Eureka 32026R0261 Definitions Sign in
European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/261

2.2.2026

REGOLAMENT (UE) 2026/261 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Jannar 2026

dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass naturali Russu, u t-tħejjija għall-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet taż-żejt Russu, it-titjib fil-monitoraġġ tad-dipendenzi potenzjali tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1938

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) u l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-invażjoni illegali fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa fi Frar 2022 żvelat il-konsegwenzi drammatiċi tad-dipendenzi eżistenti fuq il-gass naturali Russu għas-swieq u s-sigurtà. Għalhekk, fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles tal-11 ta’ Marzu 2022, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern qablu li jnaqqsu gradwalment u eventwalment jeliminaw għalkollox id-dipendenza fuq l-enerġija Russa. Fil-Komunikazzjoni tagħha REPowerEU tat-8 ta’ Marzu 2022 bit-titolu “REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli”, u fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Mejju 2022 dwar il-Pjan REPowerEU l-Kummissjoni pproponiet miżuri konkreti għad-diversifikazzjoni sħiħa ’l bogħod mill-importazzjonijiet tal-enerġija Russa b’mod sikur, affordabbli u sostenibbli. Minn dak iż-żmien ’l hawn sar progress sinifikanti fil-proċess tad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-gass ’il bogħod mill-Federazzjoni Russa. Billi l-volumi li fadal tal-gass naturali Russu li jidħlu fl-Unjoni għadhom sinifikanti, fil-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Mejju 2025 dwar il-Pjan Direzzjonali lejn tmiem l-importazzjoni tal-enerġija Russa (il-Pjan Direzzjonali REPowerEU), il-Kummissjoni ħabbret proposta leġiżlattiva għall-eliminazzjoni gradwali sħiħa tal-importazzjonijiet tal-gass Russu u t-titjib tal-qafas eżistenti biex jiġu indirizzati d-dipendenzi tal-enerġija. Sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u r-reżiljenza tal-enerġija tal-Unjoni, huwa urġenti u strateġikament meħtieġ li jiġu indirizzati d-dipendenzi kollha li fadal tal-enerġija msemmija fil-Pjan Direzzjonali REPowerEU.

(2)

Bosta eżempji ta’ tnaqqis u interruzzjonijiet fil-provvista mhux imħabbrin u mhux ġustifikati, saħansitra anke qabel l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna, kif ukoll l-użu tal-enerġija bħala arma mill-Federazzjoni Russa minn dak iż-żmien ’l hawn, juru li l-Federazzjoni Russa sfruttat sistematikament id-dipendenzi eżistenti fuq il-provvisti tal-gass Russu bħala arma politika biex tagħmel ħsara lill-ekonomija tal-Unjoni. Dan ikkawża effetti negattivi serji fuq l-Istati Membri u s-sigurtà ekonomika tal-Unjoni, fuq l-istabbiltà tas-suq uniku, fuq il-konsumaturi tal-Unjoni u fuq il-kompetittività b’mod ġenerali. Għaldaqstant, l-Unjoni ma tistax tibqa’ tqis lill-Federazzjoni Russa u lill-kumpaniji tal-enerġija tagħha bħala sħab kummerċjali affidabbli tal-enerġija.

(3)

F’Jannar 2006, il-Federazzjoni Russa waqqfet il-provvisti tal-gass naturali tagħha lejn xi pajjiżi fl-Ewropa tax-Xlokk u Ċentrali fl-eqqel ta’ kesħa kbira, u dan għolla l-prezzijiet u kkawża jew hedded li jikkawża ħsara liċ-ċittadini. Fis-6 ta’ Jannar 2009, il-Federazzjoni Russa reġgħet qatgħet għalkollox il-gass li jgħaddi mill-Ukrajna, u affettwat 18-il Stat Membru, b’mod partikolari lil dawk fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Din l-interruzzjoni fil-provvista wasslet għal disturbi serji lis-swieq tal-gass fir-reġjun u fl-Unjoni kollha. Xi Stati Membri sfaw mingħajr flussi tal-gass naturali għal kważi 14-il jum, u dan wassal għall-għeluq sfurzat għal żmien twil tat-tisħin fl-iskejjel u fil-fabbriki, li waslet għal ħtieġa li jiddikjaraw stat ta’ emerġenza. Fl-2014, il-Federazzjoni Russa invadiet u annettiet illegalment il-Krimea, ħatfet l-assi tal-produzzjoni tal-gass Ukreni fil-Krimea u naqqset il-provvisti tal-gass lil diversi Stati Membri li kienu ħabbru li kienu ser ifornu lill-Ukrajna bil-gass, li mbagħad wassal għal disturbi fis-suq u żidiet fil-prezzijiet u għamel ħsara lis-sigurtà ekonomika. L-esportatur b’monopolju tal-Federazzjoni Russa Gazprom, ikkontrollat mill-Istat, kien is-suġġett ta’ bosta investigazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ksur possibbli tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u sussegwentement bidel l-imġiba tiegħu fis-suq sabiex jindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni. F’diversi każijiet, il-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni kienu relatati mal-hekk imsejħin “restrizzjonijiet territorjali” fil-kuntratti ta’ provvista tal-gass ta’ Gazprom, li jipprojbixxu l-bejgħ mill-ġdid tal-gass barra mill-pajjiż ta’ destinazzjoni , kif ukoll ma’ evidenza li Gazprom kien involut fi prassi ta’ prezzijiet ta’ bejgħ mhux ekwi u għamel il-provvisti tal-enerġija soġġetti għal konċessjonijiet politiċi, bħall-parteċipazzjoni fi proġetti tal-pipeline Russi jew l-akkwist ta’ kontroll fuq l-assi tal-enerġija tal-Unjoni.

(4)

Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna minn Frar 2022 ’l hawn u t-tnaqqis sussegwenti tal-provvisti tal-gass bħala arma flimkien mal-manipulazzjoni tas-swieq b’interruzzjonijiet intenzjonati fil-flussi tal-gass ħarġu fid-deher vulnerabbiltajiet u dipendenzi fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha, bil-potenzjal ovvju ta’ impatt dirett u serju fuq il-funzjonament tas-suq tal-gass tal-Unjoni, l-ekonomija tal-Unjoni u l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha, kif ukoll il-potenzjal ta’ ħsara diretta liċ-ċittadini tal-Unjoni, billi l-interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa jew il-ħajja taċ-ċittadini. L-evidenza turi li l-kumpanija Gazprom, ikkontrollata mill-istat, immanipulat intenzjonalment is-swieq tal-enerġija tal-Unjoni biex il-prezzijiet tal-enerġija jogħlew. Ħażniet kbar taħt l-art fl-Unjoni kkontrollati minn Gazprom tħallew f’livelli li qatt ma kienu daqshekk baxxi, u l-kumpaniji Russi naqqsu l-bejgħ fiċ-ċentri tal-gass tal-Unjoni u waqqfu għalkollox l-użu tal-pjattaforma tal-bejgħ tagħhom stess qabel l-invażjoni, u dan affettwa s-swieq b’terminu qasir u aggrava s-sitwazzjoni tal-provvista diġà tensa wara l-invażjoni illegali tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa. Minn Marzu 2022, il-Federazzjoni Russa waqqfet jew naqqset sistematikament il-konsenji tal-gass naturali għall-Istati Membri, u dan wassal għal disturbi sinifikanti għas-suq tal-gass tal-Unjoni. Affettwa b’mod partikolari l-provvisti lejn l-Unjoni minn ġol-pipeline Yamal, il-provvisti lejn il-Finlandja kif ukoll il-pipeline Nord Stream 1, fejn Gazprom l-ewwel naqqset il-flussi u eventwalment għalqet il-provvisti minn ġol-pipeline kompletament.

(5)

L-użu mill-Federazzjoni Russa tal-provvista tal-gass bħala arma u l-manipulazzjoni tas-suq mir-Russja b’interruzzjonijiet intenzjonati fil-flussi tal-gass wasslu għal żieda f’daqqa u qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Unjoni, li kkawżat livelli bla preċedent tal-prezzijiet fl-2022, sa tmien darbiet il-medja tas-snin preċedenti. Il-ħtieġa li rriżultat, li jinstabu sorsi alternattivi tal-provvista tal-gass, li jinbidlu r-rotot tal-provvista, li jimtlew il-ħażniet għax-xitwa, u li jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi ta’ konġestjoni fl-infrastruttura tal-gass tal-Unjoni kompliet tikkontribwixxi għal volatilità qawwija tal-prezzijiet u għal żidiet bla preċedent fil-prezzijiet fl-2022.

(6)

Il-prezzijiet eċċezzjonalment għolja tal-gass irriżultaw fi prezzijiet għolja tal-elettriku u żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti oħra tal-enerġija, li wasslu għal inflazzjoni qawwija sostnuta. Il-prezzijiet għaljin tal-enerġija u l-volatilità kkawżaw kriżi ekonomika profonda b’rati ta’ tkabbir negattivi f’ħafna Stati Membri, li pperikolat l-ekonomija tal-Unjoni, imminat il-kapaċità tal-akkwist tal-konsumatur u żiedet il-kostijiet tal-manifattura, u b’hekk ħolqot riskji għall-koeżjoni soċjali u l-istabbiltà, u anke għall-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem. L-interruzzjonijiet fil-provvista ħolqu wkoll problemi serji ħafna li jikkonċernaw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni u ġiegħlu lil 11-il Stat Membru jiddikjaraw livell ta’ kriżi tal-enerġija skont ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Filwaqt li gawdiet mid-dipendenza tal-Unjoni tul dik il-kriżi, il-manipulazzjonijiet tas-suq mill-Federazzjoni Russa ppermettewlha tikseb profitti f’livelli rekord mill-kummerċ tal-enerġija li għad fadlilha mal-Ewropa, bi dħul mill-importazzjonijiet tal-gass li fl-2024 kien għadu jlaħħaq mal-EUR 15- il biljun. Dak id-dħul seta’ jintuża biex jiffinanzja aktar attakki ekonomiċi kontra l-Unjoni u b’hekk jimmina s-sigurtà ekonomika. Seta’ jintuża wkoll biex jiffinanzja l-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna li tikkostitwixxi theddida kbira għall-istabbiltà politika u ekonomika fl-Ewropa.

(7)

Mill-kriżi reċenti ħarġet biċ-ċar li r-relazzjonijiet kummerċjali ta’ fiduċja mas-sħab li jipprovdu l-prodotti tal-enerġija huma kruċjali biex tinżamm l-istabbiltà tas-suq u jiġu protetti l-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, kif ukoll l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni, b’mod partikolari għax l-Unjoni tiddependi ferm fuq importazzjonijiet tal-enerġija minn pajjiżi terzi. Jekk l-Unjoni tibqa’ tikseb il-provvisti tal-enerġija mill-Federazzjoni Russa tkun qed tesponi ruħha għal riskji ekonomiċi u ta’ sigurtà kontinwi; għalhekk, tkun qed tnaqqas, aktar milli żżid, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha. Anke d-dipendenzi fuq volumi iżgħar ta’ importazzjonijiet tal-gass Russu jistgħu, f’każ ta’ abbuż mill-Federazzjoni Russa, joħolqu distorsjoni sinifikanti fid-dinamika tal-prezzijiet, anke jekk biss temporanjament, u jfixklu s-swieq tal-enerġija, b’mod partikolari f’dawk ir-reġjuni li għadhom dipendenti ferm fuq l-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa. Minħabba x-xejra fit-tul u konsistenti tal-manipulazzjonijiet tas-suq u tal-interruzzjonijiet fil-provvista, kif ukoll il-fatt li l-gvern tal-Federazzjoni Russa uża b’mod konsistenti l-kummerċ tal-gass bħala arma biex jilħaq għanijiet ta’ politika aktar milli għanijiet kummerċjali, jixraq li jittieħdu miżuri legalment vinkolanti biex jiġu eliminati l-vulnerabbiltajiet kollha li fadal tal-Unjoni li jirriżultaw mid-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-gass naturali mill-Federazzjoni Russa, kemm mill-pipelines (“gass bil-pipeline”) kif ukoll dawk tal-gass naturali likwifikat (LNG).

(8)

Ir-restrizzjonijiet fuq it-tranżazzjonijiet internazzjonali previsti f’dan ir-Regolament huma konsistenti mal-azzjoni esterna tal-Unjoni f’oqsma oħra, kif jeżiġi l-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa ddeterjoraw ferm fl-aħħar snin u b’mod partikolari mill-2022 ’l hawn. Dak id-deterjorament tar-relazzjonijiet huwa dovut għan-nuqqas ta’ rispett sfaċċat tal-Federazzjoni Russa lejn il-liġi internazzjonali u, b’mod partikolari, għall-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tagħha kontra l-Ukrajna. Minn Lulju 2014 ’l hawn, l-Unjoni imponiet progressivament miżuri restrittivi fuq il-kummerċ mal-Federazzjoni Russa bħala rispons għall-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. L-Unjoni hija permessa, bis-saħħa tal-eċċezzjonijiet li japplikaw skont il-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u b’mod partikolari l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (eċċezzjonijiet tas-sigurtà), u tal-eċċezzjonijiet analogi skont il-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni mal-Federazzjoni Russa, li ma tagħtix l-istess vantaġġi lill-merkanzija importata mill-Federazzjoni Russa li tagħti lill-merkanzija simili importata minn pajjiżi oħra (it-trattament tal-aktar nazzjon iffavorit). Għalhekk, l-Unjoni tista’ timponi projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija mill-Federazzjoni Russa, jekk l-Unjoni jkun jidhrilha li dawk il-miżuri, meħuda fi żmien l-emerġenza li għaddejja fir-relazzjonijiet internazzjonali bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa, huma meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni.

(9)

Id-diversifikazzjoni tal-importazzjonijiet tal-LNG hija essenzjali għat-tisħiħ u ż-żamma tas-sigurtà tal-enerġija fl-Unjoni. Sabiex jiġi evitat ir-riskju li r-riżervi fit-tul tal-kapaċità tat-terminals tal-LNG miżmuma minn kumpaniji Russi jintużaw biex jostakolaw l-importazzjonijiet minn sorsi alternattivi permezz ta’ prattiki ta’ ħżin tal-kapaċità, bħar-riżerva ta’ kapaċitajiet ta’ likwidifikazzjoni jew ta’ ħżin mingħajr ma dawn fil-fatt jintużaw jew bil-fini li l-kompetituri jiġu preklużi milli jużaw l-infrastruttura, l-awtoritajiet regolatorji u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti legali robusti li huma disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar l-enerġija u l-kompetizzjoni, fejn xieraq. Meta l-awtoritajiet doganali jidentifikaw riskji għas-sikurezza jew għas-sigurtà li jirriżultaw mill-gass Russu qabel ma jidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni, jenħtieġ li jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet rigward il-ġestjoni tar-riskju fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”) (4) biex jevitaw tali riskji.

(10)

Il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa l-impatt fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ta’ projbizzjoni possibbli fuq l-importazzjonijiet tal-gass naturali mill-Federazzjoni Russa. Fil-fatt, mill-2022 ’l hawn sar bosta xogħol preparatorju u ġew ippubblikati diversi analiżijiet dettaljati tal-konsegwenzi ta’ eliminazzjoni gradwali totali tal-gass Russu, u l-Kummissjoni tista’ sserraħ ukoll fuq ħafna konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati, esperti u aġenziji esterni, u studji dwar l-effetti tal-eliminazzjoni gradwali tal-gass Russu. L-analiżi tal-Kummissjoni wriet li eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass naturali Russu, jekk issir pass pass, b’mod ikkoordinat u mħejji tajjeb u fi spirtu ta’ solidarjetà, aktarx li jkollha impatt limitat fuq il-prezzijiet tal-enerġija fl-Unjoni, u li din ser issaħħaħ u mhux tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, minħabba l-ħruġ ta’ sieħeb kummerċjali mhux affidabbli mis-swieq tal-Unjoni. Kif stipulat fil-Pjan Direzzjonali REPowerEU, l-implimentazzjoni tal-Pjan REPowerEU diġà naqqset id-dipendenzi tal-Unjoni fuq il-provvisti mill-Federazzjoni Russa, pereżempju bl-introduzzjoni ta’ miżuri biex titnaqqas id-domanda għall-gass jew biex jiġi aċċellerat l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll bl-appoġġ attiv għad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u ż-żieda fil-kapaċità tan-negozjar tal-Unjoni permezz tax-xiri konġunt tal-gass. L-Evalwazzjoni tal-Impatti wriet ukoll li l-koordinazzjoni bil-quddiem tal-politiki tad-diversifikazzjoni tista’ tevita effetti dannużi fuq il-prezzijiet jew il-provvisti .

(11)

Dan ir-Regolament huwa kompletament kompatibbli mal-istrateġija tal-Unjoni li tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwil fossili billi ttejjeb id-dekarbonizzazzjoni u tespandi malajr l-enerġija nadifa prodotta domestikament. Kif stipulat fil-Pjan Direzzjonali REPowerEU, l-implimentazzjoni tal-Pjan REPowerEU diġà wasslet fi tnaqqis sostanzjali ta’ aktar minn 60 biljun metri kubiċi fis-sena fl-importazzjonijiet tal-gass bejn l-2022 u l-2024, u b’hekk l-Unjoni setgħet tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-provvisti mill-Federazzjoni Russa. Tnaqqis ulterjuri tad-dipendenza seta’ jinkiseb b’miżuri biex titnaqqas id-domanda għall-gass, tiżdied l-effiċjenza enerġetika, jew tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni ekoloġika billi titħaffef l-adozzjoni tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni eolika u solari, li żżid b’mod sinifikanti s-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija, kif ukoll billi tiġi appoġġata b’mod attiv id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u ż-żieda fil-kapaċità tan-negozjar tal-Unjoni permezz tax-xiri konġunt tal-gass. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni sħiħa tat-tranżizzjoni tal-enerġija, il-Pjan ta’ Azzjoni reċenti għall-Enerġija Affordabbli u miżuri oħra, b’mod partikolari l-investimenti fil-produzzjoni ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għal prodotti intensivi fl-enerġija, bħall-fertilizzanti, mistennija jissostitwixxu sa 100 biljun f’metri kubi ta’ gass naturali sal-2030. Dawn l-isforzi kkombinati ser isaħħu r-reżiljenza, il-kompetittività u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni, jappoġġaw lill-industriji, lill-SMEs u liċ-ċittadini Ewropej u jiffaċilitaw l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass mill-Federazzjoni Russa.

(12)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Versailles u mal-Komunikazzjoni REPowerEU, għadd kbir ta’ importaturi tal-gass diġà temmew jew naqqsu b’mod sinifikanti l-provvisti tal-gass tagħhom mill-Federazzjoni Russa. Kif stabbilit fl-Evalwazzjoni tal-Impatti, il-volumi tal-gass li jkun fadal taħt kuntratti ta’ provvista eżistenti jistgħu jitneħħew gradwalment mingħajr impatt ekonomiku sinifikanti jew riskji għas-sigurtà tal-provvista, minħabba d-disponibbiltà ta’ biżżejjed fornituri alternattivi fis-suq tal-gass dinji, suq tal-gass tal-Unjoni interkonness sew, u d-disponibbiltà ta’ infrastruttura suffiċjenti tal-importazzjoni. Il-miżuri relatati jeħtieġ li jkunu jaqblu mal-qafas attwali tal-Unjoni dwar l-enerġija.

(13)

F’xi każijiet, it-tagħbijiet tal-LNG ikun fihom gass prodott f’pajjiżi differenti u mħallat flimkien. Għalhekk, jenħtieġ li l-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-gass naturali mill-Federazzjoni Russa tapplika wkoll għall-ammonti ta’ gass f’tali tagħbija li jiġu prodotti fil-Federazzjoni Russa. Fejn l-importaturi jkunu jistgħu jiddokumentaw mingħajr ambigwità l-ishma rilevanti tal-LNG prodott barra mill-Federazzjoni Russa, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu importati l-ammonti ta’ LNG mhux Russu li jinsabu f’tagħbija tal-LNG.

(14)

Il-kuntratti ta’ provvista b’terminu qasir jikkonċernaw volumi iżgħar mill-kuntratti ta’ provvista kbar fit-tul li l-importaturi għandhom ma’ kumpaniji Russi u fi kwalunkwe każ, dawk il-kuntratti ta’ provvista b’terminu qasir eżistenti ser ikunu qrib l-iskadenza sa ma jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament. Għalhekk, ir-riskju għas-sigurtà ekonomika li joħolqu l-kuntratti ta’ provvista b’terminu qasir jidher li hu baxx. Għaldaqstant huwa xieraq li l-kuntratti ta’ provvista b’terminu qasir jiġu eżentati mill-applikazzjoni immedjata tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni, li jippermetti perjodu ta’ tranżizzjoni sal-25 ta’ April 2026 għall-importazzjonijiet tal-LNG, b’kont meħud tal-Artikolu 3ra tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 (5), u sas-17 ta’ Ġunju 2026 għall-gass bil-pipeline.

(15)

X’aktarx li l-importaturi li jkollhom kuntratti ta’ provvista fit-tul ser ikunu jeħtieġu aktar żmien biex isibu rotot u sorsi alternattivi tal-provvista minn dawk b’kuntratti ta’ provvista b’terminu qasir, għax il-kuntratti ta’ provvista fit-tul normalment ikunu jikkonċernaw volumi ferm akbar maż-żmien mill-kuntratti ta’ provvista b’terminu qasir. Għalhekk jenħtieġ li jiġi introdott perjodu ta’ tranżizzjoni rigward il-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-gass għal kuntratti ta’ provvista fit-tul eżistenti biex id-detenturi ta’ kuntratti ta’ provvista fit-tul jingħataw biżżejjed żmien biex jiddiversifikaw il-provvisti tagħhom b’mod ordnat. Filwaqt li l-LNG jista’ jinkiseb fid-dinja kollha u l-klijenti tal-LNG normalment ma jiffaċċjaw l-ebda ostaklu fiżiku biex jaqilbu għal fornituri alternattivi fis-suq dinji tal-LNG, id-diversifikazzjoni għall-klijenti tal-gass bil-pipeline, b’mod partikolari f’pajjiżi mingħajr infrastruttura tal-LNG, tista’ tkun aktar kumplessa. Għalhekk jenħtieġ li jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni itwal għall-provvisti tal-gass taħt il-kuntratti eżistenti ta’ provvista tal-pipeline fit-tul.

(16)

Kien hemm sitwazzjonijiet speċifiċi fejn pajjiż li bħalissa għadu jiġi fornut skont kuntratti ta’ provvista fit-tul eżistenti għall-gass bil-pipeline Russu, ikun affettwat speċifikament minn bidliet reċenti fir-rotot tal-provvista mill-Federazzjoni Russa, li neħħew il-possibbiltà li l-gass jiġi importat permezz ta’ dawn ir-rotot tal-provvista, minħabba rotot limitati jew għax ma jkun hemm l-ebda rotta alternattiva għat-trasport tal-gass ikkuntrattat. Sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni, hemm fornituri minn Stati Membri oħra li bħalissa qed jiżguraw il-konsenja tal-gass bil-pipeline skont kuntratti ta’ provvista b’terminu qasir ma’ fornituri mill-Federazzjoni Russa permezz ta’ punti ta’ interkonnessjoni mhux konġestjonati. Minħabba din is-sitwazzjoni speċifika ħafna u sabiex jingħataw biżżejjed żmien biex jinstabu fornituri ġodda, jenħtieġ li japplika wkoll perjodu ta’ tranżizzjoni itwal għal dawk il-kuntratti ta’ provvista b’terminu qasir ma’ fornituri mill-Federazzjoni Russa li jintużaw biex ifornu lil pajjiżi mingħajr kosta affettwati minn bidliet fir-rotot tal-provvista għall-gass Russu.

(17)

Filwaqt li jidher ġustifikat li l-kuntratti ta’ provvista eżistenti “tal-legat” jiġu eżentati mill-applikazzjoni immedjata tal-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ gass Russu, jenħtieġ li mhux il-kuntratti kollha li ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jibbenefikaw minn eżenzjoni temporanja bħal din. Fil-fatt, eżenzjoni temporanja għall-kuntratti ta’ provvista eżistenti kollha mill-projbizzjoni setgħet ħolqot inċentiv għall-fornituri Russi biex jużaw iż-żmien bejn il-pubblikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal dan ir-Regolament u d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni biex jiżdiedu l-provvisti attwali billi jikkonkludu kuntratti ġodda jew iżidu l-volumi billi jibdlu l-kuntratti ta’ provvista eżistenti jew jużaw il-flessibbiltajiet skont tali kuntratti. Sabiex jiġi żgurat li l-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa jonqsu, aktar milli jiżdiedu, bħala riżultat tal-projbizzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jippremjax lill-kumpaniji talli kkonkludew kuntratti ġodda għall-importazzjoni ta’ gass Russu fiż-żmien bejn il-pubblikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal dan ir-Regolament u d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni billi jagħtihom ukoll perjodu ta’ tranżizzjoni. Fil-fatt, l-impenn tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern li jeliminaw gradwalment il-provvisti tal-gass Russu kien diġà sar f’Marzu 2022 u il-Kummissjoni bniet fuq dan l-impenn billi pproponiet l-Istrateġija REPowerEU, il-Pjan REPowerEU u l-Pjan Direzzjonali REPowerEU. Sa mhux iktar tard mill-pubblikazzjoni tal-proposta dangħal dan ir-Regolament, ma kienx għadu xieraq li l-kuntratti konklużi wara dik id-data jitqiesu bħala kuntratti “tal-legat”. Għalhekk, jenħtieġ li l-kuntratti konklużi wara s-17 ta’ Ġunju 2025 ma jibbenefikawx mid-dispożizzjonijiet ta’ tranżizzjoni eċċezzjonali għall-kuntratti eżistenti ta’ provvista b’terminu qasir u fit-tul.

(18)

Biex jiġi evitat li l-volumi tal-importazzjonijiet previsti fil-kuntratti ta’ provvista eżistenti jiżdiedu, l-emendi tal-kuntratti ta’ provvista eżistenti jenħtieġ li jitqiesu bħala kuntratti ġodda għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, u jenħtieġ li ż-żidiet fil-volumi tal-importazzjonijiet skont il-flessibbiltajiet kuntrattwali ma jibbenefikawx mill-perjodu ta’ tranżizzjoni. Jenħtieġ li jiġu previsti eċċezzjonijiet għal ċerti każijiet ta’ emendi meħtieġa għall-kuntratti ta’ provvista eżistenti, dment li dawn ma jżidux il-kwantitajiet ikkuntrattati jew iż-żmien tal-konsenja. Il-varjazzjonijiet tal-prezzijiet li jirriżultaw mill-indiċjar tal-prezzijiet diġà previsti fil-kuntratti ta’ provvista eżistenti ma jikkostitwixxux emenda għall-kuntratti ta’ provvista eżistenti.

(19)

Dan ir-Regolament joħloq projbizzjoni legali ċara fuq l-importazzjoni ta’ gass naturali Russu, li tikkostitwixxi att sovran tal-Unjoni lil hinn mill-kontroll tal-importaturi tal-gass u li tagħmel il-prestazzjoni tal-importazzjonijiet tal-gass naturali mill-Federazzjoni Russa illegali, b’effett legali dirett u mingħajr diskrezzjoni għall-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu.

(20)

Għall-kuntrarju ta’ merkanziji oħrajn, il-gass naturali hu komodità omoġenja li tiġi nnegozjata f’volumi kbar u ħafna drabi tinbiegħ mill-ġdid diversi drabi bejn il-kummerċjanti fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa. Filwaqt li titqies il-kumplessità partikolari tat-traċċar tal-oriġini tal-gass naturali, u filwaqt li jitqies li l-fornituri Russi jaf jippruvaw jevitaw dan ir-Regolament, pereżempju b’bejgħ tramite intermedjarji, tramite trażbordi jew tramite trasport minn pajjiżi oħra, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi qafas effettiv biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet rilevanti jkunu jistgħu jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex jidentifikaw jekk il-provvisti ta’ gass naturali mill-Federazzjoni Russa jiġux introdotti fit-territorju doganali tal-Unjoni permezz ta’ skemi maħluqa għaċ-ċirkomvenzjoni ta’ dan ir-Regolament. Meta jiddeterminaw jekk il-gass naturali jiġix rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali mhux biss jibbażaw fuq l-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni doganali, iżda jkunu jistgħu, abbażi ta’ informazzjoni oħra rilevanti, jevalwaw, meta jqisu rilevanti, jekk merkanzija miġjuba fl-Unjoni tkunx fil-fatt maħsuba li tiġi rilaxxata f’ċirkolazzjoni libera. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jirrikjedi wkoll l-istabbiliment tal-pajjiż tal-produzzjoni u l-katina tal-provvista tal-gass naturali importat fl-Unjoni.

(21)

Jenħtieġ li l-importaturi tal-gass naturali jkunu obbligati jipprovdu lill-awtoritajiet l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jistabbilixxu l-pajjiż tal-produzzjoni tal-gass naturali importat fl-Unjoni u jiddeterminaw jekk il-gass importat ikunx soġġett għall-projbizzjoni ġenerali jew taħt xi waħda mill-eċċezzjonijiet tagħha. Il-kunċett ta’ “oriġini” skont il-liġi doganali tal-Unjoni jista’ mhux dejjem jippermetti l-identifikazzjoni tal-pajjiż tal-produzzjoni tal-gass importat, jekk il-gass ikun ġie pproċessat (eż. likwifikat jew rigassifikat) wara li jkun telaq mill-Federazzjoni Russa. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikopri wkoll każijiet fejn il-pajjiż tal-“oriġini” skont il-liġi doganali tal-Unjoni jkun differenti mill-pajjiż tal-produzzjoni tal-gass u jipprevedi mekkaniżmu biex jiġi vverifikat jekk il-gass naturali jkunx ġie estratt jew likwifikat fil-Federazzjoni Russa. Jenħtieġ li kwalunkwe gass li, qabel l-importazzjoni tiegħu fl-Unjoni, ikun ġie esportat mill-Federazzjoni Russa, jew permezz ta’ esportazzjoni diretta mir-Russja lejn l-Unjoni jew permezz ta’ esportazzjoni indiretta minn pajjiż terz, ħlief fil-każ ta’ tranżitu, ikun soġġett għall-projbizzjoni.

(22)

Minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-gass bil-pipeline u tal-LNG, u sabiex ikun jista’ jsir proċess ta’ verifika bla xkiel tal-pajjiż tal-produzzjoni u l-kundizzjonijiet għal eżenzjonijiet temporanji possibbli qabel ma l-gass jidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni, jenħtieġ li tiġi introdotta proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Jenħtieġ li l-importazzjonijiet jiġu rrifjutati fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet awtorizzanti, u, fejn hu applikabbli, l-awtoritajiet doganali jiġu infurmati minn qabel dwar l-importazzjonijiet maħsuba fl-Unjoni, ujenħtieġ li jiġu pprovduti bl-informazzjoni meħtieġa biex jiġi vverifikat il-pajjiż tal-produzzjoni u biex jiddeterminaw jekk jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet għal eżenzjoni temporanja skont dan ir-Regolament. Filwaqt li jenħtieġ li l-awtoritajiet awtorizzanti jagħmlu l-almu tagħhom biex joħorġu awtorizzazzjoni fil-perjodu bejn is-sottomissjoni tal-informazzjoni mill-importatur u d-dħul ippjanat fit-territorju doganali tal-Unjoni sabiex jiġu ffaċilitati l-importazzjonijiet ta’ gass lejn l-Unjoni, huma jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu wkoll fi stadju aktar tard, b’mod partikolari meta jkun hemm dubji dwar l-informazzjoni pprovduta. L-awtorizzazzjoni minn qabel jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta’ infurzar eżistenti tal-awtoritajiet doganali. Jenħtieġ li l-importazzjonijiet tal-gass naturali minn pajjiżi li jipproduċu l-gass jiġu eżentati minn dak l-obbligu jekk l-Unjoni tkun importat volumi sinifikanti minn dawn il-pajjiżi fil-passat u jekk dawk il-pajjiżi jew ikunu wrew li ma jridux jappoġġjaw is-settur tal-gass Russu permezz ta’ projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ gass Russu jew permezz ta’ miżuri restrittivi mmirati lejn l-infrastruttura tal-gass Russa, kumpaniji tal-gass Russi jew persuni li jimmaniġġjaw tali kumpaniji, jew jekk dawk il-pajjiżi ma jiddisponux mill-infrastruttura meħtieġa biex jimportaw gass naturali permezz ta’ pipelines jew LNG. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-lista ta’ tali pajjiżi u taġġornaha kif xieraq.

(23)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet awtorizzanti u, fejn hu applikabbli, l-awtoritajiet doganali, jkunu jistgħu jitolbu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jivvalutaw il-legalità tal-importazzjonijiet. Jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu wkoll fuq informazzjoni minn sorsi oħra. Peress li l-kundizzjonijiet kuntrattwali li jiddeterminaw l-elementi rilevanti għall-valutazzjoni spiss ikunu kumplessi, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jingħataw is-setgħa li jitolbu lill-importaturi informazzjoni dettaljata dwar il-kuntratti, inkluż il-kuntratti ta’ provvista sħaħ, meta dak ikun meħtieġ biex jinftiehem il-kuntest ta’ ċerti klawżoli jew ir-referenzi għal dispożizzjonijiet kuntrattwali oħra. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun jinkludi regoli li jiżguraw protezzjoni effettiva tas-sigrieti kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

(24)

Meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-awtorizzazzjoni u l-awtoritajiet doganali jiffukaw l-infurzar fuq il-punti ta’ interkonnessjoni, il-faċilitajiet tal-LNG jew il-pipelines ta’ tranżitu fejn ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni huwa għoli. Ġew osservati prattiki tal-użu tal-hekk imsejħa “flotot mistura” għaċ-ċirkomvenzjoni tal-miżura restrittiva fit-trasport taż-żejt u dawn jistgħu joħolqu wkoll riskji għall-importazzjonijiet tal-LNG, u b’hekk jimminaw l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. F’kooperazzjoni mill-qrib ma’ xulxin, jenħtieġ li l-awtoritajiet, fejn meħtieġ, jadattaw il-prijoritajiet ta’ infurzar tagħhom biex jindirizzaw prattiki potenzjali ta’ ċirkomvenzjoni identifikati waqt l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni timmonitorja b’mod kostanti l-flussi tal-gass naturali Russu li jgħaddi minn pajjiżi terzi.

(25)

Xi partijiet mill-infrastruttura Russa tat-trażmissjoni tal-gass huma konnessi direttament mal-Unjoni, u xi pipelines ta’ tranżitu li jgħaqqdu lill-Federazzjoni Russa mal-Unjoni jgħaddu minn pajjiżi terzi mingħajr bħalissa ma għandhom l-ebda punt ta’ dħul bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li jiġi preżunt li gass naturali importat fl-Unjoni permezz ta’ fruntieri, interkonnetturi, jew punti ta’ interkonnessjoni bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni, il-Belarussja u l-Unjoni kif ukoll gass naturali li jasal permezz ta’ pipelines bħal TurkStream fil-punt ta’ interkonnessjoni Strandzha 2 / Malkoclar joriġina jew jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa. Meta jiġi ddikjarat li l-gass naturali li jasal f’dawn il-fruntieri, l-interkonnetturi, jew il-punti ta’ interkonnessjoni jkun taħt proċedura ta’ “tranżitu” mill-Federazzjoni Russa, jenħtieġ li japplikaw kontrolli stretti. Il-Federazzjoni Russa hija esportatur ewlieni tal-gass u fil-passat ma qdiet ebda rwol sinifikanti bħala pajjiż ta’ tranżitu tal-gass, minħabba diversi fatturi, bħan-nuqqas ta’ infrastruttura ta’ rigassifikazzjoni, l-organizzazzjoni tal-kummerċ tal-gass fil-Federazzjoni Russa permezz ta’ monopolju tal-esportazzjoni permezz tal-pipelines, mudelli kummerċjali ta’ kumpaniji tal-gass Russi li mhumiex ibbażati fuq l-organizzazzjoni ta’ tranżiti, u l-pożizzjoni ġeografika tal-Federazzjoni Russa . Għalhekk, u filwaqt li jitqiesu l-inċentivi tal-fornituri Russi biex jevitaw il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jirrifjutaw l-importazzjoni ta’ volumi ta’ gass naturali allegatament fi tranżitu sakemm ma tistax tiġi pprovduta evidenza mhux ambigwa li tistabbilixxi li l-gass rilevanti kien fi tranżitu mill-Federazzjoni Russa u li l-pajjiż tal-produzzjoni tiegħu mhuwiex il-Federazzjoni Russa. Jenħtieġ li dik l-evidenza tiġi pprovduta lill-awtoritajiet awtorizzanti biżżejjed minn qabel, biex tkun possibbli t-traċċabbiltà tal-gass importat sal-post tal-produzzjoni u mhux aktar tard minn xahar qabel id-dħul fit-territorju doganali tal-Unjoni.

(26)

Il-punt ta’ interkonnessjoni Strandzha 1 jgħaqqad l-Unjoni ma’ sistema ta’ pipelines li tittrasporta mhux biss gass mir-Repubblika tal-Ażerbajġan jew mir-Repubblika tat-Turkija, iżda wkoll volumi sinifikanti ta’ gass mill-Federazzjoni Russa. Għalhekk jenħtieġ li jkun meħtieġ li tiġi pprovduta evidenza mhux ambigwa li tistabbilixxi li l-pajjiż tal-produzzjoni mhuwiex il-Federazzjoni Russa, u jenħtieġ li jingħata biżżejjed żmien ta’ verifika lill-awtoritajiet biex jiġi żgurat li l-gass importat permezz tal-punt ta’ interkonnessjoni Strandzha 1 ma joriġinax fil-Federazzjoni Russa jew ma jiġix esportat, direttament jew indirettament, minnha. Jekk punti oħra ta’ interkonnessjoni jkunu konnessi, fil-futur, ma’ sistemi ta’ pipelines li jittrasportaw volumi sinifikanti ta’ gass Russu, jenħtieġ li japplika l-istess standard ta’ kontroll.

(27)

Barra minn hekk, volumi sinifikanti ta’ gass naturali jistgħu jidħlu wkoll fl-Unjoni taħt proċedura ta’ “tranżitu”. Peress li r-regoli stretti ta’ monitoraġġ għall-importazzjonijiet ta’ gass bħall-awtorizzazzjoni minn qabel ma japplikawx għall-gass li jaqsam l-Unjoni taħt proċedura ta’ “tranżitu” jew li jkun qed jinħażen skont regoli ta’ ħżin doganali, huwa xieraq li jiġu previsti salvagwardji speċifiċi fil-forma ta’ reġim ta’ monitoraġġ tat-tranżitu, li jippermetti lill-awtoritajiet doganali jimmonitorjaw il-flussi tal-gass sabiex jiġi żgurat li l-gass naturali li jaqsam l-Unjoni taħt proċedura ta’ “tranżitu” fl-aħħar mill-aħħar ma jidħolx f’ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni. Meta l-operaturi jaħżnu l-gass f’ħażna temporanja jew taħt proċedura ta’ “tranżitu” jew ta’ ħżin doganali skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi xierqa ta’ monitoraġġ u infurzar biex jiżguraw li l-użu ta’ ħżin tal-Unjoni minn pajjiżi terzi ma joħloq ebda riskju għas-sigurtà tal-provvista nazzjonali jew reġjonali u t-twettiq tal-obbligi tal-ħżin, u jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

(28)

F’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, jenħtieġ li l-awtoritajiet awtorizzanti, l-awtoritajiet doganali, l-awtoritajiet regolatorji, l-awtoritajiet kompetenti, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u l-Kummissjoni jikkooperaw biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tal-eżenzjonijiet temporanji li jippermettu l-importazzjonijiet tal-gass naturali Russu wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-awtoritajiet doganali, l-awtoritajiet regolatorji, l-awtoritajiet kompetenti u l-ACER jenħtieġ li jkollhom l-għodod u l-bażijiet tad-data meħtieġa fis-seħħ biex jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti tkun tista’ tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet fi Stati Membri differenti fejn meħtieġ. Jenħtieġ li l-ACER tikkontribwixxi l-għarfien espert tagħha għall-proċess tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien tas-sistemi interoperabbli konġunti tal-informazzjoni meħtieġa, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jesploraw il-possibbiltajiet li jagħmlu użu mill-baġit disponibbli taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jaġġornaw kull xahar lill-awtoritajiet regolatorji, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni dwar l-elementi ewlenin fir-rigward tal-iżviluppi fuq l-importazzjonijiet tal-gass Russu, bħall-kwantitajiet importati skont kuntratti ta’ provvista fit-tul jew b’terminu qasir, il-punti ta’ dħul, jew is-sħab kuntrattwali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi dik l-informazzjoni, fejn rilevanti, fir-rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa wkoll l-effettività tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti, u, meta xieraq, tinkludi rakkomandazzjonijiet għat-titjib ta’ tali skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni f’dak ir-rapport.

(29)

L-esperjenza bl-eliminazzjoni gradwali tal-provvisti tal-gass Russu li jgħaddu mill-Ukrajna wriet li tħejjija u koordinazzjoni tajbin fi spirtu ta’ solidarjetà jistgħu jevitaw it-tfixkil fis-suq jew problemi fis-sigurtà tal-provvista li potenzjalment jinħolqu meta jinbidlu l-fornituri tal-gass. Biex l-eliminazzjoni gradwali sħiħa tal-gass Russu titħejja b’mod ikkoordinat, u biex is-suq ikollu biżżejjed żmien ħalli jantiċipa l-bidliet involuti mingħajr riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-gass jew impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-enerġija, jenħtieġ li l-Istati Membri jħejju pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għall-gass naturali u jippreżentawhom lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Marzu 2026. Jenħtieġ li dawk il-pjanijiet ikunu soġġetti għar-regoli tas-segretezza professjonali u ma jiġux żvelati mingħajr il-qbil tal-Istat Membru rilevanti. Jenħtieġ li jiddeskrivu l-miżuri ppjanati fil-livell nazzjonali jew reġjonali sabiex titnaqqas id-domanda, titrawwem il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jiġu żgurati provvisti alternattivi, kif ukoll jiġu identifikati l-ostakli tekniċi, kuntrattwali jew regolatorji possibbli li jistgħu jikkumplikaw il-proċess tad-diversifikazzjoni. Peress li l-proċess tad-diversifikazzjoni jaf ikun jeħtieġ il-koordinazzjoni ta’ miżuri fil-livell nazzjonali, reġjonali jew tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tevalwa l-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għall-gass naturali, bil-possibbiltà li toħroġ rakkomandazzjonijiet li jissuġġerixxu adattamenti meta meħtieġ.

(30)

Matul it-tħejjija tal-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni, b’mod ikkoordinat u fi spirtu ta’ solidarjetà, taħdem mal-Istati Membri, b’mod partikolari fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, biex tidentifika konsenji alternattivi ta’ gass naturali. Minbarra t-titjib tas-sigurtà tal-provvista, provvisti ġodda jistgħu jikkumpensaw ukoll għad-dħul mitluf billi jużaw l-infrastruttura eżistenti li qabel kienet tintuża għat-trasport tal-gass Russu.

(31)

Fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern impenjaw ruħhom mhux biss li jeliminaw gradwalment il-provvisti tal-gass naturali mill-Federazzjoni Russa, iżda anki provvisti oħra tal-enerġija, b’mod partikolari l-provvisti taż-żejt. Il-Federazzjoni Russa applikat prattiki simili għal dawk fil-qasam tal-gass, fejn għandha storja li tuża l-gass bħala mezz biex twettaq koerċizzjoni u manipulazzjoni, meta tinnegozja ż-żejt mal-Unjoni,. u dan intwera, pereżempju, minn interruzzjonijiet fil-passat tal-provvisti taż-żejt. Ir-relazzjonijiet eżistenti mal-Federazzjoni Russa b’rabta mal-provvista taż-żejt joħolqu dipendenzi u riskji għas-sigurtà fl-Unjoni. Sabiex il-Federazzjoni Russa ma titħallhiex tuża l-importazzjonijiet taż-żejt tagħha lejn l-Unjoni bħala għodda għall-koerċizzjoni, huwa essenzjali li titħejja eliminazzjoni gradwali f’waqtha wkoll tal-importazzjonijiet taż-żejt mill-Federazzjoni Russa. Filwaqt li diġà hemm fis-seħħ miżuri restrittivi biex tiġi żgurata l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet taż-żejt mill-Federazzjoni Russa u l-importazzjonijiet taż-żejt naqsu b’mod sinifikanti, eliminazzjoni gradwali ulterjuri taż-żejt Russu jaf tkun teħtieġ passi preparatorji speċifiċi u koordinazzjoni mal-ġirien.

(32)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jħejju wkoll pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għaż-żejt mhux maħdum u għall-prodotti petroliferi li jenħtieġ li jinkludu miżuri fis-seħħ u ppjanat fil-livell nazzjonali biex jiġu żgurati t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-importazzjonijiet taż-żejt mill-Federazzjoni Russa. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar dawk il-pjanijiet. Jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għar-regoli tas-segretezza professjonali u ma jiġux żvelati mingħajr il-qbil tal-Istat Membru rilevanti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tindirizza l-problema tal-użu tal-hekk imsejħa “flotot mistura” għaċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni fuq iż-żejt, b’mod partikolari billi twettaq l-azzjonijiet stipulati fil-Pjan Direzzjonali REPowerEU.

(33)

L-esperjenza tul il-kriżi tal-gass tal-2022 u l-2023 uriet li informazzjoni komprensiva dwar is-sitwazzjoni tal-provvista u d-dipendenzi possibbli tal-provvista hija kruċjali għall-monitoraġġ tal-provvista tal-gass fl-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-importaturi tal-gass Russu li jagħmlu użu mill-perjodi ta’ tranżizzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament jissottomettu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għal evalwazzjoni tar-riskji possibbli għall-kummerċ tal-gass. Jenħtieġ li din l-informazzjoni tkun tinkludi l-parametri ewlenin, jew anke partijiet sħaħ mit-test, tal-kuntratti ta’ provvista tal-gass rilevanti, ħlief informazzjoni dwar il-prezz, meta dan ikun meħtieġ biex jinftiehem il-kuntest ta’ ċerti klawżoli jew ir-referenzi għal dispożizzjonijiet oħra fil-kuntratt. Meta tkun qed timmonitorja l-provvista tal-gass fl-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis ukoll l-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet doganali u l-informazzjoni inkluża fil-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma regolarment lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1938 dwar il-proċess ta’ eliminazzjoni gradwali fil-livell tal-Unjoni u tissottometti rapport annwali dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-gass Russu, li miegħu jistgħu jingħataw rakkomandazzjonijiet u azzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni biex jitħaffef il-proċess ta’ eliminazzjoni gradwali.

(34)

Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jikkooperaw mill-qrib fuq l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament , inkluż fir-rigward ta’ proċeduri possibbli għas-soluzzjoni tat-tilwim. Meta applikabbli, ir-Regolamenti (UE) Nru 1219/2012 (7) u (UE) Nru 912/2014 (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistipulaw aktar dettalji dwar il-kooperazzjoni u l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-Unjoni b’rabta ma’ każijiet possibbli ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat relatati ma’ dan ir-Regolament.

(35)

Fid-dawl tal-prattika reċenti tal-Federazzjoni Russa li tbiddel u timpedixxi unilateralment il-proċeduri miftiehma tal-qorti u tal-arbitraġġ, la l-persuni affettwati, u lanqas l-Unjoni u l-Istati Membri ma jistgħu jinżammu responsabbli għall-ebda sentenza, deċiżjoni ta’ arbitraġġ, jew deċiżjoni ġudizzjarja oħra adottata skont proċeduri illegali li kontriha ma jkun hemm l-ebda rimedju aċċessibbli taħt il-ġuriżdizzjoni rilevanti.

(36)

L-Unjoni ħolqot qafas legali sod biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-gass f’kull ħin, u biex tittratta kriżijiet possibbli tal-provvista b’mod ikkoordinat, inkluż obbligi li l-Istati Membri jipprevedu solidarjetà effettiva u operazzjonali lill-ġirien li jeħtieġu l-gass. Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja b’mod kostanti l-iżvilupp tar-riskji tas-suq għall-provvista tal-gass li jinħolqu mill-kummerċ tal-gass mal-Federazzjoni Russa fil-livell tal-Unjoni, reġjonali u tal-Istati Membri. F’każ ta’ żviluppi għal għarrieda u sinifikanti, li jheddu serjament is-sigurtà tal-provvista ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, u wara li tkun ġiet iddikjarata emerġenza f’konformità mal-Artikolu 11 jew 12 tar-Regolament (UE) 2017/1938, huwa xieraq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tieħu l-miżuri ta’ emerġenza meħtieġa billi tadotta deċiżjoni dwar il-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-gass naturali jew tal-LNG stipulati f’dan ir-Regolament fi Stat Membru wieħed jew aktar. F’tali sitwazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ wkoll tissospendi r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għad-dħul tal-importazzjonijiet tal-gass fit-territorju doganali tal-Unjoni, sabiex jiġu ffaċilitati importazzjonijiet addizzjonali fi żmien qasir. Jenħtieġ li kwalunkwe sospensjoni bħal din mill-Kummissjoni tkun limitata fiż-żmien u ma tingħatax għal aktar minn 4 ġimgħat kull darba, u jenħtieġ li tiġġedded biss jekk jibqgħu japplikaw il-kundizzjonijiet għall-emerġenza skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2017/1938. Jenħtieġ li d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni timponi l-kundizzjonijiet addizzjonali neċessarji biex jiġi żgurat li kwalunkwe sospensjoni bħal din tkun strettament limitata għall-indirizzar tat-theddida u jenħtieġ li tippermetti biss kuntratti fuq terminu qasir. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jiġġustifika s-sospensjoni u kwalunkwe estensjoni tagħha, u jenħtieġ li tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe sospensjoni temporanja bħal din.

(37)

Sabiex tiġi evitata l-għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni fir-rigward tal-penali u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli armonizzati dwar il-penali għall-ksur ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, peress li l-ksur ta’ dan ir-Regolament jista’ jikser ukoll leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni marbuta mill-qrib mal-projbizzjonijiet u l-obbligi f’dan ir-Regolament, bħal leġiżlazzjoni doganali, miżuri restrittivi jew ir-Regolament (UE) 2017/1938, jenħtieġ li l-impożizzjoni ta’ penali ma twassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-impożizzjoni ta’ pieni kriminali skont il-liġi nazzjonali.

(38)

Il-miżuri introdotti b’dan ir-Regolament jirriflettu b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika. Fil-fatt, il-livell ta’ espożizzjoni għall-importazzjonijiet tal-gass Russu jvarja bejn l-Istati Membri, u ħafna Stati Membri diġà ħadu miżuri biex jeliminaw gradwalment il-gass Russu. Dan ir-Regolament ser jiżgura approċċ armonizzat mal-Unjoni kollha għall-eliminazzjoni gradwali tal-gass Russu, filwaqt li jħares is-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

(39)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri b’mod ikkoordinat u mingħajr riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq, iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar u b’aktar effiċjenza fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(40)

Fid-dawl tal-importanza li l-Unjoni telimina gradwalment aktar dipendenza ekonomika tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-gass mingħand il-Federazzjoni Russa mingħajr dewmien, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-parteċipanti fis-suq kellhom perjodu ta’ żmien sinifikanti biex jadattaw il-portafoll tal-provvista tagħhom wara d-Dikjarazzjoni ta’ Versailles ta’ Marzu 2022 u l-adozzjoni tal-proposta għal dan ir-Regolament fis-17 ta’ Ġunju 2025. Madankollu, jidher xieraq li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni biex il-fornituri tal-gass li għadhom ma adattawx l-istrateġiji tal-provvista tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-projbizzjoni tal-importazzjoni tal-gass mill-Federazzjoni Russa tapplika biss mit-18 ta’ Marzu 2026. Sabiex l-importaturi b’kuntratti ta’ provvista eżistenti u l-importaturi li jikkonkludu kuntratti ġodda jkunu jistgħu jiksbu l-awtorizzazzjoni minn qabel meħtieġa fil-ħin u mingħajr interruzzjonijiet għall-importazzjonijiet tal-gass ippjanati, jenħtieġ li l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni differenti previsti f’dan ir-Regolament japplikaw qabel ma ssir applikabbli l-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-gass mill-Federazzjoni Russa,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jipprovdi qafas għall-eliminazzjoni tal-espożizzjoni li fadal tal-Unjoni għar-riskji sinifikanti għall-kummerċ u għas-sigurtà tal-provvista li jinħoloq mill-kummerċ tal-gass naturali mal-Federazzjoni Russa u għat-tħejjija tal-eliminazzjoni gradwali effettiva u f’waqtha tal-importazzjonijiet taż-żejt mill-Federazzjoni Russa billi jistabbilixxi:

(a)

projbizzjoni gradwali fuq l-importazzjonijiet tal-gass naturali mill-Federazzjoni Russa;

(b)

regoli għal implimentazzjoni u monitoraġġ ta’ dik il-projbizzjoni kif ukoll l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet taż-żejt mill-Federazzjoni Russa; u

(c)

dispożizzjonijiet għal valutazzjoni aħjar tas-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija fl-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“gass naturali” tfisser gass kif imsemmi fil-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (NM) 2711 11 00 u 2711 21 00;

(2)

“LNG” tfisser gass naturali likwifikat kif imsemmi fil-kodiċi NM 2711 11 00;

(3)

“gass naturali fi stat gassuż” tfisser gass naturali kif imsemmi fil-kodiċi NM 2711 21 00;

(4)

“taħlitiet” tfisser taħlitiet ta’ volumi ta’ LNG minn pajjiżi ta’ oriġini differenti;

(5)

“kuntratt ta’ provvista fit-tul” tfisser kuntratt għall-provvista tal-gass naturali, ħlief għal derivattivi tal-gass naturali, li t-terminu tagħhom jaqbeż is-sena;

(6)

“kuntratt ta’ provvista b’terminu qasir” tfisser kuntratt għall-provvista tal-gass naturali, ħlief għal derivattivi tal-gass naturali, li t-terminu tagħhom ma jaqbiżx is-sena;

(7)

“pajjiż mingħajr kosta” tfisser pajjiż li hu mdawwar għalkollox bl-art u li ma għandu ebda aċċess dirett għall-baħar;

(8)

“importazzjoni” tfisser it-tqegħid ta’ merkanzija taħt rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, skont it-tifsira tal-Artikolu 201 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”);

(9)

“importatur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun id-dikjarant kif definit fl-Artikolu 5, il-punt (15), tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fid-dikjarazzjoni doganali rilevanti, jew persuna fiżika jew ġuridika, inkluż impriżi affiljati, li ddaħħal il-merkanziji fit-territorju doganali tal-Unjoni jew li b’xi mod ieħor tqiegħed il-merkanzija fis-suq tal-Unjoni;

(10)

“impriżi affiljati” tfisser impriżi affiljati kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (12), tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(11)

“awtorità doganali” tfisser awtoritajiet doganali kif definiti fl-Artikolu 5, il-punt (1), tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni;

(12)

“awtorità awtorizzanti” tfisser l-awtorità li hija kompetenti biex teżamina t-talbiet għal awtorizzazzjoni magħmula skont l-Artikolu 5;

(13)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2017/1938;

(14)

“awtorità regolatorja” tfisser awtorità regolatorja deżinjata skont l-Artikolu 76(1), tad-Direttiva (UE) 2024/1788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(15)

“kontroll” tfisser kontroll kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (55), tad-Direttiva (UE) 2024/1788;

(16)

“punt ta’ interkonnessjoni” tfisser punt ta’ interkonnessjoni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (63), tad-Direttiva (UE) 2024/1788;

(17)

“interkonnettur” tfisser interkonnettur kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (39), tad-Direttiva (UE) 2024/1788;

(18)

“punt ta’ dħul” tfisser punt ta’ dħul kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (61), tad-Direttiva (UE) 2024/1788;

(19)

“punt ta’ ħruġ” tfisser punt ta’ ħruġ kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (62), tad-Direttiva (UE) 2024/1788;

(20)

“punt ta’ konsenja” tfisser il-post fiżiku jew virtwali speċifikat f’kuntratt tal-provvista tal-gass li fih il-gass naturali għandu jiġi kkonsenjat minn bejjiegħ u riċevut minn xerrej;

(21)

“kwantitajiet ikkuntrattati” tfisser il-kwantitajiet ta’ gass naturali li xerrej huwa obbligat jixtri u li bejjiegħ huwa obbligat jipprovdi, kif speċifikat fil-kuntratt ta’ provvista oriġinali, iżda teskludi l-kwantitajiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jipprevedu bidliet fil-kwantità mill-kwantitajiet bażi, bħall-kwantitajiet ittondjati ’l fuq, il-kwantitajiet frazzjonali, il-kwantitajiet supplimentari jew modifiki volumetriċi oħra skont it-termini tal-kuntratt ħlief għal kwantitajiet ta’ kumpens imħallsa qabel is-17 ta’ Ġunju 2025;

(22)

“kwantitajiet ittondjati ’l fuq” tfisser il-kwantitajiet ta’ gass naturali miżjuda mal-kwantità kkuntrattata annwali f’sena partikolari sabiex jiġi previst li l-aħħar tagħbija titqarreb għal tagħbija sħiħa;

(23)

“kwantitajiet frazzjonali” tfisser il-kwantitajiet ta’ gass naturali riportati għas-snin kuntrattwali sussegwenti fejn il-kwantità kkonsenjata matul sena tkun aktar jew inqas mill-kwantità kkuntrattata annwali aġġustata wara l-aġġustamenti; tali kwantitajiet jistgħu jkunu kemm pożittivi jew negattivi;

(24)

“kwantitajiet supplimentari” tfisser il-kwantitajiet ta’ gass naturali li għandhom jiżdiedu b’mod fakultattiv mal-kwantità kkuntrattata annwali abbażi tal-kuntratti ta’ provvista, għad-diskrezzjoni ta’ parti kontraenti f’kuntratt ta’ provvista;

(25)

“kwantitajiet ta’ kumpens imħallsa” tfisser il-kwantitajiet tal-gass naturali li xerrej huwa intitolat jew obbligat jieħu l-konsenja tagħhom u jħallas f’perjodi sussegwenti, f’konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ take-or-pay u sabiex jikkumpensa għal xi nuqqasijiet fil-kwantitajiet kkuntrattati iżda mhux meħuda fil-perjodi preċedenti, kif previst f’kuntratt ta’ provvista fit-tul;

(26)

“skeda ta’ konsenja” tfisser l-iskeda taż-żmien jew il-pjan miftiehem bejn il-partijiet f’kuntratt tal-provvista tal-gass, li tispeċifika l-kwantitajiet tal-gass naturali li jridu jiġu kkonsenjati minn bejjiegħ u li jaslu għand xerrej f’intervalli ta’ żmien definiti, inkluż iż-żmien, il-post, u l-kundizzjonijiet tal-konsenja, kif stabbilit f’kuntratt tal-provvista jew f’xi proċedura operazzjonali relatata;

(27)

“nominazzjoni” tfisser nominazzjoni kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(28)

“żejt” tfisser żejt mhux raffinat, kondensati tal-gass naturali, materja prima tar-raffineriji, addittivi u ossiġenati, u idrokarburi u prodotti taż-żejt oħra li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2709 u 2710;

(29)

“pajjiż tal-produzzjoni” tfisser il-pajjiż fejn jiġi estratt il-gass naturali, irrispettivament minn jekk dak il-gass naturali ġiex sussegwentement likwifikat jew iggassifikat mill-ġdid f’pajjiż ieħor; meta l-gass naturali estratt f’pajjiżi oħra għajr il-Federazzjoni Russa jiġi likwifikat jew iggassifikat mill-ġdid fil-Federazzjoni Russa, il-Federazzjoni Russa għandha titqies bħala l-pajjiż tal-produzzjoni.

KAPITOLU II

PROJBIZZJONI PASS PASS FUQ-IMPORTAZZJONI TAL-GASS NATURALI MINGĦAND IL-FEDERAZZJONI RUSSA

Artikolu 3

Projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-gass naturali mingħand il-Federazzjoni Russa

1.   L-importazzjoni tal-gass naturali fi stat gassuż minn ġol-pipelines (“gass tal-pipeline”), li joriġina jew li huwa esportat, direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa għandha tiġi pprojbita sakemm ma tapplikax waħda mill-eżenzjonijiet temporanji previsti fl-Artikolu 4.

2.   L-importazzjoni tal-LNG li joriġina jew li huwa esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, jew li jinkiseb minn gass naturali fi stat gassuż estratt fil-Federazzjoni Russa, għandha tkun ipprojbita, sakemm ma tapplikax waħda mill-eżenzjonijiet temporanji previsti fl-Artikolu 4. Din il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll għal LNG li joriġina jew li huwa esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa jew li jinkiseb minn gass naturali fi stat gassuż estratt fil-Federazzjoni Russa li jinsab f’taħlitiet.

Artikolu 4

Eżenzjoni temporanja għall-kuntratti ta’ provvista eżistenti

1.   Il-projbizzjoni skont l-Artikolu 3 (1) għandha tapplika mis-17 ta’ Ġunju 2026 u l-projbizzjoni skont l-Artikolu 3(2) għandha tapplika mill-25 ta’ April 2026, fejn ikun jista’ jintwera lill-awtoritajiet awtorizzanti li l-importazzjonijiet rilevanti jkunu qed jitwettqu skont kuntratt ta’ provvista b’terminu qasir konkluż qabel is-17 ta’ Ġunju 2025, u li ma jkunx ġie emendat wara dik id-data, sakemm l-emenda ma tkunx koperta mill-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-projbizzjoni skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament għandha tapplika mit-30 ta’ Settembru 2027, fejn ikun jista’ jintwera lill-awtoritajiet awtorizzanti li l-importazzjonijiet rilevanti jkunu qed jitwettqu skont kuntratt ta’ provvista fit-tul, konkluż qabel is-17 ta’ Ġunju 2025, u li ma jkunx ġie emendat wara dik id-data, sakemm l-emenda ma tkunx koperta mill-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

Fejn il-Kummissjoni tidentifika riskju li Stat Membru jista’ ma jilħaqx il-mira tal-mili għall-2027 għall-ħżin taħt l-art skont l-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2017/1938, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi tar-riskju li ma tintlaħaqx il-mira, hija għandha tikkonferma dak ir-riskju permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru 2027.

Fejn il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-projbizzjoni skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament għandha tapplika biss mill-1 ta’ Novembru 2027 f’dak l-Istat Membru, meta jkun jista’ jintwera lill-awtoritajiet awtorizzanti li l-importazzjonijiet rilevanti jkunu qed jitwettqu skont kuntratt ta’ provvista fit-tul kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Grupp tal-Koordinazzjoni dwar il-Gass stabbilit bl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2017/1938, bid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tagħha mingħajr dewmien.

3.   Il-projbizzjoni skont l-Artikolu 3(2) għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2027, meta jkun jista’ jintwera lill-awtoritajiet awtorizzanti li l-importazzjonijiet rilevanti jkunu qed jitwettqu skont kuntratt ta’ provvista fit-tul konkluż qabel is-17 ta’ Ġunju 2025, u mhux emendat wara dik id-data, sakemm l-emenda ma tkunx koperta mill-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-projbizzjoni skont l-Artikolu 3 għandha tapplika mit-30 ta’ Settembru 2027 jew, fejn il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, mill-1 ta’ Novembru 2027, f’każ li jkun jista’ jintwera lill-awtoritajiet awtorizzanti:

(a)

li l-importazzjonijiet rilevanti qed jitwettqu skont kuntratt ta’ provvista b’terminu qasir b’konsenja lejn pajjiż mingħajr kosta li huwa meħtieġ biex jiġi ssodisfatt il-kuntratt ta’ provvista fit-tul skont il-punt (b); u

(b)

li jeżisti kuntratt ta’ provvista fit-tul b’konsenja lejn pajjiż mingħajr kosta għall-importazzjoni ta’ gass mill-pipelinespipelines:

(i)

li ġie konkluż qabel is-17 ta’ Ġunju 2025 u mhux emendat wara din id-data, sakemm l-emenda ma tkunx koperta mill-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu;

(ii)

li jikkonċerna provvisti tal-gass li joriġinaw jew jiġu esportati, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa; u

(iii)

li għalih m’għadux possibbli li l-konsenja fil-punt ta’ konsenja oriġinali fi fruntiera bejn l-Unjoni u pajjiż terz titwettaq.

5.   L-eżenzjonijiet temporanji previsti fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom japplikaw ukoll fir-rigward ta’ kuntratti ta’ provvista eżistenti bl-emendi li ġejjin:

(a)

it-tnaqqis tal-kwantitajiet ikkuntrattati;

(b)

it-tnaqqis tal-l-prezzijiet u tat-tariffi;

(c)

l-emendar tal-klawżoli ta’ kunfidenzjalità;

(d)

l-emendar tal-proċeduri operazzjonali, bħall-proċeduri ta’ komunikazzjoni;

(e)

bidliet fl-indirizzi tal-partijiet kontraenti;

(f)

trasferimenti tal-obbligi kuntrattwali bejn impriżi affiljati;

(g)

bidliet meħtieġa minn proċeduri ġudizzjarji jew ta’ arbitraġġ; jew

(h)

għall-pajjiżi mingħajr kosta, bidliet fil-punti ta’ konsenja nazzjonali.

6.   Il-kwantitajiet tal-importazzjonijiet li jsiru f’konformità mal-paragrafi 1, 2, 3 u 4 ma għandhomx jaqbżu l-kwantitajiet ikkuntrattati.

KAPITOLU III

AWTORIZZAZZJONI MINN QABEL TAL-IMPORTAZZJONIJIET U PREŻENTAZZJONI U SKAMBJU TAL-INFORMAZZJONI RILEVANTI

Artikolu 5

Awtorizzazzjoni minn qabel tal-importazzjonijiet u preżentazzjoni tal-informazzjoni rilevanti

1.   Fejn tintalab eżenzjoni temporanja skont l-Artikolu 4, l-importazzjonijiet għandhom jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel. L-awtoritajiet awtorizzanti għandhom jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 humiex issodisfatti.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)

id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-provvista tal-gass;

(b)

it-tul tal-kuntratt tal-provvista tal-gass;

(c)

il-kwantitajiet ikkuntrattati, inkluż id-drittijiet kollha ta’ flessibbiltà ’l fuq jew ’l isfel;

(d)

l-identità tal-partijiet għall-kuntratt ta’ provvista tal-gass, inkluż, għall-partijiet irreġistrati fl-Unjoni, in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI);

(e)

għall-importazzjonijiet tal-LNG, il-post tal-likwifazzjoni u l-port tal-ewwel tagħbija;

(f)

fil-każ ta’ taħlitiet, dokumentazzjoni li tagħti prova tal-kwantitajiet ta’ gass naturali li joriġina jew li huwa esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa u l-kwantitajiet ta’ gass naturali minn pajjiżi ta’ oriġini oħrajn li jinsabu fit-taħlita u l-informazzjoni li tistabbilixxi l-proċess ta’ taħlit;

(g)

il-punti ta’ konsenja, inkluż il-flessibbiltajiet possibbli b’rabta mal-punt ta’ konsenja; u

(h)

kwalunkwe emenda tal-kuntratt tal-provvista tal-gass, li tindika l-kontenut u d-data tal-emenda, bl-eċċezzjoni ta’ emendi li jirrigwardaw biss il-prezz tal-gass.

Meta tintalab eżenzjoni temporanja skont l-Artikolu 4 u l-prezz tal-gass naturali jkun ġie emendat fis-17 ta’ Ġunju 2025 jew wara, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi informazzjoni dwar l-emenda fil-prezz.

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità awtorizzanti mhux aktar tard minn xahar qabel id-dħul tal-gass naturali fit-territorju doganali tal-Unjoni. L-istess skadenza għandha tapplika għal taħlitiet li fihom il-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa.

3.   Importazzjonijiet ta’ gass naturali, li l-pajjiż tal-produzzjoni tiegħu mhuwiex il-Federazzjoni Russa, għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel, ħlief fejn dawk l-importazzjonijiet jaqgħu taħt il-paragrafu 4. L-awtoritajiet awtorizzanti fl-Istat Membru fejn il-gass naturali għandu jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa għandhom jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġabiex jistabbilixxu l-pajjiż tal-produzzjoni ta’ dak il-gass naturali, mhux aktar tard minn 5 ijiem ta’ xogħol qabel id-dħul tiegħu fit-territorju doganali tal-Unjoni.

4.   Għandha tapplika eżenzjoni mill-awtorizzazzjoni minn qabel stabbilita fil-paragrafu 3 meta l-gass naturali jiġi importat minn pajjiż li jipproduċi l-gass naturali u jkun esporta aktar minn 5 bcm ta’ gass naturali lejn l-Unjoni fl-2024, u jkun

(a)

ipprojbixxa l-importazzjoni tal-gass naturali li joriġina jew huwa esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa jew ikun qed japplika miżuri restrittivi oħra li jikkonċernaw tali gass; jew

(b)

ma jkollu ebda infrastruttura tal-gass stabbilita li tippermetti l-importazzjoni tal-LNG jew tal-gass mill-pipelines.

Mhux aktar tard minn 5 ijiem tax-xogħol wara d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, tfassal il-lista ta’ pajjiżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għadhomx qed jiġu ssodisfatti, u għandha taġġorna l-lista kif xieraq u mingħajr dewmien żejjed abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet awtorizzanti jew, fejn hu applikabbli, mill-awtoritajiet doganali u mill-korpi tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2).

Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, tirrevoka l-eżenzjoni minn awtorizzazzjoni minn qabel stabbilita fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fejn l-awtoritajiet awtorizzanti jew, fejn hu applikabbli, l-awtoritajiet doganali jidentifikaw każ wieħed jew aktar ta’ ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 minn esportaturi minn pajjiż kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jew meta l-Kummissjoni jkollha raġunijiet biex tassumi li l-awtoritajiet minn pajjiżi esportaturi ma jintervjenux b’mod xieraq kontra prattiki ta’ ċirkomvenzjoni.

5.   L-awtoritajiet awtorizzanti, l-awtoritajiet doganali, u awtoritajiet oħra involuti fil-monitoraġġ imsemmi fl-Artikoli 6 u 7 jistgħu, meta jqisu li l-informazzjoni pprovduta skont il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma tkunx biżżejjed biex jiġi vvalutat jekk l-awtorizzazzjoni għandhiex tingħata, jitolbu informazzjoni aktar dettaljata. Huma jistgħu jserrħu wkoll fuq informazzjoni minn sorsi oħra. L-awtoritajiet awtorizzanti jistgħu, b’mod partikolari, jitolbu l-preżentazzjoni tat-test ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-kuntratt tal-provvista tal-gass jew it-test kollu tal-kuntratt tal-provvista tal-gass, ħlief l-informazzjoni dwar il-prezz, b’mod partikolari meta ċerti dispożizzjonijiet kuntrattwali jkunu interrelatati, jew meta l-għarfien sħiħ tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali jkun kruċjali għal dik l-valutazzjoni.

Fejn l-informazzjoni pprovduta ma tkunx konklużiva, l-awtoritajiet doganali għandhom jirrifjutaw ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija rilevanti.

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet awtorizzanti, u, fejn hu applikabbli, mal-awtoritajiet doganali, għandha tippubblika gwida dwar aktar dettalji fir-rigward tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u t-tipi ta’ dokumenti u evidenza adegwati li għandhom jiġu ppreżentati.

6.   L-awtoritajiet awtorizzanti jew l-awtoritajiet doganali għandhom jivverifikaw l-evidenza ppreżentata biex jiġi stabbilit il-pajjiż tal-produzzjoni u, fejn xieraq, jitolbu aktar informazzjoni, li tista’ tinkludi iżda ma tkunx limitata għal dokumentazzjoni ta’ konsenja upstream, bħal traċċar bis-satellita disponibbli għall-pubbliku ta’ tagħbijiet tal-LNG jew informazzjoni ta’ traċċar mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima.

7.   Il-gass naturali li għandu jiġi importat fl-Unjoni permezz ta’ fruntieri jew interkonnetturi jew punti ta’ interkonnessjoni bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa jew il-Belarussja, jew permezz ta’ pipelines li jgħaqqdu l-Federazzjoni Russa mal-Unjoni u li jgħaddu minn pajjiżi terzi mingħajr ma jkollhom punti ta’ dħul bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni għandu jkun preżunt li huwa esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa .

8.   Il-gass naturali li għandu jiġi importat fl-Unjoni permezz tal-punt ta’ interkonnessjoni ta’ Strandzha 1 għandu jkun preżunt li huwa esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, sakemm ma tiġix pprovduta evidenza mhux ambigwa li tistabbilixxi li l-pajjiż tal-produzzjoni tal-gass naturali mhuwiex il-Federazzjoni Russa lill-awtoritajiet awtorizzanti mhux aktar tard minn 7 ijiem tax-xogħol qabel id-dħul ta’ dak il-gass fit-territorju doganali tal-Unjoni.

9.   Fejn bidliet relatati mal-infrastruttura tal-gass jew max-xejriet tan-negozjar iwasslu għal sitwazzjoni fejn il-punti ta’ interkonnessjoni għajr Strandzha 1 jgħaqqdu lill-Unjoni ma’ sistemi ta’ pipelines li jittrasportaw volumi sinifikanti ta’ gass naturali li joriġina mill-Federazzjoni Russa jew li jiġi esportat minnha, direttament jew indirettament, il-paragrafu 8 għandu japplika mutatis mutandis għall-gass naturali li għandu jiġi importat permezz ta’ dawk il-punti ta’ interkonnessjoni. Il-Kummissjoni għandha tidentifika il-punti ta’ interkonnessjoni rilevanti permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

10.   Fejn il-gass naturali jiġi ttrasportat minn pajjiż terz u jgħaddi mill-Unjoni lejn pajjiż terz taħt proċedura ta’ tranżitu f’konformità mal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, inkluż għall-fini ta’ ħżin skont ir-regoli dwar il-ħżin doganali, l-awtoritajiet awtorizzanti u, fejn hu applikabbli, l-awtoritajiet doganali għandhom jiġu infurmati mhux aktar tard minn 5 ijiem tax-xogħol qabel it-tranżitu ppjanat dwar:

(a)

il-pajjiż tal-produzzjoni tal-gass naturali li għandu jiġi ttrasportat taħt proċedura ta’ tranżitu, sakemm tali informazzjoni ma tkunx disponibbli;

(b)

l-iskedi ppjanati jew attwali tan-nominazzjoni li jispeċifikaw il-volum, il-ħin, u l-punti tad-dħul u tal-ħruġ tal-gass fi tranżitu, bi granularità ta’ kuljum fejn applikabbli;

(c)

il-volumi u l-punti tal-konsenja fil-kuntratti tal-provvista tal-gass; u

(d)

il-kuntratt bejn il-bejjiegħ jew ix-xerrej jew kwalunkwe entità intermedjarja u l-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni rilevanti fl-Unjoni, fejn applikabbli.

L-awtoritajiet awtorizzanti għandhom jivverifikaw il-konsistenza tad-data u, fejn hu applikabbli, jikkondividu l-informazzjoni li jirċievu mal-awtoritajiet doganali mingħajr dewmien.

11.   Meta l-operaturi jaħżnu l-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa f’ħażna temporanja jew taħt proċedura ta’ tranżitu jew ta’ ħżin doganali skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fit-territorju tal-Unjoni, l-Istati Membri għandu jkollhom stabbiliti mekkaniżmi xierqa ta’ monitoraġġ u infurzar biex jiżguraw li l-użu ta’ ħżin tal-Unjoni minn pajjiżi terzi ma joħloq ebda riskju għas-sigurtà tal-provvista nazzjonali jew reġjonali jew għat-twettiq tal-obbligi tal-ħżin previsti fl-Artikoli 6a sa 6d tar-Regolament (UE) 2017/1938, u jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Monitoraġġ u rappurtar effettivi

1.   L-awtoritajiet doganali u, meta jkun rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet regolatorji, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) għandhom jiżguraw il-monitoraġġ effettiv tad-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu II, u fejn ikun meħtieġ, jagħmlu użu sħiħ mis-setgħat ta’ infurzar tagħhom, u jikkooperaw mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra, mal-awtoritajiet minn Stati Membri oħra, mal-awtoritajiet tal-Unjoni u mal-Kummissjoni.

2.   Meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, l-awtoritajiet awtorizzanti u l-awtoritajiet doganali għandhom jiffukaw l-infurzar fuq il-punti ta’ interkonnessjoni, il-faċilitajiet tal-LNG jew il-pipelines ta’ tranżitu fejn ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni jkun għoli, pereżempju fejn l-importazzjonijiet jaslu minn pajjiżi terzi li jikkumerċjalizzaw ukoll il-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa jew li jesportaw il-gass naturali minn faċilitajiet tal-produzzjoni li huma parzjalment proprjetà ta’ kumpaniji mill-Federazzjoni Russa. Bl-użu tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet skont l-Artikolu 7, l-awtoritajiet għandhom jadattaw il-prijoritajiet ta’ infurzar tagħhom fejn dak ikun meħtieġ biex jindirizzaw prattiki potenzjali ta’ ċirkomvenzjoni identifikati matul l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha timmonitorja l-volumi totali ta’ gass naturali importat minn pajjiżi terzi sabiex tivvaluta r-riskji potenzjali ta’ ċirkomvenzjoni tal-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 7

Kooperazzjoni u skambju tal-informazzjoni

1.   L-awtorità awtorizzanti hija l-awtorità doganali, sakemm Stat Membru ma jaħtarx awtorità oħra għal dak l-għan. Fejn Stat Membru jaħtar awtorità għajr l-awtorità doganali bħala l-awtorità awtorizzanti, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan.

2.   L-awtoritajiet awtorizzanti għandhom jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni li jirċievu dwar l-importazzjonijiet tal-gass naturali mal-awtoritajiet regolatorji, mal-awtoritajiet kompetenti u, meta applikabbli, mal-awtoritajiet doganali, kif ukoll mal-OLAF, l-UPPE, l-ACER u mal-Kummissjoni, f’konformità mal-kompiti, ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi rispettivi tagħhom u, sa fejn ikun possibbli, biex tiġi żgurata l-valutazzjoni effettiva ta’ jekk ikunx hemm konformità mal-Artikoli 3 u 4. B’mod partikolari, huma għandhom jikkondividu informazzjoni dwar prattiki potenzjali ta’ ċirkomvenzjoni identifikati matul l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-awtoritajiet awtorizzanti u, fejn hu applikabbli, l-awtoritajiet doganali għandhom jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni li tippermettilha timmonitorja jekk il-kundizzjonijiet speċifiċi deskritti fl-Artikolu 4(1), (2), (3), (4) u (5) għadhomx qed jiġu ssodisfati. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari timmonitorja jekk dawk id-dispożizzjonijiet jintużawx għaċ-ċirkomvenzjoni.

4.   Minbarra l-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-paragrafu 3, l-awtoritajiet awtorizzanti u, fejn applikabbli, l-awtoritajiet doganali, għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet regolatorji, lill-awtoritajiet kompetenti, lill-ACER u lill-Kummissjoni, kull xahar, dwar l-elementi ewlenin fir-rigward tal-iżviluppi fl-importazzjonijiet tal-gass naturali li joriġina jew li huwa esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, bħall-kwantitajiet importati skont kuntratti ta’ provvista fit-tul jew b’terminu qasir, il-punti ta’ dħul jew is-sħab kuntrattwali. Dik l-informazzjoni għandha tkopri wkoll l-iżviluppi ewlenin li jikkonċernaw il-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa li jidħol fl-Unjoni taħt proċedura ta’ tranżitu kif imsemmi fl-Artikolu 5(10).

5.   L-awtoritajiet awtorizzanti u, meta applikabbli, l-awtoritajiet doganali, minn Stati Membri differenti, għandhom jiskambjaw, sa fejn ikun meħtieġ, l-informazzjoni li jirċievu dwar l-importazzjonijiet tal-gass naturali u jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jiżguraw infurzar effiċjenti ta’ dan ir-Regolament u jevitaw iċ-ċirkomvenzjoni. Huma għandhom jużaw l-għodod u l-bażijiet tad-data eżistenti biex jippermettu l-iskambju effettiv tal-informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istat Membru tagħhom u l-awtoritajiet fi Stati Membri oħra, jew jistabbilixxu dawn l-għodod fejn meħtieġ.

6.   Sal-1 ta’ Lulju 2026 u sal-1 ta’ Lulju 2027, abbażi tad-data riċevuta skont dan ir-Regolament u l-informazzjoni fil-pussess tagħha, l-ACER għandha tippubblika rapport li jagħti ħarsa ġenerali lejn il-kuntratti għall-provvista tal-gass naturali li joriġina jew li huwa esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, u li jevalwa l-impatt tad-diversifikazzjoni fuq is-swieq tal-enerġija. Fejn rilevanti, ir-rapport għandu jkopri wkoll data dwar il-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa li jidħol fl-Unjoni taħt proċedura ta’ tranżitu kif imsemmi fl-Artikolu 5(10).

7.   Il-Kummissjoni u l-ACER, fejn xieraq, għandhom jaqsmu informazzjoni rilevanti fil-pussess tagħhom dwar kuntratti għall-importazzjoni tal-gass naturali li joriġina jew jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa mal-awtoritajiet awtorizzanti u, fejn applikabbli, mal-awtoritajiet doganali sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

8.   Fejn ikun rilevanti għat-twettiq tal-obbligi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 (13) għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 8

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta’ konformità mal-Artikoli 3, 4 jew 5.

2.   Il-piena massima għall-persuni ġuridiċi għandha tkun mill-inqas:

(a)

3,5 % tal-fatturat annwali dinji totali tal-impriża għas-sena finanzjarja preċedenti,

(b)

EUR 40 miljun, jew

(c)

300 % tal-fatturat stmat tat-tranżazzjoni, li għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-volum tal-gass naturali involut u l-prezzijiet tal-kuntratt ta’ “ġurnata bil-quddiem” fis-suq tat-TTF.

Il-penali massima għall-persuni fiżiċi għandha tkun mill-inqas EUR 2,5 miljun.

3.   Fejn is-sistema legali tal-Istat Membru ma tipprovdix lill-awtoritajiet kompetenti bil-kompetenza li jimponu multi amministrattivi b’mod indipendenti, dan l-Artikolu jista’ jiġi applikat b’tali mod li l-proċedura tal-immultar tinbeda mill-awtorità kompetenti u l-multa tiġi imposta mill-qorti nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiġi żgurat li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għal multi amministrattivi imposti minn awtoritajiet superviżorji. Fi kwalunkwe każ, il-multi imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

4.   L-Istati Membri għandhom sal-4 ta’ Frar 2028, jinnotifikaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn bid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ li jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

KAPITOLU IV

PJANIJIET NAZZJONALI TA’ DIVERSIFIKAZZJONI

Artikolu 9

Pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għall-gass naturali

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi pjan li jiddeskrivi l-miżuri għall-istadji importanti u għall-ostakli potenzjali biex jiddiversifika l-provvisti tal-gass tiegħu, (“pjan nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għall-gass naturali”), sabiex iwaqqaf l-importazzjoni kollha tal-gass naturali, li joriġina jew li huwa esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, sal-iskadenza skont l-Artikoli 3 u 4.

2.   Il-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għall-gass naturali għandhom jinkludu l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

informazzjoni disponibbli dwar il-volum tal-importazzjoni tal-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa taħt kuntratti ta’ provvista eżistenti;

(b)

deskrizzjoni ċara tal-miżuri ta’ appoġġ fis-seħħ u tal-miżuri ta’ appoġġ ippjanati fil-livell nazzjonali biex jissostitwixxu l-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, inkluż il-kwantitajiet li mistennija jitneħħew gradwalment, l-istadji importanti u skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni u, fejn disponibbli, l-għażliet previsti għal provvisti u rotot tal-provvista alternattivi. Tali miżuri jistgħu jinkludu l-użu tal-Pjattaforma Aggregata tal-UE stabbilita skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2024/1789, miżuri ta’ appoġġ għall-isforzi tad-diversifikazzjoni tal-kumpaniji tal-enerġija, kooperazzjoni fi gruppi reġjonali bħall-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Konnettività tal-Enerġija tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, l-identifikazzjoni ta’ alternattivi għall-importazzjoni tal-gass naturali permezz tal-elettrifikazzjoni, is-suffiċjenza enerġetika, miżuri tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-ispinta lill-produzzjoni tal-bijogass, tal-bijometan u tal-idroġenu nadif, l-użu effettiv tal-enerġija rinnovabbli, miżuri volontarji għal tnaqqis fid-domanda jew il-possibiltajiet li Stati Membri oħra jiffaċilitaw id-diversifikazzjoni tal-provvista;

(c)

l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe ostaklu tekniku, kuntrattwali jew regolatorju potenzjali għas-sostituzzjoni tal-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, u opzjonijiet biex jingħelbu dawn l-ostakli.

3.   Sal-1 ta’ Marzu 2026, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni tagħhom għall-gass naturali, permezz tal-mudell li jinsab fl-Anness I.

4.   Il-Kummissjoni, fejn xieraq, għandha tiffaċilita t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tad-diversifikazzjoni għall-gass naturali, inkluż billi tipprovdi l-aħjar prattiki u assistenza teknika. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-kuntratti ta’ provvista eżistenti skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mal-Istati Membri fl-isforzi tagħhom ta’ diversifikazzjoni biex jidentifikaw sorsi alternattivi ta’ provvista. Provvisti ġodda jistgħu jikkumpensaw ukoll għal dħul mitluf billi jużaw l-infrastruttura eżistenti li qabel kienet tintuża għall-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa in tranżitu. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lura regolarment lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass dwar il-progress miksub fit-tħejjija, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni tagħhom għall-gass naturali. Abbażi tal-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għall-gass naturali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni tal-eliminazzjoni gradwali tal-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa u tirrapporta lura dwar il-valutazzjoni tagħha lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass, kif stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolament. (UE) 2017/1938.

Artikolu 10

Pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għaż-żejt (żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi)

1.   Stat Membru li jirċievi żejt importat li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, għandu jistabbilixxi pjan li jiddeskrivi l-miżuri għall-istadji importanti u għall-ostakli potenzjali għad-diversifikazzjoni tal-provvisti taż-żejt tiegħu, (“pjan nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għaż-żejt”), sabiex iwaqqaf l-importazzjoni kollha taż-żejt li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa sa tmiem l-2027.

2.   Il-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għaż-żejt għandhom jinkludu l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni disponibbli dwar il-volum tal-importazzjoni, taż-żejt li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa skont kuntratti ta’ provvista eżistenti;

(b)

il-miżuri ppjanati fil-livell nazzjonali għas-sostituzzjoni taż-żejt li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, inkluż il-kwantitajiet li mistennija jitneħħew gradwalment, l-istadji importanti u l-iskeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni, u l-opzjonijiet għal provvisti, rotot tal-provvista u sorsi tal-enerġija alternattivi, kif ukoll il-possibbiltà li Stati Membri oħra jiffaċilitaw id-diversifikazzjoni tal-provvista;

(c)

il-miżuri fis-seħħ u ppjanati fil-livell nazzjonali biex jiġu żgurati t-trasparenza u t-traċċabbiltà taż-żejt li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa, sa fejn possibbli, inkluż miżuri dwar il-verifika ta’ importazzjonijiet possibbilment ittikkettati mill-ġdid;

(d)

il-projbizzjonijiet possibbli fil-livell nazzjonali fuq l-importazzjonijiet taż-żejt li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa.

(e)

l-ostakli tekniċi, kuntrattwali jew regolatorji potenzjali għas-sostituzzjoni taż-żejt li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, u l-opzjonijiet biex jingħelbu dawk l-ostakli.

3.   Sal-1 ta’ Marzu 2026, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni tagħhom għaż-żejt, billi jużaw il-mudell li jinsab fl-Anness II. Il-Kummissjoni għandha tippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali tal-pjanijiet riċevuti mill-Istati Membri mhux aktar tard minn xahar wara l-preżentazzjoni tal-pjanijiet.

4.   Il-Kummissjoni, fejn xieraq, għandha tiffaċilita t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tad-diversifikazzjoni għaż-żejt, inkluż billi tipprovdi l-aħjar prattiki u assistenza teknika. Il-Kummissjoni għandha tassisti fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri meta jimplimentaw il-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni tagħhom għaż-żejt. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatt ta’ terminazzjoni aċċellerata possibbli tal-importazzjonijiet taż-żejt fuq l-Istati Membri l-aktar affettwati minn eliminazzjoni gradwali sħiħa tal-provvisti taż-żejt Russi. Għandha taħdem b’mod attiv mal-Istati Membri affettwati direttament u ma’ Stati Membri rilevanti oħra fuq soluzzjonijiet biex jiġu minimizzati r-riskji possibbli identifikati fil-valutazzjoni. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lura regolarment lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE (14) dwar it-tħejjija, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom ta’ diversifikazzjoni għaż-żejt.

5.   Meta l-pjan nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għaż-żejt jidentifika riskju li l-eliminazzjoni gradwali taż-żejt li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, tista’ ma tinkisibx sal-aħħar tal-2027, il-Kummissjoni għandha, wara li tivvaluta l-pjan nazzjonali ta’ diversifikazzjoni rilevanti fi żmien 3 xhur mill-preżentazzjoni tiegħu, toħroġ rakkomandazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat dwar kif l-eliminazzjoni gradwali tista’ tinkiseb f’waqtha u tippubblika dik ir-rakkomandazzjoni. Wara dik ir-rakkomandazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaġġorna l-pjan nazzjonali ta’ diversifikazzjoni tiegħu għaż-żejt fi żmien tliet xhur, filwaqt li jqis ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

KAPITOLU V

MONITORAĠĠ TAS-SIGURTÀ TAL-PROVVISTA TAL-GASS

Artikolu 11

Emendi għar-Regolament (UE) 2017/1938

Ir-Regolament (UE) 2017/1938 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(33)

‘dispożizzjoni take-or-pay’ tfisser dispożizzjoni kuntrattwali li tobbliga lix-xerrej jieħu l-konsenja ta’ kwantità minima speċifikata ta’ gass, jew iħallas għaliha, f’perjodu partikolari, irrispettivament minn jekk il-gass ikunx effettivament riċevut;

(34)

‘dispożizzjoni deliver-or-pay’ tfisser dispożizzjoni kuntrattwali li tobbliga lill-bejjiegħ iħallas multa kuntrattwali fil-każ ta’ nuqqas ta’ konsenja tal-gass.”

;

(2)

l-Artikolu 14(6) huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu, jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati l-informazzjoni li ġejja relatata mal-kuntratti ta’ provvista tal-gass għall-gass li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa:

(i)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2026/261 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(ii)

informazzjoni dwar il-kwantitajiet li ser jiġu pprovduti u meħuda, inkluż il-flessibbiltajiet possibbli skont id-dispożizzjonijiet take-or-pay jew id-dispożizzjonijiet deliver-or-pay;

(iii)

l-iskedi ta’ konsenja (LNG) jew in-nominazzjonijiet (gass mill-pipelines);

(iv)

il-flessibbiltajiet kuntrattwali possibbli li jikkonċernaw il-kwantitajiet kuntrattati annwali, inkluż il-kwantitajiet ta’ kumpens;

(v)

il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-konsenji tal-gass, inkluż id-dispożizzjonijiet ta’ force majeure;

(vi)

informazzjoni dwar liema liġi tirregola l-kuntratt u liema mekkaniżmu ta’ arbitraġġ jintgħażel;

(vii)

l-elementi ewlenin ta’ ftehimiet kummerċjali kollha li huma rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ provvista tal-gass, ħlief informazzjoni dwar il-prezz.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2026/261 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Jannar 2026 dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass naturali Russu, u t-tħejjija għall-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet taż-żejt Russu, it-titjib fil-monitoraġġ tad-dipendenzi potenzjali tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1938 (ĠU L, 2026/261, 2.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/261/oj).”;"

(b)

jiżdiedu is-subparagrafi li ġejjin:

“L-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu għandha tingħata mhux aktar tard mill-4 ta’ Marzu 2026 u għal kull kuntratt b’format diżaggregat, inkluż il-partijiet, sħaħ, tat-test rilevanti, eskluż informazzjoni dwar il-prezz, b’mod partikolari meta l-għarfien sħiħ tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali ikun kruċjali għall-valutazzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-gass, jew meta ċerti dispożizzjonijiet kuntrattwali jkunu interrelatati.

Il-fornituri ta’ servizzi tat-terminal tal-LNG għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar is-servizzi riżervati minn klijenti mill-Federazzjoni Russa, jew minn klijenti kkontrollati minn impriżi mill-Federazzjoni Russa, inkluż is-servizzi kuntrattati, il-kwantitajiet affettwati u t-tul ta’ żmien tal-kuntratt.”

;

(3)

fl-Artikolu 17, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament l-espożizzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni għall-provvisti, anke permezz ta’ pajjiżi terzi, tal-gass li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, b’mod partikolari abbażi tal-informazzjoni nnotifikata lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 14(6), il-punt (c).

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tal-eliminazzjoni gradwali tal-gass li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, skont ir-Regolament (UE) 2026/261 fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni abbażi tal-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għall-gass imsemmija fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament u tirrapporta dwar il-valutazzjoni tagħha lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass.

Abbażi tal-valutazzjoni msemmija fit-tielet paragrafu, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport annwali, li għandu jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-progress miksub mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni tagħhom għall-gass.

Jekk ikun rilevanti, il-Kummissjoni, fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni ta’ pjan nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għall-gass, tista’ toħroġ rakkomandazzjoni li tidentifika azzjonijiet u miżuri possibbli biex tiżgura diversifikazzjoni sigura tal-provvista tal-gass u eliminazzjoni gradwali f’waqtha tal-gass li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa.

Wara dik ir-rakkomandazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaġġorna l-pjan nazzjonali ta’ diversifikazzjoni tiegħu għall-gass fi żmien tliet xhur, filwaqt li jqisu r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.”.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Segretezza professjonali

1.   Kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali riċevuta, skambjata jew trażmessa f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li kienu jaħdmu għall-awtoritajiet involuti fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li lilha l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddelegaw is-setgħat tagħhom, inkluż l-awdituri u l-esperti kuntrattati minn dawk l-awtoritajiet.

3.   L-informazzjoni koperta bis-segretezza professjonali ma għandhiex tiġi żvelata, ħlief bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.

4.   L-informazzjoni kollha skambjata bejn l-awtoritajiet rilevanti jew l-Istati Membri f’konformità ma’dan ir-Regolament li tikkonċerna l-kundizzjonijiet kummerċjali jew il-kundizzjonijiet operazzjonali, jew materji ekonomiċi jew personali oħra għandha titqies kunfidenzjali u għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali, ħlief meta l-awtorità rilevanti tiddikjara waqt il-komunikazzjoni li dik l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata, fejn l-iżvelar ikun mitlub bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali jew fejn tali żvelar ikun meħtieġ għal xi proċedimenti legali.

Artikolu 13

Monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament l-iżvilupp tas-suq tal-enerġija tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-dipendenzi potenzjali tal-provvista tal-gass jew riskji oħra għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fir-rigward tal-importazzjoni tal-enerġija mill-Federazzjoni Russa. Sal-4 ta’ Frar 2028, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Dak ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-effettività tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 5. Għandha tinkludi wkoll informazzjoni dwar kwistjonijiet possibbli ta’ sigurtà tal-provvista relatati mal-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa fil-ħażniet tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-effettività tal-iskambju ta’ informazzjoni u tal-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti f’konformità mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 7(2) u (5), u, fejn xieraq, għandu jistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għat-titjib ta’ tali skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni.

2.   Fil-każ ta’ żviluppi għall-għarrieda u sinifikanti li jheddu serjament is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, u wara li tkun ġiet iddikjarata emerġenza f’konformità mal-Artikolu 11 jew 12 tar-Regolament (UE) 2017/1938, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, temporanjament tissospendi l-applikazzjoni tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament fi Stat Membru wieħed jew aktar, kompletament jew parzjalment . F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tista’ tissospendi wkoll ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandu jkun fiha ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari, biex ikun żgurat li kwalunkwe sospensjoni tkun strettament limitata biex tiġi indirizzata t-theddida. Is-sospensjoni għandha tkun limitata għal durata li hija strettament meħtieġa biex tgħaqqad iż-żmien sakemm ikun hemm biżżejjed provvisti minn pajjiżi għajr il-Federazzjoni Russa biex tiġi sodisfatta d-domanda tal-Unjoni. Ma għandhiex tingħata għal aktar minn 4 ġimgħat kull darba u għandha tiġġedded biss jekk jibqgħu japplikaw il-kundizzjonijiet għall-emerġenza skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2017/1938. Kuntratti ta’ provvista b’terminu qasir biss għandhom ikunu permessi taħt sospensjoni temporanja skont dan il-paragrafu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri u lill-Grupp tal-Koordinazzjoni tal-Gass bi kwalunkwe sospensjoni bħal din, u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jiġġustifika s-sospensjoni u kwalunkwe estensjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew jekk tiġi mistiedna tagħmel dan.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 3 għandu japplika mit-18 ta’ Marzu 2026, ħlief meta speċifikat mod ieħor fl-Artikolu 4.

L-Artikolu 5 għandu japplika mit-18 ta’ Frar 2026.

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-projbizzjoni relatata mal-LNG stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 833/2014 li għandha tapplika u tiġi osservata irrispettivament mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. RAOUNA


(1)  L-opinjoni tat-18 ta’ Settembru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Jannar 2026.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1938/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/833/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 94, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1149/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1219/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 912/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 121, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/912/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).

(10)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2024/1788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar ir-regoli komuni għas-swieq interni tal-gass rinnovabbli, il-gass naturali u l-idroġenu, li temenda d-Direttiva (UE) 2023/1791 u li tħassar id-Direttiva 2009/73/KE (ĠU L, 2024/1788, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1788/oj).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar is-swieq interni tal-gass rinnovabbli, tal-gass naturali u tal-idroġenu, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1227/2011, (UE) 2017/1938, (UE) 2019/942 u (UE) 2022/869 u d-Deċiżjoni (UE) 2017/684 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 (ĠU L, 2024/1789, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1789/oj).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/515/oj).

(14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi (ĠU L 265, 9.10.2009, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/119/oj).


ANNESS I

Mudell għall-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għall-gass naturali

Dan il-mudell hu mfassal għall-awtoritajiet nazzjonali li jabbozzaw pjan nazzjonali ta’ diversifikazzjoni kif previst fl-Artikolu 9. Il-pjan għandu jinkludi dan li ġej:

Informazzjoni ġenerali

Isem l-awtorità responsabbli mit-tħejjija tal-pjan

 

Deskrizzjoni tas-sistema tal-gass. Jenħtieġ li din tinkludi deskrizzjoni ta’:

(i)

id-domanda għall-gass;

(ii)

it-taħlita tal-provvista meta titqies id-dipendenza fuq il-provvista Russa

 

Informazzjoni ewlenija dwar l-importazzjoni tal-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa lejn l-Istat Membru

Referenza tal-kuntratti individwali kif ikkomunikati mill-importaturi lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni

 

Fejn applikabbli, servizzi tat-terminal tal-LNG riżervati minn kumpaniji jew impriżi affiljati mill-Federazzjoni Russa

 

Kwantitajiet ġenerali kuntrattati tal-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa għal konsenja fl-Istat Membru

Il-flessibbiltajiet kuntrattwali u l-punt ta’ konsenja (il-punt ta’ interkonnessjoni, il-punt ta’ importazzjoni, it-terminal tal-LNG, eċċ.)

 

Deskrizzjoni tal-miżuri għas-sostituzzjoni tal-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa

Id-deskrizzjoni għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

Opzjonijiet ta’ diversifikazzjoni:

(i)

provvisti alternattivi;

(ii)

rotot alternattivi tal-provvista;

(iii)

aggregazzjoni tad-domanda

 

Deskrizzjoni tal-miżura u l-objettivi tagħha, inkluż il-kwantitajiet li mistennija jiġu eliminati gradwalment u l-passi intermedji fil-każ ta’ miżura f’diversi stadji

 

L-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni

 

L-impatt tal-miżuri fuq is-sistema tal-enerġija, inkluż fuq ix-xejriet tal-flussi, il-kapaċitajiet tal-infrastruttura, it-tariffi, eċċ.

 

L-impatt fuq l-Istati Membri ġirien

 

Ostakli tekniċi, kuntrattwali jew regolatorji għas-sostituzzjoni tal-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa

Ostakli tekniċi, kuntrattwali jew regolatorji

 

Opzjonijiet biex jingħelbu l-ostakli u l-iskeda ta’ żmien

 

Kategorija

Sostituzzjoni tal-volumi għall-eliminazzjoni gradwali (1)

Informazzjoni meħtieġa

Deskrizzjoni tal-miżuri fis-seħħ u ppjanati fil-livell nazzjonali biex jissostitwixxu l-volumi li fadal tal-gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa

(i)

kwantitajiet mistennija li jiġu eliminati gradwalment minn kull miżura,

(ii)

skeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni (il-bidu u t-tmiem),

(iii)

opzjonijiet għal provvisti u rotot tal-provvista alternattivi

Gass mill-pipelines

 

LNG

 


(1)  Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu tal-Pjattaforma Aggregata tal-UE skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2024/1789, miżuri ta’ appoġġ għall-isforzi ta’ diversifikazzjoni tal-kumpaniji tal-enerġija, kooperazzjoni fi gruppi reġjonali bħall-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC), l-identifikazzjoni ta’ alternattivi għall-importazzjoni tal-gass naturali permezz tal-elettrifikazzjoni, miżuri tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-ispinta lill-produzzjoni tal-bijogass, tal-bijometan u tal-idroġenu nadif, l-adozzjoni tal-enerġija rinnovabbli, jew miżuri volontarji għal tnaqqis fid-domanda.


ANNESS II

Mudell għall-pjanijiet nazzjonali ta’ diversifikazzjoni għaż-żejt

Dan il-mudell hu mfassal għall-awtoritajiet nazzjonali li jabbozzaw pjan nazzjonali ta’ diversifikazzjoni kif previst fl-Artikolu 10. Il-pjan għandu jinkludi dan li ġej:

Informazzjoni ġenerali

Isem l-awtorità responsabbli mit-tħejjija tal-pjan

 

Deskrizzjoni tas-sistema taż-żejt. Jenħtieġ li din tinkludi deskrizzjoni ta’:

(i)

id-domanda għaż-żejt;

(ii)

it-taħlita tal-provvista fejn titqies id-dipendenza fuq il-provvista Russa.

 

Informazzjoni ewlenija dwar l-importazzjoni taż-żejt (żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi) li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa lejn l-Istat Membru

Kwantitajiet ġenerali kuntrattati taż-żejt li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa għall-konsenja fl-Istat Membru

Id-data tal-iskadenza tal-obbligi kuntrattwali

 

Informazzjoni dwar l-identità tal-partijiet ikkonċernati differenti (il-bejjiegħ, l-importatur, u x-xerrej)

 

Deskrizzjoni tal-miżuri għas-sostituzzjoni taż-żejt li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa

Id-deskrizzjoni għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

Opzjonijiet ta’ diversifikazzjoni:

(i)

provvisti alternattivi;

(ii)

rotot alternattivi tal-provvista

 

Deskrizzjoni tal-miżura u l-objettivi tagħha, inkluż il-kwantitajiet li mistennija jiġu eliminati gradwalment u l-passi intermedji fil-każ ta’ miżura f’diversi stadji.

Il-miżuri fis-seħħ u ppjanati fil-livell nazzjonali biex jiġu żgurati t-trasparenza u t-traċċabbiltà taż-żejt li joriġina minn jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa, sa fejn possibbli, inkluż miżuri dwar il-verifika ta’ importazzjonijiet possibbilment ittikkettati mill-ġdid

 

L-iskeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni

 

L-impatt tal-miżuri fuq is-sistema tal-enerġija, inkluż fuq ix-xejriet tal-flussi, il-kapaċitajiet tal-infrastruttura, it-tariffi, eċċ.

 

L-impatt fuq l-Istati Membri ġirien

 

Ostakli tekniċi, kuntrattwali jew regolatorji għas-sostituzzjoni taż-żejt li joriġina jew li jiġi esportat, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa

Ostakli tekniċi, kuntrattwali jew regolatorji

 

Opzjonijiet biex jingħelbu l-ostakli, u l-iskeda ta’ żmien

 


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/261/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Eureka qed iżżid links u definizzjonijiet…