Eureka 02022R0720-20240211 Sign in

02022R0720 — MT — 11.02.2024 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/720

tal-10 ta’ Mejju 2022

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 134 11.5.2022, p. 4)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/323 tad-19 ta’ Jannar 2024

  L 

1

22.1.2024


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L , 1.12.2023, p.  1 ((UE) 2022/720)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/720

tal-10 ta’ Mejju 2022

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.  

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“akkordju vertikali” tfisser akkordju jew prattika miftiehma bejn żewġ impriżi jew aktar li kull waħda minnhom topera, għall-iskopijiet tal-akkordju jew tal-prattika miftiehma, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, u li jirrigwarda l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom il-partijiet jistgħu jixtru, ibigħu jew ibigħu mill-ġdid ċerti prodotti jew servizzi;

(b) 

“restrizzjoni vertikali” tfisser restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’akkordju vertikali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat;

▼C1

(c) 

“impriża kompetitriċi” tfisser kompetitur effettiv jew potenzjali; “kompetitur effettiv” tfisser impriża attiva fl-istess suq rilevanti; “kompetitur potenzjali” tfisser impriża li, fin-nuqqas tal-akkordju vertikali, għal raġunijiet realistiċi u mhux biss bħala possibbiltà teoretika sempliċi, x’aktarx tkun tista’, f’perjodu ta’ żmien qasir, tagħmel l-investimenti addizzjonali meħtieġa jew iġġarrab spejjeż oħra meħtieġa biex tidħol fis-suq rilevanti;

▼B

(d) 

“fornitur” tinkludi impriża li tipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni online;

(e) 

“servizzi ta’ intermedjazzjoni online” tfisser servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(1), il-punt (b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) li jippermettu li l-impriżi joffru l-prodotti jew is-servizzi:

(i) 

lil impriżi oħra, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-bidu ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn dawk l-impriżi, jew

(ii) 

lill-konsumaturi finali, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-bidu ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn dawk l-impriżi u l-konsumaturi finali,

irrispettivament minn jekk u fejn jiġu finalment konklużi t-tranżazzjonijiet;

(f) 

►C1  “obbligu ta’ nonkompetizzjoni” ◄ tfisser kull obbligu dirett jew indirett li jwassal biex ix-xerrej ma jimmanifatturax, ma jixtrix, ma jbigħx jew ma jbigħx mill-ġdid prodotti jew servizzi li jikkompetu mal-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt, jew kull obbligu dirett jew indirett fuq ix-xerrej li jixtri mingħand il-fornitur, jew minn impriża oħra nominata mill-fornitur, aktar minn 80 % mix-xiri totali tax-xerrej tal-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt u prodotti jew servizzi li jissostitwuhom fis-suq rilevanti, ikkalkulati fuq il-bażi tal-valur jew, meta tali prattika industrijali tkun standard, fuq il-bażi tal-volum tax-xiri tiegħu fis-sena kalendarja preċedenti;

(g) 

“sistema ta’ distribuzzjoni selettiva” tfisser sistema ta’ distribuzzjoni li permezz tagħha l-fornitur jaċċetta li jbigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt, direttament jew indirettament, lil distributuri magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji speċifikati biss u meta dawk id-distributuri jobbligaw ruħhom li ma jbigħux dawk il-prodotti jew servizzi lil distributuri li ma jkunux awtorizzati fit-territorju riżervat mill-fornitur biex jopera dik is-sistema;

(h) 

“sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva” tfisser sistema ta’ distribuzzjoni li permezz tagħha l-fornitur jalloka territorju jew grupp ta’ klijenti esklużivament lilu nnifsu jew lil massimu ta’ ħames xerrejja u jirrestrinġi lix-xerrejja l-oħra kollha tiegħu milli jbigħu b’mod attiv fit-territorju esklużiv jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti;

(i) 

“drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” tinkludi d-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, ►C1  l-għarfien pratttiku ◄ , id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati;

▼C1

(j) 

“għarfien prattiku” tfisser pakkett ta’ informazzjoni prattika mhux koperta bi privattiva, li tirriżulta mill-esperjenza u l-ittestjar mill-fornitur, li tkun sigrieta, sostanzjali u identifikata; “sigriet” tfisser li l-għarfien prattiku ma jkunx ġeneralment magħruf jew aċċessibbli faċilment; “sostanzjali” tfisser li l-għarfien prattiku jkun sinifikanti u utli lix-xerrej, għall-użu, għall-bejgħ jew għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt; “identifikat” tfisser li l-għarfien prattiku huwa deskritt b’mod komprensiv biżżejjed sabiex ikun possibbli li jiġi vverifikat li jissodisfa l-kriterji ta’ segretezza u ta’ sostanzjalità;

▼B

(k) 

“xerrej” tinkludi impriża li, skont akkordju li jaqa’fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, tbiegħ prodotti jew servizzi f’isem impriża oħra;

(l) 

“bejgħ attiv” tfisser li l-klijenti jiġu mmirati b’mod attiv permezz ta’ żjarat, ittri, emails, telefonati jew mezzi oħra ta’ komunikazzjoni diretta jew permezz ta’ reklamar u promozzjoni mmirati, offline jew online, pereżempju permezz ta’ media stampata jew diġitali, inklużi media online, servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jew reklamar fuq magni tat-tiftix immirati lejn klijenti f’territorji partikolari jew lejn gruppi ta’ klijenti partikolari, it-tħaddim ta’ sit web b’isem ta’ dominju tal-ogħla livell li jikkorrispondi għal territorji partikolari, jew l-offerta fuq sit web ta’ lingwi li jintużaw b’mod komuni f’territorji partikolari, meta dawk il-lingwi jkunu differenti minn dawk użati komunement fit-territorju li fih ikun stabbilit ix-xerrej;

(m) 

“bejgħ passiv” tfisser bejgħ bi tweġiba għal talbiet mhux mitluba minn klijenti individwali, inkluża l-konsenja ta’ prodotti jew servizzi lill-klijent mingħajr ma l-bejgħ jkun inbeda permezz ta’ reklamar immirat b’mod attiv lejn klijent partikolari, grupp ta’ klijenti partikolari jew territorju partikolari, u jinkludi l-bejgħ li jirriżulta minn parteċipazzjoni f’akkwist pubbliku jew minn risposti għal sejħiet għall-offerti privati.

2.  
Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, it-termini “impriża”, “fornitur” u “xerrej” għandhom jinkludu l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom.

“Impriżi konnessi” tfisser:

(a) 

impriżi fejn parti fl-akkordju, direttament jew indirettament:

(i) 

ikollha l-poter li teżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot, jew

(ii) 

ikollha l-poter li taħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord tas-superviżjoni, tal-bord maniġerjali jew tal-korpi li legalment jirrapreżentaw l-impriża, jew

(iii) 

ikollha d-dritt li tmexxi l-affarijiet tal-impriża; jew

(b) 

impriżi li direttament jew indirettament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) fuq parti fl-akkordju; jew

(c) 

impriżi li fihom impriża msemmija fil-punt (b) ikollha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a); jew

(d) 

impriżi li fihom parti fl-akkordju flimkien ma’ waħda jew aktar mill-impriżi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi tal-aħħar, konġuntament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a); jew

(e) 

impriżi li fihom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ikunu miżmuma konġuntament minn:

(i) 

partijiet fl-akkordju jew minn l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom imsemmija fil-punti minn (a) sa (d), jew

(ii) 

parti waħda jew minn aktar partijiet fil-ftehim jew minn impriża konnessa jew minn aktar minn impriża konnessa waħda tagħhom imsemmija fil-punti minn (a) sa (d) u minn parti terza jew aktar partijiet terzi.

Artikolu 2

Eżenzjoni

1.  
Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, b’dan qed jiġi ddikjarat li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal akkordji vertikali. Din l-eżenzjoni għandha tapplika sa fejn dawk l-akkordji jkunu jinkludu restrizzjonijiet vertikali.
2.  
L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal akkordji vertikali konklużi bejn assoċjazzjoni ta’ impriżi u membru individwali, jew bejn assoċjazzjoni ta’ tak it-tip u fornitur individwali, biss jekk il-membri kollha tal-assoċjazzjoni jkunu bejjiegħa bl-imnut ta’ oġġetti u jekk l-ebda membru individwali tal-assoċjazzjoni, flimkien mal-impriżi konnessi tagħha, ma jkollu fatturat annwali totali ta’ aktar minn EUR 50 miljun. Akkordji vertikali konklużi minn assoċjazzjonijiet ta dak it-tip għandhom ikunu koperti minn dan ir-Regolament mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal akkordji orizzontali konklużi bejn il-membri tal-assoċjazzjoni jew deċiżjonijiet adottati mill-assoċjazzjoni.
3.  
L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal akkordji vertikali li jkun fihom dispożizzjonijiet relatati maċ-ċessjoni lix-xerrej jew mal-użu mix-xerrej ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, dment li dawnk id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux is-suġġett primarju ta’ tali akkordji u jkunu relatati direttament mal-użu, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti jew servizzi mix-xerrej jew mill-klijenti tiegħu. L-eżenzjoni tapplika bil-kundizzjoni li, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt, dawk id-disposizzjonijiet ma jkunux jinkludu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni bl-istess għan bħal restrizzjonijiet vertikali li mhumiex eżentati skont dan ir-Regolament.
4.  

►C1  L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal akkordji vertikali konklużi bejn impriżi kompetituri. Madankollu, dik l-eżenzjoni għandha tapplika meta impriżi kompetituri jidħlu f’akkordju vertikali li ma jkunx reċiproku, u tkun tapplika waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: ◄

(a) 

il-fornitur ikun attiv f’livell upstream bħala manifattur, importatur jew bejjiegħ bl-ingrossa u f’livell downstream bħala importatur, bejjiegħ bl-ingrossa, jew bejjiegħ bl-imnut ta’ prdotti, filwaqt li x-xerrej ikun importatur, bejjiegħ bl-ingrossa, jew bejjiegħ bl-imnut f’livell downstream u ma jkux ►C1  impriża kompetitriċi ◄ fil-livell upstream meta tixtri l-prodotti tal-kuntratt; jew

(b) 

il-fornitur ikun jipprovdi servizzi f’bosta livelli tal-kummerċ, filwaqt li x-xerrej ikun jipprovdi s-servizzi tiegħu fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u ma jkunx ►C1  impriża kompetitriċi ◄ fil-livell tal-kummerċ meta jixtri s-servizzi tal-kuntratt.

5.  
L-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4, il-punti (a) u (b) ma għandhomx japplikaw għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-fornitur u x-xerrej li ma jkunx direttament marbut mal-implimentazzjoni tal-akkordju vertikali jew li ma jkunx meħtieġ biex tittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt, jew li ma jissodisfa l-ebda waħda minn dawk iż-żewġ kundizzjonijiet.
6.  
L-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4, il-punti (a) u (b) ma għandhomx japplikaw għal akkordji vertikali relatati mal-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online fejn il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online jkun ►C1  impriża kompetitriċi ◄ fis-suq rilevanti għall-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi intermedjati.
7.  
Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal akkordji vertikali li s-suġġett tagħhom jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ieħor, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'tali regolament.

Artikolu 3

Limitu tas-sehem mis-suq

1.  
L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq miżmum mill-fornitur ma jkunx iktar minn 30 % tas-suq rilevanti li fih ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt u s-sehem mis-suq miżmum mix-xerrej ma jkunx iktar minn 30 % tas-suq relevanti li minnu jixtri il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt.
2.  
Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, meta f’akkordju bejn ħafna partijiet, impriża tixtri il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt mingħand impriża li tkun parti fl-akkordju u tbiegħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt lil impriża oħra li tkun ukoll parti fl-akkordju, is-sehem mis-suq tal-ewwel impriża jrid jirrispetta l-limitu tas-sehem mis-suq previst f’dak il-paragrafu kemm bħala xerrej kif ukoll bħala fornitur sabiex l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 tkun tapplika.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet li jneħħu l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija - restrizzjonijiet fundamentali

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandhiex tapplika għal akkordji vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra fil-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala l-għan tagħhom:

(a) 

ir-restrizzjoni tal-kapaċità tax-xerrej li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tal-fornitur li jimponi prezz ta’ bejgħ massimu jew li jirrakkommanda prezz ta’ bejgħ, sakemm ma jammontawx għal prezz tal-bejgħ iffissat jew minimu b’riżultat ta’ pressjoni min-naħa ta’ xi waħda mill-partijiet jew ta’ inċentivi offruti minnhom;

(b) 

fejn il-fornitur jopera sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva, ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-grupp ta’ klijenti li lilu, id-distributur esklużiv jista’ attivament jew passivament ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt, għajr:

(i) 

ir-restrizzjoni tal-bejgħ attiv tad-distributur esklużiv u tal-klijenti diretti tiegħu, f’territorju jew lil grupp ta’ klijenti riżervat għall-fornitur jew allokat mill-fornitur esklużivament lil massimu ta’ ħames distributuri esklużivi oħra;

(ii) 

ir-restrizzjoni tal-bejgħ attiv jew passiv tad-distributur esklużiv u tal-klijenti tiegħu lil distributuri mhux awtorizzati li jinsabu f’territorju li fih il-fornitur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva għall-prodotti jew għas-servizzi tal-kuntratt;

(iii) 

ir-restrizzjoni tal-post ta’ stabbiliment esklużiv tad-distributur;

(iv) 

ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali minn distributur esklużiv li jopera fil-livell ta’ kummerċ bl-ingrossa;

(v) 

ir-restrizzjoni tal-kapaċità tad-distributur esklużiv li jbigħ b’mod attiv jew passiv komponenti, fornuti għall-finijiet ta’ inkorporazzjoni, lil klijenti li jużawhom biex jimmanifatturaw l-istess tip ta’ oġġetti bħal dawk prodotti mill-fornitur;

(c) 

fejn il-fornitur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva,

(i) 

ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom, il-membri tas-sistema tad-distribuzzjoni selettiva jistgħu jbigħu b’mod attiv jew passiv il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt, għajr:

(1) 

ir-restrizzjoni tal-bejgħ attiv tal-membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u tal-klijenti diretti tagħhom, f’territorju jew lil grupp ta’ klijenti riżervat għall-fornitur jew allokat mill-fornitur esklużivament lil massimu ta’ ħames distributuri esklużivi;

(2) 

ir-restrizzjoni tal-bejgħ attiv jew passiv tal-membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jew tal-klijenti tagħhom lil distributuri mhux awtorizzati li jinsabu fit-territorju fejn titħaddem is-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva;

(3) 

ir-restrizzjoni tal-post ta’ stabbiliment tal-membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva;

(4) 

ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lil utenti finali minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li topera fil-livell tal-kummerċ ta’ bejgħ bl-ingrossa;

(5) 

ir-restrizzjoni tal-kapaċità li jinbiegħu komponenti b’mod attiv jew passiv, fornuti għall-finijiet ta’ inkorporazzjoni, lil klijenti li jużawhom biex jimmanifatturaw l-istess tip ta’ oġġetti bħal dawk prodotti mill-fornitur;

(ii) 

ir-restrizzjoni ta’ provvisti inkroċjati bejn il-membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li topera fl-istess livell jew f’livelli differenti ta’ kummerċ;

(iii) 

ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali minn membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li topera fil-livell tal-kummerċ ta’ bejgħ bl-imnut, mingħajr preġudizzju għall-punti (c)(i)(1) u (3);

(d) 

fejn il-fornitur ma joperax la sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva u lanqas sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-grupp ta’ klijenti li lilu, ix-xerrej jista’ attivament jew passivament ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt, ħlief:

(i) 

ir-restrizzjoni tal-bejgħ attiv tax-xerrej u tal-klijenti diretti tiegħu f’territorju jew lil grupp ta’ klijenti riżervat għall-fornitur jew allokat mill-fornitur esklużivament lil massimu ta’ ħames distributuri esklużivi;

(ii) 

ir-restrizzjoni tal-bejgħ attiv jew passiv tax-xerrej jew tal-klijenti tiegħu lil distributuri mhux awtorizzati li jinsabu f’territorju li fih il-fornitur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva għall-prodotti jew għas-servizzi tal-kuntratt;

(iii) 

ir-restrizzjoni tal-post ta’ stabbiliment tax-xerrej;

(iv) 

ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali minn xerrej li jopera fil-livell tal-kummerċ ta’ bejgħ bl-ingrossa;

(v) 

ir-restrizzjoni tal-kapaċità tax-xerrej li jbigħ b’mod attiv jew passiv komponenti, fornuti għall-finijiet ta’ inkorporazzjoni, lil klijenti li jużawhom biex jimmanifatturaw l-istess tip ta’ oġġetti bħal dawk prodotti mill-fornitur;

(e) 

il-prevenzjoni tal-użu effettiv tal-internet mix-xerrej jew mill-klijenti tiegħu biex ibiegħu il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt, billi jirrestrinġi t-territorju li fih, jew il-klijenti li lilhom, jistgħu jinbiegħu il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt fis-sens tal-punti (b), (c) jew (d), mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġu imposti fuq ix-xerrej:

(i) 

restrizzjonijiet oħra ta’ bejgħ online; jew

(ii) 

restrizzjonijiet ta’ reklamar online li ma għandhomx l-għan li jimpedixxu l-użu ta’ kanal ta’ reklamar sħiħ online;

(f) 

ir-restrizzjoni, miftiehma bejn fornitur ta’ komponenti u xerrej li jinkorpora dawk il-komponenti, tal-kapaċità tal-fornitur li jbiegħ il-komponenti bħala spare parts lil utenti finali jew lil min isewwi, lil bejjigħa bl-ingrossa jew lil fornituri ta’ servizzi oħrajn li ma ġewx fdati mix-xerrej bit-tiswija jew bil-manutenzjoni tal-prodotti tiegħu.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet esklużi

1.  

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandhiex tapplika għall-obbligi li ġejjin li jinsabu f’akkordji vertikali:

▼C1

(a) 

kull obbligu dirett jew indirett ta’ nonkompetizzjoni, għal tul ta’ żmien indefinit jew għal iktar minn ħames snin;

▼B

(b) 

kull obbligu dirett jew indirett li jimponi fuq ix-xerrej li, wara l-iskadenza tal-akkordju, ma jimmanifatturax, ma jixtrix, ma jbigħx jew ma jbigħx mill-ġdid prodotti jew servizzi;

(c) 

kull obbligu dirett jew indirett li jwassal biex il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ma jbigħux il-prodotti tal-marka ta’ fornituri kompetituri partikolari;

(d) 

kull obbligu dirett jew indirett li jwassal lil xerrej ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online biex ma joffrix, ma jbigħx jew ma jbigħx mill-ġdid prodotti jew servizzi lill-utenti finali b’kundizzjonijiet aktar favorevoli bl-użu ta’ servizzi kompetituri ta’ intermedjazzjoni online;

2.  
B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (a), il-limitu ta’ żmien ta’ ħames snin ma għandux japplika meta il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt jinbiegħu mix-xerrej minn bini u art li jkunu proprjetà tal-fornitur jew mikrija mill-fornitur mingħand partijiet terzi li ma jkunux konnessi max-xerrej, dment li t-tul ta’ żmien ►C1  tal-obbligu ta’ nonkompetizzjoni ◄ ma jkunx itwal mill-perjodu li matulu x-xerrej jokkupa l-bini u l-art.
3.  

B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (b), l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika għal kull obbligu dirett jew indirett li jimponi fuq ix-xerrej li, wara l-iskadenza tal-akkordju, ma jimmanifatturax, ma jixtrix, ma jbigħx jew ma jbigħx mill-ġdid prodotti jew servizzi meta l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a) 

l-obbligu jkun relatat ma’ prodotti jew servizzi li jikkompetu mal-prodotti jew servizzi tal-kuntratt;

(b) 

l-obbligu jkun limitat għall-bini u l-art li minnhom ix-xerrej ikun opera matul il-perjodu kuntrattwali;

(c) 

l-obbligu jkun indispensabbli sabiex jiġi protett ►C1  l-għarfien pratttiku ◄ trasferit mill-fornitur lix-xerrej;

(d) 

it-tul ta’ żmien tal-obbligu jkun limitat għal perjodu ta’ sena wara l-iskadenza tal-akkordju.

Il-paragrafu 1, il-punt (b) huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tiġi imposta restrizzjoni li ma jkollhiex limitu ta’ żmien fuq l-użu u t-tixrid ta’ ►C1  għarfien prattiku ◄ li ma jkunx daħal fid-dominju pubbliku.

Artikolu 6

Irtirar f’każijiet individwali

1.  
Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fejn f’xi każ partikolari ssib li akkordju vertikali li għalih tkun tapplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament xorta jkollu effetti li ma jkunux kompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Effetti bħal dawk jistgħu jseħħu, pereżempju, fejn is-suq rilevanti għall-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jkun konċentrat ħafna u l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ dawk is-servizzi tkun ristretta minħabba l-effett kumulattiv ta’ networks paralleli ta’ akkordji simili li jirrestrinġu lix-xerrejja tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online milli joffru, jbigħu jew ibigħu mill-ġdid prodotti jew servizzi lil utenti finali b’kundizzjonijiet aktar favorevoli fuq il-kanali ta’ bejgħ dirett tagħhom.
2.  
L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jiġu ssodisfati.

Artikolu 7

In-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament

Skont l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, tiddikjara li, fejn networks paralleli ta’ restrizzjonijiet vertikali simili jkunu jkopru aktar minn 50 % ta’ suq rilevanti, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal akkordji vertikali li jkunu jinkludu restrizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ dak is-suq.

Artikolu 8

Applikazzjoni tal-limitu tas-sehem mis-suq

Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-limiti tas-sehem mis-suq previsti fl-Artikolu 3, għandhom japplikaw r-regoli li ġejjin:

(a) 

is-sehem mis-suq tal-fornitur għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ data dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq u s-sehem mis-suq tax-xerrej għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ data dwar il-valur tax-xiri fis-suq. Jekk ma tkunx disponibbli data dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq jew dwar il-valur tax-xiri fis-suq, jistgħu jintużaw stimi magħmula fuq il-bażi ta’ informazzjoni oħra tas-suq li tkun affidabbli, inklużi l-volumi tal-bejgħ u tax-xiri fis-suq, sabiex jiġi stabbilit is-sehem mis-suq tal-impriża kkonċernata;

(b) 

l-ishma mis-suq għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ data relatata mas-sena kalendarja ta’ qabel;

(c) 

is-sehem mis-suq tal-fornitur għandu jinkludi kull prodott jew servizz fornut lil distributuri integrati vertikalment għall-iskopijiet ta’ bejgħ;

(d) 

jekk is-sehem mis-suq fil-bidu ma jkunx aktar minn 30 % iżda sussegwentement jiżdied aktar minn dak il-livell, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ sentejn kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fiha jkun inqabeż għall-ewwel darba l-limitu ta’ 30 %;

(e) 

is-sehem mis-suq tal-impriżi msemmija fil-punt (e) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) għandu jitqassam b’mod indaqs bejn kull impriża li jkollha d-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ta’ dak is-subparagrafu.

Artikolu 9

Applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat

1.  
Biex jiġi kkalkulat il-fatturat annwali totali skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2), il-fatturat miksub matul is-sena finanzjarja preċedenti mill-parti rilevanti fl-akkordju vertikali u l-fatturat miksub mill-impriżi konnessi tagħha fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha, esklużi t-taxxi u d-dazji l-oħra kollha, għandhom jingħaddu flimkien. Għal dak il-għan, m’għandhomx jitqiesu tranżazzjonijiet bejn il-parti fl-akkordju vertikali u l-impriżi konnessi tagħha jew bejn l-impriżi konnessi tagħha.
2.  
L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tibqa’ tapplika fejn, fi kwalunkwe perjodu ta’ sentejn finanzjarji konsekuttivi, il-limitu tal-fatturat annwali totali jinqabeż b'mhux aktar minn 10 %.

Artikolu 10

Perjodu tranżizzjonali

Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandhiex tapplika matul il-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2022 sal-31 ta’ Mejju 2023 fir-rigward ta’ akkordji li jkunu diġà fis-seħħ fil-31 ta’ Mejju 2022 u li ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti f'dan ir-Regolament iżda li, fil-31 ta’ Mejju 2022, ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 330/2010.

Artikolu 11

Perjodu ta’ validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2022.

Għandu jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2034.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għal-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).