Eureka 02023R2859-20240725 Sign in

02023R2859 — MT — 25.07.2024 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2023/2859 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Diċembru 2023

li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni disponibbli pubblikament ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 2859 20.12.2023, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2024/1760 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tat-13 ta’ Ġunju 2024

  L 1760

1

5.7.2024




▼B

REGOLAMENT (UE) 2023/2859 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Diċembru 2023

li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni disponibbli pubblikament ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Il-punt ta’ aċċess uniku Ewropew

1.  

Sal-10 ta’ Lulju 2027, l-ESMA għandha tistabbilixxi u topera punt ta’ aċċess uniku Ewropew (“ESAP”) li jipprovdi aċċess elettroniku ċentralizzat għall-informazzjoni li ġejja:

(a) 

informazzjoni ppubblikata skont l-atti leġiżlattivi elenkati fl-Anness jew skont atti ulterjuri tal-Unjoni legalment vinkolanti li jipprevedu aċċess elettroniku ċentralizzat għall-informazzjoni permezz tal-ESAP;

(b) 

informazzjoni li kwalunkwe entità rregolata mil-liġi ta’ Stat Membru tagħżel li tagħmel aċċessibbli fuq l-ESAP fuq bażi volontarja, f’konformità mal-Artikolu 3(1), u li hija msemmija fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni elenkati fl-Anness jew fi kwalunkwe att legalment vinkolanti ulterjuri tal-Unjoni li jipprevedi aċċess elettroniku ċentralizzat għall-informazzjoni fuq l-ESAP.

2.  
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tiġi sottomessa lil korpi ta’ ġbir għall-fini li ssir aċċessibli għall-ESAP qabel id-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżit li tiġi sottomessa dik l-informazzjoni kif previst fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni elenkati fl-Anness jew f’atti legalment vinkolanti ulterjuri tal-Unjoni li jipprevedu aċċess elettroniku ċentralizzat għall-informazzjoni fuq l-ESAP.
3.  
Il-korpi ta’ ġbir li huma korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni jistgħu jagħmlu disponibbli għall-ESAP informazzjoni storika li tibda mid-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżit li l-informazzjoni tiġi sottomessa lill-ESAP kif previst fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni elenkati fl-Anness jew f’atti legalment vinkolanti ulterjuri tal-Unjoni li jipprevedu aċċess elettroniku ċentralizzat għall-informazzjoni fuq l-ESAP.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“entità” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika:

(a) 

li hija meħtieġa tissottometti l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a), lil korp ta’ ġbir; jew

(b) 

li tissottometti informazzjoni lil korp ta’ ġbir fuq bażi volontarja skont l-Artikolu 1(1), il-punt (b), sabiex dik l-informazzjoni ssir aċċessibbli fuq l-ESAP;

(2) 

“korp ta’ ġbir” tfisser korp tal-Unjoni, uffiċċju jew aġenzija jew korp, awtorità jew reġistru nazzjonali ddeżinjati bħala tali skont kwalunkwe wieħed mill-atti leġiżlattivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a) jew iddeżinjati bħala tali minn Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 3(2);

(3) 

“format ta’ data li tista’ tiġi estratta” tfisser kwalunkwe format miftuħ kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (14), tad-Direttiva (UE) 2019/1024 li jintuża b’mod wiesa’ jew li huwa meħtieġ bil-liġi, li jippermetti l-estrazzjoni ta’ data minn magna u li jista’ jinqara mill-bniedem;

(4) 

“format li jinqara mill-magni” tfisser format li jinqara mill-magni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (13), tad-Direttiva (UE) 2019/1024;

(5) 

“siġill elettroniku kwalifikat” tfisser siġill elettroniku kwalifikat kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (27), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(6) 

“interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet” jew “API” tfisser sett ta’ funzjonijiet, proċeduri, definizzjonijiet u protokolli għall-komunikazzjoni bejn magna u oħra u l-iskambju ta’ data mingħajr xkiel;

(7) 

“metadata” tfisser informazzjoni strutturata li tagħmilha aktar faċli sabiex tiġi rkuprata, użata jew immaniġġjata riżorsa ta’ informazzjoni, inkluż billi tiddeskrivi, tispjega jew tillokalizza s-sors ta’ dik l-informazzjoni;

(8) 

“data personali” tfisser data personali kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(9) 

“informazzjoni storika” tfisser l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a), li tkun saret pubblika mhux qabel ħames snin mid-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżit li dik l-informazzjoni tiġi sottomessa lill-ESAP;

(10) 

“Kumitat Konġunt” tfisser il-kumitat msemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 3

Sottomissjoni volontarja ta’ informazzjoni

1.  
Mill-10 ta’ Jannar 2030, entità tista’ tissottometti l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), lill-korp ta’ ġbir fl-Istat Membru fejn l-entità jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha għall-fini li tagħmel dik l-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP.

Meta tissottometti tali informazzjoni lill-korp ta’ ġbir, l-entità għandha:

(a) 

tiżgura li l-informazzjoni tkun akkumpanjata minn metadata li tispeċifika li l-informazzjoni hija aċċessibbli fuq l-ESAP fuq bażi volontarja;

(b) 

tiżgura li l-informazzjoni tkun akkumpanjata minn metadata li tispeċifika jekk l-informazzjoni fihiex data personali;

(c) 

tiżgura li l-informazzjoni tkun akkumpanjata mill-metadata meħtieġa għall-funzjonament tal-funzjoni tat-tiftix tal-ESAP imsemmija fl-Artikolu 7(3);

(d) 

tuża format ta’ data li tista’ tiġi estratta għas-sottomissjoni tal-informazzjoni;

(e) 

tiżgura li l-informazzjoni sottomessa taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1), il-punt (b);

(f) 

tiżgura li ma tiġi inkluża l-ebda data personali fl-informazzjoni, għajr meta d-data personali hija mitluba mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali jew tikkostitwixxi element meħtieġ tal-informazzjoni dwar l-attivitajiet ekonomiċi tal-entità.

2.  
Sad-9 ta’ Jannar 2030, kull Stat Membru għandu jiddeżinja mill-inqas korp ta’ ġbir wieħed għall-ġbir tal-informazzjoni sottomessa fuq bażi volontarja u jinnotifika lill-ESMA b’dan.
3.  

L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej stabbiliti bir-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (kollettivament, l-“ASE”) għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex jispeċifikaw dan li ġej:

(a) 

il-metadata li għandha takkumpanja l-informazzjoni sottomessa f’konformità mal-paragrafu 1;

(b) 

meta applikabbli, il-formati jew il-mudelli speċifiċi li għandhom jintużaw għas-sottomissjoni tal-informazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1.

4.  
Meta jiżviluppaw l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, l-ASE għandhom iqisu kwalunkwe standard li diġà jeżisti fl-atti leġiżlattivi settorjali korrispondenti tal-Unjoni u, b’mod partikolari, kwalunkwe standard imfassal speċifikament għall-SMEs.

L-ASE għandhom jissottomettu l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Jannar 2028.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

L-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt, għandhom jadottaw linji gwida għall-entitajiet biex jiżguraw li l-metadata sottomessa tkun korretta, inklużi l-kundizzjonijiet għall-inklużjoni ta’ data personali fis-sottomissjonijiet volontarji.

5.  
Meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinkludi data personali, l-entitajiet għandhom jiżguraw li kwalunkwe pproċessar ta’ dik id-data jkun ibbażat fuq waħda mir-raġunijiet legali għall-ipproċessar elenkati fl-Artikolu 6, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679. Dan ir-Regolament ma joħloqx bażi ġuridika għall-ipproċessar ta’ data personali.

Artikolu 4

Lista tal-korpi ta’ ġbir

L-ESMA għandha tippubblika lista tal-korpi ta’ ġbir, li jkollha l-lokalizzatur uniformi tar-riżorsi għal kull korp ta’ ġbir, fuq il-portal web imsemmi fl-Artikolu 7(1), il-punt (a).

L-ESMA għandha tiżgura li dik il-lista tinżamm aġġornata u għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla fiha.

Artikolu 5

Kompiti tal-korpi ta’ ġbir u r-responsabbiltajiet tal-entitajiet

1.  

Il-korpi ta’ ġbir għandhom jagħmlu dan li ġej:

(a) 

jiġbru l-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet;

(b) 

jaħżnu l-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet jew iġġenerata mill-korpi ta’ ġbir infushom u, meta rilevanti, jiddependu fuq il-proċeduri eżistenti u l-infrastruttura fis-seħħ għall-ħżin tal-informazzjoni;

(c) 

iwettqu validazzjonijiet awtomatizzati tekniċi fir-rigward tal-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet sabiex jivverifikaw jekk l-informazzjoni tikkonformax ma’ dan li ġej:

(i) 

tkun ġiet sottomessa bl-użu ta’ format ta’ data li tista’ tiġi estratta jew, meta jkun xieraq, il-format li jinqara mill-magni speċifikat fi kwalunkwe wieħed mill-atti leġiżlattivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), li skonthom tiġi sottomessa l-informazzjoni;

(ii) 

il-metadata għall-informazzjoni, kif speċifikat skont il-paragrafu 10, il-punt (e), ta’ dan l-Artikolu u, meta applikabbli, l-Artikolu 3(1), il-punt (a), tkun disponibbli u kompluta;

(iii) 

tkun akkumpanjata minn siġill elettroniku kwalifikat, meta meħtieġ;

(d) 

ma jimponux kundizzjonijiet fuq l-użu u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP, għajr kundizzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk stabbiliti fil-liċenzji standard miftuħa kif imsemmi fl-Artikolu 9;

(e) 

jimplimentaw l-API u, mingħajr ħlas u fil-limiti ta’ żmien applikabbli, jipprovdu lill-ESAP l-informazzjoni, il-metadata għal dik l-informazzjoni u, meta meħtieġa, is-siġill elettroniku kwalifikat;

(f) 

sa fejn jaqa’ fil-kompetenza teknika tal-korp ta’ ġbir, jipprovdu assistenza lill-entitajiet li jissottomettu l-informazzjoni fir-rigward ta’, mill-anqas, il-proċess ta’ sottomissjoni, rifjut u sottomissjoni mill-ġdid;

(g) 

jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) tibqa’ disponibbli għall-ESAP għal mill-anqas għaxar (10) snin, dment li ma jkunx previst mod ieħor fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a).

Għall-finijiet tal-punt (g) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725, il-korpi ta’ ġbir għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jiżguraw li, meta l-metadata li takkumpanja l-informazzjoni sottomessa tirreferi għal kwalunkwe data personali, dik l-informazzjoni ma tinżammx għall-fini li ssir disponibbli għall-ESAP, u lanqas ma ssir aċċessibbli fuq l-ESAP, għal aktar minn ħames (5) snin, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament.

2.  
Il-korpi ta’ ġbir jistgħu jirrifjutaw informazzjoni sottomessa mill-entitajiet, metal-informazzjoni tkun manifestament mhux xierqa, abbużiva, jew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1).

Il-korpi ta’ ġbir għandhom ineħħu l-informazzjoni li ssir aċċessibbli fuq l-ESAP li huma jiddeterminaw li hija manifestament mhux xierqa, abbużiva jew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1).

3.  
Il-korpi ta’ ġbir għandhom jirrifjutaw informazzjoni sottomessa minn entitajiet meta l-validazzjonijiet awtomatizzati msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu jiżvelaw li l-informazzjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti f’dak il-punt jew, meta rilevanti, abbażi tan-notifiki riċevuti skont l-Artikolu 10(2).
4.  
Il-korpi ta’ ġbir għandhom jinnotifikaw lill-entitajiet bir-rifjut jew it-tneħħija tal-informazzjoni u r-raġunijiet għalihom, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.
5.  
Meta l-informazzjoni sottomessa minn entità skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), tiġi rrifjutata jew titneħħa minn korp ta’ ġbir, dik l-entità għandha tirrettifika u tissottometti mill-ġdid l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed. Il-korp ta’ ġbir għandu jinnotifika lill-ESMA meta l-informazzjoni tkun ġiet rifjutata, titneħħa jew tiġi sostitwita skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

L-entitajiet jistgħu jagħżlu li jissottomettu informazzjoni darba biss u lil korp ta’ ġbir wieħed biss. Is-sottomissjoni u kwalunkwe sottomissjoni mill-ġdid tal-informazzjoni, flimkien mal-metadata rilevanti li takkumpanjaha, għandhom isiru lill-istess korp ta’ ġbir.

6.  
L-entitajiet għandhom ikunu responsabbli għall-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni fil-lingwa li tiġi sottomessa, kif ukoll għall-metadata rilevanti li takkumpanjaha li jissottomettu lill-korpi ta’ ġbir. B’mod partikolari, l-entitajiet għandhom ikunu responsabbli għall-identifikazzjoni tal-inklużjoni tad-data personali fl-informazzjoni li jissottomettu lill-korp ta’ ġbir flimkien mal-metadata rilevanti li takkumpanjaha li tindika jekk l-informazzjoni fihiex data personali.
7.  
Fir-rigward tal-informazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-korpi ta’ ġbir ma għandhomx jeżerċitaw id-dritt ta’ min jagħmel il-bażi tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), jew kwalunkwe dritt ta’ proprjetà intellettwali ieħor b’tali mod li jipprevjenu jew jirrestrinġu l-użu u l-użu mill-ġdid tal-kontenut tal-bażi tad-data skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.
8.  
Korp ta’ ġbir jista’ jiddelega l-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b), (c), (e), (f), (g) u l-paragrafi 3 u 4 lil persuna ġuridika rregolata mil-liġijiet ta’ Stat Membru jew lil korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni (“id-delegat”). Kwalunkwe delega ta’ kompiti għandha tieħu l-forma ta’ ftehim bil-miktub li jispeċifika l-kompiti li għandhom jiġu ddelegati u l-kundizzjonijiet li taħthom għandhom jitwettqu (“ftehim ta’ delega”).

Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ta’ delega għandhom jiżguraw li:

(a) 

id-delegat ma jkollu l-ebda kunflitt ta’ interess;

(b) 

id-delegat ma jużax l-informazzjoni miksuba b’mod mhux xieraq jew b’mod antikompetittiv jew għal fini ieħor għajr dak iddikjarat fil-ftehim ta’ delega;

(c) 

id-delegat jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 6 fir-rigward tal-kompiti ddelegati;

(d) 

id-delegat jinforma regolarment lill-korp ta’ ġbir dwar il-prestazzjoni ġenerali tiegħu tal-kompiti ddelegati;

(e) 

mingħajr dewmien żejjed id-delegat jinforma lill-korp ta’ ġbir dwar kwalunkwe nuqqas ta’ twettiq ta’ kompitu ddelegat.

Il-korp ta’ ġbir għandu jibqa’ responsabbli għal kwalunkwe kompitu li jiddelega, inkluż li jagħmel disponibbli lill-ESMA kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mill-ESMA rigward kompitu ddelegat.

Ir-responsabbiltà tal-korp ta’ ġbir ma għandhiex tiġi affettwata mill-fatt li l-korp ta’ ġbir ikun iddelega kompiti lil parti terza. Il-korp ta’ ġbir ma għandux jiddelega l-kompiti tiegħu sal-punt li ma jkunx jista’ jibqa’ jitqies bħala korp ta’ ġbir.

Il-korp ta’ ġbir għandu jiżgura li kwalunkwe delega tal-kompiti tiġi eżerċitata b’mod kosteffiċjenti u li, sa fejn ikun possibbli, id-delega tintuża biex tippermetti li l-proċeduri ta’ ġbir u l-infrastruttura eżistenti jkomplu japplikaw għall-finijiet tal-ESAP.

Il-korp ta’ ġbir għandu jinnotifika lill-ESMA dwar kwalunkwe ftehim ta’ delega li jikkonkludi.

9.  
Il-korpi ta’ ġbir għandhom jiżguraw livelli xierqa ta’ awtentiċità, disponibbiltà, integrità u nonripudju tal-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet li għandha ssir aċċessibbli fuq l-ESAP. Għall-finijiet li jiġu żgurati dawk il-livelli, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korpi ta’ ġbir jitolbu li l-informazzjoni li tiġi sottomessa mill-entitajiet li għandha ssir aċċessibbli fuq l-ESAP tkun akkumpanjata minn siġill elettroniku kwalifikat.
10.  

L-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt għandhom jiżviluppaw abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw dan li ġej:

(a) 

kif għandhom jitwettqu l-validazzjonijiet awtomatizzati tekniċi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c) ta’ dan l-Artikolu, għal kull tip ta’ informazzjoni sottomessa mill-entitajiet;

(b) 

il-karatteristiċi tas-siġill elettroniku kwalifikat imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (c)(iii), ta’ dan l-Artikolu u fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu;

(c) 

il-liċenzji standard miftuħa msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d) ta’ dan l-Artikolu;

(d) 

il-karatteristiċi tal-API li għandhom jiġu implimentati skont il-paragrafu 1, il-punt (e) ta’ dan l-Artikolu;

(e) 

il-karatteristiċi tal-metadata meħtieġa għall-funzjoni tat-tiftix tal-ESAP imsemmija fl-Artikolu 7(3), il-metadata msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu u kwalunkwe metadata oħra meħtieġa għall-funzjonament tal-ESAP;

(f) 

il-liċenzji standard miftuħa msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e) ta’ dan l-Artikolu;

(g) 

il-lista indikattiva u l-karatteristiċi tal-formati li huma aċċettabbli bħala formati ta’ data li tista’ tiġi estratta u bħala formati li jinqraw mill-magni kif imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c)(i) ta’ dan l-Artikolu.

11.  
Meta jiżviluppaw l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 10, l-ASE għandhom iqisu kwalunkwe standard li diġà jeżisti fl-atti leġiżlattivi settorjali korrispondenti tal-Unjoni u b’mod partikolari kwalunkwe standard imfassal speċifikament għall-SMEs.

L-ASE għandhom jissottomettu dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Settembru 2024.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

12.  

Il-korpi ta’ ġbir li huma korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni li jagħmlu l-informazzjoni storika disponibbli għall-ESAP f’konformità mal-Artikolu 1(3) għandhom jagħmlu dan li ġej:

(a) 

jippreparaw dik l-informazzjoni f’format ta’ data li tista’ tiġi estratta;

(b) 

jakkumpanjaw dik l-informazzjoni b’metadata li tispeċifika dan li ġej:

(i) 

l-ismijiet tal-entità;

(ii) 

it-tip ta’ informazzjoni, kif ikklassifikata skont l-Artikolu 7(4), il-punt (c);

(iii) 

meta disponibbli, l-identifikatur ta’ entità ġuridika tal-entità, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (b);

(c) 

jispeċifikaw li l-informazzjoni hija informazzjoni storika.

B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (g) ta’ dan l-Artikolu, informazzjoni storika ma għandiex tkun aċċessibbli fuq l-ESAP għal aktar minn ħames snin.

Artikolu 6

Iċ-Ċibersigurtà

L-ESMA għandha tistabbilixxi politika ta’ sigurtà tal-IT effettiva u proporzjonata għall-ESAP u għandha tiżgura livelli xierqa ta’ awtentiċità, disponibbiltà, integrità u nonripudju tal-informazzjoni magħmula aċċessibbli fuq l-ESAP, kif ukoll ta’ protezzjoni tad-data personali. L-ESMA tista’ twettaq rieżamijiet perjodiċi tal-politika tas-sigurtà tal-IT u tas-sitwazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-ESAP fid-dawl tax-xejriet u l-aħħar żviluppi li qed jevolvu fir-rigward taċ-ċibersigurtà internazzjonali u tal-Unjoni.

Artikolu 7

Funzjonalitajiet tal-ESAP

1.  

L-ESMA għandha tiżgura li l-ESAP ikollu mill-anqas il-funzjonalitajiet li ġejjin:

(a) 

portal web b’interfaċċa faċli għall-utent, li jqis il-ħtiġijiet ta’ aċċess tal-persuni b’diżabilità, biex jipprovdi aċċess għall-informazzjoni fuq l-ESAP fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni;

(b) 

API li tippermetti aċċess faċli għall-informazzjoni fuq l-ESAP;

(c) 

funzjoni ta’ tiftix fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni;

(d) 

mod ta’ wiri tal-informazzjoni;

(e) 

servizz ta’ traduzzjoni awtomatika għall-informazzjoni rkuprata;

(f) 

servizz ta’ tniżżil mill-Internet, inkluż għat-tniżżil ta’ kwantitajiet kbar ta’ data;

(g) 

servizz ta’ notifika li jinforma lill-utenti dwar kwalunkwe informazzjoni ġdida fuq l-ESAP;

(h) 

il-preżentazzjoni tal-informazzjoni sottomessa fuq bażi volontarja skont l-Artikolu 1(1), il-punt (b), b’tali mod li:

(i) 

din tista’ tiġi distinta b’mod ċar mill-informazzjoni sottomessa fuq bażi obbligatorja skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a);

(ii) 

meta applikabbli, l-utenti jiġu infurmati li l-informazzjoni mhux neċessarjament tissodisfa r-rekwiżiti kollha għall-informazzjoni sottomessa fuq bażi obbligatorja skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), u mhux neċessarjament tiġi aġġornata maż-żmien.

2.  
L-ESMA għandha tiżgura li l-ESAP jipprevedi l-funzjonalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (e) u (g), sal-10 ta’ Lulju 2028. L-ESMA għandha tiżgura li l-ESAP jipprevedi l-funzjonalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (h), sad-9 ta’ Jannar 2030.
3.  

Il-funzjoni ta’ tiftix imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c) ta’ dan l-Artikolu, għandha tippermetti tfittxija abbażi tal-metadata li ġejja:

(a) 

l-ismijiet tal-entità li tkun issottomettiet l-informazzjoni u tal-persuna fiżika jew ġuridika li għaliha tirrelata l-informazzjoni;

(b) 

l-identifikatur tal-entità ġuridika tal-entità li tkun issottomettiet l-informazzjoni u tal-persuna ġuridika li għaliha tirrelata l-informazzjoni;

(c) 

it-tip ta’ informazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), sottomessa mill-entità u jekk tali informazzjoni ġietx sottomessa fuq bażi obbligatorja skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), jew fuq bażi volontarja skont il-punt (b) ta’ dak il-paragrafu;

(d) 

id-data u l-ħin meta l-informazzjoni tkun ġiet sottomessa mill-entità lill-korp ta’ ġbir;

(e) 

id-data jew il-perjodu li għalihom tirrelata l-informazzjoni;

(f) 

id-daqs tal-entità skont il-kategorija li tkun issottomettiet l-informazzjoni u tal-persuna ġuridika li għaliha tirrelata l-informazzjoni;

(g) 

il-pajjiż tal-uffiċċju reġistrat tal-persuna ġuridika li għaliha tirrelata l-informazzjoni;

(h) 

is-settur(i) tal-industrija tal-attivitajiet ekonomiċi tal-persuna fiżika jew ġuridika li għaliha tirrelata l-informazzjoni;

(i) 

il-korp tal-ġbir responsabbli għall-ġbir tal-informazzjoni;

(j) 

il-lingwa li ntużat biex tiġi sottomessa l-informazzjoni:

4.  

L-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt għandhom jiżviluppaw abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw dan li ġej:

(a) 

il-karatteristiċi tal-API msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b);

(b) 

l-identifikatur speċifiku tal-entità ġuridika msemmi fil-paragrafu 3, il-punt (b);

(c) 

il-klassifikazzjoni tat-tipi ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (c);

(d) 

il-kategoriji tad-daqs tal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (f);

(e) 

il-karatterizzazzjoni tas-setturi tal-industrija msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (h).

L-ASE għandhom jissottomettu dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Settembru 2024.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 8

Aċċess għall-informazzjoni fuq l-ESAP

1.  
Sabiex tippromwovi t-trasparenza u l-funzjonament bla xkiel tas-swieq kapitali tal-Unjoni, l-ESMA għandha tiżgura li l-informazzjoni fuq l-ESAP tingħata fuq bażi nondiskriminatorja u li l-utenti jkollhom aċċess dirett u immedjat mingħajr ħlas għall-informazzjoni fuq l-ESAP.
2.  
Madankollu, l-ESMA għandha titlob tariffi għal servizzi speċifiċi li għandhom kostijiet għoljin ta’ manutenzjoni u appoġġ jew li jinvolvu tiftix għal volumi kbar ta’ informazzjoni jew it-tniżżil tagħhom. Dawk it-tariffi ma għandhomx jaqbżu l-kostijiet diretti mġarrba mill-ESMA għall-forniment ta’ dawk is-servizzi. It-tariffi miġbura għal dawk is-servizzi għandhom jiġu allokati għall-funzjonament ġenerali tal-ESAP.
3.  
L-ESMA tista’ tirrikjedi li l-utenti tas-servizzi li għalihom l-ESMA timponi tariffi, kif imsemmi fil-paragrafu 2, jimlew dikjarazzjoni diġitali.
4.  

Minkejja l-paragrafu 2, l-ESMA għandha tippermetti li l-entitajiet li ġejjin ikollhom aċċess dirett u immedjat għall-informazzjoni fuq l-ESAP mingħajr ħlas sa fejn ikun meħtieġ sabiex dawk l-entitajiet jissodisfaw ir-responsabbiltajiet, il-mandati u l-obbligi rispettivi tagħhom:

(a) 

kwalunkwe istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni;

(b) 

kwalunkwe awtorità kompetenti ddeżinjata minn Stat Membru skont l-att leġiżlattivi tal-Unjoni;

(c) 

kwalunkwe membru tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(d) 

kwalunkwe membru tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali;

(e) 

l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ddeżinjati skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );

(f) 

kwalunkwe istituzzjoni jew aġenzija governattiva jew korp governattiv ta’ Stat Membru;

(g) 

kwalunkwe stabbiliment edukattiv u ta’ taħriġ għall-finijiet uniċi ta’ riċerka, akkademja, organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi sa fejn l-aċċess għall-informazzjoni jkun meħtieġ fit-twettiq tal-kompiti tagħhom;

(h) 

entitajiet li jagħtu u jużaw informazzjoni fuq l-ESAP biex jissodisfaw l-obbligi regolatorji tagħhom.

5.  
Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina n-natura u l-firxa tas-servizzi speċifiċi li għalihom jistgħu jintalbu tariffi u sabiex tiddetermina l-istruttura tat-tariffi assoċjata.

L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.  
L-ESMA għandha tippubblika u tagħmel faċilment aċċessibbli fuq is-sit web tal-ESAP l-istruttura tat-tariffi, il-limiti tal-volum, jekk rilevanti, u r-rati. L-ESMA għandha tirrieżamina l-volum u r-rati fuq bażi annwali.

Artikolu 9

L-użu u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP

1.  
La l-ESMA u lanqas il-korpi ta’ ġbir ma għandhom jassumu kwalunkwe responsabbiltà għall-aċċess, għall-użu jew għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet lill-korpi ta’ ġbir u li tkun aċċessibbli fuq l-ESAP.
2.  
Id-data personali aċċessibbli fuq l-ESAP għandha tintuża u terġa’ tintuża f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Kwalunkwe data personali li terġa’ tintuża ma għandhiex tinżamm għal aktar żmien milli meħtieġ u fi kwalunkwe każ għal mhux aktar minn ħames snin, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament.
3.  

L-ESMA għandha tiżgura li l-użu u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP ma jkunux suġġetti għall-ebda kundizzjoni dment li dawk il-kundizzjonijiet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

huma oġġettivi u nondiskriminatorji;

(b) 

ikunu ġġustifikati abbażi ta’ objettiv ta’ interess pubbliku;

(c) 

meta xieraq, skont it-tip ta’ informazzjoni, jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’liċenzji standard miftuħa skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (5), tad-Direttiva (UE) 2019/1024, u jippermettu l-użu, il-modifika u l-kondiviżjoni mingħajr ħlas ta’ dik l-informazzjoni minn kulħadd u għal kwalunkwe fini.

4.  
L-użu u l-użu mill-ġdid għal finijiet regolatorji u mhux kummerċjali tal-informazzjoni li ssir aċċessibbli fuq l-ESAP ma għandhomx ikunu limitati mill-entitajiet li jissottomettu l-informazzjoni tagħhom għall-pubblikazzjoni abbażi ta’ dritt sui generis imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE.

Artikolu 10

Il-kwalità tal-informazzjoni

1.  
L-ESMA għandha twettaq validazzjonijiet awtomatizzati sabiex tivverifika jekk l-informazzjoni kollha mogħtija lill-ESAP mill-korpi ta’ ġbir tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (c).

Meta l-informazzjoni mogħtija mill-korp ta’ ġbir tkun ġiet sottomessa minn entità, l-ESMA tista’ twettaq il-validazzjonijiet awtomatizzati fuq il-bażi ta’ kampjuni. Tali validazzjonijiet awtomatizzati ma għandhomx ikunu differenti minn dawk imwettqa mill-korpi ta’ ġbir skont l-Artikolu 5(1), il-punt (c).

2.  
L-ESMA għandha timplimenta proċessi tekniċi xierqa sabiex tinnotifika awtomatikament lil korp ta’ ġbir f’każijiet meta l-informazzjoni mogħtija ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (c). F’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti, l-entitajiet għandhom iġorru r-responsabbiltà għall-informazzjoni. Il-korp ta’ ġbir għandu jinnotifika lill-entità f’każijiet meta l-informazzjoni tkun ġiet rifjutata u r-raġunijiet għal tali rifjut f’konformità mal-Artikolu 5(4).
3.  
L-ESMA tista’ twettaq kontrolli addizzjonali tal-kwalità, tal-integrità u tal-prova tal-oriġini tad-data. Abbażi tar-riżultati ta’ dawk il-kontrolli, l-ESMA tista’ tinnotifika lill-korpi ta’ ġbir bin-nuqqasijiet identifikati u tissospendi li tagħmel l-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP.

Artikolu 11

Kompiti tal-ESMA

1.  

L-ESMA għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u mal-EIOPA tagħmel dan li ġej:

(a) 

tiżgura li l-informazzjoni mogħtija mill-korpi ta’ ġbir, wara li tiġi sottomessa mill-entitajiet, tkun aċċessibbli mingħajr dewmien żejjed fuq l-ESAP;

(b) 

tipprovdi appoġġ ta’ servizz lill-korpi ta’ ġbir;

(c) 

tiżgura li l-ESAP ikun aċċessibbli għal mill-anqas 97 % tal-ħin fix-xahar, mingħajr ma jitqiesu każijiet ta’ manutenzjoni skedata, aġġornamenti tal-kontenut u aġġornamenti tal-paġni, f’liema każ għandu jingħata avviż ċar lill-utenti fejn jiġi indikat id-durata probabbli tal-interruzzjoni tas-servizzi pprovduti mill-ESAP;

(d) 

tikkonsulta, kif xieraq, mal-korpi ta’ ġbir sabiex tindirizza kwistjonijiet komuni u prinċipji ta’ kondotta komuni, u b’mod partikolari sabiex tiddiskuti:

(i) 

il-ġestjoni ta’ kuljum tal-ESAP;

(ii) 

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika dwar il-kwalità u, meta xieraq, ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz bejn l-ESMA u l-korpi ta’ ġbir;

(iii) 

il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-ESAP, inkluż is-sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jiġu imposti t-tariffi u l-kalkolu ta’ dawk it-tariffi;

(iv) 

theddid eżistenti u potenzjali b’rabta maċ-ċibersigurtà;

(v) 

l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-ESAP fir-rigward ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 5(8);

(e) 

timmonitorja l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-ESAP u tirrapporta kull sena lill-Kummissjoni dwarhom, kif speċifikat fl-Artikolu 12.

2.  
Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżgura, permezz tal-istabbiliment ta’ task force, grupp jew kumitat ad hoc, kif xieraq, li l-esperti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu kkonsultati biex jipprovdu pariri u appoġġ dwar l-implimentazzjoni teknika tal-ESAP. Barra minn hekk, l-ESMA tista’ tikkonsulta lill-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq imsemmi fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
3.  
Sakemm ma jkunx meħtieġ għall-fini tal-iffaċilitar tal-aċċess għall-informazzjoni mogħtija mill-korpi ta’ ġbir u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA ma għandhiex taħżen informazzjoni li tinkludi data personali għajr għall-ipproċessar awtomatiku, intermedju u tranżitorju. L-ESMA għandha tieħu miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex tiżgura li l-ipproċessar tad-data personali permezz tal-ESAP jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 u li l-informazzjoni li tinkludi data personali ma tinżammx jew issir disponibbli aktar milli previst fl-Artikolu 5(1), il-punt (g).
4.  
L-ESMA għandha tiżgura li l-ipproċessar tad-data personali jikkonforma mal-qafas legali għall-protezzjoni tad-data personali pproċessata mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.

Artikolu 12

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-ESAP

1.  
L-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u mal-EIOPA, għandha timmonitorja l-funzjonament tal-ESAP abbażi ta’ mill-anqas l-indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi stabbiliti fil-paragrafu 2, u għandha tippubblika u tissottometti rapport annwali dwar il-funzjonament tal-ESAP lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
2.  

L-indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi msemmija fil-paragrafu 1 huma dawn li ġejjin:

(a) 

in-numru ta’ viżitaturi, tfittxijiet u tniżżil;

(b) 

it-tipi ta’ informazzjoni li jkunu rawhom u tniżżlu skont il-perċentwal;

(c) 

it-tariffi msemmija fl-Artikolu 8(2) u l-ammonti imposti mill-ESMA;

(d) 

il-perċentwal ta’ tfittxijiet li jwasslu għal viżjoni jew għal tniżżil skont it-tip ta’ informazzjoni u aċċess;

(e) 

l-ammont u l-perċentwal ta’ informazzjoni li tinqara mill-magni aċċessibbli fuq l-ESAP u l-ammont u l-perċentwal ta’ viżjonijiet u tniżżil li jinqraw mill-magni;

(f) 

il-proporzjon ta’ notifiki skont il-validazzjonijiet awtomatizzati msemmija fl-Artikolu 10(2);

(g) 

kwalunkwe ħsara jew inċident sinifikanti b’effett fuq it-tħaddim jew il-prestazzjoni ġenerali tal-ESAP;

(h) 

valutazzjoni tal-aċċessibbiltà, tal-kwalità, tal-utilizzabbiltà, tal-affidabbiltà u tal-puntwalità tal-informazzjoni fuq l-ESAP;

(i) 

valutazzjoni ta’ jekk l-ESAP jissodisfax l-objettivi tiegħu, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tal-użu tiegħu u tal-flussi ta’ informazzjoni fl-Unjoni;

(j) 

valutazzjoni tas-sodisfazzjon tal-utent finali;

(k) 

tqabbil ma’ sistemi simili f’pajjiżi terzi.

3.  
Qabel ma tissottometti r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tikkonsulta lit-task force, il-grupp jew il-kumitat ad hoc li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-Regolament u tista’ tikkonsulta lill-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq imsemmi fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 13

Rieżami

1.  
Sal-10 ta’ Jannar 2029 il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA, u filwaqt li tqis ir-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 12, tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tal-ESAP.
2.  

Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi dan li ġej:

(a) 

l-isfidi tekniċi ffaċċjati mill-entitajiet u mill-korpi ta’ ġbir matul l-implimentazzjoni tal-ESAP;

(b) 

l-effettività tas-sistema ta’ ġbir u trażmissjoni ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-ESAP;

(c) 

ir-reżiljenza operazzjonali tal-ESAP kontra r-riskji tal-ICT u l-affidabbiltà tal-informazzjoni li ssir aċċessibbli fuq l-ESAP, inkluż permezz ta’ siġilli elettroniċi kwalifikati;

(d) 

il-kostijiet imġarrba mill-entitajiet u mill-korpi ta’ ġbir, inkluża valutazzjoni ta’ jekk il-korpi ta’ ġbir li huma awtoritajiet kompetenti żidux it-tariffi superviżorji tagħhom bħala riżultat tal-kostijiet imġarrba minħabba l-ESAP;

(e) 

il-kostijiet imġarrba mill-ESMA bħala l-operatur tal-ESAP u l-iskema ta’ finanzjament tal-ESAP;

(f) 

l-impatt tal-ESAP fuq l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni tal-entitajiet fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà;

(g) 

l-impatt tal-ESAP fuq il-viżibbiltà tal-entitajiet għall-investituri transfruntiera, inkluża l-viżibbiltà tal-SMEs;

(h) 

l-impatt tal-ESAP fuq il-pożizzjoni tas-suq tal-fornituri tad-data privati fl-Unjoni;

(i) 

l-interoperabbiltà tal-ESAP ma’ pjattaformi globali simili;

(j) 

l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-ESAP fir-rigward tad-delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 5(8).

3.  
Filwaqt li jitqiesu l-valur miżjud, l-isfidi tekniċi u l-kostijiet mistennija, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi analiżi tal-kostijiet-benefiċċji marbuta mal-inklużjoni futura fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ta’ informazzjoni rilevanti possibbli li tkun għadha mhijiex aċċessibbli fuq l-ESAP fiż-żmien meta jitfassal ir-rapport, u b’hekk tirriżulta f’diskrepanza fid-data.

Ir-rapport għandu jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet dwar l-iżvilupp futur tal-ESAP.

4.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 14 li jemenda l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu sabiex tipposponi l-inklużjoni fuq l-ESAP ta’ informazzjoni li għaliha s-sottomissjoni lill-ESAP għadha mhijiex meħtieġa jew permessa skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), b’massimu ta’ 36 xahar jekk il-Kummissjoni tikkonkludi fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li hemm evidenza ta’ diffikultajiet severi u pervażivi fir-rigward tal-elementi elenkati fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b) ta’ dan l-Artikolu.

L-atti leġiżlattivi tal-Unjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jinkludu dan li ġej:

— 
Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 (l-Artikolu 434b);
— 
Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 (l-Artikolu 13a);
— 
Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 (l-Artikolu 23a);
— 
Ir-Regolament (UE) 2015/760 (l-Artikolu 25a);
— 
Ir-Regolament (UE) 2015/2365 (l-Artikolu 32a);
— 
Ir-Regolament (UE) 2017/1131 (l-Artikolu 37a);
— 
Ir-Regolament (UE) 2019/2033 (l-Artikolu 46a);
— 
Ir-Regolament (UE) 2023/1114 (l-Artikolu 110a);
— 
Ir-Regolament (UE) 2023/2631 (l-Artikolu 15a);
— 
Id-Direttiva 2002/87/KE (l-Artikolu 30b);
— 
Id-Direttiva 2004/25/KE (l-Artikolu 16a);
— 
Id-Direttiva 2006/43/KE (l-Artikolu 20a);
— 
Id-Direttiva 2007/36/KE (l-Artikolu 14c);
— 
Id-Direttiva 2009/138/KE (l-Artikolu 304b);
— 
Id-Direttiva 2011/61/UE (l-Artikolu 69b);
— 
Id-Direttiva 2013/36/UE (l-Artikolu 116a);
— 
Id-Direttiva 2014/59/UE (l-Artikolu 128a);
— 
Id-Direttiva 2014/65/UE (l-Artikolu 87a);
— 
Id-Direttiva (UE) 2016/97 (l-Artikolu 40a);
— 
Id-Direttiva (UE) 2016/2341 (l-Artikolu 63a);
— 
Id-Direttiva (UE) 2019/2034 (l-Artikolu 44a);
— 
Id-Direttiva (UE) 2019/2162 (l-Artikolu 29a).

Artikolu 14

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 13(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 13(1).
3.  
Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 13(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

Lista ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament

PARTI A —   REGOLAMENTI

1. Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).

2. Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1).

3. Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).

4. Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).

5. Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

6. Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).

7. Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

8. Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

9. Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).

10. Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98).

11. Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).

12. Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttiva 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).

13. Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

14. Ir-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-fondi tas-suq monetarju (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 8).

15. Ir-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP) (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 1).

16. Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).

17. Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

18. Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40).

19. Ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2631, 30.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2631/oj).

PARTI B —   DIRETTIVI

1. Id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).

2. Id-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12).

3. Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

4. Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

5. Id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpanniji kkwotati (ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17).

6. Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

7. Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

8. Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

9. Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

10. Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

11. Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

12. Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

13. Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19).

14. Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).

15. Id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64).

16. Id-Direttiva (UE) 2019/2162 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti u li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2014/59/UE (ĠU L 328, 18.12.2019, p. 29).

▼M1

17. id-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2024 dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859 (ĠU L, 2024/1760, 5.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1760/oj).



( 1 ) Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

( 2 ) Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika Komunitarja, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

( 3 ) Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).