza fuq ir-reġistri eżistenti u l-użu tagħhom mill-Istati Membri, u jenħtieġ li ma tinvolvix proċess ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Jenħtieġ li l-proċess ta’ reġistrazzjoni jippermetti id-diversità fil-każijiet ta’ użu li jvarjaw f’termini tal-mod ta’ tħaddim, kemm jekk online jew b’modalità offline, jew f’termini tar-rekwiżiti biex jiġi awtentikat l-apparat għall-iskopijiet tal-interfaċċa mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Ir-reġistrazzjoni jenħtieġ li tapplika esklużivament għall-partijiet dipendenti li jipprovdu servizzi permezz ta’ interazzjoni diġitali.

(18)

Is-salvagwardja taċ-ċittadini tal-Unjoni u tar-residenti fl-Unjoni kontra l-użu mhux awtorizzat jew frawdolenti tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali hija ta’ importanza kbira biex tiġi żgurata l-fiduċja fil-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u għall-adozzjoni wiesgħa tagħhom. Jenħtieġ li l-utenti jingħataw protezzjoni effettiva minn użu ħażin bħal dan. B’mod partikolari, meta l-fatti li jiffurmaw il-bażi għall-użu frawdolenti jew b’xi mod ieħor illegali ta’ Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jiġu stabbiliti minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura oħra, jenħtieġ li l-korpi superviżorji li huma responsabbli għall-emittenti tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, man-notifika, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reġistrazzjoni tal-parti dipendenti u l-inklużjoni tal-partijiet dipendenti fil-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni jiġu rtirati jew sospiżi sakemm l-awtorità notifikanti tikkonferma li l-irregolaritajiet identifikati jkunu ġew rimedjati.

(19)

Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali kollha jenħtieġ li jippermettu lill-utenti jidentifikaw u jawtentikaw lilhom infushom elettronikament online u b’modalità offline irrispettivament mill-pajjiż li jkunu fih biex jaċċessaw firxa wiesgħa ta’ servizzi pubbliċi u privati. Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Istati Membri fir-rigward tal-identifikazzjoni taċ-ċittadini u r-residenti tagħhom, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jistgħu jservu wkoll il-ħtiġijiet istituzzjonali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. L-awtentikazzjoni b’modalità offline tkun importanti f’ħafna setturi, inkluż fis-settur tas-saħħa fejn is-servizzi ta’ spiss jiġu pprovduti permezz ta’ interazzjoni wiċċ imb wiċċ u l-preskrizzjonijiet elettroniċi jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq il-kodiċijiet QR jew teknoloġiji simili biex tiġi vverifikata l-awtentiċità. Id-dipendenza fuq il-livell ta’ assigurazzjoni “għoli” fir-rigward tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jenħtieġ li jibbenefikaw mill-potenzjal offrut minn soluzzjonijiet reżistenti għat-tbagħbis bħal elementi siguri, biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sigurtà skont dan ir-Regolament. Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jenħtieġ li jippermettu wkoll lill-utenti joħolqu u jużaw firem u siġilli elettroniċi kwalifikati li huma aċċettati fl-Unjoni kollha. Ladarba l-persuni fiżiċi jiġu onboarded fuq il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, jenħtieġ li jkunu jistgħu jużawha biex jiffirmaw b’firem elettronikament kwalifikati, b’mod awtomatiku u bla ħlas, mingħajr ma jkollhom għalfejn jgħaddu minn proċeduri amministrattivi addizzjonali. Jenħtieġ li li l-utenti jkunu jistghu jiffirmaw jew jissiġillaw asserzjonijiet jew attributi awtodikjarati. Biex jinkisbu benefiċċji ta’ simplifikazzjoni u ta’ tnaqqis tal-kostijiet għall-persuni u għan-negozji fl-Unjoni kollha, inkluż billi jiġu permessi setgħat ta’ rappreżentanza u mandati elettroniċi, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li jiddependu fuq standards u speċifikazzjonijiet tekniċi komuni biex jiżguraw interoperabbiltà mingħajr xkiel u biex jgħollu b’mod adegwat il-livell ta’ sigurtà tal-IT, isaħħu r-robustezza kontra ċ-ċiberattakki u b’hekk inaqqsu b’mod sinifikanti r-riskji potenzjali tal-proċess ta’ diġitalizzazzjoni li għaddej għaċ-ċittadini tal-Unjoni, ir-residenti fl-Unjoni u l-impriżi. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biss jistgħu jagħtu livell għoli ta’ fiduċja meta jistabbilixxu l-identità ta’ persuna u għalhekk jipprovdu assigurazzjoni li l-persuna li tiddikjara jew li tafferma identità partikolari tkun fil-fatt il-persuna li qed tiddikjara li hi. Għalhekk, jeħtieġ li l-forniment tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jiddependi fuq l-identità legali taċ-ċittadini tal-Unjoni, tar-residenti fl-Unjoni jew tal-persuni ġuridiċi. Jenħtieġ li d-dipendenza fuq l-identità legali ma xxekkilx lill-utenti tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali milli jaċċessaw servizzi permezz ta’ psewdonimu, fejn ma jkun hemm l-ebda rekwiżit għall-identità legali għall-awtentikazzjoni. Il-fiduċja fil-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali tissaħħaħ jekk il-partijiet emittenti u dawk li jiġġestuha jkunu meħtieġa jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jiżguraw l-ogħla livell ta’ sigurtà li jkun proporzjonat għar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

(20)

L-użu ta’ firem elettroniċi kwalifikati jenħtieġ li jkun bla ħlas għall-persuni fiżiċi kollha għal finijiet mhux professjonali. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jipprevedu miżuri biex jipprevjenu l-użu ta’ firem elettroniċi kwalifikati għal finijiet professjonali minn persuni fiżiċi mingħajr ħlas, filwaqt li jiżguraw li kwalunkwe miżura bħal din tkun proporzjonata mar-riskji identifikati u tkun ġustifikata.

(21)

Huwa ta’ benefiċċju li jiġu ffaċilitati l-adozzjoni u l-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali billi jiġu integrati mingħajr xkiel mal-ekosistema tas-servizzi diġitali pubbliċi u privati diġà implimentati fil-livell nazzjonali, lokali jew reġjonali. Sabiex jintlaħaq dak l-għan, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jipprevedu miżuri legali u organizzazzjonali biex iżidu l-flessibbiltà għall-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u biex jippermettu funzjonalitajiet addizzjonali tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali minnbarra dawk previsti f’dan ir-Regolament, inkluż bl-interoperabbiltà miżjuda b’mezzi nazzjonali eżistenti ta’ identifikazzjoni elettronika. Jenħtieġ li tali funzjonalitajiet addizzjonali bl-ebda mod ma jkunu għad-detriment tal-forniment tal-funzjonijiet ewlenin tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali kif previsti f’dan ir-Regolament jew jippromwovu soluzzjonijiet nazzjonali eżistenti minflok il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali. Peress li jmorru lil hinn minn dan ir-Regolament, tali funzjonalitajiet addizzjonali ma jibbenefikawx mid-dispożizzjonijiet dwar id-dipendenza transfruntiera fuq il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali stipulati f’dan ir-Regolament.

(22)

Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jenħtieġ li jinkludu funzjonalità biex jiġġeneraw psewdonimi magħżula u ġestiti mill-utenti, biex jawtentikaw meta jaċċessaw is-servizzi online.

(23)

Biex jinkiseb livell għoli ta’ sigurtà u fiduċja, dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali. Il-konformità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali ma’ dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li tiġi ċċertifikata minn korpi akkreditati ta’ valutazzjoni tal-konformità maħtura mill-Istati Membri.

(24)

Sabiex jiġu evitati approċċi diverġenti u sabiex tiġi armonizzata l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni, għall-fini taċ-ċertifikazzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u fejn meħtieġ, biex tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-fini tal-espressjoni dettaljata tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ dawk ir-rekwiżiti. Sakemm iċ-ċertifikazzjoni tal-konformità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali mar-rekwiżiti rilevanti taċ-ċibersigurtà ma tkunx koperta minn skemi eżistenti ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà msemmija f’dan ir-Regolament, u fir-rigward tar-rekwiżiti mhux taċ-ċibersigurtà rilevanti għall-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu skemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni skont ir-rekwiżiti armonizzati li jinsabu f’dan ir-Regolament u adottati f’konformità miegħu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jittrażmettu l-abbozz ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali tagħhom lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar l-Identità Diġitali Ewropea, li jenħtieġ li jkun jista’ joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet.

(25)

Jenħtieġ li ċ-ċertifikazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà stabbiliti b’dan ir-Regolament, fejn disponibbli, tiddependi fuq l-iskemi Ewropej rilevanti taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) li jistabbilixxi qafas volontarju Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-prodotti, proċessi u servizzi tal-ICT.

(26)

Sabiex ir-riskji marbuta mas-sigurtà jiġu evalwati u mitigati kontinwament, jenħtieġ li l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali ċċertifikati jkunu soġġetti għal valutazzjonijiet regolari tal-vulnerabbiltà li għandhom l-għan li jaqbdu kwalunkwe vulnerabilità fil-komponenti ċertifikati tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali li jkunu marbuta mal-prodott, proċess jew servizz.

(27)

Billi jipproteġu lill-utenti u lill-kumpaniji mir-riskji għaċ-ċibersigurtà, ir-rekwiżiti essenzjali taċ-ċibersigurtà stabbiliti f’dan ir-Regolament jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tal-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza tal-individwi. Is-sinerġiji kemm dwar l-istandardizzazzjoni kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni dwar l-aspetti taċ-ċibersigurtà jenħtieġ li jitqiesu permezz tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/679 u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-protezzjoni tad-data.

(28)

Jenħtieġ li l-onboarding taċ-ċittadini tal-Unjoni u tar-residenti fl-Unjoni għall-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jiġi ffaċilitat permezz ta’ dipendenza fuq mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa fil-livell ta’ assigurazzjoni “għoli”. Jenħtieġ li d-dipendenza fuq il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa fil-livell ta’ assigurazzjoni “sostanzjali” ssir biss f’każijiet fejn l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi armonizzati li jużaw mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa fil-livell ta’ assigurazzjoni “sostanzjali” flimkien ma’ mezzi supplimentari oħra ta’ verifika tal-identità jippermettu li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward tal-livell ta’ assigurazzjoni “għoli”. Tali mezzi supplimentari jenħtieġ li jkunu affidabbli u faċli biex jintużaw u jkunu jistgħu jinbnew fuq il-possibbiltà li jintużaw proċeduri ta’ onboarding mill-bogħod, ċertifikati kwalifikati appoġġati minn firem elettroniċi kkwalifikati, attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi jew kombinazzjoni ta’ dawn. Sabiex jiġi żgurat li l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jiġu aċċettati u użati biżżejjed, jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi armonizzati għall-onboarding tal-utenti bl-użu ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika, inkluż dawk maħruġa fil-livell ta’ assigurazzjoni “sostanzjali”, jiġu stipulati f’atti ta’ implimentazzjoni.

(29)

L-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li jipprovdi lill-utent b’Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali kompletament mobbli, sigura u faċli għall-utent. Bħala miżura tranżizzjonali sakemm ikunu disponibbli soluzzjonijiet iċċertifikati reżistenti għat-tbagħbis, bħal elementi siguri fl-apparati tal-utenti, jenħtieġ li l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jkunu jistgħu jiddependu fuq elementi siguri esterni ċċertifikati għall-protezzjoni tal-materjal kriptografiku u data sensittiva oħra jew fuq mezzi elettroniċi ta’ identifikazzjoni notifikati fil-livell ta’ assigurazzjoni “għoli” sabiex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti rilevanti ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-livell ta’ assigurazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-ħruġ u l-użu ta’ element estern sigur iċċertifikat f’każ li din il-miżura tranżizzjonali tiddependi fuqu.

(30)

Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jenħtieġ li jiżguraw l-ogħla livell ta’ protezzjoni u sigurtà għad-data għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-awtentikazzjoni elettroniċi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u privati, irrispettivament minn jekk din id-data tinħażinx lokalment jew fuq soluzzjonijiet ibbażati fuq il-cloud, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-livelli differenti ta’ riskju.

(31)

Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jenħtieġ li jkunu ddisinjati siguri u jenħtieġ li jimplimentaw elementi ta’ sigurtà avvanzati biex jipproteġu kontra s-serq tal-identità u ta’ data oħra, iċ-ċaħda tas-servizz u kwalunkwe theddida ċibernetika oħra. Tali sigurtà jenħtieġ li tinkludi kriptaġġ tal-aktar livell avvanzat u metodi ta’ ħżin li jkunu aċċessibbli biss għall-utenti u li jistgħu jiġu kriptati biss mill-utenti, u li jiddependu fuq komunikazzjoni kriptata minn tarf sa tarf ma’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u ma’ partijiet dipendenti oħra. Barra minn hekk, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jenħtieġ li jirrikjedu l-konferma sigura, espliċita u attiva tal-utenti għall-operazzjonijiet imwettqa permezz tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.

(32)

L-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali mingħajr ħlas jenħtieġ li ma jirriżultax fl-ipproċessar ta’ data lil hinn minn data li hija meħtieġa għall-forniment ta’ servizzi tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jippermettix l-ipproċessar ta’ data personali maħżuna fil-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, jew li tirriżulta mill-użu tagħha, mill-fornitur tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali għal finijiet għajr il-forniment tas-servizzi tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Biex tiġi żgurata l-privatezza, il-fornituri tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jenħtieġ li jiżguraw nuqqas ta’ osservabbiltà billi ma jiġbrux data u ma jkollhomx għarfien dwar it-tranżazzjonijiet tal-utenti tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Tali nuqqas ta’ osservabbiltà jfisser li l-fornituri ma jkunux jistgħu jaraw id-dettalji tat-tranżazzjonijiet magħmula mill-utent. Madankollu, f’każijiet speċifiċi, abbażi tal-kunsens espliċitu minn qabel tal-utent għal kull wieħed minn dawk il-każijiet speċifiċi, u f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679, il-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jistgħu jingħataw aċċess għall-informazzjoni meħtieġa għall-forniment ta’ servizz partikulari marbut mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.

(33)

It-trasparenza tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u l-akkontabbiltà tal-fornituri tagħhom huma elementi ewlenin biex tinħoloq fiduċja soċjali u tiġi skattata l-aċċettazzjoni tal-qafas. Għalhekk jenħtieġ li l-funzjonament tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jkun trasparenti u, b’mod partikolari, jippermetti pproċessar verifikabbli tad-data personali. Sabiex jinkiseb dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżvelaw il-kodiċi sors tal-komponenti tas-software tal-applikazzjoni tal-utent tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, inkluż dawk li huma relatati mal-ipproċessar ta’ data personali u data ta’ persuni ġuridiċi. Jenħtieġ li l-pubblikazzjoni ta’ dan il-kodiċi tas-sors taħt liċenzja ta’ sors miftuħ tippermetti lis-soċjetà, inkluż l-utenti u l-iżviluppaturi, tifhem l-operat, l-awditjar u r-rieżami tal-kodiċi tagħha. Dan iżid il-fiduċja tal-utenti fl-ekosistema u jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali billi jippermetti lil kulħadd jirrapporta vulnerabbiltajiet u żbalji fil-kodiċi. B’mod ġenerali, dan jenħtieġ li jipprovdi inċentiv lill-fornituri biex jipprovdu u jżommu prodott sigur ħafna. Madankollu, f’ċerti każijiet, id-divulgazzjoni tal-kodiċi tas-sors għal-libreriji użati, il-kanal ta’ komunikazzjoni jew elementi oħra li mhumiex ospitati fuq l-apparat tal-utent, jistgħu jkunu limitati mill-Istati Membri, għal raġunijiet debitament ġustifikati, speċjalment għall-fini tas-sigurtà pubblika.

(34)

L-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali kif ukoll il-waqfien tal-użu tagħhom jenħtieġ li jkunu d-dritt u l-għażla esklużivi tal-utenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw proċeduri sempliċi u siguri għall-utenti biex jitolbu revoka immedjata tal-validità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, inkluż fil-każ ta’ telf jew serq. F’każ ta’ mewt tal-utent jew ta’ waqfien tal-attività ta’ persuna ġuridika, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jippermetti lill-awtorità responsabbli mis-suċċessjoni tal-persuna fiżika jew tal-assi tal-persuna ġuridika titlob ir-revoka immedjata tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.

(35)

Bil-għan li jiġi promoss it-tixrid tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u użu aktar mifrux tal-identitajiet diġitali, l-Istati Membri jenħtieġ li mhux biss jippromwovu l-benefiċċji tas-servizzi rilevanti, iżda jenħtieġ wkoll li, f’kooperazzjoni mas-settur privat, mar-riċerkaturi u mad-dinja akkademika, jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ maħsuba biex isaħħu l-ħiliet diġitali taċ-ċittadini u r-residenti tagħhom, b’mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli, bħall-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jżidu l-għarfien dwar il-benefiċċji u r-riskji tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali permezz ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni.

(36)

Sabiex jiġi żgurat li l-Qafas Ewropew tal-Identità Diġitali jkun miftuħ għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp teknoloġiku, u jibqa’ validu fil-futur, l-Istati Membri huma mħeġġa, b’mod konġunt, jistabbilixxu ambjenti ta’ esperimentazzjoni għall-ittestjar ta’ soluzzjonijiet innovattivi f’ambjent ikkontrollat u sigur b’mod partikolari biex itejbu l-funzjonalità, il-protezzjoni tad-data personali, is-sigurtà u l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet u jikkontribwixxu għal aġġornamenti futuri tar-referenzi tekniċi u tar-rekwiżiti legali. Dak l-ambjent jenħtieġ li jrawwem l-inklużjoni tal-SMEs, tan-negozji ġodda u tal-innovaturi u r-riċerkaturi individwali, kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-industrija. Tali inizjattivi jenħtieġ li jsaħħu u jikkontribwixxu għall-konformità regolatorja u għar-robustezza teknika tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li għandhom jiġu pprovduti liċ-ċittadini tal-Unjoni u lir-residenti fl-Unjoni, u b’hekk jipprevjenu l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet li ma jikkonformawx mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data jew li jkunu miftuħa għal vulnerabbiltajiet tas-sigurtà.

(37)

Ir-Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) isaħħaħ is-sigurtà tal-karti tal-identità b’karatteristiċi tas-sigurtà mtejba sa Awwissu 2021. L-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-fattibbiltà li jinnotifikawhom skont l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika biex jestendu d-disponibbiltà transfruntiera tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika.

(38)

Il-proċess tan-notifika tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika jenħtieġ li jiġi ssimplifikat u aċċellerat biex jiġi promoss l-aċċess għal soluzzjonijiet konvenjenti, affidabbli, siguri u innovattivi ta’ awtentikazzjoni u identifikazzjoni u, meta jkun rilevanti, biex il-fornituri tal-identità privata jiġu mħeġġa joffru skemi ta’ identifikazzjoni elettronika lill-awtoritajiet tal-Istati Membri għan-notifika bħala skemi nazzjonali tal-identifikazzjoni elettronika skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(39)

Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri attwali ta’ notifika u ta’ reviżjoni bejn il-pari ser tipprevjeni approċċi eteroġeni għall-valutazzjoni ta’ diversi skemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati u ser tiffaċilita l-bini tal-fiduċja bejn l-Istati Membri. Il-mekkaniżmi ġodda u simplifikati huma maħsuba biex jrawmu l-kooperazzjoni tal-Istati Membri dwar is-sigurtà u l-interoperabbiltà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati tagħhom.

(40)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jibbenefikaw minn għodod ġodda u flessibbli biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u tal-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti adottati skont dan. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jużaw rapporti u valutazzjonijiet, imwettqa minn korpi akkreditati tal-valutazzjoni tal-konformità, kif previst fil-kuntest tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni li għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/881, biex jappoġġaw l-affermazzjonijiet tagħhom dwar l-allinjament tal-iskemi jew ta’ partijiet minnhom mar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(41)

Il-fornituri tas-servizz pubbliku jużaw id-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna disponibbli minn mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 biex iqabblu l-identità elettronika tal-utenti minn Stati Membri oħra mad-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna pprovduta lil dawk l-utenti fl-Istat Membru li jwettaq il-proċess transfruntier ta’ korrispondenza tal-identità. Madankollu, f’ħafna każijiet, minkejja l-użu tas-sett ta’ data minimu pprovdut skont l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati, l-iżgurar ta’ korrispondenza preċiża tal-identità meta l-Istati Membri jaġixxu bħala partijiet dipendenti jirrikjedi informazzjoni addizzjonali dwar l-utent u proċeduri ta’ identifikazzjoni unika komplementari speċifiċi li għandhom jitwettqu fil-livell nazzjonali. Biex ikompli jappoġġa l-użabbiltà tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika, jipprovdi servizzi pubbliċi online aħjar u jżid iċ-ċertezza legali fir-rigward tal-identità elettronika tal-utenti, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 910/2014 jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi online biex jiżguraw korrispondenza inekwivoka tal-identità meta l-utenti jkollhom l-intenzjoni li jaċċessaw servizzi pubbliċi transfruntiera online.

(42)

Meta jiġu żviluppati l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, huwa essenzjali li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti. Jenħtieġ li jkunu disponibbli każijiet ta’ użu sinifikattiv u servizzi online li jiddependu fuq il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali. Għall-konvenjenza tal-utenti u sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà transfruntiera ta’ tali servizzi, huwa importanti li jittieħdu azzjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat approċċ simili għad-disinn, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-servizzi online fl-Istati Membri kollha. Linji gwida mhux vinkolanti dwar kif jitfasslu, jiġu żviluppati u implimentati servizzi online li jiddependu fuq il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom il-potenzjal li jsiru għodda utli biex jintlaħaq dak l-għan. Dawn il-linji gwida jenħtieġ li jitħejjew b’kont meħud tal-qafas ta’ interoperabbiltà tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaqdu rwol ewlieni fejn tidħol l-adozzjoni ta’ dawk il-linji gwida.

(43)

F’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), jenħtieġ li l-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jużaw il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, is-servizzi fiduċjarji u l-prodotti ta’ utenti finali użati fil-forniment ta’ dawk is-servizzi fuq bażi ugwali ma’ utenti oħra.

(44)

Sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġi stabbilit minimu għall-massimu ta’ multi amministrattivi kemm għall-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji kif ukoll għal dawk mhux kwalifikati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu ‘ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi. Meta jiġu ddeterminati l-penali, jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq id-daqs tal-entitajiet affettwati, il-mudelli kummerċjali tagħhom u s-severità tal-ksur.

(45)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar penali għal ksur bħal prattiki diretti jew indiretti li jwasslu għal konfużjoni bejn servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati u dawk kwalifikati jew għall-użu abbużiv tal-marka fiduċjarja tal-UE minn fornituri mhux kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji. Jenħtieġ li l-marka fiduċjarja tal-UE ma tintużax taħt kundizzjonijiet li, direttament jew indirettament, iwasslu għall-perċezzjoni li kwalunkwe servizz fiduċjarju mhux kwalifikat offrut minn dawk il-fornituri jkun kwalifikat.

(46)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jkoprix aspetti relatati mal-konklużjoni u l-validità tal-kuntratti jew obbligi legali oħra fejn ikun hemm rekwiżiti rigward il-forma stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni jew mill-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, jenħtieġ li ma jaffettwax ir-rekwiżiti nazzjonali dwar il-forma li jappartjenu għar-reġistri pubbliċi, b’mod partikolari r-reġistri kummerċjali u dawk tal-artijiet.

(47)

Il-forniment u l-użu ta’ servizzi fiduċjarji u l-benefiċċji miġjuba f’termini ta’ konvenjenza u ċertezza legali fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera, b’mod partikolari meta jintużaw servizzi fiduċjarji kwalifikati, qed isiru dejjem aktar importanti għall-kummerċ u l-kooperazzjoni internazzjonali. Is-sħab internazzjonali tal-Unjoni qed jistabbilixxu oqfsa fiduċjarji ispirati mir-Regolament (UE) Nru 910/2014. Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati u tal-fornituri tagħhom, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom l-oqfsa fiduċjarji ta’ pajjiżi terzi jistgħu jitqiesu ekwivalenti għall-qafas fiduċjarju għas-servizzi u l-fornituri fiduċjarji kwalifikati tagħhom f’dan ir-Regolament. Tali approċċ jenħtieġ li jikkomplementa l-possibbiltà għar-rikonoxximent reċiproku ta’ servizzi u fornituri fiduċjarji tagħhom stabbiliti fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Meta jiġu stipulati l-kundizzjonijiet, li skonthom l-oqfsa fiduċjarji ta’ pajjiżi terzi jistgħu jitqiesu li huma ekwivalenti għall-qafas fiduċjarju ta’ servizzi u fornituri fiduċjarji tagħhom ikkwalifikati skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014, jenħtieġ li tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u r-Regolament (UE) 2016/679, kif ukoll l-użu ta’ listi ta’ fiduċja bħala elementi essenzjali biex tinbena l-fiduċja.

(48)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jrawwem l-għażla u l-possibbiltà li wieħed jaqleb bejn il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali meta Stat Membru jkun approva aktar minn soluzzjoni waħda tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali fit-territorju tiegħu. Sabiex jiġu evitati effetti ta’ intrappolament tal-klijentela f’sitwazzjonijiet bħal dawn, fejn ikun teknikament fattibbli, il-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jenħtieġ li jiżguraw il-portabbiltà effettiva tad-data fuq talba tal-utenti tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, u jenħtieġ li ma jitħallewx jużaw ostakli kuntrattwali, ekonomiċi jew tekniċi biex jipprevjenu jew jiskoraġġixxu l-qlib effettiv bejn Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali differenti.

(49)

Biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, il-fornituri ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jeħtieġu interoperabbiltà effettiva u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji għall-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali biex jaċċessaw karatteristiċi speċifiċi tal-hardware u tas-software tal-apparati mobbli. Dawk il-komponenti jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, antenni ta’ komunikazzjoni qrib il-post u elementi siguri, inklużi kards b’ċirkwit integrat universali, elementi siguri inkorporati, kards mikroSD u Bluetooth b’Enerġija Baxxa. L-aċċess għal dawk il-komponenti jista’ jkun taħt il-kontroll tal-operaturi tan-networks mobbli u l-manifatturi tat-tagħmir. Għalhekk, meta meħtieġ biex jiġu pprovduti s-servizzi tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, il-manifatturi tat-tagħmir oriġinali ta’ apparati mobbli jew il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jenħtieġ li ma jirrifjutawx l-aċċess għal tali komponenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-impriżi maħtura bħala gwardjani għas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma kif elenkati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jibqgħu soġġetti għad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dak ir-Regolament, filwaqt li jibnu fuq l-Artikolu 6(7) tiegħu.

(50)

Sabiex jiġu ssimplifikati l-obbligi taċ-ċibersigurtà imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji, kif ukoll biex dawk il-fornituri u l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-qafas legali stabbilit mid-Direttiva (UE) 2022/2555, is-servizzi fiduċjarji huma meħtieġa jieħdu miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa skont dik id-Direttiva, bħal miżuri li jindirizzaw il-fallimenti tas-sistema, l-iżball uman, azzjonijiet malizzjużi jew fenomeni naturali biex jiġu ġestiti r-riskji għas-sigurtà tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni li dawk il-fornituri jużaw fil-forniment tas-servizzi tagħhom kif ukoll biex jiġu notifikati inċidenti sinifikanti u theddid għaċ-ċibersigurtà f’konformità ma’ dik id-Direttiva. Fir-rigward tar-rapportar ta’ inċidenti, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jenħtieġ li jinnotifikaw kwalunkwe inċident li jkollu impatt sinifikanti fuq il-forniment tas-servizzi tagħhom, inkluż dak ikkawżat minn serq jew telf ta’ apparat, ħsara fil-fili tan-network jew inċidenti li jseħħu fil-kuntest tal-identifikazzjoni tal-persuni. Ir-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u l-obbligi ta’ rapportar skont id-Direttiva (UE) 2022/2555 jenħtieġ li jitqiesu bħala komplementari għar-rekwiżiti imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji skont dan ir-Regolament. Meta jkun xieraq, il-prattiki jew il-gwida nazzjonali stabbiliti fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tas-sigurtà u ta’ rapportar u tas-superviżjoni tal-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 jenħtieġ li jkomplu jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont id-Direttiva (UE) 2022/2555. Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-obbligu li jiġi notifikat ksur ta’ data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

(51)

Jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni xierqa biex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn il-korpi superviżorji maħtura skont l-Artikolu 46b tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u l-awtoritajiet kompetenti maħtura jew stabbiliti skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Meta tali korp superviżorju jkun differenti minn tali awtorità kompetenti, jenħtieġ li dawn jikkooperaw mill-qrib, u b’mod f’waqtu billi jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti sabiex jiżguraw superviżjoni u konformità effettivi tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 u fid-Direttiva (UE) 2022/2555. B’mod partikolari, jenħtieġ li korpi superviżorji maħtura skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 ikunu intitolati jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti maħtura jew stabbiliti skont id-Direttiva (UE) 2022/2555 biex jipprovdu l-informazzjoni rilevanti meħtieġa biex jingħata l-istatus kwalifikat u biex iwettqu azzjonijiet superviżorji ta’ verifika tal-konformità tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji mar-rekwiżiti rilevanti skont id-Direttiva (UE) 2022/2555 jew biex jitolbuhom jirrimedjaw in-nuqqas ta’ konformità.

(52)

Huwa essenzjali li jiġi previst qafas legali biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent transfruntier bejn is-sistemi legali nazzjonali eżistenti relatati mas-servizzi elettroniċi ta’ konsenja reġistrata. Dak il-qafas jista’ jiftaħ ukoll opportunitajiet ta’ swieq ġodda għal fornituri ta’ servizzi fiduċjarji tal-Unjoni biex joffru servizzi elettroniċi ġodda mal-Unjoni kollha ta’ konsenja reġistrata. Sabiex jiġi żgurat li d-data li tuża servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja reġistrata tingħata lid-destinatarju korrett, is-servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja reġistrata jenħtieġ li jiżguraw b’ċertezza sħiħa l-identifikazzjoni tad-destinatarju filwaqt li livell għoli ta’ fiduċja jkun biżżejjed fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-emittent. Il-fornituri kwalifikati ta’ servizzi elettroniċi ta’ konsenja reġistrata jenħtieġ li jiġu mħeġġa mill-Istati Membri biex jagħmlu s-servizzi tagħhom interoperabbli ma’ servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja reġistrata pprovduti minn fornituri kwalifikati oħra ta’ servizzi fiduċjarji sabiex jittrasferixxu faċilment id-data elettronika reġistrata bejn żewġ fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji jew aktar u biex jippromwovu prattiki ġusti fis-suq intern.

(53)

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, iċ-ċittadini tal-Unjoni u r-residenti fl-Unjoni ma jistgħux jiskambjaw informazzjoni diġitali relatata mal-identità tagħhom, bħall-indirizz, l-età, il-kwalifiki professjonali, il-liċenzja tas-sewqan u permessi oħra u data dwar il-pagamenti tagħhom, bejn il-fruntieri, b’mod sigur u b’livell għoli ta’ protezzjoni tad-data.

(54)

Jenħtieġ li jkun possibbli li jinħarġu u li jiġu mmaniġġati attributi elettroniċi affidabbli u li jingħata kontribut għat-tnaqqis fil-piż amministrattiv, filwaqt li tingħata s-setgħa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lir-residenti fl-Unjoni biex jużawhom fit-tranżazzjonijiet privati u pubbliċi tagħhom. Iċ-ċittadini tal-Unjoni u r-residenti fl-Unjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu, pereżempju, juru s-sjieda ta’ liċenzja tas-sewqan valida maħruġa minn awtorità fi Stat Membru wieħed, li tista’ tiġi vverifikata u titqies affidabbli mill-awtoritajiet rilevanti fi Stati Membri oħra, u li jkunu jistgħu jiddependu fuq il-kredenzjali tas-sigurtà soċjali tagħhom jew fuq dokumenti diġitali futuri tal-ivvjaġġar f’kuntest transfruntier.

(55)

Kwalunkwe fornitur ta’ servizzi li joħroġ attributi attestati f’forma elettronika bħal diplomi, liċenzji, ċertifikati tat-twelid jew setgħat u mandati biex jirrappreżenta jew jaġixxi f’isem persuni fiżiċi jew ġuridiċi jenħtieġ li jitqies bħala fornitur ta’ servizzi fiduċjarji ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi. Attestazzjoni elettronika tal-attributi jenħtieġ li ma tiġix miċħuda effett legali minħabba li tkun f’forma elettronika jew li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti ġenerali biex jiġi żgurat li attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi jkollha l-effett legali ekwivalenti ta’ attestazzjonijiet maħruġa legalment f’forma stampata. Madankollu, dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni jew għal-liġi nazzjonali li jiddefinixxu rekwiżiti addizzjonali speċifiċi għas-settur fir-rigward tal-forma b’effetti legali sottostanti u, b’mod partikolari, għar-rikonoxximent transfruntier ta’ attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi, meta jkun xieraq.

(56)

Id-disponibbiltà u l-użabbiltà wiesgħa tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jenħtieġ li jsaħħu l-aċċettazzjoni tagħhom u l-fiduċja fihom kemm minn individwi privati kif ukoll minn fornituri ta’ servizzi privati. Għalhekk, partijiet dipendenti privati li jipprovdu servizzi, pereżempju fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija, tas-servizzi bankarji u finanzjarji, tas-sigurtà soċjali, tas-saħħa, tal-ilma tax-xorb, tas-servizzi postali, tal-infrastruttura diġitali, tat-telekomunikazzjoni jew tal-edukazzjoni, jenħtieġ li jaċċettaw l-użu ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għall-forniment ta’ servizzi fejn awtentikazzjoni b’saħħitha tal-utenti għal identifikazzjoni online tkun meħtieġa bid-dritt tal-Unjoni jew bil-liġi nazzjonali jew minn obbligu kuntrattwali. Kwalunkwe talba mill-parti dipendenti għal informazzjoni mill-utent ta’ Kartiera Ewropea tal-Identifikazzjoni Diġitali jenħtieġ li tkun meħtieġa u proporzjonata mal-użu maħsub f’każ partikolari, jenħtieġ li tkun konformi mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data u jenħtieġ li tiżgura t-trasparenza fir-rigward ta’ liema data tiġi kondiviża u għal liema finijiet. Sabiex jiġu ffaċilitati l-użu u l-aċċettazzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, jenħtieġ li fl-implimentazzjoni tagħhom jitqiesu l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet aċċettati b’mod wiesa’ tal-industrija.

(57)

Meta pjattaformi online kbar ħafna skont it-tifsira tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jirrikjedu li l-utenti jkunu awtentikati sabiex dawn jaċċessaw is-servizzi online, dawk il-pjattaformi jenħtieġ li jkunu meħtieġa jaċċettaw l-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali fuq talba volontarja tal-utent. Jenħtieġ li l-utenti ma jkunu taħt l-ebda obbligu li jużaw Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali biex jaċċessaw servizzi privati u jenħtieġ li ma jiġux ristretti jew imxekkla fl-aċċess tagħhom għas-servizzi minħabba li ma jużawx Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Madankollu, jekk l-utenti jixtiequ jagħmlu dan, il-pjattaformi online kbar ħafna jenħtieġ li jaċċettawhom għal dak l-għan, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data u d-dritt tal-utenti li jużaw psewdonimi magħżula liberament. Minħabba l-importanza tal-pjattaformi online kbar ħafna, dovuta għall-firxa tagħhom, partikolarment kif espressa fl-għadd ta’ destinatarji ta’ tranżazzjonijiet ta’ servizzi u ta’ dawk ekonomiċi, l-obbligu li jiġu aċċettati Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali huwa meħtieġ biex tiżdied il-protezzjoni tal-utenti mill-frodi u jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data.

(58)

Jenħtieġ li jiġu żviluppati kodiċijiet tal-kondotta fil-livell tal-Unjoni biex jikkontribwixxu għal disponibbiltà u użabbiltà wiesgħa tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika, inkluż il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-kodiċijiet tal-kondotta jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni wiesgħa tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika inkluż il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali minn dawk il-fornituri tas-servizzi li ma jikkwalifikawx bħala pjattaformi kbar ħafna u li jiddependu fuq servizzi ta’ identifikazzjoni elettronika ta’ partijiet terzi għall-awtentikazzjoni tal-utenti.

(59)

L-iżvelar selettiv huwa kunċett li jagħti s-setgħa lis-sid tad-data li jiżvela biss ċerti partijiet ta’ sett akbar ta’ data, sabiex l-entità riċeventi tikseb biss informazzjoni li tkun meħtieġa għall-forniment ta’ servizz mitlub minn utent. Jenħtieġ li l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tippermetti teknikament l-iżvelar selettiv tal-attributi lill-partijiet dipendenti Jenħtieġ li jkun teknikament possibbli għall-utent li jiżvela b’mod selettivattributi, inkluż minn attestazzjonijiet elettroniċi distinti, multipli u li jikkombinhom u jippreżentahom mingħajr xkiel lill-partijiet dipendenti. Din il-karatteristika jenħtieġ li ssir karatteristika bażika tat-tfassil tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, u b’hekk jissaħħu l-konvenjenza u l-protezzjoni tad-data personali inkluż il-minimizzazzjoni tad-data.

(60)

Sakemm regoli speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali ma jirrikjedux li l-utenti jidentifikaw lilhom infushom, l-aċċess għas-servizzi bl-użu ta’ psewdonimu jenħtieġ li ma jkunx ipprojbit.

(61)

L-attributi pprovduti mill-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji bħala parti mill-attestazzjoni kwalifikata tal-attributi jenħtieġ li jiġu vverifikati mas-sorsi awtentiċi jew direttament mill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji jew permezz ta’ intermedjarji maħtura rikonoxxuti fil-livell nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali għall-fini ta’ skambju sigur ta’ attributi attestati bejn il-fornituri tas-servizzi u l-partijiet dipendenti tal-identifikazzjoni jew tal-attestazzjoni tal-attributi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa fil-livell nazzjonali biex jiżguraw li l-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji li joħorġu attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi jkunu jistgħu, abbażi tal-kunsens tal-persuna li lilha tkun inħarġet l-attestazzjoni, jivverifikaw l-awtentiċità tal-attributi abbażi ta’ sorsi awtentiċi. Jenħtieġ li jkun possibbli li mekkaniżmi xierqa jinkludu l-użu ta’ intermedjarji jew soluzzjonijiet tekniċi speċifiċi f’konformità mal-liġi nazzjonali li jippermettu aċċess għal sorsi awtentiċi. L-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ mekkaniżmu li jippermetti l-verifika tal-attributi fuq il-bażi ta’ sorsi awtentiċi huwa maħsub biex jiffaċilita l-konformità tal-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji ta’ attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014. Anness ġdid għal dak ir-Regolament jenħtieġ li jkun fih lista ta’ kategoriji ta’ attributi li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri biex il-fornituri kwalifikati ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jkunu jistgħu jivverifikaw b’mezzi elettroniċi, fuq talba tal-utent, l-awtentiċità tagħhom mas-sors awtentiku rilevanti.

(62)

L-identifikazzjoni elettronika sigura u l-forniment ta’ attestazzjoni tal-attributi jenħtieġ li joffru flessibbiltà u soluzzjonijiet addizzjonali għas-settur tas-servizzi finanzjarji biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni tal-klijenti u l-iskambju ta’ attributi speċifiċi meħtieġa għall-konformità, pereżempju, mar-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta tal-klijenti skont Regolament futur li jistabbilixxi l-Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus, b’rekwiżiti tal-adegwatezza li jirriżultaw mil-liġi dwar il-protezzjoni tal-investitur, jew biex jiġi appoġġat l-issodisfar ta’ rekwiżiti b’saħħithom tal-awtentikazzjoni tal-klijenti għall-identifikazzjoni online għall-finijiet tad-dħul fil-kontijiet u tal-bidu ta’ tranżazzjonijiet fil-qasam tas-servizzi ta’ pagament.

(63)

L-effett legali ta’ firma elettronika ma għandux jiġi kkontestat minħabba li hija f’forma elettronika jew minħabba li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ firma elettronika kwalifikata. Dan ir-Regolament jipprevedi li firma elettronika kwalifikata titqies bħala ekwivalenti għal firma bl-idejn. Madankollu, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jistabbilixxi l-effett legali tal-firem elettroniċi, ħlief għar-rekwiżiti previsti f’dan ir-Regolament li skonthom l-effett legali ta’ firma elettronika kwalifikata għandha tiġi kkonsidrata bħala ekwivalenti għal dik ta’ firma miktuba bl-idejn. Fid-determinazzjoni tal-effetti legali tal-firem elettroniċi, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-prinċipju ta’ proporzjonalità bejn il-valur legali ta’ dokument li jrid jiġi ffirmat u l-livell ta’ sigurtà u l-ispiża li tirrikjedi firma elettronika. Biex jiżdiedu l-aċċessibbiltà u l-użu tal-firem elettroniċi, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw l-użu ta’ firem elettroniċi avvanzati fit-tranżazzjonijiet ta’ kuljum, li għalihom dawn ifornu livell ta’ sigurtà u fiduċja suffiċjenti.

(64)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-prattiki ta’ ċertifikazzjoni madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida dwar iċ-ċertifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi u ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi, inkluż il-validità u l-limitazzjonijiet tagħhom fiż-żmien. Dan ir-Regolament ma jwaqqafx lill-korpi pubbliċi jew privati li jkunu ċċertifikaw apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi milli jirriċertifikaw temporanjament tali apparati għal perjodu qasir ta’ ċertifikazzjoni abbażi tar-riżultati tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni ta’ qabel, fejn tali riċertifikazzjoni ma tistax jitwettaq fil-qafas ta’ ħin stabbilit għal xi raġuni għajr inċident ta’ ksur jew sigurtà, mingħajr preġudizzju għall-obbligu li titwettaq valutazzjoni ta’ vulnerabbilita u mingħajr preġudizzju għall-prattika applikabbli ta’ ċertifikazzjoni.

(65)

Il-ħruġ ta’ ċertifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi huwa maħsub li jipprovdi lill-utenti b’assigurazzjoni b’livell għoli ta’ fiduċja fl-identità tal-entità li tinsab wara s-sit elettroniku, irrispettivament mill-pjattaforma użata biex turi dik l-identità. Dawk iċ-ċertifikati jenħtieġ li jikkontribwixxu biex tinbena l-fiduċja fit-twettiq tan-negozju online, billi l-utenti jkollhom fiduċja f’sit elettroniku li jkun ġie awtentikat. Jenħtieġ li l-użu ta’ tali ċertifikati minn siti elettroniċi jkun volontarju. Sabiex l-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi ssir mezz li bih tiżdied il-fiduċja, biex tiġi pprovduta esperjenza aħjar għall-utent u biex jitrawwem it-tkabbir fis-suq intern, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas ta’ fiduċja li jinkludi obbligi minimi tas-sigurtà u responsabbiltà għall-fornituri ta’ ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi u rekwiżiti għall-ħruġ ta’ dawk iċ-ċertifikati. Jenħtieġ li l-listi affidabbli nazzjonali jikkonfermaw l-istatus kwalifikat tas-servizzi ta’ awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi u tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji tagħhom, inkluż il-konformità sħiħa tagħhom mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-ħruġ ta’ ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi. Ir-rikonoxximent ta’ ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi jfisser li l-fornituri tal-browsers tal-web jenħtieġ li ma jiċħdux l-awtentiċità ta’ ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi għall-iskop uniku ta’ attestazzjoni tar-rabta bejn l-isem tad-dominju tas-sit elettroniku u l-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jinħareġ iċ-ċertifikat jew ta’ konferma tal-identità ta’ dik il-persuna. Il-fornituri tal-browsers tal-web jenħtieġ li juru d-data tal-identità ċċertifikata u l-attributi attestati l-oħra lill-utent finali b’mod faċli għall-utent fl-ambjent tal-browser, b’mezzi tekniċi tal-għażla tagħhom. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-fornituri tal-browsers tal-web jiżguraw appoġġ u interoperabbiltà maċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi maħruġa f’konformità sħiħa ma’ dan ir-Regolament. L-obbligu tar-rikonoxximent u l-interoperabbiltà ta’ u l-appoġġ għal ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi ma jaffettwax il-libertà tal-fornituri tal-browsers tal-web li jiżguraw is-sigurtà tal-web, l-awtentikazzjoni tad-dominji u l-kriptaġġ tat-traffiku tal-web b’mod u bil-mezzi tat-teknoloġija li huma jqisu bħala l-aktar xierqa. Sabiex jikkontribwixxu għas-sigurtà online tal-utenti finali, il-fornituri tal-browsers tal-web jenħtieġ li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, ikunu jistgħu jieħdu miżuri ta’ prekawzjoni li jkunu kemm meħtieġa kif ukoll proporzjonati b’reazzjoni għal tħassib sostanzjat dwar ksur tas-sigurtà jew telf ta’ integrità ta’ ċertifikat identifikat jew sett ta’ ċertifikati. Meta jieħdu tali miżuri ta’ prekawzjoni, il-fornituri tal-browser tal-web jenħtieġ li jinnotifikaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-Kummissjoni, lill-korp superviżorju nazzjonali, lill-entità li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat u lill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li jkun ħareġ dak iċ-ċertifikat jew sett ta’ ċertifikati, bi kwalunkwe tħassib fir-rigward tal-ksur tas-sigurtà jew tat-telfa tal-integrità kif ukoll il-miżuri meħuda relatati maċ-ċertifikat uniku jew sett ta’ ċertifikati. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-fornituri tal-browsers tal-web li jirrikonoxxu ċ-ċertifikati kwalifikati ta’ awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi skont il-listi affidabbli nazzjonali. Sabiex ikomplu jiġu protetti ċ-ċittadini tal-Unjoni u r-residenti fl-Unjoni u jiġi promoss l-użu ta’ ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi, jenħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri jikkunsidraw li jinkorporaw ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi fis-siti elettroniċi tagħhom. Il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament li għandhom l-għan li jġibu aktar koerenza bejn l-approċċi u l-prattiki diverġenti tal-Istati Membri relatati mal-proċeduri superviżorji huma maħsuba biex jikkontribwixxu għal fiduċja u kunfidenza mtejba fis-sigurtà, il-kwalità u d-disponibbiltà ta’ ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi.

(66)

Ħafna Stati Membri introduċew rekwiżiti nazzjonali għal servizzi li jipprovdu arkivjar elettroniku sigur u affidabbli biex jippermettu l-preservazzjoni fit-tul ta’ data elettronika u dokumenti elettroniċi, u servizzi fiduċjarji assoċjati. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali, il-fiduċja u l-armonizzazzjoni fl-Istati Membri kollha, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali għal servizzi kwalifikati ta’ arkivjar elettroniku, ispirat mill-qafas tas-servizzi fiduċjarji l-oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-qafas legali għal servizzi ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat joffri lill-fornituri u l-utenti ta’ servizzi fiduċjarji sett ta’ għodod effiċjenti li jinkludi rekwiżiti funzjonali għas-servizz ta’ arkivjar elettroniku, kif ukoll effetti legali ċari meta jintuża servizz kwalifikat ta’ arkivjar elettroniku. Jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet japplikaw kemm għal data elettronika u dokumenti elettroniċi maħluqa f’forma elettronika kif ukoll għal dokumenti stampati li jkunu ġew skennjati u diġitalizzati. Meta jkun meħtieġ, dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jippermettu li d-data elettronika u d-dokumenti elettroniċi preservati jiġu ttrasferiti fuq mezzi jew f’formati differenti bl-għan li jiġu estiżi d-durabbiltà u l-leġibbiltà tagħhom lil hinn mill-perjodu ta’ validità teknoloġika, filwaqt li jiġu evitati kemm jista’ jkun it-telf u l-bidla. Meta data elettronika u dokumenti elettroniċi mqiegħda fuq is-servizz ta’ arkivjar elettroniku jkun fihom firma elettronika kwalifikata, waħda jew aktar, jew siġill elettroniku kwalifikat, wieħed jew aktar, jenħtieġ li s-servizz juża proċeduri u teknoloġiji li jkunu kapaċi jestendu l-affidabbiltà ta’ dawn għall-perjodu ta’ preservazzjoni ta’ tali data, possibbilment bl-użu ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati oħra stabbiliti b’dan ir-Regolament. Sabiex tinħoloq evidenza ta’ preservazzjoni fejn jintużaw firem elettroniċi, siġilli elettroniċi jew timbri tal-ħin elettroniċi, jenħtieġ li jintużaw servizzi fiduċjarji kwalifikati. Peress li s-servizzi ta’ arkivjar elettroniku mhumiex armonizzati b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward ta’ dawk is-servizzi, bħal dispożizzjonijiet speċifiċi għal servizzi integrati f’organizzazzjoni u użati biss għall-arkivji interni ta’ dik l-organizzazzjoni. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jagħmilx distinzjoni bejn data elettronika u dokumenti elettroniċi maħluqa f’forma elettronika u dokumenti fiżiċi li jkunu ġew diġitalizzati.

(67)

L-attivitajiet tal-arkivji nazzjonali u l-istituzzjonijiet ta’ kustodja tal-memorja, fil-kapaċità tagħhom bħala organizzazzjonijiet iddedikati għall-preservazzjoni tal-wirt dokumentarju fl-interess pubbliku, huma normalment regolati fil-liġi nazzjonali u mhux neċessarjament jipprovdu servizzi fiduċjarji skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. Sa fejn dawn l-istituzzjonijiet ma jipprovdux tali servizzi fiduċjarji, dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-operat tagħhom.

(68)

Ir-reġistri elettroniċi huma sekwenza ta’ rekords tad-data elettronika li jenħtieġ li jiżguraw l-integrità tagħhom u l-preċiżjoni tal-ordni kronoloġiku tagħhom. Jenħtieġ li r-reġistri elettroniċi jistabbilixxu sekwenza kronoloġika tar-rekords tad-data. Flimkien ma’ teknoloġiji oħra, dawn jenħtieġ li jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet għal servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u trasformattivi bħall-votazzjoni elettronika, il-kooperazzjoni transfruntiera tal-awtoritajiet doganali, il-kooperazzjoni transfruntiera tal-istituzzjonijiet akkademiċi, u r-reġistrazzjoni tas-sjieda għall-proprjetà immobbli f’reġistri deċentralizzati tal-artijiet. Jenħtieġ li r-reġistri elettroniċi kwalifikati jistabbilixxu preżunzjoni legali għall-ordni kronoloġiku sekwenzjali uniku u preċiż tar-rekords tad-data fir-reġistru u għall-integrità ta’ tali rekords. Minħabba l-ispeċifiċitajiet tagħhom, bħall-ordni kronoloġiku sekwenzjali tar-rekords tad-data, jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn ir-reġistri elettroniċi u servizzi fiduċjarji oħra bħal timbri tal-ħin elettroniċi u servizzi elettroniċi ta’ konsenja reġistrata. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u tiġi promossa l-innovazzjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali għall-Unjoni kollha li jipprovdi r-rikonoxximent transfruntier tas-servizzi fiduċjarji għar-reġistrazzjoni tad-data fir-reġistri elettroniċi. Dan jenħtieġ li jipprevjeni b’mod suffiċjenti li l-istess assi diġitali jiġu kkupjati u mibjugħa aktar minn darba lil partijiet differenti. Il-proċess tal-ħolqien u l-aġġornament ta’ reġistru elettroniku jiddependi mit-tip ta’ reġistru użat, b’mod partikolari jekk huwiex ċentralizzat jew distribwit. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiżgura n-newtralità teknoloġika, jiġifieri la jiffavorixxi, u lanqas jiddiskrimina kontra, kwalunkwe teknoloġija użata biex jiġi implimentat is-servizz fiduċjarju l-ġdid għar-reġistri elettroniċi. Barra minn hekk, l-indikaturi tas-sostenibbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe impatt negattiv fuq il-klima jew impatti negattivi oħra relatati mal-ambjent jenħtieġ li jitqiesu mill-Kummissjoni, bl-użu ta’ metodoloġiji adegwati, meta tħejji l-atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-rekwiżiti għar-reġistri elettroniċi kwalifikati.

(69)

Jenħtieġ li r-rwol tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji ta’ reġistri elettroniċi jkun li jaċċertaw ir-reġistrazzjoni sekwenzjali tad-data fir-reġistru. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu legali tal-utenti ta’ reġistri skont id-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali. Pereżempju, każijiet ta’ użu li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali jenħtieġ li jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2016/679 u każijiet ta’ użu li huma relatati mas-servizzi finanzjarji jenħtieġ li jikkonformaw mal-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji.

(70)

Sabiex jiġu evitati l-frammentazzjoni tas-suq intern u l-ostakli fih, minħabba standards diverġenti u restrizzjonijiet tekniċi, u sabiex jiġi żgurat proċess ikkoordinat biex jiġi evitat li tiġi affettwata l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Identità Diġitali, huwa meħtieġ proċess għal kooperazzjoni mill-qrib u strutturata bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili, id-dinja akkademika u s-settur privat. Biex jintlaħaq dak l-objettiv, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkooperaw fil-qafas stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/946 (16) biex jidentifikaw sett ta’ għodod komuni tal-Unjoni għall-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jaqblu dwar arkitettura teknika komprensiva u qafas ta’ referenza, sett ta’ standards komuni u referenzi tekniċi, inkluż standards eżistenti rikonoxxuti u sett ta’ linji gwida u deskrizzjonijiet tal-aħjar prattiki li jkopru mill-inqas il-funzjonalitajiet u l-interoperabbiltà tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, inkluż il-firem elettroniċi, u tal-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji għall-attestazzjoni elettronika tal-attributi kif stabbilit f’dan ir-Regolament. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jaqblu wkoll dwar elementi komuni fir-rigward ta’ mudell ta’ negozju u struttura ta’ tariffi għall-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni, b’mod partikolari mill-SMEs, f’kuntest transfruntier. Il-kontenut tas-sett ta’ għodod jenħtieġ li jevolvi b’mod parallel mal-eżitu tad-diskussjoni u tal-proċess tal-adozzjoni tal-qafas Ewropew tal-Identità Diġitali u jirriflettihom.

(71)

Dan ir-Regolament jipprovdi livell armonizzat ta’ kwalità, affidabbiltà u sigurtà tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati, irrispettivament minn fejn jitwettqu l-operazzjonijiet. Għalhekk jenħtieġ li fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji jitħalla jesternalizza l-operazzjonijiet tiegħu relatati mal-forniment ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat f’pajjiż terz, jekk dak il-pajjiż terz jipprovdi l-garanziji adegwati, filwaqt li jiżgura li l-attivitajiet superviżorji u l-awditi jistgħu jiġu infurzati daqslikieku twettqu fl-Unjoni. Meta l-konformità ma’ dan ir-Regolament ma tkunx tista’ tiġi żgurata kompletament, jenħtieġ li l-korpi superviżorji jkunu jistgħu jadottaw miżuri proporzjonati u ġustifikati inkluż l-irtirar tal-istatus kwalifikat tas-servizz fiduċjarju provdut.

(72)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-validità tal-firem elettroniċi avvanzati bbażati fuq ċertifikati kwalifikati, huwa essenzjali li tiġi speċifikata l-valutazzjoni mill-parti dipendenti li twettaq il-validazzjoni ta’ dik il-firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikati kwalifikati.

(73)

Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jużaw metodi kriptografiċi li jirriflettu l-aħjar prattiki attwali u implimentazzjonijiet affidabbli ta’ dawk l-algoritmi sabiex jiżguraw is-sigurtà u l-affidabbiltà tas-servizzi fiduċjarji tagħhom.

(74)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligu għall-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji li jivverifikaw l-identità ta’ persuna fiżika jew ġuridika li lilha jinħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat jew l-attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attribut abbażi ta’ diversi metodi armonizzati madwar l-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċertifikati kwalifikati u l-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi jinħarġu lill-persuna li jappartjenu għaliha u li jattestaw is-sett korrett u uniku ta’ data li jirrappreżenta l-identità ta’ dik il-persuna, jenħtieġ li l-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji li joħorġu ċertifikati kwalifikati jew li joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi, fil-mument tal-ħruġ ta’ dawk iċ-ċertifikati u l-attestazzjonijiet, jiżguraw b’ċertezza sħiħa l-identifikazzjoni ta’ dik il-persuna. Barra minn hekk, minbarra l-verifika obbligatorja tal-identità tal-persuna, jekk applikabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati kwalifikati u meta joħorġu attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi, il-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji jenħtieġ li jiżguraw b’ċertezza sħiħa l-korrettezza u l-preċiżjoni tal-attributi attestati tal-persuna li lilha jinħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat jew l-attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi. Dawk l-obbligi ta’ riżultat u ċertezza sħiħa fil-verifika tad-data attestata jenħtieġ li jiġu appoġġati b’mezzi xierqa, inkluż bl-użu ta’ metodu speċifiku wieħed jew, fejn meħtieġ, taħlita ta’ metodi speċifiċi previsti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jkun possibbli li dawk il-metodi jiġu kkombinati biex tiġi pprovduta bażi xierqa għall-verifika tal-identità tal-persuna li lilha jinħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat jew attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi. Jenħtieġ li jkun possibbli li tali kombinazzjoni tinkludi dipendenza fuq mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ livell ta’ assigurazzjoni sostanzjali flimkien ma’ mezzi oħra ta’ verifika tal-identità li jippermettu li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti armonizzati stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ livell ta’ assigurazzjoni għoli bħala parti minn proċeduri mill-bogħod armonizzati addizzjonali li jiżguraw l-identifikazzjoni b’livell għoli ta’ fiduċja. Jenħtieġ li dawk il-metodi jinkludu l-possibbiltà li l-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li joħroġ attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi jivverifika l-attributi li għandhom jiġu attestati b’mezzi elettroniċi fuq talba tal-utent, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, inkluż fuq il-bażi ta’ sorsi awtentiċi.

(75)

Sabiex dan ir-Regolament jinżamm konformi mal-iżviluppi globali u biex jiġu segwiti l-aħjar prattiki dwar is-suq intern, l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni jenħtieġ li jiġu riveduti u jekk meħtieġ aġġornati fuq bażi regolari. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ dawk l-aġġornamenti tqis it-teknoloġiji, il-prattiki, l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi l-ġodda.

(76)

Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżvilupp tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali u ta’ -qafas tas-servizzi fiduċjarji fl-Unjoni kollha, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(77)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(78)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 910/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li jiġi pprovdut livell adegwat ta’ sigurtà tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u tas-servizzi fiduċjarji użati fl-Unjoni, sabiex jippermetti u jiffaċilita l-eżerċizzju minn persuni fiżiċi u ġuridiċi tad-dritt li jipparteċipaw fis-soċjetà diġitali b’mod sikur u li jaċċessaw servizzi pubbliċi u privati online fl-Unjoni kollha. Għal dawn il-finijiet, dan ir-Regolament:

(a)

jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li jaqgħu fi skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata ta’ Stat Membru ieħor u jipprovdu u jirrikonoxxu Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali;

(b)

jistabbilixxi r-regoli għas-servizzi fiduċjarji, b’mod partikolari għat-tranżazzjonijiet elettroniċi;

(c)

jistabbilixxi qafas legali għall-firem elettroniċi, għas-siġilli elettroniċi, għat-timbri tal-ħin elettroniċi, għad-dokumenti elettroniċi, għas-servizzi elettroniċi ta’ konsenja reġistrata, għas-servizzi taċ-ċertifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi, għall-arkivjar elettroniku, għall-attestazzjoni elettronika tal-attributi, għall-apparati għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi, apparati għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi, u reġistri elettroniċi”;

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament japplika għall-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika nnotifikati minn Stat Membru, għall-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali pprovduti minn Stat Membru u għall-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fl-Unjoni.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali dwar il-konklużjoni u l-validità ta’ kuntratti, obbligi legali jew proċedurali oħra relatati mal-forma jew ma’ rekwiżiti speċifiċi għas-settur fir-rigward tal-forma.

4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (*1) .

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”;"

(3)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (1) sa (5) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(1)

‘identifikazzjoni elettronika’ tfisser il-proċess tal-użu ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna f’forma elettronika li tkun tirrapreżenta b’mod esklussiv persuna fiżika jew ġuridika, jew persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta persuna fiżika oħra jew persuna ġuridika;

(2)

‘mezz ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser unità fiżika u/jew mhux fiżika li jkun fiha data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, u li tintuża għall-awtentikazzjoni għal servizz online jew, fejn adatt, għal servizz offline;

(3)

‘data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna’ tfisser sett ta’ data li jinħareġ f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali li jippermetti li tkun tista’ tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna fiżika jew ġuridika, jew ta’ persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta persuna fiżika oħra jew persuna ġuridika.

(4)

‘skema ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser sistema għall-identifikazzjoni elettronika li permezz tagħha jinħarġu mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew lil persuni fiżiċi li jkunu qed jirrappreżentaw persuni fiżiċi oħra jew persuni ġuridiċi;

(5)

‘awtentikazzjoni’ tfisser proċess elettroniku li jippermetti l-konferma tal-identifikazzjoni elettronika ta’ persuna fiżika jew ġuridika, jew il-konferma tal-oriġini u l-integrità ta’ data f’forma elettronika;”;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(5a)

‘utent’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, jew persuna fiżika li tirrappreżenta persuna fiżika oħra jew persuna ġuridika, li tuża servizzi fiduċjarji jew mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika provduti f’konformità ma’ dan ir-Regolament;”;

(c)

il-punt (6) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(6)

‘parti dipendenti’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tiddependi fuq l-identifikazzjoni elettronika, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jew mezzi oħra ta’ identifikazzjoni elettronika, jew fuq servizz fiduċjarju;”;

(d)

il-punt (16) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(16)

‘servizz fiduċjarju’ tfisser servizz elettroniku normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti minn kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-ħruġ ta’ ċertifikati għal firem elettroniċi, ċertifikati għas-siġilli elettroniċi, ċertifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi jew ċertifikati għall-forniment ta’ servizzi fiduċjarji oħra;

(b)

il-validazzjoni ta’ ċertifikati għal firem elettroniċi, ċertifikati għas-siġilli elettroniċi, ċertifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi jew ċertifikati għall-forniment ta’ servizzi fiduċjarji oħra;

(c)

il-ħolqien ta’ firem elettroniċi jew siġilli elettroniċi;

(d)

il-validazzjoni ta’ firem elettroniċi jew siġilli elettroniċi;

(e)

il-preservazzjoni ta’ firem elettroniċi, siġilli elettroniċi, ċertifikati għall-firem elettroniċi jew ċertifikati għas-siġilli elettroniċi;

(f)

il-ġestjoni ta’ apparati għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod jew apparati għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi mill-bogħod;

(g)

il-ħruġ ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi;

(h)

il-validazzjoni ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi;

(i)

il-ħolqien ta’ timbri tal-ħin elettroniċi;

(j)

il-validazzjoni ta’ timbri tal-ħin elettroniċi;

(k)

il-forniment ta’ servizzi elettroniċi ta’ konsenja reġistrata;

(l)

il-validazzjoni ta’ data trażmessa permezz ta’ servizzi elettroniċi ta’ konsenja reġistrata u evidenza relatata;

(m)

l-arkivjar elettroniku ta’ data elettronika u ta’ dokumenti elettroniċi;

(n)

ir-reġistrazzjoni ta’ data elettronika f’reġistru elettroniku;”;

(e)

il-punt (18) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(18)

‘korp ta’ valutazzjoni tal-konformità’ tfisser korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 13 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, li huwa akkreditat f’konformità ma’ dak ir-Regolament bħala kompetenti biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità ta’ fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji u tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li jipprovdi, jew bħala kompetenti biex iwettaq iċ-ċertifikazzjoni ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jew ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika;”;

(f)

il-punt (21) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(21)

‘prodott’ tfisser hardware jew software, jew komponenti rilevanti ta’ hardware jew software, li huma maħsuba biex jintużaw għall-forniment ta’ identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji;”;

(g)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(23a)

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod’ tfisser apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li jkun ġestit minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji f’konformità mal-Artikolu 29a f’isem firmatarju;

(23b)

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi mill-bogħod’ tfisser apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi li jkun ġestit minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji f’konformità mal-Artikolu 39a f’isem kreatur tas-siġill;”;

(h)

il-punt (38) u huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(38)

‘ċertifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku’ tfisser attestazzjoni elettronika li permezz tagħha tkun possibbli l-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku u tikkollega s-sit elettroniku mal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat;”;

(i)

il-punt (41) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(41)

‘validazzjoni’ tfisser il-proċess tal-verifika u l-konferma li d-data f’forma elettronika tkun valida f’konformità ma’ dan ir-Regolament”;

(j)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(42)

‘Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali’ tfisser mezz ta’ identifikazzjoni elettronika li jippermetti lill-utent jaħżen, jiġġestixxi u jivvalida b’mod sigur data tal-identifikazzjoni tal-persuna u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi għall-fini li jipprovdihom lil partijiet dipendenti u utenti oħra tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, u jiffirma permezz ta’ firem elettroniċi kwalifikati jew jissiġilla permezz ta’ siġilli elettroniċi kwalifikati;

(43)

‘attribut’ tfisser karatteristika, kwalità, dritt jew permess ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew ta’ oġġett;

(44)

‘attestazzjoni elettronika tal-attributi’ tfisser attestazzjoni f’forma elettronika li tippermetti li jiġi awtentikati l-attributi;

(45)

‘attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi’ tfisser attestazzjoni elettronika tal-attributi li tinħareġ minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji u tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V;

(46)

‘attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku’ tfisser attestazzjonielettronika tal-attributi maħruġa minn korp tas-settur pubbliku li huwa responsabbli għal sors awtentiku jew minn korp tas-settur pubbliku li huwa maħtur mill-Istat Membru biex joħroġ tali attestazzjonijiet tal-attributi f’isem il-korpi tas-settur pubbliku responsabbli għal sorsi awtentiċi f’konformità mal-Artikolu 45f u l-Anness VII;

(47)

‘sors awtentiku’ tfisser repożitorju jew sistema, miżmuma taħt ir-responsabbiltà ta’ korp tas-settur pubbliku jew ta’ entità privata, li jkun fiha u tipprovdi attributi dwar persuna fiżika jew ġuridika jew oġġett u li titqies sors primarju ta’ dik l-informazzjoni jew hija rikonoxxuta bħala awtentika f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali, inkluż prattika amministrattiva;

(48)

‘arkivjar elettroniku’ tfisser servizz li jiżgura l-wasla, il-ħżin, l-irkupru u t-tħassir ta’ data elettronika u dokumenti elettroniċi sabiex jiġu żgurati d-durabbiltà u l-leġibbiltà tagħhom kif ukoll biex jiġu ppreservati l-integrità, il-kunfidenzjalità u l-prova tal-oriġini tagħhom matul il-perjodu ta’ preservazzjoni;

(49)

‘servizz ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat’ tfisser servizz ta’ arkivjar elettroniku li huwa pprovdut minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji u li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45j;

(50)

‘Marka Fiduċjarja tal-UE għall-Kartieri tal-Identità Diġitali’ tfisser indikazzjoni verifikabbli, sempliċi u rikonoxxibblili hija kkomunikata b’mod ċar li turi li ġiet ipprovduta Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(51)

‘awtentikazzjoni b’saħħitha tal-utent’ tfisser awtentikazzjoni bbażata fuq l-użu ta’ mill-inqas żewġ fatturi ta’ awtentikazzjoni minn kategoriji differenti jew tal-għarfien, xi ħaġa li jafha biss l-utent, jew tal-pussess, xi ħaġa li għandu biss l-utent jew tal-inerenza, xi ħaġa li hija parti mill-identità tal-utent, li jkunu indipendenti, b’tali mod li l-ksur ta’ wieħed ma jikkompromettix l-affidabbiltà tal-oħrajn, u hija mfassla b’tali mod li tipproteġi l-kunfidenzjalità tad-data ta’ awtentikazzjoni;

(52)

‘reġistru elettroniku’ tfisser sekwenza ta’ rekords elettroniċi tad-data, li tiżgura l-integrità ta’ dawk ir-rekords u l-preċiżjoni tal-ordni kronoloġiku ta’ dawk ir-rekords;

(53)

‘reġistru elettroniku kwalifikat’ tfisser reġistru elettroniku li huwa pprovdut minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45l;

(54)

‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(55)

‘korrispondenza tal-identità’ tfisser proċess fejn id-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, jew il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettroniċi jitqabblu jew jiġu kkollegati ma’ kont eżistenti li jappartjeni lill-istess persuna;

(56)

‘rekord tad-data’ tfisser data elettronika reġistrata b’metadata relatata li tappoġġa l-ipproċessar tad-data;

(57)

‘modalità offline’ tfisser, fir-rigward tal-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, interazzjoni bejn utent u parti terza f’post fiżiku li tuża teknoloġiji ta’ prossimità, fejn il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali ma tkunx meħtieġa għall-aċċess ta’ sistemi mill-bogħod permezz ta’ networks ta’ komunikazzjoni elettronika għall-fini tal-interazzjoni.”;

(4)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Psewdonimi fi tranżazzjoni elettronika

Mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali li jirrikjedu li l-utenti jidentifikaw lilhom infushom jew għall-effett legali mogħti lill-psewdonimi skont il-liġi nazzjonali, l-użu ta’ psewdonimi li jintgħażlu mill-utent ma għandux ikun ipprojbit.”;

(5)

fil-Kapitolu II, tiddaħħal it-taqsima li ġejja:

“TAQSIMA 1

KARTIERA EWROPEA TAL-IDENTITÀ DIĠITALI

Artikolu 5a

Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

1.   Għall-fini li jiġi żgurat li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha fl-Unjoni jkollhom aċċess transfruntier sigur, affidabbli u mingħajr xkiel għas- servizzi pubbliċi u privati, filwaqt li jkollhom kontroll sħiħ fuq id-data tagħhom, kull Stat Membru għandu jipprovdi mill-inqas Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali waħda fi żmien 24 xahar mid-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 23 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 5c(6).

2.   Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom jiġu pprovduti b’wieħed jew aktar mill-mod li ġejjin:

(a)

direttament minn Stat Membru;

(b)

skont mandat minn Stat Membru;

(c)

b’mod indipendenti minn Stat Membru iżda rikonoxxut minn dak l-Istat Membru.

3.   Il-kodiċi tas-sors tal-komponenti tas-software ta’ applikazzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandu jkollu liċenzja ta’ sors miftuħ. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, għal raġunijiet debitament ġustifikati, il-kodiċi tas-sors ta’ komponenti speċifiċi għajr dawk installati fuq l-apparat tal-utenti ma għandux jiġi żvelat.

4.   Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom, b’mod li jkun faċli għall-utent, trasparenti u traċċabbli mill-utent, jippermettu lill-utent:

(a)

jitlob, jikseb, jagħżel, jikkombina, jaħżen, iħassar, jikkondividi u jippreżenta b’mod sigur taħt il-kontroll uniku tal-utent, data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna u, fejn applikabbli, flimkien ma’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi, jawtentika lil partijiet dipendenti online u, fejn xieraq f’modalità offline, sabiex jaċċessaw servizzi pubbliċi u privati, filwaqt li jagħmel possibbli l-iżvelar selettiv tad-data;

(b)

jiġġenera psewdonimi u jaħżinhom kriptati u lokalment fil-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(c)

jawtentika b’mod sigur il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali ta’ persuna oħra, u jirċievi u jikkondividi data tal-identifikazzjoni tal-persuna u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi b’mod sigur bejn iż-żewġ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali;

(d)

jaċċedi għal reġistru tat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa permezz tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali bis-saħħa ta’ dashboard komuni li jippermetti lill-utent:

(i)

jara lista aġġornata tal-partijiet dipendenti li magħhom l-utent ikun stabbilixxa konnessjoni u, fejn applikabbli, id-data kollha skambjata;

(ii)

jitlob faċilment it-tħassir minn parti dipendenti ta’ data personali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/679);

(iii)

jirrapporta faċilment parti dipendenti lill-awtorità nazzjonali kompetenti għall-protezzjoni tad-data, fejn tasal talba allegatament illegali jew suspettuża ta’ data;

(e)

jiffirma permezz ta’ firem elettroniċi kwalifikati jew jissiġilla permezz ta’ siġilli elettroniċi kwalifikati;

(f)

iniżżel, sa fejn ikun teknikament fattibbli, id-data tal-utent, l-attestazzjoni elettronika tal-attributi u l-konfigurazzjonijiet;

(g)

jeżerċita d-drittijiet tal-utent għall-portabbiltà tad-data.

5.   Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom, b’mod partikolari:

(a)

jappoġġaw protokolli u interfaċċi komuni:

(i)

għall-ħruġ ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati u mhux kwalifikati tal-attributi jew ċertifikati kwalifikati u mhux kwalifikati għall-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(ii)

għal partijiet dipendenti biex jitolbu u jivvalidaw data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi;

(iii)

għall-kondiviżjoni u l-preżentazzjoni lill-partijiet dipendenti ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi jew ta’ data relatata żvelata b’mod selettiv online u, fejn xieraq, f’modalità offline;

(iv)

għall-utent biex jippermetti interazzjoni mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali u juri Marka Fiduċjarja tal-UE għall-Kartieri tal-Identità Diġitali;

(v)

biex isir onboarding b’mod sigur tal-utent bl-użu ta’ mezz ta’ identifikazzjoni elettronika f’konformità mal-Artikolu 5a(24);

(vi)

għall-interazzjoni bejn il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali ta’ żewġ persuni għall-fini li jirċievi, jivvalida u jikkondividi data tal-identifikazzjoni tal-persuna u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi b’mod sigur;

(vii)

għall-awtentikazzjoni u l-identifikazzjoni ‘partijiet dipendenti bl-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ awtentikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5b;

(viii)

għall-partijiet dipendenti biex jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali;

(ix)

biex parti dipendenti tintalab it-tħassir ta’ data personali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/679;

(x)

għar-rapportar ta’ parti dipendenti lill-awtorità nazzjonali kompetenti għall-protezzjoni tad-data meta tiġi riċevuta talba għal data allegatament illegali jew suspettuża;

(xi)

għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi jew siġilli elettroniċi kwalifikati permezz ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi jew siġilli elettroniċi;

(b)

ma jfornu l-ebda informazzjoni lill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi dwar l-użu ta’ dawk l-attestazzjonijiet elettroniċi;

(c)

jiżguraw li l-l-partijiet dipendenti jistgħu jiġu awtentikati u identifikati permezz ta’ mekkaniżmi ta’ awtentikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5b;

(d)

jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 fir-rigward tal-livell ta’ assigurazzjoni għoli, b’mod partikolari kif applikat għar-rekwiżiti għall-prova u l-verifika tal-identità, u għall-ġestjoni u l-awtentikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika;

(e)

fil-każ tal-attestazzjoni elettronika tal-attributi b’politiki ta’ żvelar inkorporati, jimplimentaw il-mekkaniżmu xieraq biex jinformaw lill-utent li l-parti dipendenti jew l-utent tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġiħrutali li jitlob dik l-attestazzjoni elettronika ta’ attributi jkollu l-permess biex jaċċessa tali attestazzjoni;

(f)

jiżguraw li d-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, li tkun disponibbli mill-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika li skontha tiġi fornuta l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, tirrappreżenta unikament lill-persuna fiżika, lill-persuna ġuridika jew lill-persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta lill-persuna fiżika jew ġuridika, u tkun assoċjata ma’ dik il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(g)

joffru lill-persuni fiżiċi kollha l-kapaċità li jiffirmaw permezz ta’ firem elettroniċi kwalifikati b’mod awtomatiku u mingħajr ħlas.

Minkejja l-punt (g) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu miżuri proporzjonati biex jiżguraw li l-użu ta’ firem elettroniċi kwalifikati mingħajr ħlas minn persuni fiżiċi jkun limitat għal finijiet mhux professjonali.

6.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-utenti, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe ksur tas-sigurtà li seta’ kkomprometta b’mod sħiħ jew parzjali l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tagħhom jew il-kontenuti tagħha, b’mod partikolari jekk il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tagħhom tkun ġiet sospiża jew revokata skont l-Artikolu 5e.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5f, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, funzjonalitajiet addizzjonali tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, inkluż l-interoperabbiltà ma’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika nazzjonali eżistenti. Dawk il-funzjonalitajiet addizzjonali għandhom jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu.

8.   L-Istati Membri għandhom ifornu mekkaniżmi ta’ validazzjoni mingħajr ħlas sabiex:

(a)

jiġi żgurat li l-awtentiċità u l-validità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jkunu jistgħu jiġu vverifikati;

(b)

l-utenti jkunu jistgħu jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tal-identità tal-partijiet dipendenti reġistrati skont l-Artikolu 5b.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-validità tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tkun tista’ tiġi revokata fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fuq it-talba espliċita tal-utent;

(b)

fejn is-sigurtà tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tkun ġiet kompromessa;

(c)

fil-każ tal-mewt tal-utent jew tal-waqfien tal-attività tal-persuna ġuridika.

10.   Il-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu faċilment jitolbu assistenza teknika u jirrapportaw problemi tekniċi jew kwalunkwe inċident ieħor li jkollu impatt negattiv fuq l-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.

11.   Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom jiġu fornuti taħt skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata b’livell ta’ assigurazzjoni għoli.

12.   Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom jiżguraw is-sigurtà fid-disinn.

13.   Il-ħruġ, l-użu u r-revoka tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom ikunu mingħajr ħlas għall-persuni fiżiċi kollha.

14.   L-utenti għandu jkollhom kontroll sħiħ tal-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tagħhom u tad-data fiha. Il-fornitur tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali la għandu jiġbor informazzjoni dwar l-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali li ma tkunx meħtieġa għall-forniment tas-servizzi tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, u lanqas jikkombina data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna jew kwalunkwe data personali oħra maħżuna jew relatata mal-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali ma’ data personali minn xi servizz ieħor offrut minn dak il-fornitur jew minn servizzi ta’ partijiet terzi li ma jkunux meħtieġa għall-forniment tas-servizzi tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, dment li l-utent ma jkunx talab mod ieħor b’mod espliċitu. Id-data personali relatata mal-forniment tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali għandha tinżamm loġikament separata minn kwalunkwe data oħra miżmuma mill-fornitur tal-Kartiera Ewropa tal-Identità Diġitali. Jekk il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tiġi fornuta minn partijiet privati f’konformità mal-paragrafu 2, il-punti (b) u (c), ta’ dan l-Artikolu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45h(3) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

15.   L-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandu jkun fuq bażi volontarja. L-aċċess għas-servizzi pubbliċi u privati, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-libertà ta’ intrapriża ma għandhom bl-ebda mod ikunu limitati jew ikunu żvantaġġużi għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jużawx il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali. Għandu jibqa’ possibbli l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u privati b’mezzi ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni eżistenti oħra.

16.   Il-qafas tekniku tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali:

(a)

ma għandux jippermetti lill-fornituri ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jew lil kwalunkwe parti oħra, wara l-ħruġ tal-attestazzjoni tal-attributi, jiksbu data li tippermetti li t-tranżazzjonijiet jew l-imġieba tal-utent jiġu traċċati, konnessi jew korrelatati jew l-għarfien tat-tranżazzjonijiet jew l-imġieba tal-utent jiġu miksuba b’mod ieħor, sakemm ma jkunx awtorizzat b’mod espliċitu mill-utent;

(b)

għandu jippermetti tekniki ta’ preservazzjoni tal-privatezza li jiżguraw in-nuqqas ta’ konnessjoni, fejn l-attestazzjoni tal-attributi ma teħtieġx l-identifikazzjoni tal-utent.

17.   Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Istati Membri jew f’isimhom minn korpi jew partijiet responsabbli għall-forniment tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali bħala mezz ta’ identifikazzjoni elettronika għandu jitwettaq f’konformità ma’ miżuri xierqa u effettivi tal-protezzjoni tad-data. Il-konformità ta’ tali proċessar mar-Regolament (UE) 2016/679 għandha tintwera. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali biex jispeċifikaw aktar l-applikazzjoni ta’ tali miżuri.

18.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar:

(a)

il-korp responsabbli għall-istabbiliment u ż-żamma tal-lista ta’ partijiet dipendenti reġistrati li jiddependu mill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali f’konformità mal-Artikolu 5b(5) u fejn tinsab dik il-lista;

(b)

il-korpi responsabbli għall-forniment tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali f’konformità mal-Artikolu 5a(1);

(c)

il-korpi responsabbli biex jiżguraw li d-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna tkun assoċjata mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali f’konformità mal-Artikolu 5a(5)(f);

(d)

il-mekkaniżmu li jippermetti l-validazzjoni tad-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna msemmija fl-Artikolu 5a(5)(f), u tal-identità tal-partijiet dipendenti;

(e)

il-mekkaniżmu li biħ tivvalida l-awtentiċità u l-validità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni notifikata permezz tal-ewwel subparagrafu disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ kanal sigur, f’forma ffirmata jew issiġillata elettronikament adatta għall-ipproċessar awtomatizzat.

19.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 22 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 11 għandu japplika mutatis mutandis għall-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.

20.   L-Artikolu 24(2)(b), u (d) sa (h), għandu japplika mutatis mutandis għall-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.

21.   Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom isiru aċċessibbli għall-użu, minn persuni b’diżabilità, fuq bażi ugwali ma’ utenti oħra, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2),.

22.   Għall-finijiet tal-forniment ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li skonthom jiġu fornuti ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 7, 9, 10, 12 u 12a.

23.   Sal-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 4, 5, 8 u 18 ta’ dan l-Artikolu dwar l-implimentazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

24.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn meħtieġ, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri sabiex tiffaċilita l-onboarding tal-utenti fil-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali b’mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li jikkonformaw ma’ livell ta’ assigurazzjoni għoli jew b’mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li jikkonformaw ma’ livell ta’ assigurazzjoni sostanzjali flimkien ma’ proċeduri addizzjonali ta’ onboarding mill-bogħod li flimkien jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-livell ta’ assigurazzjoni għoli. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 5b

Partijiet Dipendenti tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali

1.   Meta parti dipendenti jkollha l-intenzjoni li tiddependi fuq il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għall-forniment ta’ servizzi pubbliċi jew privati permezz ta’ interazzjoni diġitali, il-parti dipendenti għandha tirreġistra fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita.

2.   Il-proċess ta’ reġistrazzjoni għandu jkun kosteffettiv u proporzjonat għar-riskju. Il-parti dipendenti għandha tipprovdi mill-inqas:

(a)

l-informazzjoni meħtieġa għall-awtentikazzjoni fil-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, li bħala minimu tinkludi:

(i)

l-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-parti dipendenti; u

(ii)

l-isem tal-parti dipendenti u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni tagħha kif iddikjarat f’rekord uffiċjali flimkien mad-data ta’ identifikazzjoni ta’ dak ir-rekord uffiċjali;

(b)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-parti dipendenti;

(c)

l-użu maħsub tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, inkluż indikazzjoni tad-data li għandha tintalab mill-parti dipendenti mingħand l-utenti.

3.   Il-partijiet dipendenti ma għandhomx jitolbu lill-utenti jfornu xi data għajr dik indikata skont il-paragrafu 2, il-punt (c).

4.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali li hija applikabbli għall-forniment ta’ servizzi speċifiċi.

5.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 disponibbli online għall-pubbliku f’forma ffirmata jew issiġillata elettronikament adatta għall-ipproċessar awtomatizzat.

6.   Il-partijiet dipendenti rreġistrati f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri mingħajr dewmien dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni fornuta fir-reġistrazzjoni skont il-paragrafu 2.

7.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu mekkaniżmu komuni li jippermetti l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni tal-partijiet dipendenti, kif imsemmi fl-Artikolu 6a(5)(c).

8.   Meta l-partijiet dipendenti jkollhom l-intenzjoni li jiddependu minn Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, huma għandhom jidentifikaw lilhom infushom lill-utent.

9.   Il-partijiet dipendenti għandhom ikunu responsabbli għat-twettiq tal-proċedura għall-awtentikazzjoni u għall-validazzjoni tad-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuni u ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi mitluba mill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali. Il-partijiet dipendenti ma għandhomx jirrifjutaw l-użu ta’ psewdonimi, sakemm l-identifikazzjoni tal-utent ma tkunx meħtieġa mill-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

10.   L-intermedjarji li jaġixxu f’isem il-partijiet dipendenti għandhom jitqiesu partijiet dipendenti u ma għandhomx jaħżnu data dwar il-kontenut tat-tranżazzjoni.

11.   Sal-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri tekniċi għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2, 5 u 6 sa 9 ta’ dan l-Artikolu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali kif imsemmija fl-Artikolu 5a(23). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 5c

Ċertifikazzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

1.   Il-konformità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika li skontha huma jiġu fornuti mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5a(4), (5), (8), mar-rekwiżit għal separazzjoni loġika stabbilit fl-Artikolu 5a(14) u, fejn applikabbli, mal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 5a(24), għandha tiġi ċċertifikata mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità maħtura mill-Istati Membri.

2.   Iċ-ċertifikazzjoni tal-konformità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew partijiet minnhom, li huma rilevanti għaċ-ċibersigurtà għandha titwettaq f’konformità mal-iskemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottati skont ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) u msemmija fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li mhux rilevanti għaċ-ċibersigurtà u, għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li huma rilevanti għaċ-ċibersigurtà sakemm l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà kif imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma jkoprux, jew ikopru biss parzjalment, dawk ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà, anke għal dawk ir-rekwiżiti, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skemi nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 64 ta’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-abbozzi tal-iskemi nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni tagħhom lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar l-Identità Diġitali Ewropea stabbilit skont l-Artikolu 46e(1) (il-‘Grupp ta’ Kooperazzjoni’). Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni jista’ joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet.

4.   Iċ-ċertifikazzjoni skont il-paragrafu 1 għandha tkun valida sa ħames snin dment li titwettaq valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet kull sentejn. Meta tiġi identifikata vulnerabbiltà u din ma tiġix rimedjata fil-ħin, iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi kkanċellata.

5.   Il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5a ta’ dan ir-Regolament relatati mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar ta’ data personali tista’ tiġi ċċertifikata skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

6.   Sal-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali msemmija fil-paragrafu 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

7.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri kollha.

8.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 47 li jistabbilixxu kriterji speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 5d

Pubblikazzjoni ta’ lista ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali ċċertifikati

1.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 46e(1)mingħajr dewmien żejjed dwar il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li jkunu ġew fornuti skont l-Artikolu 5a u ġew iċċertifikati mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 5c(1). Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 46e(1), mingħajr dewmien żejjed jekk iċ-ċertifikazzjoni tiġi kkanċellata u għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet għall-kanċellazzjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5a(18), l-informazzjoni fornuta mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi mill-inqas:

(a)

iċ-ċertifikat u r-rapport tal-valutazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali ċċertifikata;

(b)

deskrizzjoni tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika li skontha tiġi fornuta l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(c)

ir-reġim superviżorju applikabbli u l-informazzjoni dwar ir-reġim ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-parti li tforni l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(d)

l-awtorità jew l-awtoritajiet responsabbli għall-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika;

(e)

l-arranġamenti għas-sospensjoni jew ir-revoka tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika jew tal-awtentikazzjoni jew tal-partijiet kompromessi kkonċernati.

3.   Abbażi tal-informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u żżomm f’forma li tinqara minn magna lista ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali ċċertifikati.

4.   Stat Membru jista’ jippreżenta talba lill-Kummissjoni biex Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jew l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika li skontha tkun ġiet fornuta titneħħa mil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

5.   Fejn ikun hemm bidliet fl-informazzjoni fornuta skont il-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jforni lill-Kummissjoni b’informazzjoni aġġornata.

6.   Il-Kummissjoni għandha żżomm il-lista msemmija fil-paragrafu 3 aġġornata billi tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi korrispondenti għal-lista fi żmien xahar minn meta tirċievi talba skont il-paragrafu 4 jew informazzjoni aġġornata skont il-paragrafu 5.

7.   Sal-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-formati u proċeduri applikabbli għall-finijiet tal-paragrafu 1, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali kif imsemmi fl-Artikolu 5a(23). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 5e

Ksur ta’ sigurtà tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

1.   Meta l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali fornuti skont l-Artikolu 5a, il-mekkaniżmi ta’ validazzjoni msemmija fl-Artikolu 5a(8), jew l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika li skontha jiġu fornuti l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jinkisru jew jiġu parzjalment kompromessi b’mod li jaffettwa l-affidabbiltà tagħhom jew l-affidabbiltà ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali oħra, l-Istat Membru li jkun forna l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandu, mingħajr dewmien żejjed, jissospendi l-forniment u l-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.

Meta jkun ġustifikat mill-gravità tal-ksur tas-sigurtà jew tal-kompromess imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru għandu jirtira l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali mingħajr dewmien żejjed.

L-Istat Membru għandu jinforma lill-utenti affettwati, lill-punti uniċi ta’ kuntatt maħtura skont l-Artikolu 46c(1), lill-partijiet dipendenti u lill-Kummissjoni kif meħtieġ.

2.   Jekk il-ksur tas-sigurtà jew il-kompromess imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu ma jiġix rimedjat fi żmien tliet xhur mis-sospensjoni, l-Istat Membru li jkun forna l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandu jirtira l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u jirrevoka l-validità tagħhom. L-Istat Membru għandu jinforma lill-utenti affettwati, lill-punti uniċi ta’ kuntatt maħtura skont l-Artikolu 46c(1), lill-partijiet dipendenti u lill-Kummissjoni bl-irtirar kif meħtieġ.

3.   Meta jinstab rimedju għall-ksur tas-sigurtà jew il-kompromess imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru tal-forniment għandu jerġa’ jistabbilixxi l-forniment u l-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u jinforma lill-utenti milquta u lill-partijiet dipendenti, lill-punti uniċi ta’ kuntatt maħtura skont l-Artikolu 46c(1) u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi korrispondenti fil-lista msemmija fl-Artikolu 5d mingħajr dewmien żejjed.

5.   Sal-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista tal-standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 5f

Dipendenza transfruntiera fuq il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

1.   Meta l-Istati Membri jirrikjedu mezz ta’ identifikazzjoni elettronika u awtentikazzjoni biex jaċċessaw servizz online pprovdut minn korp tas-settur pubbliku, dawn għandhom jaċċettaw ukoll il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma provduti skont dan ir-Regolament.

2.   Meta partijiet dipendenti privati li jipprovdu s-servizzi, bl-eċċezzjoni ta’ intrapriżi mikro u żgħar kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (*4), ikunu meħtieġa bil-liġi nazzjonali jew bid-dritt tal-Unjoni li jużaw awtentikazzjoni b’saħħitha tal-utenti għal identifikazzjoni online, jew meta tkun meħtieġa awtentikazzjoni b’saħħitha tal-utenti permezz ta’ obbligu kuntrattwali, inkluż fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija, tas-servizzi bankarji, tas-servizzi finanzjarji, tas-sigurtà soċjali, tas-saħħa, tal-ilma tax-xorb, tas-servizzi postali, tal-infrastruttura diġitali, tal-edukazzjoni jew tat-telekomunikazzjoni, dawk il-partijiet dipendenti privati, sa mhux aktar tard minn 36 xahar wara d-data ta’ dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5a(23) u l-Artikolu 5c(6) u biss fuq talba volontarja tal-utent, għandhom jaċċettaw ukoll il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma pprovduti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

3.   Meta fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna kif iddefiniti fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) jirrikjedu l-awtentikazzjoni tal-utenti għall-aċċess tas-servizzi online, dawn għandhom jaċċettaw u jiffaċilitaw ukoll l-użu ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma pprovduti f’konformità ma’ dan ir-Regolament għall-awtentikazzjoni tal-utent biss fuq talba volontarja tal-utent u fir-rigward tad-data minima meħtieġa għas-servizz online speċifiku li għalih tintalab l-awtentikazzjoni.

4.   F’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż is-soċjetà ċivili, sabiex tikkontribwixxi għad-disponibbiltà u l-użu wiesgħa tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u tħeġġeġ lill-fornituri tas-servizzi jlestu l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta.

5.   Fi żmien 24 xahar wara l-introduzzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta d-domanda għal, u d-disponibbiltà u l-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, filwaqt li tqis kriterji bħall-użu mill-utenti, il-preżenza transfruntiera tal-fornituri tas-servizzi, l-iżviluppi teknoloġiċi, l-evoluzzjoni fix-xejriet tal-użu u d-domanda tal-konsumaturi.

(*2)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70)."

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15)."

(*4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36)."

(*5)  Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).”;"

(6)

Tiddaħħal l-intestatura li ġejja qabel l-Artikolu 6:

“TAQSIMA 2

SKEMI TA’ IDENTIFIKAZZJONI ELETTRONIKA”;

(7)

fl-Artikolu 7, il-punt (g) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

mill-inqas sitt xhur qabel in-notifika skont l-Artikolu 9(1), l-Istat Membru notifikanti jipprovdi lill-Istati Membri l-oħra għall-finijiet tal-Artikolu 12(5), b’deskrizzjoni ta’ dik l-iskema f’konformità mal-arranġamenti proċedurali stabbiliti bl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 12(6)”;

(8)

fl-Artikolu 8(3), l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3   Sat-18 ta’ Settembru 2015, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-istandards internazzjonali rilevanti, u soġġett għall-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet tekniċi minimi, standards u proċeduri li, b’referenza għalihom, il-livelli ta’ assigurazzjoni baxxa, sostanzjali u għolja huma speċifikati għall-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika.”;

(9)

fl-Artikolu 9, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea lista tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati skont il-paragrafu 1 flimkien mal-informazzjoni bażika dwar dawn l-iskemi.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien xahar mid-data tal-wasla ta’ dik in-notifika.”;

(10)

fl-Artikolu 10, it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Ksur tas-sigurtà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika”;

(11)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 11a

Tqabbil transfruntier tal-identità

1.   Meta jaġixxu bħala partijiet dipendenti għal servizzi transfruntiera, l-Istati Membri għandhom jiżguraw tqabbil inekwivoku tal-identità għal persuni fiżiċi bl-użu ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati jew Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu miżuri tekniċi u organizzazzjonali biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali użata għat-tqabbil tal-identità u biex jipprevjenu t-tfassil ta’ profili tal-utenti.

3.   Sal-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

12)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu jinbidel b’dan li ġej:

“Interoperabbiltà”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

jiffaċilita, l-implimentazzjoni tal-privatezza u s-sigurtà bid-disinn”;

(ii)

jitħassar il-punt (d);

(c)

fil-paragrafu 4, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

referenza għal sett minimu ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna meħtieġa biex b’mod unikutirrappreżenta persuna ġuridika jew fiżika, jew persuna fiżika li tirrappreżenta persuna fiżika oħra jew persuna ġuridika li hija disponibbli minn skemi ta’ identifikazzjoni elettronika;”;

(d)

il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom iwettqu evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, li għandhom jiġu nnotifikati skont l-Artikolu 9(1), il-punt (a).

6.   Sat-18 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-arranġamenti proċedurali meħtieġa għall-evalwazzjonijiet bejn il-pari msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu bil-ħsieb li jitrawwem livell għoli ta’ fiduċja u sigurtà xierqa għal-livell ta’ riskju. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(e)

jitħassar il-paragrafu 7;

(f)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Sat-18 ta’ Settembru 2025, għall-fini li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-rekwiżit skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, soġġett għall-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u filwaqt li jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-qafas ta’ interoperabbiltà kif stipulat fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(13)

l-artikoli li ġejjin jiddaħħlu fil-Kapitolu II:

“Artikolu 12a

Ċertifikazzjoni tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika

1.   Il-konformità tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li għandhom jiġu nnotifikati mar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà stabbiliti f’dan ir-Regolament, inkluż il-konformità mar-rekwiżiti rilevanti għaċ-ċibersigurtà stabbiliti fl-Artikolu 8(2) rigward il-livelli ta’ assigurazzjoni tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika, għandha tiġi ċċertifikata mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità maħtura mill-Istati Membri.

2.   Iċ-ċertifikazzjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha titwettaq skont skema rilevanti ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà skont ir-Regolament (UE) 2019/881 jew partijiet minnu, sa fejn iċ-ċertifikat taċ-ċibersigurtà jew partijiet minnu jkopru dawk ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà.

3.   Iċ-ċertifikazzjoni skont il-paragrafu 1 għandha tkun valida sa ħames snin, dment li titwettaq valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet kull sentejn. Meta tiġi identifikata vulnerabbiltà u din ma tiġix rimedjata fi żmien tliet xhur mill-identifikazzjoni tagħha, iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi kkanċellata.

4.   Minkejja l-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jitolbu, f’konformità ma’ dak il-paragrafu, informazzjoni addizzjonali mingħand Stat Membru notifikanti dwar skemi ta’ identifikazzjoni elettronika jew parti minnhom iċċertifikati.

5.   Ir-rieżami bejn il-pari ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika msemmija fl-Artikolu 12(5) ma għandux japplika għall-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika jew għal partijiet minn tali skemi ċċertifikati f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri jistgħu jużaw ċertifikat jew dikjarazzjoni ta’ konformità maħruġa f’konformità ma’ skema ta’ ċertifikazzjoni rilevanti jew partijiet minn tali skemi, bir-rekwiżiti mhux relatati maċ-ċibersigurtà stabbiliti fl-Artikolu 8(2) rigward il-livelli ta’ assigurazzjoni tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika.

6.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri kollha.

Artikolu 12b

Aċċess għall-karatteristiċi tal-hardware u s-software

Meta l-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u l-emittenti ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati li jaġixxu f’kapaċità kummerċjali jew professjonali u jużaw servizzi ewlenin tal-pjattaforma kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6) għall-fini, jew waqt li jipprovdu servizzi tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali u mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika lill-utenti finali jkunu utenti kummerċjali kif definiti fl-Artikolu 2, punt (21), ta’ dak ir-Regolament, il-gwardjani għandhom, b’mod partikolari, jippermettulhom interoperabbiltà effettiva mal-finijiet ta’ interoperabbiltà għall-istess karatteristiċi tas-sistema operattiva, tal-hardware jew tas-software, u aċċess għalihom. Tali interoperabbiltà u aċċess effettivi għandhom ikunu permessi mingħajr ħlas u irrispettivament minn jekk il-karatteristiċi tal-hardware jew tas-software jkunux parti mis-sistema operattiva, huma disponibbli għal dak il-gwardjan, jew huma użati minnu, meta jipprovdi tali servizzi, skont it-tifsira tal-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) 2022/1925. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5a(14) ta’ dan ir-Regolament.

(*6)  Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).”;"

(14)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Minkejja l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji għandhom ikunu responsabbli għal dannu kkawżat intenzjonalment jew b’negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament. Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet dannu materjali jew mhux materjali bħala riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji għandu jkollha d-dritt li tfittex kumpens f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali.

L-oneru tal-provi tal-intenzjoni jew in-negliġenza ta’ fornitur mhux kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji għandu jkun fir-responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika li tafferma l-ħsara msemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-intenzjoni jew in-negliġenza ta’ fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji għandha tkun preżunta għajr jekk dak il-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji jagħti prova li l-ħsara msemmija fl-ewwel subparagrafu saret mingħajr l-intenzjoni jew in-negliġenza ta’ dak il-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji.”;

(15)

L-Artikolu 14, 15 u 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Aspetti internazzjonali

1.   Servizzi fiduċjarji pprovduti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti f’pajjiż terz jew minn organizzazzjoni internazzjonali għandhom ikunu rikonoxxuti bħala legalment ekwivalenti għal servizzi fiduċjarji kwalifikati pprovduti minn fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fl-Unjoni, fejn is-servizzi fiduċjarji li joriġinaw mill-pajjiż terz jew mill-organizzazzjoni internazzjonali jkunu rikonoxxuti permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni jew ftehim konkluż bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 218 TFUE.

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

2.   L-atti ta’ implimentazzjoni u l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti applikabbli għal fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fl-Unjoni u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jkunu sodisfatti mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji fil-pajjiż terz konċernat jew mill-organizzazzjoni internazzjonali u mis-servizzi fiduċjarji li huma jipprovdu. Pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom b’mod partikolari jistabbilixxu, iżommu u jippubblikaw lista affidabbli ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji rikonoxxuti.

3.   Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li s-servizzi fiduċjarji kwalifikati pprovduti minn fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fl-Unjoni jiġu rikonoxxuti bħala legalment ekwivalenti għal servizzi fiduċjarji pprovduti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji fil-pajjiż terz jew mill-organizzazzjoni internazzjonali li magħha jiġi konkluż il-ftehim.

Artikolu 15

Aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità u bi bżonnijiet speċjali

Il-forniment ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika, servizzi fiduċjarji u prodotti ta’ utenti finali li huma użati fil-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun disponibbli b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/882, u b’hekk jibbenefikaw ukoll il-persuni li jesperjenzaw limitazzjonijiet funzjonali, bħall-anzjani, u l-persuni b’aċċess limitat għat-teknoloġiji diġitali.

Artikolu 16

Penali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur ta’ dan ir-Regolament minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u mhux kwalifikati jkun soġġett għal multi amministrattivi ta’ massimu ta’ mill-inqas:

(a)

EUR 5 000 000 meta l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji jkun persuna fiżika; jew

(b)

fejn il-fornitur tas-servizz fiduċjarju jkun persuna legali, EUR 5 000 000 jew 1 % tal-fatturat annwali dinji totali tal-impriża li kien jappartjeni għaliha l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji fis-sena finanzjarja ta’ qabel is-sena li fiha seħħ il-ksur, skont liema jkun l-ogħla.

3.   Skont is-sistema legali tal-Istati Membri, ir-regoli dwar il-multi amministrattivi jistgħu jiġu applikati b’tali mod li l-multa tinbeda mill-korp superviżorju kompetenti u tiġi imposta mill-qrati nazzjonali kompetenti. L-applikazzjoni ta’ tali regoli f’dawk l-Istati Membri għandha tiżgura li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għal multi amministrattivi imposti direttament mill-awtoritajiet superviżorji.

(*7)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).”;"

(16)

fil-Kapitolu III, fit-Taqsima 2, it-titolu huwa sostitwit minn dan li ġej:

“Servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati”

(17)

L-Artikoli 17 u 18 jitħassru;

(18)

L-artikolu li ġej jiddaħħal fil-Kapitolu III, Taqsima 2:

“Artikolu 19a

Rekwiżiti għall-fornituri mhux kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji

1.   Fornitur mhux kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li jipprovdi servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati għandu:

(a)

ikollu politiki xierqa u jieħu miżuri korrispondenti biex jiġġestixxi riskji legali, kummerċjali, operazzjonali u riskji diretti jew indiretti oħrajn għall-forniment tas-servizz fiduċjarju mhux kwalifikat li minkejja l-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, għandhomjinkludu mill-inqas il-miżuri relatati ma’:

(i)

proċeduri ta’ reġistrazzjoni u ta’ onboarding għal servizz fiduċjarju;

(ii)

kontrolli proċedurali jew amministrattivi meħtieġa biex jiġu pprovduti servizzi fiduċjarji;

(iii)

il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ servizzi fiduċjarji;

(b)

jinnotifika lill-korp superviżorju, lill-individwi milquta identifikabbli, lill-pubbliku jekk ikun fl-interess pubbliku u, fejn applikabbli, lil awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra, bi kwalunkwe ksur tas-sigurtà jew tfixkil fil-forniment tas-servizz jew fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt (a), (i), (ii) jew (iii), li jkollhom impatt sinifikanti fuq is-servizz fiduċjarju pprovdut jew fuq id-data personali miżmuma fih, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 24 siegħa wara li jkunu saru jafu b’xi ksur tas-sigurtà jew tfixkil.

2.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu fejn dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri jkunu rispettati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(19)

L-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji għandhom jiġu awditjati bi spejjeż għalihom stess mill-inqas kull 24 xahar minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità. L-awditu għandu jikkonferma li fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati pprovduti minnhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament u fl-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Il-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji għandhom jippreżentaw ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità li jirriżulta lill-korp superviżorju fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol minn meta jirċivuh.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Il-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji għandhom jinfurmaw lill-korp superviżorju mhux aktar tard minn xahar qabel kwalunkwe awditu ppjanat u għandhom jippermettu lill-korp superviżorju jipparteċipa bħala osservatur fuq talba.

1b.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet, l-indirizzi u d-dettalji tal-akkreditazzjoni tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1 u bi kwalunkwe bidla sussegwenti fihom. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri kollha.”;

(c)

il-paragrafi 2, 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-korp superviżorju jista’ fi kwalunkwe ħin iwettaq awditu jew jitlob lil korp tal-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati, bi spejjeż għal dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji, biex jiġi kkonfermat li huma u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Fejn ikun jidher li kien hemm ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-korp superviżorju għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lill-awtoritajiet superviżorji kompetent stabbilit skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679.

3.   Meta l-fornitur kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji jonqos milli jissodisfa kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti minn dan ir-Regolament, il-korp superviżorju għandu jitolbu jipprovdi rimedju f’limitu ta’ żmien stabbilit, jekk ikun applikabbli.

Meta dak il-fornitur ma jipprovdix rimedju u, meta jkun applikabbli fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-korp superviżorju, fejn ġustifikat b’mod partikolari skont il-livell, id-durata u l-konsegwenzi ta’ dak in-nuqqas, il-korp superviżorjugħandu jirtira l-istatus kwalifikat ta’ dak il-fornitur jew tas-servizz affettwat li dan jipprovdi.

3a.   Meta l-awtoritajiet kompetenti maħtura jew stabbiliti skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 jinformaw lill-korp superviżorju li l-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji jonqos milli jissodisfa kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21 ta’ dik id-Direttiva, il-korp superviżorju, fejn ġustifikat b’mod partikolari mill-firxa, id-durata u l-konsegwenzi ta’ dak in-nuqqas, għandu jirtira l-istatus kwalifikat ta’ dak il-fornitur jew tas-servizz affettwat li jipprovdi.

3b.   Meta l-awtoritajiet superviżorji stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jinformaw lill-korp superviżorju li l-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji jonqos milli jissodisfa kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament, il-korp superviżorju, fejn ġustifikat b’mod partikolari mill-firxa, id-durata u l-konsegwenzi ta’ dak in-nuqqas, għandu jirtira l-istatus kwalifikat ta’ dak il-fornitur jew tas-servizz affettwat li jipprovdi.

3c.   Il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji bl-irtirar tal-istatus kwalifikat tiegħu jew tal-istatus kwalifikat tas-servizz ikkonċernat. Il-korp superviżorju għandu jinforma lill-korp notifikat skont l-Artikolu 22(3) ta’ dan ir-Regolament għall-finijiet tal-aġġornament tal-listi affidabbli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu u lill-awtorità kompetenti maħtura jew stabbilita skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

4.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għal dawn li ġejjin:

(a)

l-akkreditazzjoni tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u għar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

ir-rekwiżiti tal-awditjar għall-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità biex iwettqu l-valutazzjoni tal-konformità tagħhom, inkluż valutazzjoni komposta, tal-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji kif imsemmi fil-paragrafu 1;

(c)

l-iskemi ta’ valutazzjoni tal-konformità għat-twettiq tal-valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji mill-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u għall-forniment tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(20)

L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fejn il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jkollhom l-intenzjoni li jibdew jipprovdu servizz fiduċjarju kwalifikat, huma għandhom jinnotifikaw lill-korp superviżorju bl-intenzjoni tagħhom flimkien ma’ rapport ta’ valutazzjoni tal-konformità maħruġ minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li jikkonferma li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u fl-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 ġew issodisfati.

2.   Il-korp superviżorju għandu jivverifika jekk il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji pprovduti minnu jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u, b’mod partikolari, mar-rekwiżiti għall-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji u għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li dawn jipprovdu.

Sabiex tiġi vverifikata l-konformità tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, il-korp superviżorju għandu jitlob lill-awtoritajiet kompetenti maħtura jew stabbiliti skont l-Artikolu 8(1) ta’ dik id-Direttiva biex iwettqu azzjonijiet superviżorji f’dak ir-rigward u biex jipprovdu informazzjoni dwar l-eżitu mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien xahrejn minn meta tasal dik it-talba. Jekk il-verifika ma tiġix konkluża fi żmien xahrejn min-notifika, dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-korp superviżorju fejn jispeċifikaw ir-raġunijiet tad-dewmien u l-perjodu li fih għandha tiġi konkluża l-verifika.

Meta l-korp superviżorju jikkonkludi li l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji pprovduti minnu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, il-korp superviżorju għandu jagħti status kwalifikat lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u lis-servizzi fiduċjarji li dan jipprovdi u jinforma lill-korp imsemmi fl-Artikolu 22(3) għall-finijiet ta’ aġġornament tal-listi affidabbli msemmija fl-Artikolu 22(1), sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara n-notifika f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Meta l-verifika ma tiġix konkluża fi żmien tliet xhur min-notifika, il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u jispeċifika r-raġunijiet għad-dewmien u l-perjodu li fih għandha tiġi konkluża l-verifika.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-formati u l-proċeduri tan-notifika u l-verifika għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(21)

L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Meta joħroġ ċertifikat kwalifikat jew attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi, fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji għandu jivverifika l-identità u, jekk ikun applikabbli, kwalunkwe attribut speċifiku tal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ser jinħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat jew l-attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi.

1a.   Il-verifika tal-identità msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq, b’mezzi xierqa, mill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji, jew direttament jew permezz ta’ parti terza, abbażi ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin jew ta’ taħlita tagħhom meta jkun meħtieġ,f’konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1c:

(a)

permezz tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jew mezz ta’ identifikazzjoni elettronika notifikat li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8 fir-rigward tal-livell ta’ assigurazzjoni għoli;

(b)

permezz ta’ ċertifikat ta’ firma elettronika kwalifikata jew ta’ siġill elettroniku kwalifikat maħruġ f’konformità mal-punt (a), (c) jew (d);

(c)

bl-użu ta’ metodi ta’ identifikazzjoni oħra li jiżguraw l-identifikazzjoni tal-persuna b’livell għoli ta’ fiduċja, li l-konformità tagħhom għandha tiġi kkonfermata minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità;

(d)

permezz tal-preżenza fiżika tal-persuna fiżika jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika, permezz ta’ evidenza xierqa, proċeduri, f’konformità mad-dritt nazzjonali;

1b.   Il-verifika tal-attributi msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq, b’mezzi xierqa, mill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji, jew direttament jew permezz ta’ parti terza, abbażi ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin jew, fejn meħtieġ, ta’ taħlita tagħhom,f’konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1c:

(a)

permezz tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jew mezz ta’ identifikazzjoni elettronika notifikat li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8 fir-rigward tal-livell ta’ assigurazzjoni għoli;

(b)

permezz ta’ ċertifikat ta’ firma elettronika kwalifikata jew ta’ siġill elettroniku kwalifikat maħruġ f’konformità mal-paragrafu 1a, il-punt (a), (c) jew (d);

(c)

permezz ta’ attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi;

(d)

bl-użu ta’ metodi oħra li jiżguraw il-verifika tal-attributi b’livell għoli ta’ fiduċja, li l-konformità tagħhom għandha tiġi kkonfermata minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità;

(e)

permezz tal-preżenza fiżika tal-persuna fiżika jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika, permezz ta’ evidenza u proċeduri xierqa, f’konformità mad-dritt nazzjonali.”;

“1c.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-verifika tal-identità u l-attributi f’konformità mal-paragrafi 1, 1a u 1b ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

jinforma lill-korp superviżorju mill-inqas xahar qabel ma jimplimenta kwalunkwe bidla fil-forniment tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati tiegħu jew mill-inqas tliet xhur f’każ ta’ intenzjoni li jwaqqaf dawk l-attivitajiet;”;

(ii)

il-punti (d) u (e) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(d)

qabel jidħol f’relazzjoni kuntrattwali, jinforma, b’mod ċar, komprensiv u aċċessibbli faċilment, fi spazju aċċessibbli għall-pubbliku u individwalment, lil kwalunkwe persuna li tkun qed tfittex li tuża servizz fiduċjarju kwalifikat dwar it-termini u l-kundizzjonijiet preċiżi rigward l-użu ta’ dak is-servizz, inkluż kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu tiegħu;

(e)

juża sistemi u prodotti affidabbli li jkunu protetti kontra modifiki u jiżgura s-sigurtà teknika u l-affidabbiltà tal-proċessi appoġġati minnhom, inkluż l-użu ta’ tekniki kriptografiċi xierqa;”;

(iii)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(fa)

minkejja l-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, ikollu politiki xierqa u jieħu miżuri korrispondenti biex jiġġestixxi riskji legali, kummerċjali, operazzjonali u riskji diretti jew indiretti oħra għall-forniment tas-servizz fiduċjarju kwalifikat, inkluż mill-inqas miżuri relatati ma’ dawn li ġejjin:

(i)

proċeduri ta’ reġistrazzjoni u ta’ onboarding għal servizz;

(ii)

kontrolli proċedurali jew amministrattivi;

(iii)

il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tas-servizzi;

(fb)

jinnotifika lill-korp superviżorju, lill-individwi milquta identifikabbli, lill-korpi kompetenti rilevanti oħra fejn applikabbli u, fuq talba tal-korp superviżorju, lill-pubbliku jekk dan ikun fl-interess pubbliku, bi kwalunkwe ksur tas-sigurtà jew tfixkil fil-forniment tas-servizz jew fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt (fa)(i), (ii) or (iii), li jkollhom impatt sinifikanti fuq is-servizz fiduċjarju pprovdut jew fuq id-data personali miżmuma fih, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa mill-inċident;”;

(iv)

il-punti (g), (h) u (i) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(g)

jieħu miżuri xierqa kontra l-falsifikazzjoni, is-serq jew il-miżapproprjazzjoni tad-data jew kontra min, mingħajr dritt, iħassar id-data, jibdilha jew jagħmilha inaċċessibbli;

(h)

jirreġistra u jżomm aċċessibbli sakemm ikun meħtieġ wara li l-attivitajiet tal-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji jkunu waqfu, kull informazzjoni rilevanti dwar data maħruġa u riċevuta mill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji, b’mod partikolari għall-fini li tiġi pprovduta evidenza fi proċedimenti legali u għall-fini li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz. Din ir-reġistrazzjoni tista’ ssir b’mod elettroniku;

(i)

ikollu pjan ta’ terminazzjoni aġġornat sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz f’konformità mad-dispożizzjonijiet li huma vverifikati mill-korp superviżorju skont l-Artikolu 46b(4), il-punt (i); ”;

(v)

jitħassar il-punt (j);

(vi)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-korp superviżorju jista’ jitlob informazzjoni minbarra l-informazzjoni notifikata skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu jew ir-riżultat ta’ valutazzjoni tal-konformità u jista’ jikkondizzjona l-għoti tal-permess biex jimplimenta l-bidliet maħsuba għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati. Jekk il-verifika ma tiġix konkluża fi żmien tliet xhur min-notifika, il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u jispeċifika r-raġunijiet għad-dewmien u l-perjodu li fih għandha tiġi konkluża l-verifika.”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4a.   Il-paragrafi 3 u 4 għandhom japplikaw kif xieraq għar-revoka tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi.

4b.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 47, li jistabbilixxu miżuri addizzjonali msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (fa), ta’ dan l-Artikolu.

5.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu meta dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri jiġu ssodisfati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(22)

l-Artikolu li ġej jiddaħħal fil-Kapitolu III, it-Taqsima 3:

“Artikolu 24a

Rikonoxximent ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

1.   Firem elettroniċi kwalifikati bbażati fuq ċertifikat kwalifikat maħruġ fi Stat Membru wieħed, u siġilli elettroniċi kwalifikati bbażati fuq ċertifikat kwalifikat maħruġ fi Stat Membru wieħed, għandhom jiġu rikonoxxuti, rispettivament, bħala firem elettroniċi kwalifikati u siġilli elettroniċi kwalifikati fl-Istati Membri l-oħra kollha.

2.   Apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċiwieħed, u apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi ċċertifikati fi Stat Membru wieħed, għandhom jiġu rikonoxxuti, rispettivament, bħala apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi u apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi fl-Istati Membri l-oħra kollha.

3.   Ċertifikat kwalifikat għall-firem elettroniċi, ċertifikat kwalifikat għas-siġilli elettroniċi, servizz fiduċjarju kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod u, servizz fiduċjarju kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi mill-bogħod ipprovduti fi Stat Membru wieħed għandhom jiġu rikonoxxuti, rispettivament, bħala ċertifikat kwalifikat għall-firem elettroniċi, ċertifikat kwalifikat għas-siġilli elettroniċi, servizz fiduċjarju kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi kwalifikati mill-bogħod u servizz fiduċjarju kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi kwalifikati mill-bogħod fl-Istati Membri l-oħra kollha.

4.   Servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għal firem elettroniċi kwalifikati u servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għal siġilli elettroniċi kwalifikati pprovduti fi Stat Membru wieħed għandhom jiġu rikonoxxuti, rispettivament, bħala servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għal firem elettroniċi kwalifikati u servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għal siġilli elettroniċi kwalifikati fl-Istati Membri l-oħra kollha.

5.   Servizz ta’ preservazzjoni kwalifikat għal firem elettroniċi kwalifikati u servizz ta’ preservazzjoni kwalifikat għal siġilli elettroniċi kwalifikati pprovduti fi Stat Membru wieħed għandhom jiġu rikonoxxuti, rispettivament, bħala servizz ta’ preservazzjoni kwalifikat għal firem elettroniċi kwalifikati u servizz ta’ preservazzjoni kwalifikat għal siġilli elettroniċi kwalifikati fl-Istati Membri l-oħra kollha.

6.   Timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat ipprovdut f’wieħed mill-Istati Membri għandu jiġi rikonoxxut bħala timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat fl-Istati Membri l-oħra kollha.

7.   Ċertifikat kwalifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku maħruġ fi Stat Membru wieħed għandu jiġi rikonoxxut bħala ċertifikat kwalifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku fl-Istati Membri l-oħra kollha.

8.   Servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja reġistrata pprovdut fi Stat Membru wieħed għandu jiġi rikonoxxut bħala servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja reġistrata fl-Istati Membri l-oħra kollha.

9.   Attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi maħruġa fi Stat Membru wieħed għandha tiġi rikonoxxuta bħala attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi fl-Istati Membri l-oħra kollha.

10.   Servizz kwalifikat ta’ arkivjar elettroniku pprovdut fi Stat Membru wieħed għandu jiġi rikonoxxut bħala servizz kwalifikat ta’ arkivjar elettroniku fl-Istati Membri l-oħra kollha.

11.   Reġistru elettroniku kwalifikat ipprovdut fi Stat Membru wieħed għandu jiġi rikonoxxut bħala reġistru elettroniku kwalifikat fl-Istati Membri l-oħra kollha.”;

(23)

fl-Artikolu 25, il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(24)

l-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-uniku paragrafu jsir il-paragrafu 1;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2.   Sal-21 ta’ Mejju 2026, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk hux meħtieġ li jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, jistabbilixxu speċifikazzjonijiet u proċeduri għal firem elettroniċi avvanzati. Abbażi tal-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni. Il-konformità mar-rekwiżiti għal firem elettroniċi avvanzati għandha tiġi preżunta meta servizz ta’ firem elettroniċi avvanzati jikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(25)

fl-Artikolu 27, il-paragrafu 4 huwa mħassar;

(26)

fl-Artikolu 28, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għal ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I meta ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika jkun jikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(27)

fl-Artikolu 29, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-ġenerazzjoni jew il-ġestjoni ta’ data dwar il-ħolqien ta’ firem elettroniċi, jew id-duplikazzjoni ta’ tali data dwar il-ħolqien ta’ firem elettroniċi għal skopijiet ta’ backup għandhom jitwettqu biss f’isem il-firmatarju, fuq talba tal-firmatarju, u minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li jipprovdi servizz fiduċjarju kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod.”;

(28)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 29a

Rekwiżiti għal servizz kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod

1.   Il-ġestjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod bħala servizz kwalifikat għandu jitwettaq biss minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li:

(a)

jiġġenera jew jiġġestixxi data dwar il-ħolqien ta’ firem elettroniċi f’isem il-firmatarju;

(b)

minkejja l-punt (1)(d) tal-Anness II, jidduplika d-data dwar il-ħolqien ta’ firem elettroniċi għal finijiet ta’ riżerva biss, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

is-sigurtà tas-settijiet tad-data duplikati trid tkun tal-istess livell bħal dik għas-settijiet tad-data oriġinali;

(ii)

l-għadd ta’ settijiet tad-data duplikati ma għandux jaqbeż il-minimu meħtieġ biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz;

(c)

jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit identifikat fir-rapport ta’ ċertifikazzjoni tal-apparat kwalifikat speċifiku għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod maħruġ skont l-Artikolu 30.

2.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(29)

fl-Artikolu 30, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Il-validità ta’ ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex taqbeż ħames snin, dment li valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltajiet jitwettqu kull sentejn. Meta l-vulnerabbiltajiet jiġu identifikati u ma jiġux rimedjati, iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi kkanċellata.”;

(30)

fl-Artikolu 31, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-formati u l-proċeduri applikabbli għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(31)

L-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu meta l-validazzjoni tal-firem elettroniċi kwalifikati tkun tikkonforma mal- istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-validazzjoni tal-firem elettroniċi kwalifikati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(32)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 32a

Ir-rekwiżiti għall-validazzjoni ta’ firem elettroniċi avvanzati bbażati fuq ċertifikati kwalifikati

1.   Il-proċess għall-validazzjoni ta’ firma elettronika avvanzata abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat għandu jikkonferma l-validità ta’ firma elettronika avvanzata dment li:

(a)

iċ-ċertifikat, li jappoġġa l-firma kien, fil-mument tal-firma, ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika li jikkonforma mal-Anness I;

(b)

iċ-ċertifikat kwalifikat inħareġ minn fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji u kien validu fil-mument tal-firma;

(c)

id-data ta’ validazzjoni tal-firma tikkorrispondi għad-data pprovduta lill-parti dipendenti;

(d)

is-sett uniku ta’ data li jirrappreżenta l-firmatarju fiċ-ċertifikat tingħata b’mod korrett lill-parti dipendenti;

(e)

l-użu ta’ kwalunkwe psewdonimu jkun indikat b’mod ċar lill-parti dipendenti jekk psewdonimu kien intuża fil-mument tal-firma;

(f)

l-integrità tad-data ffirmata ma tkunx ġiet kompromessa;

(g)

ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 26 kienu ġew sodisfatti fil-mument tal-firma.

2.   Is-sistema użata għall-validazzjoni tal-firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikat kwalifikat għandha tipprovdi lill-parti dipendenti r-riżultat korrett tal-proċess ta’ validazzjoni u għandha tippermetti li l-parti dipendenti tinduna bi kwalunkwe kwistjoni rilevanti għas-sigurtà.

3.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-validazzjoni tal-firem elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikati kwalifikati. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta l-validazzjoni tal-firma elettronika avvanzata abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat tikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(33)

fl-Artikolu 33, il-paragrafu 2 huwa sostitwit bit-test li ġej:

“2.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għas-servizz ta’ validazzjoni kwalifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta s-servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għal firem elettroniċi kwalifikati jikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(34)

l-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta l-arranġamenti għas-servizz kwalifikat ta’ preservazzjoni għal firem elettroniċi kwalifikati jkunu jikkonformaw mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għas-servizz kwalifikat ta’ preservazzjoni għal firem elettroniċi kwalifikati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(35)

fl-Artikolu 35, il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(36)

l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-uniku paragrafu jsir il-paragrafu 1;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2.   Sal-21 ta’ Mejju 2026, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk hux meħtieġ li jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni biex tiġi stabbilita lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet u proċeduri għas-siġilli elettroniċi avvanzati. Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti għal siġilli elettroniċi avvanzati meta siġill elettroniku avvanzat jikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(37)

fl-Artikolu 37, il-paragrafu 4 huwa mħassar;

(38)

fl-Artikolu 38, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għal ċertifikati kwalifikati għal siġilli elettroniċi. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III meta ċertifikat kwalifikat għal siġill elettroniku jikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(39)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 39 a

Rekwiżiti għal servizz kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi mill-bogħod

L-Artikolu 29a għandu japplika mutatis mutandis għal servizz kwalifikat għall-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi mill-bogħod.”;

(40)

l-Artikolu li ġej jiddaħħal fil-Kapitolu III, it-Taqsima 5:

“Artikolu 40a

Rekwiżiti għall-validazzjoni ta’ siġilli elettroniċi avvanzati bbażati fuq ċertifikati kwalifikati

L-Artikolu 32a għandu japplika mutatis mutandis għall-validazzjoni ta’ siġilli elettroniċi avvanzati bbażati fuq ċertifikati kwalifikati.”;

(41)

fl-Artikolu 41, il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(42)

L-Artikolu 42 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta l-konnessjoni tad-data u l-ħin mad-data u l-preċiżjoni tas-sors ta’ ħin ikunu jikkonformaw mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-konnessjoni tad-data u l-ħin mad-data u għall-istabbiliment tal-preċiżjoni tas-sorsi ta’ ħin. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(43)

L-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta l-proċess għat-trażmissjoni u r-riċevuta tad-data jkun jikkonforma mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-proċessi tat-trażmissjoni u r-riċevuta tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(c)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“2a.   Il-fornituri ta’ servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja reġistrati jistgħu jaqblu dwar l-interoperabbiltà bejn is-servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja reġistrati li jipprovdu. Dan il-qafas tal-interoperabbiltà għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 u tali konformità għandha tiġi kkonfermata minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità.

2b.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-qafas tal-interoperabbiltà msemmi fil-paragrafu 2a ta’ dan l-Artikolu. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kontenut tal-istandards għandhom ikunu kosteffettivi u proporzjonati. L-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(44)

L-Artikolu 45 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 45

Rekwiżiti għal ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi

1.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IV. L-evalwazzjoni tal-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti għandha titwettaq f’konformità mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

1a.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi maħruġa f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu rikonoxxuti mill-fornituri tal-browsers tal-web. Il-fornituri tal-browsers tal-web għandhom jiżguraw li d-data dwar l-identità attestata fiċ-ċertifikat u l-attributi attestati addizzjonali jintwerew b’mod faċli għall-utent. Il-fornituri tal-browsers tal-web għandhom jiżguraw l-appoġġ u l-interoperabbiltà b’ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE matul l-ewwel ħames snin ta’ tħaddim bħala fornituri ta’ servizzi tal-browsing tal-web.

1b.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi ma għandhom ikunu soġġetti għal ebda rekwiżit obbligatorju għajr ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1.

2.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għaċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(45)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 45a

Miżuri ta’ prekawzjoni taċ-ċibersigurtà

1.   Il-fornituri tal-browsers tal-web ma għandhom jieħdu l-ebda miżura li tmur kontra l-obbligi tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 45, b’mod partikolari r-rekwiżiti biex jirrikonoxxu ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi u biex juru d-data dwar l-identità pprovduta b’mod faċli għall-utent.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 u f’każ biss ta’ tħassib sostanzjat relatat ma’ ksur tas-sigurtà jew it-telf ta’ integrità ta’ ċertifikat jew sett ta’ ċertifikati identifikati, il-fornituri tal-browsers tal-web jistgħu jieħdu miżuri ta’ prekawzjoni fir-rigward ta’ dak iċ-ċertifikat jew is-sett ta’ ċertifikati.

3.   Meta fornitur ta’ browser tal-web jieħu miżuri ta’ prekawzjoni skont il-paragrafu 2, il-forniturtal-browser tal-web għandu jinnotifika t-tħassibtiegħu bil-miktub, mingħajr dewmien żejjed, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-miżuri meħuda biex itaffi dak it-tħassib, lill-Kummissjoni, lill-korp superviżorju kompetenti, lill-entità li lilha kien inħareġ iċ-ċertifikat u lill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li jkun ħareġ dak iċ-ċertifikat jew is-sett ta’ ċertifikati. Malli jirċievi notifika bħal din, il-korp superviżorju kompetenti għandu jibgħat konferma tar-riċevuta lill-fornitur tal-browser tal-web inkwistjoni.

4.   Il-korp superviżorju kompetenti għandu jinvestiga l-kwistjonijiet imqajma fin-notifika f’konformità mal-Artikolu 46b(4), il-punt (k). Fejn l-eżitu ta’ dik l-investigazzjoni ma jirriżultax fl-irtirar tal-istatus kwalifikat taċ-ċertifikat, il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur tal-browser tal-web b’dan u għandu jitlob lil dak il-fornitur itemm il-miżuri ta’ prekawzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.”;

(46)

it-taqsimiet li ġejjin jiżdiedu fil-Kapitolu III:

“TAQSIMA 9

ATTESTAZZJONI ELETTRONIKA TAL-ATTRIBUTI

Artikolu 45b

Effetti legali ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi

1.   Attestazzjoni elettronika tal-attributi ma għandhiex tiġi miċħuda effett legali jew ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li tkun f’forma elettronika jew li ma tissodisfax ir-rekwiżiti għall-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi.

2.   Attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi u l-attestazzjonijiet tal-attributi maħruġa minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandu jkollhom l-istess effett legali bħall-attestazzjonijiet maħruġa legalment f’forma stampata.

3.   Attestazzjoni tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku fi Stat Membru wieħed għandha tiġi rikonoxxuta bħala attestazzjoni tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 45c

Attestazzjoni elettronika tal-attributi f’servizzi pubbliċi

Fejn identifikazzjoni elettronika li tuża mezz ta’ identifikazzjoni elettronika u l-awtentikazzjoni tkun meħtieġa skont il-liġi nazzjonali biex jiġi aċċessat servizz online pprovdut minn korp tas-settur pubbliku, id-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna fl-attestazzjoni elettronika tal-attributi ma għandhiex tissostitwixxi l-identifikazzjoni elettronika bl-użu ta’ mezz ta’ identifikazzjoni elettronika u awtentikazzjoni għall-identifikazzjoni elettronika sakemm dan ma jkunx speċifikament permess mill-Istat Membru. F’dan il-każ, għandha tiġi aċċettata wkoll attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi minn Stati Membri oħra.

Artikolu 45d

Rekwiżiti għal attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi

1.   L-attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V.

2.   L-evalwazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V għandha titwettaq f’konformità mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda rekwiżit obbligatorju minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V.

4.   Meta attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi tkun ġiet revokata wara ħruġ inizjali, din għandha titlef il-validità tagħha mill-mument tar-revoka tagħha u l-istatus tagħha ma għandu jitreġġa’ lura fl-ebda ċirkostanza.

5.   Sal-21 ta’ Novembru 2024, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5a(23) dwar l-implimentazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 45e

Verifika ta’ attributi ma’ sorsi awtentiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fi żmien 24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 5a(23) u 5c(6) li, tal-anqas għall-attributi elenkati fl-Anness VI, kull fejn dawk l-attributi jiddependu fuq sorsi awtentiċi fis-settur pubbliku, jittieħdu miżuri li jippermettu lill-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jivverifikaw dawk l-attributi b’mezzi elettroniċi fuq talba tal-utent, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.

2.   Sal-21 ta’ Novembru 2024, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni, filwaqt li tikkunsidra l-istandards internazzjonali rilevanti, għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-katalgu ta’ attributi, kif ukollskemi għall-attestazzjoni tal-attributi u proċeduri ta’ verifika għall-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi għall-finijiet tal-paragrafu 1ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5a(23) dwar l-implimentazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Dawk l-atti għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 45f

Rekwiżiti għall-attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku.

1.   Attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

dawk stabbiliti fl-Anness VII;

(b)

iċ-ċertifikat kwalifikat li jappoġġa l-firma elettronika kwalifikata jew is-siġill elettroniku kwalifikat tal-korp tas-settur pubbliku msemmi fl-Artikolu 3, il-punt (46), identifikat bħala l-emittent imsemmi fil-punt (b), tal-Anness VII, ikun fih sett speċifiku ta’ attributi ċċertifikati f’forma xierqa għall-ipproċessar awtomatizzat u:

(i)

li jindika li l-korp emittenti huwa stabbilit f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala r-responsabbli għas-sors awtentiku li abbażi tiegħu tinħareġ l-attestazzjoni elettronika tal-attributi jew bħala l-korp maħtur biex jaġixxi f’ismu;

(ii)

li jipprovdi sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità s-sors awtentiku msemmi fil-punt (i); u

(iii)

li jidentifika d-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali msemmija fil-punt (i).

2.   L-Istat Membru fejn huma stabbiliti l-korpi tas-settur pubbliku msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (46), għandu jiżgura li l-korpi tas-settur pubbliku li joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jissodisfaw il-livell ekwivalenti ta’ dipendibbiltà u affidabbiltà ekwivalenti għal fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji f’konformità mal-Artikolu 24.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-korpi tas-settur pubbliku msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (46), lill-Kummissjoni. Dik in-notifika għandha tinkludi rapport ta’ valutazzjoni tal-konformità maħruġ minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li jikkonferma li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 6 ta’ dan l-Artikolu huma ssodisfati. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku, b’mezz sigur, il-lista ta’ korpi tas-settur pubbliku msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (46), f’forma ffirmata jew issiġillata b’mod elettroniku xierqa għall-ipproċessar awtomatizzat.

4.   Meta attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku tkun ġiet revokata wara l-ħruġ inizjali, din għandha titlef il-validità tagħha mill-mument tar-revoka tagħha u l-istatus tagħha ma għandux jitreġġa’ lura.

5.   Attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandha titqies li tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, meta tikkonforma mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 6.

6.   Sal-21 ta’ Novembru 2024, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5a(23) dwar l-implimentazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

7.   Sal-21 ta’ Novembru 2024, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għall-finijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5a(23) dwar l-implimentazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

8.   Il-korpi tas-settur pubbliku msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (46), li joħorġu attestazzjoni elettronika tal-attributi għandhom jipprovdu interfaċċa mal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma previsti f’konformità mal-Artikolu 5a.

Artikolu 45g

Ħruġ ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi lill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

1.   Il-fornituri ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi għandhom jagħtu lill-utenti tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali l-possibbiltà li jitolbu, jiksbu, jaħżnu u jimmaniġġaw l-attestazzjoni elettronika tal-attributi irrispettivament mill-Istati Membri fejn tiġi pprovduta l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.

2.   Il-fornituri ta’ attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi għandhom jipprovdu interfaċċa mal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma previsti f’konformità mal-Artikolu 5a.

Artikolu 45h

Regoli addizzjonali għall-forniment ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ attestazzjoni elettronika kwalifikata u mhux kwalifikata tal-attributi ma għandhomx jikkombinaw data personali relatata mal-forniment ta’ dawk is-servizzi ma’ data personali minn kwalunkwe servizz ieħor offrut minnhom jew mis-sħab kummerċjali tagħhom.

2.   Id-data personali relatata mal-forniment ta’ servizzi ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi għandha tinżamm loġikament separata minn data oħra miżmuma mill-fornitur tal-attestazzjoni elettronika tal-attributi.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi għandhom jimplimentaw il-forniment ta’ dawn is- servizzi fiduċjarji kwalifikati b’mod li jkun funzjonalment separat minn servizzi oħra pprovduti minnhom.

TAQSIMA 10

SERVIZZI TA’ ARKIVJAR ELETTRONIKU

Artikolu 45i

Effett legali tas-servizzi ta’ arkivjar elettroniku

1.   Data elettronika u dokumenti elettroniċi ppreservati bl-użu ta’ servizz ta’ arkivjar elettroniku ma għandhomx jiġu miċħuda effett legali jew ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li jkunu f’forma elettronika jew li mhumiex ippreservati bl-użu ta’ servizz ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat.

2.   Data elettronika u dokumenti elettroniċi ppreservati bl-użu ta’ servizz ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat għandhom igawdu l-preżunzjoni tal-integrità tagħhom u tal-oriġini tagħhom għat-tul tal-perjodu ta’ preservazzjoni mill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji.

Artikolu 45j

Rekwiżiti għal servizzi ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat

1.   Is-servizzi ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

jiġu pprovduti minn fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji;

(b)

jużaw proċeduri u teknoloġiji li kapaċi jiżguraw id-durabbiltà u l-leġibbiltà ta’ data elettronika u dokumenti elettroniċi lil hinn mill-perjodu ta’ validità teknoloġika u mill-inqas matul il-perjodu ta’ preservazzjoni legali jew kuntrattwali, filwaqt li jżommu l-integrità u l-preċiżjoni tal-oriġini tagħhom;

(c)

jiżguraw li dik id-data elettronika u dawk id-dokumenti elettroniċi jiġu ppreservati b’tali mod li tiġi salvagwardata mit-telf u l-alterazzjoni, ħlief għal bidliet li jikkonċernaw il-mezz jew il-format elettroniku tagħha;

(d)

għandhom jippermettu lill-partijiet dipendenti awtorizzati jirċievu rapport b’mod awtomatizzat li jikkonferma li data elettronika u dokumenti elettroniċi miksuba minn arkivju elettroniku kwalifikat tgawdi l-preżunzjoni tal-integrità tad-data mill-bidu tal-perjodu ta’ preservazzjoni sal-mument tal-irkupru.

Dak ir-rapport imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu għandu jiġi pprovdut b’mod affidabbli u effiċjenti u għandu jkollu l-firma elettronika kwalifikata jew is-siġill elettroniku kwalifikat tal-fornitur tas-servizz ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat.

2.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għas-servizzi ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti għal servizzi ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat meta servizz ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat jikkonforma ma’ dawk l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

TAQSIMA 11

REĠISTRI ELETTRONIĊI

Artikolu 45k

Effetti legali tar-reġistri elettroniċi

1.   Reġistru elettroniku ma għandux jiġi miċħud effett legali jew ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li jkun f’forma elettronika jew li ma jissodisfax ir-rekwiżiti għar-reġistri elettroniċi kwalifikati.

2.   Ir-rekords tad-data li jinsabu f’reġistru elettroniku kwalifikat għandhom igawdu l-preżunzjoni tal-ordni kronoloġiku sekwenzjali uniku u preċiż tagħhom u tal-integrità tagħhom.

Artikolu 45l

Rekwiżiti għal reġistri elettroniċi kwalifikati

1.   Ir-reġistri elettroniċi kwalifikati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

jinħolqu u jkunu mmaniġġati minn fornitur kwalifikat wieħed jew aktar ta’ servizzi fiduċjarji;

(b)

jistabbilixxu l-oriġini tar-rekords tad-data fir-reġistru;

(c)

jiżguraw l-ordni kronoloġiku sekwenzjali uniku tar-rekords tad-data fir-reġistru;

(d)

jirreġistraw id-data b’tali mod li kwalunkwe bidla sussegwenti fid-data tkun tista’ tiġi identifikata minnufih, li tiżgura l-integrità tagħhom tul iż-żmien.

2.   Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta reġistru elettroniku jkun jikkonforma mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3.

3.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn ikun meħtieġ, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(47)

jiddaħħal il-kapitolu li ġej:

“KAPITOLU IVa

QAFAS TA’ GOVERNANZA

Artikolu 46a

Superviżjoni tal-Qafas tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru korp superviżorju wieħed jew aktar fit-territorju tagħhom.

Il-korpi superviżorji maħtura skont l-ewwel subparagrafu għandhom jingħataw is-setgħat meħtieġa u r-riżorsi adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv, effiċjenti u indipendenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi superviżorji tagħhom maħtura skont il-paragrafu 1 u kwalunkwe bidla sussegwenti fihom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-korpi superviżorji notifikati.

3.   Ir-rwol tal-korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 għandu jkun:

(a)

li jwettaq superviżjoni tal-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali stabbiliti fl-Istat Membru li jinnomina u, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex ante u ex post, jiżgura li dawk il-fornituri u l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma jipprovdu, jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b)

li jieħu azzjoni, jekk ikun meħtieġ, fir-rigward tal-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jinnomina, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex post, meta jiġi infurmat li l-fornituri jew il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li huma jipprovdu jkunu qed jiksru dan ir-Regolament.

4.   Il-kompiti tal-korpi superviżorji maħtura skont il-paragrafu għandhom jinkludu b’mod partikolari dan li ġej:

(a)

li jikkooperaw ma’ korpi superviżorji oħra u jipprovdulhom assistenza f’konformità mal-Artikoli 46c u 46e;

(b)

li jitolbu l-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c)

li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti maħtura jew stabbiliti skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Istati Membri kkonċernati dwar kwalunkwe ksur sinifikanti tas-sigurtà jew telf ta’ integrità li jsiru jafu bih fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u, fil-każ ta’ ksur sinifikanti ta’ sigurtà jew telf ta’ integrità li jikkonċerna Stati Membri oħra, jinfurmaw lill-punt uniku ta’ kuntatt maħtur jew stabbilit skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Istat Membru kkonċernat u l-punti uniċi ta’ kuntatt maħtura skont l-Artikolu 46c(1) ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri l-oħra kkonċernati, u jinfurmaw lill-pubbliku jew jeħtieġu lill-fornituri tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jagħmlu dan meta l-korp superviżorju jiddetermina li l-iżvelar tal-ksur tas-sigurtà jew tat-telf ta’ integrità jkun fl-interess pubbliku;

(d)

li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post u superviżjoni mhux fuq il-post;

(e)

li jirrikjedu li l-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jirrimedjaw kwalunkwe nuqqas milli jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(f)

li jissospendu jew jikkanċellaw ir-reġistrazzjoni u l-inklużjoni ta’ partijiet dipendenti fil-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 5b(7) fil-każ ta’ użu illegali jew frodulenti tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(g)

li jikkooperaw mal-awtoritajiet superviżorji kompetenti stabbiliti skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari, billi jinfurmawhom mingħajr dewmien żejjed, fejn ikun jidher li jkunu nkisru r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali u dwar ksur ta’ sigurtà li jidher li jikkostitwixxi ksur ta’ data personali.

5.   Meta l-korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 jirrikjedi li l-fornitur ta’ Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jirrimedja kwalunkwe nuqqas ta’ ssodisfar tar-rekwiżiti taħt dan ir-Regolament skont il-paragrafu 4, il-punt (e), u dak il-fornitur ma jaġixxix kif xieraq u, jekk applikabbli, f’limitu ta’ żmien stabbilit minn dak il-korp superviżorju, il-korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 jista’, filwaqt li jqis, b’mod partikolari, il-firxa, id-durata u l-konsegwenzi ta’ dak in-nuqqas, jordna lill-fornitur jissospendi jew iwaqqaf il-forniment tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Il-korp superviżorju għandhom jinfurmaw lill-korpi superviżorji ta’ Stati Membri oħra, lill-Kummissjoni, lill-partijiet dipendenti u lill-utenti tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali mingħajr dewmien żejjed bid-deċiżjoni li tirrikjedi s-sospensjoni jew il-waqfien tal-forniment ta’ Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.

6.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar l-attivitajiet ewlenin tiegħu matul is-sena kalendarja preċedenti. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawk ir-rapporti annwali disponibbli għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

7.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-formati u l-proċeduri għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 46b

Superviżjoni tas-servizzi fiduċjarji

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru korp superviżorju stabbilit fit-territorju tagħhom jew jaħtru, bi ftehim reċiproku ma’ Stat Membru ieħor, korp superviżorju stabbilit f’dak l-Istat Membru l-ieħor. Dak il-korp superviżorju għandu jkun responsabbli għall-kompiti superviżorji fl-Istat Membru li jinnomina fir-rigward ta’ servizzi fiduċjarji.

Il-korpi superviżorji maħtura skont l-ewwel subparagrafu għandhom jingħataw is-setgħat neċessarji u riżorsi adegwati għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi superviżorji tagħhom maħtura skont il-paragrafu 1 u kwalunkwe bidla sussegwenti fihom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-korpi superviżorji notifikati.

3.   Ir-rwol tal-korpi superviżorji maħtura skont il-paragrafu 1 għandu jkun:

(a)

li jwettqu superviżjoni tal-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru u jiżguraw, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex ante u ex post, li dawk il-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b)

li jieħdu azzjoni, jekk ikun meħtieġ, fir-rigward ta’ fornituri mhux kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jinnomina, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex post, meta jiġu infurmati li dawk il-fornituri mhux kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji jew is-servizzi fiduċjarji li huma jipprovdu allegatament ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

4.   Il-kompiti tal-korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 għandhom jinkludu b’mod partikolari dan li ġej:

(a)

li jinforma lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti maħtura jew stabbiliti skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Istati Membri kkonċernati dwar kwalunkwe ksur sinifikanti tas-sigurtà jew telf ta’ integrità li jsir jaf bih fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u, fil-każ ta’ ksur sinifikanti tas-sigurtà jew telf ta’ integrità li jikkonċerna Stati Membri oħra, jinforma lill-punt uniku ta’ kuntatt maħtur jew stabbilit skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Istat Membru kkonċernat u l-punti uniċi ta’ kuntatt maħtura skont l-Artikolu 46c(1) ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri l-oħra kkonċernati, u jinforma lill-pubbliku jew jitlob lill-fornitur tas-servizzi fiduċjarji jagħmel dan meta l-korp superviżorju jiddetermina li l-iżvelar tal-ksur tas-sigurtà jew telf ta’ integrità jkun fl-interess pubbliku;

(b)

li jikkooperaw ma’ korpi superviżorji oħra u jipprovdulhom assistenza f’konformità mal-Artikoli 46c u 46e;

(c)

li janalizza r-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 21(1);

(d)

li jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet prinċipali tiegħu f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu;

(e)

li jwettaq awditi jew jitlob lil korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji f’konformità mal-Artikolu 20(2);

(f)

li jikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji kompetenti stabbiliti skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari, billi jinfurmahom, mingħajr dewmien żejjed, fejn ikun jidher li jkunu nkisru r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali u dwar ksur ta’ sigurtà li jidher li jikkostitwixxi ksur ta’ data personali;”

(g)

li jagħti l-istatus kwalifikat lill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji u lis-servizzi li huma jipprovdu u jirtira dak l-istatus f’konformità mal-Artikoli 20 u 21;

(h)

li jinforma lill-korp responsabbli għal-lista affidabbli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 22(3) dwar id-deċiżjonijiet tiegħu li jagħti jew jirtira l-istatus kwalifikat, għajr jekk dak il-korp ikun ukoll il-korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(i)

li jivverifika l-eżistenza u l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar pjanijiet ta’ terminazzjoni fejn il-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu, inkluż kif l-informazzjoni tinżamm aċċessibbli f’konformità mal-Artikolu 24(2), il-punt (h);

(j)

li jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jirrimedjaw kwalunkwe nuqqas milli jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(k)

li jinvestiga dikjarazzjonijiet magħmula minn fornituri tal-browsers tal-web skont l-Artikolu 45a u li jieħu azzjoni jekk ikun meħtieġ.

5.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistabbilixxi, iżomm u jaġġorna infrastruttura fiduċjarja f’konformità mal-liġi nazzjonali.

6.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull korp superviżorju maħtur skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar l-attivitajiet ewlenin tiegħu matul is-sena kalendarja preċedenti. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawk ir-rapporti annwali disponibbli għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

7.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta linji gwida dwar l-eżerċizzju mill-korpi superviżorji maħtura skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, u, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-formati u l-proċeduri għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 46c

Punti uniċi ta’ kuntatt

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar punt uniku ta’ kuntatt għas-servizzi fiduċjarji, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati.

2.   Kull punt uniku ta’ kuntatt għandu jeżerċita funzjoni ta’ kollegament biex jiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera fost il-korpi superviżorji għall-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji u fost il-korpi superviżorji għall-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u, fejn xieraq, mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u ma’ awtoritajiet kompetenti oħra fl-Istat Membru tiegħu.

3.   Kull Stat Membru għandu jippubblika u, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifika lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-punt uniku ta’ kuntatt maħtur skont il-paragrafu 1 u kwalunkwe bidla sussegwenti fihom.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk il-punti uniċi ta' kuntatt notifikati skont il-paragrafu 3.

Artikolu 46d

Assistenza reċiproka

1.   Sabiex jiġu ffaċilitati s-superviżjoni u l-infurzar tal-obbligi skont dan ir-Regolament, il-korpi superviżorji maħtura skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 46a(1) u l-Artikolu 46b(1) jistgħu jitolbu, inkluż permezz tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 46e(1), assistenza reċiproka mill-korpi superviżorji ta’ Stat Membru ieħor fejn ikun stabbilit il-fornitur ta’ Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jew il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji, jew fejn ikunu jinsabu n-network u s-sistemi ta’ informazzjoni tiegħu jew fejn ikunu pprovduti s-servizzi tiegħu.

2.   L-assistenza reċiproka għandha mill-inqas tinvolvi li:

(a)

il-korp superviżorju li japplika miżuri superviżorji u ta’ infurzar fi Stat Membru wieħed għandu jinforma u jikkonsulta lill-korp superviżorju tal-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat;

(b)

korp superviżorju jista’ jitlob lill-korp superviżorju tal-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat jieħu miżuri superviżorji jew ta’ infurzar, inkluż, pereżempju, talbiet biex jitwettqu spezzjonijiet relatati mar-rapporti ta’ valutazzjoni tal-konformità kif imsemmi fl-Artikoli 20 u 21 rigward il-forniment ta’ servizzi fiduċjarji;

(c)

fejn xieraq, il-korpi superviżorji jistgħu jwettqu investigazzjonijiet konġunti mal-korpi superviżorji ta’ Stati Membri oħra.

L-arranġamenti u l-proċeduri għal investigazzjonijiet konġunti skont l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu maqbula u stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom.

3.   Korp superviżorju li jirċievi talba għal assistenza jista’ jirrifjuta dik it-talba għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

l-assistenza mitluba ma tkunx proporzjonata mal-attivitajiet superviżorji tal-korp superviżorju mwettqa f’konformità mal-Artikoli 46a u 46b;

(b)

il-korp superviżorju ma jkunx kompetenti biex jipprovdi l-assistenza mitluba;

(c)

l-għoti tal-assistenza mitluba ma jkunx kompatibbli ma’ dan ir-Regolament.

4.   Sal-21 ta’ Mejju 2025 u kull sentejn wara dan, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 46e(1) għandu joħroġ gwida dwar l-aspetti u l-proċeduri organizzattivi għall-assistenza reċiproka msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 46e

Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar l-Identità Diġitali Ewropea

1.   Sabiex tappoġġa u tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni transfruntieri tal-Istati Membri dwar is-servizzi fiduċjarji, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar l-Identità Diġitali Ewropea (il-‘Grupp ta’ Kooperazzjoni’).

2.   Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti maħtura mill-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-Segretarjat tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni.

3.   Ir-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati rilevanti jistgħu, fuq bażi ad hoc, jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni u jieħdu sehem fil-ħidma tiegħu bħala osservaturi.

4.   L-ENISA għandha tiġi mistiedna tieħu sehem bħala osservatur fil-ħidma tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni meta tiskambja fehmiet, l-aħjar prattiki u informazzjoni dwar aspetti rilevanti taċ-ċibersigurtà bħan-notifika ta’ ksur tas-sigurtà, u fejn l-użu ta’ ċertifikati jew standards taċ-ċibersigurtà jiġu indirizzati.

5.   Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

jiskambja pariri u jikkoopera mal-Kummissjoni dwar inizjattivi ta’ politika emerġenti fil-qasam tal-kartieri tal-identità diġitali, il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji;

(b)

jagħti pariri lill-Kummissjoni, kif xieraq, fit-tħejjija bikrija ta’ abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati li għandhom jiġu adottati skont dan ir-Regolament;

(c)

sabiex jagħti appoġġ lill-korpi superviżorji fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament:

(i)

jiskambja l-aħjar prattiki u informazzjoni rigward l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(ii)

jivvaluta l-iżviluppi rilevanti fis-setturi tal-kartieri tal-identità diġitali, l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji;

(iii)

jorganizza laqgħat konġunti ma' partijiet interessati rilevanti minn madwar l-Unjoni biex jiddiskuti l-attivitajiet imwettqa mill-grupp ta’ kooperazzjoni u jiġbor kontributi dwar sfidi emerġenti ta' politika;

(iv)

bl-appoġġ tal-ENISA, jiskambja fehmiet, l-aħjar prattiki u informazzjoni dwar aspetti rilevanti taċ-ċibersigurtà li jikkonċernaw il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji;

(v)

jiskambja l-aħjar prattiki fir-rigward tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki dwar in-notifika ta' ksur tas-sigurtà, u miżuri komuni kif imsemmi fl-Artikoli 5e u 10;

(vi)

jorganizza laqgħat konġunti mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS stabbilit skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 biex jiskambja informazzjoni rilevanti relatata mas-servizzi fiduċjarji u l-identifikazzjoni elettronika b’rabta mat-theddid ċibernetiku, l-inċidenti, il-vulnerabbiltajiet, l-inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni, it-taħriġ, l-eżerċizzji u l-ħiliet, il-bini tal-kapaċità, il-kapaċità fil-qasam tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif ukoll l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;

(vii)

jiddiskuti, fuq talba ta’ korp superviżorju, talbiet speċifiċi għal assistenza reċiproka kif imsemmi fl-Artikolu 46d;

(viii)

jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-korpi superviżorji billi jipprovdi gwida dwar l-aspetti u l-proċeduri organizzattivi għall-assistenza reċiproka msemmija fl-Artikolu 46d;

(d)

jorganizza rieżamijiet bejn il-pari tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li għandhom jiġu nnotifikati taħt dan ir-Regolament.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw kooperazzjoni effettiva u effiċjenti tar-rappreżentanti maħtura tagħhom fil-Grupp ta’ Kooperazzjoni.

7.   Sal-21 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-arranġamenti proċedurali meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 5, il-punt (d), ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).”;

(48)

L-Artikolu 47 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 5c(7), l-Artikolu 24(4b) u l-Artikolu 30(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat li jibda mis-17 ta’ Settembru 2014.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5c(7), l-Artikolu 24(4b) u l-Artikolu 30(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5c(7), l-Artikolu 24(4b) jew l-Artikolu 30(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(49)

l-artikolu li ġej jiddaħħal fil-Kapitolu VI:

“Artikolu 48a

Rekwiżiti ta’ rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġbir ta’ statistika fir-rigward tal-funzjonament tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati provduti fit-territorju tagħhom.

2.   L-istatistika miġbura f’konformità mal-paragrafu 1 għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

l-għadd ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkollhom Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali valida;

(b)

it-tip u l-għadd ta’ servizzi li jaċċettaw l-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(c)

l-għadd ta' ilmenti tal-utenti u inċidenti marbuta ma’ protezzjoni tal-konsumatur jew ma' protezzjoni tad-data relatati ma' partijiet dipendenti u servizzi fiduċjarji kwalifikati;

(d)

rapport ta’ sinteżi li jinkludi data dwar inċidenti fejn ġie pprevenut l-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(e)

sommarju tal-inċidenti sinifikanti ta’ sigurtà, ta' ksur tad-data u ta' utenti milquta ta' Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jew ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati.

3.   L-istatistika msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir disponibbli għall-pubbliku f’format miftuħ u użat b’mod komuni u li jinqara mill-magni.

4.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-istatistika miġbura f’konformità mal-paragrafu 2.”;

(50)

L-Artikolu 49 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 49

Reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha, sal-21 ta’ Mejju 2026, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tevalwa jekk huwiex opportun li timmodifika l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew id-dispożizzjonijiet speċifiċi tiegħu, inkluż, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 5c(3), filwaqt li tikkunsidra l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll l-iżviluppi teknoloġiċi, tas-suq u dawk legali. Meta jkun meħtieġ, ma’ dak ir-rapport għandu jkun hemm proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi valutazzjoni tad-disponibbiltà, is-sigurtà u l-użabbiltà tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati u tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jivvaluta jekk il-fornituri ta’ servizzi privati online kollha li jiddependu fuq servizzi ta’ identifikazzjoni elettronika ta’ partijiet terzi għall-awtentikazzjoni tal-utenti, għandhomx jiġu mitluba jaċċettaw l-użu ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati u tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.

3.   Sal-21 ta’ Mejju 2030 u kull erba’ snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.”;

(51)

L-Artikolu 51 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 51

Miżuri tranżizzjonali

1.   L-apparati għall-ħolqien ta’ firem siguri li l-konformità tagħhom tkun ġiet iddeterminata f’konformità mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/93/KE għandhom ikomplu jitqiesu bħala apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi skont dan ir-Regolament sal-21 ta’ Mejju 2027.

2.   Iċ-ċertifikati kwalifikati maħruġa lil persuni fiżiċi skont id-Direttiva 1999/93/KE għandhom ikomplu jitqiesu bħala ċertifikati kwalifikati għall-firem elettroniċi skont dan ir-Regolament sal-21 ta’ Mejju 2026.

3.   Il-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ firem u siġilli elettroniċi mill-bogħod minn fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji għajr fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji li jipprovdu servizzi fiduċjarji kwalifikati għall-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ firem u siġilli elettroniċi mill-bogħod f’konformità mal-Artikoli 29a u 39a tista’ titwettaq mingħajr il-ħtieġa li jinkiseb l-istatus kwalifikat għall-forniment ta’ dawn is-servizzi ta’ ġestjoni sal-21 ta’ Mejju 2026.

4.   Il-fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji li jkunu ngħataw l-istatus kwalifikat tagħhom skont dan ir-Regolament qabel l-20 ta’ Mejju 2024 għandhom jippreżentaw rapport ta’ valutazzjoni tal-konformità lill-korp superviżorju li jagħti prova tal-konformità mal-Artikolu 24(1), (1a) u 1(b) malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ sal-21 ta’ Mejju 2026.”

(52)

L-Annessi I sa IV huma emendati, rispettivament, f’konformità mal-Annessi I sa IV ta’ dan ir-Regolament;

(53)

jiżdiedu l-Annessi V, VI u VII ġodda kif jinsabu fl-Annessi V, VI u VII ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 105, 4.3.2022, p. 81.

(2)   ĠU C 61, 4.2.2022, p. 42.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Frar 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Marzu 2024

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4).

(6)   ĠU C 23, 23.1.2023, p. 1.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).

(11)  Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 67).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

(16)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/946 tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar Sett ta’ Għodod komuni tal-Unjoni għal approċċ koordinat lejn Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L 210, 14.6.2021, p. 51).


ANNESS I

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

l-informazzjoni jew il-post tas-servizzi li jistgħu jintużaw biex tinkiseb informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità taċ-ċertifikat kwalifikat;”.


ANNESS II

Fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, jitħassru l-punti 3 u 4.


ANNESS III

Fl-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 910/2014, il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

l-informazzjoni jew il-post tas-servizzi li jistgħu jintużaw biex tinkiseb informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità taċ-ċertifikat kwalifikat;”.


ANNESS IV

L-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 910/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

għall-persuni fiżiċi: tal-inqas l-isem tal-persuna li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat, jew psewdonimu. Jekk jintuża psewdonimu, dan għandu jiġi indikat b’mod ċar;

(ca)

għall-persuni ġuridiċi: sett uniku ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità lill-persuna ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat, b’mill-inqas l-isem tal-persuna ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif iddikjarat fir-rekords uffiċjali;”;

(2)

il-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(j)

l-informazzjoni jew il-post tas-servizzi tal-istatus ta’ validità taċ-ċertifikat li jistgħu jintużaw biex tinkiseb informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità taċ-ċertifikat kwalifikat.”.


ANNESS V

“ANNESS V

REKWIŻITI GĦAL ATTESTAZZJONI ELETTRONIKA KWALIFIKATA TAL-ATTRIBUTI

Attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi għandu jkun fiha:

(a)

indikazzjoni, tal-inqas f’forma adatta għall-ipproċessar awtomatizzat, li l-attestazzjoni nħarġet bħala attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi;

(b)

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità lill-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji li joħroġ attestazzjoni elettronika kwalifikata tal-attributi inkluż tal-inqas, l-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-fornitur u:

(i)

għal persuna ġuridika: l-isem u, meta applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif jidhru fir-rekords uffiċjali,

(ii)

għal persuna fiżika: l-isem tal-persuna;

(c)

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità l-entità li għaliha jirreferu l-attributi attestati; jekk jintuża psewdonimu, dan għandu jiġi indikat b’mod ċar;

(d)

l-attribut jew l-attributi attestati, inkluż, fejn applikabbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi identifikat l-ambitu ta’ dawk l-attributi;

(e)

dettalji tal-bidu u t-tmiem tal-perjodu ta’ validità tal-attestazzjoni;

(f)

il-kodiċi tal-identità tal-attestazzjoni, li jrid ikun uniku għall-fornitur kwalifikat ta’ servizzi fiduċjarji u, jekk applikabbli, l-indikazzjoni tal-iskema ta’ attestazzjonijiet li l-attestazzjoni tal-attributi tkun parti minnha;

(g)

il-firma elettronika kwalifikata jew is-siġill elettroniku kwalifikat tal-fornitur kwalifikat emittenti ta’ servizzi fiduċjarji;

(h)

il-post fejn iċ-ċertifikat li jappoġġa l-firma elettronika kwalifikata jew is-siġill elettroniku kwalifikat imsemmija fil-punt (g) ikun disponibbli mingħajr ħlas;

(i)

l-informazzjoni jew il-post tas-servizzi li jistgħu jintużaw biex tinkiseb informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità tal-attestazzjoni kwalifikata.”.


ANNESS VI

“ANNESS VI

LISTA MINIMA TA’ ATTRIBUTI

Skont l-Artikolu 45e, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri biex il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jkunu jistgħu jivverifikaw b’mezzi elettroniċi meta jintalbu mill-utent, l-awtentiċità tal-attributi li ġejjin kontra s-sors awtentiku rilevanti fil-livell nazzjonali jew permezz ta’ intermedjarji deżinjati rikonoxxuti fil-livell nazzjonali, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali u meta dawn l-attributi jkunu jiddependu fuq sorsi awtentiċi fis-settur pubbliku:

1.

Indirizz;

2.

Età;

3.

Ġeneru;

4.

Status ċivili;

5.

Kompożizzjoni tal-familja;

6.

Nazzjonalità jew ċittadinanza;

7.

Kwalifiki, titli u liċenzji tal-edukazzjoni;

8.

Kwalifiki, titli u liċenzji professjonali;

9.

Setgħat u mandati għar-rappreżentanza ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi

10.

Permessi u liċenzji pubbliċi;

11.

Għall-persuni ġuridiċi, data finanzjarja u dwar il-kumpanija.”.


ANNESS VII

“ANNESS VII

REKWIŻITI GĦALL-ATTESTAZZJONI ELETTRONIKA TA’ ATTRIBUTI MAĦRUĠA MINN JEW F’ISEM KORP TAS-SETTUR PUBBLIKU RESPONSABBLI GĦAL SORS AWTENTIKU

Attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandu jkun fiha:

(a)

indikazzjoni, tal-inqas f’forma adatta għall-ipproċessar awtomatizzat, li l-attestazzjoni nħarġet bħala attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp pubbliku responsabbli għal sors awtentiku;

(b)

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità lill-korp pubbliku li joħroġ l-attestazzjoni elettronika tal-attributi, inkluż mill-inqas, l-Istat Membru li fih ikun stabbilit dak il-korp pubbliku u ismu u, fejn applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu kif iddikjarat fir-rekords uffiċjali;

(c)

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità lill-entità li għaliha jirreferu l-attributi attestati; jekk jintuża psewdonimu, dan għandu jiġi indikat b’mod ċar;

(d)

l-attribut jew l-attributi attestati, inkluż, fejn applikabbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi identifikat l-ambitu ta’ dawk l-attributi;

(e)

dettalji tal-bidu u t-tmiem tal-perjodu ta’ validità tal-attestazzjoni;

(f)

il-kodiċi tal-identità tal-attestazzjoni, li jrid ikun uniku għall-korp pubbliku emittenti u, jekk applikabbli, indikazzjoni tal-iskema ta’ attestazzjonijiet li l-attestazzjoni tal-attributi tkun parti minnha;

(g)

il-firma elettronika kwalifikata jew is-siġill elettroniku kwalifikat tal-korp emittenti;

(h)

il-post fejn iċ-ċertifikat li jappoġġa l-firma elettronika kwalifikata jew is-siġill elettroniku kwalifikat imsemmija fil-punt (g) ikun disponibbli mingħajr ħlas;

(i)

l-informazzjoni jew il-post tas-servizzi li jistgħu jintużaw biex tinkiseb informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità tal-attestazzjoni.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1183/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)