Eureka 32024R1502 Sign in
European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1502

30.5.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1502

tat-22 ta’ Frar 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kriterji għad-deżinjazzjoni ta’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT bħala kritiċi għall-entitajiet finanzjarji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi vvalutat jekk fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT huwiex kritiku għall-entitajiet finanzjarji, u filwaqt li jitqiesu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) jenħtieġ li jużaw subkriterji f’valutazzjoni tal-approċċ f’żewġ stadji. Meta jitqies l-għadd importanti ta’ servizzi tal-ICT u d-diversità u l-għadd ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li jużaw dawn is-servizzi, jenħtieġ li jittieħed approċċ f’żewġ stadji ta’ dan it-tip, biex tiġi ffiltrata l-popolazzjoni ta’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT u jiġu identifikati l-aktar fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT. Is-subkriterji kwantitattivi li jridu jitqiesu bħala parti mill-ewwel stadju tal-valutazzjoni huma meħtieġa biex titwettaq l-ewwel għażla tal-popolazzjoni ta’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT li għalihom huwa rilevanti li titwettaq analiżi fil-fond ulterjuri fid-dawl tas-subkriterji kwalitattivi li jridu jitqiesu bħala parti mit-tieni stadju tal-valutazzjoni.

(2)

Il-punt sa fejn servizz tal-ICT ipprovdut minn fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jappoġġa funzjonijiet kritiċi jew importanti tal-entità finanzjarja jitqies bħala element kruċjali tal-valutazzjoni tal-kritikalità b’mod ġenerali. Għalhekk, l-importanza tal-attivitajiet tal-entitajiet finanzjarji li huma appoġġati mis-servizzi tal-ICT jenħtieġ li tiġi integrata fis-subkriterji kollha meqjusa bħala parti mill-ewwel stadju. Konsegwentement, jenħtieġ li ma jkunx hemm valutazzjoni kwantitattiva distinta relatata mal-kritikalità tal-funzjonijiet tal-entitajiet finanzjarji bħala parti mill-ewwel stadju tal-valutazzjoni. Minflok, huwa xieraq li l-ASE jqisu l-kritikalità u l-importanza tal-funzjonijiet tal-entitajiet finanzjarji appoġġati mis-servizzi tal-ICT bħala parti mit-tieni stadju kwalitattiv tal-valutazzjoni.

(3)

Jenħtieġ li l-valutazzjoni titwettaq għal kull fornitur terz individwali ta’ servizzi tal-ICT jew, fejn applikabbli, għal kull grupp ta’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT f’każ li l-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jappartjeni għal grupp skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) 2022/2554. Sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni komprensiva tal-impatt sistemiku potenzjali fuq is-settur finanzjarju tal-Unjoni, is-subkuntratturi tal-ICT tal-fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT jenħtieġ li jkunu soġġetti wkoll għall-valutazzjoni mill-ASE, u fejn applikabbli, iddeżinjati bħala fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT.

(4)

Sabiex jiġi ddeterminat l-impatt sistemiku tal-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT fuq l-istabbiltà, il-kontinwità jew il-kwalità tal-forniment tas-servizzi finanzjarji, huwa ta’ importanza kbira li tiġi żviluppata stampa ċara dwar il-portata u n-natura tal-impatt sistemiku li ħsara operattiva fuq skala kbira ta’ fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT ikollha fuq l-entitajiet finanzjarji, li jiddependu fuq is-servizzi pprovduti minn fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT, u fuq is-sistema finanzjarja. Għalhekk, huwa xieraq li jitqies l-għadd ta’ entitajiet finanzjarji ta’ kategorija speċifika ta’ entitajiet finanzjarji li jużaw l-istess servizzi tal-ICT, kif ukoll il-valur tal-assi tagħhom biex jiġi vvalutat jekk huwiex rilevanti li l-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT li joffri dawk is-servizzi tal-ICT jitqies bħala kritiku. Barra minn hekk, jenħtieġ li titwettaq valutazzjoni kwalitattiva tal-interkonnettività u l-importanza sistemika tal-fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT, kif ukoll l-importanza tas-servizzi pprovduti minn fornitur terz tal-ICT fuq il-forniment ta’ servizzi finanzjarji mill-entitajiet finanzjarji filwaqt li jitqiesu l-istabbiltà u l-kontinwità tas-servizzi biex jiġi ddeterminat l-impatt sistemiku tal-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT fuq l-attivitajiet tal-entitajiet finanzjarji.

(5)

Sabiex jiġu ddeterminati l-karattru sistemiku u l-importanza tal-entitajiet finanzjarji li jiddependu fuq is-servizzi tal-ICT, jeħtieġ li titqies in-natura ta’ dawn l-entitajiet finanzjarji. Meta l-entitajiet finanzjarji li huma kklassifikati bħala G-SIIs u O-SIIs jew li huma identifikati bħala “sistemiċi” jiddependu fuq l-istess servizzi tal-ICT biex jappoġġaw il-funzjonijiet kritiċi jew importanti tagħhom, ikun xieraq li jiġi vvalutat jekk il-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT li jipprovdi dawn is-servizzi jenħtieġx li jitqies bħala kritiku għas-settur finanzjarju tal-Unjoni. L-interkonnettività bejn l-entitajiet finanzjarji fis-settur finanzjarju tal-Unjoni li jiddependu fuq servizzi tal-ICT ipprovduti mill-istess fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jenħtieġ li tiġi vvalutata wkoll biex tiġi ddeterminata d-dipendenza tal-entitajiet finanzjarji fuq dak il-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT.

(6)

Jenħtieġ li s-servizzi tal-ICT li jappoġġaw funzjonijiet kritiċi jew importanti tal-entitajiet finanzjarji jiġu vvalutati fir-rigward tat-tip tagħhom u n-natura kritika tagħhom għal dawn l-entitajiet, li għandhom bżonnhom sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr ebda tfixkil.

(7)

Sabiex jiġi ddeterminat il-grad ta’ sostitwibbiltà tal-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT, jeħtieġ li jitqies l-għadd ta’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT attivi f’suq partikolari, l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi għall-istess servizz tal-ICT, kif ukoll il-kostijiet tal-migrazzjoni tad-data u t-tagħbijiet ta’ xogħol tal-ICT għal fornituri terzi oħra ta’ servizzi tal-ICT bħala parti mill-valutazzjoni li trid titwettaq mill-ASE.

(8)

Sabiex tiġi żgurata s-solidità tal-proċess ta’ valutazzjoni, huwa importanti li l-ASE jiddependu fuq id-data mir-reġistri ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) 2022/2554, u kwalunkwe informazzjoni oħra faċilment disponibbli, meta jivvalutaw jekk jenħtieġx li l-fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT jiġu ddeżinjati bħala kritiċi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approċċ tal-valutazzjoni

1.   Meta jikkunsidraw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554 biex jiddeżinjaw fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT li jkun kritiku għall-entitajiet finanzjarji, l-ASE għandhom japplikaw l-approċċ li ġej:

(a)

bħala l-ewwel stadju, l-ASE għandhom jivvalutaw jekk il-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jissodisfax is-subkriterji kollha tal-“istadju 1” stabbiliti fl-Artikolu 2(1), 3(1) u 5(1);

(b)

bħala t-tieni stadju, għal dawk il-fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT li jissodisfaw is-subkriterji kollha tal-“istadju 1” imsemmija fil-punt (a), l-ASE għandhom iwettqu l-valutazzjoni tagħhom fid-dawl tas-subkriterji tal-“istadju 2” imsemmija fl-Artikoli 2(5), 3(4), 4(1) u 5(5).

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, għall-valutazzjoni tal-kriterju (c) tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554, l-ewwel stadju għandu jkun kopert mill-valutazzjoni li trid titwettaq għall-kriterji (a), (b) u (d) tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554.

2.   Wara tmiem il-perjodu ta’ żmien għas-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni motivata msemmija fl-Artikolu 31(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2022/2554, l-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt u fuq rakkomandazzjoni mill-Forum ta’ Sorveljanza, għandhom jiddeżinjaw fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT bħala kritiku għall-entitajiet finanzjarji jekk jissodisfa s-subkriterji kollha tal-“istadju 1” imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), u wara eżitu pożittiv tal-valutazzjoni mwettqa fir-rigward tas-subkriterji tal-“istadju 2” imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b).

Artikolu 2

L-impatt sistemiku tal-fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT fuq l-istabbiltà, il-kontinwità jew il-kwalità tal-forniment tas-servizzi finanzjarji

1.   Meta jikkunsidraw il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 31(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2022/2554, l-ASE għandhom jivvalutaw jekk il-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jissodisfax is-subkriterji tal-“istadju 1” li ġejjin:

(a)

Is-subkriterju 1.1: is-sehem tal-għadd ta’ entitajiet finanzjarji, diżaggregat skont il-kategoriji tal-entitajiet finanzjarji kif elenkati fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554, li lilhom jiġu pprovduti servizzi tal-ICT mill-istess fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT fil-każijiet li fihom is-servizzi tal-ICT jappoġġaw funzjonijiet kritiċi jew importanti;

(b)

Is-subkriterju 1.2: is-sehem tal-valur totali tal-assi tal-entitajiet finanzjarji, diżaggregat skont il-kategoriji tal-entitajiet finanzjarji kif elenkati fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554, li lilhom jiġu pprovduti servizzi tal-ICT mill-istess fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT fil-każijiet li fihom is-servizzi tal-ICT jappoġġaw funzjonijiet kritiċi jew importanti tal-entitajiet finanzjarji.

2.   Is-subkriterju 1.1 stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

l-għadd ta' entitajiet finanzjarji ta' kategorija ta' entitajiet finanzjarji

kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554,

li lilhom jiġu pprovduti servizzi tal-ICT mill-istess fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT

fil-każijiet li fihom is-servizzi tal-ICT jappoġġaw funzjonijiet kritiċi jew importanti ta'entitajiet finanzjarji

l-għadd totali ta' entitajiet finanzjarji ta' kategorija ta' entitajiet finanzjarji

kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554

3.   Is-subkriterju 1.2 stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

il-valur totali tal-assi ta' kategorija ta' entitajiet finanzjarji

kif elenkati fl-Artikolu 2(1)tar-Regolament (UE) 2022/2554,

li lilhom jiġu pprovduti servizzi tal-ICT mill-istess fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT

fil-każijiet li fihom is-servizzi tal-ICT jappoġġaw funzjonijiet kritiċi jew importanti ta'entitajiet finanzjarji

il-valur totali tal-assi tal-entitajiet finanzjarji kollha tal-UE tal-istess kategorija

kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554

4.   Fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT għandu jitqies li jkun issodisfa s-subkriterji tal-“istadju 1” imsemmija fil-paragrafu 1 meta ż-żewġ ishma kif ikkalkolati f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 jkunu ta’ mill-inqas 10 % tal-għadd totali għal mill-inqas kategorija waħda ta’ entitajiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554.

5.   Meta jikkunsidraw il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 31(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2022/2554 u fil-każijiet li fihom il-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jissodisfa s-subkriterji tal-“istadju 1” imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ASE għandhom iwettqu l-valutazzjoni tagħhom fid-dawl tas-subkriterji tal-“istadju 2” li ġejjin:

(a)

Is-subkriterju 1.3: l-intensità tal-impatt tad-diskontinwità tas-servizzi tal-ICT ipprovduti mill-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT fuq l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tal-entitajiet finanzjarji identifikati fis-subkriterji tal-“istadju 1” imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-għadd ta’ dawn l-entitajiet finanzjarji affettwati;

(b)

Is-subkriterju 1.4: id-dipendenza tal-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT fuq l-istess subkuntratturi li jipprovdu servizzi tal-ICT li jappoġġaw funzjonijiet kritiċi jew importanti tal-entitajiet finanzjarji.

Artikolu 3

Il-karattru sistemiku u l-importanza tas-servizzi tal-ICT ipprovduti lill-entitajiet finanzjarji

1.   Meta jikkunsidraw il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 31(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2022/2554, l-ASE għandhom jivvalutaw jekk il-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jissodisfax is-subkriterji tal-“istadju 1” li ġejjin:

(a)

Is-subkriterju 2.1: l-għadd ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs) u istituzzjonijiet sistemikament importanti oħra (O-SIIs) li huma istituzzjonijiet ta’ kreditu li lilhom jiġu pprovduti servizzi tal-ICT mill-istess fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT fil-każijiet li fihom is-servizzi tal-ICT jappoġġaw funzjonijiet kritiċi jew importanti;

(b)

Is-subkriterju 2.2: l-għadd ta’ entitajiet finanzjarji, għajr l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-G-SIIs u l-O-SIIs imsemmija fil-punt (a) hawn fuq, identifikati bħala sistemiċi mill-awtoritajiet kompetenti msemmija taħt l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2022/2554, li lilhom jiġu pprovduti servizzi tal-ICT mill-istess fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT fil-każijiet li fihom is-servizzi tal-ICT jappoġġaw funzjonijiet kritiċi jew importanti.

2.   Fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT għandu jitqies li jkun issodisfa s-subkriterju stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (a), jekk is-servizzi tal-ICT li jipprovdi jintużaw minn tal-inqas minn wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

G-SII waħda;

(b)

minn tal-inqas tliet O-SIIs;

(c)

minn tal-inqas O-SII waħda b’punteġġ O-SII ta’ aktar minn 3 000 ikkalkolat f’konformità mal-Artikolu 131(3) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

3.   Fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT għandu jitqies li jkun issodisfa s-subkriterju stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (b), jekk is-servizzi tal-ICT li jipprovdi jintużaw minn tal-inqas minn wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

entità finanzjarja waħda li tkun entità finanzjarja kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), il-punti (g), (h), (i) jew (j) tar-Regolament (UE) 2022/2554 u li hija identifikata bħala “sistemika” mill-awtoritajiet kompetenti;

(b)

minn tal-inqas tliet entitajiet finanzjarji, għajr istituzzjonijiet ta’ kreditu u għajr l-entitajiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (g), (h), (i) jew (j) tar-Regolament (UE) 2022/2554 u li huma identifikati bħala “sistemiċi” mill-awtoritajiet kompetenti.

4.   Meta jikkunsidraw il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 31(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2022/2554 u fil-każijiet li fihom il-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jissodisfa s-subkriterji tal-“istadju 1” imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ASE għandhom iwettqu l-valutazzjoni tagħhom fid-dawl tas-subkriterju tal-“istadju 2” li ġej:

—

Is-subkriterju 2.3: il-G-SIIs jew l-O-SIIs u entitajiet finanzjarji oħra inklużi fil-valutazzjoni fis-subkriterji tal-“istadju 1” imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż meta l-G-SIIs jew l-O-SIIs li jipprovdu servizzi ta’ infrastruttura finanzjarja lil entitajiet finanzjarji oħra, li jiddependu fuq servizz tal-ICT ipprovdut mill-istess fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT, ikunu interdipendenti.

Artikolu 4

Il-kritikalità jew l-importanza tal-funzjonijiet

Meta jikkunsidraw il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 31(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2022/2554, l-ASE għandhom iwettqu l-valutazzjoni tagħhom fid-dawl tas-subkriterju tal-“istadju 2” li ġej:

—

Is-subkriterju 3.1: is-servizz tal-ICT ipprovdut fl-aħħar mill-aħħar mill-istess fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT li jappoġġa funzjonijiet kritiċi jew importanti tal-entitajiet finanzjarji jkun ta’ natura kritika għall-attivitajiet tal-entitajiet finanzjarji.

Artikolu 5

Grad ta’ sostitwibbiltà

1.   Meta jikkunsidraw il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 31(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2022/2554, l-ASE għandhom jivvalutaw jekk il-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jissodisfax is-subkriterji tal-“istadju 1” li ġejjin:

(a)

Is-subkriterju 4.1: is-sehem tal-għadd totali ta’ entitajiet finanzjarji, diżaggregat skont il-kategoriji tal-entitajiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554, li għalihom ma jkun hemm disponibbli l-ebda fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT alternattiv li jkollu l-kapaċità meħtieġa biex jipprovdi l-istess servizzi tal-ICT li jappoġġaw il-funzjonijiet kritiċi jew importanti tal-entitajiet finanzjarji bħal dawk ipprovduti mill-fornitur terz rilevanti ta’ servizzi tal-ICT;

(b)

Is-subkriterju 4.2: is-sehem tal-għadd totali ta’ entitajiet finanzjarji, diżaggregat skont il-kategoriji tal-entitajiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554, li għalihom huwa diffiċli ferm li servizz tal-ICT ipprovdut mill-fornitur terz rilevanti ta’ servizzi tal-ICT li jappoġġa funzjonijiet kritiċi jew importanti tal-entitajiet finanzjarji ssirlu migrazzjoni lejn fornitur terz ieħor ta’ servizzi tal-ICT.

2.   Is-subkriterju 4.1 stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

l-għadd ta' entitajiet finanzjarji ta' kategorija ta' entitajiet finanzjarji kif stabbiliti

fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554,

li għalihom ma jkun hemm disponibbli l-ebda fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT alternattiv

li jkollu l-kapaċità meħtieġa biex jipprovdi l-istess servizzi tal-ICT

li jappoġġaw il-funzjonijiet kritiċi jew importanti tal-entitajiet finanzjarji

bħal dawk ipprovduti mill-fornitur terz rilevanti ta’ servizzi tal-ICT

l-għadd totali ta' entitajiet finanzjarji ta' dik il-kategorija ta' entitajiet finanzjarji

kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554

3.   Is-subkriterju stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

l-għadd ta' entitajiet finanzjarji ta' kategorija ta' entitajiet finanzjarji kif stabbiliti

fl-Artikolu 2(1)tar-Regolament (UE) 2022/2554,

li għalihom huwa diffiċli ferm li servizz tal-ICT ipprovdut mill-fornitur terz rilevanti ta’

servizzi tal-ICT li jappoġġa funzjonijiet kritiċi jew importanti

ssirlu migrazzjoni lejn fornitur terz ieħor ta’ servizzi tal-ICT jew jiġi integrat mill-ġdid fih

l-għadd totali ta ' entitajiet finanzjarji tal-UE ta ' dik il-kategorija ta ' entitajiet finanzjarji

kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554

4.   Fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT għandu jitqies li jkun issodisfa kemm is-subkriterju 4.1 kif ukoll is-subkriterju 4.2 meta jiġi ssodisfat wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

is-sehem tal-għadd totali ta’ entitajiet finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ikun ta’ minn tal-inqas 10 % tal-għadd totali tal-entitajiet finanzjarji għal kategorija ta’ entitajiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(b)

is-sehem tal-għadd totali ta’ entitajiet finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), ikun ta’ minn tal-inqas 10 % tal-għadd totali tal-entitajiet finanzjarji jew kategorija ta’ entitajiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554.

5.   Meta jikkunsidraw il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 31(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2022/2554 u fil-każijiet li fihom il-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jissodisfa s-subkriterji tal-“istadju 1” imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ASE għandhom iwettqu l-valutazzjoni tagħhom fid-dawl tas-subkriterju tal-“istadju 2” speċifikat fl-Artikolu 31(2), il-punt (d)(i) tar-Regolament (UE) 2022/2554.

Artikolu 6

Sorsi ta’ informazzjoni li jippermettu l-valutazzjoni tal-kritikalità

1.   L-ASE għandhom jużaw id-data pprovduta mir-reġistri ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) 2022/2554, għall-valutazzjoni tas-subkriterji elenkati fl-Artikoli 2 sa 5. L-ASE jistgħu jużaw ukoll data disponibbli addizzjonali li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom mis-sorsi kollha ta’ informazzjoni biex iwettqu l-valutazzjoni tal-kritikalità.

2.   L-ASE għandhom iqisu l-aktar data reċenti disponibbli għalihom matul is-sena ta’ valutazzjoni, jew meta applikabbli, id-data li tkun saret disponibbli għalihom sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-valutazzjoni tal-kritikalità.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, is-Sorveljant Ewlieni għandu japplika s-subkriterju 1.4 msemmi fl-Artikolu 2, il-paragrafu 5, il-punt (b) 16 Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2554/oj.

(2)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/36/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1502/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)