Eureka 52013SC0034 Sign in

52013SC0034

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument PAKKETT DWAR IS-SIGURTÀ TAL-PRODOTTI U S-SORVELJANZA TAS-SUQ Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sorveljanza tas-suq għall-prodotti /* SWD/2013/034 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

PAKKETT DWAR IS-SIGURTÀ TAL-PRODOTTI U S-SORVELJANZA TAS-SUQ

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sorveljanza tas-suq għall-prodotti

1.           Sommarju tad-deskrizzjoni tal-problema, is-sussidjarjetà u l-għanijiet

1.1.        Il-Kuntest tal-politika

Il-moviment liberu tal-prodotti siguri u konformi huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Dan il-prinċipju huwa pilastru ewlieni tas-suq uniku u permezz tiegħu l-konsumaturi u l-intrapriżi jkunu jistgħu jixtru jew ibigħu prodotti fi Stat Membru ieħor.

Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonċerna l-prodotti li mhumiex għall-ikel immanifatturati li huma soġġetti għal regoli ta' armonizzazzjoni tal-UE għal kategoriji speċifiċi ta' prodotti jew inkella għad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti ("id-Direttiva għas-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti"), applikabbli għal prodotti għall-konsumatur. Dan is-sett ta' regoli tal-UE stabbilixxa rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodott għal għadd kbir ta' prodotti, filwaqt li d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tat-Trattat u l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jirregolaw il-kategoriji ta' prodotti li jifdal.

Sorveljanza effettiva tas-suq għandha tippermetti li l-prodotti perikolużi, jew inkella dannużi jiġu identifikati u jinżammu jew jitneħħew mis-suq u tippermetti li jiġu ppenalizzati l-operaturi bla skruplu jew anke kriminali. Din għandha taġixxi wkoll bħala deterrent qawwi. F'suq uniku b'ċirkolazzjoni libera tal-prodotti, is-sorveljanza tas-suq jeħtieġ li tiġi kkoordinata ferm u li tkun kapaċi tirreaġixxi malajr fuq żona enormi.

Madankollu, is-sorveljanza tas-suq ma żammitx il-pass mal-iżviluppi fil-qafas regolatorju tal-Unjoni. Saru avvanzi matul l-aħħar għaxar snin bl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, li kellha tiġi trasposta sal-15 ta' Jannar 2004, u bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, fl-1 ta' Jannar 2010. Dawn l-istrumenti legali, flimkien ma' regoli dwar is-sorveljanza tas-suq għal ċerta leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni speċifika għas-settur, illum jipprovdu bażi legali tal-UE għas-sorveljanza tas-suq tal-prodotti għall-konsumatur kollha (kemm armonizzati u mhux armonizzati) u għall-prodotti armonizzati kollha (għall-konsumaturi u utenti professjonali). Madankollu, ir-regoli dwar is-sorveljanza tas-suq huma frammentati u mifruxa fuq biċċiet differenti ta' leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ir-Regolament Nru 765/2008, id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u l-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni speċifika għas-settur) u dawn joħolqu konfużjoni kemm għall-operaturi kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali.

L-arkitettura ġenerali tar-regoli tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti u l-konformità

Prodotti || Għall-konsumatur || Professjonali

Armonizzati || Direttivi u Regolamenti speċifiċi għas-settur u d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti || Direttivi u Regolamenti speċifiċi għas-settur

Mhux armonizzati || Id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti || Ir-regoli nazzjonali dwar is-sigurtà tal-prodotti fir-Regolament dwar ir-"Rikonoxximent Reċiproku" L-Artikoli 34-36 tat-TFUE

Din l-inizjattiva hija waħda mill-azzjonijiet importanti tal-Aġenda Ewropea tal-Konsumatur[1] u l-Att dwar is-Suq Uniku II[2], it-tnejn li huma adottati mill-Kummissjoni fl-2012.

1.2.        Definizzjoni tal-problema - Prodotti mhux siguri u mhux konformi fis-suq uniku

Is-suq intern għall-prodotti huwa enormi. Fl-2010, il-kummerċ intra-UE ta' prodotti għall-konsumatur armonizzati u mhux armonizzati kien jilħaq kważi EUR 1 triljun. Huwa stmat li l-valur tas-setturi armonizzati (inklużi l-oġġetti għall-konsumatur u professjonali) fl-UE-27 mhuwiex inqas minn EUR 2 100 biljun.

Is-suq intern fl-UE għandu jkun post fejn prodotti siguri jiċċirkolaw liberament. L-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju tal-moviment liberu fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti teħtieġ li l-istima ta' jekk prodott huwiex sigur jew le – u għalhekk, jekk għandux jibqa' fis-suq jew le – issir bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Il-moviment liberu ta' prodotti sikuri għandu jiġi promoss u l-prodotti mhux siguri għandhom jiġu mmonitorjati b'mod effettiv u jitneħħew mis-suq uniku tal-UE.

1.2.1.     Problema 1: Diffikultajiet dwar konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-UE

L-operaturi ekonomiċi ta' spiss isibuha diffiċli jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-UE peress li, b'mod ġenerali, ir-rekwiżiti fiż-żona tal-hekk imsejħa prodotti mhux armonizzati mhumiex konsistenti ma' dawk fiż-żona armonizzata. Barra minn hekk, fiż-żona mhux armonizzata, ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-UE ħafna drabi huma ambigwi u ma għandhomx riferimenti dettaljati għall-evalwazzjoni tas-sigurtà, filwaqt li, fiż-żona armonizzata, is-sigurtà tal-prodotti għandha saffi differenti u jirfsu lil xulxin u allura tixxekkel iċ-ċertezza legali.

Il-prodotti mhux siguri u mhux konformi ma joħolqux biss riskji għall-konsumaturi u utenti oħra, iżda jħallu wkoll konsegwenzi ekonomiċi importanti: dawn iwasslu għal kompetizzjoni inġusta. L-operaturi li ma jsegwux ir-regoli jistgħu jiffrankaw ammonti sinifikanti mill-ispejjeż tal-konformità. Għalhekk dawn ikunu jistgħu joffru l-prodotti tagħhom bi prezzijiet orħos minn dawk tal-kompetituri tagħhom li jobdu l-liġi. Fis-setturi fejn il-prodotti importati bi prezz baxx joħolqu kompetizzjoni iebsa, l-industrija Ewropea tinsab fi żvantaġġ. Għaldaqstant is-sitwazzjoni "tikkastiga" lill-manifattur li jobdi l-liġi peress li l-konformità ssir "żvantaġġ kompetittiv".

Mal-intensifikazzjoni tal-globalizzazzjoni tal-kummerċ, il-problema ta' ħażniet ta' prodotti mhux siguri u mhux konformi tikkonċerna dejjem aktar (iżda mhux esklussivament) lil dawk l-oġġetti importati minn pajjiżi terzi.

1.2.2.     Problema 2: Is-sorveljanza tas-suq għall-prodotti fis-suq uniku hija frammentata

Minkejja l-armonizzazzjoni mifruxa ta' standards tas-sigurtà u rekwiżiti oħra għall-prodotti (eż. ambjentali) fl-Unjoni, u l-fatt li bosta prodotti jiġu regolarment ikkummerċjalizzati f'aktar minn Stat Membru wieħed, is-suq uniku huwa rregolat b'27 sistema tal-infurzar separati.

Raġuni prinċipali għall-għadd konsiderevoli ta' prodotti mhux konformi fis-suq hija li s-sorveljanza tas-suq ma taħdimx b'mod effettiv fl-Unjoni Ewropea. Il-kawżi prinċipali ta' sorveljanza ineffettiva u ineffiċjenti tas-suq uniku tal-UE huma: koodinazzjoni dgħajfa tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta' Stati Membri differenti, il-funzjonament batut tal-proċeduri tal-UE għall-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-riskji tal-prodotti, u infurzar inkonsistenti tal-azzjoni mifruxa mal-UE dwar is-sigurtà tal-prodotti.

Meta jkun hemm bżonn li tittieħed azzjoni lil hinn mill-fruntieri tagħhom, l-awtoritajiet iridu jiddependu fuq kollegi fi Stati Membri oħra. Madankollu, b'kuntrast ma' oqsma oħra, pereżempju r-Regolament dwar il-Kooperazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur jew id-Direttiva dwar is-Servizzi, fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ma jibbenefikawx minn proċeduri għall-infurzar transfruntieri effettiv. Għalhekk, qed jinħlew riżorsi sinifikanti u qed jintilfu sinerġiji importanti.

1.3.        Id-dritt tal-UE li taġixxi

Is-suq uniku għall-prodotti huwa kisba ewlenija tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, it-tneħħija tal-ostakli nazzjonali għall-prodotti għall-konsumatur u prodotti oħrajn għadha toffri ħafna opportunitajiet għall-kummerċjanti inqas skruplużi li ma japplikawx ir-regoli dwar is-sigurtà tal-konsumatur jew li jridux jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti. Għalhekk l-UE għandha d-dritt li taġixxi abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku għall-prodotti għall-konsumatur u biex tiżdied l-effiċjenza transfruntiera tas-sorveljanza tas-suq. L-Artikolu 168(1) u l-Artikolu 169(1) tat-TFUE jikkomplementaw dan it-dritt li taġixxi. L-ewwel wieħed jistipula li livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa umana għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni; l-ieħor jipprevedi li, sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex tassigura livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur, l-Unjoni għandha, fost l-oħrajn, tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.

Minkejja li jeżisti s-suq uniku tal-UE, l-infurzar tas-sigurtà tal-prodotti hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjonijiet kontra prodotti li joħolqu riskji jsiru mill-Istati Membri. Madankollu, il-mod li bih issir u hija organizzata s-sorveljanza tas-suq tvarja konsiderevolment minn Stat Membru għal ieħor.

Differenzi fl-organizzazzjoni tas-sorveljanza tas-suq fil-livell nazzjonali jikkawżaw problemi meta wieħed jaraha f'qafas fejn il-kontrolli mal-fruntieri nazzjonali prattikament sparixxew. Biex jiżguraw li fis-suq jiċċirkolaw biss prodotti siguri u konformi, kull Stat Membru jiddependi fuq is-sorveljanza tas-suq tal-ġirien tiegħu. Għaldaqstant, in-nuqqasijiet fl-organizzazzjoni tas-sorveljanza tas-suq fi Stat Membru wieħed jistgħu jimminaw serjament l-isforzi li jagħmlu Stati Membri oħra. Dan jiġġustifika azzjoni tal-UE biex tindirizza din il-kwistjoni.

1.4.        Għanijiet

1.4.1.     L-għanijiet ġenerali tal-politika

L-għan ġenerali ta' din l-inizjattiva huwa li ttejjeb it-tħaddim tas-suq intern u tikseb livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi u utenti oħra tal-prodotti billi tnaqqas in-numru ta' prodotti mhux siguri jew mhux konformi fis-suq.

1.4.2.     L-għanijiet speċifiċi tal-politika

· Jiġu kkonsolidati u jissaħħu r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-UE;

· Issir koordinazzjoni aħjar u tiżdied l-effikaċja tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq fis-suq uniku tal-UE għall-oġġetti;

· Jiġi ssimplifikat il-qafas leġiżlattiv tal-UE.

1.4.3.     L-għanijiet operattivi tal-politika

· Tkun żgurata l-konsistenza fir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-UE;

· Tonqos l-ambigwità tar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti għal prodotti għall-konsumatur mhux armonizzati;

· Jissaħħu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni tal-UE;

· Il-proċeduri dwar is-sigurtà tal-prodotti tal-UE jsiru aktar koerenti;

· Azzjoni aktar effettiva mifruxa mal-UE dwar is-sigurtà tal-prodotti.

2.           Għażliet politiċi

L-għażliet politiċi ppreżentati kienu stabbiliti mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-gruppi kollha tal-partijiet interessati. Madankollu, ċerti għażliet politiċi twarrbu fi stadju bikri, inkluż li jiġu rregolati s-sigurtà tas-servizzi, li jiġu adottati rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti għal prodotti professjonali mhux armonizzati[3], li jiġu adottati regoli speċifiċi dwar prodotti kkummerċjalizzati fuq l-internet u li jitneħħa r-rekwiżit ġenerali li l-prodotti kollha għall-konsumatur iridu jkunu siguri.

2.1.        L-għan speċifiku tal-politika 1: Jiġu kkonsolidati u jissaħħu r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-UE

2.1.1.     L-għan operattiv tal-politika: Tkun żgurata l-konsistenza fir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-UE

L-għażla 1.A – Xenarju bażi: jinżammu d-differenzi bejn ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti armonizzati

L-għażla 1.B – Jiġu allinjati r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti armonizzati

L-għażla 1.Ċ – Ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur jiġu ddefiniti b'mod anqas strett mir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti armonizzati

L-għażla 1.D – Ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur jiġu ddefiniti b'mod aktar strett mir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti armonizzati

2.1.2.     L-għan operattiv tal-politika: Tonqos l-ambigwità tar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti għal prodotti għall-konsumatur mhux armonizzati

L-għażla 2.A – Xenarju bażi: l-eżistenza ta' proċeduri ta' qabel l-istandardizzazzjoni għal prodotti mhux armonizzati għall-konsumatur li ma jkunux allinjati mar-reġim il-ġdid ta' standardizzazzjoni Ewropea

L-għażla 2.B – Applikabbiltà diretta tar-rekwiżiti tas-sigurtà ad hoc

L-għażla 2.C – It-tneħħija tal-adozzjoni formali tar-rekwiżiti tas-sigurtà ad-hoc mhux vinkolanti (allinjament mar-reġim il-ġdid ta' standardizzazzjoni Ewropea)

L-għażla 2.D – Proċedura mħaffa biex jiġu adottati standards Ewropej diġà eżistenti mingħajr mandati

2.2.        L-għan speċifiku tal-politika 2: Issir koordinazzjoni aħjar u tiżdied l-effikaċja tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq fis-suq uniku tal-UE għall-oġġetti

2.2.1.     L-għan operattiv tal-politika: Jissaħħu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni tal-UE

L-għażla 3.A – Xenarju bażi: jinżamm status quo bbażat l-aktar fuq koordinazzjoni volontarja tas-sorveljanza tas-suq

L-għażla 3.B – Il-koordinazzjoni ta' infurzar transfruntieri tal-miżuri li jirriżultaw minn sorveljanza tas-suq "fuq il-post"

L-għażla 3.C – Razzjonalizzazzjoni globali tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq

L-għażla 3.D – Ċentralizzazzjoni tas-sorveljanza tas-suq tal-UE fil-qasam tal-prodotti li mhumiex għall-ikel (l-Aġenzija tal-UE għas-Sorveljanza tas-Suq)

2.2.2.     L-għan operattiv tal-politika: Il-proċeduri dwar is-sigurtà tal-prodotti tal-UE jsiru aktar koerenti

L-għażla 4.A – Xenarju bażi: Jinżammu n-notifiki paralleli bil-proċedura tar-RAPEX u l-proċedura tas-salvagwardja

L-għażla 4.B – Tiġi ssimplifikata l-proċedura tar-RAPEX

L-għażla 4.C – Tiġi ssimplifikata l-proċedura tar-RAPEX, u din il-proċedura tiġi razzjonalizzata mal-proċedura tas-salvagwardja

2.2.3.     L-għan operattiv tal-politika: Azzjoni aktar effettiva mifruxa mal-UE dwar is-sigurtà tal-prodotti

L-għażla 5.A – Xenarju bażi: jinżammu l-miżuri tas-sigurtà tal-prodotti fl-UE kollha indirettament applikabbli għal perjodu ta' sena waħda biss

L-għażla 5.B – Estensjoni tal-ambitu tal-miżuri tas-sigurtà tal-prodotti fl-UE kollha għall-prodotti mhux armonizzati tal-konsumatur

L-għażla 5.C – Il-miżuri tas-sigurtà tal-prodotti jsiru applikabbli direttament fl-UE kollha.

L-għażla 5.D – It-tneħħija tal-validità limitata tal-miżuri tas-sigurtà tal-prodotti fl-UE kollha

L-għażla 5.E – Taħlita tal-għażliet 5.B, 5.C u 5.D

2.3.        L-għan speċifiku tal-politika 3: Jiġi ssimplifikat il-qafas leġiżlattiv tal-UE

Iż-żewġ għanijiet speċifiċi l-oħra tal-politika huma kkumplimentati mill-għan li jiġi ssimplifikat il-qafas leġiżlattiv dwar is-sigurtà tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq. Is-simplifikazzjoni ssir billi (1) jingħaqdu r-regoli dwar is-sorveljanza tas-suq minn biċċiet differenti ta' leġiżlazzjoni f'regolament orizzontali waħdieni dwar is-sorveljanza tas-suq, (2) id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti riveduta ssir Regolament u (3) titneħħa d-Direttiva 87/357/KEE, u l-kunċett tagħha, li prodotti li jixbhu l-prodotti tal-ikel ma jridux jipperikolaw is-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, jitpoġġa fir-Regolament il-ġdid dwar is-Sigurtà tal-Prodotti għall-Konsumatur li jissostitwixxi d-Direttiva dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti.

3.           Analiżi tal-impatti u paragun tal-għażliet politiċi previsti

Minħabba n-nuqqas ta' statistika affidabbli jew saħansitra stimi dwar l-għadd ta' prodotti għall-konsumatur mhux siguri u mhux armonizzati, u l-għadd ta' prodotti armonizzati mhux konformi, l-istima tal-għażliet hija ġeneralment kwalitattiva.

3.1.        L-għan speċifiku tal-politika 1: Jiġu kkonsolidati u jissaħħu r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-UE

3.1.1.     L-għan operattiv tal-politika: Tkun żgurata l-konsistenza fir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-UE

Sabiex il-konsumaturi u l-utenti l-oħra jingħataw l-istess livell għoli ta' protezzjoni kontra prodotti mhux siguri fl-UE kollha, kif ukoll sabiex jiġu evitati l-ostakoli fis-suq intern tal-UE, ir-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti tal-UE jridu jkunu ċari u kompatibbli fost setturi differenti tal-prodotti.

Paragun tal-għażliet kontra x-xenarju bażi

Għażliet Kwistjonijiet || L-għażla 1.B || L-għażla 1.C || L-għażla I.D

Is-sigurtà tal-konsumaturi || ++ || - || ++

Iċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali || ++ || + || -

L-effikaċja u l-effiċjenza tas-sorveljanza tas-suq || ++ || -- || +

Paragun tal-bidla fl-ispejjeż għall-operaturi ekonomiċi kontra x-xenarju bażi

Għażliet Tip ta' kost || L-għażla 1.B || L-għażla 1.C || L-għażla I.D

L-ispejjeż tar-riċerka tal-informazzjoni/spejjeż legali || Tnaqqis || Tnaqqis żgħir || 0

L-ispejjeż tal-produzzjoni || 0* || 0 || Żieda

*żieda żgħira ħlief għal grupp żgħir ħafna ta' produtturi

L-għażla ppreferuta: L-għażla 1.B – Jiġu allinjati r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti armonizzati

3.1.2.     L-għan operattiv tal-politika: Tonqos l-ambigwità tar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti għal prodotti għall-konsumatur mhux armonizzati

L-għażliet politiċi mmirati biex tonqos l-ambigwità tar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti għal prodotti għall-konsumatur mhux armonizzati huma vvalutati skont kemm ikun faċli għalihom li jwasslu għall-iżvilupp ta' standards Ewropej skont regoli dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, il-koerenza tal-proċeduri mar-reġim ġenerali skont ir-Regolament ta' Standardizzazzjoni l-ġdid (UE) Nru 1025/2012 u l-ispejjeż għall-amministrazzjoni pubblika.

F'termini ta' rapidità u piż amministrattiv imnaqqas, l-għażliet 2.C u 2.D. jistgħu jitqiesu superjuri għall-għażla 2.B: Bejn l-għażliet 2.C u 2.d, il-kriterju ta' koerenza tal-proċeduri biex jintolbu l-istandards jiffavorixxi l-għażla 2.C flok l-għażla 2.D.

Paragun tal-għażliet kontra l-kriterji definiti minn qabel

Għażliet Kriterji || L-għażla 2.B || L-għażla 2.C || L-għażla 2.D

Ir-rapidità || - || + || ++

Il-koerenza || - || + || -

L-ispejjeż għall-awtoritajiet (inklużi l-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE) || Mhux mibdul || Tnaqqis || Tnaqqis

L-għażla ppreferuta: L-għażla 2.C – It-tneħħija tal-adozzjoni formali tar-rekwiżiti tas-sigurtà ad-hoc mhux vinkolanti (allinjament mar-reġim il-ġdid ta' standardizzazzjoni Ewropea)

3.2.        L-għan speċifiku tal-politika 2: Issir koordinazzjoni aħjar u tiżdied l-effikaċja tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq fis-suq uniku tal-UE għall-oġġetti

3.2.1.     L-għan operattiv tal-politika: Jissaħħu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni tal-UE

L-impatt tal-għażliet politiċi differenti huwa stmat u mqabbel skont il-kriterji tal-effikaċja u l-effiċjenza tas-sorveljanza tas-suq skont ir-riżorsi disponibbli u l-għan li tiġi żgurata sorveljanza tas-suq mingħajr intoppi fis-suq uniku tal-UE.

B'kuntrast mal-għażliet 3.B u 3.C, li għandhom l-għan li jagħmlu aktar bl-istess ammont ta' riżorsi, l-għażla 3.D x'aktarx twassal għal benefiċċji ogħla tas-suq uniku tal-UE u għas-sigurtà tal-konsumatur iżda din tkun teħtieġ investiment sostanzjali biex jinbena qafas ċentralizzat tal-UE għas-sorveljanza tas-suq fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti li mhumiex għall-ikel. Madankollu, anke skont l-għażla 3.D, ċerti attivitajiet biss (bħal spezzjonijiet tas-sistema, reviżjonijiet bejn il-pari tal-kwalità tal-funzjonament tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri, il-monitoraġġ tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar u l-punti ta' kuntatt nazzjonali tar-RAPEX), jistgħu jiġu mċaqilqa lejn il-livell ċentrali tal-UE. B'kuntrast, l-azzjonijiet prinċipali tas-sorveljanza tas-suq, bħal spezzjoni fuq il-post lill-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri, l-ittestjar tal-prodotti, il-valutazzjoni tar-riskju u il-ġestjoni tar-riskju, se jkollhom jibqgħu fil-livell nazzjonali.

Għalhekk l-għażla 3.C jidher li hi l-aktar xierqa biex jintlaħaq l-għan li jinkiseb qafas koerenti u uniformi għas-sorveljanza diċentralizzata tas-suq fias-suq uniku tal-UE. F'termini ta' benefiċċji, din hi superjuri għall-għażla 3.B, għalkemm hija potenzjalment inferjuri għall-għażla 3.D; F'termini ta' spejjeż din hi l-istess bħall-għażla 3.B, iżda superjuri għall-għażla 3.D.

Paragun tal-għażliet kontra x-xenarju bażi

Għażliet Kwistjonijiet || L-għażla 3.B || L-għażla 3.C || L-għażla 3.D

Is-sigurtà tal-konsumaturi/utenti || + || ++ || ++

Il-kompetittività tal-operaturi ekonomiċi konformi || + || ++ || ++

L-effikaċja tas-sorveljanza tas-suq || + || ++ || +++

L-effiċjenza tas-sorveljanza tas-suq || + || ++ || +

Il-potenzjal ta' armonizzazzjoni tal-approċċi ta' infurzar fis-Suq Intern || + || ++ || +++

Paragun tal-bidla fl-ispejjeż għall-awtoritajiet pubbliċi kontra x-xenarju bażi

Għażliet Tip ta' spiża || L-għażla 3.B || L-għażla 3.C || L-għażla 3.D

L-ispejjeż għall-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq || Żieda żgħira || Żieda żgħira || Żieda

L-ispejjeż għall-UE || Żieda żgħira || Żieda żgħira || Żieda għolja

L-għażla ppreferuta: L-għażla 3.C – Razzjonalizzazzjoni tal-koordinazzjoni globali tas-sorveljanza deċentralizzata tas-suq fis-suq uniku tal-UE.

3.2.2.     L-għan operattiv tal-politika: Il-proċeduri dwar is-sigurtà tal-prodotti tal-UE jsiru aktar koerenti

L-għażliet huma vvalutati u mqabbla skont il-kriterji tal-effikaċja fl-ittraċċar prodotti perikolużi u tal-effiċjenza fil-ġestjoni tal-proċeduri ta' notifika tal-UE għall-Istati Membri u l-Kummissjoni.

L-għażla 4.A ma teliminax jew ittaffi xi nuqqasijiet fil-proċeduri ta' notifika eżistenti tal-UE u għalhekk mhix xierqa biex jintlaħaq l-għan mixtieq. L-għażliet 4.B u 4.C, it-tnejn li huma joffru mezzi effettivi biex jiġu ttraċċati prodotti perikolużi fis-suq Ewropew għax biż-żewġ għażliet il-kundizzjonijiet tan-notifika tar-RAPEX għandhom jiġu ssimplifikati u jista' jintlaħaq l-għan li jitħaddmu aħjar il-proċeduri ta' twissija għal prodotti perikolużi li mhumiex għall-ikel. L-għażla 4.C jidher li hi superjuri għall-għażla 4.B għaliex jista' jkollha l-vantaġġ addizzjonali li tirrazzjonalizza diversi proċeduri, u b'hekk trendi l-applikazzjoni tagħhom aktar faċli.

Paragun tal-bidla kontra x-xenarju bażi fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi

Għażliet Kriterji || L-għażla 4.B || L-għażla 4.C

L-effikaċja biex jinstabu prodotti mhux siguri || Żieda || Żieda

L-ispejjeż għall-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq || Tnaqqis żgħir || Tnaqqis

L-ispejjeż għall-UE || 0 || Tnaqqis

L-għażla ppreferuta: L-għażla 4.C – Tiġi ssimplifikata l-proċedura tar-RAPEX, u din il-proċedura tiġi razzjonalizzata mal-proċedura tas-salvagwardja

3.2.3.     L-għan operattiv tal-politika: Azzjoni aktar effettiva mifruxa mal-UE dwar is-sigurtà tal-prodotti

Biex jintlaħaq l-għan li tittieħed azzjoni aktar effettiva fil-livell ta' UE kontra prodotti li joħolqu riskju, speċjalment f'sitwazzjonijiet fejn azzjoni individwali mill-Istati Membri ma jirnexxilhiex tagħti rispons koerenti, il-miżuri tal-UE dwar is-sigurtà tal-prodotti għandhom isiru fil-ħin, ikunu prevedibbli u implimentati b'mod effettiv min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq.

Li l-miżuri tas-sigurtà tal-prodotti tal-UE jsiru direttament applikabbli - flimkien mal-possibilità li jiġu adottati dawn il-miżuri għal perjodu speċifikat fuq bażi ta' każ b'każ jew mingħajr limitazzjoni tal-validità tagħhom - hu l-aqwa mod biex jinkiseb rispons f'waqtu għal kwistjonijiet ta' sigurtà li jkun effettiv kif ukoll prevedibbli. Il-miżuri tal-UE dwar is-sigurtà tal-prodotti jistgħu jsiru direttament applikabbli sabiex l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikunu jistgħu jieħdu miżuri ta' infurzar mingħajr dewmien jew inċertezzi żejda relatati mat-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali minn kull Stat Membru individwali.

Paragun tal-għażliet 5.B, 5.C u 5.D kontra l-kriterji definiti minn qabel

Għażliet Kriterji || L-għażla 5.B || L-għażla 5.C || L-għażla 5.D || L-għażla 5.E

Ir-rapidità || 0 || + || + || ++

Il-prevedibbiltà || 0 || 0 || + || ++

Applikazzjoni effettiva || + || ++ || 0 || +++

L-għażla ppreferuta: L-għażla 5.E – Taħlita tal-għażliet 5.B, 5.C u 5.D

4.           Forma tal-istrumenti leġiżlattivi

Huwa ssuġġerit li l-alternattivi magħżula jkunu riflessi f'żewġ strumenti legali differenti:

Il-problema 1 tissolva bl-adozzjoni ta' Regolament dwar is-Sigurtà tal-Prodotti għall-Konsumatur li jieħu post id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, li jżomm ir-rekwiżit ġenerali li l-prodotti kollha għall-konsumatur iridu jkunu siguri u, fir-rigward tal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, u jiġi allinjat mad-dispożizzjonijiet rispettivi tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni (Nru) 768/2008/KE[4]. Il-problema 2 tkun indirizzata b'Regolament ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq ta' prodotti, li jkun l-istrument ewlieni għas-sorveljanza tas-suq fil-qasam ta' oġġetti li mhumiex għall-ikel. Id-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tas-suq fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suq intern, li bħalissa huma mifruxin f'bosta biċċiet ta' leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għas-settur, ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, jinbidlu bid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ġdid.

Regolament, li jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, jikseb grad għoli ħafna ta' armonizzazzjoni tar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u s-sorveljanza tas-suq. Ir-Regolament dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur, jimponi obbligi fuq l-operaturi ekonomiċi li jkunu direttament infurzabbli (u b'hekk jinħoloq ambjent ekwu) u jawtorizza lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jaġixxu minnufih fil-każ ta' prodotti għall-konsumatur li jkunu perikolużi jew meta jkun hemm nuqqas ta' konformità, mingħajr il-ħtieġa ta' traspożizzjoni ta' dawn ir-regoli f'liġijiet nazzjonali differenti.

5.           Monitoraġġ u evalwazzjoni

Minbarra l-valutazzjoni tal-istrumenti leġiżlattivi ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti tal-UE se jsir billi tinġabar informazzjoni rilevanti: (i) mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru relatat mas-sigurtà tal-konsumatur, (ii) mis-sistema tal-informazzjoni GRAS-RAPEX, (iii) mis-sistema ġenerali ta' appoġġ informattiv (ICSMS) u (iv) mill-attività ta' monitoraġġ tal-Indikaturi tal-Infurzar li tistħarreġ ċerti parametri tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri.

L-istħarriġiet tal-Ewrobarometru jista' jkejjel kif il-konsumaturi u l-operaturi ekonomiċi jipperċepixxu s-sigurtà tal-prodotti fis-suq. Din il-perċezzjoni hija rilevanti biex jiġi stmat jekk l-inizjattiva kkontribwixxiet għal livell ogħla ta' sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u anke jekk żdiditx il-fiduċja tal-konsumatur fis-suq u l-qafas regolatorju.

Il-kontribuzzjoni tal-leġiżlazzjoni futura biex jonqsu l-ispejjeż tal-konformità għall-operaturi ekonomiċi u biex ikun hemm il-benefiċċju ta' qligħ minħabba kompetizzjoni aktar ġusta u jitneħħew atturi tas-suq li ma jkunux konformi, tista' tiġi evalwata bi studji ad hoc li jsiru, b'mod partikolari, mill-industrija.

Fl-aħħar nett, koordinazzjoni u effikaċja mtejba tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq fis-suq uniku jistgħu jintwerew bl-attività ta' monitoraġ tal-Indikaturi tal-Infurzar u bid-dejta notifikata u skambjata permezz tas-sistemi tal-IT li se jiġu żviluppati aktar bil-leġiżlazzjoni l-ġdida.

[1]               COM(2012) 225 finali.

[2]               COM(2012) 573 finali.

[3]               Prodotti professjonali tfisser dawk il-prodotti li huma użati biss minn professjonisti u mhux minn konsumaturi, bħal magni industrijali, materjali mhux maħduma jew prodotti nofshom lesti.

[4]               L-Artikoli R1 – R7.