SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)
19 ta’ Novembru 2025 ( *1 )
“Servizzi diġitali – Regolament (UE) 2022/2065 – Indikazzjoni ta’ pjattaforma online kbira ħafna – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ammissibbiltà – Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament 2022/2065 – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Libertà ta’ intrapriża – Dritt għall-proprjetà – Ugwaljanza fit-trattament – Libertà ta’ espressjoni – Protezzjoni tad-data”
Fil-Kawża T‑367/23,
Amazon EU Sàrl, li assumiet id-drittijiet ta’ Amazon Services Europe Sàrl, stabbilita l-Lussemburgu (il-Grand Dukat tal-Lussemburgu), irrappreżentata minn A. Conrad, M. Frank, R. Spanó u I. Ioannidis, avukati,
rikorrenti,
sostnuta minn
Bundesverband E-Commerce und Versandhandel Deutschland eV (bevh), stabbilita Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. van der Hout u V. Lemonnier, avukati,
intervenjenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati, P. Pernas Castrillo u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Menegatti, E. Ni Chaoimh u L. Taïeb, bħala aġenti,
minn
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Sitbon, N. Brzezinski u M. Moore, bħala aġenti,
u minn
Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC), stabbilit Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn A. Fratini, avukat,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),
komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, K. Kowalik-Bańczyk (Relatriċi), E. Buttigieg, I. Dimitrakopoulos u B. Ricziová, Imħallfin,
Reġistratur: S. Spyropoulos, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara d-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 2024 u d-digriet tas-27 ta’ Settembru 2023 li jirriżerva l-ispejjeż fil-Kawża T‑367/23 R,
wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Amazon EU Sàrl, li assumiet id-drittijiet ta’ Amazon Services Europe Sàrl, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 2746 final tal-25 ta’ April 2023 li tindika l-pjattaforma tagħha Amazon Store bħala pjattaforma online kbira ħafna skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”). |
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti topera l-pjattaforma Amazon Store, ħanut online ta’ prodotti ta’ konsum ikkummerċjalizzati minnha jew minn bejjiegħa terzi. Dan il-ħanut huwa aċċessibbli minn diversi siti internet, fosthom “www.amazon.fr”, “www.amazon.de”, “www.amazon.es”, “www.amazon.it”, “www.amazon.nl”, “www.amazon.pl”, “www.amazon.se” u “www.amazon.com.be”. |
|
3 |
Fis-17 ta’ Frar 2023, ir-rikorrenti indikat, skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1), li n-numru mensili medju ta’ riċevituri attivi fl-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem in-“NMM”) tal-pjattaforma Amazon Store kien ikbar minn 45 miljun. |
|
4 |
Fit-22 ta’ Frar 2023, minn naħa, il-Kummissjoni Ewropea kkomunikat lil Amazon.com, Inc. u lir-rikorrenti l-konklużjonijiet preliminari tagħha li l-pjattaforma Amazon Store kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi indikata bħala pjattaforma online kbira ħafna skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065. |
|
5 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni informat lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065, bl-intenzjoni tagħha li tindika l-pjattaforma Amazon Store bħala pjattaforma online kbira ħafna. |
|
6 |
Fis-27 ta’ Frar 2023, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu informa lill-Kummissjoni li ma kellux osservazzjonijiet x’jagħmel. |
|
7 |
Fil-15 ta’ Marzu 2023, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni u ma kkontestatx il-fatt li l-pjattaforma Amazon Store kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi kklassifikata bħala pjattaforma online kbira ħafna fis-sens tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065. |
|
8 |
Permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat il-pjattaforma Amazon Store, skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065, bħala pjattaforma online kbira ħafna fis-sens tal-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament. |
II. It-talbiet tal-partijiet
|
9 |
Ir-rikorrenti u Bundesverband E-Commerce und Versandhandel Deutschland eV (bevh) jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
10 |
Il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC) jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
11 |
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors. |
III. Id-dritt
|
12 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi bbażati fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 33(1), tal-Artikolu 38 u tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065, rispettivament. |
A. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065
|
13 |
Il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-BEUC isostnu li l-ewwel motiv ma huwiex ammissibbli. |
1. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill
|
14 |
Il-Kunsill isostni li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba li r-rikorrenti ma inkludietx preċiżazzjonijiet suffiċjenti sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tiegħu. Huwa jirrileva, f’dan ir-rigward, li teżisti “kontradizzjoni” bejn il-punti 166 u 203 tar-rikors u li, konsegwentement, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti qegħdix tikkontesta biss il-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata jew jekk qegħdix teċċepixxi, ukoll, l-illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament 2022/2065. Barra minn hekk, huwa jsostni li, fil-każ li r-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità ta’ tali dispożizzjonijiet, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat jekk din tirrigwardax l-Artikolu 33 jew l-Artikoli 34 sa 43 tal-imsemmi regolament. |
|
15 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, kif ukoll mal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors mingħajr, jekk ikun il-każ, il-bżonn ta’ informazzjoni addizzjonali. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt, li fuqhom dan jibbaża ruħu, jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 34). |
|
16 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li huwa possibbli li tiġi ddeterminata bi preċiżjoni suffiċjenti l-portata tal-ewwel motiv mill-qari tar-rikors sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-fondatezza tiegħu. |
|
17 |
Fil-fatt, fil-punti 10 u 12 tar-rikors, ir-rikorrenti tindika li, permezz tal-ewwel motiv tagħha, hija għandha l-intenzjoni tikkontesta l-legalità tal-Artikolu 33 tar-Regolament 2022/2065 minħabba li din id-dispożizzjoni tikser l-Artikoli 7, 11, 16, 17 u 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta”). Bl-istess mod, fil-kuntest tal-argumenti insostenn tal-ammissibbiltà tal-motivi tagħha, hija tfakkar essenzjalment, fil-punti 134 u 135 tar-rikors, li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fil-kuntest tal-ewwel motiv hija diretta kontra l-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, mit-titolu dwar dan l-istess motiv, kif jinsab fir-rikors, jirriżulta li r-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-kriterju ta’ indikazzjoni tal-pjattaformi online kbar ħafna msemmi fl-Artikolu 33(1) tal-imsemmi regolament. Fl-aħħar nett, jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 166 sa 169 u 187 sa 189 tar-rikors li r-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-imsemmi kriterju u, konsegwentement, dik tal-Artikolu 33(1) tar-regolament inkwistjoni sa fejn jissuġġettaha għall-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan l-istess regolament. |
|
18 |
Barra minn hekk, il-fatt, invokat mill-Kunsill, li r-rikorrenti tqis li l-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 tar-Regolament 2022/2065 huma illegali ma huwiex inkompatibbli mal-fatt li, permezz tal-ewwel motiv tagħha, hija teċċepixxi l-illegalità tal-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament minħabba li jimponi fuqha tali obbligi li huma, huma wkoll, illegali. |
|
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm ir-rikorrenti tindika, ċertament, fil-punt 203 tar-rikors, li d-deċiżjoni kkontestata timponilha obbligi li jmorru kontra l-Karta, għandu jitqies li hija ssostni, fir-realtà, li din id-deċiżjoni hija miżura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 li hija, hi stess, illegali sa fejn twassal għall-impożizzjoni fuqha ta’ tali obbligi. |
|
20 |
Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, mir-rikors jirriżulta b’ċarezza suffiċjenti li, permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti qiegħda teċċepixxi l-illegalità tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill żviluppa, huwa stess, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu argument sussidjarju intiż li jiċħad fil-mertu dan il-motiv billi bbaża ruħu fuq tali interpretazzjoni tal-imsemmi motiv. |
|
21 |
Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kunsill għandha tiġi miċħuda. |
2. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni u tal-BEUC
|
22 |
Il-Kummissjoni u l-BEUC isostnu li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament 2022/2065 li ma jikkostitwixxux il-bażi legali tad-Deċiżjoni kkontestata u lanqas ma għandhom rabta ġuridika diretta magħha. |
|
23 |
Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065 u li r-rikorrenti ma teċċepixxix l-illegalità ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li motiv ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament kien ikun ammissibbli, hija tikkonstata madankollu li, minkejja li l-ewwel motiv huwa intiż, formalment, li jeċċepixxi l-illegalità ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rikorrenti ma tikkontestax, fir-realtà, il-fatt li l-postijiet tas-suq jistgħu jiġu suġġetti għall-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament meta n-NMM tagħhom jilħaq 45 miljun. Issa, l-Artikoli 34 sa 43 tal-imsemmi regolament ma għandhomx rabta ġuridika diretta mad-Deċiżjoni kkontestata. |
|
24 |
Min-naħa l-oħra, il-BEUC isostni li r-rikorrenti setgħet tikkontesta l-applikabbiltà tal-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 tar-Regolament 2022/2065 għall-postijiet tas-suq. Madankollu, huwa jsostni li, permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta, fir-realtà, il-legalità tal-imsemmija obbligi bħala tali, meta dawn ma għandhomx rabta ġuridika diretta mad-Deċiżjoni kkontestata. |
|
25 |
Ir-rikorrenti, sostnuta minn bevh, issostni li l-ewwel motiv huwa ammissibbli. |
|
26 |
Skont l-Artikolu 277 TFUE, minkejja l-iskadenza tat-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe parti tista’, f’tilwima li fiha jkun hemm involut att ta’ applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni Ewropea, tinvoka l-motivi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
27 |
Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, b’mod inċidentali, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni indirizzata lilha, il-validità tal-atti ta’ portata ġenerali li jifformaw il-bażi ta’ tali deċiżjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Peress li l-Artikolu 277 TFUE ma huwiex intiż li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ portata ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, l-att li titqajjem l-illegalità tiegħu għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li jkun is-suġġett tar-rikors (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Għalhekk, fil-każ ta’ rikorsi għal annullament imressqa kontra deċiżjonijiet individwali, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li d-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali li jikkostitwixxu l-bażi għall-imsemmija deċiżjonijiet jew li għandhom rabta ġuridika diretta ma’ dawn id-deċiżjonijiet jistgħu validament ikunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li eċċezzjoni ta’ illegalità indirizzata kontra att ta’ portata ġenerali li d-deċiżjoni individwali ma tikkostitwixxix miżura ta’ applikazzjoni tiegħu hija inammissibbli (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-punti 17 sa 20 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti teċċepixxi, fir-rikors, l-illegalità tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, sa fejn din id-dispożizzjoni tissuġġetta ċerti postijiet tas-suq għall-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament. |
|
32 |
It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tista’ teċċepixxi l-illegalità tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, kif jirrikonoxxu essenzjalment il-Kummissjoni u l-BEUC. |
|
33 |
Fil-fatt, l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 jipprovdi li l-obbligi addizzjonali ta’ ġestjoni tar-riskji sistematiċi, previsti mill-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament, japplikaw għall-pjattaformi online li għandhom NMM ta’ 45 miljun jew ikbar, u li huma indikati bħala pjattaformi online kbar ħafna skont l-Artikolu 33(4) tal-imsemmi regolament. |
|
34 |
Skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tindika pjattaforma online bħala pjattaforma online kbira ħafna meta n-NMM tagħha jkun daqs jew ikbar min-numru msemmi fl-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
35 |
Minn dan isegwi li, għalkemm l-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065 jawtorizza lill-Kummissjoni tindika pjattaforma online bħala pjattaforma online kbira ħafna, l-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament jiddetermina l-pjattaformi online li għandhom ikunu s-suġġett ta’ tali indikazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 34 sa 43 tal-imsemmi regolament. |
|
36 |
Għalhekk, il-Kummissjoni qieset, fid-Deċiżjoni kkontestata, li l-pjattaforma Amazon Store kellha tiġi indikata bħala pjattaforma online kbira ħafna “fis-sens tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065”. |
|
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-Deċiżjoni kkontestata, minkejja li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065, tapplika l-kriterju stipulat fl-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, l-eventwali illegalità ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li minnha tirriżulta l-inapplikabbiltà tagħha skont l-Artikolu 277 TFUE, għandha neċessarjament twassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
38 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata għandha rabta ġuridika diretta mal-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
39 |
Minn dan isegwi li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati mill-Kummissjoni u mill-BEUC għandhom jiġu miċħuda. |
3. Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv
|
40 |
Kif ġie indikat fil-punt 31 iktar ’il fuq, permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, sa fejn dan jissuġġetta ċerti postijiet tas-suq għall-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament. |
|
41 |
L-ewwel motiv huwa, essenzjalment, kompost minn ħames partijiet, ibbażati fuq il-fatt li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 jikser rispettivament l-Artikolu 7, l-Artikolu 11(1), l-Artikolu 16, l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 20 tal-Karta. |
a) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta
|
42 |
Ir-rikorrenti, sostnuta minn bevh, tirrileva li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, sa fejn jissuġġetta ċerti postijiet tas-suq għall-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament, jikser l-Artikolu 16 tal-Karta. B’mod iktar partikolari, hija ssostni li dawn l-obbligi jimponulha piż kbir u li, konsegwentement, jikkostitwixxu ndħil fil-libertà ta’ intrapriża. Hija żżid li l-imsemmija obbligi ma humiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-imsemmi regolament. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-obbligi inkwistjoni huma intiżi sabiex inaqqsu r-riskji sistemiċi li ma humiex ikkawżati mill-postijiet tas-suq. Barra minn hekk, hija tikkonstata li l-postijiet tas-suq ma jikkostitwixxux “sistema” u li għalhekk ma jistgħux joħolqu riskji “sistemiċi”. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jadotta miżuri oħra inqas restrittivi sabiex jilħaq l-għanijiet tiegħu. |
|
43 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-BEUC, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti. |
1) Fuq l-eżistenza ta’ ndħil fil-libertà ta’ intrapriża stipulata fl-Artikolu 16 tal-Karta
|
44 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, sa fejn jissuġġetta ċerti postijiet tas-suq għall-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament, jikkostitwixxi ndħil fil-libertà ta’ intrapriża stipulata fl-Artikolu 16 tal-Karta. |
|
45 |
Skont l-Artikolu 16 tal-Karta, il-libertà ta’ intrapriża hija rrikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. |
|
46 |
Konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17) għall-interpretazzjoni tagħha. |
|
47 |
Fl-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, huwa ppreċiżat li “[l]-Artikolu [16 tal-Karta] hu bbażat fuq il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea], li rrikonoxxiet il-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali […] u l-libertà ta’ kuntrattazzjoni [...], u fuq l-Artikolu 119(1) u (3) [TFUE], li jirrikonoxxi l-kompetizzjoni libera”, li “[g]ħandu jinftiehem li dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat b’rispett għall-liġi ta’ l-Unjoni u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali” u li “[d]an id-dritt jista’ jkun soġġett għal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta”. |
|
48 |
B’hekk, għandu jitqies li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 16 tal-Karta tinkludi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Id-dritt għal-libertà ta’ intrapriża jinkludi b’mod partikolari d-dritt, għal kull impriża, li tkun tista’ tuża liberament, fil-limiti tar-responsabbiltà li tinkorri għall-atti tagħha stess, ir-riżorsi ekonomiċi, tekniċi u finanzjarji li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha (sentenzi tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 49, u tal-21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 78). |
|
50 |
Konsegwentement miżura li timponi fuq id-destinatarju tagħha restrizzjoni li tirrestrinġi l-użu liberu tar-riżorsi għad-dispożizzjoni tiegħu tikkostitwixxi indħil fil-libertà ta’ intrapriża, peress li tobbligah jieħu miżuri li jistgħu jinvolvu spiża sinjifikattiva għalih, li jista’ jkollhom impatt kunsiderevoli fuq l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tiegħu jew li jistgħu jeħtieġu soluzzjonijiet tekniċi diffiċli u kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 50, u tas-27 ta’ Ġunju 2024, Gestore dei Servizi Energetici, C‑148/23, EU:C:2024:555, punt 64). |
|
51 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 jissuġġetta lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, fosthom postijiet tas-suq, għall-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament. |
|
52 |
Mill-Artikoli 34 sa 43 tar-Regolament 2022/2065 jirriżulta li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom jidentifikaw, janalizzaw u jevalwaw kwalunkwe riskju sistemiku li jirriżulta mid-disinn jew mill-funzjonament tas-servizz tagħhom (Artikolu 34), li jista’ jkollhom, konsegwentement, jadattaw id-disinn, il-karatteristiċi u l-funzjonament tas-servizz tagħhom, jemendaw il-kundizzjonijiet ġenerali tagħhom u jillimitaw il-preżentazzjoni tar-reklamar (Artikoli 35 u 36), li huma għandhom, bi spejjeż tagħhom stess, ikunu suġġetti għal awditu indipendenti (Artikolu 37), jipproponu għażla għal kull waħda mis-sistemi ta’ rakkomandazzjoni tagħhom li ma hijiex ibbażata fuq it-tfassil ta’ profili (Artikolu 38), jippubblikaw, fuq l-interfaċċa tagħhom, informazzjoni dwar ir-reklamar li huma jxerrdu (Artikolu 39), jippermettu l-aċċess ta’ ċerta data tagħhom lil riċerkaturi (Artikolu 40), joħolqu funzjoni ta’ verifika tal-konformità fi ħdanhom (Artikolu 41), jippubblikaw rapporti ta’ trasparenza (Artikolu 42) u jħallsu tariffa superviżorja lill-Kummissjoni (Artikolu 43). |
|
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikoli 34 sa 43 tar-Regolament 2022/2065 jobbligaw lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jieħdu miżuri li jistgħu jirrappreżentaw, għalihom, spiża sinjifikattiva, li jkollhom impatt kunsiderevoli fuq l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tagħhom jew li jeħtieġu soluzzjonijiet tekniċi diffiċli u kumplessi. |
|
54 |
Konsegwentement, għandu jitqies li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 jikkostitwixxi ndħil fil-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta, peress li jimponi fuq il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna l-obbligu li jissuġġettaw ruħhom għall-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament. |
2) Fuq il-ġustifikazzjoni tal-indħil fil-libertà ta’ intrapriża
|
55 |
Konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali tagħhom u, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u l-libertajiet biss sa fejn dawn ikunu meħtieġa u sa fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet (ara s-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni meta l-azzjoni tiegħu tkun timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u meta jintalab jagħmel evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi (ara s-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak,C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija ppreċiżat li l-azzjoni tal-leġiżlatur fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi timplika tali għażliet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution, C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 76, u tat-8 ta’ Ġunju 2017, Dextro Energy vs Il-Kummissjoni, C‑296/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:437, punt 49). |
|
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’qasam bħal dan inkwistjoni, li timplika setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fid-dawl tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 123, u tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 79). |
|
59 |
Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Karta jirriżulta li l-libertà ta’ intrapriża tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi mill-amministrazzjoni pubblika li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 46). Għalhekk, għandu jitfakkar li l-libertà ta’ intrapriża ma tikkostitwixxix prerogattivi assoluti u li hija għandha, f’kuntest bħal dan inkwistjoni f’dan il-każ, tiġi rrikonċiljata mal-Artikolu 38 tal-Karta li, bħall-Artikolu 169 TFUE, huwa intiż li jiżgura, fil-politiki tal-Unjoni, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 49). B’mod iktar partikolari, għandu jiġi nnotat li l-importanza li għandu l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 50, u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Association of Independent Meat Suppliers u Cleveland Meat Company, C‑579/19, EU:C:2021:665, punt 97). |
|
60 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 ma jaffettwax il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża tal-fornituri ta’ postijiet tas-suq. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligi previsti mill-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament ma jipprekludux l-eżerċizzju tal-attività imprenditorjali bħala tali ta’ dawn il-fornituri, jiġifieri li l-konsumaturi jkunu jistgħu jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ operaturi kummerċjali. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma tikkontestax li dawn l-obbligi huma previsti minn att leġiżlattiv u li, konsegwentement, għandhom jitqiesu li huma previsti mil-liġi fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
|
61 |
Mill-banda l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-indħil fil-libertà ta’ intrapriża huwa manifestament sproporzjonat sa fejn, fl-ewwel lok, il-postijiet tas-suq ma joħolqux riskji sistemiċi fis-sens tar-Regolament 2022/2065, fit-tieni lok, miżuri inqas restrittivi għall-fornituri ta’ dawn il-postijiet tas-suq jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-regolament u, fit-tielet lok, li l-ispejjeż sostnuti mill-imsemmija fornituri huma sinjifikattivi. |
i) Fuq l-eżistenza ta’ riskji sistemiċi maħluqa mill-postijiet tas-suq
|
62 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament 2022/2065 jipprovdi li dan ir-regolament għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern għas-servizzi intermedjarji billi jistabbilixxi regoli armonizzati għal ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli, li jiffaċilita l-innovazzjoni u li fih id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta, inkluż il-prinċipju tal-protezzjoni tal-konsumatur, jiġu protetti b’mod effettiv. |
|
63 |
Il-premessa 75 tar-Regolament 2022/2065 tispjega li “[m]inħabba l-importanza tal-pjattaformi online kbar ħafna, dovuta għall-ilħuq tagħhom, b’mod partikolari espress fl-għadd ta’ riċevituri tas-servizz, fil-faċilitazzjoni tad-dibattitu pubbliku, tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi u tad-disseminazzjoni lill-pubbliku ta’ informazzjoni, opinjonijiet u ideat u minħabba li jinfluwenzaw il-mod ta’ kif ir-riċevituri jiksbu u jikkomunikaw l-informazzjoni online, huwa meħtieġ li jiġu imposti obbligi speċifiċi fuq il-fornituri ta’ dawk il-pjattaformi, minbarra l-obbligi applikabbli għall-pjattaformi online kollha”. |
|
64 |
Il-premessa 76 tar-Regolament 2022/2065 iżżid li “[l]-pjattaformi online kbar ħafna […] jistgħu jikkawżaw riskji soċjetali, differenti fl-ambitu u fl-impatt tagħhom minn dawk ikkawżati minn pjattaformi iżgħar”. Din il-premessa tippreċiża wkoll li “[l]-fornituri ta’ tali pjattaformi online kbar ħafna […] jenħtieġ li jkollhom l-ogħla standard ta’ obbligi ta’ diliġenza dovuta, b’mod proporzjonat mal-impatt soċjetali tagħhom”, li “[l]adarba l-għadd ta’ riċevituri attivi ta’ pjattaforma […] online, ikkalkulat bħala medja fuq perjodu ta’ sitt xhur, jilħaq sehem sinifikanti tal-popolazzjoni tal-Unjoni, ir-riskji sistemiċi li toħloq il-pjattaforma online […] jista’ jkollhom impatt sproporzjonat fl-Unjoni” u li “[t]ali lħuq sinifikanti jenħtieġ li jitqies li jeżisti meta tali għadd jaqbeż livell limitu operattiv stabbilit għal 45 miljun, jiġifieri, numru ekwivalenti għal 10 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni”. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 34(1) tar-Regolament 2022/2065 jinkludi lista ta’ riskji sistemiċi li jistgħu jiġu kkawżati mill-pjattaformi online kbar ħafna. |
|
66 |
Qabelxejn, l-Artikolu 34(1)(a) tar-Regolament 2022/2065 jipprevedi li r-riskji sistemiċi jinkludu t-tixrid ta’ kontenut illegali permezz tal-pjattaformi online kbar ħafna. Skont l-Artikolu 3(h) ta’ dan ir-regolament, dawn huma preċiżament riskji marbuta mat-tixrid ta’ “kwalunkwe informazzjoni, li, fiha nnifisha jew f’relazzjoni għal attività, inklużi l-bejgħ ta’ prodotti […], mhix konformi mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru, irrispettivament mis-suġġett preċiż jew in-natura ta’ dik il-liġi”. |
|
67 |
Sussegwentement, l-Artikolu 34(1)(b) tar-Regolament 2022/2065 jipprovdi li r-riskji sistematiċi jinkludu “kull effett negattiv reali jew prevedibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, partikolarment id-drittijiet fundamentali għad-dinjità tal-bniedem minquxa fl-Artikolu 1 tal-Karta, għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja minquxa fl-Artikolu 7 tal-Karta, għall-protezzjoni tad-data personali minquxa fl-Artikolu 8 tal-Karta, għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta, għan-non-diskriminazzjoni minquxa fl-Artikolu 21 tal-Karta, għar-rispett għad-drittijiet tat-tfal minquxa fl-Artikolu 24 tal-Karta u għal-livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur minquxa fl-Artikolu 38 tal-Karta”; |
|
68 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 34(1)(c) u (d) tar-Regolament 2022/2065 jippreċiża li r-riskji sistemiċi jinkludu “kwalunkwe effett negattiv attwali jew prevedibbli fuq id-diskors ċiviku, il-proċessi elettorali u s-sigurtà pubblika” kif ukoll “kwalunkwe effett negattiv attwali jew prevedibbli fir-rigward tal-vjolenza sessista, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-minorenni u konsegwenzi negattivi serji għall-benessri fiżiku u mentali tal-persuna”. |
|
69 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-postijiet tas-suq ma joħolqux riskji sistemiċi sa fejn dawn ma jifformawx parti minn “sistema”, b’differenza mill-istituzzjonijiet finanzjarji. Fil-fatt, filwaqt li dawn tal-aħħar jifformaw “sistema finanzjarja dinjija” minħabba n-“natura interkonnessa tal-attivitajiet [tagħhom]”, il-postijiet tas-suq ma humiex interdipendenti u ma jikkostitwixxux, konsegwentement, sistema. Minn dan hija tiddeduċi li l-postijiet tas-suq ma jistgħux joħolqu riskji sistemiċi. Hija ssostni wkoll li l-postijiet tas-suq, in-networks soċjali, is-servizzi ta’ kondiviżjoni tal-kontenut u s-servizzi ta’ riċerka lanqas ma jikkostitwixxu “sistema” u li ma jeżistix riskju ta’ kontaġju bejniethom. |
|
70 |
Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, ir-Regolament 2022/2065 ma huwiex intiż li jipprevjeni r-riskji sistemiċi li l-postijiet tas-suq jistgħu joħolqu inkwantu jagħmlu parti minn “sistema”. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 64 iktar ’il fuq, dan ir-regolament għandu l-għan li jnaqqas ir-riskji sistemiċi għas-soċjetà kollha kemm hi sa fejn dawn jistgħu jaffettwaw parti sinjifikattiva mill-popolazzjoni tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-fatt li l-postijiet tas-suq huma indipendenti minn xulxin kif ukoll minn tipi oħra ta’ pjattaformi online u li dawn ma jikkostitwixxux, flimkien, sistema ma jippermettix li jiġi eskluż li dawn il-postijiet tas-suq jistgħu joħolqu wħud mir-riskji sistemiċi msemmija fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament 2022/2065. |
|
71 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li r-reklami u l-kummenti tal-klijenti preżenti fil-postijiet tas-suq jikkonċernaw prinċipalment il-prodotti kkummerċjalizzati f’dawn l-istess postijiet tas-suq. Minn dan hija ddeduċiet li l-postijiet tas-suq ma joħolqux riskji marbuta mal-proċessi demokratiċi, mas-saħħa pubblika, mad-diżinformazzjoni, mad-dinjità tal-bniedem, mal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, mal-ħajja privata, mal-protezzjoni tad-data, mad-diskriminazzjoni u mad-drittijiet tat-tfal. Hija żżid li ma huwiex stabbilit li l-pjattaformi online kbar ħafna jippreżentaw riskji għall-konsumaturi u lanqas li għandhom rwol importanti fil-kummerċjalizzazzjoni illegali ta’ annimali jew ta’ prodotti ffalsifikati jew perikolużi. |
|
72 |
Madankollu, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma tikkontestax li riċevituri tas-servizz jistgħu jużaw reklamar jew kummenti sabiex iwasslu kontenut illegali jew ta’ natura politika u reliġjuża. Għall-kuntrarju, hija stess issostni li l-postijiet tas-suq ipprevedew, fil-kundizzjonijiet ġenerali tagħhom, regoli intiżi li jipprevjenu t-tixrid ta’ kontenut illegali jew li għandhom effett negattiv, b’mod partikolari, fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, id-diskors ċiviku, il-proċessi elettorali jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-minuri. Hija tippreċiża għalhekk li, fil-kundizzjonijiet ġenerali tagħha dwar ir-reklamar, hija pprojbixxiet espressament ir-“reklamar li juri tfal f’sitwazzjoni perikoluża, bħas-sewqan ta’ roti mingħajr elmu; kontenut mhux veritjer, falz jew qarrieqi; reklami oxxeni, kontroversjali, malafamanti, illegali jew intrużivi fir-rigward tal-ħajja privata ta’ oħrajn; kontenut politiku, bħall-kampanji għal jew kontra politiku jew partit politiku, jew b’rabta ma’ elezzjoni, jew kontenut marbut ma’ kwistjonijiet politiċi tad-dibattitu pubbliku; promozzjoni reliġjuża, kemm fid-difiża kif ukoll fil-kritika ta’ reliġjon; [u] kontenut diskriminatorju”. |
|
73 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li prodotti illegali jistgħu jiġu kkummerċjalizzati f’postijiet tas-suq, minkejja li hija tqis li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali prodotti hija iktar probabbli fil-postijiet tas-suq żgħar minħabba li l-postijiet il-kbar jagħtu iktar attenzjoni lir-reputazzjoni tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-postijiet tas-suq jistgħu jintużaw biex ixerrdu kontenut illegali, b’mod partikolari fir-rigward tal-bejgħ ta’ prodotti perikolużi jew mhux konformi, u għalhekk jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-protezzjoni tal-konsumatur. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt, ikkonstatat mill-BEUC, li kontenut illegali huwa fil-fatt preżenti fuq il-pjattaforma Amazon Store, minkejja l-isforzi tagħha sabiex tneħħih. |
|
74 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li prodott perikoluż ma jinxteridx iktar malajr fuq pjattaforma online b’NMM għoli. Madankollu, hija ma tipproduċi ebda element li jista’ jsostni din l-affermazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li pjattaforma online għandha NMM għoli huwa ta’ natura li jżid in-numru ta’ persuni li jistgħu jiksbu l-prodott inkwistjoni. |
|
75 |
Fit-tielet lok, bevh issostni li l-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 tar-Regolament 2022/2065 ma jippermettux li tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi sabiex jingħataw livell ta’ protezzjoni paragunabbli għal dak li jibbenefikaw minnu offline u lanqas, konsegwentement, ma jipprekludu riskji sistemiċi fis-sens tal-Artikolu 34(1) ta’ dan ir-regolament. B’mod iktar partikolari, hija ssostni li l-obbligi previsti speċifikament fl-Artikoli 34 sa 37 tar-Regolament 2022/2065 “imorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet dwar l-‘ambjent offline’” u li dawn huma vagi. |
|
76 |
F’dan ir-rigward, il-premessa 12 tar-Regolament 2022/2065 tindika ċertament li “għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kunċett ta’ ‘kontenut illegali’ jenħtieġ li jirrifletti b’mod wiesa’ r-regoli eżistenti fl-ambjent offline”. Madankollu, minn naħa, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi bevh, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-leġiżlatur ma setax jadotta miżuri iktar restrittivi għall-postijiet tas-suq milli għall-ħwienet “fiżiċi” sabiex jipproteġi lill-konsumaturi. Min-naħa l-oħra, bevh ma tipproduċi ebda element li jista’ jistabbilixxi li n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-Artikoli 34 sa 43 tar-Regolament 2022/2065 ma jippermettilhomx jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-konsumaturi. |
|
77 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li l-postijiet tas-suq li n-NMM tagħhom laħaq 45 miljun setgħu joħolqu diversi riskji sistemiċi msemmija fl-Artikolu 34(1)(a) sa (d) tar-Regolament 2022/2065. |
ii) Fuq il-miżuri alternattivi inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament 2022/2065
|
78 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-leġiżlatur seta’ jadotta miżuri alternattivi inqas restrittivi sabiex jilħaq l-għanijiet tar-Regolament 2022/2065. |
|
79 |
Madankollu, mill-punt 58 iktar ’il fuq jirriżulta li l-libertà ta’ intrapriża tiġi miksura biss meta l-leġiżlatur jadotta miżura manifestament mhux xierqa fir-rigward tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li l-leġiżlatur seta’ adotta miżuri inqas restrittivi ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta. |
|
80 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri inqas restrittivi invokati mir-rikorrenti ma jippermettux, fi kwalunkwe każ, li jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament 2022/2065 b’mod daqstant effikaċi. |
|
81 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-leġiżlatur seta’ jeskludi l-postijiet tas-suq tal-pjattaformi online kbar ħafna msemmija fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 sabiex jillimita l-applikazzjoni tal-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament biss għas-servizzi li jistgħu joħolqu r-riskji sistemiċi msemmija fl-Artikolu 34(1) tal-imsemmi regolament. |
|
82 |
Madankollu, kif irriżulta mill-punt 77 iktar ’il fuq, il-postijiet tas-suq jistgħu joħolqu diversi riskji sistemiċi msemmija fl-Artikolu 34(1)(a) sa (d) tar-Regolament 2022/2065. Konsegwentement, l-esklużjoni tal-postijiet tas-suq tal-pjattaformi online kbar ħafna msemmija fl-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament tista’ tippreġudika l-kapaċità tal-imsemmi regolament li jnaqqas l-imsemmija riskji. |
|
83 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti u bevh isostnu li l-leġiżlatur seta’ jadotta kriterji “kwalitattivi”, kif għamel f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, fosthom is-settur tat-telekomunikazzjonijiet, jew iżomm sistema ta’ preżunzjoni sempliċi, kif għamel fir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU 2022, L 265, p. 1). Ir-rikorrenti żżid li l-indikazzjoni bħala pjattaformi online kbar ħafna tikkonċerna biss numru limitat ta’ pjattaformi online. Minn dan hija tiddeduċi li l-isforz addizzjonali mitlub mill-Kummissjoni sabiex timplimenta dawn il-kriterji ma kienx sproporzjonat fid-dawl tal-kobor tal-ispejjeż li jirriżultaw, għall-imsemmija fornituri, minn tali indikazzjoni. |
|
84 |
F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-Kummissjoni kienet indikat, fl-analiżi tal-impatt annessa mal-proposta tar-Regolament 2022/2065, li kkunsidrat kriterji oħra minbarra l-kriterju tan-NMM, fosthom kriterji “kwalitattivi” li jieħdu inkunsiderazzjoni l-effett soċjetali u ekonomiku tal-pjattaforma online inkwistjoni. Madankollu, hija kkunsidrat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali kriterji kwalitattivi jirrikjedi approċċ ta’ każ b’każ li jista’ jwassal għal inċertezza legali u proċess itwal u iktar għali sabiex jiġu indikati l-pjattaformi online kbar ħafna. |
|
85 |
Issa, la r-rikorrenti u lanqas bevh ma jikkontestaw li tali proċess kien itwal u iktar għali għall-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kriterji invokati mir-rikorrenti kienu ta’ natura li jdewmu l-implimentazzjoni tal-obbligi msemmija fl-Artikoli 34 sa 43 tar-Regolament 2022/2065 u li jċaħħdu lill-Kummissjoni minn parti mir-riżorsi tagħha neċessarji sabiex twettaq sew il-kompiti fdati lilha minn dan ir-regolament. |
|
86 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-leġiżlatur seta’ jissuġġetta, permezz tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għall-obbligu msemmi fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament biss sa fejn dan kien jipprevedi t-tqegħid tar-reġistru għad-dispożizzjoni tar-riċerkaturi u tal-awtoritajiet, iżda mhux tal-pubbliku kollu kemm hu. |
|
87 |
L-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jipprevedi li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom iżommu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, f’taqsima speċifika tal-interfaċċa online tagħhom, permezz ta’ għodda ta’ tiftix affidabbli li tippermetti li jsiru tfittxijiet b’diversi kriterji u permezz ta’ interfaċċi tal-programmi tal-applikazzjoni, reġistru li jkun fih b’mod partikolari l-kontenut tar-reklam, inkluż l-isem tal-prodott, tas-servizz jew tat-trade mark, kif ukoll is-suġġett tar-reklam, il-persuna fiżika jew ġuridika li f’isimha jkun qed jintwera r-reklam, il-perjodu li matulu jkun intwera r-reklam, jekk ir-reklam kienx maħsub biex jintwera speċifikament lil grupp wieħed jew aktar ta’ riċevituri tas-servizz u, jekk iva, il-parametri prinċipali użati għal dan l-għan, inklużi, fejn applikabbli, il-parametri prinċipali użati biex jiġi eskluż grupp wieħed jew aktar minn dawn il-gruppi partikolari u n-numru totali ta’ riċevituri tas-servizz milħuq u, jekk applikabbli, in-numri totali għal kull Stat Membru għall-grupp jew gruppi ta’ riċevituri li għalihom ir-reklam kien speċifikament immirat. |
|
88 |
F’dan ir-rigward, il-premessa 69 tar-Regolament 2022/2065 tippreċiża li r-riċevituri tas-servizz huma suġġetti għal “effetti negattivi partikolarment serji” meta “jiġu ppreżentati b’reklami bbażati fuq tekniki mmirati ottimizzati biex jaqblu mal-interessi tagħhom u potenzjalment jappellaw għall-vulnerabbiltajiet tagħhom”. Il-premessa 95 ta’ dan l-istess regolament iżżid li s-sistemi ta’ reklamar użati mill-pjattaformi online kbar ħafna jeħtieġu “superviżjoni pubblika u regolatorja ulterjuri minħabba l-iskala tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jimmiraw u jilħqu r-riċevituri tas-servizz abbażi tal-imġiba tagħhom fi ħdan u barra mill-interfaċċa online” ta’ dawn il-pjattaformi u li r-reġistru għandu “[j]inkludi informazzjoni kemm dwar il-kriterji tal-immirar kif ukoll dwar il-kriterji tat-twassil, b’mod partikolari meta r-reklami jitwasslu lil persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħall-minuri”. |
|
89 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni ppubblikata skont l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 tippermetti li l-konsumaturi jiġu informati dwar ir-reklamar li għalih huma jkunu esposti. Barra minn hekk, kif jirrileva l-Kunsill, dawn jippermettu wkoll lill-media u lill-assoċjazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi jikkontrollaw ir-reklami mxerrda fuq il-pjattaformi online kbar ħafna, b’mod partikolari bl-għan li jipprekludu l-promozzjoni ta’ prodotti illegali jew mhux xierqa ma’ ċertu pubbliku, bħall-minorenni. Konsegwentement, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni tista’ b’mod partikolari tillimita t-tixrid ta’ kontenut illegali, tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tevita effetti negattivi marbuta mal-protezzjoni tal-minuri. Minn dan isegwi li hija tista’ tipprevjeni diversi riskji sistemiċi skont l-Artikolu 34(1) ta’ dan ir-regolament. Issa, tali għan ikun iktar diffiċli li jintlaħaq jekk ir-riċerkaturi u l-awtoritajiet biss ikollhom aċċess għall-informazzjoni kkonċernata. |
|
90 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-leġiżlatur seta’ jadotta miżuri alternattivi inqas restrittivi sabiex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta. |
iii) Fuq il-kobor tal-ispejjeż sostnuti mill-fornituri tal-postijiet tas-suq
|
91 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 jimponi fuq il-fornituri ta’ postijiet tas-suq spejjeż sinjifikattivi billi jissuġġettahom għall-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament. |
|
92 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li adottat, fl-analiżi tal-impatt tagħha, ipoteżijiet ekonomiċi ftit kredibbli u li ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti spejjeż li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament 2022/2065. Hija ssostni li l-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, fl-espożizzjoni tal-motivi li takkumpanja l-proposta tar-Regolament 2022/2065, li “[f]ir-rigward tal-libertà ta’ intrapriża tal-fornituri ta’ servizzi, l-ispejjeż sostnuti mill-impriżi [kienu] kkumpensati bit-tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-suq intern”, li “[l]-proposta [kienet] tintroduċi garanziji sabiex jitnaqqas il-piż li [kien] impost fuq il-fornituri ta’ servizzi, b’mod partikolari miżuri kontra notifiki ripetuti u mhux ġustifikati u s-superviżjoni minn qabel mill-awtoritajiet pubbliċi tas-sinjalaturi fdati” u li, “[b]arra minn hekk, ċerti obbligi [kienu] jirreferu għall-pjattaformi online kbar ħafna, fejn ta’ spiss [kienu] jidhru r-riskji l-iktar serji u li [kienu] kapaċi jassorbu l-piż addizzjonali”. |
|
93 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex obbligat li jkollu analiżi tal-impatt fiċ-ċirkustanzi kollha u li, fi kwalunkwe każ, tali analiżi tal-impatt ma torbtux (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2024, Il-Litwanja et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 230). Minn dan isegwi li, anki jekk jitqies stabbilit, il-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha, fl-analiżi tal-impatt tagħha, fuq suppożizzjonijiet ekonomiċi ottimisti wisq u ssottovalutat l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex juri li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jikkostitwixxu bħala tali ndħil manifestament sproporzjonat fil-libertà ta’ intrapriża. |
|
94 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-obbligu msemmi fl-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065 jillimita l-kapaċità tagħha li tinforma lill-klijenti tagħha bl-offerti proposti fuq il-pjattaforma tagħha Amazon Store. Hija ssostni li dan l-obbligu, minn naħa, jippreġudika lill-klijenti tagħha billi ma jippermettilhomx isibu faċilment l-iktar prodotti li jistgħu jinteressawhom u, min-naħa l-oħra, ma jippermettix li jiġi evitat riskju sistemiku fis-sens tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, hija tqis li s-sistemi ta’ rakkomandazzjoni bbażati fuq it-tfassil ta’ profili jippermettu li jiġu promossi l-prodotti tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (iktar ’il quddiem is-“SME”) u li, fl-assenza tagħhom, hija tkun obbligata tippromwovi dawk ta’ impriżi iktar magħrufa. Barra minn hekk, hija ssostni li mill-Komunikazzjoni tas-26 ta’ April 2018 tal-Kummissjoni lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata “Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni online: approċċ Ewropew” [COM(2018) 236 final], jirriżulta li din id-dispożizzjoni kienet intiża li tiżgura l-aċċess tal-pubbliku għal diversi sorsi ta’ informazzjoni fuq in-networks soċjali, is-servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut jew is-servizzi ta’ riċerka. Issa, tali għan ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-postijiet tas-suq. |
|
95 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065 jipprovdi li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna li jużaw sistemi ta’ rakkomandazzjoni għandhom joffru mill-inqas għażla waħda għal kull waħda mis-sistemi ta’ rakkomandazzjoni tagħhom li ma tkunx ibbażata fuq it-tfassil ta’ profili, kif iddefinit fil-punt 4 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1). |
|
96 |
Il-punt 4 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679 jiddefinixxi t-tfassil ta’ profili bħala “kwalunkwe forma ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data personali li jikkonsisti fl-użu ta’ data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma’ persuna fiżika, b’mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti ta’ dik il-persuna fiżika”. |
|
97 |
Fir-rigward tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni, il-premessa 70 tar-Regolament 2022/2065 tispjega li “l-mod li bih l-informazzjoni tiġi prijoritizzata u ppreżentata fuq l-interfaċċa online [ta’ pjattaforma online] biex jiġi ffaċilitat u ottimizzat l-aċċess għall-informazzjoni għar-riċevituri tas-servizz għandu rwol ewlieni fl-attivitajiet tal-pjattaforma” u li “[d]an isir, pereżempju, billi l-informazzjoni tiġi ssuġġerita, klassifikata u prijoritizzata b’mod algoritmiku, u ssir distinzjoni fit-test jew f’rappreżentazzjonijiet viżivi oħra, jew billi l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tiġi organizzata b’xi mod ieħor”. Din il-premessa tindika wkoll li “[t]ali sistemi ta’ rakkomandazzjoni jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kapaċità tar-riċevituri li jiksbu informazzjoni u jinteraġixxu mal-informazzjoni online, inkluż biex jiffaċilitaw it-tiftix ta’ informazzjoni rilevanti għar-riċevituri tas-servizz u jikkontribwixxu għal esperjenza mtejba tal-utent” u li “[j]aqdu wkoll rwol importanti fl-amplifikazzjoni ta’ ċerti messaġġi, fid-disseminazzjoni virali tal-informazzjoni u fl-istimolu tal-imġiba online.” |
|
98 |
L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065 huwa intiż li jippermetti lir-riċevituri tal-pjattaformi online kbar ħafna jagħżlu, sa ċertu punt, l-informazzjoni li huma esposti għaliha, kif jirriżulta mill-premessa 70 ta’ dan ir-regolament. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 38 tal-imsemmi regolament jagħti lir-riċevituri l-possibbiltà li jiġu rrakkomandati biss prodotti li l-għażla tagħhom ma tkunx ġiet influwenzata mill-ġbir tad-data personali tagħhom. |
|
99 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065 ma jipprekludix lir-riċevituri ta’ pjattaforma online kbira ħafna milli jużaw sistema ta’ rakkomandazzjoni bbażata fuq it-tfassil ta’ profili. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tippermetti lil dawn ir-riċevituri jmorru lura għal għażla bbażata fuq it-tfassil ta’ profili fil-każ li ma jkunux issodisfatti mir-rakkomandazzjonijiet li jkunu sarulhom fl-assenza ta’ tali tfassil ta’ profili. |
|
100 |
Konsegwentement, għandu jitqies li, kuntrarjament għal dak li ssostni r‑rikorrenti, l-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065 ma jistax jippreġudika lill-konsumaturi tal-postijiet tas-suq. |
|
101 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitqies li l-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065 isaħħaħ id-drittijiet tal-konsumaturi billi joffrilhom il-possibbiltà li jesprimu għażla fir-rigward tal-prodotti proposti lilhom. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tista’ tal-inqas tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u, konsegwentement, tipprevjeni riskju sistemiku skont l-Artikolu 34(1)(b) ta’ dan ir-regolament. |
|
102 |
It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-fatt, invokat mir-rikorrenti, li l-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065 jiffavorixxi lill-impriżi l-kbar għad-detriment tas-SME fil-postijiet tas-suq ma huwiex ta’ natura li juri ksur tal-libertà ta’ intrapriża tal-fornituri ta’ dawn il-postijiet tas-suq. |
|
103 |
Barra minn hekk, minn naħa, sa fejn mill-istudju ekonomiku li jinsab fl-Anness A.2 tar-rikors (iktar ’il quddiem l-“istudju ekonomiku tar-rikorrenti”) jirriżulta li s-sistemi ta’ rakkomandazzjoni bbażati fuq it-tfassil ta’ profili jippermettu kummerċjalizzazzjoni aħjar tal-“prodotti niċċa”, dan ma jippermettix li tiġi spjegata r-raġuni li għaliha l-impriżi l-kbar ma jistgħux jiżviluppaw, fost il-firxa ta’ prodotti tagħhom, tali prodotti intiżi għal pubbliku speċjalizzat. Għalhekk, anki jekk jitqies li s-sistemi ta’ rakkomandazzjoni bbażati fuq it-tfassil ta’ profili jiffavorixxu l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti niċċa, ma huwiex possibbli li minn dan jiġi dedott li tali sistemi huma, min-natura tagħhom, favorevoli għas-SME. |
|
104 |
Min-naħa l-oħra, kif tirrileva essenzjalment il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tispjegax ir-raġuni għalfejn il-postijiet tas-swieq ma humiex f’pożizzjoni li jippermettu lill-konsumaturi jwettqu tfittxijiet skont kriterji fl-interfaċċa tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati prodotti niċċa. |
|
105 |
Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix li l-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065 huwa ta’ natura li joħloq spejjeż sinjifikattivi għas-SME u lanqas, konsegwentement, għall-fornituri tal-postijiet tas-suq. |
|
106 |
It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli l-Komunikazzjoni COM(2018) 236, li toriġina biss mill-Kummissjoni u li ma għandhiex valur vinkolanti, sabiex tqiegħed f’dubju l-legalità tar-Regolament 2022/2065. Barra minn hekk, għalkemm minn din il-komunikazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni xtaqet li l-“utenti” ta’ pjattaformi online jkun jista’ jkollhom aċċess għal “għodod ta’ personalizzazzjoni u ta’ interazzjoni online sabiex ikunu jistgħu jiskopru kontenut b’mod iktar faċli u jkollhom aċċess iktar faċli għal sorsi differenti ta’ informazzjoni li joffru fehmiet kontrastanti” u, għalhekk, sabiex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 38 tal-imsemmi regolament ma jistax jippermetti, barra minn hekk, titjib tal-informazzjoni tal-konsumaturi dwar il-postijiet tas-suq. |
|
107 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tirrileva li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 iwassal għall-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar l-attivitajiet ta’ reklamar ta’ dawk li jirreklamaw fuq il-pjattaforma Amazon Store. Minn dan hija tiddeduċi li din il-pjattaforma hija inqas attraenti għal dawk li jirreklamaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-pjattaformi online li ma humiex indikati li huma pjattaformi online kbar ħafna. Barra minn hekk, hija ssostni li l-implimentazzjoni tal-obbligu previst mill-imsemmija dispożizzjoni twassal għal spejjeż ogħla minn dawk stmati mill-Kummissjoni fl-analiżi tal-impatt tagħha. |
|
108 |
Kif ġie rrilevat fil-punt 87 iktar ’il fuq, l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jipprevedi t-tixrid ta’ informazzjoni lill-pubbliku li tinkludi, b’mod partikolari, il-kontenut tar-reklam, inkluż l-isem tal-prodott, tas-servizz jew tat-trade mark, kif ukoll is-suġġett tar-reklam, il-persuna fiżika jew ġuridika li għan-nom tagħha jiġi ppreżentat ir-reklam, il-perijodu li matulu r-reklam ikun ġie ppreżentat, il-fatt jekk ir-reklam kienx intiż jew le li jiġi ppreżentat speċifikament lil grupp wieħed jew iktar ta’ riċevituri tas-servizz u, jekk iva, il-parametri ewlenin użati għal dan l-għan, inkluż, fejn applikabbli, il-parametri prinċipali użati biex jiġi eskluż wieħed jew iktar minn dawn il-gruppi partikolari u l-għadd totali ta’ riċevituri tas-servizz miksub u, fejn applikabbli, l-għadd totali għal kull Stat Membru għall-grupp jew għall-gruppi ta’ riċevituri fil-mira speċifika tar-reklam. |
|
109 |
Issa, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda element li jista’ jistabbilixxi li t-tixrid tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 ikollu effett negattiv fuq l-attrazzjoni tal-pjattaforma Amazon Store għal dawk li jirreklamaw. |
|
110 |
Fil-fatt, l-istudju ekonomiku tar-rikorrenti sempliċement jirrileva li informazzjoni dwar il-kontenut, l-immirar u s-suċċess ta’ reklam tippermetti lill-kompetituri ta’ min jirreklama li jikkupjaw l-istrateġija tiegħu. Dan l-istudju jippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-informazzjoni dwar is-“suċċess” ta’ reklam hija “kruċjali”. |
|
111 |
Madankollu, ċerta informazzjoni, fosthom dik dwar il-kontenut tar-reklam hija, min-natura tagħha, aċċessibbli għall-pubbliku, indipendentement mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tiżviluppa ebda argument intiż li jistabbilixxi li l-informazzjoni dwar l-immirar ma tistax tiġi dedotta billi tiġi osservata l-pjattaforma kkonċernata u billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodott li huwa s-suġġett tar-reklam inkwistjoni. Barra minn hekk, b’differenza mill-informazzjoni dwar is-suċċess ta’ reklam, hija ma tikkwalifikax dik dwar l-immirar bħala “kruċjali”. |
|
112 |
Fir-rigward tal-informazzjoni dwar is-suċċess ta’ reklam, l-istudju ekonomiku tar-rikorrenti jirreferi għal studju ekonomiku preċedenti tal‑1953, li fir-rigward tiegħu ma huwiex ċert li l-konklużjonijiet jistgħu jkunu applikabbli għall-pjattaformi online. Barra minn hekk, dan l-istudju tar-rikorrenti ma jippreċiżax il-mod kif huwa jiddefinixxi s-suċċess ta’ reklam. Jekk ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tirreferi għal eventwali żieda fil-bejgħ tal-prodott li huwa s-suġġett tar-reklam inkwistjoni, allura huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 ma jipprevedix it-tixrid ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward. |
|
113 |
Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 40(4) u (12) tar-Regolament 2022/2065 jobbligaha tiżvela kwantità “illimitata” ta’ data, fosthom data kunfidenzjali, bl-għan li jiġu studjati “riskji sistemiċi”, meta l-eżistenza ta’ tali riskji ma tkunx stabbilita. |
|
114 |
Skont l-Artikolu 40(4) tar-Regolament 2022/2065, fuq talba motivata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru tal-Istabbiliment, il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom, fi żmien raġonevoli speċifikat fit-talba, jipprovdu aċċess għad-data lir-riċerkaturi vverifikati li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 40(8) ta’ dan ir-regolament unikament sabiex jitwettqu riċerki li jikkontribwixxu għas-sejbien, għall-identifikazzjoni u għall-komprensjoni tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 34(1) tal-imsemmi regolament, u kif ukoll għall-evalwazzjoni tal-adegwatezza, l-effiċjenza u l-effetti tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji skont l-Artikolu 35 ta’ dan l-istess regolament. |
|
115 |
Fost il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 40(8) tar-Regolament 2022/2065, ir-riċerkaturi għandhom juru li huma f’pożizzjoni li josservaw ir-rekwiżiti speċifiċi fil-qasam tas-sigurtà u tal-kunfidenzjalità tad-data li jikkorrispondu għal kull talba kif ukoll li jipproteġu d-data personali. Barra minn hekk, huma għandhom jiddeskrivu, fit-talba tagħhom, il-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li jkunu implimentaw għal dan l-għan. |
|
116 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 40(5) tar-Regolament 2022/2065 jippreċiża li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jistgħu jitolbu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru tal-Istabbiliment jemenda t-talba, meta huma jqisu li ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu l-aċċess għad-data mitluba għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-għoti ta’ tali aċċess iwassal għal vulnerabbiltajiet kbar għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari sigrieti kummerċjali. |
|
117 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 40(12) tar-Regolament 2022/2065 iżid jgħid li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom jagħtu aċċess, mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, għad-data, inkluż, fejn ikun teknikament possibbli, għad-data f’ħin reali, sakemm din id-data tkun pubblikament aċċessibbli fl-interfaċċa online tagħhom għar-riċerkaturi, inklużi dawk affiljati ma’ korpi u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, li josservaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 40(8)(b) sa (e) tal-imsemmi regolament u li jużaw id-data biss sabiex iwettqu riċerki li jikkontribwixxu għas-sejbien, għall-identifikazzjoni u għall-komprensjoni tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni skont l-Artikolu 34(1) ta’ dan l-istess regolament. |
|
118 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, kif ġie rrilevat fil-punt 77 iktar ’il fuq, il-postijiet tas-suq li n-NMM tagħhom jilħaq 45 miljun jistgħu joħolqu diversi riskji sistemiċi msemmija fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament 2022/2065. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 40 ta’ dan ir-regolament, li huwa intiż li jippermetti riċerki li jikkontribwixxu għas-sejbien, għall-identifikazzjoni u għall-komprensjoni ta’ dawn ir-riskji sistemiċi, huwa ta’ natura li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskji sistemiċi maħluqa minn dawn il-postijiet tas-suq. |
|
119 |
It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 40(5) tar-Regolament 2022/2065 jipprevedi l-possibbiltà, għall-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna, li jitlob l-emenda tat-talba għal aċċess għad-data għall-finijiet tal-protezzjoni tad-data kunfidenzjali. Barra minn hekk, jekk minkejja l-emenda tat-talba, l-imsemmi fornitur jkollu jikkomunika tali data, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 40(8) tar-Regolament 2022/2065 jimponi fuq ir-riċerkaturi kkonċernati l-obbligu li juru li huma f’pożizzjoni li jippreżervaw il-kunfidenzjalità tad-data li jirċievu. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-leġiżlatur ma kienx obbligat jiddeskrivi, f’dan ir-regolament, il-miżuri konkreti li r-riċerkaturi jkollhom jadottaw sabiex jippreżervaw il-kunfidenzjalità tad-data li huma jirċievu. Fil-fatt, huwa seta’ sempliċement jobbliga lir-riċerkaturi, minn naħa, juru li huma jkollhom, għal kull talba għal aċċess, il-kapaċità li jippreżervaw is-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data li tkun is-suġġett ta’ din it-talba u, min-naħa l-oħra, jiddeskrivu huma stess il-miżuri tekniċi u organizzattivi li huma jkunu ħadu għal dan l-għan. |
|
120 |
Fil-ħames lok, ir-rikorrenti u bevh isostnu li l-implimentazzjoni tal-obbligi li jinsabu fl-Artikoli 34 sa 43 tar-Regolament 2022/2065 timponi fuq il-fornituri ta’ postijiet tas-suq piżijiet sinjifikattivi, inkluż sabiex jagħmlu bidliet kumplessi fis-sistemi informatiċi tagħhom. Madankollu, huma ma jipproduċu ebda stima tal-ispejjeż marbuta ma’ dawn il-bidliet, inkluż fl-istudju ekonomiku tar-rikorrenti. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li dawn l-ispejjeż huma verament sinjifikattivi, inkluż għal fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna li jista’ jkollhom aċċess għal riżorsi kbar, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie indikat fil-punt 59 iktar ’il fuq, l-importanza li għandu l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi. |
|
121 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti u bevh ma għandhomx bażi sabiex isostnu li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 huwa manifestament mhux xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-regolament u lanqas, konsegwentement, li jikser l-Artikolu 16 tal-Karta. |
|
122 |
Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà, ikkontestata mill-Kummissjoni, ta’ ċerti argumenti mqajma insostenn tagħha fir-replika. |
b) Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 17(1) tal-Karta
|
123 |
Ir-rikorrenti, sostnuta minn bevh, tirrileva li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, sa fejn jissuġġetta ċerti postijiet tas-suq għall-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament, jikser l-Artikolu 17(1) tal-Karta. Hija ssostni li dawn l-obbligi għandhom effett sinjifikattiv fuq l-attivitajiet tagħha u li, konsegwentement, jikkostitwixxu ndħil fid-dritt għall-proprjetà tagħha. |
|
124 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-BEUC, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti. |
|
125 |
Skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta, “[k]ull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt” u “l-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet”. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll li “[l]-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku”. |
|
126 |
Il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 17(1) tal-Karta tirrigwarda drittijiet li għandhom valur patrimonjali li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku, pożizzjoni ġuridika miksuba li tippermetti li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b’mod awtonomu minn u favur il-proprjetarju tagħhom (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 34). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ispejjeż ta’ natura amministrattiva ma jikkostitwixxux indħil fid-dritt għall-proprjetà (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter, 265/87, EU:C:1989:303, punti 16 u 17). |
|
127 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma tiżviluppa ebda argument insostenn tal-affermazzjoni tagħha li l-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 tar-Regolament 2022/2065 jikkostitwixxu ndħil fid-dritt għall-proprjetà tagħha. |
|
128 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-obbligi, previsti fl-Artikoli 34 sa 43 tar-Regolament 2022/2065 u deskritti fil-punt 52 iktar ’il fuq, ċertament jimponu piżijiet amministrattivi fuq il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, iżda ma jċaħħdux lil dawn tal-aħħar mill-proprjetà tal-imsemmija pjattaformi. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li dawn l-obbligi jistgħu jitqiesu bħala ndħil fid-dritt għall-proprjetà tal-fornituri inkwistjoni, għandu jitqies li dan l-indħil huwa, fi kwalunkwe każ, iġġustifikat minn motivi analogi għal dawk esposti fil-punti 62 sa 120 iktar ’il fuq fir-rigward tal-Artikolu 16 tal-Karta. |
|
129 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti u bevh ma għandhomx bażi sabiex isostnu li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 jikser l-Artikolu 17 tal-Karta. |
|
130 |
Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda. |
c) Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta
|
131 |
Ir-rikorrenti, sostnuta minn bevh, tirrileva li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, sa fejn jissuġġetta ċerti postijiet tas-suq għall-obbligi previsti fl-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament, jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stipulat fl-Artikolu 20 tal-Karta. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata li l-Artikolu 33(1) tal-imsemmi regolament jittratta bl-istess mod it-tipi differenti ta’ pjattaformi online, kif ukoll barra minn hekk il-magni ta’ tiftix online, filwaqt li dawn tal-aħħar, in-networks soċjali u s-servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut joħolqu riskji speċifiċi li l-postijiet tas-suq ma joħolqux. Barra minn hekk, hija tirrileva li din id-dispożizzjoni tittratta b’mod differenti sitwazzjonijiet paragunabbli billi teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-bejjiegħa bl-imnut u l-postijiet tas-suq li n-NMM tagħhom huwa inqas minn 45 miljun. |
|
132 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-BEUC, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti. |
|
133 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stipulat b’mod partikolari fl-Artikolu 20 tal-Karta, li jipprovdi li l-persuni kollha huma ugwali fid-dritt. |
|
134 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 55, u tas-6 ta’ Ġunju 2023, O. G. (Mandat ta’ arrest Ewropew kontra ċittadin ta’ Stat terz), C‑700/21, EU:C:2023:444, punt 42). Sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk hemmx jew le tali ksur tal-imsemmi prinċipju, għandu b’mod partikolari jsir riferiment għall-iskop u għall-għan imfittex mid-dispożizzjoni li allegatament tikser dan il-prinċipju (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Piessevaux vs Il-Kunsill, C‑454/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:680, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
135 |
Barra minn hekk, f’qasam bħal dan inkwistjoni, li fih il-leġiżlatur għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta dan il-leġiżlatur jagħmel distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2022, Il-Kummissjoni vs VW et, C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557, punt 127, u tad-9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il-Parlament, C‑714/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:187, punt 48). |
|
136 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-postijiet tas-suq, minn naħa, u n-networks soċjali, is-servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut u l-magni ta’ tiftix online, min-naħa l-oħra, ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-obbligi previsti mill-Artikoli 34 sa 43 tar-Regolament 2022/2065. B’mod iktar partikolari, hija tirrileva li dawn l-obbligi huma intiżi li jipprevjenu riskji li jistgħu jinħolqu minn networks soċjali, minn servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut u minn magni ta’ tiftix online, iżda mhux minn postijiet tas-suq. Minn dan hija tiddeduċi li l-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament japplika, b’mod żbaljat, għal dawn tal-aħħar. |
|
137 |
Madankollu, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 77 iktar ’il fuq, il-postijiet tas-suq li n-NMM tagħhom jilħaq 45 miljun jistgħu joħolqu diversi riskji sistemiċi msemmija fl-Artikolu 34(1)(a) sa (d) tar-Regolament 2022/2065. |
|
138 |
It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni, mingħajr iktar spjegazzjonijiet, li “numru kbir” ta’ obbligi previsti mill-Artikoli 34 sa 43 tar-Regolament 2022/2065 ma humiex intiżi sabiex jipproteġu lill-konsumaturi jew sabiex jipprevjenu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ffalsifikati jew perikolużi, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li hija ma tidentifikax id-dispożizzjonijiet li għalihom hija tirreferi. Barra minn hekk, għalkemm hija ssostni barra minn hekk li l-Artikolu 38 ta’ dan ir-regolament ma jippermettix li titnaqqas il-probabbiltà li konsumatur jiġi espost għal offerti ta’ prodotti illegali, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tikkontribwixxi madankollu għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi għar-raġunijiet indikati fil-punt 101 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, mill-punti 71 sa 74 u 77 iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, ir-riskji kkawżati mill-postijiet tas-suq ma humiex limitati fi kwalunkwe każ għal dawk li għandhom effett negattiv fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi u lanqas għal dawk relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ffalsifikati jew perikolużi. |
|
139 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tat-“tixrid ta’ diskorsi, ta’ kontenut u ta’ informazzjoni”, il-postijiet tas-suq għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħas-servizzi ta’ cloud computing u s-servizzi ta’ hosting ta’ siti internet, li ma jikkostitwixxux pjattaformi online fis-sens tar-Regolament 2022/2065 u li, konsegwentement, ma humiex koperti mill-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
140 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 13 tar-Regolament 2022/2065 tippreċiża li “[s]-servizzi tal-cloud computing jew tal-web hosting jenħtieġ li ma jitqisux bħala pjattaforma online fejn id-disseminazzjoni ta’ informazzjoni speċifika lill-pubbliku tikkostitwixxi karatteristika minuri u anċillari jew funzjonalità minuri ta’ tali servizzi”. Issa, ir-rikorrenti ma tikkontestax li t-tixrid ta’ informazzjoni lill-pubbliku fuq talba ta’ riċevitur tas-servizz ma jikkostitwixxix karatteristika minuri u aċċessorja jew funzjonalità minuri tal-postijiet tas-suq. Konsegwentement, għandu jitqies li l-Artikolu 33(1) tal-imsemmi regolament, sa fejn jirrigwarda l-postijiet tas-suq u mhux ċerti servizzi ta’ cloud computing u ċerti servizzi ta’ hosting ta’ siti internet, ma jagħmilx distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata għall-finijiet tal-prevenzjoni tar-riskji sistemiċi msemmija fl-Artikolu 34(1) tal-imsemmi regolament. |
|
141 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, sa fejn japplika kemm għall-postijiet tas-suq u kif ukoll għan-networks soċjali, għas-servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut u għall-magni ta’ tiftix online, ma jidhirx li huwa manifestament inadegwat sabiex jipprevjeni r-riskji sistemiċi msemmija fl-Artikolu 34(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
142 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-fornituri kollha ta’ postijiet tas-suq, indipendentement min-NMM tagħhom, għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-obbligi previsti mill-Artikoli 34 sa 43 tar-Regolament 2022/2065. Minn dan hija tiddeduċi li l-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament japplika, b’mod żbaljat, għall-fornituri ta’ post tas-suq li n-NMM tagħhom huwa ta’ 45 miljun jew iktar. |
|
143 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li r-riskji relatati mat-tixrid ta’ kontenut illegali huma ikbar fil-postijiet tas-suq żgħar milli f’dawk kbar u li għalhekk huwa paradossali li jiġu imposti obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta’ dawn tal-aħħar. B’mod iktar partikolari, hija tirrileva li l-prodotti illegali, fosthom il-prodotti perikolużi jew iffalsifikati, huma prinċipalment ikkummerċjalizzati fil-postijiet tas-suq żgħar, permezz tan-networks soċjali jew fid-darknet. Hija ssostni li r-riskju li tali prodotti jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fil-postijiet tas-suq kbar huwa baxx. Hija żżid li mill-premessa 72 tar-Regolament 2022/2065 jirriżulta li dan ir-regolament jimponi fuq il-postijiet tas-suq differenti kollha obbligi maħsuba sabiex “jiskoraġġixxu lill-kummerċjanti milli jbigħu prodotti jew servizzi bi ksur tar-regoli applikabbli”. Minn dan hija tiddeduċi li l-leġiżlatur innifsu rrikonoxxa li r-riskji marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti illegali ma kinux jikkostitwixxu riskji sistemiċi u ma kinux jiżdiedu man-numru ta’ riċevituri attivi. |
|
144 |
Madankollu, minn naħa, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-postijiet tas-suq, indipendentement mid-daqs tagħhom, jistgħu jintużaw sabiex tiġi ffaċilitata l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti perikolużi jew illegali. |
|
145 |
Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, il-fatt li r-rikorrenti jew il-fornituri l-oħra ta’ postijiet tas-suq li n-NMM tagħhom jilħaq 45 miljun wettqu, sal-preżent, kontroll effettiv tal-informazzjoni mxerrda fuq il-pjattaformi tagħhom ma huwiex ta’ natura li jeskludi li dawn tal-aħħar jistgħu, fil-futur, jesponu numru kbir ta’ persuni għal kontenut illegali kemm-il darba n-NMM tagħhom jibqa’ ikbar minn jew ugwali għal 45 miljun. Konsegwentement, u kif jirriżulta mill-punti 73, 74 u 77 iktar ’il fuq, għandu jitqies li post tas-suq li n-NMM tiegħu jilħaq 45 miljun jista’ jesponi parti sinjifikattiva tal-Unjoni għal kontenut illegali u, konsegwentement, jista’ jikkawża riskju sistemiku fis-sens tal-Artikolu 34(1)(a) tar-Regolament 2022/2065. |
|
146 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-leġiżlatur fil-premessa 76 tar-Regolament 2022/2065, li l-postijiet tas-suq li n-NMM tagħhom jilħaq 45 miljun jistgħu joħolqu riskji għas-soċjetà li huma differenti, minħabba l-portata u l-impatt tagħhom, minn dawk imputabbli lill-pjattaformi ta’ daqs iżgħar. |
|
147 |
Barra minn hekk, il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li r-Regolament 2022/2065 jimponi obbligi fuq il-postijiet tas-suq kollha maħsuba sabiex jipprevjenu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti perikolużi jew illegali ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-obbligi addizzjonali imposti fuq il-postijiet tas-suq li n-NMM tagħhom jilħaq 45 miljun huma manifestament inadegwati sabiex jipprevjenu r-riskji sistemiċi msemmija fl-Artikolu 34(1) tal-imsemmi regolament. |
|
148 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, sabiex jilħqu NMM li jammonta għal 45 miljun, il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom, fil-prattika, neċessarjament joperaw f’diversi Stati Membri. Minn dan hija tiddeduċi li l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ dawn il-pjattaformi online kbar ħafna ma japplikawx għall-fornituri ta’ pjattaformi online li joperaw fi Stat Membru wieħed, inkluż meta parti kbira mill-popolazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tkun esposta għall-kontenut tal-imsemmija pjattaformi. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li din id-differenza fit-trattament ma hijiex iġġustifikata mill-prevenzjoni ta’ ċerti riskji sistemiċi, fosthom dawk relatati mal-proċess demokratiku, li huma ta’ natura nazzjonali. |
|
149 |
Madankollu, minn naħa, ir-rikorrenti ma tispjegax ir-raġuni għalfejn ċerti riskji huma biss ta’ natura nazzjonali, u dan minkejja li jeżisti, fil-livell tal-Unjoni, proċess demokratiku, kif jirriżulta mill-Artikolu 10 TUE u mill-Artikolu 22(2) TFUE. |
|
150 |
Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 33(2) tar-Regolament 2022/2065 u mill-premessa 76 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-leġiżlatur qies li pjattaforma online setgħet toħloq riskji sistemiċi fil-livell tal-Unjoni meta n-NMM tagħha kien jilħaq jew jaqbeż 10 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni. Issa, għandu jiġi rrilevat li l-pjattaformi online li huma preżenti biss fi Stat Membru wieħed u li n-NMM tagħhom huwa inqas minn 45 miljun, anki jekk parti sinjifikattiva mill-popolazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kienet esposta għall-kontenut tagħhom, għandhom inqas possibbiltà li joħolqu riskji sistemiċi fil-livell tal-Unjoni mill-pjattaformi online li n-NMM tagħhom ikun jaqbeż il-45 miljun. |
|
151 |
Konsegwentement, għandu jitqies li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, sa fejn japplika biss għall-fornituri tal-postijiet tas-suq li n-NMM tagħhom jilħaq 45 miljun, ma jagħmilx distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata għall-finijiet tal-prevenzjoni tar-riskji sistemiċi msemmija fl-Artikolu 34(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
152 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-fornituri tal-postijiet tas-suq għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-bejjiegħa bl-imnut għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-obbligi previsti mill-Artikoli 34 sa 43 tar‑Regolament 2022/2065. Hija tikkonstata, fil-fatt, li l-bejjiegħa bl-imnut, jiġifieri l-impriżi li jikkummerċjalizzaw biss il-prodotti tagħhom stess fuq l-internet, ma humiex koperti mill-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li, bħall-postijiet tas-suq, huma jippermettu wkoll lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ operatur kummerċjali. |
|
153 |
Madankollu, minn naħa, b’differenza mis-siti internet tal-bejjiegħa bl-imnut, il-pjattaformi online jxerrdu informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz. Għalhekk, filwaqt li s-siti internet tal-bejjiegħa bl-imnut ixandru biss, bħala prinċipju, l-informazzjoni tagħhom stess, il-pjattaformi online jistgħu jxerrdu informazzjoni li toriġina minn numru kbir ta’ persuni. Mill-istudju ekonomiku tar-rikorrenti jirriżulta li diversi miljuni ta’ bejjiegħa jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom fuq il-pjattaforma Amazon Store. |
|
154 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju tal-bejjiegħa bl-imnut, il-fornituri ta’ pjattaformi online ma għandhomx neċessarjament għarfien tal-informazzjoni kollha mxerrda fuq il-pjattaformi tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li huma jibbenefikaw, għal din ir-raġuni, minn eżenzjonijiet ta’ responsabbiltà, li r-rikorrenti ma tikkontestax il-legalità tagħhom. Għalhekk, mill-Artikolu 6 tar-Regolament 2022/2065 jirriżulta li dawn il-fornituri ma humiex responsabbli għall-informazzjoni maħżuna fuq talba ta’ riċevitur tas-servizz meta ma jkollhomx għarfien ta’ attività illegali jew ta’ kontenut illegali. L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament iżid, f’dan ir-rigward, li dawn l-istess fornituri ma huma suġġetti għal ebda obbligu ta’ monitoraġġ tal-informazzjoni li jittrażmettu jew jaħżnu jew ta’ tiftix attiv tal-fatti jew ta’ ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali. |
|
155 |
Konsegwentement, għandu jiġi nnotat li, b’differenza mill-bejjiegħa bl-imnut, il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar jistgħu jiffaċilitaw it-tixrid ta’ kontenut illegali mingħajr l-għarfien tagħhom u mingħajr ma r-responsabbiltà tagħhom tkun tista’ tiġi stabbilita. |
|
156 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat, fl-analiżi tal-impatt tagħha, li “s-sitwazzjoni unika tal-akbar pjattaformi online, bħan-networks soċjali jew il-postijiet tas-suq online, [kienet] tikkostitwixxi fattur importanti tal-problemi identifikati”, li “[g]ħadd relattivament limitat ta’ pjattaformi online [kien] jinkludi għadd kbir ħafna ta’ utenti, kemm konsumaturi kif ukoll kummerċjanti” u li “[l]-pjattaformi kbar ħafna [kienu] jippreżentaw livell ogħla ta’ riskju soċjetali u ekonomiku, peress li [kienu] saru de facto spazji pubbliċi u kellhom rwol sistemiku għal miljuni ta’ ċittadini u impriżi”. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li, “[f]i kliem ieħor, dawn [kellhom] impatt ħafna ikbar fuq is-soċjetà u fuq is-suq uniku mill-pjattaformi ta’ daqs iżgħar peress li [kienu] jolqtu pubbliku kbir”. Għalhekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-pjattaformi online kbar ħafna kellhom rwol sinjifikattiv kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-bejjiegħa li jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom fuq dawn il-pjattaformi. Issa, ma huwiex ikkontestat li l-bejjiegħa bl-imnut ma għandhomx tali rwol, tal-inqas fir-rigward ta’ dawn il-bejjiegħa. |
|
157 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, sa fejn japplika għall-fornituri tal-postijiet tas-suq u mhux għall-bejjiegħa bl-imnut, ma jagħmilx distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata għall-finijiet tal-prevenzjoni tar-riskji sistemiċi msemmija fl-Artikolu 34(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
158 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti u bevh ma għandhomx bażi sabiex isostnu li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 jikser l-Artikolu 20 tal-Karta. |
|
159 |
Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda. |
d) Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 11(1) tal-Karta
|
160 |
Ir-rikorrenti, sostnuta minn bevh, tirrileva li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, sa fejn jissuġġetta ċerti postijiet tas-suq għall-obbligu previst mill-Artikolu 38 ta’ dan ir-regolament, jikser il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(1) tal-Karta. Fil-fatt, hija tirrileva li dan l-obbligu jikkonsisti fil-proposta, għal kull sistema ta’ rakkomandazzjoni, ta’ għażla li ma hijiex ibbażata fuq it-tfassil ta’ profili. Għalhekk, l-imsemmi obbligu jippreġudika l-libertà ta’ espressjoni kummerċjali tal-postijiet tas-suq sa fejn dan jipprekludihom milli jippreżentaw il-prodotti l-iktar rilevanti għall-konsumaturi. Barra minn hekk, dan jostakola l-kapaċità tal-bejjiegħa terzi preżenti fil-postijiet tas-suq sabiex jippromwovu b’mod effettiv il-prodotti tagħhom u sabiex jikkomunikaw mal-klijenti tagħhom. Fl-aħħar nett, dan ma huwiex iġġustifikat sabiex jipprevjeni r-riskji sistemiċi msemmija mill-imsemmi regolament. |
|
161 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-BEUC, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti. |
|
162 |
Skont l-Artikolu 11(1) tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed ikollu opinjoni u li wieħed jirċievi u jikkomunika informazzjoni jew ideat mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u irrispettivament mill-fruntieri. |
|
163 |
Fl-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, huwa speċifikat li l-Artikolu 11 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). |
|
164 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-Artikolu 10 tal-KEDB, li jipproteġi l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, japplika b’mod partikolari għat-tixrid minn imprenditur ta’ informazzjoni ta’ natura kummerċjali, b’mod partikolari fil-forma ta’ messaġġi ta’ reklamar (ara s-sentenza tat-3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
165 |
Kif tfakkar fil-punt 95 iktar ’il fuq, l-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065 jipprovdi li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna li jużaw sistemi ta’ rakkomandazzjoni għandhom joffru mill-inqas għażla waħda għal kull waħda mis-sistemi ta’ rakkomandazzjoni tagħhom li ma hijiex ibbażata fuq it-tfassil ta’ profili. |
|
166 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tispjegax ir-raġuni għalfejn l-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065, li japplika biss għall-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, huwa ta’ natura li jista’ jirrestrinġi l-mod kif il-bejjiegħa li jikkummerċjalizzaw prodotti f’post tas-suq jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni kummerċjali tagħhom, inklużi l-messaġġi ta’ reklamar tagħhom. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi ndħil fil-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tal-imsemmija bejjiegħa. |
|
167 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065, sa fejn jobbliga lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna joffru mill-inqas għażla waħda għal kull waħda mis-sistemi ta’ rakkomandazzjoni tagħhom li ma hijiex ibbażata fuq it-tfassil ta’ profili, jirrestrinġi l-mod kif dawn il-fornituri jistgħu jippreżentaw il-prodotti kkummerċjalizzati fuq il-pjattaformi tagħhom fil-każ li r-riċevitur jagħżel tali għażla. |
|
168 |
L-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065 jikkostitwixxi għalhekk indħil fil-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tal-postijiet tas-suq. |
|
169 |
Madankollu, għandu jitfakkar li ma jidhirx li d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta huma prerogattivi assoluti, iżda dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International, C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 63). Kif jirriżulta mill-punt 55 iktar ’il fuq, kull limitazzjoni għal dawn id-drittijiet għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom u għandha, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u effettivament tirrifletti għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ persuni oħra. |
|
170 |
Issa, f’dan il-każ, l-ewwel nett, ma huwiex ikkontestat li l-limitazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065 hija prevista minn att leġiżlattiv u li, konsegwentement, għandha titqies li hija prevista mil-liġi. |
|
171 |
It-tieni nett, il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tal-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna ma huwiex affettwat. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065 ma jinkludix regoli li jirrestrinġu l-libertà li dawn il-fornituri jgawdu sabiex jippreżentaw il-prodotti kkummerċjalizzati fuq il-pjattaformi tagħhom fil-kuntest ta’ sistema ta’ rakkomandazzjoni li ma hijiex ibbażata fuq it-tfassil ta’ profili. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix lill-imsemmija fornituri milli jipproponu sistemi ta’ rakkomandazzjoni bbażati fuq it-tfassil ta’ profili sakemm joffru, barra minn hekk, għażla għal kull waħda minn dawn is-sistemi, li ma tkunx ibbażata fuq it-tfassil ta’ profili. |
|
172 |
It-tielet nett, il-limitazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065 tfittex għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 101 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni tista’ tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilit fl-Artikolu 38 tal-Karta. |
|
173 |
Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-indħil ikkonstatat, għandu jiġi enfasizzat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 10(2) tal-KEDB jirriżulta li l-awtoritajiet ikkonċernati jgawdu minn ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-eżistenza ta’ bżonn soċjali imperattiv li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ espressjoni. Skont din il-ġurisprudenza, dan huwa partikolarment indispensabbli fil-qasam kummerċjali u speċjalment f’qasam daqstant kumpless u varjabbli bħar-reklamar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 91). |
|
174 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu li tiġi proposta mill-inqas għażla waħda għal kull sistema ta’ rakkomandazzjoni li ma hijiex ibbażata fuq it-tfassil ta’ profili, li jinsab fl-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065, jirriżulta minn ibbilanċjar bejn il-libertà ta’ espressjoni kummerċjali tal-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u l-protezzjoni tal-konsumaturi. Għalhekk, il-leġiżlatur seta’ jikkunsidra, mingħajr ma jaqbeż il-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ tiegħu, li l-protezzjoni tal-konsumaturi teħtieġ li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jaċċedu, jekk jixtiequ, għal għażla li ma tkunx ibbażata fuq it-tfassil ta’ profili għal kull waħda mis-sistemi ta’ rakkomandazzjoni użati fuq il-pjattaformi online kbar ħafna. |
|
175 |
Konsegwentement, għandu jitqies li r-rikorrenti u bevh ma għandhomx bażi sabiex isostnu li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 jikser l-Artikolu 11 tal-Karta. |
|
176 |
Minn dan isegwi li r-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda. |
e) Fuq il-ħames parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta
|
177 |
Ir-rikorrenti, sostnuta minn bevh, tirrileva li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, sa fejn jissuġġetta ċerti postijiet tas-suq għall-obbligi previsti fl-Artikoli 39 u fl-Artkolu 40(4) sa (12) ta’ dan ir-regolament, jikser il-protezzjoni tad-data kunfidenzjali stipulata fl-Artikolu 7 tal-Karta. Fil-fatt, minn naħa, l-iżvelar lill-pubbliku tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 39 tal-imsemmi regolament jista’ jikkawża lill-fornituri tal-postijiet tas-suq dannu kummerċjali sinjifikattiv. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 40(4) u (12) ta’ dan l-istess regolament jista’ jwassal għall-komunikazzjoni ta’ numru kbir ta’ informazzjoni lil riċerkaturi. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix garanziji suffiċjenti sabiex tiġi ppreżervata l-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni. Fl-aħħar nett, la l-Artikolu 39 u lanqas l-Artikolu 40(4) u (12) tar-regolament inkwistjoni ma huma ġġustifikati sabiex jipprevjenu r-riskji sistemiċi msemmija f’dan ir-regolament. |
|
178 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-BEUC, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti. |
|
179 |
Skont l-Artikolu 7 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha. |
|
180 |
Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, huwa indikat li d-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 tal-Karta jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8 tal-KEDB. Minn dan jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-limitazzjonijiet li b’mod leġittimu jistgħu jiġu imposti fuq dawn id-drittijiet huma l-istess bħal dawk permessi fil-kuntest tal-Artikolu 8 tal-KEDB. |
|
181 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-kunċett ta’ “ħajja privata” ma jeskludix l-attivitajiet professjonali jew kummerċjali tal-persuni fiżiċi u tal-persuni ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 48, u tad-29 ta’ Lulju 2024, Belgian Association of Tax Lawyers et, C‑623/22, EU:C:2024:639, punt 126). |
|
182 |
F’dan il-każ, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 87 iktar ’il fuq, l‑Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jipprevedi li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom iżommu u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku reġistru li jinkludi informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ reklamar tagħhom, matul it-tul kollu li matulu jippreżentaw ir-reklami kkonċernati u sa sena wara l-aħħar preżentazzjoni tagħhom. Din id-dispożizzjoni tippreċiża, barra minn hekk, li l-imsemmija fornituri għandhom jiżguraw li dan ir-reġistru ma jinkludi ebda data personali tar-riċevituri tas-servizz li lilhom dawn ir-reklami ġew jew setgħu jiġu ppreżentati. |
|
183 |
Min-naħa l-oħra, mill-punti 114 u 117 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 40(4) u (12) tar-Regolament 2022/2065 jipprevedi li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jista’ jkollhom jikkomunikaw informazzjoni differenti, inkluża informazzjoni kunfidenzjali, lil riċerkaturi vverifikati fuq talba motivata tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru tal-Istabbiliment. |
|
184 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 39 u l‑Artikolu 40(4) u (12) tar-Regolament 2022/2065, sa fejn jobbligaw lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jiżvelaw informazzjoni li tista’ tkun kunfidenzjali, jikkostitwixxu ndħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta. |
|
185 |
Madankollu, ma jidhirx li d-drittijiet sanċiti fl-Artikolu 7 tal-Karta huma prerogattivi assoluti, iżda dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 172, u tad-29 ta’ Lulju 2024, Belgian Association of Tax Lawyers et, C‑623/22, EU:C:2024:639, punt 134). Kif jirriżulta mill-punt 55 iktar ’il fuq, kull limitazzjoni għal dawn id-drittijiet għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom u għandha, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u effettivament tirrifletti għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ persuni oħra. |
|
186 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ma huwiex ikkontestat li l-limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 39 u mill-Artikolu 40(4) u (12) tar-Regolament 2022/2065 huma previsti minn att leġiżlattiv u li, konsegwentement, għandhom jitqiesu li huma previsti mil-liġi. |
|
187 |
Fit-tieni lok, il-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna ma huwiex affettwat. |
|
188 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jipprevedi t-tixrid ta’ informazzjoni biss għal żmien limitat u biss fir-rigward ta’ parti ristretta tal-attività ekonomika tal-postijiet tas-suq. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti stess tirrikonoxxi li d-dħul mir-reklamar tagħha jirrappreżenta biss 7 % tad-dħul kollu tagħha. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punti 110 u 112 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix it-tixrid ta’ informazzjoni dwar is-suċċess ta’ reklam, li r-rikorrenti ssostni li hija l-iktar sensittiva fil-livell kummerċjali. Barra minn hekk, parti minn din l-informazzjoni, bħal dik dwar il-kontenut tar-reklami, tal-prodotti u tat-trade marks li huma s-suġġett tar-reklami inkwistjoni, ma hijiex kunfidenzjali. Fl-aħħar nett, din l-istess dispożizzjoni teskludi t-tixrid ta’ kull data personali tar-riċevituri tas-servizz esposti għall-imsemmi reklami. |
|
189 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ċertament sostniet, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li l-Artikolu 39(2)(b) u (c) tar-Regolament 2022/2065 jeħtieġ l-iżvelar tal-identità tal-persuna fiżika li f’isimha ġie ppreżentat ir-reklam jew li kienet ħallset għalih. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali żvelar ma jippermettix, waħdu, li tingħata deskrizzjoni tal-ħajja privata u tal-familja tal-persuna kkonċernata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-iżvelar tal-identità ta’ min jirreklama biss jista’ jikkostitwixxi ksur tal-kontenut essenzjali tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 150 u 151; sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punti 50 sa 52, u tal-21 ta’ Marzu 2024, Landeshauptstadt Wiesbaden, C‑61/22, EU:C:2024:251, punti 80 u 81). |
|
190 |
It-tieni nett, l-Artikolu 40(4) u (12) tar-Regolament 2022/2065 jipprevedi l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni biss fuq talba motivata tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru tal-Istabbiliment u għall-użu ta’ riċerkaturi vverifikati li jkunu wrew b’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 40(8)(d) ta’ dan ir-regolament, li huma f’pożizzjoni li josservaw ir-rekwiżiti speċifiċi fil-qasam tas-sigurtà u tal-kunfidenzjalità tad-data. |
|
191 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi żgurat, l-ewwel nett, li dawn l-obbligi previsti fl-Artikolu 39 u fl-Artikolu 40(4) u (12) tar-Regolament 2022/2065 huma xierqa sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, it-tieni nett, li l-indħil fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata li jista’ jirriżulta mill-imsemmija obbligi huwa limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, fis-sens li l-għan imfittex ma jistax raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra li huma inqas ta’ preġudizzju għal dan id-dritt, u, it-tielet nett, kemm-il darba dan ikun effettivament il-każ, li dan l-indħil ma huwiex sproporzjonat u ma jikkawżax inkonvenjenzi sproporzjonati meta mqabbel mal-imsemmi għan, li jimplika b’mod partikolari bbilanċjar bejn l-importanza tiegħu u l-gravità tal-imsemmi ndħil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2024, Belgian Association of Tax Lawyers et, C‑623/22, EU:C:2024:639, punt 139). F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li d-dritt ta’ ndħil fil-ħajja privata jista’ jestendi lil hinn għal attivitajiet professjonali jew kummerċjali milli f’każijiet oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 29, u tad-29 ta’ Lulju 2024, Belgian Association of Tax Lawyers et, C‑623/22, EU:C:2024:639, punt 127). |
|
192 |
Issa, l-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li ssostni bevh, il-limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 39 mill-Artikolu 40(4) u (12) tar-Regolament 2022/2065 huma xierqa sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 89 u 118 iktar ’il fuq, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jnaqqsu r-riskji sistemiċi sabiex b’mod partikolari jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stipulat fl-Artikolu 38 tal-Karta. |
|
193 |
It-tieni nett, kif jirriżulta mill-punti 86 sa 89 iktar ’il fuq, il-miżuri alternattivi għall-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065, invokati mir-rikorrenti, ma jippermettux li jintlaħaq l-istess livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. |
|
194 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda element ieħor li jista’ jistabbilixxi li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 imur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jippermetti lill-konsumaturi jkollhom għarfien tar-reklami mxerrda fuq il-pjattaformi online kbar ħafna, inklużi dawk li ma jkunux esposti għalihom fid-dawl tal-parametri mmirati użati, u jifhmu r-raġunijiet għaliex, fid-dawl tal-imsemmija parametri, huma esposti għal ċertu reklamar minflok għal ieħor. Hija lanqas ma tipprovdi xi element li jista’ jistabbilixxi li din id-dispożizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex tippermetti lill-media u lill-assoċjazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi jikkontrollaw ir-reklami mxerrda fuq il-pjattaformi online kbar ħafna, b’mod partikolari sabiex tiġi evitata l-promozzjoni ta’ prodotti illegali jew mhux xierqa fost ċertu pubbliku, bħall-minorenni. |
|
195 |
Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda element li jippermetti li jitqies li l-Artikolu 40(4) u (12) tar-Regolament 2022/2065 imur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex ikunu jistgħu jitfittxu s-sejbien, l-identifikazzjoni u l-komprensjoni tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssostnix l-eżistenza ta’ miżuri alternattivi għal din id-dispożizzjoni li jippermettu li jintlaħaq dan l-għan. |
|
196 |
It-tielet nett, minn naħa, kif ġie rrilevat fil-punti 111 u 188 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni mxerrda skont l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 tirrigwarda biss parti limitata tal-attività ekonomika tal-postijiet tas-suq. Barra minn hekk, parti minn din l-informazzjoni, bħal dik dwar il-kontenut tar-reklami, tal-prodotti u tat-trade marks li huma s-suġġett tar-reklami inkwistjoni, ma hijiex kunfidenzjali u l-informazzjoni kummerċjalment l-iktar sensittiva għar-rikorrenti, jiġifieri dik dwar is-suċċess ta’ reklam, ma tagħmilx parti mill-informazzjoni mxerrda skont l-imsemmija dispożizzjoni. |
|
197 |
Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti invokat, waqt is-seduta, l-iżvelar tal-identità tal-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 39(2)(b) u (c) tar-Regolament 2022/2065, għandu jiġi rrilevat li dan l-iżvelar jikkonċerna biss lil dawk li jirreklamaw li għażlu li juru reklami fuq pjattaforma online kbira ħafna. Barra minn hekk, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li r-reġistru ma jinkludix informazzjoni dwar persuna fiżika meta r-reklam ikun ġie ppreżentat u mħallas minn persuna ġuridika. Għalhekk, jibqa’ possibbli, għal dawn il-persuni li jirreklamaw, li jistabbilixxu persuna ġuridika sabiex ma jiżvelawx l-identità tagħhom. |
|
198 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 40(4) u (12) tar-Regolament 2022/2065 sempliċement jipprevedi, f’każijiet partikolari, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lil riċerkaturi vverifikati b’mod li tiġi ppreżervata l-eventwali natura kunfidenzjali tagħha. |
|
199 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-ġurisprudenza tagħha, in-natura u l-importanza tal-interess pubbliku kkostitwit mill-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbla mal-kummerċjanti (ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2019, Aqua Med, C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-għan li l-konsumaturi jiġu protetti huwa iktar u iktar importanti fir-rigward tal-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, bħar-rikorrenti, li, kif ġie rrilevat fil-punt 77 iktar ’il fuq, jistgħu joħolqu riskji sistemiċi għas-soċjetà. |
|
200 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, sa fejn jissuġġetta ċerti postijiet tas-suq għall-obbligi previsti fl-Artikolu 39 fl-Artikolu 40(4) u (12) ta’ dan ir-regolament, ma jikkostitwixxix indħil sproporzjonat fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta u ma jikkawżax inkonvenjenzi sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija. |
|
201 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti u bevh ma għandhomx bażi sabiex isostnu li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 jikser l-Artikolu 7 tal-Karta. |
|
202 |
Fl-aħħar nett, bevh issostni li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 jikser il-protezzjoni tad-data personali protetta fl-Artikolu 8 tal-Karta, sa fejn jissuġġetta ċerti postijiet tas-suq għall-obbligi previsti fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament. Hija ssostni li, fost l-informazzjoni mxerrda skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, hemm “l-identità jew il-persuna ġuridika li għan-nom tagħha jiġi ppreżentat u mħallas ir-reklam”. Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-data personali tista’ tirrigwarda biss il-persuni fiżiċi u mhux il-persuni ġuridiċi, kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta u mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), li għaliha jirreferu dawn l-ispjegazzjonijiet. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li bevh kellha l-intenzjoni li tirreferi għall-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 39(2)(b) u (c) tar-Regolament 2022/2065, għandu jiġi rrilevat li ksur tal-Artikolu 8 tal-Karta jkun, fi kwalunkwe każ, eskluż għar-raġunijiet esposti fil-punti 189 u 197 iktar ’il fuq. |
|
203 |
Konsegwentement, il-ħames parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà, ikkontestata mill-Kummissjoni, ta’ ċerti argumenti mqajma insostenn tagħha fir-replika. |
|
204 |
Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
B. Fuq it-tieni u t-tielet motiv, ibbażati fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 38 u tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 rispettivament
|
205 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tal-Artikolu 38 u tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 rispettivament. |
|
206 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-argument żviluppat fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motiv għandu jinftiehem bħala li ġie żviluppat ukoll fil-kuntest tal-ewwel motiv. |
|
207 |
B’mod iktar partikolari, kif ġie rrilevat fil-punti 19 u 31 iktar ’il fuq, permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065 huwa illegali minħabba li jissuġġetta ċerti postijiet tas-suq għall-obbligi msemmija fl-Artikoli 34 sa 43 ta’ dan ir-regolament, li huma, huma stess, illegali. Mill-punt 32 tar-replika jirriżulta li l-argument tagħha dwar speċifikament l-Artikoli 38 u 39 tal-imsemmi regolament, żviluppat fil-kuntest tal-ewwel motiv, għandu jitqies li ġie żviluppat ukoll fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motiv, u viċeversa. |
|
208 |
Konsegwentement, peress li l-ewwel motiv ġie miċħud bħala infondat, hemm lok, konsegwentement, li jiġu miċħuda wkoll it-tieni u t-tielet motiv bħala infondati, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom, ikkontestata mill-Kummissjoni, mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-BEUC. |
|
209 |
Minn dan kollu premess jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà, ikkontestata mill-Kummissjoni, tat-tieni kap tat-talbiet. |
IV. Fuq l-ispejjeż
|
210 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar. |
|
211 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Il-Parlament u l-Kunsill għandhom għalhekk ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. |
|
212 |
Bl-istess mod, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-BEUC u bevh għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Papasavvas Kowalik-Bańczyk Buttigieg Dimitrakopoulos Ricziová Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Novembru 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.