Eureka 52022PC0495 Sign in

Brussell, 28.9.2022

COM(2022) 495 final

2022/0302(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2022) 343 final} - {SWD(2022) 315 final} - {SWD(2022) 316 final} - {SWD(2022) 317 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1. Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni jakkumpanja l-proposta għal direttiva dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi li tħassar id-Direttiva 85/374/KEE 1 (id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti jew PLD).

L-objettiv tal-PLD huwa li tipprovdi sistema fil-livell tal-UE biex tikkumpensa lin-nies li jsofru ħsara fuq il-persuna jew ħsara lill-proprjetà minħabba prodotti difettużi. Mill-adozzjoni tal-PLD fl-1985, kien hemm bidliet sinifikanti fil-mod kif il-prodotti jiġu manifatturati, distribwiti u operati, inkluża l-modernizzazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq. It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jinsabu għaddejjin u jġibu magħhom benefiċċji enormi għas-soċjetà u għall-ekonomija tal-Ewropa, kemm billi jestendu l-ħajja tal-materjali u tal-prodotti, eż. permezz tal-manifattura mill-ġdid, kif ukoll billi jżidu l-produttività u l-konvenjenza bis-saħħa tal-prodotti intelliġenti u l-intelliġenza artifiċjali.

L-evalwazzjoni tal-PLD 2 fl-2018, imwettqa bħala parti mill-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni, ikkonkludiet li l-PLD, b’mod ġenerali, kienet strument effettiv u rilevanti. Madankollu, id-Direttiva kellha wkoll diversi nuqqasijiet:

·legalment ma kienx ċar kif għandhom jiġu applikati d-definizzjonijiet u l-kunċetti tal-PLD, li jmorru lura għal għexieren ta’ snin, għall-prodotti fl-ekonomija diġitali moderna u l-ekonomija moderna (eż. software u prodotti li jeħtieġu software jew servizzi diġitali biex jiffunzjonaw, bħall-apparat intelliġenti u l-vetturi awtonomi);

·l-oneru tal-prova (jiġifieri l-ħtieġa, sabiex jinkiseb kumpens, li jiġi pprovat li l-prodott kien difettuż u li dan ikkawża d-dannu mġarrab) kien ta’ sfida għall-persuni offiżi f’każijiet kumplessi (eż. dawk li jinvolvu farmaċewtiċi, prodotti intelliġenti jew prodotti bbażati fuq l-IA);

·ir-regoli llimitaw b’mod eċċessiv il-possibbiltà li jsiru talbiet għal kumpens (eż. ħsara lill-proprjetà li tiswa inqas minn EUR 500 sempliċiment ma tistax tiġi rkuprata skont il-PLD).

In-nuqqasijiet tad-Direttiva fil-qasam tat-teknoloġiji diġitali emerġenti ġew analizzati aktar fil-White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) 3 , fir-rapport ta’ akkumpanjament dwar ir-responsabbiltà għall-IA, l-Internet tal-Oġġetti u r-robotika 4 u fir-rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar ir-Responsabbiltà u t-Teknoloġiji l-Ġodda 5 . Il-Parlament Ewropew enfasizza wkoll il-ħtieġa għal regoli dwar ir-responsabbiltà li huma adattati għad-dinja diġitali, sabiex jiġu żgurati livell għoli ta’ protezzjoni effettiva tal-konsumatur u kundizzjonijiet ekwivalenti b’ċertezza legali għan-negozji kollha, filwaqt li jiġu evitati kostijiet u riskji għoljin għan-negozji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u għan-negozji ġodda 6 .

Ir-reviżjoni tal-PLD tfittex li tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, il-moviment liberu tal-oġġetti, il-kompetizzjoni mhux distorta bejn l-operaturi tas-suq, u livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-proprjetà tal-konsumaturi. B’mod partikolari, din il-proposta għandha l-għan li:

·tiżgura li r-regoli dwar ir-responsabbiltà jkunu jirriflettu n-natura u r-riskji tal-prodotti fl-era diġitali u fl-ekonomija ċirkolari;

·tiżgura li dejjem ikun hemm negozju bbażat fl-UE li jista’ jinżamm responsabbli għall-prodotti difettużi mixtrija direttament mingħand manifatturi barra l-UE, fid-dawl tax-xejra li qed tiżdied għall-konsumaturi li jixtru prodotti direttament minn pajjiżi mhux tal-UE mingħajr ma jkun hemm manifattur jew importatur ibbażat fl-UE;

·tiffaċilita l-oneru tal-provi f’każijiet kumplessi u tiffaċilita r-restrizzjonijiet fuq il-pretensjonijiet, filwaqt li tiżgura bilanċ ġust bejn l-interessi leġittimi tal-manifatturi, tal-persuni offiżi u tal-konsumaturi b’mod ġenerali; u

·tiżgura ċ-ċertezza legali billi tallinja aħjar il-PLD mal-qafas leġiżlattiv il-ġdid maħluq mid-Deċiżjoni 768/2008/KE 7 u mar-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti, u billi tikkodifika l-ġurisprudenza relatata mal-PLD.

1.2. Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

F’kull Stat Membru jeżistu reġimi ta’ responsabbiltà nazzjonali li jippermettu talbiet għal kumpens f’aktar sitwazzjonijiet milli skont il-PLD: il-pretensjonijiet jistgħu jsiru kontra firxa usa’ ta’ persuni responsabbli għal firxa usa’ ta’ danni. Dawn il-pretensjonijiet ikopru kemm is-servizzi kif ukoll il-prodotti, u spiss jippermettu aktar żmien biex issir pretensjoni. Madankollu, il-persuni offiżi għandhom jagħtu prova tal-ħtija tal-awtur ta’ dannu 8 , li mhijiex meħtieġa skont il-PLD. Il-PLD, bħala reġim ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija (stretta), ma taffettwax dawn id-drittijiet, għalhekk, il-PLD hija konsistenti mar-reġimi nazzjonali usa’. Barra minn hekk, jeżistu diversi strumenti komplementari dwar ir-responsabbiltà fil-livell tal-UE u dawn huma deskritti hawn taħt.

·L-Att dwar il-Bejgħ ta’ Oġġetti 9 u d-Direttiva dwar il-Kontenut u s-Servizzi Diġitali 10 jagħtu lill-konsumaturi d-dritt li jirrimedjaw, jiġifieri permezz ta’ sostituzzjoni, tiswija jew rimborż, meta l-oġġetti, inkluż kontenut diġitali jew servizz diġitali, ma jkunux konformi mal-kuntratt jew ma jaħdmux kif suppost. Dawk il-liġijiet jikkonċernaw ir-responsabbiltà kuntrattwali, filwaqt li l-PLD hija dwar ir-responsabbiltà extra kuntrattwali tal-produtturi għal korrimenti/ħsara kkawżati minn nuqqas ta’ sikurezza.

·Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) 11 jikkonċerna r-responsabbiltà tal-proċessuri u tal-kontrolluri tad-data għal dannu materjali jew mhux materjali kkawżat mill-ipproċessar tad-data li jikser il-GDPR, filwaqt li l-proposta tal-PLD tipprovdi kumpens biss għal telf materjali li jirriżulta minn mewt, dannu personali, ħsara lill-proprjetà u telf jew korruzzjoni tad-data.

·Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali 12 tistabbilixxi qafas għall-prevenzjoni u r-rimedju tad-danni ambjentali. Hija tittratta ħsara ekoloġika, bħal ħsara lill-ispeċijiet protetti u lill-ħabitats naturali, kif distinti mill-ħsara lill-proprjetà privata, li hija koperta mill-PLD.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti għandha l-għan li tiżgura li prodotti sikuri biss jiġu introdotti fis-suq intern. Jekk ikunu koperti mil-leġiżlazzjoni settorjali (eż. dwar il-makkinarju, il-prodotti farmaċewtiċi, il-ġugarelli, it-tagħmir tar-radju), huma għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fiha. Inkella, huma jaqgħu taħt id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti 13 u huma meħtieġa li jkunu sikuri 14 . Ir-regoli tas-sikurezza jiġu infurzati bir-regoli tas-sorveljanza tas-suq 15 , li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur billi jwaqqfu prodotti mhux konformi milli jiċċirkolaw jew billi jġibuhom konformi. Il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti ma fihiex dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-responsabbiltà tan-negozji, iżda tirreferi għall-fatt li l-PLD tapplika meta prodott difettuż jikkawża ħsara. Għalhekk, is-sikurezza tal-prodotti u r-responsabbiltà tal-prodotti huma mekkaniżmi komplementari sabiex jinkiseb suq uniku li jiffunzjona għall-oġġetti li jiżgura livelli għoljin ta’ sikurezza. Bħalissa qed jiġu nnegozjati għadd ta’ proposti leġiżlattivi fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti:

·L-abbozz tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali 16 għandu l-għan li jiżgura li s-sistemi tal-IA ta’ riskju għoli jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sikurezza u tad-drittijiet fundamentali (eż. il-governanza tad-data, it-trasparenza, is-sorveljanza mill-bniedem). Il-proposta ta’ PLD se tiżgura li meta s-sistemi tal-IA jkunu difettużi u jikkawżaw ħsara fiżika, ħsara lill-proprjetà jew telf ta’ data, ikun possibbli li jintalab kumpens mill-fornitur tas-sistema tal-IA jew minn kwalunkwe manifattur li jintegra sistema tal-IA fi prodott ieħor.

·Ir-Regolament dwar il-Makkinarju propost 17 u r-Regolament dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti 18 (RSĠP) propost, li jirrevedu d-Direttiva dwar il-Makkinarju u d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti eżistenti, għandhom l-għan, fl-oqsma rispettivi tagħhom, li jindirizzaw ir-riskji tad-diġitalizzazzjoni fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti, iżda mhux ir-responsabbiltà. Il-proposta tar-RSĠP timponi obbligi addizzjonali fuq il-fornituri tas-servizzi intermedjarji online biex jindirizzaw il-bejgħ online ta’ prodotti mhux sikuri. L-Att dwar is-Servizzi Diġitali li ġie adottat reċentement 19 jistabbilixxi regoli orizzontali għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji online, inklużi s-swieq online. Meta l-pjattaformi online jimmanifatturaw, jimportaw jew jiddistribwixxu prodotti difettużi, huma jistgħu jinżammu responsabbli bl-istess termini bħal tali operaturi ekonomiċi. Meta l-pjattaformi online jkollhom sempliċi rwol intermedjarju fil-bejgħ ta’ prodotti bejn in-negozjanti u l-konsumaturi, dawn ikunu koperti minn eżenzjoni mir-responsabbiltà kondizzjonali skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali. L-ebda waħda minn dawn il-miżuri ma tikkonċerna r-responsabbiltà għall-prodotti difettużi. L-Att dwar is-Servizzi Diġitali jistabbilixxi taħt liema kundizzjonijiet il-pjattaformi li joperaw bħala intermedjarju jistgħu jiġu eżentati mir-responsabbiltà.

Fil-qasam taċ-ċibersigurtà, l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà 20 u l-att delegat 21 skont id-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju 22 huma maħsuba biex itaffu r-riskji taċ-ċibersigurtà, iżda ma jirregolawx ir-responsabbiltà tal-manifatturi. Il-proposta reċenti għal Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika 23 tibni fuq ir-regoli eżistenti biex tħeġġeġ lill-manifatturi u lill-iżviluppaturi tas-software jtaffu r-riskji taċ-ċibersigurtà, iżda ma tindirizzax ir-responsabbiltà.

Fir-rigward tal-ekonomija ċirkolari, il-pjan ta’ azzjoni tal-ekonomija ċirkolari tal-2020 24 ħabbar politika dwar prodotti sostenibbli biex jiġu pprovduti prodotti ta’ kwalità għolja, funzjonali u sikuri ddisinjati għall-użu mill-ġdid, għat-tiswija, għall-manifattura mill-ġdid u għar-riċiklaġġ ta’ kwalità għolja. Il-pjan ta’ azzjoni ma jikkontemplax miżuri dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi.

L-abbozz ta’ Direttiva dwar l-adattament ta’ regoli mhux kuntrattwali dwar ir-responsabbiltà ċivili bbażata fuq il-ħtija għall-intelliġenza artifiċjali, adottat bħala pakkett ma’ din il-proposta, ifittex li jiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni u jtaffi l-oneru tal-prova fit-talbiet għal kumpens segwiti taħt reġimi nazzjonali ta’ responsabbiltà bbażata fuq il-ħtija f’każijiet fejn ċerti sistemi tal-IA jkunu involuti biex jikkawżaw ħsara. Ma hemm l-ebda koinċidenza ma’ pretensjonijiet imressqa skont il-PLD.

1.3. Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija konformi mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni sabiex l-Ewropa tkun lesta għall-era diġitali u biex tinbena ekonomija li tibqa’ valida fil-futur u li taħdem għan-nies 25 .

Sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji marbuta mat-teknoloġiji diġitali u tittejjeb is-sikurezza tal-prodotti, l-UE qed timmodernizza r-regoli dwar il-makkinarju, it-tagħmir tar-radju u s-sigurtà ġenerali tal-prodotti, kif ukoll toħloq regoli ġodda dwar sistemi tal-IA sikuri u affidabbli 26 . Din il-proposta tikkomplementa dan il-proċess ta’ modernizzazzjoni diġitali b’mod awtomatiku billi tiżgura li, meta l-prodotti jikkawżaw ħsara, il-persuni offiżi jistgħu jkunu kunfidenti li d-dritt tagħhom għal kumpens se jiġi rrispettat, u n-negozji jkollhom ċertezza legali dwar ir-riskji ta’ responsabbiltà li jiffaċċjaw meta jagħmlu n-negozju. Flimkien, dawn l-isforzi ta’ modernizzazzjoni għandhom jippermettu aħjar lill-Ewropa ssegwi trasformazzjoni diġitali li taħdem għall-benefiċċju tan-nies. Dawn l-isforzi għandhom jikkontribwixxu għal ekonomija ġusta u kompetittiva u suq uniku mingħajr frizzjoni. Kumpaniji ta’ kull daqs u fi kwalunkwe settur għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fuq termini ugwali u jiżviluppaw, jikkummerċjalizzaw u jużaw teknoloġiji, prodotti u servizzi diġitali fuq skala li tagħti spinta lill-produttività u lill-kompetittività globali tagħhom.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-IA, din il-proposta tikkonferma li s-sistemi tal-IA u l-oġġetti bbażati fuq l-IA huma “prodotti” u, għalhekk, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-PLD, li jfisser li l-kumpens ikun disponibbli meta IA difettuża tikkawża ħsara, mingħajr ma l-persuna offiża jkollha tagħti prova tal-ħtija tal-manifattur, bħal fil-każ ta’ kwalunkwe prodott ieħor. It-tieni, il-proposta tagħmilha ċara li mhux biss il-manifatturi tal-hardware, iżda wkoll il-fornituri tas-software u l-fornituri ta’ servizzi diġitali li jaffettwaw kif jaħdem il-prodott (bħal servizz ta’ navigazzjoni f’vettura awtonoma) jistgħu jinżammu responsabbli. It-tielet, il-proposta tiżgura li l-manifatturi jistgħu jinżammu responsabbli għall-bidliet li jagħmlu fil-prodotti li jkunu diġà introduċew fis-suq, inkluż meta dawn il-bidliet jiġu skattati minn aġġornamenti tas-software jew tagħlim awtomatiku. Ir-raba’, il-PLD riveduta ttaffi l-oneru tal-prova f’każijiet kumplessi, li jistgħu jinkludu ċerti każijiet li jinvolvu sistemi tal-IA, u meta l-prodotti jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sikurezza. Meta tagħmel dan, hija twieġeb fil-biċċa l-kbira għas-sejħiet tal-Parlament Ewropew 27 biex tiżgura li r-regoli dwar ir-responsabbiltà jiġu adattati għall-IA. Bħala komplement għal dawn il-bidliet, il-proposta parallela għal direttiva dwar ir-responsabbiltà bbażata fuq ħtija għall-IA tfittex li tiżgura li, meta persuna offiża jkollha tagħti prova li kienet il-ħtija ta’ xi ħadd li sistema tal-IA kkawżat ħsara sabiex jinkiseb kumpens skont il-liġi nazzjonali, l-oneru tal-prova jista’ jittaffa jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

Għall-ekonomija ċirkolari, il-mudelli kummerċjali li fihom il-prodotti jiġu mmodifikati jew ammeljorati qed isiru dejjem aktar komuni u ċentrali għall-isforzi tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà u ta’ tnaqqis tal-iskart f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima 28 . Din il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ sforzi bħall-inizjattiva ta’ prodotti sostenibbli 29 billi tiżgura li l-konsumaturi jkollhom drittijiet għal kumpens għal ħsara kkawżata minn prodotti modifikati difettużi li huma ċari daqs dawk għal prodotti kompletament ġodda u billi toħloq iċ-ċarezza legali li teħtieġ l-industrija sabiex tħaddan mudelli kummerċjali ċirkolari.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-proposta hija, bħad-Direttiva 85/374/KEE, ibbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ex-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ex Artikolu 100 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea). Dan minħabba li l-objettiv tagħha huwa li tarmonizza r-regoli nazzjonali biex tippromwovi l-moviment liberu tal-oġġetti, biex b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti għall-kumpaniji fis-suq intern u tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur.

•Sussidjarjetà

L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-valur miżjud li jkun hemm regoli tal-UE dwar ir-responsabbiltà tal-prodotti li jikkomplementaw ir-regoli tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti ma kienx ikkontestat 30 . Tabilħaqq, ir-regoli dwar il-kumpens lil nies li saritilhom ħsara minn prodotti difettużi jsaħħu r-regoli tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti. Iż-żewġ settijiet ta’ regoli jsegwu l-istess għan ta’ politika ta’ suq intern li jiffunzjona għall-oġġetti li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u t-tnejn li huma jeħtieġu wkoll modernizzazzjoni.

Din il-proposta se tipprovdi ċertezza legali dwar: (i) liema prodotti, negozji u tipi ta’ danni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-PLD; u (ii) il-bilanċ xieraq tal-interessi bejn il-manifatturi u l-konsumaturi madwar l-UE. Mingħajr sett uniformi ta’ regoli għall-kumpens lil nies li saritilhom ħsara minn prodotti difettużi, il-manifatturi jiġu ffaċċjati b’27 sett differenti ta’ regoli. Dan iwassal għal livelli differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur u kompetizzjoni distorta fost in-negozji minn Stati Membri differenti.

•Proporzjonalità

Din il-proposta toħloq bilanċ bir-reqqa bejn l-interessi tal-industrija u tal-konsumaturi, kif spjegat fit-Taqsima 8 tal-valutazzjoni tal-impatt. Il-proposta tipprovdi ċertezza legali dwar liema prodotti u negozji huma koperti minn responsabbiltà stretta. Hija se tħeġġeġ ukoll lin-negozji kollha, inklużi l-manifatturi mhux tal-UE, jintroduċu biss prodotti sikuri fis-suq tal-UE sabiex jevitaw li jġarrbu r-responsabbiltà. Dan imbagħad se jsaħħaħ is-sikurezza tal-prodotti.

Il-proposta se tiżgura wkoll li n-nies igawdu mill-istess protezzjoni, irrispettivament minn jekk il-prodott difettuż li jagħmlilhom il-ħsara jkunx tanġibbli jew diġitali. Permezz tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim tar-responsabbiltà tal-prodotti tal-UE sabiex jiġu inklużi espliċitament il-fornituri tas-software, in-negozji li jagħmlu modifiki sostanzjali fil-prodotti, ir-rappreżentanti awtorizzati u l-fornituri ta’ servizzi ta’ ġestjoni, il-persuni offiżi se jkollhom ċans aħjar li jiġu kkumpensati għad-danni mġarrba u se jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwivalenti bejn in-negozji. Billi tkopri t-telf materjali minħabba t-telf, il-qerda jew il-korruzzjoni tad-data, il-proposta tirrikonoxxi l-importanza tad-data fl-era diġitali. Madankollu, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u, għalhekk, ma tindirizzax tipi oħrajn ta’ ħsara, bħall-privatezza jew id-diskriminazzjoni, li jkunu ttrattati b’mod aktar xieraq skont leġiżlazzjoni oħra.

Il-proposta se toħloq ukoll ċertezza legali akbar u tikseb livell aktar ugwali ta’ protezzjoni tal-konsumatur madwar l-UE. L-oneru tal-prova se jkun kondiviż b’mod aktar ġust bejn il-persuni offiżi u l-manifatturi f’każijiet kumplessi, biex b’hekk jiżdiedu ċ-ċansijiet li tiġi infurzata talba għal kumpens b’suċċess. Madankollu, mhux se jkun hemm treġġigħ lura tal-oneru tal-prova, minħabba li dan jesponi lill-manifatturi għal riskji ta’ responsabbiltà ferm ogħla u jista’ jfixkel l-innovazzjoni, li jwassal ukoll għal prezzijiet potenzjalment ogħla tal-prodotti u għal aċċess imnaqqas għal prodotti innovattivi.

•Għażla tal-istrument

Il-proposta tieħu l-forma ta’ direttiva, li tagħti flessibbiltà lill-Istati Membri biex jinkorporaw ir-regoli tagħha fis-sistemi nazzjonali mingħajr xkiel. Dan huwa importanti, minħabba li r-regoli tagħha jinteraġixxu mill-qrib mal-kodiċijiet ċivili nazzjonali u huma integrati profondament fis-sistemi legali nazzjonali. Din il-proposta tfittex li tissostitwixxi l-PLD kompletament. It-tibdil tal-PLD permezz ta’ riformulazzjoni jew att emendatorju tqies mhux xieraq fid-dawl tal-ħtieġa għal bidliet fi kważi kull artikolu.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-evalwazzjoni tal-PLD 31 fl-2018 ikkonkludiet li l-PLD kienet, b’mod ġenerali, strument effettiv u rilevanti, iżda kellha diversi nuqqasijiet (ara t-taqsima 1.1).

Dawn is-sejbiet ġew ikkunsidrati fit-tħejjija tal-valutazzjoni tal-impatt li tappoġġa din il-proposta.

•    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fit-tħejjija ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni kkonsultat firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-UE u nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, in-negozji, l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni, id-ditti legali, esperti akkademiċi, membri tal-pubbliku u awtoritajiet nazzjonali. L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kienu jinkludu valutazzjoni tal-impatt tal-bidu 32 , konsultazzjoni pubblika ddedikata ta’ 12-il ġimgħa li għaliha ġew sottomessi 291 reazzjoni, workshops tal-partijiet ikkonċernati, workshop mal-Istati Membri, kif ukoll konsultazzjoni mmirata u intervisti mal-partijiet ikkonċernati mwettqa minn konsulent indipendenti.

Sommarju tal-kontribut tal-partijiet ikkonċernati dwar kull objettiv speċifiku tar-reviżjoni tal-PLD huwa pprovdut hawn taħt.

·L-objettiv li jiġi żgurat li r-regoli dwar ir-responsabbiltà jkunu jirriflettu n-natura u r-riskji tal-prodotti fl-era diġitali u fl-ekonomija ċirkolari

–Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kienu favur li jiġi ċċarat li s-software huwa prodott li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-PLD. Madankollu, il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija ssuġġerew li dan jiġi ċċarat permezz ta’ linji gwida mhux vinkolanti aktar milli permezz tar-reviżjoni leġiżlattiva tal-PLD. Kien hemm kunsens wiesa’ fost il-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati li prodott jista’ jitqies bħala difettuż meta jkollu vulnerabbiltajiet taċ-ċibersigurtà. 70 % tar-rispondenti fil-konsultazzjoni pubblika kienu favur il-possibbiltà li l-manifatturi jinżammu responsabbli talli jonqsu milli jipprovdu l-aġġornamenti tas-sigurtà tas-software meħtieġa biex jiġu indirizzati tali vulnerabbiltajiet.

–Il-partijiet ikkonċernati tal-industrija kienu kontra l-inklużjoni ta’ responsabbiltà stretta għal ksur tal-protezzjoni tad-data fil-PLD, parzjalment minħabba li tali ksur diġà jista’ jiġi kkumpensat skont liġijiet oħrajn bħall-GDPR. Madankollu, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-awtoritajiet pubbliċi u l-NGOs kienu aktar favur l-inklużjoni tagħha.

–Kien hemm appoġġ wiesa’ fost il-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati biex ikun possibbli li l-operaturi ekonomiċi li jagħmlu modifiki sostanzjali fil-prodotti jinżammu responsabbli meta dawk il-prodotti modifikati jkunu difettużi u jikkawżaw dannu.

·L-objettiv li jiġi żgurat li dejjem ikun hemm persuna responsabbli bbażata fl-UE għall-prodotti difettużi mixtrija mingħand produtturi barra mill-UE

Fil-konsultazzjoni pubblika, 64 % tar-rispondenti kollha qablu jew qablu bis-sħiħ li jeħtieġ li l-PLD tiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur jekk prodotti difettużi mixtrija direttament mingħand pajjiżi mhux tal-UE jikkawżaw dannu fejn ma jkun hemm l-ebda manifattur jew importatur ibbażat fl-UE. Il-fehmiet varjaw fuq jekk għandux ikun possibbli li r-rappreżentant awtorizzat ta’ manifattur mhux tal-UE, il-fornitur ta’ servizz ta’ ġestjoni jew suq online jinżamm responsabbli.

·L-objettiv li jiġi ffaċilitat l-oneru tal-prova f’każijiet kumplessi u li jiġu ffaċilitati r-restrizzjonijiet fuq il-pretensjonijiet, filwaqt li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-manifatturi u l-konsumaturi

–Fil-konsultazzjoni pubblika, 77 % tar-rispondenti qiesu li prodotti teknikament kumplessi ħolqu diffikultajiet fir-rigward tal-oneru tal-prova tal-persuna offiża. Il-perċentwal kien konsiderevolment ogħla fost l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-NGOs u l-membri tal-pubbliku (95 %) milli fost l-organizzazzjonijiet tan-negozju u tal-industrija (38 %). Il-partijiet ikkonċernati tal-industrija kienu aktar miftuħin għall-obbligi ta’ divulgazzjoni tal-informazzjoni u l-iffaċilitar tal-oneru tal-prova f’każijiet kumplessi milli għat-treġġigħ lura tal-oneru tal-prova, li huma kkunsidraw bħala għażla radikali li tagħmel ħsara lill-innovazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati mill-organizzazzjonijiet tal-industrija, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-esperti legali kienu ferm favur iż-żamma tal-approċċ teknoloġikament newtrali tal-PLD. Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati kienu kontra t-tneħħija tad-difiża tar-riskju tal-iżvilupp.

–L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-NGOs u l-membri tal-pubbliku kienu favur it-tneħħija tar-regola li tipprevjeni l-kumpens għal ħsara lill-proprjetà stmata taħt EUR 500 u kienu favur l-estensjoni tal-perjodu ta’ 10 snin li għalih il-manifatturi jibqgħu responsabbli għal prodott difettuż wara li jintroduċuh fis-suq. Il-partijiet ikkonċernati tal-industrija kienu favur li r-restrizzjonijiet jinżammu kif inhuma.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

It-tħejjija għall-proposta ġiet infurmata b’mod partikolari miż-żewġ studji indipendenti: wieħed imħejji bħala parti mill-evalwazzjoni 33 u l-ieħor bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt 34 . Il-Kummissjoni ġabret ukoll pariri esperti minn akkademiċi, gruppi tal-konsumaturi, mill-industrija u mill-awtoritajiet nazzjonali permezz tal-Grupp ta’ Esperti tal-2018-2020 dwar ir-Responsabbiltà u t-Teknoloġiji Ġodda.

L-analiżi legali hija bbażata fuq ġabra rikka ta’ ġurisprudenza mogħtija mill-1985, b’mod partikolari mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), u fuq ħafna pubblikazzjonijiet 35 .

•Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija appoġġata minn valutazzjoni tal-impatt (SWD[xxxx]), imħejjija f’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar “Regolamentazzjoni Aħjar”. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ġie rieżaminat mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u rċieva opinjoni pożittiva. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ġie rivedut biex iqis il-kummenti tal-Bord, b’mod partikolari billi jispjega aħjar: il-kamp ta’ applikazzjoni tal-problemi identifikati, l-impatt tar-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti fuq il-ħsara relatata mal-prodott, l-estimi bażi tal-każijiet, l-impatti tal-għażla ppreferuta mill-grupp tal-partijiet ikkonċernati, u r-rilevanza tal-inizjattiva għall-SMEs.

Minbarra x-xenarju bażi ta’ ebda azzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt identifikat 3 għażliet biex tiġi indirizzata l-ewwel problema relatata mal-era diġitali u l-ekonomija ċirkolari, u 2 għażliet biex tiġi indirizzata t-tieni problema dwar l-ostakli biex jinkiseb kumpens u biex isiru talbiet għal kumpens.

–L-għażla 1a tiżgura li l-manifatturi ta’ prodotti li għalihom huma meħtieġa software jew servizzi diġitali sabiex joperaw ikunu responsabbli skont id-Direttiva. Bħal fil-każ ta’ komponenti tanġibbli, il-fornituri ta’ dawk l-elementi diġitali intanġibbli jkollhom obbligazzjoni in solidum mal-manifattur. Iżda taħt din l-għażla, il-produtturi ta’ software awtonomu ma jkunux responsabbli skont il-PLD.

–L-għażla 1b tibni fuq l-għażla 1a u, barra minn hekk, tinkludi s-software rilevanti kollu bħala prodott fih innifsu, inkluż software ta’ parti terza miżjud ma’ prodott jew software awtonomu li minnu nnifsu jista’ jikkawża ħsara (bħal applikazzjoni ta’ smartphone għal apparat mediku). In-negozji li jimmodifikaw prodott b’mod sostanzjali u jerġgħu jintroduċuh fis-suq ikunu responsabbli wkoll skont id-Direttiva. Taħt din l-għażla jkun ukoll possibbli li rappreżentant awtorizzat ta’ produttur mhux tal-UE jew fornitur ta’ servizz ta’ ġestjoni jinżamm responsabbli meta l-ebda importatur ma jkun preżenti fl-UE.

–L-għażla 1c tinkludi l-miżuri tal-għażla 1b u, barra minn hekk, tinkludi kwalunkwe software b’implikazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali. Dannu li jirriżulta minn ksur tad-drittijiet fundamentali, bħal ksur tal-protezzjoni tad-data, ksur tal-privatezza jew diskriminazzjoni (eż. permezz ta’ software ta’ reklutaġġ tal-IA) ikun jista’ jiġi kkumpensat.

–L-għażla 2a tiffaċilita l-oneru tal-prova fuq il-konsumaturi billi tarmonizza: (i) ir-regoli dwar meta l-produtturi jkunu obbligati jiddivulgaw l-informazzjoni teknika meħtieġa lill-vittma fil-qorti; u (ii) il-kundizzjonijiet għall-qrati nazzjonali biex jassumu li prodott kien tabilħaqq difettuż jew li d-difett tabilħaqq ikkawża d-dannu, speċjalment f’każijiet kumplessi fejn ikun diffiċli ħafna li tingħata prova tar-responsabbiltà. L-għażla 2a tnaqqas ir-restrizzjonijiet fuq kif isiru l-pretensjonijiet (billi tneħħi l-limitu fuq il-ħsara lill-proprjetà u testendi l-perjodu ta’ responsabbiltà).

–L-għażla 2b treġġa’ lura l-oneru tal-prova, sabiex jekk prodott jikkawża dannu, ikun il-produttur li jrid juri li l-prodott ma kienx difettuż u ma kkawżax id-dannu. Id-difiża tar-riskju tal-iżvilupp, li teżenta lill-produtturi mir-responsabbiltà meta d-difett ta’ prodott ma setax jiġi skopert skont l-għarfien l-aktar avvanzat, titneħħa. L-għażla 2b tkompli tnaqqas ir-restrizzjonijiet fuq kif isiru l-pretensjonijiet (livelli limiti u limiti ta’ żmien).

Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat l-għażliet 1b u 2a bħala l-kombinazzjoni ppreferuta ta’ għażliet.

L-għażla 1b se tipprovdi ċertezza legali dwar liema prodotti u produtturi huma koperti minn responsabbiltà stretta u se tħeġġeġ lill-produtturi kollha, inklużi l-produtturi mhux tal-UE, biex jintroduċu biss prodotti sikuri fis-suq tal-UE biex jevitaw li jġarrbu responsabbiltà. Din issaħħaħ is-sikurezza tal-prodotti u se jkollha impatti ekonomiċi u soċjali pożittivi. Hija se tiżgura wkoll li l-konsumaturi jgawdu mill-istess protezzjoni meta ssirilhom ħsara minn prodotti difettużi, irrispettivament minn jekk id-difett kienx jikkonċerna l-komponenti diġitali jew tanġibbli tal-prodott u meta ssirilhom ħsara minn software awtonomu difettuż innifsu. Billi l-fornituri tas-software, ir-rappreżentanti awtorizzati u l-fornituri ta’ servizzi ta’ ġestjoni jiddaħħlu b’mod espliċitu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, il-vittmi ta’ ħsara se jkollhom ċans aħjar li jiksbu kumpens minħabba li ma jkollhomx bżonn jagħtu prova tal-ħtija tal-produttur (minħabba l-prinċipju ta’ “responsabbiltà stretta” tad-Direttiva). Regoli aktar ċari dwar ir-responsabbiltà fir-rigward ta’ mudelli kummerċjali ċirkolari se jġibu ċertezza legali u, għalhekk, jgħinu fil-promozzjoni ta’ tali mudelli kummerċjali, u b’hekk se jkollhom impatt ambjentali pożittiv. Kollox ma’ kollox, bl-għażla 1b, il-kumpens annwali għall-persuni offiżi huwa mistenni li jiżdied b’bejn EUR 0,15-il miljun u EUR 22,13-il miljun meta mqabbel mal-linja bażi. Dan jissarraf f’żieda żgħira fil-primjums annwali tal-assigurazzjoni għall-produtturi, stmata għal bejn EUR 4,35 miljun u EUR 8,69 miljun meta mqabbla mal-linja bażi.

L-għażla 2a se toħloq ċertezza legali akbar u tikseb livell aktar ugwali ta’ protezzjoni tal-konsumatur madwar l-UE, u b’hekk ikollha impatt ekonomiku u soċjali pożittiv. L-oneru tal-prova se jiġi kondiviż b’mod aktar ġust bejn il-persuni offiżi u l-produtturi f’każijiet aktar kumplessi. Dan se jżid iċ-ċansijiet li tiġi infurzata talba għal kumpens b’suċċess f’każijiet bħal dawn. L-ostakli sproporzjonati biex isiru l-pretensjonijiet se jitnaqqsu. Kollox ma’ kollox, bl-għażla 2a, il-kumpens annwali għall-persuni offiżi huwa mistenni li jiżdied b’bejn EUR 0,20 miljun u EUR 43,54 miljun meta mqabbel mal-linja bażi. Dan jissarraf f’żieda żgħira fil-primjums annwali tal-assigurazzjoni għall-produtturi, stmata għal bejn EUR 14,35 miljun u EUR 28,71 miljun meta mqabbla mal-linja bażi.

L-għażla ppreferuta se tikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs) tan-NU, b’mod partikolari għall-SDG 3 (ħajja sana u benesseri) minħabba l-impatti soċjali pożittivi tagħha fuq is-saħħa u l-benesseri tal-vittmi, għall-SDG 9 (it-trawwim tal-innovazzjoni) billi tipprovdi ċertezza legali għan-negozji biex jinnovaw u għall-SDG 12 (konsum u produzzjoni responsabbli) billi ttejjeb is-sikurezza tal-prodotti meta jsiru modifiki sostanzjali.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-evalwazzjoni tal-PLD sabet li l-piż amministrattiv attwali huwa baxx ħafna, mingħajr ebda ħtieġa għal simplifikazzjoni. L-adattament tar-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-era diġitali u għall-ekonomija ċirkolari mhux se joħloq kostijiet amministrattivi ġodda għan-negozji jew għall-konsumaturi.

Il-proposta tfittex li tikseb bilanċ ġust tal-interessi bejn l-industrija u l-konsumaturi, b’mod partikolari billi tevita miżuri li jistgħu jagħmluha diffiċli għall-SMEs biex jinnovaw jew joħolqu kostijiet addizzjonali li jistgħu jkunu aktar diffiċli għall-SMEs biex jassorbu. Il-proposta ma teżentax lill-mikrointrapriżi u lanqas ma tinkludi miżuri speċifiċi ta’ mitigazzjoni għall-SMEs, minħabba li kumpens xieraq għall-persuni offiżi minn prodotti difettużi ma jistax isir dipendenti fuq id-daqs tal-kumpanija responsabbli. Dan ifixkel il-kompetizzjoni bejn l-atturi tas-suq jekk il-kumpaniji li jbigħu prodotti simili jiffaċċjaw regoli ta’ responsabbiltà differenti.

•Drittijiet fundamentali

It-tnaqqis tar-restrizzjonijiet fuq il-pretensjonijiet u t-tnaqqis tal-oneru tal-prova f’każijiet kumplessi jsaħħu d-dritt għal rimedju effettiv, dritt garantit skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-Istati Membri jridu jittrasponu d-Direttiva 12-il xahar wara li tidħol fis-seħħ u jikkomunikaw il-miżuri ta’ eżekuzzjoni nazzjonali lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva.

Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-applikazzjoni u t-traspożizzjoni tad-Direttiva sitt snin wara li tidħol fis-seħħ u tipproponi, fejn xieraq, emendi leġiżlattivi.

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni

Id-Direttiva proposta tarmonizza l-liġi dwar ir-responsabbiltà ċivili, u fiha kemm regoli sostantivi kif ukoll proċedurali. L-Istati Membri jistgħu jużaw tipi differenti ta’ strumenti legali biex jittrasponuha. Huwa għalhekk iġġustifikat li meta jinnotifikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinkludu dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-partijiet tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 36 .

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Kapitolu I – Dispożizzjonijiet ġenerali

Il-Kapitolu I jiddefinixxi s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, kif ukoll jiddefinixxi t-termini użati fil-proposta. Dan iġib it-terminoloġija tar-responsabbiltà għall-prodotti konformi mal-qafas tas-sikurezza tal-prodotti tal-Unjoni billi jibbaża d-definizzjonijiet, fost l-oħrajn ta’ “manifattur” u “introduzzjoni fis-suq”, fuq id-definizzjonijiet fil-qafas leġiżlattiv il-ġdid maħluq mid-Deċiżjoni 768/2008/KE 37 . Huwa jwieġeb ukoll għar-realtà tal-prodotti fl-era diġitali, b’mod teknoloġikament newtrali, billi jinkludi software u fajls tal-manifattura diġitali fi ħdan id-definizzjoni tal-prodott u billi jiċċara meta servizz relatat għandu jiġi ttrattat bħala komponent ta’ prodott. Huwa jespandi wkoll il-kunċett ta’ dannu li jista’ jiġi kkumpensat biex jinkludi t-telf jew il-korruzzjoni tad-data.

Kapitolu II – Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi

Il-Kapitolu II jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-operaturi ekonomiċi għal dannu kkawżat minn prodotti difettużi u l-kundizzjonijiet li taħthom il-persuni fiżiċi għandhom dritt għal kumpens:

–It-test għad-determinazzjoni ta’ jekk prodott huwiex difettuż – jiġifieri jekk il-prodott ipprovdiex is-sikurezza li l-pubbliku ġenerali huwa intitolat li jistenna – huwa sostanzjalment l-istess bħal dak skont il-PLD. Madankollu, sabiex tiġi riflessa n-natura li qed tinbidel tal-prodotti fl-era diġitali, u sabiex tiġi riflessa l-ġurisprudenza tal-QĠUE, fatturi bħall-interkonnettività jew il-funzjonijiet ta’ awtotagħlim tal-prodotti żdiedu mal-lista mhux eżawrjenti ta’ fatturi li għandhom jitqiesu mill-qrati meta jivvalutaw id-difetti.

–Il-firxa ta’ operaturi ekonomiċi li jistgħu jinżammu responsabbli għall-prodotti difettużi tqis is-sinifikat dejjem jikber tal-prodotti manifatturati barra mill-Unjoni li jiġu introdotti fis-suq tal-Unjoni, u tiżgura li dejjem ikun hemm operatur ekonomiku fl-Unjoni li miegħu tista’ ssir talba għal kumpens. Il-proposta ma taffettwax l-eżenzjoni mir-responsabbiltà kondizzjonali skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, minħabba li tistabbilixxi kundizzjonijiet għar-responsabbiltà biss f’każijiet li fihom pjattaforma online ma tibbenefikax mill-eżenzjoni. Barra minn hekk, din il-proposta timmira biss lejn il-każ speċifiku li fih persuna ssirilha ħsara minn prodott difettuż u tfittex kumpens, xenarju mhux kopert mill-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Dan jiċċara wkoll meta l-operaturi ekonomiċi li jagħmlu modifiki fi prodott, bħal fil-kuntest tal-mudelli kummerċjali tal-ekonomija ċirkolari, jistgħu jinżammu responsabbli.

–L-oneru tal-prova huwa fuq il-persuni offiżi, li għandhom jagħtu prova tad-dannu li jkunu ġarrbu, tad-difett tal-prodott u tar-rabta kawżali bejn it-tnejn. Madankollu, fid-dawl tal-isfidi li jiffaċċjaw il-persuni offiżi, speċjalment f’każijiet kumplessi, l-oneru tal-prova jitnaqqas sabiex jinkiseb bilanċ ġust bejn l-interessi tal-industrija u dawk tal-konsumatur.

–L-operaturi ekonomiċi huma intitolati, bħal skont il-PLD, li jiġu eżentati mir-responsabbiltà fuq ċerti kundizzjonijiet li għalihom iġorru l-oneru tal-prova. L-eżenzjonijiet huma adattati biex iqisu l-kapaċità tal-prodotti fl-era diġitali li jinbidlu jew jiġu mibdula wara li jiġu introdotti fis-suq. Fl-interessi ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għall-manifatturi madwar l-Unjoni, kif ukoll protezzjoni uniformi tal-konsumatur, l-eżenzjoni mogħtija lill-manifatturi għal difetti li xjentifikament u teknikament ma jistgħux jiġu skoperti għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u l-possibbiltà ta’ deroga skont il-PLD ma għandhiex titkompla.

Kapitolu III – Dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-responsabbiltà

Il-Kapitolu III jistabbilixxi regoli ta’ responsabbiltà ta’ natura aktar ġenerali, li huma bbażati mill-qrib fuq dawk tal-PLD attwali. Huwa jistipula li jekk ikun hemm żewġ persuni jew aktar responsabbli, huma jkollhom obbligazzjoni in solidum. Huwa jistipula wkoll li jekk prodott difettuż jikkawża dannu, l-azzjonijiet kontributorji ta’ partijiet terzi ma jnaqqsux ir-responsabbiltà tal-manifattur, filwaqt li l-azzjonijiet kontributorji tal-persuna offiża jistgħu jagħmlu dan. Huwa importanti, għall-fini tal-protezzjoni tal-konsumatur, li r-responsabbiltà ma tistax tiġi eskluża jew limitata b’kuntratt jew b’liġijiet oħrajn. Għalhekk, lanqas ma huwa permess li jiġu stabbiliti limiti finanzjarji massimi jew minimi għall-kumpens. Il-limitu ta’ żmien ta’ tliet snin għall-bidu tal-proċedimenti jibqa’ l-istess meta mqabbel mal-PLD. L-operaturi ekonomiċi huma responsabbli għall-prodotti difettużi għal perjodu ta’ għaxar snin wara l-introduzzjoni tal-prodott fis-suq, iżda l-atturi se jgawdu minn perjodu addizzjonali ta’ ħames snin f’każijiet fejn is-sintomi ta’ dannu personali jdumu biex jitfaċċaw, pereżempju, wara l-inġestjoni ta’ prodott kimiku jew tal-ikel difettuż.

Kapitolu IV – Dispożizzjonijiet finali

L-Istati Membri se jkunu meħtieġa jippubblikaw sentenzi tal-qorti relatati mar-responsabbiltà tal-prodott sabiex b’hekk, fl-interessi ta’ interpretazzjoni aktar armonizzata tar-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-prodott, qrati nazzjonali oħrajn ikunu jistgħu jqisu dawn is-sentenzi. Dawn il-miżuri ta’ trasparenza se jiffaċilitaw ukoll ir-rieżami li l-Kummissjoni se twettaq sitt snin wara d-dħul fis-seħħ. Minbarra d-dispożizzjonijiet standard dwar it-traspożizzjoni u d-dħul fis-seħħ, il-Kapitolu IV jipprevedi wkoll ir-revoka tal-PLD u jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali.

2022/0302 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 38 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE 39 tistabbilixxi regoli komuni dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi bil-għan li jitneħħew id-diverġenzi bejn is-sistemi legali tal-Istati Membri li jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-moviment tal-oġġetti fis-suq intern, u li jinvolvu grad differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur kontra ħsara lis-saħħa jew lill-proprjetà kkawżata minn tali prodotti.

(2)Ir-responsabbiltà stretta min-naħa tal-operatur ekonomiku rilevanti tibqa’ l-uniku mezz biex tissolva b’mod adegwat il-problema ta’ tqassim ġust tar-riskji inerenti fil-produzzjoni teknoloġika moderna.

(3)Id-Direttiva 85/374/KEE jeħtieġ li tiġi riveduta fid-dawl tal-iżviluppi relatati ma’ teknoloġiji ġodda, inkluża l-intelliġenza artifiċjali (IA), il-mudelli kummerċjali ġodda tal-ekonomija ċirkolari u l-ktajjen ġodda tal-provvista globali, li wasslu għal inkonsistenzi u inċertezza legali, b’mod partikolari fir-rigward tat-tifsira tat-terminu “prodott”. L-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tad-Direttiva 85/374/KEE wriet ukoll li l-persuni offiżi jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu kumpens minħabba restrizzjonijiet fuq it-talbiet għal kumpens u minħabba sfidi fil-ġbir ta’ evidenza biex jagħtu prova tar-responsabbiltà, speċjalment fid-dawl tal-kumplessità teknika u xjentifika li qed tiżdied. Dan jinkludi talbiet għal danni relatati ma’ teknoloġiji ġodda, inkluża l-IA. Għalhekk, ir-reviżjoni se tinkoraġġixxi l-introduzzjoni u l-użu ta’ tali teknoloġiji ġodda, inkluża l-IA, filwaqt li tiżgura li l-atturi jkunu jistgħu jgawdu l-istess livell ta’ protezzjoni, irrispettivament mit-teknoloġija involuta.

(4)Hija meħtieġa wkoll reviżjoni tad-Direttiva 85/374/KEE sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu ċċarati ideat u kunċetti bażiċi biex jiġu żgurati l-koerenza u ċ-ċertezza legali u biex tiġi riflessa l-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(5)Meta titqies in-natura estensiva tal-emendi li jkunu meħtieġa u sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li d-Direttiva 85/374/KEE titħassar u tiġi sostitwita b’Direttiva ġdida.

(6)Sabiex jiġi żgurat li r-reġim tar-responsabbiltà għall-prodotti tal-Unjoni jkun komprensiv, jenħtieġ li tapplika responsabbiltà stretta għall-prodotti difettużi għall-beni mobbli kollha, inkluż meta dawn jiġu integrati f’beni mobbli oħrajn jew installati f’beni immobbli.

(7)Jenħtieġ li r-responsabbiltà għall-prodotti difettużi ma tapplikax għal dannu li jinħoloq minn aċċidenti nukleari, sa fejn ir-responsabbiltà għal tali dannu tkun koperta minn konvenzjonijiet internazzjonali rratifikati mill-Istati Membri.

(8)Sabiex jinħoloq suq intern ġenwin b’livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u sabiex tiġi riflessa l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jenħtieġ li l-Istati Membri, fir-rigward ta’ kwistjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, la jżommu u lanqas jintroduċu dispożizzjonijiet aktar, jew inqas, stretti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva.

(9)Skont is-sistemi legali tal-Istati Membri, persuna offiża jista’ jkollha talba għad-danni abbażi ta’ responsabbiltà kuntrattwali jew għal raġunijiet ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali li ma tikkonċernax id-difett ta’ prodott, pereżempju, responsabbiltà bbażata fuq garanzija jew fuq ħtija. Dan jinkludi d-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva dwar ir-Responsabbiltà tal-IA …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill], li tistabbilixxi regoli komuni dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni u l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ talbiet ibbażati fuq ħtija għal danni kkawżati minn sistema tal-IA. Tali dispożizzjonijiet, li jservu wkoll biex jintlaħaq, fost l-oħrajn, l-objettiv ta’ protezzjoni effettiva tal-konsumaturi, jenħtieġ li jibqgħu mhux affettwati minn din id-Direttiva.

(10)F’ċerti Stati Membri, il-persuni offiżi jistgħu jkunu intitolati li jagħmlu talbiet għal danni kkawżati minn prodotti farmaċewtiċi taħt sistema ta’ responsabbiltà nazzjonali speċjali, bir-riżultat li diġà tinkiseb protezzjoni effettiva tal-konsumaturi fis-settur farmaċewtiku. Id-dritt li jsiru tali talbiet jenħtieġ li jibqa’ mhux affettwat minn din id-Direttiva.

(11)Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE 40 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistabbilixxi l-prinċipji komuni u d-dispożizzjonijiet ta’ referenza maħsuba biex japplikaw fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-prodotti kollha. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ tali leġiżlazzjoni, huwa xieraq li ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari d-definizzjonijiet, jiġu allinjati ma’ dik id-Deċiżjoni.

(12)Il-prodotti fl-era diġitali jistgħu jkunu tanġibbli jew intanġibbli. Is-software, bħal pereżempju s-sistemi operattivi, il-firmware, il-programmi tal-kompjuter, l-applikazzjonijiet jew is-sistemi tal-IA, qed isir dejjem aktar komuni fis-suq u għandu rwol dejjem aktar importanti għas-sikurezza tal-prodotti. Is-software jista’ jiġi introdott fis-suq bħala prodott awtonomu u jista’ sussegwentement jiġi integrat fi prodotti oħrajn bħala komponent, u jkun kapaċi jikkawża dannu permezz tal-eżekuzzjoni tiegħu. Fl-interess taċ-ċertezza legali, għalhekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li s-software huwa prodott għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ responsabbiltà stretta, irrispettivament mill-mod tal-provvista jew l-użu tiegħu u, għalhekk, irrispettivament minn jekk is-software jiġix maħżun fuq apparat jew aċċessat permezz ta’ teknoloġiji cloud. Madankollu, il-kodiċi tas-sors tas-software ma għandux jitqies bħala prodott għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, minħabba li dan huwa informazzjoni pura. L-iżviluppatur jew il-produttur tas-software, inklużi l-fornituri tas-sistema tal-IA skont it-tifsira tar-[Regolament (UE) …/… (l-Att dwar l-IA)], jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala manifattur.

(13)Sabiex ma tfixkilx l-innovazzjoni jew ir-riċerka, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal software liberu u b’sors miftuħ żviluppat jew fornut barra mill-kors ta’ attività kummerċjali. Dan huwa b’mod partikolari l-każ għas-software, inkluż il-kodiċi tas-sors u l-verżjonijiet modifikati tiegħu, li huwa kondiviż b’mod miftuħ u aċċessibbli liberament, użabbli, modifikabbli u ridistribwibbli. Madankollu, meta s-software jiġi fornut bi skambju għal prezz jew meta tintuża data personali għajr esklussivament għat-titjib tas-sigurtà, tal-kompatibbiltà jew tal-interoperabbiltà tas-software, u għalhekk jiġi fornut matul attività kummerċjali, jenħtieġ li tapplika d-Direttiva.

(14)Il-fajls tal-manifattura diġitali, li fihom l-informazzjoni funzjonali meħtieġa għall-produzzjoni ta’ oġġett tanġibbli billi jippermettu l-kontroll awtomatizzat ta’ makkinarju jew għodod, bħal trapani, tornijiet, imtieħen u printers 3D, jenħtieġ li jitqiesu bħala prodotti, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur f’każijiet fejn tali fajls ikunu difettużi. Sabiex jiġi evitat id-dubju, jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li l-elettriku huwa prodott.

(15)Qed isir dejjem aktar komuni li s-servizzi diġitali jiġu integrati fi prodott jew interkonnessi miegħu b’tali mod li n-nuqqas tas-servizz jipprevjeni lill-prodott milli jwettaq waħda mill-funzjonijiet tiegħu, pereżempju, il-provvista kontinwa ta’ data dwar it-traffiku f’sistema ta’ navigazzjoni. Filwaqt li jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għas-servizzi bħala tali, huwa meħtieġ li r-responsabbiltà stretta tiġi estiża għal tali servizzi diġitali, minħabba li dawn jiddeterminaw is-sikurezza tal-prodott daqs il-komponenti fiżiċi jew diġitali. Jenħtieġ li tali servizzi relatati jitqiesu bħala komponenti tal-prodott li miegħu jkunu interkonnessi, meta jkunu fil-kontroll tal-manifattur ta’ dak il-prodott, fis-sens li jiġu fornuti mill-manifattur innifsu jew li l-manifattur jirrakkomandahom jew inkella jinfluwenza l-provvista tagħhom minn parti terza.

(16)B’rikonoxximent tar-rilevanza u l-valur dejjem akbar tal-assi intanġibbli, it-telf jew il-korruzzjoni tad-data, bħall-kontenut imħassar minn hard drive, jenħtieġ li jiġu kkumpensati wkoll, inkluż il-kost tal-irkupru jew tar-restawr tad-data. B’riżultat ta’ dan, il-protezzjoni tal-konsumaturi teħtieġ kumpens għal telf materjali li jirriżulta mhux biss minn mewt jew dannu personali, bħal spejjeż tal-funerali jew mediċi jew introjtu mitluf, u minn ħsara lill-proprjetà, iżda wkoll għal telf jew korruzzjoni tad-data. Madankollu, il-kumpens għall-ksur tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 , tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 , tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 43 u tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 mhuwiex affettwat minn din id-Direttiva.

(17)Fl-interessi taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li jiġi ċċarat li d-dannu personali jinkludi ħsara medikament rikonoxxuta għas-saħħa psikoloġika.

(18)Filwaqt li jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu kumpens sħiħ u xieraq għat-telf materjali kollu li jirriżulta minn mewt, jew dannu personali, jew ħsara lill-proprjetà jew qerda tagħha u telf jew korruzzjoni ta’ data, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-kalkolu tal-kumpens. Barra minn hekk, jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali relatati ma’ ħsara mhux materjali.

(19)Sabiex jiġu protetti l-konsumaturi, jenħtieġ li jingħata kumpens għall-ħsara lil kwalunkwe proprjetà ta’ persuna fiżika. Billi l-proprjetà qed tintuża dejjem aktar għal skopijiet kemm privati kif ukoll professjonali, huwa xieraq li jiġi previst il-kumpens għall-ħsara lil tali proprjetà b’użu mħallat. Fid-dawl tal-għan ta’ din id-Direttiva li tipproteġi lill-konsumaturi, jenħtieġ li l-proprjetà użata esklussivament għal skopijiet professjonali tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

(20)Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal prodotti introdotti fis-suq jew, fejn rilevanti, imqiegħda fis-servizz matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas, pereżempju, il-prodotti fornuti fil-kuntest ta’ kampanja ta’ sponsorizzar jew prodotti manifatturati għall-forniment ta’ servizz iffinanzjat minn fondi pubbliċi, billi dan il-mod ta’ provvista għad għandu karattru ekonomiku jew kummerċjali.

(21)Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax id-diversi mezzi biex jinkiseb rimedju fil-livell nazzjonali, kemm jekk permezz ta’ proċedimenti tal-qorti, soluzzjonijiet barra l-qorti, soluzzjoni alternattiva għat-tilwim jew azzjonijiet rappreżentattivi skont id-Direttiva (UE) 2020/1828 45 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew taħt skemi nazzjonali ta’ rimedju kollettiv.

(22)Sabiex jiġu protetti s-saħħa u l-proprjetà tal-konsumaturi, jenħtieġ li d-difett ta’ prodott jiġi ddeterminat b’referenza mhux għall-adegwatezza tiegħu għall-użu, iżda għan-nuqqas ta’ sikurezza li l-pubbliku ġenerali huwa intitolat li jistenna. Jenħtieġ li l-valutazzjoni ta’ difett tinvolvi analiżi oġġettiva u ma tirreferix għas-sikurezza li kwalunkwe persuna partikolari hija intitolata li tistenna. Jenħtieġ li s-sikurezza li l-pubbliku ġenerali huwa intitolat li jistenna tiġi vvalutata billi jitqiesu, fost l-oħrajn, l-iskop maħsub, il-karatteristiċi oġġettivi u l-proprjetajiet tal-prodott inkwistjoni, kif ukoll ir-rekwiżiti speċifiċi tal-grupp ta’ utenti li għalihom huwa maħsub il-prodott. Xi prodotti, bħal apparat mediku ta’ sostenn għall-ħajja, jinvolvu riskju partikolarment għoli ta’ ħsara lin-nies u, għalhekk, iwasslu għal aspettattivi partikolarment għoljin ta’ sikurezza. Sabiex jitqiesu dawn l-aspettattivi, jenħtieġ li jkun possibbli għal qorti li ssib prodott difettuż mingħajr ma tistabbilixxi d-difett proprju tiegħu, fejn ikun jappartjeni għall-istess serje ta’ produzzjoni bħal prodott diġà pprovat li huwa difettuż.

(23)Sabiex tiġi riflessa l-prevalenza dejjem akbar ta’ prodotti interkonnessi, jenħtieġ li l-valutazzjoni tas-sikurezza ta’ prodott tqis ukoll l-effetti ta’ prodotti oħrajn fuq il-prodott inkwistjoni. Jenħtieġ li jitqies ukoll l-effett fuq is-sikurezza ta’ prodott tal-kapaċità tiegħu li jitgħallem wara l-iskjerament, sabiex tiġi riflessa l-aspettattiva leġittima li s-software ta’ prodott u l-algoritmi sottostanti jkunu ddisinjati b’tali mod li jipprevjenu mġiba perikoluża tal-prodott. Sabiex jiġi rifless li fl-era diġitali ħafna prodotti jibqgħu fil-kontroll tal-manifattur wara l-mument li fih jiġu introdotti fis-suq, il-mument li fih prodott ma jibqax fil-kontroll tal-manifattur jenħtieġ li jitqies ukoll fil-valutazzjoni tas-sikurezza ta’ prodott. Prodott jista’ jinstab ukoll li huwa difettuż minħabba l-vulnerabbiltà taċ-ċibersigurtà tiegħu.

(24)Sabiex tiġi riflessa r-rilevanza tal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq għad-determinazzjoni tal-livell ta’ sikurezza li l-pubbliku ġenerali huwa intitolat jistenna, jenħtieġ li jiġi ċċarat li r-rekwiżiti tas-sikurezza, inklużi r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà rilevanti għas-sikurezza, u l-interventi mill-awtoritajiet regolatorji, bħall-ħruġ ta’ sejħiet lura tal-prodotti, jew mill-operaturi ekonomiċi nfushom, jenħtieġ li jitqiesu wkoll f’dik il-valutazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li, minnhom infushom, tali interventi ma joħolqux preżunzjoni ta’ difett.

(25)Fl-interessi tal-għażla tal-konsumatur u sabiex tiġi mħeġġa l-innovazzjoni, l-eżistenza, jew l-introduzzjoni sussegwenti, fis-suq ta’ prodott aħjar, fiha nnifisha jenħtieġ li ma twassalx għall-konklużjoni li prodott huwa difettuż. Bl-istess mod, il-provvista ta’ aġġornamenti jew ammeljoramenti fi prodott fiha nnifisha jenħtieġ li ma twassalx għall-konklużjoni li verżjoni preċedenti tal-prodott hija difettuża.

(26)Il-protezzjoni tal-konsumatur tirrikjedi li kwalunkwe manifattur involut fil-proċess tal-produzzjoni jkun jista’ jinżamm responsabbli, sakemm il-prodott tiegħu jew komponent fornut minnu jkun difettuż. Meta manifattur jintegra komponent difettuż minn manifattur ieħor fi prodott, jenħtieġ li persuna offiża tkun tista’ tfittex kumpens għall-istess dannu jew mingħand il-manifattur tal-prodott jew inkella mingħand il-manifattur tal-komponent.

(27)Sabiex jiġi żgurat li l-persuni offiżi jkollhom talba infurzabbli għal kumpens meta manifattur ikun stabbilit barra mill-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li l-importatur tal-prodott u r-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur jinżammu responsabbli. L-esperjenza prattika tas-sorveljanza tas-suq uriet li tali ktajjen tal-provvista kultant jinvolvu operaturi ekonomiċi li l-forma ġdida tagħhom tfisser li ma jidħlux faċilment fil-ktajjen tal-provvista tradizzjonali taħt il-qafas legali eżistenti. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ġestjoni, li jwettqu ħafna mill-istess funzjonijiet bħall-importaturi, iżda li jista’ jkun li mhux dejjem ikunu jikkorrispondu għad-definizzjoni tradizzjonali ta’ importatur fid-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl tar-rwol tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ġestjoni bħala operaturi ekonomiċi fil-qafas tas-sikurezza tal-prodotti u tas-sorveljanza tas-suq, b’mod partikolari fir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 46 , jenħtieġ li jkun possibbli li dawn jinżammu responsabbli, iżda minħabba n-natura sussidjarja ta’ dak ir-rwol, jenħtieġ li jkunu responsabbli biss meta l-ebda importatur jew rappreżentant awtorizzat ma jkun ibbażat fl-Unjoni. Fl-interess li r-responsabbiltà tiġi indirizzata b’mod effettiv lejn il-manifatturi, l-importaturi, ir-rappreżentanti awtorizzati u l-fornituri ta’ servizzi ta’ ġestjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li d-distributuri jinżammu responsabbli biss meta jonqsu milli jidentifikaw minnufih operatur ekonomiku rilevanti bbażat fl-Unjoni.

(28)Il-bejgħ online kiber b’mod konsistenti u kostanti, tant li ħoloq mudelli kummerċjali ġodda u atturi ġodda fis-suq, bħall-pjattaformi online. [Ir-Regolament […/…] dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali)] u [ir-Regolament […/…] dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti] jirregolaw, fost l-oħrajn, ir-responsabbiltà u l-akkontabbiltà tal-pjattaformi online fir-rigward ta’ kontenut illegali, inklużi prodotti. Meta l-pjattaformi online jwettqu r-rwol ta’ manifattur, importatur jew distributur fir-rigward ta’ prodott difettuż, jenħtieġ li dawn ikunu responsabbli bl-istess termini bħal tali operaturi ekonomiċi. Meta l-pjattaformi online jkollhom sempliċi rwol intermedjarju fil-bejgħ ta’ prodotti bejn in-negozjanti u l-konsumaturi, dawn ikunu koperti minn eżenzjoni mir-responsabbiltà kondizzjonali skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Madankollu, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jistabbilixxi li l-pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod man-negozjanti mhumiex eżentati mir-responsabbiltà skont il-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fejn jippreżentaw il-prodott jew inkella jippermettu t-tranżazzjoni speċifika inkwistjoni b’mod li jwassal biex konsumatur medju jemmen li l-prodott jiġi pprovdut jew mill-pjattaforma online nnifisha jew inkella minn negozjant li jaġixxi taħt l-awtorità jew il-kontroll tagħha. F’konformità ma’ dan il-prinċipju, meta l-pjattaformi online jippreżentaw dan il-prodott jew inkella jippermettu t-tranżazzjoni speċifika, jenħtieġ li jkun possibbli li jinżammu responsabbli, bl-istess mod bħad-distributuri skont din id-Direttiva. Dan ifisser li huma jkunu responsabbli biss meta jippreżentaw dan il-prodott jew inkella jippermettu t-tranżazzjoni speċifika, u biss meta l-pjattaforma online tonqos milli tidentifika minnufih operatur ekonomiku rilevanti bbażat fl-Unjoni.

(29)Fit-tranżizzjoni minn ekonomija lineari għal waħda ċirkolari, il-prodotti jiġu ddisinjati biex ikunu aktar durabbli, u biex ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw, jistgħu jissewwew u jistgħu jiġu aġġornati. L-Unjoni qed tippromwovi wkoll modi innovattivi u sostenibbli ta’ produzzjoni u konsum li jestendu l-funzjonalità tal-prodotti u tal-komponenti, bħall-manifattura mill-ġdid, ir-rinnovazzjoni u t-tiswija 47 . Barra minn hekk, il-prodotti jippermettu li jsiru modifiki permezz ta’ bidliet fis-software, inklużi ammeljoramenti. Meta prodott jiġi mmodifikat sostanzjalment barra mill-kontroll tal-manifattur oriġinali, dan jitqies bħala prodott ġdid u jenħtieġ li jkun possibbli li l-persuna li tkun għamlet il-modifika sostanzjali tinżamm responsabbli bħala manifattur tal-prodott immodifikat, billi skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni hija responsabbli għall-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti tas-sikurezza. Jiġi ddeterminat jekk modifika hijiex sostanzjali skont il-kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar is-sikurezza, bħal modifiki li jbiddlu l-funzjonijiet oriġinali maħsuba jew li jaffettwaw il-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli. Fl-interessi ta’ tqassim ġust tar-riskji fl-ekonomija ċirkolari, operatur ekonomiku li jagħmel modifika sostanzjali jenħtieġ li jkun eżentat mir-responsabbiltà jekk ikun jista’ juri li d-dannu jkun relatat ma’ parti mill-prodott li ma tkunx affettwata mill-modifika. L-operaturi ekonomiċi li jwettqu tiswijiet jew operazzjonijiet oħrajn li ma jinvolvux modifiki sostanzjali jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għar-responsabbiltà skont din id-Direttiva.

(30)Fid-dawl tal-impożizzjoni fuq l-operaturi ekonomiċi ta’ responsabbiltà, irrispettivament mill-ħtija, u bil-ħsieb li jinkiseb tqassim ġust tar-riskju, jenħtieġ li l-persuna offiża li titlob kumpens għal dannu kkawżat minn prodott difettuż iġġorr l-oneru li tagħti prova tad-dannu, tad-difett ta’ prodott u tar-rabta kawżali bejn it-tnejn. Madankollu, il-persuni offiżi spiss ikunu fi żvantaġġ sinifikanti meta mqabbla mal-manifatturi f’termini ta’ aċċess għal, u fehim ta’, informazzjoni dwar kif ġie manifatturat prodott u kif dan jopera. Din l-assimetrija ta’ informazzjoni tista’ ddgħajjef it-tqassim ġust tar-riskju, b’mod partikolari f’każijiet li jinvolvu kumplessità teknika jew xjentifika.

(31)Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-atturi għall-evidenza li għandha tintuża fi proċedimenti legali, filwaqt li jiġi żgurat li tali aċċess ikun limitat għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat, u li l-informazzjoni kunfidenzjali u s-sigrieti kummerċjali jiġu protetti. Jenħtieġ li tali evidenza tinkludi wkoll dokumenti li għandhom jinħolqu ex novo mill-konvenut billi tiġi kkompilata jew ikklassifikata l-evidenza disponibbli.

(32)Fir-rigward tas-sigrieti kummerċjali skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 48 , jenħtieġ li l-qrati nazzjonali jingħataw is-setgħa li jieħdu miżuri speċifiċi biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali matul u wara l-proċedimenti, filwaqt li jiksbu bilanċ ġust u proporzjonat bejn l-interess tad-detentur ta’ sigriet kummerċjali għas-segretezza u l-interess tal-persuna offiża. Jenħtieġ li dan jinkludi mill-inqas miżuri maħsuba biex jirrestrinġu l-aċċess għal dokumenti li jkun fihom sigrieti kummerċjali jew allegati sigrieti kummerċjali u l-aċċess għal seduti ta’ smigħ għal għadd limitat ta’ persuni, jew li jippermettu l-aċċess għal dokumenti redatti jew traskrizzjonijiet ta’ seduti ta’ smigħ. Meta jiddeċiedu dwar tali miżuri, jenħtieġ li l-qrati nazzjonali jqisu: (i) il-ħtieġa li jiġi żgurat id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust; (ii) l-interessi leġittimi tal-partijiet u, fejn xieraq, ta’ partijiet terzi; u (iii) kwalunkwe ħsara potenzjali għal xi waħda mill-partijiet u, fejn xieraq, għal partijiet terzi, li tirriżulta mill-għoti jew mir-rifjut ta’ tali miżuri.

(33)Huwa meħtieġ ukoll li jittaffa l-oneru tal-prova tal-attur, diment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Il-preżunzjonijiet konfutabbli ta’ fatt huma mekkaniżmu komuni biex jittaffew id-diffikultajiet evidenzjali ta’ attur, u jippermettu lil qorti tibbaża l-eżistenza ta’ difett jew rabta kawżali fuq il-preżenza ta’ fatt ieħor li jkun ġie pprovat, filwaqt li jippreservaw id-drittijiet tal-konvenut. Sabiex jiġi pprovdut inċentiv għall-konformità mal-obbligu li tiġi divulgata l-informazzjoni, il-qrati nazzjonali jenħtieġ li jippreżumu d-difett ta’ prodott fejn konvenut jonqos milli jikkonforma ma’ tali obbligu. Ġew adottati ħafna rekwiżiti leġiżlattivi u obbligatorji tas-sikurezza sabiex il-konsumaturi u l-pubbliku jiġu protetti mir-riskju ta’ ħsara. Sabiex tissaħħaħ ir-relazzjoni mill-qrib bejn ir-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti u r-regoli dwar ir-responsabbiltà, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ konformità ma’ tali rekwiżiti jirriżulta wkoll fi preżunzjoni ta’ difett. Dan jinkludi każijiet li fihom prodott ma jkunx mgħammar bil-mezzi biex tiġi rreġistrata l-informazzjoni dwar it-tħaddim tal-prodott kif meħtieġ skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-istess japplika fil-każ ta’ ħsara ovvja, bħal flixkun tal-ħġieġ li jisplodi matul l-użu normali, minħabba li huwa oneruż bla bżonn li attur jintalab jagħti prova ta’ difett meta ċ-ċirkostanzi jkunu tali li l-eżistenza tiegħu ma tkunx ikkontestata.

(34)Jenħtieġ li l-qrati nazzjonali jippreżumu wkoll id-difett ta’ prodott jew ir-rabta kawżali bejn id-dannu u d-difett, jew it-tnejn, fejn, minkejja d-divulgazzjoni tal-informazzjoni mill-konvenut, ikun diffiċli b’mod eċċessiv għall-attur, fid-dawl tal-kumplessità teknika jew xjentifika tal-każ, li jagħti prova tad-difett tiegħu jew tar-rabta kawżali, jew tat-tnejn. F’każijiet bħal dawn, il-ħtieġa ta’ prova ddgħajjef l-effettività tad-dritt għal kumpens. Għalhekk, minħabba li l-manifatturi għandhom għarfien espert u huma infurmati aħjar mill-persuna offiża, jenħtieġ li dawn jirribattu l-preżunzjoni. Jenħtieġ li l-kumplessità teknika jew xjentifika tiġi ddeterminata mill-qrati nazzjonali fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jitqiesu diversi fatturi. Jenħtieġ li dawk il-fatturi jinkludu n-natura kumplessa tal-prodott, bħal apparat mediku innovattiv; in-natura kumplessa tat-teknoloġija użata, bħat-tagħlim awtomatiku; in-natura kumplessa tal-informazzjoni u tad-data li għandha tiġi analizzata mill-attur; u n-natura kumplessa tar-rabta kawżali, bħal rabta bejn prodott farmaċewtiku jew tal-ikel u l-bidu ta’ kundizzjoni tas-saħħa, jew rabta li, sabiex tiġi pprovata, tkun tirrikjedi li l-attur jispjega l-ħidma interna ta’ sistema tal-IA. Il-valutazzjoni ta’ diffikultajiet eċċessivi jenħtieġ li ssir ukoll mill-qrati nazzjonali fuq bażi ta’ każ b’każ. Filwaqt li jenħtieġ li attur jipprovdi argumenti biex juri diffikultajiet eċċessivi, jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa prova ta’ tali diffikultajiet. Pereżempju, fi pretensjoni li tikkonċerna sistema tal-IA, jenħtieġ li l-attur, sabiex il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi li jeżistu diffikultajiet eċċessivi, la jkun meħtieġ li jispjega l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema tal-IA u lanqas kif dawn il-karatteristiċi jagħmluha aktar diffiċli li tiġi stabbilita r-rabta kawżali. Jenħtieġ li l-konvenut ikollu l-possibbiltà li jikkontesta l-eżistenza ta’ diffikultajiet eċċessivi.

(35)Madankollu, sabiex jinżamm tqassim ġust tar-riskju, u sabiex jiġi evitat treġġigħ lura tal-oneru tal-prova, jenħtieġ li attur, sabiex jibbenefika mill-preżunzjoni, ikun meħtieġ juri, abbażi ta’ evidenza rilevanti biżżejjed, li huwa probabbli li, fejn id-diffikultajiet tal-attur ikunu relatati mal-prova tad-difett, il-prodott kien difettuż, jew li, fejn id-diffikultajiet tal-attur ikunu relatati mal-prova tar-rabta kawżali, id-difett tiegħu huwa kawża probabbli tad-dannu.

(36)Fl-interess ta’ tqassim ġust tar-riskju, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jiġu eżentati mir-responsabbiltà jekk ikunu jistgħu jagħtu prova tal-eżistenza ta’ ċirkostanzi eżoneranti speċifiċi. Jenħtieġ li dawn ma jkunux responsabbli meta jkunu jistgħu jagħtu prova li persuna għajr huma stess tkun wasslet biex il-prodott jitlaq mill-proċess tal-manifattura kontra r-rieda tagħhom jew li l-konformità mar-regolamenti obbligatorji kienet ir-raġuni proprja għad-difett tal-prodott.

(37)Il-mument tal-introduzzjoni fis-suq jew tat-tqegħid fis-servizz normalment huwa l-mument li fih prodott jitlaq mill-kontroll tal-manifattur, filwaqt li, għad-distributuri, huwa l-mument meta jqiegħdu l-prodott fis-suq. Għalhekk, jenħtieġ li l-manifatturi jkunu eżentati mir-responsabbiltà meta jagħtu prova li huwa probabbli li d-difett li kkawża d-dannu ma kienx jeżisti meta jkunu introduċew il-prodott fis-suq jew fis-servizz jew li dan seħħ wara dak il-mument. Madankollu, billi t-teknoloġiji diġitali jippermettu lill-manifatturi jeżerċitaw kontroll lil hinn mill-mument tal-introduzzjoni tal-prodott fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz, jenħtieġ li l-manifatturi jibqgħu responsabbli għad-difetti li jseħħu wara dak il-mument bħala riżultat ta’ software jew ta’ servizzi relatati fil-kontroll tagħhom, kemm jekk fil-forma ta’ ammeljoramenti jew aġġornamenti jew algoritmi ta’ tagħlim awtomatiku. Jenħtieġ li tali software jew servizzi relatati jiġu kkunsidrati li huma fil-kontroll tal-manifattur fejn jiġu fornuti minn dak il-manifattur jew fejn dak il-manifattur jawtorizzahom jew inkella jinfluwenza l-provvista tagħhom minn parti terza.

(38)Il-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jevitaw ir-responsabbiltà billi jagħtu prova li d-difett seħħ wara li jkunu introduċew il-prodott fis-suq jew fis-servizz jenħtieġ li tiġi ristretta wkoll meta d-difett ta’ prodott ikun jikkonsisti fin-nuqqas ta’ aġġornamenti jew ammeljoramenti tas-software meħtieġa biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet taċ-ċibersigurtà u tinżamm is-sikurezza tal-prodott. Tali vulnerabbiltajiet jistgħu jaffettwaw il-prodott b’tali mod li dan jikkawża dannu skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva. B’rikonoxximent tar-responsabbiltajiet tal-manifatturi skont id-dritt tal-Unjoni għas-sikurezza tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, bħal skont ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 49 , jenħtieġ li l-manifatturi jkunu responsabbli wkoll għad-danni kkawżati min-nuqqas tagħhom li jipprovdu aġġornamenti jew ammeljoramenti tas-sigurtà tas-software li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet tal-prodott b’reazzjoni għar-riskji taċ-ċibersigurtà li qed jevolvu. Jenħtieġ li tali responsabbiltà ma tapplikax meta l-provvista jew l-installazzjoni ta’ tali software ma tkunx fil-kontroll tal-manifattur, pereżempju, fejn is-sid tal-prodott ma jinstallax aġġornament jew ammeljorament fornut bl-iskop li jiġi żgurat jew jinżamm il-livell ta’ sikurezza tal-prodott.

(39)Fl-interessi ta’ tqassim ġust tar-riskji, jenħtieġ li l-manifatturi jiġu eżentati wkoll mir-responsabbiltà jekk jagħtu prova li l-istat tal-għarfien xjentifiku u tekniku, iddeterminat b’referenza għall-aktar livell avvanzat ta’ għarfien oġġettiv aċċessibbli u mhux għall-għarfien proprju tal-manifattur inkwistjoni, waqt li l-prodott kien fil-kontroll tagħhom, kien tali li l-eżistenza tad-difett ma setgħetx tiġi skoperta.

(40)Jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet li fihom żewġ partijiet jew aktar ikunu responsabbli għall-istess dannu, b’mod partikolari meta komponent difettuż jiġi integrat fi prodott li jikkawża dannu. F’każ bħal dan, jenħtieġ li l-persuna offiża tkun tista’ tfittex kumpens kemm mill-manifattur li jkun integra l-komponent difettuż fil-prodott tiegħu, kif ukoll mill-manifattur tal-komponent difettuż innifsu. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur, jenħtieġ li l-partijiet kollha jkollhom obbligazzjoni in solidum f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

(41)Jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet li fihom l-atti u l-ommissjonijiet ta’ persuni għajr operatur ekonomiku potenzjalment responsabbli jikkontribwixxu, minbarra għad-difett tal-prodott, għall-kawża tad-dannu mġarrab, bħal parti terza li tisfrutta l-vulnerabbiltà taċ-ċibersigurtà ta’ prodott. Fl-interessi tal-protezzjoni tal-konsumatur, fejn prodott ikun difettuż, pereżempju, minħabba vulnerabbiltà li tagħmel il-prodott inqas sikur milli l-pubbliku ġenerali jkun intitolat li jistenna, jenħtieġ li r-responsabbiltà tal-operatur ekonomiku ma titnaqqasx bħala riżultat ta’ tali atti jew ommissjonijiet. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li titnaqqas jew ma tkunx permessa r-responsabbiltà tal-operatur ekonomiku meta l-persuni offiżi nfushom ikunu kkontribwew b’mod negliġenti għall-kawża tad-dannu.

(42)L-objettiv tal-protezzjoni tal-konsumatur jiġi mminat jekk ikun possibbli li tiġi limitata jew eskluża r-responsabbiltà ta’ operatur ekonomiku permezz ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali. Għalhekk, jenħtieġ li ma tkun permessa l-ebda deroga kuntrattwali. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li ma jkunx possibbli li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali jillimitaw jew jeskludu r-responsabbiltà, bħal billi jiġu ffissati limiti massimi finanzjarji fuq ir-responsabbiltà ta’ operatur ekonomiku.

(43)Minħabba li l-prodotti jimmaturaw maż-żmien, u minħabba li jiġu żviluppati standards ogħla ta’ sikurezza hekk kif l-istat tax-xjenza u tat-teknoloġija jimxi ’l quddiem, ma jkunx raġonevoli li l-manifatturi jsiru responsabbli għal perjodu ta’ żmien mhux limitat għad-difett tal-prodotti tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li r-responsabbiltà tkun soġġetta għal tul ta’ żmien raġonevoli, jiġifieri għaxar snin wara l-introduzzjoni fis-suq, mingħajr preġudizzju għal pretensjonijiet pendenti fi proċedimenti legali. Sabiex jiġi evitat li tiġi miċħuda b’mod mhux raġonevoli l-possibbiltà ta’ kumpens, jenħtieġ li l-perjodu ta’ limitazzjoni jkun ta’ 15-il sena f’każijiet fejn, skont evidenza medika, is-sintomi ta’ dannu personali jdumu biex jitfaċċaw.

(44)Billi l-prodotti sostanzjalment modifikati huma essenzjalment prodotti ġodda, jenħtieġ li l-perjodu ta’ limitazzjoni jerġa’ jibda wara li prodott ikun ġie mmodifikat sostanzjalment, pereżempju, bħala riżultat tal-manifattura mill-ġdid, fejn prodott jiġi mmodifikat b’tali mod li l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ sikurezza applikabbli tista’ tiġi affettwata.

(45)Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni armonizzata ta’ din id-Direttiva mill-qrati nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jintalbu jippubblikaw is-sentenzi rilevanti tal-qorti dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti.

(46)Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva. Skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 50 , jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji tal-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE, u jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għal valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri ulterjuri possibbli. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal prodotti introdotti fis-suq tal-Unjoni jew imqiegħda fis-servizz qabel id-data tat-traspożizzjoni tagħha. Huwa meħtieġ li jiġu previsti arranġamenti tranżizzjonali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà kontinwa skont id-Direttiva 85/374/KEE għal dannu li jkun ikkawżat minn prodotti difettużi li jkunu ġew introdotti fis-suq jew fis-servizz qabel dik id-data.

(47)Billi l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu żgurati l-funzjonament tas-suq intern, il-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura madwar l-Unjoni kollha tas-suq tal-oġġetti, iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-effett ta’ armonizzazzjoni tar-regoli komuni dwar ir-responsabbiltà, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar ir-responsabbiltà tal-operaturi ekonomiċi għad-danni mġarrba minn persuni fiżiċi kkawżati minn prodotti difettużi.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti introdotti fis-suq jew mqiegħda fis-servizz wara [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok daħħal id-data: 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

2.Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dannu li jinħoloq minn aċċidenti nukleari sa fejn ir-responsabbiltà għal tali dannu tkun koperta minn konvenzjonijiet internazzjonali rratifikati mill-Istati Membri.

3.Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa:

(a)l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva 2002/58/KE u d-Direttiva (UE) 2016/680;

(b)ir-regoli nazzjonali dwar id-dritt ta’ kontribuzzjoni jew rikors bejn żewġ operaturi ekonomiċi jew aktar li għandhom obbligazzjoni in solidum skont l-Artikolu 11 jew f’każ fejn id-dannu jkun ikkawżat kemm minn prodott difettuż kif ukoll minn att jew ommissjoni ta’ parti terza kif imsemmi fl-Artikolu 12;

(c)kwalunkwe dritt li persuna offiża jista’ jkollha skont ir-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali jew dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali għal raġunijiet oħrajn minbarra d-difett ta’ prodott, inklużi regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Dritt tal-Unjoni, bħad-[Direttiva dwar ir-Responsabbiltà tal-IA];

(d)kwalunkwe dritt li persuna offiża jista’ jkollha taħt kwalunkwe sistema ta’ responsabbiltà speċjali li kienet teżisti fil-liġi nazzjonali fit-30 ta’ Lulju 1985.

Artikolu 3

Livell ta’ armonizzazzjoni

L-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, inklużi dispożizzjonijiet aktar jew inqas stretti biex jinkiseb livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“prodott” tfisser il-beni mobbli kollha, anki jekk integrati f’beni mobbli ieħor jew f’beni immobbli. “Prodott” jinkludi l-elettriku, il-fajls tal-manifattura diġitali u s-software;

(2)“fajl tal-manifattura diġitali” tfisser verżjoni diġitali jew mudell diġitali ta’ beni mobbli;

(3)“komponent” tfisser kwalunkwe oġġett, kemm jekk tanġibbli jew intanġibbli, jew kwalunkwe servizz relatat, li huwa integrat fi, jew interkonness ma’, prodott mill-manifattur ta’ dak il-prodott jew fil-kontroll ta’ dak il-manifattur;

(4)“servizz relatat” tfisser servizz diġitali li huwa integrat fi, jew interkonness ma’, prodott b’tali mod li n-nuqqas tiegħu jimpedixxi lill-prodott milli jwettaq waħda jew aktar mill-funzjonijiet tiegħu;

(5)“kontroll tal-manifattur” tfisser li l-manifattur ta’ prodott jawtorizza a) l-integrazzjoni, l-interkonnessjoni jew il-provvista minn parti terza ta’ komponent, inklużi aġġornamenti jew ammeljoramenti tas-software, jew b) il-modifika tal-prodott;

(6)“dannu” tfisser telf materjali li jirriżulta minn:

(a)mewt jew dannu personali, inkluża ħsara medikament rikonoxxuta għas-saħħa psikoloġika;

(b)ħsara lil, jew qerda ta’, kwalunkwe proprjetà, ħlief:

(i) il-prodott difettuż innifsu;

(ii) prodott li ssirlu ħsara minn komponent difettuż ta’ dak il-prodott;

(iii) proprjetà użata esklussivament għal finijiet professjonali;

(c)telf jew korruzzjoni ta’ data li ma tintużax esklussivament għal finijiet professjonali;

(7)“data” tfisser data kif definita fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 51 ;

(8)“introduzzjoni fis-suq” tfisser li prodott jitqiegħed għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni;

(9)“tqegħid fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ prodott għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni matul l-attività kummerċjali, kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll mingħajru;

(10)“tqegħid fis-servizz” tfisser l-ewwel użu ta’ prodott fl-Unjoni matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas, f’ċirkostanzi li fihom il-prodott ma jkunx ġie introdott fis-suq qabel l-ewwel użu tiegħu;

(11)“manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tiżviluppa, timmanifattura jew tipproduċi prodott jew li għandha prodott iddisinjat jew manifatturat, jew li tikkummerċjalizza dak il-prodott taħt isimha jew it-trademark tagħha jew li tiżviluppa, timmanifattura jew tipproduċi prodott għall-użu tagħha stess;

(12)“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand manifattur biex taġixxi f’ismu b’rabta mal-kompiti speċifikati;

(13)“importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni, li tintroduċi prodott minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;

(14)“fornitur ta’ servizz ta’ ġestjoni” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li toffri, matul attività kummerċjali, mill-inqas tnejn mis-servizzi li ġejjin: il-magazzinaġġ, l-imballaġġ, l-indirizzar u d-dispaċċ ta’ prodott, mingħajr ma jkun hemm sjieda tal-prodott, bl-eċċezzjoni tas-servizzi postali kif definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 52 , tas-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2018/644 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 53 , u ta’ kwalunkwe servizz postali ieħor jew servizz ta’ trasport tal-merkanzija;

(15)“distributur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, għajr il-manifattur jew l-importatur, li tqiegħed prodott fis-suq;

(16)“operatur ekonomiku” tfisser il-manifattur ta’ prodott jew ta’ komponent, il-fornitur ta’ servizz relatat, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur, il-fornitur ta’ servizz ta’ ġestjoni jew id-distributur;

(17)“pjattaforma online” tfisser pjattaforma online kif definita fl-Artikolu 2(h) tar-Regolament (UE)…/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) 54 +.

KAPITOLU II

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi

Artikolu 5

Dritt għal kumpens

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika li ssofri dannu kkawżat minn prodott difettuż (“il-persuna offiża”) tkun intitolata għal kumpens f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet għal kumpens skont il-paragrafu 1 jistgħu jitressqu wkoll minn:

(a)persuna li tkun issuċċediet, jew ġiet surrogata, għad-dritt tal-persuna offiża bis-saħħa tal-liġi jew tal-kuntratt; jew

(b)persuna li taġixxi f’isem persuna offiża waħda jew aktar f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 6

Difett

1.Prodott għandu jitqies difettuż meta ma jipprovdix is-sikurezza li l-pubbliku ġenerali huwa intitolat li jistenna, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, inklużi dawn li ġejjin:

(a)il-preżentazzjoni tal-prodott, inklużi l-istruzzjonijiet għall-installazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni;

(b)l-użu u l-użu ħażin raġonevolment prevedibbli tal-prodott;

(c)l-effett fuq il-prodott ta’ kwalunkwe kapaċità li tkompli titgħallem wara l-iskjerament;

(d)l-effett fuq il-prodott ta’ prodotti oħrajn li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jintużaw flimkien mal-prodott;

(e)il-mument meta l-prodott ikun ġie introdott fis-suq jew tqiegħed fis-servizz jew, meta l-manifattur iżomm kontroll fuq il-prodott wara dak il-mument, il-mument meta l-prodott ma jkunx baqa’ fil-kontroll tal-manifattur;

(f)ir-rekwiżiti tas-sikurezza tal-prodotti, inklużi r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà rilevanti għas-sikurezza;

(g)kwalunkwe intervent minn awtorità regolatorja jew minn operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 7 relatat mas-sikurezza tal-prodotti;

(h)l-aspettattivi speċifiċi tal-utenti finali li għalihom huwa maħsub il-prodott.

2.Prodott ma għandux jitqies difettuż għall-unika raġuni li prodott aħjar, inklużi aġġornamenti jew ammeljoramenti fi prodott, ikun diġà ġie introdott fis-suq jew tqiegħed fis-servizz jew sussegwentement jiġi introdott fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz.

Artikolu 7

Operaturi ekonomiċi responsabbli għall-prodotti difettużi

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifattur ta’ prodott difettuż ikun jista’ jinżamm responsabbli għad-danni kkawżati minn dak il-prodott.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta komponent difettuż ikun ikkawża li l-prodott ikun difettuż, il-manifattur ta’ komponent difettuż jista’ wkoll jinżamm responsabbli għall-istess dannu.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-manifattur tal-prodott difettuż ikun stabbilit barra mill-Unjoni, l-importatur tal-prodott difettuż u r-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur jistgħu jinżammu responsabbli għad-dannu kkawżat minn dak il-prodott.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-manifattur tal-prodott difettuż ikun stabbilit barra mill-Unjoni u l-ebda wieħed mill-operaturi ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2 ma jkun stabbilit fl-Unjoni, il-fornitur tas-servizz ta’ ġestjoni jista’ jinżamm responsabbli għad-dannu kkawżat mill-prodott difettuż.

4.Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmodifika prodott li jkun diġà ġie introdott fis-suq jew tqiegħed fis-servizz għandha titqies bħala manifattur tal-prodott għall-finijiet tal-paragrafu 1, meta l-modifika titqies sostanzjali skont ir-regoli rilevanti tal-Unjoni jew nazzjonali dwar is-sikurezza tal-prodott u titwettaq barra mill-kontroll tal-manifattur oriġinali.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta ma jkunx jista’ jiġi identifikat manifattur skont il-paragrafu 1 jew, meta l-manifattur ikun stabbilit barra mill-Unjoni, ma jkunx jista’ jiġi identifikat operatur ekonomiku skont il-paragrafu 2 jew 3, kull distributur tal-prodott jista’ jinżamm responsabbli meta:

(a)l-attur jitlob lil dak id-distributur jidentifika l-operatur ekonomiku jew il-persuna li tkun forniet lid-distributur bil-prodott; u

(b)id-distributur jonqos milli jidentifika l-operatur ekonomiku jew il-persuna li tkun forniet lid-distributur bil-prodott fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba.

6.Il-paragrafu 5 għandu japplika wkoll għal kwalunkwe fornitur ta’ pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod man-negozjanti u li ma jkunx manifattur, importatur jew distributur, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) stabbiliti fir-Regolament (UE)…/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) 55 +.

Artikolu 8

Divulgazzjoni tal-evidenza

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jingħataw is-setgħa, fuq talba ta’ persuna offiża li titlob kumpens għal dannu kkawżat minn prodott difettuż (“l-attur”) li tkun ippreżentat fatti u evidenza suffiċjenti biex tappoġġa l-plawżibbiltà tat-talba għal kumpens, sabiex il-konvenut jiġi ordnat jiddivulga evidenza rilevanti li hija għad-dispożizzjoni tiegħu.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jillimitaw id-divulgazzjoni tal-evidenza għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jappoġġaw pretensjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.Meta jiddeterminaw jekk id-divulgazzjoni hijiex proporzjonata, il-qrati nazzjonali għandhom jikkunsidraw l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha, inklużi l-partijiet terzi kkonċernati, b’mod partikolari b’rabta mal-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali u sigrieti kummerċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt 1, tad-Direttiva (UE) 2016/943.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta konvenut jiġi ordnat jiddivulga informazzjoni li tkun sigriet kummerċjali jew allegat sigriet kummerċjali, il-qrati nazzjonali jingħataw is-setgħa, fuq talba debitament motivata ta’ parti jew fuq inizjattiva tagħhom stess, jieħdu l-miżuri speċifiċi meħtieġa biex jippreservaw il-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni meta tintuża jew issir referenza għaliha matul il-proċedimenti legali.

Artikolu 9

Oneru tal-prova

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li attur ikun meħtieġ jagħti prova tad-difett tal-prodott, tad-dannu mġarrab u tar-rabta kawżali bejn id-difett u d-dannu.

2.Għandu jiġi preżunt li l-prodott huwa difettuż, fejn tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-konvenut ikun naqas milli jikkonforma ma’ obbligu li jiddivulga l-evidenza rilevanti għad-dispożizzjoni tiegħu skont l-Artikolu 8(1);

(b)l-attur jistabbilixxi li l-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti obbligatorji ta’ sikurezza stipulati fid-dritt tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali li huma maħsuba biex jipproteġu kontra r-riskju tad-dannu li jkun seħħ; jew

(c)l-attur jistabbilixxi li d-dannu kien ikkawżat minn ħsara ovvja tal-prodott waqt l-użu normali jew f’ċirkostanzi ordinarji.

3.Ir-rabta kawżali bejn id-difett tal-prodott u d-dannu għandha tiġi preżunta, fejn ikun ġie stabbilit li l-prodott huwa difettuż u d-dannu kkawżat ikun ta’ tip li tipikament ikun konsistenti mad-difett inkwistjoni.

4.Meta qorti nazzjonali tiġġudika li l-attur jiffaċċja diffikultajiet eċċessivi, minħabba kumplessità teknika jew xjentifika, biex jagħti prova tad-difett tal-prodott jew tar-rabta kawżali bejn id-difett tiegħu u d-dannu, jew it-tnejn li huma, id-difett tal-prodott jew ir-rabta kawżali bejn id-difett tiegħu u d-dannu, jew it-tnejn li huma, għandhom ikunu preżunti fejn l-attur ikun wera, abbażi ta’ evidenza rilevanti biżżejjed, li:

(a)il-prodott ikkontribwixxa għad-dannu; u

(b)x’aktarx li l-prodott kien difettuż jew li d-difett tiegħu huwa kawża probabbli tad-dannu, jew it-tnejn li huma.

Il-konvenut għandu jkollu d-dritt li jikkontesta l-eżistenza ta’ diffikultajiet eċċessivi jew il-probabbiltà msemmija fl-ewwel subparagrafu.

5.Il-konvenut għandu jkollu d-dritt li jirribatti kwalunkwe waħda mill-preżunzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4.

Artikolu 10

Eżenzjoni mir-responsabbiltà

1.Operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 7 ma għandux ikun responsabbli għad-dannu kkawżat minn prodott difettuż jekk dak l-operatur ekonomiku jagħti prova ta’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)fil-każ ta’ manifattur jew importatur, li ma jkunx introduċa l-prodott fis-suq jew qiegħdu fis-servizz;

(b)fil-każ ta’ distributur, li ma jkunx qiegħed il-prodott fis-suq;

(c)li huwa probabbli li d-difett li kkawża d-dannu ma kienx jeżisti meta l-prodott ġie introdott fis-suq, tqiegħed fis-servizz jew, fir-rigward ta’ distributur, tqiegħed fis-suq, jew li dan id-difett seħħ wara dak il-mument;

(d)li d-difett huwa dovut għall-konformità tal-prodott mar-regolamenti obbligatorji maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi;

(e)fil-każ ta’ manifattur, li l-istat oġġettiv tal-għarfien xjentifiku u tekniku fiż-żmien meta l-prodott ġie introdott fis-suq, tqiegħed fis-servizz jew fil-perjodu li fih il-prodott kien fil-kontroll tal-manifattur ma kienx tali li d-difett seta’ jiġi skopert;

(f)fil-każ ta’ manifattur ta’ komponent difettuż imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1), li d-difett tal-prodott huwa attribwibbli għad-disinn tal-prodott li fih ikun ġie integrat il-komponent jew għall-istruzzjonijiet mogħtija mill-manifattur ta’ dak il-prodott lill-manifattur tal-komponent; jew

(g)fil-każ ta’ persuna li timmodifika prodott kif imsemmi fl-Artikolu 7(4), li d-difett li kkawża d-dannu huwa relatat ma’ parti tal-prodott li ma tkunx affettwata mill-modifika.

2.B’deroga mill-paragrafu 1(c), operatur ekonomiku ma għandux ikun eżentat mir-responsabbiltà, meta d-difett tal-prodott ikun dovut għal xi wieħed minn dawn li ġejjin, diment li jkun fil-kontroll tal-manifattur:

(a)servizz relatat;

(b)software, inklużi aġġornamenti jew ammeljoramenti tas-software; jew

(c)in-nuqqas ta’ aġġornamenti jew ammeljoramenti tas-software meħtieġa biex tinżamm is-sikurezza.

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-responsabbiltà

Artikolu 11

Responsabbiltà ta’ diversi operaturi ekonomiċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn ikun hemm żewġ operaturi ekonomiċi jew aktar responsabbli għall-istess dannu skont din id-Direttiva, dawn jista’ jkollhom obbligazzjoni in solidum.

Artikolu 12

Tnaqqis tar-responsabbiltà

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbiltà ta’ operatur ekonomiku ma tonqosx meta d-dannu jkun ikkawżat kemm mid-difett ta’ prodott kif ukoll minn att jew ommissjoni ta’ parti terza.

2.Ir-responsabbiltà ta’ operatur ekonomiku tista’ titnaqqas jew ma tkunx permessa meta d-dannu jkun ikkawżat kemm mid-difett tal-prodott kif ukoll mill-ħtija tal-persuna offiża jew ta’ kwalunkwe persuna li għaliha tkun responsabbli l-persuna offiża.

Artikolu 13

Esklużjoni jew limitazzjoni tar-responsabbiltà

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbiltà ta’ operatur ekonomiku skont din id-Direttiva ma tkunx, b’rabta mal-persuna offiża, limitata jew eskluża minn dispożizzjoni kuntrattwali jew mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 14

Perjodi ta’ limitazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li japplika perjodu ta’ limitazzjoni ta’ tliet snin għall-bidu tal-proċedimenti biex jintalab kumpens għad-dannu li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih il-persuna offiża tkun saret taf, jew raġonevolment kellha ssir taf, b’dawn kollha li ġejjin:

(a)id-dannu;

(b)id-difett;

(c)l-identità tal-operatur ekonomiku rilevanti li jista’ jinżamm responsabbli għad-dannu f’konformità mal-Artikolu 7.

Il-liġijiet tal-Istati Membri li jirregolaw is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perjodu ta’ limitazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandhomx jiġu affettwati minn din id-Direttiva.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet mogħtija lill-persuna offiża skont din id-Direttiva ma jibqgħux japplikaw malli jiskadi perjodu ta’ limitazzjoni ta’ għaxar snin mid-data li fiha l-prodott difettuż proprju li kkawża d-dannu jkun ġie introdott fis-suq, tqiegħed fis-servizz jew ikun ġie mmodifikat sostanzjalment kif imsemmi fl-Artikolu 7(4), sakemm attur, sadanittant, ma jkunx beda proċedimenti quddiem qorti nazzjonali kontra operatur ekonomiku li jista’ jinżamm responsabbli skont l-Artikolu 7.

3.B’eċċezzjoni mill-paragrafu 2, meta persuna offiża ma setgħetx tibda proċedimenti fi żmien għaxar snin minħabba l-latenza ta’ dannu personali, id-drittijiet mogħtija lill-persuna offiża skont din id-Direttiva ma għandhomx jibqgħu japplikaw mal-iskadenza ta’ perjodu ta’ limitazzjoni ta’ 15-il sena.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 15

Trasparenza

1.L-Istati Membri għandhom jippubblikaw, f’format faċilment aċċessibbli u elettroniku, kwalunkwe sentenza finali mogħtija mill-qrati nazzjonali tagħhom b’rabta mal-proċedimenti mnedija skont din id-Direttiva, kif ukoll sentenzi finali rilevanti oħrajn dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti. Il-pubblikazzjoni għandha ssir mingħajr dewmien malli tiġi nnotifikata s-sentenza sħiħa bil-miktub lill-partijiet.

2.Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku li jkun fiha s-sentenzi msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 16

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha, sa [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok daħħal id-data: sitt snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], u kull ħames snin wara, tirrieżamina l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Artikolu 17

Tħassir u dispożizzjoni tranżizzjonali

1.Id-Direttiva 85/374/KEE hija mħassra b’effett minn [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok daħħal id-data: 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva]. Madankollu, hija għandha tkompli tapplika fir-rigward tal-prodotti introdotti fis-suq jew imqiegħda fis-servizz qabel dik id-data.

2.Ir-referenzi għad-Direttiva 85/374/KEE għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 18

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok daħħal id-data: 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi, ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29.
(2)        Evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti,  SWD(2018)157 .
(3)     Il-Kummissjoni Ewropea, White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali - Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja, COM(2020) 65 final, 2020.
(4)     Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport dwar l-implikazzjonijiet tas-sigurtà u tar-responsabbiltà tal-Intelliġenza Artifiċjali, tal-Internet tal-Oġġetti u tar-robotika, COM(2020) 64 final, 2020 .
(5)     Grupp ta’ Esperti dwar ir-Responsabbiltà u t-Teknoloġiji l-Ġodda (2019), Rapport dwar ir-Responsabbiltà għall-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji diġitali emerġenti oħrajn.
(6)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2020 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar reġim ta’ responsabbiltà ċivili għall-intelliġenza artifiċjali (2020/2014(INL)).
(7)    Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.08.2008, p. 82).
(8)    Skont iċ-ċirkostanzi, il-vittmi jista’ jkollhom ukoll pretensjoni ta’ responsabbiltà stretta fil-livell nazzjonali li għaliha ma jkollhomx bżonn jagħtu prova ta’ ħtija, pereżempju, pretensjonijiet kontra s-sidien tal-vetturi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.
(9)    Id-Direttiva (UE) 2019/771 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti.
(10)    Id-Direttiva (UE) 2019/770 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u servizzi diġitali.
(11)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (GDPR).
(12)    Id-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali.
(13)    Id-Direttiva 2001/95/KE (DSĠP).
(14)    Lil hinn mil-leġiżlazzjoni settorjali u mid-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, hemm ukoll leġiżlazzjoni speċifika għat-teknoloġija iżda orizzontali dwar is-sikurezza tal-prodotti, b’mod partikolari l-Att propost dwar l-IA.
(15)    Stabbiliti bir-Regolament (UE) 2019/1020 dwar is-sorveljanza tas-suq.
(16)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-IA), COM(2021) 206 final.
(17)    COM(2021) 202 final.
(18)    COM(2021) 346 final, li se tissostitwixxi d-DSĠP u d-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE.
(19)    Ir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE, COM(2020) 825 final.
(20)    Ir-Regolament (UE) 2019/881 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 151, 7.6.2019, pp. 15-69.
(21)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/30 tad-29 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Direttiva.
(22)    Id-Direttiva 2014/53/UE dwar it-Tagħmir tar-Radju, l-Artikolu 3(3)(e) u l-Artikolu 3(3)(f).
(23)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għal prodotti b’elementi diġitali u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020, COM(2022) 454 final .
(24)     Circular economy action plan , Marzu 2020.
(25)    COM/2020/67 final.
(26)    Ara t-taqsima 1.2 għal aktar dettalji.
(27)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2020 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar reġim ta’ responsabbiltà ċivili għall-intelliġenza artifiċjali (2020/2014(INL)).
(28)    Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).
(29)     Inizjattiva għal prodotti sostenibbli (europa.eu) .
(30)    Evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti,  SWD(2018)157 , p. 60.
(31)    Evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti,  SWD(2018)157 .
(32)     Responsabbiltà ċivili – adattament tar-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-era diġitali u għall-intelliġenza artifiċjali (europa.eu) .
(33)    EY, Technopolis, VVA (2018), Studju li jakkumpanja l-Evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti.
(34)    CSES ma’ Wavestone, CSIL (2022), Studju tal-valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti.
(35)    Ara l-bibljografija fl-Anness 6 tas-CSES ma’ Wavestone, CSIL (2022), Studju tal-valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti.
(36)    Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14. 
(37)    Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.08.2008, p. 82). 
(38)

   ĠU C […], […], p. […].

(39)

   Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29).

(40)    Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti.
(41)

   Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(42)

   Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(43)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(44)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.
(45)    Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).
(46)    Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).
(47)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva, COM/2020/98 final.
(48)    Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).
(49)    Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1).
(50)    Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).
(51)    Ir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Att dwar il-Governanza tad-Data) (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 1).
(52)    Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14).
(53)    Ir-Regolament (UE) 2018/644 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018 dwar servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini (ĠU L 112, 2.5.2018, p. 19).
(54) +    Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru tad-Direttiva li jinsab fid-dokument PE-CONS 30/22 (2020/0361(COD)) u daħħal in-numru, id-data, it-titolu u r-referenza tal-ĠU ta’ dik id-Direttiva fin-nota f’qiegħ il-paġna.
(55) +    Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru tad-Direttiva li jinsab fid-dokument PE-CONS 30/22 (2020/0361(COD)) u daħħal in-numru, id-data, it-titolu u r-referenza tal-ĠU ta’ dik id-Direttiva fin-nota f’qiegħ il-paġna.

Brussell, 24.3.2023

COM(2022) 495 final/2

CORRIGENDUM
This document corrects document COM(2022) 495 final of 28 September 2022.
Concerns all language versions.
Addition of a missing annex.The act is not concerned.

ANNESS

tal-Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi

{SEC(2022) 343 final} - {SWD(2022) 315 final} - {SWD(2022) 316 final} - {SWD(2022) 317 final}


ANNESS

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 85/374/KEE

Din id-Direttiva

L-Artikolu 1

L-Artikolu 1

-

L-Artikolu 3

L-Artikolu 2

L-Artikolu 4, il-punt (1)

-

L-Artikolu 4, il-punti (2) sa (5), (6)(b) u (c), u (7) sa (17)

L-Artikolu 3(1) u (2)

L-Artikolu 4, il-punt (11)

-

L-Artikolu 5

L-Artikolu 3(3)

L-Artikolu 7(5)

-

L-Artikolu 7(1) sa (4), u (6)

-

L-Artikolu 8

L-Artikolu 4

L-Artikolu 9(1)

-

L-Artikolu 9(2)

-

L-Artikolu 9(3)

-

L-Artikolu 9(5)

L-Artikolu 5

L-Artikolu 2(3), il-punt (b), u l-Artikolu 11

L-Artikolu 6

L-Artikolu 6

L-Artikolu 7

L-Artikolu 10

L-Artikolu 8

L-Artikolu 12

L-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, il-punt (a)

L-Artikolu 4, il-punt (6)(a)

L-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, il-punt (b)

L-Artikolu 4, il-punt 6(b)

L-Artikolu 9, it-tieni paragrafu

-

L-Artikolu 10

L-Artikolu 14(1)

L-Artikolu 11

L-Artikolu 14(2)

-

L-Artikolu 14(3)

L-Artikolu 12

L-Artikolu 13

-

L-Artikolu 15

L-Artikolu 13

L-Artikolu 2(3), il-punti (c) u (d)

-

L-Artikolu 2(3), il-punti (a) u (b)

L-Artikolu 14

L-Artikolu 2(2)

L-Artikolu 15(1), il-punt (b)

-

L-Artikolu 15(2) u (3)

-

L-Artikolu 16

-

L-Artikolu 17

L-Artikolu 2(1)

-

L-Artikolu 16

-

L-Artikolu 17

L-Artikolu 18

-

L-Artikolu 19

L-Artikolu 18(1)

L-Artikolu 20

L-Artikolu 18(2)

L-Artikolu 21

-

-

L-Artikolu 19

L-Artikolu 22

L-Artikolu 20