Artikolu 26 · Sistemi awtomatizzati għall-ikkuntrattar f’isem konsumatur ma’ kummerċjant
Parti minn: Servizz tal-klijenti u kuntratti permezz ta’ sistemi awtomatizzati
Fil-qosorSommarju ta' Eureka
Il-kummerċjanti li jagħmlu disponibbli sistemi awtomatizzati li l-konsumaturi jistgħu jużaw biex jikkonkludu u jeżegwixxu kuntratti f’isimhom kien ikollhom jipprovdu għodod biex il-konsumaturi jistabbilixxu u jaġġustaw il-parametri tas-sistemi. Fl-ewwel użu, il-konsumaturi kien ikollhom jagħżlu espressament jekk jikkonfermawx il-kuntratti kollha, tip ċertu ta’ kuntratti biss, jew l-ebda wieħed, qabel ma jkunu marbuta. L-Artikolu ma kienx japplika għall-provvista ta’ servizzi finanzjarji.
It-test tal-Artikolu 26il-proposta tal-Kummissjoni
Artikolu 26
Sistemi awtomatizzati għall-ikkuntrattar f’isem konsumatur ma’ kummerċjant
1.Il-kummerċjanti li jagħmlu disponibbli għall-konsumaturi sistemi awtomatizzati li jistgħu jintużaw mill-konsumaturi biex jikkonkludu u jwettqu kuntratti f’isem il-konsumaturi ma’ dawk il-kummerċjanti jew kummerċjanti oħra għandhom jiżguraw li tali sistemi awtomatizzati jkun fihom għodod faċilment aċċessibbli, li jinftiehmu u effettivi, li jippermettu lill-konsumaturi jesprimu l-għażliet tagħhom u jistabbilixxu u jaġġustaw il-parametri ta’ tali sistemi awtomatizzati msemmija fil-paragrafu 2. Il-konsumaturi għandu jkollhom il-possibbiltà li jimmodifikaw l-għażla espressa u jibdlu l-parametri msemmija fil-paragrafu 2 fi kwalunkwe ħin permezz tal-għodod ipprovduti għal dak l-għan f’konformità ma’ dan il-paragrafu.
2.Il-kummerċjanti li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi sistemi awtomatizzati li jistgħu jintużaw mill-konsumaturi biex jikkonkludu u jwettqu kuntratti f’isem il-konsumaturi għandhom jiżguraw li mal-ewwel użu ta’ sistema awtomatizzata, il-konsumaturi jkunu meħtieġa jagħżlu b’mod espliċitu wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)jekk jixtiqux jikkonermaw il-kuntratti kollha proposti mis-sistema awtomatizzata qabel ma jintrabtu b’tali kuntratti;
(b)jekk jixtiqux jikkonfermaw biss ċertu tip ta’ kuntratti, fuq il-bażi ta’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu stabbiliti mill-konsumatur, inkluż prezz massimu u limitu ta’ żmien għall-applikabbiltà ta’ din l-għażla;
(c)jekk jixtiqux l-ebda konferma ta’ kuntratti qabel ma jkunu marbuta bihom.
3.Kummerċjanti li jagħmlu disponibbli għall-konsumaturi sistemi awtomatizzati li jistgħu jintużaw mill-konsumaturi biex jikkonkludu u jwettqu kuntratti f’isem il-konsumaturi għandhom jibagħtu lill-konsumatur konferma tal-għażla magħmula f’konformità mal-paragrafu 2 fuq mezz durabbli.
4.Il-kummerċjanti li jagħmlu disponibbli għall-konsumaturi sistemi awtomatizzati għall-ikkuntrattar għandhom jiżguraw li tali sistemi awtomatizzati ikunu konformi mal-kriterji li ġejjin:
(a)jekk il-konsumatur ikun għażel li jikkonferma l-kuntratti kollha jew ċerti kuntratti qabel ma jkun marbut bihom, f’konformità mal-paragrafu 2, il-punt (a) jew (b), ta’ dan l-Artikolu, is-sistema awtomatizzata għandha tipprovdi lill-konsumatur mill-inqas l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1), il-punti (a) sa (e), (h) sa (k), (o) u (p), tad-Direttiva 2011/83/UE;
(b)is-sistema awtomatizzata għandha tiddivulga kwalunkwe ħlas riċevut min-negozjanti li jagħmlu disponibbli għall-konsumaturi sistemi awtomatizzati għall-ikkuntrattar talli jipproponu kuntratt u kwalunkwe kunflitt ta’ interess man-negozjanti kkonċernati minn kuntratt propost u, fil-każ ta’ tali ħlas jew kunflitt ta’ interess, tirrikjedi li l-konsumatur jikkonferma l-kuntratt korrispondenti, indipendentement mill-għażla espressa mill-konsumatur f’konformità mal-paragrafu 2.
5.Jekk is-sistema awtomatizzata ta’ kummerċjant tinteraġixxi ma’ konsumatur jew f’ismu, il-kummerċjant u l-fornitur tas-sistema awtomatizzata jistgħu jidentifikaw u jawtentikaw lilhom infushom permezz ta’ Kartiera Ewropea tan-Negozju stabbilita skont ir-Regolament (UE) [Kartieri Ewropej tan-Negozju] jew, permezz tal-użu ta’ Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali maħruġa skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014, kif emendat bir-Regolament (UE) 2024/1183.
6.Il-Kartieri Ewropej tan-Negozju jistgħu jintużaw ukoll biex tiġi identifikata s-sistema awtomatizzata kkonċernata u biex jiġi stabbilit f’isem min taġixxi, sabiex kemm il-kummerċjant kif ukoll il-konsumatur ikunu jistgħu jiddependu fuq informazzjoni affidabbli dwar l-identità tas-sistema u tal-parti li tirrappreżenta. Għalhekk, il-fornituri ta’ sistemi awtomatizzati jistgħu jiżguraw l-interoperabbiltà mal-Kartieri Ewropej tan-Negozju sabiex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni ta’ tali sistemi.
7.Jekk is-sistema awtomatizzata tikkonkludi kuntratt f’isem il-konsumatur bejn kummerċjant u l-konsumatur, is-sistema awtomatizzata użata mill-konsumatur għandha tittrażmetti lil dak il-kummerċjant id-dettalji ta’ kuntatt tal-konsumatur meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, bħall-indirizz elettroniku u l-indirizz ġeografiku.
8.Wara l-konklużjoni ta’ kuntratt mill-konsumatur ma’ kummerċjant permezz ta’ sistema awtomatizzata, dak il-kummerċjant għandu jibgħat lill-konsumatur konferma tal-kuntratt konkluż skont l-Artikolu 8(7) tad-Direttiva 2011/83/UE, fuq mezz li jservi għal żmien twil, b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem.
9.In-negozjanti ma għandhomx ifasslu, jorganizzaw jew joperaw l-interfaċċi online tagħhom b’mod li jirrikjedi li l-konsumaturi jużaw sistemi awtomatizzati biex jaċċessaw jew jikkonkludu tranżazzjonijiet kummerċjali fuq l-interfaċċi online tan-negozjanti.
10.Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-forniment ta’ servizzi finanzjarji.
Premessi li jispjegaw dan l-Artikolu
- Premessa 77 Is-sistemi awtomatizzati pprogrammati biex jinteraġixxu ma’ persuni fiżiċi jew ma’ sistemi awtomatizzati oħra…
- Premessa 78 Il-konsumaturi jistgħu jużaw sistemi awtomatizzati, inklużi dawk ipprovduti minn partijiet terzi…
- Premessa 79 Jekk is-sistemi awtomatizzati jinteraġixxu man-negozjanti f’isem il-konsumaturi, huwa importanti li ż-żewġ…
- Premessa 80 Jenħtieġ li l-kummerċjanti li jagħmlu disponibbli għall-konsumaturi sistemi awtomatizzati għall-ikkuntrattar…
Termini definiti f’dan l-att li jintużaw hawn
konsumatur
(1)“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fi prattiki kummerċjali koperti minn dan ir-Regolament, taġixxi għal għanijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna;
Artikolu 3, punt (1)
kummerċjant
(2)“kummerċjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiki kummerċjali koperti minn dan ir-Regolament, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna u kull minn jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;
Artikolu 3, punt (2)
interfaċċa online
(11)“interfaċċa online” tfisser kwalunkwe software, inkluż sit web, parti minn sit web jew applikazzjoni, inkluż applikazzjoni mobbli, li jkunu operati minn jew f’isem kummerċjant u li jservu biex jagħtu lill-konsumaturi aċċess għall-prodotti;
Artikolu 3, punt (11)
sistema awtomatizzata
(21)“sistema awtomatizzata” tfisser software li jkun kapaċi jwettaq azzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet li jipproduċu effetti legali għall-utent tiegħu, inkluż il-konklużjoni ta’ kuntratti, mingħajr il-ħtieġa ta’ intervent mill-bniedem;
Artikolu 3, punt (21)
mezz durabbli
(34)“mezz durabbli” tfisser mezz durabbli kif definit fl-Artikolu 2(10) tad-Direttiva 2011/83/UE.
Artikolu 3, punt (34)