Eureka 52022SC0320 Sign in

Brussell, 28.9.2022

SWD(2022) 320 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar l-adattament tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali għall-intelliġenza artifiċjali (Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-IA)


{COM(2022) 496 final} - {SEC(2022) 344 final} - {SWD(2022) 318 final} - {SWD(2022) 319 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar l-inizjattiva dwar ir-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati mill-IA

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

L-introduzzjoni tal-IA hija kemm objettiv tal-Kummissjoni kif ukoll xejra mistennija. Għalkemm il-prodotti/is-servizzi li jużaw l-IA huma mistennija li jkunu aktar sikuri minn dawk tradizzjonali, xorta waħda se jseħħu aċċidenti.

Ir-regoli attwali dwar ir-responsabbiltà, b’mod partikolari r-regoli nazzjonali bbażati fuq il-ħtija, mhumiex adattati biex jittrattaw talbiet għal kumpens għal dannu kkawżat minn prodotti/servizzi li jużaw l-IA. Skont dawn ir-regoli, il-vittmi jridu jagħtu prova ta’ azzjoni ħażina/ommissjoni tal-persuna li kkawżat id-dannu. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-IA, inklużi l-awtonomija u l-opaċità (l-hekk imsejjaħ effett “black box”), jagħmluha diffiċli jew projbittivament għali biex tiġi identifikata l-persuna responsabbli u jiġu ppruvati r-rekwiżiti għal talba ta’ responsabbiltà li tirnexxi.

Il-Kummissjoni trid tevita li l-vittmi tad-danni kkawżati mill-IA, pereż. iċ-ċittadini, in-negozji, ikunu inqas protetti mill-vittmi tat-teknoloġiji tradizzjonali. Dan in-nuqqas ta’ kumpens jista’ jaffettwa l-fiduċja tagħhom fl-IA u fl-aħħar mill-aħħar l-użu ta’ prodotti/servizzi bbażati fuq l-IA.

Mhuwiex ċert kif ir-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà jistgħu jiġu applikati għall-ispeċifiċitajiet tal-IA. Barra minn hekk, quddiem riżultat, li huwa inġust għall-vittma, il-qrati jistgħu japplikaw ir-regoli eżistenti fuq bażi ad hoc b’mod li jaslu għal riżultat ġust. Dan se jikkawża inċertezza legali. B’riżultat ta’ dan, in-negozju se jkollu diffikultajiet biex ibassar kif se jiġu applikati r-regoli eżistenti dwar ir-responsabbiltà f’każ li jseħħ dannu. Għalhekk se jkollhom diffikultajiet biex jivvalutaw u jassiguraw l-esponiment tagħhom għar-responsabbiltà. Dan l-impatt huwa akbar fil-każ ta’ negozji attivi bejn il-fruntieri peress li l-inċertezza tkun tkopri ġurisdizzjonijiet differenti. Dan se jaffettwa b’mod partikolari lill-SMEs, li ma jistgħux jiddependu fuq għarfien legali espert intern jew fuq riżervi ta’ kapital.

Huwa mistenni wkoll li jekk l-UE ma taġixxix l-Istati Membri jadattaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar ir-responsabbiltà għall-isfidi tal-IA. Dan se jirriżulta fi frammentazzjoni ulterjuri u jżid l-ispejjeż għan-negozji attivi bejn il-fruntieri.

X’jenħtieġ li jinkiseb?

L-inizjattiva twettaq il-prijorità tal-Kummissjoni għat-tranżizzjoni diġitali. L-objettiv kumplessiv huwa li tiġi promossa l-introduzzjoni ta’ IA affidabbli biex jiħasdu l-benefiċċji kollha tal-IA. Għalhekk, il-White Paper dwar l-IA għandha l-għan li toħloq ekosistema ta’ fiduċja biex tippromwovi l-adozzjoni tal-IA. L-inizjattiva dwar ir-responsabbiltà hija s-segwitu meħtieġ wara li r-regoli dwar is-sikurezza jiġu adattati għall-IA u għalhekk tikkomplementa l-Att dwar l-IA.

L-inizjattiva tal-IA se:

-Tiżguraw li l-vittmi ta’ prodotti/servizzi bbażati fuq l-IA jkunu protetti bl-istess mod bħall-vittmi tat-teknoloġiji tradizzjonali.

-Titnaqqas l-inċertezza legali rigward l-esponiment għar-responsabbiltà tan-negozji li jiżviluppaw l-IA jew li jużawha.

-Jiġi evitat li jitfaċċaw adattamenti frammentati, speċifiċi għall-IA, tar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

Il-promozzjoni tal-introduzzjoni tal-IA fl-Ewropa timplika l-ħtieġa li s-suq uniku tal-UE jinfetaħ għal dawk l-operaturi ekonomiċi li jixtiequ jiżviluppaw jew jadottaw l-IA fin-negozji tagħhom.

Il-prerekwiżiti huma li titnaqqas l-inċertezza legali u li tiġi evitata l-frammentazzjoni, jekk l-Istati Membri jibdew jadattaw għar-rashom ir-regoli nazzjonali tagħhom b’mod diverġenti.

Stimi konservattivi jissuġġerixxu li azzjoni fil-livell tal-UE dwar ir-responsabbiltà għall-IA jkollha impatt pożittiv ta’ żieda ta’ 5-7 % fuq il-valur tal-produzzjoni tal-kummerċ transfruntier rilevanti meta mqabbel max-xenarju bażi.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

Għażla politika nru 1: tliet miżuri biex jitnaqqas l-oneru tal-vittmi biex jagħtu prova tat-talba tagħhom għar-responsabbiltà:

a) L-armonizzazzjoni ta’ kif l-informazzjoni rreġistrata/iddokumentata skont ir-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti tal-Att dwar l-IA tista’ tiġi divulgata fil-proċedimenti tal-qorti sabiex il-vittma tkun tista’ tidentifika u tipprova liema azzjoni/ommissjoni wasslet għad-dannu mġarrab.

b) Jekk il-vittma turi li l-persuna responsabbli ma kkonformatx mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-Att dwar l-IA mfassla biex jipprevjenu d-danni, il-qrati jistgħu jippreżumu li dan in-nuqqas ta’ konformità kkawża d-dannu. Il-persuna potenzjalment responsabbli jkollha l-opportunità li tirribatti tali preżunzjoni, pereż. billi tipprova li kienet xi ħaġa oħra li kkawżat id-dannu.

c) F’każ li l-uniku mod biex il-vittma tagħti prova tat-talba għar-responsabbiltà jkun li turi x’ġara fl-IA, tali oneru fuq il-vittma jitnaqqas. Il-persuna potenzjalment responsabbli jkollha l-opportunità tipprova li ma aġixxietx b’negliġenza.

Għażla politika nru 2: il-miżuri skont l-Għażla 1 + l-armonizzazzjoni ta’ reġim tar-responsabbiltà strett għal każijiet ta’ użu tal-IA bi profil ta’ riskju partikolari. Responsabbiltà stretta tfisser li persuna li tesponi lill-pubbliku għal riskju (spiss b’interessi legali ta’ valur għoli (ħajja, saħħa, proprjetà)) u tieħu benefiċċju minnu, tkun responsabbli jekk tali riskju jimmaterjalizza, pereż. ir-responsabbiltà ta’ sid ta’ karozza. F’każijiet bħal dawn, il-vittma teħtieġ biss li tipprova li d-dannu mmaterjalizzat jirriżulta mill-isfera tar-riskju tal-persuna responsabbli. Dan jista’ jiġi marbut ma’ assigurazzjoni obbligatorja.

Għażla politika nru 3: approċċ fi stadji (għażla ta’ politika ppreferuta) li jikkonsisti f’

- L-ewwel stadju: il-miżuri taħt l-Għażla 1, u

- It-teni stadju: mekkaniżmu ta’ rieżami biex tiġi vvalutata mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi armonizzata r-responsabbiltà stretta għall-każijiet tal-użu tal-IA bi profil tar-riskju partikolari (possibbilment flimkien ma’ assigurazzjoni obbligatorja).

X’inhuma l-fehmiet ta’ partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Kumplessivament, il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati qablu mal-problemi identifikati u appoġġaw azzjoni fil-livell tal-UE.

Iċ-ċittadini tal-UE, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-istituzzjonijiet akkademiċi kkonfermaw b’mod qawwi l-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE biex ittaffi l-problemi tal-vittmi bl-oneru tal-provi. In-negozji, filwaqt li jirrikonoxxu l-effetti negattivi tal-inċertezza dwar l-applikazzjoni tar-regoli tar-responsabbiltà, kienu aktar kawti u talbu intervent immirat biex jiġi evitat li tiġi mfixkla l-innovazzjoni.

Stampa simili ħarġet ukoll fir-rigward tal-għażliet ta’ politika. Iċ-ċittadini tal-UE, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-istituzzjonijiet akkademiċi appoġġaw bis-sħiħ, bħala minimu, il-miżuri dwar l-oneru tal-provi. Huma tkellmu wkoll favur l-aktar miżura b’saħħitha, li tiġi armonizzata r-responsabbiltà stretta flimkien ma’ assigurazzjoni obbligatorja.

In-negozji kienu aktar maqsuma, anke skont id-daqs tagħhom. Ir-responsabbiltà stretta tqieset sproporzjonata. L-armonizzazzjoni tat-tnaqqis tal-oneru tal-provi kisbet aktar appoġġ, b’mod partikolari fost l-SMEs. Madankollu, in-negozji wissew kontra trasferiment sħiħ tal-oneru tal-provi.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

L-għażla ta’ politika ppreferuta tiżgura li l-vittmi ta’ prodotti u servizzi li jużaw l-IA (persuni fiżiċi, negozji u kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra) ma jkunux inqas protetti mill-vittmi tat-teknoloġiji tradizzjonali. Dan iżid il-livell ta’ fiduċja fl-IA u jippromwovi l-adozzjoni tagħha.

Barra minn hekk, l-inizjattiva tnaqqas l-inċertezza legali u tipprevjeni l-frammentazzjoni, u b’hekk tgħin lill-kumpaniji, u lill-biċċa l-kbira tal-SMEs, li jixtiequ jilħqu l-potenzjal sħiħ tas-suq uniku tal-UE billi jintroduċu prodotti u servizzi li jużaw l-IA b’mod transfruntier.

L-inizjattiva ttejjeb ukoll il-kundizzjonijiet għall-assiguraturi biex joffru kopertura ta’ attivitajiet relatati mal-IA, xi ħaġa ta’ importanza kruċjali b’mod partikolari għall-SMEs biex jimmaniġġjaw ir-riskji tagħhom.

F’termini ta’ benefiċċji ambjentali, l-inizjattiva hija mistennija tiġġenera effiċjenzi u tikkontribwixxi għall-innovazzjoni ta’ teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Il-prodotti u s-servizzi avvanzati li din l-inizjattiva għandha l-għan li tippromwovi fil-biċċa l-kbira għadhom mhumiex fis-suq. Il-miżuri proposti jinsabu qabel il-kurva peress li jadattaw il-qafas legali għall-ħtiġijiet u l-isfidi speċifiċi tal-IA, sabiex tinħoloq ekosistema ta’ fiduċja u ċertezza legali.

Minħabba dan l-approċċ ta’ politika li jħares ’il quddiem, ma hemmx biżżejjed data disponibbli għall-kwantifikazzjoni tal-impatti tal-għażla ta’ politika ppreferuta. Għalhekk, dawn l-impatti ġew ivvalutati prinċipalment b’mod kwalitattiv, filwaqt li tqiesu d-data kollha disponibbli, l-istimi tal-esperti u l-input tal-partijiet ikkonċernati. Abbażi ta’ suppożizzjonijiet motivati ġew segwiti xi approċċi ta’ kwantifikazzjoni.

Huwa stmat li l-għażla ta’ politika ppreferuta tiġġenera żieda fil-valur tas-suq tal-IA fl-EU-27 ta’ bejn madwar EUR 500 miljun u madwar EUR 1,1 biljun fl-2025. Barra minn hekk, analiżi mikroekonomika bbażata fuq id-data tas-suq għall-vacuum cleaners robotiċi tissuġġerixxi li l-inizjattiva tiġġenera żieda fil-benessri totali ta’ bejn EUR 30,11 u EUR 53,74 miljun għal din il-kategorija ta’ prodotti biss fl-EU-27.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

L-għażla ta’ politika ppreferuta tipprevjeni lakuni fir-responsabbiltà kkawżati mill-karatteristiċi speċifiċi tal-IA. Dan jiżgura li fil-każijiet fejn il-karatteristiċi speċifiċi tal-IA ma kinux jippermettu lill-vittma tagħti prova tal-fatti meħtieġa, iġarrab l-ispiża tad-dannu l-persuna responsabbli, mhux il-vittma.

Dan huwa konformi ma’ wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-liġi dwar ir-responsabbiltà, jiġifieri li jiġi żgurat li persuna li tagħmel dannu lil persuna oħra b’mod illegali tikkumpensa għad-dannu kkawżat lill-vittma. Huwa inerenti wkoll fl-objettiv ta’ politika tal-Kummissjoni li jiġi żgurat li l-vittmi ta’ dannu kkawżat bl-involviment ta’ sistemi tal-IA jkollhom l-istess livell ta’ protezzjoni bħall-vittmi ta’ dannu kkawżat minn teknoloġiji tradizzjonali. Dan iwassal għal allokazzjoni aktar effiċjenti tal-ispejjeż lill-persuna li fil-fatt tkun ikkawżat id-dannu u huwa l-aħjar mod biex jiġi evita li jseħħu d-danni.

Il-persuni potenzjalment responsabbli (b’mod partikolari n-negozji attivi fis-suq tal-IA) wisq x’aktarx ikunu koperti b’assigurazzjoni. Is-soluzzjonijiet tal-assigurazzjoni jippermettu li l-piż tar-responsabbiltà jinfirex madwar il-komunità tal-assigurat, u b’hekk jillimitaw l-ispejjeż tal-persuni responsabbli għall-primjums annwali tal-assigurazzjoni. Għalhekk il-persuni responsabbli assigurati jħossu l-ispiża tal-kumpens lill-vittma biss bħala żieda marġinali fil-primjums tal-assigurazzjoni tagħhom.

Kwantifikazzjoni tal-ispejjeż robusta u preċiża ħafna ma kinitx possibbli minħabba li l-prodotti u s-servizzi avvanzati promossi minn din l-inizjattiva fil-biċċa l-kbira għadhom mhumiex fis-suq. Abbażi tad-data disponibbli, l-analiżi tal-esperti u s-suppożizzjonijiet motivati, ġie stmat li l-għażla ta’ politika ppreferuta tista’ twassal għal żieda fl-ammont kumplessiv ta’ primjums tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ġenerali mħallsa kull sena fl-UE b’EUR 5,35 miljun sa EUR 16,1 miljun.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Billi ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern għal prodotti u servizzi bbażati fuq l-IA, l-inizjattiva jkollha impatt pożittiv fuq il-kompetittività tal-kumpaniji attivi fis-suq Ewropew tal-IA. Dawn il-kumpaniji jsiru aktar kompetittivi fuq skala globali, u dan se jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE vis-à-vis il-kompetituri tagħha fit-tellieqa globali tal-IA (primarjament l-Istati Uniti u ċ-Ċina). Peress li l-IA hija teknoloġija abilitanti trasversali, dawn il-benefiċċji ma jkunux limitati għal ċerti setturi speċifiċi iżda japplikaw – għalkemm fi gradi differenti – fis-setturi kollha fejn tiġi żviluppata jew użata l-IA.

Il-SMEs jibbenefikaw saħansitra aktar minn partijiet ikkonċernati oħra minn inqas inċertezza legali u frammentazzjoni, minħabba li huma affettwati aktar minn dawn il-problemi skont ir-regoli attwali dwar ir-responsabbiltà. Din l-inizjattiva ttejjeb il-kundizzjonijiet b’mod partikolari għall-SMEs li jixtiequ jintroduċu prodotti jew servizzi li jużaw l-IA fi Stati Membri oħra. Dan huwa kruċjali minħabba li s-suq tal-IA tal-UE huwa xprunat fil-biċċa l-kbira mill-SMEs li jiżviluppaw, jintroduċu jew jużaw teknoloġiji tal-IA.

Il-SMEs jibbenefikaw minn din l-inizjattiva anke bħala vittmi ta’ danni kkawżati mill-IA, peress li jistgħu jiddependu fuq it-tnaqqis tal-oneru tal-provi tagħhom biex jitolbu kumpens.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Ma huma mistennija l-ebda impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Il-miżuri previsti li jnaqqsu l-oneru tal-prova tal-vittmi jistgħu jiġu integrati mingħajr frizzjoni fl-oqfsa proċedurali u ta’ responsabbiltà ċivili eżistenti tal-Istati Membri.

L-Istati Membri se jkollhom jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva u jipprovdu ċerta informazzjoni għar-rieżami mmirat mill-Kummissjoni. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti ta’ rapportar se jkunu limitati għall-informazzjoni disponibbli permezz tal-bażijiet tad-data eżistenti tal-Istati Membri u l-informazzjoni rrapportata skont strumenti legali oħra (pereż. l-Att dwar l-AI jew id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur), u dan se jwassal għal sinerġiji u jiżgura l-koerenza tal-miżuri ta’ politika futuri bejn diversi oqsma ta’ politika.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Drittijiet fundamentali: L-inizjattiva se tikkontribwixxi għall-appoġġ tal-infurzar privat effettiv tad-drittijiet fundamentali u tippreserva d-dritt għal rimedju effettiv meta r-riskji għad-drittijiet fundamentali mill-IA (pereż. id-diskriminazzjoni) ikunu mmaterjalizzaw.

Dimensjoni internazzjonali: Billi tressaq approċċ ibbilanċjat rigward ir-responsabbiltà għad-danni kkawżati mill-IA, l-UE għandha l-opportunità tistabbilixxi parametru referenzjarju globali u tippromwovi l-approċċ tagħha bħala soluzzjoni globali, li fl-aħħar mill-aħħar jiġġenera vantaġġ kompetittiv għall-“IA magħmula fl-Ewropa”.

Proporzjonalità? 

L-għażla ppreferuta hija mfassla biex twitti t-triq għall-iżvilupp u l-użu tal-IA, filwaqt li tilħaq l-objettiv ewlieni li tippromwovi l-introduzzjoni tagħha fl-UE.

Madankollu, din l-għażla mhux se tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ. L-ewwel nett, l-intervent tal-UE huwa mmirat għaliex se jnaqqas biss l-oneru tal-provi għall-vittmi. Dan se jarmonizza biss elementi ta’ responsabbiltà fejn l-IA toħloq diffikultà, u jħalli elementi oħra bħad-determinazzjoni tal-ħtija u tal-kawżalità f’idejn il-liġijiet nazzjonali eżistenti.

It-tieni, l-għażla ppreferuta tipposponi l-valutazzjoni tal-ħtieġa li tiġi armonizzata r-responsabbiltà stretta għal stadju aktar tard, meta tkun tista’ tinġabar aktar informazzjoni dwar l-IA u l-użi tagħha (ara aktar ‘l isfel).

It-tielet, l-għażla ppreferuta se tipproponi approċċ ta’ armonizzazzjoni minima. Filwaqt li l-armonizzazzjoni minima ma toħloqx kundizzjonijiet kompletament ekwi, tiżgura li r-regoli l-ġodda jkunu jistgħu jiġu integrati mingħajr frizzjonijiet fil-qafas legali eżistenti tar-responsabbiltà ċivili f’kull Stat Membru.

Għalhekk, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jintegraw l-interventi mmirati tal-UE tal-għażla ppreferuta fil-liġi nazzjonali tagħhom, l-inizjattiva se żżid, madwar l-UE, iċ-ċertezza legali, tipprevjeni aktar frammentazzjoni legali u tiżgura protezzjoni effettiva tal-vittmi li hija komparabbli mal-livell ta’ protezzjoni għal danni oħra.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

L-għażla ta’ politika ppreferuta tinkludi approċċ fi stadji: l-ewwel jiġu introdotti miżuri li jnaqqsu l-oneru tal-prova fuq il-vittma u mbagħad, abbażi ta’ klawżola ta’ rieżami, tiġi vvalutata s-sitwazzjoni ħames snin wara. Dan il-proċess se jippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta fid-dawl tal-iżvilupp tat-teknoloġija u l-użi tagħha jekk, minbarra l-miżuri li jnaqqsu l-oneru tal-provi, tkunx meħtieġa wkoll l-armonizzazzjoni tar-responsabbiltà stretta u tal-assigurazzjoni obbligatorja.