Eureka 02000L0031-20240217 Sign in

02000L0031 — MT — 17.02.2024 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

ID-DIRETTIVA 2000/31/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Ġunju 2000

dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)

(ĠU L 178 17.7.2000, p. 1)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2022/2065 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tad-19 ta’ Ottubru 2022

  L 277

1

27.10.2022




▼B

ID-DIRETTIVA 2000/31/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Ġunju 2000

dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)



KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan u qasam ta’ applikazzjoni

1.  
Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.
2.  
Din id-Direttiva tressaq, sal-limiti meħtieġa għall-akkwist tal-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1, ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri.
3.  
Din id-Direttiva tikkumplementa l-liġi tal-Komunità applikabbli għal servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-livell ta’ protezzjoni ta’, partikolarment, interessi tas-saħħa pubblika u tal-konsumatur, kif stabbiliti b’atti tal-Komunità u leġislazzjoni nazzjonali li timplimentahom sal-limiti li ma jirrestrinġix il-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.
4.  
Din id-Direttiva ma tistabbilixxix regoli addizzjonali ta’ liġi privata internazzjonali u lanqas ma titratta l-ġurisdizzjoni tal-Qrati.
5.  

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika fil-:

(a) 

qasam tat-tassazzjoni;

(b) 

kwistjonijiet li jirrigwardaw servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni koperti bid-Direttivi 95/46/KE u 97/66/KE;

(ċ) 

kwistjonijiet li jirrigwardaw ftehim jew prattiċi regolati b’liġi dwar kartell;

(d) 

dawn l-attivitajiet li ġejjin ta’ servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni:

— 
l-attivitajiet ta’ nutara jew professjonijiet ekwivalenti sal-limiti li dawn jinvolvu konnessjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika,
— 
ir-rappreżentanza ta’ klijenti u d-difiża ta’ l-interessi tagħhom quddiem il-qrati,
— 
attivitajiet ta’ logħob li jinvolvu mħatri b’valur monetarju f’logħob tax-xorti, inklużi lotteriji u transazzjonijiet ta’ logħob ta’ l-ażżard.
6.  
Din id-Direttiva ma taffetwax miżuri meħuda fil-livell tal-Komunità jew nazzjonali, fir-rigward ta’ liġi tal-Komunità, sabiex jinkoraġġixxu diversità kulturali u lingwistika u biex jassiguraw id-difiża tal-pluraliżmu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

(a)

“servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” : servizzi fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE;

(b)

“dak li jipprovdi servizz” : kull persuna naturali jew legali li tipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni;

(ċ)

“min hu stabbilit li jipprovdi servizz” : dak li jipprovdi servizz li effettivament isegwi attività ekonomika billi juża stabbiliment fiss għal perjodu indefinit. Il-presenza u l-użu ta’ mezzi tekniċi u teknoloġija meħtieġa biex jipprovdi s-servizz ma humiex, minnhom infushom, dak li jikkostitwixxi stabbiliment għal min jipprovdi s-servizz;

(d)

“dak li jirċievi s-servizz” : kull persuna naturali jew legali li, għal skopijiet professjonali jew mod ieħor, tagħmel użu minn servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment bl-iskop li tfittex informazzjoni jew li tagħmilha aċċessibbli;

(e)

“konsumatur” : kull persuna naturali li taġixxi għal għanijiet li huma ’l barra min-negozju, kummerċ jew professjoni tiegħu;

(f)

“komunikazzjoni kummerċjali” :

kull għamla ta’ komunikazzjoni li għandha l-iskop li tippromwovi, direttament jew indirettament, merkanzija, servizzi jew l-immaġini ta’ kumpanija, organizzazzjoni jew persuna li ssegwi attività kummerċjali, industrijali jew ta’ l-artiġjanat jew li teżerċita professjoni regolata. Dawn li ġejjin minnhom infushom ma joħolqux komunikazzjoni kummerċjali:

— 
informazzjoni li tippermetti aċċess dirett għall-attivitajiet tal-kumpanija, l-organizzazzjoni jew persuna, partikolarment isem ta’dominju jew indirizz ta’ posta elettronika,
— 
komunikazzjonijiet li jirrigwardaw merkanzija, servizzi jew immaġini tal-kumpanija, organizzazzjoni jew persuna miġbura b’mod independenti, partikolarment meta dan ikun mingħajr implikazzjonijiet finanzjarji;

g)

“professjoni regolata” : kull professjoni fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni għolja mogħtija mat-temma ta’ edukazzjoni professjonali u taħriġ ta’ mill-anqas tliet snin tul ( 1 ) jew ta’ l-Artikolu 1(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar it-tieni sistema għar-rikonoxximent ta’ edukazzjoni professjonali u taħriġ biex jissupplimenta d-Direttiva 89/48/KEE ( 2 );

(h)

“qasam ikkordinat” :

ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

(i) 

Il-qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s-servizz għandu jkun konformi fir-rigward ta’:

— 
il-bidu ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma l-ħtiġijiet li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni,
— 
il-prattika ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l-imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir-responsabbilità ta’ min jipprovdi s-servizz;
(ii) 

Il-qasam ikkordinat ma jkoprix ħtiġijiet bħal ma huma:

— 
ħtiġijiet applikabbli għal merkanzija bħala tali,
— 
ħtiġijiet applikabbli għal kunsinna ta’ merkanzija,
— 
ħtiġijiet applikabbli għal servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi.

Artikolu 3

Suq intern

1.  
Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.
2.  
L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.
3.  
Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikunu applikabbli fl-oqsma li hemm referenza għalihom fl-Anness.
4.  

L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

(a) 

il-miżuri għandhom ikunu:

(i) 

meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

— 
strateġija pubblika, partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta’ minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix għall-mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad-dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,
— 
il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,
— 
is-sigurtà pubblika, inkluż is-salvagward tas-sigurtà nazzjonali u difiża,
— 
il-protezzjoni ta’ konsumaturi, inklużi investituri;
(ii) 

meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

(iii) 

proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

(b) 

qabel ma jittieħdu l-miżuri f’dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun:

— 
talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawk il-miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,
— 
innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.
5.  
L-Istati Membri jistgħu, f’każ ta’ urġenza, jidderogaw mill-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4(b). Meta dan ikun il-każ, il-miżuri għandhom ikunu innotifikati fl-iqsar żmien possibbli lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, b’indikazzjonijiet tar-raġunijiet il-għala l-Istat Membru jikkunsidra li hemm urġenza.
6.  
Mingħajr preġudizzju għal possibilità ta’ l-Istat Membru li jipproċedi bil-miżuri f’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha teżamina il-kompatibilità tal-miżuri notifikati minn liġi ta’ Komunità fl-iqsar żmien possibbli; meta dan jasal għal konklużjoni li l-miżura tkun inkompatibbli mal-liġi tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru f’dak il-każ li jibqa’ lura milli jieħu xi miżuri proposti jew biex iwaqqaf urġentement il-miżuri f’dak il-każ.

KAPITOLU II

PRINĊIPJI

Taqsima 1:

Ħtiġijiet ta’ stabbiliment u informazzjoni

Artikolu 4

Prinċipju li jeskludi awtorizzazzjoni bil-quddiem

1.  
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-bidu u l-prattika ta’ l-attività ta’ dak li jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni ma jkunux jistg]u jsiru suġġetti għal awtorizzazzjoni bil-quddiem jew ta’ ħtiġijiet oħra li jkollhom effett ekwivalenti.
2.  
Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal skemi ta’ awtorizzazzjoni li ma humiex speċifikament u esklussivament immirati lejn servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, jew li huma koperti mid-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-10 ta’ April 1997 dwar il-qafas komuni għal awtorizzazzjoni ġenerali u liċenzi individwali fil-qasam ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni ( 3 ).

Artikolu 5

Informazzjoni ġenerali li għandha tkun provduta

1.  

Minbarra l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni oħra stabbilita b’liġi tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz għandu jagħmel faċli, direttament u permanenti aċċessibbli għal dawk li jirċievu s-servizz u l-awtoritajiet kompetenti, mill-anqas din l-informazzjoni:

(a) 

l-isem ta’ dak li jipprovdi s-servizz;

(b) 

l-indirizz ġeografiku li fih dak li jipprovdi s-servizz ikun stabbilit;

(ċ) 

id-dettalji ta’ dak li jipprovdi s-servizz, inkluż l-indirizz elettroniku tiegħu, li jippermettilu li jkun ikkuntattjat u li jikkuntattja b’rapidità u b’manjiera diretta u effettiva;

(d) 

meta dak li jipprovdi s-servizz ikun irreġistrat f’reġistru tal-kummerċ jew reġistru pubbliku simili, ir-reġistru tal-kummerċ li fih dak li jipprovdi s-servizz ikun inkluż u n-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu, jew mezzi ekwivalenti ta’ identifikazzjoni f’dak ir-reġistru;

(e) 

meta l-attività tkun soġġetta għal skema ta’ awtorizzazzjoni, il-partikolaritajiet ta’ l-awtorità rilevanti ta’ sorveljanza;

(f) 

f’dak li jikkonċerna l-professjonijiet regolati:

— 
kull korp professjonali jew istituzzjoni simili li magħha dak li jipprovdi s-servizz ikun irreġistrat,
— 
it-titolu professjonali u l-Istat Membru fejn dan ikun ingħata,
— 
referenza għar-regoli professjonali applikabbli fl-Istat Membru ta’ l-istabbiliment u l-mezzi ta’ aċċess għalihom;
(g) 

meta dak li jipprovdi servizz jipprovdi attività li hija soġġetta għal VAT, in-numru ta’ identifikazzjoni li hemm referenza għalih fl-Artikolu 22(1) tas-sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li li jirrigwardaw it-taxxa fuq in-negozju kollu - sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud: bażi ta’ stima uniformi ( 4 ).

2.  
Minbarra l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni oħra stabbiliti b’liġi tal-Komunità, Stati Membri għandhom mill-anqas jassiguraw li, meta s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jirreferu għal prezzijiet, dawn għandhom ikunu indikati b’mod ċar u mingħajr ambigwità u, partikolarment, għandhom jindikaw jekk dawn ikunux inklużi bit-taxxa u l-ispejjeż tal-konsenja.

Taqsima 2:

Komunikazzjonijiet kummerċjali

Artikolu 6

Informazzjoni li għandha tkun provduta

Minbarra l-ħtiġijiet oħra għall-informazzjoni stabbiliti b’liġi tal-Komunità, Stati Membri għandhom jassiguraw li komunikazzjonijiet kummerċjali li huma parti minn, jew jikkostitwixxu, servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, li jkunu konformi mill-anqas ma’ dawn il-kundizzjonijiet:

(a) 

il-komunikazzjoni kummerċjali għandha tkun identifikabbli b’mod ċar bħala tali;

(b) 

il-persuna naturali jew [uridika li f’isimha l-komunikazzjoni kummerċjali ssir għandha tkun identifikabbli b’mod ċar;

(ċ) 

offerti promozzjonali, bħal ma huma skonti, primjum jew rigali, meta permessi mill-Istat Membru fejn ikun stabbilit dak li jipprovdi s-servizz, għandhom ikunu identifikabbli b’mod ċar bħala tali, u l-kundizzjonijiet li għandhom ikunu milħuqa biex jikkwalifikaw għalihom għandhom ikunu faċilment aċċessibli u jkunu ppreżentati b’mod ċar u mingħajr ambigwità;

(d) 

kompetizzjonijiet u logħob promozzjonali, meta permessi mill-Istat Membru fejn dak li jipprovdi s-servizz ikun stabbilit, għandhom ikunu b’mod ċar identifikabbli bħala tali, u l-kundizzjonijiet għal parteċipazzjoni għandhom ikunu faċilment aċċessibli u ppreżentati b’mod ċar u mingħajr ambigwità.

Artikolu 7

Komunikazzjoni kummerċjali mhux mitluba

1.  
Minbarra l-ħtiġijiet l-oħra stabbiliti b’liġi tal-Komunità, Stati Membri li jippermettu komunikazzjoni kummerċjali mhix mitluba bil-posta elettronika għandhom jassiguraw li komunikazzjoni kummerċjali bħal din minn dak li jipprovdi s-servizz li jkun stabbilit fit-territorju tagħhom għandha tkun identifikabbli b’mod ċar u mingħajr ambigwità bħala tali malli din tkun twasslet għand dak li jirċeviha.
2.  
Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 97/7/KE u d-Direttiva 97/66/KE, Stati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jassiguraw li dawk li jipprovdu servizz jimpenjaw irwieħhom dwar komunikazzjonijiet kummerċjali bil-posta elettronika jikkonsultaw regolarment u jirrispettaw ir-reġistri ta’ dawk li ma jkunux iridu li jkunu nklużi li fih persuni naturali li ma jixtiequx li jirċievu komunikazzjonijiet kummerċjali bħal dawn ikunu jistgħu jirreġistraw irwieħhom.

L-Artikolu 8

Professjonijiet regolati

1.  
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-użu ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali li huma parti minn, jew li jikkostitwixxu, servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni provdut minn membru ta’ professjoni regolata ikun permissibbli suġġett għall-konformità mar-regoli professjonali li jirrigwardaw, partikolarment, l-independenza, id-dinjità u l-unur tal-professjoni, segretezza professjonali u ġustizzja lejn klijenti u membri oħra tal-professjoni.
2.  
Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija ta’ korpi u assoċjazzjonijiet professjonali, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu assoċjazzjonijiet u korpi professjonali li jistabbilixxu kodiċi ta’ kondotta f’livell tal-Komunità sabiex jiddeterminaw it-tipi ta’ informazzjoni li tista’ tingħata għall-iskopijiet ta’ komunikazzjoni kummerċjali b’konformità mar-regoli li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1.
3.  
Meta tħejji proposti għall-inizjattivi tal-Komunità li jistgħu ikunu meħtieġa biex jassiguraw il-funzjonament xieraq tas-suq intern fir-rigward ta’ l-informazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tieħu akkont xieraq ta’ kodiċi ta’ kondotta applikabbli fil-livell tal-Komunità u għandha taġixxi b’ koperazzjoni mill-qrib ma’ assoċjazzjonijiet u korpi professjonali rilevanti.
4.  
Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli b’żieda mad-Direttivi tal-Komunità li jikkonċernaw aċċess lejn, u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet tal-professjonijiet regolati.

Taqsima 3:

Kuntratti konklużi b’mezzi elettroniċi

Artikolu 9

Trattament ta’ kuntratti

1.  
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li s-sistema legali tagħhom tippermetti li kuntratti ikunu konklużi b’mezzi elettroniċi. L-Istati Membri għandhom partikolarment jassiguraw li l-ħtiġijiet legali applikabbli għall-proċess kontrattwali la joħolqu ostakoli għall-użu ta’ kuntratti elettroniċi u l-anqas ma jirriżultaw f’li kuntratti bħal dawn ikunu mċaħħda mill-effettività u l-validità legali minħabba li jkunu saru b’mezzi elettroniċi.
2.  

L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-paragrafu 1 m’għandux ikun applikabbli fil-kuntratti kollha jew uħud minnhom li jidħlu f’waħda minn dawn il-kategoriji:

(a) 

kuntratti li joħolqu jew jittrasferixxu d-drittijiet fi proprjetà immobbli, ħlief għal drittijiet ta’ kera;

(b) 

kuntratti li jinħtieġu b’liġi l-involviment ta’ qrati, awtoritajiet pubbliċi jew professjonijiet li jeżerċitaw awtorità pubblika;

(ċ) 

kuntratti jew garanzija mogħtija u sigurtajiet kollaterali fornuti minn persuni li jaġixxu għal għanijiet barra min-negozju, kummerċ jew professjoni tagħhom;

(d) 

kuntratti regolati b’liġi tal-familja jew b’liġi dwar suċċessjoni.

3.  
L-Istati Membri għandhom jindikaw lill-Kummissjoni il-kategoriji li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 li dwarhom ma japplikax il-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni kull ħames snin rapport dwar l-applikar ta’ paragrafu 2 li jispjega r-raġunijiet li huma jikkunsidraw meħtieġa biex tinżamm il-kategorija li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 2 (b) li għaliha huma ma japplikawx il-paragrafu 1.

Artikolu 10

Informazzjoni li għandha tkun provduta

1.  

Minbarra l-ħtiġijiet oħra ta’ informazzjoni stabbiliti b’liġi tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jassiguraw, ħlief meta jkun miftiehem mod ieħor minn partijiet li mhumiex konsumaturi, li mill-anqas din l-informazzjoni li ġejja tkun mogħtija minn dak li jipprovdi s-servizz, b’mod ċar, b’mod komprensiv u mingħajr ambigwità u qabel ma tkun saret l-ordni minn dak li jirċievi s-servizz:

(a) 

il-passi tekniċi differenti li għandhom jittieħdu biex ikun konkluż il-kuntratt;

(b) 

jekk il-kuntratt konkluż ikun ġiex depożitat ma’ dak li jipprovdi s-servizz jew le u jekk dan ikunx aċċessibbli;

(ċ) 

il-mezzi tekniċi għall-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbalji fid-dħul qabel ma titqiegħed l-ordni;

(d) 

il-lingwi offruti għall-konklużjoni tal-kuntratt.

2.  
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, ħlief meta jkun miftiehem mod ieħor minn partijiet li mhumiex konsumaturi, dak li jipprovdi s-servizz jindika kull kodiċi ta’ kondotta rilevanti li jissottoskrivi għalihom u informazzjoni dwar kif dan il-kodiċi jista’ jiġi kkonsultat elettronikament.
3.  
Termini ta’ kuntratt u kundizzjonijiet ġenerali ipprovduti lil dak li jirċievi għandhom ikunu disponibbli b’tali mod li jippermettulu li jżommhom u wkoll li jkun jista’ jirriproduċihom.
4.  
Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikunu applikabbli għal kuntratti konklużi esklussivament bi skambju ta’ posta elettronika jew b’komunikazzjoni individwali ekwivalenti.

Artikolu 11

Tqegħid ta’ l-ordni

1.  

L-Istati Membri għandhom jassiguraw, ħlief meta b’mod ieħor miftiehem mill-partijiet li ma humiex konsumaturi, li f’każi meta dak li jirċievi s-servizz iqiegħed l-ordni tiegħu permezz ta’ mezzi teknoloġiċi, dawn il-prinċipji li ġejjin huma applikabbli:

— 
dak li jipprovdi s-servizz ikollu jikkonferma l-wasla ta’ l-ordni ta’ dak li jirċievi mingħajr dewmien u b’mezzi elettroniċi,
— 
l-ordni u l-konferma tal-wasla huma meqjusa bħala li jkunu waslu meta l-partijiet li lihom ikunu ndirizzati ikunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom.
2.  
L-Istati Membri għandhom jassiguraw, ħlief meta miftiehem mod ieħor minn partijiet li mhumiex konsumaturi, li dak li jipprovdi s-servizz jagħmel disponibbli lil dak li jirċievi s-servizz, mezzi xierqa, effettivi u aċċessibbli li jippermettulu li jidentifika u jikkorreġi żbalji ta’ dħul, qabel ma titqiegħed l-ordni.
3.  
Il-paragrafi 1, l-ewwel inċiż u l-paragrafu 2 m’għandhomx ikunu applikabbli f’kuntratti konklużi esklussivament bi skambju ta’ posta elettronika jew b’komunikazzjoniji individwali ekwivalenti.

Taqsima 4:

Responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz

▼M1 —————

▼B

KAPITOLU III

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 16

Kodiċi ta’ kondotta

1.  

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu:

(a) 

it-tħejjija ta’ kodiċi ta’ kondotta fil-livell tal-Komunità, minn għaqdiet jew organizzazzjonijiet ta’ negozjanti, professjonisti u konsumaturi, biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni kif suppost ta’ l-Artikoli 5 sa 15;

(b) 

it-trasmissjoni volontarja ta’ abbozz ta’ kodiċi ta’ kondotta fil-livell nazzjonali jew tal-Komunità lill-Kummissjoni;

(ċ) 

l-aċċessibilità ta’ dawn il-kodiċi ta’ kondotta fil-lingwi tal-Komunità b’mezzi elettroniċi;

(d) 

il-komunikazzjoni lejn Stati Membri u l-Kummissjoni, minn għaqdiet jew organizzazzjonijiet ta’ negozjanti, professjonisti u konsumaturi, ta’ x’jaħsbu dwar l-applikazzjoni tal-kodiċi tagħhom ta’ kondotta u l-impatt tagħhom fuq il-prattiċi, drawwiet u użanzi li jirrigwardaw il-kummerċ elettroniku;

(e) 

it-tħejjija ta’ kodiċi ta’ kondotta fir-rigward tal-protezzjoni ta’ minuri u d-dinjità umana.

2.  
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu l-involviment ta’ għaqdiet jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi fl-abbozzar u l-implimentazzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta li taffetwa l-interessi tagħhom u mħejjija bi qbil ma’ dak li hemm fil-paragrafu 1 (a). Meta xieraq, sabiex jittieħed akkont tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, għaqdiet li jirrappreżentaw lill dawk neqsin mid-dawl jew li għandhom diżabilità għandhom jiġu kkonsultati.

Artikolu 17

Ftehim barra mill-qorti

1.  
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-każ ta’ tilwim bejn dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni u dak li jirċievi s-servizz, il-leġislazzjoni tagħhom ma tfixkilx l-użu ta’ skemi barra mill-qorti, disponibbli taħt il-liġi nazzjonali, għal-ftehim dwar kwistjonijiet, inklużi l-mezzi elettroniċi xierqa.
2.  
L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-korpi responsabbli għal ftehim barra mill-qorti partikolarment ta’ kwistjonijiet tal-konsumatur li joperaw b’tali mod li jipprovdu garanziji proċedurali adegwati għal partijiet ikkonċernati.
3.  
L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-korpi responsabbli għal-ftehim dwar kwistjonijiet barra mill-qorti li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet sinifikanti li huma jieħdu fir-rigward ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni u li jittrasmettu xi informazzjoni oħra dwar il-prattiċi, l-użanzi jew drawwiet li jirrigwardaw il-kummerċ elettroniku.

Artikolu 18

Azzjonijiet Ġudizzjarji

1.  
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli permezz ta’ liġi nazzjonali li tikkonċerna l-attivitajiet ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jippermettu l-adozzjoni rapida ta’ miżuri, inklużi miżuri interim, intiżi biex iwaqqfu il-ksur allegat u ma jħallux aktar xkiel għall-interessi involuti.
2.  

L-Anness tad-Direttiva 98/27/KE huwa b’hekk issuplimentat kif ġej:

“11. Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, tas-17.7.2000, p. 1).”

Artikolu 19

Koperazzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom ikollhom mezzi adegwati ta’ sorveljanza u investigazzjoni meħtieġa biex jimplimentaw effettivament din id-Direttiva u għandhom jassiguraw li dawk li jipprovdu s-servizz ifornuhom bl-informazzjoni meħtieġa.
2.  
L-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma’ l-Istati Membri l-oħra; huma għandhom, għal dak il-għan, jaħtru wieħed jew aktar punti ta’ kuntatt, li d-dettalji tagħhom jikkomunikawhom lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.
3.  
L-Istati Membri għandhom, malajr kemm jista’ jkun possibbli, u b’konformità ma’ liġi nazzjonali, jipprovdu l-għajnuna u l-informazzjoni mitluba mill-Istati Membri l-oħra jew mill-Kummissjoni, inklużi l-mezzi elettroniċi xierqa.
4.  

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu punti ta’ kuntatt li għandhom ikunu aċċessibbli mill-anqas b’mezzi elettroniċi u li minnhom dawk li jirċievu u dawk li jipprovdu servizz jistgħu:

(a) 

jakkwistaw informazzjoni ġenerali dwar drittijiet u obbligazzjonijiet kontrattwali kif ukoll dwar ilmenti u mekkaniżmi ta’ sodisfazzjon disponibbli fil-każ ta’ tilwim, inklużi l-aspetti prattiċi involuti fl-użu ta’ dawk il-mekkaniżmi;

(b) 

jakkwistaw dettalji ta’ awtoritajiet, għaqdiet jew organizzazzjonijiet li minnhom huma jkunu jistgħu jakkwistaw aktar informazzjoni jew għajnuna prattika.

5.  
L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-komunikazzjoni lejn il-Kummissjoni ta’ xi deċiżjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji sinifikanti meħuda fit-territorju tagħhom li jirrigwardaw tilwim li għandu x’jaqsam ma’ servizzi u prattiċi għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, użanzi u drawwiet li jirrigwardaw il-kummerċ elettroniku. Il-Kummissjoni għandha tinforma b’dawn id-deċiżjonijiet l-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 20

Sanzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli għal nuqqasijiet ta’ disposizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jassiguraw li dawn ikunu infurzati. Is-sanzjonijiet li huma jipprovdu għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Eżami mill-ġdid

1.  
Qabel is-17 ta’ Lulju 2003, u minn dakinhar ’il quddiem darba kull sentejn, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lil-Kunsill u lil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, rapport dwar l-applikabbilità ta’ din id-Direttiva, akkumpanjat, fejn meħtieġ, bi proposti biex din tkun adattata għall-iżviluppi legali, tekniċi u ekonomiċi fil-qasam ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni ta’ reati kriminali, il-protezzjoni ta’ minuri, il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-funzjonament xieraq tas-suq intern.
2.  
Fl-eżami tal-ħtieġa għal adattazzjoni ta’ din id-Direttiva, ir-rapport għandu partikolarment janalizza l-ħtieġa għal proposti li jikkonċernaw ir-responsabbilità ta’ dawk li jipprovdu il-hyperlinks u servizzi ta’ għodda ta’ lokazzjoni, proċeduri “innota u niżżel” u l-attribuzzjoni ta’ responsabbilità wara li jkun tniżżel il-kontenut. Ir-rapport għandu wkoll janalizza l-ħtieġa għal kundizzjonijiet addizzjonali għall-eżenzjoni mir-responsabbilità, li hemm disposizzjoni dwarha fl-Artikoli 12 u 13, fid-dawl ta’ żviluppi tekniċi, u l-possibilità ta’ applikazzjoni ta’ prinċipji tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba bil-posta elettronika.

Artikolu 22

Trasposizzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel is-17 ta’ Jannar 2002. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.
2.  
Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal dik fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li jagħmlu referenza bħal din għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 24

Lil min indirizzata

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

DEROGI MILL-ARTIKOLU 3

Bħal ma hemm disposizzjoni fl-Artikolu 3(3), l-Artikolu 3(1) u (2) mhuwiex applikabbli għal:

— 
dritt ta’ l-awtur, drittijiet assoċjati, drittijiet li hemm referenza għalihom fid-Direttiva 87/54/KEE ( 5 ) u d-Direttiva 96/9/KE ( 6 ) kif ukoll drittijiet ta’ proprjetà industrijali,
— 
il-ħruġ ta’ flus elettroniċi minn istituzzjonijiet li fir-rigward tagħhom Stati Membri jkunu applikaw waħda mid-derogi li hemm disposizzjoni dwarhom fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/46/KE ( 7 ),
— 
l-Artikolu 44(2) tad- Direttiva 85/611/KEE ( 8 ),
— 
l-Artikolu 30 u t-Titolu IV tad-Direttiva 92/49/KEE ( 9 ), it-Titolu IV tad-Direttiva 92/96/KEE ( 10 ), l-Artikoli 7 u 8 tad- Direttiva 88/357/KEE ( 11 ) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/619/KEE ( 12 ),
— 
il-libertà tal-partijiet li jagħżlu l-liġi applikabbli għall-kuntratt tagħhom,
— 
obbligazzjonijiet kontrattwali li jikkonċernaw kuntratti tal-konsumatur,
— 
il-validità formali ta’ kuntratti li joħolqu u jittrasferixxu d-drittijiet fi proprjetà immobbli meta kuntratti bħal dawk ikunu soġġetti għal ħtiġijiet formali mandatorji tal-liġi tal-Istat Membru fejn il-proprjetà immobbli tkun tinstab,
— 
il-permissibilità ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba bil-posta elettronika.



( 1 )  ĠU L 19, ta’ l-24.1.1989, p. 16.

( 2 )  ĠU L 209, ta’ l-24.7.1992, p. 25. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/38/KE (ĠU L. 184, tat-12.7.1997, p. 31).

( 3 )  ĠU L 117, tas-7.5.1997, p. 15.

( 4 )  ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/85/KE (ĠU L 277, tat-28.10.1999, p. 34).

( 5 )  ĠU L 24, tas-27.1.1987, p. 36.

( 6 )  ĠU L 77, tas-27.3.1996, p. 20.

( 7 ) Għadha mhiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

( 8 )  ĠU L 375, tal-31.12.1985, p. 3. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/26/KE (ĠU L. 168, tat-18.7.1995, p. 7).

( 9 )  ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/26/KE.

( 10 )  ĠU L 360, tad-9.12.1992, p. 2. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/26/KE.

( 11 )  ĠU L 172, ta’ l-4.7.1988, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/49/KE.

( 12 )  ĠU L 330, tad-29.11.1990, p. 50. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/96/KE.