Artikolu 6 · Azzjonijiet qarrieqa
Fil-qosorSommarju ta' Eureka
Prattika kummerċjali kienet tkun qarrieqa jekk ikun fiha informazzjoni falza, jew tqarraq jew x’aktarx tqarraq bil-konsumatur medju, dwar elementi elenkati bħall-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, il-prezz jew id-drittijiet tal-konsumatur, u twassal jew x’aktarx twassal lill-konsumatur biex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. Il-paragrafu 2 jelenka aktar każijiet, inkluż kummerċjalizzazzjoni li toħloq konfużjoni ma’ kompetitur u ċerti asserzjonijiet ambjentali.
It-test tal-Artikolu 6il-proposta tal-Kummissjoni
Artikolu 6
Azzjonijiet qarrieqa
1.Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha informazzjoni falza u li għalhekk ma tikkorrispondix għall-verità jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq jew x’aktarx tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk l-informazzjoni tkun korretta fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:
(a)l-eżistenza jew in-natura tal-prodott;
(b)il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, inkluż id-disponibbiltà, il-benefiċċji, ir-riskji, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, il-karatteristiċi ambjentali jew soċjali, l-aċċessorji, l-aspetti relatati maċ-ċirkolarità, pereżempju d-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija jew ir-riċiklabbiltà, l-assistenza ta’ wara l-bejgħ għall-konsumatur u t-trattament tal-ilmenti, il-metodi u d-data ta’ manifattura jew tal-provvista, il-kunsinna, l-adegwatezza għall-użu, l-użu, il-kwantità, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi importanti ta’ eżamijiet jew verifiki magħmula tal-prodott;
(c)il-firxa tal-impenji min-naħa tal-kummerċjant, l-għanijiet għall-prattika kummerċjali u n-natura tal-proċess tal-bejgħ, kwalunkwe stqarrija jew simbolu fir-rigward ta’ sponsorizzazzjoni diretta jew indiretta jew approvazzjoni tal-kummerċjant jew tal-prodott;
(d)il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta' vantaġġ speċifiku fil-prezz;
(e)il-bżonn ta’ servizz, parti, sostituzzjoni jew tiswija;
(f)in-natura, l-attributi u d-drittijiet tal-kummerċjant jew tal-aġent tal-kummerċjant, bħall-identità u assi, il-kwalifiki, l-istatus, l-approvazzjoni, l-affiljazzjoni jew il-konnessjonijiet u d-drittijiet fuq proprjetà industrijali, kummerċjali jew intellettwali tal-kummerċjant jew aġent jew il-premji u r-rikonoxximenti mogħtija lill-kummerċjant jew aġent;
(g)id-drittijiet tal-konsumatur, inkluż id-dritt ta’ tibdil jew rimborż skont id-Direttiva (UE) 2019/771, jew ir-riskji li jista’ jiffaċċja l-konsumatur.
2.Prattika kummerċjali għandha wkoll titqies bħala qarrieqa jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, hija tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra, u tinvolvi xi waħda minn dawn:
(a)kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott, inkluż reklamar komparattiv, li joħloq konfużjoni bejn kwalunkwe prodotti, trade marks, ismijiet kummerċjali u marki oħrajn distintivi ta’ kompetitur;
(b)nuqqas ta’ konformità mill-kummerċjant mal-impenji li jinsabu f’dawk il-kodiċijiet ta’ kondotta li magħhom il-kummerċjant impenja ruħu li jirregola lilu nnifsu, fejn jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(I)l-impenn mhux wieħed li jaspira iżda huwa sod u li jista’ jiġi verifikat;
(II)il-kummerċjant jindika fi prattika kummerċjali li l-kummerċjant marbut bil-kodiċi;
(c)kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġett, fi Stat Membru wieħed, bħala identiku għal oġġett kummerċjalizzat fi Stati Membri oħra, meta dak l-oġġett ikun differenti b’mod sinifikanti fil-kompożizzjoni jew fil-karatteristiċi, sakemm dan ma jkunx ġustifikat minn fatturi leġittimi u oġġettivi;
(d)il-formulazzjoni ta’ asserzjoni ambjentali relatata mal-prestazzjoni ambjentali futura mingħajr impenji ċari, oġġettivi, pubblikament disponibbli u verifikabbli stabbiliti fi pjan ta’ implimentazzjoni dettaljat u realistiku li jinkludi objettivi li jistgħu jitkejlu u skadenzi preċiżi u elementi rilevanti oħra neċessarji biex tiġi sostnuta l-implimentazzjoni tiegħu, inkluż l-allokazzjoni tar-riżorsi, u li jiġi vverifikat regolarment minn espert terz indipendenti, li s-sejbiet tiegħu jkunu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi;
(e)ir-reklamar ta’ benefiċċji għall-konsumaturi li huma irrilevanti u li ma jirriżultaw minn ebda karatteristika tal-prodott jew tan-negozju.
Premessi li jispjegaw dan l-Artikolu
- Premessa 33 Sabiex il-konsumaturi jiġu protetti minn prattiki kummerċjali qarrieqa, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopri…
- Premessa 35 Il-kummerċjalizzazzjoni madwar l-Istati Membri ta’ oġġetti bħala identiċi meta fir-realtà jkunu differenti…
- Premessa 44 Sabiex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet informati aħjar u b’hekk iħeġġu d-domanda…
- Premessa 45 L-asserzjonijiet ambjentali, b’mod partikolari l-asserzjonijiet relatati mal-klima, qegħdin ikunu wkoll…
- Premessa 46 Prattika kummerċjali oħra potenzjalment qarrieqa hija r-reklamar ta’ benefiċċji lill-konsumaturi li huma…
Jissostitwixxi
- Artikolu 6 ta’ Direttiva 2005/29/KE (f’dan l-att: Artikolu 6) · Qabbel f’Eureka
Termini definiti f’dan l-att li jintużaw hawn
konsumatur
(1)“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fi prattiki kummerċjali koperti minn dan ir-Regolament, taġixxi għal għanijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna;
Artikolu 3, punt (1)
kummerċjant
(2)“kummerċjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiki kummerċjali koperti minn dan ir-Regolament, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna u kull minn jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;
Artikolu 3, punt (2)
prattika kummerċjali
(3)“prattika kummerċjali” tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġiba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inklużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, marbutin direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew provvista ta’ xi prodott lil konsumaturi;
Artikolu 3, punt (3)
oġġetti
(4)“oġġetti” tfisser oġġetti kif definiti
fl-Artikolu 2, il-punt (5), tad-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
;
Artikolu 3, punt (4)
prodott
(5)“prodott” tfisser kwalunkwe oġġett jew servizz inklużi proprjetà immobbli, servizzi diġitali u kontenut diġitali, kif ukoll drittijiet u obbligi;
Artikolu 3, punt (5)
deċiżjoni tranżazzjonali
(6)“deċiżjoni tranżazzjonali” tfisser kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u b’liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas il-prezz sħiħ jew parti mill-prezz ta’ prodott, iżomm, jiddisponi jew ikompli juża l-prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir-rigward tal-prodott, kemm jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jieħu azzjoni u kemm jekk jiddeċiedi li ma jiħux azzjoni;
Artikolu 3, punt (6)
durabbiltà
(24)“durabbiltà” tfisser durabbiltà kif definit fl-Artikolu 2(13) tad-Direttiva (UE) 2019/771;
Artikolu 3, punt (24)
asserzjoni ambjentali
(25)“asserzjoni ambjentali” tfisser kwalunkwe messaġġ jew rappreżentazzjoni li ma jkunux obbligatorji skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, fi kwalunkwe forma, inkluża rappreżentazzjoni b’test, bi stampi, bi grafika jew b’simbolu, bħal tikketti, ismijiet ta’ ditti, ismijiet ta’ kumpaniji jew ismijiet ta’ prodotti, fil-kuntest ta’ komunikazzjoni kummerċjali, u li jiddikjaraw jew jimplikaw li prodott, kategorija ta’ prodott, ditta jew kummerċjant għandhom impatt pożittiv jew impatt żero fuq l-ambjent jew li huma anqas ta’ ħsara għall-ambjent minn prodotti, kategoriji ta’ prodotti, ditti jew kummerċjanti oħra, rispettivament, jew li jejbu l-impatt tagħhom maż-żmien;
Artikolu 3, punt (25)
kodiċi ta’ kondotta
(32)“kodiċi ta’ kondotta” tfisser kwalunkwe ftehim jew sett ta’ regoli li mhumiex imposti b’liġi, regolament jew disposizzjoni amministrattiva ta’ Stat Membru li jiddefinixxu l-imġiba ta’ kummerċjanti li jassumu l-obbligu li josservaw il-kodiċi b’rabta ma’ prattika kummerċjali jew settur ta’ negozju wieħed jew aktar;
Artikolu 3, punt (32)