SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
8 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 12(b) – Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 17(3)(a) – Operatur ta’ magna tat-tiftix fuq l-internet – Tiftixa li tkun saret fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna – Viżwalizzazzjoni ta’ links diretti lejn artikli li jinkludu informazzjoni allegatament falza fil-lista ta’ riżultati ta’ tfittxija – Viżwalizzazzjoni, fil-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), tar-ritratti li jservu bħala illustrazzjoni għal dawn l-artikli fil-lista ta’ riżultati ta’ tiftixa ta’ immaġnijiet – Talba ta’ tneħħija ta’ referenza indirizzata lill-operatur ta’ magna tat-tiftix – Ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali – Artikoli 7, 8, 11 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligi u responsabbiltajiet tal-operatur ta’ magna tat-tiftix fl-ipproċessar ta’ talba għal tneħħija ta’ referenza – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-persuna li titlob it-tneħħija ta’ referenza”
Fil-Kawża C‑460/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura
TU,
RE
vs
Google LLC
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, P. G. Xuereb, L. S. Rossi u D. Gratsias, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič (Relatur), F. Biltgen, N. Piçarra, N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Jannar 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal TU u RE, minn M. Siegmann u T. Stöber, Rechtsanwälte, |
|
– |
għal Google LLC, minn B. Heymann, J. Spiegel u J. Wimmers, Rechtsanwälte, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn S. Charitaki, A. Magrippi u M. Tassopoulou, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Kunnert, A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u L. Liţu, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, F. Erlbacher, H. Kranenborg u D. Nardi, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ April 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(3)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, u r-rettifika ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”), kif ukoll tal-Artikolu 12(b) u tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn TU u RE minn naħa, u Google LLC min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ talba intiża sabiex, minn naħa, jitneħħew ir-referenzi għal artikli li fihom jiġu identifikati mir-riżultati pprovduti kif issir tiftixa mwettqa permezz ta’ isimhom u, min-naħa l-oħra, jitneħħew ritratti li juru lilhom, ivviżwalizzati taħt forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), mir-riżultati ta’ tiftixa permezz ta’ immaġnijiet. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑Direttiva 95/46
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Għan tad-Direttiva”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.” |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
[…]” |
|
5 |
Taħt it-Taqsima I, tal-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, intitolata “Prinċipji dwar il-kwalità tad-data”, l-Artikolu 6 tagħha kien ifformulat kif ġej: “1. Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun: […]
[…]” |
|
6 |
Taħt it-Taqsima V tal-Kapitolu II tal-istess direttiva, intitolata “Dritt tas-suġġett tad-data għal aċċess għad-data”, l-Artikolu 12 tagħha, li min-naħa tiegħu kien intitolat “Dritt ta’ aċċess”, kien jiddikjara: “Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur: […]
[…]” |
|
7 |
Taħt it-Taqsima VII tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46, intitolata “Id-dritt tas-suġġett tad-data li jagħgmel oġġezzjoni”, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tagħha kien jipprevedi: “Stati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt:
[…]” |
Il‑GDPR
|
8 |
Konformement mal-Artikolu 94(1) tiegħu, il-GDPR ħassar id-Direttiva 95/46 b’effett mill‑25 ta’ Mejju 2018. Bis-saħħa tal-Artikolu 99(2) tiegħu, huwa applikabbli sa minn din l-istess data. |
|
9 |
Il-premessi 4, 39 u 65 ta’ dan ir-regolament jiddikjaraw:
[…]
[…]
|
|
10 |
Taħt il-Kapitolu I tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, l-Artikolu 4 tiegħu, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
[…]” |
|
11 |
Taħt il-Kapitolu II tal-istess regolament, intitolat “Prinċipji”, l-Artikolu 5 tiegħu, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi: “1. Id-data personali għandha: […]
[…] 2. Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).” |
|
12 |
It-Taqsima 3 tal-Kapitolu III tal-GDPR, intitolat “Rettifika u tħassir”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 16 sa 17 tiegħu. |
|
13 |
L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għar-rettifika”, jipprevedi: “Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur mingħajr dewmien żejjed ir-rettifika ta’ data personali li tikkonċerna lilu li ma tkunx eżatta. B’kont meħud tal-għanijiet tal-ipproċessar, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb il-kompletezza tad-data personali mhux kompluta, inkluż billi jipprovdi dikjarazzjoni supplimentari.” |
|
14 |
L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’)”, huwa fformulat kif ġej: “1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:
2. Fejn il-kontrollur ikun ippubblika d-data personali u jiġi obbligat skont il-paragrafu 1 li jħassar id-data personali, il-kontrollur, b’kont meħud tat-teknoloġija disponibbli u l-ispiża tal-implimentazzjoni, għandu jieħu passi raġonevoli, inklużi miżuri tekniċi, biex jinforma lill-kontrolluri li jkunu qegħdin jipproċessaw id-data personali, li s-suġġett tad-data talabhom iħassru kwalunkwe konnessjoni għal dik id-data personali, jew kopja jew replika tagħha. 3. Il-paragrafu 1 u 2 ma għandhomx japplikaw sakemm dak l-ipproċessar jkun meħtieġ:
[…]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
15 |
TU huwa membru tal-bord tad-diretturi u azzjonist uniku ta’ kumpannija ta’ investimenti kif ukoll president ta’ fergħa tagħha, li, flimkien u ma’ kumpanniji oħra, jikkostitwixxu grupp ta’ kumpanniji. Huwa wkoll soċju uniku ta’ tielet kumpannija, li hija s-soċju uniku ta’ raba’ kumpannija, li min-naħa tagħha din tal-aħħar iżżomm 60 % tal-ishma ta’ ħames kumpannija. |
|
16 |
RE kienet is-sieħba ta’ TU u, sa Mejju 2015, kellha prokura biex tirrappreżenta din ir-raba’ kumpannija. |
|
17 |
Fis‑27 ta’ April, l‑4 ta’ Ġunju u s‑16 ta’ Ġunju 2015, tliet artikli li kienu jippreżentaw b’mod kritiku l-mudell ta’ investiment implimentat mill-ħames kumpannija u mill-grupp ta’ kumpanniji, imsemmi fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, ġew ippubblikati fis-sit tal-internet www.g...net (iktar ’il qudiem is-“sit g‑net”). Barra minn hekk l-artiklu tal‑4 ta’ Ġunju 2015 kien akkumpanjat minn tliet ritratti ta’ TU, rispettivament, isuqu karozza lussuża, f’kabina ta’ ħelikopter u quddiem ajruplan, kif ukoll ritratt ta’ RE f’karozza convertible. |
|
18 |
Skont l-informazzjoni legali (“Impressum”), l-operatur tas-sit g‑net huwa G‑LLC, li għandha s-sede tagħha fi New York (l-Istati Uniti). L-għan tal-kumpannija ta’ G‑LLC, skont l-indikazzjonijiet tagħha stess, huwa “li tikkontribwixxi b’mod sostenibbli, permezz ta’ informazzjoni attiva u trasparenza kostanti, għall-prevenzjoni tal-frodi minn perspettiva ekonomika u soċjali”. Diversi pubblikazzjonijiet dwar taw rendikont b’mod kritiku tal-mudell tan-negozju ta’ G‑LLC, b’mod partikolari fejn jakkużawha li teżerċita “rikatt” fuq l-impriżi billi l-ewwel tippubblika rapporti negattivi dwarhom u sussegwentement toffri, b’korrispettiv ta’ somma flus, li tħassar dawn ir-rapporti jew li twaqqaf il-pubblikazzjoni tagħhom. |
|
19 |
Google kienet tindika l-artikli tal‑4 ta’ Ġunju 2015 u tas‑16 ta’ Ġunju 2015 fil-lista ta’ riżultati meta fil-magna tat-tiftix tagħha jiddaħħlu l-ismijiet u l-kunjomijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kemm waħedhom kif ukoll flimkien ma’ ċerti ismijiet ta’ kumpanniji, kif ukoll l-artiklu tas‑27 ta’ April 2015 meta jiddaħħlu ċerti ismijiet ta’ kumpanniji, billi jingħata aċċess għal dawn l-artikli permezz ta’ link. Barra minn hekk, waqt tiftixa ta’ immaġni fuq din il-magna ta’ tiftix, Google kienet turi fil-lista ta’ riżultati, taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), ir-ritratti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jinsabu f’dan l-artiklu tal‑4 ta’ Ġunju 2015. Dawn ir-ritratti ma komplewx jintwerew wara x-xahar ta’ Settembru 2017. Fir-rigward tal-artikli, dawn waqfu jkunu aċċessibbli fis-sit g‑net wara t‑28 ta’ Ġunju 2018. |
|
20 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lil Google, bħala kontrollur tad-data personali pproċessata mill-magna tat-tiftix tagħha, minn naħa, tneħħi r-referenza mil-lista tar-riżultati tat-tiftix il-links lejn l-artikli inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba li dawn kienu jinkludu allegazzjonijiet foloz u opinjonijiet diffamatorji, u, min-naħa l-oħra, tirtira l-immaġnijiet żgħar (thumbnails) mil-lista tar-riżultati ta’ tiftix. Min-naħa tagħhom, huma allegaw li kienu ġarrbu “rikatt” min-naħa ta’ G‑LLC. |
|
21 |
Google rrifjutat li taġixxi fuq din it-talba billi rreferiet għall-kuntest professjonali li fih dehru l-artikli u r-ritratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u billi argumentat in-nuqqas ta’ għarfien tagħha dwar l-allegata falsità tal-informazzjoni fihom. |
|
22 |
Matul is-sena 2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) sabiex Google tiġi ordnata tneħħi r-referenza mil-listi ta’ riżultati ta’ tiftix tagħha l-links lejn l-artikli inkwistjoni fil-kawża prinċipali u twaqqaf il-viżwalizzazzjoni, taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), tar-ritratti li jirrappreżentawhom. Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2017 din il-qorti ċaħdet ir-rikors. |
|
23 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell kontra din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja), li ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018. Din il-qorti enfasizzat li l-mod ta’ funzjonament speċifiku ta’ magna tat-tiftix u l-importanza partikolari li din għandha għall-funzjonament tal-internet għandhom piż sinjifikattiv fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandu jsir tad-drittijiet u tal-interessi kunfliġġenti. Peress li l-operatur tal-magna tat-tiftix ġeneralment ma jkollu ebda rabta legali mal-fornituri tal-kontenuti murija u li huwa impossibbli għalih li jinvestiga l-fatti u li jevalwahom billi jieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-opinjoni ta’ dawn il-fornituri, huwa jkun suġġett għal obbligi speċifiċi ta’ aġir biss meta jsir jaf, wara indikazzjoni konkreta mis-suġġett tad-data, bi ksur tad-dritt flagranti u li jista’ jiġi identifikat b’mod ċar prima facie. Dawn il-prinċipji huma wkoll validi fil-każ fejn il-magna tat-tiftix tintuża biss għat-tiftix ta’ immaġnijiet, peress li l-interessi rilevanti inkwistjoni huma paragunabbli. |
|
24 |
Il-qorti ta’ appell żiedet li, sa fejn jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod determinanti n-natura veritiera tal-fatt allegat, l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward jaqa’ fuq il-persuna li titlob it-tneħħija tar-referenza. Issa, f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma pprovawx in-natura falza tal-fatti rrapportati dwarhom, ma huwiex possibbli għal Google li twettaq evalwazzjoni konklużiva tal-artikli inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, għalhekk, ma għandhiex obbligu tipproċedi biex tneħħi r-referenza għalihom. Fir-rigward tar-ritratti vviżwalizzati taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), dawn jistgħu, sa fejn jakkumpanjaw wieħed minn dawn l-artikli, jitqiesu li huma immaġnijiet ta’ attwalità. |
|
25 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors għal Reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju. |
|
26 |
Din il-qorti tosserva li l-eżitu ta’ dan ir-rikors jiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR kif ukoll tal-Artikolu 12(b) u tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46. |
|
27 |
Preliminarjament, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-fehma tagħha, it-talba intiża sabiex Google tiġi ordnata tneħħi r-referenza għal-links lejn l-artikli inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ ratione temporis taħt il-GDPR, filwaqt li t-talba intiża sabiex Google tiġi ordnata tneħħi l-immaġnijiet żgħar (thumbnails) mil-lista tar-riżultati tat-tiftix ta’ immaġnijiet taqa’ ratione temporis taħt id-Direttiva 95/46 peress li dawn kienu waqfu jintwerew mill-magna ta’ tiftix operata minn Google fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-GDPR. Madankollu, fir-rigward ta’ din l-aħħar talba, l-imsemmija qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposta dwar dan is-suġġett billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll dan ir-regolament. |
|
28 |
Sussegwentement il-qorti tar-rinviju tosserva li l-fatt li l-artikli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex iżjed disponibbli fis-sit g‑net u li Google ma turix iżjed l-immaġnijiet żgħar (thumbnails) ma jneħħix l-interess tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jkomplu bit-talba tagħhom għal tneħħija ta’ referenza ġaladarba s-sit g‑net tieħu l-ħsieb tindika li, għal raġunijiet varji, dawn l-artikli ma humiex disponibbli “għalissa”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmija artikli jerġgħu jitqiegħdu online fil-futur u li l-magna tat-tiftix ta’ Google terġa’ tipprovdi referenza għalihom ġaladarba wara kollox għandu jiġi speċifikat li din l-aħħar kumpannija għadha tqis li din it-talba għal tneħħija ta’ referenza ma hijiex ġustifikata u li kienet qed ittenni r-rifjut tagħha li taderixxi għal din it-talba. |
|
29 |
Fuq il-mertu, fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-talba għat-tneħħija ta’ referenza għal-links lejn l-artikli inkwistjoni fil-kawża prinċipali mil-lista ta’ riżultati ta’ tiftix, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiġġustifikawha billi jinvokaw, b’mod partikolari, il-falsità ta’ ċerta informazzjoni li tinsab f’dawn l-artikli. Għaldaqstant tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk jaqax fuqhom l-obbligu li jipprovaw il-falsità allegata ta’ dawn l-affermazzjonijiet jew, minn tal-inqas, li jistabbilixxu ċertu livell ta’ evidenza ta’ din il-falsità jew jekk, għall-kuntrarju, Google missha jew assumiet in-natura veritiera tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew ippruvat tiċċara l-fatt hija stess. |
|
30 |
Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżit ta’ bbilanċjar, fuq bażi ta’ ugwaljanza, tad-drittijiet fundamentali kunfliġġenti, li jirriżulta mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, ma jiġix issodisfat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-oneru tal-prova jaqa’ esklużivament fuq parti jew fuq oħra. |
|
31 |
Għaldaqstant, din il-qorti tipproponi li tiġi kkunsidrata soluzzjoni intiża li timponi fuq is-suġġett tad-data li jsolvi mill-inqas provviżorjament il-kwistjoni tan-natura veritiera tal-kontenut irreferenzjat billi jasserixxi d-dritt tiegħu quddiem il-qrati mal-fornitur tal-kontenut, sa fejn il-kisba ta’ protezzjoni ġudizzjarja minn tal-inqas provviżorja tkun għalih għażla raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. Ċertament, sa fejn huwa ma għandux rabta mal-fornitur tal-kontenut, is-suġġett tad-data jista’ jiltaqa’ mal-istess diffikultajiet bħall-operatur tal-magna tat-tiftix biex jagħmel kuntatt miegħu. Madankollu, din il-persuna tkun taf in-natura veritiera jew le tal-kontenut irreferenzjat. Il-punt dwar jekk jistax jiġi raġonevolment rikjest mill-imsemmija persuna li tasserixxi d-dritt tagħha quddiem il-qrati mal-fornitur tal-kontenut jista’ jiddependi, pereżempju, mill-punt dwar jekk dan jistax jiġi mħarrek jew le mingħajr diffikultà partikolari fi ħdan l-Unjoni Ewropea. |
|
32 |
Taħt din il-perspettiva, il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li, bħala regola ġenerali, jista’ jiġi raġonevolment rikjest mis-suġġett tad-data li dan jippreżenta azzjoni għal miżuri provviżorji kontra fornitur ta’ kontenut li l-isem tiegħu huwa magħruf, iżda mhux kontra fornitur anonimu jew fornitur li jirriżulta li huwa impossibbli li jiġi nnotifikat. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-drittijiet lejn l-operatur tal-magna tat-tiftix, il-possibbiltà effettiva li jikseb l-eżekuzzjoni ta’ ordni eventwali ta’ tħassir kontra l-fornitur ta’ kontenut hija mingħajr effett. |
|
33 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba intiża sabiex Google tiġi ordnata tieqaf milli turi, taħt forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), ritratti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jinsabu fl-artiklu tal‑4 ta’ Ġunju 2015, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni, qabel kollox, li dawn l-immaġnijiet żgħar jinkludu, ċertament, link, li jippermetti li wieħed jaċċedi għall-paġna internet tat-terzi li fuqha r-ritratt korrispondenti ġie ppubblikat kif ukoll li jsir jaf il-kuntest li fih tidħol din il-pubblikazzjoni. Madankollu, sa fejn il-lista tar-riżultati ta’ tiftix ta’ immaġnijiet turi biss l-immaġnijiet żgħar, mingħajr ma turi l-elementi tal-kuntest tal-imsemmija pubblikazzjoni fuq il-paġna internet tat-terzi, din il-lista, fiha nnifisha, hija newtrali u ma tippermettix li wieħed isir jaf il-kuntest tal-pubblikazzjoni inizjali. |
|
34 |
B’hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk, għall-ibbilanċjar li għandu jsir fil-kuntest tal-Artikolu 12(b) u tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 jew tal-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR, għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-immaġni żgħira (thumbnail) bħala tali fil-kuntest newtrali tal-lista ta’ riżultati jew ukoll tal-kuntest inizjali tal-pubblikazzjoni tal-immaġni korrispondenti. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda persuni li ma humiex magħrufa mill-pubbliku inġenerali, ir-ritratti inkwistjoni, fihom infushom, ma jipprovdu ebda kontribut għad-diskussjoni pubblika u ma jissodisfawx ħtieġa ta’ informazzjoni superjuri fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti. Madankollu, b’rabta mal-artiklu tal‑4 ta’ Ġunju 2015 ippubblikat fis-sit g‑net, dawn għandhom rwol importanti biex jissostanzjaw il-messaġġ li jinsab f’dan l-artiklu – dak li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, grazzi għar-rwol tagħhom ta’ fundaturi u ta’ diriġenti tar-raba’ kumpannija u tal-grupp ta’ kumpanniji msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, igawdu minn livell għoli ta’ ħajja u għandhom oġġetti ta’ lussu filwaqt li l-impjegati, id-distributuri u l-klijenti ta’ dawn il-kumpanniji jqiegħdu inkwistjoni n-natura sigura tal-investimenti magħmula. Għalhekk, fil-każ fejn ikollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih dawn ir-ritratti ġew inizjalment ippubblikati, il-pubblikazzjoni tagħhom bħala immaġnijiet żgħar (thumbnails) fil-lista ta’ riżultati għandha tiġi kkunsidrata bħala ġustifikata bil-kundizzjoni li t-test innifsu li jakkumpanjahom ikun legali. |
|
36 |
Skont il-qorti tar-rinviju element li jimmilita favur teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest tal-pubblikazzjoni inizjali jinsab fil-fatt li, teknikament, l-immaġnijiet żgħar (thumbnails) jikkostitwixxu links lejn il-paġna internet tat-terzi. Bl-istess mod, huwa magħruf li l-utent medju avżat ta’ magna tat-tiftix ta’ immaġnijiet għandu għarfien tal-fatt li l-immaġnijiet żgħar miġbura mill-magna tat-tiftix f’lista ta’ riżultati huma estratti minn pubblikazzjonijiet ta’ terzi u li f’dawn il-pubblikazzjonijiet ir-ritratti li jikkorrispondu ma’ dawn l-immaġnijiet żgħar huma ppreżentati f’ċertu kuntest. |
|
37 |
Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntest inizjali tal-pubblikazzjoni tal-immaġnijiet la huwa indikat u lanqas ma huwa viżibbli mod ieħor meta tintwera l-immaġni żgħira (thumbnail), b’differenza ta’ dak li huwa l-każ għar-riżultati l-oħra murija. Issa, utent li, mill-bidu nett, jinteressa ruħu biss mill-viżwalizzazzjoni tal-immaġni bħala regola ġenerali ma għandu ebda raġuni jfittex l-oriġini u l-kuntest inizjali tal-pubblikazzjoni. |
|
38 |
Konsegwentement, skont il-qorti tar-rinviju, jidher loġiku, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-ipproċessar ta’ data mill-kontrollur tal-magna tat-tiftix ikkonċernat, li fl-ibbilanċjar imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 jew fl-Artikolu 17(3) tal-GDPR jinkludi biss id-drittijiet u l-interessi hekk kif jirriżultaw mill-immaġni żgħira (thumbnail) innifisha. |
|
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
Fuq l‑ammissibbiltà
|
40 |
Google tesprimi dubji fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel domanda minħabba li l-problema mqajma minnha hija ta’ natura ipotetika. B’mod partikolari, is-soluzzjoni ssuġġerita mill-qorti tar-rinviju hija mogħtija fil-forma ta’ disinn astratt u distakkat tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi meħtieġa biex tagħti risposta utli għal din id-domanda. |
|
41 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li jkollha tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali jkun possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
F’dan il-każ, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju pprovdiet stampa preċiża u kompleta biżżejjed tal-kuntest fattwali u ġuridiku li ta lok għall-kawża prinċipali u ġġustifikat suffiċjentement il-ħtieġa, f’dan il-kuntest, li tikseb risposta għad-domanda magħmula. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest tal-attività ta’ magna tat-tiftix huwa differenti minn u jingħadd ma’ dak imwettaq mill-edituri ta’ siti internet, li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ din id-data fuq paġna tal-internet (sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 35). Meta s-suġġett tad-data jaġixxi kontra l-operatur ta’ magna tat-tiftix, id-drittijiet, interessi u restrizzjonijiet inkwistjoni, għalhekk, ma jkunux neċessarjament l-istess bħal fil-kuntest ta’ azzjoni ppreżentata kontra fornitur ta’ kontenut, fejn għalhekk huwa neċessarju li jsir ibbilanċjar speċifiku għall-finijiet tal-eżami ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza taħt l-Artikolu 17 tal-GDPR. |
|
45 |
Issa, mill-motivi esposti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-risposta tal-Qorti ta-Ġustizzja għad-domanda dwar, minn naħa, il-portata tal-obbligi u tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-operatur ta’ magna tat-tiftix fl-ipproċessar ta’ talba ta’ tneħħija ta’ referenza bbażata fuq l-allegata falsità tal-informazzjoni li tinsab fil-kontenut irreferenzjat u, min-naħa l-oħra, l-oneru tal-prova impost fuq is-suġġett tad-data fir-rigward ta’ din il-falsità jista’ jkollu influwenza diretta fuq l-evalwazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tar-rikors fil-kawża prinċipali, u dan indipendentement mill-punt dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinsabux f’qagħda li jiksbu protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra l-fornitur tal-kontenut fir-rigward tal-pubblikazzjoni fuq l-internet tal-kontenut allegatament falz. |
|
46 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-metodoloġija li hija tqis li għandha tapplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma espressi b’mod ġenerali u astratt ma jfissirx li d-domanda sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward hija ta’ natura ipotetika. |
|
47 |
Għaldaqstant l-ewwel domanda hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
48 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandu jsir bejn id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, minn naħa, u dawk imsemmija fl-Artikoli 11 u 16 tal-Karta, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-eżami ta’ talba ta’ tneħħija ta’ referenza indirizzata lill-operatur ta’ magna tat-tiftix u intiża sabiex mil-lista ta’ riżultati ta’ tiftixa jitneħħa l-link lejn kontenut li jikkomporta allegazzjonijiet li l-persuna li tkun ressqet it-talba tqis li huma foloz, din it-tneħħija ta’ referenza hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-kwistjoni tal-verità tal-kontenut irreferenzjat tkun ġiet riżolta minn tal-inqas b’mod provviżorju fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn din il-persuna kontra l-fornitur ta’ dan il-kontenut, meta teżisti possibbiltà raġonevoli li tinkiseb tali protezzjoni ġudizzjarja. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li l-attività ta’ magna tat-tiftix li tikkonsisti fis-sejbien ta’ informazzjoni ppubblikata jew imqiegħda fuq l-internet minn terzi, fl-indiċizzazzjoni tagħha b’mod awtomatiku, fil-ħażna temporanja tagħha u, fl-aħħar nett, fit-tqegħid ta’ din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-internet skont ordni ta’ preferenza speċifika għandha titqies li hija “ipproċessar ta’ data personali”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46, meta din l-informazzjoni tkun tinkludi data personali u, min-naħa l-oħra, li l-operatur ta’ din il-magna ta’ tiftix għandu jitqies li huwa l-“kontrollur” tal-imsemmi pproċessar, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva u tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 41, kif ukoll tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 35). |
|
50 |
Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest tal-attività ta’ magna tat-tiftix huwa differenti minn u jingħadd ma’ dak imwettaq mill-edituri ta’ siti tal-internet, li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ din id-data fuq paġna tal-internet. Barra minn hekk, din l-attività għandha rwol deċiżiv fid-diffużjoni globali tal-imsemmija data inkwantu tagħmilha aċċessibbli għal kull utent tal-internet li jwettaq tfittxija fuq il-bażi tal-isem tas-suġġett tad-data, inkluż għall-utenti tal-internet li, kieku kien mod ieħor, ma kinux isibu l-paġna tal-internet fejn din l-istess data hija ppubblikata. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni u l-kollezzjoni tal-informazzjoni ppubblikata fuq l-internet, imwettqa mill-magni tat-tiftix bl-għan li jiffaċilitaw l-aċċess, għall-utenti tagħhom, għal din l-informazzjoni jistgħu jwasslu, meta t-tiftix ta’ din tal-aħħar titwettaq fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna fiżika, biex dawn l-utenti jiksbu, permezz tal-lista ta’ riżultati, stampa ġenerali strutturata tal-informazzjoni dwar din il-persuna li tista’ tinstab fuq l-internet li tippermettilhom jibnu profil ftit jew wisq iddettaljat tas-suġġett tad-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punti 36 sa 37, kif ukoll tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 36). |
|
51 |
Konsegwentement, sa fejn l-attività ta’ magna tat-tiftix tista’ taffettwa, b’mod sinjifikattiv u b’mod addizzjonali meta mqabbla ma’ dik tal-edituri ta’ siti tal-internet, id-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-ħajja privata u tal-protezzjoni ta’ data personali, l-operatur ta’ din il-magna, bħala l-persuna li tiddetermina l-għanijiet u l-mezzi ta’ din l-attività għandu jiżgura, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tiegħu, tal-kompetenzi tiegħu u tal-possibbiltajiet tiegħu, li din l-attività tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46 u tal-GDPR sabiex il-garanziji previsti minn din id-direttiva jistgħu jiżviluppaw l-effetti kollha tagħhom u b’tali mod li tkun tista’ effettivament tinkiseb protezzjoni effikaċi u kompleta tal-persuni kkonċernati, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 38, kif ukoll tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 37). |
|
52 |
Fir-rigward tal-portata tar-responsabbiltà u tal-obbligi konkreti tal-operatur ta’ magna tat-tiftix, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat li dan l-operatur ma huwiex responsabbli għall-fatt li data personali msemmija li tinsab fuq paġna tal-internet ippubblikata minn terzi, iżda għar-referenzjar ta’ din il-paġna u, partikolarment, għall-inklużjoni tal-link lejn din il-paġna fil-lista ta’ riżultati li tintwera lill-utenti tal-internet wara tiftix imwettaq fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna fiżika, peress li tali inklużjoni tal-link inkwistjoni f’tali lista tkun tista’ taffettwa b’mod sinjifikattiv id-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernah (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 80, kif ukoll tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 46). |
|
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tar-responsabbiltajiet, tal-kompetenzi u tal-possibbiltajiet tal-operatur ta’ magna tat-tiftix bħala l-kontrollur fil-kuntest tal-attività ta’ din il-magna, il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet previsti mid-Direttiva 95/46 u l-GDPR jistgħu japplikaw għal dan l-operatur biss minħabba dan ir-referenzjar u, għalhekk, permezz ta’ verifika li għandha ssir, taħt il-kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fuq il-bażi ta’ talba mressqa mis-suġġett tad-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 47). |
|
54 |
Fir-rigward ta’ tali talba, il-GDPR jinkludi, fl-Artikolu 17 tiegħu, dispożizzjoni li tirregola speċifikament id-“dritt għal tħassir”, imsemmi wkoll “dritt li wieħed jintesa”. Issa, għalkemm l-imsemmi artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li s-suġġett tad-data għandu, bħala prinċipju, għar-raġunijiet elenkati fih, id-dritt li jikseb mill-kontrollur it-tħassir tad-data personali li tikkonċernah, dan jispjega, fil-paragrafu 3 tiegħu, li dan id-dritt ma jistax jiġi invokat meta l-ipproċessar inkwistjoni huwa neċessarju għal waħda mir-raġunijiet elenkati minnu, fosthom, fil-punt (a) ta’ dan l-aħħar paragrafu, l-eżerċizzju tad-dritt korrispettiv, b’mod partikolari, għal-libertà tal-informazzjoni. |
|
55 |
Għalhekk, l-operatur ta’ magna tat-tiftix li jirċievi talba ta’ tneħħija ta’ referenza għandu jivverifika jekk l-inklużjoni tal-link lejn il-paġna tal-internet inkwistjoni fil-lista murija wara tiftixa mwettqa fuq il-bażi tal-isem tas-suġġett tad-data hijiex neċessarja għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-informazzjoni tal-utenti tal-internet potenzjalment interessati li jkollhom aċċess għal din il-paġna tal-internet permezz ta’ tali tiftixa protetta mill-Artikolu 11 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 66). |
|
56 |
Il-fatt li l-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR jipprevedi espressament li d-dritt tas-suġġett tad-data għal tħassir huwa eskluż meta l-ipproċessar ikun neċessarju għall-eżerċizzju tad-dritt korrispettiv, b’mod partikolari, tal-libertà tal-informazzjoni, żgurat mill-Artikolu 11 tal-Karta, jikkostitwixxi espressjoni tal-fatt li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex dritt assolut, iżda għandu, kif inhu enfasizzat fil-premessa 4 ta’ dan ir-regolament, jitqies fir-rigward tar-rwol tiegħu fis-soċjetà u jiġi bbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħra konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jippermetti li jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tagħha, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Il-GDPR, u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3)(a) tiegħu, jistabbilixxi għalhekk espliċitament ir-rekwiżit ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, id-dritt fundamentali għal-libertà tal-informazzjoni, ggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 59). |
|
59 |
Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 7 tal-Karta, dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, jinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u li l-protezzjoni tad-data personali għandha rwol fundamentali għall-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB (Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 2017, Satakunnan Markkinapörssi Oy u satamedia Oy vs Il‑Finlandja, CE:ECHR:2017:0627JUD000093113, punt 137). Għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, jeħtieġ li l-Artikolu 7 jingħata l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk mogħtija lill-Artikolu 8(1) tal-KEDB kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Karta u tal-Artikolu 10 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Buivids, C‑345/17, EU:C:2019:122, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
60 |
Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li, fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ data, għall-finijiet tal-ibbilanċjar bejn id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, ċertu numru ta’ kriterji rilevanti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħall-kontribut għal dibattitu ta’ interess ġenerali, in-notorjetà tas-suġġett tad-data, is-suġġett tar-rapport, l-aġir preċedenti tas-suġġett tad-data, il-kontenut, il-forma u l-konsegwenzi tal-pubblikazzjoni, il-mod u ċ-ċirkustanzi li fihom tkun inkisbet l-informazzjoni kif ukoll in-natura veritiera tagħhom (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 2017, Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy vs Il-Finlandja, CE:ECHR:2017:0627JUD000093113, punt 165). |
|
61 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li fihom l-operatur ta’ magna tat-tiftix ikun obbligat li jaġixxi fuq talba għat-tneħħija ta’ referenza u għalhekk li jħassar mil-lista tar-riżultati, li tintwera wara tiftixa mwettqa fuq il-bażi tal-isem tas-suġġett tad-data, il-link lejn paġna tal-internet li fuqha tkun tinsab data personali li tappartjeni għal din il-persuna, minħabba li l-kontenut irreferenzjat jinkludi allegazzjonijiet li l-imsemmija persuna tqis li huma foloz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 60). |
|
62 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat, qabel kollox, li, għalkemm id-drittijiet tas-suġġett tad-data protetti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta jipprevalu, bħala regola ġenerali, fuq l-interess leġittimu tal-utenti tal-internet potenzjalment interessati li jkollhom aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni, dan l-ekwilibriju jista’ madankollu jiddependi miċ-ċirkustanzi rilevanti ta’ kull każ, b’mod partikolari min-natura ta’ din l-informazzjoni u min-natura sensittiva tagħha għall-ħajja privata tas-suġġett tad-data kif ukoll mill-interess tal-pubbliku li jkollu l-imsemmija informazzjoni, li jista’ jvarja, b’mod partikolari, skont ir-rwol li għandha din il-persuna fil-ħajja pubblika (sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 81, kif ukoll tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 66). |
|
63 |
B’mod partikolari, meta s-suġġett tad-data jkollu rwol fil-ħajja pubblika, din il-persuna għandha turi livell ta’ tolleranza ikbar, ġaladarba tiġi esposta inevitabbilment u b’għarfien sħiħ tal-fatti għall-iskrutinju tal-pubbliku (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 6 ta’ Ottubru 2022, Khural u Zeynalov vs L-Azerbajġan, CE:ECHR:2022:1006JUD005506911, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
Il-kwistjoni tan-natura veritiera jew le tal-kontenut irreferenzjat tikkostitwixxi wkoll element rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni previsti fl-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR bil-għan li jiġi evalwat jekk id-dritt għall-informazzjoni tal-utenti tal-internet u l-libertà tal-espressjoni tal-fornitur tal-kontenut jistgħux jipprevalu fuq id-drittijiet tal-persuna li titlob it-tneħħija ta’ referenza. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, u kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm, f’ċerti ċirkustanzi, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni jista’ jipprevali fuq id-drittijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkollha rwol fil-ħajja pubblika, fi kwalunkwe każ din ir-relazzjoni tinverti ruħha meta, minn tal-inqas, parti mill-informazzjoni kkonċernata mit-talba għal tneħħija ta’ referenza li ma tkunx ta’ natura minuri fir-rigward tal-kontenut kollu tirriżulta li hija falza. Tabilħaqq, f’ipoteżi bħal din id-dritt li wieħed jinforma u d-dritt li wieħed jiġi informat ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li dawn ma jistgħux jinkludu d-dritt ta’ tixrid u ta’ tali informazzjoni u ta’ aċċess għaliha. |
|
66 |
Għandu jingħad ukoll li, filwaqt li l-punt dwar jekk l-affermazzjonijiet li jinsabu fil-kontenut imsemmi humiex veri jew le huwa rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR, hemm lok li ssir distinzjoni bejn affermazzjonijiet ta’ fatt u ġudizzji ta’ valur. Fil-fatt, filwaqt li n-natura materjali tal-ewwel tista’ tiġi pprovata, tat-tieni ma jipprestawx ruħhom għal turija tan-natura veritiera tagħhom (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 23 ta’ April 2015, Morice vs Franza, CE:ECHR:2015:0423JUD002936910, punt 126). |
|
67 |
Sussegwentement, għandu jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk, u, jekk ikun il-każ, sa fejn, il-persuna li ressqet it-talba ta’ tneħħija ta’ referenza għandha tipproduċi provi biex tikkorrobora l-allegazzjoni tagħha dwar il-falsità tal-informazzjoni li tinsab fil-kontenut imsemmi u, min-naħa l-oħra, jekk l-operatur tal-magna tat-tiftix għandux jipprova jiċċara huwa nnifsu l-fatti sabiex jistabbilixxi n-natura veritiera jew le tal-informazzjoni allegatament falza li tinsab fih. |
|
68 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-obbligi li għandha l-persuna li titlob it-tneħħija ta’ referenza minħabba l-falsità tal-kontenut irreferenzjat, hija din il-persuna li għandha tistabbilixxi l-falsità manifesta tal-informazzjoni li tinsab fl-imsemmi kontenut jew, minn tal-inqas, parti minn din l-informazzjoni li ma hijiex ta’ natura minuri fir-rigward ta’ dan il-kontenut kollu. Madankollu, sabiex jiġi evitat li din il-persuna jkollha oneru eċċessiv li jista’ jippreġudika l-effett utli tad-dritt għal tneħħija ta’ referenza, hija għandha biss tipproduċi provi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, jistgħu raġonevolment ikunu meħtieġa li din tiġbor bil-għan li tistabbilixxi l-falsità manifesta. F’dan ir-rigward, din il-persuna ma tistax, bħala prinċipju, tkun obbligata tipproduċi, sa mill-istadju prekontenzjuż, insostenn tat-talba tagħha ta’ tneħħija ta’ referenza mal-operatur tal-magna tat-tiftix, deċiżjoni ġudizzjarja miksuba kontra l-editur tas-sit tal-internet inkwistjoni, anki taħt il-forma ta’ deċiżjoni għal miżuri provviżorji. Tabilħaqq, l-impożizzjoni ta’ tali obbligu fuq l-imsemmija persuna jkollha bħala effett li din ikollha fuqha oneru mhux raġonevoli. |
|
69 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-obbligi u tar-responsabbiltajiet li għandu l-operatur tal-magna tat-tiftix, huwa minnu li dan tal-aħħar għandu, għall-finijiet tal-verifika dwar jekk kontenut jistax ikompli jiġi inkluż fil-lista ta’ riżultati tat-tiftix imwettaq permezz tal-magna tat-tiftix tiegħu wara talba ta’ tneħħija ta’ referenza, jibbaża ruħu fuq id-drittijiet u l-interessi kollha preżenti kif ukoll fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni. |
|
70 |
Madankollu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni previsti fl-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR, dan l-istess operatur ma jistax jitqies li jeżerċita rwol attiv fil-konstatazzjoni ta’ elementi fattwali li ma humiex issostanzjati bit-talba ta’ tneħħija ta’ referenza għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-fondatezzza ta’ din it-talba. |
|
71 |
B’hekk, waqt l-ipproċessar ta’ tali talba, ma jistax jiġi impost fuq l-operatur tal-magna tat-tiftix ikkonċernat obbligu li jinvestiga l-fatti u, għal dan il-għan, li jorganizza dibattitu mal-fornitur tal-konteut intiż sabiex jikseb elementi neqsin li jirrigwardaw in-natura veritiera tal-kontenut irreferenzjat. Fil-fatt, sa fejn iġiegħel lill-operatur tal-magna tat-tiftix jikkontribwixxi biex jistabbilixxi huwa stess in-natura veritiera jew le tal-kontenut irreferenzjat, tali obbligu jqiegħed fuq dan l-operatur oneru li jmur lil hinn minn dak li jista’ raġonevolment ikun mistenni minnu fir-rigward tar-responsabbiltajiet, kompetenzi u possibbiltajiet tiegħu fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. B’hekk l-imsemmi obbligu jġibu miegħu riskju serju li titneħħa referenza ta’ kontenut li jissodisfa ħtieġa ta’ informazzjoni leġittima u preponderanti tal-pubbliku u li b’hekk issir diffiċli li din tinstab fuq l-internet. F’dan ir-rigward, jeżisti riskju reali ta’ effett dissważiv fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni jekk l-operatur tal-magna tat-tiftix kellu jipproċedi għal tali tneħħija ta’ referenza b’mod kważi sistematiku bil-għan li jevita li jkollu jsostni l-oneru li jinvestiga l-fatti rilevanti sabiex jistabbilixxi n-natura veritiera jew le tal-kontenut irreferenzjat. |
|
72 |
B’hekk, fil-każ fejn il-persuna li ressqet talba ta’ tneħħija ta’ referenza tipproduċi provi rilevanti u suffiċjenti, adattati biex jissostanzjaw it-talba tagħha u li jistabbilixxu n-natura manifestament falza tal-informazzjoni li tinsab fil-kontenut irreferenzjat jew, minn tal-inqas, ta’ parti minn din l-informazzjoni li ma tkunx ta’ natura minuri fir-rigward ta’ dan il-kontenut kollu, l-operatur tal-magna tat-tiftix għandu jaġixxi fuq din it-talba ta’ tneħħija ta’ referenza. L-istess jgħodd meta s-suġġett tad-data jippreżenta deċiżjoni ġudizzjarja meħuda kontra l-editur tas-sit tal-internet u li tistrieħ fuq il-konstatazzjoni li informazzjoni li tinsab fil-kontenut irreferenzjat, li ma tkunx ta’ natura minuri fir-rigward ta’ dan il-kontenut kollu, tkun, minn tal-inqas prima facie, falza. |
|
73 |
Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn in-natura falza ta’ tali informazzjoni li tinsab fil-kontenut irreferenzjat ma toħroġx b’mod manifest fid-dawl tal-provi prodotti mis-suġġett tad-data, l-operatur tal-magna tat-tiftix ma għandux, fl-assenza ta’ tali deċiżjoni ġudizzjarja, jaġixxi fuq tali talba ta’ tneħħija ta’ referenza. Meta l-informazzjoni inkwistjoni tkun tista’ tikkontribwixxi għal diskussjoni ta’ interess ġenerali, hemm lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, li tingħata importanza partikolari għad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. |
|
74 |
Għandu jingħad ukoll li, konformement ma’ dak li ġie espost fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, ikun ukoll sproporzjonat li wieħed jipproċedi għat-tneħħija ta’ referenza ta’ artikli bil-konsegwenza li l-aċċess għal dawn l-artikli kollha fuq l-internet isir diffiċli, fis-sitwazzjoni fejn tirriżulta li hija falza biss ċerta informazzjoni ta’ importanza minuri fir-rigward tal-kontenut kollu li jinsab f’dawn l-artikli. |
|
75 |
Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, meta l-operatur ta’ magna tat-tiftix ma jiħux azzjoni fuq it-talba ta’ tneħħija ta’ referenza, is-suġġett tad-data għandu jkun jista’ jadixxi l-awtorità superviżorja jew l-awtorità ġudizzjarja sabiex dawn iwettqu l-verifiki neċessarji u jordnaw lil din il-persuna responsabbli tadotta l-miżuri mandatorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 77). Fil-fatt, huma b’mod partikolari l-awtoritajiet ġudizzjarji li għandhom jiżguraw li jiġu pponderati l-interessi kunfliġġenti, inkwantu dawn huma fl-aħjar qagħda li jwettqu bbilanċjar kumpless u fil-fond li jieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha u l-elementi kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. |
|
76 |
Madankollu, fil-każ fejn titressaq proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja dwar in-natura allegatament falza ta’ informazzjoni li tinsab fil-kontenut irreferenzjat u fejn l-eżistenza ta’ din il-proċedura ġiet mgħarrfa lill-operatur tal-magna tat-tiftix ikkonċernat, huwa dan l-operatur, b’mod partikolari għall-finijiet li jagħti lill-utenti tal-internet informazzjoni li tkun dejjem rilevanti u aġġornata, li jżid, fir-riżultati tat-tiftixa, avviż dwar l-eżistenza ta’ tali proċedura. |
|
77 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandu jsir bejn id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, minn naħa, u dawk imsemmija fl-Artikoli 11 u 16 tal-Karta, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-eżami ta’ talba ta’ tneħħija ta’ referenza indirizzata lill-operatur ta’ magna tat-tiftix u intiża sabiex mil-lista ta’ riżultati ta’ tiftixa jitneħħa l-link lejn kontenut li jikkomporta allegazzjonijiet li l-persuna li tkun ressqet it-talba tqis li huma foloz, din it-tneħħija ta’ referenza ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-kwistjoni tal-verità tal-kontenut irreferenzjat tkun ġiet riżolta minn tal-inqas b’mod provviżorju fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn din il-persuna kontra l-fornitur ta’ dan il-kontenut. |
Fuq it‑tieni domanda
Fuq id-dritt applikabbli ratione temporis
|
78 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(b) u tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 kif ukoll tal-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR. F’dan ir-rigward, hija tispjega li, filwaqt li t-talba intiża sabiex Google b’mod permanenti tneħħi r-referenza għal-links lejn l-artikli inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ ratione temporis taħt il-GDPR, it-talba intiża sabiex Google twaqqaf il-viżwalizzazzjoni, taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), tar-ritratti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jinsabu fl-artiklu tal‑4 ta’ Ġunju 2015 taqa’ ratione temporis taħt id-Direttiva 95/46 peress li dawn ir-ritratti, kuntrarjament għall-imsemmija linka, ma kinux qed jintwerew iktar mill-magna tat-tiftix operat minn Google fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-GDPR. |
|
79 |
F’dan ir-rigward, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 u dawk tal-GDPR imsemmija fit-tieni domanda preliminari peress li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitqiesu li għandhom portata simili għall-finijiet tal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħti fil-kuntest ta’ din il-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
Għaldaqstant, sabiex jingħataw risposti utli għat-tieni domanda, din għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva tad-Direttiva 95/46 kif ukoll tal-GDPR. |
Fuq l-ammissibbiltà
|
81 |
Google tesprimi dubji fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni domanda minħabba li l-problema mqajma minnha hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, qabel kollox, il-kawża prinċipali ma għandhiex bħala għan talba ta’ tneħħija ta’ referenza tar-riżultati ta’ tiftixa ta’ immaġnijiet imwettqa mill-isem tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali iżda talba għal projbizzjoni ġenerali ta’ viżwalizzazzjoni tal-immaġnijiet żgħar (thumbnails) li jikkorrispondu għar-ritratti li jservu bħala illustrazzjoni għal artiklu minn fost tlieta inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Sussegwentement, l-immaġnijiet żgħar ma humiex iżjed disponibbli fuq is-sit g‑net mix-xahar ta’ Settembru 2017 u l-artikli mit‑28 ta’ Ġunju 2018. Fl-aħħar nett, mis-sena 2018, Google introduċiet verżjoni ġdida tal-magna tat-tiftix ta’ immaġnijiet tagħha li fiha, fil-paġna tar-riżultati, jintwerew, taħt kull immaġni żgħira (thumbnail), it-titolu fil-qosor tal-paġna tal-internet konkretament imsemmija kif ukoll l-indirizz tal-internet jew parti minnha taħt il-forma ta’ link supplimentari. |
|
82 |
B’applikazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li, f’dan il-każ, ma jirriżultax b’mod manifest mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 u tal-GDPR, hekk kif mitluba mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-talba intiża għall-waqfien mill-viżwalizzazzjoni tar-ritratti, ma għandhiex relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. |
|
83 |
B’mod partikolari, fir-rigward tal-fatt li r-ritratti u l-artikli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux iżjed fuq is-sit g‑net, għandu jiġi rrilevat li, kif osservat il-qorti tar-rinviju, it-tneħħija ta’ dan il-kontenut jidher li hija biss temporanja, kif tixhed l-indikazzjoni li tinsab fis-sit g‑net li tgħid li “għalissa” huwa impossibbli li jkun hemm aċċess għal dawn l-artikli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmija artikli jerġgħu jitqiegħdu online fil-futur u li jintwerew mill-ġdid mill-magna tat-tiftix operata minn Google, u dan iktar u iktar meta din tal-aħħar għadha tqis li t-talba ta’ tneħħija ta’ referenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex ġustifikata u li kienet qed ittenni r-rifjut tagħha li taderixxi għal din it-talba. |
|
84 |
Qabel kollox, l-interess għal risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 95/46 u tal-GDPR fil-kuntest tat-talba sabiex tintemm il-viżwalizzazzjoni, taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), tar-ritratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqiegħed inkwistjoni, la miċ-ċirkustanza, invokata minn Google, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma llimitawx it-talba tagħhom għat-tiftix fuq il-bażi ta’ isimhom, u lanqas mill-fatt li Google introduċiet verżjoni ġdida tal-magna tagħha tat-tiftix ta’ immaġnijiet li bis-saħħa tagħha, fuq il-paġna tar-riżultati, jiġu vviżwalizzati, taħt kull immaġni żgħira (thumbnail), it-titolu fil-qosor tal-paġna tal-internet konkretament imsemmija kif ukoll l-indirizz tal-internet jew parti minnu taħt il-forma ta’ link supplimentari. |
|
85 |
Fil-fatt, l-ewwel, jekk jitqies li t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tintemm il-viżwalizzazzjoni, taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), tar-ritratti li jirrappreżentawhom ma hijiex limitata għat-tiftix imwettaq fuq il-bażi ta’ isimhom, xorta jibqa’ l-fatt li din it-talba tkopri l-viżwalizzazzjoni li tirriżulta minn tali tiftix. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-interpretazzjoni mitluba taħt din it-tieni domanda manifestament ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. |
|
86 |
It-tieni, fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ link supplimentari fit-tiftixa tal-immaġnijiet li jindikaw il-paġna tal-internet tal-pubblikazzjoni inizjali tagħhom, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu l-fatti li fuq il-bażi tagħhom il-kawża prinċipali għandha tiġi deċiża u li jiddeċiedu kemm huma rilevanti f’dan ir-rigward żviluppi ulterjuri tal-magna tat-tiftix ikkonċernata. |
|
87 |
Għaldaqstant it-tieni domanda hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
88 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(b) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 kif ukoll l-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandu jsir bejn id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, minn naħa, u dawk imsemmija fl-Artikoli 11 u 16 tal-Karta, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-eżami ta’ talba ta’ tneħħija ta’ referenza indirizzata lill-operatur ta’ magna tat-tiftix u intiża sabiex mir-riżultati ta’ tiftixa ta’ immaġnijiet imwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna fiżika jitneħħew ritratti vviżwalizzati taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails) li jirrappreżentaw din il-persuna, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod determinanti l-kuntest inizjali tal-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-ritratti fuq l-internet. |
|
89 |
Id-domanda hekk magħmula tidħol fil-kuntest ta’ talba intiża sabiex mir-riżultati tat-tiftixa ta’ immaġnijiet imwettqa fuq il-bażi tal-isem tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitneħħew ir-ritratti, ivviżwalizzati taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), li juru l-artiklu ppubblikat fuq is-sit g‑net fl‑4 ta’ Ġunju 2015. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq, b’mod partikolari, issir taf jekk għandux, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ din it-talba, jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-valur informattiv tal-immaġnijiet żgħar bħala tali, fil-kuntest newtrali tal-lista ta’ riżultati, jew jekk hemmx lok ukoll li jitqies il-kuntest inizjali tal-pubblikazzjoni tar-ritratti, li ma jirriżultax mis-sempliċi viżwalizzazzjoni tal-immaġnijiet żgħar fil-kuntest tal-lista tar-riżultati. |
|
90 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, li t-tiftix ta’ immaġnijiet imwettaq permezz ta’ magna tat-tiftix fuq l-internet fuq il-bażi ta’ isem persuna huwa suġġett għall-istess prinċipji bħal dawk applikabbli għat-tiftix ta’ paġni tal-internet u tal-informazzjoni li tinsab fihom. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 49 sa 61 ta’ din is-sentenza hija valida, konsegwentement, ukoll għall-ipproċessar ta’ talba ta’ tneħħija ta’ referenza intiża sabiex mir-riżultati ta’ tiftixa ta’ immaġnijiet jitneħħew ritratti vviżwalizzati taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails). |
|
91 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-viżwalizzazzjoni, fir-riżultati ta’ tiftixa b’immaġnijiet, fil-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), ta’ ritratti ta’ persuni fiżiċi tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali li għalih għandu jwieġeb l-operatur tal-magna tat-tiftix ikkonċernat, bħala “kontrollur” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 u tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tiegħu, tal-kompetenzi tiegħu u tal-possibbiltajiet tiegħu fid-dawl tal-osservanza tar-rekwiżiti ddikjarati minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
92 |
Sussegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li d-domanda magħmula tirrigwarda l-metodu ta’ tiftix speċifiku ta’ immaġnijiet offerti minn ċerti magni tat-tiftix, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-utent tal-internet jista’ jfittex informazzjoni ta’ kull tip li tippreżenta ruħha fil-forma ta’ kontenut grafiku (ritratti, rappreżentazzjonijiet ta’ pitturi, diżinni, graffs, tabelli etc.) Waqt tali tiftix, il-magna tat-tiftix tiġġenera lista ta’ riżultati komposta minn immaġnijiet żgħar (thumbnails) li jirreferu, permezz ta’ link, għal paġni tal-internet li fuqhom jinsabu kemm il-kliem ta’ tiftix użat u l-kontenut grafiku li jaqa’ taħt din il-lista. |
|
93 |
F’dan ir-rigward, ġie deċiż li, sa fejn l-inklużjoni fil-lista ta’ riżultati, li tintwera wara tiftixa mwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna, ta’ paġna tal-internet u tal-informazzjoni li tinsab fiha dwar din il-persuna tiffaċilita b’mod kunsiderevoli l-aċċessibbiltà għal din l-informazzjoni għal kull utent tal-internet li jwettaq tiftixa dwar din il-persuna u jista’ jkollha rwol deċiżiv fir-rigward tad-diffużjoni ta’ din l-informazzjoni, hija tista’ tikkostitwixxi ndħil iktar sinjifikattiv fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata tas-suġġett tad-data milli l-pubblikazzjoni mill-editur ta’ din il-paġna tal-internet (sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 87). |
|
94 |
Issa, dan huwa wisq iżjed minnu fil-każ ta’ viżwalizzazzjoni, wara tiftixa fuq il-bażi tal-isem, taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), ta’ ritratti tas-suġġett tad-data, fejn din il-viżwalizzazzjoni hija ta’ natura li tikkostitwixxi ndħil partikolarment sostanzjali fid-drittijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali ta’ din il-persuna msemmija fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
|
95 |
Fil-fatt, l-immaġni ta’ individwu hija waħda mill-attributi prinċipali tal-personalità tiegħu minħabba li tesprimi l-oriġinalità tiegħu u tippermetti li dan jiġi distint minn persuni oħra. Id-dritt tal-persuna għall-protezzjoni tal-immaġni tiegħu jikkostitwixxi għalhekk waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali tas-sodisfazzjon personali tiegħu u jippreżupponi prinċiplament il-kontroll minn din il-persuna tal-immaġni tagħha, li jinkludi b’mod partikolari l-possibbiltà li din tirrifjuta t-tixrid ta’ din l-immaġni. Għaldaqstant, għalkemm il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni mingħajr dubju tinkludi l-pubblikazzjoni ta’ ritratti, il-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata f’dan il-kuntest għandha importanza partikolari peress li r-ritratti jistgħu jittrażmettu informazzjoni partikolarment personali, jekk mhux saħansitra intima, dwar individwu jew il-familja tiegħu (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 7 ta’ Frar 2012, Von Hannover vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:2012:0207JUD004066008, punti 95, 96 u 103 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
96 |
Għalhekk, meta l-operatur ta’ magna tat-tiftix jirċievi talba ta’ tneħħija ta’ referenza intiża sabiex mir-riżultati ta’ tiftixa ta’ immaġnijiet imwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna jitneħħew ir-ritratti vviżwalizzati taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails) li jirrappreżentaw din il-persuna, huwa għandu jivverifika jekk il-viżwalizzazzjoni tar-ritratti inkwistjoni hijiex neċessarja għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-informazzjoni tal-utenti tal-internet potenzjalment interessati li jkollhom aċċess għal dawn ir-ritratti permezz ta’ tali tiftixa protetta mill-Artikolu 11 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 66). |
|
97 |
F’dan ir-rigward, il-kontribut għal dibattitu ta’ interess ġenerali jikkostitwixxi element primordjali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali kunfliġġenti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk għandhomx jipprevalu d-drittijiet tas-suġġett tad-data għar-rispett tal-ħajja privata tagħha u għall-protezzjoni tad-data personali tagħha jew inkella d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. |
|
98 |
Issa, sa fejn il-magna tat-tiftix tivviżwalizza ritratti tas-suġġett tad-data barra mill-kuntest li fih dawn huma ppubblikati fuq il-paġna tal-internet murija, normalment biex jiġu illustrati l-elementi testwali li tinkludi din il-paġna, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk dan il-kuntest għandux xorta waħda jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-ibbilanċjar li għandu jitwettaq tad-drittijiet u tal-interessi kunfliġġenti. |
|
99 |
F’dan il-qafas, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija evalwazzjoni għandhiex tinkludi wkoll il-kontenut tal-paġna tal-internet li fiha jinsab ir-ritratt li l-viżwalizzazzjoni tiegħu taħt il-forma ta’ immaġni żgħira (thumbnail) qed tintalab li titneħħa tiddependi mis-suġġett u min-natura tal-ipproċessar inkwistjoni. |
|
100 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-suġġett tal-ipproċessar inkwistjoni, għandu jiġi osservat li l-pubblikazzjoni ta’ ritratti bħala mezz ta’ komunikazzjoni mhux verbali jista’ jkollha impatt iktar qawwi fuq l-utenti tal-internet milli l-pubblikazzjonijiet testwali. Fil-fatt ir-ritratti huma, fihom infushom, mezz importanti biex tinġibed l-attenzjoni tal-utenti tal-internet u jistgħu jqajmu interess biex jaċċedu għall-artikoli li għalihom iservu ta’ illustrazzjoni. Issa, b’mod partikolari minħabba ċ-ċirkustanza li r-ritratti huma ta’ spiss suġġetti għal diversi interpretazzjonijiet, il-viżwalizzazzjoni tagħhom fil-lista tar-riżultati tat-tiftixa bħala immaġnijiet żgħar (thumbnails) tista’, konformement ma’ dak li ġie enfasizzat fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, tagħti lok għal indħil partikolarment serju fid-dritt tas-suġġett tad-data għall-protezzjoni tal-immaġni tiegħu, liema fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-ibbilanċjar bejn id-drittijiet u l-interess kunfliġġenti. |
|
101 |
Għalhekk, l-ibbilanċjar distint tad-drittijiet u tal-interessi kunfliġġenti huwa neċessarju skont jekk ikunux inkwistjoni, minn naħa, artikli mogħnija b’ritratti ppubblikati mill-editur tal-paġna tal-internet u li, imqiegħda fil-kuntest ta’ oriġini tagħhom, jillustraw l-informazzjoni pprovduta f’dawn l-artikli u l-opinjonijiet li huma espressi fihom, u, min-naħa l-oħra, ritratti vviżwalizzati taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails) fil-lista ta’ riżultati mill-operatur ta’ magna tat-tiftix barra mill-kuntest li fih dawn ġew ippubblikati fuq il-paġna tal-internet li minnha joriġinaw. |
|
102 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mhux biss ir-raġuni li tiġġustifika l-pubblikazzjoni ta’ data personali fuq sit tal-internet ma tikkoinċidix neċessarjament ma’ dik li tapplika għall-attività tal-magni tat-tiftix iżda li, anki meta dan ikun il-każ, ir-riżultat tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi inkwistjoni li għandu jitwettaq jista’ jvarja skont jekk ikunx involut l-ipproċessar imwettaq mill-operatur ta’ magna tat-tiftix jew l-ipproċessar imwettaq mill-editur ta’ din il-paġna tal-internet peress li, minn naħa, l-interessi leġittimi li jiġġustifikaw dawn l-istanzi ta’ pproċessar jistgħu jkunu differenti u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi tal-imsemmija istanzi ta’ pproċessar għas-suġġett tad-data, u b’mod partikolari għall-ħajja privata tiegħu, ma humiex neċessarjament l-istess (sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 86). |
|
103 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura tal-ipproċessar imwettaq mill-operatur tal-magna tat-tiftix, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, billi jtella’ r-ritratti ta’ persuni fiżiċi ppubblikati fuq l-internet u jirriproduċihom separatament, fir-riżultati ta’ tiftix bl-immaġnijiet, taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), l-operatur ta’ magna tat-tiftix joffri servizz li jinvolvi pproċessar ta’ data personali awtonomu u distint mill-ipproċessar tal-editur ta’ paġna tal-internet li minnha jittieħdu r-ritratti kif ukoll mill-ipproċessar, li għalih dan l-operatur huwa wkoll responsabbli, relatat mar-referenzjar ta’ din il-paġna. |
|
104 |
Konsegwentement, hija meħtieġa evalwazzjoni awtonoma tal-attività tal-operatur tal-magna tat-tiftix li tikkonsisti fil-viżwalizzazzjoni tar-riżultati ta’ tiftixa b’immaġnijiet taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails) ġaladarba l-preġudizzju addizzjonali għad-drittijiet fundamentali li jirriżulta minn tali attività jista’ jkun partikolarment intens minħabba l-ġabra, meta ssir tiftixa fuq il-bażi tal-isem, tal-informazzjoni kollha dwar is-suġġett tad-data li tinsab fuq l-internet. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni awtonoma, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-viżwalizzazzjoni fuq l-internet ta’ ritratti taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar tikkostitwixxi fiha nnifisha r-riżultat imfittex mill-utent tal-internet, indipendentement mid-deċiżjoni ulterjuri tiegħu jekk jaċċedix jew le għall-paġna tal-internet ta’ oriġini. |
|
105 |
Għandu jingħad ukoll li tali bbilanċjar speċifiku, li jieħu inkunsiderazzjoni n-natura awtonoma tal-ipproċessar magħmul mill-operatur tal-magna tat-tiftix, huwa bla ħsara għar-rilevanza eventwali ta’ elementi testwali li jistgħu jakkumpanjaw direttament il-viżwalizzazzjoni ta’ ritratt fil-lista tar-riżultati ta’ tiftixa, inkwatu tali elementi jistgħu jitfgħu dawl fuq il-valur informattiv ta’ dan ir-ritratt għall-pubbliku u, għalhekk, jinfluwenzaw l-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi preżenti. |
|
106 |
F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm ir-ritratti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontribwixxu, fil-kuntest tal-artiklu tal‑4 ta’ Ġunju 2015 li minnu jagħmlu parti, biex jittrażmettu l-informazzjoni u l-opinjonijiet li huma espressi fihom, dawn l-istess ritratti, barra minn dan il-kuntest, meta jidhru biss fil-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails) fil-lista ta’ riżultati riprodotta wara tiftixa mwettqa mill-magna tat-tiftix, għandhom biss valur informattiv limitat. Għaldaqstant, filwaqt li t-talba ta’ tneħħija ta’ referenza ta’ dan l-artiklu kellha tiġi miċħuda minħabba li l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni għandha tipprevali fuq id-drittijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, din iċ-ċirkustanza hija bla ħsara għall-eżitu li għandu jingħata għat-talba ta’ tneħħija ta’ dawn ir-ritratti vviżwalizzati taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar fil-lista ta’ riżultati. |
|
107 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm it-talba ta’ tneħħija ta’ referenza tal-artiklu tal‑4 ta’ Ġunju 2015 kellha tintlaqa’, il-viżwalizzazzjoni, taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), tar-ritratti li jinsabu fih għandha titneħħa. Fil-fatt, fil-każ ta’ żamma ta’ din il-viżwalizzazzjoni, l-effett utli tat-tneħħija ta’ referenza tal-artiklu jiġi ppreġudikat peress li l-untenti tal-internet jibqgħu jkollhom aċċess, permezz tal-link li l-immaġnijiet żgħar jinkludu lejn il-paġna tal-internet li fuqha huwa ppubblikat l-artiklu li minnu jkunu ttieħdu, għal dan l-artiklu sħiħ. |
|
108 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 12(b) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 kif ukoll l-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandu jsir bejn id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, minn naħa, u dawk imsemmija fl-Artikoli 11 u 16 tal-Karta, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-eżami ta’ talba ta’ tneħħija ta’ referenza indirizzata lill-operatur ta’ magna tat-tiftix u intiża sabiex mir-riżultati ta’ tiftixa ta’ immaġnijiet imwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna fiżika jitneħħew ritratti vviżwalizzati taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails) li jirrappreżentaw din il-persuna, jeħtieġ li jitqies il-valur informattiv ta’ dawn ir-ritratti indipendentement mill-kuntest tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-paġna tal-internet li minnha ttieħdu, iżda billi jittieħed inkunsiderazzjoni kull element testwali li jakkumpanja direttament il-viżwalizzazzjoni ta’ dawn ir-ritratti fir-riżultati ta’ tiftix u li jista’ jitfa’ dawl fuq il-valur informattiv tagħhom. |
Fuq l‑ispejjeż
|
109 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.