SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
3 ta’ Lulju 2025 ( *1 )
“Appell – Dritt istituzzjonali – Parlament Ewropew – Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament – Allowance ta’ assistenza parlamentari – Irkupru tas-somom imħallsa indebitament – Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal smigħ – Dritt ta’ aċċess għall-fajl – Regolament (UE) 2018/1725 – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni Ewropea u fir-rigward tal-moviment liberu ta’ din id-data – Artikolu 9 – Trażmissjonijiet ta’ data personali lid-destinatarji stabbiliti fl-Unjoni għajr dawn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni – Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑529/23 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑17 ta’ Awwissu 2023,
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Ecker, N. Görlitz, J.‑C. Puffer u S. Toliušis, bħala aġenti,
appellant,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
TC, irrappreżentat minn D. Aukštuolytė-Kapp, advokatė,
rikorrent fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), E. Regan, J. Passer u B. Smulders, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Novembru 2024,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Jannar 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑7 ta’ Ġunju 2023, TC vs Il‑Parlament (T‑309/21, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2023:315), li permezz tagħha din laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ TC u annullat id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tas‑16 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi kreditu fir-rigward ta’ TC, għal somma mħallsa indebitament bħala spejjeż ta’ assistenza parlamentari u li tordna l-irkupru ta’ din is-somma (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u n-nota ta’ debitu Nru 7010000523 tal‑31 ta’ Marzu 2021 (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ debitu”), sa fejn dawn ordnaw l-irkupru, mingħand TC, tar-remunerazzjonijiet, tal-ispejjeż soċjali u tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar relatati mal-impjieg tal-assistent parlamentari akkreditat tiegħu A matul il-perijodu ta’ bejn it‑22 ta’ Mejju 2015 u l‑31 ta’ Marzu 2016, għal ammont ta’ EUR 50 754.54. |
Il-kuntest ġuridiku
L-Att Elettorali
|
2 |
L-Artikolu 6(1) tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal‑20 ta’ Settembru 1976 (ĠU 1976, L 278, p. 5), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal‑25 ta’ Ġunju 2002 u tat‑23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 137) (iktar ’il quddiem l-“Att Elettorali”), jipprovdi: “Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jivvutaw fuq bażi individwali u personali. Huma ma għandhom ikunu marbuta bl-ebda struzzjoni u ma għandhomx jirċievu mandat vinkolanti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
L‑Istatut tal‑Membri
|
3 |
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, Euratom tat‑28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 262, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Membri”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-Membri għandhom ikunu ħielsa u indipendenti.” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 4 tal-Istatut tal-Membri, “[d]okumenti u rekords elettroniċi li Membru jkun irċieva, ħejja jew bagħat m’għandhomx jitqiesu bħala dokumenti tal-Parlament, ħlief jekk jiġu ppreżentati skond ir-Regoli ta’ Proċedura”. |
|
5 |
L-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Membri jipprovdi: “(1) Il-Membri għandhom ikollhom jedd għal assistenza minn staff personali li huma jistgħu jagħżlu liberament. (2) Il-Parlament għandu jħallas l-ispejjeż li l-Membri tabilħaqq jidħlu fihom għall-impjieg ta’ dan l-istaff personali. (3) Il-Parlament għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.” |
Il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni
|
6 |
L-Artikolu 33(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad‑19 ta’ Mejju u tad‑9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2009, C 159, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Miżuri ta’ Implimentazzjoni”), jipprevedi: “1. Il-Membri huma intitolati għal assistenza minn staff personali li jagħżlu huma stess. Il-Parlament għandu jħallas l-ispejjeż li fil-fatt isiru u dawk li jirriżultaw direttament u esklussivament mill-impjegar ta’ assistent wieħed jew aktar jew mill-użu ta’ fornituri ta’ servizz skont dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni u l-kundizzjonijiet stipulati mill-Bureau. 2. Jistgħu jitħallsu biss l-ispejjeż għal assistenza li jirrigwardaw b’mod neċessarju u dirett it-twettiq tal-mandat parlamentari tal-Membru. Taħt l-ebda ċirkostanza ma jistgħu jitħallsu spejjeż marbuta mal-ħajja privata tal-Membru.” |
|
7 |
L-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni huwa fformulat kif ġej: “1. Kwalunkwe somma li titħallas b’mod indebitu skont dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandha tiġi rkuprata. Is-Segretarju Ġenerali għandu jagħti istruzzjonijiet bil-għan li jiġu rkuprati dawn l-ammonti mill-Membru kkonċernat. 2. Kull deċiżjoni dwar l-irkupru ta’ ħlasijiet indebiti għandha tkun konsistenti mar-rekwiżit li l-Membri għandu jkollhom id-dritt li jwettqu l-mandat tagħhom b’mod effettiv u bit-tħaddim tajjeb tal-Parlament. 3. Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għall-ex Membri u l-aġenti tal-ħlas.” |
Ir-Regolament (UE) 2016/679
|
8 |
Il-premessa 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), jiddikjara: “L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. […]” |
|
9 |
L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin: […]
Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.” |
Ir-Regolament (UE) 2018/1725
|
10 |
Il-premessi 5 u 22 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), huma fformulati kif ġej:
[…]
|
|
11 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Id-data personali għandha: […]
[…]
[…]” |
|
12 |
L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “It-trażmissjonijiet ta’ data personali lir-riċevituri stabbiliti fl-Unjoni għajr l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni”, jipprevedi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 sa 6 u 10, id-data personali għandha tiġi trażmessa biss lir-riċevituri stabbiliti fl-Unjoni għajr l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jekk:
2. Meta l-kontrollur iniedi t-trażmissjoni skont dan l-Artikolu, huwa għandu juri li t-trażmissjoni ta’ data personali hija neċessarja u proporzjonata għall-finijiet tat-trażmissjoni, billi japplika l-kriterji stabbiliti fil-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1. 3. L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għandhom jirrikonċiljaw d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mad-dritt tal-aċċess għal dokumenti f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.” |
Ir-Regolamenti tal-Persunal
|
13 |
L-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi: “Il-fajl personali ta’ uffiċjal għandu jkun fih:
Id-dokumenti għandhom ikunu reġistrati, numerati u merfugħa f’serje; id-dokumenti msemmija fil-paragrafu (a), ma jistgħux jintużaw jew ikunu kkwotati mill-istituzzjoni kontra uffiċjal sakemm ma kinux kkomunikati lilu qabel ma kienu ffajljati. Il-komunikazzjoni ta’ kull dokument lil uffiċjal għandha tkun evidenzjata billi jiffirma għaliha jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandha tkun effettwata b’ittra lejn l-aħħar indirizz ikkomunikat mill-uffiċjal reġistrata. Il-file ta’ l-uffiċjali m’għandu jkollu l-ebda riferenza għall-attivitajiet u l-opinjonijiet politiċi, tat-trade union, folisofiċi jew reliġjużi tiegħu, jew għall-oriġini razzjali jew etniċi x-xejra seswali tiegħu. Il-paragrafu ta’ qabel iżda m’għandux jipprojbixxi d-dħul fil-file ta’ l-atti u d-dokumenti amministrattivi, li jaf bihom l-uffiċjal, li huma meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. Għandu jkun hemm fajl personali wieħed biss għal kull uffiċjal. Uffiċal għandu jkollu d-dritt, anke wara li jħalli s-servizz, li jiffamiljarizza ruħu mad-dokumenti kollha fil-fajl tiegħu u jagħmel kopji tagħhom. Il-fajl personali għandu jkun kunfidenzali u jista’ jkun ikkonsultat biss fl-uffiċċji ta’ l-amministrazzjoni jew fuq medja elettronika żgura. Madankollu, dan ikun mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jekk titressaq kawża li tirrigwarda lill-uffiċjal.” |
Il-Kondizzjonijiet tal-impjieg
|
14 |
L-Artikolu 1 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), jipprevedi: “Il-kondizzjonijiet ta’ l-impieg għandhom jgħoddu għall-impjegati mqabbda biex jaħdem taħt kuntratt mill-Unjoni. It-tali mpjegati għandhom ikunu: […]
[…]” |
|
15 |
L-Artikolu 5a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-‘assistenti parlamentari akkreditati’ tfisser il-persuni magħżula minn Membru wieħed jew aktar u impjegati b’kuntratt dirett mal-Parlament Ewropew biex jipprovdu assistenza diretta, fil-bini tal-Parlament Ewropew f’wieħed mit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu, lill-Membru jew Membri fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew, taħt id-direzzjoni u l-awtorità tagħhom u f’relazzjoni ta’ fiduċja reċiproka konformement mal-libertà tal-għażla prevista fl-Artikolu 21 [tal-Istatut tal-Membri].” |
|
16 |
Mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 127 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li l-Artikoli 11 sa 26a tar-Regolamenti tal-Persunal japplikaw b’analoġija għall-assistenti parlamentari akkreditati. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
17 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 2 sa 26 tas-sentenza appellata u jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
18 |
Fit‑22 ta’ Mejju 2015, il-Parlament, abbażi tal-Artikolu 5a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ikkonkluda ma’ A kuntratt ta’ assistent parlamentari akkreditat fuq bażi full-time fi Brussell (il-Belġju) sabiex jassisti lil TC, Membru tal-Parlament Ewropew, sa tmiem is-seba’ leġiżlatura. |
|
19 |
Fil‑25 ta’ Frar 2016, TC talab lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Parlament (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) ixxolji dan il-kuntratt għal raġunijiet diversi li jimplikaw it-telf ta’ fiduċja, fosthom assenzi mingħajr raġuni valida u n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar l-awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu eżerċitati attivitajiet esterni. |
|
20 |
Wara li l-proċedura ta’ tentattiv ta’ konċiljazzjoni falliet, fl‑24 ta’ Ġunju 2016, l-ASTK ikkomunikat lil A bid-deċiżjoni tagħha li xxolji l-imsemmi kuntratt, minħabba terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja billi huwa ma kienx osserva r-regoli dwar l-awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu eżerċitati attivitajiet esterni. |
|
21 |
Fl‑14 ta’ April 2017, A ppreżenta rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2016 quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
22 |
Permezz tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il‑Parlament (T‑59/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza L vs Il‑Parlament”, EU:T:2019:140), il-Qorti Ġenerali annullat l-imsemmija deċiżjoni. F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li mill-atti tal-proċess jirriżulta li TC kien jaf bl-attivitajiet esterni ta’ A u li huwa kien responsabbli direttament għalihom. Il-Qorti Ġenerali qieset, għaldaqstant, li l-raġuni mogħtija mill-ASTK sabiex tiġġustifika din l-istess deċiżjoni, jiġifieri t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja, ma kinitx tidher waħda plawżibbli. Skont il-Qorti Ġenerali, l-ASTK kienet għalhekk wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta laqgħet it-talba għal xoljiment tal-kuntratt ta’ A mressqa minn TC għal din ir-raġuni. Dan tal-aħħar ma kienx parti fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza. |
|
23 |
Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Ġunju 2020, redatta bl-Ingliż u mibgħuta lil TC permezz ta’ messaġġ elettroniku fit‑30 ta’ Lulju 2020, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament informa lil TC bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ rkupru ta’ somom imħallsa indebitament, skont l-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni, għal ammont totali ta’ EUR 78 838.21 dwar l-assistenza parlamentari mogħtija lil TC minn A. Is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament stieden lil TC jippreżenta, f’terminu ta’ xahrejn, osservazzjonijiet u provi intiżi sabiex jikkonfutaw il-konklużjonijiet preliminari tal-Parlament dwar l-attivitajiet esterni li A kien eżerċita bl-għarfien tiegħu u taħt id-direzzjoni tiegħu mit‑22 ta’ Mejju 2015 sat‑22 ta’ Novembru 2016 u sabiex jipprova li, matul dan il-perijodu, A kien effettivament eżerċita funzjonijiet ta’ assistent parlamentari akkreditat. |
|
24 |
Mill-punt 13 tas-sentenza appellata jirriżulta li, permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑4 ta’ Awwissu 2020, TC talab lill-Parlament jibgħatlu:
|
|
25 |
Fl‑4 ta’ Settembru 2020, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament bagħat ittra lil TC, miktuba bil-Litwan u bid-data tat‑3 ta’ Settembru 2020, b’kontenut sostanzjalment identiku għal dak tal-ittra tat‑8 ta’ Ġunju 2020, li sar riferiment għaliha fil-punt 23 ta’ din is-sentenza. Anness ma’ din l-ittra tat‑3 ta’ Settembru 2020 kien hemm kopja tas-sentenza L vs Il‑Parlament kif ukoll spjegazzjoni tas-somom imħallsa mill-Parlament lil A. |
|
26 |
Fit‑22 ta’ Settembru 2020, TC fakkar lill-Parlament fit-talba tiegħu msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq u barra minn hekk talab il-minuti tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni bejnu u bejn A bil-Litwan kif ukoll kopja tal-“posta elettronika kollha mill‑2015, 2016 u 2019”. |
|
27 |
Permezz ta’ messaġġ elettroniku tad‑29 ta’ Ottubru 2020, TC bagħat lill-Parlament l-osservazzjonijiet preliminari tiegħu kif ukoll ċertu numru ta’ dokumenti filwaqt li talab li jiġi awtorizzat jikkomunika informazzjoni u provi addizzjonali sussegwentement. |
|
28 |
Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑20 ta’ Novembru 2020, TC reġa’ talab lill-Parlament l-informazzjoni li huwa kien talab permezz tal-posta elettronika tiegħu tal‑4 ta’ Awwissu u tat‑22 ta’ Settembru 2020, b’mod partikolari d-data dwar l-aċċess ta’ A għall-Parlament u l-kopja tal-posta elettronika tal‑2015, 2016 u 2019. |
|
29 |
Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑24 ta’ Novembru 2020, TC bagħat lill-Parlament iktar osservazzjonijiet u provi minbarra dawk li kien diġà bagħat lil dan tal-aħħar permezz tal-messaġġ elettroniku tiegħu tad‑29 ta’ Ottubru 2020. |
|
30 |
Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑27 ta’ Novembru 2020, id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament (iktar ’il quddiem id-“Direttur Ġenerali għall-Finanzi”) informa lil TC li t-terminu għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet tiegħu u tal-provi tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru skont l-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni kien skada fl‑4 ta’ Novembru 2020, iżda li, jekk xtaq jikseb informazzjoni dwar A, seta’ jikkuntattja lil żewġ individwi li d-Direttur Ġenerali għall-Finanzi kien ipprovda l-indirizzi elettroniċi tagħhom, mingħajr ma tali talbiet ikollhom xi effett fuq din il-proċedura. |
|
31 |
Permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Parlament fl‑1 ta’ Diċembru 2020, TC ikkontesta l-kontenut ta’ dan il-messaġġ elettroniku tas‑27 ta’ Novembru 2020. Barra minn hekk, huwa bagħat it-talbiet tiegħu għal dokumenti lill-persuni msemmija fl-imsemmi messaġġ elettroniku. |
|
32 |
Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021”), id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi bagħat lil TC il-minuti msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, iżda rrifjuta li jagħtih aċċess għad-dokumenti l-oħra mitluba. Barra minn hekk, huwa ta lil TC terminu ta’ ħmistax-il jum sabiex jissottometti osservazzjonijiet addizzjonali, li TC issottometta fil‑21 ta’ Jannar 2021. |
|
33 |
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament qies li s-somma ta’ EUR 78 838.21 kienet ġiet indebitament sostnuta minn din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-impjieg ta’ A għall-perijodu ta’ bejn it‑22 ta’ Mejju 2015 u t‑22 ta’ Novembru 2016 u li, skont l-Artikolu 68(1) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni, hija kellha tiġi rkuprata mingħand TC. Għaldaqstant, fil‑31 ta’ Marzu 2021, id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi, fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal delegat ta’ awtorizzazzjoni, ħareġ in-nota ta’ debitu, fejn ordna l-irkupru ta’ din is-somma mingħand TC u talbu jħallas l-imsemmija somma sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Mejju 2021. Fil‑31 ta’ Marzu 2021, id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi bagħat lil TC id-deċiżjoni kontenzjuża u n-nota ta’ debitu. |
Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
34 |
B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Mejju 2021, TC ippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u tan-nota ta’ debitu. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huwa invoka ħames motivi. |
|
35 |
Fl-ewwel lok, mill-punti 27 u 28 tas-sentenza appellata jirriżulta li, wara stħarriġ imwettaq fl-okkażjoni tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Parlament ikkonstata li, f’Marzu 2016, huwa kien iddeċieda li jissospendi l-ħlas tar-remunerazzjonijiet u tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ A b’effett mill‑1 ta’ April 2016. Konsegwentement, fit‑8 ta’ Novembru 2022, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament irtira parzjalment ex tunc id-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din kienet tirrigwarda somma totali ta’ EUR 28 083.67. Fil‑15 ta’ Novembru 2022, inħarġet nota ta’ kreditu għal somma identika. |
|
36 |
Mill-punti 32 u 36 sa 42 tal-motivi u 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata jirriżulta wkoll li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, fuq talba tal-Parlament u wara li semgħet lil TC fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikors ma kienx għad għandu skop u li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża u tan-nota ta’ debitu, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw ir-remunerazzjonijiet, l-ispejjeż soċjali u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar relatati mal-impjieg ta’ A matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ April u t‑22 ta’ Novembru 2016, għal din is-somma ta’ EUR 28 083.67. |
|
37 |
Fit-tieni lok, wara li fakkret, fil-punti 45 sa 53 tas-sentenza appellata, ir-regoli dwar it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari u dwar l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament f’dan ir-rigward kif ukoll il-ġurisprudenza relatata magħhom, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 54 sa 66 ta’ dik is-sentenza, l-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli, u ċaħditu bħala infondat. |
|
38 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). F’dan il-kuntest, hija eżaminat ukoll ċerti argumenti, miġbura fil-qosor fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, li TC kien ressaq fil-kuntest tal-ewwel motiv tar-rikors tiegħu. |
|
39 |
Fil-punti 74 sa 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument tal-Parlament, miġbur fil-qosor fil-punt 73 ta’ dik is-sentenza, li TC ma setax jikkontesta t-tweġiba li kienet ingħatatlu mid-Direttur Ġenerali għall-Finanzi fl-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021, peress li t-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li tinsab f’din l-ittra kien skada. |
|
40 |
Kif jirriżulta mill-punti 78 sa 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li din l-ittra kienet tinkludi t-tweġiba tal-Parlament għat-talba ta’ TC intiża għall-produzzjoni ta’ dokumenti li huwa kien iqis bħala neċessarji sabiex juri li A kien eżerċita sew il-funzjonijiet ta’ assistent parlamentari akkreditat matul il-perijodu ta’ bejn it‑22 ta’ Mejju 2015 u t‑22 ta’ Novembru 2016. Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll li din it-tweġiba kienet taqa’ fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru tas-somom imħallsa indebitament. Għaldaqstant, hija qieset li kien possibbli għal TC li jinvoka, fil-kuntest tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u n-nota ta’ debitu, l-irregolaritajiet li, fil-fehma tiegħu, kienu jaffettwaw l-imsemmija ittra, b’tali mod li l-argument ta’ TC relatat mal-istess ittra kien ammissibbli. |
|
41 |
Fil-kuntest tal-eżami tal-mertu tat-tieni motiv tar-rikors u ta’ ċerti argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li, permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Awwissu, tat‑22 ta’ Settembru u tal‑20 ta’ Novembru 2020, TC kien talab lill-Parlament jikkomunikalu diversi dokumenti, jiġifieri:
|
|
42 |
Fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Parlament kien bagħat lil TC dawn il-minuti kif ukoll id-dokumenti relatati mat-tmiem tal-kuntratt ta’ A. Mill-banda l-oħra, skont il-Qorti Ġenerali, permezz tal-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021, il-Parlament irrifjuta li jibgħat lil TC id-dokumenti l-oħra msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
|
43 |
Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li, meta Membru jiġi mistieden jipprovdi lill-Parlament il-prova li assistent parlamentari akkreditat ikun ħadem għalih b’rabta mal-mandat parlamentari tiegħu, dan il-Membru jista’, abbażi tad-dritt għal smigħ, jitlob lill-istituzzjonijiet, lill-organi u lill-aġenziji tal-Unjoni jikkomunikaw l-elementi fil-pussess tagħhom li jidhrulu rilevanti. Skont il-Qorti Ġenerali, meta jirċievi talba bħal din, il-Parlament ma jistax jirrifjuta li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mingħajr ma jikser id-dritt għal smigħ, sakemm ma jinvokax, insostenn ta’ dan ir-rifjut, raġunijiet li jistgħu jitqiesu ġġustifikati fid-dawl, minn naħa, taċ-ċirkustanzi tal-każ u, min-naħa l-oħra, tar-regoli applikabbli. |
|
44 |
Konsegwentement, kif jirriżulta mill-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li kellha teżamina jekk ir-raġunijiet invokati mill-Parlament fl-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021 sabiex ma jikkomunikax lil TC id-data mitluba minnu kinux ta’ natura ġġustifikata. |
|
45 |
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-raġunijiet invokati mill-Parlament sabiex tiġi miċħuda t-talba ta’ TC li jiġu trażmessi lilu l-“posta elettronika kollha mill‑2015, 2016 u 2019” u l-korrispondenza li huwa kellu mas-servizzi kompetenti tal-Parlament dwar ix-xogħol ta’ A. |
|
46 |
Fil-punt 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Parlament kien ċaħad din it-talba minħabba li, skont il-politika tiegħu, iż-żamma tal-messaġġi elettroniċi kienet limitata għal 90 jum u, eċċezzjonalment, għal sena. Il-Parlament tenn jgħid li l-posta elettronika li ntbagħtet wara l‑2019 setgħet tiġi trażmessa, iżda ma kinitx rilevanti, peress li ma kellhiex x’taqsam mal-perijodu li matulu A kien suppost qiegħed jaħdem għal TC. |
|
47 |
F’dan ir-rigward, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, mill-bidu tal‑2016, il-Parlament kien jaf b’sitwazzjoni ta’ kunflitt bejn TC u A fir-rigward tal-punt dwar jekk dan tal-aħħar kienx jeżerċita jew le l-attivitajiet tiegħu b’osservanza tar-regoli li jirregolaw l-assistenza parlamentari. Konsegwentement, skont il-Qorti Ġenerali, minn dak il-mument ’il quddiem, kien neċessarju li l-Parlament jiżgura ż-żamma tal-posta elettronika li setgħet tistabbilixxi n-natura eżatta tal-attivitajiet ta’ A matul l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ tkeċċija u jekk dan tal-aħħar wassalx għal proċeduri oħra, ġudizzjarji jew amministrattivi, bħal proċedura ta’ rkupru, kemm-il darba dawn il-proċeduri oħra jkunu għadhom pendenti. |
|
48 |
Fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Parlament li kienu l-Membri tal-Parlament li kellhom iżommu l-posta elettronika tagħhom, billi joħolqu fajls personali li jippermettu l-arkivjar tagħhom għal perijodu indeterminat, kif il-Parlament stieden lill-Membri Parlamentari sabiex jagħmlu dan fi tliet komunikazzjonijiet li huwa bagħtilhom fl‑14 ta’ Ġunju 2014, fit‑13 ta’ Ottubru 2014 u fit‑30 ta’ Marzu 2015. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-possibbiltà li jsir arkivjar personali ma setax ikollha l-effett li teżenta lill-Parlament mill-obbligu li jiżgura ż-żamma ta’ kull messaġġ elettroniku rilevanti u li jikkomunika l-posta elettronika hekk miżmuma, meta, skont id-dritt għal smigħ, il-Parlament jintalab f’dan is-sens mill-Membru tal-Parlament ikkonċernat li jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ rkupru għall-użu irregolari tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari. |
|
49 |
Il-Qorti Ġenerali żiedet, minn naħa, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li l-Parlament ma rnexxilux juri li dawn il-komunikazzjonijiet kienu ġew mgħarrfa lil TC. B’mod partikolari, fir-rigward tal-komunikazzjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2014, il-Qorti Ġenerali rrimarkat li din kienet indirizzata lil “dawk li għadhom jibdew”, li TC ma kienx jagħmel parti minnhom, peress li kien Membru tal-Parlament qabel din id-data. |
|
50 |
Min-naħa l-oħra, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Parlament ma kien indika l-ebda raġuni li tippermetti li jiġi ġġustifikat ir-rifjut tiegħu li jittrażmetti lil TC il-korrispondenza li huwa kellu mas-servizzi kompetenti tal-Parlament. |
|
51 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li r-raġunijiet invokati mill-Parlament sabiex jiċħad it-talba ta’ TC dwar il-komunikazzjoni tal-“posta elettronika kollha mill‑2015, 2016 u 2019” kif ukoll il-korrispondenza li huwa kellu mas-servizzi kompetenti tal-Parlament dwar ix-xogħol ta’ A ma kinux fondati. |
|
52 |
It-tieni nett, fil-punti 105 sa 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat ir-raġunijiet invokati mill-Parlament sabiex jiġġustifika ċ-ċaħda tat-talba ta’ TC intiża għall-komunikazzjoni tal-fajl personali ta’ A, inklużi d-dokumenti kollha marbuta mar-reklutaġġ u max-xogħol tiegħu, kif ukoll l-informazzjoni dwar in-numru ta’ drabi li l-protezzjoni tal-Parlament intalbet għal A u d-data dwar il-preżenza tiegħu li tista’ tiġi estratta mill-karta ta’ aċċess tiegħu għall-Parlament. |
|
53 |
Fil-punt 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Parlament kien iġġustifika r-rifjut tiegħu li jikkomunika dan il-fajl, dawn id-dokumenti, din l-informazzjoni u din id-data billi sostna li t-trażmissjoni tagħhom kienet kuntrarja, minn naħa, għar-Regolament 2018/1725 u, min-naħa l-oħra, għall-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, fil-punt 106 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-Direttur Ġenerali għall-Finanzi kien indika lil TC li l-interventi tal-membri tal-persunal tas-sigurtà tal-Parlament ma kinux is-suġġett ta’ reġistrazzjoni uffiċjali u li d-data dwar l-użu tal-karti ta’ aċċess għall-Parlament kienet inżammet għal perijodu ta’ mhux iktar minn erba’ xhur. |
|
54 |
Qabelxejn, fil-punti 107 sa 118 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-raġuni bbażata fuq ir-Regolament 2018/1725. F’dan ir-rigward, hija rrilevat, fil-punti 110 u 111 ta’ dik is-sentenza, li, peress li din kellha sservi għad-difiża tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, id-data mitluba minn TC ma setgħetx titqies li taqa’ taħt l-Artikolu 9(1)(a) jew (b) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 113 tal-imsemmija sentenza, li, “[f]id-dawl tal-importanza li tingħata lid-dritt għal smigħ fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, iċ-ċirkustanza li dawn il-provi jistgħu jinstabu fil-‘fajl personali’ [ta’ A] ma tistax, bħala tali, iżżomm dawn il-provi milli jiġu trażmessi [lil TC] sabiex, kif titlob il-ġurisprudenza, ikun jista’ jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod utli u effettiv fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-imsemmi dritt”. |
|
55 |
Hija żiedet, fil-punti 114 sa 116 tal-istess sentenza, li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex dritt assolut, iżda għandu jitqies b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jiġi bbilanċjat, għal dan l-għan, ma’ drittijiet fundamentali oħra, fil-kuntest ta’ proċess li, fid-dawl tal-fatti tal-każ, jagħti lil kull wieħed mid-drittijiet involuti l-post li jixraqlu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont il-Qorti Ġenerali, in-neċessità li jiġi żgurat tali bbilanċjar hija enfasizzata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 4 tar-Regolament 2016/679, li r-Regolament 2018/1725 huwa l-“ekwivalenti” tiegħu f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, kif tindika l-premessa 5 ta’ dan l-aħħar regolament. |
|
56 |
Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li ma setax jiġi aċċettat li l-Parlament jista’ jistieden lil TC jieħu pożizzjoni b’mod utli u effettiv dwar provi li jinsabu, jekk ikun il-każ, fil-fajl ta’ A, mingħajr ma jagħtih aċċess għal dawn il-provi, wara li jkun ibbilanċja, minn naħa, l-interess ta’ A li d-data li tikkonċernah ma tgħaddix f’idejn terzi u, min-naħa l-oħra, l-interess ta’ TC li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod utli u effettiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru li nfetħet kontrih. Issa, fil-punt 118 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fil-każ ta’ TC, il-Parlament ma kienx wettaq tali azzjoni. |
|
57 |
Sussegwentement, fir-rigward tar-raġuni dwar l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, li, sa fejn huwa neċessarju għall-eżerċizzju, minn TC, tad-dritt tiegħu għal smigħ, il-kunfidenzjalità tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl individwali ta’ A ma setgħetx tiġi invokata kontra TC, li, barra minn hekk, kien l-awtur ta’ wħud mid-dokumenti kkonċernati, bħala superjur ġerarkiku ta’ A. Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 122 ta’ dik is-sentenza, li, billi bbaża ruħu fuq dan l-Artikolu 26, il-Parlament, b’mod żbaljat, ma kienx ħa inkunsiderazzjoni l-interess ta’ TC li jkollu aċċess għal ċerti dokumenti tal-fajl individwali ta’ A sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod utli fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru miftuħa kontrih. |
|
58 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-raġuni dwar id-data relatata mal-użu tal-karta ta’ aċċess għall-Parlament ta’ A, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 123 tas-sentenza appellata li, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punti 100 u 101 ta’ dik is-sentenza, miġbura fil-qosor fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-Parlament kellu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex din id-data tinżamm għal perijodu ta’ iktar minn erba’ xhur, peress li t-tkeċċija ta’ A kienet tat lok għal proċedura ġudizzjarja u kienet infetħet proċedura ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari fir-rigward tal-Membru li għalih il-Parlament kien irrekluta lil A. |
|
59 |
Konsegwentement, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li r-raġunijiet invokati mill-Parlament sabiex jiċħad it-talba ta’ TC dwar il-“fajl personali ta’ [A] (id-dokumenti kollha marbuta mar-reklutaġġ u max-xogħol tiegħu)”, inkluża l-informazzjoni dwar in-numru ta’ drabi li l-protezzjoni tal-Parlament intalbet għal A u d-data dwar il-preżenza tiegħu li setgħet tiġi estratta mill-karta ta’ aċċess tiegħu għall-Parlament, ma setgħux jitqiesu bħala fondati. |
|
60 |
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 126 sa 128 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet invokati mill-Parlament sabiex jiċħad it-talba ta’ TC intiża għall-komunikazzjoni tal-proċess tal-kawża li tat lok għas-sentenza L vs Il‑Parlament. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, li din it-talba kienet ġiet miċħuda mill-Parlament minħabba li din il-komunikazzjoni tmur kontra l-Artikolu 9 tar-Regolament 2018/1725 u li, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, A kien kiseb l-anonimat. |
|
61 |
Fir-rigward tar-raġuni dwar l-Artikolu 9 tar-Regolament 2018/1725, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-punti 112 sa 118 tas-sentenza appellata, miġbura fil-qosor fil-punti 54 sa 56 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali indikat li l-anonimat, bħal dak mogħti lil A fil-kawża li tat lok għas-sentenza L vs Il‑Parlament, huwa intiż li jħalli barra l-isem ta’ parti fil-kawża jew dak ta’ persuni oħra msemmija fil-kuntest tal-proċedura kkonċernata, jew saħansitra data oħra fid-dokumenti relatati mal-kawża li l-pubbliku għandu aċċess għalihom u ma jikkonċernax il-kunfidenzjalità tal-elementi inklużi fil-proċess ta’ din il-proċedura lil hinn minnha, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet u terzi. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-anonimat fil-proċedura li tat lok għas-sentenza L vs Il‑Parlament ma kinitx tipprojbixxi lill-Parlament milli jikkomunika lil TC id-dokumenti, skambjati matul din l-aħħar proċedura, li jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-eżerċizzju, minn dan tal-aħħar, tad-dritt tiegħu għal smigħ. |
|
62 |
Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 130 u 131 tas-sentenza appellata, li r-raġunijiet invokati mill-Parlament fl-ittra tiegħu tat‑8 ta’ Jannar 2021 ma kinux fondati jew kienu insuffiċjenti u, billi l-Parlament naqas milli jiġġustifika b’mod korrett ir-rifjut tiegħu li jikkomunika lil TC id-dokumenti li setgħu jippermettulu jeżerċita b’mod utli u effettiv id-dritt tiegħu għal smigħ, iggarantit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru tas-somom imħallsa bħala spejjeż ta’ assistenza parlamentari miftuħa kontrih, ma setax jiġi eskluż li dan kien ġie mċaħħad minn opportunità li jiżgura aħjar id-difiża tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni motiv, sa fejn kien ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, u, mingħajr ma eżaminat il-motivi u l-argumenti l-oħra mressqa minn TC, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u n-nota ta’ debitu sa fejn dawn kienu jikkonċernaw ir-remunerazzjonijiet, l-ispejjeż soċjali u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar relatati mal-impjieg ta’ A matul il-perijodu ta’ bejn it‑22 ta’ Mejju 2015 u l‑31 ta’ Marzu 2016. |
It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell
|
63 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
64 |
TC jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż. |
Fuq l-appell
|
65 |
Insostenn tal-appell tiegħu, il-Parlament jinvoka ħames aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tas-suġġett tat-tilwima fl-ewwel istanza u tan-natura preparatorja tal-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021, fuq ksur tad-dritt għal smigħ kif ukoll fuq ksur tal-ġurisprudenza dwar l-effetti tal-irregolaritajiet proċedurali. It-tieni aggravju, maqsum fi tliet partijiet, jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-posta elettronika ta’ TC tal‑2015, tal‑2016 u tal‑2019 kif ukoll il-korrispondenza bejnu u s-servizzi tal-Parlament u li jwasslu għall-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt għal smigħ. It-tielet aggravju, maqsum f’erba’ partijiet, jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-fajl individwali ta’ A, id-data tal-użu tal-karta ta’ aċċess għall-Parlament tiegħu u l-informazzjoni dwar in-numru ta’ drabi li l-intervent tas-servizzi ta’ sigurtà kien intalab fir-rigward tiegħu. Ir-raba’ aggravju jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-proċess tal-kawża li tat lok għas-sentenza L vs Il‑Parlament u li wasslu għall-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt għal smigħ. Il-ħames aggravju jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar id-dritt ta’ TC li jitlob, abbażi biss tad-dritt għal smigħ, il-komunikazzjoni, mill-Parlament, tal-elementi li jippermettulu jifformula l-osservazzjonijiet tiegħu. |
|
66 |
Fl-ewwel lok u flimkien, għandhom jiġu eżaminati l-ewwel parti tat-tieni aggravju kif ukoll it-tielet u l-ħames aggravju. |
Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju kif ukoll it-tielet u l-ħames aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
67 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, il-Parlament jikkontesta l-motivi esposti fil-punti 2, 92 sa 104, 130 u 131 tas-sentenza appellata, li għalihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li huwa kien kiser id-dritt għal smigħ ta’ TC, billi naqas milli jżomm il-posta elettronika tiegħu tal‑2015 u tal‑2016. Skont il-Parlament, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq kunċett eċċessivament wiesa’ tad-dritt għal smigħ u kisret il-prinċipju tal-mandat liberu tal-Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tal-Att Elettorali u mill-Artikolu 2 tal-Istatut tal-Membri, prinċipju li jipprekludi kull intrużjoni jew indħil fis-servizzi tal-Parlament fl-isfera protetta tal-Membri. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, stabbilit fl-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament 2018/1725. |
|
68 |
Il-Parlament iżid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, meta ddeċidiet, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li, hekk kif il-Parlament sar jaf, fil-bidu tal‑2016, bl-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt bejn TC u A, huwa kellu jżomm il-posta elettronika li setgħet tistabbilixxi n-natura eżatta tal-attivitajiet ta’ A. Il-Parlament jikkontesta wkoll il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-komunikazzjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2014, imsemmija fil-punti 98 u 102 tas-sentenza appellata, kienet intiża għall-Membri “li għadhom jibdew”, li TC ma kienx jagħmel parti minnhom. |
|
69 |
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, il-Parlament jikkontesta l-punti 105 sa 124, 130 u 131 tas-sentenza appellata. Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, huwa jsostni li l-motivi dwar l-Artikolu 9 tar-Regolament 2018/1725, esposti fil-punti 107 sa 118 ta’ dik is-sentenza, huma inkoerenti. Il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ikkonstatat li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2018/1725 kien jipprekludi t-trażmissjoni lil TC tad-data ta’ A u, min-naħa l-oħra, iddeċidiet li l-Parlament seta’ jipproċedi bit-trażmissjoni ta’ din id-data lil TC. Il-Parlament għalhekk qiegħed lilu nnifsu f’sitwazzjoni fejn ikun impossibbli għalih li jikkonforma ruħu mas-sentenza appellata, kif jeżiġi l-Artikolu 266 TFUE. |
|
70 |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tiegħu, il-Parlament jikkontesta r-raġunijiet esposti fil-punti 119 sa 122, 124, 130 u 131 tas-sentenza appellata, dwar ir-rifjut tal-Parlament li jibgħat lil TC il-fajl individwali ta’ A. Huwa jsostni li l-ewwel sentenza tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal kienet tipprekludi kull trażmissjoni tal-elementi li jinsabu fil-fajl individwali ta’ A, peress li dan il-fajl seta’ jiġi kkonsultat biss fl-uffiċċji tal-amministrazzjoni jew fuq mezz elettroniku protett. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi fajl ma setax jinkludi dokumenti li jippermettu li tintwera r-realtà tax-xogħol imwettaq minn A u r-rabta li teżisti bejn dan ix-xogħol u l-eżerċizzju tal-mandat ta’ TC. |
|
71 |
Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju tiegħu, il-Parlament jikkontesta r-raġunijiet esposti fil-punti 123, 124, 130 u 131 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset li d-dritt għal smigħ kien jobbliga lill-Parlament jieħu l-miżuri neċessarji għaż-żamma tad-data dwar l-użu tal-karta ta’ aċċess għall-Parlament ta’ A. Il-Parlament jikkritika lill-Qorti Ġenerali li bbażat ruħha fuq kunċett eċċessivament wiesa’ tad-dritt għal smigħ u li kisret l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament 2018/1725. |
|
72 |
Permezz tar-raba’ parti tat-tielet aggravju tiegħu, il-Parlament jikkontesta l-motivi esposti fil-punti 124, 130 u 131 tas-sentenza appellata sabiex jiġġustifika l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Parlament kien kiser id-dritt għal smigħ ta’ TC billi ma pprovdilux l-informazzjoni dwar in-numru ta’ drabi li l-protezzjoni tal-Parlament intalbet għal A. Il-Parlament jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif spjega fl-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021, tali informazzjoni ma kinitx irreġistrata mid-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni tal-Parlament. Fi kwalunkwe każ, tali informazzjoni ma kinitx rilevanti. |
|
73 |
Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, il-Parlament isostni li l-punti 90 u 91 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li TC seta’, abbażi biss tad-dritt għal smigħ skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, jitlob il-komunikazzjoni ta’ elementi li kienu jidhru rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura regolari tal-użu tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari kkonċernati. |
|
74 |
Skont il-Parlament, din il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali toħloq dritt ġdid ta’ aċċess għall-elementi miżmuma mill-Parlament, lil hinn mid-dritt ta’ aċċess għall-fajl previst fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma esponietx il-motivi li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent ta’ tali dritt, li ma għandu l-ebda bażi fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta. Barra minn hekk, dan ikollu l-effett li jikkontradixxi l-istruttura ġenerali ta’ dan l-Artikolu 41(2), li jistabbilixxi, fil-paragrafu (b), metodu ddefinit b’mod ċar u komplet, li jippermetti lill-persuna kkonċernata jkollha aċċess għal kull element tal-fajl li jikkonċernaha. |
|
75 |
TC iwieġeb għall-ewwel parti tat-tieni aggravju, dwar l-aċċess għall-posta elettronika tal‑2015 u tal‑2016, li mill-punti 94 sa 102 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-każ, ikkaratterizzati mill-fatt li, sa mill-bidu tal‑2016, il-Parlament kien jaf bis-sitwazzjoni ta’ kunflitt bejn TC u A kif ukoll bin-nuqqas ta’ osservanza, minn dan tal-aħħar, tar-regoli li jirregolaw l-attività tiegħu. Skont TC, kienet din is-sitwazzjoni ta’ kunflitt li ġġustifikat il-bidu tal-proċedura ta’ rkupru fil-konfront tiegħu. TC jikkritika lill-Parlament talli ma informahx bl-intenzjoni tiegħu li jħassar il-posta elettronika tiegħu, li tinkludi l-prova tax-xogħol imwettaq minn A. TC iqis, barra minn hekk, li l-argumenti tal-Parlament ibbażati fuq l-Artikolu 6(1) tal-Att Elettorali u fuq l-Artikolu 2 tal-Istatut tal-Membri huma ġodda, peress li ma tqajmux quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu, sa fejn, minn naħa, is-sempliċi żamma tal-posta elettronika ta’ Membru mill-Parlament, ġestjonarju tas-sistema ta’ korrispondenza elettronika tiegħu stess, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “indħil” u, min-naħa l-oħra, il-Parlament iżomm il-posta elettronika tal-Membri għal 90 jum. |
|
76 |
Fir-rigward tal-argumenti tal-Parlament ibbażati fuq ir-Regolament 2018/1725, TC isostni li l-Parlament la pprovda dettalji dwar il-mod kif jipproċessa d-data personali u lanqas ma spjega kif perijodi itwal ta’ żamma tal-posta elettronika jistgħu jkunu inkompatibbli mas-sistema stabbilita minn dan ir-regolament. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, previst fl-Artikolu 4(1)(c) tal-imsemmi regolament, jikkonċerna l-volum tad-data pproċessata u mhux it-tul taż-żamma tagħha. |
|
77 |
Minbarra dan, minkejja stedina f’dan is-sens mill-Qorti Ġenerali, il-Parlament ma inkluda fil-proċess tal-ewwel istanza l-ebda element li jistabbilixxi li TC kien sar jaf bil-komunikazzjonijiet dwar il-politika ta’ żamma tal-posta elettronika, li, barra minn hekk, kienu redatti f’lingwi mhux mifhuma minn TC. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk, fl‑2014, huwa kellux jitqies jew le bħala Membru “li għadu jibda” hija irrilevanti. |
|
78 |
Bi tweġiba għall-ewwel parti tat-tielet aggravju, TC isostni li l-Qorti Ġenerali indikat b’mod ċar, fil-punti 115 u 116 tas-sentenza appellata, li l-Parlament kien obbligat josserva r-Regolamenti 2016/679 u 2018/1725 kif ukoll li jipproċessa d-data personali b’mod li jippermettilu jeżerċita d-dritt tiegħu għal smigħ. Fir-rigward tat-tieni sar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju, TC jirrileva li l-elementi kollha li huwa kien talab u li l-Parlament irrifjuta li jipprovdilu setgħu jservu direttament jew indirettament sabiex jipprovaw ix-xogħol imwettaq minn A. |
|
79 |
Bi tweġiba għall-ħames aggravju, TC jirrileva li l-Parlament ma kkontestax, la fl-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021 u lanqas matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, id-dritt tiegħu li jikseb informazzjoni, u li huwa sempliċement invoka l-Artikolu 9 tar-Regolament 2018/1725. Minn dan isegwi, skont TC, li, permezz ta’ dan l-aggravju, il-Parlament jinvoka argumenti ġodda, li dwarhom il-Qorti Ġenerali ma kellhiex l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni. |
|
80 |
Fi kwalunkwe każ, TC jikkunsidra li ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn “dritt għall-informazzjoni” u “dritt għal smigħ”. Dawn id-drittijiet huma biss, essenzjalment, komponenti tad-dritt ġenerali għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta. Issa, il-Parlament qies li huwa ma kien marbut b’ebda obbligu fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari. Huwa jeqred l-elementi rilevanti fil-pussess tiegħu u, sussegwentement, jitlob lill-Membri jipproduċu l-istess elementi, minħabba li l-oneru tal-prova jaqa’ fuqhom. |
|
81 |
TC jenfasizza, barra minn hekk, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-aċċess għall-fajl amministrattiv ma jistax ikun suġġett għal talba tal-persuna kkonċernata. Huwa jqis li, f’dan il-każ, il-Parlament irrestrinġa b’mod sinjifikattiv id-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-fajl u sabiex jifformula b’mod effettiv l-osservazzjonijiet tiegħu. L-eżerċizzju utli tad-dritt għal smigħ jimplika l-possibbiltà li jsiru osservazzjonijiet issostanzjati fuq provi, li tal-inqas uħud minnhom jinsabu fil-pussess tal-Parlament. Skont TC, dan tal-aħħar ma jistax sempliċement jistiednu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, u b’hekk jirrispetta b’mod purament formali d-dritt għal smigħ tiegħu, mingħajr ma jagħtih il-mezzi sabiex effettivament jeżerċitah. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
82 |
Preliminarjament, sa fejn TC jallega li l-Parlament iressaq, fil-kuntest, minn naħa, tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu u, min-naħa l-oħra, tal-ħames aggravju tiegħu, argumenti ġodda, mhux invokati quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, appellant jista’ jippreżenta appell billi jinvoka aggravji li jirriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑4/17 P, EU:C:2018:678, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
83 |
Issa, permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, il-Parlament jikkontesta l-motivi mressqa fis-sentenza appellata sabiex tiġi ġġustifikata l-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 131 tagħha, li tgħid li l-Parlament ma kienx iġġustifika b’mod korrett ir-rifjut tiegħu li jikkomunika lil TC, b’mod partikolari, il-posta elettronika tiegħu tal‑2015 u tal‑2016. |
|
84 |
Barra minn hekk, permezz tal-ħames aggravju tiegħu, il-Parlament jikkontesta, essenzjalment, il-fondatezza tal-motiv espost fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li jgħid li, meta Membru mitlub jiġġustifika x-xogħol imwettaq mill-assistent parlamentari tiegħu jitlob lill-Parlament jikkomunikalu elementi fil-pussess tiegħu li jidhru rilevanti, il-Parlament ma jistax jirrifjuta din it-talba mingħajr ma jikser id-dritt għal smigħ tal-Membru kkonċernat, ħlief sabiex jinvoka, insostenn ta’ dan ir-rifjut, raġunijiet li jistgħu jitqiesu li huma ġġustifikati fid-dawl, minn naħa, taċ-ċirkustanzi tal-każ u, min-naħa l-oħra, tar-regoli applikabbli. |
|
85 |
Dawn huma, fiż-żewġ każijiet, aggravji u argumenti li jirriżultaw mis-sentenza appellata stess, li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, huma ammissibbli. |
|
86 |
Fuq il-mertu, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motiv espost fil-punt 90 tas-sentenza appellata, ikkontestat mill-Parlament fil-kuntest tal-ħames aggravju tiegħu, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, stabbilit fl-Artikolu 41(2) tal-Karta, jikkostitwixxi dritt fundamentali li jagħmel parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan id-dritt jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 98 u 99). |
|
87 |
B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għal smigħ, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta għandu jiġi rrispettat f’kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju u jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
88 |
Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, dan jimplika li l-persuna kkonċernata għandha tingħata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-inkjesta li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn id-dokumenti jinkludu kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali, għad-dokumenti interni tal-istituzzjoni kkonċernata u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
89 |
Għalhekk, mill-Artikolu 41(2) tal-Karta u mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 86 sa 88 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, qabel ma tifformula l-osservazzjonijiet tagħha abbażi tal-eżerċizzju tad-dritt tagħha għal smigħ stabbilit f’dan l-Artikolu 41(2)(a), il-persuna kkonċernata tista’, abbażi tal-eżerċizzju tad-dritt mogħti lilha mill-imsemmi Artikolu 41(2)(b), titlob u tikseb, fl-osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tan-negozju, l-aċċess għall-elementi kollha li jinsabu fil-fajl ikkostitwit mill-amministrazzjoni kkonċernata. |
|
90 |
Mill-banda l-oħra, id-dritt għal smigħ għandu jiġi distint mid-dritt li jintalab u jinkiseb l-aċċess għal kull dokument li, minkejja li ma jkunx jinsab f’dan il-fajl, ikun fil-pussess tal-istituzzjoni kkonċernata u jitqies mill-persuna kkonċernata bħala li jista’ jkun rilevanti għad-difiża tagħha. Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta jipprevedi dritt speċifiku li jiggarantixxi lill-persuna kkonċernata l-aċċess għall-fajl li jikkonċernaha. |
|
91 |
Il-karatteristiċi partikolari tas-sitwazzjoni ta’ Membru mitlub jiġġustifika l-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari sostnuti fir-rigward tiegħu mill-Parlament ma jistgħux jiġġustifikaw interpretazzjoni differenti tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, stabbiliti fl-Artikolu 41 tal-Karta. |
|
92 |
Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 89 tas-sentenza appellata, mill-Artikolu 33(1) u (2) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni jirriżulta li huma l-Membri li jitolbu t-teħid ta’ responsabbiltà finanzjarja, mill-Parlament, għall-ispejjeż tal-assistenza ta’ kollaboraturi personali li għandhom jipprovaw li dawn l-ispejjeż effettivament ġew sostnuti u jikkorrispondu għall-assistenza neċessarja u direttament marbuta mal-eżerċizzju tal-mandat tagħhom (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, SN vs Il‑Parlament, C‑430/23 P, EU:C:2024:576, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
93 |
Issa, ma jistax jiġi eskluż li l-elementi neċessarji sabiex tiġi prodotta din il-prova jinsabu fil-pussess mhux tal-Membru kkonċernat, iżda tal-Parlament. F’tali każ, huwa possibbli li dan il-Membru ma jkunx jista’ jikseb tali elementi abbażi biss tad-dritt tiegħu li jikseb, skont l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, l-aċċess għall-fajl li jikkonċernah li jinsab fil-pussess tal-Parlament. |
|
94 |
Fil-fatt, kif l-Avukata Ġenerali indikat, essenzjalment, fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, sa fejn huwa l-Membru inkwistjoni li għandu jipproduċi l-imsemmija prova, il-fajl ikkostitwit mill-Parlament ser jinkludi biss, tal-inqas fl-ewwel lok, il-provi li wasslu għat-talba indirizzata lil dan il-Membru, b’mod partikolari rendikont tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari sostnuti mill-Parlament fir-rigward tiegħu. |
|
95 |
Xorta jibqa’ l-fatt li kull Membru jaf ix-xogħol li jwettaq l-assistent parlamentari tiegħu u, għaldaqstant, huwa f’pożizzjoni li jiddeskrivih, anki jekk ma jkollux il-provi kollha neċessarji sabiex isostni l-affermazzjonijiet tiegħu. |
|
96 |
Għaldaqstant, kif irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tagħha, Membru kkonfrontat b’talba għal ġustifikazzjoni tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari sostnuti fir-rigward tiegħu u li ma għandux il-provi kollha neċessarji għal dan l-għan, li jinsabu fil-pussess tal-Parlament, jista’, fl-ewwel lok, sempliċement jesponi, fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati lill-Parlament bi tweġiba għal din it-talba, ix-xogħol imwettaq mill-assistent tiegħu, billi jipproduċi l-provi li huwa għandu u billi jirreferi għall-provi li jistgħu jkunu fil-pussess tal-Parlament. |
|
97 |
Issa, għandu jiġi enfasizzat, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, li tali riferiment għandu jindika bi preċiżjoni suffiċjenti kemm il-provi kkonċernati kif ukoll il-fatti, relatati mar-realtà tax-xogħol tal-assistent ikkonċernat kif ukoll mar-rabta eżistenti bejn dan ix-xogħol u l-mandat tal-Membru, li dawn il-provi jistgħu jipprovaw. Fil-fatt, tali indikazzjonijiet jikkundizzjonaw il-possibbiltà, għall-Parlament, li jidentifika l-imsemmija provi u li jeżaminahom sabiex jivverifika li huma effettivament jipprovdu l-prova mitluba mingħand dan il-Membru. |
|
98 |
Jekk il-Parlament, wara eżami tal-provi inkwistjoni, iqis li dawn ma jipprovawx ir-realtà tax-xogħol imwettaq mill-assistent parlamentari tal-Membru kkonċernat jew ir-rabta eżistenti bejn dan ix-xogħol u l-eżerċizzju tal-mandat ta’ dan tal-aħħar, huwa għandu, sabiex jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet tad-difiża ta’ dan il-Membru, jinkludi dawn il-provi fil-fajl, jagħti lill-imsemmi Membru l-aċċess għal dan il-fajl, bl-osservanza tar-rekwiżiti, b’mod partikolari, tal-kunfidenzjalità, u jagħtih l-opportunità li jikkompleta, jekk ikun jixtieq, l-osservazzjonijiet tiegħu. |
|
99 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 86 sa 98 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 90 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, ħlief sabiex jiġu invokati motivi li jistgħu jitqiesu li huma ġġustifikati fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tar-regoli applikabbli, meta Membru mitlub juri r-realtà tax-xogħol tal-assistent parlamentari tiegħu kif ukoll ir-rabta eżistenti bejn dan ix-xogħol u l-eżerċizzju tal-mandat tiegħu jitlob dan, il-Parlament għandu jikkomunika lil dan il-Membru l-elementi kollha fil-pussess tiegħu li “jidhru rilevanti”, mingħajr ma jeżiġi li tali talba tesponi, konformement mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 96 u 97 ta’ din is-sentenza, b’mod suffiċjentement preċiż, kemm il-provi li jistgħu jkunu fil-pussess tal-Parlament kif ukoll il-fatti, relatati mar-realtà tax-xogħol ta’ dan l-assistent kif ukoll mar-rabta eżistenti bejn dan ix-xogħol u l-mandat tal-Membru, li dawn il-provi jistgħu jipprovaw, sabiex il-Parlament ikun jista’ jidentifikahom bl-għan li jiġu vverifikati. |
|
100 |
Minn dan isegwi li l-ħames aggravju għandu jintlaqa’. |
|
101 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju kif ukoll tat-tielet u tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, li permezz tagħhom il-Parlament jikkontesta l-motivi tas-sentenza appellata dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ TC, minħabba l-fatt li l-posta elettronika tiegħu tal‑2015 u tal‑2016, id-data dwar l-użu tal-karta ta’ aċċess għall-Parlament ta’ A kif ukoll l-informazzjoni dwar in-numru ta’ drabi li l-protezzjoni tal-Parlament intalbet fir-rigward ta’ A ma ġewx ikkomunikati lilu, għandu jiġi rrilevat li ma jistax jiġi rikjest minn istituzzjoni li hija tinkludi fil-fajl relatat ma’ proċedura amministrattiva li nbdiet provi li huma ineżistenti jew li, fid-data li fiha nbdiet din il-proċedura, ma għadhomx jeżistu. |
|
102 |
Din il-kunsiderazzjoni ma tfissirx li n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ ċerta informazzjoni jew ta’ żamma ta’ ċerti provi ma jistax ikollu influwenza fuq l-eżitu tal-proċedura kkonċernata. Madankollu, din il-kwistjoni ma tikkonċernax id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta. Dan huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi disponibbli u tal-fondatezza, fil-fatt, tal-att adottat mill-istituzzjoni kkonċernata fi tmiem il-proċedura inkwistjoni. |
|
103 |
B’mod partikolari, f’każ fejn, bħal f’dan il-każ, hija l-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi, f’dan il-każ Membru jew ex Membru tal-Parlament, li għandha turi r-realtà ta’ ċerti fatti, li fin-nuqqas tagħhom l-istituzzjoni kkonċernata, f’dan il-każ il-Parlament, għandha d-dritt li tadotta deċiżjoni f’sens partikolari, ikun possibbli li jitqies li din il-persuna kkonċernata ssodisfat l-oneru tal-prova impost fuqha, minkejja li l-provi li hija pproduċiet jidhru, prima facie, insuffiċjenti, jekk jirriżulta li dik l-istituzzjoni, b’mod żbaljat, ma żammitx ċerti provi oħra li setgħu jipproduċu prova iktar kompleta. |
|
104 |
Għall-kuntrarju, jista’ jitqies li l-imsemmija persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi ma ssodisfatx dan l-oneru, jekk il-provi li hija pproduċiet ikunu insuffiċjenti u ma tkunx ipproduċiet provi li hija kellha l-obbligu li żżomm u li tipproduċi fuq talba. |
|
105 |
F’dan il-każ, mill-punti 85, 86, 92 u 96 tas-sentenza appellata jirriżulta li, fit‑8 ta’ Ġunju 2020, id-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ rkupru kontra TC, il-posta elettronika tiegħu tal‑2015 u tal‑2016 kienet diġà tħassret mis-sistema tal-Parlament, konformement mal-politika ta’ żamma tal-posta elettronika ta’ dik l-istituzzjoni, li skontha l-posta elettronika kienet, bħala prinċipju, imħassra wara 90 jum jew, eċċezzjonalment, wara sena. |
|
106 |
Barra minn hekk, mill-punt 106 tas-sentenza appellata jirriżulta li d-data dwar l-użu tal-karti ta’ aċċess għall-Parlament kienet miżmuma għal perijodu massimu ta’ erba’ xhur u li l-interventi tal-membri tal-persunal tas-sigurtà tal-Parlament ma kinux irreġistrati b’mod uffiċjali. |
|
107 |
Fil-punti 130 u 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-motivi invokati mill-Parlament fl-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021 sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ komunikazzjoni lil TC, b’mod partikolari, tal-posta elettronika tiegħu tal‑2015 u tal‑2016, tad-data dwar l-użu tal-karta ta’ aċċess għall-Parlament ta’ A kif ukoll tal-informazzjoni dwar in-numru ta’ drabi li l-protezzjoni tal-Parlament intalbet fir-rigward ta’ A ma kinux fondati jew kienu insuffiċjenti u li, konsegwentement, ma setax jiġi eskluż li TC kien ġie mċaħħad minn opportunità li jiżgura aħjar id-difiża tiegħu, billi jeżerċita b’mod utli u effettiv id-dritt tiegħu għal smigħ, iggarantit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta. |
|
108 |
Madankollu, l-ewwel nett, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 101 sa 104 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, billi ddeċidiet, essenzjalment, li, sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tad-difiża ta’ TC, il-Parlament kellu jagħti lil TC aċċess għal elementi li qatt ma kienu jeżistu jew li ma kinux għadhom jeżistu fid-data li fiha l-Parlament beda l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u kkostitwixxa l-fajl ta’ din il-proċedura, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
109 |
It-tieni nett, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk iż-żamma, mill-Parlament, tal-posta elettronika tal-Membri għal perijodu indeterminat jew itwal mid‑90 jum previst mill-politika ta’ żamma tal-posta elettronika tal-Parlament fis-seħħ fil-mument tal-fatti tal-każ tistax, kif isostni l-Parlament, tippreġudika l-libertà u l-indipendenza tal-Membri, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li xejn ma kien jipprekludi lill-Parlament milli jipprevedi t-tħassir awtomatiku, fl-iskadenza ta’ dan il-perijodu, tal-posta elettronika mhux miżmuma speċifikament mill-Membri u mill-utenti l-oħra tas-sistema ta’ posta elettronika tal-Parlament. |
|
110 |
Issa, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li, peress li, sa mill-bidu tal‑2016, il-Parlament kien jaf b’“sitwazzjoni kunfliġġenti bejn [TC u A], dwar jekk [A] eżerċitatx jew le l-attivitajiet tiegħu fir-rigward [ta’ TC] skont ir-regoli dwar l-assistenza parlamentari”, kien il-Parlament li kellu jiżgura “l-konservazzjoni tal-posta elettronika li setgħet tistabbilixxi n-natura eżatta tal-attivitajiet [ta’ A] matul l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ tkeċċija u jekk din tal-aħħar wasslitx għal proċeduri oħra, ġudizzjarji jew amministrattivi, bħal proċedura ta’ rkupru, kemm-il darba dawn il-proċeduri oħra jkunu għadhom pendenti”. |
|
111 |
Fil-fatt, mill-punti 86, 92 u 96 sa 98 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Parlament kien impenja ruħu li josserva politika ta’ żamma tal-posta elettronika li skontha, bħala prinċipju, lil hinn minn perijodu ta’ żamma ta’ 90 jum, il-posta elettronika tiġi awtomatikament imħassra, sakemm il-persuni kkonċernati ma jkunux żammewha huma stess. L-għarfien, mill-Parlament, ta’ “sitwazzjoni kunfliġġenti” bejn Membru u l-assistent parlamentari tiegħu ma jistax jiġġustifika li l-Parlament jitbiegħed minn dan l-impenn. |
|
112 |
Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, sabiex ikun jista’ jżomm il-posta elettronika li tista’ tkun rilevanti fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ kunflitt bejn TC u A, il-Parlament kellu jagħmel għażla mill-posta elettronika tagħhom, li kienet tikkostitwixxi ndħil kbir u mhux iġġustifikat fl-isferi privati ta’ dan il-Membru u ta’ dan l-assistent parlamentari. F’dan ir-rigward, għandu, barra minn hekk, jiġi rrilevat, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tagħha, li, konformement mal-Artikolu 4 tal-Istatut tal-Membri, il-posta elettronika mibgħuta minn Membru jew irċevuta minnu ma tikkostitwixxix dokumenti tal-Parlament u, għaldaqstant, tappartjeni lill-Membru nnifsu. |
|
113 |
Barra minn hekk, sabiex jagħti deċiżjoni dwar il-proċeduri li setgħu tnisslu minn din is-sitwazzjoni ta’ kunflitt, bl-ebda mod ma kien neċessarju li l-Parlament iżomm, b’mod preventiv u fuq inizjattiva tiegħu stess, il-posta elettronika skambjata bejn TC u A. Il-Parlament seta’ jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq id-dikjarazzjonijiet tal-persuni kkonċernati u fuq il-provi prodotti minnhom, inkluż, jekk ikun il-każ, il-posta elettronika li wieħed minnhom ikun żamm u pproduċa. |
|
114 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, kif ġie ppreċiżat fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, li l-oneru tal-prova tal-ispejjeż ta’ assistenza tal-kollaboraturi personali jaqa’ fuq il-Membri. |
|
115 |
It-tielet nett, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 112 sa 114 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, il-Parlament lanqas ma kien obbligat iżomm id-data dwar l-użu tal-karta ta’ aċċess għall-Parlament ta’ A lil hinn mill-perijodu normali ta’ żamma tagħhom u lanqas li jżomm reġistru tal-interventi tal-membri tal-persunal tas-sigurtà tiegħu mitluba fir-rigward ta’ A. |
|
116 |
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 101 sa 115 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni aggravju kif ukoll it-tielet u r-raba’ parti tat-tielet aggravju għandhom jintlaqgħu wkoll. |
|
117 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-motivi esposti fil-punti 109 sa 118 tas-sentenza appellata dwar l-invokazzjoni, mill-Parlament, fl-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021, tar-Regolament 2018/1725, motivi li l-Parlament jikkontesta permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tiegħu, il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat, fil-punt 110 ta’ dik is-sentenza, li d-data mitluba minn TC ma setgħetx titqies li hija “neċessarja għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lir-riċevitur”, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) ta’ dan ir-regolament. |
|
118 |
Mill-banda l-oħra, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 97 u 98 tal-konklużjonijiet tagħha, it-tkomplija ta’ proċedura ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari sostnuti indebitament mill-Parlament fir-rigward ta’ Membru, b’rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ dan il-Membru, għandha titqies li tissodisfa “għan speċifiku ta’ interess pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725. |
|
119 |
Għaldaqstant, għalkemm data personali tinsab fil-fajl tal-proċedura ta’ rkupru kkonċernata, dan ir-regolament ma jipprekludix li, sabiex jikkonforma mal-obbligu tiegħu, li jirriżulta mill-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, il-Parlament jagħti lill-Membru kkonċernat l-aċċess għal din id-data, filwaqt li josserva l-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 9(1)(b) tal-imsemmi regolament jissuġġetta tali aċċess, u filwaqt li jitfakkar li, konformement ma’ dan l-Artikolu 41(2)(b), l-aċċess għall-fajl għandu jingħata b’osservanza, b’mod partikolari, tal-“interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità”. |
|
120 |
Minn dan isegwi li l-inkonsistenza tal-motivi tas-sentenza appellata allegata mill-Parlament tirriżulta minn żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, fil-punt 111 ta’ dik is-sentenza, li t-trażmissjoni ta’ tali data ma kinitx tissodisfa “għan speċifiku ta’ interess pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725. |
|
121 |
Madankollu, minkejja li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 110 u 111 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2018/1725 ma jistax jiġġustifika t-trażmissjoni ta’ data personali lil Membru kkonfrontat b’talba għal ġustifikazzjoni tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari sostnuti fir-rigward tiegħu, hija qieset, fil-punt 117 ta’ dik is-sentenza, li, f’dan il-każ, il-Parlament kien obbligat jagħti lil TC aċċess għad-data personali li tinsab fil-fajl ta’ A “wara li jkun ibbilanċja, minn naħa, l-interess ta’ dan l-[assistent parlamentari] li d-data li tikkonċernah ma tgħaddix f’idejn terzi u, min-naħa l-oħra, l-interess [ta’ TC] li jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod utli u effettiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru li nfetħet kontrih”. |
|
122 |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali, b’mod definittiv, ammettiet li l-Parlament kien obbligat jagħti lil TC l-aċċess għad-data personali tal-imsemmi assistent parlamentari, bl-osservanza ta’ kundizzjonijiet li huma sostanzjalment l-istess bħal dawk previsti fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725. |
|
123 |
Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet aggravju ma tistax, fi kwalunkwe każ, twassal għall-annullament tas-sentenza appellata u għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
|
124 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward tal-fajl personali ta’ A, kif isostni l-Parlament fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet aggravju tiegħu, mill-aħħar paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-assistenti parlamentari akkreditati bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 127 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jirriżulta li l-fajl individwali ta’ tali assistent jista’ jiġi kkonsultat biss fl-uffiċċji tal-Parlament jew fuq mezz elettroniku protett u jista’ jiġi trażmess biss lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta jiġi ppreżentat rikors li jirrigwarda l-assistent ikkonċernat. |
|
125 |
F’dan il-każ, mill-aħħar inċiż tal-punt 87 tas-sentenza appellata jirriżulta li TC ma kienx talab lill-Parlament sabiex ikun jista’ jikkonsulta, fl-uffiċċji tiegħu jew fuq mezz elettroniku protett, il-fajl personali ta’ A, iżda li jiġi trażmess lilu. Issa, tali trażmissjoni kienet tmur kontra l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
126 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn essenzjalment iddeċidiet, fil-punti 121 u 122 tas-sentenza appellata, li l-Parlament ma setax validament jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jirrifjuta din it-talba ta’ TC, minħabba li l-kunfidenzjalità tad-dokumenti f’dan il-fajl ma setgħetx tiġi invokata kontra TC sa fejn kien neċessarju għall-eżerċizzju, minnu, tad-dritt tiegħu għal smigħ, peress li TC huwa, barra minn hekk, l-awtur ta’ wħud mid-dokumenti li jinsabu fl-imsemmi fajl, bħala superjur ġerarkiku ta’ A. |
|
127 |
Konsegwentement, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tintlaqa’ wkoll. |
|
128 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-appell għandu jintlaqa’ u l-punti 2 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandhom jiġu annullati. |
|
129 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġu eżaminati la l-ewwel u r-raba’ aggravju, u lanqas it-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju, peress li dawn huma intiżi li jikkontestaw il0motivi tas-sentenza appellata li huma bbażati fuq premessa li fir-rigward tagħha ġie stabbilit, matul l-eżami tal-ħames aggravju, li hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. |
|
130 |
Mill-banda l-oħra, il-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors għal annullament kien sar mingħajr skop u li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża u tan-nota ta’ debitu, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw ir-remunerazzjonijiet, l-ispejjeż soċjali u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar relatati mal-impjieg ta’ A matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ April u t‑22 ta’ Novembru 2016, għal somma ta’ EUR 28 083.67, ma għandux jitqies li huwa kopert mill-appell, peress li l-Parlament ma tilifx fit-talbiet tiegħu fir-rigward ta’ din il-parti tas-sentenza appellata. |
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
131 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew taqta’ l-kawża definittivament hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tibgħatha lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. |
|
132 |
F’dan il-każ, il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, f’dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tieni motiv tar-rikors. |
|
133 |
L-ewwel motiv huwa formalment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli, previst fl-Artikolu 41(1) tal-Karta. L-argumenti invokati minn TC insostenn ta’ dan il-motiv ġew miġbura fil-qosor fil-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata u ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali għar-raġunijiet esposti fil-punti 57 sa 66 ta’ dik is-sentenza, li ma hemmx lok li jiġu kkontestati, peress li TC ma ppreżentax appell inċidentali fir-rigward ta’ din il-parti tal-imsemmija sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
134 |
Madankollu, fil-kuntest tal-imsemmi motiv, TC ressaq ukoll argumenti dwar ir-rifjut tal-Parlament, fl-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021, li jittrażmettilu l-elementi li huwa kien talab. Dawn l-argumenti, miġbura fil-qosor fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, ġew eżaminati mill-Qorti Ġenerali flimkien mat-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 41(2) tal-Karta, li l-Qorti Ġenerali laqgħet. Peress li s-sentenza appellata ġiet annullata, hemm lok li l-imsemmija argumenti u dan it-tieni motiv jiġu eżaminati flimkien. |
|
135 |
TC isostni li l-Parlament kiser id-dritt għal smigħ tiegħu u d-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-fajl, stabbiliti fl-Artikolu 41(2) tal-Karta, minħabba li huwa rrefera, fid-deċiżjoni kontenzjuża, għall-konklużjonijiet tas-sentenza L vs Il‑Parlament, mingħajr ma kkomunikalu l-provi, b’mod partikolari nota ta’ A tad‑9 ta’ Mejju 2016, li jikkorroboraw dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, TC iqis li, minħabba l-politika tal-Parlament dwar il-konservazzjoni tal-posta elettronika, li huwa jqis li hija irrikonċiljabbli mal-premessa 22 tar-Regolament 2018/1725 u li huwa jallega li ma kienx jaf biha, huwa ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jipproduċi provi kontra l-allegazzjonijiet tal-Parlament. Barra minn hekk, huwa jikkritika lil dik l-istituzzjoni talli invokat b’mod żbaljat l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament sabiex tirrifjutalu l-aċċess għall-provi li huwa kien talab. |
|
136 |
Issa, mill-motivi esposti fil-punti 86 sa 116 u 124 sa 126 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-rifjut tal-Parlament, fl-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021, li jittrażmetti lil TC l-elementi li huwa kien talab ma jistax jitqies li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u, b’mod partikolari, tad-dritt tiegħu għal smigħ. |
|
137 |
L-ewwel nett, fit-talbiet tiegħu tal‑4 ta’ Awwissu u tat‑22 ta’ Settembru 2020, imsemmija rispettivament fil-punti 24 u 26 ta’ din is-sentenza, TC sempliċement talab il-komunikazzjoni ta’ sensiela sħiħa ta’ elementi msemmija b’mod globali, mingħajr ma identifika l-fatti li għandhom jiġu pprovati u lanqas l-elementi li jistgħu jipprovaw dawn il-fatti. B’mod partikolari, TC ma indikax liema kien ix-xogħol li A kien ipprovda, liema kienet ir-rabta li kienet teżisti bejn dan ix-xogħol u l-eżerċizzju tal-mandat parlamentari tiegħu u kif l-elementi mitluba, li kienu fil-pussess tal-Parlament, setgħu jipproduċu l-prova ta’ dan ix-xogħol u ta’ din ir-rabta. |
|
138 |
It-tieni nett, uħud mill-elementi mitluba, jiġifieri l-posta elettronika ta’ TC tal‑2015 u tal‑2016, id-data dwar l-użu tal-karta ta’ aċċess għall-Parlament ta’ A kif ukoll l-informazzjoni dwar in-numru ta’ drabi li l-protezzjoni tal-Parlament intalbet fir-rigward ta’ A qatt ma kienu eżistew jew kienu, fi kwalunkwe każ, ineżistenti fid-data li fiha nbdiet il-proċedura inkwistjoni u, għaldaqstant, meta TC ressaq it-talba tiegħu. |
|
139 |
It-tielet nett, il-komunikazzjoni lil TC tal-fajl individwali ta’ A kienet ipprojbita, skont l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
140 |
Fir-rigward tal-argument ta’ TC ibbażat fuq l-allegat riferiment tal-Parlament, fid-deċiżjoni kontenzjuża, għall-konklużjonijiet tas-sentenza L vs Il‑Parlament, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-Parlament bagħat lil TC kopja tas-sentenza L vs Il‑Parlament, b’tali mod li ma jistax jiġi kkritikat li ħa inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, elementi li TC ma kellux aċċess għalihom. |
|
141 |
Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni motiv tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom jiġu miċħuda. |
|
142 |
Għall-kumplament, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, peress li t-tielet sal-ħames motiv invokati minn TC insostenn tar-rikors tiegħu ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali. |
|
143 |
Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni fuq dawn il-motivi. |
Fuq l-ispejjeż
|
144 |
Peress li l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.