Eureka 32025R0038 Sign in
European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/38

15.1.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/38 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Diċembru 2024

li jistabbilixxi miżuri li jsaħħu s-solidarjetà u l-kapaċitajiet fl-Unjoni tal-identifikazzjoni, tat-tħejjija u tar-rispons għat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 173(3) u l-Artikolu 322(1), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (4),

Billi:

(1)

Filwaqt li l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u d-dipendenza fuqhom saru aspetti fundamentali ta’ kull settur tal-attività ekonomika u tas-soċjetà fid-dawl tal-interkonnessjonijiet u l-interdipendenza dejjem jikbru tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-kumpaniji u ċ-ċittadini tal-Istati Membri tul is-setturi u bejn il-fruntieri, filwaqt li fl-istess ħin introduċew vulnerabbiltajiet possibbli.

(2)

Id-daqs, il-frekwenza u l-impatt tal-inċidenti taċ-ċibersigurtà, inkluż l-attakki fil-katina tal-provvista għall-finijiet ta’ ċiberspjunaġġ, ransomware jew tfixkil, qed jiżdiedu madwar l-Unjoni u fil-livell globali. Huma jirrappreżentaw theddida kbira għall-funzjonament tas-sistemi tan-networks u tal-informazzjoni. Fid-dawl tax-xenarju tat-theddid li tant qed jevolvi malajr, it-theddida ta’ inċidenti possibli taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira li jikkawżaw tfixkil sinifikanti jew ħsara lill-infrastrutturi kritiċi teżiġi tħejjija akbar tal-qafas taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni. Dik it-theddida tmur lil hinn mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u aktarx tissokta minħabba l-għadd kbir ta’ atturi allinjati mal-istat involuti fit-tensjonijiet ġeopolitiċi attwali. Tali inċidenti jistgħu jxekklu l-forniment tas-servizzi pubbliċi peress li l-attakki ċibernetiċi spiss huma mmirati lejn servizzi u infrastrutturi pubbliċi lokali, reġjonali jew nazzjonali, fejn l-awtoritajiet lokali jkunu partikolarment vulnerabbli, inkluż minħabba r-riżorsi limitati tagħhom. Huma jistgħu jxekklu wkoll it-twettiq tal-attivitajiet ekonomiċi, inkluż f’setturi ta’ kritiċità għolja jew setturi kritiċi oħra, jiġġeneraw telf finanzjarju sostanzjali, jimminaw il-fiduċja tal-utenti, jikkawżaw ħsara kbira lill-ekonomija u lis-sistemi demokratiċi tal-Unjoni, u jistgħu jħallu wkoll konsegwenzi fuq is-saħħa jew li jipperikolaw il-ħajjiet. Barra minn hekk, l-inċidenti taċ-ċibersigurtà huma imprevedibbli peress li spiss ifeġġu u jevolvu malajr, ma jkunux biss f’xi żona ġeografika speċifika, u jseħħu f’daqqa jew jinfirxu mill-ewwel f’ħafna pajjiżi. Huwa importanti li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn is-settur pubbliku, is-settur privat, l-akkademja, is-soċjetà ċivili u l-media.

(3)

Jeħtieġ tissaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tas-setturi tal-industrija u tas-servizzi fl-Unjoni fl-ekonomija diġitali kollha u li tiġi appoġġata t-trasformazzjoni diġitali tagħhom, billi jissaħħaħ il-livell taċ-ċibersigurtà fis-Suq Uniku Diġitali kif rakkomandat fi tliet proposti differenti tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Jeħtieġ li tiżdied ir-reżiljenza taċ-ċittadini, tan-negozji, fosthom il-mikroimpriżi, l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u n-negozji l-ġodda, u tal-entitajiet li joperaw infrastrutturi kritiċi kontra t-theddid ċibernetiku dejjem akbar, li jista’ jkollu impatti soċjetali u ekonomiċi devastanti. Għalhekk, jeħtieġ isir investiment fl-infrastrutturi u fis-servizzi u fil-bini tal-kapaċitajiet biex jiġu żviluppati ħiliet fil-qasam taċ-ċibersigurtà li se jappoġġaw l-identifikazzjoni u r-rispons aktar malajr għat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi. Barra minn hekk, l-Istati Membri jeħtieġu l-assistenza biex iħejju ruħhom u jirrispondu aħjar għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, kif ukoll assistenza fl-ikrupru inizjali minn dawk l-inċidenti. Filwaqt li tibni fuq l-istrutturi eżistenti u f’kooperazzjoni mill-qrib magħhom, l-Unjoni jenħtieġ li żżid ukoll il-kapaċitajiet tagħha f’dawk l-oqsma, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir u l-analiżi tad-data dwar it-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi.

(4)

L-Unjoni diġà ħadet għadd ta’ miżuri biex tnaqqas il-vulnerabbiltajiet u żżid ir-reżiljenza tal-infrastrutturi u l-entitajiet kritiċi kontra r-riskji ċibernetiċi, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), id-Direttivi 2013/40/UE (6) u (UE) 2022/2555 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 (8),. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar approċċ ikkoordinat għall-Unjoni kollha li jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika tistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri, u jikkooperaw lma’ xulxin, mal-Kummissjoni, ma’ awtoritajiet pubbliċi rilevanti oħra kif ukoll mal-entitajiet ikkonċernati, biex isaħħu r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika użata biex ifornu servizzi essenzjali fis-suq intern.

(5)

Ir-riskji dejjem akbar taċ-ċibersigurtà u x-xenarju ġenerali kumpless tat-theddid, b’riskju ċar ta’ tixrid malajr tal-inċidenti ċibernetiċi minn Stat Membru għall-ieħor u minn pajjiż terz għall-Unjoni, jirrikjedu t-tisħiħ tas-solidarjetà fil-livell tal-Unjoni għal identifikazzjoni, tħejjija u rispons aħjar għat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi, u għall-irkupru aħjar minnhom, b’mod partikolari billi jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ strutturi eżistenti. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2022 dwar l-iżvilupp tal-pożizzjoni ċibernetika tal-Unjoni Ewropea stiednu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta dwar Fond ta’ Rispons ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà ġdid.

(6)

Il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà tal-10 ta’ Novembru 2022 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża ħabbret Inizjattiva tal-UE għaċ-Ċibersolidarjetà bl-objettivi li jissaħħu l-kapaċitajiet komuni tal-UE tal-identifikazzjoni, l-għarfien sitwazzjonali u r-rispons billi jiġi promoss l-użu ta’ infrastruttura tal-UE taċ-Ċentri tal-Operazzjonijiet tas-Sigurtà (SOCs), jiġi appoġġat it-tiswir gradwali ta’ riżerva ċibernetika fil-livell tal-UE b’servizzi mingħand fornituri privati fdati, u jsir ittestjar tal-entitajiet kritiċi għal vulnerabbiltajiet potenzjali abbażi ta’ valutazzjonijiet tar-riskju tal-UE.

(7)

Jeħtieġ jissaħħu l-identifikazzjoni u l-għarfien sitwazzjonali tat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi madwar l-Unjoni u jeħtieġ tissaħħaħ is-solidarjetà billi jiżdiedu t-tħejjija u l-kapaċitajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni li jipprevjenu u jirrispondu għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit network pan-Ewropew ta’ ċentri ċibernetiċi (is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà) biex jinbnew kapaċitajiet koordinati tal-identifikazzjoni u tal-għarfien sitwazzjonali, filwaqt li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-identifikazzjoni tat-theddid u tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni tal-Unjoni; jenħtieġ li jiġi stabbilit Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà li jappoġġa lill-Istati Membri fuq talba tagħhom fit-tħejjija, fir-rispons u fil-mitigazzjoni tal-impatt għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, u fl-irkupru inizjali minnhom; u biex jappoġġaw lil utenti oħrajn fir-rispons għal inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira; u jenħtieġ li jiġi stabbilit Mekkaniżmu Ewropew tar-Rieżami tal-Inċidenti taċ-Ċibersigurtà li jirrieżamina u jivvaluta inċidenti speċifiċi sinifikanti jew inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira. L-azzjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettqu bir-rispett dovut għall-kompetenzi tal-Istati Membri u jenħtieġ li jikkomplementaw u mhux jidduplikaw l-attivitajiet imwettqa min-network tas-CSIRTs, min-Network Ewropew ta' Organizzazzjoni ta' Kollegament f'każ ta' Ċiberkriżijiet (EU-CyCLONe) jew mill-Grupp ta’ Kooperazzjoni (Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS), kollha stabbiliti skont id-Direttiva (UE) 2022/2555. Dawk l-azzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(8)

Biex jintlaħqu dawk l-objettivi, jeħtieġ ukoll jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) f’ċerti oqsma. B’mod partikolari, dan ir-Regolament jenħtieġ li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 biex jiżdiedu objettivi operazzjonali ġodda relatati mas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà u l-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà skont l-Objettiv Speċifiku 3 tal-Programm Ewropa Diġitali (DEP), maħsub biex jiżgura r-reżiljenza, l-integrità u l-affidabbiltà tas-Suq Uniku Diġitali, biex isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-monitoraġġ tal-attakki ċibernetiċi u t-theddid ċibernetiċi u r-rispons għalihom, u biex isaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni transfruntiera fiċ-ċibersigurtà. Is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà jista’ jkollha rwol importanti fl-appoġġ lill-Istati Membri fl-antiċipazzjoni u l-protezzjoni kontra t-theddid ċibernetiku, u r-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jista’ jkollha rwol importanti fl-appoġġ lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni, u lill-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP fir-rispons u fil-mitigazzjoni tal-impatti ta’ inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira. Dak l-impatt jista’ jinkludi ħsara materjali jew mhux materjali konsiderevoli u riskji serji għas-sigurtà u s-sikurezza pubblika. Fid-dawl tar-rwoli speċifiċi li jista’ jkollhom is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà u r-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, jenħtieġ li dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ entitajiet ġuridiċi li huma stabbiliti fl-Unjoni iżda li huma kkontrollati minn pajjiżi terzi, fejn ikun hemm riskju reali li l-għodod, l-infrastruttura u s-servizzi meħtieġa u suffiċjenti, jew it-teknoloġija, l-għarfien espert u l-kapaċità, ma jkunux disponibbli fl-Unjoni u l-benefiċċji tal-inklużjoni ta’ tali entitajiet ikunu akbar mir-riskju għas-sigurtà. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom jista’ jingħata l-appoġġ finanzjarju għal azzjonijiet li jimplimentaw is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà u r-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, u jenħtieġ li jiġu definiti l-mekkaniżmi ta’ governanza u koordinazzjoni meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi maħsuba. Emendi oħra għar-Regolament (UE) 2021/694 jenħtieġ li jinkludu deskrizzjonijiet tal-azzjonijiet proposti skont l-objettivi operazzjonali l-ġodda, u indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-objettivi operazzjonali l-ġodda.

(9)

Biex jissaħħaħ ir-rispons tal-Unjoni għat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi, kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll ma’ sħab internazzjali fdati u tal-istess fehma hija essenzjali. F’dak il-kuntest, is-sħab internazzjonali fdati u tal-istess fehma jenħtieġ li jinftiehmu bħala pajjiżi li jikkondividu l-prinċipji li ispiraw il-holqien tal-Unjoni, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-liġi internazzjonali, u li ma jimminawx l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha. Tali kooperazzjoni tista’ tkun ukoll ta’ benefiċċju fir-rigward tal-azzjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari s-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà u r-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. Ir-Regolament (UE) 2021/694 jenħtieġ li jipprevedi, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet ta’ disponibbiltà u sigurtà, biexofferti għas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà u r-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jkunu miftuħa għall-entitajiet ġuridiċi kkontrollati minn pajjiżi terzi, soġġetti għar-rekwiżiti tas-sigurtà. Meta jiġi vvalutat ir-riskju għas-sigurtà tal-ftuħ tal-akkwist b’dan il-mod, huwa importanti li jitqiesu l-prinċipji u l-valuri li l-Unjoni tikkondividi ma’ sħab internazzjonali tal-istess fehma, fejn dawk il-prinċipji u l-valuri jkunu relatati mal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni. Barra minn hekk, meta tali rekwiżiti ta’ sigurtà jkunu qed jiġu kkunsidrati skont ir-Regolament (UE) 2021/694, jistgħu jitqiesu diversi elementi, bħall-istruttura korporattiva u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ entità, is-sigurtà tad-data u tal-informazzjoni klassifikata jew sensittiva u l-iżgurar li r-riżultati tal-azzjoni ma jkunux soġġetti għal kontroll jew restrizzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux eliġibbli.

(10)

Il-finanzjament tal-azzjonijiet skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi previst fir-Regolament (UE) 2021/694, li jenħtieġ li jibqa’ l-att bażiku rilevanti għall-azzjonijiet minquxa fl-Objettiv Speċifiku 3 tad-DEP. Il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni rigward kull azzjoni għandhom jiġu previsti fil-programmi ta’ ħidma rilevanti, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/694.

(11)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, u jipprevedu kontrolli fuq ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jinkludu wkoll ir-reġim ġenerali tal-kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(12)

Filwaqt li l-miżuri ta’ prevenzjoni u tħejjija huma essenzjali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Unjoni fl-indirizzar ta’ inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira, l-okkorrenza, it-twaqqit u d-daqs ta’ tali inċidenti huma, min-natura tagħhom, imprevedibbli. Ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jiġi żgurat rispons adegwat jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti minn sena għal oħra u jenħtieġ li jkunu jistgħu jsiru disponibbli minnufih. Ir-rikonċiljazzjoni tal-prinċipju baġitarju tal-prevedibbiltà man-neċessità ta’ rispons rapidu għal ħtiġijiet ġodda għaldaqstant tirrikjedi l-adattament tal-implimentazzjoni finanzjarja tal-programmi ta’ ħidma. Konsegwentement, ikun xieraq li jiġi awtorizzat ir-riport tal-approprjazzjonijiet mhux użati, iżda biss għas-sena ta’ wara u biss għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u l-azzjonijiet li jappoġġaw l-assistenza reċiproka, flimkien mar-riport ta’ approprjazzjonijiet awtorizzati skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.

(13)

Biex ikun hemm prevenzjoni, valutazzjoni, rispons u rkupru aktar effettivi fir-rigward tat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi, jeħtieġ jiġi żviluppat għarfien aktar komprensiv dwar it-theddid fuq l-assi u l-infrastrutturi kritiċi fit-territorju tal-Unjoni, inkluż id-distribuzzjoni ġeografika, l-interkonnessjoni u l-effetti potenzjali tagħhom f’każ ta’ attakki ċibernetiċi li jaffettwaw lil dik l-infrastruttura. Approċċ proattiv għall-identifikazzjoni, il-mitigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ theddid ċibernetiku jinkludi kapaċità akbar ta’ kapaċitajiet ta’ identifikazzjoni avvanzata. Is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li tikkonsisti f’diversi Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri interkonnessi, li kull wieħed minnhom jiġbor flimkien tliet Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali jew aktar. Dik l-infrastruttura jenħtieġ li taqdi l-interessi u l-ħtiġijiet taċ-ċibersigurtà nazzjonali u tal-Unjoni, billi tingrana t-teknoloġija mill-aktar avvanzata għall-ġbir avvanzat ta’ data u informazzjoni rilevanti, anonimizzata meta jkun xieraq, u l-għodod tal-analiżi, ittejjeb il-kapaċitajiet tal-identifikazzjoni u l-ġestjoni koordinati taċ-ċibersigurtà u tipprovdi għarfien sitwazzjonali fil-ħin reali. Jenħtieġ li dik l-infrastruttura sservi biex ittejjeb il-pożizzjoni ċibernetika, billi żżid l-identifikazzjoni, l-aggregazzjoni u l-analiżi tad-data u l-informazzjoni bl-għan li tipprevjeni t-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi u b’hekk tikkomplementa u tappoġġa lill-entitajiet u lin-networks tal-Unjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi fl-Unjoni, b’mod partikolari l-EU-CyCLONe.

(14)

Il-parteċipazzjoni fis-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà hija volontarja għall-Istati Membri. Kull Stat Membru jenħtieġ li jaħtar entità unika fil-livell nazzjonali inkarigata mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-identifikazzjoni tat-theddid ċibernetiku f’dak l-Istat Membru. Dawk iċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali jenħtieġ li jaġixxu bħala punt ta’ referenza u portal fil-livell nazzjonali għall-parteċipazzjoni fis-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà u jenħtieġ li jiżguraw li l-informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku minn entitajiet pubbliċi u privati tiġi kondiviża u miġbura fil-livell nazzjonali b’mod effettiv u simplifikat. Iċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi u privati u jistgħu jappoġġaw ukoll l-iskambju ta’ data u informazzjoni rilevanti ma’ komunitajiet settorjali u transsettorjali rilevanti, inklużi ċ-Ċentri tal-Kondiviżjoni u tal-Analiżi tal-Informazzjoni (“ISACs”) rilevanti tal-industrija. Kooperazzjoni mill-qrib u kkoordinata bejn l-entitajiet pubbliċi u privati hija ċentrali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ċibernetika tal-Unjoni. Tali kooperazzjoni hija partikolarment siewja fil-kuntest tal-kondiviżjoni tal-intelligence dwar it-theddid ċibernetiku biex tittejjeb il-protezzjoni ċibernetika attiva. Bħala parti minn tali kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, iċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali jistgħu jitolbu u jirċievu informazzjoni speċifika. Dawk iċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali la huma obbligati u lanqas mogħtija s-setgħa minn dan ir-Regolament li jinfurzaw tali talbiet. Meta jkun xieraq u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, l-informazzjoni mitluba jew riċevuta tista’ tinkludi data dwar it-telemetrija, is-sensuri u l-illoggjar minn entitajiet, bħall-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà ġestiti, li joperaw f’setturi ta’ kritiċità għolja jew setturi kritiċi oħra f’dak l-Istat Membru, sabiex tissaħħaħ l-identifikazzjoni rapida ta’ theddid u inċidenti ċibernetiċi potenzjali fi stadju aktar bikri, u b’hekk jittejjeb l-għarfien sitwazzjonali. Jekk iċ-Ċentru Ċibernetiku Nazzjonali ma jkunx l-awtorità kompetenti maħtura jew stabbilita mill-Istat Membru rilevanti skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, huwa kruċjali li jikkoordina ma’ dik l-awtorità kompetenti fir-rigward ta’ talbiet għal tali data u rċevuti tagħha.

(15)

Bħala parti mis-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà, jenħtieġ li jiġu stabbiliti għadd ta’ Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri. Dawk iċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri jenħtieġ li jiġbru flimkien lil Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali minn tal-anqas tliet Stati Membri, biex jiżguraw li l-benefiċċji transfruntieri tal-identifikazzjoni tat-theddid u tal-kondiviżjoni u l-ġestjoni tal-informazzjoni jinkisbu kompletament. L-objettiv ġenerali taċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri jenħtieġ li jkun li jissaħħu l-kapaċitajiet biex jiġu analizzati, evitati u identifikati t-theddidiet ċibernetiċi u li tiġi appoġġata l-produzzjoni ta’ intelligence dwar theddid ċibernetiku ta’ kwalità għolja, b’mod partikolari bil-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti, anonimizzata meta jkun xieraq, f’ambjent fdat u sigur, minn diversi sorsi, pubbliċi jew privati, kif ukoll bil-kondiviżjoni u l-użu konġunt ta’ għodod mill-aktar avvanzati, u l-iżvilupp konġunt ta’ kapaċitajiet tal-identifikazzjoni, tal-analiżi u tal-prevenzjoni f’ambjent fdat u sigur. Jenħtieġ li ċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntiera jipprovdu kapaċità addizzjonali ġdida, filwaqt li jibnu fuq is-SOCs eżistenti, is-CSIRTs u atturi rilevanti oħra, inkluż in-network tas-CSIRTs, u jikkomplementawhom.

(16)

Stat Membru magħżul miċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (ECCC) stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) wara sejħa għal espressjonijiet ta’ interess biex jiġi stabbilit, jew jissaħħu l-kapaċitajiet ta’, Ċentru Ċibernetiku Nazzjonali, jenħtieġ li, b’mod konġunt mal-ECCC, jixtri għodod, infrastruttura jew servizzi rilevanti. Tali Stat Membru jenħtieġ li jkun eliġibbli li jirċievi għotja biex jopera l-għodod, l-infrastruttura jew is-servizzi. Konsorzju tal-Hosting li jikkonsisti f’mill-anqas tliet Stati Membri, li jkun intgħażel mill-ECCC wara sejħa għal espressjonijiet ta’ interess biex jiġi stabbilit jew jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Ċentru Ċibernetiku Transfruntier. Konsorzju tal-Hosting jenħtieġ li jixtri għodod, infrastruttura jew servizzi rilevanti b’mod konġunt mal-ECCC. Il-Konsorzju tal-Hosting jenħtieġ li jkun eliġibbli biex jirċievi għotja biex jopera l-għodod, l-infrastrutturA jew is-servizzi. Il-proċedura ta’ akkwist għax-xiri tal-għodod, l-infrastruttura jew is-servizzi rilevanti jenħtieġ li titwettaq b’mod konġunt mill-ECCC u l-awtoritajiet kontraenti rilevantital-Istati Membri magħżula wara tali sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess. Tali akkwist jenħtieġ li jikkonforma mal-Artikolu 168(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, u r-Regoli Finanzjarji tal-ECCC. Għalhekk, jenħtieġ li l-entitajiet privati ma jkunux eliġibbli biex jipparteċipaw fis-sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess biex jixtru għodod, infrastrutturi jew servizzi mal-ECCC, jew biex jirċievu għotjiet biex joperaw dawk l-għodod, l-infrastrutturi jew is-servizzi. Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jinvolvu entitajiet privati fl-istabbiliment, fit-titjib u fil-funzjonament taċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali tagħhom u taċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntiera tagħhom b’modi oħra li jqisu xierqa, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali. L-entitajiet privati jistgħu jkunu eliġibbli wkoll biex jirċievu finanzjament mill-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/887 sabiex ifornu appoġġ liċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali.

(17)

Sabiex jissaħħu l-identifikazzjoni tat-theddid ċibernetiku u l-għarfien sitwazzjonali fl-Unjoni, Stat Membru li jintgħażel wara sejħa għal espressjonijiet ta’ interess biex jistabbilixxi Ċentru Ċibernetiku Nazzjonali jew issaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu, jenħtieġ li jimpenja ruħu li japplika biex jipparteċipa f’Ċentru Ċibernetiku Transfruntier. Jekk Stat Membru ma jkunx parteċipant f’Ċentru Ċibernetiku Transfruntier fi żmien sentejn mid-data li fiha l-għodod, l-infrastruttura u s-servizzi jkunu ġew akkwistati, jew li fiha jkun irċieva l-finanzjament f’għotja, skont liema miż-żewġ każijiet seħħ l-ewwel, huwa jenħtieġ li ma jkunx eliġibbli li jipparteċipa f’azzjonijiet ulterjuri ta’ appoġġ tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà biex jissaħħu l-kapaċitajiet taċ-Ċentru Ċibernetiku Nazzjonali tiegħu, kif previst fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament. F’tali każijiet l-entitajiet mill-Istati Membri xorta jistgħu jipparteċipaw f’sejħiet għal proposti dwar suġġetti oħra fil-qafas tad-DEP jew programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni oħra, fosthom sejħiet għal kapaċitajiet għall-identifikazzjoni ċibernetika u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, dment li dawk l-entitajiet jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti f’ dawk il-programmi.

(18)

Is-CSIRTs jiskambjaw informazzjoni fi ħdan in-network tas-CSIRTs, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2022/2555. Is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li tikkostitwixxi kapaċità ġdida li tkun tikkomplementa lin-network tas-CSIRTs billi tikkontribwixxi għall-bini ta’ għarfien sitwazzjonali tal-Unjoni li jippermetti t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tan-network tas-CSIRTs. Iċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri jenħtieġ li jikkoordinaw u jikkooperaw mill-qrib man-network tas-CSIRTs. Jenħtieġ li jaġixxu billi jiġbru d-data u jikkondividu informazzjoni rilevanti, anonimizzata meta jkun xieraq, dwar it-theddid ċibernetiku minn entitajiet pubbliċi u privati, itejbu l-valur ta’ tali data u informazzjoni permezz ta’ analiżi esperta u infrastrutturi u għodod mill-aktar avvanzati akkwistati b’mod konġunt, u jikkontribwixxu għas-sovranità teknoloġika tal-Unjoni, l-awtonomija strateġika miftuħa, il-kompetittività u r-reżiljenza tagħha u għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Unjoni.

(19)

Iċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntiera jenħtieġ li jaġixxu bħala punt ċentrali li jippermetti ġbir wiesa’ ta’ data u intelligence dwar it-theddid ċibernetiku rilevanti, u jippermetti t-tixrid tal-informazzjoni dwar it-theddid fost sett kbir u varjat ta’ partijiet ikkonċernati (bħal pereżempju, Skwadri tar-Rispons f’Emerġenza Relatata mal-Kompjuters (CERTs), is-CSIRTs, l-ISACs u operaturi tal-infrastruttura kritika). Il-membri tal-Konsorzju tal-Hosting jenħtieġ li jispeċifikaw fil-ftehim tal-konsorzju l-informazzjoni rilevanti li għandha tiġi kondiviża fost il-parteċipanti taċ-Ċentru Ċibernetiku Transfruntier ikkonċernat. L-informazzjoni skambjata fost il-parteċipanti f’Ċentru Ċibernetiku Transfruntier tista’ tinkludi pereżempju data minn networks u sensuri, aġġornamenti tal-intelligence dwar it-theddid, indikaturi ta’ kompromess, u informazzjoni kuntestwalizzata dwar inċidenti, theddid, vulnerabbiltajiet u kważi aċċidenti, tekniki u proċeduri, tattiċi avversarjali, informazzjoni speċifika għall-atturi tat-theddid, allerti taċ-ċibersigurtà u rakkomandazzjonijiet rigward il-konfigurazzjoni tal-għodod taċ-ċibersigurtà biex jiġu identifikati attakki ċibernetiċi. Barra minn hekk, iċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri jenħtieġ li jagħmlu wkoll ftehimiet tal-kooperazzjoni ma’ Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri oħra. Tali ftehimiet ta’ kooperazzjoni jenħtieġ li, b’mod partikolari, jispeċifikaw il-prinċipji tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà. Il-klawżoli tagħhom dwar l-interoperabbiltà, b’mod partikolari l-formati u l-protokolli għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, jenħtieġ li jkunu ggwidati mil-linji gwida dwar l-interoperabbiltà maħruġa mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà stabbilit mir-Regolament 2019/881 (ENISA) u għalhekk, jieħdu lilhom bħala l-punt tat-tluq tagħhom. Dawk il-linji gwida jenħtieġ li jinħarġu malajr biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jitqiesu miċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri fi stadju bikri. Jenħtieġ li jqisu l-istandards internazzjonali u l-aħjar prattiki, u l-funzjonament taċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri stabbiliti.

(20)

Iċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri u n-network tas-CSIRTs jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw sinerġiji u komplementarjetà tal-attivitajiet. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jaqblu dwar arranġamenti proċedurali dwar il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti. Dan jista’ jinkludi l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti dwar it-theddid ċibernetiku, inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà u l-iżgurar li l-esperjenza bl-għodod mill-aktar avvanzati, b’mod partikolari l-Intelliġenza Artifiċjali u t-teknoloġija tal-analiżi tad-data, użati fiċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri, jiġu kondiviżi man-network tas-CSIRTs.

(21)

L-għarfien sitwazzjonali kondiviż fost l-awtoritajiet rilevanti hu prerekwiżit indispensabbli għat-tħejjija u l-koordinazzjoni fl-Unjoni kollha rigward l-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira. Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tistabbilixxi l-EU-CyCLONe biex tappoġġa l-ġestjoni koordinata tal-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira fil-livell operazzjonali u biex tiżgura l-iskambju regolari tal-informazzjoni rilevanti bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tistabbilixxiet wkoll in-network tas-CSIRTs li jippromwovi kooperazzjoni operazzjonali rapida u effettiva fost l-Istati Membri kollha. Biex jiġu żgurati l-għarfien sitwazzjonali u t-tisħiħ tas-solidarjetà, f’sitwazzjonijiet fejn iċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri jiksbu informazzjoni relatata ma’ inċident potenzjali jew attwali taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, huma jenħtieġ li jfornu informazzjoni rilevanti lin-network tas-CSIRTs u jinfurmaw, bħala tbassira bikrija, lill-EU-CyCLONe. B’mod partikolari, skont is-sitwazzjoni, l-informazzjoni li trid tiġi kondiviża tista’ tinkludi informazzjoni teknika, informazzjoni dwar in-natura u l-motivi tal-aggressur jew tal-aggressur potenzjali, u informazzjoni mhux teknika ta’ livell ogħla dwar inċident taċ-ċibersigurtà potenzjali jew attwali fuq skala kbira. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa lill-prinċipju tal-ħtieġa ta’ għarfien u lin-natura potenzjalment sensittiva tal-informazzjoni kondiviża. Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tfakkar ukoll fir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) stabbilit bid-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), u r-responsabbiltà tagħha li tipprovdi rapporti analitiċi għall-Arranġamenti tar- Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (Arranġamenti IPCR) skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1993 (14). Meta ċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri jikkondividu informazzjoni rilevanti u twissijiet bikrija relatati ma’ inċident potenzjali jew attwali taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira mal-EU-CyCLONe u man-network tas-CSIRTs, huwa imperattiv li dik l-informazzjoni tiġi kondiviża permezz ta’ dawk in-networks mal-awtoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni. F’dak ir-rigward, id-Direttiva (UE) 2022/2555 tipprevedi li l-għan tal-EU-CyCLONe huwa li jappoġġa l-ġestjoni koordinata tal-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira fil-livell operazzjonali u li jiżgura l-iskambju regolari tal-informazzjoni rilevanti bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Il-kompiti tal-EU-CyCLONe jinkludu l-iżvilupp ta’ għarfien sitwazzjonali kondiviż għal tali inċidenti u kriżijiet. Huwa ta’ importanza kbira li l-EU-CyCLONe jiżgura, f’konformità ma’ dak l-għan u l-kompiti tiegħu, li tali informazzjoni hija fornita minnufih mar-rappreżentanti rilevanti tal-Istati Membri u mal-Kummissjoni. Għal dak il-għan, huwa kruċjali li r-regoli ta’ proċedura tal-EU-CyCLONe jinkludu dispożizzjonijiet xierqa.

(22)

Jenħtieġ li l-entitajiet li jipparteċipaw fis-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà jiżguraw livell għoli ta’ interoperabbiltà bejniethom inkluż, kif xieraq, fir-rigward tal-formati tad-data, it-tassonomija, l-għodod tal-immaniġġar tad-data u tal-analiżi tad-data. Jenħtieġ li jiżguraw ukoll kanali siguri tal-komunikazzjoni, livell minimu ta’ sigurtà tal-livell tal-applikazzjoni, dashboard tal-għarfien sitwazzjonali, u indikaturi. L-adozzjoni ta’ tassonomija komuni u l-iżvilupp ta’ mudell għar-rapporti sitwazzjonali biex jiġu deskritti l-kawżi tat-theddid ċibernetiku identifikat u r-riskji ċibernetiċijenħtieġ li jqisu l-ħidma eżistenti magħmula fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

(23)

Biex ikun jista’ jsir l-iskambju tad-data u l-informazzjoni rilevanti dwar it-theddid taċ-ċibersigurtà minn diversi sorsi, fuq skala kbira u f’ambjent fdat u sigur, l-entitajiet li jieħdu sehem fis-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li jkunu attrezzati b’għodod, tagħmir u infrastrutturi mill-aktar avvanzati u siguri ferm, kif ukoll b’persunal bil-ħiliet meħtieġa. B’hekk jenħtieġ li jkunu jistgħu jittejbu l-kapaċitajiet kollettivi tal-identifikazzjoni u tat-twissijiet fil-ħin lill-awtoritajiet u lill-entitajiet rilevanti, b’mod partikolari billi jintużaw l-aktar teknoloġiji riċenti tal-intelliġenza artifiċjali u tal-analiżi tad-data.

(24)

Bil-ġbir, bl-analiżi, bil-kondiviżjoni u bl-iskambju tad-data u l-informazzjoni rilevanti, is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li ssaħħaħ is-sovranità teknoloġika tal-Unjoni u l-awtonomija strateġika miftuħa fil-qasam taċ-ċibersigurtà, tal-kompetittività u tar-reżiljenza. Il-ġbir ta’ data mirquma ta’ kwalità għolja jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji avvanzati tal-intelliġenza artifiċjali u tal-analiżi tad-data. Is-sorveljanza mill-bniedem u, għal dak il-għan, forza tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa tibqa’ essenzjali għall-ġbir b’mod effettiv ta’ data ta’ kwalità għolja.

(25)

Filwaqt li s-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà hi proġett ċivili, il-komunità taċ-ċibersigurtà tista’ tibbenefika minn kapaċitajiet ċivili aktar sodi tal-identifikazzjoni u tal-għarfien sitwazzjonali żviluppati għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika.

(26)

Jenħtieġ li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost il-parteċipanti tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà tkun konformi mar-rekwiżiti legali eżistenti u b’mod partikolari mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data, u mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni li jirregolaw l-iskambju tal-informazzjoni. Ir-riċevitur tal-informazzjoni jenħtieġ li jimplimenta, sa fejn ikun meħtieġ għall-ipproċessar tad-data personali, miżuri tekniċi u organizzazzjonali li jħarsu d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, u jenħtieġ li jeqred id-data malli ma tibqax meħtieġa għall-iskop iddikjarat u jinforma lill-entità li jagħmel id-data disponibbli li d-data tkun inqerdet.

(27)

Il-preservazzjoni tal-kunfidenzjalità u tas-sigurtà tal-informazzjoni huma ta’ importanza kbira għat-tliet pilastri ta’ dan ir-Regolament, kemm jekk biex titħeġġeġ il-kondiviżjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fil-kuntest tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà, biex jiġu ppreservati l-interessi tal-entitajiet li japplikaw għall-appoġġ skont il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà, jew biex jiġi żgurat li r-rapporti skont il-Mekkaniżmu Ewropew tar-Rieżami tal-Inċidenti taċ-Ċibersigurtà jkunu jistgħu jrendu tagħlimiet utli meħuda mingħajr ma jkollhom impatt negattiv fuq l-entitajiet affettwati mill-inċidenti. Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri u l-entitajiet f’dawk il-Mekkaniżmi tiddependi fuq ir-relazzjonijiet ta’ fiduċja bejn il-komponenti tagħhom. Meta l-informazzjoni tkun kunfidenzjali skont ir-regoli tal-Unjoni jew dawk nazzjonali, il-kondiviżjoni u l-iskambju tagħha skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun limitat għal dak li huwa rilevanti u proporzjonat għall-finijiet tal-kondiviżjoni jew l-iskambju. Dak l-iskambju jenħtieġ ukoll li jippreserva l-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni filwaqt li jipproteġi s-sigurtà u l-interessi kummerċjali ta’ kull entità kkonċernata. Il-kondiviżjoni jew l-iskambju tal-informazzjoni skont dan ir-Regolament tista’ sseħħ bl-użu ta’ ftehimiet ta’ nondivulgazzjoni, jew gwida dwar id-distribuzzjoni tal-informazzjoni bħat-traffic light protocol. It-traffic light protocol għandu jinftiehem li huwa mezz biex tingħata informazzjoni dwar kwalunkwe limitazzjoni rigward it-tixrid ulterjuri tal-informazzjoni. Jintuża fi kważi s-CSIRTs kollha u f’xi ISACs. Minbarra dawk ir-rekwiżiti ġenerali, fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà, il-ftehimiet dwar il-Konsorzji tal-Hosting jenħtieġ li jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-kundizzjonijiet għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fi ħdan iċ-Ċentru Ċibernetiku Transfruntier ikkonċernat. Dawk il-ftehimiet jistgħu, b’mod partikolari, jirrikjedu li l-informazzjoni tiġi kondiviża biss f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali.

(28)

Fir-rigward tal-użu tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, huma meħtieġa regoli speċifiċi dwar il-kunfidenzjalità. L-appoġġ se jintalab, jiġi vvalutat u fornut f’kuntest ta’ kriżi u fir-rigward ta’ entitajiet li joperaw f’setturi sensittivi. Sabiex ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà tiffunzjona b’mod effettiv, huwa essenzjali li l-utenti u l-entitajiet ikunu jistgħu jikkondividu, u jfornu aċċess, mingħajr dewmien, għall-informazzjoni kollha li tkun meħtieġa biex kull entità taqdi r-rwol tagħha fil-valutazzjoni tat-talbiet u fl-użu tal-appoġġ. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi li tali informazzjoni kollha tintuża jew tiġi kondiviża biss fejn meħtieġ għall-funzjonament tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, u li l-informazzjoni li tkun kunfidenzjali jew klassifikata skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonalitintuża u tiġi kondiviża biss f’konformità ma’ dik il-liġi. Apparti hekk, l-utenti jenħtieġ li dejjem ikunu jistgħu, meta jkun xieraq, jużaw protokolli għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni bħat-traffic light protocol biex jispeċifikaw aktar il-limitazzjonijiet. Filwaqt li l-utenti għandhom diskrezzjoni f’dan ir-rigward, huwa importanti li meta japplikaw tali limitazzjonijiet, huma jqisu l-konsegwenzi possibbli, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dewmien fil-valutazzjoni jew il-forniment tas-servizzi mitluba. Sabiex ikun hemm Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà effiċjenti, huwa importanti li l-Awtorità Kontraenti tiċċara dawk il-konsegwenzi lill-utent qabel ma tissottometti talba. Dawk is-salvagwardji huma limitati għat-talba u l-forniment ta’ servizzi tar-iżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u ma jaffettwawx il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni f’kuntesti oħra, bħal fl-akkwist tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà.

(29)

Fid-dawl taż-żidiet kontinwi fir-riskji u fl-għadd ta’ inċidenti ċibernetiċi li jolqtu lill-Istati Membri, jeħtieġ jiġi stabbilit strument ta’ appoġġ għall-kriżijiet, jiġifieri l-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà, biex jtejjeb ir-reżiljenza tal-Unjoni għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira u jikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri b’appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għat-tħejjija, għar-rispons għal inċident u għall-irkupru inizjali tas-servizzi essenzjali. Peress li l-irkupru sħiħ minn inċident huwa proċess komprensiv biex jiġi restawrat il-funzjonament tal-entità affettwata mill-inċident għall-istat ta’ qabel l-inċident u jista’ jkun proċess twil li jinvolvi kostijiet sinifikanti, l-appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li jkun limitat għall-istadju inizjali tal-proċess ta’ rkupru, li jwassal għar-restawr tal-funzjonalitajiet bażiċi tas-sistemi. Il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li jippermetti l-użu rapidu u effettiv tal-assistenza f’ċirkostanzi definiti u f’kundizzjonijiet ċari u jippermetti monitoraġġ u evalwazzjoni bir-reqqa ta’ kif intużaw ir-riżorsi. Filwaqt li r-responsabbiltà primarja għall-prevenzjoni, għat-tħejjija u għar-rispons għall-inċidenti u l-kriżijiet hi f’idejn l-Istati Membri, il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà jippromwovi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(30)

Il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li jforni appoġġ lill-Istati Membri li jkun jikkomplementa l-miżuri u r-riżorsi proprji tagħhom, u jagħti alternattivi ta’ appoġġ eżistenti oħra fir-rigward tar-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, u l-irkupru inizjali minnhom, bħas-servizzi fornuti mill-ENISA f’konformità mal-mandat tagħha, ir-rispons ikkoordinat u l-assistenza min-network tas-CSIRTs, l-appoġġ tal-mitigazzjoni mill-EU-CyCLONe, kif ukoll l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri inkluż fil-kuntest tal-Artikolu 42(7) tat-TUE u t-Timijiet ta’ Rispons Rapidu Ċibernetiku tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) stabbiliti skont id-Deċiżjoni tal-Kunsull (PESK) 2017/2315 (15). Jenħtieġ li jindirizza l-ħtieġa li tkun żgurata d-disponibbiltà ta’ mezzi speċjalizzati li jappoġġaw it-tħejjija u r-rispons għal tali inċidenti madwar l-Unjoni u fil-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP, u l-irkupru minnhom.

(31)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-proċeduri u l-oqfsa għall-koordinazzjoni tar-risponsi għall-kriżijiet fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2022/2555, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili stabbilit skont id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), l-Arranġamenti IPCR, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 (17). L-appoġġ fornut fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà jista’ jikkomplementa l-assistenza fornuta fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni u l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, meta titqies in-natura ċivili tal-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà. L-appoġġ fornut fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà jista’ jikkomplementa l-azzjonijiet implimentati fil-kuntest tal-Artikolu 42(7) tat-TUE, inkluża l-assistenza fornuta minn Stat Membru lil Stat Membru ieħor, jew jifforma parti mir-rispons konġunt bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jew f’sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 222 tat-TFUE. L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun ikkoordinat ukoll mal-implimentazzjoni tal-miżuri skont l-Għodod tad-Diplomazija Ċibernetika, meta jkun xieraq.

(32)

L-assistenza fornuta skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun tappoġġa u tikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-livell nazzjonali. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-ENISA, l-Istati Membri u, fejn rilevanti, l-ECCC. Meta jitlob l-appoġġ tal-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà, l-Istati Membri jenħtieġ li jfornu informazzjoni rilevanti li tiġġustifika l-ħtieġa ta’ appoġġ.

(33)

Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tirrikjedi li l-Istati Membri jaħtru jew jistabbilixxu awtorità waħda jew aktar għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi u jiżguraw li jkollhom ir-riżorsi adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv u effiċjenti. Tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jidentifikaw il-kapaċitajiet, l-assi u l-proċeduri li jistgħu jintużaw fil-każ ta’ kriżi u jadottaw pjan nazzjonali ta’ rispons għall-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira li jkun jistabbilixxi l-objettivi u l-arranġamenti għall-ġestjoni tal-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira. L-Istati Membri meħtieġa wkoll jistabbilixxu CSIRT waħda jew aktar inkarigati mill-ġestjoni tal-inċidenti skont proċess definit sew u li jkun ikopri mill-anqas is-setturi, is-subsetturi u t-tipi tal-entitajiet fl-ambitu ta’ dik id-Direttiva, u jiżguraw li jkollhom riżorsi adegwati biex iwettqu l-kompiti b’mod effettiv. Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kummissjoni li tiżgura l-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li jforni assistenza għal azzjonijiet immirati biex isaħħu t-tħejjija, u għal azzjonijiet ta’ rispons għall-inċidenti li jimmitigaw l-impatt tal-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, b’appoġġ għall-irkupru inizjali jew biex jitreġġgħu lura l-funzjonalitajiet bażiċi tas-servizzi fornuti mill-entitajiet li joperaw f’setturi ta’ kritiċità għolja jew entitajiet li joperaw f’setturi kritiċi oħra.

(34)

Bħala parti mill-azzjonijiet tat-tħejjija, biex jiġi promoss approċċ konsistenti u tissaħħaħ is-sigurtà fl-Unjoni u fis-suq intern tagħha, jenħtieġ li jingħata appoġġ għall-ittestjar u l-valutazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet li joperaw f’setturi ta’ kritiċità għolja identifikati skont id-Direttiva (UE) 2022/2555 b’mod ikkoordinat, inkluż permezz tal-eżerċizzju u t-taħriġ. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-ENISA, lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS u lill-EU-CyCLONe, jenħtieġ li tidentifika regolarment is-setturi jew is-subsetturi rilevanti, li jenħtieġ li jkunu eliġibbli li jirċievu appoġġ finanzjarju għal ittestjar tat-tħejjija kkoordinat fil-livell tal-Unjoni. Is-setturi jew is-subsetturi jenħtieġ li jintgħażlu mis-setturi ta’ kritiċità għolja elenkati fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2022/2555. L--ittestjar tat-tħejjija kkoordinat jenħtieġ li jkun bbażat fuq xenarji u metodoloġiji komuni tar-riskju. L-għażla tas-setturi u l-iżvilupp tax-xenarji tar-riskju jenħtieġ li jqisu l-valutazzjonijiet tar-riskju u x-xenarji tar-riskju rilevanti fl-Unjoni kollha, inkluż il-ħtieġa li tkun evitata d-duplikazzjoni, bħall-evalwazzjoni tar-riskju u x-xenarji tar-riskju mitluba fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-qagħda taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea mwettqa mill-Kummissjoni, mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika tas-Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) u mill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, b’koordinazzjoni mal-korpi u l-aġenziji ċivili u militari rilevanti u n-networks stabbiliti, inkluż l-EU-CyCLONe, kif ukoll il-valutazzjoni tar-riskju tan-networks u tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni mitluba mis-Sejħa Ministerjali Konġunta ta’ Nevers u mwettqa mill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-ENISA, u b’kooperazzjoni mal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi stabbilit mir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), il-valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà kkoordinati fil-livell tal-Unjoni ta’ katini ta’ proviżjoni kritiċi li jridu jsiru skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 u l-ittestjar tar-reżiljenza operazzjonali diġitali kif previst fir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). L-għażla tas-setturi jenħtieġ li tqis ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat fl-Unjoni kollha li jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika.

(35)

Barra minn hekk, il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li jippovdi appoġġ għal azzjonijiet oħra tat-tħejjija u jenħtieġ li jappoġġa t-tħejjija f’setturi oħra li mhumiex koperti mill-ittestjar ikkoordinat tat-tħejjija tal-entitajiet li joperaw f’setturi ta’ kritiċità għolja u f’setturi kritiċi oħra. Dawk l-azzjonijiet jistgħu jinkludu diversi tipi ta’ attivitajiet nazzjonali ta’ tħejjija.

(36)

Meta l-Istati Membri jirċievu għotjiet biex jappoġġaw azzjonijiet ta’ tħejjija, l-entitajiet f’setturi ta’ kritiċità għolja jistgħu jipparteċipaw f’dawk l-azzjonijiet fuq bażi volontarja. Hija prattika tajba li wara tali azzjonijiet, l-entitajiet parteċipanti jfasslu pjan ta’ rimedju biex jimplimentaw kwalunkwe rakkomandazzjoni li tirriżulta ta’ miżuri speċifiċi biex jibbenefikaw kemm jista’ jkun mill-azzjoni tat-tħejjija. Filwaqt li huwa importanti li l-Istati Membri, bħala parti mill-azzjonijiet, jitolbu li l-entitajiet parteċipanti jfasslu u jimplimentaw tali pjanijiet ta’ rimedju, l-Istati Membri la huma obbligati u lanqas mogħtija s-setgħa minn dan ir-Regolament li jinfurzaw tali talbiet. Tali talbiet huma mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti għall-entitajiet u għas-setgħat ta’ superviżjoni għall-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva (UE) 2022/2555.

(37)

Il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li jforni wkoll appoġġ għal azzjonijiet ta’ rispons għall-inċidenti biex jiġi mmitigat l-impatt tal-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira, ikun appoġġat l-irkupru inizjali, jew jitreġġa’ lura l-funzjonament tas-servizzi essenzjali. Meta jkun xieraq, jenħtieġ li dan jikkomplementa lill-UCPM biex jiżgura approċċ komprensiv li jirrispondi għall-impatt tal-inċidenti ċibernetiċi fuq iċ-ċittadini.

(38)

Il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li jappoġġa l-assistenza teknika fornuta minn Stat Membru wieħed lil Stat Membru ieħor. Stat Membru li hu affettwat minn inċident taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, inkluż mis-CSIRTs kif imsemmi fl-Artikolu 11(3), il-punt (f), tad-Direttiva (UE) 2022/2555. L-Istati Membri li jipprovdu tali assistenza jenħtieġ li jitħallew jippreżentaw talbiet biex ikopru l-kostijiet relatati mad-dispaċċ tat-timijiet tal-esperti fil-qafas tal-assistenza reċiproka. Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u tal-allowance ta’ kuljum tal-esperti taċ-ċibersigurtà.

(39)

Minħabba r-rwol essenzjali li l-impriżi privati jaqdu fid-detezzjoni, fit-tħejjija u fir-rispons għal inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u għal inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira, huwa importanti li jiġi rikonoxxut il-valur tal-kooperazzjoni pro bono volontarja ma’ tali impriżi, fejn joffru servizzi mingħajr remunerazzjoni fil-każ ta’ inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira. L-ENISA, f’kooperazzjoni mal-EU-CyCLONe tista’ timmonitorja l-evoluzzjoni ta’ tali inizjattivi pro bono u tippromwovi l-konformità tagħhom mal-kriterji applikabbli għall-fornituri fdati ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti skont dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-affidabbiltà tal-impriżi privati, l-esperjenza tagħhom kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jittrattaw informazzjoni sensittiva b’mod sigur.

(40)

Bħala parti mill-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà, jenħtieġ li gradwalment tiġi stabbilita Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, li tkun tikkonsisti f’servizzi minn fornituri fdati ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti biex jappoġġaw l-azzjonijiet ta’ rispons u jibdew azzjonijiet ta’ rkupru f’każijiet ta’ inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira jew inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira li jaffettwaw lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-aġenziji tal-Unjoni, jew lill-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP. Ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li tiżgura d-disponibbiltà u l-prontezza tas-servizzi. Għalhekk jenħtieġ li tinkludi servizzi li huma impenjati minn qabel, inkluż pereżempju kapaċitajiet li jkunu fuq stand-by u li jkunu jistgħu jintużaw fi żmien qasir. Is-servizzi mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li jservu biex jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali fl-għoti tal-assistenza lill-entitajiet affettwati li joperaw f’setturi ta’ kritiċità għolja jew lill-entitajiet affettwati li joperaw f’setturi kritiċi oħra li jikkomplementaw l-azzjonijiet tagħhom stess fil-livell nazzjonali. Is-servizzi mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jistgħu jservu wkoll biex jappoġġaw lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni, f’kundizzjonijiet simili. Ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà tista’ tikkontribwixxi wkoll biex tissaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija u tas-servizzi fl-Unjoni fl-ekonomija diġitali, fosthom il-mikroimpriżi, l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll in-negozji l-ġodda, inkluż billi tinċentivizza l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa importanti li meta jiġu akkwistati s-servizzi għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, jitqies il-Qafas Ewropew għall-Ħiliet fil-qasam taċ-Ċibersigurtà tal-ENISA. Meta jitolbu appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, l-utenti jenħtieġ li jinkludu fl-applikazzjoni tagħhom informazzjoni xierqa dwar l-entità affettwata u l-impatt potenzjali, informazzjoni dwar is-servizz mitlub mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, u l-appoġġ fornut lill-entità affettwata fil-livell nazzjonali, li jenħtieġ li jitqies meta tiġi vvalutata t-talba mill-applikant. Biex tiġi żgurata l-komplementarjetà ma’ forom oħra ta’ appoġġ disponibbli għall-entità affettwata, it-talba jenħtieġ li tinkludi wkoll, meta disponibbli, informazzjoni dwar arranġamenti kuntrattwali fis-seħħ ta’ servizzi ta’ rispons għall-inċidenti u rkupru inizjali mill-inċidenti, kif ukoll kuntratti ta’ assigurazzjoni li potenzjalment ikopru tali tip ta’ inċident.

(41)

Sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv tal-finanzjament tal-Unjoni, jenħtieġ li s-servizzi impenjati minn qabel taħt ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jiġu kkonvertiti, f’konformità mal-kuntratt rilevanti, f’servizzi ta’ tħejjija relatati mal-prevenzjoni tal-inċidenti u r-rispons għalihom, f’każ li dawk is-servizzi impenjati minn qabel ma jintużawx għar-rispons għall-inċidenti matul iż-żmien li għalih ikunu impenjati minn qabel. Dawk is-servizzi jenħtieġ li jikkomplementaw u mhux li jidduplikaw l-azzjonijiet ta’ tħejjija li jridu jiġu ġestiti mill-ECCC.

(42)

It-talbiet għal appoġġ fil-qafas tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà mill-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-Istati Membri u mis-CSIRTs, jew mis-CERT-UE f’isem l-istituzzjoniijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu vvalutati mill-awtorità kontraenti. Fejn l-ENISA tkun ġiet fdata bl-amministrazzjoni u l-funzjonament tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, dik l-awtorità kontraenti hija l-ENISA. It-talbiet għal appoġġ minn pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP jenħtieġ li jiġu vvalidati mill-Kummissjoni. Sabiex jiġu ffaċilitati s-sottomissjoni u l-valutazzjoni tat-talbiet għall-appoġġ, l-ENISA tista’ tistabbilixxi pjattaforma sigura.

(43)

Meta jaslu diversi talbiet simultanji, dawk it-talbiet jenħtieġ li jingħataw prijorità f’konformità mal-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. Fid-dawl tal-objettivi ġenerali ta’ dan ir-Regolament, dawk il-kriterji jenħtieġ li jinkludu s-skala u s-severità tal-inċident, it-tip ta’ entità affettwata, l-impatt potenzjali tal-inċident fuq l-Istat Membru jew l-utenti affettwati, in-natura transfruntiera potenzjali tal-inċident u r-riskju ta’ tixrid, u l-miżuri diġà meħuda mill-utent biex jassisti fir-rispons u fl-irkupru inizjali. Fid-dawl ta’ dawk objettivi u minħabba li t-talbiet mill-utenti tal-Istati Membri huma maħsuba esklużivament biex jappoġġaw entitajiet madwar l-Unjoni li joperaw f’setturi ta’ kritiċità għolja jew entitajiet li joperaw f’setturi kritiċi oħra, huwa xieraq li tingħata prijorità ogħla lit-talbiet tal-utenti tal-Istati Membri meta dawk il-kriterji jwasslu biex żewġ talbiet jew aktar jiġu vvalutati bħala ugwali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu li l-Istati Membri jista’ jkollhom, skont il-ftehimiet tal-hosting rilevanti, li jieħdu miżuri biex jipproteġu u jassistu lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni.

(44)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. Minħabba l-esperjenza estensiva li kisbet l-ENISA bl-azzjoni ta’ appoġġ għaċ-ċibersigurtà, l-ENISA hija l-Aġenzija l-aktar xierqa biex timplimenta r-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. Għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ li tinkariga lill-ENISA, parzjalment jew, meta l-Kummissjoni tqis li jkun xieraq, kompletament bil-funzjonament u l-amministrazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. L-inkarigu jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mar-regoli applikabbli skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 u b’mod partikolari jenħtieġ li jkun soġġett li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti għall-iffirmar ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni. Kwalunkwe aspett tal-funzjonament u tal-amministrazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà mhux fdat lill-ENISA jenħtieġ li jkun soġġett għal ġestjoni diretta mill-Kummissjoni, inkluż qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim ta’ kontribuzzjoni.

(45)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom rwol ewlieni fil-kostituzzjoni, fl-implimentazzjoni u fil-perjodu ta’ wara l-implimentazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. Peress li r-Regolament (UE) 2021/694 huwa l-att bażiku rilevanti għall-azzjonijiet li jimplimentaw ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, l-azzjonijiet fil-qafas tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li jiġu previsti fil-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/694. Skont il-paragrafu 6 ta’ dak l-Artikolu, dawk il-programmi ta’ ħidma jenħtieġ li jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, jenħtieġ li tiddetermina l-prijoritajiet u l-evoluzzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà.

(46)

Il-kuntratti stabbiliti fil-qafas tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li ma jaffettwawx ir-relazzjoni bejn in-negozji u l-obbligi li diġà jeżistu bejn l-entità affettwata jew l-utenti u l-fornitur tas-servizzi.

(47)

Għall-fini tal-għażla tal-fornituri privati tas-servizzi biex ifornu servizzi fil-kuntest tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, jeħtieġ jiġi stabbilit sett ta’ kriterji u rekwiżiti minimi li jenħtieġ li jiġi inkluż fis-sejħa għall-offerti biex jintgħażlu dawk il-fornituri, biex ikun żgurat li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-entitajiet li joperaw f’setturi ta’ kritiċità għolja u entitajiet li joperaw f’setturi kritiċi oħra. Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri, meta takkwista servizzi għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, jenħtieġ li l-awtorità kontraenti, meta jkun xieraq, tiżviluppa kriterji u rekwiżiti tal-għażla addizzjonali għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament. Huwa importanti li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ fornituri iżgħar, attivi fil-livell reġjonali u lokali.

(48)

Meta tagħżel il-fornituri għall-inklużjoni fir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, l-awtorità kontraenti jenħtieġ li jkollha l-għan li tiżgura li r-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, meta titqies kollha kemm hi, ikun fiha fornituri li jkunu kapaċi jakkomodaw ir-rekwiżiti lingwistiċi tal-utenti. Għal dak il-għan, l-awtorità kontraenti, qabel ma tħejji l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta, jenħtieġ li tinvestiga jekk l-utenti potenzjali tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jkollhomx rekwiżiti lingwistiċi speċifiċi sabiex is-servizzi ta’ appoġġ tar-Riżerva jkunu jistgħu jiġu fornuti b’lingwa minn fost il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, li x’aktarx tinftiehem mill-utent jew mill-entità affettwata. F’każ li aktar minn lingwa waħda tkun meħtieġa minn utent għall-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u li dawk is-servizzi jkunu ġew akkwistati f’dawk il-lingwi għal dak l-utent, l-utent jenħtieġ li, fit-talba għal appoġġ tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, ikun jista’ jispeċifika f’liema minn dawk il-lingwi jenħtieġ li jiġu fornuti s-servizzi fir-rigward tal-inċident speċifiku li jwassal għat-talba.

(49)

Biex tappoġġa l-istabbiliment tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, huwa importanti li l-Kummissjoni titlob lill-ENISA tħejji skema kandidata ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għal servizzi tas-sigurtà ġestiti skont ir-Regolament (UE) 2019/881 fl-oqsma koperti mill-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà.

(50)

Biex jiġu appoġġati l-objettivi ta’ dan ir-Regolament tal-promozzjoni tal-għarfien sitwazzjonali kondiviż, it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Unjoni u l-iffaċilitar ta’ rispons effettiv għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u l-inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, il-Kummissjoni jew l-EU-CyCLONe jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu lill-ENISA, bl-appoġġ tan-network tas-CSIRTs u tal-approvazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati, tirrieżamina u tivvaluta t-theddid ċibernetiku, il-vulnerabbiltajiet magħrufin sfruttabbli u l-azzjonijiet tal-mitigazzjoni fir-rigward ta’ xi inċident taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira speċifiku. Wara t-tlestija tar-rieżami u tal-valutazzjoni ta’ inċident, l-ENISA jenħtieġ li tħejji rapport tar-rieżami tal-inċident, b’kollaborazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż rappreżentanti mis-settur privat, mill-Kummissjoni u minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni. Filwaqt li jibni fuq il-kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inkluż mis-settur privat, ir-rapport tar-rieżami tal-inċidenti speċifiċi jenħtieġ li jkollu l-għan li jivvaluta l-kawżi, l-impatt u l-mitigazzjoni tal-inċident, wara li jkun seħħ. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-kontribut u lit-tagħlimiet kondiviżi mill-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà ġestiti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-ogħla integrità professjonali, tal-imparzjalità u tal-għarfien espert tekniku kif meħtieġ skont dan ir-Regolament. Ir-rapport jenħtieġ li jintbagħat lill-EU-CyCLONe, lin-network tas-CSIRTs u lill-Kummissjoni u jenħtieġ li jintuża għall-ħidma tagħhom kif ukoll għall-ħidma tal-ENISA. Meta l-inċident ikun relatat ma’ pajjiż terz assoċjat mad-DEP, il-Kummissjoni jenħtieġ ukoll li tforni r-rapport lir-Rappreżentant Għoli.

(51)

Filwaqt li titqies in-natura imprevedibbli tal-attakki ċibernetiċi u l-fatt li dawn spiss ma jkunux f’xi żona ġeografika speċifika, u jkunu jippreżentaw riskju għoli ta’ tixrid, it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-pajjiżi ġirien u tal-kapaċità tagħhom li jirrispondu b’mod effettiv għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira jgħin għall-protezzjoni tal-Unjoni kollha kemm hi, u b’mod partikolari is-suq intern u l-impriżi tagħha. Tali attivitajiet jenħtieġ li jikkontribwixxu aktar għad-diplomazija ċibernetika tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP jistgħu jiġu appoġġati mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, fit-territorji kollha tagħhom jew f’parti minnhom, meta dan ikun previst fil-ftehim li permezz tiegħu l-pajjiż terz ikun assoċjat mad-DEP. Il-finanzjament għal pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP jenħtieġ li jiġi appoġġat mill-Unjoni fil-qafas ta’ sħubijiet u strumenti tal-finanzjament rilevanti għal dawk il-pajjiżi. L-appoġġ jenħtieġ li jkopri s-servizzi fil-qasam tar-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira, u l-irkupru inizjali minnhom.

(52)

Il-kundizzjonijiet stabbiliti għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u għall-fornituri fdati ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw meta jingħata l-appoġġ lill-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP. Il-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà meta l-entitajiet fil-mira u li għalihom jitolbu appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jkunu entitajiet li joperaw f’setturi ta’ kritiċità għolja jew entitajiet li joperaw f’setturi kritiċi oħra u meta l-inċidenti identifikati jwasslu għal tfixkil operazzjonali sinifikanti jew jista’ jkollhom effetti konsegwenzjali fl-Unjoni. Il-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP jenħtieġ li jkunu eliġibbli biss li jirċievu appoġġ meta l-ftehim li permezz tiegħu jkunu assoċjati mad-DEP jipprevedi speċifikament tali appoġġ. Barra minn hekk, tali pajjiżi terzi jenħtieġ li jibqgħu eliġibbli biss sakemm jiġu ssodisfati tliet kriterji. L-ewwel nett, il-pajjiż terz jenħtieġ li jkun jikkonforma bis-sħiħ mat-termini rilevanti ta’ dak il-ftehim. It-tieni, minħabba n-natura komplementari tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, il-pajjiż terz jenħtieġ li jkun ħa passi adegwati biex iħejji għal inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira. It-tielet, il-forniment ta’ appoġġ mir-Riżerva jenħtieġ li jkun konsistenti mal-politika tal-Unjoni fil-konfront tar-relazzjonijiet ma’ dak il-pajjiż, anki fuq livell ġenerali, u mal-politiki l-oħra tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà. Fil-kuntest tal-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità ma’ dak it-tielet kriterju, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lir-Rappreżentant Għoli għall-allinjament tal-għoti ta’ tali appoġġ mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni.

(53)

Il-forniment ta’ appoġġ lil pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP jista’ jaffettwa r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u l-politika ta’ sigurtà tal-Unjoni, inkluż fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni u l-politika ta’ difiża u ta’ sigurtà komuni. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-Kunsill jingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex jawtorizza u jispeċifika l-perjodu li matulu jista’ jiġi fornut tali appoġġ. Il-Kunsill jenħtieġ li jaġixxi abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li titqies kif xieraq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tat-tliet kriterji. L-istess jenħtieġ li japplika għat-tiġdid u għall-proposti li jemendaw jew jirrevokaw tali atti. Meta, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kunsill iqis li kien hemm bidla sinifikanti fiċ-ċirkostanzi fir-rigward tat-tielet kriterju, il-Kunsill jenħtieġ li jkun jista’ jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess biex jemenda jew jirrevoka att ta’ implimentazzjoni mingħajr ma jistenna proposta mill-Kummissjoni. Tali bidliet sinifikanti aktarx li jirrikjedu azzjoni urġenti, li jkollhom implikazzjonijiet partikolarment importanti għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, u li ma jirrikjedux valutazzjoni dettaljata minn qabel mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkoopera mar-Rappreżentant Għoli fir-rigward ta’ tali talbiet għal appoġġ minn pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP u l-implimentazzjoni ta’ appoġġ mogħti lil tali Stati Membri. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis ukoll eventwali fehmiet fornuti mill-ENISA fir-rigward ta’ tali talbiet u appoġġ. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma lill-Kunsill dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tat-talbiet, inkluż il-kunsiderazzjonijiet rilevanti magħmula f’dak ir-rigward, u s-servizzi użati.

(54)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2023 dwar l-Akkademja għall-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà rrikonoxxiet in-nuqqas ta’ professjonisti bil-ħiliet meħtieġa. Tali ħiliet huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. L-Unjoni teħtieġ b’mod urġenti professjonisti bil-ħiliet u l-kompetenzi biex jipprevjenu, jidentifikaw u jiskoraġġixxu l-attakki ċibernetiċi u jiddefendu lill-Unjoni, inkluż l-infrastrutturi l-aktar kritiċi tagħha, kontra tali attakki u jiżguraw ir-reżiljenza tagħha. Għal dak il-għan, huwa importanti li titħeġġeġ il-kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati, inkluż mis-settur privat, l-akkademja u s-settur pubbliku. Huwa daqstant importanti li jinħolqu sinerġiji, fit-territorji kollha tal-Unjoni, fir-rigward tal-investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta’ salvagwardji biex jiġu evitati l-eżodu ta’ mħuħ u t-tkabbir tad-distakk fil-ħiliet f’ċerti reġjuni aktar minn f’reġjuni oħra. Hemm bżonn urġenti li jingħalaq id-distakk fil-ħiliet taċ-ċibersigurtà, b’enfasi partikolari fuq it-tnaqqis fid-differenza bejn il-ġeneri fil-forza tax-xogħol fil-qasam taċ-ċibersigurtà biex jiġu promossi l-preżenza u l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tfassil tal-governanza diġitali.

(55)

Sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni fis-Suq Uniku Diġitali, it-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni fiċ-ċibersigurtà huwa importanti biex jingħata kontribut għaż-żieda fir-reżiljenza tal-Istati Membri u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni, li t-tnejn li huma huma objettivi ta’ dan ir-Regolament. Is-sinerġiji huma essenzjali biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati differenti, fosthom mis-settur privat, is-soċjetà ċivili u l-akkademja.

(56)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-impenn stabbilit fid-Dikjarazzjoni Konġunta tas-26 ta’ Jannar 2022 tal-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni intitolata “Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali” li tipproteġi l-interessi tad-demokraziji, tal-popli, tan-negozji u tal-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Unjoni kontra r-riskji ċibernetiċi u ċ-ċiberkriminalità inkluż il-ksur tad-data u s-serq jew il-manipulazzjoni tal-identità.

(57)

Sabiex jiġu ssumplimentati ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex tispeċifika t-tipi u l-għadd ta’ servizzi ta’ rispons meħtieġa għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (20). B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċivuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom sistematikament ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(58)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika ulterjorment l-arranġamenti proċedurali dettaljati għall-allokazzjoni tas-servizzi ta’ appoġġ tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

(59)

Mingħajr preġudizzju għar-regoli relatati mal-baġit annwali tal-Unjoni skont it-Trattati, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament meta tivvaluta l-ħtiġijiet tal-ibbaġitjar u tal-persunal tal-ENISA.

(60)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament fuq bażi regolari. L-ewwel tali evalwazzjoni jenħtieġ li ssir fl-ewwel sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u mill-anqas kull 4 snin wara, filwaqt li jitqies iż-żmien tar-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit skont l-Artikolu 312 TFUE. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar il-progress li jkun sar lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Sabiex tivvaluta l-elementi differenti meħtieġa, inkluż il-firxa ta’ informazzjoni kondiviża fis-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża ruħha esklużivament fuq informazzjoni li tkun faċilment disponibbli jew fornuta b’mod volontarju. Filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi ġeopolitiċi u sabiex jiġu żgurati l-kontinwità u l-iżvilupp ulterjuri tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament lil hinn mill-2027, huwa importanti li l-Kummissjoni tivvaluta l-bżonn li jiġi allokat baġit xieraq fil-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2028-2034.

(61)

Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi rinfurzata l-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija u tas-servizzi fl-Unjoni fl-ekonomija diġitali u jsir kontribut għas-sovrenità teknika u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri li jsaħħu l-kapaċitajiet fl-Unjoni tal-identifikazzjoni, tat-tħejjija u tar-rispons għat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi, b’mod partikolari billi jistabbilixxi:

(a)

network pan-Ewropew taċ-ċentri ċibernetiċi (“Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà”) biex jinbnew u jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ identifikazzjoni koordinata u tal-għarfien sitwazzjonali komuni;

(b)

Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà biex jappoġġa lill-Istati Membri fit-tħejjija għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, fir-rispons għalihom, fil-mitigazzjoni tal-impatt tagħhom u biex jingħata bidu għall-irkupru minnhom u biex jiġu appoġġati utenti oħra fir-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira;

(c)

Mekkaniżmu Ewropew tar-Rieżami tal-Inċidenti taċ-Ċibersigurtà biex jiġu rrieżaminati u vvalutati inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.

2.   Dan ir-Regolament isegwi l-objettivi ġenerali li tissaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija u tas-servizzi fl-Unjoni fl-ekonomija diġitali, fosthom il-mikroimpriżi, l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll in-negozji l-ġodda u li jingħata kontribut għas-sovranità teknoloġika u għall-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà, inkluż billi tingħata spinta lill-innovazzjoni fis-Suq Uniku Diġitali. Ir-Regolament isegwi dawk l-objettivi billi jsaħħaħ is-solidarjetà fil-livell tal-Unjoni, isaħħaħ l-ekosistema taċ-ċibersigurtà, issaħħaħ ir-reżiljenza ċibernetika tal-Istati Membri u jiżviluppa l-ħiliet, l-għarfien espert, il-kapaċitajiet u l-kompetenzi tal-forza tax-xogħol fir-rigward taċ-ċibersigurtà.

3.   Il-kisba tal-objettivi ġenerali msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi segwita permezz tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

li jissaħħu l-kapaċitajiet komuni ta’ identifikazzjoni kkoordinata fil-livell tal-Unjoni u l-għarfien sitwazzjonali komuni tal-inċidenti u t-theddid ċibernetiċi;

(b)

li tissaħħaħ it-tħejjija tal-entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ kritiċità għolja jew tal-entitajiet li joperaw f’setturi kritiċi oħra madwar l-Unjoni u li tissaħħaħ is-solidarjetà billi jiġi żviluppat testjar ikkordinat tat-tħejjija u kapaċitajiet imsaħħa tar-rispons u l-irkupru biex jindirizzaw inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira jew inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira, inkluż il-possibbiltà li l-appoġġ tar-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni jkun disponibbli għall-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP;

(c)

li tittejjeb ir-reżiljenza tal-Unjoni u li jingħata kontribut għal rispons effettiv għall-inċidenti billi jiġu rieżaminati u vvalutati inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, inkluż billi jinġabru t-tagħlimiet meħuda u, meta jkun xieraq, isiru rakkomandazzjonijiet.

4.   L-azzjonijiet skont dan ir-Regolament għandhom jitwettqu bir-rispett dovut għall-kompetenzi tal-Istati Membri u għandhom ikunu komplementari għall-attivitajiet imwettqa min-network tas-CSIRTs, mill-EU-CyCLONe u mill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS.

5.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-funzjonijiet Statali essenzjali tal-Istati Membri, inkluż l-iżgurar tal-integrità territorjali tal-Istat, iż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru.

6.   Il-kondiviżjoni jew l-iskambju tal-informazzjoni skont dan ir-Regolament li jkunu kunfidenzjali skont ir-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali għandhom ikunu limitati għal dak rilevanti u proporzjonat għall-fini ta’ dik il-kondiviżjoni jew dak l-iskambju. Tali kondiviżjoni jew skambju ta’ informazzjoni għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u jipproteġu s-sigurtà u l-interessi kummerċjali tal-entitajiet ikkonċernati. Ma għandhomx jinvolvu l-forniment ta’ informazzjoni, li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-interessi essenzjali tal-Istati Membri għas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Ċentru Ċibernetiku Transfruntier” tfisser pjattaforma multinazzjonali, stabbilita bi ftehim tal-konsorzju bil-miktub li fi struttura ta’ network ikkoordinat tiġbor flimkien Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali minn tal-anqas tliet Stati Membri, u li titfassal biex issaħħaħ il-monitoraġġ, l-identifikazzjoni u l-analiżi tat-theddid ċibernetiku, biex tipprevjeni l-inċidenti ċibernetiċi u biex tappoġġa l-ġenerazzjoni ta’ intelligence dwar it-theddid ċibernetiku, b’mod partikolari bl-iskambju ta’ data u informazzjoni rilevanti, anonimizzati meta jkun xieraq, kif ukoll bil-kondiviżjoni ta’ għodod mill-aktar avvanzati u bl-iżvilupp konġunt ta’ identifikazzjoni, analiżi, u kapaċitajiet tal-prevenzjoni u tal-protezzjoni fil-qasam ċibernetiku f’kuntest ta’ fiduċja;

(2)

“Konsorzju tal-Hosting” tfisser konsorzju magħmul minn Stati Membri parteċipanti, li qablu li jistabbilixxu u li jikkontribwixxu għall-akkwist ta’ għodod, infrastrutturi jew servizzi għaċ-Ċentru Ċibernetiku Transfruntier, u għall-funzjonament tiegħu;

(3)

“CSIRT” tfisser CSIRT maħtura jew stabbilita skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(4)

“entità” tfisser entità kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (38), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(5)

“entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ kritiċità għolja jew setturi kritiċi oħra” tfisser it-tipi ta’ entità elenkati fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(6)

“entitajiet li joperaw f’setturi kritiċi oħra” tfisser it-tipi ta’ entità elenkati fl-Anness II għad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(7)

“riskju” tfisser riskju kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (9), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(8)

“theddida ċibernetika” tfisser theddida ċibernetika kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2019/881;

(9)

“inċident” tfisser inċident kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (6), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(10)

“inċident taċ-ċibersigurtà sinifikanti” tfisser inċident li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 23(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(11)

“inċident kbir” tfisser inċident kbir kif definit fl-Artikolu 3, punt (8), tar-Regolement (UE, Euratom) 2023/2841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22);

(12)

“inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira” tfisser inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (7), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(13)

“inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira” tfisser, fil-każ ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, inċident kbir u, fil-każ ta’ pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP, inċident li jikkawża livell ta’ tfixkil li jaqbeż il-kapaċità ta’ pajjiż terz assoċjat mad-DEP li jirrispondi għalih;

(14)

“pajjiż terz assoċjat mad-DEP” tfisser pajjiż terz li huwa parti għal ftehim mal-Unjoni li jippermetti l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Programm Ewropa Diġitali skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2021/694;

(15)

“awtorità kontraenti” tfisser il-Kummissjoni jew, sa fejn il-funzjonament u l-amministrazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jkunu ġew fdati lill-ENISA skont l-Artikolu 14(5), l-ENISA;

(16)

“fornitur ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti” tfisser fornitur ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (40), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(17)

“fornituri fdati ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti” tfisser fornituri ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti magħżula biex jiġu inklużi fir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, f’konformità mal-Artikolu 17.

KAPITOLU II

IS-SISTEMA EWROPEA TA’ ALLERT GĦAĊ-ĊIBERSIGURTÀ

Artikolu 3

Stabbiliment tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà

1.   Network pan-Ewropew ta’ infrastruttura li jikkonsisti minn Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali u Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri li jissieħbu fuq bażi volontarja, is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà f’ għandha tiġi stabbilita biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet avvanzati għall-Unjoni biex ittejjeb il-kapaċitajiet ta’ identifikazzjoni, analiżi u pproċessar tad-data b’rabta mat-theddid ċibernetiku u l-prevenzjoni ta’ inċidenti fl-Unjoni.

2.   Is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà għandha:

(a)

tikkontribwixxi għal protezzjoni u rispons aħjar għat-theddid ċibernetiku billi tappoġġa u tikkoopera mal-entitajiet rilevanti, u ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħhom, b’mod partikolari s-CSIRTs, in-network tas-CSIRTs, l-EU-CyCLONe u l-awtoritajiet kompetenti maħtura jew stabbiliti skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(b)

tiġbor id-data u l-informazzjoni rilevanti dwar it-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi minn diversi sorsi fi ħdan iċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri u tikkondividi informazzjoni analizzata jew aggregata permezz ta’ Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri, fejn rilevanti man-network tas-CSIRTs;

(c)

tiġbor u tappoġġa l-produzzjoni ta’ informazzjoni azzjonabbli ta’ kwalità għolja u intelligence dwar it-theddid ċibernetiku, billi tuża għodod mill-aktar avvanzati u teknoloġiji avvanzati, u tikkondividi dik l-informazzjoni u intelligence dwar it-theddid ċibernetiku;

(d)

tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-identifikazzjoni koordinata ta’ theddid ċibernetiku u għarfien sitwazzjonali komuni fl-Unjoni, u għall-ħruġ ta’ allerti, inkluż, fejn rilevanti, billi tipprovdi rakkomandazzjonijiet konkreti lill-entitajiet;

(e)

tforni servizzi u attivitajiet għall-komunità taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni, inkluż billi tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ għodod u teknoloġiji avvanzati, bħall-għodod tal-intelliġenza artifiċjali (AI) u tal-analiżi tad-data.

3.   L-azzjonijiet li jimplimentaw is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà għandhom jiġu appoġġati b’finanzjament mill-Programm Ewropa Diġitali (DEP)u implimentati f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/694, b’mod partikolari l-Objettiv Speċifiku 3 tiegħu.

Artikolu 4

Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali

1.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li jipparteċipa fis-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà għandu jaħtar jew, meta jkun applikabbli, jistabbilixxi Ċentru Ċibernetiku Nazzjonali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Ċentru Ċibernetiku Nazzjonali għandu jkun entità waħda li taġixxi taħt l-awtorità ta’ Stat Membru. Jista’ jkun CSIRT, jew meta applikabbli, awtorità nazzjonali għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi jew awtorità kompetenti oħra maħtura jew stabbilita skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, jew entità oħra. Iċ-Ċentru Ċibernetiku Nazzjonali għandu:

(a)

ikollu l-kapaċità li jaġixxi bħala punt ta’ referenza u portal għal organizzazzjonijiet pubbliċi u privati oħra fil-livell nazzjonali għall-ġbir u l-analizzar tal-informazzjoni dwar it-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi u li jikkontribwixxi għal Ċentru Ċibernetiku Transfruntier kif imsemmi fl-Artikolu 5; u

(b)

ikun kapaċi jidentifika, jaggrega u janalizza data u informazzjoni rilevanti għat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi, bħall-intelliġenza dwar it-theddid ċibernetiku, billi juża b’mod partikolari teknoloġiji mill-aktar avvanzati, bl-għan li jipprevjeni l-inċidenti.

3.   Bħala parti mill-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, iċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali jistgħu jikkooperaw ma’ entitajiet tas-settur privat biex jiskambjaw data u informazzjoni rilevanti għall-fini tal-identifikazzjoni u l-prevenzjoni ta’ theddid u inċidenti ċibernetiċi, inkluż ma’ komunitajiet settorjali u transsettorjali ta’ entitajiet essenzjali u importanti kif imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Meta jkun xieraq u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, l-informazzjoni mitluba jew riċevuta miċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali tista’ tinkludi data dwar it-telemetrija, is-sensuri u l-illoggjar.

4.   Stat Membru magħżul skont l-Artikolu 9(1) għandu jimpenja ruħu li japplika biex iċ-Ċentru Ċibernetiku Nazzjonali tiegħu jipparteċipa f’Ċentru Ċibernetiku Transfruntier.

Artikolu 5

Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri

1.   Meta mill-anqas tliet Stati Membri jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li ċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali jaħdmu flimkien biex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom tal-identifikazzjoni ċibernetika u tal-monitoraġġ tat-theddid, dawk l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu Konsorzju tal-Hosting għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Konsorzju tal-Hosting għandu jkun magħmul minn mill-inqas tliet Stati Membri parteċipanti, li qablu li jistabbilixxu u jikkontribwixxu għall-akkwist ta’ għodod, infrastrutturi jew servizzi għal Ċentru Ċibernetiku Transfruntier, u għall-funzjonament tiegħu, skont il-paragrafu 4.

3.   Meta Konsorzju tal-Hosting jintgħażel f’konformità mal-Artikolu 9(3), il-membri tiegħu għandhom jikkonkludu ftehim tal-konsorzju bil-miktub li:

(a)

jistabbilixxi l-arranġamenti interni għall-implimentazzjoni tal-ftehim tal-hosting u tal-użu msemmi fl-Artikolu 9(3);

(b)

jistabbilixxi ċ-Ċentru Ċibernetiku Transfruntier tal-Konsorzju tal-Hosting; u

(c)

jinkludi l-klawżoli speċifiċi meħtieġa skont l-Artikolu 6(1) u (2).

4.   Ċentru Ċibernetiku Transfruntier għandu jkun pjattaforma multinazzjonali stabbilita minn ftehim tal-konsorzju bil-miktub kif imsemmi fil-paragrafu 3. Għandu jlaqqa’ fi struttura ta’ network ikkoordinat iċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali tal-Istati Membri tal-konsorzju tal-hosting. Għandu jitfassal b’tali mod li jsaħħaħ il-monitoraġġ, l-identifikazzjoni u l-analiżi tat-theddid ċibernetiku, bil-għan li jevita l-inċidenti u jsostni l-produzzjoni tal-intelligence dwar it-theddid ċibernetiku, b’mod partikolaripermezz tal-iskambju ta’ data u informazzjoni rilevanti, anonimizzata meta jkun xieraq, kif ukoll permezz tal-kondiviżjoni ta’ għodod mill-aktar avvanzati u billi jiżviluppa b’mod konġunt il-kapaċitajiet ta’ identifikazzjoni, analiżi, prevenzjoni u protezzjoni fil-qasam ċibernetiku f’kuntest ta’ fiduċja.

5.   Ċentru Ċibernetiku Transfruntier għandu jkun irrappreżentat għal finijiet legali minn membru tal-Konsorzju tal-Hosting korrispondenti li jaġixxi ta’ koordinatur, jew mill-konsorzju tal-hosting jekk ikollu personalità ġuridika. Ir-responsabbiltà għall-konformità taċ-Ċentru Ċibernetiku Transfruntier ma’ dan ir-Regolament u mal-ftehim tal-hosting u tal-użu għandha tiġi allokata fil-ftehim tal-konsorzju bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 3.

6.   Stat Membru jista’ jingħaqad ma’ Konsorzju tal-Hosting eżistenti bil-qbil tal-membri tal-Konsorzju tal-Hosting. Il-ftehim tal-konsorzju bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 3 u l-ftehim tal-hosting u tal-użu għandhom jiġu modifikati f’dan is-sens. Dan ma għandux jolqot id-drittijiet ta’ proprjetà taċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (“ECCC”) fuq l-għodod, l-infrastrutturi jew is-servizzi diġà akkwistati b’mod konġunt ma’ dak il-konsorzju tal-hosting.

Artikolu 6

Kooperazzjoni u kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan u bejn iċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri

1.   Il-membri tal-Konsorzju tal-Hosting għandhom jiżguraw li ċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali tagħhom jiskambjaw, f’konformità mal-ftehim tal-konsorzju msemmi fl-Artikolu 5(3), informazzjoni rilevanti,, anonimizzata meta jkun xieraq, pereżempju l-informazzjoni relatata mat-theddid ċibernetiku, il-kważi inċidenti, il-vulnerabbiltajiet, it-tekniki u l-proċeduri, l-indikaturi ta’ kompromess, it-tattiki kontenzjużi, informazzjoni speċifika għall-atturi tat-theddid, twissijiet taċ-ċibersigurtà u rakkomandazzjonijiet dwar il-konfigurazzjoni tal-għodod taċ-ċibersigurtà għall-identifikazzjoni tal-attakki ċibernetiċi bejniethom u fi ħdan iċ-Ċentru Ċibernetiku Transfruntier, meta din il-kondiviżjoni tal-informazzjoni:

(a)

trawwem u ttejjeb l-identifikazzjoni tat-theddid ċibernetiku u ssaħħaħ il-kapaċitajiet tan-network tas-CSIRTs biex tipprevjeni u tirrispondi għal inċidenti jew timmitiga l-impatt tagħhom;

(b)

ittejjeb il-livell taċ-ċibersigurtà, pereżempju billi tgħarraf dwar it-theddid ċibernetiku, tillimita jew ixxekkel il-propensità li dan it-theddid jinfirex, tappoġġa firxa ta’ kapaċitajiet difensivi, rimedji u żvelar tal-vulnerabbiltajiet, tekniki tal-identifikazzjoni, tal-kontroll u tal-prevenzjoni tat-theddid, strateġiji tal-mitigazzjoni, stadji ta’ rispons u rkupru jew tippromwovi r-riċerka kollaborattiva dwar it-theddid ċibernetiku bejn l-entitajiet pubbliċi u privati.

2.   Il-ftehim tal-konsorzju bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 5(3) għandu jistabbilixxi:

(a)

impenn għal kondiviżjoni fost il-membri tal-Konsorzju tal-Hosting ta’ informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 u l-kundizzjonijiet li skonthom tali informazzjoni trid tiġi kondiviżi.;

(b)

qafas ta’ governanza li jiċċara u jinċentiva l-kondiviżjoni mill-parteċipanti kollha tal-informazzjoni rilevanti, anonimizzata meta jkun xieraq, kif imsemmifil-paragrafu 1;

(c)

objettivi għall-kontribut għall-iżvilupp ta’ għodod u teknoloġiji avvanzati, pereżempju għodod tal-intelliġenza artifiċjali u tal-analiżi tad-data.

Il-ftehim bil-miktub jista’ jispeċifika li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kondiviża f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali.

3.   Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri għandhom jikkonkludu ma’ xulxin ftehimiet ta’ kooperazzjoni, li jispeċifikaw il-prinċipji ta’ interoperabbiltà u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn iċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri. Iċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni konklużi.

4.   Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 bejn iċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri għandu jiġi żgurat permezz ta’ livell għoli ta’ interoperabbiltà. Bil-għan li tiġi sostnuta tali interoperabbiltà, l-ENISA għandha, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sal-5 ta’ Frar 2026, toħroġ linji gwida dwar l-interoperabbiltà li jispeċifikaw b’mod partikolari l-formati u l-protokolli tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni, fid-dawl tal-istandards internazzjonali u tal-aħjar prattiki, kif ukoll il-funzjonament ta’ kwalunkwe Ċentru Ċibernetiku Transfruntier stabbilit. Ir-rekwiżiti tal-interoperabbiltà previsti fil-ftehimiet ta’ kooperazzjoni taċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri għandhom ikunu bbażati fuq il-linji gwida li toħroġ l-ENISA.

Artikolu 7

Kooperazzjoni u kondiviżjoni tal-informazzjoni man-networks fil-livell tal-Unjoni

1.   Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri u n-network tas-CSIRTs għandhom jikkooperaw mill-qrib, b’mod partikolari għall-finijiet tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Għal dak il-għan, għandhom jaqblu fuq arranġamenti proċedurali dwar il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni rilevanti u, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, dwar it-tipi tal-informazzjoni li jiġu kondiviżi.

2.   Meta ċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri jiksbu informazzjoni relatata ma’ inċident potenzjali jew attwali taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, dawn għandhom jiżguraw, għall-finijiet tal-għarfien sitwazzjonali komuni, li l-informazzjoni rilevanti kif ukoll it-twissijiet bikrin jingħataw lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni permezz ta’ EU-CyCLONe u ta’ network tas-CSIRTs mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 8

Sigurtà

1.   L-Istati Membri li jipparteċipaw fis-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà għandhom jiżguraw livell għoli ta’ ċibersigurtà, inklużi l-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-data, kif ukoll is-sigurtà fiżika tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà, u għandhom jiżguraw li n-network jiġi ġestit u kkontrollat kif xieraq b’mod li jitħares mit-theddid u tkun żgurata s-sigurtà tiegħu u tas-sistemi, inkluż dik tad-data u l-informazzjoni kondiviża permezz tan-network.

2.   L-Istati Membri li jipparteċipaw fis-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà għandhom jiżguraw li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) fi ħdan is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà ma’ kwalunkwe entità oħra differenti minn awtorità jew korp pubbliku ta’ Stat Membru ma tkunx taffettwa ħażin l-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

Artikolu 9

Finanzjament tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà

1.   Wara sejħa għal espressjonijiet ta’ interess, għal Stati Membri li bi ħsiebhom jipparteċipaw fis-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà, l-ECCC għandu jagħżel Stati Membri biex jieħdu sehem mal-ECCC fl-akkwist konġunt ta’ għodod, infrastrutturi jew servizzi mal-ECCC, bil-għan li jinħolqu Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali maħtura jew stabbiliti skont l-Artikolu 4(1), jew issaħħu l-kapaċitajiet tagħhom. L-ECCC jista’ jagħti għotjiet lill-Istati Membri magħżula biex jiffinanzjaw il-funzjonament ta’ tali għodod, infrastruttura jew servizzi. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tkopri sa 50 % tal-kostijiet tal-akkwist tal-għodod, l-infrastrutturi jew is-servizzi, u sa 50 % tal-kostijiet tal-funzjonament. L-Istati Membri magħżula għandhom ikopru l-ispejjeż li jifdal. Qabel ma titnieda l-proċedura għall-akkwist ta’ għodod, infrastruttura jew servizzi, l-ECCC u l-Istati Membri magħżula għandhom jikkonkludu ftehim tal-hosting u tal-użu li jirregola l-użu tal-għodod, l-infrastruttura u s-servizzi.

2.   Jekk Ċentru Ċibernetiku Nazzjonali ta’ Stat Membru mhuwiex parteċipant f’Ċentru Ċibernetiku Transfruntier fi żmien sentejn mid-data li fiha l-għodod, l-infrastruttura u s-servizzi jkunu ġew akkwistati, jew li fiha jkun irċieva l-finanzjament f’għotja, skont liema miż-żewġ każijiet seħħ l-ewwel, l-Istat Membru ma għandux ikun eliġibbli għal appoġġ addizzjonali tal-Unjoni fl-ambitu ta’ dan il-Kapitolu sakemm jingħaqad maċ-Ċentru Ċibernetiku Transfruntier.

3.   Wara sejħa għal espressjonijiet ta’ interess, Konsorzju tal-Hosting għandu jintgħażel mill-ECCC biex jipparteċipa f’akkwist konġunt ta’ għodod, infrastrutturi jew servizzi mal-ECCC. L-ECCC jista’ jagħti għotja lill-Konsorzju tal-Hosting biex jiffinanzja l-funzjonament tal-għodod, l-infrastruttura jew is-servizzi. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tkopri sa 75 % tal-kostijiet tal-akkwist tal-għodod, l-infrastrutturi u s-servizzi, u sa 50 % tal-kostijiet tal-funzjonament. Il-Konsorzju tal-Hosting għandu jkopri l-kostijiet li jifdal. Qabel ma titnieda l-proċedura għall-akkwist ta’ għodod, infrastrutturi u servizzi, l-ECCC u l-Konsorzju tal-Hosting għandhom jikkonkludu ftehim tal-hosting u tal-użu li jirregola l-użu tal-għodod, l-infrastrutturi u s-servizzi.

4.   L-ECCC għandu jħejji, mill-anqas kull sentejn, immappjar tal-għodod, l-infrastruttura u s-servizzi neċessarji u ta’ kwalità adegwata biex jiġu stabbiliti ċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali u ċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri, jew imsaħħa l-kapaċitajiet tagħhom, u d-disponibbiltà tagħhom, inklużi mill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti jew meqjusa li huma stabbiliti fl-Istati Membri u kkontrollati mill-Istati Membri jew minn ċittadini tal-Istati Membri. Huwa u jħejji l-immappjar, l-ECCC għandu jikkonsulta lin-network tas-CSIRTs, lil kwalunkwe Ċentru Ċibernetiku Transfruntier eżistenti, lill-ENISA u lill-Kummissjoni.

KAPITOLU III

MEKKANIŻMU TA’ EMERĠENZA GĦAĊ-ĊIBERSIGURTÀ

Artikolu 10

L-istabbiliment tal-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà

1.   Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà huwa stabbilit biex jappoġġa t-titjib tar-reżiljenza tal-Unjoni għat-theddid ċibernetiku, u t-tħejjija u l-mitigazzjoni ta’, bi spirtu ta’ solidarjetà, l-impatt fl-immedjat tal-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira.

2.   Fil-każ tal-Istati Membri, azzjonijiet fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà għandhom jiġu fornuti fuq talba u għandhom ikunu komplementari għall-isforzi u għall-azzjonijiet tal-Istati Membri maħsuba biex iħejju ruħhom għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà, biex jirrispondu għalihom u biex jirkupraw minnhom.

3.   L-azzjonijiet li jimplimentaw il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà għandhom jiġu appoġġati b’finanzjament midDEP u għandhom jiġu implimentati f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/694, b’mod partikolari l-Objettiv Speċifiku 3 tiegħu.

4.   L-azzjonijiet fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà għandhom jiġu implimentati prinċipalment permezz tal-ECCC f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/887. Madankollu l-azzjonijiet li jimplimentaw ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà kif imsemmi fl-Artikolu 11(1), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati mill-Kummissjoni u mill-ENISA.

Artikolu 11

Tipi ta’ azzjoni

Il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà għandu jappoġġa t-tipi ta’ azzjoni li ġejjin:

(a)

azzjonijiet tat-tħejjija, jiġifieri:

(i)

l-ittestjar ikkoordinat tat-tħejjija tal-entitajiet li joperaw f’setturi ta’ kritiċità għolja fl-Unjoni kif speċifikat fl-Artikolu 12;

(ii)

azzjonijiet tat-tħejjija oħrajn għall-entitajiet li joperaw f’setturi ta’ kritiċità għolja jew għall-entitajiet li joperaw f’setturi kritiċi oħra, kif speċifikat fl-Artikolu 13;

(b)

azzjonijiet li jappoġġaw ir-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira u li jibdew l-irkupru minn tali inċidenti, li jridu jingħataw minn fornituri fdati ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti li jipparteċipaw fir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà stabbilita skont l-Artikolu 14;

(c)

azzjonijiet li jappoġġaw l-assistenza reċiproka kif imsemmi fl-Artikolu 18.

Artikolu 12

Ittestjar ikkoordinat tat-tħejjija tal-entitajiet

1.   Il-Mekkaniżu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà għandu jappoġġa l-ittestjar ikkoordinat volontarju tat-tħejjija tal-entitajiet li joperaw f’setturi ta’ kritiċità għolja.

2.   L-ittestjar ikkoordinat tat-tħejjija jista’ jikkonsisti minn attivitajiet tat-tħejjija, pereżempju ttestjar tal-penetrazzjoni, u valutazzjoni tat-theddid.

3.   L-appoġġ għall-azzjonijiet tat-tħejjija skont dan l-Artikolu għandu jingħata lill-Istati Membri prinċipalment fil-forma ta’ għotjiet u soġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-programmi ta’ ħidma rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/694.

4.   Għall-fini tal-appoġġ tal-ittestjar ikkoordinat tat-tħejjija tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-punt (a)(i), ta’ dan ir-Regolament madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, l-EU-CyCLONe u l-ENISA, tidentifika s-setturi jew is-subsetturi kkonċernati mis-setturi ta’ kritiċità għolja elenkati fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2022/2555 li għalihom tista’ tinħareġ sejħa għal proposti għall-konċessjoni ta’ għotjiet. Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f’dawk is-sejħiet għal proposti hija volontarja.

5.   Hija u tidentifika s-setturi jew is-subsetturi msemmija fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tqis il-valutazzjonijiet ikkoordinati tar-riskju u ttestjar tar-reżiljenza fil-livell tal-Unjoni u r-riżultati tagħhom.

6.   Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) u mal-ENISA, u fl-ambitu tal-mandat tiegħu, mal-EU-CyCLONe, għandu jiżviluppa xenarji tar-riskju u metodoloġiji komuni għall-ittestjar ikkoordinat tat-tħejjija imsemmi fl-Artikolu 11(1), il-punt (a)(i), u, meta jkun xieraq, għall-azzjonijiet tat-tħejjija l-oħrajn imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-punt (a)(ii), ta’ dak l-Artikolu.

7.   Fejn entità li topera f’settur ta’ kritiċità għolja tipparteċipa b’mod volontarju fl-ittestjar ikkoordinat tat-tħejjija u dak l-ittestjar jirriżulta f’rakkomandazzjonijiet għal miżuri speċifiċi, li l-entità parteċipanti tista’ tintegra fi pjan ta’ rimedju, l-awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-ittestjar ikkoordinat tat-tħejjija għandha, meta jkun xieraq, tirrieżamina s-segwitu ta’ dawk il-miżuri li jkunu taw l-entitajiet parteċipanti bil-għan li tissaħħaħ it-tħejjija.

Artikolu 13

Azzjonijiet tat-tħejjija oħrajn

1.   Il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà għandu jappoġġa l-azzjonijiet tat-tħejjija li mhumiex koperti mill-Artikolu 12. Tali azzjonijiet għandhom jinkludu l-azzjonijiet tat-tħejjija għall-entitajiet fis-setturi mhux identifikati għall-ittestjar ikkoordinat tat-tħejjija skont l-Artikolu 12. Tali azzjonijiet jistgħu jappoġġaw il-monitoraġġ tal-vulnerabbiltà, il-monitoraġġ tar-riskju, l-eżerċizzji u t-taħriġ.

2.   L-appoġġ għall-azzjonijiet tat-tħejjija fl-ambitu ta’ dan l-Artikolu għandu jingħata lill-Istati Membri fuq talba u prinċipalment fil-forma ta’ għotjiet u soġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-programmi ta’ ħidma rilevanti kif imsemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/694.

Artikolu 14

L-istabbiliment tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà

1.   Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà hija stabbilita biex tgħin, fuq talba, lill-utenti msemmija fil-paragrafu 3, jirrispondu jew ifornu appoġġ għar-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira, u jibdew l-irkupru minn tali inċidenti.

2.   Ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà għandha tikkonsisti f’servizzi tar-rispons minn fornituri fdati ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti magħżula f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17(2). Ir-Riżerva tista’ tinkludi servizzi impenjati minn qabel. Is-servizzi impenjati minn qabel ta’ fornitur fdat ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti għandhom ikunu konvertibbli f’servizzi tat-tħejjija relatati mal-prevenzjoni tal-inċidenti u r-rispons għall-inċidenti, fejn dawk is-servizzi impenjati minn qabel ma jintużawx biex jingħata rispons għall-inċidenti matul il-perjodu li fih is-servizzi huma impenjati minn qabel. Ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà għandha tkun utilizzabbli, fuq talba, fl-Istati Membri kollha, fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni, u fil-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP kif imsemmi fl-Artikolu 19(1).

3.   L-utenti tas-servizzi mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-Istati Membri u s-CSIRTs kif imsemmija, rispettivament, fl-Artikolu 9(1) u (2) u fl-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(b)

is-servizz CERT-EU f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE, Euratom) 2023/2841;

(c)

l-awtoritajiet kompetenti bħall-iskwadra ta’ rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters u l-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-pajjiżi assoċjati mad-DEP f’konformità mal-Artikolu 19(8).

4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-prijoritajiet u l-evoluzzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà f’koordinazzjoni mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS u, f’konformità mar-rekwiżiti tal-utenti msemmija fil-paragrafu 3, għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tagħha, u għandha tiżgura l-komplementarjetà, il-konsistenza, is-sinerġiji u r-rabtiet ma’ azzjonijiet oħra ta’ appoġġ skont dan ir-Regolament kif ukoll ma’ azzjonijiet u programmi oħra tal-Unjoni. Dawk il-prijoritajiet għandhom jiġu rieżaminati u, jekk ikun xieraq, riveduti kull sentejn. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dawk il-prijoritajiet u bi kwalunkwe reviżjonijiet tagħhom.

5.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ġenerali tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u soġġetta għal ftehim ta’ kontribuzzjoni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (19), tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, il-Kummissjoni għandha tinkariga, b’mod totali jew parzjali, lill-ENISA bil-funzjonament u bl-amministrazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. L-aspetti li tagħhom ma tkunx inkarigata l-ENISA għandhom jibqgħu soġġetti għall-ġestjoni diretta tal-Kummissjoni.

6.   L-ENISA għandha tħejji, mill-anqas kull sentejn, immappjar tas-servizzi meħtieġa mill-utenti msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a) u (b), ta’ dan l-Artikolu. L-immappjar għandu jinkludi wkoll id-disponibbiltà ta’ tali servizzi, anki minn entitajiet ġuridiċi stabbiliti jew meqjusa li huma stabbiliti fl-Istati Membri u kkontrollati mill-Istati Membri jew minn ċittadini tal-Istati Membri. Fl-immappjar ta’ dik id-disponibbiltà, l-ENISA għandha tivvaluta l-ħiliet u l-kapaċità tal-forza tax-xogħol tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà rilevanti għall-objettivi tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. Fit-tħejjija tal-immappjar, l-ENISA għandha tikkonsulta lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, lill-EU-CyCLONe, lill-Kummissjoni u, jekk applikabbli, lill-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE, Euratom) 2023/2841 (IICB). Fl-immappjar tad-disponibbiltà tas-servizzi, l-ENISA għandha tikkonsulta wkoll lill-partijiet interessati rilevanti fil-qasam taċ-ċibersigurtà, inklużi l-fornituri ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti. L-ENISA għandha tħejji mmappjar simili, wara li tinforma lill-Kunsill u wara li tikkonsulta lill-EU-CyCLONe, lill-Kummissjoni u, meta rilevanti, lir-Rappreżentant Għoli, biex tidentifika l-bżonnijiet tal-utenti msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika t-tipi u l-għadd ta’ servizzi tar-rispons meħtieġa għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. Fit-tħejjija ta’ dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tqis l-immappjar imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu u tista’ tiskambja l-pariri u tikkoopera mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS u mal-ENISA.

Artikolu 15

Talbiet għall-appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà

1.   L-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3) jistgħu jitolbu servizzi mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà biex jappoġġaw ir-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira u jibdew l-irkupru minn tali inċidenti.

2.   Biex jirċievu appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, l-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3) għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jimmitigaw l-effetti tal-inċident li għalih jintalab l-appoġġ, inkluż, fejn rilevanti, l-għoti ta’ assistenza teknika diretta, u riżorsi oħra li jassistu r-rispons għall-inċident, u sforzi tal-irkupru.

3.   It-talbiet għal appoġġ għandhom jintbagħtu lill-awtorità kontraenti kif ġej:

(a)

fil-każ tal-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament, permezz tal-punt uniku ta’ kuntatt maħtur jew stabbilit skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(b)

fil-każ tal-utent msemmi fl-Artikolu 14(3), il-punt (b), minn dak l-utent;

(c)

fil-każ tal-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punt (c), permezz tal-punt uniku ta’ kuntatt imsemmi fl-Artikolu 19(9).

4.   Fil-każ tat-talbiet mill-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punt (a), l-Istati Membri għandhom jinformaw lin-network tas-CSIRTs, u, meta jkun xieraq, lill-EU-CyCLONe, dwar it-talbiet tal-utenti tagħhom għal appoġġ għar-rispons għall-inċidenti u għall-irkupru inizjali mill-inċidenti skont dan l-Artikolu.

5.   It-talbiet għal appoġġ għar-rispons għall-inċidenti u għall-irkupru inizjali mill-inċidenti għandhom jinkludu:

(a)

informazzjoni xierqa dwar l-entità affettwata u l-impatti potenzjali tal-inċident fuq:

(i)

fil-każ tal-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punt (a), l-Istat Membru u l-utenti affettwati, inkluż ir-riskju ta’ tixrid fi Stat Membru ieħor;

(ii)

fil-każ tal-utent imsemmi fl-Artikolu 14(3), il-punt (b), l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni affettwati;

(iii)

fil-każ tal-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punt (c), il-pajjiżi assoċjati mad-DEP affettwati;

(b)

informazzjoni dwar is-servizz mitlub, flimkien mal-użu ppjanat tal-appoġġ mitlub, inkluż indikazzjoni tal-bżonnijiet stmati;

(c)

informazzjoni xierqa dwar il-miżuri meħuda biex jiġi mitigat l-inċident li għalih jintalab l-appoġġ, kif imsemmi fil-paragrafu 2;

(d)

meta jkun rilevanti, informazzjoni disponibbli dwar forom oħra ta’ appoġġ disponibbli għall-entità affettwata.

6.   L-ENISA, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-EU-CyCLONe, għandha tiżviluppa mudell li jiffaċilita l-preżentazzjoni tat-talbiet għall-appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà.

7.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tispeċifika iktar l-arranġamenti proċedurali dettaljati għall-mod li bih is-servizzi ta’ appoġġ tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà għandhom jintalbu u l-mod li bih dawn it-talbiet għandhom jiġu risposti skont dan l-Artikolu, l-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 19(10), inkluż l-arranġamenti għall-preżentazzjoni ta’ tali talbiet u l-forniment ta’ rispons u mudelli għar-rapporti kif imsemmi fl-Artikolu 16(9). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

Artikolu 16

Implimentazzjoni tal-appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà

1.   Fil-każ tat-talbiet mill-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punti (a) u (b), it-talbiet għall-appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità kontraenti. Għandu jintbagħat rispons lill-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punti (a) u (b), mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 48 siegħa mill-preżentazzjoni tat-talba biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-appoġġ. L-awtorità kontraenti għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bir-riżultati tal-proċess.

2.   Fir-rigward tal-informazzjoni kondiviża matul il-preżentazzjoni tat-talba u l-forniment tas-servizzi tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, il-partijiet kollha involuti fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom:

(a)

jillimitaw l-użu u l-kondiviżjoni ta’ dik l-informazzjoni għal dak li huwa neċessarju sabiex jonoraw l-obbligi jew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament;

(b)

jużaw u jikkondividu kwalunkwe informazzjoni li tkun kunfidenzjali jew ikklassifikata skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali f’konformità ma’ tali liġi biss; u

(c)

jiżguraw skambju effikaċi, effiċjenti u sigur tal-informazzjoni, billi jużaw u jirrispettaw, meta jkun xieraq, il-protokolli rilevanti relatati mal-kondiviżjoni tal-informazzjoni, inkluż it-traffic light protocol.

3.   Fil-valutazzjoni tat-talbiet skont l-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 19(10), l-awtorità kontraenti jew il-Kummissjoni, kif applikabbli, għandhom l-ewwel jivvalutaw jekk il-kriterji msemmija fl-Artikolu 15(1) u (2) humiex issodisfati. Fil-każ affermattiv, għandhom jivvalutaw it-tul u n-natura tal-appoġġ li jkun xieraq, u jqisu l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1(3), il-punt (b), u l-kriterji li ġejjin, meta jkun rilevanti

(a)

l-iskala u l-gravità tal-inċident taċ-ċibersigurtà;

(b)

it-tip ta’ entità affettwata, bi prijorità akbar lill-inċidenti li jaffettwaw lill-entitajiet essenzjali kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(c)

l-impatt potenzjali tal-inċident fuq l-Istat Membru, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni jew il-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP affettwati;

(d)

in-natura transfruntiera potenzjali tal-inċident u r-riskju ta’ tixrid lejn Stati Membri, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni jew pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP oħrajn;

(e)

il-miżuri meħuda mill-utent biex jassisti fl-isforzi tar-rispons, u tal-irkupru inizjali, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2).

4.   Sabiex tingħata prijorità lit-talbiet, fil-każ ta’ talbiet konkomitanti ppreżentati mill-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), għandhom jitqiesu l-kriterji msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu meta rilevanti, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Fejn żewġ talbiet jew aktar huma valutati bħala ugwali skont dawk il-kriterji, għandha tingħata prijorità ogħla lit-talbiet ippreżentati mill-utenti tal-Istati Membri. Meta l-funzjonament u l-amministrazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jkunu ġew inkarigati, b’mod totali jew parzjali, lill-ENISA skont l-Artikolu 14(5), l-ENISA u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiddefinixxu l-prijorità tat-talbiet skont dan il-paragrafu.

5.   Is-servizzi tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà għandhom jiġu fornuti f’konformità ma’ ftehimiet speċifiċi stipulati bejn il-fornitur fdat ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti u l-utent li lilu jingħata l-appoġġ fl-ambitu tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. Dawk is-servizzi jistgħu jiġu fornuti f’konformità mal-ftehimiet speċifiċi stipulati bejn il-fornitur fdat ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti, l-utent u l-entità affettwata. Il-ftehimiet kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jinkludu, fost affarijiet oħra, kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà.

6.   Il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 5 għandhom ikunu bbażati fuq mudelli mħejjija mill-ENISA, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u, meta jkun xieraq, lill-utenti l-oħra tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà.

7.   Il-Kummissjoni, l-ENISA u l-utenti tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà ma għandhom jerfgħu l-ebda responsabbiltà kuntrattwali għad-dannu kkawżat lil partijiet terzi mis-servizzi fornuti fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà.

8.   L-utenti jistgħu biss jużaw is-servizzi tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà fornuti bħala rispons għal talba skont l-Artikolu 15(1) bil-għan li jappoġġaw ir-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira jew għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira u jibdew l-irkupru minnhom. Jistgħu jużaw dawk is-servizzi fir-rigward ta’ dawn l-entitajiet biss:

(a)

l-entitajiet li joperaw f’setturi ta’ kritiċità għolja jew l-entitajiet li joperaw f’setturi kritiċi oħra, fil-każ tal-utenti msemmijin fl-Artikolu 14(3), il-punti (a), u entitajiet ekwivalenti fil-każ tal-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punt (c); u

(b)

l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, fil-każ tal-utent imsemmi fil-Artikolu 14(3), il-punt (b).

9.   Fi żmien xahrejn mit-tmiem ta’ appoġġ, utenti li jkunu irċevew appoġġ għandhom jfornu rapport ta’ sinteżi dwar is-servizz fornut, ir-riżultati miksuba u t-tagħlimiet meħuda:

(a)

lill-Kummissjoni, l-ENISA, in-network tas-CSIRTs u l-EU-CyCLONe fil-każ tal-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punt (a);

(b)

lill-Kummissjoni, l-ENISA u l-IICB fil-każ tal-utent imsemmi fl-Artikolu 14(3), il-punt (b);

(c)

lill-Kummissjoni fil-każ tal-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punt (c).

Il-Kummissjoni għandha tibgħat kwalunkwe rapport ta’ sinteżi riċevut mill-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3) skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta’ dan il-paragrafu, lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli.

10.   Meta l-funzjonament u l-amministrazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jkunu ġew inkarigati, b’mod totali jew parzjali, lill-ENISA skont l-Artikolu 14(5) ta’ dan ir-Regolament, l-ENISA għandha tirrapporta u tikkonsulta fuq bażi regolari f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni. F’dak il-kuntest, l-ENISA għandha tibgħat minnufih lill-Kummissjoni kwalunkwe talba li tirċievi mill-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punt (c), ta’ dan ir-Regolament u, meta meħtieġa għall-finijiet tad-definizzjoni tal-prijoritajiet skont dan l-Artikolu, kwalunkwe talba li rċeviet mill-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punt (a) jew (b), ta’ dan ir-Regolament. L-obbligi f’dan il-paragrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/881.

11.   Fil-każ tal-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punti (a) u (b), l-awtorità kontraenti għandha tirrapporta b’mod regolari u mill-anqas darbtejn fis-sena lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS dwar l-użu u r-riżultati tal-appoġġ.

12.   Fil-każ tal-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punt (c), il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill u tinforma lir-Rappreżentant Għoli b’mod regolari u mill-anqas darbtejn fis-sena, dwar l-użu u r-riżultati tal-appoġġ.

Artikolu 17

Fornituri fdati ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti

1.   Fi proċeduri tal-akkwist għall-fini tal-istabbiliment tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, l-awtorità kontraenti għandha taġixxi f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 u f’konformità mal-prinċipji li ġejjin:

(a)

tiżgura li s-servizzi inklużi fir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, meta meqjusin fit-totalità tagħhom, ikun tali li r-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà tinkludi servizzi li jistgħu jintużaw fl-Istati Membri kollha, filwaqt li tqis b’mod partikolari r-rekwiżiti nazzjonali għall-forniment ta’ dawn is-servizzi, inkluż rigward il-lingwi, iċ-ċertifikazzjoni jew l-akkreditament;

(b)

tiżgura l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha;

(c)

tiżgura li r-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà tikseb il-valur miżjud lill-Unjoni, billi tikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/694, inkluża l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-ħiliet taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni.

2.   Meta takkwista servizzi għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, l-awtorità kontraenti għandha tinkludi l-kriterji u r-rekwiżiti li ġejjin fid-dokumenti tal-akkwist:

(a)

il-fornitur għandu juri li l-persunal tiegħu għandu l-ogħla grad ta’ integrità professjonali, indipendenza, responsabbiltà, u l-kompetenza teknika meħtieġa biex iwettaq l-attivitajiet fil-qasam speċifiku tiegħu, u jiżgura l-permanenza u kontinwità tal-għarfien espert kif ukoll ir-riżorsi tekniċi meħtieġa;

(b)

il-fornitur, u kwalunkwe sussidjarja u sottokuntrattur rilevanti, għandhom jirrispettaw ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata u għandhom ikollhom fis-seħħ miżuri xierqa, fosthom, meta rilevanti, ftehimiet stipulati bejniethom biex jipproteġu l-informazzjoni kunfidenzjali relatata mas-servizz, u b’mod partikolari l-evidenza, is-sejbiet u r-rapporti;

(c)

il-fornitur għandu jforni prova biżżejjed li l-istruttura tal-governanza tiegħu hi trasparenti, u li mhix probabbli li tikkomprometti l-imparzjalità tiegħu u l-kwalità tas-servizzi tiegħu jew li tikkawża kunflitti ta’ interess;

(d)

il-fornitur għandu jkollu approvazzjoni tas-sigurtà xierqa, tal-anqas għall-persunal maħsub għall-użu tas-servizz, meta meħtieġ minn Stat Membru;

(e)

il-fornitur għandu jkollu l-livell rilevanti tas-sigurtà għas-sistemi informatiċi tiegħu;

(f)

il-fornitur għandu jkun attrezzat bil-hardware u bis-software meħtieġa biex jappoġġa s-servizz mitlub, li ma għandux ikun fih vulnerabbiltajiet magħrufin sfruttabbli, għandu jinkludi l-aktar aġġornamenti reċenti fil-qasam tas-sigurtà u għandu, fi kwalunkwe każ, jikkonforma ma’ kwalunkwe dispożizzjoni applikabbli tar-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23);

(g)

il-fornitur għandu jkun jista’ juri li għandu esperjenza fil-forniment ta’ servizzi simili lill-awtoritajiet rilevanti, lill-entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ kritiċità għolja jew entitajiet li joperaw f’setturi kritiċi oħra;

(h)

il-fornitur għandu jkun jista’ jforni s-servizz fi żmien qasir fl-Istati Membri fejn ikun jista’ jagħti s-servizz;

(i)

il-fornitur għandu jkun jista’ jforni s-servizz b’lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru kif meħtieġ, jekk ikun hemm, mill-Istati Membri jew mill-utenti msemmija fl-Artikolu 14(3), il-punti (b) u (c) fejn il-fornitur ikun jista’ jagħti s-servizz.

(j)

ladarba tiddaħħal skema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għas-servizzi tas-sigurtà ġestiti skont ir-Regolament (UE) 2019/881, il-fornitur għandu jiġi ċċertifikat f’konformità ma’ dik l-iskema fi żmien sentejn mid-data tal-applikazzjoni tal-iskema.

(k)

il-fornitur fl-offerta għandu jinkludi l-kundizzjonijiet ta’ konverżjoni għal kwalunkwe servizz tar-rispons għall-inċidenti li ma jkunx intuża li jkun jista’ jiġi konvertit f’servizzi tat-tħejjija relatati mill-qrib mar-rispons għall-inċidenti, pereżempju eżerċizzji jew taħriġ.

3.   Għall-finijiet ta’ akkwist ta’ servizzi għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurta, l-awtorità kontraenti tista’, meta jkun xieraq, tiżviluppa kriterji u rekwiżiti barra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 2, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

Artikolu 18

Azzjonijiet li jappoġġaw l-assistenza reċiproka

1.   Il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà għandu jforni appoġġ għall-assistenza teknika minn Stat Membru għal Stat Membru affettwat ieħor minn inċident taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, inkluż fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3), il-punt (f), tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

2.   L-appoġġ għall-assistenza teknika reċiproka msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jingħata fil-forma ta’ għotjiet u soġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-programmi ta’ ħidma rilevanti kif msemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/694.

Artikolu 19

Appoġġ lill-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP

1.   Pajjiż terz assoċjat mad-DEP jista’ jitlob appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà meta l-ftehim, li permezz tiegħu huwa assoċjat mad-DEP jipprevedi l-parteċipazzjoni fir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. Dak il-ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jirrikjedu lill-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP kkonċernati jirrispettaw l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2 u 9 ta’ dan l-Artikolu. Għall-finijiet tal-parteċipazzjoni ta’ pajjiż terz fir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, l-assoċjazzjoni parzjali ta’ pajjiż terz mad-DEP tista’ tinkludi assoċjazzjoni limitata għall-objettiv operazzjonali msemmi fl-Artikolu 6(1), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2021/694.

2.   Fi żmien 3 xhur mill-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 u fi kwalunkwe każ qabel ma jirċievu appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, il-pajjiżi terz assoċjat mad-DEP għandujforni informazzjoni lill-Kummissjoni dwar ir-reżiljenza ċibernetika u l-kapaċitajiet tal-ġestjoni tar-riskju tiegħu, inkluż tal-anqas informazzjoni dwar il-miżuri nazzjonali meħuda għat-tħejjija għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira, kif ukoll informazzjoni dwar l-entitajiet nazzjonali responsabbli, inkluż skwadri ta’ rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters jew entitajiet ekwivalenti, il-kapaċitajiet tagħhom u r-riżorsi allokati lilhom. Il-pajjiż terz assoċjat mad-DEP għandu jforni aġġornamenti għal dik l-informazzjoni fuq bażi regolari u mill-anqas darba fis-sena. Il-Kummissjoni tista’ tforni r-Rappreżentant Għoli u l-ENISA b’dik l-informazzjoni bl-iskop li tiffaċilita l-applicazzjoni tal-paragrafu 11.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta fuq bażi regolari u mill-anqas darba fis-sena, il-kriterji li ġejjin fir-rigward ta’ kull pajjiż terz assoċjat mad-DEP imsemmi fil-paragrafu 1:

(a)

jekk dak il-pajjiż huwiex jirrispetta l-kundizzjonijiet tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1, dment li dawk il-kundizzjonijiet ikollhom x’jaqsmu mal-parteċipazzjoni fir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà;

(b)

jekk dak il-pajjiż ikunx ħa miżuri adegwati biex iħejji għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira, abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2; u

(c)

jekk il-forniment ta’ appoġġ huwiex konsistenti mal-politika tal-Unjoni fil-konfront tar-relazzjonijiet ma’ dak il-pajjiż, anki fuq livell ġenerali, u jekk huwiex konsistenti mal-politiki tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lir-Rappreżentant Għoli meta tagħmel il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-kriterju msemmi fil-punt (c) ta’ dak is-subparagrafu.

Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li pajjiż terz assoċjat mad-DEP jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għall-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 4 li jawtorizza l-forniment ta’ appoġġ lil dak il-pajjiż mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà.

4.   Il-Kunsill jista’ jadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom japplikaw għal massimu ta’ sena. Jistgħu jiġġeddu. Jistgħu jinkludu limitu ta’ mhux anqas minn 75 jum għan-numru ta’ jiem li fih jista’ jiġi fornut l-appoġġ bħala rispons għal talba singola.

Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod rapidu u għandu, bħala regola, jadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmi f’dan il-paragrafu fi żmien tmien ġimgħat mill-adozzjoni tal-proposta rilevanti tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 3, it-tielet subparagrafu.

5.   Il-Kunsill jista’ jemenda jew iħassar att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 4 fi kwalunkwe mument billi jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni.

Meta l-Kunsill iqis li kien hemm tibdil sinifikanti fir-rigward tal-kriterju msemmi fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), il-Kunsill jista’ jemenda jew jħassar l-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 4 billi jaġixxi fuq inizjattiva debitament motivata ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.

6.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tiegħu fl-ambitu ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu japplika l-kriterji msemmija fl-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, u għandu jispjega l-valutazzjoni tiegħu ta’ dawk il-kriterji. B’mod partikolari, meta jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess skont il-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu, il-Kunsill għandu jispjega t-tibdil sinifikanti msemmi f’dak is-subparagrafu.

7.   L-appoġġ lil pajjiż terz assoċjat mad-DEP mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà għandu jkun konformi ma’ kull kundizzjoni speċifika stabbilita fil-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1.

8.   L-utenti mill-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP li huma eliġibbli biex jirċievu servizzi mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà għandhom jinkludu awtoritajiet kompetenti bħal skwadri ta’ rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters jew entitajiet ekwivalenti u awtoritajiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi.

9.   Kull pajjiż terz assoċjat mad-DEP eliġibbli għall-appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà għandu jaħtar awtorità biex taġixxi bħala punt uniku ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

10.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-talbiet għal appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà fl-ambitu ta’ dan l-Artikolu. L-awtorità kontraenti tista’ tforni appoġġ lil pajjiż terz biss meta u dment li jkun fis-seħħ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill adottat skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu li jawtorizza tali appoġġ fir-rigward ta’ dak il-pajjiż. Għandu jintbagħat rispons mingħajr dewmien żejjed lill-utenti msemmijin fl-Artikolu 14(3), il-punt (c).

11.   Meta tirċievi talba għal appoġġ fl-ambitu ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kunsill informat bil-valutazzjoni tat-talba. Il-Kummissjoni għandha tikkoordina wkoll mar-Rappreżentant Għoli dwar it-talbiet riċevuti u l-implimentazzjoni tal-appoġġ mogħti lill-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll eventwali fehmiet fornuti mill-ENISA fir-rigward ta’ dawk it-talbiet.

Artikolu 20

Koordinazzjoni mal-mekkaniżmi tal-Unjoni tal-ġestjoni tal-kriżijiet

1.   Meta sinifikanti, inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira jew inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira joriġina minn diżastru jew jirriżulta f’diżastru kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (1), tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, l-appoġġ fornut fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament biex jingħata rispons għal tali inċident għandu jikkomplementa l-azzjonijiet skont u mingħajr preġudizzju għal dik id-Deċiżjoni.

2.   Fil-każ ta’ inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira jew inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira meta jiġu attivati l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1993 (Arranġamenti IPCR), l-appoġġ fornut fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament biex jingħata rispons għal tali inċident għandu jiġi ttrattat f’konformità mal-proċeduri rilevanti skont l-Arranġamenti IPCR.

KAPITOLU IV

MEKKANIŻMU EWROPEW TAR-RIEŻAMI TAL-INĊIDENTI TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ

Artikolu 21

Mekkaniżmu Ewropew tar-Rieżami tal-Inċidenti taċ-Ċibersigurtà

1.   Meta tintalab mill-Kummissjoni jew mill-EU-CyCLONe, l-ENISA għandha, bl-appoġġ tan-network tas-CSIRTs u bl-approvazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati, tirrieżamina u tivvaluta t-theddid ċibernetiku, il-vulnerabbiltajiet magħrufin sfruttabbli u l-azzjonijiet tal-mitigazzjoni fir-rigward ta’ xi inċident taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira speċifiku. Wara t-tlestija tar-rieżami u tal-valutazzjoni tal-inċident, bil-għan li tislet tagħlimiet biex tevita jew timmitiga l-inċidenti fil-futur, l-ENISA għandha tibgħat ir-rapport tar-rieżami tal-inċident lill-EU-CyCLONe, lin-network tas-CSIRTs, lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Kummissjoni biex tappoġġahom fit-twettiq ta’ dmirijiethom, b’mod partikolari l-kompiti stabbiliti fl-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Fejn inċident ikollu impatt fuq pajjiż terz assoċjat mad-DEP, l-ENISA għandha tforni r-rapport lill-Kunsill. F’tali każijiet, il-Kummissjoni għandha tforni r-rapport lir-Rappreżentant Għoli.

2.   Biex tħejji r-rapport dwar ir-rieżami tal-inċidenti msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ENISA għandha tikkoopera mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni, l-industrija, inklużi l-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà ġestiti, u l-utenti tas-servizzi taċ-ċibersigurtà, kif ukoll tiġbor feedback mingħandhom. Meta xieraq, l-ENISA għandha, f’kooperazzjoni mas-CSIRTs u, meta rilevanti, mal-awtoritajiet kompetenti maħtura jew stabbiliti skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, tikkollabora wkoll mal-entitajiet affettwati minn inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira. Ir-rappreżentanti kkonsultati għandhom jiżvelaw kull kunflitt ta’ interess potenzjali.

3.   Ir-rapport dwar ir-rieżami tal-incident msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkopri rieżami u analiżi tal-inċident taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew l-inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira speċifiku, inkluż il-kawżi ewlenin, il-vulnerabbiltajiet magħrufin sfruttabbli u t-tagħlimiet meħuda. L-ENISA għandha tiżgura li r-rapport ikun konformi mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni sensittiva jew klassifikata. Jekk l-Istat Membru rilevanti jew utent ieħor imsemmi fl-Artikolu 14(3) li huma affettwati mill-inċident jirrikjedu dan, id-data u l-informazzjoni fir-rapport għandhom ikunu anonimizzati. Dan ma għandu għandux jinkludi l-ebda dettall dwar vulnerabbiltajiet sfruttati b’mod attiv li għadhom mhux ikkoreġuti.

4.   Fejn xieraq, ir-rapport dwar ir-rieżami tal-inċident għandu jfassal rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb il-pożizzjoni ċibernetika tal-Unjoni u jista’ jinkludi l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda mill-partijiet ikkonċernati rilevanti.

5.   L-ENISA tista’ toħroġ verżjoni disponibbli pubblikament tar-rapport dwar ir-rieżami tal-inċident. Dik il-verżjoni tar-rapport għandha tinkludi biss informazzjoni pubblika affidabbli, jew informazzjoni affidabbli oħra bil-kunsens tal-Istat Membru kkonċernat u, fir-rigward tal-informazzjoni relatata ma’ utent kif imsemmi fl-Artikolu 14(3), il-punt (b) jew (c), bil-kunsens ta’ dak l-utent.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/694

Ir-Regolament (UE) 2021/694 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

tappoġġa l-iżvilupp tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà stabbilita mill-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2025/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) (is-‘Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà’), inkluż l-iżvilupp, l-użu u l-operat taċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali u taċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri li jikkontribwixxu għall-għarfien sitwazzjonali fl-Unjoni u biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-intelligence dwar it-theddid ċibernetiku tal-Unjoni;

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2025/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 li jistabbilixxi miżuri li jsaħħu s-solidarjetà u l-kapaċitajiet fl-Unjoni tal-identifikazzjoni, tat-tħejjija u tar-rispons għat-theddid u l-inċidenti taċ-ċibersigurtà ċibernetiċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà) (ĠU L, 2025/38, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/38/oj)”;"

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(g)

tistabbilixxi u tħaddem il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà stabbilit mill-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2025/38, inkluż ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà stabbilita mill-Artikolu 14 tar-Regolament 2025/38 (ir-‘Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà’), biex jappoġġa lill-Istati Membri fit-tħejjija u fir-rispons għall-inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, b’mod komplementari għar-riżorsi u għall-kapaċitajiet nazzjonali u għal forom oħra ta’ appoġġ disponibbli fil-livell tal-Unjoni, u biex jappoġġa utenti oħra fir-rispons għall-inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira;”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-azzjonijiet skont l-Objettiv Speċifiku 3 għandhom ikunu implimentati primarjament permezz taċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u tan-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2). Madankollu, ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà għandha tiġu implimentata mill-Kummissjoni u, f’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2025/38, mill-ENISA.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (ĠU L 202, 8.6.2021, p. 1).”."

(2)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2, il-punti (b), (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

EUR 1 760 806 000 għall-Objettiv Speċifiku 2 - Intelliġenza Artifiċjali;

(c)

EUR 1 372 020 000 għall-Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja;

(d)

EUR 482 640 000 għall-Objettiv Speċifiku 4 - Ħiliet Diġitali Avvanzati;”

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   B’deroga mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament mhux użati għall-azzjonijiet fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u tal-azzjonijiet li jappoġġaw l-assistenza reċiproka skont ir-Regolament (UE) 2025/38, li jsegwu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 6(1), il-punt (g), ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu riportati awtomatikament u jistgħu jiġu impenjati u mħallsa sal-31 ta’ Diċembru tas-sena finanzjarja li jmiss. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiġu informati bl-approprjazzjonijiet riportati skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament Finanzjarju.”

;

(3)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“5a.   Il-paragrafu 5 ma għandux japplika, għal dak li għandu x’jaqsam mal-entitajiet ġuridiċi li huma stabbiliti fl-Unjoni iżda huma kkontrollati minn pajjiżi terzi, għal kwalunkwe azzjoni li timplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà meta ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati fir-rigward tal-azzjoni kkonċernata:

(a)

ikun hemm riskju reali, meta jitqiesu r-riżultati tal-immappjar imwettaq skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) 2025/38, li l-għodod, l-infrastrutturi jew is-servizzi neċessarji u suffiċjenti sabiex dik l-azzjoni tikkontribwixxi b’mod adegwat għall-objettivi tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà ma jkunux disponibbli mill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti jew meqjusa li huma stabbiliti fl-Istati Membri u kkontrollati mill-Istati Membri jew minn ċittadini tal-Istati Membri;

(b)

ir-riskju tas-sigurtà li jsir akkwist minn tali entitajiet ġuridiċi fi ħdan is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà jkun proporzjonali għall-vantaġġi u ma jikkompromettix l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

5b.   Il-paragrafu 5 ma għandux japplika, għal dak li għandu x’jaqsam mal-entitajiet ġuridiċi li huma stabbiliti fl-Unjoni iżda huma kkontrollati minn pajjiżi terzi, għall-azzjonijiet li jimplimentaw ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà meta ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati fir-rigward tal-azzjoni kkonċernata:

(a)

ikun hemm riskju reali, meta jitqiesu r-riżultati tal-immappjar imwettaq skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2025/38, li t-teknoloġija, l-għarfien espert jew il-kapaċità neċessarji u suffiċjenti għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà sabiex taqdi b’mod adegwat il-funzjonijiet tagħha ma jkunux disponibbli mill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti jew meqjusa li huma stabbiliti fl-Istati Membri u kkontrollati mill-Istati Membri jew minn ċittadini tal-Istati Membri;

(b)

ir-riskju tas-sigurtà li tali entitajiet ġuridiċi jiġu inklużi fir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jkun proporzjonali għall-vantaġġi u ma jikkompromettix l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.”

;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Jekk debitament ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi wkoll li l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi assoċjati u l-entitajiet ġuridiċi li jkunu stabbiliti fl-Unjoni iżda jkunu kkontrollati minn pajjiżi terzi jistgħu jkunu eliġibbli biex jipparteċipaw fl-azzjonijiet kollha jew f’xi wħud minnhom fl-ambitu tal-Objettivi Speċifiċi 1 u 2 biss jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati minn dawk l-entitajiet ġuridiċi biex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri u biex jiżguraw il-protezzjoni tal-informazzjoni f’dokumenti kklassifikati. Dawk ir-rekwiżiti għandhom ikunu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma.”;

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll, għal dak li għandu x’jaqsam mal-entitajiet ġuridiċi li huma stabbiliti fl-Unjoni iżda huma kkontrollati minn pajjiżi terzi, għall-azzjonijiet fl-ambitu tal-Objettiv Speċifiku 3 sabiex:

(a)

jimplimentaw is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà fejn japplika l-paragrafu 5a; u

(b)

jimplimentaw ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtàfil-każijiet fejn japplika l-paragrafu 5b.”

;

(4)

fl-Artikolu 14, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Programm jista’ jipprovdi finanzjament fil-forom kollha stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, inkluż, b’mod partikolari, permezz tal-akkwist bħala forma primarja jew għotjiet u premjijiet.

Meta biex jintlaħaq l-objettiv ta’ xi azzjoni jkun hemm bżonn l-akkwist ta’ oġġetti u servizzi innovattivi, l-għotjiet jistgħu jingħataw biss lill-benefiċjarji li huma awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti kif definit fid-Direttivi 2014/24/UE (*3) u 2014/25/UE (*4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Jekk il-forniment ta’ oġġetti jew servizzi innovattivi li għadhom mhumiex disponibbli fuq skala kummerċjali kbira huwa neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi ta’ azzjoni, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ tawtorizza l-għoti ta’ diversi kuntratti fl-ambitu tal-istess proċedura ta’ akkwist.

Għal raġunijiet debitament ġustifikati ta’ sigurtà pubblika, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ teżiġi li l-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikun fit-territorju tal-Unjoni.

Meta jimplimentaw il-proċeduri tal-akkwist għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, il-Kummissjoni u l-ENISA jistgħu jaġixxu bħala korp ċentrali għall-akkwist biex jakkwistaw għall-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jew f’isimhom f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni u l-ENISA jistgħu jaġixxu wkoll bħala grossista, billi jixtru, jaħżnu u jbigħu mill-ġdid jew jagħtu f’donazzjoni provvisti u servizzi, inkluż il-kiri, lil dawk il-pajjiżi terzi. B’deroga mill-Artikolu 168(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5), it-talba minn pajjiż terz wieħed għandha tkun biżżejjed biex tagħti mandat lill-Kummissjoni jew lill-ENISA biex taġixxi.

Meta jimplimentaw il-proċeduri tal-akkwist għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, il-Kummissjoni u l-ENISA jistgħu jaġixxu bħala korp ċentrali għall-akkwist biex jakkwistaw għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji jew għall-aġenziji tal-Unjoni jew f’isimhom. Il-Kummissjoni u l-ENISA jistgħu jaġixxu wkoll bħala grossista, billi jixtru, jaħżnu u jbigħu mill-ġdid jew jagħtu f’donazzjoni provvisti u servizzi, inkluż il-kiri, lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji jew lill-aġenziji tal-Unjoni. B’deroga mill-Artikolu 168(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509+, it-talba minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija individwali tal-Unjoni hi biżżejjed biex tagħti mandat lill-Kummissjoni jew lill-ENISA biex taġixxi.

Il-Programm jista’ jipprovdi wkoll finanzjament fil-forma ta’ strumenti finanzjarji f’operazzjonijiet ta’ taħlit.

(*3)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65)."

(*4)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243)."

(*5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).”;"

(5)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Kunflitti ta’ regoli

Fil-każ ta’ azzjonijiet li jimplimentaw is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà, ir-regoli applikabbli għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 9 ta’ dak ir-Regolament (UE) 2025/38. Fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-Artikoli 4, 5 u 9 tar-Regolament (UE) 2025/38, dan tal-aħħar għandu jipprevali u japplika għal dawk l-azzjonijiet speċifiċi.

Fil-każ tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, regoli speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm huma stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2025/38. Fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2025/38, dan tal-aħħar għandu jipprevali u japplika għal dawk l-azzjonijiet speċifiċi.”

;

(6)

l-Artikolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Għotjiet

Għotjiet fl-ambitu tal-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju u jistgħu jkopru sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-kofinanzjament kif stabbilit fl-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju. Tali għotjiet għandhom jingħataw u jkunu ġestiti kif speċifikat għal kull objettiv speċifiku.

L-appoġġ fil-forma ta’ għotjiet jista’ jingħata direttament mill-ECCC mingħajr sejħa għal proposti lill-Istati Membri magħżula skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2025/38 u l-Konsorzju tal-Hosting imsemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2025/38, f’konformità mal-Artikolu 195(1), il-punt (d), tar-Regolament Finanzjarju.

L-appoġġ fil-forma ta’ għotjiet għall-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà jista’ jingħata direttament mill-ECCC lill-Istati Membri mingħajr sejħa għal proposti, f’konformità mal-Artikolu 195(1), il-punt (d), tar-Regolament Finanzjarju.

Fir-rigward tal-azzjonijiet għall-appoġġ tal-assistenza reċiproka previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2025/38, l-ECCC għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-ENISA bit-talbiet tal-Istati Membri għal għotjiet diretti mingħajr sejħa għal proposti.

Fir-rigward tal-azzjonijiet għall-appoġġ tal-assistenza previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2025/38, u f’konformità mal-Artikolu 193(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament Finanzjarju, il-kostijiet jistgħu, f’każijiet debitament ġustifikati, jitqiesu eliġibbli anki jekk ikunu saru qabel ma tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tal-għotja.”

;

(7)

l-Annessi I u II huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 23

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 14(7) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mill-5 ta’ Frar 2025. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 5 snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 14(7) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 14(7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 24

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Koordinazzjoni tal-Programm Ewropa Diġitali msemmi fl-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) 2021/694. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 25

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Sal-5 ta’ Frar 2027 u mill-anqas kull 4 snin wara, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-funzjonament tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   L-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tivvaluta, b’mod partikolari:

(a)

in-numru ta’ Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali u Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri stabbiliti, il-portata tal-informazzjoni kondiviża, inkluż, jekk possibbli, l-impatt fuq il-ħidma tan-network tas-CSIRTs, u sa liema punt ikkontribwew biex jissaħħu l-identifikazzjoni u l-għarfien sitwazzjonali komuni tal-Unjoni tat-theddid u tal-inċidenti ċibernetiċi u biex jiġu żviluppati teknoloġiji mill-aktar avvanzati; l-użu tal-finanzjamenti tad-DEP għall-infrastrutturi għall-għodod jew servizzi taċ-ċibersigurtà akkwistati b’mod konġunt; u, jekk l-informazzjoni hijiex disponibbli, il-livell ta’ kooperazzjoni bejn iċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali u l-komunitajiet settorjali u transsettorjali tal-entitajiet essenzjali u importanti kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(b)

l-użu u l-effikaċja tal-azzjonijiet fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà li jappoġġaw it-tħejjija, inklużi t-taħriġ, ir-rispons għal u l-irkupru inizjali mill-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira, inkluż l-użu tal-finanzjamenti tad-DEP u t-tagħlimiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet mill-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà;

(c)

l-użu u l-effikaċja tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà fir-rigward tat-tipi ta’ utenti, inkluż l-użu tal-finanzjamenti tad-DEP, l-adozzjoni tas-servizzi, inkluż it-tip tagħhom, il-ħin medju biex jingħata rispons għat-talbiet u biex tintuża r-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, il-perċentwal ta’ servizzi konvertiti f’servizzi tat-tħejjija relatati mal-prevenzjoni tal-inċidenti u mar-rispons għalihom u t-tagħlimiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet mill-implimentazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà;

(d)

il-kontribut ta’ dan ir-Regolament biex tissaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija u tas-servizzi fl-Unjoni fl-ekonomija diġitali, fosthom il-mikroimpriżi u l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll in-negozji l-ġodda, u l-kontribut għall-objettiv ġenerali tat-tisħiħ tal-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-forza tax-xogħol fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

3.   Abbażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, fejn ikun xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva li temenda dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)  L-opinjoni tat-18 ta’ April 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU C 349, 29.9.2023, p. 167.

(3)   ĠU C, C/2024/1049, 09.02.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1049/oj

(4)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2024.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).

(6)  Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar Rispons Koordinat għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira (ĠU L 239, 19.9.2017, p. 36).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(11)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2092/oj).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (ĠU L 202, 8.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/887/oj).

(13)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/1313/oj).

(14)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1993 tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (ĠU L 320, 17.12.2018, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1993/oj).

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2315/oj).

(16)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(17)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar Rispons Koordinat għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira (ĠU L 239, 19.9.2017, p. 36).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 1).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1).

(20)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.

(21)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(22)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2023/2841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni (ĠU L, 2023/2841, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2841/oj).

(23)  Ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika) (ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj).


ANNESS

Ir-Regolament (UE) 2021/694 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Anness I, it-taqsima “Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja” hija sostitwita b’dan li ġej:

“Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja

Il-Programm għandu jistimula t-tisħiħ, il-bini u l-ksib ta’ kapaċitajiet essenzjali biex jiġi assigurati l-ekonomija diġitali, is-soċjetà u d-demokrazija tal-Unjoni permezz tat-tisħiħ tal-potenzjal industrijali u tal-kompetittività fl-ambitu taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni, kif ukoll biex jitjiebu l-kapaċitajiet kemm tas-settur privat kif ukoll tas-settur pubbliku biex jiġu protetti ċ-ċittadini u n-negozji mit-theddidiet ċibernetiċi, inkluż permezz tal-appoġġ għall-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1148.

L-azzjonijiet inizjali u, fejn jkun xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti skont dan l-objettiv għandhom jinkludu:

1.

Il-koinvestiment mal-Istati Membri f’tagħmir avvanzat għaċ-ċibersigurtà, f’infrastruttura u f’know-how li huma essenzjali għall-ħarsien tal-infrastrutturi kritiċi u s-Suq Uniku Diġitali inġenerali. Tali koinvestiment jista’ jinkludi investimenti f’faċilitajiet kwantistiċi u riżorsi tad-data għas-ċibersigurtà, l-għarfien tas-sitwazzjoni fiċ-ċiberspazju inklużi ċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali u ċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri li jiffurmaw is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà, kif ukoll f’għodod oħra li jridu jkunu disponibbli għas-settur pubbliku u dak privat fl-Ewropa kollha;

2.

It-titjib tal-kapaċitajiet teknoloġiċi eżistenti u n-networking ta’ ċentri ta’ kompetenza fl-Istati Membri u li jiġi żgurat li dawk il-kapaċitajiet jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-settur pubbliku u tal-industrija, inkluż permezz ta’ prodotti u servizzi li jsaħħu ċ-ċibersigurtà u l-fiduċja fi ħdan is-Suq Uniku Diġitali;

3.

Il-garanzija ta’ użu wiesa’ ta’ soluzzjonijiet ta’ ċibersigurtà u fiduċja effettivi u mill-aktar avvanzati fl-Istati Membri kollha. Tali użu jinkludi t-tisħiħ tas-sigurtà u tas-sikurezza ta’ prodotti, mid-disinn sal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom;

4.

L-appoġġ għall-għeluq tad-distakk fil-ħiliet taċ-ċibersigurtà, filwaqt li jitqies il-bilanċ bejn il-ġeneri, billi, pereżempju, jiġu allinjati l-programmi tal-ħiliet taċ-ċibersigurtà, jiġu adattati għall-ħtiġijiet settorjali speċifiċi u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-taħriġ speċjalizzat immirat;

5.

Il-promozzjoni tas-solidarjetà fost l-Istati Membri fit-tħejjija u fir-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira permezz tal-użu ta’ servizzi ta’ ċibersigurtà f’livell transfruntier, inkluż l-appoġġ għall-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-istabbiliment ta’ riżerva ta’ fornituri fdati ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti fil-livell tal-Unjoni.;”

(2)

Fl-Anness II, it-taqsima “Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja” hija sostitwita b’dan li ġej:

“Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja

3.1.

L-għadd ta’ infrastrutturi jew għodod taċ-ċibersigurtà, jew tat-tnejn, akkwistati b’mod konġunt inkluż fil-kuntest tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà

3.2.

L-għadd ta’ utenti u komunitajiet ta’ utenti li għandhom aċċess għal faċilitajiet ta’ ċibersigurtà Ewropej

3.3

L-għadd ta’ azzjonijiet li jappoġġaw it-tħejjija u r-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà skont il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà”.

Saret dikjarazzjoni b’rabta ma’ dan l-att u tista' tinstab fil-ĠU C, C/2025/38, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/308/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/38/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)