SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
27 ta’ Frar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Punt 7 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Ħatra diretta tal-kontrollur skont id-dritt nazzjonali – Entità amministrattiva awżiljarja fis-servizz ta’ gvern reġjonali – Assenza ta’ personalità ġuridika – Assenza ta’ kapaċità ġuridika proprja – Determinazzjoni tal-iskopijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar”
Fil-Kawża C‑638/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Awwissu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Ottubru 2023, fil-proċedura
Amt der Tiroler Landesregierung
vs
Datenschutzbehörde,
fil-preżenza ta’:
Bundesministerin für Justiz,
CW,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Jääskinen, President tad-Disa’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, M. Gavalec (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għad-Datenschutzbehörde, minn M. Schmidl u E. Wagner, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Bundesministerin für Justiz, minn E. Riedl, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u C. Gabauer, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar u M. Heller, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-pun 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Amt der Tiroler Landesregierung (l-Uffiċċju tal-Gvern tal-Land ta’ Tirol, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) u d-Datenschutzbehörde (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, l-Awstrija) dwar ipproċessar allegatament illegali tad-data personali ta’ persuna fiżika mill-Uffiċċju. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-GDPR
|
3 |
Il-premessi 1, 7, 10, 26 u 74 tal-GDPR huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu: “Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.” |
|
5 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]
[…]” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”: “(1) Id-data personali għandha:
(2) Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).” |
|
7 |
L-Artikolu 6 tar-GDPR, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu “(1) L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin: […]
[…]
[…] (3) Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:
Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. […]” |
Id-dritt Awstrijak
Ir-Regolament tal-Land ta’ Tirol tal-1989
|
8 |
L-Artikolu 56 tal-Landesverfassungsgesetz über die Verfassung des Landes Tirol (Tiroler Landesordnung 1989) (il-Liġi Reġjonali dwar il-Kostituzzjoni tal-Land ta’ Tirol (ir-Regolament tal-Land ta’ Tirol tal‑1989)), tal‑21 ta’ Settembru 1988, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir- “Regolament tal-Land ta’ Tirol tal‑1989”), intitolat “Landeshauptmann (il-Gvernatur tal-Land, l-Awstrija, iktar ’il quddiem il-‘Gvernatur’)”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-[Gvernatur] jirrappreżenta lil-Land ta’ Tirol.” |
|
9 |
L-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Land ta’ Tirol tal‑1989, intitolat “[Uffiċċju]”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-[Gvernatur], il-Gvern tal-Land u l-membri tiegħu għandhom jirrikorru għall-[Uffiċċju] sabiex jiġġestixxu l-każjiet tagħhom. Il-[Gvernatur] għandu jkun il-President tal-[Uffiċċju].” |
It-TDSG
|
10 |
L-Artikolu 2 tat-Tiroler Datenverarbeitungsgesetz (il-Liġi dwar l-Ipproċessar ta’ Data tal-Land ta’ Tirol, iktar ’il quddiem it-“TDVG”), jipprevedi: “1. Huwa kkunsidrat bħala kontrollur fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-[RĠPD]:
[…] 3. Meta jitwettaq jew jiġi ordnat ipproċessar ta’ data mil-Land tat- Tirol, l-[Uffiċċju] għandu dejjem jitqies bħala l-kontrollur ta’ tali pproċessar sa fejn
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
11 |
Fil-kuntest ta’ miżuri intiżi għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, l-Uffiċċju, entità amministrattiva awżiljarja għas-servizz tal-Gvernatur u tal-Gvern tal-Land ta’ Tirol, bagħat “ittra ta’ tfakkira ta’ tilqim” lill-persuni adulti kollha residenti fil-Land ta’ Tirol li kienu għadhom ma tlaqqmux kontra dan il-virus. Sabiex jidentifika d-destinatarji ta’ dawn l-ittri, l-Uffiċċju qabbad lil żewġ impriżi privati li wettqu kontroverifika tad-data li tinsab fir-reġistru ċentrali tat-tilqim kif ukoll fir-reġistru tal-pazjenti, li kienu jirreferu għall-indirizz ta’ residenza tagħhom. |
|
12 |
Fil‑21 ta’ Diċembru 2021, CW, wieħed minn dawn id-destinatarji, mar quddiem l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data b’ilment kontra l-Uffiċċju dwar ipproċessar illegali tad-data personali tiegħu. Quddiem din l-awtorità, l-Uffiċċju indika li kellu l-kwalità ta’ “kontrollur” u li kien fl-oriġini tal-ittra mibgħuta lil CW. |
|
13 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Awwissu 2022, l-imsemmija awtorità kkonstatat li l-Uffiċċju kien kiser id-dritt ta’ CW għall-protezzjoni tad-data personali tiegħu, sa fejn, sabiex jibgħatlu “ittra ta’ tfakkira ta’ tilqim”, l-Uffiċċju kien ikkonsulta d-data tal-persuna kkonċernata li tinsab fir-reġistru tat-tilqim, filwaqt li ma kellux dritt ta’ aċċess għal dan ir-reġistru u lanqas għar-reġistru tal-pazjenti. L-ipproċessar tad-data personali ta’ CW kien għaldaqstant illegali. |
|
14 |
L-Uffiċċju ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija). Din tal-aħħar iddeċidiet li, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli, l-Uffiċċju kellu l-kwalità ta’ kontrollur, iżda ma kellux dritt ta’ konsultazzjoni tar-reġistru tat-tilqim sabiex jibgħat ittra ta’ tfakkira bħal dik indirizzata lil CW. Peress li din il-qorti ċaħdet ir-rikors tal-Uffiċċju, dan tal-aħħar ippreżenta rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
15 |
Din il-qorti tqis li, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fil-kawża li hija adita biha, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Uffiċċju, fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandux il-kwalità ta’ “kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. |
|
16 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-fatt li l-Uffiċċju sempliċement ippreżenta lill-Gvernatur proposta ta’ “ittra ta’ tfakkira ta’ tilqim”, proposta li huwa approva fil-kwalità tiegħu ta’ President tal-Uffiċċju u ta’ rappreżentant tal-Land ta’ Tirol, konformement, rispettivament, mal-Artikolu 58 mal-Artikolu 56(1) tar-Regolament tal-Land ta’ Tirol tal‑1989. L-Uffiċċju għalhekk sempliċement informa lill-Gvernatur, minn naħa, liema huwa l-għan tal-ipproċessar tad-data personali previst, jiġifieri żieda tar-rata ta’ tilqim, u, min-naħa l-oħra, il-mezzi li jiġu implimentati abbażi ta’ dan l-ipproċessar, jiġifieri li tintbagħat tali “ittra ta’ tfakkira ta’ tilqim” bl-użu tad-data tar-reġistru ċentrali tat-tilqim u tar-reġistru tal-pazjenti. |
|
17 |
Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dawl ta’ din l-approvazzjoni mill-gvernatur, huwa biss dan tal-aħħar li ddeċieda kemm dwar l-iskop kif ukoll dwar il-mezzi ta’ pproċessar tad-data personali, b’tali mod li l-Uffiċċju ma jistax ikollu l-kwalità ta’ “kontrollur”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. |
|
18 |
Madankollu, din il-qorti tistaqsi jekk l-Uffiċċju setax validament jiġi maħtur bħala tali minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 2(1) (a) tat-TDVG. |
|
19 |
Fil-fatt, l-Uffiċċju ma huwiex persuna ġuridika jew awtorità responsabbli għall-ipproċessar ta’ data personali li tat lok sabiex tintbagħat “ittra ta’ tfakkira ta’ tilqim” lil CW. L-Uffiċċju intervjena biss f’dan l-ipproċessar bħala entità amministrattiva awżiljarja fis-servizz ta’ awtorità pubblika. Ma għandux personalità ġuridika u kapaċità ġuridika proprja. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Uffiċċju jistax, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jitqies bħala “aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, li jista’ jinħatar bħala kontrollur skont id-dritt nazzjonali, konformement mat-tieni sentenza tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. |
|
20 |
Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tfakkar li, konformement mat-tieni sentenza tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, kontrollur jista’ jinħatar direttament biss sakemm l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali kkonċernata jkunu ddeterminati mid-dritt nazzjonali. Issa, għalkemm l-Artikolu 2(1)(a) tat-TDVG jaħtar lill-Uffiċċju bħala kontrollur, huwa madankollu la jindika b’mod konkret liema tipi ta’ pproċessar ta’ data personali jista’ jwettaq l-Uffiċċju, la l-iskopijiet li dan l-ipproċessar għandu jfittex, u lanqas il-mezzi li l-Uffiċċju jista’ jimplimenta għal dan l-għan. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju żżid li mill-Artikolu 6(1)(c) u (e) tal-GDPR jirriżulta li pproċessar tad-data personali huwa legali u jekk huwa meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa soġġett jew jekk meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Minn dawn il-kundizzjonijiet għal-legalità u mill-għan imfittex mill-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR li tiġi żgurata protezzjoni effikaċi u estiża tas-suġġetti tad-data jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jaħtru bħala kontrollur biss persuna jew entità li tkun f’pożizzjoni li tiddetermina l-iskopijiet kif ukoll il-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali jew, tal-inqas, li tipparteċipa f’din id-determinazzjoni. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 4(7) [tal-GDPR] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (bħal f’dan il-każ l-Artikolu 2(1) tat-[TDVG]) li tipprovdi għal kontrollur speċifiku fis-sens tat-tieni parti tal-frażi fil-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679, iżda:
|
Fuq id-domanda preliminari
|
23 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtar, bħala kontrollur, entità amministrattiva awżiljarja li ma għandhiex personalità ġuridika kif ukoll kapaċità ġuridika proprja, mingħajr ma tispeċifika, b’mod konkret, l-operazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar ta’ data personali li għaliha hija responsabbli din l-entità u lanqas l-għan ta’ dawn l-operazzjonijiet. Din il-qorti tixtieq tkun taf ukoll jekk il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li entità maħtura mid-dritt nazzjonali bħala kontrollur, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, għandha effettivament tiddeċiedi dwar l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali sabiex tkun obbligata twieġeb, bħala kontrollur, għat-talbiet li jsirulha mis-suġġetti tad-data abbażi tad-drittijiet li huma jisiltu mill-GDPR. |
|
24 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, il-kunċett ta’ “kontrollur” ikopri l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-awtoritajiet pubbliċi, id-dipartimenti jew korpi oħra li, waħedhom jew flimkien ma’ oħrajn, jistabbilixxu l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fejn l-iskopijiet u l-mezzi ta’ dan l-ipproċessar huma ddeterminati b’mod partikolari mid-dritt ta’ Stat Membru, il-kontrollur jista’ jinħatar jew il-kriterji speċifiċi applikabbli għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu previsti minn dan id-dritt. |
|
25 |
Minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża, permezz ta’ definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontrollur”, li tiżgura protezzjoni effikaċi u kompleta tas-suġġetti tad-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nacionalinis visuomenės sveikatos centras (C‑683/21, EU:C:2023:949, punt 29 u tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen,C‑807/21, EU:C:2023:950, punt 40). |
|
26 |
L-għan imfittex mill-GDPR, kif jirriżulta kemm mill-Artikolu 1 tiegħu kif ukoll mill-premessi 1 u 10 tiegħu, huwa, b’mod partikolari, dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, sanċit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta u fl-Artikolu 16(1) TFUE (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, IAB Europe,C‑604/22, EU:C:2024:214, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, moqri fid-dawl ta’ dan l-għan, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna jew entità għandhiex tiġi kklassifikata bħala “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk din il-persuna jew din l-entità tiddeterminax, waħedha jew flimkien ma’ oħrajn, l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar jew inkella jekk dawn humiex iddeterminati mid-dritt nazzjonali. Meta tali determinazzjoni titwettaq mid-dritt nazzjonali, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk dan id-dritt jaħtarx il-kontrollur jew jipprevedix il-kriterji speċifiċi applikabbli għall-ħatra tiegħu (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, État belge (Data pproċessata minn ġurnal uffiċjali),C‑231/22, EU:C:2024:7, punt 29). |
|
28 |
Fid-dawl tad-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-RGPD, id-determinazzjoni tal-iskopijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar u, jekk ikun il-każ, il-ħatra ta’ dan il-kontrollur mid-dritt nazzjonali setgħu jkunu mhux biss espliċiti, iżda wkoll impliċiti. F’dan l-aħħar każ, huwa madankollu meħtieġ li din id-determinazzjoni tirriżulta b’mod suffiċjentement ċert mir-rwol, mill-kompitu u mill-kompetenzi mogħtija lill-persuna jew lill-entità kkonċernata (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, État belge (Data pproċessata minn ġurnal uffiċjali),C‑231/22, EU:C:2024:7, punt 30). |
|
29 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li għandha tiġi eżaminata d-domanda preliminari. Għal dan l-għan, għandu, l-ewwel, jiġi ddeterminat sa fejn il-leġiżlatur nazzjonali jista’ validament jaħtar entità amministrattiva awżiljarja fis-servizz tal-awtoritajiet pubbliċi bħala kontrollur, fis-sens tat-tieni sentenza tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, meta din l-entità ma jkollhiex personalità ġuridika u kapaċità ġuridika proprja. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, mill-formulazzjoni ċara tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-RGPD jirriżulta li kontrollur jista’ mhux biss ikun persuna fiżika jew ġuridika, iżda wkoll awtorità pubblika, dipartiment jew korp, u tali entitajiet ma għandhomx neċessarjament personalità ġuridika skont id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, État belge (Data pproċessata minn ġurnal uffiċjali,C‑231/22, EU:C:2024:7, punt 36). |
|
31 |
B’hekk, ma jistax jiġi eskluż li entità tista’ tiġi kklassifikata bħala “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk din ma jkollhiex personalità ġuridika. |
|
32 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-punt dwar jekk il-klassifikazzjoni ta’ entità bħala “kontrollur” teħtieġx l-eżistenza ta’ kapaċità ġuridika proprja ta’ din l-entità, jew jekk huwiex biżżejjed għal dan l-għan li l-entità kkonċernata jkollha ċerta kapaċità ta’ deċiżjoni u ta’ azzjoni fil-kuntest tal-protezzjoni tad-data personali, għandu jitfakkar li mill-premessa 74 tal-GDPR jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li r-responsabbiltà li jaqa’ fuq il-kontrollur tkun identika irrispettivament mill-pproċessar ta’ data personali li huwa jwettaq, kemm jekk huwa stess jew permezz ta’ terz, iżda f’isimha. Dan il-leġiżlatur ried ukoll jiżgura li l-kontrollur jkun obbligat jimplimenta miżuri adatti u effettivi u jkun jista’ juri l-konformità tal-attivitajiet ta’ pproċessar ma’ dan ir-regolament, inkluża l-effettività tal-miżuri. Dawk il-miżuri għandhom jikkunsidraw in-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-iskopijiet tal-ipproċessar u r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi. |
|
33 |
Huwa f’dan ir-rigward li l-Artikolu 5(2) tal-GDPR jistabbilixxi prinċipju ta’ responsabbiltà, li abbażi tiegħu l-kontrollur huwa responsabbli għall-osservanza tal-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data personali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, u jipprevedi li l-imsemmi kontrollur għandu jkun f’pożizzjoni li juri li dawn il-prinċipji huma osservati. |
|
34 |
Fid-dawl tal-obbligi legali li għalihom huwa b’hekk suġġett il-kontrollur imsemmi fil-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, dan għandu, skont il-modalitajiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li jaqa’ taħtu, ikun f’pożizzjoni li jissodisfa, fil-fatt u fid-dritt, dawn l-obbligi, mingħajr ma jkun rilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li din l-entità għandhiex jew le il-personalità ġuridika u kapaċità ġuridika proprja. |
|
35 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-Uffiċċju huwiex awtorizzat mid-dritt Awstrijak sabiex jassumi r-responsabbiltajiet u l-obbligi li l-GDPR jimponi fuq il-kontrollur, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt, mhux ikkontestat quddiem il-qrati nazzjonali li ġew aditi bit-tilwima fil-kawża prinċipali, li l-Uffiċċju jista’ jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, bħalma jista’ jkun is-suġġett ta’ lment quddiem din l-awtorità. Il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-Uffiċċju qabbad lil żewġ impriżi privati sabiex jipproċessaw data personali li tinsab fir-reġistru ċentrali tat-tilqim u f’dak tal-pazjenti residenti fil-Land ta’ Tirol. |
|
36 |
It-tieni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk leġiżlatur nazzjonali jistax jaħtar entità bħala kontrollur, skont it-tieni sentenza tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, mingħajr ma jispeċifika, b’mod konkret, la l-ipproċessar ta’ data personali li din l-entità jista’ jkollha twettaq, la l-iskop tiegħu u lanqas il-mezzi preċiżi li hija tista’ timplimenta għall-finijiet ta’ dan l-ipproċessar. |
|
37 |
Kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, meta d-dritt nazzjonali jaħtar entità bħala kontrollur, id-determinazzjoni tal-iskopijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar minn dan id-dritt tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li din id-determinazzjoni tirriżulta b’mod suffiċjentement ċert mir-rwol, mill-kompitu u mill-kompetenzi mogħtija lil din l-entità. Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta jekk dawn l-iskopijiet u motivi jirriżultaw, essenzjalment, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw l-attività tal-imsemmija entità. |
|
38 |
Il-ħatra diretta, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ entità bħala kontrollur tikkontribwixxi għall-għan ta’ ċertezza legali mfittex mill-GDPR, kif jidher mill-premessa 7 tiegħu, billi tippermetti lill-persuni fiżiċi li d-data personali tagħhom hija suġġetta għal ipproċessar jidentifikaw faċilment l-entità inkarigata li tiżgura r-rispett tad-drittijiet mogħtija lilhom minn dan ir-regolament. |
|
39 |
Il-validità ta’ tali ħatra hija madankollu suġġetta għall-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiddetermina l-portata tal-ipproċessar tad-data personali li għaliha din l-entità hija maħtura responsabbli, mingħajr madankollu ma jkun neċessarju li dan il-leġiżlatur ikun elenka, b’mod eżawrjenti, l-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar li għalihom l-imsemmija entità hija hekk maħtura. Kif tiddikjara l-premessa 45 ta’ dan ir-regolament “[t]ista’ tkun biżżejjed liġi li sservi ta’ bażi għal diversi operazzjonijiet ta’ pproċessar ibbażata fuq obbligu legali li huwa soġġett għalih il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali.” |
|
40 |
Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtar entità bħala kontrollur mingħajr ma telenka espressament l-operazzjonijiet speċifiċi kollha ta’ pproċessar ta’ data personali li hija responsabbli għaliha u lanqas l-iskop ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar hija kompatibbli mal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, sakemm din il-leġiżlazzjoni tiddetermina, espliċitament jew tal-inqas impliċitament, il-portata tal-ipproċessar tad-data personali li għaliha din l-entità hija maħtura responsabbli. |
|
41 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, minn naħa, l-ipproċessar ta’ data personali li l-Uffiċċju wettaq għall-iskopijiet tal-preparazzjoni u sabiex jintbagħtu “ittri ta’ tfakkira ta’ tilqim” inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex kompatibbli mal-iskopijiet li għandhom jissodisfaw l-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali li l-Uffiċċju nħatar bħala l-kontrollur responsabbli għaliha, kif dawn l-iskopijiet jirriżultaw, tal-inqas impliċitament, mid-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali li jirregolaw l-attività tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-mezzi li huwa jista’ jimplimenta għal dan l-għan. Is-sempliċi fatt li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jippreċiżawx, jekk ikun il-każ, b’mod konkret, l-operazzjonijiet ta’ pproċessar li l-Uffiċċju huwa awtorizzat iwettaq, ma jistax jeskludi l-klassifikazzjoni ta’ entità bħall-Uffiċċju bħala kontrollur fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. |
|
42 |
It-tielet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk entità maħtura mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala kontrollur, skont it-tieni sentenza tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, għandhiex ukoll tiddeċiedi hija stess, jew ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, dwar l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali li hija maħtura responsabbli għaliha, sabiex tkun obbligata twieġeb, f’din il-kapaċità, għat-talbiet li jsirulha mis-suġġetti tad-data abbażi tad-drittijiet li huma jisiltu mir-RĠPD. |
|
43 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi osservat sabiex jiġi stabbilit jekk entità tistax titqies bħala kontrollur, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, għandu jiġi eżaminat jekk din l-entità effettivament influwenzatx, għall-iskopijiet tagħha stess, id-determinazzjoni tal-iskopijiet u tal-mezzi ta’ dan l-ipproċessar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nacionalinis visuomenės sveikatos centras (C‑683/21, EU:C:2023:949, punti 30 u 31). |
|
44 |
Min-naħa l-oħra, sabiex tiġi stabbilita l-kwalità ta’ kontrollur ta’ entità, fis-sens tat-tieni sentenza tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, kif jirriżulta mill-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex neċessarju li din l-entità teżerċita influwenza fuq id-determinazzjoni tal-iskopijiet tal-mezzi ta’ dan l-ipproċessar. |
|
45 |
Tali entità, maħtura mid-dritt nazzjonali bħala kontrollur, ma għandhiex għalhekk tiddeċiedi hija stess dwar l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali sabiex ikollha twieġeb, bħala kontrollur, għat-talbiet li s-suġġetti tad-data jressqulha abbażi tad-drittijiet li huma jisiltu mir-RĠPD. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-validità ta’ ħatra diretta ma hijiex affettwata mill-fatt li, skont id-dritt nazzjonali, l-entità maħtura bħala kontrollur ma teżerċita ebda kontroll fuq id-data personali li hija għandha tipproċessa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, État belge (Data pproċessata minn ġurnal uffiċjali,C‑231/22, EU:C:2024:7, punti 37 u 38). |
|
47 |
Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan ta’ ċertezza legali mfittex mill-GDPR. Kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dan l-għan ikun kompromess jekk, sabiex ikun jista’ jitqies li din il-ħatra saret b’mod validu mil-leġiżlatur nazzjonali, is-suġġetti tad-data jkollhom jivverifikaw li l-entità maħtura bħala kontrollur tad-data personali tagħhom għandha s-setgħa li tiddetermina hija stess l-iskopijiet u l-mezzi ta’ tali pproċessar. |
|
48 |
Għandu jingħad ukoll li l-fatt li ma huwiex neċessarju li entità maħtura mid-dritt nazzjonali bħala kontrollur tkun awtorizzata wkoll li tiddeċiedi hija stess l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali sabiex ikollha twieġeb, bħala kontrollur, għat-talbiet li s-suġġetti tad-data jressqulha abbażi tad-drittijiet li huma jisiltu mill-GDPR, ma jċaħħadx madankollu lil dawn il-persuni mill-possibbiltà li jindirizzaw dawn it-talbiet lil entità oħra li huma jqisu bħala responsabbli jew jew responsabbli b’mod konġunt għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom minħabba l-influwenza li din l-entità l-oħra eżerċitat fuq id-determinazzjoni tal-iskopijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar inkwistjoni. |
|
49 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtar, bħala kontrollur, entità amministrattiva awżiljarja li ma għandhiex personalità ġuridika kif ukoll kapaċità ġuridika proprja, mingħajr ma tippreċiża, b’mod konkret, l-operazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar ta’ data personali li għaliha hija responsabbli din l-entità u lanqas l-iskop ta’ dawn l-operazzjonijiet sa fejn, minn naħa, tali entità tkun kapaċi tissodisfa, konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-obbligi imposti fuq kontrollur lejn is-suġġetti tad-data fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tiddetermina, espliċitament jew tal-inqas impliċitament, il-portata tal-ipproċessar tad-data personali li għaliha hija responsabbli din l-entità. |
Fuq l-ispejjeż
|
50 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta; kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtar, bħala kontrollur, entità amministrattiva awżiljarja li ma għandhiex personalità ġuridika kif ukoll kapaċità ġuridika proprja, mingħajr ma tippreċiża, b’mod konkret, l-operazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar ta’ data personali li għaliha hija responsabbli din l-entità u lanqas l-iskop ta’ dawn l-operazzjonijiet sa fejn, minn naħa, tali entità tkun kapaċi tissodisfa, konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-obbligi imposti fuq kontrollur lejn is-suġġetti tad-data fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tiddetermina, espliċitament jew tal-inqas impliċitament, il-portata tal-ipproċessar tad-data personali li għaliha hija responsabbli din l-entità. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.