Artikolu 7 · Ommissjonijiet qarrieqa
Parti minn: Kummerċjalizzazzjoni tal-influwenzaturi
Fil-qosorSommarju ta' Eureka
Prattika kummerċjali kienet tkun qarrieqa jekk tħalli barra, taħbi jew tipprovdi b’mod mhux ċar tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn biex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali infurmata, u dan iwassal jew x’aktarx iwassal għal deċiżjoni li l-konsumatur ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. L-Artikolu jelenka x’jitqies importanti fi stedina għax-xiri, u għall-klassifikazzjoni fir-riżultati tat-tiftix, għar-riċensjonijiet tal-konsumatur u għal ċerti paragunijiet ta’ prodotti.
It-test tal-Artikolu 7il-proposta tal-Kummissjoni
Artikolu 7
Ommissjonijiet qarrieqa
1.Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għalhekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.
2.Prattika kummerċjali għandha titqies wkoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’mod mhux ċar, mhux intelliġibbli, ambigwu u/jew mhux f’waqtu l-informazzjoni materjali msemmija fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew ma jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x'aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.
3.Jekk il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, għandu jittieħed kont ta’ dawn il-limitazzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi informazzjoni tħallietx barra.
4.F’każ ta’ stedina għax-xiri, l-informazzjoni li ġejja għandha titqies bħala importanti, jekk ma jkunux diġà apparenti mill-kuntest:
(a)il-karatteristiċi prinċipali tal-prodott, safejn xieraq għall-mezz u l-prodott;
(b)l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tal-kummerċjant u, fejn ikun applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant l-ieħor li f’ismu qiegħed jaġixxi l-kummerċjant;
(c)il-prezz inklużi t-taxxi, jew jekk in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kkalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz hu kkalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ħlas ta’ kunsinna jew ħlas postali jew, jekk dawn l-ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kkalkolati minn qabel, il-fatt li tali ammonti ta’ ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;
(d)l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna u eżekuzzjoni, jekk dawn ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali;
(e)għal prodotti u transazzjonijiet li jinvolvu d-dritt ta' rtirar jew ta' kanċellazzjoni, l-eżistenza ta' dan id-dritt;
(f)għal prodotti offruti fi swieq online, jekk il-parti terza li toffri l-prodotti hijiex kummerċjant jew le, abbażi tad-dikjarazzjoni ta’ dik il-parti terza lill-fornitur tas-suq online.
B’deroga mill-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jekk il-kummerċjanti ma jinvolvux ruħhom fil-bejgħ dirett ta’ prodotti lill-konsumaturi, inkluż fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-influwenzaturi, dawn ma għandhomx ikunu meħtieġa jipprovdu l-indirizz ġeografiku tagħhom fi stedina għax-xiri.
5.Jekk il-konsumaturi jingħataw il-possibbiltà li jfittxu prodotti offruti minn kummerċjanti differenti jew minn konsumaturi abbażi ta’ tfittxija fl-għamla ta’ keyword, frażi jew input ieħor, irrispettivament minn fejn finalment jiġu konklużi t-tranżazzjonijiet, l-informazzjoni ġenerali, li tkun disponibbli fit-taqsima speċifika tal-interfaċċa online li hija aċċessibbli b’mod dirett u faċli mill-paġna fejn ir-riżultati tat-tiftix jiġu ppreżentati, dwar il-parametri ewlenin li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti ppreżentati lill-konsumatur bħala riżultat tal-mistoqsija ta’ tiftix u l-importanza relattiva ta’ dawk il-parametri, meta mqabbla ma’ parametri oħrajn, għandha titqies bħala importanti. Dan il-paragrafu ma japplikax għall-fornituri ta’ magni tat-tiftix online kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (6), tar-Regolament (UE) 2019/1150.
6.Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni, għandhom jitqiesu bħala importanti.
7.Jekk kummerċjant jipprovdi aċċess għal riċensjonijiet tal-konsumatur dwar prodotti, l-informazzjoni dwar jekk u kif il-kummerċjant jiżgura li r-riċensjonijiet ippubblikati joriġinaw minn konsumaturi li fil-fatt użaw jew xtraw il-prodott, għandha titqies bħala importanti.
8.Jekk kummerċjant jipprovdi servizz li jqabbel il-prodotti u jagħti lill-konsumatur l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew dwar l-aspetti relatati maċ-ċirkolarità, inkluż id-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija jew ir-riċiklabbiltà, tal-prodotti jew tal-fornituri ta’ dawk il-prodotti, informazzjoni dwar il-metodu tat-tqabbil, il-prodotti li huma l-oġġett tat-tqabbil u l-fornituri ta’ dawk il-prodotti, u l-miżuri biex din l-informazzjoni tinżamm aġġornata għandha titqies bħala informazzjoni importanti.
Premessi li jispjegaw dan l-Artikolu
- Premessa 33 Sabiex il-konsumaturi jiġu protetti minn prattiki kummerċjali qarrieqa, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopri…
- Premessa 34 Il-mod li bih l-informazzjoni tiġi ppreżentata jew inkwadrata jista’ jinfluwenza d-deċiżjonijiet…
- Premessa 36 Ir-rekwiżit li jiġu pprovduti l-identità u l-indirizz ġeografiku tal-kummerċjant fi stedina għax-xiri…
- Premessa 37 Meta l-prodotti jiġu offruti lill-konsumaturi fi swieq online, kemm il-fornitur tas-suq online kif ukoll…
- Premessa 38 Klassifikazzjoni ogħla jew kwalunkwe pożizzjonament prominenti ta’ offerti kummerċjali fi ħdan ir-riżultati…
- Premessa 39 Il-kummerċjanti li jippermettu lill-konsumaturi jfittxu prodotti u servizzi, bħal vjaġġar, akkomodazzjoni u…
- Premessa 40 Ir-rekwiżit tal-informazzjoni dwar il-parametri ewlenin li jiddeterminaw l-ikklassifikar huwa mingħajr…
- Premessa 41 Meta d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward tal-komunikazzjoni kummerċjali…
- Premessa 42 Jenħtieġ li l-informazzjoni meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni biss titqies bħala materjali għall-fini…
- Premessa 43 Il-konsumaturi jistrieħu fuq ir-riċensjonijiet u l-approvazzjonijiet tal-konsumaturi meta jieħdu…
- Premessa 47 It-tqabbil ta’ prodotti abbażi tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew tal-aspetti relatati…
Jissostitwixxi
- Artikolu 7(1) ta’ Direttiva 2005/29/KE (f’dan l-att: Artikolu 7(1)) · Qabbel f’Eureka
- Artikolu 7(2) ta’ Direttiva 2005/29/KE (f’dan l-att: Artikolu 7(2)) · Qabbel f’Eureka
- Artikolu 7(3) ta’ Direttiva 2005/29/KE (f’dan l-att: Artikolu 7(3)) · Qabbel f’Eureka
- Artikolu 7(4) ta’ Direttiva 2005/29/KE (f’dan l-att: Artikolu 7(4)) · Qabbel f’Eureka
- Artikolu 7(4a) ta’ Direttiva 2005/29/KE (f’dan l-att: Artikolu 7(5)) · Qabbel f’Eureka
- Artikolu 7(5) ta’ Direttiva 2005/29/KE (f’dan l-att: Artikolu 7(6)) · Qabbel f’Eureka
- Artikolu 7(6) ta’ Direttiva 2005/29/KE (f’dan l-att: Artikolu 7(7)) · Qabbel f’Eureka
- Artikolu 7(7) ta’ Direttiva 2005/29/KE (f’dan l-att: Artikolu 7(8)) · Qabbel f’Eureka
Termini definiti f’dan l-att li jintużaw hawn
konsumatur
(1)“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fi prattiki kummerċjali koperti minn dan ir-Regolament, taġixxi għal għanijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna;
Artikolu 3, punt (1)
kummerċjant
(2)“kummerċjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiki kummerċjali koperti minn dan ir-Regolament, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna u kull minn jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;
Artikolu 3, punt (2)
prattika kummerċjali
(3)“prattika kummerċjali” tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġiba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inklużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, marbutin direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew provvista ta’ xi prodott lil konsumaturi;
Artikolu 3, punt (3)
oġġetti
(4)“oġġetti” tfisser oġġetti kif definiti
fl-Artikolu 2, il-punt (5), tad-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
;
Artikolu 3, punt (4)
prodott
(5)“prodott” tfisser kwalunkwe oġġett jew servizz inklużi proprjetà immobbli, servizzi diġitali u kontenut diġitali, kif ukoll drittijiet u obbligi;
Artikolu 3, punt (5)
deċiżjoni tranżazzjonali
(6)“deċiżjoni tranżazzjonali” tfisser kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u b’liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas il-prezz sħiħ jew parti mill-prezz ta’ prodott, iżomm, jiddisponi jew ikompli juża l-prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir-rigward tal-prodott, kemm jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jieħu azzjoni u kemm jekk jiddeċiedi li ma jiħux azzjoni;
Artikolu 3, punt (6)
stedina għax-xiri
(8)“stedina għax-xiri” tfisser komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja;
Artikolu 3, punt (8)
diliġenza professjonali
(9)“diliġenza professjonali” tfisser l-istandard ta’ sengħa u ta’ kura speċjali li kummerċjant ikun raġonevolment mistenni li jeżerċita fir-rigward tal-konsumaturi, permezz ta’ prattika onesta fis-suq jew mal-prinċipju ġenerali tal-bona fide fil-qasam ta’ attività tal-kummerċjant;
Artikolu 3, punt (9)
interfaċċa online
(11)“interfaċċa online” tfisser kwalunkwe software, inkluż sit web, parti minn sit web jew applikazzjoni, inkluż applikazzjoni mobbli, li jkunu operati minn jew f’isem kummerċjant u li jservu biex jagħtu lill-konsumaturi aċċess għall-prodotti;
Artikolu 3, punt (11)
suq online
(12)“suq online” tfisser servizz bl-użu ta’ software, inklużi sit web, parti minn sit web jew applikazzjoni, operat minn kummerċjant jew f’ismu li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti jew konsumaturi oħra;
Artikolu 3, punt (12)
klassifikazzjoni
(14)“klassifikazzjoni” tfisser il-prominenza relattiva mogħtija lill-prodotti, kif ippreżentati, organizzati jew ikkomunikati mill-kummerċjant, irrispettivament mill-mezzi teknoloġiċi użati għal tali preżentazzjoni, organizzazzjoni jew komunikazzjoni;
Artikolu 3, punt (14)
kummerċjalizzazzjoni tal-influwenzaturi
(15)“kummerċjalizzazzjoni tal-influwenzaturi” tfisser prattika kummerċjali li biha l-kummerċjanti jużaw il-popolarità tagħhom fost l-udjenza tagħhom biex jippromwovu direttament jew indirettament prodotti bi ħlas;
Artikolu 3, punt (15)
durabbiltà
(24)“durabbiltà” tfisser durabbiltà kif definit fl-Artikolu 2(13) tad-Direttiva (UE) 2019/771;
Artikolu 3, punt (24)