Eureka C-17/22 Definitions

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Il-punti b), c) u f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) – Legalità tal-ipproċessar – Ħtieġa tal-ipproċessar għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li għalih huwa parti s-suġġett tad-data – Ħtieġa tal-ipproċessar għall-finijiet tal-konformità ma’ obbligu legali impost fuq il-kontrollur – Ħtieġa tal-ipproċessar għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza – Fond ta’ investiment ikkostitwit fil-forma ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata li titlob lill-pubbliku t-tfaddil – Talba ta’ soċju sabiex jikseb id-dettalji tas-soċji l-oħra li għandhom ishma indiretti f’fond ta’ investiment permezz ta’ kumpannija fiduċjarja”

Fil-Kawżi magħquda C‑17/22 u C‑18/22,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht München (il-Qorti tad-Distrett ta’ München, Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Diċembru 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Jannar 2022, fil-proċeduri

HTB Neunte Immobilien Portfolio geschlossene Investment UG & Co. KG

vs

Müller Rechtsanwaltsgesellschaft mbH (C‑17/22),

u

Ökorenta Neue Energien Ökostabil IV geschlossene Investment GmbH & Co. KG

vs

WealthCap Photovoltaik 1 GmbH Co.KG

WealthCap PEIA Komplementär GmbH,

WealthCap Investorenbetreuung GmbH (C‑18/22),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Frar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal HTB Neunte Immobilien Portfolio geschlossene Investment UG & Co. KG, minn M. Handlos u R. Veil, Rechtsanwälte,

–

għal Ökorenta Neue Energien Ökostabil IV geschlossene Investment GmbH & Co. KG minn U. Brinkmöller, Rechtsanwalt,

–

għal WealthCap Photovoltaik 1 GmbH Co.KG, WealthCap PEIA Komplementär GmbH, u WealthCap Investorenbetreuung GmbH, minn N. Bartmann, U. Baumgartner u A. Höder, Rechtsanwälte,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, M. Heller u H. Kranenborg bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) punti (b) u (f) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, HTB Neunte Immobilien Portfolio geschlossene Investment UG & Co. KG (iktar ’il quddiem “HTB”) u Müller Rechtsanwaltsgesellschaft - mbH (Kawża C‑17/22), u, min-naħa l-oħra, Ökorenta Neue Energien Ökostabil IV geschlossene Investment GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem: “Ökorenta”) u WealthCap Photovoltaik 1 GmbH Co. KG u WealthCap PEIA Komplementär GmbH, u WealthCap Investorenbetreuung GmbH, (Kawża C‑18/22).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 1, 10, 39, 41, 47 u 48 tal-RĠPD huma fformulati kif ġej:

“(1)

Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 16(1) [TFUE] jipprevedu li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

[…]

(10)

Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni [Ewropea] kollha. […]

[…]

(39)

Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu jkun legali u ġust. Għandu jkun trasparenti għall-persuni fiżiċi li fir-rigward tagħhom qiegħda tinġabar, tintuża, tiġi kkonsultata jew b’xi mod ieħor ipproċessata data personali u l-punt sa fejn id-data personali qiegħda tiġi pproċessata jew ser tiġi pproċessata. […]

[…]

(41)

Fejn dan ir-Regolament jagħmel referenza għal bażi legali jew miżura leġiżlattiva, din mhux neċessarjament tkun tirrikjedi att leġiżlattiv adottat minn parlament, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti skont l-ordni kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, tali bażi legali jew miżura leġiżlattiva għandha tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għal persuni soġġetti għaliha, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […] u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

[…]

(47)

L-interessi leġittimi ta’ kontrollur inklużi dawk ta’ kontrollur li lilu tista’ tiġi żvelata d-data personali jew ta’ parti terza, jistgħu jipprovdu bażi legali għall-ipproċessar, sakemm l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jkunux aktar importanti, b’kont meħud tal-aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data abbażi tar-relazzjoni tagħhom mal-kontrollur. Tali interess leġittimu jista’ jeżisti pereżempju fejn ikun hemm relazzjoni rilevanti u adatta bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur f’sitwazzjonijiet bħal fejn is-suġġett tad-data jkun klijent jew fis-servizz tal-kontrollur. Fi kwalunkwe każ il-preżenza ta’ interess leġittimu tkun teħtieġ valutazzjoni bir-reqqa inkluż dwar jekk is-suġġett tad-data jkunx jista’ raġonevolment jistenna, fil-mument u fil-kuntest tal-ġbir tad-data personali, li l-ipproċessar għal dak il-fini jkun jista’ jsir. L-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu, b’mod partikolari, isiru iktar importanti mill-interess tal-kontrollur tad-data fejn tkun ipproċessata data personali f’ċirkostanzi fejn is-suġġetti tad-data jistennew b’mod raġonevoli li ma jsirx iktar ipproċessar. […] L-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jista’ jitqies li twettaq għal interess leġittimu.

(48)

Kontrolluri li jkunu parti minn grupp ta’ impriżi jew istituzzjonijiet affiljati ma’ korp ċentrali jistgħu jkollhom interess leġittimu fit-trażmissjoni ta’ data personali fi ħdan il-grupp ta’ impriżi għal finijiet amministrattivi interni, inkluż l-ipproċessar ta’ data personali ta’ klijenti jew impjegati. Il-prinċipji ġenerali għat-trasferiment ta’ data personali, fi ħdan grupp ta’ impriżi, lejn impriża li tinsab f’pajjiż terz jibqgħu mhumiex affettwati.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprevedi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)

‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

7)

‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

[…]

11)

‘kunsens’ tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu;

[…]”

6

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi:

“1.   Id-data personali għandha:

a)

tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

b)

tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; […]

c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

[…]

2.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”

7

L-Artikolu 6 tal-GDPR, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;

c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[…]

f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-datali jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b’mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

[…] Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.”

8

L-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:

[…]

c)

l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;

d)

fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza;

[…]”.

Id‑dritt Ġermaniż

9

L-Artikolu 161 tal-Handelsgesetzbuch (il-Kodiċi tal-Kummerċ), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwimiet fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“(1)   Il-kumpannija li l-għan tagħha jikkonsisti fl-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali taħt isem ta’ kumpannija komuni hija kumpannija b’responsabbiltà limitata jekk ir-responsabbiltà ta’ wieħed mis-soċji jew ta’ diversi fosthom lejn il-kredituri tal-kumpannija hija limitata għall-ammont ta’ kontribuzzjoni speċifika (sħab limitati), filwaqt li r-responsabbiltà tal-parti l-oħra tas-soċji ma hijiex limitata (soċji personalment responsabbli).

(2)   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din it-Taqsima, id-dispożizzjonijiet applikabbli għal kumpanniji ġenerali għandhom japplikaw għal kumpanniji b’responsabbiltà limitata.”

10

L-Artikolu 162(1) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Id-dikjarazzjoni tas-soċjetà għandha tinkludi, minbarra l-indikazzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 106 [b’mod partikolari il-kunjom, l-isem, id-data tat-twelid u r-residenza ta’ kull soċju], l-indikazzjoni tas-soċji limitati u l-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed minnhom. […]”

11

L-Artikolu 127a(1) u (3) tal-Aktiengesetz (liġi dwar il-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwimiet fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“(1)   L-azzjonisti jew l-assoċjazzjonijiet tal-azzjonisti jistgħu, permezz tal-forum tal-azzjonisti fuq is-sit tal-Bundesanzeiger [(Ġurnal Uffiċjali Federali Ġermaniż)], jistiednu azzjonisti oħra sabiex jippreżentaw, konġuntament jew bi prokura, talba jew rikors skont din il-liġi jew sabiex jeżerċitaw id-dritt ta’ vot tagħhom f’laqgħa ġenerali.

[…]

(3)   L-istedina tista’ tkun fiha informazzjoni dwar is-sit web tal-azzjonist li jistieden u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu. […]”

12

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 33(1) tal-Wertpapierhandelsgesetz (il-Liġi dwar il-Kummerċ tat-Titoli), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwimiet fil-kawża prinċipali, tipprevedi:

“Kull persuna li, permezz ta’ akkwist, trasferiment jew mod ieħor, tilħaq, taqbeż jew tinżel taħt it-3 %, 5 %, 10 %, 15 %, 20 %, 25 %, 30 %, 50 % jew 75 % tad-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma li hija żżomm f’emittent li għalih ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija l-Istat ta’ oriġini (dikjarant) għandha tinforma b’dan immedjatament lill-emittent u, fl-istess ħin, lill-Uffiċċju Federali Ġermaniż, sa mhux iktar tard minn terminu ta’ erbat ijiem ta’ negozjar, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 34(1) u (2). […]”

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

13

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li HTB u Ökorenta huma kumpanniji ta’ investiment li kull waħda minnhom għandha sehem indirett, permezz ta’ kumpannija fiduċjarja, f’fondi ta’ investiment. Dawn il-fondi ta’ investiment huma organizzati fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, jiġifieri kumpannija ta’ persuni, li tagħmel sejħa pubblika għat-tfaddil. Is-sehem fil-kapital ta’ dawn il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata huwa kkonċepit bħala investiment finanzjarju. Meta dan is-sehem ikun indirett, il-membri għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz ta’ kumpanniji ta’ parteċipazzjoni fiduċjarji.

14

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu lill-konvenuti fil-kawża prinċipali, li huma kumpanniji ta’ parteċipazzjoni fiduċjarji, l-iżvelar tal-ismijiet u l-indirizzi tas-soċji kollha tagħhom li għandhom ishma indiretti fil-fondi ta’ investiment ikkonċernati, permezz ta’ kumpanniji fiduċjarji.

15

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jopponu tali żvelar peress li huma jikkunsidraw li d-data mitluba hija intiża sabiex isservi l-interessi ekonomiċi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu fir-reklamar għall-prodotti ta’ investiment tagħhom stess, fit-tħassib tal-investituri, jew fix-xiri tal-ishma tagħhom bi prezz inferjuri għall-valur tagħhom u sabiex jagħmlu profitt billi jbigħuhom mill-ġdid. Issa, il-kuntratti ta’ parteċipazzjoni u fiduċjarji li permezz tagħhom is-soċji tal-konvenuti fil-kawża prinċipali akkwistaw ishma indiretti fil-fondi ta’ investiment ikkonċernati jinkludu klawżoli li jipprojbixxu l-komunikazzjoni tal-imsemmija data lil detenturi oħra ta’ ishma.

16

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiċħdu li għandhom tali intenzjonijiet u jsostnu d-dritt tagħhom li jikkuntattjaw lis-sħab limitati l-oħra li għandhom ishma fil-fondi ta’ investiment ikkonċernati, b’mod partikolari sabiex jinnegozjaw ix-xiri mill-ġdid tal-ishma tagħhom.

17

Il-Qorti tar-rinviju tenfasizza, essenzjalment, li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) u tal-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), l-iżvelar tad-data personali mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jista’ jkun obbligatorju. Madankollu, hija tirrileva li peress li din il-ġurisprudenza hija parzjalment preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-RĠPD, hija tista’ jkollha tiġi evalwata b’mod differenti f’dan il-każ, fid-dawl tal-punti (b) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament li l-interpretazzjoni tiegħu hija determinanti għas-soluzzjoni tat-tilwimiet fil-kawża prinċipali.

18

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tindika li mid-digriet tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tad‑19 ta’ Novembru 2019 (II ZR 263/18), jirriżulta li, f’kumpannija, bħal kumpannija b’responsabbiltà limitata, id-dritt ta’ soċju li jkun jaf l-isem u l-indirizz tas-soċji l-oħra jagħmel parti mill-“qalba indispensabbli tad-drittijiet tas-soċji”. Dan id-dritt japplika wkoll fir-rigward tas-sħab limitati li għandhom biss ishma indiretti. Fil-fatt, l-għarfien tas-soċji l-oħra kollha, inklużi dawk li jżommu indirettament ishma, huwa neċessarju għat-tgawdija effettiva tad-drittijiet miżmuma minn kull soċju ta’ kumpannija li jsejjaħ lill-pubbliku għat-tfaddil. L-iżvelar ta’ din id-data personali lis-soċji l-oħra tkun għalhekk konformi mal-obbligi imposti fuq il-kumpannija skont il-kuntratt li jikkostitwixxiha. L-unika eċċezzjoni għad-dritt li tinkiseb tali data, fid-dritt Ġermaniż, tikkonsisti fil-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt, li tipprojbixxi li dan id-dritt ta’ informazzjoni jiġi eżerċitat b’mod illegali jew b’intenzjoni dannuża.

19

Skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), l-abbuż ta’ dritt ikun, fi kwalunkwe każ, eskluż meta investitur jipprova jidħol f’kuntatt ma’ investituri oħra sabiex jiddiskuti magħhom kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kumpannija u, jekk ikun il-każ, jorganizza komunjoni ta’ interessi bejn l-investituri. Barra minn hekk, ma hemmx lok li tiġi rrifjutata l-provvista ta’ informazzjoni dwar soċju minħabba li jeżisti sempliċi riskju astratt ta’ użu abbużiv ta’ din id-data personali. Barra minn hekk, soċju għandu jkun jista’ jaċċedi direttament għad-data tas-soċji l-oħra tal-kumpannija, mingħajr ma jiddependi fuq il-korpi ta’ tmexxija tagħha.

20

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li tali dritt għal informazzjoni ma jistax jiġi eskluż permezz ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali, taħt piena li jitneħħa, fil-fatt, dritt essenzjali tas-soċji, jiġifieri dak li jsejħu laqgħa ġenerali straordinarja tas-soċji, peress li l-kworums neċessarji għal dan l-għan jistgħu jinkisbu minn soċju li għandu sehem żgħir biss jekk jingħaqad ma’ soċji oħra, li jippreżupponi b’mod obbligatorju li huwa jkun jaf l-ismijiet u l-indirizzi tagħhom (digriet tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tal‑21 ta’ Settembru 2009 – (II ZR 264/08)]. Skont l-imsemmija ġurisprudenza, il-premessa 48 tar-RĠPD tidher li tiġġustifika wkoll li, fi ħdan grupp ta’ impriżi, id-data personali tas-soċji kollha tista’ tiġi trażmessa lil wieħed minnhom, għal finijiet amministrattivi interni.

21

Skont il-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tistabbilixxi għalhekk l-eżistenza, bħala prinċipju, ta’ dritt għall-informazzjoni tas-soċji li huwa limitat biss bl-abbuż ta’ dritt.

22

Il-Qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019 tal-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München) (7 U 342/18), li tipprovdi li l-għan prinċipali tal-kuntratt ta’ kumpannija huwa l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-soċji, inkluż dak li tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fi ħdan il-kumpannija. Ix-xiri ta’ ishma jikkostitwixxi għalhekk eżerċizzju legali ta’ dawn id-drittijiet u l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar is-soċji l-oħra f’dan ir-rigward tikkorrispondi għal interess raġonevoli. Issa, tali żvelar għandu jiġi rrifjutat biss jekk ma jkun intiż li jissodisfa ebda interess raġonevoli.

23

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) u tal-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München) sa fejn din tippermetti żvelar estiż tad-data personali tas-soċji li għandhom ishma indiretti f’fond ta’ investiment, fuq il-bażi tal-allegazzjoni purament formali ta’ interess tas-soċji l-oħra li jiksbu tali data, pereżempju fid-dawl tal-akkwist ta’ ishma.

24

Fil-fatt, hija tqis li, skont id-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni tad-data personali tikkostitwixxi r-regola, b’tali mod li l-eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, prevista b’mod partikolari fil-punti (b) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, li tippermetti li jiġi awtorizzat l-iżvelar ta’ din id-data, għandha tkun ibbażata fuq “ġustifikazzjoni suffiċjenti”. Barra minn hekk, din il-qorti tafferma li fid-dritt Ġermaniż ma jeżisti ebda obbligu legali li tiġi ppubblikata data dwar il-persuni li għandhom ishma f’kumpannija fiduċjarja. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dritt ta’ aċċess għad-data tas-soċji jidher li għandux ikun suġġett, minn naħa, għall-eżistenza ta’ ċertu limitu ta’ sehem, b’analoġija għal dak li huwa previst fid-dritt Ġermaniż fir-rigward tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata kkwotati fil-Borża, u, min-naħa l-oħra, għal raġuni konkreta u preċiża, marbuta mal-kumpannija, li fir-rigward tas-soċji tagħha hija mitluba tali informazzjoni.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri fiż-żewġ kawżi prinċipali u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari identiċi li ġejjin:

“1a)

Mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) u (f) tar-[RĠPD] jirriżulta li, fil-każ ta’ soċjetà b’investituri pubbliċi, is-sehem fil-kapital tas-soċjetà ta’ soċju b’responsabbiltà għal ammonti żgħar, li ma huwiex personalment responsabbli u lanqas huwa l-amministratur, huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ‘interess leġittimu’ għall-ksib ta’ informazzjoni dwar is-soċji kollha li għandhom ishma miżmuma indirettament minn fiduċjarju, rigward id-dettalji tagħhom u s-sehem tagħhom fis-soċjetà, u sabiex jiġi dedott obbligu kuntrattwali għal dan il-għan mill-ftehim tas-soċjetà,

b)

jew inkella, f’dawn il-kundizzjonijiet, l-interess leġittimu huwa limitat, għall-ksib, min-naħa tas-soċjetà, ta’ informazzjoni dwar id-detenturi ta’ ishma indiretti b’responsabbiltà għall-ammonti sinjifikattivi, iżda li għandhom parti minima li tal-inqas tippermettilhom jinfluwenzaw il-futur tas-soċjetà?

2a)

Huwa suffiċjenti, sabiex ma jkunx hemm ksur, fil-każ ta’ dritt illimitat (l-ewwel domanda (a)), tal-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt li huwa inerenti għal tali dritt illimitat, jew sabiex issir deroga mil-limitu tad-dritt għal informazzjoni limitat (l-ewwel domanda (b)), li jkun hemm l-intenzjoni li jiġi stabbilit kuntatt sabiex issir konoxxenza, jiġu skambjati opinjonijiet jew jiġi nnegozjat ix-xiri mill-ġdid ta’ azzjonijiet,

b)

jew l-interess għall-ksib ta’ informazzjoni jista’ jitqies bħala rilevanti biss fejn l-iżvelar tagħha jintalab għall-finijiet speċifiċi li jsir kuntatt ma’ soċji oħra sabiex jintalbu jikkoordinaw kwistjonijiet konkreti li dwarhom huwa meħtieġ kunsens fil-kuntest tad-deċiżjonijiet tas-soċji.”

Fuq il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

26

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Settembru 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ssospenda dawn il-proċeduri sakemm tingħata d-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza fil-Kawża C‑252/21.

27

Konformement mad-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Lulju 2023, ir-Reġistru nnotifika lill-qorti tar-rinviju s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), (C‑252/21, EU:C:2023:537), u stedinha tindikalu jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, xtaqitx iżżomm it-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari, kompletament jew parzjalment.

28

Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Awwissu 2023, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, din il-qorti indikat li hija kienet ser iżżomm it-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id‑domandi preliminari

29

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti (b) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD għandhomx jiġu interpretati fis-sens li pproċessar ta’ data personali li jikkonsisti fl-iżvelar, fuq talba ta’ soċju ta’ fond ta’ investiment, ikkostitwit fil-forma ta’ kumpanniji li tirrikorri għall-pubbliku għat-tfaddil, ta’ informazzjoni dwar is-soċji kollha li għandhom ishma indiretti f’dan il-fond, permezz ta’ kumpanniji fiduċjarji, indipendentement mill-kobor tas-sehem tagħhom fil-kapital tal-imsemmi fond, sabiex jidħlu f’kuntatt u jinnegozjaw magħhom ix-xiri mill-ġdid tal-ishma tagħhom, jew inkella li jikkoordinaw ruħhom magħhom sabiex jifformaw rieda komuni fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet tas-soċji, jista’ jitqies li huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li għalih il-persuni kkonċernati huma partijiet, fis-sens ta’ dan il-punt (b), jew għall-finijiet ta’ interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur għall-ipproċessar jew minn terz, fis-sens ta’ dan il-punt (f).

30

Peress li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari juru li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità mar-RĠPD tal-obbligu ta’ żvelar ta’ tali data li jirriżulta, fid-dritt Ġermaniż, mill-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, hemm lok li d-domandi magħmulin jiġu fformulati mill-ġdid fis-sens li jestendu għall-interpretazzjoni tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, u li jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar jekk tali żvelar jistax jitqies li jirriżulta minn obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur.

31

Preliminarjament, sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi għandu jitfakkar li l-għan imfittex mill-RĠPD, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu kif ukoll mill-premessi 1 u 10 tiegħu, jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta u fl-Artikolu 16(1) TFUE (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, IAB Europe, C‑604/22, EU:C:2024:214, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Konformement ma’ dan l-għan, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, b’mod partikolari, ikun konformi mal-prinċipji dwar l-ipproċessar ta’ tali data stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament u jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità elenkati fl-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 208, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Meta Platforms Ireland (Rappreżentant ta’ Azzjoni), C‑757/22, EU:C:2024:598, punt 49).

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-RĠPD, id-data personali għandha tiġi pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data.

34

B’mod partikolari, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD jipprevedi lista eżawrjenti u limitattiva tal-każijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies li huwa legali. Għaldaqstant, sabiex ipproċessar ikun jista’ jitqies bħala leġittimu, għandu jkun kopert minn wieħed mill-każijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 90).

35

Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tat-tilwimiet fil-kawża prinċipali, għandu, barra minn hekk, jiġi rrilevat li dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ma jistabbilixxix, fih innifsu, obbligu, iżda sempliċement jesprimi fakultà li jsir ipproċessar ta’ data personali fil-każijiet li huwa jelenka (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 26).

36

Skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, l-ipproċessar ta’ data personali hija legali jekk, u sakemm, is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu sabiex isir dan għal skop speċifiku wieħed jew iktar. Fl-assenza ta’ tali kunsens, jew meta dan il-kunsens ma jkunx ingħata b’mod liberu, speċifiku, informat u inekwivoku, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, tali pproċessar ikun madankollu ġġustifikat meta dan ikun jissodisfa wieħed mir-rekwiżiti ta’ neċessità msemmija fil-punti (b) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament.

37

F’dan il-kuntest, il-ġustifikazzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni, sa fejn dawn jippermettu li pproċessar ta’ data personali mwettaq fl-assenza tal-kunsens tas-suġġett tad-data jsir legali, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni restrittiva (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata)

38

Barra minn hekk, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkun possibbli li jiġi kkonstatat li pproċessar ta’ data personali huwa neċessarju fid-dawl ta’ waħda mill-ġustifikazzjonijiet previsti fil-punti (b) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-RĠPD, ma hemmx lok li jiġi ddeterminat jekk dan l-ipproċessar jaqax ukoll taħt waħda oħra minn dawn il-ġustifikazzjonijiet (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali ta’ użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fl-aħħar għandu jiġi ppreċiżat li, konformement mal-Artikolu 5 tal-RĠPD, huwa l-kontrollur li għandu l-oneru li jipprova li din id-data hija b’mod partikolari miġbura għal skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u li din hija pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 13(1)(c) ta’ dan ir-regolament, meta d-data personali tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, huwa l-kontrollur li għandu jinformaha dwar l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija intiża din id-data kif ukoll dwar il-bażi legali ta’ dan l-ipproċessar (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 95).

40

F’dan il-każ, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-soċji li għandhom ishma indiretti, permezz ta’ kumpanniji fiduċjarji, fil-fondi ta’ investiment ikkonċernati ma tawx il-kunsens tagħhom, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jkunu jistgħu jiżvelaw id-data personali li tikkonċernahom lil terzi, b’mod partikolari lil HTB u lil Ökorenta.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tal-punti (b) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, imsemmija speċifikament fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jistgħux jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw l-iżvelar eventwali ta’ tali data lil dawn it-terzi.

42

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, dan jipprevedi li pproċessar ta’ data personali ikun legali jekk dan ikun “meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt”.

43

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sabiex ipproċessar ta’ data personali jitqies li huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, dan għandu jkun oġġettivament indispensabbli sabiex jitwettaq skop li jagħmel parti integrali mill-provvista kuntrattwali intiża għas-suġġett tad-data. Il-kontrollur għandu għalhekk ikun f’pożizzjoni li juri kif l-għan prinċipali tal-kuntratt ma jkunx jista’ jintlaħaq fl-assenza tal-ipproċessar inkwistjoni (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 98).

44

Fil-fatt, kif iddeċidiet ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, l-element determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ġustifikazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD huwa li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-kontrollur ikun essenzjali sabiex jippermetti l-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt konkluż bejnu u s-suġġett tad-data u, għaldaqstant, li ma jeżistux soluzzjonijiet oħra prattikabbli u inqas intrużivi (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 99).

45

F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratti tal-ishma u fiduċjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħhom ishma indiretti ġew akkwistati fil-fondi ta’ investiment ikkonċernati, jipprevedu espressament il-projbizzjoni li tiġi kkomunikata d-data dwar l-investituri indiretti lil detenturi oħra ta’ ishma.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-karatteristika essenzjali tal-akkwist ta’ sehem indirett, permezz ta’ kumpannija fiduċjarja, f’fond ta’ investiment li jitlob lill-pubbliku t-tfaddil hija preċiżament l-anonimità tas-soċji, inkluż fir-relazzjonijiet bejn is-soċji stess. Fi kliem ieħor, huwa fid-dawl tal-ipproċessar kunfidenzjali tad-data tagħhom mill-fond ta’ investiment li l-persuni jagħżlu investiment finanzjarju f’tali fond fil-forma ta’ sehem miżmum permezz ta’ kumpannija ta’ ishma fiduċjarja.

47

Għaldaqstant, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ipproċessar ta’ data personali, li jikkonsisti fl-iżvelar tal-informazzjoni dwar is-soċji li għandhom permezz ta’ kumpannija fiduċjarja, ishma indirett, f’fond ta’ investiment li jitlob lill-pubbliku t-tfaddil, ma jistax jitqies li huwa “neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt”, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), meta l-kuntratt li fuqu jkun ibbażat l-akkwist ta’ tali ishma, jeskludi espressament l-iżvelar ta’ din id-data lil detenturi oħra ta’ ishma.

48

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, dan jipprovdi li pproċessar ta’ data personali ikun legali jekk dan ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni ta’ din id-data personali.

49

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, din id-dispożizzjoni tipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur tad-data jew minn terz, it-tieni nett, in-neċessità tal-ipproċessar tad-data personali sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex u, it-tielet nett, il-kundizzjoni li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat mill-protezzjoni tad-data ma jipprevalixxux (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali, C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kundizzjoni dwar it-tfittxija ta’ “interess leġittimu”, għandu jiġi enfasizzat li, fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett mir-RĠPD, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, firxa wiesgħa ta’ interessi tista’, bħala prinċipju, titqies li hija leġittima (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Liberazzjoni ta’ bilanċ tad-dejn), C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 76).

51

It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar ta’ data personali għat-twettiq tal-interess leġittimu mfittex, din timponi fuq il-qorti tar-rinviju l-obbligu li tivverifika li l-interess leġittimu tal-ipproċessar tad-data mfittex ma jistax raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effettiv permezz ta’ mezzi oħra li inqas jippreġudikaw il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Liberazzjoni ta’ bilanċ tad-dejn), C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata)).

52

F’dan il-kuntest, hemm ukoll lok li jitfakkar li l-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar għandha tiġi eżaminata flimkien mal-prinċipju msejjaħ “minimizzazzjoni tad-data” stabbilit fl-Artikolu 5(1)(c) tar-RĠPD, li skontu d-data personali għandha tkun “adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata” (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 109 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

It-tielet nett, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat mill-protezzjoni tad-data ma jipprevalixxux fuq l-interess leġittimu tal-kontrollur tad-data jew ta’ terz, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din timplika bbilanċjar bejn id-drittijiet u l-interessi opposti inkwistjoni li jkun jiddependi, bħala prinċipju, fuq iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari u li, konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq dan l-ibbilanċjar billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 110 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Barra minn hekk, il-premessa 47 tar-RĠPD tindika li l-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu, b’mod partikolari, jipprevalu fuq l-interess tal-kontrollur tad-data meta data personali tiġi pproċessata f’ċirkustanzi fejn is-suġġetti tad-data ma jistennewx b’mod raġonevoli tali pproċessar (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 112).

55

Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tliet kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza jkunux issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, meta tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti f’din id-determinazzjoni (sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 96, u tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Libererazzjoni ta’ bilanċ ta’ dejn), C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kundizzjoni dwar it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur jew minn terz, fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-interess ta’ terz, jiġifieri l-interess ta’ soċju li għandu sehem indirett f’fond ta’ investiment ikkostitwit fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata li tagħmel sejħa pubblika għat-tfaddil, għall-kisba ta’ data personali dwar is-soċji indiretti l-oħra ta’ din il-kumpannija bl-għan li jidħol f’kuntatt ma’ dawn tal-aħħar jew li jinnegozja magħhom ix-xiri mill-ġdid ta’ ishma, jew inkella koordinazzjoni magħhom għall-finijiet tal-formazzjoni ta’ rieda komuni fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet tas-soċji kollha.

57

Għandu jiġi kkonstatat li tali interess jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi, għall-finijiet tal-iżvelar tad-data personali, interess leġittimu fis-sens tal-ewwel subparagrafu, punt (f), tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-istatus ta’ tali kumpannija, kif jirriżulta mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, u indipendentement mill-importanza tal-ammont tas-sehem u tas-setgħat miżmuma fil-kumpannija mis-soċju fl-oriġini tat-talba għall-iżvelar. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, każ b’każ, l-eżistenza ta’ tali interess billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest legali applikabbli u ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża.

58

Fil-każ li tali interess leġittimu jkun ikkaratterizzat, ikun meħtieġ ukoll, sabiex it-tfittxija ta’ dan l-interess tkun tista’ tippermetti pproċessar ta’ data personali, skont il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, li l-persuna responsabbli għall-ipproċessar tosserva l-obbligi l-oħra kollha li hija għandha skont dan it-regolament.

59

It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-neċessità ta’ dan l-ipproċessar għat-twettiq tal-imsemmi interess u, b’mod partikolari, tal-eżistenza ta’ mezzi li jippreġudikaw inqas il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati u daqstant xierqa, għandu jiġi kkonstatat li huwa b’mod partikolari possibbli għas-soċju ta’ fond ta’ investiment li jixtieq jikseb informazzjoni dwar soċju ieħor li għandu sehem indirett f’dan il-fond permezz ta’ kumpannija fiduċjarja li jitlob direttament lill-imsemmi fond jew lil din il-kumpannija li jittrażmetti t-talba tiegħu lis-soċju kkonċernat, bl-għan li jsir jaf jew li jiskambja miegħu. Dan tal-aħħar jista’ mbagħad jiddeċiedi liberament jekk jixtieqx jikkuntattja lis-soċju applikant jew jekk jippreferixxix li ma jilqax tali talba u jżomm l-anonimat tiegħu. Tali soluzzjoni tista’ tiġi applikata wkoll fil-każ fejn is-soċju applikant ikun jixtieq jibda negozjati ma’ soċju ieħor intiżi għax-xiri tal-ishma ta’ dan tal-aħħar jew sabiex jikkoordina ruħu miegħu għall-finijiet tal-formazzjoni ta’ rieda komuni fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet tas-soċji kollha.

60

Barra minn hekk, din is-soluzzjoni tippermetti lis-soċju ikkonċernat mit-talba għal informazzjoni, konformement mal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, imsemmi fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, li jżomm il-kontroll fuq l-ipproċessar tad-data personali tiegħu u li jillimita għalhekk l-iżvelar tiegħu lil assoċjat ieħor li huwa effettivament neċessarju u rilevanti fir-rigward tal-għanijiet li għalihom l-imsemmija data hija mitluba u pproċessata.

61

Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li proċedura bħal dik deskritta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza tista’ titqies bħala miżura li tinvolvi inqas indħil fid-dritt għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-data personali tas-suġġett tad-data, filwaqt li tippermetti lill-persuna responsabbli għall-ipproċessar li ssegwi, b’mod daqstant effettiv, l-interess leġittimu tat-terz ikkonċernat, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

62

It-tielet nett, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġett tad-data kif ukoll il-portata tal-ipproċessar inkwistjoni u l-impatt tiegħu fuq din il-persuna (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 116).

63

Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ tali bbilanċjar, minn naħa, ma jistax fil-prinċipju jiġi eskluż li l-iżvelar ta’ data personali lis-soċji, anki indiretti, ta’ kumpannija ta’ persuni lil soċji oħra, tista’ sservi, jekk ikun il-każ, l-interessi ekonomiċi ta’ kull wieħed minnhom u għalhekk, ukoll, l-interessi tas-soċji għad-data personali li dawn is-soċji l-oħra jixtiequ jkollhom aċċess għaliha.

64

Min-naħa l-oħra, lanqas ma jista’ jiġi eskluż li l-interess tas-soċji li għandhom sehem indirett f’fond ta’ investiment li d-data personali tagħhom tibqa’ kunfidenzjali jista’ jipprevali fuq dak tas-soċji l-oħra li jixtiequ jiksbu d-dettalji tagħhom. F’din il-perspettiva, għandha tingħata importanza partikolari għall-fatt li huwa probabbli, fid-dawl b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li s-soċji indiretti ta’ tali fond ta’ investiment ma setgħux raġonevolment jistennew, fil-mument tal-ġbir tad-data personali tagħhom, li din tiġi żvelata lil terzi, f’dan il-każ, lil soċji indiretti oħra ta’ dan il-fond ta’ investiment.

65

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, jirriżulta li jidher dubjuż li pproċessar ta’ data personali, bħall-iżvelar tal-informazzjoni mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi ġġustifikat abbażi ta’ interess leġittimu, fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD.

66

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, dan jipprevedi li pproċessar ta’ data personali jkun legali jekk ikun neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur.

67

L-Artikolu 6(3) tar-RĠPD jippreċiża b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li l-ipproċessar għandu jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew fuq id-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur, u li din il-bażi legali għandha tissodisfa għan ta’ interess pubbliku u għandha tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 128).

68

Barra minn hekk, kif tiddikjara l-premessa 41 ta’ dan ir-regolament, meta dan jagħmel riferiment għal bażi legali jew għal miżura leġiżlattiva, dan ma jfissirx neċessarjament li l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv minn parlament hija meħtieġa, bla ħsara għall-obbligi previsti skont l-ordinament kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, tali bażi legali jew miżura leġiżlattiva għandha tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għal persuni soġġetti għaliha, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

69

F’dan il-każ, minn naħa, id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedi ebda obbligu għal fondi ta’ investiment jew għal kumpanniji ta’ ishma fiduċjarji, bħal dawk fil-kawżi prinċipali, li jiżvelaw data personali tas-soċji li għandhom ishma indiretti f’dawn il-fondi.

70

Min-naħa l-oħra, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li tali obbligu jista’ madankollu jiġi dedott, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) u mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München) li skontha l-klawżoli kuntrattwali li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tal-koordinati tas-soċji indiretti ta’ kumpannija li tirrikorri għall-pubbliku għat-tfaddil, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jitqiesu li huma nulli, b’tali mod li jkun hemm lok li tiġi żvelata d-data personali tas-soċji li għandhom ishma indiretti f’fond ta’ investiment ikkostitwit fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata li titlob lill-pubbliku t-tfaddil.

71

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement ma’ dak li huwa msemmi fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi eskluż li “l-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur”, fis-sens tal-Artikolu 6(3)(b) tar-RĠPD, tkopri wkoll il-ġurisprudenza nazzjonali.

72

Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 41 ta’ dan ir-regolament, huwa meħtieġ li tali ġurisprudenza tkun ċara u preċiża u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

73

Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ ukoll li din il-ġurisprudenza tikkostitwixxi bażi legali li tissodisfa għan ta’ interess pubbliku, li hija tkun proporzjonata għalih u li l-ipproċessar ikkonċernat isir fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punti 134 u 138).

74

Għalhekk, hija din il-qorti li għandha tiddetermina, b’mod partikolari, jekk jeżistux miżuri li, filwaqt li jippermettu li jiġi ggarantit it-trasparenza bejn is-soċji ta’ kumpanniji ta’ persuni, kif jidher li jirriżulta mid-dritt Ġermaniż, kif ġie espost fil-punti 18 sa 22 ta’ din is-sentenza, jippreġudikaw inqas il-protezzjoni tad-data personali kunfidenzjali tas-soċji indiretti ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata li jitolbu lill-pubbliku t-tfaddil mill-obbligu li jiżvelaw din id-data lil kull soċju ieħor li jitlobha.

75

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li pproċessar ta’ data personali li jikkonsisti fl-iżvelar, fuq talba ta’ soċju ta’ fond ta’ investiment, ikkostitwit fil-forma ta’ kumpannija ta’ persuni li tirrikorri għall-pubbliku għat-tfaddil, ta’ informazzjoni dwar is-soċji kollha li għandhom ishma indiretti f’dan il-fond, permezz ta’ kumpanniji fiduċjarji, indipendentement mill-kobor tas-sehem tagħhom fil-kapital tal-imsemmija fondi, sabiex jagħmlu kuntatt u jinnegozjaw magħhom ix-xiri tal-ishma tagħhom, jew inkella li jikkoordinaw ruħhom magħhom sabiex jifformaw rieda komuni fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet tas-soċji, ma jistax jitqies li huwa neċessarju, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt li permezz tiegħu dawn is-soċji jkunu akkwistaw tali ishma, biss bil-kundizzjoni li dan l-ipproċessar ikun oġġettivament indispensabbli sabiex jintlaħaq għan li jagħmel parti integrali mis-servizz kuntrattwali intiż għal dawn l-istess soċji, b’tali mod li l-għan prinċipali tal-kuntratt ma jkunx jista’ jintlaħaq fl-assenza ta’ dan l-ipproċessar. Dan ma jkunx il-każ jekk dan il-kuntratt jeskludi espressament l-iżvelar ta’ din id-data personali lil detenturi oħra ta’ ishma.

76

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li tali pproċessar jista’ jitqies li huwa neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti minn terz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss bil-kundizzjoni li dan l-ipproċessar ikun strettament neċessarju sabiex jintlaħaq tali interess leġittimu u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-imsemmija assoċjati ma jkunux jipprevalu fuq dan l-interess leġittimu.

77

Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmi pproċessar ta’ data personali huwa ġġustifikat, skont din id-dispożizzjoni, meta jkun neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur, skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, kif ippreċiżat mill-ġurisprudenza ta’ dan l-Istat Membru, sakemm din il-ġurisprudenza tkun ċara u preċiża, li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża u sakemm din tissodisfa għan ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata għalih.

Fuq l‑ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ipproċessar ta’ data personali li jikkonsisti fl-iżvelar, fuq talba ta’ soċju ta’ fond ta’ investiment, ikkostitwit fil-forma ta’ kumpannija ta’ persuni li tirrikorri għall-pubbliku għat-tfaddil, ta’ informazzjoni dwar is-soċji kollha li għandhom ishma indiretti f’dan il-fond, permezz ta’ kumpanniji fiduċjarji, indipendentement mill-kobor tas-sehem tagħhom fil-kapital tal-imsemmija fondi, sabiex jagħmlu kuntatt u jinnegozjaw magħhom ix-xiri tal-ishma tagħhom, jew inkella li jikkoordinaw ruħhom magħhom sabiex jifformaw rieda komuni fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet tas-soċji, ma jistax jitqies li huwa neċessarju, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li permezz tiegħu dawn is-soċji jkunu akkwistaw tali ishma biss bil-kundizzjoni li dan l-ipptoċessar ikun oġġettivament indispensabbli sabiex jintlaħaq għan li jagħmel parti integrali mis-servizz kuntrattwali intiż għal dawn l-istess soċji, b’tali mod li l-għan prinċipali tal-kuntratt ma jkunx jista’ jintlaħaq fl-assenza ta’ dan l-ipproċessar. Dan ma jkunx il-każ jekk dan il-kuntratt jeskludi espressament l-iżvelar ta’ din id-data personali lil detenturi oħra ta’ ishma.

 

2)

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

tali pproċessar jista’ jitqies li huwa neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti minn terz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss bil-kundizzjoni li dan l-ipproċessar ikun strettament neċessarju sabiex jintlaħaq tali interess leġittimu u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-imsemmija assoċjati ma jkunux jipprevalu fuq dan l-interess leġittimu.

 

3)

Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-imsemmi pproċessar ta’ data personali huwa ġġustifikat, skont din id-dispożizzjoni, meta jkun neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur, skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, kif ippreċiżat mill-ġurisprudenza ta’ dan l-Istat Membru, sakemm din il-ġurisprudenza tkun ċara u preċiża, li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża u sakemm din tissodisfa għan ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata għalih.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Eureka qed iżżid links…