Eureka 32024R1366 Sign in
European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1366

24.5.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1366

tal-11 ta’ Marzu 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi kodiċi tan-network dwar regoli speċifiċi għas-settur għall-aspetti taċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 59(2), il-punt (e) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà huwa kruċjali għaż-żamma tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u għall-iżgurar ta’ livell għoli ta’ ċibersigurtà fis-settur tal-elettriku.

(2)

Id-diġitalizzazzjoni u ċ-ċibersigurtà huma deċiżivi sabiex jipprovdu servizzi essenzjali u għalhekk ta’ rilevanza strateġika għall-infrastruttura kritika tal-enerġija.

(3)

Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha. Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jikkomplementa d-Direttiva (UE) 2022/2555 billi jiżgura li l-inċidenti ta’ ċibersigurtà fis-settur tal-elettriku jiġu identifikati kif xieraq bħala riskju u li l-miżuri meħudin sabiex jiġu indirizzati kif xieraq fil-pjanijiet ta’ tħejjija għar-riskju. Ir-Regolament (UE) 2019/943 jikkomplementa d-Direttiva (UE) 2022/2555 u r-Regolament (UE) 2019/941 billi jistabbilixxi regoli speċifiċi għas-settur tal-elettriku fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, dan ir-Regolament Delegat jikkomplementa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2022/2555 dwar is-settur tal-elettriku, kull meta jkunu kkonċernati l-flussi transfruntieri tal-elettriku.

(4)

F’kuntest ta’ sistemi diġitalizzati interkonnessi tal-elettriku, il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżi tal-elettriku relatata maċ-ċiberattakki ma jistgħux jitqiesu bħala kompitu nazzjonali biss. Jenħtieġ li miżuri aktar effiċjenti u inqas għaljin permezz tal-kooperazzjoni reġjonali u tal-Unjoni jiġu żviluppati sal-potenzjal sħiħ tagħhom. Għalhekk, huma meħtieġa qafas komuni ta’ regoli u proċeduri koordinati aħjar sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri u atturi oħrajn ikunu jistgħu jikkooperaw b’mod effettiv bejn il-fruntieri, fi spirtu ta’ trasparenza, ta’ fiduċja u ta’ solidarjetà akbar bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-elettriku u għaċ-ċibersigurtà.

(5)

Il-ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jeħtieġ proċess strutturat li jinkludi, fost l-oħrajn, l-identifikazzjoni tar-riskji għall-flussi transfruntieri tal-elettriku li jirriżultaw minn attakki ċibernetiċi, il-proċessi u l-perimetri operazzjonali relatati, u l-kontrolli taċ-ċibersigurtà u l-mekkaniżmi ta’ verifika korrispondenti. Filwaqt li l-perjodu ta’ żmien għall-proċess kollu jinfirex fuq snin, kull pass tiegħu jenħtieġ li jikkontribwixxi għal livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà fis-settur u għall-mitigazzjoni tar-riskji għaċ-ċibersigurtà. Il-parteċipanti kollha fil-proċess jenħtieġ li jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom sabiex jiżviluppaw u jaqblu dwar il-metodoloġiji mill-aktar fis possibbli mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mill-iskadenzi definiti f’dan ir-Regolament.

(6)

Il-valutazzjonijiet tar-riskju taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni, tal-Istati Membri, tar-reġjuni u tal-entitajiet f’dan ir-Regolament jistgħu jkunu limitati għal dawk li jirriżultaw minn attakki ċibernetiċi kif definit fir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u għalhekk jeskludu, pereżempju, l-attakki fiżiċi, id-diżastri naturali u l-qtugħ minħabba t-telf ta’ faċilitajiet jew ir-riżorsi umani. Ir-riskji għall-Unjoni kollha u dawk reġjonali relatati ma’ attakki fiżiċi jew ma’ diżastri naturali fil-qasam tal-elettriku diġà huma koperti minn leġiżlazzjoni eżistenti oħra tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/941, jew ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 (5) li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku. B’mod simili, id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi għandha l-għan li tnaqqas il-vulnerabbiltajiet u ssaħħaħ ir-reżiljenza fiżika tal-entitajiet kritiċi u tkopri r-riskji naturali u kkawżati mill-bniedem rilevanti kollha li jistgħu jaffettwaw il-forniment ta’ servizzi essenzjali, inklużi aċċidenti, diżastri naturali, emerġenzi tas-saħħa pubblika bħal pandemiji, u theddid ibridu jew theddid antagonista ieħor, inklużi reati terroristiċi, infiltrazzjoni kriminali u sabotaġġ.

(7)

Il-kunċett ta’ “entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku” f’dan ir-Regolament huwa fundamentali sabiex jiġi ddefinit l-ambitu tal-entitajiet li se jkunu soġġetti għall-obbligi deskritti f’dan ir-Regolament. L-approċċ ibbażat fuq ir-riskju deskritt fid-dispożizzjonijiet differenti għandu l-għan li jidentifika l-proċessi, filwaqt li jappoġġa l-assi u l-entitajiet li joperaw fihom li jaffettwaw il-flussi transfruntieri tal-elettriku. Skont il-grad ta’ impatt tal-attakki ċibernetiċi possibbli fl-operazzjonijiet tagħhom ta’ flussi transfruntieri tal-elettriku, dawn jistgħu jitqiesu bħala “impatt kbir” jew “impatt kritiku”. L-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 jistabbilixxi l-kunċetti ta’ entitajiet essenzjali u importanti u l-kriterji sabiex jiġu identifikati entitajiet b’dawk il-kategoriji. Filwaqt li ħafna minnhom jitqiesu u jiġu identifikati simultanjament bħala “Essenzjali” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 u b’impatt kbir jew b’impatt kritiku skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament, il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament jirreferu biss għar-rwol u għall-impatt tagħhom fil-proċessi tal-elettriku li jaffettwaw il-flussi transfruntieri mingħajr ebda kunsiderazzjoni għall-kriterji definiti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

(8)

L-entitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, meqjusin bħala b’impatt kbir jew b’impatt kritiku skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament u soġġetti għall-obbligi stabbiliti fih, huma primarjament dawk li għandhom impatt dirett fuq il-flussi transfruntieri tal-elettriku fl-UE.

(9)

Dan ir-Regolament jagħmel użu minn mekkaniżmi u minn strumenti eżistenti, diġà stabbiliti f’leġiżlazzjonijiet oħrajn, sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza u tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-kisba tal-objettivi.

(10)

Meta japplikaw dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri, l-awtoritajiet rilevanti u l-operaturi tas-sistema jqisu l-istandards Ewropej u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi miftiehma tal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni u jaġixxu f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mat-tqegħid fis-suq jew mat-tqegħid fis-servizz ta’ prodotti koperti minn dik il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(11)

Bl-għan li jiġu mmitigati r-riskji għaċ-ċibersigurtà, huwa neċessarju li tiġi stabbilita ġabra tar-regoli dettaljata li tirregola l-azzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti, li l-attivitajiet tagħhom jikkonċernaw aspetti taċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku, bl-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tas-sistema. Jenħtieġ li dawk ir-regoli organizzazzjonali u tekniċi jiżguraw li l-biċċa l-kbira tal-inċidenti tal-elettriku b’kawża ewlenija taċ-ċibersigurtà jiġu ttrattati b’mod effettiv fil-livell operazzjonali. Huwa neċessarju li jiġi stabbilit x’jenħtieġ li jagħmlu dawk il-partijiet ikkonċernati rilevanti sabiex jipprevjenu kriżijiet bħal dawn u liema miżuri jistgħu jieħdu jekk ir-regoli dwar l-operat tas-sistema waħedhom ma jibqgħux biżżejjed. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi stabbilit qafas komuni ta’ regoli dwar kif għandhom jiġu prevenuti kriżijiet tal-elettriku simultanji b’kawża ewlenija taċ-ċibersigurtà, dwar kif għandha ssir tħejjija għalihom u dwar kif għandhom jiġu ġestiti. Dan iġib aktar trasparenza fil-fażi ta’ tħejjija u matul kriżi simultanja tal-elettriku u jiżgura li l-miżuri jittieħdu b’mod koordinat u effettiv flimkien mal-awtoritajiet kompetenti għaċ-ċibersigurtà fl-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-entitajiet rilevanti jkunu meħtieġa jikkooperaw, fil-livell reġjonali u, meta applikabbli, b’mod bilaterali, fi spirtu ta’ solidarjetà. Dawn il-kooperazzjoni u r-regoli huma maħsubin sabiex jiksbu stat ta’ tħejjija aħjar għar-riskju għaċ-ċibersigurtà b’kost aktar baxx, anki f’konformità mal-objettivi tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Jidher ukoll li huwa neċessarju li jissaħħaħ is-suq intern tal-elettriku billi jissaħħu l-fiduċja u l-kunfidenza fost l-Istati Membri, b’mod partikolari billi jittaffa r-riskju ta’ tnaqqis mhux dovut tal-flussi transfruntieri tal-elettriku, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ effetti konsegwenzjali negattivi fuq l-Istati Membri ġirien.

(12)

Is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tirrikjedi kooperazzjoni effettiva fost l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, u l-partijiet ikkonċernati rilevanti. L-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni u l-operaturi ta’ sistema tat-trażmissjoni għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ sistema tal-elettriku sigura, affidabbli u effiċjenti f’konformità mal-Artikoli 31 u 40 tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). L-awtoritajiet regolatorji differenti u awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti oħrajn għandhom ukoll rwol importanti fl-iżgurar u fil-monitoraġġ taċ-ċibersigurtà fil-provvista tal-elettriku, bħala parti mill-kompiti tagħhom attribwiti mid-Direttivi (UE) 2019/944 u (UE) 2022/2555. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru entità eżistenti jew ġdida bħala l-awtorità nazzjonali kompetenti tagħhom għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bl-għan li jiġu żgurati l-parteċipazzjoni trasparenti u inklużiva tal-atturi kollha involuti, it-tħejjija effiċjenti u l-implimentazzjoni xierqa tagħha, il-kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti differenti u l-awtoritajiet kompetenti fl-elettriku u fiċ-ċibersigurtà, kif ukoll l-iffaċilitar tal-prevenzjoni u tal-evalwazzjoni ex post tal-kriżijiet tal-elettriku b’kawżi ewlenin relatati maċ-ċibersigurtà u skambji ta’ informazzjoni fir-rigward tagħhom.

(13)

Meta entità b’impatt kbir jew b’impatt kritiku tipprovdi servizzi f’aktar minn Stat Membru wieħed, jew ikollha s-sede jew stabbiliment ieħor tagħha jew rappreżentant fi Stat Membru, iżda s-sistemi tan-network u tal-informazzjoni tagħha jinsabu fi Stat Membru wieħed jew aktar, jenħtieġ li dawk l-Istati Membri jħeġġu lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom sabiex jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom sabiex jikkooperaw ma’ xulxin u jassistu lil xulxin kif ikun neċessarju.

(14)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat neċessarji, fir-rigward ta’ entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku, sabiex jippromwovu l-konformità ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu spezzjonijiet fuq il-post u superviżjoni mhux fuq il-post. Dan jista’ jinkludi verifiki għal għarrieda, it-twettiq ta’ awditi regolari, awditi mmirati tas-sigurtà bbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskju jew fuq informazzjoni disponibbli relatata mar-riskji u skens ta’ sigurtà bbażati fuq kriterji ta’ valutazzjoni tar-riskju oġġettivi, mhux diskriminatorji, ġusti u trasparenti u li jinkludu t-talba tal-informazzjoni neċessarja sabiex jiġu vvalutati l-miżuri taċ-ċibersigurtà adottati mill-entità. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tinkludi l-politiki taċ-ċibersigurtà ddokumentati, id-data dwar l-aċċess, id-dokumenti jew kwalunkwe informazzjoni neċessarja għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom, u l-evidenza tal-implimentazzjoni tal-politiki taċ-ċibersigurtà, bħar-riżultati tal-awditi tas-sigurtà mwettqin minn awditur kwalifikat u l-evidenza sottostanti rispettiva.

(15)

Sabiex jiġu evitati lakuni bejn l-obbligi tal-ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà imposti fuq entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku jew duplikazzjonijiet tagħhom, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali skont id-Direttiva (UE) 2022/2555 u l-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament jikkooperaw fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u s-superviżjoni tal-konformità ma’ dawk il-miżuri fil-livell nazzjonali. Il-konformità ta’ entità mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà stabbiliti f’dan ir-Regolament tista’ titqies mill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva (UE) 2022/2555 bħala li tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti f’dik id-Direttiva, jew viċi versa.

(16)

Approċċ komuni għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni ta’ kriżijiet tal-elettriku fl-istess ħin jeħtieġ fehim komuni fost l-Istati Membri dwar x’jikkostitwixxi kriżi tal-elettriku fl-istess ħin u meta attakk ċibernetiku jkun fattur importanti fiha. B’mod partikolari, il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri u l-entitajiet rilevanti jenħtieġ li tiġi ffaċilitata għall-fini li tiġi indirizzata sitwazzjoni li fiha jkun preżenti jew imminenti r-riskju potenzjali ta’ indisponibilità sinifikanti ta’ elettriku jew ta’ impossibbiltà li jiġi pprovdut elettriku lill-klijenti, u dan minħabba attakk ċibernetiku.

(17)

Il-premessa (1) tar-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) tirrikonoxxi r-rwol vitali tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni u tan-networks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex l-ekonomija tkompli għaddejja f’setturi ewlenin bħall-enerġija, filwaqt li l-Premessa (44) tispjega li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (“ENISA”) jenħtieġ li tikkoordina mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“ACER”).

(18)

Ir-Regolament (UE) 2019/943 jassenja responsabbiltajiet speċifiċi fir-rigward taċ-ċibersigurtà lill-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni (“TSOs”) u lill-Operaturi tas-Sistema tad-Distribuzzjoni (“DSOs”). L-assoċjazzjonijiet Ewropej tagħhom, jiġifieri n-network Ewropew tat-TSOs għall-elettriku (“ENTSO għall-elettriku”) u l-entità Ewropea għad-DSOs (“entità tal-UE għad-DSO”) għandhom, skont l-Artikoli 30 u 55 ta’ dak ir-Regolament rispettivament, jippromwovu ċ-ċibersigurtà f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti u mal-entitajiet regolati.

(19)

Approċċ komuni għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni ta’ kriżijiet tal-elettriku simultanji b’kawżi ewlenin relatati maċ-ċibersigurtà jirrikjedi wkoll li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jużaw metodi u definizzjonijiet armonizzati sabiex jidentifikaw ir-riskji relatati maċ-ċibersigurtà tal-provvista tal-elettriku. Dan jeħtieġ ukoll li jkunu f’pożizzjoni li fiha jkunu jistgħu jqabblu b’mod effettiv kemm huma u l-ġirien tagħhom jaħdmu tajjeb f’dak il-qasam. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti l-proċessi u r-rwoli u r-responsabbiltajiet għall-iżvilupp u għall-aġġornament tal-metodoloġiji tal-ġestjoni tar-riskju, tal-iskali tal-klassifikazzjoni tal-inċidenti u tal-miżuri taċ-ċibersigurtà adattati għar-riskji għaċ-ċibersigurtà li jħallu impatt fuq il-flussi transfruntieri tal-elettriku.

(20)

L-Istati Membri permezz tal-awtorità kompetenti deżinjata għal dan ir-Regolament huma responsabbli sabiex jidentifikaw l-entitajiet li jissodisfaw il-kriterji sabiex jikkwalifikaw bħala entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku. Sabiex jiġu eliminati d-diverġenzi fost l-Istati Membri f’dak ir-rigward u tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji għaċ-ċibersigurtà u tal-obbligi ta’ rapportar għall-entitajiet rilevanti kollha, jenħtieġ li jiġi stabbilit sett ta’ kriterji li jiddetermina l-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dak is-sett ta’ kriterji jenħtieġ li jiġi ddefinit u aġġornat regolarment permezz tal-proċess ta’ żvilupp u adozzjoni tat-termini, tal-kundizzjonijiet u tal-metodoloġiji stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(21)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni li jipprevedi regoli speċifiċi dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (“ICT”), tas-servizzi tal-ICT u tal-proċessi tal-ICT, b’mod partikolari mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2019/881 fir-rigward tal-qafas għall-istabbiliment ta’ skemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-prodotti tal-ICT jinkludu wkoll apparati tekniċi u software li jippermettu interazzjoni diretta man-network elettrotekniku, b’mod partikolari sistemi ta’ kontroll industrijali li jistgħu jintużaw għat-trażmissjoni tal-enerġija, għad-distribuzzjoni tal-enerġija u għall-produzzjoni tal-enerġija, kif ukoll għall-ġbir u għat-trażmissjoni tal-informazzjoni relatata. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet jiżguraw li l-objettivi rilevanti tas-sigurtà fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2019/881 jiġu ssodisfati mill-prodotti tal-ICT, mis-servizzi tal-ICT u mill-proċessi tal-ICT li jkunu se jiġu akkwistati.

(22)

L-attakki ċibernetiċi riċenti juru li l-entitajiet qed jisfaw dejjem aktar fil-mira ta’ attakki fuq il-katina tal-provvista. Tali attakki fuq il-katina tal-provvista mhux biss għandhom impatt fuq l-entitajiet individwali fl-ambitu iżda jista’ jkollhom ukoll effett kaskata fuq attakki akbar fuq l-entitajiet li jkunu konnessi magħhom fil-grilja tal-elettriku. Għalhekk, żdiedu dispożizzjonijiet u rakkomandazzjonijiet sabiex jgħinu jtaffu r-riskji għaċ-ċibersigurtà assoċjati mal-proċessi relatati mal-katina tal-provvista, b’mod partikolari l-akkwist, b’impatt fuq il-flussi transfruntieri tal-elettriku.

(23)

Peress li l-isfruttament tal-vulnerabbiltajiet fin-network u fis-sistemi tal-informazzjoni jista’ jikkawża interruzzjonijiet sinifikanti fl-enerġija u dannu sinifikanti għall-ekonomija u għall-konsumaturi, jenħtieġ li dawn il-vulnerabbiltajiet jiġu identifikati u rrimedjati malajr sabiex jitnaqqsu r-riskji. Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-entitajiet rilevanti u l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw sabiex jeżerċitaw u jittestjaw attivitajiet li jitqiesu xierqa għal dak l-għan, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku, l-attakki ċibernetiċi, il-vulnerabbiltajiet, l-għodod u l-metodi, it-tattiki, it-tekniki u l-proċeduri, l-istat ta’ tħejjija għall-ġestjoni ta’ kriżijiet taċ-ċibersigurtà u eżerċizzji oħrajn. Peress li t-teknoloġija qed tevolvi b’mod kostanti u d-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku qed tagħmel progress rapidu, jenħtieġ li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati ma tkunx ta’ detriment għall-innovazzjoni u ma tikkostitwix ostaklu għall-aċċess għas-suq tal-elettriku u għall-użu sussegwenti ta’ soluzzjonijiet innovattivi li jikkontribwixxu għall-effiċjenza u għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-elettriku.

(24)

Jenħtieġ li l-informazzjoni miġbura bl-għan li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun raġonevolment limitata fuq prinċipju tal-ħtieġa ta’ tagħrif. Jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati jingħataw skadenzi li jistgħu jintlaħqu u effettivi għas-sottomissjoni ta’ tali informazzjoni. Jenħtieġ li tiġi evitata notifika doppja.

(25)

Il-protezzjoni taċ-ċibersigurtà ma tiqafx fil-fruntieri tal-Unjoni. Sistema sigura teħtieġ l-involviment ta’ pajjiżi terzi ġirien. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jagħmlu ħilithom sabiex jappoġġaw pajjiżi terzi ġirien li l-infrastruttura tal-elettriku tagħhom tkun konnessa mal-grilja Ewropea fl-applikazzjoni ta’ regoli simili taċ-ċibersigurtà kif stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(26)

Sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni tas-sigurtà kmieni, sabiex jiġu ttestjati termini, kundizzjonijiet u metodoloġiji vinkolanti futuri, jenħtieġ li l-ENTSO għall-Elettriku, l-Entità tal-UE għad-DSO u l-awtoritajiet kompetenti jibdew jiżviluppaw gwida mhux vinkolanti immedjatament wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Din il-gwida se sservi bħala xenarju ta’ referenza għall-iżvilupp tat-termini, tal-kundizzjonijiet u tal-metodoloġiji futuri. B’mod parallel, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw l-entitajiet bħala kandidati għal entitajiet b’impatt kbir u kritiku sabiex jibdew, fuq bażi volontarja, jissodisfaw l-obbligi.

(27)

Dan ir-Regolament ġie żviluppat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ACER, mal-ENISA, mal-ENTSO għall-Elettriku, mal-entità tal-UE għad-DSO u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn, sabiex jiġu adottati regoli effettivi, bilanċjati u proporzjonati b’mod trasparenti u parteċipattiv.

(28)

Dan ir-Regolament jikkomplementa u jsaħħaħ il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji għaċ-ċibersigurtà stabbiliti fil-Qafas ta’ Rispons għall-Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà tal-UE, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 (9). Attakk ċibernetiku jista’ wkoll jikkawża kriżi tal-elettriku, jikkontribwixxi għaliha, jew jikkoinċidi magħha, kif definit fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament (UE) 2019/941, b’impatt fuq il-flussi transfruntieri tal-elettriku. Dik il-kriżi tal-elettriku tista’ twassal għal kriżi simultanja tal-elettriku kif definita fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) 2019/941. Tali inċident jista’ jkollu wkoll impatt fuq setturi oħrajn li jiddependu fuq is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Jekk tali inċident jeskala għal inċident ta’ ċibersigurtà fuq skala kbira skont it-tifsira tal-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, jenħtieġ li japplikaw dispożizzjonijiet f’dak l-Artikolu li jistabbilixxu n-Network Ewropew ta’ Organizzazzjoni ta’ Kollegament f’każ ta’ Ċiberkriżijiet (“EU-CyCLONe”). Għall-ġestjoni ta’ kriżijiet fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-partijiet rilevanti jibbażaw fuq l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (“arranġamenti tal-IPCR”) skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1993 (10).

(29)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji bl-għan li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom, jissalvagwardjaw il-politika u s-sigurtà pubblika, u jippermettu l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 346 tat-TFUE, l-ebda Stat Membru ma għandu jkun obbligat iforni informazzjoni li d-divulgazzjoni tagħha jqis li tmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

(30)

Għalkemm dan ir-Regolament japplika, fil-prinċipju, għall-entitajiet li jwettqu attivitajiet fil-produzzjoni tal-elettriku minn impjanti tal-enerġija nukleari, uħud minn dawk l-attivitajiet jistgħu jkunu marbutin mas-sigurtà nazzjonali.

(31)

Jenħtieġ li l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-liġi tal-Unjoni dwar il-privatezza japplikaw għal kwalunkwe proċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament. B’mod partikolari, dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), għad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u għar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax, fost l-oħrajn, il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti għall-monitoraġġ tal-konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-liġi tal-Unjoni dwar il-privatezza.

(32)

Minħabba l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar iċ-ċibersigurtà, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilhom skont dan ir-Regolament u deżinjati mill-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw f’networks ta’ kooperazzjoni internazzjonali. Għalhekk, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħhom, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni, inkluża data personali, mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi dment li l-kundizzjonijiet skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data għat-trasferimenti ta’ data personali lil pajjiżi terzi, fost l-oħrajn, dawk tal-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2016/679, huma ssodisfati.

(33)

Il-proċessar ta’ data personali, sa fejn ikun neċessarju u proporzjonat għall-fini li tiġi żgurata s-sigurtà tal-assi minn entitajiet b’impatt kbir jew b’impatt kritiku, jista’ jitqies bħala legali fuq il-bażi li tali proċessar ikun konformi ma’ obbligu legali li għalih ikun soġġett il-kontrollur, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1), il-punt (c), u l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2016/679. Il-proċessar ta’ data personali jista’ jkun neċessarju wkoll għall-interessi leġittimi segwiti minn entitajiet b’impatt kbir jew b’impatt kritiku, kif ukoll minn fornituri ta’ teknoloġiji u ta’ servizzi tas-sigurtà li jaġixxu f’isem dawk l-entitajiet, skont l-Artikolu 6(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2016/679, inkluż meta tali proċessar ikun neċessarju għal arranġamenti ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà jew in-notifika volontarja ta’ informazzjoni rilevanti f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-miżuri relatati mal-prevenzjoni, mad-detezzjoni, mal-identifikazzjoni, mal-konteniment u mal-analiżi ta’ attakki ċibernetiċi u mar-rispons għalihom, il-miżuri għas-sensibilizzazzjoni dwar theddid ċibernetiku speċifiku, l-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tar-rimedju tal-vulnerabbiltà u tad-divulgazzjoni koordinata tal-vulnerabbiltà, l-iskambju volontarju ta’ informazzjoni dwar dawk l-attakki ċibernetiċi, u t-theddid ċibernetiku u l-vulnerabbiltajiet, l-indikaturi ta’ kompromess, ta’ tattiki, ta’ tekniki u ta’ proċeduri, it-twissijiet taċ-ċibersigurtà u l-għodod ta’ konfigurazzjoni jistgħu jeżiġu l-proċessar ta’ ċerti kategoriji ta’ data personali, bħal indirizzi IP, lokalizzaturi uniformi tar-riżorsi (URLs), ismijiet ta’ dominji, indirizzi tal-email u, meta jiżvelaw data personali, kronogrammi. Il-proċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti, mill-punti uniċi ta’ kuntatt u mis-CSIRTs, jista’ jikkostitwixxi obbligu legali jew jitqies bħala neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur tad-data skont l-Artikolu 6(1), il-punt (c) jew (e), u l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2016/679, jew sabiex jiġi segwit interess leġittimu tal-entitajiet b’impatt kbir jew b’impatt kritiku, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), il-punt (f), ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, id-dritt nazzjonali jista’ jistabbilixxi regoli li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti, lill-punti uniċi ta’ kuntatt u lis-CSIRTs, sa fejn dan ikun neċessarju u proporzjonat għall-fini li tiġi żgurata s-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni ta’ entitajiet b’impatt kbir jew b’impatt kritiku, jipproċessaw kategoriji speċjali ta’ data personali f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari billi jiġu previsti miżuri xierqa u speċifiċi sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-interessi fundamentali ta’ persuni fiżiċi, inklużi limitazzjonijiet tekniċi fuq l-użu mill-ġdid ta’ tali data u l-użu ta’ miżuri ta’ sigurtà u ta’ preżervazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, bħall-psewdonimizzazzjoni, jew il-kriptaġġ meta l-anonimizzazzjoni tkun tista’ taffettwa b’mod sinifikanti l-għan fil-mira.

(34)

Ħafna drabi, id-data personali tiġi kompromessa minħabba attakki ċibernetiċi. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha mal-awtoritajiet imsemmijin fir-Regolament (UE) 2016/679 u fid-Direttiva 2002/58/KE.

(35)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fis-17 ta’ Novembru 2023,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi kodiċi tan-network li jistabbilixxi regoli speċifiċi għas-settur għall-aspetti taċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku, inklużi regoli dwar ir-rekwiżiti minimi komuni, l-ippjanar, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-ġestjoni ta’ kriżijiet.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-aspetti taċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku fl-attivitajiet tal-entitajiet li ġejjin, jekk jiġu identifikati bħala entitajiet b’impatt kbir jew b’impatt kritiku f’konformità mal-Artikolu 24:

(a)

l-impriżi tal-elettriku kif definiti fl-Artikolu 2(57) tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(b)

l-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku (“NEMOs”) kif definiti fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament (UE) 2019/943;

(c)

is-swieq organizzati kif definiti fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 (14) li jorganizzaw tranżazzjonijiet dwar prodotti rilevanti għal flussi transfruntieri tal-elettriku;

(d)

il-fornituri ta’ servizzi kritiċi tal-ICT kif imsemmijin fl-Artikolu 3, il-punt (9), ta’ dan ir-Regolament;

(e)

l-ENTSO għall-Elettriku stabbilit skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(f)

l-entità tal-UE għad-DSO stabbilita skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(g)

il-partijiet ta’ bilanċjar responsabbli kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (14), tar-Regolament (UE) 2019/943;

(h)

l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar kif definiti fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(i)

iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni reġjonali (“RCCs”) kif stabbiliti skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(j)

il-fornituri ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti (“MSSP”) kif definiti fl-Artikolu 6(40) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(k)

kwalunkwe entità jew parti terza oħra li lilha jkunu ġew iddelegati jew assenjati responsabbiltajiet skont dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet li ġejjin huma, bħala parti mill-mandati kurrenti tagħhom, responsabbli sabiex iwettqu kompiti assenjati f’dan ir-Regolament:

(a)

l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“ACER”) stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15);

(b)

l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilhom skont dan ir-Regolament u maħtura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 4, jew “awtorità kompetenti”;

(c)

l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (“NRAs”) deżinjati minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(d)

l-awtoritajiet kompetenti għat-tħejjija għar-riskju (“RP-NCAs”) stabbiliti skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/941;

(e)

skwadri ta’ rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters (“CSIRTs”) kif deżinjati jew stabbiliti skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(f)

l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għaċ-ċibersigurtà (“CS-NCAs”) kif deżinjati jew stabbiliti skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(g)

l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2019/881;

(h)

kwalunkwe awtorità jew parti terza oħra li lilha jkunu ġew iddelegati jew assenjati responsabbiltajiet skont l-Artikolu 4(3).

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-entitajiet kollha li ma humiex stabbiliti fl-Unjoni iżda li jipprovdu servizzi lil entitajiet fl-Unjoni, dment li jkunu ġew identifikati bħala entitajiet b’impatt kbir jew kritiku mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 24(2).

4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Istati Membri li jissalvagwardjaw is-sigurtà nazzjonali u s-setgħa tagħhom li jissalvagwardjaw funzjonijiet Statali essenzjali oħrajn, fosthom l-iżgurar tal-integrità territorjali tal-Istat u ż-żamma tal-ordni pubbliku.

5.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Istati Membri għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali fir-rigward tal-attivitajiet fil-produzzjoni tal-elettriku minn impjanti tal-enerġija nukleari, inklużi attivitajiet fil-katina tal-valur nukleari, f’konformità mat-Trattati.

6.   L-entitajiet, l-awtoritajiet kompetenti, il-punti uniċi ta’ kuntatt fil-livell tal-entitajiet u s-CSIRTs għandhom jipproċessaw id-data personali sa fejn ikun neċessarju għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, u b’mod partikolari tali proċessar għandu jiddependi fuq l-Artikolu 6 tiegħu.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“assi” tfisser kwalunkwe informazzjoni, software jew hardware fin-network u fis-sistemi tal-informazzjoni, tanġibbli jew intanġibbli, li jkollu valur għal individwu, għal organizzazzjoni jew għal gvern;

(2)

“awtorità kompetenti għat-tħejjija għar-riskju” tfisser l-awtorità kompetenti deżinjata skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/941;

(3)

“skwadra ta’ rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters” tfisser skwadra responsabbli għat-trattament ta’ riskji u ta’ inċidenti f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(4)

“assi b’impatt kritiku” tfisser assi li huwa neċessarju sabiex jitwettaq proċess b’impatt kritiku;

(5)

“entità b’impatt kritiku” tfisser entità li twettaq proċess b’impatt kritiku u li hija identifikata mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 24;

(6)

“perimetru b’impatt kritiku” tfisser perimetru definit minn entità msemmija fl-Artikolu 2(1) li jkun fih l-assi kollha b’impatt kritiku u li fuqu l-aċċess għal dawn l-assi jista’ jiġi kkontrollat u li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli avvanzati taċ-ċibersigurtà;

(7)

“proċess b’impatt kritiku” tfisser proċess tan-negozju mwettaq minn entità li għalih l-indiċijiet b’impatt taċ-ċibersigurtà tal-elettriku jkunu ogħla mil-limitu ta’ impatt kritiku;

(8)

“limitu ta’ impatt kritiku” tfisser il-valuri tal-indiċijiet tal-impatt taċ-ċibersigurtà tal-elettriku msemmijin fl-Artikolu 19(3)b, li jekk jinqabżu u jkun hemm attakk ċibernetiku fuq proċess tan-negozju, dan jikkawża tfixkil kritiku tal-flussi transfruntieri tal-elettriku;

(9)

“fornitur ta’ servizzi kritiċi tal-ICT” tfisser entità li tipprovdi servizz tal-ICT, jew proċess tal-ICT li huwa neċessarju għal proċess b’impatt kritiku jew b’impatt kbir li jaffettwa l-aspetti taċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku u li, jekk jiġi kompromess, jista’ jikkawża attakk ċibernetiku b’impatt ogħla mil-limitu ta’ impatt kritiku jew ta’ impatt kbir;

(10)

“fluss transfruntier tal-elettriku” tfisser fluss transkonfinali kif definit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2019/943;

(11)

“attakk ċibernetiku” tfisser inċident kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (14), tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(12)

“ċibersigurtà” tfisser ċibersigurtà kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2019/881;

(13)

“kontroll taċ-ċibersigurtà” tfisser l-azzjonijiet jew il-proċeduri mwettqin bl-għan li jiġu evitati, identifikati, miġġielda, jew imminimizzati r-riskji għaċ-ċibersigurtà;

(14)

“inċident ċibernetiku” tfisser inċident kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (6), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(15)

“sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà” tfisser il-politiki, il-proċeduri, il-linji gwida, u r-riżorsi u l-attivitajiet assoċjati, ġestiti b’mod kollettiv minn entità, sabiex tipproteġi l-assi ta’ informazzjoni tagħha mit-theddid ċibernetiku, li jistabbilixxu, jimplimentaw, joperaw, jimmonitorjaw, jirrieżaminaw, iżommu u jtejbu b’mod sistematiku s-sigurtà tan-network u tas-sistema tal-informazzjoni ta’ organizzazzjoni;

(16)

“ċentru tal-operazzjonijiet taċ-ċibersigurtà” tfisser ċentru dedikat fejn skwadra teknika li tikkonsisti f’espert wieħed jew aktar, bl-appoġġ ta’ sistemi tal-IT taċ-ċibersigurtà, twettaq kompiti relatati mas-sigurtà (Servizzi taċ-ċentru tal-operazzjonijiet taċ-ċibersigurtà (“CSOC”)) bħat-trattament ta’ attakki ċibernetiċi u ta’ żbalji fil-konfigurazzjoni tas-sigurtà, monitoraġġ tas-sigurtà, analiżi tal-logs, u identifikazzjoni ta’ inċident ċibernetiku;

(17)

“theddida ċibernetika” tfisser theddida ċibernetika kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2019/881;

(18)

“ġestjoni tal-vulnerabbiltà taċ-ċibersigurtà” tfisser il-prattika li jiġu identifikati u indirizzati l-vulnerabbiltajiet;

(19)

“entità” tfisser entità kif definita fl-Artikolu 6, il-punt (38), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(20)

“allert bikri” tfisser l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi indikat jekk l-inċident sinifikanti jkunx suspettat li jkun ikkawżat minn atti illegali jew malizzjużi jew jekk jistax ikollu impatt transfruntier;

(21)

“indiċi tal-impatt taċ-ċibersigurtà tal-elettriku” (“ECII”) tfisser indiċi jew skala ta’ klassifikazzjoni li tiggrada l-konsegwenzi possibbli tal-attakki ċibernetiċi fuq il-proċessi tan-negozju involuti fil-flussi transfruntieri tal-elettriku;

(22)

“skema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà” tfisser skema kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (9), tar-Regolament (UE) 2019/881;

(23)

“entità b’impatt kbir” tfisser entità li twettaq proċess b’impatt kbir u li hija identifikata mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 24;

(24)

“proċess b’impatt kbir” tfisser kwalunkwe proċess tan-negozju mwettaq minn entità li għalih l-indiċijiet tal-impatt taċ-ċibersigurtà tal-elettriku jkunu ogħla mil-limitu ta’ impatt kbir;

(25)

“assi b’impatt kbir” tfisser assi li huwa neċessarju sabiex jitwettaq proċess b’impatt kbir;

(26)

“limitu ta’ impatt kbir” tfisser il-valuri tal-indiċijiet tal-impatt taċ-ċibersigurtà tal-elettriku msemmijin fl-Artikolu 19(3)b, li jekk jinqabżu u jkun hemm attakk ċibernetiku li jirnexxi fuq proċess tan-negozju, dan jikkawża livell għoli ta’ tfixkil tal-flussi transfruntieri tal-elettriku;

(27)

“perimetru b’impatt kbir” tfisser perimetru definit minn kwalunkwe entità msemmija fl-Artikolu 2(1) li jkun fih l-assi kollha b’impatt kbir u li fuqu l-aċċess għal dawn l-assi jista’ jiġi kkontrollat u li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli minimi taċ-ċibersigurtà;

(28)

“prodott tal-ICT” tfisser prodott tal-ICT kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (12) tar-Regolament (UE) 2019/881;

(29)

“servizz tal-ICT” tfisser servizz tal-ICT kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (13), tar-Regolament (UE) 2019/881;

(30)

“proċess tal-ICT” tfisser proċess tal-ICT kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (14), tar-Regolament (UE) 2019/881;

(31)

“sistema miruta” tfisser sistema tal-ICT miruta kif definita fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(32)

“punt uniku ta’ kuntatt nazzjonali” tfisser, il-punt uniku ta’ kuntatt deżinjat jew stabbilit minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(33)

“awtoritajiet tal-ġestjoni ta’ kriżijiet ċibernetiċi tal-NIS” tfisser l-awtoritajiet deżinjati jew stabbiliti skont l-Artikolu 9, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(34)

“oriġinatur” tfisser entità li tibda avveniment ta’ skambju ta’ informazzjoni, ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni jew ta’ ħżin ta’ informazzjoni;

(35)

“speċifikazzjonijiet tal-akkwist” tfisser l-ispeċifikazzjonijiet li l-entitajiet jiddefinixxu għall-akkwist ta’ prodotti tal-ICT, ta’ proċessi tal-ICT jew ta’ servizzi tal-ICT ġodda jew aġġornati;

(36)

“rappreżentant” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni deżinjata b’mod espliċitu sabiex taġixxi f’isem entità b’impatt kritiku jew kbir mhux stabbilita fl-Unjoni iżda li tipprovdi servizzi lil entitajiet fl-Unjoni u li tista’ tiġi indirizzata minn awtorità kompetenti jew minn CSIRT minflok l-entità b’impatt kritiku jew kbir innifisha fir-rigward tal-obbligi ta’ dik l-entità skont dan ir-Regolament;

(37)

“riskju” tfisser riskju kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (9), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(38)

“matriċi tal-impatt tar-riskju” tfisser matriċi użata matul il-valutazzjoni tar-riskju sabiex jiġi ddeterminat il-livell tal-impatt tar-riskju li jirriżulta għal kull riskju vvalutat;

(39)

“kriżi tal-elettriku fl-istess ħin” tfisser kriżi tal-elettriku kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2019/941;

(40)

“punt uniku ta’ kuntatt fil-livell tal-entitajiet” tfisser punt uniku ta’ kuntatt fil-livell tal-entitajiet kif speċifikat fl-Artikolu 38(1), il-punt (c);

(41)

“Parti kkonċernata” hija kwalunkwe parti li jkollha interess fis-suċċess u fl-operat kontinwu ta’ organizzazzjoni jew ta’ proċess bħall-impjegati, id-diretturi, l-azzjonisti, ir-regolaturi, l-assoċjazzjonijiet, il-fornituri u l-klijenti;

(42)

“standard” tfisser standard armonizzat kif definit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16);

(43)

“reġjun ta’ tħaddim tas-sistema” tfisser ir-reġjuni ta’ tħaddim tas-sistema kif definiti fl-Anness I tad-Deċiżjoni 05-2022 tal-ACER dwar id-Definizzjoni tar-Reġjuni ta’ Tħaddim tas-Sistema, stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(44)

“operaturi tas-sistema” tfisser “operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni” (DSO) u “operatur ta’ sistema tat-trażmissjoni” (TSO) kif definiti fl-Artikoli 2(29) u 2(35) tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(45)

“proċess b’impatt kritiku fl-Unjoni kollha” tfisser kwalunkwe proċess tas-settur tal-elettriku, li possibbilment jinvolvi diversi entitajiet, li għalih l-impatt possibbli ta’ attakk ċibernetiku jista’ jitqies bħala kritiku matul it-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fl-Unjoni kollha;

(46)

“proċess b’impatt kbir fl-Unjoni kollha” tfisser kwalunkwe proċess tas-settur tal-elettriku, li possibbilment jinvolvi diversi entitajiet, li għalih l-impatt possibbli ta’ attakk ċibernetiku jista’ jitqies kbir matul it-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fl-Unjoni kollha;

(47)

“vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv mhux ikkoreġuta” tfisser vulnerabbiltà, li għadha ma ġietx iddivulgata pubblikament u kkoreġuta u li għaliha hemm evidenza affidabbli li l-eżekuzzjoni ta’ kodiċi malizzjuż twettqet minn attur fuq sistema mingħajr permess tas-sid tas-sistema;

(48)

“vulnerabbiltà” tfisser vulnerabbiltà kif definita fl-Artikolu 6, il-punt (15), tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

Artikolu 4

Awtorità kompetenti

1.   Mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ sa it-13 ta’ Diċembru 2024, kull Stat Membru għandu jiddeżinja awtorità governattiva jew regolatorja nazzjonali responsabbli għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha f’dan ir-Regolament (“awtorità kompetenti”). Sakemm l-awtorità kompetenti tkun ġiet assenjata twettaq il-kompiti skont dan ir-Regolament, l-awtorità regolatorja deżinjata minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944 għandha twettaq il-kompiti tal-awtorità kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni, lill-ACER, lill-ENISA, lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS stabbilit skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 u lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku stabbilit skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 (17) u jikkomunikawlhom l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti tagħhom deżinjata skont il-paragrafu 1 dan l-Artikolu u kwalunkwe bidla sussegwenti fiha.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità kompetenti tagħhom tiddelega kompiti assenjati lilha f’dan ir-Regolament lil awtoritajiet nazzjonali oħrajn bl-eċċezzjoni tal-kompiti elenkati fl-Artikolu 5. Kull awtorità kompetenti għandha timmonitorja l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet li lilhom tkun iddelegat il-kompiti. L-awtorità kompetenti għandha tikkomunika l-isem, id-dettalji ta’ kuntatt, il-kompiti assenjati u kwalunkwe bidla sussegwenti fihom tal-awtoritajiet li lilhom ikun ġie ddelegat kompitu lill-Kummissjoni, lill-ACER, lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku, lill-ENISA u lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS.

Artikolu 5

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-korpi rilevanti fil-livell nazzjonali

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoordinaw u jiżguraw kooperazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għaċ-ċibersigurtà, l-awtoritajiet tal-ġestjoni ta’ kriżijiet ċibernetiċi, l-NRAs, l-awtoritajiet kompetenti għat-tħejjija għar-riskji u s-CSIRTs għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi rilevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoordinaw ukoll ma’ kwalunkwe korp jew awtorità oħra kif iddeterminat minn kull Stat Membru, sabiex jiżguraw proċeduri effiċjenti u jevitaw duplikazzjonijiet ta’ kompiti u ta’ obbligi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jagħtu struzzjonijiet lill-NRAs rispettivi sabiex jitolbu opinjoni lill-ACER skont l-Artikolu 8(3).

Artikolu 6

It-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji jew il-pjanijiet

1.   It-TSOs għandhom jiżviluppaw, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, proposti għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji skont il-paragrafu 2, jew għall-pjanijiet skont il-paragrafu 3.

2.   It-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji li ġejjin u kwalunkwe emenda tagħhom għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti kollha:

(a)

il-metodoloġiji tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 18(1);

(b)

ir-rapport komprensiv ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku skont l-Artikolu 23;

(c)

il-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 29, l-immappjar tal-kontrolli taċ-ċibersigurtà tal-elettriku mal-istandards skont l-Artikolu 34, inklużi l-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà fil-katina tal-provvista f’konformità mal-Artikolu 33;

(d)

rakkomandazzjoni dwar l-akkwist taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 35;

(e)

il-metodoloġija tal-iskala tal-klassifikazzjoni tal-attakki ċibernetiċi skont l-Artikolu 37(8).

3.   Il-proposti għall-pjanijiet reġjonali ta’ mitigazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 22 għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti kollha tar-reġjun ta’ tħaddim tas-sistema kkonċernat.

4.   Il-proposta għat-termini u għall-kundizzjonijiet, għall-metodoloġiji elenkati fil-paragrafu 2, jew għall-pjanijiet elenkati fil-paragrafu 3, għandha tinkludi skeda ta’ żmien proposta għall-implimentazzjoni tagħhom u deskrizzjoni tal-impatt mistenni tagħhom fuq l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-entità tal-UE għad-DSO tista’ tipprovdi opinjoni motivata lit-TSOs ikkonċernati sa 3 ġimgħat qabel l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-proposta għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji jew għall-pjanijiet lill-awtoritajiet kompetenti. It-TSOs responsabbli għall-proposta għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji jew għall-pjanijiet għandhom iqisu l-opinjoni motivata tal-entità tal-UE għad-DSO qabel ma tiġi ppreżentata għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. It-TSOs għandhom jipprovdu raġunament meta ma tiġix ikkunsidrata l-opinjoni tal-entità tal-UE għad-DSO.

6.   Meta jiżviluppaw b’mod konġunt it-termini, il-kundizzjonijiet u l-metodoloġiji u l-pjanijiet, it-TSOs parteċipanti għandhom jikkooperaw mill-qrib. It-TSOs, bl-għajnuna tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandhom jinformaw regolarment lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ACER dwar il-progress fl-iżvilupp tat-termini u tal-kundizzjonijiet jew tal-metodoloġiji, jew tal-pjanijiet.

Artikolu 7

Regoli tal-votazzjoni fit-TSOs

1.   Meta t-TSOs li jiddeċiedu dwar proposti għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, dawn għandhom jiddeċiedu permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata. Il-maġġoranza kwalifikata għal proposti bħal dawn għandha tiġi kkalkolata kif ġej:

(a)

TSOs li jirrappreżentaw mill-inqas 55 % tal-Istati Membri; u

(b)

TSOs li jirrappreżentaw Stati Membri li flimkien jinkludu tal-inqas 65 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni.

2.   Il-minoranza li timblokka għad-deċiżjonijiet dwar proposti għat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji elenkati fl-Artikolu 6(2) għandha tinkludi TSOs li jirrappreżentaw mill-inqas erba’ Stati Membri, u fin-nuqqas ta’ dan, il-maġġoranza kwalifikata għandha titqies li tkun inkisbet.

3.   Meta t-TSOs ta’ reġjun ta’ tħaddim tas-sistema li jiddeċiedu dwar proposti għal pjanijiet elenkati fl-Artikolu 6(2) ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, u meta r-reġjun ta’ tħaddim tas-sistema kkonċernat ikun magħmul minn aktar minn ħames Stati Membri, it-TSOs għandhom jiddeċiedu permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata. Il-maġġoranza kwalifikata għall-proposti elenkati fl-Artikolu 6(2) għandha teħtieġ il-maġġoranza li ġejja:

(a)

TSOs li jirrappreżentaw mill-inqas 72 % tal-Istati Membri kkonċernati; u

(b)

TSOs li jirrappreżentaw Stati Membri li flimkien jinkludu tal-inqas 65 % tal-popolazzjoni taż-żona kkonċernata.

4.   Minoranza li timblokka għad-deċiżjonijiet dwar proposti għall-pjanijiet għandha tinkludi tal-inqas numru minimu ta’ TSOs li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Istati Membri parteċipanti, flimkien ma’ TSOs li jirrappreżentaw tal-inqas Stat Membru addizzjonali wieħed ikkonċernat, u fin-nuqqas ta’ dan, il-maġġoranza kwalifikata għandha titqies li tkun inkisbet.

5.   Għal deċiżjonijiet tat-TSOs dwar proposti għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji skont l-Artikolu 6(2), għandu jiġi attribwit vot wieħed għal kull Stat Membru. Jekk ikun hemm aktar minn TSO wieħed fit-territorju ta’ Stat Membru, l-Istat Membru għandu jalloka d-drittijiet tal-vot fost it-TSOs.

6.   Jekk it-TSOs, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, jonqsu milli jissottomettu proposta inizjali jew emendata għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji, jew għall-pjanijiet, lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti sal-iskadenzi stabbiliti f’dan ir-Regolament, huma għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti u lill-ACER bl-abbozzi rilevanti tat-termini u tal-kundizzjonijiet jew tal-metodoloġiji, jew tal-pjanijiet. Huma għandhom jispjegaw dak li żamm milli jintlaħaq ftehim. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu b’mod konġunt il-passi xierqa għall-adozzjoni tat-termini u tal-kundizzjonijiet jew tal-metodoloġiji meħtieġa, jew tal-pjanijiet meħtieġa. Dan jista’ jsir pereżempju billi jintalbu emendi għall-abbozzi skont dan il-paragrafu, billi dawk l-abbozzi jiġu rriveduti u kkompletati, jew, meta ma jkun ġie pprovdut l-ebda abbozz, billi jiġu ddefiniti u approvati t-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji jew il-pjanijiet meħtieġa.

Artikolu 8

Sottomissjoni ta’ proposti lill-awtoritajiet kompetenti

1.   It-TSOs għandhom jissottomettu l-proposti għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji, jew għall-pjanijiet għall-approvazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti sal-iskadenzi rispettivi stabbiliti fl-Artikoli 18, 23, 29, 33, 34, 35 u 37. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jestendu dawn l-iskadenzi b’mod konġunt f’ċirkostanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari f’każijiet li fihom ma tkunx tista’ tintlaħaq skadenza minħabba ċirkostanzi esterni għall-isfera tat-TSOs jew tal-entità tal-UE għad-DSO.

2.   Il-proposti għat-termini u għall-kundizzjonijiet, għall-metodoloġiji jew għall-pjanijiet skont il-paragrafu 1, għandhom jiġu ppreżentati għall-informazzjoni lill-ACER fl-istess ħin li jiġu sottomessi lill-awtoritajiet kompetenti.

3.   Fuq talba konġunta tal-NRAs, l-ACER għandha toħroġ opinjoni dwar il-proposta għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji, jew għall-pjanijiet, fi żmien 6 xhur minn meta tirċievi l-proposti għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji, jew għall-pjanijiet u tinnotifika lill-NRAs u lill-awtoritajiet kompetenti bl-opinjoni. L-NRAs, is-CS-NCAs u kwalunkwe awtorità oħra deżinjata bħala awtorità kompetenti għandhom jikkoordinaw ma’ xulxin qabel ma l-NRAs jitolbu opinjoni lill-ACER. L-ACER tista’ tinkludi rakkomandazzjonijiet f’opinjoni bħal din. L-ACER għandha tikkonsulta lill-ENISA qabel ma toħroġ opinjoni dwar il-proposti elenkati fl-Artikolu 6(2).

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw mill-qrib u jikkoordinaw ma’ xulxin sabiex jilħqu ftehim dwar it-termini u l-kundizzjonijiet, il-metodoloġiji, jew il-pjanijiet proposti. Qabel ma jiġu approvati t-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji, jew il-pjanijiet, huma għandhom jirrevedu u jlestu l-proposti, meta jkun neċessarju, wara li jikkonsultaw lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-entità tal-UE għad-DSO, sabiex jiżguraw li l-proposti jkunu konformi ma’ dan ir-Regolament u jikkontribwixxu għal livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji jew dwar il-pjanijiet fi żmien 6 xhur minn meta jirċievu t-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji jew il-pjanijiet mingħand l-awtorità kompetenti rilevanti jew, meta applikabbli, mill-aħħar awtorità kompetenti rilevanti kkonċernata.

6.   Meta l-ACER toħroġ opinjoni, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom iqisu dik l-opinjoni u għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fi żmien 6 xhur minn meta jirċievu l-opinjoni tal-ACER.

7.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu jeħtieġu b’mod konġunt emenda għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji proposti, jew għall-pjanijiet, sabiex japprovawhom, it-TSOs għandhom jiżviluppaw, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, proposta għal tali emenda għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji, jew għall-pjanijiet. It-TSOs għandhom jissottomettu l-proposta emendata għall-approvazzjoni fi żmien xahrejn wara t-talba tal-awtoritajiet kompetenti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji jew il-pjanijiet emendati fi żmien xahrejn minn meta jiġu sottomessi.

8.   Meta l-awtoritajiet kompetenti ma jkunx irnexxielhom jilħqu ftehim fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 5 jew 7, huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ tieħu passi xierqa sabiex tagħmel possibbli l-adozzjoni tat-termini u tal-kundizzjonijiet jew tal-metodoloġiji meħtieġa, jew tal-pjanijiet.

9.   It-TSOs, bl-għajnuna tal-ENTSO għall-Elettriku, u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom jippubblikaw it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji, jew il-pjanijiet, fuq is-siti web tagħhom wara l-approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, ħlief meta tali informazzjoni titqies bħala kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 47.

10.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu b’mod konġunt proposti għal emendi tat-termini u tal-kundizzjonijiet jew tal-metodoloġiji approvati, jew tal-pjanijiet approvati, mit-TSOs u mill-entità tal-UE għad-DSO u jiddeterminaw skadenza għas-sottomissjoni ta’ dawk il-proposti. It-TSOs, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, jistgħu jipproponu emendi lill-awtoritajiet kompetenti wkoll fuq inizjattiva tagħhom stess. Il-proposti għal emenda għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji, jew għall-emendi għall-pjanijiet, għandhom jiġu żviluppati u approvati f’konformità mal-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu.

11.   Tal-inqas kull 3 snin wara l-ewwel adozzjoni tat-termini u tal-kundizzjonijiet jew tal-metodoloġiji rispettivi, jew tal-pjanijiet rispettivi adottati, it-TSOs f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandhom jirrevedu l-effettività tat-termini u tal-kundizzjonijiet jew tal-metodoloġiji adottati, jew tal-pjanijiet adottati, u għandhom jirrapportaw is-sejbiet tar-rieżami lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ACER mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 9

Konsultazzjoni

1.   It-TSOs, bl-għajnuna tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-ACER, l-ENISA u l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru, dwar l-abbozz tal-proposti għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji elenkati fl-Artikolu 6(2) u għall-pjanijiet imsemmijin fl-Artikolu 6(3). Il-konsultazzjoni għandha ddum mhux inqas minn xahar.

2.   Il-proposti għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji elenkati fl-Artikolu 6(2) ippreżentati mit-TSOs, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandhom jiġu sottomessi u ppreżentati għal konsultazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Il-proposti għall-pjanijiet elenkati fl-Artikolu 6(3) sottomessi mit-TSOs rilevanti, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, fil-livell reġjonali għandhom jiġu sottomessi għal konsultazzjoni mill-inqas fil-livell reġjonali.

3.   It-TSOs, bl-għajnuna tal-ENTSO għall-Elettriku, u l-Entità tal-UE għad-DSO responsabbli għall-proposta għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji jew għall-pjanijiet għandha tqis kif xieraq il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati li jirriżultaw mill-konsultazzjonijiet imwettqin f’konformità mal-paragrafu 1, qabel is-sottomissjoni tagħha għall-approvazzjoni regolatorja. F’kull każ, flimkien mas-sottomissjoni għandha tingħata ġustifikazzjoni valida għall-inklużjoni jew le tal-fehmiet li joħorġu mill-konsultazzjoni u din għandha tiġi ppubblikata fi żmien xieraq qabel ma tiġi ppubblikata l-proposta għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji jew fl-istess ħin magħha.

Artikolu 10

Involviment tal-partijiet ikkonċernati

L-ACER, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENTSO għall-Elettriku u mal-entità tal-UE għad-DSO, għandha torganizza l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, inklużi laqgħat regolari mal-partijiet ikkonċernati sabiex jiġu identifikati l-problemi u jiġi propost titjib relatat mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Irkupru tal-kostijiet

1.   Il-kostijiet imġarrbin mit-TSOs u mid-DSOs soġġetti għar-regolamentazzjoni tat-tariffi tan-network u li jirriżultaw mill-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, inklużi l-kostijiet imġarrbin mill-ENTSO għall-Elettriku u mill-entità tal-UE għad-DSO, għandhom jiġu vvalutati mill-NRA rilevanti ta’ kull Stat Membru.

2.   Il-kostijiet ivvalutati bħala raġonevoli, effiċjenti u proporzjonati għandhom jiġu rkuprati permezz ta’ tariffi tan-network jew mekkaniżmi xierqa oħrajn, kif iddeterminat mill-NRA rilevanti.

3.   Jekk jintalbu mill-NRAs, it-TSOs u d-DSOs rilevanti msemmijin fil-paragrafu 1, għandhom, f’perjodu raġonevoli ddeterminat mill-NRA, jipprovdu l-informazzjoni neċessarja sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-kostijiet imġarrbin.

Artikolu 12

Monitoraġġ

1.   L-ACER għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 u mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2019/942. Fit-twettiq ta’ dan il-monitoraġġ, l-ACER tista’ tikkoopera mal-ENISA u titlob appoġġ mill-ENTSO għall-Elettriku u mill-entità tal-UE għad-DSO. L-ACER għandha tinforma regolarment lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku u lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-ACER għandha tippubblika rapport tal-inqas kull 3 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament

(a)

għar-rieżami tal-istatus tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà applikabbli fir-rigward tal-entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku;

(b)

għall-identifikazzjoni ta’ jekk jistgħux ikunu neċessarji regoli addizzjonali dwar ir-rekwiżiti komuni, l-ippjanar, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-ġestjoni ta’ kriżijiet sabiex jiġu evitati riskji għas-settur tal-elettriku; u

(c)

għall-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ titjib għar-reviżjoni ta’ dan ir-Regolament, jew għad-determinazzjoni tal-oqsma mhux koperti u ta’ prijoritajiet ġodda li jistgħu jirriżultaw minħabba żviluppi teknoloġiċi.

3.   Sa it-13 ta’ Ġunju 2025, l-ACER, f’kooperazzjoni mal-ENISA u wara konsultazzjoni mal-ENTSO għall-Elettriku u mal-entità tal-UE għad-DSO, tista’ toħroġ gwida dwar l-informazzjoni rilevanti li għandha tiġi kkomunikata lill-ACER għall-finijiet ta’ monitoraġġ kif ukoll il-proċess u l-frekwenza għall-ġbir, fuq il-bażi tal-indikaturi tal-prestazzjoni definiti f’konformità mal-paragrafu 5.

4.   L-awtoritajiet kompetenti jista’ jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti miżmuma mill-ACER, li tkun ġabret f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

5.   L-ACER, f’kooperazzjoni mal-ENISA, u bl-appoġġ tal-ENTSO għall-Elettriku u tal-entità tal-UE għad-DSO, għandha toħroġ indikaturi tal-prestazzjoni mhux vinkolanti għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà operazzjonali li huma relatati mal-aspetti taċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku.

6.   L-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom jissottomettu lill-ACER l-informazzjoni meħtieġa sabiex l-ACER twettaq il-kompiti elenkati fil-paragrafu 2.

Artikolu 13

Parametraġġ referenzjarju

1.   Sa it-13 ta’ Ġunju 2025, l-ACER, f’kooperazzjoni mal-ENISA, għandha tistabbilixxi gwida mhux vinkolanti ta’ parametraġġ referenzjarju taċ-ċibersigurtà. Il-gwida għandha tispjega lill-NRAs il-prinċipji tal-parametraġġ referenzjarju tal-kontrolli taċ-ċibersigurtà implimentati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li tqis il-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-kontrolli u l-effettività tal-funzjoni moqdija mill-proċessi, mill-prodotti, mis-servizzi, mis-sistemi u mis-soluzzjonijiet użati għall-implimentazzjoni ta’ kontrolli bħal dawn. L-ACER għandha tqis ir-rapporti ta’ valutazzjoni komparattiva eżistenti meta tistabbilixxi l-gwida mhux vinkolanti ta’ parametraġġ referenzjarju taċ-ċibersigurtà. L-ACER għandha tissottometti l-gwida mhux vinkolanti ta’ parametraġġ referenzjarju taċ-ċibersigurtà lill-NRAs għall-informazzjoni.

2.   Fi żmien 12-il xahar wara l-istabbiliment tal-gwida ta’ parametraġġ referenzjarju skont il-paragrafu 1, l-NRAs għandhom iwettqu analiżi komparattiva sabiex jivvalutaw jekk l-investimenti kurrenti fiċ-ċibersigurtà:

(a)

jimmitigawx riskji li jkollhom impatt fuq il-flussi transfruntieri tal-elettriku;

(b)

jipprovdux ir-riżultati mixtiqin u jżidux l-effiċjenza għall-iżvilupp tas-sistemi tal-elettriku;

(c)

ikunux effiċjenti u integrati fl-akkwist ġenerali tal-assi u tas-servizzi.

3.   Għall-analiżi tal-parametraġġ referenzjarju, l-NRAs jistgħu jqisu l-gwida mhux vinkolanti ta’ parametraġġ referenzjarju taċ-ċibersigurtà stabbilita mill-ACER, u għandhom jivvalutaw b’mod partikolari:

(a)

in-nefqa medja relatata maċ-ċibersigurtà għall-mitigazzjoni tar-riskji li jkollhom impatt fuq il-flussi transfruntieri tal-elettriku, speċjalment fir-rigward tal-entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku;

(b)

f’kooperazzjoni mal-ENTSO għall-Elettriku u mal-entità tal-UE għad-DSO, il-prezzijiet medji tas-servizzi, tas-sistemi u tal-prodotti taċ-ċibersigurtà li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira għat-titjib u għall-manutenzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fir-reġjuni differenti ta’ tħaddim tas-sistema;

(c)

l-eżistenza u l-livell ta’ komparabbiltà tal-kostijiet u tal-funzjonijiet tas-servizzi, tas-sistemi u tas-soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà xierqa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jiġu identifikati l-miżuri possibbli neċessarji sabiex titrawwem l-effiċjenza fl-infiq, b’mod partikolari meta jistgħu jkunu meħtieġa investimenti teknoloġiċi fiċ-ċibersigurtà.

4.   Kwalunkwe informazzjoni relatata mal-analiżi ta’ parametraġġ referenzjarju għandha tiġi ttrattata u pproċessata skont ir-rekwiżiti tal-klassifikazzjoni tad-data ta’ dan ir-Regolament, il-kontrolli minimi taċ-ċibersigurtà u r-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku. L-analiżi tal-parametraġġ referenzjarju msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhiex issir pubblika.

5.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità fl-Artikolu 47 għall-ħtieġa li tiġi protetta s-sigurtà tal-entitajiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-analiżi tal-valutazzjoni komparattiva msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi kondiviża mal-NRAs kollha, mal-awtoritajiet kompetenti kollha, mal-ACER, mal-ENISA u mal-Kummissjoni.

Artikolu 14

Ftehimiet mat-TSOs minn barra l-Unjoni

1.   Fi żmien 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, it-TSOs ta’ reġjun ta’ tħaddim tas-sistema li jkun ġar ta’ pajjiż terz għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkonkludu ftehimiet mat-TSOs tal-pajjiż terz ġar li jkunu konformi mad-dritt rilevanti tal-Unjoni u li jistabbilixxu l-bażi għall-kooperazzjoni dwar il-protezzjoni taċ-ċibersigurtà u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni fiċ-ċibersigurtà ma’ dawk it-TSOs.

2.   It-TSOs għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti bil-ftehimiet konklużi skont il-paragrafu 1.

Artikolu 15

Rappreżentanti legali

1.   Entitajiet li ma għandhomx stabbiliment fl-Unjoni, iżda li jipprovdu servizzi lil entitajiet fl-Unjoni u li jkunu ġew innotifikati bħala entitajiet b’impatt kbir jew b’impatt kritiku f’konformità mal-Artikolu 24(6), għandhom, fi żmien 3 xhur wara n-notifika, jaħtru, bil-miktub, rappreżentant fl-Unjoni u jinformaw lill-awtorità kompetenti li tinnotifika kif xieraq.

2.   Dan ir-rappreżentant għandu jingħata mandat sabiex jiġi indirizzat minn kwalunkwe awtorità kompetenti jew minn CSIRT fl-Unjoni minbarra jew minflok l-entità b’impatt kbir jew b’impatt kritiku fir-rigward tal-obbligi tal-entità skont dan ir-Regolament. L-entità b’impatt kbir jew b’impatt kritiku għandha tipprovdi lir-rappreżentant legali tagħha bis-setgħat neċessarji u b’riżorsi suffiċjenti sabiex tiggarantixxi l-kooperazzjoni effiċjenti u f’waqtha tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti jew mas-CSIRTs rilevanti.

3.   Ir-rappreżentant għandu jkun stabbilit f’wieħed mill-Istati Membri fejn l-entità toffri s-servizzi tagħha. L-entità għandha titqies li hija taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit ir-rappreżentant. L-entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku għandhom jinnotifikaw l-isem, l-indirizz postali, l-indirizz tal-email u n-numru tat-telefown tar-rappreżentant legali tagħhom lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit dak ir-rappreżentant legali.

4.   Għandu jkun possibbli li r-rappreżentant legali deżinjat jinżamm responsabbli għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà u għal azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-entità b’impatt kbir jew b’impatt kritiku nnifisha.

5.   Fin-nuqqas ta’ rappreżentant fl-Unjoni deżinjat skont dan l-Artikolu, kwalunkwe Stat Membru li fih l-entità tipprovdi servizzi jista’ jieħu azzjoni legali kontra l-entità għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament.

6.   Id-deżinjazzjoni ta’ rappreżentant legali fl-Unjoni skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tikkostitwixxi stabbiliment fl-Unjoni.

Artikolu 16

Il-kooperazzjoni bejn l-ENTSO għall-Elettriku u l-Entità tal-UE għad-DSO

1.   L-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom jikkooperaw fit-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskju għaċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 19 u l-Artikolu 21, b’mod partikolari l-kompiti li ġejjin:

(a)

l-iżvilupp tal-metodoloġiji tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 18(1);

(b)

l-iżvilupp tar-rapport komprensiv ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku skont l-Artikolu 23;

(c)

l-iżvilupp tal-qafas komuni taċ-ċibersigurtà tal-elettriku skont il-Kapitolu III;

(d)

l-iżvilupp tar-rakkomandazzjoni dwar l-akkwist taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 35;

(e)

l-iżvilupp tal-metodoloġija tal-iskala tal-klassifikazzjoni tal-attakki ċibernetiċi skont l-Artikolu 37(8);

(f)

l-iżvilupp tal-indiċi proviżorju tal-impatt fuq iċ-ċibersigurtà tal-elettriku (“ECII”) skont l-Artikolu 48(1), il-punt (a);

(g)

l-iżvilupp tal-lista proviżorja konsolidata ta’ entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku skont l-Artikolu 48(3);

(h)

l-iżvilupp tal-lista proviżorja ta’ proċessi b’impatt kbir u b’impatt kritiku madwar l-Unjoni kollha skont l-Artikolu 48(4);

(i)

l-iżvilupp tal-lista proviżorja ta’ standards u ta’ kontrolli Ewropej u internazzjonali skont l-Artikolu 48(6);

(j)

it-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha skont l-Artikolu 19;

(k)

it-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali skont l-Artikolu 21;

(l)

id-definizzjoni tal-pjanijiet reġjonali ta’ mitigazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 22;

(m)

l-iżvilupp ta’ gwida dwar l-iskemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-prodotti tal-ICT, għas-servizzi tal-ICT, u għall-proċessi tal-ICT f’konformità mal-Artikolu 36;

(n)

l-iżvilupp ta’ linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konsultazzjoni mal-ACER u mal-ENISA.

2.   Il-kooperazzjoni bejn l-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO tista’ tieħu l-forma ta’ grupp ta’ ħidma dwar ir-riskju għaċ-ċibersigurtà.

3.   L-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom jinformaw regolarment lill-ACER, lill-ENISA, lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS u lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-valutazzjonijiet tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali u madwar l-Unjoni skont l-Artikolu 19 u l-Artikolu 21.

Artikolu 17

Kooperazzjoni bejn l-ACER u l-awtoritajiet kompetenti

L-ACER, f’kooperazzjoni ma’ kull awtorità kompetenti, għandha:

(1)

timmonitorja l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 12(2), il-punt (a), u l-obbligi ta’ rapportar skont l-Artikolu 27 u l-Artikolu 39; u

(2)

timmonitorja l-proċess tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet, il-metodoloġiji jew il-pjanijiet skont l-Artikolu 6(2) u (3). Il-kooperazzjoni bejn l-ACER, l-ENISA u kull awtorità kompetenti tista’ tieħu l-forma ta’ korp għall-monitoraġġ tar-riskju għaċ-ċibersigurtà.

KAPITOLU II

VALUTAZZJONI TAR-RISKJU U IDENTIFIKAZZJONI TAR-RISKJI RILEVANTI GĦAĊ-ĊIBERSIGURTÀ

Artikolu 18

Metodoloġiji ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà

1.   Sa it-13 ta’ Marzu 2025, it-TSOs, bl-assistenza tal-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, għandha tippreżenta proposta għall-metodoloġiji ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni, fil-livell reġjonali u fil-livell tal-Istati Membri.

2.   Il-metodoloġiji ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni, fil-livell reġjonali u fil-livell tal-Istati Membri għandhom jinkludu:

(a)

lista ta’ theddid ċibernetiku li għandu jiġi kkunsidrat, inkluż tal-inqas it-theddid għall-katina tal-provvista li ġej:

(i)

korruzzjoni serja u mhux mistennija tal-katina tal-provvista;

(ii)

l-indisponibbiltà ta’ prodotti tal-ICT, ta’ servizzi tal-ICT, jew ta’ proċessi tal-ICT mill-katina tal-provvista;

(iii)

attakki ċibernetiċi mibdijin permezz ta’ atturi fil-katina tal-provvista;

(iv)

ir-rivelazzjoni ta’ informazzjoni sensittiva permezz tal-katina tal-provvista, inkluż it-trekkjar tal-katina tal-provvista;

(v)

l-introduzzjoni ta’ dgħufijiet jew ta’ backdoors fi prodotti tal-ICT, f’servizzi tal-ICT, jew fi proċessi tal-ICT permezz ta’ atturi fil-katina tal-provvista;

(b)

il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-impatt tar-riskji għaċ-ċibersigurtà bħala għoljin jew kritiċi, bl-użu ta’ limiti definiti għall-konsegwenzi u għall-probabbiltà;

(c)

approċċ sabiex jiġu analizzati r-riskji għaċ-ċibersigurtà li ġejjin minn sistemi miruta, l-effetti kaskata tal-attakki ċibernetiċi u n-natura f’ħin reali tas-sistemi li joperaw il-grilja;

(d)

approċċ sabiex jiġu analizzati r-riskji għaċ-ċibersigurtà li jirriżultaw mid-dipendenza fuq fornitur wieħed ta’ prodotti tal-ICT, ta’ servizzi tal-ICT jew ta’ proċessi tal-ICT.

3.   Il-metodoloġiji ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni, fil-livell reġjonali u fil-livell tal-Istati Membri għandhom jivvalutaw ir-riskji għaċ-ċibersigurtà bl-użu tal-istess matriċi tal-impatt tar-riskju. Il-matriċi tal-impatt tar-riskju għandha:

(a)

tkejjel il-konsegwenzi tal-attakki ċibernetiċi fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

(i)

it-telf tat-tagħbija;

(ii)

it-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-enerġija;

(iii)

it-telf tal-kapaċità fir-riżerva tal-frekwenza primarja;

(iv)

it-telf tal-kapaċità li l-grilja elettrika titreġġa’ lura għat-tħaddim mingħajr dipendenza fuq in-network ta’ trażmissjoni estern għall-irkupru wara li jseħħ tifi totali jew parzjali (imsejjaħ ukoll “startjar minn mitfi totali”);

(v)

id-durata mistennija tal-qtugħ tal-elettriku li jaffettwa lill-klijenti flimkien mal-iskala tal-qtugħ f’għadd ta’ klijenti; u

(vi)

kwalunkwe kriterju kwantitattiv jew kwalitattiv ieħor li jista’ raġonevolment jaġixxi bħala indikatur tal-effett ta’ attakk ċibernetiku fuq il-flussi transfruntieri tal-elettriku;

(b)

tkejjel il-probabbiltà ta’ inċident bħala l-frekwenza ta’ attakki ċibernetiċi fis-sena.

4.   Il-metodoloġiji ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni għandhom jiddeskrivu kif jiġu ddefiniti l-valuri tal-ECII għal-limiti ta’ impatt kbir u ta’ impatt kritiku. L-ECII għandha tippermetti lill-entitajiet jistmaw bl-għajnuna tal-kriterji msemmijin fil-paragrafu 2, il-punt (b), l-impatt tar-riskji fuq il-proċess tan-negozju tagħhom matul il-valutazzjonijiet tal-impatt fuq in-negozju li jwettqu skont l-Artikolu 26(4), il-punt (c)(i).

5.   L-ENTSO għall-Elettriku, f’koordinazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu jinforma lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku dwar il-proposti għall-metodoloġiji ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà li jiġu żviluppati skont il-paragrafu 1.

Artikolu 19

Valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha

1.   Fi żmien 9 xhur wara l-approvazzjoni tal-metodoloġiji tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 8 u kull 3 snin wara dan, l-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO u f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, iwettaq valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fl-Unjoni kollha u jfassal abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha. Għal dan l-għan, juża l-metodoloġiji żviluppati skont l-Artikolu 18, u approvati skont l-Artikolu 8, sabiex jidentifika, janalizza u jevalwa l-konsegwenzi possibbli tal-attakki ċibernetiċi li jaffettwaw is-sigurtà operazzjonali tas-sistema tal-elettriku u jfixklu l-flussi transfruntieri tal-elettriku. Il-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fl-Unjoni kollha ma għandhiex tikkunsidra d-dannu legali, finanzjarju jew reputazzjonali tal-attakki ċibernetiċi.

2.   Ir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

il-proċessi b’impatt kbir madwar l-Unjoni u l-proċessi b’impatt kritiku madwar l-Unjoni kollha;

(b)

matriċi tal-impatt tar-riskju li l-entitajiet u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw sabiex jivvalutaw ir-riskju għaċ-ċibersigurtà identifikat fil-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Istati Membri mwettqa skont l-Artikolu 20 u fil-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-entità skont l-Artikolu 26(2), il-punt (b).

3.   Fir-rigward tal-proċessi b’impatt kbir madwar l-Unjoni kollha u tal-proċessi b’impatt kritiku madwar l-Unjoni kollha, ir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha għandu jinkludi:

(a)

valutazzjoni tal-konsegwenzi possibbli ta’ attakk ċibernetiku bl-użu tal-metriċi definiti fil-metodoloġija ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà żviluppata skont l-Artikolu 18(2), (3) u (4), u approvata skont l-Artikolu 8;

(b)

l-ECII u l-limiti ta’ impatt kbir u ta’ impatt kritiku li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw skont l-Artikolu 24(1) u (2) sabiex jidentifikaw entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku involuti fil-proċessi b’impatt kbir madwar l-Unjoni kollha u fil-proċessi b’impatt kritiku madwar l-Unjoni kollha.

4.   L-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu jissottometti l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha bir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha lill-ACER għal opinjoni. L-ACER għandha toħroġ opinjoni dwar l-abbozz tar-rapport fi żmien 3 xhur wara li tkun irċevietu. L-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom iqisu bis-sħiħ l-opinjoni tal-ACER meta jiffinalizzaw dak ir-rapport.

5.   Fi żmien 3 xhur wara li jirċievi l-opinjoni tal-ACER, l-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO għandu jinnotifika r-rapport finali tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni lill-ACER, lill-Kummissjoni, lill-ENISA u lill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 20

Valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri

1.   Kull awtorità kompetenti għandha twettaq valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà ta’ Stat Membru dwar l-entitajiet kollha b’impatt kbir u b’impatt kritiku fl-Istat Membru tagħha bl-użu tal-metodoloġiji żviluppati skont l-Artikolu 18 u approvati skont l-Artikolu 8. Il-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri għandha tidentifika u tanalizza r-riskji ta’ attakki ċibernetiċi li jaffettwaw is-sigurtà operazzjonali tas-sistema tal-elettriku li tfixkel il-flussi transfruntieri tal-elettriku. Il-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri ma għandhiex tikkunsidra d-dannu legali, finanzjarju jew reputazzjonali tal-attakki ċibernetiċi.

2.   Fi żmien 21 xahar wara n-notifika tal-entitajiet b’impatt kbir u kritiku skont l-Artikolu 24(6) u kull 3 snin wara dik id-data, u wara li tikkonsulta lis-CS-NCA responsabbli għall-elettriku, kull awtorità kompetenti, appoġġata mis-CSIRT, għandha tipprovdi rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà ta’ Stat Membru lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-entità tal-UE għad-DSO, li jkun fih l-informazzjoni li ġejja għal kull proċess tan-negozju b’impatt kbir u b’impatt kritiku:

(a)

l-istatus ta’ implimentazzjoni tal-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 29;

(b)

lista tal-attakki ċibernetiċi kollha rrapportati fit-3 snin preċedenti skont l-Artikolu 38(3);

(c)

sommarju tal-informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku rrapportata fit-3 snin preċedenti skont l-Artikolu 38(6);

(d)

għal kull proċess b’impatt kbir jew b’impatt kritiku madwar l-Unjoni kollha, stima tar-riskji ta’ kompromess tal-kunfidenzjalità, tal-integrità u tad-disponibbiltà għall-informazzjoni u għall-assi rilevanti;

(e)

meta neċessarja, lista tal-entitajiet addizzjonali identifikati bħala b’impatt kbir jew b’impatt kritiku skont l-Artikolu 24(1), (2), (3), u (5).

3.   Ir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri għandu jqis il-pjan ta’ tħejjija għar-riskju tal-Istat Membru stabbilit skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/941.

4.   L-informazzjoni li tinsab fir-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-Istat Membru skont il-paragrafu 2, il-punti (a) sa (d), ma għandhiex tkun marbuta ma’ entitajiet jew ma’ assi speċifiċi. Ir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tar-riskju tad-derogi temporanji maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri skont l-Artikolu 30.

5.   L-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kompiti speċifikati fis-subparagrafu 2, il-punti (a) u (c).

6.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li jipprovdu tkun akkurata u korretta.

Artikolu 21

Valutazzjonijiet tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali

1.   L-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO u f’konsultazzjoni maċ-Ċentru Reġjonali ta’ Koordinazzjoni rilevanti, għandu jwettaq valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali għal kull reġjun ta’ tħaddim tas-sistema bl-użu tal-metodoloġiji żviluppati skont l-Artikolu 19, u approvati skont l-Artikolu 8, sabiex jidentifika, janalizza, u jevalwa r-riskji ta’ attakki ċibernetiċi li jaffettwaw is-sigurtà operazzjonali tas-sistema tal-elettriku u jfixklu l-flussi transfruntieri tal-elettriku. Il-valutazzjonijiet tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali ma għandhomx iqisu d-dannu legali, finanzjarju jew reputazzjonali tal-attakki ċibernetiċi.

2.   Fi żmien 30 xahar wara n-notifika tal-entitajiet b’impatt kbir u kritiku skont l-Artikolu 24(6), u kull 3 snin wara dan, l-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO u f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, għandu jfassal rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali għal kull reġjun ta’ tħaddim tas-sistema.

3.   Ir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali għandu jqis l-informazzjoni rilevanti li tinsab fir-rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha u fir-rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri.

4.   Il-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali għandha tikkunsidra x-xenarji reġjonali ta’ kriżi tal-elettriku relatati maċ-ċibersigurtà identifikati skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/941.

Artikolu 22

Pjanijiet reġjonali ta’ mitigazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà

1.   Fi żmien 36 xahar wara n-notifika tal-entitajiet b’impatt kritiku u qawwi skont l-Artikolu 24(6) u mhux aktar tard minn it-13 ta’ Ġunju 2031, u kull 3 snin wara dik id-data, it-TSOs, bl-assistenza tal-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO u f’konsultazzjoni maċ-Ċentri Reġjonali ta’ Koordinazzjoni u mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, għandhom jiżviluppaw pjan reġjonali ta’ mitigazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà għal kull reġjun ta’ tħaddim tas-sistema.

2.   Il-pjanijiet reġjonali ta’ mitigazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà għandhom jinkludu:

(a)

il-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà li l-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandhom japplikaw fir-reġjun ta’ tħaddim tas-sistema;

(b)

ir-riskji residwi taċ-ċibersigurtà fir-reġjuni ta’ tħaddim tas-sistema wara l-applikazzjoni tal-kontrolli msemmijin fil-punt (a).

3.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jissottometti l-pjanijiet reġjonali ta’ mitigazzjoni tar-riskju lill-operaturi rilevanti ta’ sistema tat-trażmissjoni, lill-awtoritajiet kompetenti, u lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku. Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku jista’ jirrakkomanda emendi.

4.   It-TSOs, bl-assistenza tal-ENTSO għall-Elettriku f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO u f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS għandhom jaġġornaw il-pjanijiet reġjonali ta’ mitigazzjoni tar-riskju kull 3 snin, sakemm iċ-ċirkostanzi ma jeħtiġux aġġornamenti aktar frekwenti.

Artikolu 23

Rapport komprensiv ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku

1.   Fi żmien 40 xahar wara n-notifika tal-entitajiet b’impatt kbir u kritiku skont l-Artikolu 24(6) u kull 3 snin wara dan, it-TSOs, bl-assistenza tal-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO u f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, għandu jipprovdi lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku rapport dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskji għaċ-ċibersigurtà fir-rigward tal-flussi transfruntieri tal-elettriku (ir-“rapport komprensiv ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku”).

2.   Ir-rapport komprensiv ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku għandu jkun ibbażat fuq ir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, fuq ir-rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri u fuq ir-rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali u jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-lista ta’ proċessi b’impatt kbir u b’impatt kritiku madwar l-Unjoni kollha identifikati fir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 19(2), il-punt (a), inkluża l-istima tal-probabbiltà u tal-impatt tar-riskji għaċ-ċibersigurtà evalwati matul ir-rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali skont l-Artikolu 21(2) u l-Artikolu 19(3), il-punt (a);

(b)

it-theddid ċibernetiku kurrenti, b’enfasi speċifika fuq it-theddid u fuq ir-riskji emerġenti għas-sistema tal-elettriku;

(c)

l-attakki ċibernetiċi għall-perjodu preċedenti fil-livell tal-Unjoni, li jipprovdu ħarsa ġenerali kritika ta’ kif tali attakki ċibernetiċi seta’ kellhom impatt fuq il-flussi transfruntieri tal-elettriku;

(d)

l-istatus ġenerali tal-implimentazzjoni tal-miżuri taċ-ċibersigurtà;

(e)

l-istatus tal-implimentazzjoni tal-flussi ta’ informazzjoni skont l-Artikoli 37 u 38;

(f)

il-lista ta’ informazzjoni jew kriterji speċifiċi għall-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 46;

(g)

ir-riskji identifikati u enfasizzati li jistgħu jirriżultaw minn ġestjoni mhux sigura tal-katina tal-provvista;

(h)

ir-riżultati u l-esperjenzi akkumulati mill-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà reġjonali u interreġjonali organizzati skont l-Artikolu 44;

(i)

analiżi tal-iżvilupp tar-riskji għaċ-ċibersigurtà transfruntiera ġenerali fis-settur tal-elettriku mill-aħħar valutazzjonijiet reġjonali tar-riskju għaċ-ċibersigurtà;

(j)

kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tkun utli sabiex jiġi identifikat titjib possibbli ta’ dan ir-Regolament jew il-ħtieġa għal reviżjoni ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kwalunkwe għodda tiegħu; u

(k)

l-informazzjoni aggregata u anonimizzata dwar id-derogi mogħtijin skont l-Artikolu 30(3).

3.   L-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(1) jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tar-rapport komprensiv ta’ valutazzjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà tal-elettriku transfruntier, filwaqt li jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 47. It-TSOs, bl-għajnuna tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandhom jikkonsultaw lil dawn l-entitajiet sa minn stadju bikri.

4.   Ir-rapport komprensiv tal-valutazzjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà tal-elettriku transfruntier għandu jkun soġġett għar-regoli dwar il-protezzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 46. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 47(4), l-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom joħorġu verżjoni pubblika ta’ dak ir-rapport li ma għandux ikun fiha informazzjoni li tista’ tikkawża dannu lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(1). Il-verżjoni pubblika ta’ dan ir-rapport għandha tiġi rrilaxxata biss bil-qbil tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS u tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku. L-ENTSO għall-Elettriku f’koordinazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO għandu jkun responsabbli għall-kompilazzjoni u għar-rilaxx tal-verżjoni pubblika tar-rapport.

Artikolu 24

Identifikazzjoni ta’ entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku

1.   Kull awtorità kompetenti għandha tidentifika, billi tuża l-ECII u l-limiti ta’ impatt kbir u ta’ impatt kritiku inklużi fir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha skont l-Artikolu 19(3), il-punt (b), l-entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku fl-Istat Membru tagħha li huma involuti fil-proċessi b’impatt kbir u b’impatt kritiku madwar l-Unjoni kollha. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu informazzjoni mingħand entità fl-Istat Membru tagħhom sabiex jiddeterminaw il-valuri tal-ECII għal dik l-entità. Jekk l-ECII ddeterminat ta’ entità jkun ogħla mil-limitu ta’ impatt kbir jew ta’ impatt kritiku, l-entità identifikata għandha tiġi elenkata fir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 20(2).

2.   Kull awtorità kompetenti għandha tidentifika, billi tuża l-ECII u l-limiti ta’ impatt kritiku u ta’ impatt kbir inklużi fir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà għall-Unjoni kollha skont l-Artikolu 19(3), il-punt (b), l-entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku mhux stabbiliti fl-Unjoni sa fejn ikunu attivi fl-Unjoni. L-awtorità kompetenti tista’ titlob informazzjoni mingħand entità mhux stabbilita fl-Unjoni sabiex tiddetermina l-valuri tal-ECII għall-entità.

3.   Kull awtorità kompetenti tista’ tidentifika entitajiet addizzjonali fl-Istat Membru tagħha bħala entitajiet b’impatt kbir jew b’impatt kritiku jekk jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

(a)

l-entità tkun parti minn grupp ta’ entitajiet li għalihom hemm riskju sinifikanti li se jiġu affettwati fl-istess ħin minn attakk ċibernetiku;

(b)

l-ECII aggregat fuq il-grupp ta’ entitajiet huwa ogħla mil-limitu ta’ impatt kbir jew ta’ impatt kritiku.

4.   Jekk awtorità kompetenti tidentifika entitajiet addizzjonali f’konformità mal-paragrafu 3, il-proċessi kollha f’dawn l-entitajiet li għalihom l-ECII aggregat fuq il-grupp ikunu ogħla mil-limitu ta’ impatt kbir għandhom jitqiesu bħala proċessi b’impatt kbir, u l-proċessi kollha f’dawn l-entitajiet li għalihom l-ECII aggregat fuq il-grupp ikun ogħla mil-limiti ta’ impatt kritiku għandhom jitqiesu bħala proċessi b’impatt kritiku.

5.   Jekk awtorità kompetenti tidentifika l-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 3, il-punt (a), f’aktar minn Stat Membru wieħed, hija għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn, lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-entità tal-UE għad-DSO. L-ENTSO għall-Elettriku f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, fuq il-bażi tal-informazzjoni riċevuta mill-awtoritajiet kompetenti kollha, għandu jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti analiżi tal-aggregazzjoni tal-entitajiet f’aktar minn Stat Membru wieħed li jistgħu joħolqu disturb distribwit għall-flussi transfruntieri tal-elettriku, u jista’ jirriżulta f’attakk ċibernetiku. Meta grupp ta’ entitajiet f’diversi Stati Membri jiġi identifikat bħala aggregazzjoni li l-ECII tagħha jkun ogħla mil-limitu ta’ impatt kbir jew ta’ impatt kritiku, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati kollha għandhom jidentifikaw l-entitajiet f’tali grupp bħala entitajiet b’impatt kbir jew b’impatt kritiku għall-Istat Membru rispettiv tagħhom, fuq il-bażi tal-ECII aggregat għall-grupp tal-entitajiet, u l-entitajiet identifikati għandhom jiġu elenkati fir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha.

6.   Kull awtorità kompetenti għandha, fi żmien 9 xhur wara li tiġi nnotifikata mill-ENTSO għall-Elettriku u mill-entità tal-UE għad-DSO dwar ir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha skont l-Artikolu 19(5) u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn it-13 ta’ Ġunju 2028, tinnotifika lill-entitajiet fil-lista li ġew identifikati bħala entità b’impatt kbir jew b’impatt kritiku fl-Istat Membru tagħha.

7.   Meta fornitur ta’ servizz jiġi rrapportat lil awtorità kompetenti bħala fornitur ta’ servizzi kritiċi tal-ICT skont l-Artikolu 27, il-punt (c), dik l-awtorità kompetenti għandha tinnotifikah lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fit-territorji tagħhom tinsab is-sede jew ir-rappreżentant. L-awtorità kompetenti tal-aħħar għandha tinnotifika lill-fornitur ta’ servizz li ġie identifikat bħala fornitur ta’ servizz kritiku.

Artikolu 25

Skemi nazzjonali ta’ verifika

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jistabbilixxu skema nazzjonali ta’ verifika sabiex jivverifikaw li l-entitajiet b’impatt kritiku identifikati skont l-Artikolu 24(1) ikunu implimentaw il-qafas leġiżlattiv nazzjonali li huwa inkluż fil-matriċi tal-immappjar imsemmija fl-Artikolu 34. L-iskema nazzjonali ta’ verifika tista’ tkun ibbażata fuq spezzjoni mwettqa mill-awtorità kompetenti, fuq verifiki indipendenti tas-sigurtà, jew fuq rieżamijiet reċiproċi bejn il-pari minn entitajiet b’impatt kritiku fl-istess Stat Membru taħt superviżjoni mill-awtorità kompetenti.

2.   Jekk awtorità kompetenti tiddeċiedi li tistabbilixxi skema nazzjonali ta’ verifika, dik l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-verifika titwettaq f’konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

kwalunkwe parti li twettaq ir-rieżami bejn il-pari, l-awditjar jew l-ispezzjoni għandha tkun indipendenti mill-entità b’impatt kritiku li tkun qed tiġi vverifikata, u ma għandu jkollha l-ebda kunflitt ta’ interess;

(b)

il-persunal li jwettaq ir-rieżami bejn il-pari, l-awditjar jew l-ispezzjoni għandu jkollu għarfien dimostrabbli dwar:

(i)

iċ-ċibersigurtà fis-settur tal-elettriku;

(ii)

is-sistemi ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà;

(iii)

il-prinċipji tal-awditjar;

(iv)

il-valutazzjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà;

(v)

il-qafas komuni taċ-ċibersigurtà tal-elettriku;

(vi)

il-qafas leġiżlattiv u regolatorju nazzjonali u l-istandards Ewropej u internazzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-verifika;

(vii)

il-proċessi b’impatt kritiku fl-ambitu tal-verifika;

(c)

il-parti li twettaq ir-rieżami bejn il-pari, l-awditjar jew l-ispezzjoni għandha tingħata biżżejjed żmien sabiex twettaq dawn l-attivitajiet;

(d)

il-parti li twettaq ir-rieżami bejn il-pari, l-awditjar jew l-ispezzjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa sabiex tipproteġi l-informazzjoni li tiġbor matul il-verifika, f’konformità mal-livell ta’ kunfidenzjalità tagħha; u

(e)

ir-rieżamijiet bejn il-pari, l-awditi jew l-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu tal-inqas darba fis-sena u jkopru l-ambitu kollu tal-verifika tal-inqas kull 3 snin.

3.   Jekk awtorità kompetenti tiddeċiedi li tistabbilixxi skema nazzjonali ta’ verifika, hija għandha tirrapporta lill-ACER fuq bażi annwali kemm-il darba tkun wettqet spezzjonijiet skont dik l-iskema.

Artikolu 26

Ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-entitajiet

1.   Kull entità b’impatt kbir u b’impatt kritiku kif identifikata mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 24(1) għandha twettaq ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà għall-assi kollha tagħha fil-perimetri tagħha b’impatt kbir u b’impatt kritiku. Kull entità b’impatt kbir u b’impatt kritiku għandha twettaq ġestjoni tar-riskju li jkun fiha l-fażijiet fil-paragrafu 2 kull 3 snin.

2.   Kull entità b’impatt kbir u b’impatt kritiku għandha tibbaża l-ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tagħha fuq approċċ li għandu l-għan li jipproteġi n-network u s-sistemi ta’ informazzjoni tagħhom u li jinkludi l-fażijiet li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment tal-kuntest;

(b)

il-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-entitajiet;

(c)

it-trattament tar-riskju għaċ-ċibersigurtà;

(d)

l-aċċettazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà.

3.   Matul il-fażi tal-istabbiliment tal-kuntest, kull entità b’impatt kbir u b’impatt kritiku għandha:

(a)

tiddefinixxi l-ambitu tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà inklużi l-proċessi b’impatt kbir u b’impatt kritiku identifikati mill-ENTSO għall-Elettriku u mill-entità tal-UE għad-DSO, u proċessi oħrajn li jistgħu jisfaw fil-mira ta’ attakki ċibernetiċi b’impatt kbir jew b’impatt kritiku fuq il-flussi transfruntieri tal-elettriku; u

(b)

tiddefinixxi l-kriterji għall-evalwazzjoni tar-riskju u għall-aċċettazzjoni tar-riskju f’konformità mal-matriċi tal-impatt tar-riskju li l-entitajiet u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw sabiex jivvalutaw ir-riskji għaċ-ċibersigurtà fil-metodoloġiji tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni, fil-livell reġjonali u fil-livell tal-Istati Membri żviluppati mill-ENTSO għall-Elettriku u mill-entità tal-UE għad-DSO f’konformità mal-Artikolu 19(2).

4.   Matul il-fażi tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà, kull entità b’impatt kbir u b’impatt kritiku għandha:

(a)

tidentifika r-riskji għaċ-ċibersigurtà billi tqis:

(i)

l-assi kollha li jappoġġaw il-proċessi b’impatt kbir u b’impatt kritiku madwar l-Unjoni kollha b’valutazzjoni tal-impatt possibbli fuq il-flussi transfruntieri tal-elettriku jekk l-assi jiġi kompromess;

(ii)

it-theddid ċibernetiku possibbli filwaqt li tqis it-theddid ċibernetiku identifikat fl-aħħar Rapport komprensiv ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku msemmi fl-Artikolu 23 u t-theddid fil-katina tal-provvista;

(iii)

il-vulnerabbiltajiet, inklużi l-vulnerabbiltajiet fis-sistemi miruta;

(iv)

ix-xenarji possibbli ta’ attakk ċibernetiku, inklużi l-attakki ċibernetiċi li jaffettwaw is-sigurtà operazzjonali tas-sistema tal-elettriku u li jfixklu l-flussi transfruntieri tal-elettriku;

(v)

l-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tar-riskju rilevanti mwettqin fil-livell tal-Unjoni, inklużi l-valutazzjonijiet tar-riskju koordinati tal-ktajjen tal-provvista kritiċi f’konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2022/2555; u

(vi)

il-kontrolli implimentati eżistenti;

(b)

tanalizza l-probabbiltà u l-konsegwenzi tar-riskji għaċ-ċibersigurtà identifikati fil-punt (a) u tiddetermina l-livell ta’ riskju għaċ-ċibersigurtà bl-użu tal-matriċi tal-impatt tar-riskju użata sabiex tivvaluta r-riskji għaċ-ċibersigurtà fil-metodoloġiji ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni, bl-assistenza tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO f’konformità mal-Artikolu 19(2);

(c)

tikklassifika l-assi skont il-konsegwenzi possibbli meta tiġi kompromessa ċ-ċibersigurtà u tiddetermina l-perimetru b’impatt kbir u b’impatt kritiku billi tuża l-passi li ġejjin:

(i)

twettaq, għall-proċessi kollha koperti mill-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà, valutazzjoni tal-impatt fuq in-negozju bl-użu tal-ECII;

(ii)

tikklassifika proċess bħala b’impatt kbir jew b’impatt kritiku jekk l-ECII tiegħu jkun ogħla mil-limitu ta’ impatt kbir jew ta’ impatt kritiku rispettivament;

(iii)

tiddetermina l-assi kollha b’impatt kbir u b’impatt kritiku bħala l-assi meħtieġa għall-proċessi b’impatt kbir u b’impatt kritiku rispettivament;

(iv)

tiddefinixxi l-perimetri b’impatt kbir u b’impatt kritiku li jkun fihom l-assi kollha b’impatt kbir u b’impatt kritiku rispettivament, sabiex ikun jista’ jiġi kkontrollat l-aċċess għall-perimetri;

(d)

tevalwa r-riskji għaċ-ċibersigurtà billi tipprijoritizzahom permezz ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni tar-riskju u kriterji għall-aċċettazzjoni tar-riskju msemmijin fil-paragrafu 3, il-punt (b).

5.   Matul il-fażi tat-trattament tar-riskju għaċ-ċibersigurtà, kull entità b’impatt kbir u b’impatt kritiku għandha tistabbilixxi pjan ta’ mitigazzjoni tar-riskju fil-livell tal-entità billi tagħżel għażliet ta’ trattament tar-riskju xierqa għall-ġestjoni tar-riskji u tidentifika r-riskji residwi.

6.   Matul il-fażi tal-aċċettazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà, kull entità b’impatt kbir u b’impatt kritiku għandha tiddeċiedi jekk taċċettax ir-riskju residwu fuq il-bażi tal-kriterji tal-aċċettazzjoni tar-riskju stabbiliti fil-paragrafu 3, il-punt (b).

7.   Kull entità b’impatt kbir u b’impatt kritiku għandha tirreġistra l-assi identifikati fil-paragrafu 1 f’inventarju tal-assi. Dak l-inventarju tal-assi ma għandux ikun parti mir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju.

8.   L-awtorità kompetenti tista’ tispezzjona l-assi fl-inventarju matul l-ispezzjonijiet.

Artikolu 27

Rapportar dwar il-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-entitajiet

Kull entità b’impatt kbir u b’impatt kritiku għandha, fi żmien 12-il xahar wara n-notifika tal-entitajiet b’impatt kritiku u qawwi skont l-Artikolu 24(6), u kull 3 snin wara dan, tipprovdi lill-awtorità kompetenti rapport li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(1)

lista ta’ kontrolli magħżulin għall-pjan ta’ mitigazzjoni tar-riskju fil-livell tal-entità skont l-Artikolu 26(5) bl-istatus ta’ implimentazzjoni kurrenti ta’ kull kontroll;

(2)

għal kull proċess b’impatt kbir jew b’impatt kritiku madwar l-Unjoni kollha, stima tar-riskju ta’ kompromess tal-kunfidenzjalità, tal-integrità u tad-disponibbiltà tal-informazzjoni u tal-assi rilevanti. L-istima ta’ dan ir-riskju għandha tingħata f’konformità mal-matriċi tal-impatt tar-riskju fl-Artikolu 19(2);

(3)

lista ta’ fornituri ta’ servizzi kritiċi tal-ICT għall-proċessi b’impatt kritiku tagħhom.

KAPITOLU III

QAFAS KOMUNI TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ TAL-ELETTRIKU

Artikolu 28

Kompożizzjoni, funzjonament u rieżami tal-qafas komuni taċ-ċibersigurtà tal-elettriku

1.   Il-qafas komuni taċ-ċibersigurtà tal-elettriku għandu jkun magħmul mis-sistema ta’ kontrolli u ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà li ġejja:

(a)

il-kontrolli minimi taċ-ċibersigurtà, żviluppati f’konformità mal-Artikolu 29;

(b)

il-kontrolli avvanzati taċ-ċibersigurtà, żviluppati f’konformità mal-Artikolu 29;

(c)

il-matriċi tal-immappjar, żviluppata f’konformità mal-Artikolu 34, li timmappja l-kontrolli msemmija fil-punti (a) u (b) mal-istandards Ewropej u internazzjonali magħżula u l-oqfsa leġiżlattivi jew regolatorji nazzjonali;

(d)

is-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà stabbilita skont l-Artikolu 32.

2.   L-entitajiet b’impatt kbir kollha għandhom japplikaw il-kontrolli minimi taċ-ċibersigurtà skont il-paragrafu 1, il-punt (a), fi ħdan il-perimetru b’impatt kbir tagħhom.

3.   L-entitajiet b’impatt kritiku kollha għandhom japplikaw il-kontrolli avvanzati taċ-ċibersigurtà skont il-paragrafu 1, il-punt (b), fil-perimetru b’impatt kritiku tagħhom.

4.   Fi żmien 7 xhur wara s-sottomissjoni tal-ewwel abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni skont l-Artikolu 19(4), il-qafas komuni taċ-ċibersigurtà tal-elettriku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi ssupplimentat bil-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà fil-katina tal-provvista żviluppati skont l-Artikolu 33.

Artikolu 29

Kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà

1.   Fi żmien 7 xhur wara s-sottomissjoni tal-ewwel abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni skont l-Artikolu 19(4), it-TSOs, bl-assistenza tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-Entità tal-UE għad-DSO, għandhom jiżviluppaw proposta għall-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà.

2.   Fi żmien 6 xhur wara t-tfassil ta’ kull rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali skont l-Artikolu 21(2), it-TSOs, bl-għajnuna tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-Entità tal-UE għad-DSO, għandhom jipproponu emenda lill-awtorità kompetenti għall-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà. Il-proposta ssir f’konformità mal-Artikolu 8(10) u tqis ir-riskji identifikati fil-valutazzjoni tar-riskju reġjonali.

3.   Il-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà għandhom ikunu verifikabbli billi jieħdu sehem fi skema ta’ verifika nazzjonali f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31 jew billi jgħaddu minn verifiki tas-sigurtà minn partijiet terzi indipendenti mwettqin skont ir-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 25(2).

4.   Il-kontrolli minimi u avvanzati inizjali taċ-ċibersigurtà żviluppati skont il-paragrafu (1) għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskji li huma identifikati fir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni msemmi fl-Artikolu 19(5). Il-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà emendati żviluppati skont il-paragrafu (2) għandhom ikunu bbażati fuq ir-rapport reġjonali ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà msemmi fl-Artikolu 21(2).

5.   Il-kontrolli minimi taċ-ċibersigurtà għandhom jinkludu kontrolli sabiex tiġi protetta l-informazzjoni skambjata skont l-Artikolu 46.

6.   Fi żmien 12-il xahar wara l-approvazzjoni tal-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 8(5), jew wara kull aġġornament skont l-Artikolu 8(10), l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(1) u identifikati bħala entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir skont l-Artikolu 24 għandhom, matul l-istabbiliment tal-pjan ta’ mitigazzjoni tar-riskju fil-livell tal-entità skont l-Artikolu 26(5), japplikaw il-kontrolli minimi taċ-ċibersigurtà fi ħdan il-perimetru b’impatt kbir u l-kontrolli avvanzati taċ-ċibersigurtà fi ħdan il-perimetru b’impatt kritiku.

Artikolu 30

Derogi mill-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà

1.   L-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(1) jistgħu jitolbu lill-awtorità kompetenti rispettiva tagħti deroga mill-obbligu tagħhom li japplikaw il-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà msemmijin fl-Artikolu 29(6). L-awtorità kompetenti tista’ tagħti tali deroga għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

f’ċirkostanzi eċċezzjonali, meta l-entità tista’ turi li l-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-kontrolli xierqa taċ-ċibersigurtà jisbqu b’mod sinifikanti l-benefiċċji. L-ACER u l-ENTSO għall-Elettriku f’kooperazzjoni mal-entità tad-DSO jistgħu jiżviluppaw b’mod konġunt gwida għall-istima tal-kostijiet tal-kontrolli taċ-ċibersigurtà sabiex jgħinu lill-entitajiet;

(b)

meta l-entità tipprovdi pjan ta’ trattament tar-riskju fil-livell tal-entità li jtaffi r-riskji għaċ-ċibersigurtà billi juża kontrolli alternattivi għal livell li jkun aċċettabbli f’konformità mal-kriterji tal-aċċettazzjoni tar-riskji msemmijin fl-Artikolu 26(3), il-punt (b).

2.   Fi żmien 3 xhur minn meta tirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 1, kull awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tingħata deroga mill-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà. Għandhom jingħataw derogi mill-kontrolli minimi jew avvanzati taċ-ċibersigurtà għal massimu ta’ 3 snin, bil-possibbiltà ta’ tiġdid.

3.   L-informazzjoni aggregata u anonimizzata għad-derogi mogħtijin għandha tiġi inkluża bħala anness għar-rapport transfruntier ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-elettriku komprensiv msemmi fl-Artikolu 23. L-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom jaġġornaw b’mod konġunt il-lista, meta jkun neċessarju.

Artikolu 31

Verifika tal-qafas komuni taċ-ċibersigurtà tal-elettriku

1.   Mhux aktar tard minn 24 xahar wara l-adozzjoni tal-kontrolli msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 28(1) u l-istabbiliment tas-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà msemmija fil-punt (d) ta’ dak l-Artikolu, kull entità b’impatt kritiku identifikata f’konformità mal-Artikolu 24(1) għandha tkun tista’ turi l-konformità tagħha mas-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà u l-kontrolli minimi jew avvanzati taċ-ċibersigurtà fuq talba tal-awtorità kompetenti.

2.   Kull entità b’impatt kritiku għandha tissodisfa l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 billi jsirulha awditi tas-sigurtà minn partijiet terzi indipendenti f’konformità mar-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 25(2) jew billi tieħu sehem fi skema ta’ verifika nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 25(1).

3.   Il-verifika li entità b’impatt kritiku tikkonforma mas-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà u mal-kontrolli taċ-ċibersigurtà minimi jew avvanzati għandha tkopri l-assi kollha fi ħdan il-perimetru b’impatt kritiku tal-entità b’impatt kritiku.

4.   Il-verifika li entità b’impatt kritiku tikkonforma mas-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà u mal-kontrolli minimi jew avvanzati taċ-ċibersigurtà għandha tiġi ripetuta regolarment mhux aktar tard minn 36 xahar wara t-tmiem tal-ewwel verifika, u kull 3 snin wara dan.

5.   Kull entità b’impatt kritiku ddefinita f’konformità mal-Artikolu 24 għandha turi l-konformità tagħha mal-kontrolli msemmijin fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 28(1) u l-istabbiliment tas-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà msemmija fil-punt (d) ta’ dak l-Artikolu billi tirrapporta dwar l-eżitu tal-verifika tal-konformità lill-awtorità kompetenti.

Artikolu 32

Sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà

1.   Fi żmien 24 xahar wara li tiġi nnotifikata mill-awtorità kompetenti li tkun ġiet identifikata bħala entità b’impatt kbir jew b’impatt kritiku f’konformità mal-Artikolu 24(6), kull entità b’impatt kbir u b’impatt kritiku għandha tistabbilixxi sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà, u tirrieżamina kull 3 snin minn hemm ’il quddiem, sabiex:

(a)

tiddetermina l-ambitu tas-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà fid-dawl tal-interfaċċi u tad-dipendenzi ma’ entitajiet oħrajn;

(b)

tiżgura li l-maniġment superjuri kollu tagħha jkun infurmat dwar l-obbligi legali rilevanti u jikkontribwixxi b’mod attiv għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà permezz ta’ deċiżjonijiet f’waqthom u reazzjonijiet fil-pront;

(c)

tiżgura li jkunu disponibbli r-riżorsi meħtieġa għas-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà;

(d)

tistabbilixxi politika taċ-ċibersigurtà li għandha tiġi ddokumentata u kkomunikata fi ħdan l-entità u lill-partijiet affettwati mir-riskji għas-sigurtà;

(e)

tassenja u tikkomunika r-responsabbiltajiet għar-rwoli rilevanti għaċ-ċibersigurtà;

(f)

twettaq il-ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-entità kif definit fl-Artikolu 26;

(g)

tiddetermina u tipprovdi r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni, għall-manutenzjoni u għat-titjib kontinwu tas-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà, filwaqt li tqis il-kompetenza u l-għarfien neċessarji tar-riżorsi taċ-ċibersigurtà;

(h)

tiddetermina l-komunikazzjoni interna u esterna li hija rilevanti għaċ-ċibersigurtà;

(i)

toħloq, taġġorna u tikkontrolla informazzjoni dokumentata relatata mas-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà;

(j)

tevalwa l-prestazzjoni u l-effettività tas-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà;

(k)

twettaq awditi interni f’intervalli ppjanati sabiex tiżgura li s-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà tiġi implimentata u mantnuta b’mod effettiv;

(l)

tirrieżamina l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà f’intervalli ppjanati; u tikkontrolla u tikkoreġi n-nuqqas ta’ konformità tar-riżorsi u tal-attivitajiet mal-politiki, mal-proċeduri, mal-linji gwida fis-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà.

2.   L-ambitu tas-sistema ta’ ġestjoni taċ-ċibersigurtà għandu jinkludi l-assi kollha fil-perimetru b’impatt kbir u b’impatt kritiku tal-entità b’impatt kbir u b’impatt kritiku.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr ma jimponu jew jiddiskriminaw favur l-użu ta’ tip partikolari ta’ teknoloġija, iħeġġu l-użu ta’ standards u ta’ speċifikazzjonijiet Ewropej jew internazzjonali relatati mas-sistemi ta’ ġestjoni u rilevanti għas-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni.

Artikolu 33

Kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà fil-katina tal-provvista

1.   Fi żmien 7 xhur wara s-sottomissjoni tal-ewwel abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà għall-Unjoni kollha skont l-Artikolu 19(4), it-TSOs, bl-assistenza tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandhom jiżviluppaw proposta għal kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà fil-katina tal-provvista li jtaffu r-riskji tal-katina tal-provvista identifikati fil-valutazzjonijiet tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fl-Unjoni kollha, li jissupplimentaw l-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà żviluppati skont l-Artikolu 29. Il-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà fil-katina tal-provvista għandhom jiġu żviluppati flimkien mal-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 29. Il-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà fil-katina tal-provvista għandhom ikopru ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti tal-ICT, tas-servizzi tal-ICT u tal-proċessi tal-ICT kollha ġewwa l-perimetri b’impatt kbir jew b’impatt kritiku ta’ entità b’impatt kbir jew b’impatt kritiku. Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS għandu jiġi kkonsultat meta tiġi żviluppata l-proposta għal kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà fil-katina tal-provvista.

2.   Il-kontrolli minimi taċ-ċibersigurtà fil-katina tal-provvista għandhom jikkonsistu f’kontrolli għal entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku li:

(a)

jinkludu r-rakkomandazzjonijiet għall-akkwist ta’ prodotti tal-ICT, ta’ servizzi tal-ICT, u ta’ proċessi tal-ICT li jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà, li jkopru tal-inqas:

(i)

il-kontrolli ta’ verifika tal-isfond tal-persunal tal-fornitur involut fil-katina tal-provvista u fit-trattament ta’ informazzjoni sensittiva jew b’aċċess għall-assi b’impatt kbir jew b’impatt kritiku tal-entità. Il-kontroll ta’ verifika tal-isfond tista’ tinkludi verifika tal-identità u tal-isfond tal-persunal jew tal-kuntratturi ta’ entità f’konformità mal-liġi u mal-proċeduri nazzjonali u mad-dritt tal-Unjoni rilevanti u applikabbli, inklużi r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). Il-kontrolli ta’ sfond għandhom ikunu proporzjonati u strettament limitati għal dak li huwa neċessarju. Dawn għandhom jitwettqu għall-iskop uniku li jiġi evalwat riskju potenzjali għas-sigurtà għall-entità kkonċernata. Jeħtieġ li jkunu proporzjonali għar-rekwiżiti tan-negozju, għall-klassifikazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi aċċessata u għar-riskji perċepiti, u jistgħu jitwettqu mill-entità nnifisha, mill-kumpanija esterna li twettaq skrinjar, jew permezz ta’ approvazzjoni mill-gvern;

(ii)

il-proċessi għad-disinn, għall-iżvilupp u għall-produzzjoni sikuri u kkontrollati ta’ prodotti tal-ICT, ta’ servizzi tal-ICT u ta’ proċessi tal-ICT, il-promozzjoni tad-disinn u tal-iżvilupp ta’ prodotti tal-ICT, ta’ servizzi tal-ICT, u ta’ proċessi tal-ICT, li jinkludu miżuri tekniċi xierqa sabiex tiġi żgurata ċ-ċibersigurtà;

(iii)

id-disinn tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni li fihom l-apparati ma jiġux fdati anke meta jkunu f’perimetru sikur, jeħtieġ verifika tat-talbiet kollha li jirċievu u japplikaw il-prinċipju tal-inqas privileġġ;

(iv)

l-aċċess tal-fornitur għall-assi tal-entità;

(v)

l-obbligi kuntrattwali fuq il-fornitur sabiex jipproteġi u jirrestrinġi l-aċċess għall-informazzjoni sensittiva tal-entità;

(vi)

l-ispeċifikazzjonijiet li jirfdu l-akkwist taċ-ċibersigurtà għas-sottokuntratturi tal-fornitur;

(vii)

it-traċċabilità tal-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà mill-iżvilupp permezz tal-produzzjoni sal-konsenja ta’ prodotti tal-ICT, ta’ servizzi tal-ICT jew ta’ proċessi tal-ICT;

(viii)

l-appoġġ għall-aġġornamenti tas-sigurtà matul il-ħajja kollha tal-prodotti tal-ICT, tas-servizzi tal-ICT jew tal-proċessi tal-ICT;

(ix)

id-dritt għall-awditjar taċ-ċibersigurtà fil-proċessi tad-disinn, tal-iżvilupp u tal-produzzjoni tal-fornitur; u

(x)

Il-valutazzjoni tal-profil tar-riskju tal-fornitur;

(b)

jeħtieġu li tali entitajiet iqisu r-rakkomandazzjonijiet dwar l-akkwist imsemmijin fis-subparagrafu (a) meta jikkonkludu kuntratti ma’ fornituri, ma’ sħab ta’ kollaborazzjoni u ma’ partijiet oħrajn fil-katina tal-provvista, li jkopru konsenji ordinarji ta’ prodotti tal-ICT, ta’ servizzi tal-ICT u ta’ proċessi tal-ICT kif ukoll avvenimenti u ċirkostanzi mhux mitluba bħat-terminazzjoni u t-tranżizzjoni tal-kuntratti f’każijiet ta’ negliġenza tas-sieħeb kuntrattwali;

(c)

jeħtieġu li tali entitajiet iqisu r-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà koordinati rilevanti tal-ktajjen tal-provvista kritiċi mwettqin f’konformità mal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(d)

jinkludu kriterji sabiex jintgħażlu u jiġu kkuntrattati fornituri li jistgħu jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà kif iddikjarati fil-paragrafu (a) u li għandhom livell ta’ ċibersigurtà xieraq għar-riskji għaċ-ċibersigurtà tal-prodott tal-ICT, tas-servizz tal-ICT, jew tal-proċessi tal-ICT li l-fornitur jipprovdi;

(e)

jinkludu kriterji għad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista għall-prodotti tal-ICT, għas-servizzi tal-ICT u għall-proċessi tal-ICT u għat-tnaqqis tar-riskju ta’ intrappolament tal-klijentela;

(f)

jinkludu kriterji għall-monitoraġġ, għar-rieżami jew għall-awditjar tal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà għall-proċessi operazzjonali interni tal-fornituri matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ kull prodott tal-ICT, servizz tal-ICT u proċess tal-ICT fuq bażi regolari.

3.   Għall-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà fir-rakkomandazzjoni dwar l-akkwist taċ-ċibersigurtà msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), l-entitajiet b’impatt kbir jew b’impatt kritiku għandhom jużaw il-prinċipji tal-akkwist skont id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), f’konformità mal-Artikolu 35(4), jew jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom stess fuq il-bażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-entitajiet.

4.   Il-kontrolli avvanzati taċ-ċibersigurtà fil-katina tal-provvista għandhom jinkludu kontrolli għal entitajiet b’impatt kritiku sabiex jivverifikaw, matul l-akkwist, li l-prodotti tal-ICT, is-servizzi tal-ICT u l-proċessi tal-ICT li se jintużaw bħala assi b’impatt kritiku jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà. Il-prodott tal-ICT, is-servizz tal-ICT jew il-proċess tal-ICT għandu jiġi vverifikat jew permezz ta’ skema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà msemmija fl-Artikolu 31 jew permezz ta’ attivitajiet ta’ verifika magħżulin u organizzati mill-entità. Il-profondità u l-kopertura tal-attivitajiet ta’ verifika għandhom ikunu biżżejjed sabiex jipprovdu assigurazzjoni li l-prodott tal-ICT, is-servizz tal-ICT jew il-proċess tal-ICT jistgħu jintużaw sabiex itaffu r-riskji identifikati fil-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-entitajiet. L-entità b’impatt kritiku għandha tiddokumenta l-passi meħudin sabiex jitnaqqsu r-riskji identifikati.

5.   Il-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà fil-katina tal-provvista għandhom japplikaw għall-akkwist tal-prodott tal-ICT, tas-servizzi tal-ICT u tal-proċessi tal-ICT rilevanti. Il-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà tal-katina tal-provvista japplikaw għall-proċessi ta’ akkwist fl-entitajiet identifikati bħala entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir skont l-Artikolu 24 li jibda 6 xhur wara l-adozzjoni jew l-aġġornament tal-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà msemmijin fl-Artikolu 29.

6.   Fi żmien 6 xhur wara t-tfassil ta’ kull rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali skont l-Artikolu 21(2), it-TSOs, bl-għajnuna tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-Entità tal-UE għad-DSO, għandhom jipproponu emenda lill-awtorità kompetenti għall-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà fil-katina tal-provvista. Il-proposta ssir f’konformità mal-Artikolu 8(10) u tqis ir-riskji identifikati fil-valutazzjoni tar-riskju reġjonali.

Artikolu 34

Matriċi tal-immappjar għall-kontrolli taċ-ċibersigurtà tal-elettriku kontra l-istandards

1.   Fi żmien 7 xhur wara s-sottomissjoni tal-ewwel abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà għall-Unjoni kollha skont l-Artikolu 19(4), it-TSOs, bl-assistenza tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO u f’konsultazzjoni mal-ENISA, għandhom jiżviluppaw proposta għal matriċi sabiex jimmappjaw il-kontrolli stabbiliti fl-Artikolu 28(1), il-punti (a) u (b), ma’ standards Ewropej u internazzjonali magħżulin kif ukoll mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti (“il-matriċi tal-immappjar”). L-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom jiddokumentaw l-ekwivalenza tal-kontrolli differenti mal-kontrolli stabbiliti fl-Artikolu 28(1), il-punti (a) u (b).

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipprovdu lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-entità tal-UE għad-DSO immappjar tal-kontrolli stabbiliti fl-Artikolu 28(1), il-punti (a) u (b) b’referenza għall-oqfsa leġiżlattivi jew regolatorji nazzjonali relatati, inklużi l-istandards nazzjonali rilevanti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Jekk l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tipprovdi mmappjar bħal dan, l-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom jintegraw dan l-immappjar nazzjonali fil-matriċi tal-immappjar.

3.   Fi żmien 6 xhur wara t-tfassil ta’ kull rapport reġjonali ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 21(2), it-TSOs, bl-għajnuna tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO u f’konsultazzjoni mal-ENISA, għandhom jipproponu emenda lill-awtorità kompetenti għall-matriċi tal-immappjar. Il-proposta ssir f’konformità mal-Artikolu 8(10) u tqis ir-riskji identifikati fil-valutazzjoni tar-riskju reġjonali.

KAPITOLU IV

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR L-AKKWIST TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ

Artikolu 35

Rakkomandazzjonijiet dwar l-akkwist taċ-ċibersigurtà

1.   It-TSOs, bl-għajnuna tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandhom jiżviluppaw, fi programm ta’ ħidma li għandu jiġi stabbilit u aġġornat kull darba li jiġi adottat rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali, settijiet ta’ rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti dwar l-akkwist taċ-ċibersigurtà li entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku jistgħu jużaw bħala bażi għall-akkwist ta’ prodotti tal-ICT, ta’ servizzi tal-ICT u ta’ proċessi tal-ICT fil-perimetri b’impatt kbir u b’impatt kritiku. Dan il-programm ta’ ħidma għandu jinkludi dawn li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni u klassifikazzjoni tat-tipi ta’ prodotti tal-ICT, ta’ servizzi tal-ICT u ta’ proċessi tal-ICT użati minn entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku fil-perimetru b’impatt kbir u b’impatt kritiku;

(b)

lista tat-tipi ta’ prodotti tal-ICT, ta’ servizzi tal-ICT, u ta’ proċessi tal-ICT li għalihom għandu jiġi żviluppat sett ta’ rakkomandazzjonijiet taċ-ċibersigurtà mhux vinkolanti fuq il-bażi tar-rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali rilevanti u dwar il-prijoritajiet ta’ entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku.

2.   L-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu, fi żmien 6 xhur wara l-adozzjoni jew l-aġġornament tar-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali jipprovdi lill-ACER b’sommarju ta’ dak il-programm ta’ ħidma.

3.   It-TSOs, bl-assistenza tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti dwar l-akkwist taċ-ċibersigurtà żviluppati fuq il-bażi tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà reġjonali rilevanti jkunu simili jew komparabbli fir-reġjuni ta’ tħaddim tas-sistema kollha. Is-settijiet ta’ rakkomandazzjonijiet dwar l-akkwist taċ-ċibersigurtà għandhom ikopru tal-inqas l-ispeċifikazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 33(2), il-punt (a). Meta jkun possibbli, l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jintgħażlu minn standards Ewropej u internazzjonali.

4.   It-TSOs, bl-assistenza tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandhom jiżguraw li s-settijiet ta’ rakkomandazzjonijiet dwar l-akkwist taċ-ċibersigurtà:

(a)

jikkonformaw mal-prinċipji tal-akkwist skont id-Direttiva 2014/24/UE; u

(b)

ikunu kompatibbli ma’ u jqisu l-aktar skemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà riċenti disponibbli rilevanti għall-prodott tal-ICT, għas-servizz tal-ICT, jew għall-proċess tal-ICT.

Artikolu 36

Gwida dwar l-użu ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà Ewropej għall-akkwist ta’ prodotti tal-ICT, ta’ servizzi tal-ICT u ta’ proċessi tal-ICT

1.   Ir-rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti dwar l-akkwist taċ-ċibersigurtà żviluppati skont l-Artikolu 35 jistgħu jinkludu gwida speċifika għas-settur dwar l-użu ta’ skemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, kull meta tkun disponibbli skema xierqa għal tip ta’ prodott tal-ICT, ta’ servizz tal-ICT jew ta’ proċess tal-ICT użat minn entitajiet b’impatt kritiku, mingħajr preġudizzju għall-qafas għall-istabbiliment ta’ skemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2019/881.

2.   It-TSOs, bl-assistenza tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-ENISA sabiex jipprovdu l-gwida speċifika għas-settur inkluża fir-rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti dwar l-akkwist taċ-ċibersigurtà skont il-paragrafu 1.

KAPITOLU V

FLUSSI TAL-INFORMAZZJONI, ATTAKKI ĊIBERNETIĊI U ĠESTJONI TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 37

Regoli dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni

1.   Jekk awtorità kompetenti tirċievi informazzjoni relatata ma’ attakk ċibernetiku soġġett għar-rapportar, dik l-awtorità kompetenti:

(a)

għandha tivvaluta l-livell ta’ kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni u tinforma lill-entità dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tagħha mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn 24 siegħa minn meta tirċievi l-informazzjoni;

(b)

għandha tipprova ssib kwalunkwe attakk ċibernetiku simili ieħor fl-Unjoni rrapportat lil awtoritajiet kompetenti oħrajn, sabiex tikkorrelata l-informazzjoni riċevuta fil-kuntest tal-attakk ċibernetiku rrapportat mal-informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta’ attakki ċibernetiċi oħrajn u tarrikkixxi l-informazzjoni eżistenti, issaħħaħ u tikkoordina r-reazzjonijiet taċ-ċibersigurtà;

(c)

għandha tkun responsabbli għat-tneħħija tas-sigrieti kummerċjali u għall-anonimizzazzjoni tal-informazzjoni f’konformità mar-regoli nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti;

(d)

għandha taqsam l-informazzjoni mal-punti uniċi ta’ kuntatt nazzjonali, mas-CSIRTs u mal-awtoritajiet kompetenti kollha deżinjati skont l-Artikolu 4 fi Stati Membri oħrajn mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn 24 siegħa wara r-riċevuta ta’ attakk ċibernetiku soġġett għar-rapportar u tipprovdi informazzjoni aġġornata fuq bażi regolari lil dawk l-awtoritajiet jew il-korpi;

(e)

għandha xxerred l-informazzjoni tal-attakk ċibernetiku, wara l-anonimizzazzjoni u t-tneħħija tas-sigrieti kummerċjali skont il-paragrafu 1(c), lill-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir fl-Istat Membru tagħha mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn 24 siegħa wara li tirċievi l-informazzjoni skont il-paragrafu 1(a), u tipprovdi informazzjoni aġġornata fuq bażi regolari li tippermetti lill-entitajiet jorganizzaw id-difiża tagħhom b’mod effettiv;

(f)

tista’ titlob lill-entità b’impatt kbir jew b’impatt kritiku li tirrapporta sabiex tkompli xxerred l-informazzjoni dwar l-attakk ċibernetiku suġġett għar-rapportar b’mod sikur lil entitajiet oħrajn li jistgħu jiġu affettwati, bl-għan li tiġġenera għarfien tas-sitwazzjoni mis-settur tal-elettriku u li tipprevjeni l-materjalizzazzjoni ta’ riskju li jista’ jeskala f’inċident taċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku;

(g)

għandha taqsam mal-ENISA rapport ta’ sinteżi, wara l-anonimizzazzjoni u t-tneħħija tas-sigrieti kummerċjali, bl-informazzjoni tal-attakk ċibernetiku.

2.   Jekk CSIRT issir taf b’vulnerabbiltà mhux ikkoreġuta sfruttata b’mod attiv, hija għandha:

(a)

taqsam l-informazzjoni mal-ENISA b’mezz ta’ skambju ta’ informazzjoni sigur xieraq mingħajr dewmien, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’liġi oħra tal-Unjoni;

(b)

tappoġġa lill-entità kkonċernata sabiex tirċievi mingħand il-manifattur jew il-fornitur ġestjoni effettiva, koordinata u rapida tal-vulnerabbiltà mhux ikkoreġuta sfruttata b’mod attiv jew ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni effettivi u effiċjenti;

(c)

taqsam l-informazzjoni disponibbli mal-bejjiegħ u titlob lill-manifattur jew lill-fornitur, meta jkun possibbli, jidentifika lista ta’ CSIRTs fl-Istati Membri kkonċernati mill-vulnerabbiltà mhux ikkoreġuta sfruttata b’mod attiv u li għandhom jiġu informati;

(d)

taqsam l-informazzjoni disponibbli mas-CSIRTs identifikati taħt il-punt preċedenti, fuq il-bażi tal-prinċipju tal-ħtieġa ta’ tagħrif;

(e)

tikkondividi, meta jeżistu, strateġiji u miżuri ta’ mitigazzjoni għall-vulnerabbiltà mhux ikkoreġuta sfruttata b’mod attiv irrapportata.

3.   Jekk awtorità kompetenti ssir taf b’vulnerabbiltà mhux ikkoreġuta sfruttata b’mod attiv, dik l-awtorità kompetenti għandha:

(a)

tikkondividi, meta dawn ikunu jeżistu, strateġiji u miżuri ta’ mitigazzjoni għall-vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv mhux ikkoreġuta li tkun irrapportata, f’koordinazzjoni mas-CSIRTs fl-Istati Membri tiegħu;

(b)

għandha taqsam l-informazzjoni ma’ CSIRT fl-Istat Membru fejn tkun ġiet irrapportata l-vulnerabbiltà mhux ikkoreġuta sfruttata b’mod attiv.

4.   Jekk l-awtorità kompetenti ssir taf b’vulnerabbiltà mhux ikkoreġuta, mingħajr evidenza li tkun għadha bdiet tiġi sfruttata b’mod attiv, hija għandha mingħajr dewmien żejjed tikkoordina mas-CSIRT għall-finijiet ta’ divulgazzjoni koordinata tal-vulnerabbiltà kif stabbilit fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

5.   Jekk CSIRT tirċievi informazzjoni relatata mat-theddid ċibernetiku minn entità waħda jew aktar b’impatt kbir jew b’impatt kritiku skont l-Artikolu 38(6), hija għandha xxerred dik l-informazzjoni jew kwalunkwe informazzjoni oħra ta’ importanza għall-prevenzjoni, għad-detezzjoni, għall-mitigazzjoni tar-riskju relatat, jew għar-rispons għalih, lil entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir fl-Istat Membru tagħha u, meta xieraq, għas-CSIRTs ikkonċernati kollha u għall-punt uniku ta’ kuntatt nazzjonali tagħha mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn erba’ sigħat wara li tirċievi l-informazzjoni.

6.   Jekk awtorità kompetenti ssir taf b’informazzjoni relatata mat-theddid ċibernetiku minn entità waħda jew aktar b’impatt kbir jew b’impatt kritiku, hija għandha tgħaddi din l-informazzjoni lis-CSIRT għall-finijiet tal-paragrafu 5.

7.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddelegaw bis-sħiħ jew parzjalment ir-responsabbiltajiet skont il-paragrafi 3 u 4 dwar entità waħda jew aktar b’impatt kbir jew b’impatt kritiku li joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed lil awtorità kompetenti oħra f’wieħed minn dawk l-Istati Membri, wara ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

8.   It-TSOs, bl-għajnuna tal-ENTSO għall-Elettriku, u f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO għandhom jiżviluppaw metodoloġija tal-iskala ta’ klassifikazzjoni tal-attakki ċibernetiċi sa it-13 ta’ Ġunju 2025. It-TSOs, bl-assistenza tal-ENTSO għall-Elettriku u tal-entità tal-UE għad-DSO jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti jikkonsultaw lill-ENISA u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom responsabbli għaċ-ċibersigurtà għall-assistenza fl-iżvilupp ta’ tali skala ta’ klassifikazzjoni. Il-metodoloġija għandha tipprovdi l-klassifikazzjoni għall-gravità ta’ attakk ċibernetiku skont ħames livelli, bl-ogħla żewġ livelli li huma “għolja” u “kritika”. Il-klassifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni tal-parametri li ġejjin:

(a)

l-impatt potenzjali meta jitqiesu l-assi u l-perimetri esposti ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 26(4), il-punt (c); u

(b)

is-severità tal-attakk ċibernetiku.

9.   Sa it-13 ta’ Ġunju 2026, l-ENTSO għall-Elettriku, f’kollaborazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu jwettaq studju tal-fattibbiltà sabiex jivvaluta l-possibbiltà u l-kostijiet finanzjarji neċessarji sabiex tiġi żviluppata għodda komuni li tippermetti lill-entitajiet kollha jaqsmu l-informazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

10.   L-istudju tal-fattibbiltà għandu jindirizza l-possibbiltà għal tali għodda komuni li:

(a)

tappoġġa lill-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir b’informazzjoni rilevanti relatata mas-sigurtà għall-operazzjonijiet ta’ flussi transfruntieri tal-elettriku, bħar-rapportar kważi f’ħin reali ta’ attakki ċibernetiċi, twissijiet bikrija relatati ma’ kwistjonijiet taċ-ċibersigurtà u vulnerabbiltajiet mhux żvelati fuq it-tagħmir li jintuża fis-sistema tal-elettriku;

(b)

tinżamm f’ambjent xieraq u affidabbli ħafna;

(c)

tippermetti l-ġbir tad-data minn entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir u tiffaċilita t-tneħħija ta’ informazzjoni kunfidenzjali u l-anonimizzazzjoni tad-data u t-tixrid fil-pront tagħha lil entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir.

11.   L-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu:

(a)

jikkonsulta lill-ENISA u lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, lill-punti uniċi ta’ kuntatt nazzjonali u lir-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati ewlenin meta jivvaluta l-fattibbiltà;

(b)

jippreżenta r-riżultati tal-istudju tal-fattibbiltà lill-ACER u lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS.

12.   L-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, jista’ janalizza u jiffaċilita l-inizjattivi proposti minn entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir sabiex jevalwa u jittestja għodod bħal dawn għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

Artikolu 38

Ir-rwol ta’ entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni

1.   Kull entità b’impatt kbir u b’impatt kritiku għandha:

(a)

tistabbilixxi, għall-assi kollha fil-perimetru taċ-ċibersigurtà tagħha ddeterminat skont l-Artikolu 26(4), il-punt (c), tal-inqas il-kapaċitajiet tas-CSOC sabiex:

(i)

tiżgura li s-sistemi u l-applikazzjonijiet rilevanti tan-network u tal-informazzjoni jipprovdu reġistri tas-sigurtà għall-monitoraġġ tas-sigurtà sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-anomaliji u tinġabar informazzjoni dwar l-attakki ċibernetiċi;

(ii)

twettaq monitoraġġ tas-sigurtà, inkluż l-identifikazzjoni tal-intrużjonijiet u l-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet tas-sistemi tan-network u tal-informazzjoni;

(iii)

tanalizza u, jekk ikun neċessarju, tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa taħt ir-responsabbiltà u taħt il-kapaċità tagħha sabiex tipproteġi lill-entità;

(iv)

tipparteċipa fil-ġbir u fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni deskritti f’dan l-Artikolu;

(b)

ikollha d-dritt li takkwista dawn il-kapaċitajiet kollha jew partijiet minnhom skont il-punt (a) permezz tal-MSSPs. L-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandhom jibqgħu responsabbli għall-MSSPs u jissorveljaw l-isforzi tagħhom;

(c)

taħtar punt ta’ kuntatt uniku fil-livell tal-entità għall-fini tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

2.   L-ENISA tista’ toħroġ gwida mhux vinkolanti dwar l-istabbiliment ta’ tali kapaċitajiet jew is-sottokuntrattar tas-servizz lill-MSSPs, bħala parti mill-kompitu definit fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2019/881.

3.   Kull entità b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandha taqsam l-informazzjoni rilevanti relatata ma’ attakk ċibernetiku suġġett għar-rapportar mas-CSIRTs tagħha u mal-awtorità kompetenti tagħha mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn erba’ sigħat minn meta ssir taf li l-inċident ikun rapportabbli.

4.   L-informazzjoni relatata ma’ attakk ċibernetiku għandha titqies bħala rapportabbli meta l-attakk ċibernetiku jiġi vvalutat mill-entità affettwata bħala li jirriżulta fi kritikalità li tvarja minn “għolja” sa “kritika” skont il-metodoloġija tal-iskala ta’ klassifikazzjoni tal-attakk ċibernetiku skont l-Artikolu 37(8). Il-punt uniku ta’ kuntatt fil-livell tal-entità deżinjat skont il-paragrafu 1, il-punt (c), għandu jikkomunika l-klassifikazzjoni tal-inċidenti.

5.   Meta l-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir jinnotifikaw l-informazzjoni rilevanti relatata ma’ vulnerabbiltajiet mhux ikkoreġuti sfruttati b’mod attiv lil CSIRT, din tal-aħħar tista’ tgħaddi din l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tagħha. Fid-dawl tal-livell ta’ sensittività tal-informazzjoni notifikata, is-CSIRT tista’ żżomm l-informazzjoni jew iddewwem it-trażmissjoni tagħha fuq il-bażi ta’ raġunijiet ġustifikati relatati maċ-ċibersigurtà.

6.   Kull entità b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandha tipprovdi mingħajr dewmien żejjed lis-CSIRTs tagħha kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ theddida ċibernetika li jista’ jkollha effett transfruntier. L-informazzjoni relatata ma’ theddida ċibernetika għandha titqies bħala rapportabbli meta tiġi ssodisfata tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tipprovdi informazzjoni rilevanti għal entità oħra b’impatt kritiku u b’impatt kbir għall-prevenzjoni, għad-detezzjoni, jew għall-mitigazzjoni tal-impatt tar-riskju jew għar-rispons għalih;

(b)

it-tekniki, it-tattiki u l-proċeduri identifikati użati fil-kuntest ta’ attakk iwasslu għal informazzjoni bħal indirizzi tal-URL jew tal-IP jew hashes kompromessi jew kwalunkwe attribut ieħor utli sabiex jiġi kkontestwalizzat u kkorrelat l-attakk;

(c)

theddida ċibernetika tista’ tiġi vvalutata u kkuntestwalizzata ulterjorment b’informazzjoni addizzjonali pprovduta minn fornituri ta’ servizzi jew minn partijiet terzi mhux soġġetti għal dan ir-Regolament.

7.   Kull entità b’impatt kritiku u entità b’impatt kbir għandha, meta taqsam l-informazzjoni skont dan l-Artikolu, tispeċifika dan li ġej:

(a)

li l-informazzjoni tiġi sottomessa skont dan ir-Regolament;

(b)

jekk l-informazzjoni tikkonċernax:

(i)

attakk ċibernetiku rapportabbli msemmi fil-paragrafu 3;

(ii)

vulnerabbiltajiet mhux ikkoreġuti sfruttati b’mod attiv mhux magħrufin pubblikament imsemmijin fil-paragrafu 4;

(iii)

theddida ċibernetika rapportabbli msemmija fil-paragrafu 5;

(c)

fil-każ ta’ attakk ċibernetiku rapportabbli, il-livell tal-attakk ċibernetiku skont il-metodoloġija tal-iskala ta’ klassifikazzjoni tal-attakki ċibernetiċi msemmija fl-Artikolu 37(8) u l-informazzjoni li twassal għal din il-klassifikazzjoni, inkluża tal-inqas il-kritikalità tal-attakk ċibernetiku.

8.   Meta entità kritika jew b’impatt kbir tinnotifika inċident sinifikanti skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 u r-rapportar tal-inċidenti skont dak l-Artikolu jkun fih informazzjoni rilevanti kif meħtieġ skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ir-rapportar tal-entità skont l-Artikolu 23(1) ta’ dik id-Direttiva għandu jikkostitwixxi r-rapportar ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

9.   Kull entità b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandha tirrapporta lill-awtorità kompetenti jew lis-CSIRT tagħha billi tidentifika b’mod ċar informazzjoni speċifika li għandha tiġi kondiviża biss mal-awtorità kompetenti jew mas-CSIRT f’każijiet li fihom il-kondiviżjoni tal-informazzjoni tista’ tkun sors ta’ attakk ċibernetiku. Kull entità b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandu jkollha d-dritt li tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni lis-CSIRT kompetenti.

Artikolu 39

Id-detezzjoni tal-attakki ċibernetiċi u t-trattament tal-informazzjoni relatata

1.   L-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandhom jiżviluppaw il-kapaċitajiet neċessarji sabiex jittrattaw l-attakki ċibernetiċi skoperti bl-appoġġ neċessarju mill-awtorità kompetenti rilevanti, mill-ENTSO għall-Elettriku u mill-entità tal-UE għad-DSO. L-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir jistgħu jiġu appoġġati mis-CSIRT deżinjat fl-Istat Membru rispettiv tagħhom bħala parti mill-kompitu assenjat lis-CSIRTs mill-Artikolu 11(5) il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2555. L-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandhom jimplimentaw proċessi effettivi sabiex jidentifikaw, jikklassifikaw u jwieġbu għal attakki ċibernetiċi li se jaffettwaw jew li jistgħu jaffettwaw il-flussi transfruntieri tal-elettriku sabiex jimminimizzaw l-impatt tagħhom.

2.   Jekk attakk ċibernetiku jkollu effett fuq il-flussi transfruntieri tal-elettriku, il-punti uniċi ta’ kuntatt fil-livell tal-entità tal-entitajiet affettwati b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandhom jikkooperaw sabiex jaqsmu l-informazzjoni bejniethom, ikkoordinati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun ġie rrapportat l-ewwel attakk ċibernetiku.

3.   L-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandhom:

(a)

jiżguraw li l-punt uniku ta’ kuntatt tagħhom fil-livell tal-entità jkollu aċċess fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ għarfien għall-informazzjoni li jkunu rċevew mill-punt uniku ta’ kuntatt nazzjonali permezz tal-awtorità kompetenti tagħhom;

(b)

sakemm ma jkunx diġà sar skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih huma stabbiliti u lill-punt uniku ta’ kuntatt nazzjonali b’lista tal-punti uniċi ta’ kuntatt taċ-ċibersigurtà tagħhom fil-livell tal-entità:

(i)

li mingħandhom dik l-awtorità kompetenti u l-punt uniku ta’ kuntatt nazzjonali jistgħu jistennew li jirċievu informazzjoni dwar l-attakki ċibernetiċi rapportabbli;

(ii)

lil liema awtoritajiet kompetenti u punti uniċi ta’ kuntatt nazzjonali jista’ jkollhom jipprovdu informazzjoni;

(c)

jistabbilixxu proċeduri ta’ ġestjoni tal-attakki ċibernetiċi, inklużi r-rwoli u r-responsabbiltajiet, il-kompiti u r-reazzjonijiet ibbażati fuq l-evoluzzjoni osservabbli tal-attakk ċibernetiku fi ħdan il-perimetri ta’ impatt kritiku u ta’ impatt kbir;

(d)

jittestjaw il-proċeduri ġenerali ta’ ġestjoni tal-attakki ċibernetiċi tal-inqas kull sena billi jittestjaw tal-inqas xenarju wieħed li jaffettwa direttament jew indirettament il-flussi transfruntieri tal-elettriku. Dak it-test annwali jista’ jitwettaq minn entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir matul l-eżerċizzji regolari msemmija fl-Artikolu 43. Kwalunkwe attività ta’ rispons għal attakki ċibernetiċi diretti b’konsegwenza kklassifikata tal-inqas fl-Iskala 2, skont il-metodoloġija tal-iskala ta’ klassifikazzjoni tal-attakki ċibernetiċi msemmija fl-Artikolu 37(8) u b’kawża ewlenija taċ-ċibersigurtà, jista’ jservi bħala test annwali tal-pjan ta’ rispons għall-attakki ċibernetiċi.

4.   Il-kompiti msemmijin fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu ddelegati mill-Istati Membri wkoll liċ-Ċentri Reġjonali ta’ Koordinazzjoni f’konformità mal-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) 2019/943.

Artikolu 40

Ġestjoni ta’ kriżijiet

1.   Meta l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li kriżi tal-elettriku tkun relatata ma’ attakk ċibernetiku li jkollu impatt fuq aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet kompetenti mill-Istati Membri affettwati, is-CS-NCAs, l-RP-NCA u l-awtoritajiet tal-ġestjoni ta’ kriżijiet ċibernetiċi tal-NIS mill-Istati Membri affettwati għandhom joħolqu b’mod konġunt grupp ta’ koordinazzjoni għall-kriżijiet transfruntieri ad hoc.

2.   Il-grupp ta’ koordinazzjoni għall-kriżijiet transfruntieri ad hoc għandu:

(a)

jikkoordina l-irkupru effiċjenti u t-tixrid ulterjuri tal-informazzjoni rilevanti kollha dwar iċ-ċibersigurtà lill-entitajiet involuti fil-proċess ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet;

(b)

jorganizza l-komunikazzjoni bejn l-entitajiet kollha affettwati mill-kriżi u l-awtoritajiet kompetenti, sabiex inaqqas id-duplikazzjoni u jżid l-effiċjenza fl-analiżijiet u fir-risponsi tekniċi sabiex jiġu rrimedjati l-kriżijiet tal-elettriku simultanji b’kawża relatata maċ-ċibersigurtà;

(c)

jipprovdi, f’kooperazzjoni mas-CSIRTs kompetenti, l-għarfien espert meħtieġ, inkluż il-parir operazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli lill-entitajiet affettwati mill-inċident;

(d)

jinnotifika u jipprovdi aġġornamenti regolari dwar l-istat tal-inċident lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku, skont il-prinċipji ta’ protezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 46;

(e)

ifittex parir mingħand l-awtoritajiet, l-aġenziji jew l-entitajiet rilevanti li jista’ jkun ta’ għajnuna sabiex tittaffa l-kriżi tal-elettriku.

3.   Meta l-attakk ċibernetiku jikkwalifika jew ikun mistenni li jikkwalifika bħala inċident ċibernetiku fuq skala kbira, il-grupp ta’ koordinazzjoni tal-kriżijiet transfruntieri ad hoc għandu jinforma minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet ċibernetiċi f’konformità mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 fl-Istati Membri affettwati mill-inċident, kif ukoll lill-Kummissjoni u lill-EU CyCLONe. F’sitwazzjoni bħal din, il-grupp ta’ koordinazzjoni tal-kriżijiet transfruntieri ad hoc għandu jappoġġa lill-EU CyCLONe dwar l-ispeċifiċitajiet settorjali.

4.   L-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandhom jiżviluppaw u jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-kapaċitajiet, il-linji gwida interni, il-pjanijiet ta’ tħejjija, u l-persunal sabiex jieħdu sehem fid-detezzjoni u fil-mitigazzjoni ta’ kriżi transfruntiera. L-entità b’impatt kritiku jew b’impatt kbir affettwata minn kriżi tal-elettriku simultanja għandha tinvestiga l-kawża ewlenija ta’ kriżi bħal din f’kooperazzjoni mal-awtorità kompetenti tagħha sabiex tiddetermina sa liema punt il-kriżi tkun relatata ma’ attakk ċibernetiku.

5.   Il-kompiti fil-paragrafu 4 jistgħu jiġu ddelegati mill-Istati Membri wkoll liċ-Ċentri Reġjonali ta’ Koordinazzjoni f’konformità mal-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) 2019/943.

Artikolu 41

Pjanijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet taċ-ċibersigurtà u ta’ rispons għalihom

1.   Fi żmien 24 xahar wara n-notifika lill-ACER tar-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju għall-Unjoni kollha, l-ACER għandha f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, mal-ENTSO għall-Elettriku, mal-entità tal-UE għad-DSO, mas-CS-NCAs, mal-awtoritajiet kompetenti, mal-RP-NCAs, mal-NRAs u mal-awtoritajiet nazzjonali tal-NIS għall-ġestjoni ta’ kriżijiet ċibernetiċi, tiżviluppa pjan ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet taċ-ċibersigurtà u ta’ rispons għalihom fil-livell tal-Unjoni għas-settur tal-elettriku.

2.   Fi żmien 12-il xahar wara l-iżvilupp mill-ACER tal-pjan ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet taċ-ċibersigurtà u ta’ rispons għalihom fil-livell tal-Unjoni għas-settur tal-elettriku skont il-paragrafu 1, kull awtorità kompetenti għandha tiżviluppa pjan nazzjonali ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet taċ-ċibersigurtà għall-flussi transfruntieri tal-elettriku u ta’ rispons għalihom filwaqt li tqis il-pjan ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni u l-pjan nazzjonali ta’ tħejjija għar-riskji stabbilit f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/941. Dan il-pjan għandu jkun konsistenti mal-pjan ta’ rispons għall-inċidenti u għall-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira skont l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2022/2555. L-awtorità kompetenti għandha tikkoordina mal-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir u mal-RP-NCA fl-Istat Membru tagħha.

3.   Il-pjan nazzjonali ta’ rispons għall-inċidenti u għall-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira meħtieġ skont l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 għandu jitqies bħala pjan nazzjonali ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet taċ-ċibersigurtà skont dan l-Artikolu jekk jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni ta’ kriżijiet u r-rispons għall-flussi transfruntieri tal-elettriku.

4.   Il-kompiti elenkati fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu ddelegati mill-Istati Membri wkoll liċ-Ċentri Reġjonali ta’ Koordinazzjoni f’konformità mal-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) 2019/943.

5.   L-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandhom jiżguraw li l-proċessi tagħhom ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet relatati maċ-ċibersigurtà:

(a)

ikollhom proċeduri kompatibbli għat-trattament ta’ inċidenti taċ-ċibersigurtà transfruntieri kif definiti fl-Artikolu 6(8) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 inkorporati formalment fil-pjanijiet tagħhom ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet;

(b)

ikunu parti mill-attivitajiet ġenerali ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet.

6.   Fi żmien 12-il xahar wara n-notifika tal-entitajiet b’impatt kbir u kritiku skont l-Artikolu 24(6), u kull 3 snin wara dan, l-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandhom jiżviluppaw pjan ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet fil-livell tal-entitajiet għal kriżi relatata maċ-ċibersigurtà li għandu jiġi inkluż fil-pjanijiet ġenerali tagħhom ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet. Dan il-pjan għandu jinkludi tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)

ir-regoli tad-dikjarazzjoni tal-kriżi kif stabbiliti fl-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2019/941;

(b)

rwoli u responsabbiltajiet ċari għall-ġestjoni ta’ kriżijiet, inkluż ir-rwol ta’ entitajiet rilevanti oħrajn b’impatt kritiku u b’impatt kbir;

(c)

informazzjoni ta’ kuntatt aġġornata kif ukoll regoli għall-komunikazzjoni u għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni matul sitwazzjoni ta’ kriżi inkluża l-konnessjoni mas-CSIRTs.

7.   Il-miżuri għall-ġestjoni ta’ kriżijiet skont l-Artikolu 21(2) il-punt (c), tad-Direttiva (UE) 2022/2555 għandhom jitqiesu bħala pjan ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet fil-livell tal-entità għas-settur tal-elettriku skont dan l-Artikolu jekk dan jinkludi r-rekwiżiti kollha elenkati fil-paragrafu 6.

8.   Il-pjanijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet għandhom jiġu ttestjati matul l-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà msemmijin fl-Artikoli 43, 44 u 45.

9.   L-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandhom jinkludu l-pjanijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet tagħhom fil-livell tal-entitajiet fil-pjanijiet għall-kontinwità tal-operat tagħhom għall-proċessi b’impatt kritiku u b’impatt kbir. Il-pjanijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet fil-livell tal-entitajiet għandhom jinkludu:

(a)

il-proċessi skont id-disponibbiltà, l-integrità u l-affidabbiltà tas-servizzi tal-IT;

(b)

il-postijiet kollha tal-kontinwità tal-operat inklużi l-postijiet għall-hardware u għas-software;

(c)

ir-rwoli u r-responsabbiltajiet interni kollha marbutin mal-proċessi ta’ kontinwità tal-operat.

10.   L-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandhom jaġġornaw il-pjanijiet tagħhom ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet fil-livell tal-entitajiet tal-inqas kull 3 snin u kull meta jkun neċessarju.

11.   L-ACER għandha taġġorna l-pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni għas-settur tal-elettriku u ta’ rispons għalihom żviluppat skont il-paragrafu (1) tal-inqas kull 3 snin u kull meta jkun neċessarju.

12.   Kull awtorità kompetenti għandha taġġorna l-pjan nazzjonali ta’ ġestjoni tal-kriżijiet taċ-ċibersigurtà għall-flussi transfruntieri tal-elettriku u ta’ rispons għalihom żviluppat skont il-paragrafu (2) tal-inqas kull 3 snin u kull meta jkun neċessarju.

13.   L-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandhom jittestjaw il-pjanijiet ta’ kontinwità tal-operat tagħhom tal-inqas darba kull 3 snin jew wara bidliet kbar fi proċess b’impatt kritiku. L-eżitu tat-testijiet tal-pjan għall-kontinwità tal-operat għandu jiġi ddokumentat. L-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir jistgħu jinkludu t-test tal-pjan għall-kontinwità tal-operat tagħhom fl-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà.

14.   L-entitajiet b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandhom jaġġornaw il-pjan għall-kontinwità tal-operat tagħhom kull meta jkun neċessarju u tal-inqas darba kull 3 snin filwaqt li jqisu l-eżitu tat-test.

15.   Jekk test jidentifika nuqqasijiet fil-pjan għall-kontinwità tal-operat, l-entità b’impatt kritiku u b’impatt kbir għandha tikkoreġi dawk in-nuqqasijiet fi żmien 180 jum kalendarju wara l-ittestjar u għandha twettaq test ġdid sabiex tipprovdi evidenza li l-miżuri korrettivi jkunu effettivi.

16.   Meta entità b’impatt kritiku jew b’impatt kbir ma tkunx tista’ tikkoreġi n-nuqqasijiet fi żmien 180 jum kalendarju, din għandha tinkludi r-raġunijiet fir-rapport li għandu jiġi pprovdut lill-awtorità kompetenti tagħha f’konformità mal-Artikolu 27.

Artikolu 42

Kapaċitajiet ta’ twissija bikrija taċ-ċibersigurtà għas-settur tal-elettriku

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mal-ENISA sabiex jiżviluppaw Kapaċitajiet ta’ Twissija Bikrija taċ-Ċibersigurtà tal-Elettriku (ECEAC) bħala parti mill-assistenza lill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(2) u (7) tar-Regolament (UE) 2019/881.

2.   L-ECEAC għandhom jippermettu lill-ENISA sabiex, meta twettaq il-kompiti elenkati fl-Artikolu 7(7) tar-Regolament (UE) 2019/881:

(a)

tiġbor informazzjoni kondiviża b’mod volontarju mingħand:

(i)

is-CSIRTs, l-awtoritajiet kompetenti;

(ii)

l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament;

(iii)

kwalunkwe entità oħra li tixtieq taqsam l-informazzjoni rilevanti fuq bażi volontarja;

(b)

tivvaluta u tikklassifika l-informazzjoni miġbura;

(c)

tivvaluta l-informazzjoni li l-ENISA jkollha aċċess għall-identifikazzjoni tal-kundizzjonijiet tar-riskju ċibernetiku u tal-indikaturi rilevanti għall-aspetti tal-flussi transfruntieri tal-elettriku;

(d)

tidentifika l-kundizzjonijiet u l-indikaturi li ta’ spiss jikkorrelataw mal-attakki ċibernetiċi fis-settur tal-elettriku;

(e)

tiddefinixxi jekk għandux ikun hemm analiżi ulterjuri u azzjonijiet preventivi permezz ta’ valutazzjoni u identifikazzjoni tal-fatturi tar-riskju;

(f)

tinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar ir-riskji identifikati u l-azzjonijiet preventivi rakkomandati speċifiċi għall-entitajiet ikkonċernati;

(g)

tinforma lill-entitajiet rilevanti kollha elenkati fl-Artikolu 2 dwar ir-riżultati tal-informazzjoni vvalutata f’konformità mal-punti (b), (c) u (d) ta’ dan il-paragrafu;

(h)

tinkludi perjodikament l-informazzjoni rilevanti fir-rapport dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni, maħruġ f’konformità mal-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) 2019/881;

(i)

tikseb, meta possibbli, data applikabbli li tindika li ksur potenzjali ta’ sigurtà jew attakk ċibernetiku (“indikaturi ta’ kompromess”) mill-informazzjoni miġbura.

3.   Is-CSIRTs għandhom ixerrdu l-informazzjoni li jirċievu mill-ENISA lill-entitajiet ikkonċernati mingħajr dewmien, fi ħdan il-kompiti tagħhom definiti fl-Artikolu 11(3), il-punt (b), tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

4.   L-ACER għandha timmonitorja l-effettività tal-ECEAC. L-ENISA għandha tassisti lill-ACER billi tipprovdi l-informazzjoni neċessarja kollha, skont l-Artikoli 6(2) u 7(1) tar-Regolament (UE) 2019/881. L-analiżi ta’ din l-attività ta’ monitoraġġ għandha tkun parti mill-monitoraġġ skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU VI

QAFAS GĦALL-EŻERĊIZZJU TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ TAL-ELETTRIKU

Artikolu 43

Eżerċizzji taċ-ċibersigurtà fil-livelli tal-entitajiet u tal-Istati Membri

1.   Sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara n-notifika ta’ entitajiet b’impatt kritiku, u kull 3 snin wara dan, kull entità b’impatt kritiku għandha twettaq eżerċizzju taċ-ċibersigurtà inkluż xenarju wieħed jew aktar b’attakki ċibernetiċi li jaffettwaw il-flussi transfruntieri tal-elettriku direttament jew indirettament u relatati mar-riskji identifikati matul il-valutazzjonijiet tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livelli tal-Istati Membri u tal-entitajiet f’konformità mal-Artikolu 20 u mal-Artikolu 27.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-RP-NCA, wara li tikkonsulta lill-awtorità kompetenti u lill-awtorità rilevanti għall-ġestjoni ta’ kriżijiet ċibernetiċi kif deżinjata jew stabbilita fid-Direttiva (UE) 2022/2555 skont l-Artikolu 9 tista’ tiddeċiedi li torganizza eżerċizzju taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Istat Membru kif deskritt fil-paragrafu 1 minflok ma twettaq l-eżerċizzju taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-entitajiet. F’dan ir-rigward, l-awtorità kompetenti għandha tinforma:

(a)

lill-entitajiet kollha b’impatt kritiku tal-Istat Membru tagħha, lill-NRA, lis-CSIRTs u lis-CS-NCA sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ qabel l-eżerċizzju taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-entitajiet;

(b)

kull entità li għandha tipparteċipa fl-eżerċizzju taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Istati Membri mhux aktar tard minn 6 xhur qabel id-data li fiha jkun se jsir l-eżerċizzju.

3.   L-RP-NCA bl-appoġġ tekniku tas-CSIRTs tagħha, għandha torganizza l-eżerċizzju taċ-ċibersigurtà deskritt fil-paragrafu 2 fil-livell tal-Istati Membri b’mod indipendenti jew fil-kuntest ta’ eżerċizzju taċ-ċibersigurtà differenti f’dak l-Istat Membru. Sabiex ikunu jistgħu jiġbru dawn l-eżerċizzji, l-RP-NCA tista’ tipposponi b’sena l-eżerċizzju taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1.

4.   L-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-entitajiet u fil-livell tal-Istat Membru għandhom ikunu konsistenti mal-oqfsa nazzjonali għall-ġestjoni ta’ kriżijiet taċ-ċibersigurtà f’konformità mal-Artikolu 9(4), il-punt (d) tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

5.   Sal- il-31 ta’ Diċembru 2026, u kull 3 snin wara dan, l-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu jagħmel disponibbli mudell tax-xenarju tal-eżerċizzju sabiex jitwettqu l-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-entitajiet u tal-Istat Membru msemmijin fil-paragrafi 1. Dan il-mudell għandu jqis ir-riżultati tal-aktar riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà mwettqa reċentement fil-livelli tal-entitajiet u tal-Istat Membru u għandu jinkludi l-kriterji ewlenin ta’ suċċess. L-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom jinvolvu lill-ACER u lill-ENISA fl-iżvilupp ta’ mudell bħal dan.

Artikolu 44

Eżerċizzji taċ-ċibersigurtà reġjonali jew interreġjonali

1.   Sal- il-31 ta’ Diċembru 2029, u kull 3 snin wara dan, f’kull reġjun ta’ tħaddim tas-sistema, l-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu jorganizza eżerċizzju reġjonali taċ-ċibersigurtà. L-entitajiet b’impatt kritiku fir-reġjun ta’ tħaddim tas-sistema għandhom jipparteċipaw fl-eżerċizzju taċ-ċibersigurtà reġjonali. L-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, jista’ jorganizza, minflok eżerċizzju reġjonali taċ-ċibersigurtà, eżerċizzju transreġjonali taċ-ċibersigurtà f’aktar minn reġjun ta’ tħaddim tas-sistema wieħed fl-istess perjodu ta’ żmien. Jenħtieġ li l-eżerċizzju jqis valutazzjonijiet u xenarji eżistenti oħrajn tar-riskju għaċ-ċibersigurtà żviluppati fil-livell tal-Unjoni.

2.   L-ENISA għandha tappoġġa lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-entità tal-UE għad-DSO fit-tħejjija u fl-organizzazzjoni tal-eżerċizzju taċ-ċibersigurtà fil-livell reġjonali jew interreġjonali.

3.   L-ENTSO għall-Elettriku, f’koordinazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu jinforma lill-entitajiet b’impatt kritiku li għandhom jipparteċipaw fl-eżerċizzju reġjonali jew transreġjonali taċ-ċibersigurtà 6 xhur qabel ma jseħħ l-eżerċizzju.

4.   L-organizzatur ta’ eżerċizzju taċ-ċibersigurtà regolari fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2019/881, jew ta’ kwalunkwe eżerċizzju obbligatorju taċ-ċibersigurtà relatat mas-settur tal-elettriku fl-istess perimetru ġeografiku, jista’ jistieden lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-entità tal-UE għad-DSO sabiex tipparteċipa. F’każijiet bħal dawn, l-obbligu fil-paragrafu 1 ma japplikax, dment li l-entitajiet kollha b’impatt kritiku fir-reġjun ta’ tħaddim tas-sistema jieħdu sehem fl-istess eżerċizzju.

5.   Jekk l-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO jipparteċipaw f’eżerċizzju taċ-ċibersigurtà msemmi fil-paragrafu 4, huma jistgħu jipposponu b’sena l-eżerċizzju taċ-ċibersigurtà reġjonali jew transreġjonali msemmi fil-paragrafu 1.

6.   Sal- il-31 ta’ Diċembru 2027, u kull 3 snin wara dik id-data, l-ENTSO għall-Elettriku, f’koordinazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu jagħmel disponibbli mudell ta’ eżerċizzju sabiex jitwettqu l-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà reġjonali u transreġjonali. Dan il-mudell għandu jqis ir-riżultati tal-aktar riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà mwettqa reċentement fil-livell reġjonali u għandu jinkludi l-kriterji ewlenin ta’ suċċess. L-ENTSO għall-Elettriku għandu jikkonsulta lill-Kummissjoni u jista’ jfittex parir mingħand l-ACER, l-ENISA u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar l-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà reġjonali u transreġjonali.

Artikolu 45

L-eżitu tal-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà fil-livelli tal-entitajiet, tal-Istati Membri, reġjonali jew transreġjonali

1.   Fuq talba minn entità b’impatt kritiku, il-fornituri ta’ servizzi kritiċi għandhom jipparteċipaw fl-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà msemmijin fl-Artikolu 43(1) u (2) u fl-Artikolu 44(1) meta jipprovdu servizzi għall-entità b’impatt kritiku fil-qasam li jikkorrispondi għall-ambitu tal-eżerċizzju taċ-ċibersigurtà rilevanti.

2.   L-organizzaturi tal-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà msemmijin fl-Artikolu 43(1) u (2) u fl-Artikolu 44(1), bil-parir tal-ENISA jekk jintalab minnhom u skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2019/881, għandhom janalizzaw u jiffinalizzaw l-eżerċizzju rilevanti taċ-ċibersigurtà permezz ta’ rapport li jiġbor fil-qosor it-tagħlimiet, indirizzat lill-parteċipanti kollha. Ir-rapport għandu jinkludi:

(a)

ix-xenarji tal-eżerċizzju, ir-rapporti tal-laqgħat, il-pożizzjonijiet ewlenin, is-suċċessi u t-tagħlimiet meħudin fi kwalunkwe livell tal-katina tal-valur tal-elettriku;

(b)

jekk il-kriterji ewlenin ta’ suċċess ġewx issodisfati;

(c)

lista ta’ rakkomandazzjonijiet għall-entitajiet li jipparteċipaw fl-eżerċizzju rilevanti taċ-ċibersigurtà sabiex jikkoreġu, jadattaw jew ibiddlu l-proċessi u l-proċeduri ta’ kriżi taċ-ċibersigurtà, il-mudelli ta’ governanza assoċjati u kwalunkwe impenn kuntrattwali eżistenti ma’ fornituri ta’ servizzi kritiċi.

3.   Jekk jintalbu min-network tas-CSIRTs jew mill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS jew mill-EU CyCLONe, l-organizzaturi tal-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà msemmijin fl-Artikolu 43(1) u (2) u fl-Artikolu 44(1) għandhom jaqsmu l-eżitu tal-eżerċizzju rilevanti taċ-ċibersigurtà. L-organizzaturi għandhom jaqsmu ma’ kull entità li tipparteċipa fl-eżerċizzji l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b) ta’ dan l-Artikolu. L-organizzaturi għandhom jaqsmu l-lista ta’ rakkomandazzjonijiet imsemmija f’dak il-paragrafu, il-punt (c) esklużivament mal-entitajiet indirizzati fir-rakkomandazzjonijiet.

4.   L-organizzaturi tal-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà msemmijin fl-Artikolu 43(1) u (2) u fl-Artikolu 44(1) għandhom isegwu b’mod regolari mal-entitajiet li jipparteċipaw fl-eżerċizzji dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet skont il-paragrafu 2, il-punt (c) ta’ dan l-Artikolu.

KAPITOLU VII

PROTEZZJONI TAL-INFORMAZZJONI

Artikolu 46

Prinċipji għall-protezzjoni tal-informazzjoni skambjata

1.   L-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(1) għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta, riċevuta, skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament tkun aċċessibbli biss fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif u f’konformità mar-regoli rilevanti tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar is-sigurtà tal-informazzjoni.

2.   L-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(1) għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta, riċevuta, skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament tiġi ttrattata u trekkjata matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ dik l-informazzjoni u li din tista’ tiġi rrilaxxata fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha biss wara li tiġi anonimizzata.

3.   L-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(1) għandhom jiżguraw li l-miżuri ta’ protezzjoni neċessarji kollha ta’ natura organizzazzjonali u teknika jkunu fis-seħħ sabiex jissalvagwardjaw u jipproteġu l-kunfidenzjalità, l-integrità, id-disponibbiltà u n-nonripudju tal-informazzjoni pprovduta, riċevuta, skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament, indipendentement mill-mezzi użati. Il-miżuri ta’ protezzjoni għandhom:

(a)

ikunu proporzjonati;

(b)

iqisu r-riskji għaċ-ċibersigurtà relatati ma’ theddid magħruf tal-passat u dak emerġenti li għalih tista’ tkun soġġetta informazzjoni bħal din fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament;

(c)

sa fejn ikun possibbli, ikunu bbażati fuq standards u fuq l-aħjar prattiki nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali;

(d)

ikunu ddokumentati.

4.   L-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(1) għandhom jiżguraw li kwalunkwe individwu li jingħata aċċess għall-informazzjoni pprovduta, riċevuta, skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament jiġi infurmat dwar ir-regoli tas-sigurtà applikabbli fil-livell tal-entitajiet u dwar il-miżuri u l-proċeduri rilevanti għall-protezzjoni tal-informazzjoni. Dawk l-entitajiet għandhom jiżguraw li l-individwu kkonċernat jirrikonoxxi r-responsabbiltà li tiġi protetta l-informazzjoni kif spjegat matul it-tgħarrif.

5.   L-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(1) għandhom jiżguraw li l-aċċess għall-informazzjoni pprovduta, riċevuta, skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament ikun limitat għal individwi:

(a)

li jkunu awtorizzati jaċċessaw dik l-informazzjoni fuq il-bażi tal-funzjonijiet tagħhom u limitat għall-eżekuzzjoni tal-kompiti assenjati;

(b)

li għalihom l-entità setgħet tivvaluta l-prinċipji etiċi u ta’ integrità, kif ukoll li għalihom ma jkun hemm l-ebda evidenza ta’ eżitu negattiv minn kontroll ta’ verifika tal-isfond għall-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tal-individwu f’konformità mal-aħjar prattiki u mar-rekwiżiti standard tas-sigurtà tal-entitajiet, u, meta jkun neċessarju, mal-liġijiet u mar-regolamenti nazzjonali.

6.   L-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(1) għandu jkollhom il-ftehim bil-miktub tal-persuna fiżika jew ġuridika li oriġinarjament tkun ħolqot jew ipprovdiet l-informazzjoni, qabel ma tipprovdi dik l-informazzjoni lil parti terza li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

7.   Entità elenkata fl-Artikolu 2(1) tista’ tikkunsidra li din l-informazzjoni għandha tinqasam mingħajr ma tikkonforma mal-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu sabiex tipprevjeni kriżi simultanja tal-elettriku b’kawża ewlenija taċ-ċibersigurtà jew kwalunkwe kriżi transfruntiera fl-Unjoni f’settur ieħor. F’dak il-każ, hija għandha:

(a)

tikkonsulta u tkun awtorizzata mill-awtorità kompetenti sabiex tikkondividi tali informazzjoni;

(b)

tanonimizza tali informazzjoni mingħajr ma titlef l-elementi neċessarji sabiex il-pubbliku jiġi infurmat dwar riskju imminenti u serju għall-flussi transfruntieri tal-elettriku u l-miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli;

(c)

tissalvagwardja l-identità tal-oriġinatur u tal-entitajiet li jkunu qed jipproċessaw tali informazzjoni skont dan ir-Regolament.

8.   B’deroga mill-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipprovdu informazzjoni pprovduta, riċevuta, skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament lil parti terza mhux elenkata fl-Artikolu 2(1) mingħajr kunsens bil-miktub minn qabel tal-oriġinatur tal-informazzjoni iżda jinformaw lil dan tal-aħħar mill-aktar fis possibbli. Qabel ma tiddivulga kwalunkwe informazzjoni pprovduta, riċevuta, skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament lil parti terza mhux elenkata fl-Artikolu 2(1), l-awtorità kompetenti kkonċernata għandha tiżgura b’mod raġonevoli li l-parti terza kkonċernata tkun konxja tar-regoli tas-sigurtà fis-seħħ u għandha tirċievi aċċertament raġonevoli li l-parti terza kkonċernata tista’ tipproteġi l-informazzjoni riċevuta f’konformità mal-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu. L-awtorità kompetenti għandha tanonimizza tali informazzjoni mingħajr ma titlef l-elementi neċessarji sabiex tinforma lill-pubbliku dwar riskju imminenti u serju għall-flussi transfruntieri tal-elettriku u l-miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli u tissalvagwardja l-identità tal-oriġinatur tal-informazzjoni. F’dan il-każ, il-parti terza mhux elenkata fl-Artikolu 2(1) għandha tipproteġi l-informazzjoni riċevuta f’konformità mad-dispożizzjonijiet diġà fis-seħħ fil-livell tal-entità, jew meta dan ma jkunx possibbli, mad-dispożizzjonijiet u mal-istruzzjonijiet ipprovduti mill-awtorità kompetenti rilevanti.

9.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal entitajiet mhux elenkati fl-Artikolu 2(1) li jiġu pprovduti b’informazzjoni skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. F’dan il-każ, għandu jiġi applikat il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, jew l-awtorità kompetenti tista’ tipprovdi lil dik l-entità b’dispożizzjonijiet bil-miktub sabiex tapplika f’każijiet li fihom tasal informazzjoni skont dan ir-Regolament.

Artikolu 47

Kunfidenzjalità tal-informazzjoni

1.   Kwalunkwe informazzjoni pprovduta, riċevuta, skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet tas-segretezza professjonali stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu ta’ dan ir-Regolament u għar-rekwiżiti kif stabbiliti fl-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2019/943. Kwalunkwe informazzjoni pprovduta, riċevuta, skambjata jew trażmessa fost l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2 dan ir-Regolament, għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandha tiġi protetta, filwaqt li jitqies il-livell ta’ kunfidenzjalità tal-informazzjoni applikat mill-oriġinatur.

2.   L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2.

3.   Is-CS-NCAs, l-NRAs, l-RP-NCAs u s-CSIRTs għandhom jiskambjaw l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom.

4.   Kwalunkwe informazzjoni riċevuta, skambjata jew trażmessa fost l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(1), għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 23, għandha tiġi anonimizzata u aggregata.

5.   Informazzjoni riċevuta minn kwalunkwe entità jew awtorità soġġetta għal dan ir-Regolament matul id-dmirijiet tagħha ma tistax tiġi ddivulgata lil xi entità jew awtorità oħra, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi nazzjonali, minn dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dan ir-Regolament, jew minn leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.

6.   Mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni, awtorità, entità jew persuna fiżika li tirċievi informazzjoni skont dan ir-Regolament ma tistax tużaha għal xi skop ieħor għajr it-twettiq tad-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament.

7.   L-ACER, wara li tikkonsulta lill-ENISA, lill-awtoritajiet kompetenti kollha, lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-Entità tal-UE għad-DSO, għandha sa it-13 ta’ Ġunju 2025 toħroġ linji gwida li jindirizzaw il-mekkaniżmi għall-entitajiet kollha elenkati fl-Artikolu 2(1) sabiex jiskambjaw l-informazzjoni, u b’mod partikolari l-flussi ta’ komunikazzjoni previsti, u l-metodi għall-anonimizzar u għall-aggregazzjoni tal-informazzjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

8.   L-informazzjoni li hija kunfidenzjali skont ir-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali għandha tiġi skambjata mal-Kummissjoni u ma’ awtoritajiet rilevanti oħrajn biss meta dak l-iskambju jkun neċessarju għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-informazzjoni skambjata għandha tkun limitata għal dik li tkun neċessarja u proporzjonata għall-fini ta’ dak l-iskambju. L-iskambju tal-informazzjoni għandu jippreżerva l-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni u jipproteġi l-interessi tas-sigurtà u kummerċjali tal-entitajiet b’impatt kritiku jew b’impatt kbir.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 48

Dispożizzjonijiet temporanji

1.   Sakemm jiġu approvati t-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji msemmijin fl-Artikolu 6(2) jew fil-pjanijiet imsemmijin fl-Artikolu 6(3), l-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu jiżviluppa gwida mhux vinkolanti dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

indiċi proviżorju tal-impatt taċ-ċibersigurtà tal-elettriku (“ECII”) skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

lista proviżorja ta’ proċessi b’impatt kbir u b’impatt kritiku madwar l-Unjoni kollha skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu; u

(c)

lista proviżorja ta’ standards u ta’ kontrolli Ewropej u internazzjonali meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’rilevanza għall-aspetti taċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Sa it-13 ta’ Ottubru 2024, l-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu jiżviluppa rakkomandazzjoni għal ECII proviżorju. L-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu jinnotifika l-ECII proviżorju rakkomandat lill-awtoritajiet kompetenti.

3.   4 xhur mill-wasla tal-ECII proviżorju rakkomandat, jew sa mhux aktar tard minn it-13 ta' Frar 2025, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jidentifikaw kandidati għal entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku fl-Istat Membru tagħhom fuq il-bażi tal-ECII rakkomandat u għandhom jiżviluppaw lista proviżorja ta’ entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku. L-entitajiet b’impatt kbir u b’impatt kritiku identifikati fil-lista proviżorja jistgħu jissodisfaw b’mod volontarju l-obbligi tagħhom kif stabbiliti f’dan ir-Regolament fuq il-bażi ta’ prinċipju ta’ prekawzjoni. Sa it-13 ta’ Marzu 2025, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-entitajiet identifikati fil-lista proviżorja li ġew identifikati bħala entità b’impatt kbir jew b’impatt kritiku.

4.   Sa it-13 ta’ Diċembru 2024, l-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu jiżviluppa lista proviżorja ta’ proċessi b’impatt kbir u b’impatt kritiku madwar l-Unjoni kollha. L-entitajiet notifikati skont il-paragrafu (3) li jiddeċiedu b’mod volontarju li jissodisfaw l-obbligi tagħhom kif stabbiliti f’dan ir-Regolament fuq il-bażi ta’ prinċipju ta’ prekawzjoni għandhom jużaw il-lista proviżorja ta’ proċessi b’impatt kbir u b’impatt kritiku sabiex jiddeterminaw il-perimetri proviżorji ta’ impatt kbir u ta’ impatt kritiku u sabiex jiddeterminaw liema assi għandhom jiġu inklużi fl-ewwel valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-entitajiet.

5.   Sa it-13 ta’ Settembru 2024, kull awtorità kompetenti skont l-Artikolu 4(1) għandha tipprovdi lista tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha b’rilevanza għall-aspetti taċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-entità tal-UE għad-DSO.

6.   Sa it-13 ta’ Ġunju 2025, l-ENTSO għall-Elettriku, f’kooperazzjoni mal-entità tal-UE għad-DSO, għandu jħejji lista proviżorja ta’ standards u ta’ kontrolli Ewropej u internazzjonali meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’rilevanza għall-aspetti taċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntieri tal-elettriku, filwaqt li jqis l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti.

7.   Il-lista proviżorja ta’ standards u ta’ kontrolli Ewropej u internazzjonali għandha tinkludi:

(a)

standards Ewropej u internazzjonali u leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprovdu gwida dwar il-metodoloġiji għall-ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà fil-livell tal-entitajiet; u

(b)

il-kontrolli taċ-ċibersigurtà ekwivalenti għall-kontrolli li huma mistennijin ikunu parti mill-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà.

8.   L-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom iqisu l-fehmiet ipprovduti mill-ENISA u mill-ACER meta jkunu qed jiffinalizzaw il-lista proviżorja tal-istandards. L-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom jippubblikaw il-lista tranżizzjonali ta’ standards u ta’ kontrolli Ewropej u internazzjonali fuq is-siti web tagħhom.

9.   L-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom jikkonsultaw lill-ENISA u lill-ACER dwar il-proposti għal gwida mhux vinkolanti żviluppata skont il-paragrafu 1.

10.   Sakemm il-kontrolli minimi u avvanzati taċ-ċibersigurtà jiġu żviluppati skont l-Artikolu 29, u jiġu adottati skont l-Artikolu 8, l-entitajiet kollha elenkati fl-Artikolu 2(1) għandhom jagħmlu ħilithom sabiex japplikaw b’mod progressiv il-gwida mhux vinkolanti żviluppata skont il-paragrafu 1.

Artikolu 49

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat-2 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku (ĠU L 220, 25.8.2017, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 164).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar Rispons Koordinat għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira (ĠU L 239, 19.9.2017, p. 36).

(10)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1993 tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (ĠU L 320, 17.12.2018, p. 28).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(12)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(14)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar ir-rappurtar tad-data li jimplimenta l-Artikolu 8(2) u 8(6) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 363, 18.12.2014, p. 121).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 22).

(16)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 li twaqqaf Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Elettriku (2012/C 353/02) (ĠU C 353, 17.11.2012, p. 2).

(18)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(19)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1366/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)